IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.9.2025
COM(2025) 564 final
2025/0305(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Korp Governattiv tat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura fir-rigward ta’ ċerti proposti sottomessi għall-adozzjoni matul il-11-il sessjoni tiegħu
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
|
Din hija proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar l-emenda tat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura (ITPGRFA, International Treaty on Plant Genetic Resources for Food and Agriculture) — “it-Trattat” — fil-11-il sessjoni tal-Korp Governattiv tat-Trattat li se ssir mill-24 sad-29 ta’ Novembru 2025.
It-Trattat daħal fis-seħħ fl-2004. Huwa għandu l-għan li jiggarantixxi s-sigurtà tal-ikel permezz tal-konservazzjoni, l-iskambju u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u tal-agrikoltura dinjin, kif ukoll il-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tagħhom. L-ogħla organu tat-Trattat huwa l-Korp Governattiv. Huwa magħmul mill-Partijiet Kontraenti kollha għat-Trattat. L-Unjoni u l-Istati Membri kollha tagħha huma Partijiet Kontraenti għat-Trattat. Il-Korp Governattiv huwa intitolat jadotta emendi tat-Trattat u tall-annessi tiegħu. Dawk l-emendi jidħlu fis-seħħ wara r-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni minn żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti.
Fil-qafas tat-Trattat ġiet stabbilita Sistema Multilaterali (MLS, Multilateral System) ta’ aċċess u ta’ qsim tal-benefiċċji għal 64 minn uħud mill-aktar għelejjel importanti tal-ikel u tal-foraġġ essenzjali għas-sigurtà u għall-interdipendenza tal-ikel (elenkati fl-Anness I tat-Trattat). L-iskambju tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti huwa regolat minn Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard (SMTA, Standard Material Transfer Agreement), li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-fornitur u tar-riċevitur tal-materjal. Ġie stabbilit Fond għall-qsim tal-Benefiċċji (BSF, Benefit-sharing Fund) bħala l-mekkaniżmu għar-riċeviment u għall-użu tar-riżorsi finanzjarji li jakkumulaw mill-MLS għall-finanzjament ta’ proġetti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
In-negozjati li għandhom l-għan li jirrevedu l-MLS sabiex jiżdied il-fluss tad-dħul ibbażat fuq l-utenti għall-BSF ilhom għaddejjin fil-qafas tat-Trattat mill-2013. In-negozjati tmexxew mill-“Grupp ta’ Ħidma Miftuħ Ad hoc biex jissaħħaħ il-Funzjonament tas-Sistema Multilaterali” li ġie stabbilit mill-Korp Governattiv fl-2013. Il-mandat tiegħu ġie estiż fl-2015 u fl-2017, u ġie stabbilit mill-ġdid fl-2022. L-14 u l-aħħar laqgħa tiegħu saru mis-7 sal-11 ta’ Lulju 2025. Il-ħidma tiegħu rriżultat f’pakkett ta’ miżuri li se jitqiesu għall-adozzjoni fil-11-il sessjoni tal-Korp Governattiv f’Novembru 2025. Dan il-pakkett jinkludi:
1.L-estensjoni tal-Anness I tat-Trattat, bl-objettiv li jsiru disponibbli aktar riżorsi ġenetiċi tal-pjanti fi ħdan l-MLS.
2.Ir-reviżjoni tal-SMTA, bl-objettiv li t-termini tiegħu jsiru aktar effettivi, filwaqt li jiġi rrispettat il-bilanċ tal-interessi tal-fornituri u tar-riċevituri tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti.
3.Riżoluzzjoni li għandha takkumpanja l-emenda tal-Anness I tat-Trattat u r-reviżjoni tal-SMTA, bl-għan li jiġu indirizzati l-aspettattivi dwar il-qism tal-benefiċċji monetarji mill-użu ta’ “informazzjoni diġitali dwar is-sekwenzi (DSI, digital sequence information)”. Il-kunċett tad-DSI (jiġifieri sekwenzi tal-ġenomi tal-pjanti li jistgħu jissarrfu f’karatteristiċi differenti u qed isiru għodod ta’ riċerka u ta’ tnissil dejjem aktar importanti) ma huwiex kopert fl-SMTA peress li huwa soġġett għal diskussjoni dwar xi jkopri eżattament. Pereżempju hemm diffikultà biex tiġi traċċata l-oriġini tiegħu jew biex tiġi traċċata l-kontribuzzjoni tiegħu għal prodott ġdid u għalhekk biex jiġu kkalkolati l-benefiċċji li għandhom jinqasmu mill-użu tiegħu.
Tista’ ssir finalizzazzjoni ta’ dawn in-negozjati fil-11-il sessjoni li jmiss tal-Korp Governattiv li se ssir f’Novembru 2025. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-estensjoni tal-Anness I tat-Trattat u tar-reviżjoni tal-SMTA.
Il-pożizzjoni tal-Unjoni hija li testendi kemm jista’ jkun l-Anness I, u li elementi oħra tal-pakkett għandhom ikunu soġġetti għal din l-estensjoni. Ladarba jidħlu fis-seħħ, l-estensjoni tal-Anness I tat-Trattat u r-reviżjoni tal-SMTA jkollhom effetti legali. Għalhekk, hija meħtieġa awtorizzazzjoni tal-Kunsill biex jintlaħaq qbil dwar l-eżitu ta’ dawn in-negozjati jekk ir-riżultat ikun f’konformità mal-pożizzjoni tal-Unjoni.
Din id-Deċiżjoni għandha tħassar ukoll id-Deċiżjoni preċedenti tal-Kunsill 12102/22 li ġiet adottata mill-Kunsill qabel id-disa’ sessjoni tal-Korp Governattiv fl-2022, peress li tkopri biss l-estensjoni tal-Anness I iżda mhux l-elementi l-oħra li qed jiġu diskussi fil-11-il sessjoni li jmiss tal-Korp Governattiv.
|
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
It-Trattat jipprovdi qafas globali legalment vinkolanti għall-konservazzjoni sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura u sistema multilaterali li skontha, il-partijiet kollha għat-Trattat mhux biss ikollhom aċċess għal tali riżorsi iżda jaqsmu wkoll il-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Il-proposta għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tat-Trattat, u għalhekk hija konsistenti u tappoġġa l-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tal-agrikoltura u tal-ambjent.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din il-proposta għandha l-għan li tappoġġa l-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura fil-qafas tat-Trattat. Peress li l-benefiċċji akkumulati jintużaw għall-finanzjament ta’ proġetti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, din il-proposta hija konsistenti u tappoġġa s-sħubija internazzjonali u l-politika tal-iżvilupp tal-Unjoni.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jadotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru tal-korp jew parti għall-ftehim.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni”.
Il-Korp Governattiv huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri t-Trattat li ġie adottat mill-Konferenza tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO, Food and Agriculture Organization of the United Nations) fit-3 ta’ Novembru 2001 u daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Ġunju 2004.
L-Unjoni flimkien mal-Istati Membri tagħha huma Partijiet Kontraenti għat-Trattat.
L-att previst, li l-Korp Governattiv huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti fuq il-Partijiet Kontraenti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 12(4), 23 u 24(2) tat-Trattat.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tat-Trattat.
Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst isegwi żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun identifikabbli bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
Fir-rigward ta’ att previst li jsegwi għadd ta’ objettivi simultanjament, jew li għandu diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi legali sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE se jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet legali korrispondenti.
L-att previst isegwi objettivi u komponenti li jaqgħu fl-oqsma tal-agrikoltura u tal-protezzjoni tal-ambjent. Dawn l-objettivi u l-komponenti huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor.
Għalhekk, il-bażijiet legali sostantivi tad-deċiżjoni proposta huma l-Artikoli 43(2) u 192(1) tat-TFUE.
Il-bażijiet legali tad-deċiżjoni proposta għandhom ikunu l-Artikoli 43(2) u 192(1) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Mhux Applikabbli
•Proporzjonalità
Mhux Applikabbli
•Għażla tal-istrument
Skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE, l-istrument magħżul huwa l-uniku wieħed possibbli biex jinkiseb l-objettiv ta’ din il-proposta.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux Applikabbli
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Ara hawn taħt.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-proposta hija mibnija fuq it-test tan-negozjati li se jitqies għall-adozzjoni fil-11-il sessjoni tal-Korp Governattiv f’Novembru 2025. Dan it-test tħejja mill-“Grupp ta’ Ħidma Miftuħ Ad hoc biex Jissaħħaħ il-Funzjonament tas-Sistema Multilaterali” li ġie stabbilit mill-Korp Governattiv tat-Trattat. Il-ħidma ta’ dan il-Grupp inkludiet proċess iterattiv, fejn it-test ġie prodott fil-laqgħat tal-Grupp, ġie ppubblikat u mbagħad reġa’ tfassal abbażi tal-kummenti. L-esperti u l-partijiet ikkonċernati mill-pajjiżi kollha li huma Partijiet Kontraenti għat-Trattat kellhom l-opportunità li jikkontribwixxu għal dan il-proċess.
•Valutazzjoni tal-impatt
Mhux Applikabbli
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Mhux Applikabbli
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandhiex impatti sinifikanti fuq il-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Mhux Applikabbli
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 jispjega l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fin-negozjati matul il-11-il sessjoni (jew sessjonijiet sussegwenti) tal-Korp Governattiv tat-Trattat fir-rigward tal-emendi tal-Anness I tat-Trattat u l-adozzjoni ta’ Ftehim rivedut dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard.
L-Artikolu 2 jispjega l-kundizzjonijiet li skonthom il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni tista’ tiddevja mill-kontenut ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.
L-Artikolu 3 jħassar id-Deċiżjoni preċedenti tal-Kunsill dwar l-istess suġġett.
L-Artikolu 4 jistabbilixxi d-data ta’ skadenza ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.
L-Annessi I u II jagħtu aktar dettalji dwar il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1.
L-Anness III jagħti aktar dettalji dwar il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2.
2025/0305 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Korp Governattiv tat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura fir-rigward ta’ ċerti proposti sottomessi għall-adozzjoni matul il-11-il sessjoni tiegħu
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 43(2) u 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)It-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura (“it-Trattat”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/869/KE u daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Ġunju 2004.
(2)Skont l-Artikolu 23 u l-Artikolu 24(2) tat-Trattat, il-Korp Governattiv stabbilit mit-Trattat (“il-Korp Governattiv”) huwa intitolat jadotta emendi tat-Trattat u l-annessi tiegħu.
(3)Matul il-11-il sessjoni tiegħu mill-24 sad-29 ta’ Novembru 2025, il-Korp Governattiv għandu jeżamina u possibbilment jadotta deċiżjoni dwar proposta għal emendi tal-Anness I tat-Trattat li għandhom l-għan li jkopru r-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u għall-agrikoltura minbarra dawk li bħalissa jinsabu f’dak l-Anness. Ir-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti inklużi fl-Anness I tat-Trattat huma koperti mis-sistema multilaterali ta’ aċċess u qsim tal-benefiċċji (“is-Sistema Multilaterali”) stabbilita skont it-Trattat.
(4)Il-proposta għal emendi tal-Anness I tat-Trattat se tiġi eżaminata mill-Korp Governattiv f’pakkett ta’ miżuri li se jinkludu wkoll proposta għar-reviżjoni tal-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard (SMTA), il-kuntratt standard li jirregola l-iskambju ta’ materjal skont is-Sistema Multilaterali.
(5)Dan il-pakkett ta’ miżuri tħejja mill-Grupp ta’ Ħidma Miftuħ Ad hoc biex Jissaħħaħ il-Funzjonament tas-Sistema Multilaterali, li ġie stabbilit mill-Korp Governattiv għal dan il-għan. L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-emendi proposti tal-Anness I tat-Trattat u r-reviżjoni tal-SMTA, peress li dawn huma mistennija jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi ewlenin tat-Trattat.
(6)Ladarba tiġi aċċettata u wara r-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni minn żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti, id-deċiżjoni tal-Korp Governattiv rigward l-emendi tal-Anness I tat-Trattat biex jiġu koperti aktar riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u għall-agrikoltura u r-reviżjoni tal-SMTA se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni. Għalhekk, jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Korp Governattiv fil-11-il sessjoni tiegħu jew fi kwalunkwe sessjoni sussegwenti li sseħħ matul il-perjodu ta’ validità ta’ din id-Deċiżjoni, jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim fil-11-il sessjoni tiegħu.
(7)L-emendi tal-Anness I tat-Trattat u r-reviżjoni tal-SMTA ma jkunu jirrikjedu l-ebda bidla fid-dritt tal-Unjoni.
(8)Sabiex ikun hemm il-flessibbiltà meħtieġa waqt in-negozjati matul il-11-il sessjoni tal-Korp Governattiv, jew fi kwalunkwe sessjoni sussegwenti jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim f’din il-11-il sessjoni, l-Unjoni jenħtieġ li tkun awtorizzata taqbel fuq bidliet tekniċi żgħar b’rabta ma’ din id-Deċiżjoni fir-rigward tad-deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Korp Governattiv dwar l-emendi tal-Anness I tat-Trattat u r-reviżjoni tal-SMTA, sakemm tali bidliet ma jbiddlux is-sustanza ta’ din id-Deċiżjoni.
(9)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika għal perjodu ta’ żmien limitat, li warajh, jekk l-emenda tal-Anness tat-Trattat u r-reviżjoni tal-SMTA ma jkunux ġew adottati, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-effettività ta’ din id-Deċiżjoni u tipproponi jekk għandhiex testendi l-applikazzjoni tagħha jew le, jew inkella temendahiex jew tħassarhiex.
(10)Id-Deċiżjoni preċedenti tal-Kunsill 12102/22 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Korp Governattiv tat-Trattat jenħtieġ li titħassar, peress li ma tirriflettix l-iżviluppi fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma Miftuħ Ad hoc biex Jissaħħaħ il-Funzjonament tas-Sistema Multilaterali,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-11-il sessjoni tal-Korp Governattiv tat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura (“it-Trattat”) li għandha ssir mill-24 sad-29 ta’ Novembru 2025, jew fi kwalunkwe sessjoni sussegwenti jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim fil-11-il sessjoni, fir-rigward tal-emenda tal-Anness I tat-Trattat dwar l-espansjoni tal-kopertura taħt is-Sistema Multilaterali ta’ Aċċess u Qsim tal-Benefiċċji u l-adozzjoni ta’ Ftehim rivedut dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ emenda tal-Anness I tat-Trattat u fuq l-abbozz rivedut tal-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard stabbiliti rispettivament fl-Annessi I u II.
2.Is-sistema ta’ pagamenti obbligatorji stabbilita mill-Ftehim rivedut dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet relatati mad-dħul fis-seħħ tal-emenda tal-Anness I tat-Trattat.
Artikolu 2
Meta l-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 x’aktarx li tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel jew matul il-11-il sessjoni tal-Korp Governattiv, jew fi kwalunkwe sessjoni sussegwenti jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim fil-11-il sessjoni, jew meta l-Unjoni jeħtieġ li tidħol f’negozjati ulterjuri f’dik is-sessjoni, il-pożizzjoni tal-Unjoni tista’ tkun soġġetta għal bidliet tekniċi żgħar li għandhom jiġu miftiehma fuq il-post, filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji stabbiliti fl-Anness III.
Artikolu 3
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 12102/22 tat-13 ta’ Settembru 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Korp Governattiv tat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura fir-rigward tal-emendi tal-Anness I ta’ dak it-Trattat titħassar.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2029.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
[...]
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.9.2025
COM(2025) 564 final
ANNESS
tad-
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Korp Governattiv tat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura fir-rigward ta’ ċerti proposti sottomessi għall-adozzjoni matul il-11-il sessjoni tiegħu
Anness II
ABBOZZ TA’ FTEHIM RIVEDUT DWAR IT-TRASFERIMENT TA’ MATERJAL STANDARD
1.FTEHIM DWAR IT-TRASFERIMENT TA’ MATERJAL STANDARD
PREAMBOLU
BILLI
It-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “it-Trattat” ġie adottat mill-31 sessjoni tal-Konferenza tal-FAO fit-3 ta’ Novembru 2001 u daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Ġunju 2004;
L-objettivi tat-Trattat huma l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura u l-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tagħhom, f’armonija mal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, għall-agrikoltura sostenibbli u għas-sigurtà tal-ikel;
Il-Partijiet Kontraenti għat-Trattat, fl-eżerċizzju tad-drittijiet sovrani tagħhom fuq ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura tagħhom, stabbilew Sistema Multilaterali kemm biex jiffaċilitaw l-aċċess għar-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura kif ukoll biex jaqsmu, b’mod ġust u ekwu, il-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ dawn ir-riżorsi, fuq bażi komplementari u ta’ tisħiħ reċiproku;
Jitqiesu l-Artikoli 4, 11, 12(4) u 12(5) tat-Trattat;
Id-diversità tas-sistemi legali tal-Partijiet Kontraenti fir-rigward tar-regoli proċedurali nazzjonali tagħhom li jirregolaw l-aċċess għall-qrati u għall-arbitraġġ, u l-obbligi li jirriżultaw minn konvenzjonijiet internazzjonali u reġjonali applikabbli għal dawn ir-regoli proċedurali, huma rikonoxxuti;
L-Artikolu 12(4) tat-Trattat jipprevedi li l-aċċess iffaċilitat skont is-Sistema Multilaterali għandu jiġi previst skont Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard, u l-Korp Governattiv tat-Trattat, fir-Riżoluzzjoni tiegħu 1/2006 tas-16 ta’ Ġunju 2006, adotta l-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard, li fir-Riżoluzzjoni [XX]/2025 ta’ [XX] ta’ Novembru 2025 iddeċieda li jemenda.
ARTIKOLU 1 — PARTIJIET GĦALL-FTEHIM
1.1 Dan il-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “dan il-Ftehim”) huwa l-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard imsemmi fl-Artikolu 12(4) tat-Trattat.
1.2 Dan il-Ftehim huwa:
BEJN: (l-isem u l-indirizz tal-fornitur jew tal-istituzzjoni li tipprovdi, l-isem tal-uffiċjal awtorizzat, l-informazzjoni ta’ kuntatt għall-uffiċjal awtorizzat*) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Fornitur”),
U: (l-isem u l-indirizz tar-riċevitur jew tal-istituzzjoni tar-riċevitur, l-isem tal-uffiċjal awtorizzat, l-informazzjoni ta’ kuntatt għall-uffiċjal awtorizzat*) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Riċevitur”).
1.3 Il-partijiet għal dan il-Ftehim b’dan jaqblu kif ġej:
ARTIKOLU 2 — DEFINIZZJONIJIET
F’dan il-Ftehim l-espressjonijiet imsemmija hawn taħt għandu jkollhom it-tifsira li ġejja:
“Affiljat”: korp korporattiv wieħed ikun affiljat ma’ korp korporattiv ieħor jekk wieħed minnhom ikun is-sussidjarju tal-ieħor, jew it-tnejn ikunu sussidjarji tal-istess korp korporattiv, jew kull wieħed minnhom ikun ikkontrollat mill-istess persuna legali.
“Disponibbli mingħajr restrizzjoni”: Prodott jitqies li huwa disponibbli mingħajr restrizzjoni għall-oħrajn għal aktar riċerka u tnissil meta jkun disponibbli għar-riċerka u t-tnissil mingħajr ebda obbligu legali jew kuntrattwali, jew mingħajr ebda restrizzjoni teknoloġika, li tipprekludi l-użu tiegħu bil-mod speċifikat fit-Trattat.
“Li tikkummerċjalizza” tfisser li r-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura jkunu magħmulin disponibbli għall-kunsiderazzjoni monetarja fis-suq miftuħ, u “kummerċjalizzazzjoni” għandha tifsira korrispondenti. Il-kummerċjalizzazzjoni ma għandha tinkludi l-ebda forma ta’ trasferiment ta’ Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura li qed jiġu Żviluppati, u lanqas ma għandha tinkludi l-bejgħ ta’ komoditajiet.
“Materjal ġenetiku” tfisser kwalunkwe materjal li joriġina mill-pjanti, inkluż materjal għall-propagazzjoni veġetattiva u riproduttiva, li fih unitajiet funzjonali ta’ eredità.
“Korp Governattiv” tfisser il-Korp Governattiv tat-Trattat.
“Sistema Multilaterali” tfisser is-Sistema Multilaterali stabbilita skont l-Artikolu 10(2) tat-Trattat.
“Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura” tfisser kwalunkwe materjal ġenetiku li joriġina mill-pjanti ta’ valur reali jew potenzjali għall-ikel u l-agrikoltura.
“Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura li qed jiġu Żviluppati” tfisser materjal li ġej mill-Materjal, u għalhekk distint minnu, li għadu mhux lest għall-kummerċjalizzazzjoni u li l-iżviluppatur beħsiebu jkompli jiżviluppa jew jittrasferixxi lil persuna jew entità oħra għal żvilupp ulterjuri. Il-perjodu ta’ żvilupp għar-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura li qed jiġu Żviluppati għandu jitqies li waqaf meta dawk ir-riżorsi jiġu kkummerċjalizzati bħala Prodott.
“Prodott” tfisser Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura li jinkorporaw il-Materjal jew kwalunkwe waħda mill-partijiet jew komponenti ġenetiċi tiegħu li huma lesti għall-kummerċjalizzazzjoni, minbarra l-komoditajiet u prodotti oħra użati għall-ikel, l-għalf u l-ipproċessar.
“Bejgħ” tfisser id-dħul gross li jirċievi r-Riċevitur u l-affiljati tiegħu mill-kummerċjalizzazzjoni u fil-forma ta’ miżati ta’ liċenzji għar-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura.
“Karatteristika ta’ valur kummerċjali” tfisser kwalunkwe karatteristika li tintiret u li tista’ titkejjel li tagħti valur kummerċjali sinifikanti għall-ikel u l-agrikoltura lil Prodott, inkluż iżda mhux limitat għal karatteristiċi agronomiċi, karatteristiċi li jagħtu reżistenza għal stress bijotiku jew abijotiku, karatteristiċi li jtejbu l-valur nutrizzjonali jew tal-ipproċessar ta’ komoditajiet maħsuda, u kwalunkwe karatteristika oħra użata biex tiddeskrivi Prodott għall-fini tal-promozzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu.
ARTIKOLU 3 — SUĠĠETT TAL-FTEHIM
Ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura speċifikati fl-Anness 1 ta’ dan il-Ftehim (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Materjal”) u l-informazzjoni relatata disponibbli msemmija fl-Artikolu 5b u fl-Anness 1 huma b’dan trasferiti mill-Fornitur lejn ir-Riċevitur soġġett għat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 4 — DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
4.1 Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fil-qafas tas-Sistema Multilaterali u għandu jiġi implimentat u interpretat f’konformità mal-objettivi u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat.
4.2 Il-partijiet jirrikonoxxu li huma soġġetti għall-miżuri u l-proċeduri legali applikabbli, li ġew adottati mill-Partijiet Kontraenti għat-Trattat, f’konformità mat-Trattat, b’mod partikolari dawk meħuda f’konformità mal-Artikoli 4, 12(2) u 12(5) tat-Trattat.
4.3 Il-partijiet għal dan il-Ftehim jaqblu li l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti li taġixxi f’isem il-Korp Governattiv tat-Trattat u s-Sistema Multilaterali tiegħu, hija l-parti terza benefiċjarja skont dan il-Ftehim.
4.4 Il-parti terza benefiċjarja għandha d-dritt li titlob l-informazzjoni xierqa kif meħtieġ mill-Artikoli 5e, 6(5)(c), 8(3), l-Anness 2, l-Artikolu 3(6), u l-Anness 4, il-Paragrafu 7 ta’ dan il-Ftehim.
4.5 Id-drittijiet mogħtija lill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti hawn fuq ma jimpedixxux lill-partijiet għal dan il-Ftehim milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 5 — DRITTIJIET U OBBLIGI TAL-FORNITUR
Il-Fornitur jimpenja ruħu li l-Materjal jiġi ttrasferit f’konformità mad-dispożizzjonijiet li ġejjin tat-Trattat:
a) l-aċċess għandu jingħata minnufih, mingħajr il-ħtieġa li jiġu segwiti l-adeżjonijiet individwali u mingħajr ħlas, jew, meta tiġi imposta tariffa, dan ma għandux jaqbeż il-kost minimu involut;
b) id-data kollha disponibbli dwar il-passaporti u, soġġett għal-liġi applikabbli, kwalunkwe informazzjoni deskrittiva oħra assoċjata disponibbli u mhux kunfidenzjali, għandha tkun magħmula disponibbli mar-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura pprovduti;
c) l-aċċess għar-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura li qed jiġu Żviluppati, inkluż il-materjal li qed jiġi żviluppat mill-bdiewa, għandu jkun fid-diskrezzjoni tal-iżviluppatur tiegħu, matul il-perjodu tal-iżvilupp tiegħu;
d) l-aċċess għar-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura protetti mid-drittijiet intellettwali tal-proprjetà u drittijiet oħra tal-proprjetà għandu jkun konsistenti mal-ftehimiet internazzjonali rilevanti, u mal-liġijiet nazzjonali rilevanti;
e) il-Fornitur għandu jinforma lill-Korp Governattiv, permezz tas-Segretarju tiegħu, mill-inqas darba kull sentejn kalendarji, jew f’intervall li għandu jiġi deċiż, minn żmien għal żmien, mill-Korp Governattiv, dwar il-Ftehimiet dwar it-Trasferiment ta’ Materjal li jkun daħal għalihom,
jew permezz ta’:
Għażla A: it-trażmissjoni ta’ kopja tal-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard komplut,
jew
Għażla B: fil-każ li ma tintbagħatx kopja tal-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard,
i. jiġi żgurat li l-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard komplut ikun għad-dispożizzjoni tal-parti terza benefiċjarja kif u meta jkun meħtieġ;
ii. jiġi ddikjarat fejn huwa maħżun il-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard inkwistjoni, u kif jista’ jinkiseb; u
iii. tiġi pprovduta l-informazzjoni li ġejja:
a) is-simbolu ta’ identifikazzjoni jew in-numru attribwit għall-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard mill-Fornitur;
b) l-isem u l-indirizz tal-Fornitur;
c) id-data li fiha l-Fornitur ikun qabel mal-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard jew aċċettah, u fil-każ ta’ ftehim shrink-wrap, id-data li fiha ntbagħtet il-konsenja;
d) l-isem u l-indirizz tar-Riċevitur, u fil-każ ta’ ftehim shrink-wrap, l-isem tal-persuna li lilha ntbagħtet il-konsenja;
e) l-identifikazzjoni ta’ kull adeżjoni fl-Anness 1 tal-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard, u tal-għelejjel li tappartjeni għalihom.
Din l-informazzjoni għandha tkun magħmula disponibbli mis-Segretarju lill-parti terza benefiċjarja. Sakemm il-partijiet għal dan il-Ftehim ma jaqblux mod ieħor u ħlief kif jista’ jkun meħtieġ fil-kuntest tas-soluzzjoni ta’ tilwim skont l-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim, tali informazzjoni għandha tiġi ttrattata bħala informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u għandha tintuża biss biex jiġi żviluppat ir-rapportar aggregat.
ARTIKOLU 6 — DRITTIJIET U OBBLIGI TAR-RIĊEVITUR
6.1 Ir-Riċevitur jimpenja ruħu li l-Materjal għandu jintuża jew jiġi kkonservat biss għall-finijiet ta’ riċerka, tnissil u taħriġ għall-ikel u l-agrikoltura. Tali finijiet ma għandhomx jinkludu użi industrijali kimiċi, farmaċewtiċi u/jew oħrajn li ma humiex ta’ ikel/għalf.
6.2 Ir-Riċevitur ma għandu jiddikjara l-ebda dritt tal-proprjetà intellettwali jew drittijiet oħra li jillimitaw l-aċċess iffaċilitat għall-Materjal ipprovdut skont dan il-Ftehim, jew il-partijiet jew il-komponenti ġenetiċi tiegħu, fil-formola riċevuta mis-Sistema Multilaterali.
6.3 Fil-każ li r-Riċevitur jikkonserva l-Materjal fornut, ir-Riċevitur għandu jagħmel il-Materjal, u l-informazzjoni relatata msemmija fl-Artikolu 5b, disponibbli għas-Sistema Multilaterali li tuża l-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard.
6.4 Fil-każ li r-Riċevitur jittrasferixxi l-Materjal fornut skont dan il-Ftehim lil persuna jew entità oħra (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-riċevitur sussegwenti”), ir-Riċevitur għandu
a) jagħmel dan skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard, permezz ta’ Ftehim ġdid dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard; u
b) jinnotifika lill-Korp Governattiv, f’konformità mal-Artikolu 5e.
F’konformità ma’ dan ta’ hawn fuq, ir-Riċevitur ma għandu jkollu l-ebda obbligu ieħor dwar l-azzjonijiet tar-riċevitur sussegwenti.
6.5 Fil-każ li r-Riċevitur jittrasferixxi Riżorsa Ġenetika tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura li qed tiġi Żviluppata lil persuna jew entità oħra, sakemm jiskadi perjodu ta’ 12-il sena wara l-iffirmar jew l-aċċettazzjoni ta’ dan il-Ftehim, ir-Riċevitur għandu:
a) jagħmel dan skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard, permezz ta’ Ftehim ġdid dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard, dment li l-Artikolu 5a tal-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard ma japplikax;
b) jidentifika, fl-Anness 1 tal-Ftehim ġdid dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard, il-Materjal riċevut mis-Sistema Multilaterali, u jispeċifika li r-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura li qed jiġu Żviluppati li qed jiġu ttrasferiti jkunu ġejjin mill-Materjal;
c) jinnotifika lill-Korp Governattiv, f’konformità mal-Artikolu 5e; u
d) ma għandu jkollu l-ebda obbligu ieħor rigward l-azzjonijiet ta’ kwalunkwe riċevitur sussegwenti.
L-obbligi f’dan l-Artikolu 6(5) ma japplikawx għar-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura li qed jiġu Żviluppati, li għalihom japplikaw iż-żewġ elementi li ġejjin:
i. ikun fihom kontribut ġenetiku ta’ inqas minn 12,5 % bil-linja axxendentali tal-Materjal u
ii ma jkunx fihom karatteristika ta’ valur kummerċjali li kienet ikkontribwita mill-Materjal.
6.6 Id-dħul fi Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard skont il-paragrafu 6.5 għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jorbtu kundizzjonijiet addizzjonali, relatati ma’ żvilupp ulterjuri tal-prodott, inkluż, kif ikun xieraq, il-pagamemt ta’ kunsiderazzjoni monetarja.
6.9 Ir-Riċevitur għandu jagħmel disponibbli għas-Sistema Multilaterali, permezz tas-sistema ta’ informazzjoni prevista fl-Artikolu 17 tat-Trattat, l-informazzjoni mhux kunfidenzjali kollha li tirriżulta minn riċerka u żvilupp imwettqa fuq il-Materjal u huwa mħeġġeġ biex permezz tas-Sistema Multilaterali jaqsam il-benefiċċji mhux monetarji identifikati b’mod espliċitu fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat li jirriżultaw minn tali riċerka u żvilupp. Ir-Riċevitur huwa mħeġġeġ iqiegħed kampjun ta’ kwalunkwe Prodott li jinkorpora l-Materjal f’ġabra li hija parti mis-Sistema Multilaterali, għal riċerka, u tnissil u taħriġ.
6.10 Riċevitur li applika għal drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li jikseb dawn id-drittijiet, fuq kwalunkwe Prodott żviluppat mill-Materjal jew mill-partijiet ġenetiċi jew mill-komponenti tiegħu, miksub mis-Sistema Multilaterali, u jassenja tali applikazzjoni jew drittijiet tal-proprjetà intellettwali lil parti terza, għandu jittrasferixxi l-obbligi tal-qsim tal-benefiċċji ta’ dan il-Ftehim lil dik il-parti terza.
6.6a Ir-Riċevitur, fil-mument tal-iffirmar jew tal-aċċettazzjoni ta’ dan il-Ftehim, għandu jagħżel bejn żewġ għażliet ta’ aċċess, kif previst fl-Artikolu 10 ta’ dan il-Ftehim: l-għażla ta’ abbonament skont l-Artikolu 6(11) u l-Anness 2, jew l-għażla ta’ aċċess uniku skont l-Artikoli 6(7) u 6(8) u l-Anness 4, sakemm ir-Riċevitur ma jkunx diġà abbona.
6.11 Sabiex jagħżel l-għażla ta’ abbonament, ir-Riċevitur, jekk ir-Riċevitur ma jkunx diġà abbona, irid jissottometti l-Formola tar-Reġistrazzjoni li tinsab fl-Anness 3 ta’ dan il-Ftehim, mimlija u ffirmata kif xieraq, lill-Korp Governattiv tat-Trattat, permezz tas-Segretarju tiegħu (Abbonament). L-Abbonament jitlesta mal-wasla tan-numru tal-Abbonat mis-Segretarju.
6.11a It-termini u l-kundizzjonijiet tal-għażla ta’ abbonament huma stabbiliti fl-Anness 2 ta’ dan il-Ftehim. L-Anness 2 ta’ dan il-Ftehim jikkostitwixxi parti integrali minn dan il-Ftehim u kwalunkwe referenza għal dan il-Ftehim għandha tinftiehem, fejn il-kuntest jippermetti u mutatis mutandis, li tinkludi wkoll l-Anness 2.
6.11b Skont l-għażla ta’ abbonament, ir-Riċevitur ma għandu jkollu l-ebda obbligu ta’ pagament fir-rigward tal-Materjal riċevut, u kwalunkwe Prodott li jinkorpora l-Materjal, għajr l-obbligi ta’ pagament previsti taħt l-għażla ta’ abbonament, matul il-perjodu tal-Abbonament.
6.7 Skont l-għażla ta’ aċċess uniku, jekk ir-Riċevitur jew kwalunkwe wieħed mill-affiljati tiegħu jikkummerċjalizza Prodott, u meta tali Prodott ma jkunx disponibbli mingħajr restrizzjoni, japplikaw it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness 4. Wara li tintemm ir-restrizzjoni, ir-Riċevitur jew kwalunkwe wieħed mill-affiljati tiegħu li jikkummerċjalizza l-Prodott se jkompli jagħmel il-pagamenti bir-rata msemmija fl-Artikolu 6(8) hawn taħt. L-Anness 4 ta’ dan il-Ftehim jikkostitwixxi parti integrali minn dan il-Ftehim u kwalunkwe referenza għal dan il-Ftehim għandha tinftiehem, fejn il-kuntest jippermetti u mutatis mutandis, li tinkludi wkoll l-Anness 4.
6.8 Skont l-għażla ta’ aċċess uniku, jekk ir-Riċevitur jew kwalunkwe wieħed mill-affiljati tiegħu jikkummerċjalizza Prodott u meta dak il-Prodott ikun disponibbli mingħajr restrizzjoni, japplikaw it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness 4. L-Anness 4 ta’ dan il-Ftehim jikkostitwixxi parti integrali minn dan il-Ftehim u kwalunkwe referenza għal dan il-Ftehim għandha tinftiehem, fejn il-kuntest jippermetti u mutatis mutandis, li tinkludi wkoll l-Anness 4.
6.8a Riċevitur li jaċċessa l-Materjal skont l-Artikoli 6(7)/6(8) għandu jiżvela l-affiljati tiegħu fil-ħin tal-iffirmar tal-SMTA. F’każ li kwalunkwe wieħed minn dawk l-affiljati jingħata materjal wara l-iffirmar tal-SMTA, għandu japplika l-Artikolu 6.5 ta’ dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 7 — LIĠI APPLIKABBLI
Il-liġi applikabbli għandha tkun il-Prinċipji Ġenerali tal-Liġi, inklużi l-Prinċipji tal-Kuntratti Kummerċjali Internazzjonali UNIDROIT tal-2016 u kif sussegwentement aġġornati, l-objettivi u d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat, u, meta meħtieġ għall-interpretazzjoni, id-deċiżjonijiet tal-Korp Governattiv.
ARTIKOLU 8 — SOLUZZJONI TA’ TILWIM
8.1 Is-soluzzjoni ta’ tilwim tista’ tinbeda mill-Fornitur jew mir-Riċevitur jew mill-parti terza benefiċjarja li taġixxi f’isem il-Korp Governattiv tat-Trattat u s-Sistema Multilaterali tiegħu.
8.2 Il-partijiet għal dan il-Ftehim jaqblu li l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, li tirrappreżenta l-Korp Governattiv u s-Sistema Multilaterali, għandha d-dritt, bħala parti terza benefiċjarja, li tibda proċeduri għas-soluzzjoni ta’ tilwim rigward id-drittijiet u l-obbligi tal-Fornitur u tar-Riċevitur skont dan il-Ftehim.
8.3 Il-parti terza benefiċjarja għandha d-dritt li titlob li l-informazzjoni xierqa, inkluż il-kampjuni kif meħtieġ, tkun magħmula disponibbli mill-Fornitur u r-Riċevitur, rigward l-obbligi tagħhom fil-kuntest ta’ dan il-Ftehim. Kwalunkwe informazzjoni jew kampjun mitlub b’dan il-mod għandu jingħata mill-Fornitur u mir-Riċevitur, skont il-każ.
8.4 Kwalunkwe tilwima li tinqala’ minn dan il-Ftehim għandha tiġi solvuta b’dan il-mod:
a) Ftehim bonarju dwar it-tilwima: il-partijiet għandhom jippruvaw bona fide jsolvu t-tilwima permezz ta’ negozjati.
b) Medjazzjoni: jekk it-tilwima ma tiġix solvuta permezz ta’ negozjati, il-partijiet jistgħu jagħżlu medjazzjoni permezz ta’ medjatur newtrali ta’ parti terza, li għandu jsir qbil fuqu b’mod reċiproku.
c) Arbitraġġ: jekk it-tilwima ma tkunx ġiet solvuta permezz ta’ negozjati jew medjazzjoni, kwalunkwe parti tista’ tissottometti t-tilwima għal arbitraġġ skont ir-Regoli tal-Arbitraġġ ta’ korp internazzjonali kif miftiehem bejn il-partijiet fit-tilwima. Fin-nuqqas ta’ tali ftehim, it-tilwima għandha tiġi solvuta skont ir-Regoli tal-Arbitraġġ tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ, minn arbitru wieħed jew aktar maħtura f’konformità mar-Regoli msemmija. Kull parti fit-tilwima tista’, jekk tagħżel hekk, taħtar l-arbitru tagħha minn tali lista ta’ esperti li l-Korp Governattiv jista’ jistabbilixxi għal dan il-għan; iż-żewġ partijiet, jew l-arbitri maħtura minnhom, jistgħu jaqblu li jaħtru arbitru uniku, jew arbitru li jippresjedi skont il-każ, minn tali lista ta’ esperti. Ir-riżultat ta’ tali arbitraġġ għandu jkun vinkolanti.
d) Il-partijiet offiżi jistgħu jagħmlu użu mill-opportunitajiet disponibbli skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(5) tat-Trattat.
8.5 Fil-każ ta’ ksur tal-Artikoli 6(1) jew 6(2) li jkun hemm prova tiegħu, ir-Riċevitur jista’ jinżamm responsabbli għad-danni. Fir-rigward tal-Artikolu 6(1), id-danni għandhom ikunu proporzjonali għall-introjtu riċevut mir-Riċevitur bħala riżultat tal-ksur ipprovat. Fir-rigward tal-Artikolu 6(2), id-danni għandhom ikunu proporzjonali għall-introjtu riċevut mir-Riċevitur bħala riżultat tad-dritt tal-proprjetà intellettwali jew ta’ drittijiet oħra li jillimitaw l-aċċess iffaċilitat għall-Materjal, jew il-partijiet jew il-komponenti ġenetiċi tiegħu, fil-forma riċevuta mis-Sistema Multilaterali, u jistgħu wkoll jirriżultaw fl-assenjazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew tad-drittijiet l-oħra involuti, f’konformità mad-dritt internazzjonali u mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.
ARTIKOLU 9 — OĠĠETTI ADDIZZJONALI
Garanzija
9.1 Il-Fornitur ma jagħti l-ebda garanzija f’dan il-Ftehim fir-rigward tas-sikurezza jew tat-titolu tal-Materjal, u lanqas fir-rigward tal-akkuratezza jew tal-korrettezza ta’ kwalunkwe passaport jew data oħra pprovduta mal-Materjal. Lanqas ma jagħmel garanziji dwar il-kwalità, il-vijabbiltà, jew il-purità (ġenetika jew mekkanika) tal-Materjal li jkun qed jiġi fornut. Il-kundizzjoni fitosanitarja tal-Materjal hija ġġustifikata biss kif deskritt fi kwalunkwe ċertifikat fitosanitarju mehmuż. Ir-Riċevitur jassumi responsabbiltà sħiħa għall-konformità mar-regolamenti dwar il-kwarantina, l-ispeċijiet aljeni invażivi u l-bijosikurezza tan-nazzjon riċevitur u mar-regoli dwar l-importazzjoni jew ir-rilaxx ta’ materjal ġenetiku.
Irtirar minn dan il-Ftehim
9.2 Ir-Riċevitur jista’ jirtira minn dan il-Ftehim f’konformità mal-Anness 2 u mal-Anness 4.
Emendi tal-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard
9.3 Jekk il-Korp Governattiv jemenda t-termini u l-kundizzjonijiet tal-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard, ir-Riċevitur għandu, mid-data deċiża mill-Korp Governattiv, juża l-SMTA emendat għal trasferimenti sussegwenti tal-Materjal lil partijiet terzi. Id-drittijiet u l-obbligi l-oħra tar-Riċevitur għandhom jibqgħu l-istess, sakemm ir-Riċevitur ma jaqbilx b’mod espliċitu bil-miktub mal-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard emendat.
Fażi Tranżizzjonali
9.4 Fil-każ li l-Emenda tal-Anness I tat-Trattat, kif tinsab fir-Riżoluzzjoni [XX]/2025, ma tidħolx fis-seħħ sal-31 ta’ Lulju 2031 u sakemm il-Korp Governattiv ma jestendix il-perjodu jew ma jiddeċidix mod ieħor, fis-Sessjoni tiegħu fl-2031:
l-Artikolu 6(11) u l-Annessi relatati mhux se jibqgħu japplikaw għal Riċevituri ġodda u l-ebda Abbonament ġdid ma huwa se jkun permess skont dan il-Ftehim. Riċevitur li jkun sar Abbonat qabel il-31 ta’ Lulju 2031 jista’, fi żmien [XX] jum, jew:
1) jinnotifika lill-Korp Governattiv tat-Trattat, permezz tas-Segretarju tiegħu, li se jżomm l-Abbonament tiegħu; jew
2) jirtira mill-Abbonament tiegħu b’effett immedjat. Jekk l-Abbonat jagħżel din l-għażla, it-Termini tal-Abbonament ma għandhomx jibqgħu japplikaw u għandhom jiġu sostitwiti bit-termini u l-kundizzjonijiet tal-mekkaniżmu ta’ pagament skont l-Artikoli 6(7), 6(8) u l-Anness 4 ta’ dan il-Ftehim. Wara tali irtirar, kwalunkwe ammont imħallas mill-Abbonat taħt l-Abbonament se jiġi kkreditat, fuq talba mill-Abbonat, għal kwalunkwe pagament li jista’ jkun dovut skont il-mekkaniżmu ta’ pagament skont l-Artikoli 6(7), 6(8) u l-Anness 4 ta’ dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 10 — FIRMA/AĊĊETTAZZJONI
Il-Fornitur u r-Riċevitur jistgħu jagħżlu l-metodu ta’ aċċettazzjoni sakemm waħda mill-partijiet ma tirrikjedix li dan il-Ftehim jiġi ffirmat.
Għażla 1 — Firma*
Jien, (Isem sħiħ tal-Uffiċjal Awtorizzat), nirrappreżenta u niġġustifika li għandi l-awtorità li neżegwixxi dan il-Ftehim f’isem ir-Riċevitur u nirrikonoxxi r-responsabbiltà u l-obbligu tal-istituzzjoni tiegħi li nirrispetta d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, kemm eżattament kif hemm miktub kif ukoll fil-prinċipju, sabiex nippromwovi l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura.
□ Nifhem u naqbel b’mod espliċitu li l-parti terza benefiċjarja għandu jkollha d-drittijiet previsti fl-Artikoli 4 u 8 ta’ dan il-Ftehim.
□ B’dan niddikjara li l-Bejgħ tar-Riċevitur ma jaqbiżx il-USD [xx] f’konformità mal-Anness 2, l-Artikolu 3(4). Ir-Riċevitur jintrabat li jagħmel pagamenti annwali u li jissottometti rapporti annwali minn meta l-Bejgħ tiegħu jaqbeż il-USD [xx]. Id-dritt tal-parti terza benefiċjarja li titlob l-informazzjoni xierqa f’konformità mal-Artikolu 4(4) ta’ dan il-Ftehim huwa mifhum u rikonoxxut b’mod espliċitu.
□ Nikkonferma li jien diġà Abbonat(a) għas-Sistema Multilaterali.
Jew
□ B’dan nagħżel l-għażla ta’ abbonament skont l-Artikolu 6(11) u l-Anness 2 ta’ dan il-Ftehim u nikkonferma li bgħatt il-Formola tar-Reġistrazzjoni fl-Anness 3 ta’ dan il-Ftehim lill-Korp Governattiv, permezz tas-Segretarju tiegħu.
Jew
□ B’dan nagħżel l-għażliet ta’ aċċess uniku skont l-Artikoli 6(7) u 6(8) u l-Anness 4 ta’ dan il-Ftehim.
Firma
Data
Isem ir-Riċevitur
Għażla 2 — Ftehimiet dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard Shrink-wrap*
Il-Materjal huwa pprovdut bil-kundizzjoni li jiġu aċċettati t-termini ta’ dan il-Ftehim.
Il-provvista tal-Materjal mill-Fornitur u l-aċċettazzjoni u l-użu tal-Materjal mir-Riċevitur jikkostitwixxu l-aċċettazzjoni tat-termini ta’ dan il-Ftehim.
Ir-Riċevitur jifhem u jaqbel b’mod espliċitu li l-parti terza benefiċjarja għandu jkollha d-drittijiet ipprovduti fl-Artikoli 4 u 8 ta’ dan il-Ftehim.
Jekk il-Bejgħ tar-Riċevitur ma jaqbiżx il-USD [xx], huwa għandu jissottometti d-dikjarazzjoni li ġejja bil-miktub u ffirmata kif xieraq lill-Korp Governattiv, permezz tas-Segretarju tiegħu, jew inkella l-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 3(4) tal-Anness 2 ma tapplikax: “B’dan niddikjara li l-Bejgħ tar-Riċevitur ma jaqbiżx il-USD [xx] f’konformità mal-Artikolu 3(4) tal-Anness 2. Ir-Riċevitur jintrabat li jagħmel pagamenti annwali u li jissottometti rapporti annwali minn meta l-Bejgħ tiegħu jaqbeż il-USD [xx]. Id-dritt tal-parti terza benefiċjarja li titlob l-informazzjoni xierqa f’konformità mal-Artikolu 4(4) ta’ dan il-Ftehim huwa mifhum u rikonoxxut b’mod espliċitu.”
Jekk ir-Riċevitur huwa Abbonat, huwa għandu jissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Korp Governattiv, permezz tas-Segretarju tiegħu: “B’dan nikkonferma li jien Abbonat, bin-numru tal-Abbonat ..................”
Jew
Jekk ir-Riċevitur jagħżel l-għażla ta’ abbonament, huwa għandu jissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Korp Governattiv, permezz tas-Segretarju tiegħu: “B’dan nagħżel l-għażla ta’ abbonament skont l-Artikolu 6(11) u l-Anness 2 ta’ dan il-Ftehim u nikkonferma li bgħatt il-Formola tar-Reġistrazzjoni fl-Anness 3 ta’ dan il-Ftehim lill-Korp Governattiv, permezz tas-Segretarju tiegħu.”
Jew
Jekk ir-Riċevitur jagħżel l-għażla ta’ aċċess uniku, huwa għandu jissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Korp Governattiv, permezz tas-Segretarju tiegħu: “B’dan nagħżel l-għażliet ta’ aċċess uniku skont l-Artikoli 6(7) u 6(8) u l-Anness 4 ta’ dan il-Ftehim.”
Għażla 3 — Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard click-wrap*
□ B’dan naqbel mal-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq.
□ Nifhem u naqbel b’mod espliċitu li l-parti terza benefiċjarja għandu jkollha d-drittijiet previsti fl-Artikoli 4 u 8 ta’ dan il-Ftehim.
□ B’dan niddikjara li l-Bejgħ tar-Riċevitur ma jaqbiżx il-USD [xx] f’konformità mal-Artikolu 3(4) tal-Anness 2. Ir-Riċevitur jintrabat li jagħmel pagamenti annwali u li jissottometti rapporti annwali minn meta l-Bejgħ tiegħu jaqbeż il-USD [xx]. Id-dritt tal-parti terza benefiċjarja li titlob l-informazzjoni xierqa f’konformità mal-Artikolu 4(4) ta’ dan il-Ftehim huwa mifhum u rikonoxxut b’mod espliċitu.
□ B’dan nikkonferma li jien Abbonat, bin-numru tal-Abbonat ............
Jew
□ B’dan nagħżel l-għażla ta’ abbonament skont l-Artikolu 6(11) u l-Anness 2 ta’ dan il-Ftehim u nikkonferma li bgħatt il-Formola tar-Reġistrazzjoni fl-Anness 3 ta’ dan il-Ftehim lill-Korp Governattiv, permezz tas-Segretarju tiegħu.
Jew
□ B’dan nagħżel l-għażliet ta’ aċċess uniku skont l-Artikoli 6(7) u 6(8) u l-Anness 4 ta’ dan il-Ftehim.
2.Anness 1
LISTA TA’ MATERJALI PPROVDUTI
Dan l-Anness jelenka l-Materjal ipprovdut skont dan il-Ftehim, inkluż l-informazzjoni assoċjata msemmija fl-Artikolu 5b. L-informazzjoni li ġejja hija inkluża, jew hemm is-sors indikat minn fejn tista’ tinkiseb, għal kull Materjal elenkat: id-data kollha disponibbli dwar il-passaporti u, soġġett għal-liġi applikabbli, kwalunkwe informazzjoni deskrittiva oħra assoċjata, disponibbli u mhux kunfidenzjali.
Tabella A
Materjali:
Għalla: Numru tal-adeżjoni jew identifikatur ieħor
Informazzjoni assoċjata, jekk disponibbli, jew sors li minnu tista’ tinkiseb (URL)
Tabella B
Materjali li huma Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura li qed jiġu Żviluppati:
Għalla:
Numru tal-adeżjoni jew identifikatur ieħor
Informazzjoni assoċjata, jekk disponibbli, jew sors li minnu tista’ tinkiseb (URL)
F’konformità mal-Artikolu 6(5)(b), hija pprovduta l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tal-materjali riċevuti taħt l-SMTA jew li ddaħħlu fis-Sistema Multilaterali bi ftehim skont l-Artikolu 15 tat-Trattat, li minnu ġejjin ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura li qed jiġu Żviluppati elenkati fit-Tabella B:
Għalla:
Numru tal-adeżjoni jew identifikatur ieħor
Informazzjoni assoċjata, jekk disponibbli, jew sors li minnu tista’ tinkiseb (URL)
3.Anness 2
TERMINI U KUNDIZZJONIJIET TAL-GĦAŻLA TA’ ABBONAMENT (L-ARTIKOLU 6.11)
ARTIKOLU 1 — ABBONAMENT
1.1 Ir-Riċevitur, li jabbona f’konformità mal-Artikolu 6(11) ta’ dan il-Ftehim (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Abbonat”), jaqbel li jintrabat bit-termini u l-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin (it-“Termini tal-Abbonament”).
1.2 L-Abbonament għandu jidħol fis-seħħ malli l-Abbonat jirċievi n-numru tal-Abbonat mingħand is-Segretarju tal-Korp Governattiv, wara s-sottomissjoni tal-Formola tar-Reġistrazzjoni li tinsab fl-Anness 3 ffirmata kif xieraq. L-Abbonat ma għandux ikun meħtieġ jiffirma l-Anness 3 ta’ kwalunkwe Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard sussegwenti, matul il-perjodu ta’ Abbonament.
1.3 L-Abbonat għandu jinħeles minn kwalunkwe obbligu li jagħmel pagamenti skont kwalunkwe Ftehim Standard dwar it-Trasferiment ta’ Materjal iffirmat qabel [data], u fir-rigward ta’ materjali aċċessati skont dawk il-Ftehimiet Standard dwar it-Trasferiment ta’ Materjal, għandhom japplikaw biss l-obbligi ta’ pagament f’dawn it-Termini tal-Abbonament.
1.3a Sa fejn l-Abbonat ikun iffirma kwalunkwe Ftehim Standard dwar it-Trasferiment ta’ Materjal skont l-Artikoli 6(7) jew 6(8) ta’ dan il-Ftehim wara [data], l-obbligi ta’ pagament tal-Abbonat skont dawk il-Ftehimiet Standard dwar it-Trasferiment ta’ Materjal għandhom jibqgħu fis-seħħ, u l-Abbonat jista’ jnaqqas il-bejgħ ta’ prodotti assoċjati li huma Riżorsi Ġenetiċi Essenzjali għall-Ikel u l-Agrikoltura mill-bażi tal-pagament tal-abbonament tiegħu.
1.4 Il-Korp Governattiv jista’ jemenda t-Termini tal-Abbonament f’kull ħin. Tali Termini tal-Abbonament emendati ma għandhom japplikaw għall-ebda Abbonament eżistenti, sakemm l-Abbonat ma jinnotifikax lill-Korp Governattiv bil-qbil tiegħu li jkun soġġett għat-Termini tal-Abbonament emendati. Jekk l-Abbonat jaqbel mat-Termini tal-Abbonament emendati, tali ftehim ma għandux jaffettwa d-data li fiha l-Abbonament ikun daħal fis-seħħ.
ARTIKOLU 2 — REĠSITRU
L-Abbonat jaqbel li l-isem sħiħ u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu u d-data li fiha l-Abbonament daħal fis-seħħ, għandhom jitqiegħdu f’reġistru pubbliku (ir-“Reġistru”), u jimpenja ruħu li jikkomunika immedjatament kwalunkwe bidla f’din l-informazzjoni lill-Korp Governattiv tat-Trattat, permezz tas-Segretarju tiegħu.
ARTIKOLU 3 — QSIM TAL-BENEFIĊĊJI MONETARJI
3.1 Sabiex jaqsam il-benefiċċji monetarji mill-użu tar-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura skont it-Trattat, l-Abbonat għandu jagħmel pagamenti annwali bbażati fuq il-Bejgħ ta’ prodotti li huma Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura.
3.2 Ir-rata applikabbli ta’ pagament fuq il-Bejgħ ta’ prodotti li huma Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura għandha tkun ta’ [yy] %.
3.3 Fuq talba tal-Abbonat, li jikkummerċjalizza biss prodotti li huma Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura li huma disponibbli mingħajr restrizzjoni, permezz tal-Formola tar-Reġistrazzjoni li tinsab fl-Anness 3, ir-rata ta’ pagament għandha tkun ta’ [xx]%.
3.4 Minkejja dan ta’ hawn fuq, ma għandu jkun meħtieġ l-ebda pagament għal Abbonat f’sena finanzjarja li fiha l-Bejgħ tiegħu ma jaqbiżx il-USD [xx].
3.5 Il-pagament għandu jsir fi żmien 60 jum wara l-għeluq tal-kontijiet kull sena finanzjarja, għas-sena ta’ qabel. Kull meta l-Abbonament ikun daħal fis-seħħ matul is-sena, l-Abbonat għandu jagħmel pagament proporzjonat għall-ewwel sena tal-Abbonament tiegħu.
3.6 L-Abbonat għandu jissottometti rendikont lis-Segretarju tal-Korp Governattiv, fi żmien 60 jum wara l-għeluq tal-kontijiet kull sena finanzjarja, inkluż b’mod partikolari dan li ġej:
a) Informazzjoni dwar il-Bejgħ li għalih sar il-pagament;
b) Fil-każ tal-Artikolu 3(3) tal-Anness 2, informazzjoni dwar il-portafoll tal-prodotti tal-Abbonat;
c) is-sors verifikabbli tal-informazzjoni pprovduta;
jew dikjarazzjoni ffirmata li turi li hija eżentata mill-pagament f’konformità mal-Artikolu 3(4) hawn fuq.
Tali informazzjoni għandha tiġi ttrattata bħala informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali, sa fejn speċifikat mill-Abbonat fil-limiti stabbiliti minn dan il-Ftehim, u għandha tkun magħmula disponibbli għall-parti terza benefiċjarja, fil-kuntest tas-soluzzjoni ta’ tilwim, kif previst fl-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim, u għall-Korp Governattiv għal finijiet ta’ rapportar aggregat dwar id-dħul għall-fond stabbilit mill-Korp Governattiv f’konformità mal-Artikolu 19(3)(f) tat-Trattat.
3.7 Il-pagamenti kollha dovuti lill-Korp Governattiv għandhom jitħallsu f’dollari Amerikani (USD) bir-rata tal-kambju li kienet prevalenti fid-data tal-għeluq tal-kontijiet għall-kont li ġej stabbilit mill-Korp Governattiv f’konformità mal-Artikolu 19(3)(f) tat-Trattat:
Il-Fond Fiduċjarju tal-FAO (USD)
GINC/INT/031/MUL,
IT-PGRFA (Benefit-sharing),
Citibank
399 Park Avenue, New York, NY, USA, 10022,
Swift/BIC: CITIUS33, ABA/Kodiċi bankarju: 021000089, Kont Nru 36352577
ARTIKOLU 4 — IRTIRAR MILL-ABBONAMENT
4.1 L-Abbonament għandu jkun fis-seħħ sakemm l-Abbonat jirtira minnu, soġġett għall-eżiti ta’ kwalunkwe soluzzjoni ta’ tilwim skont l-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim.
4.2 L-Abbonat jista’ jirtira mill-Abbonament tiegħu wara 6 xhur ta’ avviż bil-miktub lill-Korp Governattiv permezz tas-Segretarju tiegħu, mhux inqas minn 10 snin mid-data li fiha l-Abbonament ikun daħal fis-seħħ.
4.3 Malli jirtira mill-Abbonament tiegħu, l-Abbonat ma għandux jibqa’ juża l-Materjal. L-Abbonat jista’ jikkonserva l-Materjal u jagħmlu disponibbli għas-Sistema Multilaterali f’konformità mal-Artikolu 6(3). L-Abbonat jista’ joffri wkoll li jirritorna kwalunkwe Materjal li jkun fadal fil-pussess tiegħu lill-Fornitur. Jekk dan ma jkunx possibbli jew il-Fornitur jirrifjuta l-offerta, l-Abbonat għandu joffri li jittrasferixxi l-Materjal lil istituzzjoni internazzjonali li tkun iffirmat ftehim mal-Korp Governattiv skont l-Artikolu 15 tat-Trattat jew kwalunkwe bank ġenetiku ieħor li jopera skont it-termini u l-kundizzjonijiet tas-Sistema Multilaterali. Jekk l-offerta tiġi rrifjutata jew tali trasferiment ma jkunx possibbli, bħala l-aħħar alternattiva, il-Materjal jista’ jinqered, u għandha tiġi pprovduta evidenza tal-qerda tiegħu lill-parti terza benefiċjarja.
4.4 Id-dispożizzjonijiet dwar il-qsim tal-benefiċċji monetarji tal-Artikolu 3 ta’ dawn it-Termini tal-Abbonament għandhom ikomplu japplikaw għal sentejn mit-tmiem tal-Abbonament. Minkejja dak li ntqal qabel, l-Artikoli 4, 6(1), 6(2), 6(3), 6(4), 6(9), 6(10) u 8 ta’ dan il-Ftehim biss għandhom ikomplu japplikaw wara t-tmiem tal-Abbonament.
4.Anness 3
FORMOLA TAR-REĠISTRAZZJONI
Ir-Riċevitur b’dan jaqbel li jkun marbut bit-Termini tal-Abbonament. Huwa mifhum u miftiehem b’mod espliċitu li l-isem sħiħ u d-dettalji ta’ kuntatt tar-Riċevitur u d-data li fiha l-Abbonament ikun daħal fis-seħħ, għandhom jitqiegħdu f’reġistru pubbliku tal-Abbonati (ir-“Reġistru”), u li kwalunkwe bidla għal din l-informazzjoni tiġi kkomunikata immedjatament lill-Korp Governattiv tat-Trattat, permezz tas-Segretarju tiegħu, mir-Riċevitur jew l-uffiċjal awtorizzat tiegħu.
□ (Jekk jintgħażlu biss ir-rati ta’ pagament tal-qsim tal-benefiċċji monetarji skont l-Artikolu 3(3) tal-Anness 2): B’dan nagħżel ir-rati ta’ pagament previsti fl-Artikolu 3(3) tal-Anness 2. Nifhem u naqbel b’mod espliċitu li r-rendikont annwali tiegħi se jkollu jinkludi l-informazzjoni addizzjonali stipulata fl-Artikolu 3(6) tal-Anness 2.
Firma
Data
Isem sħiħ tar-Riċevitur:
Indirizz:
Telefon:
Posta elettronika:
Uffiċjal awtorizzat tar-Riċevitur:
Indirizz:
Telefon:
Posta elettronika:
NB: ir-Riċevitur irid jiffirma jew jaċċetta wkoll dan il-Ftehim, kif previst fl-Artikolu 10, li mingħajru r-Reġistrazzjoni ma tkunx valida. Ir-Riċevitur għandu juri li aċċetta billi jibgħat lura Formola tar-Reġistrazzjoni ffirmata lill-Korp Governattiv, permezz tas-Segretarju tiegħu, fl-indirizz ta’ hawn taħt. Formola tar-Reġistrazzjoni ffirmata trid tkun akkumpanjata minn kopja ta’ dan il-Ftehim.
Is-Segretarju,
it-Trattat Internazzjonali dwar Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura
Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti
I-00153 Ruma, l-Italja
Posta elettronika: ITPGRFA-Secretary@FAO.org.
5.Anness 4
TERMINI U KUNDIZZJONIJIET TAL-GĦAŻLA TA’ AĊĊESS UNIKU (L-ARTIKOLI 6.7 U 6.8)
1. Mal-kummerċjalizzazzjoni tal-Prodott, ir-Riċevitur għandu jħallas kull sena [bb %] tal-Bejgħ annwali tal-Prodott, jekk il-Prodott ma jkunx disponibbli mingħajr restrizzjoni għall-oħrajn għal riċerka u tnissil ulterjuri, għall-perjodu li għalih tkun applikabbli r-restrizzjoni. Wara li tintemm ir-restrizzjoni, ir-Riċevitur jew kwalunkwe wieħed mill-affiljati tiegħu li jikkummerċjalizzaw il-Prodott se jkomplu jagħmlu pagamenti bir-rata msemmija fil-Paragrafu 2 hawn taħt.
2. Mal-kummerċjalizzazzjoni tal-Prodott, ir-Riċevitur għandu jħallas kull sena, għal perjodu ta’ 25 sena, [aa] % tal-Bejgħ annwali tal-Prodott, jekk il-Prodott ikun disponibbli mingħajr restrizzjoni għal oħrajn għar-riċerka u għat-tnissil.
3. Għal Prodott partikolari, ir-Riċevitur għandu jkun meħtieġ jagħmel pagamenti għal mhux aktar minn 25 sena b’kollox.
4. Ir-Riċevitur għandu jinnotifika lill-Korp Governattiv, permezz tas-Segretarju tiegħu, li jkun ikkummerċjalizza l-Prodott, fi żmien 6 xhur mid-data li fiha tkun bdiet il-kummerċjalizzazzjoni.
4a. Ir-Riċevitur jista’ jagħżel li jagħmel pagament ta’ darba ekwivalenti għal [zz %] tan-nefqa totali fuq ir-riċerka u l-iżvilupp relatata mal-iżvilupp tal-Prodott mat-tlestija tal-fażi inizjali tar-riċerka. Dak il-pagament se jitnaqqas minn kwalunkwe pagament dovut skont l-Artikoli 1 jew 2 ta’ hawn fuq. It-tlestija tar-riċerka inizjali tfisser li l-analiżijiet tal-laboratorju, l-istudji fuq il-post, jew kwalunkwe attività oħra ta’ riċerka meħtieġa biex tiġi ddeterminata l-utilità tal-Materjal jew tal-komponenti tiegħu miksuba mis-Sistema Multilaterali jkunu saru u ġew iffinalizzati.
5. L-ebda pagament ma għandu jkun dovut mir-Riċevitur meta l-Prodott:
(a) ikun inxtara jew inkiseb b’mod ieħor minn persuna jew entità oħra li diġà għamlet pagament fuq il-Prodott;
(b) jinbiegħ jew jiġi nnegozjat bħala komodità; jew
(c) ikun fih kontribut ġenetiku ta’ inqas minn 6,25 % bil-linja axxendentali tal-Materjal u ma jkunx fih karatteristika ta’ valur kummerċjali li ġiet ikkontribwita mill-Materjal.
6. Meta Prodott ikun fih Riżorsa Ġenetika tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura aċċessata mis-Sistema Multilaterali taħt żewġ ftehimiet jew aktar dwar it-trasferiment ta’ materjal ibbażati fuq il-Ftehim dwar it-Trasferiment ta’ Materjal Standard, għandu jkun meħtieġ pagament wieħed biss skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ hawn fuq.
7. Ir-Riċevitur għandu jissottometti lill-Korp Governattiv, fi żmien 60 jum wara l-għeluq tal-kontijiet kull sena finanzjarja, rapport annwali li fih jintwerew:
(a) il-Bejgħ tal-Prodott jew tal-Prodotti mir-Riċevitur, u kwalunkwe wieħed mill-affiljati tiegħu, għall-perjodu ta’ 12-il xahar qabel l-għeluq annwali tal-kontijiet;
(b) l-ammont tal-pagament dovut;
(c) informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tar-rata jew rati ta’ pagament applikabbli; u
(d) is-sors verifikabbli tal-informazzjoni pprovduta.
Tali informazzjoni għandha tiġi trattata bħala informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali, sa fejn speċifikat mir-Riċevitur fil-limiti stabbiliti minn dan il-Ftehim, u għandha tkun magħmula disponibbli għall-parti terza benefiċjarja, fil-kuntest tas-soluzzjoni ta’ tilwim, kif previst fl-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim, u għall-Korp Governattiv għall-finijiet ta’ rapportar aggregat dwar id-dħul għall-fond stabbilit mill-Korp Governattiv f’konformità mal-Artikolu 19(3)(f) tat-Trattat.
8. Il-pagament għandu jkun dovut u għandu jkun pagabbli mas-sottomissjoni ta’ kull rapport annwali. Il-pagamenti kollha dovuti lill-Korp Governattiv għandhom jitħallsu f’dollari Amerikani (USD) bir-rata tal-kambju li kienet prevalenti fid-data tal-għeluq tal-kontijiet għall-kont li ġej stabbilit mill-Korp Governattiv f’konformità mal-Artikolu 19(3)(f) tat-Trattat:
Il-Fond Fiduċjarju tal-FAO (USD)
GINC/INT/031/MUL,
IT-PGRFA (Benefit-sharing),
Citibank
399 Park Avenue, New York, NY, USA, 10022,
Swift/BIC: CITIUS33, ABA/Kodiċi bankarju: 021000089, Kont Nru 36352577
9. Riċevitur jista’ jirtira minn dan il-Ftehim wara avviż bil-miktub ta’ 6 xhur lill-Korp Governattiv permezz tas-Segretarju tiegħu, mhux inqas minn 10 snin mid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim mill-Fornitur jew mir-Riċevitur, skont liema data tkun aktar tard, jew mid-data ta’ aċċettazzjoni ta’ dan il-Ftehim mir-Riċevitur.
10. Fil-każ li r-Riċevitur jikkummerċjalizza Prodott, li fir-rigward tiegħu l-pagament ikun dovut f’konformità mal-Artikoli 6(7), 6(8) u l-Anness 4 ta’ dan il-Ftehim, tali pagament għandu jitkompla wara l-irtirar waqt li dak il-Prodott ikun ikkummerċjalizzat u f’konformità mat-termini tal-Artikoli 6(7), 6(8) u l-Anness 4 ta’ dan il-Ftehim.
11. Malli jirtira minn dan il-Ftehim, ir-Riċevitur ma għandux jibqa’ juża l-Materjal. Ir-Riċevitur jista’ jikkonserva l-Materjal u jagħmlu disponibbli għas-Sistema Multilaterali f’konformità mal-Artikolu 6(3). Ir-Riċevitur jista’ joffri wkoll li jirritorna kwalunkwe Materjal li jkun fadal fil-pussess tiegħu lill-Fornitur. Jekk dan ma jkunx possibbli jew il-Fornitur jirrifjuta l-offerta, ir-Riċevitur għandu joffri li jittrasferixxi l-Materjal lil istituzzjoni internazzjonali li tkun iffirmat ftehim mal-Korp Governattiv skont l-Artikolu 15 tat-Trattat jew kwalunkwe bank ġenetiku ieħor li jopera skont it-termini u l-kundizzjonijiet tas-Sistema Multilaterali. Jekk l-offerta tiġi rrifjutata jew tali trasferiment ma jkunx possibbli, bħala l-aħħar alternattiva, il-Materjal jista’ jinqered u tiġi pprovduta evidenza tal-qerda tiegħu lill-parti terza benefiċjarja.
12. Minkejja dan ta’ hawn fuq, l-Artikoli 4, 6(1), 6(2), 6(3), 6(4), 6(9), 6(10) u 8 biss ta’ dan il-Ftehim għandhom ikomplu japplikaw wara li jkun daħal fis-seħħ l-irtirar.