Brussell, 16.7.2025

COM(2025) 581 final

2025/0581(CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva (UE) 2020/262 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa fir-rigward tat-tabakk u l-prodotti relatati mat-tabakk


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 1 (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva”) tistabbilixxi arranġamenti ġenerali għall-oġġetti soġġetti għad-dazju tas-sisa, b’enfasi partikolari fuq il-produzzjoni, il-ħżin u l-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa bejn l-Istati Membri. Id-Direttiva ħadet post id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE 2 . L-objettiv ewlieni tad-Direttiva hu li jippermetti li l-oġġetti jiċċirkolaw liberament fl-UE filwaqt li tiżgura wkoll li l-Istati Membri jiġbru d-dejn fiskali korrett.

Din l-emenda teknika tad-Direttiva tirriżulta mir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat 3 . Il-kuntest ta’ din l-inizjattiva huwa stabbilit b’mod komprensiv fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk u l-prodotti relatati mat-tabakk 4 . Il-proposta abbozzata tirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE billi tallinja aħjar it-tassazzjoni tat-tabakk u tal-prodotti relatati mat-tabakk mal-objettivi tas-saħħa u tadatta għal żviluppi u xejriet ġodda tas-suq, billi tintroduċi regoli dwar it-tassazzjoni armonizzati għad-dazju tas-sisa fuq prodotti ġodda (bħal prodotti tat-tabakk imsaħħan, likwidi għas-sigaretti elettroniċi u prodotti oħra li fihom in-nikotina) u t-tabakk mhux maħdum.

Il-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva hija meħtieġa biex iġġib ċertezza legali u tiżgura li l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa jkunu applikabbli wkoll fuq it-tabakk u l-prodotti relatati mat-tabakk li għadhom kif ġew definiti u fuq it-tabakk mhux maħdum.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

Il-proposta tmexxi l-objettivi tad-Direttiva, jiġifieri, li tiżgura l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u li tkun żgurata tassazzjoni effettiva.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Ir-reviżjoni tad-Direttiva hija konsistenti mar-reviżjoni proposta tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE li għandha l-istess objettivi bħal dik id-Direttiva, jiġifieri, li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-amministrazzjoni effiċjenti tas-sisa.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) 5 . Dan l-artikolu jipprevedi li l-Kunsill, huwa u jaġixxi unanimament f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jadotta d-dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

F’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-TFUE, l-objettivi tal-proposta ma jistgħux jinkisbu sew mill-Istati Membri waħedhom u għalhekk jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-UE.

Proporzjonalità

Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) tat-TFUE. L-emendi proposti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet involuti u biex jiġi żgurat li s-suq intern jiffunzjona kif suppost u b’mod effettiv.

Għażla tal-istrument

Il-proposta hija Direttiva.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Huma meħtieġa bidliet fid-Direttiva wara l-bidliet proposti fir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE, inkluża l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva biex tkopri prodotti ġodda u tabakk mhux maħdum. Ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE diġà għaddiet minn proċess ta’ evalwazzjoni, li huwa ppreżentat b’mod estensiv fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk u l-prodotti relatati mat-tabakk tingħata informazzjoni estensiva dwar il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati.

L-istrateġija ta’ konsultazzjoni għar-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE fittxet li tiġbor feedback mill-partijiet ikkonċernati dwar l-applikazzjoni tar-regoli attwali dwar l-istrutturi tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk manifatturati, dwar il-ħtieġa li jiġi aġġornat il-qafas regolatorju tal-UE u li jinkisbu l-fehmiet tagħhom dwar bidliet possibbli.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert huma stabbiliti b’mod komprensiv fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk u l-prodotti relatati mat-tabakk.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt hija pprovduta fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk u l-prodotti relatati mat-tabakk.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-informazzjoni estensiva dwar l-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni hija pprovduta fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk u l-prodotti relatati mat-tabakk.

 Drittijiet fundamentali

Il-miżura ma tħalli l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Id-dazju tas-sisa huwa dħul għall-baġit nazzjonali tal-Istati Membri. Id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji ppreżentata b’mod parallel ma’ din il-proposta, tipprevedi riżorsa proprja ġdida li titlob sehem mir-rata minima għat-tabakk u l-prodotti relatati mat-tabakk. Filwaqt li mhijiex marbuta legalment mar-reviżjoni tad-Direttiva proposta, id-Deċiżjoni tibni fuq l-għażliet ta’ politika kif stabbiliti fid-Direttiva (u r-reviżjonijiet tagħha). Din issaħħaħ l-impenn lejn is-salvagwardja u t-titjib tas-saħħa ġenerali taċ-ċittadini, kif ukoll il-mitigazzjoni tad-distorsjonijiet ikkawżati mill-kummerċ transfruntier tal-prodotti fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhuwiex meħtieġ pjan ta’ implimentazzjoni peress li din il-proposta hija emenda teknika.

2025/0581 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva (UE) 2020/262 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa fir-rigward tat-tabakk u l-prodotti relatati mat-tabakk

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 6 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 7 ,

Filwaqt li jaġixxi f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 8 tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa impost fuq il-konsum ta’ ċerti oġġetti soġġetti għas-sisa, inkluż it-tabakk manifatturat kopert mid-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE 9 . Id-Direttiva 2011/64/UE, li stabbiliet l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat, ġiet sostitwita bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) XX/XXX [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jekk jogħġbok daħħal in-numru u s-sena tad-Direttiva tal-Kunsill dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk u l-prodotti relatati mat-tabakk adottata fl-istess jum bħal din id-Direttiva] 10 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2028. Id-Direttiva (UE) XX/XXX [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jekk jogħġbok daħħal in-numru u s-sena tad-Direttiva tal-Kunsill dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk u l-prodotti relatati mat-tabakk adottata fl-istess jum bħal din id-Direttiva] tkopri għadd ta’ prodotti ġodda li jiffunzjonaw bħala sostituti għat-tabakk manifatturat, u li fihom it-tabakk jew in-nikotina, u t-tabakk mhux maħdum. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-lista ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa li għalihom tapplika d-Direttiva (UE) 2020/262 tkopri wkoll dawk il-prodotti kollha.

(2)Sabiex tiġi żgurata d-detezzjoni tal-irregolaritajiet u d-devjazzjonijiet potenzjali, l-operazzjonijiet tal-katina tal-provvista għat-tabakk mhux maħdum jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ kontroll u moviment tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262. Minħabba l-piż li dan jirrappreżenta għall-produtturi ż-żgħar u r-riskju limitat ta’ frodi, l-Istati Membri jenħtieġ li jeżentaw lil dawk li jkabbru t-tabakk, u l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet tagħhom mir-rekwiżiti ta’ kontroll u moviment, sakemm ma jkunux involuti fit-trasformazzjoni ta’ tabakk ippreservat jew imnixxef f’tabakk ipproċessat.

(3)Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2020/262 tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva (UE) 2020/262 hija emendata kif ġej:

fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2020/262, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c) tabakk u prodotti relatati mat-tabakk koperti mid-Direttiva tal-Kunsill (UE) XX/XXX*”;

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 50 a

Dawk li jkabbru t-tabakk, l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet tagħhom

L-Istati Membri għandhom jeskludu lil dawk li jkabbru t-tabakk, l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet tagħhom mir-rekwiżiti tal-Artikoli 14 sa 21, 24 sa 28, 30 sa 31, 33 sa 47 u mir-rekwiżiti l-oħra relatati mal-imponibbiltà tad-dazju tas-sisa, dment li ma jkunux involuti fit-trasformazzjoni ta’ tabakk ippreservat jew imnixxef f’tabakk ipproċessat.”

___________

* Id-Direttiva tal-Kunsill XX/XXX [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jekk jogħġbok daħħal ir-referenza tal-ĠU u l-ELI tad-Direttiva tal-Kunsill dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk u l-prodotti relatati mat-tabakk adottati fl-istess jum bħal din id-Direttiva].”.

Artikolu 2

1.    L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2027, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2028.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)     Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (riformulazzjoni) ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4–42.
(2)     Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li tħassar id-Direttiva 92/12/KEE, ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12–30.
(3)     Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat, ĠU L 176, 5.7.2011, p. 24–36.
(4)    Jekk jogħġbok inkludi r-referenza meta tkun disponibbli.
(5)    Il-verżjoni konsolidata tat- Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea , ĠU C 326, 26.10.2012, p. 47–390.
(6)    ĠU C , , p. .
(7)    ĠU C , , p. .
(8)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2020/262/oj ).
(9)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal-21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (ĠU L 176, 5.7.2011, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/64/oj ).
(10)    Id-Direttiva tal-Kunsill XX/XXX [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jekk jogħġbok daħħal in-numru u s-sena u r-referenza tal-ĠU tad-Direttiva tal-Kunsill dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk u l-prodotti relatati mat-tabakk adottati fl-istess jum bħal din id-Direttiva].