Brussell, 16.7.2025

COM(2025) 572 final

Proposta għal

FTEHIM INTERISTITUZZJONALI

bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba


Proposta għal

FTEHIM INTERISTITUZZJONALI

bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba

IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U L-KUMMISSJONI EWROPEA,

minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Istituzzjonijiet,

QABLU KIF ĠEJ:

1.L-iskop ta’dan il-Ftehim, li ġie adottat skont l-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), huwa li jimplimenta d-dixxiplina baġitarja u jtejjeb il-funzjonament tal-proċedura baġitarja annwali u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet dwar kwistjonijiet baġitarji kif ukoll sabiex jiżgura ġestjoni finanzjarja tajba.

2.Dan il-Ftehim huwa vinkolanti fuq l-Istituzzjonijiet sakemm jibqa’ fis-seħħ. L-Anness li jinsab ma' dan il-Ftehim jifforma parti integrali minnu.

3.Dan il-Ftehim ma jibdilx is-setgħat baġitarji rispettivi tal-istituzzjonijiet kif stipulati fit-Trattati, fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 20XX/XXX 1 (“ir-Regolament dwar il-QFP”), fir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 (“ir-Regolament Finanzjarju”) u fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 20XX/XX 3 (“id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji”), u huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-parlamenti nazzjonali fir-rigward tar-riżorsi proprji.

4.Kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim tirrikjedi l-qbil komuni tal-Istituzzjonijiet kollha.

5.Dan il-Ftehim jinqasam f’erba’ partijiet:

–    Il-Parti I tirrigwarda l-kooperazzjoni interistituzzjonali relatata mal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u mal-istrumenti speċjali.

–    Il-Parti II tirrigwarda l-kooperazzjoni interistituzzjonali f’materji baġitarji.

–    Il-Parti III hija relatata mal-kooperazzjoni interistituzzjonali waqt il-proċedura baġitarja.

6.Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fi XX XX XX u jieħu post il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 4 .

PARTI I
Kooperazzjoni interistituzzjonali fir-rigward tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP)

A. provvedimenti relatati mal-kooperazzjoni interistituzzjonali matul il-proċedura li twassal għall-adozzjoni tal-qafas finanzjarju

7.F’konformità mal-Artikolu 312(5) TFUE, l-Istituzzjonijiet għandhom jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa biex jiffaċilitaw l-adozzjoni ta’ QFP ġdid jew reviżjoni tiegħu, f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva speċjali msemmija fl-Artikolu 312(2) TFUE. Tali miżuri ser jinkludu laqgħat regolari u skambju ta’ informazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill u, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, laqgħat tal-Presidenti tal-Istituzzjonijiet kif stabbilit fl-Artikolu 324 TFUE sabiex jippromwovu l-konsultazzjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Istituzzjonijiet. Meta titressaq proposta għall-QFP ġdid jew għal reviżjoni sostanzjali, l-Istituzzjonijiet ser ifittxu li jistabbilixxu arranġamenti speċifiċi għall-kooperazzjoni u d-djalogu bejniethom tul il-proċedura kollha li twassal għall-adozzjoni tagħha.

B. Dispożizzjonijiet relatati mal-istrumenti speċjali

Strument ta’ Flessibbiltà

8.Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibilità kif imsemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament QFP wara li tkun eżaminat il-possibbiltajiet għall-allokazzjoni mill-ġdid tal-approprjazzjonijiet fi ħdan l-intestatura li teħtieġ nefqa addizzjonali.

Il-proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibilità għandha tidentifika l-bżonnijiet li għadhom jiġu koperti u l-ammont. Tali proposta tista’ ssir b’rabta ma’ abbozz ta’ baġit jew ma’ abbozz ta’ baġit emendatorju.

L-Istrument ta’ Flessibbiltà jista’ jiġi mobilizzat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja stabbilita fl-Artikolu 314 TFUE.

Strument ta’ Marġini Uniku

9.Il-mobilizzazzjoni tal-ammonti kollha jew parti minnhom imsemmija fl-Artikolu 7(1), il-punt (c) tar-Regolament QFP (“Marġini ta’ Kontinġenza”) għandha tiġi proposta mill-Kummissjoni wara li taċċerta li l-approprjazzjonijiet ta’ impenn jew ta’ pagament meħtieġa, skont il-każ, ma jistgħux jiġu ffinanzjati mod ieħor. Proposta bħal din tista’ ssir b’rabta mal-abbozz ta' baġit jew mal-abbozz ta' baġit emendatorju.

Il-Marġini ta' Kontinġenza jista’ jiġi mobilizzat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja stabbilita fl-Artikolu 314 TFUE.

PARTI II
TITJIB TAL-KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI F’MATERJI BAĠITARJI

A. Il-proċedura ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali

Inkorporazzjoni tad-dispożizzjonijiet finanzjarji f'atti leġiżlattivi

10.Meta att leġiżlattiv li jikkonċerna programmi jew strumenti pluriennali, adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, ikun fih dispożizzjoni li fiha l-leġiżlatur jistabbilixxi l-pakkett finanzjarju indikattiv għall-programm, dan l-ammont għandu jikkostitwixxi r-referenza primarja għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u l-Kummissjoni meta tħejji l-abbozz ta’ baġit, jimpenjaw ruħhom li ma jitbegħdux b’aktar minn 20 % minn dak l-ammont għat-tul kollu tal-programm jew tal-istrument ikkonċernat, sakemm ma jirriżultawx ċirkostanzi ġodda ġustifikati, inklużi dawk marbuta ma’ prijoritajiet ta’ politika tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu r-riżultati miksuba mill-implimentazzjoni tal-programm u tal-istrumenti.

Dan il-punt ma japplikax għal approprjazzjonijiet allokati minn qabel għal kull Stat Membru skont ir-Regolament [(UE) XXXX/XX] [Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali].

Programmar finanzjarju

11.Sabiex tipprovdi previżjonijiet preċiżi u affidabbli tal-implikazzjonijiet baġitarji tal-atti bażiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament Finanzjarju u tal-proposti leġiżlattivi pendenti, il-Kummissjoni għandha tehmeż mal-abbozz ta’ baġit ipprogrammar finanzjarju indikattiv komplut għall-intestaturi 2 u 3 tal-QFP. Dak l-ipprogrammar, strutturat skont l-intestatura, il-qasam ta’ politika u l-linja baġitarja, għandu jidentifika:

(a)l-atti bażiċi, b’distinzjoni bejn programmi pluriennali, atti legali li jistabbilixxu jew jinkarigaw b’kompiti lil aġenziji deċentralizzati, u azzjonijiet annwali:

(1)għal programmi pluriennali, il-Kummissjoni għandha tindika l-proċedura li skontha jkunu ġew adottati, it-tul tal-proċedura, il-pakkett finanzjarju indikattiv totali u s-sehem allokat għan-nefqa amministrattiva;

(2)għal atti legali li jistabbilixxu jew jafdaw kompiti ġodda lil aġenziji deċentralizzati, il-Kummissjoni għandha tindika l-bażi legali li taħtha ġew adottati u tipprovdi stimi pluriennali;

(3)għal azzjonijiet annwali (relatati ma’ proġetti pilota, azzjonijiet preparatorji) u azzjonijiet iffinanzjati skont il-prerogattivi tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi estimi pluriennali;

(b)proposti leġiżlattivi pendenti mill-Kummissjoni bl-aħħar aġġornament dwar l-impatt baġitarju potenzjali tagħhom inkluż, fejn meħtieġ, il-ħtieġa relatata għar-riprogrammazzjoni f’każ ta’ adozzjoni.

L-ipprogrammar finanzjarju indikattiv għandu juri b’mod trasparenti r-riżervi mhux allokati u “miżuri” fi ħdan il-programmi pluriennali.

Il-Kummissjoni għandha tqis modi ta’ kontroreferenzjar tal-ipprogrammar finanzjarju mal-ipprogrammar leġiżlattiv tagħha biex tipprovdi previżjonijiet aktar preċiż u affidabbli. Għal kull proposta leġiżlattiva, il-Kummissjoni għandha tindika jekk hijiex inkluża fl-ipprogrammar ikkomunikat fiż-żmien meta tressaq l-abbozz ta’ baġit jew wara l-adozzjoni finali tal-baġit. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’mod partikolari:

(a)bl-atti leġiżlattivi ġodda kollha adottati u l-proposti pendenti kollha mressqa iżda mhux inklużi fl-ipprogrammar ikkomunikat fiż-żmien tal-abbozz ta’ baġit jew wara l-adozzjoni finali tal-baġit (bl-ammonti korrispondenti);

(b)bil-leġiżlazzjoni prevista fil-programm ta’ ħidma leġiżlattiva annwali tal-Kummissjoni, b’indikazzjoni dwar jekk l-azzjonijiet x’aktarx ikollhom impatt finanzjarju jew le.

Kull fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tindika l-ipprogrammar mill-ġdid li jirriżulta mill-proposti leġiżlattivi ġodda.

L-ipprogrammar finanzjarju indikattiv għandu jiġi aġġornat wara l-adozzjoni tal-baġit sabiex jinkorpora r-riżultati tal-proċedura tal-baġit u kull deċiżjoni rilevanti oħra.

B. Aġenziji deċentralizzati U SKEJJEL EWROPEJ

12.Qabel ma tressaq proposta għall-ħolqien ta’ aġenzija deċentralizzata ġdida, u wara li tkun ikkunsidrat l-assenjament tal-impenji previsti lil istituzzjoni, aġenzija jew korp eżistenti, il-Kummissjoni għandha tipproduċi valutazzjoni tal-impatt tajba, kompleta u oġġettiva, filwaqt li tikkunsidra, fost oħrajn, il-massa kritika tal-persunal u tal-kompetenzi meħtieġa, aspetti tal-ispejjeż f’termini ta’ benefiċċji, koerenza, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, l-impatt fuq l-attivitajiet tal-Unjoni, u l-implikazzjonijiet baġitarji għall-intestatura ta’ nefqa kkonċernata. Fuq il-bażi ta’ dik l-informazzjoni u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri leġiżlattivi li jirregolaw it-twaqqif tal-aġenzija deċentralizzata, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jintrabtu, fil-qafas ta’ kooperazzjoni baġitarja, li jilħqu ftehim f’waqtu dwar l-iffinanzjar tal-aġenzija proposta.

Għandhom jiġu applikati l-passi proċedurali li ġejjin:

—l-ewwel nett, il-Kummissjoni għandha tressaq b’mod sistematiku kwalunkwe proposta għat-twaqqif ta’ aġenzija deċentralizzata ġdida lill-ewwel trilogu baġitarju wara l-adozzjoni tal-proposta tagħha, u għandha tressaq id-dikjarazzjoni finanzjarja li takkumpanja l-proposta leġiżlattiva għall-ħolqien tal-aġenzija deċentralizzata u għandha turi l-konsegwenzi tagħha għall-bqija tal-perjodu tal-ipprogrammar finanzjarju;

—it-tieni, matul il-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni għandha tassisti lil-leġiżlatur fil-valutazzjoni tal-konsegwenzi finanzjarji tal-emendi proposti; dawk il-konsegwenzi finanzjarji għandhom jitqiesu waqt il-passi rilevanti tal-proċedura leġiżlattiva applikabbli;

—it-tielet, qabel il-konklużjoni tal-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni għandha tressaq dikjarazzjoni finanzjarja aġġornata li tqis l-emendi potenzjali mil-leġiżlatur; dik id-dikjarazzjoni finanzjarja finali għandha tiġi diskussa qabel ma jintlaħaq ftehim finali u tiġi approvata formalment mil-leġiżlatur; għandha titqiegħed ukoll fuq l-aġenda ta’ trilogu baġitarju sussegwenti (f’każijiet urġenti, f’forma simplifikata), bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim dwar il-finanzjament;

—ir-raba’, il-ftehim milħuq, li jqis il-valutazzjoni baġitarja tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kontenut tal-proċess leġiżlattiv, għandu jiġi kkonfermat f’dikjarazzjoni konġunta; dik id-dikjarazzjoni konġunta għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kull wieħed minnhom f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

L-istess proċedura għandha tiġi applikata għal kwalunkwe emenda għal att legali li jikkonċerna aġenzija deċentralizzata li jista’ jkollha impatt fuq ir-riżorsi tal-aġenzija kkonċernata.

F’każ li l-kompiti ta’ aġenzija deċentralizzata jiġu modifikati b’mod sostanzjali permezz ta’ att legali li ma jikkostitwix emenda fl-att legali li jistabbilixxi l-aġenzija kkonċernata, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill permezz ta’ dikjarazzjoni finanzjarja riveduta, sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jaslu għal ftehim f’waqtu dwar il-finanzjament tal-aġenzija.

13.Id-dispożizzjonijiet rilevanti mill-Approċċ Komuni anness mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati ffirmata fid-19 ta’ Lulju 2012 għandhom jitqiesu b’mod xieraq fil-proċedura baġitarja.

14.Meta l-Bord tal-Gvernaturi tal-Iskejjel Ewropej jipprevedi l-ħolqien ta’ skola Ewropea ġdida, għandha tiġi applikata, mutatis mutandis, proċedura simili għall-implikazzjonijiet baġitarji tagħha fuq il-baġit tal-Unjoni.

C. Proċedura ta’ skrutinju baġitarju għal att tal-Kunsill skont l-Artikolu 122 tat-TFUE b’implikazzjonijiet potenzjali apprezzabbli għall-baġit tal-Unjoni

15.Fejn il-Kummissjoni tippreżenta proposta għall-adozzjoni ta’ att tal-Kunsill skont l-Artikolu 122 tat-TFUE b’implikazzjonijiet potenzjali apprezzabbli għall-baġit tal-Unjoni, jistgħu japplikaw l-arranġamenti li ġejjin għal proċedura ta’ skrutinju baġitarju bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill bl-assistenza attiva tal-Kummissjoni.

16.Il-Kummissjoni ser takkumpanja kwalunkwe proposta għal att tal-Kunsill skont l-Artikolu 122 tat-TFUE bħal din b’valutazzjoni tal-implikazzjonijiet baġitarji tal-att legali propost u ser tindika jekk l-att inkwistjoni jistax, fil-fehma tagħha, ikollu implikazzjonijiet apprezzabbli għall-baġit tal-Unjoni. Abbażi ta’ dan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jitolbu li tinbeda l-proċedura.

Il-proċedura ser issir f’Kumitat Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-livell xieraq. Il-Kummissjoni ser tipparteċipa fil-ħidma tal-Kumitat Konġunt.

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kunsill skont l-Artikolu 122 tat-TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ser jimpenjaw ruħhom fi djalogu kostruttiv bil-ħsieb li jfittxu fehim konġunt tal-implikazzjonijiet baġitarji tal-att legali previst b’konsiderazzjoni xierqa tal-urġenza tal-kwistjoni.

Il-proċedura għandha ssir matul perjodu ta’ mhux aktar minn xahrejn, sakemm l-att inkwistjoni ma jkunx irid jiġi adottat qabel data speċifika jew, jekk l-urġenza tal-kwistjoni hekk teħtieġ, f’limitu ta’ żmien iqsar stabbilit mill-Kunsill.

PARTI III
KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI FIL-PROĊEDURA BAĠITARJA ANNWALI

17.L-Istituzzjonijiet għandhom jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw il-proċedura baġitarja annwali.

L-Istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw b'rieda tajba matul il-proċedura bil-ħsieb li jirrikonċiljaw il-pożizzjonijiet tagħhom. L-Istituzzjonijiet għandhom, fl-istadji kollha tal-proċedura, jikkooperaw permezz ta' kuntatti interistituzzjonali xierqa sabiex isegwu l-progress tax-xogħol u janalizzaw il-grad ta' konverġenza.

L-Istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li l-kalendarji tax-xogħol rispettivi tagħhom ikunu kkoordinati kemm jista' jkun sabiex il-proċedimenti jkunu jistgħu jitwettqu b'mod koerenti u konverġenti, u li jwasslu għall-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Jistgħu jinżammu trilogi baġitarji f’kull stadju tal-proċedura u f'livelli differenti tar-rappreżentazzjoni, skont in-natura tad-diskussjonijiet mistennija. Kull istituzzjoni, f'konformità mar-regoli ta' proċedura tagħha stess, għandha tiddeżinja l-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa, tistabbilixxi l-mandat tagħha għan-negozjati u tinforma lill-istituzzjonijiet l-oħra bl-arranġamenti għal-laqgħat fi żmien adegwat.

Id-dettalji ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali matul il-proċedura baġitarja huma stabbiliti fl-Anness.

18.Għall-għanijiet ta' ġestjoni finanzjarja tajba, l-Istituzzjonijiet għandhom jiżguraw kemm jista’ jkun waqt il-proċedura baġitarja u fil-ħin tal-adozzjoni tal-baġit li jitħallew marġini suffiċjenti disponibbli taħt il-limiti għall-intestaturi diversi tal-QFP.

A. Implimentazzjoni tal-baġit, pagamenti reste à liquider (RAL)

19.Minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat li jsir progress ordnat tal-approprjazzjonijiet totali ta’ pagament b’rabta mal-approprjazzjonijiet ta’ impenn sabiex jiġi evitat kwalunkwe ċaqliq anormali ta impenji pendenti (RAL), l-Istituzzjonijiet jaqblu li jissorveljaw mill-qrib il-previżjonijiet tal-pagamenti u l-livell tar-RAL sabiex jitnaqqas ir-riskju li tiġi ostakolata l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni minħabba nuqqas ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagamenti fi tmiem il-QFP.

Matul il-proċedura baġitarja, l-Istituzzjonijiet għandhom jiltaqgħu b’mod regolari bil-ħsieb li jivvalutaw b’mod konġunt is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti għall-implimentazzjoni baġitarja fis-sena finanzjarja attwali u fis-snin finanzjarji futuri. Dik il-valutazzjoni għandha tieħu l-forma ta’ laqgħat interistituzzjonali ddedikati fil-livell xieraq, li qabilhom il-Kummissjoni għandha tipprovdi, kif xieraq, is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-pagamenti, dwar it-talbiet għall-pagament riċevuti u l-previżjonijiet riveduti, inklużi previżjonijiet fit-tul, fejn applikabbli, kif ukoll informazzjoni rilevanti dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti.

B. In-nefqa rigward ftehimiet dwar is-sajd

20.In-nefqa fuq ftehimiet dwar is-sajd għandha tkun soġġetta għar-regoli speċifiċi li ġejjin.

Il-Kummissjoni timpenja ruħha li żżomm lill-Parlament Ewropew informat regolarment dwar it-tħejjija, it-tmexxija u t-tlestija tan-negozjati dwar in-negozjati dwar is-sajd, inklużi l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom.

Matul il-proċedura leġiżlattiva relatata ma’ ftehimiet dwar is-sajd, l-Istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom li jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-proċeduri kollha jitwettqu kemm jista’ jkun malajr.

L-ammonti previsti fil-baġit għal ftehimiet ġodda dwar is-sajd jew għat-tiġdid ta’ ftehimiet dwar is-sajd li mistennija li jidħlu fis-seħħ jew japplikaw proviżjonament wara l-1 ta’ Jannar tas-sena finanzjarja kkonċernata għandhom jiġu inklużi fil-linja baġitarja operazzjonali ewlenija.

L-ammonti previsti fil-baġit għal ftehimiet ġodda dwar is-sajd jew għat-tiġdid ta’ ftehimiet dwar is-sajd li jidħlu fis-seħħ jew japplikaw proviżjonament wara l-1 ta’ Jannar tas-sena finanzjarja kkonċernata għandhom jitpoġġew fir-riżerva.

Jekk jirriżulta li l-approprjazzjonijiet relatati mal-ftehimiet dwar is-sajd (inkluża r-riżerva), ma jkunux biżżejjed, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-informazzjoni meħtieġa dwar il-kawżi tas-sitwazzjoni u dwar il-miżuri li jistgħu jiġu adottati skont il-proċeduri stabbiliti. Fejn meħtieġ u kif inhu xieraq, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri adegwati.

Kull tliet xhur, il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar is-sajd fis-seħħ kif ukoll previżjonijiet finanzjarji għall-bqija tas-sena.

21.Mingħajr preġudizzju għall-proċedura rilevanti li tirregola n-negozjati ta’ ftehimiet dwar is-sajd, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom, fil-qafas ta’ kooperazzjoni baġitarja, li jaslu għal ftehim f’waqtu dwar il-finanzjament adegwat ta’ ftehimiet dwar is-sajd.

c. Il-finanzjament tal-politika komuni barranija u tas-Sigurtà (CFSP)

22.L-ammont totali tan-nefqa operattiva tal-PESK għandu jiddaħħal kollu kemm hu f’kapitolu wieħed tal-baġit, intitolat PESK. Dak l-ammont għandu jkopri l-bżonnijiet reali prevedibbli, evalwati fil-qafas tal-istabbiliment tal-abbozz tal-baġit, fuq il-bażi ta’ tbassir imħejji kull sena mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, (“ir-Rappreżentant Għoli”). Għandu jitħalla marġni raġonevoli biex ikopri azzjonijiet mhux previsti. L-ebda fondi ma jistgħu jiddaħħlu f’riżerva.

23.Fir-rigward tan-nefqa fuq il-PESK li hija addebitata lill-baġit ġenerali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 41 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Istituzzjonijiet għandhom jimpenjaw ruħhom, fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 314(5) tat-TFUE, u fuq il-bażi tal-abbozz ta’ baġit stabbilit mill-Kummissjoni, biex kull sena jiżguraw li jkun hemm qbil dwar l-ammont tan-nefqa operattiva u dwar it-tqassim ta’ dak l-ammont bejn l-artikoli tal-kapitolu tal-baġit tal-PESK. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, huwa mifhum li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom idaħħlu fil-baġit l-ammont li jinsab fil-baġit preċedenti jew l-ammont propost fl-abbozz ta’ baġit, skont liema minnhom ikun l-aktar baxx.

L-ammont totali tan-nefqa operattiva tal-PESK għandu jitqassam bejn l-artikoli tal-kapitolu tal-baġit tal-PESK kif issuġġerit fit-tielet paragrafu. Kull artikolu għandu jkopri azzjonijiet diġà adottati, azzjonijiet li huma previsti iżda li għadhom ma ġewx adottati u ammonti għal azzjonijiet futuri — jiġifieri mhux previsti — li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill matul is-sena finanzjarja kkonċernata.

Fil-kapitolu tal-baġit dwar il-PESK, l-artikoli li fihom għandhom jiddaħħlu l-azzjonijiet tal-PESK jistgħu jkunu fit-termini li ġejjin:

-    missjonijiet ċivili tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, inklużi missjonijiet ewlenin uniċi kif imsemmija fl-Artikolu 52(1), il-punt (g) tar-Regolament Finanzjarju,

-    azzjonijiet ċivili oħra tal-PESK,

-    miżuri ta’ emerġenza u preparatorji għal dawn il-missjonijiet,

-    nonproliferazzjoni u diżarm,

-    Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea.

Billi, skont ir-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha l-awtorità li tittrasferixxi b’mod awtonomu approprjazzjonijiet bejn l-artikoli fil-kapitolu tal-baġit dwar il-PESK, għandha tiġi żgurata kif xieraq il-flessibbiltà li titqies meħtieġa għall-implimentazzjoni malajr tal-azzjonijiet tal-PESK. F’każ li l-ammont tal-kapitolu tal-baġit tal-PESK matul is-sena finanzjarja ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż meħtieġa, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ifittxu soluzzjoni b’urġenza, fuq proposta mill-Kummissjoni.

24.Kull sena, ir-Rappreżentant Għoli għandu jikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar dokument li jħares ’il quddiem li għandu jiġi trażmess sal-15 ta’ Ġunju tas-sena inkwistjoni, u jistabbilixxi aspetti ewlenin u għażliet bażiċi tal-PESK, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, evalwazzjoni tal-miżuri mnedija fis-sena n-1 u valutazzjoni tal-koordinazzjoni u kumplimentarjetà tal-PESK mal-istrumenti finanzjarji esterni l-oħra tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-Rappreżentant Għoli għandu jinforma b’mod regolari lill-Parlament Ewropew billi jorganizza laqgħat konġunti ta’ konsultazzjoni mill-anqas tliet darbiet fis-sena, fil-qafas tad-djalogu politiku regolari dwar il-PESK, li għandu jkun miftiehem mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru ta’ kull sena. Il-parteċipazzjoni f’dawk il-laqgħat għandha tiġi determinata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament, filwaqt li jitqiesu l-objettiv u n-natura tal-informazzjoni skambjata f’dawk il-laqgħat.

Il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna tipparteċipa f’dawk il-laqgħat.

Jekk il-Kunsill jadotta deċiżjoni fil-qasam tal-PESK li tinvolvi nefqa, ir-Rappreżentant Għoli għandu minnufih, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 30 jum wara, jibgħat lill-Parlament Ewropew stima tal-ispejjeż previsti (“dikjarazzjoni finanzjarja”), b’mod partikolari dawk l-ispejjeż marbuta maż-żmien meħtieġ„ il-persunal impjegat, l-użu ta’ bini u infrastruttura oħra, il-faċilitajiet tat-trasport, ir-rekwiżiti tat-taħriġ u l-arranġamenti dwar is-sigurtà.

Darba kull tliet xhur, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-PESK u l-previżjonijiet finanzjarji għall-bqija tas-sena finanzjarja.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill    Għall-Kummissjoni

Il-President    Il-President    Il-President



ANNESS
KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI FIL-PROĊEDURA BAĠITARJA ANNWALI

Parti A. Kalendarju tal-proċedura baġitarja

1.L-Istituzzjonijiet għandhom jaqblu dwar kalendarju prammatiku kull sena fi żmien debitu qabel il-bidu tal-proċedura baġitarja fuq il-bażi tal-prattika attwali.

Parti B. Prijoritajiet għall-proċedura baġitarja

2.Fi żmien xieraq qabel l-adozzjoni tal-abbozz ta’ baġit mill-Kummissjoni, għandu jissejjaħ trilogu baġitarju biex jiġu diskussi l-prijoritajiet ta’ finanzjament għall-baġit tas-sena finanzjarja li jmiss. Id-diskussjonijiet ser iqisu l-prijoritajiet ta’ politika tal-Unjoni identifikati mill-Istituzzjonijiet fid-dokumenti rilevanti u ser ikollhom l-għan li jinfurmaw il-proċedura baġitarja u jesploraw kif il-prijoritajiet jistgħu jiġu riflessi bl-aħjar mod fil-baġit li jmiss.

3.It-trilogu ser jiddiskuti wkoll kwalunkwe kwistjoni li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-baġit tas-sena finanzjarja kurrenti abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni f’konformità mal-punt 19 ta’ dan il-Ftehim.

Parti C. Stabbiliment tal-abbozz ta’ baġit u l-aġġornament tal-estimi

4.L-istituzzjonijiet, għajr il-Kummissjoni, huma mistiedna jadottaw id-dikjarazzjoni tal-estimi tagħhom qabel l-aħħar ta’ Marzu.

5.Il-Kummissjoni għandha, kull sena, tippreżenta abbozz ta’ baġit li juri r-rekwiżiti ta’ finanzjament attwali tal-Unjoni f’konformità mal-prijoritajiet ta’ politika tal-Unjoni u b’kunsiderazzjoni xierqa għall-ipprogrammar finanzjarju msemmi fil-punt 11 ta’ dan il-Ftehim.

6.Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jintrabtu wkoll li jżommu f’moħħhom il-valutazzjoni tal-possibbiltajiet għall-implementazzjoni tal-baġit li l-Kummissjoni inkludiet fl-abbozzi tagħha u f’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit attwali.

7.Fl-interessi ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u minħabba l-effett ta’ bidliet kbar fit-titoli u l-kapitoli tan-nomenklatura tal-baġit dwar ir-responsabbiltajiet tar-rappurtar maniġerjali tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jiddiskutu mal-Kummissjoni kwalunkwe bidla kbira waqt il-proċedura ta’ konċiljazzjoni.

8.L-Istituzzjonijiet għandhom, sa fejn ikun possibbli, jevitaw li jdaħħlu fil-baġit approprjazzjonijiet li jinvolvu ammonti insinifikanti ta’ nefqa fuq operazzjonijiet.

9.Fl-interess ta’ kooperazzjoni istituzzjonali leali u soda, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jżommu kuntatti regolari u attivi fil-livelli kollha, permezz tan-negozjaturi rispettivi tagħhom, matul il-proċedura baġitarja kollha, u b’mod partikolari matul il-perjodu ta ' konċiljazzjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jiżguraw skambju reċiproku, f’waqtu u kontinwu, ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti rilevanti kemm f’livell formali kif ukoll f’dak informali, kif ukoll li jorganizzaw laqgħat tekniċi jew informali kif meħtieġ, matul il-perjodu ta’ konċiljazzjoni, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikollhom aċċess ugwali u f’waqtu għal informazzjoni u għal dokumenti.

10.Sakemm jitlaqqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, il-Kummissjoni tista’, jekk meħtieġ, tippreżenta ittri ta’ emenda tal-abbozz ta’ baġit f’konformità mal-Artikolu 314(2) tat-TFUE, inkluża ittra emendatorja li taġġorna, b’mod partikolari, l-estimi għall-agrikoltura. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-informazzjoni dwar l-aġġornamenti, hekk kif issir disponibbli, sabiex ikunu jistgħu jikkunsidrawha. Hija għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-raġunijiet motivati kollha li huma jistgħu jeħtieġu.

Parti D. Proċedura baġitarja qabel il-proċedura ta’ konċiljazzjoni

11.Għandu jitlaqqa’ trilogu baġitarju fi żmien debitu qabel il-qari tal-Kunsill sabiex l-istituzzjonijiet ikollhom żmien jiskambjaw il-fehmiet tagħhom dwar l-abbozz ta’ baġit.

12.Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta f’ħin debitu l-eżegwibbiltà tal-emendi, previsti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, li joħolqu azzjonijiet preparatorji jew proġetti pilota ġodda jew li jtawlu dawk eżistenti, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħhom, f’dan ir-rigward, sabiex tkun tista’ ssir fil-pront l-ewwel diskussjoni f’dak it-trilogu baġitarju.

13.Jista’ jitlaqqa’ trilogu baġitarju qabel il-votazzjoni fil-plenarja tal-Parlament Ewropew.

Parti E. Proċedura ta’ konċiljazzjoni

14.Jekk il-Parlament Ewropew jadotta emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill, il-President tal-Kunsill għandu, matul l-istess seduta plenarja, jieħu nota tad-differenzi fil-pożizzjonijiet taż-żewġ istituzzjonijiet u jinforma lill-President tal-Parlament Ewropew bil-qbil tiegħu li jitlaqqa’ b’mod immedjat il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. L-ittra li tlaqqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandha tintbagħat sa mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol tal-ġimgħa ta’ wara tmiem is-sessjoni parzjali parlamentari li matulha jkun ittieħed il-vot plenarju, u l-perjodu ta’ konċiljazzjoni għandu jibda l-għada. Il-perjodu ta’ żmien ta’ 21 jum għandu jiġi kkalkulat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 5 .

15.Jekk il-Kunsill ma jkunx jista’ jaqbel dwar l-emendi kollha adottati mill-Parlament Ewropew, għandu jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu permezz ta’ ittra mibgħuta qabel l-ewwel laqgħa prevista matul il-perjodu ta’ konċiljazzjoni. F’dak il-każ, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jipproċedi f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti li ġejjin ta’ dan l-Anness.

16.Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jkun ippresedut b’mod konġunt mir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandhom jiġu ppreseduti mill-kopresidenza tal-istituzzjoni li tospita l-laqgħa. Skont ir-regoli ta’ proċedura tagħha stess, kull istituzzjoni għandha tinnomina l-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa u tistabbilixxi l-mandat tagħha għan-negozjati. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ikunu rrappreżentati f’livell adatt fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, b’tali mod li kull delegazzjoni tkun tista’ timpenja politikament lill-istituzzjoni rispettiva tagħha, u jkun jista’ jsir progress reali lejn il-ftehim finali.

17.F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 314(5) tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-proċeduri tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u għandha tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa bil-ħsieb li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

18.It-trilogi baġitarji għandhom isiru matul il-perjodu tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni, f’livelli differenti ta’ rappreżentanza, bil-għan li jiġu solvuti l-kwistjonijiet pendenti u titwitta t-triq għal ftehim li għandu jintlaħaq fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

19.Il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u t-trilogi baġitarji għandhom isiru alternattivament fil-bini tal-Parlament Ewropew u f’dak tal-Kunsill, bil-għan li l-faċilitajiet jiġu kondiviżi ndaqs, inklużi l-faċilitajiet ta’ interpretazzjoni.

20.Id-dati tal-laqgħat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tat-trilogi baġitarji għandhom jiġu stabbiliti minn qabel bi ftehim bejn l-Istituzzjonijiet.

21.Sett komuni ta’ dokumenti (“dokumenti inizjali”) li jqabblu d-diversi stadji tal-proċedura baġitarja għandu jitpoġġa għad-dispożizzjoni tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni ( 6 ). Dawk id-dokumenti għandhom jinkludu ċifri “linja b’linja”, totali skont l-intestaturi tal-QFP u dokument konsolidat b’ċifri u rimarki għal-linji baġitarji kollha li jitqiesu teknikament “miftuħa”. Mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, għandu jkun hemm dokument speċifiku li jelenka l-linji baġitarji kollha li jitqiesu teknikament magħluqa ( 7 ). Dawk id-dokumenti għandhom jiġu kklassifikati skont in-nomenklatura baġitarja.

Għandhom jiġu mehmuża wkoll dokumenti oħra mad-dokumenti inizjali għall-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, inkluża ittra ta’ implimentabbiltà mill-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill u l-emendi tal-Parlament Ewropew, u kwalunkwe ittra minn istituzzjonijiet oħrajn li jikkonċernaw il-pożizzjoni tal-Kunsill jew l-emendi tal-Parlament Ewropew.

22.Bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim sal-aħħar tal-perjodu ta’ konċiljazzjoni, it-trilogi baġitarji għandhom:

(a)jiddefinixxu l-kamp ta' applikazzjoni tan-negozjati dwar il-kwistjonijiet baġitarji li għandhom jiġu indirizzati;

(b)japprovaw il-lista tal-linji baġitarji meqjusa bħala teknikament magħluqa, soġġetti għall-ftehim finali dwar il-baġit kollu tas-sena finanzjarja;

(c)jiddiskutu l-kwistjonijiet identifikati fil-punt (a) bil-ħsieb li jintlaħqu ftehimiet possibbli li għandhom jiġu approvati mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni;,

(d)jindirizzaw kwistjonijiet tematiċi, inkluż permezz tal-intestaturi tal-QFP;

Għandhom jintlaħqu konklużjonijiet tentattivi b’mod konġunt matul jew immedjatament wara kull trilogu, u b’mod simultanju, għandha tiġi miftiehma l-aġenda tal-laqgħa li jmiss. Dawk il-konklużjonijiet għandhom jiġu rreġistrati mill-istituzzjoni li tospita t-trilogu u għandhom jitqiesu approvati b’mod proviżorju wara 24 siegħa, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

23.Waqt il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jkun hemm għad-dispożizzjoni tiegħu l-konklużjonijiet tat-trilogi baġitarji u dokument li possibbilment jiġi approvat, kif ukoll il-linji baġitarji li dwarhom ikun intlaħaq ftehim tentattiv matul it-trilogi.

24.It-test konġunt previst fl-Artikolu 314(5) tat-TFUE għandu jiġi stabbilit mis-segretarjati tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bl-assistenza tal-Kummissjoni. Dan it-test għandu jkun kompost minn ittra ta’ trażmissjoni indirizzata mill-presidenti taż-żewġ delegazzjonijiet lill-President tal-Parlament Ewropew u lil dak tal-Kunsill, li fiha tidher id-data tal-ftehim milħuq fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, kif ukoll l-annessi li għandhom jinkludu:

(a)ċifri linja b’linja għall-partiti kollha tal-baġit u ċifri sommarji skont l-intestaturi tal-QFP;

(b)dokument konsolidat li jindika ċ-ċifri u t-test finali għal-linji kollha li jkunu ġew modifikati waqt il-proċedura ta ' konċiljazzjoni;

(c)il-lista tal-linji mhux immodifikati fir-rigward tal-proposta li fiha abbozz ta' baġit jew il-pożizzjoni tal-Kunsill dwaru;

(d)il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jista’ japprova wkoll konklużjonijiet u dikjarazzjonijiet konġunti possibbli b’rabta mal-baġit.

25.It-test konġunt għandu jiġi tradott fil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (permezz tas-servizzi pprovduti mill-Parlament Ewropew) u għandu jiġi ppreżentat għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fi żmien 14-il jum mid-data tal-ftehim dwar it-test konġunt skont il-punt 24 ta’ dan l-Anness.

Il-baġit għandu jkun suġġett għal finalizzazzjoni legali lingwistika wara l-adozzjoni tat-test konġunt, billi l-annessi tat-test konġunt jiġu integrati mal-linji baġitarji li ma jkunux ġew modifikati matul il-proċedura ta’ konċiljazzjoni.

26.L-istituzzjoni li tospita l-laqgħa (it-trilogu baġitarju jew il-konċiljazzjoni) għandha tipprovdi faċilitajiet ta’ interpretazzjoni b’reġim lingwistiku sħiħ applikabbli għal-laqgħat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u reġim lingwistiku ad hoc għat-trilogi.

L-istituzzjoni li tospita l-laqgħa għandha tipprevedi l-ikkupjar u t-tqassim tad-dokumenti tal-kamra.

Is-servizzi tal-Istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw fil-kodifikazzjoni tar-riżultati tan-negozjati sabiex jiġi ffinalizzat it-test konġunt.

Parti F. Baġits Emendatorji

Prinċipji ġenerali

27.Konsapevoli li ħafna drabi l-baġits emendatorji jiffukaw fuq kwistjonijiet speċifiċi u xi kultant urġenti, l-Istituzzjonijiet jaqblu dwar il-prinċipji li ġejjin biex jiżguraw li jkun hemm kooperazzjoni interistituzzjonali xierqa biex il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar baġits emendatorji jkun mingħajr diffikultajiet u ma jdumx, filwaqt li jiġi evitat, sa fejn ikun possibbli, li jkollha tissejjaħ laqgħa ta’ konċiljazzjoni għall-baġits emendatorji.

28.Sa fejn ikun possibbli, l-Istituzzjonijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li jillimitaw l-għadd ta’ baġits emendatorji.

Kalendarju

29.Il-Kummissjoni għandha tinforma bil-quddiem lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-dati possibbli għall-adozzjoni tal-abbozzi ta’ baġits emendatorji, mingħajr preġudizzju għad-data finali tal-adozzjoni.

30.Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, skont ir-regoli interni ta’ proċedura rispettivi tagħhom, għandhom jagħmlu ħilithom biex jeżaminaw l-abbozz ta’ baġit emendatorju propost mill-Kummissjoni mal-ewwel opportunità wara l-adozzjoni tiegħu mill-Kummissjoni.

31.Sabiex titħaffef il-proċedura, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiżguraw, sa fejn ikun possibbli, li jkunu kkoordinati l-kalendarji ta’ ħidma rispettivi tagħhom sabiex il-proċedimenti jkunu jistgħu jitwettqu b’mod koerenti u konverġenti. Għalhekk, kemm jista’ jkun malajr, għandhom ifittxu li jistabbilixxu skeda ta’ żmien indikattiva għad-diversi stadji li jwasslu għall-adozzjoni finali tal-baġit emendatorju.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom iqisu l-urġenza relattiva tal-baġit emendatorju u l-ħtieġa li japprovawh fi żmien debitu biex ikun effettiv matul is-sena finanzjarja kkonċernata.

Kooperazzjoni waqt il-qari

32.L-Istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw bona fide matul il-proċedura, billi jwittu t-triq, sa fejn ikun possibbli, għall-adozzjoni tal-baġits emendatorji fi stadju bikri tal-proċedura.

Meta xieraq, u meta jkun hemm il-potenzjal ta’ diverġenza, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill, qabel ma kull wieħed minnhom jieħu l-pożizzjoni finali tiegħu dwar il-baġit emendatorju, jew il-Kummissjoni fi kwalunkwe ħin, jistgħu jipproponu li jitlaqqa’ trilogu speċifiku biex jiġu diskussi d-diverġenzi u jsir tentattiv biex jintlaħaq kompromess.

33.L-abbozzi ta’ baġits emendatorji kollha proposti mill-Kummissjoni u li jkunu għadhom ma ġewx approvati b’mod finali għandhom jiddaħħlu b’mod sistematiku fuq l-aġenda tat-trilogi baġitarji ppjanati għall-proċedura baġitarja annwali. Il-Kummissjoni għandha tressaq l-abbozzi ta’ baġits emendatorji u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, sa fejn ikun possibbli, jgħarrfu l-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom qabel it-trilogi baġitarji.

34.Jekk jintlaħaq kompromess waqt trilogu baġitarju, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jikkunsidraw ir-riżultati tat-trilogu baġitarju meta jiddeliberaw fuq il-baġit emendatorju f’konformità mat-Trattati u mar-regoli rispettivi ta’ proċedura tagħhom.

Kooperazzjoni wara l-qari

35.Jekk il-Parlament Ewropew japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill mingħajr emendi, il-baġit emendatorju għandu jiġi adottat f’konformità mat-Trattati.

36.Jekk il-Parlament Ewropew jadotta l-emendi permezz ta’ maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, għandu japplika l-punt (c) tal-Artikolu 314(4) tat-TFUE. Madankollu, qabel ma jiltaqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, għandu jissejjaħ trilogu baġitarju:

(a)jekk jintlaħaq ftehim matul it-trilogu baġitarju, u suġġett għall-ftehim tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-riżultati tat-trilogu baġitarju, il-konċiljazzjoni għandha tiġi konkluża permezz ta’ skambju ta’ ittri mingħajr ma jkollha ssir laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni;

(b)jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim matul dak it-trilogu baġitarju, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jiltaqa’ u jorganizza l-ħidma tiegħu f’konformità maċ-ċirkostanzi, bil-ħsieb li jtemm il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kemm jista’ jkun qabel l-iskadenza ta’ 21 jum stabbilit fl-Artikolu 314(5) tat-TFUE. Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jista’ jikkonkludi permezz ta’ skambju ta’ ittri.

(1)    ĠU L..., p.
(2)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
(3)    Deċiżjoni tal-Kunsill [(UE, Euratom) 20XX/XX ta’ […][] (ĠU L.., p. …, ELI…)..
(4)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28, ELI:  http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2020/1222/oj .
(5)    Ir-Regolament (KEE, EURATOM) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta' żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1971/1182/oj).
(6)    Id-diversi stadji jinkludu: il-baġit tas-sena finanzjarja kurrenti (inklużi baġits emendatorji adottati); l-abbozz ta’ baġit inizjali; il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit; l-emendi tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill u l-ittri ta’ emenda għall-abbozz ta’ baġit ippreżentati mill-Kummissjoni (jekk ma jkunux diġà approvati b’mod sħiħ mill-istituzzjonijiet kollha).
(7)    Linja baġitarja li titqies teknikament magħluqa hija linja li dwarha ma jkun hemm l-ebda nuqqas ta’ qbil bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u li dwarha ma tkun tressqet l-ebda ittra emendatorja.