IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.9.2025
COM(2025) 890 final
2025/0890(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar is-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ewro-Mediterranju relatati mal-kummerċ li tistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Fis-7 ta’ Ottubru 2023, l-UE kkundannat minnufih bl-aktar mod qawwi possibbli l-attakki multipli u indiskriminati madwar Iżrael mill-Ħamas u uriet solidarjetà ma’ Iżrael.
Wara s-7 ta’ Ottubru 2023, f’Jannar 2024, b’reazzjoni għal dawn l-attakki orribbli, ġie stabbilit reġim ġdid u dedikat ta’ sanzjonijiet kontra l-Ħamas u l-Ġiħad Iżlamika tal-Palestina.
L-UE appellat b’mod konsistenti għal waqfien mill-ġlied immedjat f’Gaża u l-ħelsien mingħajr kundizzjonijiet tal-ostaġġi kollha, li jwasslu għal tmiem permanenti tal-ostilitajiet. Din il-pożizzjoni tibqa’ l-istess.
Mill-bidu tal-kunflitt bejn Iżrael u l-Ħamas f’Gaża f’Ottubru 2023, is-sitwazzjoni umanitarja fl-Istrixxa ta’ Gaża marret għall-agħar, b’għajnuna insuffiċjenti tħalliet tidħol biex tindirizza l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni. Mit-2 ta’ Marzu sat-18 ta’ Mejju 2025, Iżrael impona imblokk sħiħ fuq l-għajnuna umanitarja intiza għal Gaża li wassal biex is-sitwazzjoni umanitarja tiddeterjora sew u tilħaq insostenibbli u bla preċedent. L-operazzjoni militari Iżraeljana li għaddejja bħalissa wasslet għall-ispostamenti ripetuti tal-massa u l-kollass tas-servizzi bażiċi. Aktar minn 88 % tal-Istrixxa ta’ Gaża tinsab taħt ordni ta’ evakwazzjoni jew kontroll militari dirett.
Abbażi ta’ rapporti tan-NU, 90 % tal-unitajiet domestiċi qed jiffaċċjaw nuqqas serju ta’ sigurtà tal-ilma u r-rati ta’ malnutrizzjoni qed jiżdiedu drastikament. Nuqqasijiet serji ta’ mediċini, tagħmir, u persunal mediku jindikaw ħtieġa urġenti għal assistenza umanitarja. Fit-22 ta’ Awwissu 2025, il-Kumitat ta’ Rieżami tal-Karestija (FRC, Famine Review Committee) iddetermina li l-karestija (Fażi 5 tal-IPC) bħalissa qed isseħħ fil-Governorat ta’ Gaża (it-Tramuntana ta’ Gaża).
Ir-Rappreżentant Għoli ppreżentat lill-Kunsill Affarijiet Barranin tat-23 ta’ Ġunju 2025 rieżami tal-konformità ta’ Iżrael mal-Artikolu 2 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”). Ir-rieżami kkonkluda li hemm indikazzjonijiet li Iżrael qed jikser l-Artikolu 2 tal-Ftehim, li jistabbilixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi bħala element essenzjali ta’ dak il-Ftehim. Ir-Rappreżentant Għoli sussegwentement ippreżentat lill-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE inventarju ta’ azzjonijiet potenzjali li l-UE tista’ tieħu biex tagħmel pressjoni fuq Iżrael.
L-UE ilha tħeġġeġ b’mod konsistenti lil Iżrael biex itejjeb is-sitwazzjoni umanitarja katastrofika f’Gaża. Bħala riżultat ta’ din is-sensibilizzazzjoni, f’Lulju 2025, Iżrael qabel li jespandi l-aċċess umanitarju għal Gaża.
Mill-bidu tal-kriżi l-UE allokat riżorsi umani u finanzjarji sinifikanti biex tindirizza s-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża. Is-sħab ewlenin kollha ġew mobilizzati u ngħataw finanzjament tal-UE, biex ikunu jistgħu jipprovdu l-assistenza umanitarja meħtieġa lill-poplu ta’ Gaża u tax-Xatt tal-Punent.
L-UE stabbiliet ukoll djalogu mal-Awtoritajiet Iżraeljani biex tiffaċilita t-twassil u d-distribuzzjoni tal-għajnuna. Madankollu, il-kwantitajiet li tħallew jiġu distribwiti b’mod effettiv lill-persuni fil-bżonn ma kinux biżżejjed biex jipprevjenu kriżi umanitarja ta’ proporzjonijiet katastrofiċi.
Fl-10 ta’ Settembru 2025, fid-dawl tas-sitwazzjoni umanitarja, il-President tal-Kummissjoni Ewropea ħabbret fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2025 li l-Kummissjoni Ewropea tqis li hemm każ għas-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim relatati mal-kummerċ.
Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa element essenzjali li fuqu huwa bbażat il-Ftehim. B’mod aktar speċifiku, l-Artikolu 2 tal-Ftehim jipprevedi li “[i]r-relazzjonijiet bejn il-Partijiet, kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim innifsu, għandhom ikunu bbażati fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, li jiggwida l-politika interna u internazzjonali tagħhom u jikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-Ftehim”. Il-ksur tal-Artikolu 2 tal-Ftehim jammonta għal ksur materjali serju ta’ dak il-Ftehim li jiġġustifika s-sospensjoni unilaterali tiegħu mill-UE. L-Unjoni Ewropea għandha għalhekk id-dritt li twieġeb għal tali ksur b’mod li jkun proporzjonat u bil-ħsieb li tippromwovi t-tmiem tal-ksur.
L-Artikolu 79(2) tal-Ftehim jipprevedi li “[“[j]ekk waħda mill-partijiet kontraenti tqis li l-parti kontraenti l-oħra tkun naqset milli twettaq xi obbligu skont dan il-ftehim, din tista’ tieħu l-miżuri li jkunu xierqa.” Skont l-istess dispożizzjoni, dawk il-miżuri jistgħu jittieħdu mingħajr konsultazzjoni ulterjuri f’każijiet ta’ urġenza speċjali. Dan huwa l-każ fiċ-ċirkostanzi attwali, minħabba s-sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora malajr fl-Istrixxa ta’ Gaża u l-karestija mifruxa wara l-intervent militari ta’ Iżrael, l-imblokk kontinwu tal-għajnuna umanitarja u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem.
L-Artikolu 60 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati bejn l-Istati u l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali jew bejn l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali jipprevedi li “ksur materjali ta’ trattat bilaterali minn waħda mill-Partijiet jintitola lill-Parti l-oħra tinvoka l-ksur bħala raġuni għat-tmiem tat-trattat jew għas-sospensjoni tal-applikazzjoni tiegħu kompletament jew parzjalment. (...). 3. Ksur materjali ta’ trattat, għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, jikkonsisti minn: (...) (b) il-ksur ta’ dispożizzjoni essenzjali għall-ilħuq tal-oġġett jew l-għan tat-trattat. …/…”
Bil-ħsieb ta’ din is-sitwazzjoni, l-att propost huwa biex il-Kunsill jadotta Deċiżjoni dwar is-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim, abbażi tal-Artikolu 218(9) TFUE. F’konformità mal-Artikolu 79(2) tal-Ftehim flimkien mad-dritt internazzjonali konswetudinarju kif ikkodifikat fl-Artikolu 60(1) u (3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati bejn l-Istati u l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali jew bejn l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali (KVLT). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill għandha tiġi adottata biex tippermetti s-sospensjoni parzjali tal-Ftehim minħabba ksur materjali minn Iżrael tal-Artikolu 2 tal-Ftehim. Is-sospensjoni għandha sseħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza speċjali, b’effett immedjat determinat mis-sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora malajr fuq il-post u l-karestija mifruxa wara l-intervent militari ta’ Iżrael, l-imblokk tal-għajnuna umanitarja u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem.
Id-dispożizzjonijiet relatati mal-kummerċ li għandhom jiġu sospiżi jinkludu t-Titolu II [Moviment liberu tal-merkanzija], it-Titolu III [Dritt ta’ stabbiliment u provvista ta’ servizzi] u l-Kapitolu 2, il-Kapitolu 3 u l-Kapitolu 4 tat-Titolu IV [Akkwist pubbliku, Kompetizzjoni u proprjetà intellettwali] tal-Ftehim, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli rilevanti kollha stabbiliti fl-Anness tad-deċiżjoni proposta.
Is-sospensjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim relatati mal-kummerċ hija miżura xierqa u proporzjonata fid-dawl tal-kriżi umanitarja fl-Istrixxa ta’ Gaża.
Ladarba d-Deċiżjoni tiġi adottata mill-Kunsill, l-Unjoni tinnotifika bil-miktub lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni dwar is-sospensjoni parzjali tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim relatati mal-kummerċ, f’konformità mal-Artikolu 79(2) tal-Ftehim flimkien mal-Artikolu 60 tal-KVLT.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Il-proposta hija konsistenti mal-Artikolu 2 tal-Ftehim, li jistabbilixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi bħala elementi essenzjali ta’ dak il-Ftehim.
Barra minn hekk, il-proposta hija konsistenti mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tissospendi parzjalment il-parteċipazzjoni ta’ Iżrael fil-programm tal-Unjoni Orizzont Ewropa.
Fl-aħħar nett, din il-proposta hija konsistenti mal-Artikolu 207(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprevedi li l-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, inklużi l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din l-inizjattiva hija konsistenti mar-relazzjonijiet esterni tal-UE (inklużi l-kunsiderazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali). B’mod aktar speċifiku, din il-proposta hija konsistenti mal-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha, inklużi l-konsolidazzjoni u l-appoġġ tad-drittijiet tal-bniedem.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Bażi legali proċedurali
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li tista’ tittieħed deċiżjoni “li tissospendi l-applikazzjoni ta’ ftehim u li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
F’dan il-każ, il-Kummissjoni tipproponi deċiżjoni tal-Kunsill għas-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim relatati mal-kummerċ u b’hekk l-Artikolu 218(9) huwa l-bażi legali proċedurali xierqa.
Bażi legali sostantiva
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.
Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) TFUE.
Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni tal-Kunsill proposta għandha tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.
•Proporzjonalità
Din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv segwit, jiġifieri, li jiġu sospiżi [parzjalment] ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim relatati mal-kummerċ.
Is-sospensjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim relatati mal-kummerċ tikkostitwixxi miżura xierqa u proporzjonata li twieġeb għall-ksur serju tal-Artikolu 2 tal-Ftehim.
•Għażla tal-istrument
L-objettivi ta’ din il-proposta jistgħu jintlaħqu biss permezz ta’ att li jissospendi parzjalment l-applikazzjoni tal-ftehim internazzjonali kkonċernat. Għalhekk, hija meħtieġa deċiżjoni tal-Kunsill li tissospendi parzjalment il-Ftehim.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
•Valutazzjoni tal-impatt
mhux applikabbli
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
mhux applikabbli
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
2025/0890 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar is-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ewro-Mediterranju relatati mal-kummerċ li tistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-Unjoni tikkundanna l-attakki terroristiċi tal-Ħamas fuq Iżrael, li skattaw mewġa ta’ vjolenza fir-reġjun u tappella għal waqfien mill-ġlied immedjat fl-Istrixxa ta’ Gaża, u l-ħelsien mingħajr kundizzjonijiet tal-ostaġġi kollha, li jwasslu għal tmiem permanenti tal-ostilitajiet.
(2)Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ilu jiġi applikat mill-21 ta’ Ġunju 2000. Il-Ftehim għandu l-għan li jipprovdi qafas legali u istituzzjonali xieraq għad-djalogu politiku u l-kooperazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni u Iżrael.
(3)L-Artikolu 2 tal-Ftehim jiddikjara li “Ir-relazzjonijiet bejn il-Partijiet, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim innifsu, għandhom ikunu bbażati fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, li jiggwida l-politika tagħhom interna u internazzjonali u jikkostitwixxi element essenzjali ta' dan il-Ftehim”.
(4)L-Artikolu 79(2) tal-Ftehim jipprevedi li huwa possibbli li Parti għal dak il-Ftehim tieħu miżuri xierqa jekk tqis li l-Parti l-oħra tkun naqset milli twettaq obbligu skont dak il-Ftehim u tista’ taġixxi mingħajr konsultazzjoni ulterjuri f’każijiet ta’ urġenza speċjali u li, fl-għażla tal-miżuri, għandha tingħata prijorità lil dawk li l-inqas ifixklu l-funzjonament tal-Ftehim.
(5)Bħalma hu l-każ tal-proposta preċedenti tal-Kummissjoni għas-sospensjoni fil-kuntest ta’ dan il-Ftehim, dawn il-miżuri jistgħu jittieħdu mingħajr konsultazzjoni ulterjuri f’każijiet ta’ urġenza speċjali, bħal dik attwali, minħabba s-sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora malajr fl-Istrixxa ta’ Gaża wara l-intervent militari ta’ Iżrael, l-imblokk tal-għajnuna umanitarja u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem.
(6)Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ppreżentat rieżami tal-konformità ta’ Iżrael mal-Artikolu 2 tal-Ftehim lill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat-23 ta’ Ġunju 2025. Ir-rieżami kkonkluda li hemm indikazzjonijiet li Iżrael qed jikser l-obbligi tiegħu tad-drittijiet tal-bniedem skont l-Artikolu 2 tal-Ftehim.
(7)Fid-29 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni pproponiet is-sospensjoni parzjali tal-Ftehim bejn l-Unjoni, minn naħa waħda, u Iżrael, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni ta’ Iżrael f’wieħed mill-programmi tal-Unjoni Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (il-programm Aċċelleratur tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC, European Innovation Council) imsemmi fl-Artikolu 48 tar-Regolament 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (l-“Aċċelleratur tal-EIC”).
(8)Fl-10 ta’ Settembru 2025, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar Gaża intitolata “Gaża fil-punt ta’ kollass: Azzjoni tal-UE biex tiġi miġġielda l-karestija, il-ħtieġa urġenti li l-ostaġġi jinħelsu u l-progress lejn soluzzjoni ta’ żewġ Stati”.
(9)Bl-intervent tiegħu fl-Istrixxa ta’ Gaża u l-katastrofi umanitarja li rriżultat minnu, inklużi għexieren ta’ eluf ta’ mwiet ċivili u għadd li qed jiżdied b’rata mgħaġġla ta’ malnutrizzjoni estrema, speċifikament tat-tfal, Iżrael qed jikser id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u b’hekk qed jikser element essenzjali tal-kooperazzjoni bejn l-UE u Iżrael skont il-Ftehim.
(10)Huwa xieraq, f’konformità mal-Artikolu 79(2) tal-Ftehim, moqri flimkien mad-dritt internazzjonali konswetudinarju kif ikkodifikat fl-Artikolu 60 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati bejn l-Istati u l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali jew bejn l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali, li il-Ftehim jiġi sospiż parzjalment minħabba ksur materjali minn Iżrael tal-Artikolu 2 tal-Ftehim, u bħala kwistjoni ta’ urġenza speċjali.
(11)F’konformità mal-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni għandha tiżgura l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha. Skont l-Artikolu 207(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.
(12)Is-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim relatati mal-kummerċ tidher bħala miżura xierqa u proporzjonata li twieġeb għall-ksur tal-Artikolu 2 tal-Ftehim. Speċifikament, dawk id-dispożizzjonijiet jinkludu t-Titolu II [Moviment liberu tal-merkanzija], it-Titolu III [Dritt ta’ stabbiliment u provvista ta’ servizzi] u l-Kapitoli 2 - 4 tat-Titolu IV [Akkwist pubbliku, Kompetizzjoni u Proprjetà Intellettwali] tal-Ftehim, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli rilevanti kollha stabbiliti fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1.L-applikazzjoni tat-Titolu II [Moviment liberu tal-merkanzija], it-Titolu III [Dritt ta’ stabbiliment u provvista ta’ servizzi] u l-Kapitolu 2, il-Kapitolu 3 u l-Kapitolu 4 tat-Titolu IV [Akkwist pubbliku, Kompetizzjoni u Proprjetà Intellettwali] tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli rilevanti kollha stabbiliti fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni għandha tiġi sospiża.
2.Is-sospensjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tidħol fis-seħħ tletin jum mid-data tan-notifika tagħha lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.9.2025
COM(2025) 890 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar is-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ewro-Mediterranju relatati mal-kummerċ li tistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra
ANNESS
Lista tal-Annessi
L-ANNESS I Lista tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 7
L-ANNESS II Lista tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 9
L-ANNESS III Lista tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 9
L-ANNESS IV Lista tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 9(2)
L-ANNESS V Lista tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 9
L-ANNESS VI Lista tal-prodotti soġġetti għall-konċessjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(6)
L-ANNESS VII Id-drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali msemmija fl-Artikolu 39
Lista tal-Protokolli
Il-Protokoll 1 rigward l-arranġamenti applikabbli għall-importazzjoni fil-Komunità tal-prodotti agrikoli li joriġinaw f’Iżrael
Il-Protokoll 2 rigward l-arranġamenti applikabbli għall-importazzjoni f’Iżrael tal-prodotti agrikoli li joriġinaw fil-Komunità
Il-Protokoll 3 rigward kwistjonijiet ta’ protezzjoni tal-pjanti
Il-Protokoll 4 rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta’ prodotti oriġinarji u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 32 (assistenza reċiproka) u l-Artikolu 33 (verifika tal-provi tal-oriġini)