IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.11.2025
COM(2025) 693 final
2025/0351(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, min-naħa waħda, u l-Iżlanda, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-Iżlanda hija sieħeb spazjali mill-qrib tal-UE li jipparteċipa f’diversi komponenti tal-Programm Spazjali tal-Unjoni, b’xi eċċezzjonijiet inkluż il-komponent tal-GOVSATCOM.
Fl-14 ta’ Diċembru 2023, l-Iżlanda talbet li tibda negozjati dwar ftehim bil-ħsieb li tipparteċipa fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura. Fil-25 ta’ Frar 2025, il-Kunsill awtorizza l-ftuħ tan-negozjati f’isem l-Unjoni.
Kif definit fil-Programm tal-Unjoni dwar il-Konnettività tas-Sigurtà, ir-Regolament (UE) 2023/588 (ir-“Regolament dwar Konnettività Sigura”) u fir-Regolament (UE) 2021/696 dwar il-Programm Spazjali tal-Unjoni (ir-“Regolament dwar l-Ispazju”), il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-Konnettività Sigura u fil-GOVSATCOM rispettivament għandha tiġi organizzata permezz ta’ ftehim internazzjonali awtonomu f’konformità mal-Artikolu 218 tat-TFUE.
Il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-Konnettività Sigura u fil-GOVSATCOM se tiġi konkluża fi ftehim wieħed minħabba li ż-żewġ programmi huma interkonnessi, peress li l-GOVSATCOM hija wkoll iċ-ċentru ta’ servizz għall-Konnettività Sigura u minħabba li l-istess kundizzjonijiet japplikaw għall-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fiż-żewġ programmi.
Minn perspettiva ġeopolitika, il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura hija ta’ interess għall-Unjoni peress li se tikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-rwol tal-Ewropa bħala attur globali minħabba li tkabbar l-użu tal-Konnettività Sigura lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni u se tippromwovi wkoll il-kooperazzjoni internazzjonali kif definita fl-Istrateġija Spazjali għall-Ewropa. Ftehim mal-Iżlanda jsaħħaħ il-pożizzjoni strateġika tal-UE li hija objettiv tal-Istrateġija Spazjali tal-UE għas-Sigurtà u d-Difiża.
Il-parteċipazzjoni ta’ pajjiż terz bħall-Iżlanda hija ta’ interess għall-Unjoni Ewropea, anke minħabba li billi jitkabbar l-użu tal-Konnettività Sigura, din tiġġenera introjtu għall-Unjoni Ewropea.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Ir-Regolament dwar il-Konnettività Sigura joffri l-possibbiltà li l-Programm għal Konnettività Sigura jinfetaħ għal pajjiżi terzi, li l-ewwel kategorija tagħhom huma l-pajjiżi taż-ŻEE-EFTA.
Ftehim mal-Iżlanda se jikkomplementa l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura. Ftehim se jippromwovi u jsaħħaħ ukoll il-Konnettività Sigura barra mill-Unjoni, fit-Tramuntana estrema strateġikament importanti.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta’ benefiċċju tal-Iżlanda, qrib ir-reġjun tal-Artiku, il-Konnettività Sigura hija importanti biex tappoġġa s-setturi ekonomiċi ewlenin, b’mod partikolari t-telekomunikazzjoni u t-trasport.
Ftehim dwar Konnettività Sigura mal-Iżlanda jikkontribwixxi għal għadd ta’ prijoritajiet tal-UE inkluż il-Patt Ekoloġiku, Ewropa Lesta għall-Era Diġitali, Ekonomija għas-servizz tan-nies u Ewropa Aktar b’Saħħitha fid-Dinja.
Minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta’ benefiċċju tal-Iżlanda, qrib ir-reġjun tal-Artiku, ftehim bħal dan se jikkontribwixxi wkoll għall-paċi u s-sigurtà u għall-iżvilupp sostenibbli tad-Dinja.
Il-Boxxla Strateġika għas-sigurtà u d-difiża adottata mill-Kunsill fil-21 ta’ Marzu 2022 tipproponi li s-sistemi spazjali tal-UE joffru konnettività globali lill-atturi tas-sigurtà u tad-difiża. Tappella wkoll lill-Unjoni biex taħdem fuq il-proposta għal sistema ta’ komunikazzjoni sigura globali tal-UE bbażata fl-ispazju. Ftehim mal-Iżlanda se jikkontribwixxi għal dan.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Skont l-Artikolu 189(2) tat-TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika Ewropea dwar l-ispazju. Miżura waħda hija li jiġu konklużi ftehimiet ta’ kooperazzjoni spazjali internazzjonali, bħal dak imħejji skont din l-inizjattiva.
L-Artikolu 218(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Permezz tar-Regolament dwar il-Konnettività Sigura u r-Regolament dwar l-Ispazju, l-Unjoni għandha l-kompitu li tipprovdi soluzzjonijiet ta’ komunikazzjoni bis-satellita reżiljenti, globali, siguri, protetti, mingħajr interruzzjoni, garantiti u flessibbli, mibnija fuq bażi teknoloġika u industrijali tal-Unjoni, sabiex tiżdied ir-reżiljenza tal-operazzjonijiet tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
Peress li l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u l-Programm Spazjali tal-Unjoni huma programmi tal-Unjoni, il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fiż-żewġ programmi ma tistax tinkiseb mill-Istati Membri tal-UE nfushom.
•Proporzjonalità u għażla tal-istrument
Kif definit fir-Regolament dwar il-Konnettività Sigura u fir-Regolament dwar l-Ispazju, il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-Konnettività Sigura u fil-GOVSATCOM rispettivament għandha tiġi organizzata permezz ta’ ftehim internazzjonali awtonomu f’konformità mal-Artikolu 218 tat-TFUE bil-ħsieb li jinħolqu drittijiet u obbligi bejn il-partijiet.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-Kummissjoni ġabret l-informazzjoni u l-għarfien espert meħtieġa, anke fid-diskussjonijiet tagħha mal-Istati Membri tal-UE, inkluż dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ parteċipazzjoni ta’ pajjiżi mhux tal-UE kif imsemmi fir-Regolament dwar il-Konnettività Sigura u r-Regolament dwar l-Ispazju.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-Iżlanda se tikkontribwixxi għall-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u għas-subkomponent tal-GOVSATCOM abbażi tal-PDG tagħha inkluż l-aġġustament għall-2023–2025 għall-Konnettività Sigura tal-Unjoni u għall-2021–2025 għall-GOVSATCOM.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
L-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim se tiġi mmonitorjata mill-Unjoni u mill-Iżlanda permezz ta’ Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim.
2025/0351 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, min-naħa waħda, u l-Iżlanda, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 189, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) …/… ta’ [data], il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, min-naħa waħda, u l-Iżlanda, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura, u għall-aċċess għas-servizzi tagħhom
(il-“Ftehim”) jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni fi … soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.
(2)Minn perspettiva ġeopolitika, il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura se tikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-rwol tal-Ewropa bħala attur globali u se tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali kif definit fl-Istrateġija Spazjali għall-Ewropa. Ftehim mal-Iżlanda jsaħħaħ il-pożizzjoni strateġika tal-UE li hija objettiv tal-Istrateġija Spazjali tal-UE għas-Sigurtà u d-Difiża.
(3)Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,
ADOTTA/ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Dan il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, min-naħa waħda, u l-Iżlanda, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura, u (il-“Ftehim”) huwa b’dan approvat.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
DIKJARAZZJONIJIET FINANZJARJI LEĠIŻLATTIVI
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA “DĦUL” - GĦAL PROPOSTI LI GĦANDHOM IMPATT BAĠITARJU FUQ IN-NAĦA TAD-DĦUL TAL-BAĠIT
1.ISEM IL-PROPOSTA:
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni
[l-Iżlanda, Govsatcom]
2.LINJI BAĠITARJI:
Linja tad-dħul (Kapitolu/Artikolu/Partita): 6 6 0 0
Ammont ibbaġitjat għas-sena kkonċernata:
(fil-każ ta’ dħul assenjat biss):
Id-dħul jiġi assenjat għal-linja tan-nefqa li ġejja (Kapitolu/Artikolu/Partita): 04 02 03.01.
3.IMPATT FINANZJARJU
◻
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja
◻
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul
x
Il-Proposta għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul assenjat
L-effett huwa kif ġej:
(miljuni ta’ EUR għal pożizzjoni deċimali waħda)
|
Linja tad-dħul
|
Impatt fuq id-dħul
|
Perjodu ta’ 12-il xahar li jibda mill-01/01/2026 (jekk applikabbli)
|
Sena N
|
|
6 6 0 0
|
0,09
|
|
2026
|
|
Kapitolu/Artikolu/Partita …
|
|
|
|
|
Sitwazzjoni wara l-azzjoni
|
|
Linja tad-dħul
|
2027
|
[N+2]
|
[N+3]
|
[N+4]
|
[N+5]
|
|
6 6 0 0
|
0,12
|
|
|
|
|
|
Kapitolu/Artikolu/Partita …
|
|
|
|
|
|
(Fil-każ ta’ dħul assenjat biss, bil-kundizzjoni li l-linja baġitarja tkun diġà magħrufa):
|
Linja tan-nefqa
|
2026
|
2027
|
|
04 02 03.01
|
0,09
|
0,12
|
|
Kapitolu/Artikolu/Partita …
|
|
|
|
Linja tan-nefqa
|
[N+2]
|
[N+3]
|
[N+4]
|
[N+5]
|
|
Kapitolu/Artikolu/Partita …
|
|
|
|
|
|
Kapitolu/Artikolu/Partita …
|
|
|
|
|
4.MIŻURI KONTRA L-FRODI
5.KUMMENTI OĦRA
(il-metodu/il-formula li ntużaw biex jiġi kkalkolat id-dħul)
Għall-2026 u l-2027, il-kontribuzzjoni hija bbażata fuq il-koeffiċjent tal-EFTA għall-parteċipazzjoni fil-programmi, filwaqt li għall-2021–2025 il-parteċipazzjoni retroattiva hija kkalkulata abbażi tal-ammonti attwali implimentati fil-perjodu, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru xx/2025 ta’ xx 2025.
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA “DĦUL” - GĦAL PROPOSTI LI GĦANDHOM IMPATT BAĠITARJU FUQ IN-NAĦA TAD-DĦUL TAL-BAĠIT
1.ISEM IL-PROPOSTA:
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni
[l-Iżlanda, USC]
2.LINJI BAĠITARJI:
Linja tad-dħul (Kapitolu/Artikolu/Partita): 6 6 0 0
Ammont ibbaġitjat għas-sena kkonċernata:
(fil-każ ta’ dħul assenjat biss):
Id-dħul jiġi assenjat għal-linja tan-nefqa li ġejja (Kapitolu/Artikolu/Partita): 04 01 02, 04 03 01, 13 05 01, 14 08 01.
3.IMPATT FINANZJARJU
◻
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja
◻
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul
x
Il-Proposta għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul assenjat
L-effett huwa kif ġej:
(miljuni ta’ EUR għal pożizzjoni deċimali waħda)
|
Linja tad-dħul
|
Impatt fuq id-dħul
|
Perjodu ta’ 12-il xahar li jibda mill-01/01/2026 (jekk applikabbli)
|
Sena N
|
|
6 6 0 0
|
0,8
|
|
2026
|
|
Kapitolu/Artikolu/Partita …
|
|
|
|
|
Sitwazzjoni wara l-azzjoni
|
|
Linja tad-dħul
|
2027
|
[N+2]
|
[N+3]
|
[N+4]
|
[N+5]
|
|
6 6 0 0
|
0,7
|
|
|
|
|
|
Kapitolu/Artikolu/Partita …
|
|
|
|
|
|
(Fil-każ ta’ dħul assenjat biss, bil-kundizzjoni li l-linja baġitarja tkun diġà magħrufa):
|
Linja tan-nefqa
|
2026
|
2027
|
|
04 01 02
|
0,001
|
0,001
|
|
04 03 01
|
0,3
|
0,5
|
|
13 05 01
|
0,4
|
0,2
|
|
14 08 01
|
0,1
|
0,1
|
|
Linja tan-nefqa
|
[N+2]
|
[N+3]
|
[N+4]
|
[N+5]
|
|
Kapitolu/Artikolu/Partita …
|
|
|
|
|
|
Kapitolu/Artikolu/Partita …
|
|
|
|
|
4.MIŻURI KONTRA L-FRODI
5.KUMMENTI OĦRA
(il-metodu/il-formula li ntużaw biex jiġi kkalkolat id-dħul)
Għall-2026 u l-2027, il-kontribuzzjoni hija bbażata fuq il-koeffiċjent tal-EFTA għall-parteċipazzjoni fil-programmi, filwaqt li għall-2023–2025 il-parteċipazzjoni retroattiva hija kkalkulata abbażi tal-ammonti attwali implimentati fil-perjodu, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru xx/2025 ta’ xx 2025.
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.11.2025
COM(2025) 693 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, min-naħa waħda, u l-Iżlanda, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni
L-UNJONI EWROPEA (minn hawn ’il quddiem l-“Unjoni”)
Minn naħa waħda,
kif ukoll
L-IŻLANDA (minn hawn ’il quddiem “l-Iżlanda”),
Min-naħa l-oħra,
minn hawn ’il quddiem imsejħa b’mod konġunt “il-Partijiet”
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-Programm Spazjali tal-Unjoni,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-obbligi tal-Partijiet skont id-dritt internazzjonali,
FILWAQT LI JFAKKRU fir-Regolament (UE) 2021/696 dwar il-Programm Spazjali tal-Unjoni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament dwar l-Ispazju”) u fir-Regolament (UE) 2023/588 dwar il-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament dwar il-Konnettività Sigura”),
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Iżlanda qed tikkontribwixxi b’mod finanzjarju għall-attivitajiet li jirriżultaw mill-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u mill-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru xx/2025 ta’ xx 2025 li temenda l-Protokoll 31 dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet u l-Protokoll 37 li fih il-lista stabbilita fl-Artikolu 101 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim ŻEE”),
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-Ftehim ŻEE bħala bażi legali u istituzzjonali biex tissaħħaħ u titwessa’ l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Iżlanda fil-qasam tal-konnettività sigura,
FILWAQT LI JFAKKRU fil-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Iżlanda u l-Unjoni Ewropea dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni”) li ġie ffirmat fit-12 ta’ Ġunju 2006, u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2007,
FILWAQT LI JFAKKRU fl-Arranġamenti ta’ Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata skambjata bejn ir-Repubblika tal-Iżlanda u l-Unjoni (minn hawn’ il quddiem imsejħa “l-Arranġamenti ta’ Sigurtà”), maqbula fit-22 ta’ Frar 2007,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/698 tistabbilixxi r-responsabbiltajiet li għandhom jiġu eżerċitati mill-Kunsill u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) biex tiġi evitata theddida għas-sigurtà tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jew biex tiġi mitigata ħsara serja għall-interessi essenzjali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jew kull meta s-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha tista’ tiġi affettwata mill-operazzjoni tas-sistema jew mill-forniment tas-servizzi governattivi, id-Deċiżjoni (PESK) 2021/698 għandha tapplika kif stipulat fl-Artikolu 35 tar-Regolament dwar l-Ispazju u fl-Artikolu 31 tar-Regolament dwar il-Konnettività Sigura,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-interess tal-Iżlanda fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u fis-servizzi tal-Konnettività Sigura tal-Unjoni,
FILWAQT LI JIXTIEQU jistabbilixxu ftehim bilaterali dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Għan tal-Ftehim
1. Dan il-Ftehim jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u għall-aċċess tal-Iżlanda għas-servizzi governattivi tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u għas-servizzi tal-GOVSATCOM.
2. L-Iżlanda għandha tkun Parteċipant tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u Parteċipant tal-GOVSATCOM sa fejn tawtorizza lill-utenti tal-Unjoni għal Konnettività Sigura tal-kapaċitajiet governattivi u lill-utenti tal-GOVSATCOM, jew tipprovdi kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni bis-satellita, siti tas-segmenti terrestri jew parti mill-faċilitajiet tas-segmenti terrestri.
3. Id-drittijiet mogħtija skont dan il-Ftehim għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u għall-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni. Il-Ftehim ma għandu jagħti lill-Iżlanda l-ebda setgħa tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u tal-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni.
4. Dan il-Ftehim ma jaffettwax il-qafas legali u l-istruttura istituzzjonali tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u l-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni stabbilit bid-dritt tal-Unjoni, l-atti rilevanti tal-Unjoni inkorporati fil-Ftehim ŻEE jew il-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni. Dan il-Ftehim lanqas ma jaffettwa d-drittijiet, ir-regolamenti u l-politiki applikabbli tal-Unjoni li jimplimentaw l-impenji ta’ nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-esportazzjoni għal oġġetti b’użu doppju.
5. L-Unjoni għandha tkun is-sid tal-assi tanġibbli u intanġibbli kollha li jiffurmaw parti mill-infrastruttura governattiva żviluppata skont il-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura, kif previst fl-Artikoli 5(2) u 19(2) tar-Regolament dwar il-Konnettività Sigura, u skont il-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni.
6. Dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi ta’ xi waħda mill-Partijiet skont kwalunkwe ftehim internazzjonali ieħor.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1.“Ċentru tal-GOVSATCOM” tfisser ċentru tal-GOVSATCOM kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (23), tar-Regolament (UE) 2021/696.
2.“L-Aġenzija” tfisser l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/696.
3.“Informazzjoni klassifikata tal-UE” jew “IKUE” tfisser informazzjoni klassifikata tal-UE jew IKUE kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (25), tar-Regolament (UE) 2021/696.
4.“Informazzjoni sensittiva mhux klassifikata” tfisser informazzjoni sensittiva mhux klassifikata kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (26), tar-Regolament (UE) 2021/696.
5. “Tokens” tfisser l-unità użata għall-ħlas jew għall-kumpens għas-servizzi tal-GOVSATCOM, kif definit fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1055.
6. “Kontroll” tfisser il-kapaċità li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq entità legali b’mod dirett jew indirett permezz ta’ entità legali intermedja waħda jew aktar.
7. “Struttura maniġerjali eżekuttiva” tfisser il-korp ta’ entità legali maħtur f’konformità mad-dritt nazzjonali, u li, meta applikabbli, jirrapporta lill-uffiċjal kap eżekuttiv jew lil kwalunkwe persuna oħra b’setgħa deċiżjonali komparabbli, u li jkollu s-setgħa jistabbilixxi l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali tal-entità legali, u jissorvelja u jimmonitorja t-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-immaniġġjar.
8. “Pajjiż terz” tfisser kwalunkwe pajjiż li mhuwiex l-Iżlanda jew kwalunkwe Stat Membru tal-UE jew kwalunkwe Stat taż-ŻEE-EFTA ieħor li jipparteċipa, kif rilevanti, fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni jew tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura.
9. “Komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni” jew “GOVSATCOM” tfisser il-komponent tal-GOVSATCOM stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/696.
10. “Parteċipant tal-GOVSATCOM” tfisser parteċipant skont it-tifsira tal-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2021/696.
11. “Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura” tfisser il-programm stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/588.
12. “Parteċipant tal-Unjoni għal Konnettività Sigura” tfisser parteċipant skont it-tifsira tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2023/588.
Artikolu 3
Ambitu tal-Kooperazzjoni
Dan il-Ftehim jirregola l-parteċipazzjoni tal-Iżlanda fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u l-aċċess tal-Iżlanda għas-servizzi governattivi tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u għas-servizzi tal-GOVSATCOM.
Jikkumplimenta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru xx/2025 ta’ xx.
Artikolu 4
Konnettività Sigura tal-Unjoni u parteċipazzjoni tal-GOVSATCOM
L-Iżlanda għandha tkun Parteċipant fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u Parteċipant tal-GOVSATCOM skont it-tifsira tal-Artikolu 11 tar-Regolament dwar il-Konnettività Sigura u tal-Artikolu 68 tar-Regolament dwar l-Ispazju fis-sens li tawtorizza lill-utenti tas-servizzi governattivi tal-Unjoni għal Konnettività Sigura jew tas-servizzi tal-GOVSATCOM, jew tipprovdi kapaċitajiet, siti jew faċilitajiet.
Il-prijoritizzazzjoni tas-servizzi koperti minn dan il-Ftehim bejn l-utenti awtorizzati mill-Iżlanda għandha tiġi ddeterminata u implimentata mill-Iżlanda.
Artikolu 5
Awtorità kompetenti tal-konnettività sigura
L-Iżlanda għandha taħtar awtorità kompetenti tal-konnettività sigura.
L-awtorità kompetenti tal-konnettività sigura għandha tiżgura li:
(a) l-użu tas-servizzi koperti minn dan il-Ftehim ikun konformi mar-rekwiżiti ġenerali tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 30(3) tar-Regolament dwar il-Konnettività Sigura u fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament dwar l-Ispazju;
(b) id-drittijiet ta’ aċċess għas-servizzi koperti minn dan il-Ftehim ikunu ddeterminati u mmaniġġjati;
(c) it-tagħmir tal-utent meħtieġ għall-użu tas-servizzi koperti minn dan il-Ftehim u l-konnessjonijiet u l-informazzjoni ta’ komunikazzjoni elettronika assoċjati jintużaw u jiġu mmaniġġjati f’konformità mar-rekwiżiti ġenerali tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 30(3) tar-Regolament dwar il-Konnettività Sigura u fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament dwar l-Ispazju;
(d) jiġi stabbilit punt ċentrali ta’ kuntatt biex jassisti kif meħtieġ fir-rapportar tar-riskji u tat-theddid għas-sigurtà, b’mod partikolari fid-detezzjoni ta’ interferenza elettromanjetika potenzjalment dannuża li taffettwa s-servizzi skont il-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura.
Artikolu 6
Servizzi governattivi
1.Is-servizzi koperti minn dan il-Ftehim għandhom jiġu pprovduti lill-parteċipanti msemmija fl-Artikolu 4 skont ir-regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1053 u fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1055.
2.L-aċċess għas-servizzi tal-GOVSATCOM u għas-servizzi governattivi tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għandu jkun soġġett għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu tagħhom f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
3.L-entitajiet li ġejjin jistgħu jiġu awtorizzati bħala utenti tas-servizzi tal-GOVSATCOM u tas-servizzi governattivi tal-Unjoni għal Konnettività Sigura:
(a)awtorità pubblika Iżlandiża jew korp inkarigat bl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika fl-Iżlanda; kif ukoll
(b)persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi f’isem u taħt il-kontroll ta’ entità msemmija fil-punt (a).
4.L-utenti tas-servizzi tal-GOVSATCOM u tas-servizzi governattivi tal-Unjoni għal Konnettività Sigura msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu awtorizzati kif xieraq mill-Iżlanda biex jużaw dawk is-servizzi u għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ġenerali tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 30(3) tar-Regolament dwar il-Konnettività Sigura u fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament dwar l-Ispazju.
Artikolu 7
Fornituri ta' kapaċitajiet u ta' servizzi ta' komunikazzjoni bis-satellita
L-Unjoni tista’ takkwista kapaċitajiet u servizzi ta’ komunikazzjoni bis-satellita skont il-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni pprovduti mill-entitajiet li ġejjin:
(a) l-Iżlanda, bħala Parteċipant tal-GOVSATCOM imsemmi fl-Artikolu 68 tar-Regolament dwar l-Ispazju; kif ukoll
(b) il-persuni ġuridiċi Iżlandiżi akkreditati kif xieraq biex jipprovdu kapaċitajiet jew servizzi ta’ komunikazzjoni bis-satellita f’konformità mal-proċedura ta’ akkreditazzjoni tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 37 tar-Regolament dwar l-Ispazju, li għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ġenerali tas-sigurtà għall-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament dwar l-Ispazju.
Is-sistema li twassal dawk il-kapaċitajiet u s-servizzi għandha titqies bħala sistema li tipprovdi servizzi governattivi jekk tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2.2a tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1054, fejn l-Istat Membru għandu jinftiehem bħala Stat Membru jew l-Iżlanda.
Artikolu 8
Kapaċitajiet rilevanti għas-servizzi
Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiddefinixxi l-għadd totali ta’ Tokens li għandhom jiġu distribwiti għall-perjodi programmatiċi li ġejjin skont il-baġit disponibbli u l-kundizzjonijiet tal-kuntratti u l-ftehimiet konklużi mal-fornituri tar-riżorsi.
L-Iżlanda għandha tirċievi perċentwal (f’Tokens) tas-sehem totali tal-Istati Membri stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1055 u fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1053.
Artikolu 9
Kopertura Artika msaħħa
L-infrastruttura governattiva tal-Unjoni għal Konnettività Sigura tista’ tinkludi elementi addizzjonali biex tissaħħaħ il-kopertura ta’ latenza baxxa fuq ir-reġjun tal-Artiku.
Kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali meħtieġa għat-tfassil, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-isfruttament ta’ tali elementi għandha tiġi stabbilita permezz ta’ deċiżjoni tal-kumitat konġunt imsemmi fl-Artikolu 18 li temenda dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 18(4) u implimentata f’konformità mal-Artikolu 12.
Artikolu 10
Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà u ta’ parteċipazzjoni għall-entitajiet Iżlandiżi
L-Artikolu 24 tar-Regolament dwar l-Ispazju u l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar il-Konnettività Sigura rigward il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà u ta’ parteċipazzjoni skont il-programmi għandhom japplikaw għal dan il-Ftehim.
Meta l-Kummissjoni Ewropea tiddeċiedi dwar eżenzjoni f’konformità mal-Artikolu 24(3) tar-Regolament dwar l-Ispazju mingħajr ma tuża deroga mill-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 24(3), entità eliġibbli għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet parteċipanti li ġejjin:
(a) l-entità legali eliġibbli tkun stabbilita fl-Iżlanda u l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħha jkunu stabbiliti fl-Iżlanda, jew fi Stat Membru tal-UE, jew fi kwalunkwe Stat taż-ŻEE-EFTA ieħor li jipparteċipa, kif rilevanti, fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni jew fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura;
(b) l-entità legali eliġibbli timpenja ruħha li twettaq l-attivitajiet rilevanti kollha fl-Iżlanda jew fi Stat Membru tal-UE jew fi kwalunkwe Stat taż-ŻEE-EFTA ieħor li jipparteċipa, kif rilevanti, fil-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni jew fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura; kif ukoll
(c) l-entità legali eliġibbli mhijiex soġġetta għal kontroll minn pajjiż terz jew minn entità ta’ pajjiż terz.
Artikolu 11
Deċiżjonijiet implimentattivi
Id-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni rilevanti tal-Kummissjoni applikabbli għall-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għandhom japplikaw għall-attivitajiet implimentati skont dan il-Ftehim.
Artikolu 12
Kontribuzzjoni addizzjonali
Skont dan il-Ftehim, l-Iżlanda tista’ toffri kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali biex tkopri elementi addizzjonali, bil-kundizzjoni li tali elementi addizzjonali ma joħolqu ebda piż finanzjarju jew tekniku jew ebda dewmien fl-implimentazzjoni xierqa tal-komponent ikkonċernat. Tali kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali għandha tiġi stabbilita permezz ta’ deċiżjoni tal-kumitat konġunt imsemmi fl-Artikolu 18 li temenda dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 18(4) u għandha tintuża biex tiffinanzja l-element addizzjonali assoċjat f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament dwar l-Ispazju u mal-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-Konnettività Sigura.
Artikolu 13
L-ispettru tar-radju
1. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw dwar kwistjonijiet tal-ispettru li jikkonċernaw il-konnettività sigura Ewropea fl-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT).
2. F’dan il-kuntest il-Partijiet għandhom jipproteġu l-allokazzjonijiet tal-frekwenzi meħtieġa għas-sistemi Ewropej ta’ konnettività sigura biex jiżguraw id-disponibbiltà tas-servizzi ta’ dawn is-sistemi għall-benefiċċju tal-utenti.
3. Barra minn hekk, il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-protezzjoni tal-ispettru tar-radju użat minn konnettività sigura mill-interruzzjoni u l-interferenza. Għal dan il-għan, għandhom jidentifikaw is-sorsi ta’ interferenza u jfittxu s-soluzzjonijiet aċċettabbli b’mod reċiproku sabiex jilqgħu kontra tali interferenza.
4. Xejn f'dan il-Ftehim ma għandu jinftiehem bħala deroga mid-dispożizzjonijiet applikabbli tal-UIT, inklużi r-Regolamenti tar-Radju tal-UIT.
Artikolu 14
Ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
L-Iżlanda għandha tagħti d-drittijiet meħtieġa u l-aċċess meħtieġ biex l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw b’mod komprensiv il-kompetenzi rispettivi tagħhom. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jsiru investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.
Artikolu 15
Sigurtà
1. Il-Partijiet għandhom jipproteġu s-sistemi ta’ konnettività sigura kontra theddid bħal użu ħażin, interferenza, tfixkil u atti ostili. B’konsegwenza ta’ dan, il-Partijiet għandhom jieħdu l-passi prattikabbli kollha biex jiżguraw il-kontinwità, is-sikurezza u s-sigurtà tas-servizzi tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u tal-GOVSATCOM u l-infrastruttura u l-assi kritiċi relatati fit-territorji tagħhom.
2. Il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tiżviluppa miżuri biex tipproteġi, tikkontrolla u timmaniġġja l-assi sensittivi, l-informazzjoni u t-teknoloġiji tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u tal-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni kontra kwalunkwe theddid.
3. L-Iżlanda għandha tadotta u tinforza fil-ħin, fil-ġuriżdizzjoni tagħha, miżuri li jipprovdu livell ekwivalenti ta’ sigurtà u ta’ sikurezza bħal dawk applikabbli fl-Unjoni Ewropea.
Artikolu 16
Parteċipazzjoni fil-kumitati
Ir-rappreżentanti tal-Iżlanda għandhom jiġu mistiedna jipparteċipaw bħala osservaturi fil-kumitati u fil-gruppi ta’ ħidma stabbiliti għall-immaniġġjar, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet skont il-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura f’konformità mar-regoli u l-proċeduri rilevanti u mingħajr id-dritt tal-vot.
L-Iżlanda għandha tipparteċipa, mingħajr id-dritt tal-vot, fil-Bord ta’ Akkreditazzjoni tas-Sigurtà tal-Aġenzija, għall-partijiet rilevanti tal-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura. Il-parteċipazzjoni għandha tkun ristretta f’konformità mal-politika dwar il-ħtieġa ta’ tagħrif stabbilita għall-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura u tikkonforma mar-regoli ta’ proċedura tal-Bord ta’ Akkreditazzjoni tas-Sigurtà.
Artikolu 17
Miżuri ta’ salvagwardja
1. Wara konsultazzjoni mal-kumitat konġunt imsemmi fl-Artikolu 18, kull Parti tista’ tieħu miżuri ta’ salvagwardja xierqa, inkluża s-sospensjoni ta’ dispożizzjoni waħda jew aktar ta’ dan il-Ftehim jekk issib li l-Parti l-oħra tonqos milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim. Wara l-adozzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja, il-Partijiet għandhom jidħlu, mingħajr dewmien, f’konsultazzjonijiet reċiproċi fil-Kumitat Konġunt sabiex jistabbilixxu mill-ġdid l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-Ftehim mill-aktar fis possibbli.
2. Il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ żmien tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu limitati għal dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni u jiġi żgurat bilanċ ġust tad-drittijiet u l-obbligi skont dan il-Ftehim. Il-Partijiet għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex isolvu t-tilwima f’konformità mal-Artikolu 19.
Artikolu 18
Kumitat konġunt
1. Il-Partijiet b’dan jistabbilixxu kumitat konġunt li jikkonsisti minn rappreżentanti uffiċjali ta’ kull Parti li l-ħtieġa ta’ tagħrif tagħhom tkun stabbilita.
Il-kumitat konġunt għandu jissorvelja l-funzjonament ta’ dan il-Ftehim u jkun il-forum fejn il-Partijiet għandhom jiskambjaw fehmiet u informazzjoni dwar kwalunkwe kwistjoni mqajma minn kwalunkwe Parti fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim.
3. Il-kumitat konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Il-kumitat konġunt jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati biex jassistuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Il-kumitat konġunt għandu jistabbilixxi t-termini ta’ referenza ta’ dawn is-sottokumitati.
4. L-Artikoli 9 u 12 jistgħu jiġu emendati b’deċiżjoni adottata mill-kumitat konġunt. Tali emenda għandha tidħol fis-seħħ 30 jum wara d-data tal-adozzjoni.
5. Il-kumitat konġunt għandu jiltaqa’ darbtejn fis-sena, jew aktar meta meħtieġ, fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet.
6. Il-kumitat konġunt għandu jkun il-forum biex jindirizza talbiet għal assistenza teknika mill-Iżlanda.
Artikolu 19
Soluzzjoni ta’ tilwim
Kwalunkwe soluzzjoni ta’ tilwim bejn il-Partijiet li tirriżulta mit-termini, l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew tkun relatata magħhom għandha tissolva biss permezz ta’ konsultazzjoni bejn il-Partijiet u mhi se tiġi riferuta lill-ebda tribunal nazzjonali jew internazzjonali jew lil kwalunkwe parti terza għas-soluzzjoni.
Artikolu 20
Dħul fis-seħħ, emendar u terminazzjoni
1.Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri legali interni rispettivi tagħhom.
2.Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bi ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet. Kwalunkwe emenda ta’ dan il-Ftehim għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri legali interni rispettivi tagħhom.
3.Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2027. Għandu jiġi estiż awtomatikament għal perjodi suċċessivi ulterjuri ta’ 10 snin, sakemm xi waħda mill-Partijiet ma tinnotifikax lill-Parti l-oħra bil-miktub bl-intenzjoni tagħha li ma testendix dan il-Ftehim mhux aktar tard minn 3 xhur qabel it-tmiem tat-terminu inizjali jew kwalunkwe perjodu sussegwenti ta’ 10 snin.
4.Kwalunkwe Parti tista’ tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub bl-intenzjoni tagħha li tittermina dan il-Ftehim. It-terminazzjoni għandha sseħħ 6 xhur wara d-data tal-wasla tan-notifika.
5.Wara tmiem it-terminu ta’ dan il-Ftehim skont il-paragrafu 3, jew it-terminazzjoni tiegħu skont il-paragrafu 4, dan għandu jiġi applikat mill-Partijiet għall-proġetti, l-azzjonijiet u l-attivitajiet kollha ffinanzjati skont il-komponent tal-GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura jew dan il-Ftehim, sa tmiem l-arranġamenti kuntrattwali relatati ma’ dawk il-proġetti, l-azzjonijiet u l-attivitajiet.
6.F’każ li r-Regolament dwar l-Ispazju, ir-Regolament dwar il-Konnettività Sigura jew id-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan il-Ftehim jiġu emendati, imħassra jew riveduti b’xi mod ieħor, ir-referenzi għar-Regolament dwar l-Ispazju, ir-Regolament dwar il-Konnettività Sigura jew id-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni f’dan il-Ftehim għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-att jew għall-atti emendati, imħassra jew riveduti b’xi mod ieħor.
B’XHIEDA ta’ DAN, is-sottoskritti, li huma debitament awtorizzati sabiex jagħmlu dan mill-Awtoritajiet rispettivi tagħhom, iffirmaw dan il-Ftehim.
Magħmul fi …. fi…jum ta’ …. F’żewġ kopji oriġinali, bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża, Żvediża u Iżlandiża, u t-testi kollha huma ugwalment awtentiċi.
Għall-Unjoni Ewropea
Għall-Iżlanda