IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.7.2025
COM(2025) 558 final
2025/0239(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew bħala parti mill-Pjan ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali stabbilit fir-Regolament (UE) [Pjan SNR] li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni għal impjiegi ta’ kwalità, ħiliet u inklużjoni soċjali għall-perjodu mill-2028 sal-2034
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Din il-proposta tistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), l-istrument ewlieni għall-investiment fin-nies tal-Ewropa, il-futur tagħhom u t-tħejjija tagħhom. Il-proposta tirrifletti l-kuntest soċjali u ekonomiku attwali u tipprovdi tweġiba konkreta għall-appell mill-pubbliku Ewropew għal Ewropa aktar soċjali u għal investimenti akbar fin-nies fl-Unjoni Ewropea. L-FSE huwa l-istrument ewlieni tal-UE għall-promozzjoni u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali fis-soċjetajiet tal-Ewropa. Din il-proposta takkumpanja l-proposta għar-Regolament dwar is-Sħubija Nazzjonali u Reġjonali. Iż-żewġ regolamenti jsaħħu lil xulxin u jikkomplementaw lil xulxin. L-FSE, bħala parti mill-politika ta’ koeżjoni, se jiġi implimentat bħala element wieħed [tal-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali] ġenerali u se jikkomplementa [r-Regolament SNR] dwar elementi ta’ politika speċifiċi tal-FSE. L-FSE jappoġġa l-objettivi tal-Pjan SNR fl-ambitu tal-appoġġ tiegħu, kif stabbilit f’dan ir-Regolament.
Is-saħħa tal-Ewropa hija fil-poplu tagħha. Fis-17 ta’ Novembru 2017, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni flimkien ipproklamaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
[1]
Il-miri tiegħu jistabbilixxu għanijiet ċari u ambizzjużi għall-impjiegi, għall-ħiliet u għat-tnaqqis tal-faqar. Li jintlaħqu dawn l-għanijiet mhuwiex biss imperattiv morali; huwa wkoll neċessità ekonomika. Il-linji Gwida Politiċi 2024-2029 jinnotaw li l-ekonomija soċjali tas-suq unika tagħna tagħti lill-Ewropa ħafna vantaġġi fuq il-kompetituri.
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Boxxla għall-Kompetittività
[2]
tiddikjara li “politiki soċjali effettivi mibnija madwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huma ċentrali għat-tiswir ta’ Ewropa kompetittiva. Ekonomija aktar kompetittiva bi produttività għolja se tiżgura li l-mudell soċjali tagħna jkun finanzjarjament sostenibbli fit-tul u li ċ-ċittadini jaraw perkorsi ċari għas-suċċess ekonomiku tagħhom stess. L-Ewropej kollha jridu jkunu jistgħu jikkontribwixxu għal titjib akbar fil-kompetittività u jibbenefikaw minnu”. Tabilħaqq, intwera b’mod konsistenti li l-ekonomiji bl-aktar investimenti effettivi fil-kapital uman huma wkoll fost l-aktar kompetittivi, reżiljenti u ekonomikament sodi.
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Marzu 2025 jenfasizzaw li “wara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Unjoni tal-Ħiliet tal-5 ta’ Marzu 2025, għandhom isiru aktar sforzi biex jissaħħu l-akkwist, ir-rikonoxximent u ż-żamma tal-ħiliet fl-UE kollha, mill-bini ta’ ħiliet bażiċi għal impenn fit-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet, f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu”. L-istess Konklużjonijiet jirreferu għad-dikjarazzjoni ta’ Budapest dwar speċifikament il-ħtieġa li jiġi sfruttat it-talent tal-Ewropa u jsir investiment fil-ħiliet biex jitrawmu impjiegi ta’ kwalità għolja fl-Unjoni kollha. Barra minn hekk, lil hinn mill-iżgurar li n-nies ikollhom ħiliet speċjalizzati, hija meħtieġa parteċipazzjoni qawwija tal-forza tax-xogħol fil-kuntest demografiku attwali.
Għalkemm sar xi progress, il-qgħad, id-diskrepanzi fil-ħiliet, in-nuqqas ta’ ħaddiema u r-rati dejjem għoljin tal-faqar jibqgħu prijorità għall-UE kollha. Dan mhux biss jhedded il-prospett li jintlaħqu l-miri ewlenin stabbiliti għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda jxekkel ukoll il-progress fit-tisħiħ tal-kompetittività tal-Ewropa f’dinja dejjem aktar globalizzata.
Kwistjonijiet u servizzi soċjali għaċ-ċittadini, bħall-edukazzjoni, inklużi l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u l-kura tas-saħħa u fit-tul, kif ukoll id-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni soċjali u n-nuqqas ta’ progress fit-tnaqqis tal-faqar huma tħassib primarju taċ-ċittadini Ewropej
[3]
. Huwa mistenni aktar mill-Unjoni f’dawn l-oqsma. Hemm ħtieġa akbar għal azzjonijiet immirati biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.
Barra minn hekk, f’kuntest ta’ inċertezza ġeostrateġika akbar u frekwenza akbar ta’ avvenimenti estremi tat-temp, huwa kruċjali li wieħed ikun ippreparat għal dak li ma jkunx mistenni. [Matul it-tifqigħa tal-coronavirus, l-Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE, Support to Mitigate Unemployment Risks in an Emergency) wera l-importanza li jiġu protetti l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom, u b’hekk titnaqqas l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tal-introjtu. Din il-proposta tistabbilixxi konferma ta’ solidarjetà Ewropea li tista’ tiġi pprovduta wkoll fil-futur meta ċ-ċirkostanzi jiġġustifikaw kif xieraq il-ħtieġa].
L-FSE se jappoġġa l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE, u r-riformi strutturali nazzjonali jew reġjonali fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-ħiliet, l-inklużjoni soċjali, u s-servizzi tal-kura inklużi dawk fit-tul u l-kura tas-saħħa. Dan jikkorrispondi għall-mandat tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi (l-Artikolu 148 tat-TFUE). Dan se jikkontribwixxi għall-isforzi tal-Istati Membri biex inaqqsu l-qgħad, javvanzaw il-kwalità u l-opportunitajiet indaqs fl-edukazzjoni u t-taħriġ u jtejbu l-inklużjoni u l-integrazzjoni soċjali. Il-FSE se jikkontribwixxi wkoll speċifikament għall-implimentazzjoni tal-Garanzija tal-Ħiliet f’konformità mal-Unjoni tal-Ħiliet. L-appoġġ għall-Kontijiet Individwali tal-Apprendiment għandu f’dan ir-rigward ikun dimensjoni importanti, li jassisti l-investimenti strateġiċi tan-negozju tal-Ewropa biex javvanzaw fil-futur immedjat billi jkollhom aċċess għall-ħiliet it-tajba. Se jikkontribwixxi wkoll għas-sostenn u l-iżvilupp ulterjuri ta’ soċjetajiet miftuħa, ibbażati fuq id-drittijiet, demokratiċi, ugwali, u inklużivi bbażati fuq l-istat tad-dritt u d-djalogu soċjali. Barra minn hekk, biex jiġu appoġġati approċċi integrati, l-investimenti kemm fl-infrastruttura kif ukoll fin-nies huma mħeġġa mill-Fondi.
Għaldaqstant, l-FSE se jgħin biex tissawwar Ewropa soċjali li tħeġġeġ, u jikkontribwixxi għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali f’konformità mal-Artikolu 174 tat-TFUE, li hija kundizzjoni importanti għall-funzjonament tajjeb tal-UE bħala unjoni ekonomika u politika stabbli u vijabbli.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
L-FSE, bħala parti mill-politika ta’ koeżjoni, se jkun qed jopera fi ħdan il-Pjan ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali (Pjan SNR) u l-ġabra unika tar-regoli tiegħu. L-FSE jibni fuq il-viżibbiltà storika u s-suċċess bil-provi tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) bħala qafas fdat għall-investiment fin-nies, f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, is-Semestru Ewropew u l-Linji Gwida dwar l-Impjiegi. Għalhekk, filwaqt li huwa marbut mill-qrib mal-Pjan SNR, l-FSE se jżomm il-bażi legali indipendenti tiegħu kif stabbilit fl-Artikolu 162 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Għal implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-azzjonijiet appoġġati mill-Pjan SNR, inkluż l-FSE, hemm bżonn governanza tajba u sħubija bejn l-atturi kollha fil-livelli territorjali rilevanti u l-atturi soċjoekonomiċi, b’mod partikolari s-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
L-FSE jappoġġa politiki u prijoritajiet li għandhom l-għan jgħinu biex jinkiseb livell sħiħ ta’ impjiegi, kwalità aħjar u produttività aħjar fuq il-post tax-xogħol, aktar mobbiltà ġeografika u okkupazzjonali tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, sistemi aħjar tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u biex jiġu promossi l-ekwità interġenerazzjonali, l-inklużjoni soċjali u s-saħħa.
L-objettiv ta’ politika ġenerali tar-Regolament tal-FSE huwa li tissawwar “Ewropa Soċjali” bi prestazzjoni u reżiljenza akbar u li jitwettaq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kif ukoll il-prijoritajiet soċjali u tal-impjiegi appoġġati mill-proċess Ewropew ta’ governanza ekonomika. L-FSE se jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Linji Gwida Integrati adottati f’konformità mal-Artikoli 121 u 148(4) tat-TFUE u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż adottati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Se jgħin ukoll fl-objettiv ġenerali ta’ tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli lil hinn mill-2030 (l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-NU2) u konverġenza ’l fuq.
Barra minn hekk, l-FSE se jgħin biex jitjiebu l-opportunitajiet tal-impjiegi, iżid il-livell tal-għejxien u tas-saħħa, jgħin biex jiżdiedu l-mobbiltà tal-ħaddiema u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif stabbilit fit-TFUE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE kif ukoll fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà. L-FSE għandu wkoll l-għan li jikkontribwixxi għall-Unjoni tal-Ħiliet u għall-integrazzjoni taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi. Jekk jiġi ffissat sehem u ammonti minimi għall-FSE, ikun żgurat li l-prijoritajiet tal-UE deskritti hawn fuq jiġu riflessi kif xieraq fil-volum ta’ investimenti mmirati direttament lejn iċ-ċittadini Ewropej.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
L-FSE għandu l-għan li jtejjeb is-sinerġiji u l-koerenza ma’ miżuri oħra li jinvestu fl-iżvilupp tal-kapital uman taħt is-Sħubija Nazzjonali u Reġjonali (il-Pjan SNR), b’mod partikolari fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni, l-appoġġ tal-politika tas-sajd u tal-agrikoltura, kif ukoll mal-Fond Ewropew għall-Kompetittività.
L-FSE se jkompli jikkomplementa l-appoġġ mill-Erasmus. L-FSE u l-Erasmus huma attivi f’oqsma simili, b’mod partikolari biex jgħinu lin-nies jiksbu ħiliet ġodda, għat-titjib fil-ħiliet ħalli jkunu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-setturi industrijali, u biex jitjiebu l-kompetenzi diġitali u l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari l-Artikoli 164, 174 u 175 tat-TFUE, jipprovdi l-qafas legali għall-miżuri koperti minn din il-proposta. L-FSE huwa bbażat fuq l-Artikoli 162 u 164 tat-TFUE u l-appoġġ għall-ġlieda kontra l-faqar, b’mod partikolari billi jindirizza l-privazzjoni alimentari u ta’ materjali bażiċi, u l-appoġġ għall-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE huwa bbażat skont l-Artikolu 175(3) tat-TFUE.
Din il-proposta tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ tal-FSE fir-rigward tal-objettivi speċifiċi definiti fir-Regolament dwar il-Pjan SNR, kif ukoll azzjonijiet immirati fil-qasam tal-innovazzjoni soċjali. Jagħmel referenza wkoll għall-Kumitat tal-FSE skont l-Artikolu 163 tat-TFUE.
Barra minn hekk, fis-16 ta’ Lulju 2025 il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament dwar “Pjan ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali” sabiex ittejjeb il-koordinazzjoni u tarmonizza l-implimentazzjoni tal-appoġġ permezz tal-ġestjoni kondiviża, bl-għan ewlieni li jiġi ssimplifikat it-twettiq tal-politika. L-FSE huwa kopert ukoll minn dawn id-dispożizzjonijiet komuni.
·Drittijiet fundamentali
Flimkien mar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità li se jkompli japplika għall-baġit kollu tal-UE, dan ir-Regolament jinkludi salvagwardji b’saħħithom biex jiġi żgurat li l-fondi jiġu implimentati f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji tal-istat tad-dritt, kif stabbilit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092. Din l-inizjattiva se tirrispetta wkoll il-prinċipji tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Fl-oqsma tal-politika soċjali u l-impjiegi u tas-saħħa pubblika, l-UE għandha kompetenza kondiviża mal-Istati Membri (l-Artikolu 4 tat-TFUE) jew kompetenza biex tistabbilixxi arranġamenti għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tagħhom (l-Artikolu 5 tat-TFUE) jew kompetenza biex twettaq azzjoni li jappoġġaw, jikkoordinaw jew jissupplimentaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri (l-Artikolu 6 tat-TFUE).
Il-FSE huwa sostnut mill-prinċipju tas-sussidjarjetà. Meta titħaddem il-ġestjoni kondiviża, il-Kummissjoni tiddelega l-kompiti tal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni strateġiċi lill-Istati Membri u lir-reġjuni tal-UE. Tillimita wkoll l-azzjoni tal-UE għal dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi kif stabbiliti fit-Trattati. Il-ġestjoni kondiviża għandha l-għan li tiżgura li d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun viċin iċ-ċittadini u li l-azzjoni fil-livell tal-UE tkun ġustifikata fid-dawl tal-possibilitajiet u l-ispeċifiċitajiet fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. Il-ġestjoni kondiviża tqarreb l-Ewropa lejn iċ-ċittadini tagħha u tgħaqqad il-ħtiġijiet lokali mal-objettivi Ewropej. Barra minn hekk, din iżid l-appartenenza tal-objettivi tal-UE għax l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu qed jikkondividu s-setgħa u r-responsabbiltà fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
•Proporzjonalità
Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tagħha
•Għażla tal-istrument
L-għażla tal-istrument hija Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
[Jekk jogħġbok ara r-Regolament dwar il-Pjan SNR IA]
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
[spazju riżervat]
Il-baġit totali allokat għall-FSE jammonta għal EUR XX biljun (fi prezzijiet attwali) għall-perjodu 2028-2034.
Id-dettalji dwar il-ħtiġijiet finanzjarji u tal-persunal jinsabu fid-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva u Diġitali tar-Regolament dwar il-Pjan SNR.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
[Jekk jogħġbok ara r-Regolament dwar il-Pjan SNR IA]
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Ir-Regolament dwar l-FSE jinkludi s-suġġett u jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ tal-FSE fir-rigward tal-objettivi definiti fir-Regolament dwar il-Pjan SNR. Jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar l-innovazzjoni soċjali. Fl-aħħar nett, jagħti deskrizzjoni tal-Kumitat skont l-Artikolu 163 tat-TFUE u d-data tad-dħul fis-seħħ.
2025/0239 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew bħala parti mill-Pjan ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali stabbilit fir-Regolament (UE) [Pjan SNR] li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni għal impjiegi ta’ kwalità, ħiliet u inklużjoni soċjali għall-perjodu mill-2028 sal-2034
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 164, u l-Artikolu 175(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Fis-17 ta’ Novembru 2017, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ġie pproklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni bħala rispons għall-isfidi soċjali fl-Ewropa. L-għoxrin prinċipju kruċjali tal-pilastru huma strutturati madwar tliet kategoriji: opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol; kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti; protezzjoni u inklużjoni soċjali. L-għoxrin prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jenħtieġ li jiggwidaw l-azzjonijiet taħt il-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Fl-4 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ressqet Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (il-“Pjan ta’ Azzjoni”), inklużi miri ewlenin ambizzjużi iżda realistiċi tal-Unjoni għall-2030 dwar l-impjiegi (li mill-inqas 78 % tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena jenħtieġ li jkunu impjegati), il-ħiliet (li mill-inqas 60 % tal-adulti kollha jenħtieġ li jipparteċipaw f’taħriġ kull sena) u t-tnaqqis tal-faqar (jenħtieġ li jkun hemm mill-inqas 15-il miljun persuna inqas f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, fosthom 5 miljun tifel u tifla) (il-“miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030”) u sottomiri komplementari, kif ukoll Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali riveduta. Biex jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-FSE jenħtieġ li jappoġġa l-investimenti fin-nies u r-riformi tas-sistemi fl-oqsma ta’ politika tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, u b’hekk jappoġġa l-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali f’konformità mal-Artikolu 174 tat-Trattat.
(2)Il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, kif previst fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat, adottati kull sena mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, huma strument ewlieni għall-koordinazzjoni tal-politiki tal-impjiegi u soċjali tal-Unjoni u dawk nazzjonali. Dawn jipprovdu prijoritajiet u miri komuni għall-impjiegi, l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-politiki soċjali bl-għan li tittejjeb il-kompetittività tal-Unjoni u biex din tal-aħħar ssir post aħjar għall-investiment, il-ħolqien tal-impjiegi u t-trawwim tal-koeżjoni soċjali. L-FSE huwa l-istrument ewlieni tal-Unjoni għall-appoġġ tal-linji gwida dwar l-impjiegi u għall-kisba tal-objettivi tal-Unjoni fil-politiki tal-impjiegi u dawk soċjali. Il-linji gwida dwar l-impjiegi jikkomplementaw il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. F’dan il-kuntest, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSE għall-2028 sal-2034 jenħtieġ li jkun allinjat bis-sħiħ mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) … [Linji Gwida dwar l-Impjiegi adottati mill-Kunsill sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2027].
(3)Fil-livell tal-Unjoni, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika huwa l-qafas li jidentifika l-prijoritajiet ta’ riformi nazzjonali u li jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw rapporti ta’ progress annwali dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet fiskali strutturali tagħhom ta’ terminu medju. Dak il-qafas jenħtieġ li jkun il-bażi għall-użu tal-finanzjament tal-Unjoni b’mod koerenti, inkluż bil-ħsieb li jiġi massimizzat il-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jiġi riċevut.
(4)L-Unjoni qed tiffaċċja sfidi strutturali li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni ekonomika, ktajjen tal-provvista vulnerabbli, il-ġestjoni tal-flussi migratorji u ż-żieda fit-theddida għas-sigurtà, it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, it-tibdil teknoloġiku u t-tibdil demografiku, forza tax-xogħol li qed tixjieħ, nuqqas ta’ akkomodazzjoni soċjali, u nuqqas dejjem akbar ta’ ħiliet u ħaddiema f’ħafna setturi u reġjuni.
(5)Filwaqt li tikkunsidra r-realtajiet li qed jinbidlu fid-dinja tax-xogħol, jenħtieġ li l-Unjoni tkun ippreparata għall-isfidi attwali u futuri billi tinvesti fil-ħiliet rilevanti, tagħmel it-tkabbir aktar inklużiv u ttejjeb il-politiki dwar l-impjiegi u dawk soċjali, inkluż fid-dawl tal-mobbiltà tal-ħaddiema u r-ristrutturar settorjali, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari liż-żoni urbani u rurali li jiffaċċjaw dgħufijiet soċjali partikolari.
(6)Bejn issa u l-2040, is-suq tax-xogħol tal-Unjoni se jkun fih madwar miljun persuna inqas kull sena. Barra minn hekk, minbarra forza tax-xogħol li qed tonqos, xi reġjuni huma affettwati minn sehem żgħir u staġnat tal-popolazzjoni b’edukazzjoni terzjarja, li jagħmilha diffiċli li jiġi kkumpensat it-telf ta’ ħaddiema permezz ta’ produttività tax-xogħol ogħla. Dan se jżid il-pressjoni fuq il-mudell tal-benessri soċjali tal-Unjoni, u b’hekk ipoġġi s-sostenibbiltà u l-adegwatezza tagħha taħt pressjoni. Se jżid ukoll in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-suq tax-xogħol, u b’hekk ipoġġi pressjoni fuq it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività. Għal xi setturi dan se jwassal għal pressjonijiet fuq il-kost lavorattiv. Huwa għalhekk li l-FSE jeħtieġ li jappoġġa żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, speċjalment tan-nisa u ż-żgħażagħ, tal-persuni b’diżabbiltà, tal-komunitajiet Rom u jappoġġa lill-impjegaturi biex isibu l-persuni adatti għall-impjiegi disponibbli, jagħti s-setgħa lill-ħaddiema akbar fl-età b’miżuri xierqa tas-suq tax-xogħol u tal-post tax-xogħol, jiżgura forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati li tkun kapaċi tindirizza l-isfidi soċjetali ewlenin, u jappoġġa bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata inkluż billi jiżgura aċċess għal indukrar ta’ kwalità tat-tfal.
(7)Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni ppreżentat il-Boxxla għall-Kompetittività. Il-Boxxla tistabbilixxi perkors biex l-Ewropa ssir il-post fejn it-teknoloġiji, is-servizzi u l-prodotti nodfa futuri jiġu vvintati, manifatturati u introdotti fis-suq, filwaqt li tkun l-ewwel kontinent li jkun sar newtrali għall-klima. Tirrikonoxxi ħames faċilitaturi orizzontali għall-kompetittività, inkluż il-promozzjoni tal-ħiliet u l-impjiegi ta’ kwalità, u tenfasizza li l-pedament tal-kompetittività tal-Ewropa huwa l-poplu tagħha. Biex tkun kompetittiva u lesta għall-futur, jeħtieġ li l-Unjoni tappoġġa u tħejji lin-nies tagħha bil-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għas-suċċess fl-apprendiment, fix-xogħol u fil-ħajja.
(8)Barra minn hekk, fis-26 ta’ Frar 2025, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni “Il-Patt għal Industrija Nadifa: Pjan direzzjonali konġunt għall-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni”. Huwa vitali li jiġi rikonoxxut ir-rwol kritiku tal-ħiliet fl-iffaċilitar ta’ tranżizzjoni b’suċċess lejn futur industrijali aktar nadif u aktar kompetittiv fl-Unjoni. L-iżvilupp ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet għolja huwa essenzjali biex jixpruna l-innovazzjoni u javvanza d-dekarbonizzazzjoni u ċ-ċirkolarità fl-industriji vitali. Din l-enfasi fuq it-tisħiħ tal-ħiliet hija kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni ta’ tranżizzjoni ġusta u biex tiġi sostnuta u msaħħa l-kompetittività globali tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-aċċess għar-riżorsi ambjentali u l-benefiċċji tagħhom mhuwiex imqassam b’mod ugwali fis-soċjetà kollha, kif inhuma wkoll il-perikli ambjentali u r-riskji għas-saħħa. Huwa aktar probabbli li jaqa’ b’mod sproporzjonat fuq il-gruppi vulnerabbli.
(9)L-Unjoni tal-Ħiliet għandha l-għan li tappoġġa l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ edukazzjoni, taħriġ u ħiliet ta’ kwalità, inklużivi u adattabbli biex jiżdiedu l-kompetittività, it-tħejjija, is-sigurtà u d-demokrazija tal-Unjoni. Għalhekk, f’konformità mal-Unjoni tal-Ħiliet, jenħtieġ li l-Unjoni tiżgura finanzjament suffiċjenti biex tibni pedamenti sodi tal-ħiliet u tippromwovi opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid tul il-ħajja u orjentati lejn il-futur għal kulħadd, b’mod partikolari biex tindirizza l-isfidi tat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika. Dan se jikkontribwixxi b’mod partikolari għall-ħiliet diġitali u għat-teknoloġiji abilitanti essenzjali iżda wkoll għall-ħiliet biex jiġu appoġġati s-setturi emerġenti, bil-ħsieb li n-nies jingħataw ħiliet aġġustati għad-diġitalizzazzjoni, għall-bidliet xprunati mit-teknoloġija u l-innovazzjoni, għall-bidla soċjali u ekonomika, għall-iffaċilitar tat-tranżizzjonijiet tal-karriera, għall-mobbiltà u għall-appoġġ b’mod partikolari għall-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet jew bi kwalifiki baxxi. F’konformità mal-Unjoni tal-Ħiliet, l-isfidi tat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika jeħtieġ li jiġu indirizzati permezz tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, l-allinjament tal-edukazzjoni mal-ħtiġijiet tal-industrija, u t-trawwim ta’ sħubijiet fost l-istituzzjonijiet edukattivi, l-impjegaturi u l-awtoritajiet pubbliċi. Huwa meħtieġ ukoll li jittejbu ċ-ċirkolazzjoni u l-allokazzjoni adegwata tal-ħiliet fis-suq intern, inkluż permezz ta’ portabbiltà aktar faċli tal-ħiliet, u li jkunu jistgħu jiġu attirati u jinżammu l-ħiliet fl-UE.
(10)Ir-Regolament (UE) [ir-Regolament SNR] jistabbilixxi r-regoli ġenerali dwar il-Pjan ta’ Sħubija Reġjonali u Nazzjonali (il-“Pjan SNR”) u jistabbilixxi, b’mod partikolari, l-objettivi li għandhom jiġu appoġġati mill-Pjanijiet ta’ Sħubija Reġjonali u Nazzjonali u r-regoli dwar it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-ġestjoni u l-kontroll ta’ dawn il-Pjanijiet. L-FSE huwa wieħed mill-fondi preallokati nazzjonalment raggrupat taħt il-Pjan ta’ Sħubija Reġjonali u Nazzjonali f’konformità mar-Regolament (UE) [...] [ir-Regolament dwar il-Pjan SNR. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi ċċarat l-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ tal-FSE fir-rigward tal-objettivi stabbiliti fir-Regolament SNR u li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-implimentazzjoni tal-FSE.
(11)Għal implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-azzjonijiet appoġġati mill-Pjan SNR, inkluż l-FSE, hemm bżonn governanza tajba u sħubija bejn l-atturi kollha fil-livelli territorjali rilevanti u l-atturi soċjoekonomiċi, b’mod partikolari s-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
(12)Sabiex jissaħħu s-soċjetajiet tal-Ewropa u l-mudell Soċjali tal-Ewropa, l-Istati Membri jenħtieġ li jallokaw ammont minimu ta’ riżorsi taħt il-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali tagħhom adottati f’konformità mar-Regolament (UE) [ir-Regolament dwar il-Pjan SNR] għall-FSE. In-natura diversa u s-severità tal-isfidi soċjoekonomiċi differenti fl-Istati Membri jeħtieġu approċċ aktar flessibbli għall-programmazzjoni. Filwaqt li huwa meħtieġ livell minimu ta’ appoġġ għall-politiki soċjali biex tiġi żgurata azzjoni proporzjonata għal dawn l-isfidi, jeħtieġ ukoll li jkun jikkorrispondi mill-qrib mal-karatteristiċi nazzjonali u reġjonali. Is-sorsi sottostanti ta’ disparitajiet jew problemi soċjali jeħtieġ li jinfurmaw l-importanza relattiva mogħtija lill-investimenti u r-riformi fil-qasam tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-FSE. Dan jimplika li s-salvagwardji tal-politika permezz ta’ konċentrazzjoni tematika jenħtieġ li jirriżultaw mill-involviment bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. L-ammont minimu tal-FSE jrid isib ukoll il-bilanċ bejn l-interess strateġiku li l-Unjoni għandha fl-investiment fin-nies tagħha, u b’hekk fil-kwalità tal-provvista tax-xogħol kif ukoll fil-progress soċjali, u fl-istess ħin il-ħtiġijiet ta’ investiment koperti minn objettivi speċifiċi oħra elenkati fl-Artikolu 3 tar-[Regolament dwar il-Pjan SNR].
(13)Il-FSE jenħtieġ li jappoġġa l-impjiegi, l-aċċess ugwali għal kulħadd għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u ta’ kwalità u l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol. L-FSE jenħtieġ li jappoġġa lill-Istati Membri fl-għoti ta’ appoġġ lil persuni qiegħda u inattivi b’assistenza effettiva, f’waqtha, koordinata u mfassla apposta bbażata fuq appoġġ għat-tfittix ta’ impjieg, taħriġ, titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid u aċċess għal servizzi abilitanti oħra, b’attenzjoni partikolari għal persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli u persuni affettwati b’mod negattiv mit-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika jew xokkijiet fis-suq tax-xogħol, kif ukoll dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol. L-FSE jenħtieġ li jkompli jiffoka fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-kwistjoni ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, mill-impjieg jew mit-taħriġ (NEETs) permezz tal-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-edukazzjoni u mit-taħriġ u tat-titjib strutturali fit-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, inkluż bl-implimentazzjoni sħiħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ rinforzata, li jenħtieġ ukoll li tappoġġa opportunitajiet ta’ impjieg taż-żgħażagħ ta’ kwalità. Barra minn hekk, il-FSE jenħtieġ li jkompli jinvesti f’ħiliet kruċjali għat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika.
(14)L-FSE jenħtieġ li jtejjeb il-provvista ta’ ħaddiema u jtejjeb l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-kisba ta’ ħiliet tul il-ħajja. B’mod partikolari, il-FSE jenħtieġ li jgħin fil-progressjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ u t-tranżizzjoni għax-xogħol, jappoġġa l-apprendiment tul il-ħajja, inkluż l-apprendiment formali, mhux formali u informali li jseħħ fl-istadji kollha tal-ħajja u l-impjegabbiltà, u jikkontribwixxi għall-kompetittività u l-innovazzjoni soċjetali u ekonomika billi jappoġġa inizjattivi skalabbli u sostenibbli f’dawn l-oqsma. Dan jista’ jinkiseb pereżempju permezz ta’ apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol u apprendistati, iggwidar tul il-ħajja, antiċipazzjoni tal-ħiliet b’koperazzjoni mal-industrija, materjali aġġornati tat-taħriġ, previżjonijiet u monitoraġġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati, taħriġ tal-edukaturi, validazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment, u rikonoxximent tal-kwalifiki.
(15)L-FSE jenħtieġ li jiffaċilita l-aċċess għas-servizzi, inkluż it-tisħiħ tal-modernizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u r-reżiljenza kemm tas-servizzi tal-kura tas-saħħa kif ukoll tal-kura fit-tul. L-FSE jenħtieġ li jappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jeliminaw kull forma ta’ diskriminazzjoni u jiżguraw opportunitajiet indaqs għal kulħadd, u b’mod partikolari għal gruppi li huma sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġi żgurat aċċess ugwali għas-servizzi. Id-disponibbiltà ta’ servizzi affordabbli, sostenibbli u ta’ kwalità għolja bħall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, il-kura barra mill-iskola, l-edukazzjoni, it-taħriġ, u l-kura tas-saħħa u fit-tul, b’mod partikolari s-servizzi tal-kura tal-familja u dawk ibbażati fil-komunità, hija kundizzjoni meħtieġa biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs u mobbiltà tal-forza tax-xogħol. L-FSE jenħtieġ li jiżgura li kulħadd, inkluż it-tfal f’konformità mal-Garanzija Ewropea għat-Tfal, ikollu aċċess għal servizzi essenzjali ta’ kwalità tajba. Il-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni b’diżabbiltà, inkluża l-aċċessibbiltà, jenħtieġ li jitqiesu fir-rigward ta’ dawk is-servizzi kif ukoll fir-rigward tal-għajxien indipendenti. L-FSE jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali b’mod partikolari biex tiġi promossa l-aċċessibbiltà tagħhom.
(16)L-appoġġ permezz tal-FSE jenħtieġ li jintuża biex jippromwovi opportunitajiet indaqs għal kulħadd, biex jappoġġa xbieki ta’ sikurezza soċjali b’saħħithom, irawwem l-inklużjoni soċjali, l-ekwità interġenerazzjonali u jiġġieled il-faqar. L-FSE jenħtieġ li jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-faqar, inkluż billi jindirizzaw il-privazzjoni materjali, ħalli jkissru ċ-ċiklu ta’ żvantaġġi minn ġenerazzjoni għal oħra, u jippromwovu l-inklużjoni soċjali billi jiżguraw opportunitajiet indaqs għal kulħadd, jiġġieldu d-diskriminazzjoni u jindirizzaw l-inugwaljanzi tas-saħħa. Dan ifisser li tiġi mobilizzata firxa ta’ politiki mmirati għall-aktar persuni żvantaġġati tkun xi tkun l-età tagħhom, fosthom it-tfal fil-faqar, il-komunitajiet marġinalizzati bħar-Roma, il-ħaddiema foqra u dawk l-aktar fil-bżonn. L-FSE jenħtieġ li jippromwovi l-inklużjoni attiva tal-persuni li mhumiex fis-suq tax-xogħol bil-ħsieb li tiġi żgurata l-integrazzjoni soċjoekonomika tagħhom. L-FSE jenħtieġ li jindirizza wkoll il-problema ta’ persuni mingħajr dar, inkluż b’miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ taffija f’konformità mad-dikjarazzjoni ta’ Lisbona tal-2021. L-appoġġ għall-innovazzjoni soċjali għandu rwol importanti fil-kisba ta’ dawn l-objettivi u għalhekk jenħtieġ li jiġi promoss.
(17)Il-prinċipji tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali huma valuri fundaturi tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-valuri huma fundamentali għal kull persuna, speċjalment għal dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Barra minn hekk, huma strumentali għall-implimentazzjoni effettiva tal-FSE. Għalhekk, il-FSE jenħtieġ li jappoġġa wkoll il-promozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-valuri għal kulħadd. L-FSE se jkompli jindirizza wkoll id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà kif minquxa fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà. Se jiżgura wkoll koerenza mal-Unjoni tal-Ugwaljanza u l-Istrateġiji relatati tagħha1 li għandhom l-għan li jiġġieldu d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali u jiżgura l-koeżjoni soċjali billi jsostni u jiżviluppa soċjetajiet miftuħa, ibbażati fuq id-drittijiet fundamentali, demokratiċi, ugwali u inklużivi bbażati fuq l-istat tad-dritt.
(18)Ir-Regolament (UE) [ir-Regolament dwar il-Pjan Nazzjonali] jirrikjedi li l-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipji orizzontali fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ sħubija nazzjonali u reġjonali. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jenħtieġ li jiġu mħeġġa wkoll jużaw l-FSE biex jappoġġaw azzjonijiet immirati biex jippromwovu prinċipji orizzontali bħall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-iżgurar tal-aċċessibbiltà tas-servizzi għall-persuni b’diżabbiltà u biex il-persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv.
(19)Biex ikun żgurat li d-dimensjoni soċjali tal-Ewropa kif stabbilita fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tingħata spinta ’l quddiem kif xieraq u li ammont suffiċjenti tar-riżorsi jkun immirat għall-aktar persuni fil-bżonn, jenħtieġ li l-Istati Membri jallokaw riżorsi tal-FSE biex irawmu l-inklużjoni soċjali.
(20)Minħabba l-ħtieġa partikolari li jiġu appoġġati t-tfal fil-faqar, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprogrammaw ukoll riżorsi tal-FSE biex jindirizzaw il-miżuri taħt il-Garanzija għat-Tfal.
(21)L-FSE jenħtieġ li jikkontribwixxi biex jonqos il-faqar billi jappoġġa l-iskemi nazzjonali ta’ appoġġ li għandhom l-għan li jtaffu l-privazzjoni alimentari u materjali u jippromwovu l-integrazzjoni soċjali tal-persuni fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali u dawk l-aktar fil-bżonn. L-Istati Membri jenħtieġ li jallokaw riżorsi tal-FSE biex jindirizzaw il-forom ta’ faqar estrem bl-akbar impatt tal-esklużjoni soċjali, bħall-problema ta’ persuni mingħajr dar u l-privazzjoni alimentari u materjali.
(22)Fid-dawl tal-livelli persistentement għoljin tal-qgħad u l-inattività fost iż-żgħażagħ f’għadd ta’ Stati Membri u reġjuni, b’mod partikolari li jolqtu liż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, mill-impjieg jew mit-taħriġ, hemm bżonn li l-Istati Membri jkomplu jinvestu biżżejjed riżorsi tal-FSE f’miżuri li jippromwovu l-impjiegi taż-żgħażagħ, inkluż bl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jallokaw ammont xieraq ta’ riżorsi għal din l-isfida. L-Istati Membri affettwati serjament mill-qgħad fost iż-żgħażagħ jenħtieġ li jallokaw riżorsi tal-FSE biex jappoġġaw l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ.
(23)Għal implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-azzjonijiet appoġġati mill-FSE hemm bżonn governanza tajba u sħubija bejn l-atturi kollha fil-livelli territorjali rilevanti u l-atturi soċjoekonomiċi, b’mod partikolari s-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili. Għalhekk huwa essenzjali li l-Istati Membri jħeġġu l-parteċipazzjoni tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-FSE. L-Istati Membri li rċevew rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż f’dan il-qasam jenħtieġ li jallokaw riżorsi tal-FSE biex jippromwovu l-bini tal-kapaċità tas-sħab soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.]
(24)Filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi u r-restrizzjonijiet speċjali tar-reġjuni ultraperiferiċi, l-Istati Membri jenħtieġ li jinkludu fil-Kapitolu tagħhom għar-reġjuni ultraperiferiċi, miżuri għat-titjib tal-impjiegi u l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-ħiliet, l-inklużjoni soċjali.
(25)Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li titjieb l-effikaċja tas-swieq tax-xogħol u jiġi promoss aċċess għal impjiegi ta’ kwalità, jitjiebu l-aċċess u l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ, jiġu promossi l-inklużjoni soċjali u s-saħħa u jonqos il-faqar ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, iżda pjuttost jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
(1)Dan ir-Regolament jistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2028-2034 bħala parti mill-appoġġ tal-Unjoni f’konformità mal-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament XX [ir-Regolament dwar il-Pjan SNR], u b’mod partikolari l-punt (b) u (e) tiegħu.
(2)Dan l-appoġġ tal-Unjoni għandu jiġi pprovdut fil-qafas tal-Pjan ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali, f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) […] [il-Pjan SNR].
Artikolu 2
Appoġġ mill-FSE
(1)Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għandu jappoġġa l-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament XX [ir-Regolament dwar il-Pjan SNR].
(2)Għall-fini tal-paragrafu 1, l-użu mill-FSE mill-Istati Membri għandu, għall-finijiet tal-Artikolu 2, il-punt (b) tar-Regolament XX [il-Pjan SNR], ikun ibbażat fuq il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, kif previst fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat, stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) xxxx [Linji gwida dwar l-impjiegi adottati mill-Kunsill sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2027].
Artikolu 4
Innovazzjoni soċjali
(1)L-innovazzjoni soċjali għandha tiġi appoġġata fl-oqsma li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSE, b’mod partikolari bl-għan tal-ittestjar, l-evalwazzjoni u t-titjib ta’ soluzzjonijiet innovattivi, inkluż fil-livell lokali jew reġjonali, sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet soċjali fi sħubija mas-sħab rilevanti u, b’mod partikolari, is-sħab soċjali.
(2)Il-Kummissjoni għandha tuża l-assistenza teknika fuq inizjattiva tagħha stess, f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) [ir-Regolament dwar il-Pjan SNR] biex tiffaċilita l-bini tal-kapaċità għall-innovazzjoni soċjali, b’mod partikolari permezz tal-appoġġ għall-apprendiment reċiproku, il-kooperazzjoni transnazzjonali, l-istabbiliment ta’ networks, u d-disseminazzjoni u l-promozzjoni ta’ prattiki u metodoloġiji tajbin.
Artikolu 5
Appoġġ għat-tranżizzjoni demografika
L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom, fejn xieraq, jistabbilixxu approċċ integrat biex jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni demografika f’kapitolu ddedikat wieħed jew aktar tal-Pjan ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali.
Artikolu 6
Appoġġ li jindirizza l-privazzjoni materjali
(1)L-Istati Membri jistgħu jipprovdu appoġġ biex tiġi indirizzata l-privazzjoni materjali permezz tad-distribuzzjoni ta’ ikel u oġġetti li huma konformi mad-dritt tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti għall-konsumatur.
(2)L-Istati Membri u l-benefiċjarji għandhom jagħżlu l-għajnuna alimentari u/jew materjali bażika abbażi ta’ kriterji oġġettivi relatati mal-ħtiġijiet tal-persuni l-aktar fil-bżonn. Il-kriterji tal-għażla għall-ikel, u meta xieraq għall-oġġetti, għandhom iqisu wkoll aspetti relatati mal-klima u ambjentali, sabiex jiżguraw tranżizzjoni ekoloġika ekwa u ġusta, b’mod partikolari ħalli jonqsu l-ħela tal-ikel u l-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss. Fejn xieraq, l-għażla tat-tip ta’ ikel li jrid jitqassam għandha ssir wara li jitqies il-kontribut tagħhom għal dieta bilanċjata tal-persuni l-aktar fil-bżonn. L-ikel u/jew l-assistenza materjali bażika jistgħu jingħataw direttament lill-persuni l-aktar fil-bżonn jew indirettament, pereżempju, permezz ta’ vawċers jew kards, f’forma elettronika jew f’forma oħra, dment li dawn ikunu jistgħu jissarrfu f’ikel u/jew assistenza materjali bażika. L-appoġġ għall-persuni l-aktar fil-bżonn għandu jkun addizzjonali għal kwalunkwe benefiċċju soċjali li jista’ jingħata mis-sistemi soċjali nazzjonali jew f’konformità mad-dritt nazzjonali.
(3)Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna mogħtija fil-qafas tal-appoġġ li jindirizza d-deprivazzjoni materjali tkun tirrispetta d-dinjità u tevita l-istigmatizzazzjoni tal-persuni l-aktar fil-bżonn.
(4)L-Istati Membri għandhom jikkomplementaw it-twassil tal-ikel u/jew assistenza materjali bażika b’miżuri ta’ akkumpanjament, bħal riferimenti għal servizzi kompetenti jew billi jippromwovu l-integrazzjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn.
L-ewwel subparagrafu, ma għandux japplika meta l-għoti ta’ tali miżuri ma jkunx possibbli, pereżempju, meta l-appoġġ jingħata b’reazzjoni għal sitwazzjoni ta’ emerġenza bħal diżastru naturali
(5)Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “persuni l-aktar fil-bżonn” tfisser persuni fiżiċi, kemm jekk individwi, familji, unitajiet domestiċi jew gruppi ta’ persuni bħal dawn, inkluż tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli u persuni mingħajr dar, li l-bżonn tagħhom għall-assistenza ġie stabbilit skont il-kriterji oġġettivi li huma stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b’konsultazzjoni mal-partijiet konċernati rilevanti filwaqt li jiġu evitati konflitti ta’ interess, u li jistgħu jinkludu elementi li jippermettu li jiġu mmirati persuni l-aktar fil-bżonn f’ċerti żoni ġeografiċi.
Artikolu 7
Sħubija
L-Istati Membri għandhom jiżguraw parteċipazzjoni sinifikanti tas-sħab soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-għoti ta’ appoġġ għal politiki ta’ kwalità dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-ħiliet u l-inklużjoni soċjali f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament XX [il-Pjan SNR].
Artikolu 8
Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 163 TFUE
(1)Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 163 TFUE (“il-Kumitat tal-FSE”) fir-rigward tal-appoġġ previst għall-objettiv ġenerali msemmi fl-Artikolu 3(1), il-punt (c) [objettiv speċifiku – impjieg] tar-Regolament XX [il-Pjan SNR].
(2)Kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant wieħed tal-gvern, rappreżentant wieħed tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, rappreżentant wieħed tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u supplent wieħed għal kull membru għal perjodu massimu ta’ 7 snin. Fin-nuqqas ta’ xi membru, is-supplent għandu jkun intitolat awtomatikament li jieħu sehem fil-proċedimenti. Il-Kumitat għandu wkoll jinkludi rappreżentant wieħed minn kull organizzazzjoni li tirrappreżenta lill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u lill-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi fil-livell tal-Unjoni.
(3)Il-Kumitat jista’ jagħti opinjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni li tirrigwarda l-implimentazzjoni tal-FSE.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) […] li jistabbilixxi l-Pjan ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali għall-perjodu 2028-2034.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA U DIĠITALI LEĠIŻLATTIVA
[…]