IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.11.2025
COM(2025) 670 final
2025/0340(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2026
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali stabbilit skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“it-TCT”, Transport Community Treaty) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar il-baġit għall-2026 tal-Komunità tat-Trasport.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport
Fl-1 ta’ Mejju 2019, ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, il-Kosovo, il-Montenegro u r-Repubblika tas-Serbja (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa”) irratifikaw it-TCT. L-Unjoni Ewropea hija parti għat-TCT, wara li fl-4 ta’ Marzu 2019 adottat Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport. It-TCT daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.
2.2.Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali
Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali huwa stabbilit bl-Artikolu 24 tat-TCT. Huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tat-TCT u għall-iżgurar tal-implimentazzjoni kif suppost tiegħu. Għal dan l-iskop, jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fit-TCT. B’mod partikolari, il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali:
(a)iħejji l-ħidma tal-Kunsill Ministerjali,
(b)jiddeċiedi dwar it-twaqqif ta’ kumitati tekniċi,
(c)fir-rigward tal-atti tal-UE li jkunu għadhom kemm ġew adottati, jieħu azzjoni xierqa, b’mod partikolari permezz ta’ reviżjoni tal-Anness I tat-TCT,
(d)jaħtar id-Direttur tas-Segretarjat Permanenti wara konsultazzjoni mal-Kunsill Ministerjali,
(e)jista’ jaħtar wieħed jew aktar mid-Deputati Diretturi tas-Segretarjat Permanenti,
(f)jistabbilixxi r-regoli tas-Segretarjat Permanenti,
(g)jista’ jirrieżamina, permezz ta’ deċiżjoni, il-livell ta’ kontribuzzjonijiet baġitarji,
(h)jadotta l-baġit annwali tal-Komunità tat-Trasport,
(i)jadotta deċiżjoni li tispeċifika l-proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit, għall-preżentazzjoni u għall-awditjar tal-kontijiet kif ukoll għall-ispezzjoni,
(j)jieħu deċiżjonijiet dwar it-tilwimiet imressqa mill-Partijiet Kontraenti,
(k)jadotta prinċipji ġenerali fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti, fir-rigward ta’ dokumenti miżmuma mill-korpi stabbiliti mit-TCT jew skontu,
(l)jadotta r-rapporti annwali għall-attenzjoni tal-Kunsill Ministerjali dwar l-implimentazzjoni tan-Network Komprensiv, u
(m)fir-rigward ta’ ċerti atti tal-Unjoni, jistabbilixxi limiti ta’ żmien u mezzi għat-traspożizzjoni mill-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa.
Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali huwa magħmul minn rappreżentant, u rappreżentant sostitut, ta’ kull waħda mill-Partijiet Kontraenti. Il-parteċipazzjoni bħala osservaturi hija miftuħa għall-Istati Membri kollha tal-UE.
Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali jaġixxi b’unanimità.
2.3.Att previst tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali
Fl-2025, waqt l-aħħar laqgħa tiegħu, il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali jrid jadotta deċiżjoni rigward il-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2026 (“l-att previst”).
L-għan tal-att previst huwa li jiddetermina l-baġit annwali tal-Komunità tat-Trasport għall-2026.
L-att previst se jsir vinkolanti fuq il-partijiet f’konformità mal-Artikolu 25(1) tat-TCT, li jipprevedi: “Deċiżjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali għandha tkun vinkolanti fuq il-Partijiet Kontraenti. Kull meta deċiżjoni meħuda mill-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali fiha rekwiżit għal azzjoni li trid tittieħed minn Parti Kontraenti, l-imsemmija Parti għandha tieħu l-miżuri neċessarji u tinforma lill-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali bihom.”
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-kontribuzzjoni għall-baġit tal-Komunità tat-Trasport hija stabbilita fl-Anness V tat-TCT. Is-sehem tal-Unjoni jammonta għal 80 % tal-baġit, filwaqt li l-20 % li jifdal għandu jiġi pprovdut mill-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa.
Għall-2025, il-baġit ammonta għal total ta’ EUR 3 121 200, li minnhom, EUR 2 496 960 (80 %) jiġu mill-UE u EUR 624 240 mill-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa.
Għall-2026, qed jiġi propost li l-baġit ikun ta’ EUR 3 183 624. 80 % tal-krediti l-ġodda se jiġu mill-UE (EUR 2 546 899) u l-20 % l-oħra ta’ krediti ġodda (EUR 636 725) mill-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa.
Il-baġit propost għall-2026 jirrappreżenta żieda ta’ 2 % meta mqabbel mal-2025. Dan huwa ġġustifikat mill-iżviluppi ta’ inflazzjoni li għaddejjin bħalissa fir-Reġjun u fl-UE. Dan l-ammont se jkopri l-kostijiet operazzjonali tas-Segretarjat Permanenti u tal-organizzazzjoni tal-laqgħat tad-diversi korpi tal-Komunità tat-Trasport. Il-baġit tal-2026 jirrifletti wkoll enfasi qawwija fuq l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika għas-Sħab Reġjonali.
L-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni mill-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali hija meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-Trattat li jimplimenta t-TCT u għall-funzjonament tas-Segretarjat Permanenti.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali huwa korp stabbilit permezz ta’ trattat, jiġifieri t-TCT.
L-att li l-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 25(1) tat-TCT. L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tat-TCT. Għalhekk, il-bażi legali proċedurali tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Fir-rigward ta’ att previst li jsegwi għadd ta’ objettivi simultanjament, jew li għandu diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi legali sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE se jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet legali korrispondenti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-att previst huwa meħtieġ għall-funzjonament xieraq tat-TCT. Min-naħa tiegħu, it-TCT għandu objettivi u komponenti fl-oqsma tat-trasport bit-triq u bil-ferrovija u tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni, li huma mezzi koperti mill-Artikolu 91 tat-TFUE kif ukoll fil-qasam tat-trasport marittimu, li hu mezz kopert mill-Artikolu 100(2) tat-TFUE. Minħabba n-natura orizzontali tiegħu, l-att previst jirreferi għal dawn l-elementi kollha. Dawn l-elementi kollha huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma’ wieħed ikun inċidentali għall-ieħor.
Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta tinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin: L-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 91 u l-Artikolu 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
F’konformità mal-Artikolu 25(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2025/0340 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2026
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 u l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“TCT”) ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392. Huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.
(2)Skont l-Artikolu 35 tat-TCT, il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport (“il-Kumitat tat-Tmexxija”) għandu jadotta l-baġit tal-Komunità tat-Trasport kull sena. L-Artikolu 35 tat-TCT jagħti wkoll is-setgħa lill-Kumitat tat-Tmexxija li jadotta deċiżjonijiet li jispeċifikaw il-proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit.
(3)Il-Kumitat tat-Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni dwar il-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2026 waqt l-aħħar laqgħa tiegħu fl-2025.
(4)Il-baġit propost tal-Komunità tat-Trasport għall-2026 ikopri l-kostijiet tar-riżorsi umani, l-ivvjaġġar, it-tagħmir u s-software tal-IT, kif ukoll in-nefqa operazzjonali bħal l-istudji, il-bini tal-kapaċitajiet, l-assistenza teknika u l-organizzazzjoni ta’ konferenzi u laqgħat.
(5)L-att previst se jkollu effetti legali, billi se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 25(1) tat-TCT.
(6)Għaldaqstant, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tat-Tmexxija.
(7)Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni li jinsab mehmuż. Dan l-abbozz ta’ Deċiżjoni jikkonċerna l-baġit tal-Komunità tat-Trasport għas-sena 2026, li huwa meħtieġ għall-funzjonament xieraq tal-korpi tal-Komunità tat-Trasport.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għas-sena 2026 għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.11.2025
COM(2025) 670 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2026
ANNESS
ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru … /2025
TAL-KUMITAT TAT-TMEXXIJA REĠJONALI
TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT
ta’ …
dwar l-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport
għas-sena 2026
IL-KUMITAT TAT-TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, u b’mod partikolari l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 35 tiegħu,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu Uniku
Il-baġit tal-Komunità tat-Trasport għas-sena 2026, mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni, huwa b’dan adottat.
Magħmul fi …, fi … 2025.
Għall-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali
Il-President
BAĠIT TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT GĦAS-SENA 2026
|
Linja baġitarja
|
Ammont
(EUR)
|
|
1.Segretarjat Permanenti
|
|
|
1.1.Riżorsi Umani
|
1 753 257
|
|
1.2.Kostijiet tal-ivvjaġġar
|
117 020
|
|
1.3.Kostijiet tal-uffiċċju, tagħmir u software
|
35 220
|
|
1.4.Kostijiet u servizzi oħra, inkluż:
–Servizzi esternalizzati u servizzi oħra (Awditjar, Viżibilità, Taħriġ tal-persunal, Imposti bankarji)
–Bini tal-kapaċità
–Kostijiet tal-Laqgħat u l-Konferenzi
–Kostijiet tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni
–Kostijiet tar-Reklutaġġ
|
739 741
|
|
1.5.Studji, assistenza teknika li tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Acquis tal-UE u tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni
|
280 000
|
|
2.Kunsill Ministerjali
|
|
|
2.1.Kostijiet tal-Laqgħat u l-Konferenzi
|
40 000
|
|
3.Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali
|
|
|
3.1.Kostijiet tal-Laqgħat u l-Konferenzi
|
16 500
|
|
4.Kumitati Tekniċi
|
|
|
4.1.Kostijiet tal-Laqgħat u l-Konferenzi
|
185 000
|
|
5.Forum Soċjali
|
|
|
5.1.Kostijiet tal-Laqgħat u l-Konferenzi
|
9 500
|
|
6.Kumitat tal-Baġit
|
|
|
6.1.Kostijiet tal-Laqgħat u l-Konferenzi
|
7 386
|
|
Total globali
|
3 183 624
|
|
Kontribuzzjoni tal-UE (80 % tat-total globali)
|
2 546 899
|
|
Kontribuzzjoni tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa (20 % tat-total globali: l-Anness V tat-TCT jipprevedi d-distribuzzjoni skont kull pajjiż)
|
636 725
|