IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.9.2025
COM(2025) 630 final
2013/0072(COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
li tikkonċerna
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru, fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
2013/0072 (COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
li tikkonċerna
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru, fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
1.Sfond
|
Data li fiha ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(dokument COM(2013) 130 final – 2013/0072 COD):
|
it-13 ta’ Marzu 2013.
|
|
Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:
|
il-11 ta’ Lulju 2013.
|
|
Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, fl-ewwel qari:
|
il-5 ta’ Frar 2014.
|
|
Data li fiha ntbagħtet il-proposta emendata:
|
Mhux applikabbli
|
|
Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:
|
id-29 ta’ Settembru 2025.
|
2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni
Il-proposta għandha l-għan li ttejjeb l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri. L-ewwel nett, tiċċara l-prinċipji ewlenin u d-drittijiet korrispondenti tal-passiġġieri li wasslu għal ħafna tilwim bejn il-linji tal-ajru u l-passiġġieri fil-passat. It-tieni, ittejjeb u tikkoordina politiki ta’ infurzar aħjar imwettqa fil-livell nazzjonali. Il-proposta għandha wkoll l-għan li tqis aħjar il-kapaċitajiet finanzjarji tat-trasportaturi bl-ajru kif ukoll li tiżgura infurzar aħjar tad-drittijiet tal-passiġġieri fir-rigward tal-ġestjoni ħażina tal-bagalji.
3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill
Il-pożizzjoni tal-Kunsill kif adottata fl-ewwel qari fid-29 ta’ Settembru 2025 tirrifletti l-ftehim politiku li l-Kunsill laħaq fil-5 ta’ Ġunju 2025.
Il-punti ewlenin ta’ dan il-ftehim huma kif ġej:
Ir-Regolament (KE) 261/2004 (id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru)
Limiti tal-kumpens – il-Kunsill naqqas l-għadd ta’ limiti tad-distanza minn tlieta għal tnejn: wieħed għall-vjaġġi sa 3 500 km u wieħed għall-vjaġġi ta’ aktar minn 3 500 km. Fil-każ ta’ dewmien, huwa stabbilixxa l-limiti ta’ kumpens għal 4 sigħat (għall-vjaġġi sa 3 500 km) u għal 6 sigħat (għall-vjaġġi ta’ aktar minn 3 500 km). L-ammonti għall-kumpens ġew adattati għal EUR 300 u EUR 500 rispettivament li għandhom jiġu rieżaminati fl-ewwel rapport mill-Kummissjoni 3 snin wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament rivedut. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet tal-passiġġieri, filwaqt li fl-istess ħin iqisu l-piż finanzjarju tat-trasportaturi bl-ajru.
Id-dritt għall-kumpens f’każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira huwa estiż għall-każijiet fejn il-passiġġieri jiġu informati bil-kanċellazzjoni inqas minn 14-il jum qabel it-tluq u jagħżlu r-rimborż jew rotta differenti f’data aktar tard, skont il-konvenjenza tagħhom. F’każ ta’ kanċellazzjoni, il-linja tal-ajru trid tipprovdi lill-passiġġieri b’formoli mimlija minn qabel għat-talbiet għall-kumpens. Dan isaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri.
Id-drittijiet għal rimborż, rotta differenti u kumpens huma estiżi għall-każijiet ta’ dewmien twil fit-tluq u ta’ konnessjonijiet mitlufa, kif propost mill-Kummissjoni.
Rwol tal-korpi nazzjonali tal-infurzar (NEBs, National Enforcement Bodies) u tal-korpi barra mill-qorti: Kif propost mill-Kummissjoni, ir-rwol tal-NEBs (monitoraġġ ġenerali) meta mqabbel mal-korpi (soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti) li jittrattaw l-ilmenti individwali, huwa ċċarat.
Madankollu, il-Kunsill neħħa l-possibbiltà li l-Kummissjoni titlob lill-NEBs jinvestigaw prattiki suspettati speċifiċi minn trasportatur bl-ajru wieħed jew aktar u jirrapportaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni. Għalhekk, it-tisħiħ tar-rwol tal-NEBs huwa inqas ambizzjuż milli dak fil-proposta tal-Kummissjoni. (Il-Kunsill għamel l-istess ħaġa b’dispożizzjoni simili proposta għad-drittijiet tal-passiġġieri għall-modi l-oħra tat-trasport u għad-drittijiet tal-passiġġieri multimodali fl-Approċċi Ġenerali tiegħu rigward COM(2023)752 u 753).
Fis-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti (l-Artikolu 16a), l-għażla tal-mekkaniżmu titħalla f’idejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tqis li jeħtieġ li jiġi evitat li l-proċedura tal-NEB tkun mingħajr garanziji proċedurali. Dwar dan il-punt, il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tissodisfax il-proposta tal-Kummissjoni.
Barra minn hekk, ir-relazzjoni mad-Direttiva 2013/11/UE dwar is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR, Alternative Dispute Resolution) teħtieġ aġġustament ulterjuri biex jiġi żgurat li xejn fir-Regolament ma jipprevjeni lill-konsumaturi milli jressqu t-tilwim individwali tagħhom quddiem il-korpi ta’ riżoluzzjoni alternattivi skont id-Direttiva 2013/11/UE, u xejn ma jillimita l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw aċċess għall-ADR fit-trasport bl-ajru.
Rapportar mill-NEBs: L-NEBs huma obbligati jirrapportaw dwar l-attivitajiet tagħhom kull 5 snin biss. Dan huwa inqas ambizzjuż mir-rapportar annwali fil-proposta tal-Kummissjoni u ma jippermettix li l-attivitajiet tal-NEBs jiġu mmonitorjati fuq bażi aktar regolari. (Għall-modi l-oħra tat-trasport, l-NEBs iridu jirrapportaw kull sentejn – għall-aktar dettalji reċenti, ara r-Regolament (UE) 2021/782 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri ferrovjarji).
Kumpens: Regoli aktar ċari dwar l-ilmenti u dwar l-iskadenzi ta’ kumpens għal ilmenti mressqa mill-passiġġieri kontra t-trasportaturi u l-intermedjarji, inklużi skadenzi ċari u l-obbligu li dawn ir-regoli jiġu kkomunikati lill-passiġġieri, kif ukoll li tingħata tweġiba sostanzjata. Il-passiġġieri jkollhom sa 6 xhur biex jissottomettu talba għal kumpens jew ilment lit-trasportatur bl-ajru; it-trasportatur bl-ajru jrid iħallas il-kumpens jew jipprovdi tweġiba sostanzjata fi żmien 14-il jum. Dan huwa konformi mal-objettivi tal-proposta tal-Kummissjoni.
Madankollu, l-obbligu li jitħallas kumpens huwa limitat għat-trasportatur bl-ajru li jopera t-titjira interrotta inkwistjoni, filwaqt li skont ir-regoli kurrenti – kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawżi C-502/18 České aerolinie, C-367/20 KLM u C-561/20 United Airlines – il-passiġġieri jistgħu jitolbu kumpens mingħand kwalunkwe trasportatur li jopera parti mill-vjaġġ. Din il-limitazzjoni ma ġietx proposta mill-Kummissjoni.
Ċirkostanzi straordinarji: Il-Kunsill estenda l-lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkostanzi straordinarji li jistgħu jwasslu għall-eżenzjoni tat-trasportaturi bl-ajru milli jħallsu kumpens, u żied ir-rekwiżit li t-trasportaturi jwieġbu fi żmien ċerta skadenza bi spjegazzjoni ċara u sostanzjata. Il-Kummissjoni tkun obbligata tirrieżamina l-lista kull 3 snin u tipproponi, kif xieraq, aġġornament.
Dan l-aġġornament jista’ jiġi adottat biss permezz ta’ proċedura leġiżlattiva ordinarja u mhux permezz tal-proċedura ta’ kumitat kif stabbilit fil-proposta tal-Kummissjoni. Dan ma jippermettix li l-interpretazzjoni tal-lista tiġi ċċarata malajr jew li l-lista tiġi aġġornata għall-finijiet ta’ ċertezza legali. L-esperjenza turi li l-proċedura leġiżlattiva normalment tieħu aktar minn 3 snin għad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru. B’konsegwenza ta’ dan, ir-Regolament ikollu jiġi rivedut b’mod kostanti mil-leġiżlatur li kieku l-lista kellha tiġi aġġornata kull 3 snin.
Dewmien fuq it-tarmak: Wara 3 sigħat, il-passiġġieri għandhom l-għażla bejn rotta differenti u r-rimborż tal-biljett kif ukoll id-dritt għal żbark. Dan huwa limitu iqsar mill-5 sigħat li kienet ipproponiet il-Kummissjoni.
Passiġġieri li ma jitfaċċawx: Teżisti projbizzjoni sħiħa fuq il-politiki ta’ “passiġġieri li ma jitfaċċawx” fir-rigward ta’ titjiriet ta’ ritorn (mingħajr kundizzjonijiet), minflok il-projbizzjoni parzjali kif propost mill-Kummissjoni. Skont il-proposta tal-Kummissjoni, il-linji tal-ajru jitħallew jitolbu lill-passiġġieri jħallsu tariffa sabiex ikunu jistgħu jivvjaġġaw fuq titjira ta’ ritorn jekk jonqsu milli jitfaċċaw għat-titjira tat-tluq. Il-Kummissjoni għażlet li ma tapplikax projbizzjoni sħiħa tal-politiki ta’ “passiġġieri li ma jitfaċċawx” minħabba li dan ixekkel jew idgħajjef il-kapaċità tal-linji tal-ajru li joffru titjiriet indiretti bi prezzijiet aktar baxxi minn titjiriet diretti u għalhekk jagħmel ħsara lill-kompetizzjoni. Madankollu, din id-dispożizzjoni hija aċċettabbli għall-Kummissjoni peress li ssaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri.
Dritt għal assistenza: Id-drittijiet tal-passiġġieri li għandhom jiġu kkunsidrati waqt li jkunu qed jistennew minħabba interruzzjoni tat-titjira tjiebu; żdiedu d-dettalji għall-forniment ta’ xorb, ikel u akkomodazzjoni. Dan huwa aktar favorevoli għall-passiġġieri mill-proposta tal-Kummissjoni.
Drittijiet imtejba għall-passiġġieri bi bżonnijiet speċifiċi: Id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa (PRMs, persons with reduced mobility), iżda wkoll tan-nisa tqal, tat-tfal u tal-persuni bi bżonnijiet mediċi speċifiċi, huma msaħħa b’mod sinifikanti. Iċ-ċaħda tal-imbark lil persuni bi bżonnijiet speċifiċi hija pprojbita. Ġiet introdotta l-possibbiltà li persuna tkun akkumpanjata minn klieb ta’ assistenza rikonoxxuti u l-persuni li jakkumpanjaw lil dawn il-persuni jew li jakkumpanjaw lil wild għandhom jiġu offruti, mingħajr ħlas, il-possibbiltà li joqogħdu bilqiegħda fil-post ta’ ħdejn il-persuna, soġġett għad-disponibbiltà. Dan huwa aktar favorevoli għall-passiġġieri mill-proposta tal-Kummissjoni.
Dritt għal informazzjoni: L-informazzjoni għall-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom, l-obbligi tat-trasportaturi bl-ajru u tal-intermedjarji f’termini ta’ informazzjoni u informazzjoni prekuntrattwali huma kollha msaħħa. Dawn id-dispożizzjonijiet huma aktar favorevoli għall-passiġġieri mill-proposta tal-Kummissjoni.
Korrezzjoni tal-ismijiet tal-passiġġieri: żbalji fl-ortografija magħmula mill-passiġġieri waqt il-prenotazzjoni jew il-bidliet fl-ismijiet wara l-prenotazzjoni jistgħu jiġu kkoreġuti, bla ħlas, sa 48 siegħa qabel it-tluq, kif stabbilit fil-proposta tal-Kummissjoni; dan id-dritt ġie estiż ukoll fil-każ ta’ bidla amministrattiva għal dawk l-ismijiet.
Meta titjira tkun parti minn pakkett skont id-Direttiva (UE) 2015/2302 qiegħed jiġi ċċarat li l-kumpens skont ir-Regolament (KE) 261/2004 jista’ jitnaqqas mill-kumpens riċevut minn organizzatur tal-pakkett, sabiex jiġi evitat li l-passiġġier jingħata kumpens żejjed. Din iż-żieda hija konformi mal-objettivi tal-proposta tal-Kummissjoni.
Estensjoni ta’ xi skadenzi għall-pagamenti: Rimborż - żieda tal-perjodu ta’ rifużjoni għat-trasportaturi bl-ajru minn (attwalment) 7 ijiem għal 14-il jum (allinjat mal-iskadenza tar-rifużjoni skont id-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar u r-Regolament (UE) Nru 181/2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tax-xarabank; l-iskadenza skont ir-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji hija ta’ 30 jum, skont ir-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-bastimenti għadha ta’ 7 ijiem); kumpens f’każ ta’ imbark miċħud – żieda fil-perjodu ta’ rifużjoni minn dak kurrenti “immedjatament” għal 7 ijiem. Il-Kummissjoni ma pproponietx li tbiddel dawn il-perjodi li huma anqas ta’ benefiċċju għall-passiġġieri minn dawk kurrenti.
Riprogrammar tar-rotta fuq trasportaturi oħra jew modi oħra ta’ trasport: qabel ir-riprogrammar tar-rotta, it-trasportaturi bl-ajru jridu joffru għażliet differenti lill-passiġġieri sabiex ikunu jistgħu jaslu fid-destinazzjoni tagħhom mill-aktar fis possibbli. Tali alternattivi huma soġġetti għall-qbil tal-passiġġier u jinkludu r-riprogrammar tar-rotta fuq trasportatur bl-ajru ieħor jew permezz ta’ modi oħra ta’ trasport. Dawk id-dispożizzjonijiet huma konformi mal-objettivi tal-proposta tal-Kummissjoni.
Riprogrammar tar-rotta mill-passiġġieri stess jekk ma jiġux offruti ridirezzjonar tar-rotta mit-trasportatur bl-ajru fi żmien 3 sigħat, b’limitu ta’ kost ta’ erba’ darbiet il-kost tal-prenotazzjoni oriġinali (jekk dan il-prezz limitu ma jkunx aċċettabbli għall-passiġġieri, xorta jistgħu jinsistu li jkollhom riprogrammar tar-rotta mit-trasportatur). Din id-dispożizzjoni l-ġdida ssaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri f’każ ta’ interruzzjoni fl-ivvjaġġar.
Kunsiderazzjoni aħjar tal-kapaċitajiet finanzjarji tat-trasportaturi bl-ajru – kif spjegat hawn fuq taħt “limiti ta’ kumpens”, il-limitu ta’ żmien għall-ħlas tal-kumpens jiżdied għal 4 sigħat (għal titjiriet sa 3 500 km u titjiriet intra-UE) u għal 6 sigħat (għal titjiriet ta’ aktar minn 3 500 km). Barra minn hekk, l-iskadenza għar-rimborżi tiżdied minn 7 ijiem kalendarji għal 14-il jum kalendarju u għal 30 jum f’sitwazzjonijiet fejn jiġu attivati pjanijiet ta’ kontinġenza; il-lista proposta oriġinarjament ta’ ċirkostanzi straordinarji hija estiża. F’każijiet ta’ ċirkostanzi straordinarji, it-trasportatur bl-ajru jista’ jillimita l-akkomodazzjoni li għandha tiġi pprovduta għal 3 iljieli ħlief għal persuni bi bżonnijiet speċifiċi. Dan huwa konformi mal-objettivi tal-proposta tal-Kummissjoni.
Ir-rekwiżit għall-Istati Membri li jinfurmaw lill-Kummissjoni b’mod regolari dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni nazzjonali tar-Regolament u l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tiddeċiedi fuq il-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati f’dawn ir-rapporti permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni tħassar. Dwar dan il-punt, il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tissodisfax il-proposta tal-Kummissjoni.
Reviżjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament: il-Kunsill żied fl-Artikolu 17(2)(a) ir-rekwiżit li l-Kummissjoni tinkludi fl-ewwel rapport (3 snin wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament) valutazzjoni dwar il-ħtieġa u l-fattibbiltà ta’ reviżjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament bil-għan li tkompli tissaħħaħ il-protezzjoni tal-passiġġieri u l-kundizzjonijiet ekwi bejn it-trasportaturi tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi. Dan ikun jinkludi estensjoni potenzjali tal-kamp ta’ applikazzjoni għal titjiriet li jkunu deħlin operati minn trasportaturi mhux tal-UE.
Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97(ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru):
Regoli aktar ċari dwar ir-responsabbiltà li tikkonċerna t-tagħmir tal- mobbiltà tal-PRMs (Persons with reduced mobility): Fir-rigward tal-PRMs, it-test jinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà aktar ċari u mtejba f’każ ta’ qerda jew f’każ ta’ ħsara fit-tagħmir tal-mobbiltà rreġistrati, inklużi l-klieb ta’ assistenza, kif ukoll l-obbligi tat-trasportaturi bl-ajru rigward il-forniment immedjat ta’ sostituzzjonijiet temporanji/bla ħlas għat-tagħmir tal-mobbiltà u soluzzjonijiet temporanji biex jiġu sostitwiti l-klieb ta’ assistenza. Dawn id-dispożizzjonijiet huma aktar ambizzjużi mill-proposta tal-Kummissjoni.
Aċċess eħfef għall-formoli tal-ilmenti: It-trasportaturi bl-ajru huma meħtieġa jipprovdu lill-passiġġieri b’formoli tal-ilmenti f’format aċċessibbli u għandhom jagħmluhom disponibbli wkoll lill-persuni li ma jużawx għodod diġitali, u dan huwa titjib għall-passiġġieri meta mqabbel mal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. Madankollu, il-Kummissjoni kienet ipproponiet skrivaniji fiżiċi għall-passiġġieri fl-ajruport, proposta li ma nżammitx mill-Kunsill. F’dak ir-rigward, il-pożizzjoni tal-Kunsill hija inqas favorevoli għall-passiġġieri mill-proposta tal-Kummissjoni.
Bagalji: Il-Kunsill jistabbilixxi d-dimensjonijiet ta’ “oġġett personali” li l-passiġġieri dejjem ikollhom id-dritt li jġorru fil-kabina mingħajr kostijiet addizzjonali: dan jew jidħol taħt is-sit ta’ quddiem jew ma jaqbiżx id-daqs ta’ 40 x 30 x 15 cm. Barra minn hekk, meta oġġett personali jew bagalja tal-idejn ma tkunx tista’ tmur fil-kabina minħabba raġunijiet speċifiċi, bħal raġunijiet ta’ sikurezza, raġunijiet ta’ kapaċità jew bidla fit-tip ta’ inġenju tal-ajru, din tista’ titqiegħed fl-istiva mingħajr ebda kost ulterjuri.
Il-proposta tal-Kummissjoni ma rregolatx id-dimensjonijiet tal-bagalji tal-idejn. Fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, il-Kunsill jirreferi b’mod espliċitu għall-bagalji tal-idejn u jiddefinixxi d-dimensjonijiet ta’ “oġġett personali”. Il-Kummissjoni tinnota li din hija konċessjoni minima mingħajr ħlas, u li, fil-prattika, ħafna passiġġieri diġà jgawdu minn dan id-daqs jew minn kwota akbar ta’ bagalji tal-idejn fuq ħafna linji tal-ajru.
Rekwiżit speċifiku ta’ informazzjoni fir-rigward tal-PRMs, inklużi l-obbligi tat-trasportatur bl-ajru li joffri lill-PRMs id-dritt li jagħmlu, mingħajr ħlas, dikjarazzjoni speċjali ta’ interess dwar il-valur tat-tagħmir tal-mobbiltà tagħhom. Dan huwa konformi mal-objettivi tal-proposta tal-Kummissjoni.
Informazzjoni dwar il-bagalji - informazzjoni aktar estensiva li għandha tiġi pprovduta kemm mit-trasportaturi bl-ajru kif ukoll mill-intermedjarji dwar il-kwoti u d-dimensjonijiet massimi tal-bagalji, il-kundizzjonijiet speċifiċi għal oġġetti ta’ valur/fraġli bħal strumenti mużikali u dwar it-trasparenza fir-rigward ta’ imposti addizzjonali. Dan huwa konformi mal-objettivi tal-proposta tal-Kummissjoni.
Dritt għall-ġarr ta’ strumenti mużikali fil-kabina: Il-passiġġieri huma permessi jġorru strument mużikali fil-kabina ta’ inġenju tal-ajru, soġġett għar-regoli applikabbli dwar is-sigurtà u s-sikurezza u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u r-restrizzjonijiet tal-inġenju tal-ajru kkonċernat. Dan huwa konformi mal-objettivi tal-proposta tal-Kummissjoni.
Il-proposta tal-Kummissjoni kienet teħtieġ li l-NEBs jinfurzaw ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fir-rigward ta’ bagalji mdewma, mitlufa jew li ssirilhom ħsara, inklużi l-ilmenti relatati mat-tagħmir tal-mobbiltà tal-passiġġieri b’diżabilità u/jew b’mobbiltà mnaqqsa (PRMs). Il-Kunsill ħassar dan ir-rekwiżit. F’dan ir-rigward, il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tissodisfax il-proposta tal-Kummissjoni.
Il-possibbiltà li l-Kummissjoni tadatta regolarment il-limiti tar-responsabbiltà msemmija fil-Konvenzjoni ta’ Montreal permezz ta’ atti delegati ġiet sostitwita b’referenza dinamika għal-limiti stabbiliti skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal, kif aġġornata l-aħħar mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, International Civil Aviation Organization). Din is-soluzzjoni hija inqas addattata fir-rigward taċ-ċertezza legali. Dwar dan il-punt, il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tissodisfax il-proposta tal-Kummissjoni.
4.Konklużjoni
Il-Kummissjoni tista’ tappoġġa b’mod ġenerali l-ftehim politiku li huwa rifless fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari. Filwaqt li tqis li l-pożizzjoni tal-Kunsill – milħuqa b’maġġoranza kwalifikata – ma tissodisfax l-għanijiet essenzjali kollha tal-proposta tagħha, il-Kummissjoni tqis li din hija bażi ġeneralment aċċettabbli għad-dħul f’negozjati mal-Parlament Ewropew.