IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.1.2026
COM(2026) 36 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar l-istatus tal-espansjoni tal-produzzjoni ta’ għelejjel tal-ikel u tal-għalf rilevanti madwar id-dinja
I.INTRODUZZJONI
Id-Direttiva (UE) 2018/2001 (id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli) tintroduċi approċċ immirat biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet minn tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC) assoċjat ma’ bijofjuwils konvenzjonali, bijolikwidi u fjuwils tal-bijomassa. Din tistabbilixxi limitu fuq il-bijofjuwils, il-bijolikwidi, u l-fjuwils tal-bijomassa prodotti minn għelejjel tal-ikel jew tal-għalf li għalihom ġiet osservata espansjoni sinifikanti fuq art b’ħażna għolja tal-karbonju (fjuwils b’riskju għoli ta’ ILUC). Dan il-limitu japplika għall-ammont ta’ dawn il-fjuwils li jistgħu jingħaddu mal-miri għall-enerġija rinnovabbli stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Il-limitu għandu jonqos gradwalment għal żero sal-2030. Il-bijofjuwils, il-bijolikwidi u l-fjuwils tal-bijomassa li huma ċċertifikati bħala li għandhom riskju baxx ta’ ILUC (fjuwils b’riskju baxx ta’ ILUC) huma eżentati mil-limitu.
Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/807 (ir-“Regolament Delegat dwar l-ILUC”) jissupplimenta d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli billi jistabbilixxi ż-żewġ kriterji biex jiġi ddeterminat meta l-materja prima għall-produzzjoni ta’ bijofjuwils, bijolikwidi u fjuwils tal-bijomassa tkun ta’ riskju għoli ta’ ILUC, kif ukoll regoli għaċ-ċertifikazzjoni ta’ fjuwils b’riskju baxx ta’ ILUC (ara l-Kapitolu III).
L-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat dwar l-ILUC jipprevedi li, biex tiġi ddeterminata l-materja prima b’riskju għoli ta’ ILUC, iridu japplikaw żewġ kriterji b’mod kumulattiv (ara l-kaxxa ta’ hawn taħt). L-ewwel kriterju huwa relatat mal-espansjoni annwali medja taż-żona ta’ produzzjoni globali tal-materja prima mill-2008. Biex materja prima tiġi kkaratterizzata bħala riskju għoli ta’ ILUC, l-espansjoni annwali medja trid tkun ogħla minn 1% u taffettwa aktar minn 100,000 ettaru. It-tieni kriterju jikkonċerna s-sehem ta’ tali espansjoni f’art b’ħażna għolja tal-karbonju. Biex materja prima tiġi kkaratterizzata bħala riskju għoli ta’ ILUC, dan is-sehem irid ikun ogħla minn 10% kif ikkalkolat skont il-formula ta’ hawn taħt.
|
Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-materja prima b’riskju għoli ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art li għaliha tiġi osservata espansjoni sinifikanti taż-żona tal-produzzjoni f’art b’ħażna għolja tal-karbonju, għandhom japplikaw il-kriterji kumulattivi li ġejjin:
(a) l-espansjoni annwali medja taż-żona ta’ produzzjoni globali tal-materja prima mill-2008 hija ogħla minn 1% u taffettwa aktar minn 100,000 ettaru;
(b) is-sehem ta’ tali espansjoni f’art b’ħażna għolja tal-karbonju huwa ogħla minn 10%, f’konformità mal-formula li ġejja:
Fejn:
xhcs = is-sehem tal-espansjoni f’art b’ħażna għolja tal-karbonju;
xf = is-sehem tal-espansjoni f’art imsemmi fl-Artikolu 29(4)(b) u (c) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;
xp = is-sehem tal-espansjoni f’art imsemmi fl-Artikolu 29(4)(a) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 inkluż it-torbieri;
PF = il-fattur tal-produttività.
Il-PF għandu jkun 1.7 għall-qamħirrum, 2.5 għaż-żejt tal-palm, 3.2 għall-pitrava ħelwa, 2.2 għall-kannamiela u 1 għall-għelejjel l-oħra kollha.
L-applikazzjoni tal-kriterji fil-punti (a) u (b) ta’ hawn fuq għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni inkluża fl-Anness, kif riveduta f’konformità mal-Artikolu 7.
|
L-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat dwar l-ILUC, li jistabbilixxi kriterji għad-determinazzjoni ta’ materja prima b’riskju għoli ta’ ILUC.
Mar-Regolament Delegat dwar l-ILUC inhemeż rapport tal-Kummissjoni dwar l-istatus tal-espansjoni tal-produzzjoni ta’ għelejjel tal-ikel u tal-għalf rilevanti madwar id-dinja (“ir-rapport tal-Kummissjoni tal-2019 dwar l-ILUC”). Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat dwar l-ILUC, il-Kummissjoni hija meħtieġa tirrieżamina dak ir-rapport, li huwa l-objettiv ta’ dan ir-rapport. L-Artikolu 26(2), il-ħames subparagrafu tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli jirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tirrieżamina l-kriterji stabbiliti fir-Regolament Delegat dwar l-ILUC u li tinkludi trajettorja biex gradwalment tnaqqas il-kontribut ta’ fjuwils b’riskju għoli ta’ ILUC għall-mira ġenerali tal-Unjoni u għas-sehem minimu ta’ 29% ta’ enerġija rinnovabbli jew il-mira tat-tnaqqis ta’ 14.5% fl-intensità tal-gassijiet serra fis-settur tat-trasport, kif imsemmi fl-Artikolu 25(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.
II.AĠĠORNAMENT U VALUTAZZJONI TAD-DATA XJENTIFIKA DISPONIBBLI
Biex jiġi appoġġat ir-rieżami tar-rapport tal-Kummissjoni tal-2019 dwar l-ILUC, li kien ibbażat fuq valutazzjoni mwettqa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni, sar studju bil-għan li tiġi aġġornata d-data dwar l-espansjoni tal-materja prima, fid-dawl ta’ evidenza xjentifika ġdida. L-istudju ġie żviluppat f’żewġ fażijiet u wettqu konsorzju mmexxi minn Guidehouse. Twettaq rieżami tal-letteratura, u l-istatistika dwar l-espansjoni tal-materja prima globali ġiet aġġornata. Ir-rieżami tal-letteratura kkonferma l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-2019 li l-biċċa l-kbira tal-istudji jiffokaw fuq reġjuni speċifiċi u għelejjel speċifiċi minflok ma jipprovdu aktar riżultati globali. Il-letteratura identifikata tkopri r-reġjuni tal-Amerka Latina, tal-Asja tax-Xlokk (prinċipalment l-Indoneżja u l-Malażja) u tal-Afrika tal-Punent li huma magħrufa li għandhom riskju akbar ta’ deforestazzjoni. Ir-riżultati ewlenin ta’ dan l-eżerċizzju huma miġbura fil-qosor hawn taħt skont il-materja prima.
Għas-sojja, il-letteratura xjentifika tiffoka primarjament fuq il-pajjiżi tal-Amerka t’Isfel. Studji ġodda jivvalutaw ir-rabta tal-espansjoni tas-sojja f’mergħat u l-espansjoni konsegwenti tal-mergħat f’art b’ħażna għolja tal-karbonju, kif ukoll l-impatt ta’ politiki ġodda, bħall-Moratorju fuq is-Sojja u l-kodiċi l-ġdid Brażiljan dwar il-foresti fil-Brażil. Studju minnhom sab li l-inizjattivi ta’ politika wasslu għal tnaqqis fir-rati tad-deforestazzjoni iżda ddevjaw il-produzzjoni l-ġdida tas-sojja f’żoni kkonvertiti aktar antiki, bħal mergħat. Studju ieħor analizza bl-istess mod ir-rabta bejn l-espansjoni tas-sojja u tal-mergħat, u sab li l-espansjoni tas-sojja sseħħ b’mod komuni fil-mergħat, li min-naħa l-oħra din tixpruna l-espansjoni tal-mergħat u b’hekk il-konverżjoni tal-użu tal-art ta’ art b’ħażna għolja tal-karbonju. Bejn l-2006 u l-2017, iż-żoni li jipproduċu l-fażola tas-sojja f’Mato Grosso żdiedu minn 5.8 għal 9.3Mha, żieda ta’ 59.5%. Barra minn hekk, studju differenti sab li bejn l-2000 u l-2019, l-espansjoni annwali tal-fażola tas-sojja fl-Amerka t’Isfel kibret minn 26.4 għal 55.1Mha, bi tkabbir sinifikanti tul l-“inħawi tad-deforestazzjoni”, li indirettament tikkawża d-deforestazzjoni bl-ispostament tal-mergħat. Il-produzzjoni tal-fażola tas-sojja fl-Amażonja Brażiljana esperjenzat l-aktar espansjoni mgħaġġla, li żdiedet minn 0.4Mha għal 4.6Mha matul il-perjodu. Studju ieħor ikkalkula li, bħala medja, 19% tal-espansjoni tal-produzzjoni tas-sojja tinvolvi riskju għoli ta’ ILUC.
Fir-rigward taż-żejt tal-palm, l-evidenza xjentifika kkonkludiet li dan kompla jespandi, fil-foresti u fit-torbieri, fil-Malażja, fl-Indoneżja u fit-Tajlandja, u qed jiżviluppa f’reġjuni li qed jikbru fil-Brażil, fil-Perù u fl-Afrika. L-istudji juru d-dinamika kumplessa tal-kultivazzjoni taż-żejt tal-palm, li tiżvela li filwaqt li miżuri ta’ politika bħall-moratorju fuq il-foresti u l-programmi ta’ produzzjoni sostenibbli tal-Indoneżja ppruvaw inaqqsu d-deforestazzjoni, għad hemm bidliet ambjentali sinifikanti. Dawn jinkludu rati għoljin ta’ konverżjoni tal-użu tal-art minn foresti u torbieri għal pjantaġġuni, b’impatti li jvarjaw minn prattiki industrijali u dawk ta’ bdiewa b’azjenda agrikola żgħira. Fl-Asja tax-Xlokk (l-Indoneżja, il-Malażja, it-Tajlandja), l-istudji sabu li l-espansjoni taż-żejt tal-palm kienet sinifikanti, bi pjantaġġuni jestendu fuq torbieri u foresti naturali. Fl-Amerka t’Isfel, il-kultivazzjoni taż-żejt tal-palm fil-Brażil saret prinċipalment fuq mergħat, filwaqt li fil-Perù, il-pjantaġġuni industrijali espandew l-aktar f’foresti antiki. Studju li sar fil-Perù sab li 26% tal-espansjoni tal-pjantaġġuni taż-żejt tal-palm ta’ bdiewa b’azjenda agrikola żgħira seħħet f’foresti antiki, filwaqt li 70% tal-espansjoni xprunata mill-pjantaġġuni industrijali kienet qed isseħħ f’foresti antiki. Fl-Afrika, il-produzzjoni taż-żejt tal-palm kibret b’mod sinifikanti minn 2Mha fis-snin 80 għal 5Mha sal-2018, prinċipalment xprunata mill-espansjoni fin-Niġerja u fil-Kosta tal-Avorju.
Għall-kannamiela u l-qamħirrum, ġew identifikati ftit studji addizzjonali, meta mqabbla mar-rapport tal-Kummissjoni tal-2019 dwar l-ILUC. Għaż-żewġ materji primi, il-konklużjonijiet huma kkonfermati: l-espansjoni ġiet identifikata fuq mergħat jew fuq art agrikola. Fir-rigward tal-kannamiela, l-istudji sabu li filwaqt li l-espansjoni tal-kannamiela fil-foresti ma kinitx prominenti, l-espansjoni qed tiżdied, l-aktar fil-Brażil u l-aktar f’mergħat.
Għal għelejjel oħra, ma ġie identifikat l-ebda studju addizzjonali.
III.AĠĠORNAMENT DWAR L-ESPANSJONI GLOBALI FIL-KOMODITAJIET AGRIKOLI
L-analiżi dwar ix-xejriet fl-espansjoni tal-produzzjoni globali tal-materja prima li tista’ tintuża għall-produzzjoni tal-fjuwils ġiet aġġornata u issa fiha l-aħħar data disponibbli mill-FAOstat u mill-USDA, li hija bbażata fuq data mill-2014 sal-2021. Għall-qamħirrum u għall-fażola tas-sojja fil-Brażil fejn hemm prevalenza ta’ kultivazzjoni mħallta, u għall-produzzjoni tal-frott taż-żejt tal-palm fl-Indoneżja u fil-Malażja, id-data dwar iż-żona maħsuda tal-FAOStat ġiet issostitwita b’data dwar iż-żona mħawla mill-istatistika nazzjonali biex jitkejjel aħjar l-ammont ta’ art li tintuża għall-produzzjoni tal-għelejjel. L-FAOstat tipprovdi biss data dwar iż-żoni maħsuda, u mhux iż-żoni mħawla, li jfisser li prattiki bħal kultivazzjoni mħallta jew sekwenzjali jiġu rreġistrati bħala d-doppju tal-ammont ta’ raba’, u għas-siġar tal-palm, iż-żona maħsuda ma tirriflettix b’mod preċiż l-użu tal-art minħabba li s-siġar tal-palm jieħdu diversi snin biex jimmaturaw qabel ma jinħasdu. Ir-riżultati aġġornati huma inklużi fit-Tabella 1.
|
Għalla
|
Produzzjoni totali 2014 (kt)
|
Żieda netta annwali fil-produzzjoni 2014-2021 (%)
|
Żona maħsuda 2014 (kha)
|
Żona maħsuda 2021 (kha)
|
Żieda netta annwali fiż-żona maħsuda 2014-2021 (kha)
|
Żieda netta annwali fiż-żona maħsuda 2014-2021 (%)
|
Espansjoni netta totali (kha)
|
Espansjoni grossa totali (kha)
|
|
Qamħ
|
728,758
|
0.8%
|
219,755
|
220,760
|
143
|
0.1%
|
1,004
|
11,001
|
|
Qamħirrum
|
1,040,718
|
2.2%
|
177,675
|
191,193
|
1,931
|
1.1%
|
13,518
|
18,096
|
|
Kannamiela
|
1,885,079
|
-0.2%
|
27,069
|
26,350
|
-103
|
-0.4%
|
-720
|
976
|
|
Pitrava ħelwa
|
270,250
|
0.0%
|
4,469
|
4,399
|
-10
|
-0.2%
|
-70
|
313
|
|
Lift
|
74,509
|
-0.6%
|
36,460
|
36,774
|
45
|
0.1%
|
313
|
3,494
|
|
Palm taż-żejt
|
327,489
|
3.5%
|
22,971
|
29,124
|
879
|
3.4%
|
6,153
|
7,244
|
|
Fażola tas-sojja
|
306,301
|
2.8%
|
117,633
|
128,886
|
1,608
|
1.3%
|
11,253
|
14,486
|
|
Żerriegħa tal-ġirasol
|
40,613
|
5.3%
|
24,350
|
29,532
|
740
|
2.8%
|
5,182
|
5,893
|
Tabella 1: Kalkoli ta’ Guidehouse li jaġġornaw it-tabella dwar l-Espansjoni tal-produzzjoni globali tal-materja prima ewlenija tal-bijofjuwils abbażi ta’ data mill-FAOstat, USDA FAS, (CONAB, 2022) għall-qamħirrum u għall-fażola tas-sojja fil-Brażil, Statistics Indonesia (Statistics Indonesia, 2022) għall-frott taż-żejt tal-palm tal-Indoneżja, MPOB (Malaysian Palm Oil Board, 2022) u Gunarso et al. (Gunarso, Hartoyo, Agus, & Killeen, 2013) għall-frott taż-żejt tal-palm tal-Malażja.
Abbażi tar-riżultati inklużi fit-Tabella 1, fis-snin 2014-2021, ġiet osservata l-ogħla żieda annwali netta fiż-żona maħsuda għall-palm taż-żejt (3.4%), segwita miż-żerriegħa tal-ġirasol (2.8%). Ġiet osservata wkoll żieda għall-fażola tas-sojja (1.3%) u għall-qamħirrum (1.1%). Filwaqt li ż-żieda għall-qamħ u għal-lift kienet minima (0.1% għal kull wieħed), il-kannamiela u l-pitrava ħelwa huma l-uniċi għelejjel li għalihom ir-riżultati jindikaw valur negattiv (-0.4% u -0.2%, rispettivament).
IV.AĠĠORNAMENT TAL-IMMAPPJAR GLOBALI TAL-VALUTAZZJONI TAL-GIS U TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMMAPPJAR REĠJONALI BIEX TIĠI STMATA L-ESPANSJONI TAL-MATERJA PRIMA F’ART B’ĦAŻNA GĦOLJA TAL-KARBONJU
Immappjar globali
F’dawn l-aħħar snin, id-domanda globali għall-komoditajiet agrikoli żdiedet (għall-ikel, l-għalf, il-fibra jew l-enerġija) u parti minnha ġiet issodisfata permezz ta’ espansjoni tal-art agrikola globalment. Domanda ogħla għall-bijofjuwils, għall-bijolikwidi u għall-fjuwils tal-bijomassa kkontribwiet għal dan l-iżvilupp. Jekk din l-espansjoni sseħħ fuq art b’ħażna għolja tal-karbonju, din tirriżulta f’żieda severa fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u fit-telfien tal-bijodiversità.
Biex tiġi aġġornata d-data dwar l-impatt tad-deforestazzjoni tal-għelejjel u biex jiġi ddeterminat is-sehem tagħhom tal-espansjoni f’art b’ħażna għolja tal-karbonju, twettaq eżerċizzju ta’ mmappjar, li kien jinkludi t-tmien għelejjel ewlenin użati għall-produzzjoni tal-bijofjuwils: il-qamħirrum, iż-żejt tal-palm, il-lift, il-fażola tas-sojja, il-pitrava ħelwa, il-kannamiela, il-ġirasol u l-qamħ. Il-metodoloġija li ntużat kienet simili għal dik li ntużat fir-rapport tal-Kummissjoni tal-2019 dwar l-ILUC iżda introduċiet għadd ta’ titjib.
It-titjib ewlieni fil-metodoloġija ffoka fuq ir-raffinar tas-settijiet tad-data relatati (i) mad-distribuzzjoni tal-għelejjel u tal-artijiet bil-ħaxix, (ii) l-ixprunaturi tad-deforestazzjoni, u (iii) l-espansjoni tal-palm taż-żejt fuq it-torbieri. Is-settijiet ta’ data dwar l-għelejjel u l-artijiet bil-ħaxix ittejbu bl-integrazzjoni tal-prodott aġġornat ta’ MapSPAM 2010 għall-2010 u mappa globali preċiża tal-fażola tas-sojja mill-2015, li tippermetti monitoraġġ aktar preċiż. Fir-rigward tal-ixprunaturi tad-deforestazzjoni, ġew żviluppati xprunaturi tropikali tas-saff tat-telf tal-foresti (IIASA-TDFL v1) biex tiġi indirizzata d-deforestazzjoni xprunata mill-komoditajiet b’mod aktar preċiż. Barra minn hekk, l-istima tal-espansjoni tal-palm taż-żejt fuq it-torbieri ġiet irfinuta billi tqabblu mapep mill-2007 u mill-2017 sal-2019, u dan ipprovda għarfien dwar ix-xejriet ta’ espansjoni. Ġew ipprovduti mapep aġġornati minn GRAS li jkopru l-espansjoni tal-palm taż-żejt fit-torbieri fl-Indoneżja u fil-Malażja għall-istess snin. Barra minn hekk, is-saff tat-telf tas-siġar ġie aġġornat, li kien jinkludi t-telf tas-siġar sal-2021.
Immappjar reġjonali
Ir-riżultati tal-immappjar globali ġew ikkomplementati minn immappjar reġjonali aktar preċiż, li ppermetta valutazzjoni aktar dettaljata tal-espansjoni tal-għelejjel f’ħażna għolja tal-karbonju f’reġjuni ewlenin li ġew identifikati fil-letteratura u fil-mapep tad-deforestazzjoni bħala partikolarment rilevanti jew li huma reġjuni ta’ produzzjonijiet ewlenin għall-għelejjel marbuta mal-espansjoni. Għall-finijiet ta’ mmappjar reġjonali, intużaw it-telerilevament u l-immaġnijiet satellitari. Abbażi tal-kriterji msemmija hawn fuq, intgħażlu ħames reġjuni: L-Indoneżja għall-palm taż-żejt, il-Malażja għall-palm taż-żejt, il-baċir tal-Amażonja u l-istati ta’ Cerrado fil-Brażil għall-fażola tas-sojja, Cerrado u l-partijiet tan-Nofsinhar fil-Brażil għall-kannamiela, u r-reġjun Gran Chaco fil-Paragwaj, il-Bolivja u l-Arġentina għall-fażola tas-sojja. Għall-finijiet ta’ mmappjar reġjonali, intużaw it-telerilevament u l-immaġnijiet satellitari.
Fl-aħħar nett, is-sorsi differenti tad-data ġew integrati fis-sett tad-data tal-immappjar globali. Id-data primarja dwar l-għelejjel inkisbet mir-riżoluzzjoni 10x10 km MapSPAM 2010, miżjuda bir-riżultati reġjonali f’riżoluzzjoni ta’ 30x30 m biex jiġu lokalizzati b’mod preċiż iż-żoni taż-żejt tal-palm fl-Indoneżja u fil-Malażja u l-kannamiela fil-Brażil. Barra minn hekk, is-saff tal-fażola tas-sojja GEOGLAM 2015 ta’ 5x5 km ipprovda kopertura globali komprensiva bl-immappjar reġjonali inkorporat għall-pajjiżi tal-Amerka t’Isfel bħall-Brażil, l-Arġentina, il-Paragwaj u l-Bolivja. Dawn is-saffi b’riżoluzzjoni għolja, flimkien mas-saffi aġġornati ta’ Hansen Global Forest Change
għat-telf tas-siġar u d-data ta’ estensjoni tat-torbieri ta’ Miettinen
ippermettew valutazzjoni dettaljata tax-xejriet tal-espansjoni tal-għelejjel.
V.DETERMINAZZJONI TA’ “ESPANSJONI SINIFIKANTI” F’ART B’ĦAŻNA GĦOLJA TAL-KARBONJU
Emissjonijiet tal-gassijiet serra relatati mal-espansjoni tal-materja prima f’art b’ħażna għolja tal-karbonju
Fl-evalwazzjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra assoċjati mal-espansjoni tal-materja prima f’art b’ħażna għolja tal-karbonju, instab li l-palm taż-żejt kien l-għalla bl-ogħla piż ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra bejn l-2014 u l-2021, l-aktar minħabba l-espansjoni tal-produzzjoni taż-żejt tal-palm f’torbieri, li ammontat għal madwar 52% tal-emissjonijiet tagħha. Għelejjel oħra, bħall-qamħirrum, il-kannamiela, u l-pitrava ħelwa kkontribwew ukoll emissjonijiet sinifikanti, primarjament minħabba t-tneħħija tal-bijomassa ħajja u tal-materja organika mejta, li kienu jikkostitwixxu aktar minn 85% tal-emissjonijiet tagħhom.
Il-medja ponderata bbażata fuq iż-żona ta’ espansjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għat-tmien għelejjel kollha hija 25 tCO2/ha/sena, ogħla mid-19.6 tCO2/ha/sena li ġiet irrapportata fir-rapport tal-Kummissjoni tal-2019 dwar l-ILUC. L-ispjegazzjoni għal din iż-żieda hija doppja. L-ewwel nett, il-kalkolu uża valuri speċifiċi tal-bijomassa ’l fuq mill-art għal kull żona klimatika u ettari ta’ espansjoni għal kull żona klimatika. Dan jirriżulta f’valur medju ogħla tat-telf nett tal-karbonju għal kull ettaru għall-għelejjel kollha. It-tieni, ġew inklużi wkoll l-emissjonijiet mill-karbonju fil-ħamrija, mill-bijomassa ta’ taħt l-art (għeruq) u mill-materja organika mejta.
Ir-riżultati rigward l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jiddependu fuq jekk l-għelejjel jitqisux li jissostitwixxu foresta primarja jew sekondarja, li tiddetermina l-ħażna tal-karbonju tal-bijomassa ’l fuq mill-art. Biex tiġi ġestita din il-varjabbiltà, ġie adottat fattur medju tal-bijomassa ’l fuq mill-art għall-Foresti Pluvjali tal-Indoneżja u tal-Malażja mill-Valutazzjoni Globali tar-Riżorsi tal-Foresti.
|
Għalla
|
Piż tal-gassijiet serra [tCO2/sena/ha]
|
Sehem taż-żona ta’ espansjoni totali tal-għelejjel kollha [ha]
|
|
Żejt, palm
|
32.6
|
39%
|
|
Fażola tas-sojja
|
19.9
|
33%
|
|
Qamħirrum
|
22.5
|
21%
|
|
Kannamiela
|
20.8
|
3%
|
|
Qamħ
|
16.2
|
3%
|
|
Żerriegħa tal-ġirasol
|
19.1
|
1%
|
|
Lift
|
15.5
|
1%
|
|
Pitrava ħelwa
|
20.8
|
0.01%
|
Tabella 2 - Emissjonijiet tal-gassijiet serra għal kull għalla għal kull ettaru kkonvertiti
Limitu għall-espansjoni
Il-limitu ta’ espansjoni (%) huwa stmat billi jitqabbel l-iffrankar minimu prestabbilit tas-CO2 (f’CO2/MJ) mal-emissjonijiet indiretti kkalkolati tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (f’CO2/MJ) minħabba l-espansjoni tal-materja prima f’art b’ħażna għolja tal-karbonju. Qabel, ġie identifikat limitu ta’ espansjoni ta’ 14% abbażi tal-iffrankar speċifiku tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tal-inputs tar-rendiment tal-enerġija. Bl-applikazzjoni ta’ fattur ta’ skont ta’ prekawzjoni ta’ 30%, dan tnaqqas għal 10%, kif stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat dwar l-ILUC. Dan il-limitu ġie kkalkolat mill-ġdid permezz ta’ inputs aġġornati, jiġifieri rata medja ogħla ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ 25 tCO2/ha/sena u rendiment aġġustat tal-enerġija ta’ 53.6 GJ/ha/sena, li jirriżulta f’limitu ġdid ta’ 11.0%, li jikkonferma l-għażla tal-limitu ta’ 10%.
Rendiment medju tal-enerġija għal kull materja prima
Ir-rendiment medju tal-enerġija ta’ kull għalla tal-materja prima ġie kkalkolat permezz ta’ approċċ li jikkonsisti f’erba’ stadji. L-ewwel nett, ġew identifikati l-aqwa 10 pajjiżi produtturi għal kull materja prima kull sena, u ġew iddeterminati l-perċentwali ta’ kontribut tagħhom. Imbagħad, id-data dwar ir-rendiment tal-FAOstat ipprovdiet il-bażi għall-kalkolu tar-rendiment medju tal-għelejjel għal dawn l-10 pajjiżi kull sena. Bħala t-tielet pass, permezz ta’ dan ir-rendiment, ġie kkalkolat ir-rendiment annwali uniku tal-enerġija għal kull għalla. Fl-aħħar nett, ġie kkalkolat ir-rendiment medju tal-enerġija għall-perjodu 2014-2021, kif turi t-Tabella 3.
|
Perjodu
|
Qamħ
|
Qamħirrum
|
Kannamiela
|
Pitrava ħelwa
|
Lift
|
Frott taż-żejt tal-palm
|
Fażola tas-sojja
|
Żerriegħa tal-ġirasol
|
|
2014-2021
|
32
|
62
|
144
|
133
|
32
|
132
|
19
|
30
|
Tabella 3- Rendiment medju tal-enerġija għal kull materja prima f’GJ/ha
Fatturi ta’ Produttività
Il-fatturi ta’ produttività għal diversi għelejjel ġew ikkalkolati, l-ewwel, billi ġie ddeterminat ir-rendiment medju għal kull ettaru għal kull għalla għall-perjodu mill-2014 sal-2021, espress f’tunnellati għal kull ettaru. Imbagħad, ġiet ikkalkolata l-enerġija totali tal-materjali allokati kollha għal kull unità tal-piż tal-għalla, filwaqt li tqiesu l-prodotti nnegozjati kollha, flimkien ma’ kwalunkwe telf, bħal dak li jseħħ matul it-trasport. Imbagħad, l-enerġija tal-materjali allokati kollha ġiet ikkalkolata għal ettaru mħawwel fuq medda ta’ 20 sena. Fl-aħħar nett, il-fattur tal-produttività għal kull għalla ġie dderivat permezz tal-indiċjar tal-valuri tal-enerġija kkalkolati fil-pass preċedenti. Il-valuri kkalkolati bħala parti mill-istudju ta’ Guidehouse segwew mill-qrib il-valuri pprovduti fir-rapport tal-Kummissjoni tal-2019 dwar l-ILUC. Il-qamħirrum, il-kannamiela, il-pitrava ħelwa u l-palm taż-żejt instabu li għandhom rendimenti ferm ogħla minn għelejjel oħra, li jiġġustifika l-kontinwazzjoni tal-applikazzjoni ta’ fatturi ta’ produttività ogħla għal dawn l-għelejjel.
|
Għalla
|
PF mir-rapport dwar l-Espansjoni tal-Materja Prima 2008-2017
|
PF minn din l-analiżi 2014-2021
|
|
Qamħ
|
1
|
0.9
|
|
Qamħirrum
|
1.7
|
2.0
|
|
Kannamiela
|
2.2
|
1.9
|
|
Pitrava ħelwa
|
3.2
|
3.1
|
|
Lift
|
1
|
0.9
|
|
Żejt, palm
|
2.5
|
2.2
|
|
Fażola tas-sojja
|
1
|
1.0
|
|
Ġirasol
|
1
|
0.8
|
Tabella 4 - Fatturi ta’ Produttività għal kull għalla
Riżultati finali
Fir-rapport tal-Kummissjoni tal-2019 dwar l-ILUC, tliet fatturi tqiesu bħala kruċjali fid-determinazzjoni tas-“sinifikat” tal-espansjoni taż-żona tal-produzzjoni ta’ għalla speċifika f’art b’ħażna għolja tal-karbonju għall-finijiet tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli: (a) id-daqs assolut u relattiv tal-espansjoni tal-art minn sena ta’ referenza speċifika meta mqabbel maż-żona ta’ produzzjoni totali tal-għalla rilevanti; (b) is-sehem ta’ din l-espansjoni f’art b’ħażna għolja tal-karbonju; u (c) it-tip ta’ żona b’ħażna għolja tal-karbonju. Meta ġew stabbiliti l-kriterji biex tiġi ddeterminata materja l-prima b’riskju għoli ta’ ILUC fir-Regolament Delegat dwar l-ILUC tqiesu dawn il-fatturi kif ukoll il-fatturi speċifiċi tal-produttività għal kull grupp ta’ għelejjel.
Ir-riżultati tal-analiżi aġġornata jistgħu jinstabu fit-tabella ta’ hawn taħt:
|
Għalla
|
Sehem tal-foresta
għall-espansjoni
|
Sehem tal-pit
għall-espansjoni
|
Espansjoni annwali medja (kha)
|
Espansjoni annwali medja (%)
|
|
Qamħ
|
1.6%
|
0.0%
|
-183
|
0.0%
|
|
Qamħirrum
|
7.0%
|
0.0%
|
2,527
|
1.4%
|
|
Kannamiela
|
16.1%
|
0.0%
|
215
|
0.7%
|
|
Pitrava ħelwa
|
0.2%
|
0.0%
|
4
|
0.4%
|
|
Lift
|
1.0%
|
0.0%
|
363
|
1.6%
|
|
Żejt, palm
|
27.1%
|
13.7%
|
937
|
3.8%
|
|
Fażola tas-sojja
|
14.1%
|
0.0%
|
2,565
|
2.2%
|
|
Ġirasol
|
1.0%
|
0.0%
|
313
|
1.1%
|
Tabella 5: Kalkoli ta’ Guidehouse - Riżultati Finali
Kif spjegat fil-Kapitolu I, biex għalla speċifika tiġi kkategorizzata bħala riskju għoli ta’ ILUC, iż-żewġ kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat tal-ILUC iridu jiġu ssodisfati b’mod kumulattiv. Filwaqt li jitqiesu dawn iż-żewġ kriterji, u skont id-data aġġornata u evidenza xjentifika ġdida, il-palm taż-żejt jibqa’ materja prima li għandha tiġi kklassifikata bħala ta’ riskju għoli ta’ ILUC. Barra minn hekk, il-fażola tas-sojja għandha tiġi kklassifikata bħala materja prima b’riskju għoli ta’ ILUC, peress li ż-żewġ kriterji tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat tal-ILUC huma ssodisfati. Dan ifisser li l-espansjoni taż-żona tal-produzzjoni taż-żejt tal-palm u tal-fażola tas-sojja f’art b’ħażna għolja tal-karbonju hija tant sinifikanti li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra li jirriżultaw mit-tibdil fl-użu tal-art jikkumpensaw l-iffrankar kollu tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-fjuwils li joriġinaw minn din il-materja prima, meta mqabbel mal-użu tal-fjuwils fossili.
VI.AĠĠORNAMENT DWAR IĊ-ĊERTIFIKAZZJONI TAL-FJUWILS B’RISKJU BAXX TA’ ILUC
Il-bijofjuwils, il-bijolikwidi u l-fjuwils tal-bijomassa b’riskju baxx ta’ ILUC huma ddefiniti fl-Artikolu 2(37) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli bħala (a) dawk li joriġinaw minn materja prima li għaliha ġie osservat titjib fir-rendiment fuq art eżistenti - permezz ta’ prattiki agrikoli mtejba - jew (b) dawk ikkultivati fuq art mhux użata. Dawn iż-żewġ għażliet jissejħu “miżuri ta’ addizzjonalità” fir-Regolament Delegat dwar l-ILUC. L-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat dwar l-ILUC fih kriterji ġenerali għaċ-ċertifikazzjoni ta’ bijofjuwils, bijolikwidi u fjuwils tal-bijomassa b’riskju baxx ta’ ILUC, filwaqt li l-Artikolu 5 jiddeskrivi aktar il-miżuri ta’ addizzjonalità. Il-fjuwils b’riskju baxx ta’ ILUC iridu jiġu prodotti f’konformità mal-kriterji dwar is-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.
L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat dwar l-ILUC jiddeskrivi l-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati għall-materja prima użata għall-produzzjoni ta’ bijofjuwils, bijolikwidi u fjuwils tal-bijomassa li għandhom jiġu kklassifikati bħala addizzjonali u b’hekk il-fjuwil prodott ikun eliġibbli għal ċertifikazzjoni b’riskju baxx ta’ ILUC. Hemm tliet kundizzjonijiet differenti elenkati fl-Artikolu 5(1), il-punt (a) li mill-inqas waħda minnhom trid tiġi ssodisfata. L-attraenza finanzjarja hija l-ewwel kundizzjoni. Dan ifisser li l-miżura ta’ addizzjonalità tagħmel il-fjuwil eliġibbli għaċ-ċertifikazzjoni bħala fjuwil b’riskju baxx ta’ ILUC fejn l-implimentazzjoni tal-miżura ssir finanzjarjament attraenti minħabba li l-fjuwil prodott jista’ jingħadd lejn il-miri għall-enerġija rinnovabbli, jew minħabba li ostakli oħra li kieku jipprevjenu l-implimentazzjoni tagħha jitneħħew bħala riżultat li jkunu eliġibbli biex jingħaddu lejn dawk il-miri. Għaż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra, jiġifieri l-kultivazzjoni f’art abbandunata jew iddegradata b’mod sever u l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ addizzjonalità minn bdiewa b’azjenda agrikola żgħira, hija preżunta l-addizzjonalità. Din tal-aħħar għandha tiżgura li jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn. Din l-eżenzjoni hija ġġustifikata u tista’ tinżamm minħabba li l-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira qed jiffaċċjaw ostakli li jxekklu l-implimentazzjoni ta’ miżuri biex tiżdied il-produttività.
Biex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jirkupraw il-kostijiet tal-investimenti filwaqt li tiġi żgurata l-effettività kontinwa tal-qafas, l-Artikolu 5(1), il-punt (b) tar-Regolament Delegat tal-ILUC jirrikjedi li l-miżuri ta’ addizzjonalità jkunu ttieħdu mhux aktar minn 10 snin qabel iċ-ċertifikazzjoni tal-bijofjuwils, tal-bijolikwidi u tal-fjuwils tal-bijomassa bħala fjuwils b’riskju baxx ta’ ILUC. Din il-kundizzjoni taħdem tajjeb għal miżuri ta’ addizzjonalità li għandhom effett immedjat. Madankollu, biex jiġu koperti aħjar każijiet fejn jgħaddi żmien sinifikanti sakemm dawn jipproduċu materja prima addizzjonali, huwa ġġustifikat li jiġi ddeterminat il-perjodu tal-eliġibbiltà tagħhom abbażi tal-punt fiż-żmien meta bdiet il-produzzjoni ta’ materja prima addizzjonali, aktar milli l-punt fiż-żmien tal-implimentazzjoni tagħhom.
Gwida ulterjuri dwar l-implimentazzjoni ta’ ċertifikazzjoni b’riskju baxx ta’ ILUC hija inkluża fil-Kapitolu V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/996
dwar ir-regoli ta’ ċertifikazzjoni għal skemi volontarji. L-Artikoli 24 sa 27 tiegħu jispjegaw ir-rekwiżiti speċifiċi għaċ-ċertifikazzjoni b’riskju baxx ta’ ILUC, u jinkludu regoli biex tiġi ppruvata l-addizzjonalità u l-gwida dettaljata għall-konformità mar-rekwiżiti għall-produzzjoni fuq art mhux użata jew abbandunata u għad-determinazzjoni ta’ bijomassa addizzjonali għal miżuri ta’ żieda fir-rendiment. Dawn ir-regoli tekniċi għandhom l-għan li jiżguraw approċċ armonizzat u robust fost il-korpi taċ-ċertifikazzjoni. B’mod speċifiku fir-rigward tal-miżuri ta’ addizzjonalità u tal-perjodu ta’ eliġibbiltà msemmi hawn fuq, l-Artikolu 24(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/996 introduċa r-regola li għall-għelejjel perenni, operatur ekonomiku jista’ jagħżel li jdewwem il-bidu tal-perjodu ta’ validità ta’ 10 snin sa sentejn fil-każ ta’ miżuri ta’ addizzjonalità operazzjonali jew sa 5 snin fil-każ ta’ tħawwil mill-ġdid.
VII.KONKLUŻJONIJIET
Is-sejbiet tar-rieżami tal-evidenza xjentifika inkluża f’dan ir-rapport huma konsistenti mad-data inkluża fir-rapport dwar il-materja prima tal-2019 u jikkonfermaw l-approċċ meħud fir-Regolament Delegat dwar l-ILUC. Għaldaqstant, il-Kummissjoni beħsiebha tillimita r-rieżami tar-Regolament Delegat dwar l-ILUC għal bidliet żgħar fil-metodoloġija kif ukoll aġġornament tad-data dwar l-espansjoni tal-materja prima u l-fatturi ta’ produttività. Skont id-data aġġornata, kemm iż-żejt tal-palm kif ukoll il-fażola tas-sojja jikkwalifikaw bħala materja prima b’riskju għoli ta’ ILUC.