IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.6.2025
COM(2025) 650 final
2025/0650(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li testendi l-protezzjoni temporanja, kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382, sal-4 ta’ Marzu 2027
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Fl-4 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 u attiva d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 (id-“Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja”) għal ċerti kategoriji ta’ persuni spostati fl-24 ta’ Frar 2022 jew wara, bħala riżultat tal-invażjoni militari tal-Ukrajna mill-forzi armati Russi li bdiet f’dik id-data. Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, it-tul inizjali tal-protezzjoni temporanja huwa ta’ sena, li jista’ jiġi estiż awtomatikament b’perjodi ta’ sitt xhur għal massimu ta’ sena. Il-protezzjoni temporanja ġiet estiża awtomatikament b’sena, sal-4 ta’ Marzu 2024.
Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, fejn jippersistu raġunijiet għal protezzjoni temporanja, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jestendi l-protezzjoni temporanja sa sena, b’maġġoranza kwalifikata u fuq proposta mill-Kummissjoni, li għandha teżamina wkoll kwalunkwe talba minn Stat Membru li jippreżenta proposta lill-Kunsill. Il-protezzjoni temporanja ġiet estiża b’perjodi ulterjuri ta’ sena kull wieħed, l-ewwel sal-4 ta’ Marzu 2025 u aktar tard sal-4 ta’ Marzu 2026.
L-għan ta’ din il-proposta huwa li testendi aktar b’perjodu ta’ sena protezzjoni temporanja kif introdotta mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382. Dan se jkollu l-effett li jkompli l-protezzjoni temporanja fir-rigward tal-kategoriji ta’ persuni identifikati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382, għall-perjodu mill-5 ta’ Marzu 2026 sal-4 ta’ Marzu 2027.
Minn Marzu 2025, kważi 4,3 miljun persuna spostati mill-Ukrajna, li terz minnhom huma tfal, igawdu minn protezzjoni temporanja fl-UE. L-għadd ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja fl-Istati Membri tal-UE baqa’ stabbli għal madwar 4,3 miljun, b’xejra kemxejn kostanti ’l fuq (minn 4,15 miljun f’Settembru 2023 għal 4,21 miljun f’April 2024 għal 4,26 miljun f’Marzu 2025). Il-Ġermanja, il-Polonja u ċ-Ċekja jibqgħu l-Istati Membri li jospitaw l-ogħla għadd ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja (daqsxejn inqas minn 1,2 miljun fil-Ġermanja, kważi miljun fil-Polonja, u kważi 365 000 fiċ-Ċekja). Mill-attivazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, l-Istati Membri għamlu sforzi sinifikanti biex jappoġġaw lill-persuni spostati mill-Ukrajna biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetajiet ospitanti, inkluż fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u fis-suq tax-xogħol. Huma komplew ukoll l-isforzi biex iżidu l-kapaċità ta’ akkoljenza u l-ippjanar ta’ kontinġenza. Ir-rispons tal-UE għall-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna għadu kkaratterizzat minn komponent qawwi ta’ solidarjetà, l-ewwel nett lejn l-Ukrajna u l-poplu tagħha, kif rifless fl-isforzi tal-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħhom li jospitaw persuni spostati, u t-tieni bejn l-Istati Membri.
Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja timplika li persuna tista’ tibbenefika mid-drittijiet marbuta mal-istatus fi Stat Membru wieħed fl-istess ħin; għalhekk, il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja li jmorru fi Stat Membru ieħor biex igawdu minn protezzjoni temporanja jenħtieġ li ma jibbenefikawx mill-assistenza soċjali f’żewġ Stati Membri fl-istess ħin. Fl-istess ħin, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja jitgawdew fi Stat Membru wieħed biss f’dak iż-żmien, u sabiex jiġu evitati reġistrazzjonijiet multipli għal protezzjoni temporanja, l-Istati Membri għandhom jirrifjutaw talbiet għal permess ta’ residenza magħmula abbażi tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/55 meta jkun jidher li l-persuna kkonċernata tkun diġà kisbet permess ta’ residenza fuq dik il-bażi fi Stat Membru ieħor u għalhekk tkun qed tgawdi d-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja hemmhekk (ara f’dan ir-rigward il-punt 30 tas-sentenza tal-Qorti (L-Għaxar Awla), il-Kawża C-753/23 [Krasiliva], is-27 ta’ Frar 2025).
Il-Pjattaforma ta’ Reġistrazzjoni għall-Protezzjoni Temporanja ilha operattiva mill-31 ta’ Mejju 2022 bl-għan li tippermetti lill-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni biex jiżguraw li l-persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali jkunu jistgħu jibbenefikaw b’mod effettiv mid-drittijiet tagħhom fl-Istati Membri ospitanti filwaqt li jillimitaw l-abbuż possibbli. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Pjattaforma, jibqa’ importanti li d-data tittella’ regolarment, inkluż l-għadd ta’ reġistrazzjonijiet inattivi, u li jitwettaq segwitu rapidu, fejn meħtieġ, f’każ ta’ reġistrazzjonijiet doppji. Se tkompli twettaq l-operazzjonijiet tagħha sakemm ikun hemm fis-seħħ protezzjoni temporanja. F’dan ir-rigward, ma hija meħtieġa l-ebda bidla fil-funzjonament tal-Pjattaforma għall-estensjoni tal-protezzjoni temporanja.
Filwaqt li l-Eurostat iħejji l-istatistika Ewropea uffiċjali dwar il-protezzjoni temporanja u jiżgura stampa tas-sitwazzjoni f’waqtha għal finijiet operazzjonali, l-amministrazzjoni koerenti u s-sorveljanza tal-ħruġ tal-permessi ta’ residenza jirrikjedu li l-Istati Membri jtellgħu regolarment data preċiża u f’waqtha fil-Pjattaforma ta’ Reġistrazzjoni għall-Protezzjoni Temporanja, inklużi ċifri dwar ir-reġistrazzjonijiet inattivi.
Il-ħtieġa li tkompli tiġi pprovduta protezzjoni, flimkien mal-possibbiltà li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja jgawdu protezzjoni temporanja fl-Istat Membru tal-għażla tagħhom, kellha impatt fuq is-sistema ta’ akkoljenza ta’ xi Stati Membri, b’mod partikolari dawk li jospitaw għadd kbir ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja, flimkien ukoll mal-impatt li jkollhom ilaħħqu simultanjament ma’ għadd kbir ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali jew ma’ nuqqas ta’ akkomodazzjoni. F’dan ir-rigward, għall-ġejjieni, huwa importanti li titkompla l-ħidma biex jiġi żgurat bilanċ akbar tal-isforzi fost l-Istati Membri.
L-iżgurar tal-awtodipendenza tal-persuni spostati u t-tranżizzjoni tagħhom għal akkomodazzjoni fit-tul jibqgħu prijorità.
F’dan il-kuntest, l-iżgurar ta’ soluzzjonijiet fit-tul u sostenibbli jibqa’ kruċjali għall-futur. Filwaqt li, minħabba l-inċertezza dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, il-persuni spostati jenħtieġ li jkomplu jiġu protetti, huwa importanti, b’mod parallel, li titwitta t-triq għal tranżizzjoni bla xkiel meta tintemm il-protezzjoni temporanja, li tirrifletti aħjar is-sitwazzjoni u taqdi l-ħtiġijiet ta’ dawk li jirrisjedu fl-UE, u tqis il-kapaċità u l-ħtiġijiet ta’ rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Dan l-approċċ strateġiku u gradwali jippermetti li l-persuni spostati, l-Istati Membri, u l-Ukrajna jkunu mħejjija b’mod kollettiv għal meta s-sitwazzjoni fl-Ukrajna tkun tajba għar-ritorn f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema u ma jkunx għadd hemm raġuni għat-tkomplija tal-protezzjoni temporanja. Minbarra li tipprovdi lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja aċċess għal sett ta’ drittijiet armonizzati, l-attivazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja tkompli ttaffi r-riskju li s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri ma jkunux jistgħu jipproċessaw l-influss mingħajr effetti negattivi għall-operat effiċjenti tagħhom. Bejn Frar 2022 u Frar 2025, madwar 72 600 applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali (meta mqabbla ma’ 52 000 bejn Frar 2022 u Ġunju 2024) ġew ippreżentati minn ċittadini Ukreni fl-UE. F’Jannar u Frar 2025, l-Applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati minn ċittadini Ukreni żdiedu b’86 % meta mqabbla mal-perjodu ta’ Jannar u ta’ Frar 2024, bi Franza u l-Polonja jikklassifikaw l-ewwel u t-tieni, rispettivament, bħala l-pajjiżi riċeventi ewlenin ta’ dawn l-applikazzjonijiet. Madankollu, in-numri ġenerali limitati jkomplu juru li l-protezzjoni temporanja laħqet l-għan tagħha, inkluż il-prevenzjoni li s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri ma jkunux mgħobbija żżejjed.
Skont l-istħarriġ tal-intenzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) ta’ Novembru 2024, il-proporzjon ta’ persuni spostati li qed jippjanaw jew li jittamaw li jirritornaw lejn l-Ukrajna fil-futur naqas meta mqabbel ma’ sitt xhur ilu (minn 59 % għal 57 %), filwaqt li s-sehem ta’ dawk li mhumiex deċiżi dwar ir-ritorn żdied (24 % għal 27 %), kif ukoll dawk li ma jirrapportaw l-ebda tama li jirritornaw (11 % għal 12 %). L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (International Organization for Migration, IOM) tirrapporta maġġoranza kbira ta’ persuni li stħarrġet (70 %) li beħsiebhom jirritornaw lejn l-Ukrajna meta u jekk hijiex sikura.
Barra minn hekk, skont l-istħarriġ tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA), madwar wieħed minn kull tlieta (20 %) tar-rispondenti fl-2024 kienu determinati li jirritornaw jew inklinati (14 %) lejn li jirritornaw, u dan huwa tnaqqis sinifikanti mill-wieħed minn kull żewġ rispondenti fl-2023.
Dan l-istħarriġ jikkonferma li l-maġġoranza tal-persuni spostati mill-Ukrajna jqisu li għadhom ma jistgħux jirritornaw lejn l-Ukrajna f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema.
Fl-Ukrajna, il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja qed tkompli mingħajr waqfien. Ir-Russja tippersisti bl-attakki intenzjonati u sistematiċi tagħha fuq l-infrastruttura ċivili u ż-żoni popolati. Skont il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Ukrajna, l-għadd ta’ vittmi ċivili f’Marzu 2025 żdied b’70 % meta mqabbel mal-istess xahar fl-2024. Dan jirrappreżenta eskalazzjoni sinifikanti u jenfasizza l-impatt sostnut tal-gwerra fuq iċ-ċivili.
Attakki imprevedibbli mill-ajru u bid-droni mill-forzi Russi għadhom ta’ theddida serja madwar il-pajjiż, u jilħqu reġjuni ferm lil hinn mil-linji tal-front. Dawn l-attakki jenfasizzaw l-ambitu ġeografiku wiesa’ u n-natura indiskriminata tal-aggressjoni li għaddejja. L-attakki bl-ajru jaffettwaw ukoll l-infrastruttura tal-enerġija u jħallu miljuni ta’ persuni mingħajr elettriku, ilma u/jew tisħin. Fis-settur tal-enerġija, kien hemm żieda ta’ 93 % fl-assi danneġġati jew meqruda fl-2024, inklużi l-infrastruttura tal-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija.
F”April 2025, l-IOM testima li hemm 3 757 000 miljun persuna spostata internament (IDPs) fl-Ukrajna. Żewġ terzi (66 %) tal-IDPs ilhom spostati aktar minn sentejn, u 79 % ilhom spostati aktar minn sena. Is-sehem tal-IDPs li ilhom spostati aktar minn sentejn kien l-ogħla fost l-IDPs li kienu residenti fil-Punent tal-pajjiż. Skont l-informazzjoni pprovduta fir-raba’ rapport ta’ Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u l-Ħtiġijiet (RDNA4), 4 642 735 persuna ġew irreġistrati uffiċjalment bħala persuni spostati internament mill-Ministeru tal-Politika Soċjali. Il-faqar u l-insigurtà tal-ikel huma rrappurtati li komplew jiżdiedu fl-2024. L-impatti tal-gwerra għadhom irregolari, bl-akbar effetti jħossuhom in-nisa, inkluż fuq l-impjiegi u l-ħtiġijiet kritiċi tal-unitajiet domestiċi, il-persuni b’diżabilità, it-tfal u ż-żgħażagħ, l-IDPs, u l-anzjani. Aktar minn 12 000 persuna nqatlu, aktar minn 28 000 sfaw midruba, u miljuni tilfu djarhom.
L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) jestima li f’Jannar 2025 aktar minn 12,7 miljun persuna fil-pajjiż kienu jeħtieġu assistenza umanitarja urġenti fl-2025.
Is-sitwazzjoni volatili, flimkien mas-sitwazzjoni umanitarja diffiċli fl-Ukrajna, tista’ twassal ukoll għal wasliet ulterjuri fuq skala kbira fl-Unjoni li jirriżultaw fil-ħtieġa li tingħata protezzjoni lil għadd addizzjonali ta’ persuni spostati.
L-inċertezza u l-volatilità attwali tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna juru li l-kundizzjonijiet bħalissa ma jippermettux it-terminazzjoni tal-protezzjoni temporanja għall-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja attwalment preżenti fl-Istati Membri tal-UE u għal dawk li jistgħu jkunu għadhom fil-bżonn. Dawn il-persuni jeħtieġ li jkomplu jiġu protetti fl-Unjoni. Bl-istess mod, jekk il-protezzjoni temporanja tieqaf dalwaqt u dawn il-persuni kollha jitolbu protezzjoni internazzjonali fl-istess ħin, jibqa’ jeżisti r-riskju għall-operat effiċjenti tas-sistemi nazzjonali tal-ażil.
Minħabba l-iżviluppi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li bħalissa r-raġunijiet għall-protezzjoni temporanja għadhom jeżistu u li l-protezzjoni temporanja għalhekk jenħtieġ li tiġi estiża bħala rispons meħtieġ u xieraq għas-sitwazzjoni attwali. Jenħtieġ li l-estensjoni tiġi adottata malajr kemm jista’ jkun u għal sena oħra, jiġifieri għall-perjodu mill-5 ta’ Marzu 2026 sal-4 ta’ Marzu 2027, f’konformità mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja. Dan biex jiġi żgurat li l-persuni spostati mill-Ukrajna u ospitati fl-Istati Membri tal-UE jingħataw kemm jista’ jkun stabbiltà u prospetti fiċ-ċirkostanzi kurrenti.
Dan huwa konformi mal-impenn tal-Unjoni li tipprovdi appoġġ lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha sakemm ikun hemm bżonn u l-appoġġ tagħha għal paċi komprensiva, ġusta u dejjiema, ibbażata fuq il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali. Jekk iċ-ċirkostanzi jevolvu b’tali mod li jkun jista’ jiġi osservat waqfien mill-ġlied sostenibbli qabel l-4 ta’ Marzu 2027, il-Kummissjoni Ewropea tista’ f’każ bħal dan tippreżenta lill-Kunsill proposta skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kunsill itemm il-protezzjoni temporanja permezz ta’ Deċiżjoni adottata b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, li għandha teżamina wkoll kwalunkwe talba minn Stat Membru biex jissottometti proposta lill-Kunsill. Tali Deċiżjoni tal-Kunsill ikollha tkun ibbażata fuq l-istabbiliment tal-fatt li s-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini hija tali li tippermetti r-ritorn sikur u dejjiemi ta’ dawk li ngħataw protezzjoni temporanja, bir-rispett dovut għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-obbligi tal-Istati Membri rigward in-non-refoulement.
Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jwettqu fil-ħin il-passi amministrattivi u legali meħtieġa (bħat-tiġdid tal-permessi ta’ residenza) biex iħejju għall-estensjoni tal-protezzjoni temporanja.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Din il-proposta hija konsistenti bis-sħiħ mal-acquis tal-UE dwar l-ażil, peress li d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja tifforma parti integrali mis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u kienet prevista li tiffaċċja sitwazzjoni straordinarja ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati, kif għadu l-każ bħalissa minħabba l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja. Hija wkoll kompletament konsistenti mal-għan tal-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja miftuħ għal dawk li, imġiegħla miċ-ċirkustanzi, ifittxu protezzjoni fl-Unjoni Ewropea b’mod leġittimu.
L-elementi tal-proposta huma konsistenti wkoll mal-atti legali li jiffurmaw il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil adottat f’Mejju 2024. Il-Parlament u l-Kunsill qablu li jippreservaw id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja bħala parti mis-sett ta’ għodod disponibbli għall-UE għal sitwazzjonijiet ta’ wasliet tal-massa. Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja wriet li hija strument essenzjali biex tiġi pprovduta protezzjoni immedjata fl-UE. F’dan l-istadju, din għadha l-aktar strument xieraq biex jiġi indirizzat l-ispostament ikkawżat mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din il-proposta hija kompletament konsistenti mal-ħtieġa li l-Istati Membri jitħallew jipproċessaw applikazzjonijiet potenzjali għall-protezzjoni internazzjonali b’mod ordnat mingħajr ma jegħlbu s-sistemi tal-ażil tagħhom u li jkomplu jipprevedu l-miżuri meħtieġa f’każ ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna li jevitaw li s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri jinqabdu fuq sieq waħda. Hija konsistenti wkoll mal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni. Din il-proposta hija wkoll konformi mal-miżuri restrittivi tal-UE u ma’ azzjonijiet oħra adottati wkoll b’rispons għall-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Din il-proposta hija parti minn sett komprensiv ta’ azzjonijiet tal-UE li jirrispondu għall-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Il-bażi legali għall-proposta hija l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati, fid-dawl li r-raġunijiet għall-protezzjoni temporanja jippersistu. Dik id-dispożizzjoni tipprevedi li fejn jippersistu raġunijiet għal protezzjoni temporanja, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata, fuq proposta mill-Kummissjoni, li jestendi dik il-protezzjoni temporanja b’mhux aktar minn sena.
•
Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
It-Titolu V tat-TFUE dwar l-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja jagħti ċerti setgħat lill-Unjoni Ewropea f’dawn il-kwistjonijiet. Dawn is-setgħat iridu jitħaddmu f’konformità mal-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jiġifieri jekk u sa fejn l-objettivi tal-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri weħedhom u għaldaqstant, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar mill-Unjoni Ewropea.
Is-sitwazzjoni fl-Ukrajna bħala riżultat tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa għandha impatt fuq l-UE kollha kemm hi. Din intlaqgħet b’rispons mingħajr preċedent u unifikat mill-Unjoni Ewropea. Dan juri li għadha teħtieġ soluzzjonijiet tal-UE u appoġġ mill-UE kif ukoll koordinazzjoni b’saħħitha fil-livell tal-UE, peress li hemm ħtieġa kontinwa li l-Istati Membri kollha jirrispondu b’mod effettiv għas-sitwazzjoni flimkien u jiżguraw li l-istess standards u sett armonizzat ta’ drittijiet jiġu applikati madwar l-Unjoni għall-4,3 miljun persuna li bħalissa huma ospitati fl-Unjoni u fil-każ ta’ influss (tal-massa) ġdid ta’ persuni spostati minħabba l-volatilità li għaddejja bħalissa. Minbarra l-influss tal-massa eżistenti li għad fadal, ma jistgħux jiġu esklużi aktar wasliet fuq skala kbira minħabba l-volatilità kontinwa tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna. Huwa ċar li l-azzjonijiet meħuda minn Stati Membri individwali ma jistgħux jindirizzaw b’mod sodisfaċenti l-ħtieġa għal approċċ komuni tal-UE għal dak li jikkostitwixxi b’mod ċar sfida komuni għall-UE kollha.
Approċċ komuni bħal dan ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri individwalment u jista’, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill proposta, jinkiseb u jiġi kkoordinat aħjar fil-livell tal-Unjoni, kif indikat ukoll mill-Istati Membri nfushom. Għaldaqstant, l-Unjoni trid taġixxi u tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
•Proporzjonalità
F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill proposta tipprevedi estensjoni tal-protezzjoni temporanja għal perjodu limitat ta’ żmien, jiġifieri għal sena għall-grupp speċifiku ta’ persuni li għalihom diġà tapplika.
Il-miżura proposta hija limitata għal dak li huwa meħtieġ minħabba l-iskala u l-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, li b’riżultat tagħha, madwar 4,3 miljun persuna spostati li bħalissa huma preżenti fl-Istati Membri tal-UE ma jistgħux jirritornaw lejn l-Ukrajna f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema. Barra minn hekk, din l-estensjoni tikkostitwixxi wkoll rispons proporzjonat fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali, peress li l-protezzjoni temporanja pproteġiet is-sistema tal-ażil tal-Istati Membri milli tkun mgħobbija b’għadd sinifikanti ta’ applikazzjonijiet minn persuni li jaslu fl-Istati Membri tal-UE.
•Għażla tal-istrument
L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja jirrikjedi Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill biex il-protezzjoni temporanja tiġi estiża sa sena meta jippersistu raġunijiet għal protezzjoni temporanja.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza
In-Network tal-Blueprint tal-UE dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni b’enfasi fuq l-Ukrajna u l-Pjattaforma ta’ Solidarjetà tal-Ukrajna jkomplu l-operazzjonijiet tagħhom bl-għan li jipprovdu, rispettivament, għarfien komuni tas-sitwazzjoni tal-implikazzjonijiet migratorji tal-invażjoni Russa fuq skala sħiħa tal-Ukrajna u t-tħejjija tal-UE u tal-Istati Membri u rispons koordinat għall-kriżi permezz ta’ skambji regolari. F’dan il-kuntest, iż-żieda fit-tħejjija ġenerali fil-livell tal-UE, inkluż l-ippjanar ta’ kontinġenza, ġiet diskussa fiż-żewġ fora. L-informazzjoni u d-data dwar is-sitwazzjoni attwali u dwar il-movimenti tan-nies qed jinġabru b’mod kostanti. Il-partijiet ikomplu jiddiskutu fil-laqgħat tal-Pjattaforma ta’ Reġistrazzjoni għall-Protezzjoni Temporanja fuq bażi ad hoc kif jiżguraw aħjar l-iskambju xieraq ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja u ta’ protezzjoni adegwata disponibbli skont il-liġi nazzjonali fost l-Istati Membri, filwaqt li tidentifika reġistrazzjonijiet doppji fl-istess Stat Membru u madwar l-Istati Membri tal-UE. Fid-dawl tal-għadd sinifikanti ta’ tfal u żgħażagħ spostati, dawn l-isforzi qed iqisu dejjem aktar id-data dwar l-integrazzjoni fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea, organizzazzjonijiet bħall-Bank Dinji u n-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll il-Gvern tal-Ukrajna qed jivvalutaw regolarment is-sitwazzjoni fl-Ukrajna. Il-Bank Dinji jippubblika rapporti dwar il-Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u tal-Ħtiġijiet tal-Ukrajna.
Minn meta faqqgħet il-gwerra, l-IOM ħadmet biex tipprovdi fehim aħjar tas-sitwazzjoni tal-persuni spostati u biex issegwi l-ispostament intern fl-Ukrajna u l-flussi tal-mobbiltà, minbarra l-monitoraġġ permezz ta’ stħarriġ tal-intenzjonijiet ta’ dawk li qed jaħarbu mill-gwerra u ta’ dawk li jaqsmu l-fruntiera lura lejn l-Ukrajna u l-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tar-ritorn. L-UNHCR ilu jippubblika regolarment informazzjoni dwar l-intenzjonijiet u l-perspettivi ta’ persuni spostati (anke internament) mill-Ukrajna. Stħarriġ u dokumenti mill-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija hawn fuq jindikaw li s-sitwazzjoni attwali għadha volatili u inċerta, u għalhekk ma tippermettix ritorn taħt kundizzjonijiet sikuri u dejjiema. Minn April 2025, l-UNHCR jistma li 6,9 miljun persuna li qed jaħarbu mill-Ukrajna huma rreġistrati madwar id-dinja.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u l-ġbir u l-użu tal-għarfien espert
Permezz tan-Network tat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni u l-awtoritajiet tal-Pjattaforma ta’ Solidarjetà tal-Istati Membri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u l-Aġenziji rilevanti tal-UE, il-Kummissjoni kkonsultat regolarment mal-awtoritajiet Ukreni u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, biex tiġbor informazzjoni bbażata fuq l-evidenza, filwaqt li żżomm skambji ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili.
Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-presidenzi b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kkonsultat lill-Istati Membri dwar il-futur tal-protezzjoni temporanja lil hinn minn Marzu 2025 f’livell Ministerjali, kif ukoll permezz ta’ sensiela ta’ laqgħat f’April 2025 fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Integrazzjoni, il-Migrazzjoni u t-Tkeċċija (IMEX), il-Kumitat Strateġiku dwar l-Immigrazzjoni, il-Fruntieri u l-Ażil (SCIFA) u l-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Ażil, fejn l-Istati Membri enfasizzaw il-ħtieġa li l-protezzjoni temporanja tiġi estiża malajr kemm jista’ jkun għal sena addizzjonali biex jinżamm rispons Ewropew komuni. Fl-aħħar laqgħa tas-SCIFA f’April 2024, l-Istati Membri rrikonoxxew li s-sitwazzjoni volatili attwali ma tippermettix bidla fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni temporanja. Madankollu, jekk sitwazzjoni twassal fil-futur, u bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konsistenza ma’ tranżizzjoni gradwali u kkoordinata għat-tmiem tal-protezzjoni temporanja, isiru aktar diskussjonijiet dwar l-ambitu tal-protezzjoni temporanja.
Saru diskussjonijiet paralleli u komplementari fil-Pjattaforma ta’ Solidarjetà, fejn l-Istati Membri esprimew b’mod unanimu l-ħtieġa li l-protezzjoni temporanja tiġi estiża għal sena addizzjonali biex jinżamm rispons Ewropew komuni, tiġi pprovduta ċarezza lill-benefiċjarji u l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu l-passi amministrattivi u legali meħtieġa fil-livell nazzjonali (bħat-tiġdid tal-permessi ta’ residenza). B’mod parallel, il-Kummissjoni kellha kuntatti regolari mal-awtoritajiet Ukreni biex tiġbor informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fuq il-post. Fl-istess ħin, saru skambji u riflessjonijiet fil-fora msemmija hawn fuq dwar il-ħtieġa li jiġu pprovduti, b’mod parallel ma’ estensjoni ulterjuri, il-kundizzjonijiet biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mill-protezzjoni temporanja li tiżgura flessibbiltà biex ikun hemm rispons aħjar għas-sitwazzjoni volatili u biex tiġi riflessa aħjar is-sitwazzjoni tal-persuni spostati fl-UE u dawk fl-Ukrajna. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, il-Kummissjoni kkonsultat speċifikament lill-UNHCR, li kien qed jivvaluta s-sitwazzjoni u pprovda kontribut rilevanti, u wettaq stħarriġ dwar l-intenzjonijiet tal-persuni spostati. F’Marzu 2025, 109 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili ppubblikaw dikjarazzjoni konġunta dwar is-sitwazzjoni tal-persuni spostati mill-Ukrajna rispettivament, li tappella, fost l-oħrajn, lill-Kummissjoni biex tipproponi l-estensjoni ulterjuri tal-protezzjoni temporanja.
•Drittijiet fundamentali
Din il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tirrispetta l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali, inkluż il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 dwar l-istatus tar-refuġjati, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, il-ħtiġijiet ta’ finanzjament marbuta mal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja ġew akkomodati fil-baġit tal-istrumenti ta’ finanzjament eżistenti tal-UE fil-perjodu 2014-2020 u 2021-2027, b’mod partikolari taħt il-Politika tal-Affarijiet Interni u l-Politika ta’ Koeżjoni.
5.ELEMENTI OĦRA
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 jistabbilixxi l-estensjoni tal-protezzjoni temporanja b’sena (mill-5 ta’ Marzu 2026 sal-4 ta’ Marzu 2027) għall-persuni spostati msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382.
L-Artikolu 2 jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni.
2025/0650 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li testendi l-protezzjoni temporanja, kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382, sal-4 ta’ Marzu 2027
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha.
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fl-4 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 li tistabbilixxi l-eżistenza ta' influss bil-massa ta' persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, bl-għan li jintroduċi protezzjoni temporanja
(2)F’konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/55/KE, il-protezzjoni temporanja l-ewwel applikat għal perjodu inizjali ta’ sena, sat-4 ta’ Marzu 2023, u mbagħad ġiet estiża awtomatikament għal sena addizzjonali sal-4 ta’ Marzu 2024.
(3)Fid-19 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2409 li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 sal-4 ta’ Marzu 2025. Fl-11 ta’ Ġunju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1836 li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 sal-4 ta’ Marzu 2026.
(4)Fil-kuntest tal-attivazzjoni tad-Direttiva 2001/55/KE, l-Istati Membri qablu unanimament fi stqarrija li ma japplikawx l-Artikolu 11 ta’ dik id-Direttiva {Id-Direttiva 2001/55/KE} fir-rigward ta’ persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja fi Stat Membru partikolari f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382, u li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor mingħajr awtorizzazzjoni, sakemm fuq bażi bilaterali l-Istati Membri ma jaqblux mod ieħor.
(5)Minħabba li persuna tista’ tibbenefika mid-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja fi Stat Membru wieħed biss fl-istess ħin, biex jiġi żgurat li dan ikun il-każ, u biex jiġu evitati reġistrazzjonijiet multipli għal protezzjoni temporanja, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrifjutaw talbiet għal permess ta’ residenza magħmula abbażi tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/55/KE meta jkun jidher li l-persuna kkonċernata tkun diġà kisbet permess ta’ residenza fuq dik il-bażi fi Stat Membru ieħor u għalhekk tkun qed tgawdi d-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja hemmhekk, inkluża l-assistenza soċjali. Dan ikun koerenti mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża C-753/23 u b’mod partikolari l-paragrafu 30 tagħha.
(6)Biex jiżguraw stampa tas-sitwazzjoni f’waqtha għal finijiet operazzjonali, l-amministrazzjoni koerenti u s-sorveljanza tal-ħruġ tal-permessi ta’ residenza, l-Istati Membri jenħtieġ li jtellgħu regolarment data preċiża u f’waqtha fil-Pjattaforma ta’ Reġistrazzjoni tal-Protezzjoni Temporanja, inklużi ċifri dwar ir-reġistrazzjonijiet inattivi.
(7)Hemm kważi 4,3 miljun persuna spostata mill-Ukrajna li bħalissa qed jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fl-Unjoni. L-għadd kumplessiv ta’ reġistrazzjonijiet ta’ persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja baqa’ stabbli għal madwar 4,3 miljun, b’xejra kemxejn kostanti ‘l fuq u bi ftit persuni li jirrapportaw li jmorru lura lejn l-Ukrajna fuq bażi permanenti. Is-sitwazzjoni fl-Ukrajna ma tippermettix ir-ritorn tal-maġġoranza tal-persuni spostati lejn l-Ukrajna f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema. L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni tistma li, f’April 2025, 3 757 000 persuna kienu spostati internament fl-Ukrajna. Żewġ terzi (66 %) tal-persuni spostati internament ilhom spostati aktar minn sentejn, u 79 % ilhom spostati aktar minn sena. Is-sehem ta’ persuni spostati internament li ilhom spostati għal aktar minn sentejn kien l-ogħla fost il-persuni spostati internament li kienu residenti fil-Punent tal-pajjiż (78 %). L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji stima li aktar minn 12,7 miljun persuna fl-Ukrajna jeħtieġu assistenza umanitarja urġenti matul l-2025.
(8)Barra minn hekk, ma jistgħux jiġu esklużi aktar wasliet fuq skala kbira minħabba l-kundizzjonijiet umanitarji diffiċli, volatilità usa’ u l-inċertezza tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna bħala riżultat tal-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja, inkluż attakki ripetuti intensifikati mill-ajru madwar il-pajjiż kontra ċ-ċivili. Ir-riskju ta’ eskalazzjoni għadu hemm. Fl-istess ħin, ir-riskju għall-operat effiċjenti tas-sistemi nazzjonali tal-ażil jibqa’ jekk il-protezzjoni temporanja tieqaf dalwaqt mal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali fl-istess ħin.
(9)Peress li l-għadd kbir ta’ persuni spostati fl-Unjoni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja x’aktarx li ma jonqosx sakemm tkompli l-gwerra kontra l-Ukrajna, l-estensjoni tal-protezzjoni temporanja hija meħtieġa biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-persuni li bħalissa qed jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fl-Unjoni jew li se jeħtieġu tali protezzjoni mill-5 ta’ Marzu 2026, peress li tipprevedi protezzjoni immedjata u aċċess għal sett armonizzat ta’ drittijiet filwaqt li tnaqqas il-formalitajiet għal minimu f’sitwazzjoni ta’ influss bil-massa lejn l-Unjoni. L-estensjoni tal-protezzjoni temporanja jenħtieġ li tgħin ukoll biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri ma jkunux mgħobbija b’żieda sinifikanti fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu ppreżentati minn persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja sal-4 ta’ Marzu 2026, li kieku l-protezzjoni temporanja kellha tieqaf sa dak iż-żmien jew minn persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna u li jaslu fl-Unjoni wara dik id-data u qabel l-4 ta’ Marzu 2027.
(10)Għalhekk, meta jitqies li r-raġunijiet għall-protezzjoni temporanja jippersistu, jenħtieġ li l-protezzjoni temporanja għall-kategoriji ta’ persuni spostati msemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 tiġi estiża sal-4 ta’ Marzu 2027.
(11)Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
(12)Il-Kunsill jikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jipprovdi appoġġ lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha sakemm ikun hemm bżonn u jtenni l-appoġġ tiegħu għal paċi komprensiva, ġusta u dejjiema, ibbażata fuq il-prinċipji tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali u fil-każ ta’ waqfien mill-ġlied sostenibbli, il-Kunsill jinsab lest li jaġixxi f’konformità mal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2001/55/KE.
(13)L-Irlanda hija marbuta bid-Direttiva 2001/55/KE u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
(14)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-protezzjoni temporanja mogħtija lill-persuni spostati mill-Ukrajna msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 u estiża bid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2409 u (UE) 2024/1836 għandha tiġi estiża għal perjodu ulterjuri ta’ sena sal-4 ta’ Marzu 2027.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President