Brussell, 23.1.2026

COM(2026) 18 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-evalwazzjoni interim tal-programm Fiscalis għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni għall-2021-2027

{SWD(2026) 9 final}


1.Introduzzjoni

Il-programm Fiscalis huwa inizjattiva waħda minn fost l-inizjattivi ewlenin ta’ kooperazzjoni biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-politika tat-tassazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Dan jgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw u jmexxu sistemi tat-taxxa ewlenin tat-teknoloġija tal-informazzjoni trans-Ewropej. Il-programm jipprovdi qafas għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern billi jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi parteċipanti, l-awtoritajiet tat-taxxa u l-uffiċjali tagħhom. Dan jappoġġa l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE fil-qasam tat-tassazzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni, l-appoġġ għall-kooperazzjoni amministrattiva u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-pajjiżi parteċipanti.

Il-programm Fiscalis ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi programm għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (minn hawn ’il quddiem: “ir-Regolament dwar il-Programm). F’konformità mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament dwar il-Programm, il-Kummissjoni hija meħtieġa twettaq evalwazzjoni interim sa mhux aktar tard minn 4 snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-programm u tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet interim […u finali], inklużi l-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Il-programm Fiscalis attwali (għall-2021-2027) jallinja mal-objettiv oriġinali li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tat-taxxa. Fil-proposta għall-programm Fiscalis, il-Kummissjoni rrikonoxxiet is-suċċessi tal-iterazzjonijiet preċedenti tal-programm, filwaqt li rrikonoxxiet li għandu jsir progress addizzjonali fit-trawwim tal-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tat-taxxa. Ir-regolament li rriżulta, adottat mill-Kunsill u l-Parlament wara l-ftehim dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-2021-2027, jalloka EUR 269 miljun fi prezzijiet attwali għall-programm Fiscalis, żieda minn EUR 223,2 miljun fil-perjodu 2014-2020. Il-benefiċjarji ewlenin tal-programm huma l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri tal-UE. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni fil-programm hija miftuħa għall-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali, bil-ħsieb li titrawwem il-konverġenza u jiġu appoġġati l-objettivi tal-programm.

Il-programm jiffinanzja tliet tipi ewlenin ta’ attivitajiet, jiġifieri (1) is-sistemi elettroniċi Ewropej (EESs, European electronic systems), meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-taxxa; (2) l-azzjonijiet kollaborattivi li jippermettu lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa u lil partijiet ikkonċernati oħra jiltaqgħu u jaħdmu flimkien; u (3) l-azzjonijiet ta’ bini tal-kapaċitajiet li jinkludu korsijiet ta’ apprendiment elettroniku u avvenimenti oħra online u wiċċ imb wiċċ. Mit-tnedija tiegħu fl-2021, il-programm appoġġa lil 30 EESs speċifiċi, flimkien mal-applikazzjonijiet relatati u l-manutenzjoni tagħhom, li jikkostitwixxu aktar minn 80 % tal-baġit sa tmiem l-2024). Barra minn hekk, il-programm Fiscalis iffaċilita 225 azzjoni kollaborattiva, inklużi kollaborazzjonijiet strutturati, bħal gruppi ta’ proġetti u timijiet ta’ esperti, kif ukoll laqgħat, seminars, sessjonijiet ta’ ħidma, żjarat ta’ ħidma u għodod ta’ kooperazzjoni amministrattiva bħal kontrolli multilaterali. Inizjattivi ta’ taħriġ u bini tal-kapaċitajiet, inklużi korsijiet ta’ apprendiment elettroniku, sessjonijiet ta’ taħriġ tal-IT u avvenimenti miġbura fl-ambitu tal-Programm ta’ Avveniment ta’ Apprendiment Komuni (CLEP, Common Learning Event Programme), huma organizzati wkoll fil-mandat tal-programm.

2.Sejbiet tal-evalwazzjoni interim

Dan ir-rapport jippreżenta s-sejbiet tal-evalwazzjoni interim tal-programm Fiscalis 2021-2027, f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-Programm. Dan ir-Rapport huwa sostnut minn dokument ta’ ħidma tal-persunal, li jeżamina fid-dettall l-implimentazzjoni u l-prestazzjoni tal-programm Fiscalis sal-lum (2021-2024). L-evalwazzjoni interim tapplika l-kriterji ta’ “regolamentazzjoni aħjar” sabiex tivvaluta l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza, il-valur miżjud tal-UE u r-rilevanza tal-programm.

1.1.Tfassil tal-evalwazzjoni

Il-komponenti komuni tal-EESs kienu enfasi espliċita ta’ din l-evalwazzjoni interim. Fl-istess ħin, l-evalwazzjoni interim aġġornat ukoll l-analiżi tal-attivitajiet kollaborattivi meta mqabbla mal-evalwazzjonijiet preċedenti 1 . F’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni ffokat fuq aspetti li huma ġodda fl-ambitu tal-programm attwali jew li għaddew minn bidliet, bħall-qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni (MEF, monitoring and evaluation framework) u t-timijiet ta’ esperti, li ġew eżaminati wkoll b’aktar reqqa, peress li huma żieda relattivament ġdida għall-attivitajiet ta’ kollaborazzjoni, li ġew introdotti fl-ambitu tal-programm Fiscalis 2020.

Metodoloġikament, din l-evalwazzjoni għaqqdet ir-riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni ma’ għarfien fil-fond mir-riċerka tal-istudju tal-każ, ikkomplementata minn riċerka mmirata u ġenerali li tkopri l-ambitu sħiħ tal-appoġġ tal-programm. Ġew prodotti erba’ studji tal-każ awtonomi dwar EESs speċifiċi. Is-sistema ta’ ġestjoni tal-apprendiment (LMS, learning management system) kienet is-suġġett tal-ħames studju tal-każ. Dan l-approċċ jirrifletti l-prinċipju tal-proporzjonalità, peress li l-EESs jirrappreżentaw l-akbar sehem tan-nefqa, u jindirizza l-lakuni fl-evidenza minn ċikli ta’ evalwazzjoni preċedenti.

Għalhekk, l-istudji tal-każ magħżula kienu dawn li ġejjin:

·l-Analiżi tan-Networks ta’ Tranżazzjonijiet (TNA, Transaction Network Analysis), li hija pjattaforma awtomatizzata għad-detezzjoni tal-frodi transfruntiera tal-VAT, bħall-frodi intra-Komunitarja b’negozjant nieqes(MTIC, missing trader intra-community) u l-frodi karusell, billi tippermetti l-kondiviżjoni tad-data f’ħin reali fost l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa u l-ipproċessar tad-data;

·id-Direttorju Ċentrali (CD, Central Directory) DAC6, li huwa sistema ċentralizzata għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-arranġamenti tat-taxxa transfruntiera biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tar-rapportar tat-taxxa u jiġi pprevenut l-evitar tat-taxxa;

·VIES-on-the-Web (VoW), li hija interfaċċa bbażata fuq il-web integrata mas-Sistema ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar il-VAT (VIES, VAT Information Exchange System), imnedija fl-2001, li tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mal-VAT fost l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri;

·is-sistema kompjuterizzata għall-moviment u għall-kontroll ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa (EMCS, Excise Movement Control System), li hija s-sistema tal-UE għat-traċċar tal-moviment tal-oġġetti soġġetti għas-sisa (bħall-alkoħol, it-tabakk, u l-prodotti tal-enerġija) biex jittejbu l-effiċjenza u s-sigurtà fil-monitoraġġ tal-oġġetti soġġetti għas-sisa bejn il-fruntieri;

·l-LMS, li hija pjattaforma mnedija fl-2021 bħala post ċentrali għall-korsijiet ta’ apprendiment elettroniku żviluppati bħala parti mill-programm Dwana u l-programm Fiscalis, kif ukoll għall-organizzazzjoni tal-avvenimenti għas-CLEP.

Il-ġbir tad-data mwettaq għall-valutazzjoni tal-programm jinkludi d-dokumentazzjoni eżistenti, bħad-dokumenti ta’ politika u ta’ programmazzjoni, ir-rapporti ta’ progress annwali (APRs, annual progress reports) ta’ Fiscalis, u d-data mill-MEF, li ġew rieżaminati biex jipprovdu fehim u kuntest fundamentali. L-informazzjoni ewlenija u l-lakuni ġew immappjati b’mod sistematiku biex jiggwidaw il-passi ulterjuri għall-ġbir tad-data. Ġew applikati tliet metodi differenti biex tinġabar id-data kemm għall-istudji tal-każ kif ukoll għall-valutazzjoni tal-programm:

(1)Riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni: Din involviet ir-rieżami ta’ firxa wiesgħa ta’ sorsi pertinenti ta’ data u ta’ informazzjoni sekondarja.

(2)It-twettiq ta’ 84 intervista ma’ rappreżentanti ta’:

a.l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa;

b.il-Kummissjoni Ewropea;

c.l-operaturi ekonomiċi u l-kuntratturi esterni.

(3)Tliet stħarriġiet immirati separati:

a.wieħed għall-koordinaturi nazzjonali tal-programm Fiscalis fl-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa tal-pajjiżi parteċipanti, li ta 27 tweġiba;

b.stħarriġiet online tal-utenti bħala parti minn żewġ studji tal-każ:

I.fuq VIES-on-the-Web, 1 248 tweġiba;

II.u fuq l-LMS, 62 tweġiba.

B’mod ġenerali, l-evalwazzjoni fittxet li tiġbor kemm data kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva, u data kemm dwar l-implimentazzjoni tal-programm kif ukoll dwar l-impatt tiegħu.

1.2.Effettività

Is-sejbiet tal-evalwazzjoni fil-biċċa l-kbira kkonfermaw il-konklużjonijiet ewlenin tal-evalwazzjoni finali tal-programm Fiscalis 2020, li sabu li l-programm ikkontribwixxa għall-funzjonament imtejjeb tas-Suq Intern tal-UE billi appoġġa l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Dan ġie mtenni mill-koordinaturi nazzjonali tal-programm Fiscalis ikkonsultati matul l-evalwazzjoni, li enfasizzaw li l-EESs, l-azzjonijiet kollaborattivi, u l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet umana komplew jipproduċu effetti pożittivi. B’mod aktar ġenerali, diversi indikaturi tal-MEF miġbura mid-DĠ TAXUD jissuġġerixxu titjib fis-salvagwardja tal-bażi għat-taxxa tal-Istati Membri permezz tat-tnaqqis tal-frodi tat-taxxa u tal-evażjoni tat-taxxa 2 .

L-evalwazzjoni interim tivvalida r-rwol ċentrali tal-appoġġ tal-programm Fiscalis għall-komponenti komuni tal-EESs fil-kontribut għal interazzjoni sigura, affidabbli u effettiva fost l-awtoritajiet tat-taxxa u mal-operaturi ekonomiċi, li b’hekk itejbu l-kapaċità amministrattiva u operazzjonali tal-awtoritajiet tat-taxxa.

Mill-bidu taċ-ċiklu ta’ finanzjament fl-2021, il-programm appoġġa l-iżvilupp, l-introduzzjoni, il-manutenzjoni u l-aġġornament tal-komponenti ċentrali tat-30 EESs u l-għadd ta’ proġetti tal-IT fil-“fażi ta’ eżekuzzjoni” laħaq jew qabeż il-miri stabbiliti għas-snin kollha mill-2021. Element importanti huwa ż-żieda fl-effettività tal-EESs, li jipprevedu ambjent diġitali tax-xogħol għall-awtoritajiet tat-taxxa, li jippermettilhom jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib u jiżguraw fehim, applikazzjoni u implimentazzjoni komuni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-taxxa.

L-EESs joffru pjattaformi ġodda u mtejba li jagħmluha aktar faċli u aktar rapida biex jinteraġixxu u jinkoraġġixxu kollaborazzjoni diretta u l-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet komuni. Pereżempju, wieħed mill-aspetti tat-TNA li ġie mfaħħar l-aktar huwa l-fatt li huwa effettiv ħafna fid-detezzjoni tal-frodi tal-VAT. Dan iwassal għal iffrankar tal-kostijiet iġġenerat, li jipprevedi l-possibbiltà ta’ interazzjoni rapida fost l-awtoritajiet tat-taxxa billi jintbagħtu messaġġi u/jew jiġu kondiviżi dokumenti dwar is-sistema minflok ma wieħed ikollu jiddependi fuq proċeduri formali ta’ kooperazzjoni bilaterali aktar bil-mod u aktar ta’ piż.

L-azzjonijiet kollaborattivi ffinanzjati mill-programm ġew imfaħħra ħafna mill-parteċipanti. Dawn l-azzjonijiet ġew rikonoxxuti għall-kwalità għolja u għar-rilevanza tagħhom għall-ħidma ta’ kuljum tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa. F’konformità mas-sejbiet tal-evalwazzjoni preċedenti, il-konsultazzjonijiet imwettqa għal dan l-eżerċizzju jissuġġerixxu li l-uffiċjali mill-amministrazzjonijiet parteċipanti sabu li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-programm jitqiesu utli mill-maġġoranza l-kbira tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Dan il-feedback pożittiv ma huwiex limitat għal tip wieħed ta’ attività. Kemm it-timijiet ta’ esperti kif ukoll forom oħra ta’ azzjonijiet kollaborattivi jiġu mfaħħra ħafna. Dan juri li l-programm qed jissodisfa l-ħtiġijiet differenti tal-udjenza tiegħu.

Il-bini tal-kapaċitajiet tal-IT u l-azzjonijiet kollaborattivi wrew li huma strumenti b’saħħithom għat-tisħiħ tal-għodod u tal-ħiliet għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri, u b’hekk isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom u jtejbu l-prestazzjoni operazzjonali tagħhom. Il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ networking għall-uffiċjali tat-taxxa huwa wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-azzjonijiet kollaborattivi, kif rikonoxxut ukoll minn 80 % jew aktar tal-uffiċjali tat-taxxa fil-pajjiżi parteċipanti. L-azzjonijiet kollaborattivi ffinanzjati mill-programm Fiscalis inkludew diversi strumenti ta’ kooperazzjoni “msaħħa”, inklużi żjarat ta’ ħidma, kontrolli multilaterali, u preżenza f’uffiċċju amministrattiv u investigazzjonijiet (PAOEs, presence in administrative office and enquiries). Dawn l-azzjonijiet, li jippermettu interazzjoni bilaterali jew multilaterali diretta fost l-uffiċjali tat-taxxa ta’ amministrazzjonijiet differenti, huma meqjusa bħala eżempji ewlenin ta’ kooperazzjoni produttiva appoġġata mill-programm.

L-LMS introdotta għall-perjodu ta’ finanzjament attwali serviet biex tifrex il-materjal ta’ taħriġ aħjar milli kien possibbli qabel, u setgħet tilħaq udjenza akbar u tipprovdi esperjenza aħjar għall-utent. Il-maġġoranza tal-utenti tal-LMS u tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa kkonsultati matul l-evalwazzjonijiet jikkonfermaw li l-LMS il-ġdida żżid il-valur lil hinn mill-inizjattivi tal-Istati Membri u tagħmilha aktar faċli li wieħed isir jaf dwar l-attivitajiet ta’ taħriġ u żżid l-involviment magħhom.

Permezz tal-azzjonijiet tiegħu, il-programm ikkontribwixxa għall-implimentazzjoni uniformi tal-liġi dwar it-taxxa tal-UE, u b’hekk għall-funzjonament imtejjeb tas-Suq Intern tal-UE. L-appoġġ mill-programm Fiscalis għall-komponenti komuni tal-EESs jirrappreżenta element essenzjali tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE u tal-implimentazzjoni tagħha. Peress li l-maġġoranza tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni reċenti tal-UE dwar it-taxxa jeħtieġu soluzzjoni diġitali, il-bini tal-kapaċitajiet tal-IT huwa indispensabbli għall-operazzjonalizzazzjoni ta’ inizjattivi u azzjonijiet ġodda.

1.3.Effiċjenza

L-evalwazzjoni identifikat diversi benefiċċji li l-EESs ġabu lill-awtoritajiet tat-taxxa u lill-operaturi ekonomiċi. L-awtomatizzazzjoni tal-proċessi wasslet għal kisbiet notevoli fl-effiċjenza, li ppermettew lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa jimxu lejn ambjent mingħajr karti biex jiffrankaw u jidderieġu mill-ġdid ir-riżorsi minn kompiti analogi lejn rwoli aktar produttivi u strateġiċi bħad-detezzjoni tal-frodi. Eżempju tajjeb ta’ kif l-ESSs kienu effettivi ħafna fl-identifikazzjoni tal-frodi tat-taxxa hija t-TNA 3 , li wasslet ukoll għall-iffrankar sinifikanti tal-kostijiet għall-awtoritajiet tat-taxxa. Barra minn hekk, dawn is-sistemi kellhom diversi effetti pożittivi indiretti, bħat-tnaqqis tal-ħinijiet ta’ stennija u l-iskoraġġiment tal-frodi, li jiffaċilita attività kummerċjali mtejba u jipproteġi d-dħul mit-taxxa tal-UE. L-operaturi ekonomiċi jibbenefikaw ukoll minn iffrankar sostanzjali fil-kostijiet tal-allokazzjoni tar-riżorsi u tal-verifika tal-VAT, b’mod partikolari bil-VIES-on-the-Web u l-EMCS. Jeħtieġ li jiġi rikonoxxut li, peress li din l-evalwazzjoni ffukat primarjament fuq il-valutazzjoni (permezz ta’ studji tal-każ fil-fond) tal-effettività u l-effiċjenza ta’ sistemi tal-IT magħżula (EESs) appoġġati mill-programm Fiscalis, ma ġabritx ammont sostanzjali ta’ evidenza ġdida fir-rigward tal-effiċjenza tal-attivitajiet l-oħra (mhux tal-EES).

Il-feedback miġbur, u d-dokumentazzjoni rieżaminata jikkonfermaw li l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni finali tal-programm Fiscalis 2020 fir-rigward tal-effiċjenza tal-attivitajiet mhux tal-EES appoġġati mill-programm jibqgħu validi, jiġifieri li l-attivitajiet kollaborattivi u ta’ taħriġ huma ġeneralment kosteffettivi. Is-sehem tagħhom fil-baġit ġenerali tal-programm Fiscalis huwa żgħir, iżda jżidu valur sinifikanti billi jippermettu lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali jaħdmu flimkien u jibnu l-kapaċitajiet u l-kompetenzi tagħhom dwar suġġetti rilevanti ta’ interess; f’ħafna każijiet, jappoġġaw ukoll l-applikazzjoni effettiva u effiċjenti tal-EESs. Il-feedback mill-benefiċjarji (l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa) jikkonferma li l-attivitajiet kollaborattivi għadhom jitqiesu bħala effettivi u rilevanti ħafna. Fl-istess ħin, u peress li l-arranġamenti ta’ finanzjament baqgħu l-istess (bl-eċċezzjoni unika tal-mudell ta’ ġestjoni tal-għotjiet), dawn l-attivitajiet xorta jistgħu jitqiesu bħala kosteffettivi b’mod ġenerali. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe bidla kbira fil-mod kif jiġu implimentati l-attivitajiet kollaborattivi u ta’ taħriġ, għalhekk ma hemm xejn li jissuġġerixxi li l-attivitajiet mhux tal-EES saru inqas effiċjenti milli fl-ambitu tal-iterazzjonijiet preċedenti tal-programm Fiscalis.

L-istruttura ta’ governanza tal-azzjonijiet tal-programm tidher li hija ġeneralment effiċjenti f’ċerti aspetti, bi struttura relattivament ċara għat-teħid tad-deċiżjonijiet kif stabbilit fid-dokumenti ewlenin. B’mod ġenerali, is-sistema ħadmet tajjeb, iżda l-livelli ta’ esperjenza u kapaċità jvarjaw, u dan wassal għal xi problemi fil-bidu tal-implimentazzjoni relatati mal-użu tal-eGrants introdotti fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali, u r-rwol tal-koordinatur tal-għotjiet. Sabiex jissaħħu l-materjal u l-gwida dwar il-ġestjoni tal-għotjiet li diġà saru disponibbli mill-Kummissjoni, l-amministrazzjonijiet nazzjonali jistgħu jiġu mħeġġa jidentifikaw u jikkondividu l-aħjar prattiki bejniethom, f’azzjoni kollaborattiva eżistenti li tlaqqa’ flimkien lil uffiċjali rilevanti.

L-MEF tal-programm Fiscalis, introdott għall-perjodu ta’ finanzjament attwali fl-2022 – bl-għan ġenerali li tiġi żgurata “l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu 4 – jista’ jitqies bħala titjib meta mqabbel mal-predeċessur tiegħu. L-ewwel kejl tas-suċċess tal-MEF fil-monitoraġġ tal-progress miksub jidher fil-punt sa fejn l-indikaturi pprovdew informazzjoni utli għal din l-evalwazzjoni, u b’mod partikolari għall-valutazzjoni tal-kriterju tal-effettività. Fl-aħħar mill-aħħar, l-indikaturi tal-MEF jiġbru ammont kbir ta’ data fuq bażi annwali, li tkopri għadd ta’ aspetti relatati mal-programm. L-informazzjoni tinġabar minn sorsi eżistenti (eż. fir-rigward tas-sistemi tal-IT), jew permezz ta’ ġbir ta’ data maħsub apposta, inkluż stħarriġ annwali tal-awtoritajiet tat-taxxa. Filwaqt li diversi indikaturi – kif ukoll ir-riżultati tal-istħarriġ annwali – fil-fatt intużaw fil-valutazzjoni, il-punt sa fejn l-informazzjoni pprovdiet għarfien dwar il-progress u l-kisbiet huwa kemxejn limitat u jvarja bejn it-tipi ta’ indikaturi.

1.4.Koerenza

Il-koerenza esterna tal-programm Fiscalis għadha għolja u konformi mas-sejbiet tal-evalwazzjonijiet preċedenti, minkejja li l-kuntest tal-politika u tal-ipprogrammar tal-UE evolva b’mod sinifikanti biex jinkludi, b’mod partikolari, il-miżuri ta’ wara l-pandemija bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF, Recovery and Resilience Facility), u l-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-koerenza tirriżulta prinċipalment mill-allinjament wiesa’ tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE ma’ oqsma oħra ta’ politika tal-UE. Madankollu, huwa inkoraġġanti li l-inizjattivi kollha identifikati wrew ftit riskju ta’ trikkib mal-programm Fiscalis u ambitu konsiderevoli għal tisħiħ reċiproku. L-għan trażversali tad-diġitalizzazzjoni huwa evidenti b’mod speċjali għall-inizjattivi identifikati.

L-enfasi tal-evalwazzjoni fuq għadd limitat ta’ sistemi diġitali, mingħajr eżami fil-fond ta’ azzjonijiet kollaborattivi speċifiċi (evalwati b’mod estensiv fi studji preċedenti), tfisser li xi eżempji setgħu ma ġewx koperti. Madankollu, instabu eżempji konkreti ta’ sinerġiji mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-RRF u l-istrument ta’ appoġġ tekniku (TSI, technical support instrument), jiġifieri fl-oqsma tad-diġitalizzazzjoni u t-tassazzjoni ekoloġika. Meta titqies il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati tat-tkabbir fil-programm Fiscalis, jistgħu jiġu osservati rabtiet aktar b’saħħithom bejn il-programmi differenti. Dawn għandhom l-għan li jsaħħu s-sinerġiji u l-komplementarjetajiet, pereżempju, bejn l-attivitajiet kollaborattivi u l-proġetti ta’ assistenza teknika.

Minkejja l-koerenza sħiħa ma’ għadd ta’ politiki u inizjattivi oħrajn tal-UE, l-evalwazzjoni sabet rabtiet limitati mal-komponent Hercule tal-programm tal-Unjoni kontra l-frodi u l-programm tas-suq uniku (SMP, single market programme). Ta’ min jeżamina l-opportunitajiet mitlufa minħabba “koerenza passiva” u l-possibbiltà li jiġi stabbilit mekkaniżmu futur għall-koordinazzjoni u t-tisħiħ tas-sinerġiji bejn l-inizjattivi differenti.

Is-sinerġiji sinifikanti bejn l-attivitajiet differenti fl-ambitu tal-programm Fiscalis, jiġifieri l-appoġġ għas-sistemi tal-IT u l-azzjonijiet kollaborattivi, huma evidenti. L-azzjonijiet kollaborattivi għandhom rwol kruċjali fl-appoġġ għall-iżvilupp tas-sistemi u, f’xi każijiet, fit-tmexxija tagħhom. F’dan ir-rigward, il-każ tat-TNA 5 huwa emblematiku: minbarra li jappoġġa l-iżvilupp tas-sistema tal-IT, il-programm Fiscalis jiffinanzja t-tim ta’ esperti tat-TNA, li jlaqqa’ flimkien l-utenti tas-sistema u għandu rwol importanti fil-mod kif tiġi żviluppata u integrata fl-attivitajiet tal-awtoritajiet tat-taxxa. Abbażi tal-feedback miġbur mill-uffiċjali tal-Eurofisc, inklużi l-membri tat-tim ta’ esperti, huwa improbabbli ħafna li l-Istati Membri waħedhom ikunu jistgħu jallokaw ir-riżorsi umani meħtieġa għal dan l-għan mingħajr il-finanzjament tal-programm Fiscalis. Dinamika simili kienet prevalenti għas-sistemi tal-IT eżaminati fl-istudji tal-każ l-oħrajn, u fil-fergħat differenti ta’ attività tal-programm.

Fir-rigward tal-bini tal-kapaċitajiet, il-biċċa l-kbira tal-korsijiet ta’ apprendiment elettroniku jservu biex jappoġġaw jew l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, jew l-użu ta’ sistemi tal-IT speċifiċi ffinanzjati mill-programm. Bħalissa, hemm aktar minn 900 kors ta’ apprendiment elettroniku b’29 lingwa 6 , li huma indirizzati għall-professjonisti tad-dwana u tat-taxxa fis-setturi pubbliċi u privati. L-evalwazzjoni interim tipprovdi evidenza ta’ sinerġiji u komplementarjetajiet ċari tal-programm mal-programm Dwana. Eżempju wieħed ta’ dan hija l-LMS, magħrufa wkoll bħala l-“‘Customs and Tax EU Learning Portal” 7 , li tippromwovi l-kollaborazzjoni, l-informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-ħiliet bejn il-professjonisti tad-dwana u tat-taxxa, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, il-kummerċ, u l-akkademja, bl-għan li jinħoloq vantaġġ kompetittiv mal-Ewropa kollha u jiġu ottimizzati l-esperjenzi ta’ taħriġ. Barra minn hekk, il-proġetti li jibdew b’mod parallel mar-rapport ta’ evalwazzjoni li għaddej bħalissa, li jipprovdi materjali ta’ apprendiment fuq il-portal dwar il-proġetti tat-TSI, l-Att dwar l-Emerġenzi u r-Reżiljenza tas-Suq Intern (IMERA, Internal Market Emergency and Resilience Act), u l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO, European Union Intellectual Property Office) għall-benefiċċju tal-awtoritajiet tat-taxxa u dawk doganali, jixhdu l-potenzjal dejjem akbar għal sinerġiji għal attivitajiet ta’ bini tal-kompetenza umana.

B’mod ġenerali, kif instab f’evalwazzjonijiet preċedenti, l-azzjonijiet iffinanzjati mill-programm Fiscalis mhux biss iżidu l-valur fihom infushom iżda jaġixxu b’mod koerenti biex jappoġġaw l-implimentazzjoni u l-adozzjoni uniformi tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE, biż-żewġ aspetti essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-programm. B’dan il-mod, il-fergħat differenti ta’ attività tal-programm huma kemm komplementari kif ukoll isaħħu lil xulxin, u għalhekk huma koerenti ħafna internament.

1.5.Valur miżjud tal-UE

Il-feedback ipprovdut mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa permezz tal-istħarriġ dwar il-valur miżjud ġenerali tal-programm Fiscalis huwa fil-biċċa l-kbira pożittiv. Il-maġġoranza tar-rispondenti rrapportaw li l-programm (1) jibni l-fiduċja u jwassal għal konverġenza bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa parteċipanti; (2) jgħin biex ir-regoli tal-UE jiġu applikati b’mod aktar effettiv, konsistenti u uniformi; u (3) jfisser li l-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi implimentata “fil-biċċa l-kbira” b’mod aktar koerenti milli jkun possibbli mingħajr il-programm Fiscalis. It-tweġibiet kienu ftit aktar imfixkla fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-programm iżidx il-valur lil hinn mill-inizjattivi fil-livell nazzjonali, mingħajr ebda duplikazzjoni u trikkib; apparti dan, aktar minn 90 % tar-rispondenti jaħsbu li xi ftit jew wisq, il-programm jagħmel dan. Bi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ segwitu, ir-rispondenti rrapportaw li l-programm Fiscalis kellu impatt sinifikanti fuq l-effiċjenza u l-kooperazzjoni internazzjonali, b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistemi tal-IT bħall-VIES u proġetti bħall-“VAT fl-Era Diġitali”, li t-tnejn li huma ssemmew minn diversi rispondenti.

Il-programm jiġġenera valur miżjud għoli billi jiffinanzja d-diġitalizzazzjoni fit-tassazzjoni, jappoġġa l-kollaborazzjoni bejn amministrazzjonijiet tat-taxxa differenti fil-pajjiżi parteċipanti tal-programm, jipprevedi l-bini tal-kapaċitajiet fis-setturi pubbliċi u privati, u jiffaċilita l-kooperazzjoni mal-pajjiżi tat-tkabbir.

Il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni finali tal-programm Fiscalis 2020 għadhom kompletament validi. Il-programm, kif ukoll it-tipi kollha ta’ sistemi u attivitajiet li jiffinanzja, jipprovdu valur miżjud għoli tal-UE. Il-programm Fiscalis jappoġġa l-implimentazzjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-taxxa, filwaqt li jippermetti l-kollaborazzjoni, il-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa li huwa vitali għall-applikazzjoni effettiva, effiċjenti u konsistenti tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE u b’hekk jgħin biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, u jsegwi varjetà ta’ objettivi tal-politika tat-tassazzjoni kif deskritt hawn taħt (ara 2.6 Rilevanza). Mingħajr il-programm, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali essenzjalment jitħallew waħedhom fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regoli u l-mekkaniżmi tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE, u huwa probabbli ħafna li dan ikun ta’ detriment għall-aspetti kollha deskritti qabel.

1.6.Rilevanza

Il-valutazzjoni tar-rilevanza tal-programm iffukat fuq l-aċċertament tal-punt sa fejn l-objettivi tal-programm kienu allinjati mal-ħtiġijiet u mal-isfidi tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE, speċifikament mad-diġitalizzazzjoni, mal-kollaborazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet u t-taħriġ. Fil-qosor, l-evalwazzjoni sabet li (1) l-isfidi u l-ħtiġijiet sottostanti li l-programm għandu l-għan li jindirizza kienu għadhom preżenti; (2) ir-rilevanza tal-EESs għall-operazzjonijiet ta’ kuljum kemm tal-awtoritajiet tat-taxxa kif ukoll tal-operaturi ekonomiċi kienet għolja u qed tikber; u (3) l-azzjonijiet kollaborattivi u t-taħriġ kienu wkoll rilevanti ħafna.

B’mod ġenerali, ma kien hemm l-ebda feedback negattiv mill-partijiet ikkonċernati kkonsultati għal dan l-istudju dwar il-punt sa fejn il-programm iwieġeb għall-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-politika tal-UE fil-qasam tat-tassazzjoni, u lanqas feedback li jenfasizza nuqqasijiet jew oqsma ta’ allinjament ħażin benjiethom. Xi partijiet ikkonċernati nnutaw li t-tfassil tal-programm Fiscalis huwa flessibbli biżżejjed biex ikun jista’ jipprovdi appoġġ biex tiġi indirizzata kwalunkwe prijorità ġdida jew emerġenti, u speċjalment biex jiġu ffinanzjati soluzzjonijiet diġitali li jistgħu jkunu meħtieġa.

B’mod speċifiku, fir-rigward tas-sistemi tal-IT (jiġifieri l-komponenti komuni tal-EES), 86 % tar-rispondenti qablu (kważi nofshom “kompletament”) li dawn kienu jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tagħhom. L-14 % li jifdal irrispondew b’mod newtrali; ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ qbil. Dan jikkonferma li, b’mod ġenerali, l-appoġġ tal-programm għall-komponenti komuni tal-EESs huwa adegwat għall-użu iżda jissuġġerixxi li l-għarfien tar-rwol tal-programm fl-EESs jista’ jittejjeb.

Skont l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa li wieġbu għall-istħarriġ, l-azzjonijiet kollaborattivi jikkorrispondu mill-qrib ħafna għall-ħtiġijiet tagħhom. Kważi r-rispondenti kollha qablu ma’ din id-dikjarazzjoni, u aktar minn 70 % qablu “bis-sħiħ”. Xi rispondenti spjegaw li l-azzjonijiet kollaborattivi għandhom impatti pożittivi fuq l-amministrazzjonijiet tat-taxxa, u li mingħajrhom, ikun hemm riskju ogħla ta’ allinjament ħażin mal-leġiżlazzjoni tal-UE u inqas armonizzazzjoni tat-taxxa mal-UE kollha. Fir-rigward tal-azzjonijiet ta’ bini tal-kompetenza umana/taħriġ, għal darb’oħra, maġġoranza ċara (86 %) tar-rispondenti qablu (ftit aktar minn nofshom “kompletament”) li dawn jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-UE (bil-bqija jwieġbu b’mod newtrali). Dan jikkonferma li tali azzjonijiet huma wkoll adegwati għall-użu, għalkemm forsi mhux sal-istess punt bħall-azzjonijiet kollaborattivi msemmija hawn fuq.

L-azzjonijiet ta’ bini tal-kompetenza li ġew enfasizzati bħala partikolarment allinjati tajjeb mal-ħtiġijiet kienu jinkludu l-korsijiet ta’ apprendiment elettroniku (deskritti minn rispondent wieħed bħala “eċċellenti” f’termini ta’ kompletezza u profondità, interattività, modi kif jiġi segwit il-progress tal-parteċipanti, u l-użu ta’ teknoloġiji edukattivi moderni), kif ukoll, b’mod aktar speċifiku, il-programm komuni ta’ apprendiment tal-avvenimenti (CLEP), it-taħriġ u s-sessjonijiet ta’ ħidma għal parteċipanti ġodda, is-sessjonijiet ta’ taħriġ tas-CLEP dwar it-TNA u s-sistema elettronika ċentrali ta’ informazzjoni dwar il-pagamenti (CESOP, Central Electronic System of Payment). L-istudju tal-każ dwar l-LMS ipprovda aktar evidenza tar-rilevanza ta’ din is-sistema, li tnediet fl-2021 bħala r-repożitorju uniku għall-attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ bini tal-kapaċitajiet imwettqa fl-ambitu tal-programm Fiscalis (kif ukoll il-programm Dwana). Din inħolqot primarjament biex tindirizza d-diffikultà li l-persunal tal-amministrazzjoni tat-taxxa ffaċċja biex isib u jaċċessa materjali ta’ taħriġ. Il-pjattaforma ċentralizzata u li jista’ jsir tiftix fiha, tagħha, solviet il-problema ta’ riżorsi mxerrda u tejbet l-għarfien u l-adozzjoni tat-taħriġ tal-UE, b’mod partikolari għall-koordinaturi tat-taħriġ li jinkorporaw korsijiet fil-kurrikuli nazzjonali.

L-objettivi tal-programm Fiscalis u l-prijoritajiet ta’ politika tal-UE ġew allinjati, b’enfasi fuq it-tisħiħ tas-suq intern, il-bini ta’ kontinent newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, l-indirizzar tat-tkabbir tad-diġitalizzazzjoni u l-kummerċ elettroniku, u l-kontribut għall-ekwità u l-ġustizzja soċjali billi tiġi miġġielda l-frodi tat-taxxa.

3.Konklużjonijiet u tagħlimiet meħuda

It-taqsima ta’ hawn taħt tippreżenta s-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni fil-forma ta’ tagħlimiet meħuda. Tenfasizza wkoll, fejn rilevanti, oqsma għal titjib li għandhom jiġu kkunsidrati fir-rigward tal-futur tal-programm.

L-evalwazzjoni sabet li l-programm Fiscalis kien ta’ suċċess kontinwu. Il-firxa wiesgħa ta’ attivitajiet tiegħu fissret li nkiseb ħafna permezz tal-azzjonijiet individwali tal-programm, u b’hekk ikkontribwixxa għall-objettivi tal-programm b’diversi modi. Barra minn hekk – u b’mod kruċjali – l-attivitajiet differenti mhux biss saħħew lil xulxin b’mod reċiproku, iżda kienu interkonnessi ħafna: l-azzjonijiet tal-IT, kollaborattivi u ta’ bini tal-kapaċitajiet spiss jaġixxu bħala katalisti għal xulxin, filwaqt li jiżguraw li l-metodi ta’ ħidma u l-prijoritajiet jallinjaw, u li gradwalment jinbnew ir-relazzjonijiet kolleġġjali u l-fiduċja bejn l-uffiċjali tat-taxxa minn pajjiżi differenti. B’mod partikolari, ikun impossibbli li jiġu implimentati l-politiki sostnuti minn sistemi tal-IT ambizzjużi mingħajr pjattaforma għall-uffiċjali rilevanti biex jiżviluppaw viżjoni u approċċ komuni dwar kif jintlaħqu għanijiet komuni, inkluż fil-fażi preparatorja.

Tagħlima 1 – dwar ir-rilevanza sostnuta tal-programm Fiscalis

Il-programm Fiscalis wera li huwa adattabbli biżżejjed biex jibqa’ konformi mal-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati u mal-ambjent ta’ politika usa’. Dan jirriżulta mit-tfassil tal-programm, li jiżgura li kemm l-objettivi tiegħu kif ukoll l-għażla tal-azzjonijiet ikunu xprunati mill-politiki li huwa jappoġġa. L-allinjament tal-programm huwa l-ewwel u qabel kollox mal-politika tat-tassazzjoni tal-UE. Peress li l-politika tat-tassazzjoni tal-UE hija kkoordinata mill-qrib ma’ politiki u inizjattivi usa’, bħat-tranżizzjoni nadifa u d-dekarbonizzazzjoni, it-tranżizzjoni diġitali u t-tkabbir tal-UE, hija ta’ benefiċċju għall-pubbliku u għall-kumpaniji billi tixpruna t-tlestija tas-Suq Uniku tal-UE, tneħħi l-ostakli transfruntiera u bejn il-pajjiżi u trawwem il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali. Dan ma jinkludix biss il-programm Dwana, li huwa ġestit b’mod konġunt mid-DĠ TAXUD, iżda wkoll l-RRF, l-istrument ta’ appoġġ tekniku relatat mill-qrib, u l-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Tagħlima 2 – dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq

It-tfassil tal-programm Fiscalis huwa bbażat fuq il-ħtiġijiet u huwa flessibbli, b’responsabbiltajiet prattiċi allokati skont il-ħtiġijiet operazzjonali. Dan ippermetta li l-programm iwassal b’suċċess firxa wiesgħa ħafna ta’ attivitajiet, minn proġetti kumplessi tal-IT sa għadd kbir ta’ azzjonijiet kollaborattivi strutturati u ad hoc, għall-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ materjal ta’ taħriġ komuni. Filwaqt li l-kisbiet u l-impatti jvarjaw skont in-natura u l-iskala tal-azzjonijiet iffinanzjati speċifiċi, minn perspettiva ta’ twettiq il-programm laħaq jew qabeż l-aspettattivi/il-miri inizjali fl-oqsma kollha, u l-perċezzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati tal-programm u l-attivitajiet tiegħu huma fil-biċċa l-kbira pożittivi. Is-suċċess fl-implimentazzjoni ppermetta lill-awtoritajiet tat-taxxa u (fejn rilevanti) lill-operaturi ekonomiċi jinteraġixxu b’mod sigur u affidabbli.

Instab li t-tliet “tipi” ewlenin ta’ azzjonijiet tal-programm qed jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-objettivi speċifiċi ta’ politika tat-tassazzjoni koerenti u għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE dwar it-taxxa, it-trawwim tal-kooperazzjoni operazzjonali fost l-awtoritajiet tat-taxxa, u l-kapaċità amministrattiva mtejba tal-awtoritajiet tat-taxxa. Ġie konkluż ukoll li l-programmi għandhom rilevanza kbira fil-kuntest tat-tkabbir. Dan kien evidenti fil-feedback ġenerali riċevut mill-amministrazzjonijiet nazzjonali u mid-data ta’ monitoraġġ tal-programmi, u fis-sejbiet tal-istudji tal-każ dwar sistemi speċifiċi tal-IT u l-LMS.

Tagħlima 3 – dwar il-kostijiet u l-benefiċċji tal-azzjonijiet iffinanzjati

Peress li l-benefiċċji u l-kostijiet tal-programm huma speċifiċi ħafna għall-azzjoni, dan ġie eżaminat prinċipalment abbażi tal-istudji tal-każ fil-fond. B’modi differenti skont il-funzjonijiet u l-oqsma tal-politika tat-tassazzjoni tagħhom, l-erba’ EESs eżaminati nstabu li jiġġeneraw benefiċċji u ffrankar tal-kostijiet tanġibbli u sinifikanti għall-awtoritajiet tat-taxxa, għall-Kummissjoni Ewropea u – fejn rilevanti, bħal meta jużaw sistemi tal-IT għal skopijiet ta’ konformità – għall-operaturi ekonomiċi. Dawn il-benefiċċji inkludew (1) titjib fl-effiċjenza mid-diġitalizzazzjoni/l-awtomatizzazzjoni ta’ kompiti preċedentement analogi; (2) żieda fil-produttività mill-kapaċità li tiġi kondiviża aktar informazzjoni u informazzjoni aħjar mingħajr xkiel; (3) tnaqqis fil-ħinijiet ta’ stennija minħabba d-disponibbiltà istantanja tal-informazzjoni; u (4) impatti diretti u indiretti fuq it-tnaqqis tal-frodi. Bħala eżempju, is-sistema tal-IT TNA, iffinanzjata mill-programm Fiscalis b’kost ċentrali tal-UE ta’ inqas minn 7 miljuni bejn l-2021 u l-2023, wasslet għall-identifikazzjoni ta’ 10 000 negozjant frodulenti, u għenet biex jiġu skoperti kważi EUR 34 biljun fi tranżazzjonijiet suspettużi. L-analiżijiet kontrofattwali ġeneralment urew li l-ġbir tar-riżorsi għall-iżvilupp tas-sistemi fil-livell tal-UE wassal għal sistemi li mhux biss kienu aktar kapaċi jissodisfaw il-funzjonijiet tagħhom iżda kienu aktar kosteffettivi minn kemm setgħu jkunu l-Istati Membri waħedhom. Kif imsemmi hawn fuq, l-azzjonijiet kollaborattivi u l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet ikkontribwew parzjalment billi għenu biex jinħoloq l-ambjent meħtieġ biex is-sistemi tal-IT jiffunzjonaw u jintużaw kif previst, kif ukoll billi żguraw fehim komuni tal-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa tal-UE u approċċi komuni għaliha. Il-kost relattivament baxx ta’ dawn l-azzjonijiet kollaborattivi u l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet tqies bħala prezz żgħir li jkollu jitħallas minħabba l-ingranaġġ iġġenerat f’termini ta’ żieda fl-effettività tas-sistemi tal-IT u l-għoti ta’ mezzi mingħajr karti lill-awtoritajiet tat-taxxa biex jaħdmu flimkien lejn l-ilħuq tal-objettivi tas-suq intern.

Tagħlima 4 – dwar il-konsistenza u s-sinerġiji tal-programm ma’ inizjattivi oħra

L-evalwazzjoni sabet li l-programm Fiscalis huwa kompletament konsistenti ma’ firxa ta’ inizjattivi oħra tal-Kummissjoni f’termini ta’ allinjament tal-objettivi u komplementarjetà tal-attivitajiet u l-outputs. Instabu rabtiet konkreti ma’ xi programmi (ara Tagħlima 1), filwaqt li dan kien minnu sa ċertu punt inqas jew ma kien minnu xejn fir-rigward ta’ programmi oħra, jiġifieri l-komponent Hercule tal-programm tal-Unjoni kontra l-frodi, il-programm tas-suq uniku, u l-istrument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni/assistenza teknika u l-iskambju ta’ informazzjoni.

Minkejja r-riskju minimu ta’ trikkib mal-programm Fiscalis u l-ambitu għal tisħiħ reċiproku anke fin-nuqqas ta’ koordinazzjoni prattika, jista’ jkun hemm opportunitajiet mitlufa biex jiġu identifikati u sfruttati s-sinerġiji. Is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet ma’ programmi oħra għandhom ikomplu jiġu esplorati ulterjorment biex tissaħħaħ ir-rilevanza tal-programm Fiscalis, inkluż fir-rigward tal-bini tal-kompetenza umana/attivitajiet ta’ taħriġ u inizjattivi relatati mal-proċess tat-tkabbir. Dawn is-sinerġiji għandhom ikomplu u għandhom jissaħħu ulterjorment biex jiġu kkonsolidati l-vantaġġi tal-ħidma flimkien ma’ politiki u inizjattivi oħra.

Tagħlima 5 – dwar il-komunikazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-viżibbiltà tal-programm

It-tipi differenti ta’ attivitajiet iffinanzjati mill-programm Fiscalis huma marbuta mill-qrib u jaħdmu flimkien biex jilħqu l-għanijiet mixtieqa. Madankollu, filwaqt li huwa għarfien komuni li s-sistemi tal-IT tal-programm huma appoġġati mill-finanzjament tal-UE, ħafna uffiċjali tat-taxxa u partijiet ikkonċernati oħra ma humiex konxji li dawn jiffurmaw parti mill-programm Fiscalis. Dan jillimita l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tad-data fost il-partijiet ikkonċernati u jwassal għal perċezzjoni parzjali tal-valur miżjud tal-programm. Fil-futur qrib, l-għarfien tar-rwol tas-sistemi tal-IT fil-programm jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ markar aktar konsistenti. Maż-żmien, dan joħloq assoċjazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-fergħat differenti ta’ attivitajiet li jirċievu finanzjament u jżid il-viżibbiltà tal-programm.

Tagħlima 6- dwar it-titjib inkrementali tal-LMS

Permezz tal-istudju tal-każ dwar l-LMS, l-evalwazzjoni żvelat li, b’mod ġenerali, il-pjattaforma kienet ta’ kwalità għolja 8 u żiedet valur sinifikanti b’kost raġonevoli. Filwaqt li s-sejbiet kienu ġeneralment pożittivi, l-istudju tal-każ innota wkoll diversi oqsma għal titjib inkrementali. Dawn kienu jinkludu (1) l-irfinar tad-disinn u l-funzjonalità tal-LMS f’termini tal-funzjoni tat-tiftix, aktar personalizzazzjoni għall-utenti lloggjati, u ż-żieda ta’ aktar verżjonijiet lingwistiċi; (2) l-inkorporazzjoni ta’ materjal ta’ taħriġ rilevanti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali u minn organizzazzjonijiet oħra; u (3) sforzi ta’ komunikazzjoni kkonċentrati biex tingħata spinta lill-użu tal-pjattaforma. Qed isiru diskussjonijiet ma’ diversi servizzi tal-Kummissjoni (jiġifieri SĠ REFORM, GROW, EUIPO) bil-għan li dawn jużaw il-pjattaforma LMS.

Tagħlima 7 – dwar il-qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni

L-MEF il-ġdid adottat għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali diġà mmarka pass lejn qafas aktar maniġġevoli u bi skop. Madankollu, għad hemm sfidi, inklużi bosta esperjenzati bl-MEF preċedenti, bħal għadd eċċessiv ta’ indikaturi, proċessi ta’ piż għall-awtoritajiet nazzjonali u għall-Kummissjoni, u utilità limitata tar-rapporti u l-analiżijiet prodotti. Il-perkorsi għal titjib jinkludu (1) il-minimizzazzjoni tal-ammont ta’ data primarja li għandha tinġabar, li tgħin biex jiġi indirizzat l-eżawriment fil-konsultazzjoni (assoċjat f’xi każijiet mal-multipliċità ta’ talbiet għall-feedback); (2) l-isfruttament ulterjuri tad-data eżistenti biex jiġu identifikati indikaturi jew valuri ta’ referenza aktar informattivi; u (3) it-tnaqqis tal-għadd ta’ indikaturi, b’mod partikolari fil-livell tal-output fejn il-korrelazzjoni mal-prestazzjoni tal-programm spiss tkun baxxa u diffiċli biex titqabbel bejn l-azzjonijiet. Flimkien mal-aħħar punt, hija ppjanata simplifikazzjoni ulterjuri tar-rapportar dwar il-prestazzjoni mill-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss. Dan se jkun ibbażat fuq qafas simplifikat għat-traċċar tan-nefqa baġitarja u għar-rapportar tal-prestazzjoni b’mod aktar sempliċi, aktar konsistenti u inqas ta’ piż.

(1)  L-aktar evalwazzjonijiet reċenti tal-programm kienu l-evalwazzjonijiet ta’ nofs it-terminu  u dawk finali tal-programm Fiscalis 2020 u jistgħu jinstabu fuq is-sit web tal-Kummissjoni fil-links ipprovduti.
(2) L-indikaturi makroekonomiċi, bħad-diskrepanza tal-VAT, naqsu kontinwament matul is-snin, filwaqt li d-dħul totali mit-taxxa żdied f’valur assolut, u baqa’ ġeneralment stabbli bħala perċentwal tal-PDG.
(3) L-istudju ppreżenta EUR 6,97 miljun f’kostijiet ċentrali tal-UE, filwaqt li bis-saħħa tas-sistema ġew skoperti EUR 37 biljun fi tranżazzjonijiet suspettużi bejn l-2020 u l-2023.
(4)  Id-Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni – Qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni għall-programm Fiscalis (2021-2027), p.2.
(5) Il-programm Fiscalis iffinanzja l-iżvilupp tas-sistema TNA li wassal għall-identifikazzjoni ta’ 12 000 negozjant frodulenti, u għen biex jiġu skoperti EUR 37 biljun fi tranżazzjonijiet suspettużi.
(6) Li jikkorrispondu għal madwar 200 kors tal-Masters bl-Ingliż.
(7)   Paġna ewlenija | Customs & Tax EU Learning Portal
(8) Dan huwa rifless ukoll fil-fatt li servizzi oħra reċentement kienu qed juru interess dejjem akbar fl-użu tal-pjattaforma biex jospitaw materjali ġodda ta’ apprendiment elettroniku li jkopru oqsma ta’ politika (suq intern) jew proġetti (TSI) relatati mill-qrib.