IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.10.2025
COM(2025) 582 final
2025/0310(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Parteċipanti fil-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili dwar il-klassifikazzjoni tar-riskju tad-debitur fi tranżazzjonijiet de minimis li jinvolvu inġenji tal-ajru agrikoli
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tar-riskju tad-debitur fi tranżazzjonijiet ta’ valur tal-kuntratt tal-esportazzjoni ta’ inqas minn USD 5 miljun (tranżazzjonijiet de minimis) li jinvolvu inġenji tal-ajru agrikoli skont il-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili (“Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru” jew “FSIA”) fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (“l-Arranġament”).
Din il-proposta tissuġġerixxi emenda għar-regoli stabbiliti fl-FSIA rigward id-determinazzjoni tal-ipprezzar ta’ appoġġ uffiċjali għal tranżazzjoni soġġetta għall-FSIA, b’mod partikolari l-proċeduri ta’ klassifikazzjoni tar-riskju tad-debitur. L-FSIA jistipula li l-Parteċipanti fil-FSIA jridu, qabel kwalunkwe użu ta’ klassifikazzjoni tar-riskju alternattiva jew ġdida tad-debituri, jitolbu aġġornament tal-lista tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju tad-debituri. Minħabba piż amministrattiv sinifikanti li jġib miegħu dan ir-rekwiżit, fit-30 ta’ Lulju 2025 is-Segretarjat tal-OECD ippropona li jiġi emendat l-FSIA billi jiġu esklużi tranżazzjonijiet de minimis li jinvolvu inġenji tal-ajru agrikoli mill-proċess ta’ klassifikazzjoni tar-riskju tad-debitur. Din il-proposta tissuġġerixxi li tiġi aċċettata dik l-emenda proposta.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.L-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati
L-Arranġament huwa ftehim informali bejn l-Unjoni, l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun, il-Korea, in-Norveġja, l-Iżvizzera, l-Awstralja, New Zealand, it-Turkija u r-Renju Unit (il-“Parteċipanti”), li għandu l-għan jipprovdi qafas għall-użu ordnat ta’ krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. Fil-prattika, dan ifisser li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni (li permezz tagħhom il-kompetizzjoni tkun ibbażata fuq il-prezz u l-kwalità tal-prodotti u s-servizzi esportati u mhux fuq it-termini finanzjarji offruti) u ħidma biex jiġu eliminati s-sussidji u d-distorsjonijiet kummerċjali relatati ma’ krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. L-Arranġament daħal fis-seħħ f’April 1978 u huwa għal żmien indeterminat. L-Arranġament huwa inkorporat amministrattivament fl-OECD, u jirċievi appoġġ mis-Segretarjat tal-OECD, iżda mhuwiex Att tal-OECD.
Uħud mir-regoli stabbiliti fl-Arranġament huma speċifiċi għas-settur u dettaljati fl-annessi settorjali tal-Arranġament imsejħa Ftehimiet Settorjali. L-FSIA jifforma parti mill-Anness III tal-Arranġament u għandu l-għan li jipprovdi qafas għall-użu prevedibbli, konsistenti u trasparenti tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati għall-bejgħ jew il-lokazzjoni ta’ inġenji tal-ajru u prodotti u servizzi relatati oħrajn speċifikati fl-Artikolu 4(a) tal-FSIA. L-FSIA jfittex li jrawwem kundizzjonijiet ekwi għal tali krediti għall-esportazzjoni. L-FSIA daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2011.
Kemm l-Arranġament kif ukoll l-FSIA ġew trasposti, u għalhekk saru legalment vinkolanti fl-Unjoni bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011. Reviżjonijiet tal-patti u l-kundizzjonijiet tal-Arranġament huma inkorporati fid-dritt tal-UE permezz ta’ Atti Delegati skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.
2.2.Il-Parteċipanti fil-Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru u t-teħid tad-deċiżjonijiet
L-FSIA għandu 11-il Parteċipant (“Parteċipanti tal-FSIA”), li huma l-Awstralja, il-Brażil, il-Kanada, l-Unjoni, il-Ġappun, il-Korea, New Zealand, in-Norveġja, l-Iżvizzera, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti.
Il-Kummissjoni Ewropea tirrappreżenta lill-Unjoni fil-laqgħat tal-Parteċipanti tal-FSIA, kif ukoll fil-proċeduri bil-miktub għat-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Parteċipanti tal-FSIA. Id-deċiżjonijiet kollha dwar l-emendi tal-Arranġament jittieħdu b’kunsens.
2.3.L-att previst tal-Parteċipanti tal-FSIA
L-att previst għandu l-għan li jemenda l-proċeduri tal-klassifikazzjoni tar-riskji kif stabbilit fit-Taqsima 1 tal-Appendiċi II tal-FSIA. L-Appendiċi II jistabbilixxi l-proċeduri li għandhom jintużaw meta jiġi stabbilit l-ipprezzar tal-appoġġ uffiċjali għal tranżazzjoni soġġetta għall-FSIA. It-Taqsima 1 tistabbilixxi l-proċeduri ta’ klassifikazzjoni tar-riskji.
Il-parteċipanti tal-FSIA qablu dwar lista ta’ klassifikazzjonijiet tar-riskju għad-debituri. Klassifikazzjonijiet tar-riskju bħal dawn jirriflettu l-klassifikazzjoni tal-kreditu superjuri mhux iggarantita tad-debituri bl-użu ta’ skala ta’ klassifikazzjoni komuni bħal dik tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu.
L-Appendiċi II, it-Taqsima 1.II tal-FSIA jistipula li kwalunkwe Parteċipant fil-FSIA għandu, qabel kwalunkwe użu ta’ klassifikazzjoni tar-riskju alternattiva jew ġdida, jibgħat talba lis-Segretarjat tal-OECD għall-aġġornament tal-lista ta’ klassifikazzjonijiet tar-riskju abbażi ta’ klassifikazzjoni tar-riskji alternattiva jew ġdida. Dan b’mod ġenerali wera li huwa ta’ piż amministrattiv.
Skont ir-regoli attwali, il-Parteċipanti tal-FSIA fi tranżazzjonijiet de minimis jistgħu jevitaw l-aġġornament tal-lista tal-klassifikazzjoni tar-riskji billi jassenjaw lid-debitur il-klassifikazzjoni tar-riskji “8”. Din l-għażla, madankollu, tidher stretta żżejjed.
F’dak is-sens, is-Segretarjat tal-OECD bagħat lill-Parteċipanti tal-FSIA fit-30 ta’ Lulju 2025 proposta għall-approvazzjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub sat-3 ta’ Novembru 2025 biex jiġi emendat it-test tal-FSIA u tiġi pprovduta aktar flessibbiltà fir-rigward tal-proċess ta’ klassifikazzjoni tad-debitur fi tranżazzjonijiet de minimis li jinvolvu inġenji tal-ajru agrikoli, li jirrappreżentaw 89 % tat-tranżazzjonijiet de minimis kollha impenjati bejn l-2011 u l-2023. Din il-proposta tissuġġerixxi li għal tali tranżazzjonijiet, il-Parteċipanti tal-FSIA ma jkollhomx għalfejn jitolbu aġġornament tal-lista ta’ klassifikazzjonijiet tar-riskju, iżda jkunu liberi li japplikaw il-klassifikazzjoni li jqisu xierqa mingħajr ma jkollhom għalfejn jassenjaw klassi ta’ riskju stretta żżejjed ta’ “8” lid-debitur.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-proċess tal-klassifikazzjoni tar-riskji jeħtieġ ammont sinifikanti ta’ żmien tas-Segretarjat tal-OECD. Huwa wkoll ta’ piż amministrattiv għall-Parteċipanti tal-FSIA. Barra minn hekk, ta’ min jinnota li aktar minn 99,9 % tal-proposti de minimis ippreżentati mill-2011 ġew aċċettati mingħajr kontestazzjoni.
Minħabba dan, l-UE tappoġġa l-proposta biex jiġi emendat l-FSIA billi jiġi ssimplifikat il-proċess ta’ klassifikazzjoni tar-riskju għal tranżazzjonijiet de minimis li jinvolvu inġenji tal-ajru agrikoli.
Għalhekk, huwa rrakkomandat li l-Unjoni tappoġġa fil-proċedura bil-miktub mill-Parteċipanti tal-FSIA l-proposta li jiġu esklużi tranżazzjonijiet de minimis li jinvolvu inġenji tal-ajru agrikoli mill-proċess ta’ klassifikazzjoni tar-riskju tad-debitur, f’konformità mal-Anness ta’ din il-proposta.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-att previst jista’ jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, l-aktar ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE. Dak minħabba l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, li jiddikjara li “[i]l-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 3 biex temenda l-Anness II bħala riżultat ta’ emendi għal-linji gwida miftiehma mill-Parteċipanti għall-Arranġament”. Dak jinkludi modifiki fl-annessi tal-Arranġament.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni dwaru. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-krediti għall-esportazzjoni, li huwa fl-ambitu tal-politika kummerċjali komuni. Għaldaqstant, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.
2025/0310 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Parteċipanti fil-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili dwar il-klassifikazzjoni tar-riskju tad-debitur fi tranżazzjonijiet de minimis li jinvolvu inġenji tal-ajru agrikoli
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (l-“Arranġament”), inkluż il-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili (“il-Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru, ASU”, Aircraft Sector Understanding) li jinsabu fl-Anness III tal-Arranġament, ġew trasposti, u għalhekk saru legalment vinkolanti fl-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(2)Id-Deċiżjoni prevista dwar emenda għall-FSIA għandha l-għan li teskludi tranżazzjonijiet b’valur tal-kuntratt ta’ esportazzjoni ta’ inqas minn USD 5 miljun (tranżazzjonijiet de minimis) li jinvolvu inġenji tal-ajru agrikoli mill-proċess ta’ klassifikazzjoni tar-riskju tad-debitur skont l-Appendiċi II, it-Taqsima 1 tal-FSIA. Dan għandu jnaqqas il-piż amministrattiv għall-Parteċipanti tal-FSIA u jissimplifika l-klassifikazzjoni tar-riskju tad-debitur.
(3)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-proċedura bil-miktub tal-Parteċipanti tal-FSIA, peress li d-deċiżjoni kkonċernata ser tkun vinkolanti fuq l-Unjoni u tista’ tinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni għandha tkun li tappoġġa deċiżjoni tal-Parteċipanti tal-FSIA rigward l-emenda għall-FSIA bl-għan li jiġu esklużi t-tranżazzjonijiet de minimis li jinvolvu inġenji tal-ajru agrikoli mill-proċess ta’ klassifikazzjoni tar-riskju tad-debitur, f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.10.2025
COM(2025) 582 final
ANNESS
ta'
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Parteċipanti fil-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili dwar il-klassifikazzjoni tar-riskju tad-debitur fi tranżazzjonijiet de minimis li jinvolvu inġenji tal-ajru agrikoli
ANNESS
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-proċedura bil-miktub tal-Parteċipanti fil-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili (“FSIA”) hija li tappoġġa l-bidliet fin-noti 2 u 3 f’qiegħ il-paġna tal-Appendiċi II (Rati Minimi tal-Primjum) tal-FSIA kif stabbilit f’dan l-Anness. Hawn taħt qed isiru referenzi għan-noti f’qiegħ il-paġna tal-FSIA. Iż-żidiet huma b’tipa grassa sottolinjata:
APPENDIĊI II
RATI MINIMI TAL-PRIMJUM
2
Għal tranżazzjonijiet b’valur tal-kuntratt ta’ esportazzjoni ta’ inqas minn USD 5 miljun, jekk l-esportazzjoni tinvolvi inġenji tal-ajru agrikoli u d-debitur aħħari jkun bidwi jew kumpanija tal-bexx, Parteċipant jista’ japplika l-klassifikazzjoni tar-riskju li jqis xierqa u għandu jinnotifika t-tranżazzjoni f’konformità mal-Artikolu 24(a) ta’ dan il-Ftehim Settorjali. Għat-tranżazzjonijiet l-oħra kollha b’valur tal-esportazzjoni ta’ inqas minn USD 5 miljun (b’mod partikolari dawk fejn id-debitur aħħari huwa linja tal-ajru jew kumpanija tal-kiri tal-inġenji tal-ajru, irrispettivament minn jekk l-esportazzjoni tinvolvix inġenji tal-ajru agrikoli) Parteċipant li ma jixtieqx isegwi l-proċedura ta’ klassifikazzjoni tar-riskju stabbilita fl-Artikoli 6 sa 8 ta’ dan l-Appendiċi għandu japplika l-klassifikazzjoni tar-riskju “8” għax-xerrej/għall-mutwatarju li huwa s-suġġett tat-tranżazzjoni u għandu jinnotifika t-tranżazzjoni f’konformità mal-Artikolu 24(a) ta’ dan il-Ftehim Settorjali.
3
Għal tranżazzjonijiet b’valur tal-kuntratt ta’ esportazzjoni ta’ inqas minn USD 5 miljun, ħlief għal tranżazzjonijiet li għandhom jiġu nnotifikati f’konformità mal-Artikolu 24(a) skont in-nota 2 f’qiegħ il-paġna ta’ dan l-Appendiċi, għandu japplika perjodu ta’ 5 ijiem ta’ xogħol.