Brussell, 12.12.2025

COM(2025) 778 final

2025/0416(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fil-Finlandja


2025/0416 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fil-Finlandja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 126(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mill-Finlandja,

Billi:

(1)L-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.

(2)Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir b’saħħtu, sostenibbli u inklużiv mirfud minn stabbiltà finanzjarja, u b’hekk jappoġġa l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni għal tkabbir u impjiegi sostenibbli.

(3)Il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE) skont l-Artikolu 126 TFUE, kif iċċarata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv 1 , li tagħmel parti mill-PST, tipprevedi deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Il-Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE, jistabbilixxi aktar dispożizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 2 jistipula regoli u definizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Il-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264, li emenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97. Ir-riforma ma biddlitx ir-regoli tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit b’mod ġenerali, filwaqt li għall-Istati Membri bi proporzjon tad-dejn tal-gvern ogħla minn 60 % tal-PDG, il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-dejn se tiffoka fuq id-devjazzjonijiet mir-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta 3 stabbiliti mill-Kunsill skont l-Artikoli 17 jew 19 tar-Regolament (UE) 2024/1263 4 . Skont l-Artikolu 22(6) tar-Regolament (UE) 2024/1263, id-devjazzjonijiet jiġu kkalkulati abbażi tad-data tal-eżitu. Is-sena inizjali tar-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta annwali u kumulattivi rrakkomandati mill-Kunsill għall-Finlandja hija l-2025. Il-valutazzjoni tal-konformità mal-kriterju tad-dejn tista’ ssir biss ladarba jkunu disponibbli d-data tal-eżitu għall-2025, li se jkun fir-rebbiegħa tal-2026. Għalhekk, din id-Deċiżjoni tal-Kunsill tikkonċerna l-eċċess tal-proporzjon tad-defiċit tal-gvern mal-PDG fir-rigward tal-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG.

(4)Skont l-Artikolu 126(5) TFUE, jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li jeżisti jew jista’ jinħoloq defiċit eċċessiv fi Stat Membru, din għandha tindirizza opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat u għandha tinforma b’dan lill-Kunsill. Wara li kkunsidrat ir-rapport tagħha adottat skont l-Artikolu 126(3) TFUE u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tal-4 ta’ Diċembru 2025 adottat skont l-Artikolu 126(4) TFUE, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti defiċit eċċessiv fil-Finlandja. Fit-12 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni għalhekk indirizzat tali opinjoni lill-Finlandja u infurmat lill-Kunsill dwar dan 5 .

(5)L-Artikolu 126(6) TFUE jipprevedi li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jesprimi qabel ma jieħu deċiżjoni, wara evalwazzjoni ġenerali, jekk ikunx jeżisti defiċit eċċessiv. Fil-każ tal-Finlandja, l-istima kumplessiva twassal għall-konklużjonijiet stabbiliti hawn taħt.

(6)Skont id-data pprovduta mill-Eurostat fil-21 ta’ Ottubru 2025 6 , id-defiċit tal-gvern estiż fil-Finlandja laħaq l-4,4 % tal-PDG fl-2024 u d-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 82,5 % tal-PDG fl-aħħar tal-2024. Fl-2025, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Finlandja huwa ppjanat li jilħaq l-4,3 % tal-PDG 7 . Id-defiċit attwali tal-gvern fl-2024 u d-defiċit ippjanat għall-2025 huma ogħla u mhux qrib il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG, u d-defiċits li jaqbżu l-valur referenzjarju mhumiex ikkunsidrati temporanji. Abbażi tat-Tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni 8 , id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jibqa’ ogħla minn 3 % tal-PDG fl-2025, fl-2026 u fl-2027. Ir-rapport tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE qies li d-defiċits li jaqbżu l-valur referenzjarju fl-2024 u fl-2025 huma eċċezzjonali, minħabba l-impatt tal-iżviluppi makroekonomiċi negattivi u l-impatt fuq il-finanzi pubbliċi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

(7)F’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 126(3) TFUE, il-Kummissjoni analizzat ukoll il-fatturi rilevanti kollha fir-rapport tagħha skont l-Artikolu 126(3) TFUE. Kif stabbilit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, meta tiġi vvalutata l-konformità abbażi tal-kriterju tad-defiċit, jekk il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG jaqbeż il-valur referenzjarju, għandhom jitqiesu l-fatturi rilevanti fil-passi ta’ wara r-rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE u li jwasslu għad-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv biss jekk — qabel ma jitqiesu dawn il-fatturi rilevanti — id-defiċit tal-gvern estiż jibqa’ qrib il-valur referenzjarju u l-eċċess tiegħu ’il fuq mill-valur referenzjarju jkun temporanju. Fil-każ tal-Finlandja, il-kundizzjoni doppja ma ġietx issodisfata. Għalhekk, il-fatturi rilevanti ma jitqisux.

(8)Għalhekk, il-kriterju tad-defiċit kif definit mit-Trattat u mir-Regolament (KE) Nru 1467/97 mhuwiex issodisfat.

(9)Fit-8 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill attiva klawżola liberatorja nazzjonali biex jiffaċilita żieda fin-nefqa fid-difiża fil-Finlandja 9 , matul il-perjodu 2025-2028. L-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 1467/97 jistabbilixxi li, jekk tiġi attivata klawżola liberatorja nazzjonali, il-Kummissjoni u l-Kunsill jistgħu jiddeċiedu li ma jaslux għal konklużjoni rigward l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Madankollu, abbażi tat-Tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni, id-defiċit fl-2025 għall-Finlandja huwa pproġettat għal 3,4 % tal-PDG mingħajr iż-żieda fin-nefqa fid-difiża mill-2021. Għalhekk, id-defiċit li jaqbeż il-valur referenzjarju fil-Finlandja fl-2025 ma jistax jiġi spjegat bis-sħiħ minn żieda fin-nefqa fid-difiża mis-sena ta’ referenza tal-2021. B’riżultat ta’ dan, l-Artikolu 2(5) ma japplikax.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li jeżisti defiċit eċċessiv fil-Finlandja minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 209, 2.8.1997, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/2024-04-30 ) kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024).
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/479/2014-09-01 ) kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 220/2014 tas-7 ta’ Marzu 2014 fir-rigward ta’ referenzi għas-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 69, 8.3.2014).
(3)    Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(4)    Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj ).
(5)    Id-dokumenti kollha relatati mal-PDE għall-Finlandja jinsabu fuq: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-governance-framework/stability-and-growth-pact/corrective-arm-excessive-deficit-procedure/excessive-deficit-procedures-overview/finland_en
(6)    Ara l-Indikaturi tal-Euro tal-Eurostat ippubblikati fil-21 ta’ Ottubru 2025 ( https://ec.europa.eu/eurostat/en/web/products-euro-indicators/w/2-21102025-AP ), f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009.
(7)    Id-defiċit ippjanat kif irrappurtat lill-Eurostat fil-kuntest tan-notifika fiskali tal-Ħarifa 2025. Ara: https://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/excessive-deficit-procedure/edp-notification-tables .
(8)    It-Tbassir Ekonomiku Ewropew - il-Ħarifa 2025, European Economy-Institutional Paper, Nru 327, is-17 ta’ Novembru 2025.
(9)    Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tippermetti lill-Finlandja tiddevja minn, u taqbeż, il-perkors tan-nefqa netta rakkomandat (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali), (ĠU C, C/2025/3966, 20.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3966/oj ).