Brussell, 23.12.2025

COM(2025) 806 final

2025/0431(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment ta’ Self għall-Ukrajna


2025/0431 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment ta’ Self għall-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 329(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-talbiet magħmula mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika tal-Bulgarija, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika tal-Estonja, mir-Repubblika tal-Kroazja, mill-Irlanda, mir-Repubblika Ellenika, mir-Repubblika Franċiża, mir-Repubblika ta’ Ċipru, mir-Repubblika tal-Latvja, mir-Repubblika tal-Litwanja, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Repubblika ta’ Malta, mir-Renju tan-Netherlands, mir-Repubblika tal-Awstrija, mir-Repubblika tal-Polonja, mir-Repubblika Portugiża, mir-Rumanija, mir-Repubblika tas-Slovenja, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika tal-Italja, mir-Renju tal-Iżvezja,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew 1 ,

Billi:

(1)Fl-24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna, u l-forzi armati tar-Russja bdew aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna. Din il-gwerra illegali ta’ aggressjoni tar-Russja hija ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, tas-sovranità u tal-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll ksur tal-projbizzjoni fuq l-użu tal-forza stabbilita fl-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), li hija regola perentorja tad-dritt internazzjonali, u tal-prinċipji l-oħrajn tal-Karta tan-NU.

(2)Sa mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej immobilizzaw appoġġ mingħajr preċedent għar-reżiljenza ekonomika, soċjali, finanzjarja u tad-difiża tal-Ukrajna. Dak l-appoġġ jgħaqqad l-appoġġ mill-baġit tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz ta’ assistenza makrofinanzjarja fil-forma tal-Assistenza Makrofinanzjarja + 2 , il-Faċilità għall-Ukrajna 3 u l-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna (ULCM, Ukraine Loan Cooperation Mechanism) 4 , u appoġġ mill-Bank Ewropew tal-Investiment u mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, iggarantiti bis-sħiħ jew parzjalment mill-baġit tal-Unjoni, kif ukoll appoġġ finanzjarju ulterjuri mill-Istati Membri.

(3)Fid-9 ta’ Settembru 2025, l-Ukrajna ppreżentat talba uffiċjali lill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) għal programm ġdid sabiex ikopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament addizzjonali mill-2026 sal-2029. Dak il-programm jiġi wara l-implimentazzjoni b’suċċess tal-programm eżistenti tal-FMI, li fih l-Ukrajna lestiet tmien rieżamijiet, iżda jqis li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kompliet. Il-kapaċità tal-FMI li jipproċedi b’dan il-programm hija kontinġenti fuq ir-riċevuta ta’ aċċertamenti ta’ finanzjament suffiċjenti minn sħab oħrajn, inkluża l-Unjoni Ewropea.

(4)Fit-23 ta’ Ottubru 2025, 26 Stat Membru ħadu impenn li jindirizzaw il-ħtiġijiet finanzjarji urġenti tal-Ukrajna għall-2026-2027, inkluż għall-isforzi militari u tad-difiża tagħha. Dawk l-Istati Membri enfasizzaw ukoll il-ħtieġa kritika li jiżguraw li l-Ukrajna tibqa’ reżiljenti u għandha l-mezzi baġitarji u militari biex tkompli teżerċita d-dritt inerenti tagħha ta’ awtodifiża u tiġġieled l-aggressjoni tar-Russja, u tennew li l-Unjoni Ewropea se tkompli tipprovdi, f’koordinazzjoni ma’ sħab u ma’ alleati tal-istess fehma, appoġġ politiku, finanzjarju, ekonomiku, umanitarju, militari u diplomatiku komprensiv lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha. Dawk l-Istati Membri kkonkludew ukoll li l-appoġġ militari kollu kif ukoll il-garanziji tas-sigurtà għall-Ukrajna se jiġu pprovduti b’rispett sħiħ tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża ta’ ċerti Stati Membri u filwaqt li jiġu kkunsidrati l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istati Membri kollha. Ġie miftiehem li, soġġett għad-dritt tal-Unjoni, l-assi tar-Russja jenħtieġ li jibqgħu immobilizzati sakemm ir-Russja twaqqaf il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u tikkumpensaha għad-dannu kkawżat mill-gwerra tagħha, u l-Kummissjoni ġiet mitluba tippreżenta l-għażliet għal appoġġ finanzjarju lill-Ukrajna. Fl-istess data, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha għas-sigurtà Ewropea u globali f’ambjent li l-ħin kollu jinbidel jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea.

(5)Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Ukrajna tirrikjedi li l-iżborż tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni jsir mhux aktar tard mit-tieni trimestru tal-2026. Għal dan l-għan, fit-3 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni adottat pakkett ta’ proposti differenti inkluża proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-Self marbut mar-Reparazzjonijiet 5 u proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għas-snin mill-2021 sal-2027 6 . Meħuda flimkien, dawn il-proposti offrew żewġ għażliet differenti biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet finanzjarji urġenti tal-Ukrajna għall-2026-2027. Fil-pakkett, il-proposta dwar l-emenda tal-QFP saret biex tippermetti l-mobilizzazzjoni tal-garanziji tal-marġni ta’ manuvra tal-baġit tal-Unjoni għall-assistenza finanzjarja lill-Ukrajna lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP. Fin-nuqqas ta’ dik l-emenda, l-obbligazzjoni kontinġenti tas-Self għar-Reparazzjonijiet kellha tiġi appoġġata minn garanziji li għandhom jingħataw mill-Istati Membri fuq bażi volontarja.

(6)Fit-12 ta’ Diċembru 2025, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/2600 tat-12 ta’ Diċembru 2025 dwar miżuri ta’ emerġenza li jindirizzaw id-diffikultajiet ekonomiċi serji kkawżati mill-azzjonijiet tar-Russja fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna 7 li kien parti mill-pakkett tal-proposti li saru mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Diċembru 2025.

(7)Saru konsultazzjonijiet intensivi fil-Kunsill dwar l-elementi tal-pakkett u b’mod partikolari dwar il-proposta għal Regolament li jistabbilixxi Self marbut mar-Reparazzjonijiet, u l-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament tal-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (Regolament QFP). Deher li l-emenda tar-Regolament QFP li tippermetti li tiġi appoġġata l-obbligazzjoni kontinġenti marbuta mal-appoġġ lill-Ukrajna mill-baġit tal-Unjoni lil hinn mil-limitu massimu tal-QFP kienet element importanti għal xi Stati Membri u kundizzjoni għall-appoġġ tagħhom għas-Self marbut mar-Reparazzjonijiet. Madankollu, xi Stati Membri oħra qagħdu lura milli jappoġġaw in-nefqa possibbli u l-obbligazzjoni kontinġenti konnessa mas-Self marbut mar-Reparazzjonijiet.

(8)Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2025, il-Kunsill Ewropew appoġġa l-għoti ta’ self lill-Ukrajna ta’ EUR 90 biljun għas-snin 2026-2027 abbażi tas-self tal-UE fis-swieq kapitali appoġġat mill-marġni ta’ manuvra tal-baġit tal-UE. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew irriflettew ukoll li, permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa (l-Artikolu 20 tat-TUE) fir-rigward tal-istrument ibbażat fuq l-Artikolu 212 tat-TFUE, kwalunkwe mobilizzazzjoni tar-riżorsi tal-baġit tal-Unjoni bħala garanzija għal dan is-self mhi se jkollha impatt fuq l-obbligi finanzjarji tar-Repubblika Ċeka, tal-Ungerija u tas-Slovakkja.

(9)Mit-3 ta’ Diċembru 2025, il-korpi preparatorji tal-Kunsill, inkluż il-Coreper, iltaqgħu f’diversi okkażjonijiet bl-għan li jaqblu dwar is-sett ta’ atti proposti mill-Kummissjoni, inkluża l-proposta għal Regolament li jistabbilixxi s-Self marbut mar-Reparazzjonijiet u proposta għall-emenda tar-Regolament QFP. Fid-19 ta’ Diċembru 2025, il-korpi preparatorji tal-Kunsill (Coreper) irrikonoxxew l-impossibbiltà li jintlaħaq l-objettiv tas-self fi żmien raġonevoli permezz tal-pakkett ta’ atti li jinvolvu l-Unjoni kollha kemm hi. Il-valutazzjoni ikkunsidrat il-ħtieġa urġenti għal assistenza finanzjarja għall-Ukrajna. Hija stabbiliet ukoll li l-istrument li jipprovdi s-self lill-Ukrajna u l-emendi meħtieġa għar-Regolament QFP jistgħu jiġu miftiehma biss, bħala l-aħħar alternattiva, permezz tal-kombinazzjoni ta’ ftehimiet unanimi dwar il-proposta għall-emenda tar-Regolament QFP u kooperazzjoni msaħħa dwar il-proposta għal self għall-Ukrajna, skont l-Artikolu 212 tat-TFUE, filwaqt li n-nefqa li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ dak l-att, barra l-kostijiet amministrattivi konnessi mal-istituzzjonijiet, tiġġarrab mill-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 332 tat-TFUE.

(10)Fl-20 ta’ Diċembru 2025, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Kroazja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Italja, ir-Renju tal-Iżvezja, indirizzaw ittra konġunta lill-Kummissjoni li fiha talbuha “tippreżenta proposta lill-Kunsill għal deċiżjoni li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa bl-objettiv u l-kamp ta’ applikazzjoni li tipprovdi self lill-Ukrajna ta’ EUR 90 biljun għas-snin 2026-2027 abbażi ta’ self tal-UE fis-swieq kapitali appoġġat mill-marġni ta’ manuvra tal-baġit tal-UE billi jingħata effett lill-paragrafi 3 u 4 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (EUCO 24/25) kif ukoll lill-paragrafu 8 tat-test dwar l-Ukrajna appoġġat b’mod qawwi minn 25 Kap ta’ Stat jew ta’ Gvern (EUCO 26/25)”. 

(11)L-assistenza finanzjarja lil pajjiżi terzi, kif stabbilit mill-Artikolu 212 tat-TFUE, mhijiex inkluża fil-lista ta’ oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tat-TFUE. L-għoti ta’ assistenza finanzjarja lill-Ukrajna skont il-modalitajiet previsti mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2025 (“il-kooperazzjoni msaħħa prevista”) għalhekk jaqa’ fil-qafas tal-kompetenza mhux esklużiva tal-Unjoni.

(12)Il-kooperazzjoni msaħħa prevista tappoġġa objettivi differenti li se jsaħħu l-proċess ta’ integrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 20(1) tat-TUE. L-ewwel nett, l-għoti ta’ assistenza finanzjarja lill-Ukrajna jikkontribwixxi għall-objettivi tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-TUE, b’mod partikolari għall-paċi u s-sigurtà fl-Unjoni u fid-dinja kif ukoll għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa bbażat fost l-oħrajn fuq tkabbir ekonomiku bbilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet. Fil-fatt, tali assistenza tippermetti li jittaffew l-effetti tal-azzjonijiet tar-Russja fuq is-sigurtà u fuq l-ekonomija tal-Unjoni u tal-viċinat tagħha. Telfa għall-Ukrajna tkun assoċjata wkoll ma’ riskju akbar ta’ aggressjoni mir-Russja kontra xi wieħed mill-Istati Membri jew pajjiż fil-viċinat tal-Ukrajna, inklużi l-pajjiżi kandidati, li jkollha riperkussjonijiet diretti u indiretti fuq is-sigurtà u s-sitwazzjoni ekonomika fl-Unjoni. Jista’ jkun mistenni wkoll li r-riperkussjonijiet fuq l-ekonomija tal-Unjoni minħabba l-aggressjoni tar-Russja jkunu saħansitra aktar severi fil-każ fejn l-Ukrajna ma tkunx tista’ tappoġġa l-isforzi fiskali li huma meħtieġa għat-tkomplija tal-isforz tal-gwerra tagħha. It-tieni, meta jitqies li l-Ukrajna hija wkoll kandidat biex taderixxi mal-Unjoni, dan l-appoġġ huwa investiment strateġiku tal-Unjoni fil-paċi, fis-sigurtà, fl-istabbiltà u fil-prosperità fl-Ewropa u jippermetti lill-Unjoni tkun f’pożizzjoni aħjar biex tindirizza l-isfidi globali filwaqt li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/792 dwar il-Faċilità għall-Ukrajna u l-enfasi tagħha fuq ir-riformi tal-istat tad-dritt, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi bħala elementi fundamentali ewlenin għall-adeżjoni. It-tielet, l-għoti ta’ assistenza lill-Ukrajna jkun ukoll ta’ benefiċċju għas-suq intern u jipprovdi aktar opportunitajiet ekonomiċi u kummerċjali għall-benefiċċju reċiproku tal-Unjoni u tal-Ukrajna, filwaqt li jappoġġa trasformazzjoni gradwali tal-pajjiż inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Pjan tal-Ukrajna kif emendat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2157. Ir-raba’, l-Unjoni qed tħabbat wiċċha ma’ deterjorament qawwi tal-kuntest tas-sigurtà tagħha, marbut mhux biss mat-theddida persistenti tar-Russja u l-bidla intensifikata tagħha lejn ekonomija ta’ żmien il-gwerra u mal-evoluzzjoni tal-gwerra fl-Ukrajna, iżda wkoll ma’ inċertezzi li jirriżultaw mill-miġja ta’ sitwazzjoni ġeopolitika li fiha l-Unjoni trid iżżid l-isforzi tagħha b’mod sinifikanti biex tiżgura d-difiża tagħha b’mod awtonomu. F’dan il-kuntest, l-għoti ta’ assistenza finanzjarja lill-Ukrajna jenħtieġ li jippermetti wkoll li jiġu appoġġati objettivi li jkunu ta’ benefiċċju għat-tisħiħ tal-bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB, European Defence and Technological Industrial basis), f’kuntest fejn diversi strumenti u programmi tal-Unjoni jippromwovu l-kooperazzjoni industrijali tad-difiża mal-Ukrajna, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE, Security Action for Europe) permezz tal-Istrument għat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża 8 u l-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (EDIP, European Defence Industry Programme) 9 . 

(13)Il-kooperazzjoni msaħħa prevista, li tikkonsisti f’li jkun hemm grupp ta’ Stati Membri li jipprovdu assistenza finanzjarja lill-Ukrajna, tikkonforma mat-Trattati u mad-dritt tal-Unjoni u għandha tiġi organizzata b’mod li ma jdgħajjifx is-suq intern jew il-koeżjoni ekonomika, soċjali jew territorjali. Jenħtieġ li ma tikkostitwixxix ostaklu għall-kummerċ jew diskriminazzjoni fil-kummerċ bejn l-Istati Membri u li ma twassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni bejniethom.

(14)L-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa prevista teħtieġ infiq, minbarra l-kostijiet amministrattivi involuti għall-istituzzjonijiet (“nefqa ta’ kooperazzjoni msaħħa”), u obbligazzjonijiet kontinġenti mill-assistenza finanzjarja, li għandhom jiġu ggarantiti lil hinn mil-limitu massimu tal-QFP (“garanzija għal obbligazzjonijiet kontinġenti”).

(15)Il-kooperazzjoni msaħħa prevista tirrispetta l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri mhux parteċipanti. Jenħtieġ li l-Istati Membri mhux parteċipanti la jikkontribwixxu għall-finanzjament tan-nefqa tal-kooperazzjoni msaħħa u lanqas għall-kopertura tal-garanzija għall-obbligazzjonijiet kontinġenti. Għal dan l-għan, l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tas-Self marbut mar-Reparazzjonijiet jenħtieġ li jkunu intitolati għal aġġustament f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 10 . Dak l-aġġustament jenħtieġ li jkopri n-nefqa tal-kooperazzjoni msaħħa u kwalunkwe sejħa fuq il-garanzija għal obbligazzjonijiet kontinġenti.

(16)Il-kooperazzjoni msaħħa prevista hija miftuħa fi kwalunkwe ħin għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jipparteċipaw fiha skont it-termini definiti f’din id-Deċiżjoni. Jenħtieġ li kull Stat Membru li jkun għadu kif beda jipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa, jikkontribwixxi għall-finanzjament tan-nefqa tal-kooperazzjoni msaħħa mid-data li fiha l-parteċipazzjoni ta’ dak l-Istat Membru ssir effettiva skont l-Artikolu 331(1) tat-TFUE. Kwalunkwe Stat Membru parteċipanti ġdid jenħtieġ li jiżgura wkoll il-kopertura tal-garanzija għal obbligazzjonijiet kontinġenti li l-Unjoni tidħol fihom mill-bidu tal-kooperazzjoni msaħħa, fid-dawl tal-implimentazzjoni tagħha. Għal dak l-għan, jenħtieġ li dak l-Istat Membru jikkontribwixxi, mid-data li fiha l-parteċipazzjoni tiegħu ssir effettiva skont l-Artikolu 331(1) tat-TFUE, bis-sehem proporzjonat tiegħu, għal kwalunkwe sejħa fuq il-garanzija għal obbligazzjonijiet kontinġenti, inklużi sejħiet relatati ma’ obbligazzjonijiet kontinġenti li fihom daħlet l-Unjoni, fid-dawl tal-implimentazzjoni ta’ din il-kooperazzjoni msaħħa, qabel dik id-data.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Kroazja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Italja, ir-Renju tal-Iżvezja, huma b’dan awtorizzati li jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom dwar l-istabbiliment ta’ Self għall-Ukrajna skont it-termini deskritti f’din id-Deċiżjoni, billi japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ġurnal Uffiċjali C […], […], p. […].
(2)    Ir-Regolament (UE) 2022/2463 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi strument għall-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja +) (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 1).
(3)    Ir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna, (ĠU L, 2024/792, 29.2.2024).
(4)    Ir-Regolament (UE) 2024/2773 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna u li jipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna (ĠU L, 2024/2773, 28.10.2024 p.1-14.).
(5)    COM(2025) 3502 final, 2025/3502 (COD).
(6)    COM(2025) 3500 final, 2025/3500 (APP).
(7)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/2600 tat-12 ta’ Diċembru 2025 dwar miżuri ta’ emerġenza li jindirizzaw id-diffikultajiet ekonomiċi serji kkawżati mill-azzjonijiet tar-Russja fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna (ĠU L, 2025/2600, 13.12.2025).
(8)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), (ĠU L, 2025/1106, 28.5.2025, p.39-52).
(9)    COM(2024) 150 final.
(10)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39).