IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.10.2025
COM(2025) 640 final
2023/0163(COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
li tikkonċerna
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tar-Regolament il-ġdid dwar l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
2023/0163 (COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
li tikkonċerna
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tar-Regolament il-ġdid dwar l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
1.Sfond
|
Data li fiha ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(dokument COM(2023) 269 final – 2023/0163 COD):
|
l-1 ta’ Ġunju 2023
|
|
Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:
|
l-20 ta’ Settembru 2023
|
|
Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, fl-ewwel qari:
|
it-12 ta’ Marzu 2024
|
|
Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:
|
13 ta’ Ottubru 2025
|
2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni
Ir-Regolament dwar l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 huwa wieħed minn ħames proposti leġiżlattivi adottati fl-1 ta’ Ġunju 2023 mill-Kummissjoni bħala aġġornament tal-pakketti preċedenti dwar is-sikurezza marittima.
L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA, European Maritime Safety Agency) għandha rwol ewlieni fit-tisħiħ tas-sikurezza marittima billi tappoġġa lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, filwaqt li tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tas-settur marittimu tal-UE. Għalhekk huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-Aġenzija jkollha l-mandat u r-riżorsi xierqa biex tkompli l-attivitajiet tagħha fis-snin li ġejjin.
L-EMSA ħadet f’idejha ħafna kompiti ġodda mill-aħħar emenda ewlenija tal-mandat tagħha fl-2013. Madankollu, il-maġġoranza l-kbira ta’ dawn mhumiex riflessi kif xieraq fil-mandat tagħha. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-kompiti l-ġodda jirriżultaw mill-importanza dejjem akbar tat-tranżizzjoni ekoloġika u d-dekarbonizzazzjoni tas-settur, fejn l-UE hija minn ta’ quddiem kemm fil-livell domestiku kif ukoll f’dak internazzjonali. Barra minn hekk, bil-firxa wiesgħa ta’ bażijiet tad-data u għodod tal-IT żviluppati maż-żmien, l-Aġenzija tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tappoġġa d-diġitalizzazzjoni tant meħtieġa tas-servizzi marittimi, kif ukoll iċ-ċibersigurtà u s-sorveljanza.
Fl-istess ħin, il-mandat tal-EMSA jeħtieġ li jibqa’ validu fil-futur. Jeħtieġ li jkun jista’ jakkomoda l-kompiti l-ġodda li se jiġu fdati lill-Aġenzija permezz tal-leġiżlazzjoni futura tal-UE, bħall-pakkett marittimu li jinkludi responsabbiltajiet ġodda għall-Aġenzija biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-oqsma tas-sikurezza u s-sostenibbiltà marittima.
B’riżultat ta’ dan, il-proposta biex jiġi rivedut il-mandat tal-EMSA tirrifletti r-rwol akbar li l-Aġenzija diġà għandha llum u dak li mistenni jkollha fil-futur. Għalkemm dettaljat, il-mandat għandu jibqa’ flessibbli, biex jiġi żgurat li l-EMSA tkun tista’ tibqa’ aġli biex tirrispondi għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni — kemm biex tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ prijoritajiet ta’ politika ġodda kif ukoll biex tirrispondi għall-kriżijiet. Ir-rwol akbar tal-EMSA jimplika riżorsi umani u finanzjarji addizzjonali għall-Aġenzija.
Minħabba l-għadd sostanzjali ta’ bidliet fil-kompiti tal-Aġenzija u fl-organizzazzjoni interna tagħha, il-Kummissjoni pproponiet li r-Regolament (KE) 1406/2002 jiġi sostitwit b’att ġdid.
3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill
Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti bis-sħiħ il-ftehim politiku milħuq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-20 ta’ Mejju 2025. Il-punti ewlenin tal-ftehim huma kif ġej:
·Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-kompiti tal-Aġenzija, il-maġġoranza assoluta tal-kompiti inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni nżammu, b’xi bidliet fil-formulazzjoni, aġġornamenti fir-rigward tal-verżjoni finali tal-Pakkett dwar is-Sikurezza Marittima adottat reċentement, ir-riċiklaġġ tal-bastimenti, il-valutazzjoni tar-riskju dwar it-tniġġis, il-kompiti ta’ dekarbonizzazzjoni, il-kompiti ta’ sorveljanza marittima u ż-żieda ta’ kompiti ġodda. Madankollu, tneħħiet l-assistenza teknika mill-EMSA lill-Kummissjoni jew lill-Istati Membri relatata mad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u l-ossidi tan-nitroġenu (NOx).
·Fir-rigward tal-aspetti internazzjonali, il-koleġiżlaturi qablu li l-EMSA tista’ tillokalizza persunal biex jappoġġa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali f’Londra. Il-koleġiżlaturi eventwalment qablu li jżommu r-referenza għall-istrateġija internazzjonali tal-Aġenzija li għandha tiġi adottata mill-Bord tat-Tmexxija tal-EMSA fil-kuntest tad-Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni tal-Aġenzija.
·Fir-rigward tal-governanza, minkejja l-pożizzjoni b’saħħitha tal-Kunsill li jitnaqqas l-għadd ta’ rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-Bord tat-Tmexxija tal-EMSA, il-koleġiżlaturi qablu li jżommu l-erba’ rappreżentanti tal-Kummissjoni.
·Il-koleġiżlaturi qablu li jneħħu l-Bord Eżekuttiv kif ukoll ir-rekwiżit tal-vot pożittiv tal-Kummissjoni dwar l-abbozzi tad-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija relatati mar-riżorsi umani u mal-kwistjonijiet baġitarji. B’dan il-mod, ir-rwol ta’ sorveljanza msaħħaħ maħsub tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fuq l-Aġenzija tnaqqas.
·Madankollu, ir-rwol tal-Bord Eżekuttiv għall-EMSA diġà huwa parzjalment mwettaq minn Kumitat Konsultattiv għall-Bord li jinkludi żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni u għandu l-kompitu li jħejji d-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet baġitarji u ta’ riżorsi umani. Għalkemm ir-rifjut tal-Bord Eżekuttiv jista’ jkollu effetti negattivi, ir-rwol u l-kompożizzjoni attwali tal-Kumitat Konsultattiv se jservu bħala fattur mitiganti.
·Barra minn hekk, matul it-trilogu, il-koleġiżlaturi qablu dwar mekkaniżmu ta’ twissija li jiġi attivat jekk il-Kummissjoni tqajjem tħassib serju rigward proposti għal deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mar-Regolament Finanzjarju Qafas u r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, fir-rigward tar-regola tal-votazzjoni, il-koleġiżlaturi injoraw ir-riżervi qawwija espressi mill-Kummissjoni u qablu li jgħaddu mill-unanimità għal vot ta’ maġġoranza ta’ erbgħa minn kull ħamsa biex il-Bord tat-Tmexxija jadotta deċiżjonijiet wara l-iskattar tas-sistema ta’ twissija mill-Kummissjoni. Dan se jdgħajjef l-effett ta’ deterrent tad-dispożizzjoni, u konsegwentement, inaqqas il-kapaċità tal-Kummissjoni li tiżgura l-konformità mad-dritt tal-Unjoni fir-riżorsi umani u fi kwistjonijiet baġitarji. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ħarġet dikjarazzjoni fejn appellat għal koordinazzjoni strutturata bejn l-Aġenzija u l-Bord tat-Tmexxija u l-Kummissjoni dwar l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tal-Bord relatati ma’ dawn il-kwistjonijiet.
·Il-koleġiżlaturi qablu li jibdlu r-regoli tal-votazzjoni fil-Bord tat-Tmexxija minn maġġoranza assoluta għal waħda ta’ żewġ terzi fir-rigward tal-opinjoni dwar il-kontijiet, ir-regoli tal-Bord tat-Tmexxija, l-istruttura interna tal-aġenzija, l-arranġamenti ma’ pajjiżi terzi u l-ħatra, it-tneħħija u l-estensjoni tad-Direttur Eżekuttiv. Barra minn hekk, il-koleġiżlaturi qablu li jerġgħu jintroduċu l-għażla attwali għall-Bord tat-Tmexxija li jaġixxi fuq proposta għat-tneħħija tad-Direttur Eżekuttiv mhux biss mill-Kummissjoni, iżda wkoll minn mill-inqas terz tal-membri votanti tal-Bord tat-Tmexxija.
·Fir-rigward tad-Direttur Eżekuttiv, il-koleġiżlaturi qablu li jżidu l-bilanċ ġeografiku bħala prinċipju li għandu jiġi rispettat fil-proċedura ta’ preselezzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, huma qablu li qabel il-ħatra, u possibbilment anke qabel l-estensjoni tal-mandat tiegħu/tagħha, il-kandidat(a) magħżul(a) jew id-Direttur Eżekuttiv fid-dmir se jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb il-mistoqsijiet li jsiru mill-membri tiegħu.
·Il-koleġiżlaturi qablu li fir-rigward tal-estensjoni tal-mandat tad-Direttur Eżekuttiv, il-valutazzjoni doppja (li tqis l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u l-kompiti u l-isfidi futuri tal-Aġenzija) għandha tiġi trażmessa lill-Bord tat-Tmexxija għall-informazzjoni, flimkien mal-proposta tal-Kummissjoni għall-estensjoni. Il-koleġiżlaturi qablu wkoll li titħassar id-dispożizzjoni tranżizzjonali dwar l-estensjoni tad-durata tal-mandat tad-Direttur Eżekuttiv attwali b’sena.
·Il-koleġiżlaturi qablu li jżommu l-possibbiltà li l-Aġenzija tistabbilixxi ċentri reġjonali fl-Istati Membri tal-UE, fuq talba tal-Kummissjoni, sabiex uħud mill-kompiti tal-Aġenzija jitwettqu bl-aktar mod effiċjenti.
·Fl-aħħar nett, il-koleġiżlaturi qablu li jneħħu l-għażla għall-Aġenzija li f’dan il-mument tistabbilixxi u tiġbor tariffi: kwalunkwe ħtieġa potenzjali li tiġi stabbilita skema tat-tariffi bl-identifikazzjoni ta’ servizzi li jistgħu jiġu ffinanzjati permezz ta’ tariffi se tiġi vvalutata fl-evalwazzjoni perjodika tal-Aġenzija mhux aktar tard minn 5 snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament.
4.Konklużjoni
Fl-ispirtu ta’ kompromess il-Kummissjoni tappoġġa r-riżultati tan-negozjati interistituzzjonali u għalhekk tista’ taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, biex b’hekk il-Parlament Ewropew ikun jista’ jadotta t-test finali fit-tieni qari,
5.DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Il-Kummissjoni għamlet dikjarazzjoni unilaterali, li tinsab fl-appendiċi.
Appendiċi
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sistema ta’ twissija dwar ir-riżorsi umani u kwistjonijiet baġitarji (l-Artikolu 20(2))
“Il-Kummissjoni tfakkar li l-ftehim finali li laħqu l-koleġiżlaturi dwar il-proposta emendata għal Regolament dwar l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (“EMSA”) jintroduċi bidliet fil-governanza meta mqabbel mal-proposta tal-Kummissjoni. Dawn il-bidliet inaqqsu l-kapaċità tal-Kummissjoni li tiżgura l-konformità mad-dritt tal-Unjoni fir-riżorsi umani u fi kwistjonijiet baġitarji.
Il-bidla mill-unanimità għal maġġoranza ta’ erbgħa minn kull ħamsa fit-tieni ċiklu ta’ votazzjoni fl-Artikolu 20, il-paragrafu 2, iddgħajjef l-effettività tas-salvagwardja tal-Kummissjoni li jiġu żgurati amministrazzjoni tajba u ġestjoni finanzjarja tajba. Dan jintroduċi r-riskju li minkejja l-oġġezzjoni formali tal-Kummissjoni, ikunu jistgħu jiġu adottati deċiżjonijiet li jmorru kontra l-qafas legali applikabbli tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament Finanzjarju Qafas u r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea. Dan jista’ jirriżulta wkoll f’riskji finanzjarji u għar-reputazzjoni serji mhux biss għall-EMSA, iżda wkoll għall-Kummissjoni u għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tappella lill-Aġenzija u lill-Bord tat-Tmexxija tagħha biex jinvolvu ruħhom f’koordinazzjoni bikrija u strutturata mal-Kummissjoni dwar l-abbozzi tad-deċiżjonijiet kollha li għandhom jiġu sottomessi għall-adozzjoni.”