IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.7.2025
SWD(2025) 551 final
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI
SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT
Li jakkumpanja d-dokument
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm “AgoraEU” għall-perjodu 2028-2034, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) 2021/692 u (UE) 2021/818
u
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm “Erasmus+” għall-perjodu 2028-2034, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) 2021/817 u (UE) 2021/888
{COM(2025) 550 final} - {SEC(2025) 547 final} - {SWD(2025) 550 final}
Din il-valutazzjoni tal-impatt tiffoka fuq il-finanzjament tal-UE li jappoġġa l-oqsma ta’ politika tal-edukazzjoni transfruntiera, it-taħriġ, is-solidarjetà, iż-żgħażagħ, il-midja, il-kultura u s-setturi kreattivi, il-valuri, u s-soċjetà ċivili. Għandha l-għan li tivvaluta l-aktar alternattivi ta’ politika importanti li fuqhom jissejsu l-proposti leġiżlattivi għall-programmi tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss.
Abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjonijiet ta’ nofs it-terminu tal-istrumenti tal-finanzjament attwali għall-perjodu 2021-2027, din il-valutazzjoni tal-impatt tqis ukoll l-ambizzjoni stabbilita fil-Linji Gwida Politiċi, li l-baġit fit-tul il-ġdid tal-UE jkun aktar iffokat, aktar sempliċi, iħalli impatt akbar, u jkun artikolat b’inqas programmi.
L-aspetti ta’ politika qed jiġu kkunsidrati fl-analiżi tal-kuntest, fid-definizzjoni tal-problema u fl-objettivi, u dawn jipprovdu għarfien għall-għażliet dwar l-arkitettura tal-finanzjament. Billi l-istruttura tal-QFP li jmiss se tkun differenti ferm mill-istruttura tal-qafas attwali, għalissa din il-valutazzjoni tal-impatt għadha ma tinkludix xenarji baġitarji.
Minbarra r-riżultati tal-evalwazzjonijiet ta’ nofs it-terminu tal-programmi attwali u l-evalwazzjonijiet finali tal-programmi preċedenti, din il-valutazzjoni tal-impatt tibni fuq l-eżerċizzji analistiċi tal-infiq, diversi rapporti settorjali, studji u riċerka. Tirrifletti wkoll l-eżiti tal-Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa (OPC) li ġabret 5,845 tweġiba valida, u ta’ konsultazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn li organizzat il-Kummissjoni tul dan l-eżerċizzju.
Problemi
Il-punt tat-tluq ta’ din il-valutazzjoni tal-impatt hu l-analiżi tal-isfidi attwali u l-ixprunaturi tal-problemi fl-oqsma ta’ politika koperti fir-raggruppament. Bi qbil mal-linji gwida politiċi għall-eżerċizzju tal-QFP, u b’mod partikolari mal-objettiv li jkollna baġit ibbażat fuq il-politika, l-aspetti ta’ politika qed jiġu kkunsidrati fl-analiżi tad-definizzjoni tal-problema u fl-objettivi, li min-naħa tagħhom iservu ta’ għarfien għall-għażla dwar l-arkitettura tal-programmi tal-finanzjament futuri.
L-analiżi identifikat li l-baġit tal-UE għandu potenzjal mhux miksub li jikkontribwixxi biex jingħelbu l-isfidi li qed jaffettwaw l-oqsma ta’ politika f’dan ir-raggruppament. B’hekk ġew definiti tliet problemi li qed jaffettwaw l-intervent finanzjarju tal-UE: tnejn minnhom relatati mal-kontenut tal-politika, u t-tielet waħda dwar l-isfidi li qed jaffettwaw it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-intervent finanzjarju.
Problema 1: It-theddid għad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-valuri tal-UE, il-kultura u d-diversità kulturali, u t-tnaqqir tal-ispazji ċiviċi u tal-midja.
Problema 2: L-iskarsezzi tal-ħiliet u l-kompetenzi ewlenin għall-ħajja u għax-xogħol.
Problema 3: L-isfidi għat-tfassil u l-arkitettura tal-istrumenti tal-finanzjament tal-UE biex jiġu indirizzati l-problemi relatati mal-politika.
Kull problema mbagħad qed tiġi spjegata f’aktar dettall b’sensiela ta’ xprunaturi, li jiddeskrivu aspetti speċifiċi tal-problema u jidħlu fid-dettall tal-kwistjonijiet ewlenin li jridu jiġu indirizzati bl-intervent finanzjarju tal-UE. Il-valutazzjoni tal-impatt turi wkoll kif dawn il-problemi u l-ixprunaturi aktarx li se jippersistu mingħajr l-appoġġ finanzjarju tal-UE, u dan billi tanalizzahom mill-perspettiva ta’ sett ta’ megatendenzi li identifika ċ-Ċentru ta’ Kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Prospettiva.
Objettivi
Imbagħad, ir-rispons li jistgħu joffru l-istrumenti tal-finanzjament futuri tal-UE biex jiġu indirizzati dawn il-problemi qed jiġi artikolat f’għadd ta’ objettivi ġenerali u speċifiċi. B’mod partikolari, il-valutazzjoni tal-impatt tassoċja objettiv ġenerali wieħed ma’ kull waħda mit-tliet problemi identifikati:
Objettiv ġenerali 1: Tissaħħaħ u tiġi approfondita l-abbiltà tal-UE li tikkontribwixxi finanzjarjament, tipprovdi valur miżjud u tippromwovi d-drittijiet fundamentali u l-valuri tal-UE, id-demokrazija, il-midja u l-kultura.
Objettiv ġenerali 2: Tissaħħaħ u tiġi approfondita l-abbiltà tal-UE li tikkontribwixxi finanzjarjament, tappoġġa u tipprovdi valur miżjud għall-edukazzjoni u t-taħriġ transfruntieri, iż-żgħażagħ, l-isport u s-solidarjetà, u tikkontribwixxi għall-ħiliet għall-ħajja u x-xogħol.
Objettiv ġenerali 3: Tissaħħaħ u tiġi approfondita l-abbiltà tal-UE li tikkontribwixxi finanzjarjament u tipprovdi valur miżjud f’dawn il-politiki bi tfassil li jrawwem l-adegwatezza tal-finanzjament għall-politika, is-simplifikazzjoni, il-koordinazzjoni u s-sinerġiji.
Kull objettiv ġenerali mbagħad jiġi artikolat aktar f’objettivi speċifiċi, li jiddeskrivu b’iżjed granularità l-kontribut li l-intervent finanzjarju tal-UE jista’ jagħmel biex jintlaħqu l-objettiv(i) ġenerali.
Neċessità u valur miżjud tal-azzjoni tal-UE
L-oqsma ta’ politika koperti minn din il-valutazzjoni tal-impatt huma ankrati sew fit-Trattati tal-UE, li jipprovdu l-bażijiet legali għall-azzjoni tal-UE permezz tal-interventi finanzjarji. Il-baġit tal-UE f’dawn l-oqsma hu kruċjali għall-pedamenti tal-UE, jixpruna l-progress fl-Istati Membri kollha u hu partikolarment meħtieġ biex: (1) jiġu indirizzati sfidi transnazzjonali u komuni; (2) jitħalla impatt sistemiku billi jixxejnu l-lakuni u jkun żgurat approċċ Ewropew; u (3) tissaħħaħ il-koerenza bejn il-politiki interni u esterni.
Bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-valur miżjud tal-azzjoni tal-UE qed jintwera fir-rigward ta’: (1) it-trawwim ta’ sens ta’ ċittadinanza, solidarjetà u appartenenza tal-UE; (2) it-tħaddim ta’ standards għoljin fl-UE kollha; (3) l-appoġġ u t-tisħiħ tas-Suq Uniku u t-titjib tal-aċċess ġust fl-UE kollha; u (4) iż-żieda fil-valur b’implimentazzjoni aħjar. Il-valur miżjud u l-impatt jeħtieġ jiġu interpretati fil-kuntest tar-riżorsi baġitarji disponibbli.
Alternattivi ta’ politika
Biex jiġu indirizzati l-isfidi deskritti fit-taqsima preċedenti, meta wieħed iqis li aktarx fil-futur dawn se jippersistu u li l-intervent tal-UE f’dan il-qasam hu meħtieġ u jżid il-valur, il-valutazzjoni tal-impatt tikkontempla tliet alternattivi alternattivi għall-arkitettura tal-finanzjament futur tal-UE. Qed jiġu ppreżentati wkoll alternattivi oħra li tqiesu, iżda li ngħataw il-ġenb minn kmieni – jiġifieri l-waqfien tal-finanzjament tal-UE; il-fużjoni tal-programm Ġustizzja u konfigurazzjonijiet oħra ta’ fużjonijiet.
L-alternattivi tfasslu skont għadd ta’ kriterji msawrin wara mmappjar u analiżi inizjali tal-komponenti u l-aspetti tal-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-finanzjament tal-UE tal-perjodu tal-programmazzjoni attwali li jappoġġaw l-oqsma ta’ politika rilevanti.
L-ewwel alternattiva tirrappreżenta x-xenarju bażi, jiġifieri li jissoktaw il-programmi eżistenti bħala awtonomi (alternattiva 1 – Kontinwità). It-tieni alternattiva tipproponi żewġ programmi, li kull wieħed minnhom ikun jappoġġa primarjament waħda miż-żewġ problemi xprunati mill-politika u l-objettivi ġenerali korrispondenti (alternattiva 2 – konsolidazzjoni bbażata fuq l-objettivi). It-tielet alternattiva tipproponi programm wieħed, li jkun jappoġġa l-implimentazzjoni tal-oqsma kollha ta’ politika koperti f’dan ir-raggruppament (alternattiva 3 – Integrazzjoni sħiħa). Il-programm Ġustizzja jibqa’ awtonomu fix-xenarji kollha, minħabba raġunijiet relatati mal-bażi legali tiegħu.
Wara l-preżentazzjoni tat-tliet alternattivi ta’ politika, il-valutazzjoni tal-impatt toffri analiżi tal-impatt potenzjali ewlieni tagħhom fl-aktar dimensjonijiet soċjali (eż. il-kontribut għar-reżiljenza tad-demokrazija u tas-soċjetà; il-kontribut għall-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali, l-impatt fuq l-iżvilupp personali, soċjali, ċiviku u professjonali taċ-ċittadini), ekonomiċi (eż. il-kompetittività, l-impjegabbiltà) u ambjentali rilevanti. Barra minn hekk, din tippreżenta analiżi tal-kostijiet u tal-benefiċċji, u l-impatti tal-alternattivi fuq id-diġitalizzazzjoni, id-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza. Tanalizza wkoll il-kontribut tal-alternattivi għall-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli (SDG) tan-Nazzjonijiet Uniti.
Minbarra l-analiżi tal-impatti, il-valutazzjoni tal-impatt tinkludi wkoll tqabbil tat-tliet alternattivi abbażi tal-mudell tal-Evalwazzjoni b’Diversi Kriterji Soċjali (SMCE), li tqies xieraq għal dan l-eżerċizzju speċifiku minħabba l-ambitu wiesa’ u d-diversità tal-interventi ta’ dan ir-raggruppament. Permezz tal-SMCE, it-tliet alternattivi jitqabblu fuq erba’ dimensjonijiet, jiġifieri l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza u l-proporzjonalità tagħhom. Għal kull dimensjoni, intlaħaq qbil fuq sett ta’ objettivi, li jirriflettu l-prijoritajiet deskritti fl-Objettivi Ġenerali 1, 2 u 3. Imbagħad, l-impatt tat-tliet alternattivi ngħata punteġġ skont sett ta’ 39 indikatur maqbul, b’din il-firxa li ġejja: --- (l-aktar negattiva), --, -, =, +, ++, +++ (l-aktar pożittiva). Il-punteġġ kien ibbażat fuq valutazzjoni esperta, li straħet fuq ir-riżultati ta’ evalwazzjonijiet attwali, eżerċizzji analistiċi tal-infiq, linji gwida politiċi u rapporti ta’ politika, studji, OPC, u rapporti u stħarriġiet settorjali indipendenti. Il-klassifikazzjoni nkisbet bis-suppożizzjoni li l-indikaturi kollha għandhom l-istess piż, permezz tal-mudell SOCRATES
. Ir-robustezza tar-riżultati miksuba ġiet ivverifikata b’analiżijiet tas-sensittività lokali u globali, minkejja li kien hemm xi limitazzjonijiet fid-disponibbiltà tad-data għat-triangolazzjoni tar-riżultati. L-Anness 4 tal-valutazzjoni tal-impatt jagħti spjegazzjoni ulterjuri tal-metodoloġija ta’ hawn fuq u tal-klassifikazzjoni tal-alternattivi ta’ politika.
L-alternattiva ppreferuta
Minn dan it-tqabbil ħareġ li l-alternattiva 2 (“konsolidazzjoni bbażata fuq l-objettivi”) toffri potenzjal aħjar meta mqabbla mal-alternattivi l-oħra kkunsidrati. B’mod partikolari, din tippermetti koordinazzjoni aktar qawwija, flessibbiltà, u użu tal-baġit tal-UE b’impatt akbar – filwaqt li tiżgura enfasi ċara bl-għanijiet ta’ politika. Fil-qosor, l-alternattiva 2 toffri l-aqwa bilanċ bejn is-simplifikazzjoni u r-rilevanza tal-politika. Barra minn hekk, din l-alternattiva twieġeb kemm jista’ jkun għat-talbiet li għamlu l-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku, jiġifieri aċċessibbiltà aħjar għall-finanzjament, flessibbiltà fl-allokazzjoni tar-riżorsi, u li tinżamm il-viżibbiltà tal-marki stabbiliti sew f’dan ir-raggruppament.
Is-suċċess tal-inizjattiva se jiġi mmonitorjat bil-qafas ta’ prestazzjoni għall-baġit ta’ wara l-2027.