IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.7.2025
COM(2025) 553 final
2025/0237(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-iskema tal-frott, il-ħxejjex u l-ħalib fl-iskejjel (“l-iskema għall-iskejjel tal-UE”), l-interventi settorjali, il-ħolqien ta’ settur tal-proteini, ir-rekwiżiti għall-qanneb, il-possibbiltà ta’ standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-ġobon, l-għelejjel li fihom il-proteini u l-laħam, l-applikazzjoni ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni, ir-regoli dwar id-disponibbiltà tal-provvisti fi żmien ta’ emerġenzi u kriżi serja u garanziji
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-biedja u l-ikel huma setturi strateġiċi għall-Unjoni, li jipprovdu ikel sikur u ta’ kwalità għolja lil 450 miljun Ewropew bi prezzijiet affordabbli u għandhom rwol ewlieni għas-sigurtà tal-ikel Ewropea kif ukoll dik globali. Fl-istess waqt, huma essenzjali għas-sostenn tal-ekonomija u l-ħajja fiż-żoni rurali, kif ukoll parti importanti mis-soluzzjoni għall-protezzjoni tal-klima, in-natura, il-ħamrija, l-ilma u l-bijodiversità li bħalissa jinsabu taħt stress. Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tinsab fil-qofol tal-proġett Ewropew u l-impenn tagħha aktar minn 60 sena kien li tiżgura s-sigurtà tal-ikel u standard tal-għajxien ġust għall-komunità agrikola, f’konformità mal-objettivi tat-Trattati tal-UE.
Impenn bħal dan huwa rilevanti llum daqs kemm kien dak iż-żmien meta twaqqfet, peress li s-settur agrikolu tal-UE għadu qed jiffaċċja sfidi sinifikanti. Kamp globali żbilanċjat, xi dipendenzi fuq l-importazzjoni u l-vulnerabbiltà għall-inċertezzi ġeopolitiċi jżidu l-inċertezza fit-tul li jiffaċċjaw il-bdiewa tal-UE. Fl-istess waqt, il-bdiewa jridu jiksbu dħul aħjar mis-suq, li jippermettilhom jagħmlu l-investimenti meħtieġa għal azjendi agrikoli reżiljenti u li jibqgħu validi fil-futur. Biex dan iseħħ, iridu jiġu indirizzati l-iżbilanċi attwali fil-katina tal-ikel meta distribuzzjoni inġusta tad-dħul, tar-riskji u tal-piż tal-kostijiet spiss taffettwa b’mod sproporzjonat lill-produtturi primarji.
Dawn l-isfidi jiġġustifikaw l-intervent pubbliku għas-settur u fl-istess ħin jitolbu rispons ta’ politika robust u adattiv biex jiġi żgurat settur agrikolu kompetittiv, reżiljenti u sostenibbli. F’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel”, tali rispons ta’ politika jikkontribwixxi wkoll biex jiġi żgurat settur aktar attraenti u prevedibbli fejn l-introjti jippermettu lill-bdiewa jirnexxu u jattiraw ġenerazzjonijiet futuri. F’dan il-kuntest, id-definizzjoni ta’ kundizzjonijiet abilitanti xierqa fil-livell tal-UE flimkien ma’ sett ambizzjuż ta’ għodod jgħinu lill-bdiewa jisfruttaw il-potenzjal intraprenditorjali tagħhom u jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-valur, inklużi inċentivi għall-bdiewa biex jikkondividu r-riskji (eż. permezz ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew kooperattivi). Fl-istess waqt, billi jappoġġaw l-investimenti fit-taħriġ, l-iskambju tal-aħjar prattiki, l-adozzjoni ta’ metodi ta’ produzzjoni innovattivi u prattiki xierqa ta’ ġestjoni tar-riskju fil-livell tal-azjendi agrikoli, il-bdiewa għaldaqstant jiġu appoġġati ħalli jesploraw għejun differenti ta’ introjtu u jaħtfu opportunitajiet ġodda tas-suq, bħal dawk marbuta mal-applikazzjonijiet dejjem jikbru tal-bijoekonomija tal-qanneb.
Din hija r-raġuni għaliex l-appoġġ speċifiku għal ċerti setturi jitqies ta’ natura strateġika biex jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-PAK u biex isaħħaħ is-sinerġiji ma’ strumenti oħra tal-PAK. Daqstant importanti huwa l-appoġġ tal-UE għall-għelejjel li fihom il-proteini meta jitqiesu l-isfidi agronomiċi u l-vulnerabbiltà klimatika li tillimita l-interess tal-bdiewa li jinvolvu ruħhom f’dan is-settur. Fl-istess waqt, din l-attenzjoni partikolari hija ddeterminata wkoll mill-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet għal proteini ta’ kwalità għolja, u li tissaħħaħ, f’konformità mal-Viżjoni, l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE.
F’dan il-kuntest u kif imfakkar mill-Viżjoni, settur tal-bhejjem sostenibbli jibqa’ parti essenzjali mill-agrikoltura, il-kompetittività u l-koeżjoni tal-Unjoni. Is-settur tal-bhejjem tal-Unjoni huwa partikolarment vulnerabbli għal diversi xokkijiet u għall-kompetizzjoni globali, u huwa meħtieġ biex jiġu ssodisfati standards għoljin ta’ produzzjoni li mhux dejjem jiġu ppremjati mis-suq. Ir-rikonoxximent tal-kompożizzjoni naturali tal-laħam u tal-prodotti tal-laħam, fl-interess kemm tal-produtturi kif ukoll tal-konsumaturi tal-Unjoni jsir importanti peress li t-termini relatati mal-laħam spiss ikollhom sinifikat kulturali.
F’konformità mar-Rapport ta’ Niinistö dwar il-Preparatezza u l-Prontezza tal-UE u fl-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza, il-kunsiderazzjonijiet tal-preparatezza jenħtieġ li jiġu integrati fil-politiki kollha tal-Unjoni. Din ir-realtà l-ġdida kienet ikkaratterizzata minn xokkijiet sinifikanti, mill-pandemija, il-gwerra ta’ aggressjoni Russa u d-disturbi fis-suq, il-mard tal-annimali u tal-pjanti u sitwazzjoni ġeopolitika volatili. Din hija r-raġuni għaliex, biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi tat-Trattat tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam mal-iżgurar tad-disponibbiltà tal-provvista, anke fi żmien ta’ emerġenzi u kriżijiet serji, jenħtieġ li tissaħħaħ il-preparatezza fis-settur agrikolu fl-Istati Membri kollha. Dan jenħtieġ li jinkiseb billi jiġu kkomplementati l-inizjattivi nazzjonali, tissaħħaħ il-koordinazzjoni fost l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, u tittejjeb l-effiċjenza u titrawwem kultura ta’ preparatezza u reżiljenza, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-kompetenzi nazzjonali u ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull Stat Membru kif ukoll il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. B’mod partikolari, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Union Stockpiling Strategy: Boosting the EU’s material preparedness for crisis” tenfasizza li fi kriżijiet serji, fit-tul, kumplessi u transfruntieri, huwa kruċjali li jiġu kkoordinati miżuri nazzjonali biex jiġu żgurati provvista kostanti ta’ oġġetti essenzjali u l-kontinwazzjoni ta’ funzjonijiet soċjetali vitali.
Fl-istess waqt, f’konformità mal-Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel, il-konnessjoni mill-ġdid tal-konsumaturi tal-UE — speċjalment gruppi vulnerabbli bħat-tfal — mal-ikel u t-territorji lokali tibqa’ essenzjali għall-futur tal-biedja fl-Ewropa. Għal din ir-raġuni, l-isforzi għall-promozzjoni tal-kwalità tal-ikel tal-UE fis-swieq Ewropej, inkluż fir-reġjuni ultraperiferiċi, kif ukoll fis-swieq internazzjonali jenħtieġ li jkomplu. Inizjattivi bħal dawn itejbu kemm il-kompetittività tas-settur agrikolu kif ukoll jinkoraġġixxu drawwiet tal-ikel aktar tajbin għas-saħħa fost il-pubbliku ġenerali. F’dan ir-rigward, l-għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħxejjex u ta’ ħalib u prodotti tal-ħalib fi stabbilimenti edukattivi (“l-iskema għall-iskejjel tal-UE”) uriet li hija effettiva fiż-żieda tal-konsum ta’ prodotti agrikoli magħżula, iżda l-effettività u l-koerenza tagħha ma’ strumenti oħra tal-PAK jenħtieġ li jissaħħu aktar.
Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi r-regoli fundamentali għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (OKS). Għall-perjodu mill-2028 sal-2034, l-appoġġ finanzjarju għall-miżuri stabbiliti f’dak ir-Regolament se jkun irregolat mill-qafas legali stabbilit fir-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [PSNR]. Dan l-appoġġ se jkun soġġett ukoll għar-regoli speċifikati fir-Regolament (UE) .../… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni], li jistabbilixxi qafas ta’ traċċar tan-nefqa baġitarja u tal-prestazzjoni flimkien ma’ regoli orizzontali oħra għall-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Bl-istess mod, l-iskema għall-iskejjel tal-UE u l-appoġġ għal setturi agrikoli speċifiċi se jirċievu appoġġ finanzjarju permezz ta’ Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali (il-“Pjanijiet PNR”) skont ir-Regolament (UE) …./… [ir-Regolament NRPF]. Madankollu, peress li dawn huma konnessi mas-swieq tal-prodotti agrikoli, ir-regoli speċifiċi dwar it-tip ta’ interventi jenħtieġ li jiġu stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
Barra minn hekk, sabiex jitqiesu l-iżviluppi fis-settur agrikolu u tittejjeb l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ċerti dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li jiġu emendati u aġġornati.
Flimkien ma’ dan, wara t-tħassir tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fid-dawl tal-proposti għar-Regolamenti (UE) .../... [ir-Regolament NRPF] u (UE) .../... [ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni], ċerti setgħat stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u fir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-intervent pubbliku, l-għajnuna għall-ħżin privat, il-kwoti tariffarji, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-garanziji jenħtieġ li jiġu integrati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Barra minn hekk, wara l-integrazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-Regolament (UE) …./… [ir-Regolament NRPF], xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu jenħtieġ li jiġu integrati wkoll fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
Sabiex ikun hemm allinjament mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura huwa meħtieġ li jiġu aġġornati ċerti dispożizzjonijiet għall-kalkolu tad-dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni.
Bħala parti minn din l-inizjattiva, jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-qanneb. Ir-regoli eżistenti dwar l-importazzjonijiet tal-qanneb jenħtieġ li jiġu aġġornati wkoll għall-konsistenza.
Fl-aħħar nett, jenħtieġ li fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jiġu previsti dispożizzjonijiet dwar id-disponibbiltà ta’ provvisti ta’ prodotti agrikoli fi żmien ta’ emerġenzi u kriżijiet serji.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Din il-proposta hija konsistenti bis-sħiħ mal-objettivi tat-Trattat tal-PAK stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-TFUE. L-objettivi tal-emendi huma konsistenti mar-regoli dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq għall-prodotti agrikoli. Dawn għandhom l-għan li jtejbu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq eżistenti.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE
L-emendi huma konsistenti ma’ politiki oħra tal-UE u jsaħħu r-rwol tar-regoli dwar l-OKS u l-istrumenti relatati fil-kontribut għall-objettivi tal-politika agrikola komuni.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
L-Artikoli 42, 43(2) u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huma l-bażi għall-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
Il-bażi legali tipprevedi: l-istabbiliment tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli u dispożizzjonijiet oħra li huma meħtieġa għall-kisba tal-objettivi tal-politika agrikola komuni, u regoli dwar miżuri speċifiċi fir-reġjuni ultraperiferiċi.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-agrikoltura hija qasam ta’ kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, u għalhekk japplika l-prinċipju tas-sussidjarjetà.
Minħabba d-dimensjoni mifruxa mal-UE kollha tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq u l-fatt li din tirregola l-moviment liberu tal-prodotti agrikoli fis-suq intern, jeħtieġ li l-kwistjonijiet differenti jiġu indirizzati fil-livell tal-UE minflok fil-livell tal-Istati Membri li jaġixxu individwalment. Barra minn hekk, il-bidliet proposti huma emendi tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq eżistenti għall-prodotti agrikoli.
•Proporzjonalità
Il-proposta tinkludi bidliet limitati u mmirati għal-leġiżlazzjoni attwali, li huma meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq eżistenti.
•Għażla tal-istrument
Minħabba l-objettivi u l-kontenut tal-proposta, emenda tar-regolamenti eżistenti hija l-aktar strument xieraq.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
Il-proposta hija parti mir-rieżami tal-PAK għal wara l-2027 li għalih twettqu valutazzjoni tal-impatt ġenerali u konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati.
•Drittijiet fundamentali
L-emendi proposti jirrispettaw id-drittijiet u josservaw il-prinċipji minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif stabbilit fir-Regolamenti (UE) .../... [ir-Regolament NRPF]. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (UE) .../... [ir-Regolament NRPF] dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt se japplika wkoll għall-iskema għall-iskejjel tal-UE u l-appoġġ għas-setturi agrikoli.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-iskema għall-iskejjel tal-UE u l-appoġġ għas-setturi agrikoli se jiġu appoġġati mill-Fond li għalih huma stabbiliti regoli fir-Regolamenti (UE) .../... [ir-Regolament NRPF] u (UE) .../... [ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni]. Fir-rigward tal-iskema għall-iskejjel tal-UE, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/106 tiffissa l-allokazzjonijiet indikattivi tal-għajnuna mill-Unjoni lill-Istati Membri għall-frott u l-ħxejjex fl-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel għall-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2023 sal-31 ta’ Lulju 2029, u b’hekk tidħol fil-perjodu tal-qafas finanzjarju pluriennali (“QFP”) li jmiss, għas-snin mill-2028 sal-2034. Bħal fil-każ tal-PAK ta’ wara l-2027 se tiġi stabbilita skema ġdida għall-iskejjel mill-2028, trid tiġi definita allokazzjoni mnaqqsa speċifika għall-perjodu ta’ 5 xhur, mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Diċembru 2027, għas-sena skolastika 2027/2028, peress li l-implimentazzjoni u l-finanzjament tagħha xorta se jaqgħu taħt il-QFP attwali.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Din l-inizjattiva se tiġi mmonitorjata permezz tal-qafas ta’ prestazzjoni applikabbli għall-qafas finanzjarju pluriennali 2028-2034, li huwa stabbilit fil-proposta għal Regolament (UE) .../... [ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni], li jistabbilixxi qafas ta’ traċċar tan-nefqa baġitarja u tal-prestazzjoni flimkien ma’ regoli orizzontali oħra għall-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Interventi fl-iskema għall-iskejjel tal-UE
Id-dispożizzjonijiet legali jipprovdu l-parametri bażiċi ta’ politika, bħalma huma l-objettivi tal-iskema u r-rekwiżiti bażiċi tagħha, filwaqt li l-Istati Membri jkunu jġorru responsabbiltà akbar dwar kif huma jilħqu l-objettivi u jiksbu l-miri. Is-sussidjarjetà msaħħa tagħmilha possibbli li jitqiesu aħjar il-kundizzjonijiet u l-bżonnijiet lokali. Ir-Regolament (UE) .../... [ir-Regolament NRPF] jenħtieġ li japplika għall-iskema għall-iskejjel tal-UE filwaqt li regoli speċifiċi dwar dak it-tip ta’ intervent jenħtieġ li jiġu stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
Sabiex jitnaqqas il-konsum taz-zokkrijiet u x-xaħmijiet ħielsa mit-tfal tal-iskola, id-distribuzzjoni ta’ prodotti b’kontenut għoli ta’ zokkrijiet u xaħmijiet ħielsa jenħtieġ li tkun limitata. Sabiex titqajjem sensibilizzazzjoni fost it-tfal dwar il-varjetà ta’ prodotti li huma kkultivati fl-Unjoni kif ukoll il-kwalitajiet differenti tagħhom, id-distribuzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw fl-Unjoni jenħtieġ li tingħata prijorità flimkien ma’ kriterji marbuta ma’ standards ta’ sostenibbiltà ambjentali u soċjali ogħla. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sensibilizzazzjoni dwar ċerti suġġetti. Skont il-każ u biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet, jista’ jintuża l-kurrikulu nazzjonali minflok l-iskema. Fid-dawl tat-tħassib akbar dwar l-ikel ipproċessat u l-prodotti potenzjalment għoljin fiz-zokkrijiet miżjuda, li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet nutrizzjonali tat-tfal, dawk il-prodotti jenħtieġ li jiġu esklużi mill-iskema għall-iskejjel tal-UE. Dawk l-elementi l-ġodda joħorġu mill-evalwazzjoni tal-iskema, kif analizzat bir-reqqa fil-valutazzjoni tal-impatt.
Interventi settorjali
Id-dispożizzjonijiet legali jiddefinixxu r-rekwiżiti minimi li jikkonċernaw il-kontenut u l-objettivi ta’ politika għal tali tipi ta’ intervent li għandhom l-għan ġenerali li jiżguraw il-funzjonament effiċjenti u l-istabbiltà tas-swieq agrikoli. Dan jiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern u jistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali u ġusta. Meta jinkludu interventi f’ċerti setturi fil-Pjanijiet PNR tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw konsistenza ma’ interventi oħra f’livell settorjali. It-tipi ta’ intervent f’ċerti setturi jenħtieġ li jipprovdu appoġġ għas-setturi tal-frott u l-ħxejjex, tal-inbid, tal-għelejjel li fihom il-proteini, tal-prodotti tal-apikultura, taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda u tal-ħops, kif ukoll għal setturi u prodotti oħra elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u, li għalihom l-istabbiliment ta’ interventi speċifiċi jitqies li għandu effetti ta’ benefiċċju fuq il-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi kollha tal-PAK segwiti mir-Regolament (UE) .../... [ir-Regolament NRPF].
Għelejjel li fihom il-proteini
Id-dispożizzjonijiet legali jintroduċu regoli speċifiċi għar-rikonoxximent obbligatorju tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali f’dan is-settur. Dan jgħin biex tissaħħaħ il-katina tal-valur fil-livell reġjonali, nazzjonali u transnazzjonali, u biex jiġu indirizzati l-isfidi agronomiċi li jipperikolaw l-interess tal-bdiewa f’dan is-settur.
Sabiex tiġi appoġġata l-produzzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini u titnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ proteini ta’ kwalità għolja, fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jenħtieġ li jinħoloq settur distint għall-għelejjel li fihom il-proteini. Għal dak il-fini, is-settur tal-għelejjel li fihom il-proteini se jissostitwixxi s-settur attwali tal-għalf imnixxef. Il-prodotti li jappartjenu għas-settur tal-għelejjel li fihom il-proteini se jiġu mċaqalqa mill-Parti XXIV tal-Anness I għal Taqsima 1 ġdida fil-Parti IV tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. L-għalf imnixxef li mhuwiex għelejjel li fihom il-proteini se jiġi mċaqlaq mill-Parti IV attwali tal-Anness I għall-Parti XXIV ta’ dak l-Anness. Ir-referenza għas-settur tal-għalf imnixxef jenħtieġ li titneħħa mill-Artikolu 6 dwar is-snin tal-kummerċjalizzazzjoni.
Jenħtieġ li jiżdiedu dispożizzjonijiet tranżizzjonali fl-Artikoli 154 u 158 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi (OP) eżistenti u organizzazzjonijiet interprofessjonali (IBOs, interbranch organisations) diġà rikonoxxuti għal prodotti li jaqgħu taħt is-settur il-ġdid tal-għelejjel li fihom il-proteini.
Is-settur tal-għelejjel li fihom il-proteini jenħtieġ li jiżdied mal-lista ta’ setturi li għalihom l-Istati Membri huma obbligati jirrikonoxxu, fuq talba, organizzazzjonijiet tal-produtturi u organizzazzjonijiet interprofessjonali (l-Artikolu 159, il-punti (a) u (b), rispettivament tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013).
Standards tal-kummerċjalizzazzjoni
F’konformità mal-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni dwar standards ġodda ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-ħxejjex leguminużi mnixxfa u għall-fażola tas-sojja, huwa xieraq li tiġi prevista l-possibbiltà li jiġu stabbiliti standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-għelejjel li fihom il-proteini biex il-konsumaturi jiġu infurmati aħjar dwar l-oriġini tal-prodotti tal-għelejjel li fihom il-proteini li jixtru. Għall-istess raġuni, il-laħam taċ-ċanga, tal-majjal, tan-nagħaġ u tal-mogħoż jenħtieġ li jiżdiedu mal-lista li għaliha jistgħu jiġu adottati standards tal-kummerċjalizzazzjoni. Barra minn hekk, bl-objettiv li possibbilment jiġu armonizzati d-definizzjoni u l-kompożizzjoni ta’ ċerti ġobnijiet biex tiġi żgurata bażi komuni għall-kwalità fis-suq intern kollu, jixraq ukoll li tiġi prevista l-possibbiltà li jiġu stabbiliti standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-ġobon.
Il-qanneb
Il-qanneb jaqa’ taħt l-OKS tal-PAK, u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu lil hinn mill-użu tal-fibra. Il-bdiewa jistgħu jirċievu pagamenti tal-PAK ibbażati fuq l-erja jekk jissodisfaw kriterji standard u speċifiċi għall-qanneb, inkluż it-tkabbir ta’ varjetajiet b’kontenut ta’ Δ9-tetraidrokannabinol (“THC”) ta’ inqas minn 0,3 % biex tiġi evitata l-kultivazzjoni illeċita tal-għelejjel.
Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kannabidjol (“CBD”) mill-pjanta sħiħa tal-Cannabis Sativa mhix droga skont il-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi. Madankollu, l-inkonsistenzi fost ir-regolamenti tal-Istati Membri jillimitaw l-użu tal-pjanta sħiħa u l-potenzjal ekonomiku, speċjalment fir-rigward tal-partijiet ta’ fuq tal-pjanta li jiffjorixxu. Dawn id-diskrepanzi jistgħu jxekklu lill-bdiewa milli jaċċessaw l-appoġġ tal-PAK jew milli jikkummerċjalizzaw il-prodotti tal-qanneb madwar l-Istati Membri.
Biex dan jiġi indirizzat, ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 se jinkludi regoli dwar il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-qanneb. L-Artikolu 189 se jiġi emendat, u l-Anness I, il-Parti VIII se jiġi estiż biex jinkludi l-partijiet kollha tal-pjanta tal-qanneb bħala prodotti agrikoli, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-PAK. Dan għandu l-għan li jallinja mat-tkabbir tas-suq tal-qanneb tal-UE, filwaqt li joffri ċertezza legali lill-bdiewa.
Dispożizzjonijiet legali ġodda se jirrispettaw ukoll il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, iżommu ċertifikazzjoni stretta taż-żerriegħa u limitu tat-THC ta’ 0,3 %, filwaqt li jiżguraw il-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drogi. L-evidenza xjentifika tappoġġa riskju baxx għas-saħħa mill-varjetajiet tal-qanneb b’THC sa 0,3 %. Sabiex jiġi armonizzat l-Anness I, il-Parti VIII, il-bidliet se japplikaw ukoll għaż-żerriegħa tal-kittien, b’ċaqliq tal-prodotti rilevanti mill-Anness I, il-Parti XXIV, it-Taqsima 1.
Id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali se jipproteġu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi eżistenti u se jippermettu lill-bdiewa jikkummerċjalizzaw il-qanneb miżrugħ qabel ma japplikaw regoli ġodda. B’applikazzjoni differita, il-partijiet ikkonċernati se jkollhom żmien biex jaġġustaw għall-qafas regolatorju l-ġdid.
Iz-zokkor
L-Artikolu 125 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jirrikjedi li t-termini għax-xiri tal-pitravi taz-zokkor u tal-kannamieli jridu jiġu rregolati minn ftehimiet bil-miktub fi ħdan il-kummerċ, kif deskritt fil-Parti II, it-Taqsima A, il-punt 6, tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament. L-Artikolu 125(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jirrikjedi li l-ftehimiet fi ħdan il-kummerċ jikkonformaw mat-termini tax-xiri stabbiliti fl-Anness X ta’ dak ir-Regolament. Dawk id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li jiġu emendati għal raġunijiet ta’ ċarezza u konsistenza fir-rigward tal-partijiet fil-ftehimiet fi ħdan il-kummerċ u fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dawk il-ftehimiet u soġġetti għat-termini tax-xiri.
Barra minn hekk, sabiex tittejjeb iċ-ċarezza legali u tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bejjiegħa tal-pitravi f’relazzjonijiet kuntrattwali mal-impriżi taz-zokkor, huwa meħtieġ li jiġi emendat il-punt VIII tal-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 biex jipprevedi b’mod espliċitu li s-sjieda tal-polpa tal-pitravi tibqa’ f’idejn il-bejjiegħ tal-pitravi sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor.
Sabiex il-partijiet ikkonċernati mis-settur taz-zokkor jingħataw biżżejjed żmien ħalli jadattaw, l-applikazzjoni tal-bidliet li jikkonċernaw il-ftehimiet fi ħdan il-kummerċ jenħtieġ li tiġi differita sal-1 ta’ Ottubru wara s-sena tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament.
Dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni
L-Artikolu 182(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi regoli għall-metodu tal-kalkolu li jista’ jintuża biex jiġi ffissat il-volum indikattiv għall-fini tal-applikazzjoni ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni. Sabiex jiġi rifless b’mod korrett il-metodu tal-kalkolu stabbilit fl-Artikolu 5(4) tal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO, World Trade Organization) dwar l-Agrikoltura, l-Artikolu 182(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jenħtieġ li jiġi emendat biex jispeċifika li l-kalkolu jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-importazzjonijiet annwali medji fit-3 snin preċedenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 182(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li ma għandhomx jiġu imposti dazji addizzjonali meta xi importazzjonijiet ma jkunux mistennija jfixklu s-suq tal-Unjoni, jew meta xi effetti jkunu sproporzjonati għall-objettiv maħsub. Madankollu, diffiċli jintwera li l-importazzjonijiet x’aktarx ifixklu s-suq tal-Unjoni u, fil-każ ta’ prodotti staġjonali li jitħassru, fejn tali salvagwardja tapplika bħalissa, dan spiss ma jkunx fattibbli jew ma jkunx f’waqtu biżżejjed. Peress li dan ir-rekwiżit imur lil hinn mill-obbligi stabbiliti fil-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura, u sabiex jiġi indirizzat it-tħassib tal-partijiet ikkonċernati u tiġi ssimplifikata l-proċedura, il-paragrafu 2 imsemmi jenħtieġ li jitħassar.
Regoli dwar id-disponibbiltà ta’ provvisti fi żmien ta’ emerġenzi u kriżi serja
Id-dispożizzjonijiet legali jintroduċu obbligi għall-Istati Membri biex jadottaw miżuri ta’ preparatezza tal-linja bażi li jenħtieġ li jinkludu l-istabbiliment ta’ pjanijiet ta’ preparatezza u rispons nazzjonali u/jew reġjonali li jikkonċernaw il-prodotti agrikoli, il-kondiviżjoni regolari ta’ informazzjoni dwar l-istokkijiet ta’ prodotti agrikoli, il-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti u l-parteċipazzjoni f’eżerċizzji ta’ ttestjar tal-istress fil-livell tal-UE. Dawn l-isforzi jenħtieġ li jiġu kkomplementati minn obbligi msaħħa matul kriżijiet jew sitwazzjonijiet ta’ riskju għoli, inkluż r-rapportar obbligatorju.
L-Istrateġija ta’ Kumulazzjoni tal-Unjoni għandha l-għan li tikkombina riżervi ċentralizzati ma’ kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri, appoġġati minn sħubijiet pubbliċi-privati biex jiġu żgurati l-effiċjenza, l-iskalabbiltà u l-kosteffettività. Meta l-Istati Membri jistabbilixxu u jiġġestixxu riżervi ta’ prodotti agrikoli, jenħtieġ li jiġu introdotti regoli biex jiġi żgurat li tali miżuri jitfasslu b’mod li jimminimizza d-distorsjonijiet tas-suq.
Denominazzjonijiet tal-laħam
Jenħtieġ li jiġu introdotti dispożizzjonijiet legali speċifiċi biex jiġu protetti t-termini relatati mal-laħam ħalli tissaħħaħ it-trasparenza fis-suq intern fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-ikel u l-kontenut nutrittiv u jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati tajjeb, b’mod partikolari għal dawk li jfittxu kontenut nutrittiv speċifiku li tradizzjonalment huwa assoċjat mal-prodotti tal-laħam.
POSEI
Fid-dawl tal-proposti għar-Regolamenti (UE) .../... [ir-Regolament NRPF] u (UE) .../... [ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni], id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 228/2013 dwar l-użu ta’ logo għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli ta’ kwalità fir-reġjuni ultraperiferiċi u d-deroga għall-għajnuna mill-Istat għall-pagamenti nazzjonali għas-settur taz-zokkor fir-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi jenħtieġ li jiġu integrati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
Inseriment mill-ġdid tar-regoli u s-setgħat neqsin
Ir-regoli kif ukoll is-setgħat rilevanti għall-miżuri previsti mir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ġew stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u bħalissa huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/2116. Wara t-tħassir tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u fid-dawl tal-proposti għar-Regolamenti (UE) .../... [ir-Regolament NRPF] u (UE) .../... [ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni], ir-regoli u s-setgħat stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/2116 dwar l-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat, il-kwoti tariffarji, ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-garanziji jenħtieġ li jiġu integrati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
Applikazzjoni differita u regoli tranżizzjonali
Sabiex l-Istati Membri u l-operaturi jkollhom biżżejjed żmien ħalli jikkonformaw mar-regoli l-ġodda, id-data tal-applikazzjoni jenħtieġ li tiġi posposta għall-emendi relatati mal-ftehimiet fi ħdan il-kummerċ għas-settur taz-zokkor, il-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni, il-produzzjoni u l-importazzjonijiet tal-qanneb, u d-dispożizzjonijiet dwar id-disponibbiltà tal-provvisti fi żmien ta’ emerġenzi u kriżi serja. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-iskema l-ġdida tal-UE għall-iskejjel, it-tħassir tad-dispożizzjonijiet relatati mal-iskema għall-iskejjel tal-UE stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2028, iżda jenħtieġ li jkompli japplika fir-rigward tal-miżuri implimentati sal-31 ta’ Diċembru 2027. Barra minn hekk, peress li l-iskema attwali tal-UE għall-iskejjel se tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2028, trid tiġi definita allokazzjoni mnaqqsa speċifika għall-perjodu ta’ 5 xhur, mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Diċembru 2027, għas-sena skolastika 2027/2028, peress li l-implimentazzjoni u l-finanzjament tagħha xorta se jaqgħu taħt il-QFP attwali.
2025/0237 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-iskema tal-frott, il-ħxejjex u l-ħalib fl-iskejjel (“l-iskema għall-iskejjel tal-UE”), l-interventi settorjali, il-ħolqien ta’ settur tal-proteini, ir-rekwiżiti għall-qanneb, il-possibbiltà ta’ standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-ġobon, l-għelejjel li fihom il-proteini u l-laħam, l-applikazzjoni ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni, ir-regoli dwar id-disponibbiltà tal-provvisti fi żmien ta’ emerġenzi u kriżi serja u garanziji
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42, l-Artikolu 43(2), u l-Artikolu 349, tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2025 intitolata “Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel” tħabbar li l-politika agrikola komuni (PAK) wara l-2027 se tipprevedi aktar responsabbiltà u obbligu ta’ rendikont għall-Istati Membri dwar kif jilħqu l-objettivi tal-PAK, jappoġġaw u jistabbilizzaw l-introjti tal-bdiewa u jattiraw ġenerazzjoni futura ta’ bdiewa, u jiggarantixxu s-sigurtà tal-ikel. Jenħtieġ li tkun politika aktar sempliċi u aktar immirata b’iżjed flessibbiltà għall-bdiewa u bidla minn rekwiżiti għal inċentivi għall-bdiewa.
(2)Il-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2028 sal-2034 jinkludi r-Regolament (UE) .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ir-Regolament NRPF] li jistabbilixxi l-Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali (il-“Fond”) għall-perjodu mill-2028 sal-2034, li jiġbor flimkien il-fondi allokati minn qabel fil-livell nazzjonali taħt il-Fond, inkluż il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). F’konformità ma’ dak ir-Regolament, il-Fond irid jiġi implimentat permezz ta’ Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali (il-“Pjanijiet PNR”) u l-Faċilità tal-UE (il-“Faċilità”).
(3)Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedi l-elementi bażiċi kollha tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti agrikoli.
(4)L-appoġġ tal-PAK previst fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għall-perjodu ta’ wara l-2027 se jkun appoġġat mill-Fond u soġġett għar-regoli stabbiliti fir-Regolamenti (UE) .../... [ir-Regolament NRPF] u (UE) .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni], kif ikkomplementat mir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
(5)Il-produzzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini fl-Unjoni qed tiffaċċja diffikultajiet persistenti, b’mod partikolari minħabba l-provvista u d-domanda volatili fil-livell lokali u l-isfidi agronomiċi tal-kultivazzjoni tagħhom, li jagħmluhom għażla ta’ riskju ogħla għall-bdiewa. Sabiex tiġi appoġġata l-produzzjoni tagħhom u titnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet għal proteini ta’ kwalità għolja, huwa xieraq li jinħoloq settur distint tal-għelejjel li fihom il-proteini fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Barra minn hekk, sabiex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi u interprofessjonali fis-settur tal-għelejjel li fihom il-proteini, u b’hekk tissaħħaħ il-katina tal-valur fil-livell reġjonali, nazzjonali u tranżizzjonali, ir-rikonoxximent tagħha jenħtieġ li jsir obbligatorju. Peress li l-prodotti ewlenin tas-settur tal-għalf imnixxef elenkati fil-Parti IV tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li jiġu inklużi fis-settur tal-proteini, is-settur tal-għalf imnixxef jenħtieġ li jitneħħa mir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
(6)Bis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża C-113/14, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti”) annullat l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jiddetermina l-limiti ta’ referenza għal ċerti prodotti agrikoli għar-raġuni li dawk il-limiti kien imisshom ġew adottati mill-Kunsill biss, fuq proposta tal-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Għalhekk jixraq li jitħassar l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
(7)Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi regoli għall-intervent pubbliku. Ir-Regolament (UE) 2021/2116 jistabbilixxi regoli għan-nefqa b’intervent pubbliku u ta s-setgħa lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dak ir-Regolament b’regoli dwar it-tip ta’ miżuri eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni u l-kundizzjonijiet għar-rimborż, il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u mal-metodi tal-kalkolu abbażi tal-informazzjoni li l-aġenziji tal-pagamenti jkunu osservaw fir-realtà, jew ta’ rati fissi stabbiliti mill-Kummissjoni, jew ta’ ammonti b’rata fissa jew b’rata mhux fissa previsti fil-leġiżlazzjoni agrikola f’setturi speċifiċi, mal-valwazzjoni tal-operazzjonijiet b’rabta mal-intervent pubbliku, il-miżuri li jridu jittieħdu f’każ ta’ telf jew ta’ deterjorament fil-prodotti fil-kuntest tal-intervent pubbliku, u l-istabbiliment tal-ammonti li jridu jiġu ffinanzjati. Peress li dawn ir-regoli huma meħtieġa għall-funzjonament tas-sistema tal-intervent pubbliku, is-setgħat eżistenti jenħtieġ li jiġu integrati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
(8)Minbarra r-regoli dwar l-intervent pubbliku, ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi regoli dwar l-għajnuna għall-ħżin privat. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 jistabbilixxu regoli dwar il-kontrolli u l-penali adottati skont is-setgħat għal atti delegati u ta’ implimentazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Wara t-tħassir tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u fid-dawl tar-Regolamenti (UE) .../... [ir-Regolament NRPF] u (UE) .../... [ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni], is-setgħat stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u fir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jadottaw atti delegati u ta’ implimentazzjoni dwar il-kontrolli u l-penali relatati mal-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat jenħtieġ li jiġu integrati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
(9)B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati biex tissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 b’regoli dwar it-tnaqqis tal-pagament tal-għajnuna f’każ li l-operaturi ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom relatati mal-kundizzjonijiet għall-intervent pubbliku jew għall-ħżin privat. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata wkoll is-setgħa li tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, regoli uniformi għall-Istati Membri għat-testijiet u għall-metodi li jridu jiġu applikati sabiex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà tal-prodotti għall-intervent pubbliku u għall-ħżin privat u l-użu ta’ proċeduri tal-offerti għall-interventi pubbliċi jew għall-ħżin privat, dwar kontrolli amministrattivi u fuq il-post li jridu jitwettqu mill-Istati Membri fir-rigward tar-rispett tal-obbligi, l-impenji u l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-intervent pubbliku jew għall-ħżin privat kif ukoll dwar l-applikazzjoni u l-kalkolu tal-penali amministrattivi mill-Istati Membri meta l-operaturi ma jikkonformawx mal-kriterji ta’ eliġibbiltà, mal-impenji jew ma’ obbligi oħra relatati mal-kundizzjonijiet għall-intervent pubbliku jew għall-ħżin privat.
(10)L-għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħxejjex u ta’ ħalib u prodotti tal-ħalib fi stabbilimenti edukattivi stabbilita fil-Parti II, it-Titolu I, il-Kapitolu II, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (“l-iskema għall-iskejjel tal-UE”) uriet li hija effettiva fiż-żieda tal-konsum ta’ prodotti agrikoli magħżula. Sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-PAK, l-iskema għall-iskejjel tal-UE jenħtieġ li titkompla. Madankollu, sabiex tiżdied l-effettività tagħha u tiġi żgurata l-koerenza ma’ strumenti oħra tal-PAK, l-iskema għall-iskejjel tal-UE jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-andament tal-prestazzjoni u jenħtieġ li tiġi implimentata bħala tip ta’ intervent appoġġat mill-Fond. L-Unjoni jenħtieġ li tistabbilixxi l-parametri bażiċi tal-politiki, bħalma huma l-objettivi tal-iskema għall-iskejjel tal-UE u r-rekwiżiti bażiċi tagħha, filwaqt li l-Istati Membri jenħtieġ li jġorru responsabbiltà akbar dwar kif jilħqu l-objettivi u jiksbu l-miri. Is-sussidjarjetà msaħħa tagħmilha possibbli li jitqiesu aħjar il-kundizzjonijiet u l-bżonnijiet lokali. Ir-regoli stabbiliti fir-Regolamenti (UE) .../... [ir-Regolament NRPF] u (UE) .../... [ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni] jenħtieġ li japplikaw għall-iskema għall-iskejjel tal-UE, kif ikkomplementata minn dan ir-Regolament. Peress li l-iskema għall-iskejjel tal-UE hija miżura ta’ intervent fis-suq, ir-regoli speċifiċi dwar it-tip ta’ intervent jenħtieġ li jiġu stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
(11)L-objettiv tal-iskema għall-iskejjel tal-UE huwa li terġa’ tgħaqqad lit-tfal mal-agrikoltura u li żżid id-drawwiet tal-ikel tajbin għas-saħħa. Peress li t-tfal minn gruppi vulnerabbli huma aktar suxxettibbli li jkollhom dieti mhux tajbin għas-saħħa, l-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw il-possibbiltà li jiffukaw fuq dawn il-gruppi skont kunsiderazzjonijiet soċjoekonomiċi. Sabiex jitnaqqas il-konsum taz-zokkrijiet u x-xaħmijiet ħielsa mit-tfal tal-iskola, id-distribuzzjoni ta’ prodotti b’kontenut għoli ta’ zokkrijiet u xaħmijiet ħielsa jenħtieġ li tkun limitata. Sabiex titqajjem sensibilizzazzjoni fost it-tfal dwar il-varjetà ta’ prodotti li huma kkultivati fl-Unjoni kif ukoll il-kwalitajiet differenti tagħhom, id-distribuzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw fl-Unjoni jenħtieġ li tingħata prijorità flimkien ma’ kriterji marbuta ma’ standards ta’ sostenibbiltà ambjentali u soċjali ogħla. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sensibilizzazzjoni dwar ċerti suġġetti. Biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet, jista’ jintuża l-kurrikulu nazzjonali minflok l-iskema għall-iskejjel tal-UE. Fid-dawl tat-tħassib akbar dwar l-ikel ipproċessat u l-prodotti potenzjalment għoljin fiz-zokkrijiet miżjuda, li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet nutrizzjonali tat-tfal, huwa xieraq li dawk il-prodotti jiġu esklużi mill-iskema għall-iskejjel tal-UE.
(12)Meta jitqies li l-iskema għall-iskejjel tal-UE implimentata taħt il-Fond trid tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2028 sal-31 ta’ Diċembru 2034, it-tħassir tad-dispożizzjonijiet relatati mal-iskema għall-iskejjel tal-UE stabbiliti fil-Parti II, it-Titolu I, il-Kapitolu II, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2028. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel, jenħtieġ li jiġi previst li d-dispożizzjonijiet imħassra jkomplu japplikaw fir-rigward tal-miżuri implimentati sal-31 ta’ Diċembru 2027. Barra minn hekk, meta jitqies li l-iskema għall-iskejjel tal-UE stabbilita fil-Parti II, it-Titolu I, il-Kapitolu II, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għaldaqstant se titwaqqaf qabel tmiem is-sena skolastika 2027/2028, mill-1 ta’ Awwissu 2027 sal-31 ta’ Lulju 2028, il-limitu ġenerali tal-għajnuna mill-Unjoni stabbilit għal kull sena skolastika fl-Artikolu 23a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jenħtieġ li jitnaqqas b’mod proporzjonali għal dik is-sena skolastika.
(13)Huma meħtieġa tipi ta’ intervent f’ċerti setturi biex jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-PAK u jsaħħu s-sinerġiji ma’ strumenti oħra tal-PAK. Ir-rekwiżiti minimi li jikkonċernaw il-kontenut u l-objettivi għal tali tipi ta’ intervent jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern u jiġu evitati kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux ekwa u inġusta. Meta jinkludu interventi f’ċerti setturi fil-Pjanijiet PNR tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw konsistenza ma’ interventi oħra fil-livell settorjali. It-tipi ta’ intervent f’ċerti setturi jenħtieġ li jipprovdu appoġġ għas-setturi tal-frott u l-ħxejjex, tal-inbid, tal-għelejjel li fihom il-proteini, tal-prodotti tal-apikultura, taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda u tal-ħops, kif ukoll għal setturi u prodotti oħra elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. B’mod partikolari, minħabba d-defiċit tal-Unjoni dwar il-proteini tal-pjanti u l-benefiċċji ambjentali li ġġib magħha l-produzzjoni tagħhom, il-legumi jenħtieġ li jiġu inklużi fost il-prodotti eliġibbli għall-appoġġ filwaqt li tiġi rispettata l-iskeda tad-WTO tal-UE dwar iż-żrieragħ żejtnin.
(14)Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-baġit tal-Unjoni, u jiġi żgurat li l-penali jkunu proporzjonati, effettivi u dissważivi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati biex tissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 b’regoli dwar is-sospensjoni, it-tnaqqis u l-irkupru għall-pagamenti ta’ għajnuna għal interventi settorjali f’każ ta’ nuqqas ta’ rispett tal-kriterji ta’ rikonoxximent mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, regoli dwar kontrolli amministrattivi u fuq il-post li jridu jitwettqu mill-Istati Membri fuq organizzazzjonijiet tal-produtturi jew assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi biex tivverifika l-konformità mal-kriterji ta’ rikonoxximent, kif ukoll regoli dwar sistema ta’ identifikazzjoni unika ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi.
(15)F’konformità mal-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni dwar standards ġodda ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-ħxejjex leguminużi mnixxfa u għall-fażola tas-sojja, huwa xieraq li tiġi prevista l-possibbiltà li jiġu stabbiliti standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-għelejjel li fihom il-proteini biex il-konsumaturi jiġu infurmati aħjar dwar l-oriġini tal-prodotti tal-għelejjel li fihom il-proteini li jixtru. Għall-istess raġuni, il-laħam taċ-ċanga, tal-majjal, tan-nagħaġ u tal-mogħoż jenħtieġ li jiżdiedu mal-lista li għaliha jistgħu jiġu adottati standards tal-kummerċjalizzazzjoni. Barra minn hekk, bl-objettiv li possibbilment jiġu armonizzati d-definizzjoni u l-kompożizzjoni ta’ ċerti ġobnijiet biex tiġi żgurata bażi komuni għall-kwalità fis-suq intern kollu, jixraq ukoll li tiġi prevista l-possibbiltà li jiġu stabbiliti standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-ġobon.
(16)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel” tfakkar li l-bhejjem huma parti essenzjali mill-agrikoltura, mill-kompetittività u mill-koeżjoni tal-Unjoni. Is-sistemi sostenibbli tal-bhejjem huma essenzjali għall-ekonomija tal-Unjoni, għall-vijabbiltà taż-żoni rurali u għall-preservazzjoni tal-ambjent u tal-pajsaġġi rurali. Is-settur tal-bhejjem tal-Unjoni huwa partikolarment vulnerabbli għal diversi xokkijiet u għall-kompetizzjoni globali u huwa meħtieġ li jissodisfa standards għoljin ta’ produzzjoni li mhux dejjem jiġu ppremjati mis-suq. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta l-kompożizzjoni naturali tal-laħam u tal-prodotti tal-laħam, fl-interess kemm tal-produtturi tal-Unjoni kif ukoll tal-konsumaturi. It-termini relatati mal-laħam spiss ikollhom sinifikat kulturali u storiku. Għalhekk huwa xieraq li jiġu protetti t-termini relatati mal-laħam biex tissaħħaħ it-trasparenza fis-suq intern fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-ikel u l-kontenut nutrittiv u jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati tajjeb, b’mod partikolari għal dawk li jfittxu kontenut nutrittiv speċifiku li tradizzjonalment huwa assoċjat mal-prodotti tal-laħam.
(17)Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill introduċa logo biex iħeġġeġ lill-bdiewa fir-reġjuni ultraperiferiċi jkomplu jipprovdu prodotti ta’ kwalità għolja u jippromwovu l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom. Fid-dawl tar-Regolamenti (UE) .../... [ir-Regolament NRPF] u (UE) .../... [ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni], id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 228/2013 dwar l-użu tal-logo jenħtieġ li jiġu integrati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2028.
(18)L-Artikolu 125(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jirrikjedi li t-termini għax-xiri tal-pitravi taz-zokkor u tal-kannamieli jridu jiġu rregolati minn ftehimiet bil-miktub fi ħdan il-kummerċ, kif deskritt fil-Parti II, it-Taqsima A, il-punt 6, tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament. L-Artikolu 125(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jirrikjedi li l-ftehimiet fi ħdan il-kummerċ jikkonformaw mat-termini tax-xiri stabbiliti fl-Anness X ta’ dak ir-Regolament. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, l-Artikolu 125, il-Parti II, it-Taqsima A, il-punti 5 u 6, tal-Anness II, u l-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jenħtieġ li jiġu emendati biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-partijiet tal-ftehimiet fi ħdan il-kummerċ u fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dawk il-ftehimiet u soġġetti għat-termini tax-xiri. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi ċċarat li r-regoli dwar il-ftehimiet dwar iz-zokkor u t-termini tax-xiri japplikaw mhux biss għall-pitravi taz-zokkor iżda wkoll għall-kannamieli.
(19)L-innovazzjoni u t-tkabbir tal-bijoekonomija wasslu għal applikazzjonijiet ġodda għall-bijomassa tal-qanneb derivata mill-partijiet kollha tal-pjanta. Dan jipprovdi lill-bdiewa b’opportunitajiet addizzjonali biex jivvalorizzaw il-pjanta lil hinn mill-produzzjoni tal-fibra, u b’hekk il-qanneb isir għalla aktar attraenti u kompetittiva. Barra minn hekk, it-tkabbir tal-qanneb għandu benefiċċji ambjentali u klimatiċi peress li ma jirrikjedix pestiċidi jew fertilizzanti u jtejjeb l-istruttura tal-ħamrija. Diversi prodotti tal-qanneb, inkluż il-qanneb mhux maħdum (NM 5302), iż-żerriegħa tal-qanneb (NM 1207 99 91) u partijiet oħra tal-qanneb (NM 1211 90 86) huma elenkati bħala prodotti agrikoli fl-Anness I tat-TFUE. Fl-interess taċ-ċarezza, il-prodotti koperti mis-settur tal-kittien u l-qanneb elenkati fl-Anness I, il-Parti VIII, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jenħtieġ li jiġu emendati biex jinkludu prodotti tal-qanneb għajr il-qanneb mhux maħdum.
(20)Xi Stati Membri adottaw miżuri nazzjonali, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa, li jipprojbixxu l-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti speċifiċi tal-qanneb. Dawn l-approċċi nazzjonali diverġenti jimminaw il-funzjonament tajjeb tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, joħolqu inċertezza legali u ostakli fis-suq intern u jikkawżaw kompetizzjoni inġusta bejn il-bdiewa fi Stati Membri differenti.
(21)F’konformità ma’ diversi strumenti internazzjonali li l-Istati Membri kkooperaw fir-rigward tagħhom jew aderixxew magħhom, bħall-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961 u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ drogi narkotiċi jenħtieġ li tkun ipprojbita, bl-eċċezzjoni ta’ kummerċ jew użu strettament ikkontrollat għal skopijiet mediċi u xjentifiċi. Madankollu, mir-raġunament tal-Qorti fil-Kawża C-663/18 joħroġ li prodotti mhux psikoattivi bħal kannabidjol derivati minn varjetajiet ta’ qanneb b’kontenut baxx ta’ Δ9-tetraidrokannabinol ma jridux jitqiesu bħala drogi narkotiċi skont dawn il-konvenzjonijiet.
(22)L-evidenza xjentifika tissuġġerixxi wkoll li l-prodotti tal-qanneb miksuba minn varjetajiet li fihom kontenut massimu ta’ tetraidrokannabinol ta’ 0,3 % x’aktarx li ma joħolqux riskju għas-saħħa tal-bniedem. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, jiġi promoss l-iżvilupp tas-settur, jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi madwar l-Unjoni u jiġi appoġġat il-funzjonament tajjeb tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, filwaqt li jiġu protetti l-interessi tas-saħħa pubblika, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli armonizzati fil-livell tal-Unjoni għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli tal-qanneb li jipprovdu salvagwardji għas-saħħa pubblika. B’mod partikolari, dawn ir-regoli jenħtieġ li jinkludu limitu massimu uniformi ta’ kontenut ta’ tetraidrokannabinol, kif ukoll salvagwardji xierqa oħra.
(23)Barra minn hekk, huwa xieraq ukoll li jiġi emendat l-Artikolu 189 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi regoli dwar l-importazzjonijiet tal-qanneb sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mar-regoli l-ġodda tal-Unjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-qanneb.
(24)Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u biex jiġi evitat tfixkil sproporzjonat għall-bdiewa, jenħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti tranżizzjonali għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-qanneb derivati minn pjanti tal-qanneb miżrugħa qabel id-data tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet il-ġodda tal-kummerċjalizzazzjoni. Jenħtieġ li dawk il-prodotti jitħallew ikomplu jiġu kkummerċjalizzati soġġetti għar-regoli fis-seħħ qabel dik id-data u biss sal-[31 ta’ Diċembru tas-sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju]. Wara dik id-data, il-prodotti kollha tal-qanneb jenħtieġ li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet il-ġodda tal-kummerċjalizzazzjoni.
(25)Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel wara l-ħolqien tas-settur tal-għelejjel li fihom il-proteini, u biex jiġu pprovduti ċertezza legali u kontinwità għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew interprofessjonali rikonoxxuti, huwa xieraq li jiġi previst li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew interprofessjonali diġà rikonoxxuti qabel [id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju] għall-prodotti li jaqgħu taħt is-settur il-ġdid tal-għelejjel li fihom il-proteini jenħtieġ li jitqiesu li huma rikonoxxuti f’dak is-settur. Tali organizzazzjonijiet tal-produtturi jenħtieġ li jżommu wkoll ir-rikonoxximent tagħhom għal prodotti oħra elenkati taħt setturi oħra. Madankollu, f’każijiet fejn ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet rilevanti għar-rikonoxximent f’settur wieħed jew aktar, jenħtieġ li l-Istati Membri jirtiraw ir-rikonoxximent korrispondenti sa mhux aktar tard mill-[31 ta’ Diċembru 20XX mill-inqas sentejn sħaħ wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju].
(26)Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel wara l-emenda tal-prodotti elenkati fis-settur tal-kittien u l-qanneb fil-punt VIII tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u biex jiġu pprovduti ċertezza legali u kontinwità għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew interprofessjonali rikonoxxuti, huwa xieraq li jiġi previst li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew interprofessjonali diġà rikonoxxuti qabel [id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju] għall-prodotti li jaqgħu taħt is-settur tal-kittien u l-qanneb emendat jenħtieġ li jitqiesu li huma rikonoxxuti f’dak is-settur. Tali organizzazzjonijiet tal-produtturi jenħtieġ li jżommu wkoll ir-rikonoxximent tagħhom għal prodotti oħra elenkati taħt setturi oħra. Madankollu, f’każijiet fejn ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet rilevanti għar-rikonoxximent f’settur wieħed jew aktar, jenħtieġ li l-Istati Membri jirtiraw ir-rikonoxximent korrispondenti sa mhux aktar tard mill-[31 ta’ Diċembru 20XX mill-inqas sentejn sħaħ wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju].
(27)L-Artikolu 182(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi regoli għall-metodu tal-kalkolu li jista’ jintuża biex jiġi ffissat il-volum indikattiv għall-fini tal-applikazzjoni ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni. Sabiex jiġi rifless b’mod korrett il-metodu tal-kalkolu stabbilit fl-Artikolu 5(4) tal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar l-Agrikoltura, l-Artikolu 182(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jenħtieġ li jiġi emendat biex jispeċifika li l-kalkolu jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-importazzjonijiet annwali medji fit-3 snin preċedenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 182(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li ma jridux jiġu imposti dazji addizzjonali meta l-importazzjonijiet ma jkunux mistennija jfixklu s-suq tal-Unjoni, jew meta l-effetti jkunu sproporzjonati għall-objettiv maħsub. Madankollu, diffiċli jintwera li l-importazzjonijiet x’aktarx ifixklu s-suq tal-Unjoni u, fil-każ ta’ prodotti staġjonali li jitħassru, fejn tali salvagwardja tapplika bħalissa, dan spiss ma jkunx fattibbli jew ma jkunx f’waqtu biżżejjed. Peress li dan ir-rekwiżit imur lil hinn mill-obbligi stabbiliti fil-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura, u sabiex jiġi indirizzat it-tħassib tal-partijiet ikkonċernati u tiġi ssimplifikata l-proċedura, dak il-paragrafu 2 jenħtieġ li jitħassar.
(28)Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi regoli dwar il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/760 jistabbilixxi regoli dwar il-penali għall-operaturi għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet u mar-rekwiżiti tal-eliġibbiltà li operatur għandu jissodisfa biex jissottometti applikazzjoni fi ħdan il-kwota tariffarja, li ġew adottati skont l-għoti tas-setgħa għall-adozzjoni tal-atti delegati stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Wara t-tħassir tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, is-setgħa li jiġu adottati atti delegati f’dan ir-rigward jenħtieġ li tiġi integrata fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
(29)L-Artikolu 214a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jippermetti lill-Finlandja tagħti, taħt ċerti kundizzjonijiet, għajnuna nazzjonali fin-Nofsinhar tal-Finlandja sal-2027, soġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni. Fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tal-agrikoltura Finlandiża, l-għoti ta’ dik l-għajnuna nazzjonali jenħtieġ li jibqa’ permess għall-perjodu mill-2028 sal-2034.
(30)Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 ta deroga għall-għajnuna mill-Istat għal pagamenti nazzjonali għas-settur taz-zokkor fir-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi sabiex jittaffew ir-restrizzjonijiet speċifiċi fuq it-tkabbir taz-zokkor f’dawk ir-reġjuni marbuta mal-ultraperiferiċità estrema tagħhom, speċifikament l-iżolament, l-insularità, l-erjas tas-superfiċe żgħar, it-terren muntanjuż, il-klima u d-dipendenza ekonomika tagħhom fuq il-produzzjoni taz-zokkor. Fid-dawl tar-Regolamenti (UE) .../... [ir-Regolament NRPF] u (UE) .../... [ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni], id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 228/2013 li jagħtu dik id-deroga jenħtieġ li jiġu integrati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2028.
(31)Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Istrateġija Ewropea għalUnjoni tal-Preparatezza, jenħtieġ li l-Unjoni ssaħħaħ il-preparatezza tagħha b’rispons għal riskji dejjem akbar u inċertezza profonda, bl-objettiv li tistabbilixxi Unjoni sigura u reżiljenti mgħammra bil-kapaċitajiet biex tantiċipa, tirrispondi u tiġġestixxi t-theddid u l-perikli, irrispettivament min-natura jew l-oriġini tagħhom. Il-kunsiderazzjonijiet tal-preparatezza jenħtieġ li jiġu integrati fil-politiki kollha tal-Unjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “EU stockpiling strategy: Boosting the EU's material preparedness for crises” enfasizzat li fi kriżijiet serji, fit-tul, kumplessi u transfruntieri, huwa kruċjali li jiġu kkoordinati miżuri nazzjonali biex tiġi żgurata provvista kostanti ta’ oġġetti essenzjali u l-kontinwazzjoni ta’ funzjonijiet soċjetali vitali.
(32)Sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-provvista, stabbilita bħala wieħed mill-objettivi tal-PAK fit-TFUE, anke fi żmien ta’ emerġenzi u kriżijiet serji, jenħtieġ li tissaħħaħ il-preparatezza fis-settur agrikolu. Dan jenħtieġ li jinkiseb billi jiġu kkomplementati l-inizjattivi nazzjonali, tissaħħaħ il-koordinazzjoni fost l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni u tittejjeb l-effiċjenza u titrawwem kultura ta’ preparatezza u reżiljenza, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-kompetenzi nazzjonali u ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull Stat Membru u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.
(33)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jadottaw miżuri ta’ preparatezza tal-linja bażi li jenħtieġ li jinkludu l-istabbiliment ta’ pjanijiet ta’ preparatezza u rispons nazzjonali u/jew reġjonali li jikkonċernaw il-prodotti agrikoli, il-kondiviżjoni regolari ta’ informazzjoni dwar l-istokkijiet ta’ prodotti agrikoli, il-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti u l-parteċipazzjoni f’eżerċizzji ta’ ttestjar tal-istress fil-livell tal-Unjoni. Meta l-Istati Membri jistabbilixxu u jiġġestixxu riżervi ta’ prodotti agrikoli, jenħtieġ li dawn jiġu implimentati bħala parti mill-pjanijiet ta’ preparatezza u rispons nazzjonali u/jew reġjonali tagħhom u jenħtieġ li jitfasslu b’mod li jimminimizza d-distorsjonijiet tas-suq. Dawk l-isforzi ta’ preparatezza jenħtieġ li jiġu kkomplementati minn obbligi msaħħa matul kriżijiet jew sitwazzjonijiet ta’ riskju għoli, inkluż r-rapportar obbligatorju.
(34)Sabiex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-disponibbiltà ta’ provvisti fi żmien ta’ emerġenzi u kriżijiet serji, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar il-pjanijiet ta’ preparatezza u rispons għas-sigurtà tal-ikel, il-kooperazzjoni transfruntiera fil-qafas tal-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-pjanijiet ta’ preparatezza u rispons għas-sigurtà tal-ikel, azzjonijiet koordinati għall-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ riżervi, bħall-identifikazzjoni ta’ kategoriji ta’ prodotti għall-istabbiliment tar-riżervi u l-iżvilupp ta’ valutazzjonijiet tar-riskju konġunti u mekkaniżmi ta’ twissija bikrija biex jittaffew ir-riskji tal-provvista transfruntiera u tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista matul it-tfixkil, is-solidarjetà volontarja u l-mekkaniżmi ta’ assistenza reċiproka li permezz tagħhom l-Istati Membri jagħmlu partijiet mir-riżervi tagħhom disponibbli għal Stat Membru ieħor li jkun qed jiffaċċja skarsezzi serji, ir-rapportar f’ħin reali dwar l-istokkijiet u rekwiżiti ta’ informazzjoni rilevanti oħra kif ukoll rekwiżiti tekniċi ta’ skambju ta’ informazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(35)Diversi dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni agrikola jeżiġu li tiġi ddepożitata garanzija sabiex jiġi żgurat il-pagament ta’ somma dovuta f’każ li ma jitħarisx obbligu. Dan huwa partikolarment il-każ għall-ġestjoni tal-kwoti tariffarji u tal-intervent pubbliku u l-ħżin privat. Fid-dawl tar-Regolamenti (UE) .../... [ir-Regolament NRPF] u (UE) .../... [ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni], id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/2116 dwar it-titoli jenħtieġ li jiġu integrati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Is-setgħat tal-adozzjoni ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw it-titoli jenħtieġ li jinżammu wkoll u għalhekk jiġu integrati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
(36)B’mod partikolari, sabiex jiġu żgurati trattament mhux diskriminatorju, ekwità u rispett tal-proporzjonalità meta tiġi ddepożitata garanzija, dik id-delega ta’ setgħa jenħtieġ li tkopri regoli dwar titoli li jispeċifikaw il-parti responsabbli f’każ li ma jiġix issodisfat xi obbligu, li jistabbilixxu s-sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom l-awtorità kompetenti tista’ tirrinunzja r-rekwiżit ta’ garanzija, il-kundizzjonijiet applikabbli għall-garanzija li trid tiġi ddepożitata u l-garanti, il-kundizzjonijiet għall-preżentazzjoni u r-rilaxx ta’ dik il-garanzija, il-kundizzjonijiet speċifiċi relatati mal-garanzija ddepożitata b’rabta ma’ pagamenti bil-quddiem, u l-istabbiliment tal-konsegwenzi tal-ksur tal-obbligi li għalihom tkun ġiet iddepożitata garanzija. Barra minn hekk, jenħtieġ li s-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni jkopru: il-forma tal-garanziji li jridu jiġu ddepożitati u l-proċedura biex dawn jiġu ddepożitati, biex dawn jiġu aċċettati u biex jinbidlu l-garanziji oriġinali; il-proċeduri biex jiġu rrilaxxati l-garanziji; u n-notifika li l-Istati Membri jew il-Kummissjoni jridu jagħmlu fil-kuntest tal-garanziji.
(37)Ir-Regolament (UE) .../... [ir-Regolament NRPF] jipprevedi li fir-rigward tan-nefqa għal intervent pubbliku, il-Kummissjoni f’ċerti każijiet għandha tiffissa l-ammonti standard uniformi għall-operazzjonijiet materjali li jirriżultaw mill-ħżin u, meta jkun xieraq, għall-ipproċessar tal-prodotti eliġibbli għall-intervent pubbliku msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. L-atti ta’ implimentazzjoni rilevanti jridu jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Għall-adozzjoni ta’ dawn l-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun assistita mill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Billi dak ir-Regolament ma fih l-ebda referenza għall-proċedura konsultattiva tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, jenħtieġ li tiddaħħal referenza għal dik il-proċedura fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
(38)It-Taqsima B, il-punt IV, tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tistabbilixxi li l-metodi ta’ gradazzjoni biex jiġi vvalutat il-kontenut tal-laħam dgħif għall-finijiet tal-iskala tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali jridu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni. Meta jitqies li l-metodi ta’ klassifikazzjoni tal-majjali biex jiġi vvalutat il-kontenut ta’ laħam dgħif huma awtorizzati għal kull Stat Membru, għal raġunijiet ta’ sempliċità u tnaqqis tal-piż amministrattiv, il-metodi ta’ gradazzjoni jenħtieġ li jiġu awtorizzati mill-Istati Membri minflok mill-Kummissjoni.
(39)Il-punt VIII tal-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-kuntratti ta’ konsenja bejn il-bejjiegħa tal-pitravi u l-impriża taz-zokkor iridu jistabbilixxu l-arranġamenti għar-ritorn jew il-kumpens tal-polpa tal-pitravi. Sabiex tiġi żgurata aktar ċarezza legali u tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bejjiegħa tal-pitravi, huwa xieraq li jiġi emendat l-Anness X ta’ dak ir-Regolament ħalli jipprevedi b’mod espliċitu li l-polpa tal-pitravi miksuba mill-pitravi kkonsenjati tibqa’ l-proprjetà tal-bejjiegħ tal-pitravi sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor. Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u r-relazzjonijiet kuntrattwali bbilanċjati, il-kuntratti ta’ konsenja jenħtieġ li jistipulaw b’mod espliċitu l-arranġamenti għar-ritorn, iż-żamma jew l-ipproċessar tal-polpa, inkluż, meta jkun applikabbli, il-kwantitajiet ikkonċernati, il-kondiviżjoni tal-kostijiet tal-ippressar jew tat-tnixxif, u l-prezz jew il-metodu ta’ kalkolu għal kwalunkwe kumpens dovut.
(40)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jiġi emendat kif xieraq.
(41)Sabiex il-partijiet ikkonċernati jingħataw biżżejjed żmien ħalli jadattaw għall-bidliet, l-emendi relatati mal-ftehimiet fi ħdan il-kummerċ għas-settur taz-zokkor jenħtieġ li japplikaw mill-[1 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
(42)Sabiex il-partijiet ikkonċernati jingħataw biżżejjed żmien ħalli jadattaw, ir-regoli dwar il-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni, il-produzzjoni u l-importazzjonijiet tal-qanneb jenħtieġ li japplikaw mill-[1 ta’ Jannar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] u r-regoli dwar it-termini relatati mal-laħam jenħtieġ li japplikaw minn [12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
(43)Sabiex l-Istati Membri jingħataw żmien ħalli jibdew jimplimentaw id-dispożizzjonijiet dwar id-disponibbiltà ta’ provvisti fi żmien ta’ emerġenzi u kriżijiet serji, dawn id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li japplikaw minn [12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament],
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013
Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 huwa emendat kif ġej:
(1)fl-Artikolu 1(2), il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(d) is-settur tal-għelejjel li fihom il-proteini, il-Parti IV”;
(2)l-Artikolu 2huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 2
Dispożizzjonijiet ġenerali tal-politika agrikola komuni (PAK)
Ir-Regolament (UE) .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ir-Regolament NRPF]* u r-Regolament (UE) .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni]** u d-dispożizzjonijiet adottati skonthom għandhom japplikaw fir-rigward tal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament.
___________
* Ir-Regolament (UE) .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ir-Regolament NRPF] (ĠU L …, ELI: ).
** Ir-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni] (ĠU …, ELI: ).’;
(3)l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 3 jitħassar;
(b)fil-paragrafu 5, jiżdied il-punt li ġej:
“(c) reġjuni ultraperiferiċi” tfisser ir-reġjuni msemmija fl-Artikolu 349 tat-TFUE.”;
(4)fl-Artikolu 6, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b) mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara għas-settur tad-dud tal-ħarir;”;
(5)l-Artikolu 7 jitħassar;
(6)ir-referenzi għall-“Artikolu 229(2) jew (3)” fl-Artikoli 13(1)(c), 13(2), 21, it-tieni subparagrafu, 116, 149(6), it-tieni subparagrafu, 152(1c), it-tieni subparagrafu, 175, it-tieni subparagrafu, 179, it-tieni subparagrafu, 183, it-tieni subparagrafu, 193a(2), 213 u 216(2), jenħtieġ li jiġu sostitwiti bl-“Artikolu 229(2), (3) jew (4)”;
(7)fil-Parti II, it-Titolu I, il-Kapitolu I, it-Taqsima 2, jiżdied l-Artikolu li ġej:
“Artikolu 16a
Nefqa b’intervent pubbliku
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 227 li jissupplimentaw dan ir-Regolament b’regoli dwar:
(a)it-tip ta’ miżuri li huma eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni u l-kundizzjonijiet għar-rimborż;
(b)il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u l-metodi tal-kalkolu abbażi tal-informazzjoni li l-aġenziji tal-pagamenti jkunu osservaw fir-realtà, abbażi ta’ rati fissi stabbiliti mill-Kummissjoni, jew abbażi ta’ ammonti b’rata fissa jew b’rata mhux fissa previsti fil-leġiżlazzjoni agrikola f’setturi speċifiċi;
(c)il-valwazzjoni tal-operazzjonijiet b’rabta mal-intervent pubbliku, il-miżuri li jridu jittieħdu f’każ ta’ telf jew ta’ deterjorament fil-prodotti fil-kuntest tal-intervent pubbliku, u l-istabbiliment tal-ammonti li jridu jiġu ffinanzjati.”;
(8)fl-Artikolu 19(5), jiżdied il-punt li ġej:
“(d) li jistabbilixxu r-regoli dwar il-ħlas tal-għajnuna u l-identifikazzjoni tal-każijiet fejn ma titħallas l-ebda għajnuna jew l-għajnuna titnaqqas f’każ li l-operaturi ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom relatati mal-kundizzjonijiet għall-intervent pubbliku jew għall-ħżin privat kif imsemmi fit-Taqsimiet 2 u 3.”;
(9)fl-Artikolu 20, l-ewwel subparagrafu, jiżdiedu l-punti li ġejjin:
“(v) ir-regoli meħtieġa għat-testijiet u l-metodi li jridu jiġu applikati sabiex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà tal-prodotti għall-intervent pubbliku u għall-ħżin privat, u l-użu tal-proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti għall-interventi pubbliċi u għall-ħżin privat;
(w) ir-regoli dwar il-verifiki amministrattivi u fuq il-post li jridu jitwettqu mill-Istati Membri fir-rigward tar-rispett tal-obbligi, tal-impenji u tal-kriterji tal-eliġibbiltà għall-intervent pubbliku jew għall-ħżin privat kif imsemmi fit-Taqsimiet 2 u 3;
(x) ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni u l-kalkolu tal-penali amministrattivi mill-Istati Membri meta l-operaturi ma jikkonformawx mal-kriterji tal-eliġibbiltà, mal-impenji jew ma’ obbligi oħra relatati mal-kundizzjonijiet għall-intervent pubbliku jew għall-ħżin privat kif imsemmi fit-Taqsimiet 2 u 3.”;
(10)fil-Parti II, it-Titolu I, il-Kapitolu II jitħassar;
(11)fl-Artikolu 23a, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:
“1a. Fis-sena skolastika 2027/2028, l-għajnuna taħt l-iskema għall-iskejjel allokata għad-distribuzzjoni tal-prodotti, il-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament u l-ispejjeż relatati msemmija fl-Artikolu 23(1) ma għandhiex taqbeż l-EUR 90 001 722,9.”;
(12)fil-Parti II, it-Titolu I, jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:
“KAPITOLU IIa
Tipi ta’ interventi msemmija fir-Regolament (UE) .../... [ir-Regolament NRPF]
Taqsima 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 26
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan il-Kapitolu jistabbilixxi r-regoli dwar it-tipi ta’ interventi previsti fir-Regolament (UE) .../... [ir-Regolament NRPF] relatat mal-iskema għall-iskejjel tal-UE u ċerti setturi msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.
Dan il-Kapitolu japplika għall-appoġġ tal-Unjoni ffinanzjat mill-Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali (il-“Fond”) għall-interventi speċifikati fil-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali (il-“Pjanijiet SNR”) imfassla minn Stat Membru u approvati mill-Kummissjoni, li jkopru l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2028 sal-31 ta’ Diċembru 2034.
Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan il-Kapitolu, ir-Regolamenti (UE) .../... [ir-Regolament NRPF] u (UE) .../... [ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni] u d-dispożizzjonijiet adottati skonthom japplikaw għat-tipi ta’ interventi msemmija f’dan il-Kapitolu.
Taqsima 2
Skema għall-iskejjel tal-UE
Artikolu 27
Kamp ta’ applikazzjoni u regoli ġenerali
1. Din it-Taqsima tistabbilixxi regoli dwar it-tipi ta’ interventi fil-Pjanijiet PNR biex jappoġġaw id-distribuzzjoni ta’ prodotti agrikoli lit-tfal fi stabbilimenti edukattivi sabiex jiżdied il-konsum ta’ prodotti agrikoli magħżula u biex jittejbu d-drawwiet tal-ikel tat-tfal (“l-iskema għall-iskejjel tal-UE”).
2. Il-parteċipanti fl-iskema għall-iskejjel tal-UE għandhom ikunu tfal li jattendu stabbilimenti edukattivi li huma amministrati jew rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fil-Pjanijiet PNR tagħhom il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-parteċipanti fl-iskema għall-iskejjel tal-UE. F’każijiet meta l-Istati Membri jqisu li jkun meħtieġ għall-kisba tal-objettivi tal-iskema tal-iskejjel, huma jistgħu jiffukaw fuq ċertu grupp ta’ età jew jagħtu prijorità lil ċerti gruppi ta’ tfal skont kunsiderazzjonijiet soċjoekonomiċi.
3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fil-Pjanijiet PNR tagħhom il-kategoriji ta’ benefiċjarji tal-interventi fl-iskema għall-iskejjel tal-UE li għandhom jintgħażlu minn fost stabbilimenti edukattivi jew awtoritajiet, organizzazzjonijiet li jaġixxu f’isimhom, fornituri, jew kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor involut fil-ġestjoni jew il-forniment ta’ kwalunkwe wieħed mit-tipi ta’ interventi msemmija fil-paragrafu 4.
4. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jipprovdu appoġġ għal interventi bbażati fuq it-tipi ta’ interventi li ġejjin skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima u kif speċifikat aktar fil-Pjanijiet PNR tagħhom:
(a)il-provvista u d-distribuzzjoni ta’ prodotti agrikoli;
(b)miżuri ta’ sensibilizzazzjoni.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istabbilimenti edukattivi li jieħdu sehem fl-iskema għall-iskejjel tal-UE jippubbliċizzaw, fil-bini tal-iskola jew postijiet rilevanti oħra, l-involviment tagħhom fl-iskema għall-iskejjel tal-UE u l-fatt li din hija ssussidjata mill-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-użu ta’ kwalunkwe għodda ta’ pubbliċità xierqa, li tista’ tinkludi posters, siti elettroniċi ddedikati, materjal grafiku informattiv, u kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni. L-emblema tal-Unjoni u d-dikjarazzjoni ta’ finanzjament għandhom jintużaw f’konformità mal-Anness V tar-Regolament (UE) .../... [ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni].
6. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw fis-sett tad-data relatat mal-operazzjoni msemmija fl-Artikolu 63(1) [Ġbir u reġistrazzjoni tad-data], il-punt (e), tar-Regolament (UE) …/… [NRPF] dwar il-fondi użati għall-provvista u d-distribuzzjoni ta’ kull wieħed mill-gruppi ta’ prodotti elenkati fl-Artikolu 28(1) ta’ dan ir-Regolament u għall-interventi ta’ sensibilizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 29 ta’ dan ir-Regolament, l-għadd ta’ stabbilimenti edukattivi u ta’ tfal li jipparteċipaw fl-iskema għall-iskejjel tal-UE, id-daqs medju tal-porzjonijiet u l-għadd ta’ porzjonijiet ikkonsenjati, il-kwantitajiet ta’ prodotti fornuti mqassma skont il-gruppi ta’ prodotti u skont il-prodotti organiċi, u jekk ikun applikabbli, tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-Regolament, u l-interventi ta’ sensibilizzazzjoni implimentati.
Artikolu 28
Provvista u distribuzzjoni ta’ prodotti agrikoli
1. Il-prodotti li ġejjin biss għandhom ikunu eliġibbli għall-provvista u d-distribuzzjoni taħt l-iskema għall-iskejjel tal-UE:
(a)il-frott u l-ħxejjex elenkati fil-Parti IX tal-Anness I;
(b)il-prodotti tal-frott u tal-ħxejjex ipproċessati elenkati fil-Parti X;
(c)il-banana friska, minbarra pjantaġġini, fil-kodiċi NM 0803 90;
(d)il-ħalib tax-xorb, il-ġobon, il-baqta, il-jogurt u prodotti oħra tal-ħalib iffermentati jew aċidifikati mingħajr żieda ta’ taħwir għat-togħma, frott, ġewż jew kawkaw elenkati fil-Parti XVI tal-Anness I.
2. Il-prodotti distribwiti taħt l-iskema għall-iskejjel tal-UE ma għandux ikun fihom aktar minn 10 % zokkrijiet ħielsa jew aktar minn 30 % xaħmijiet ħielsa.
3. Il-prodotti distribwiti skont l-iskema għall-iskejjel tal-UE ma għandux ikun fihom xi wieħed minn dan li ġej:
(a)zokkrijiet miżjuda;
(b)melħ miżjud;
(c)xaħam miżjud;
(d)sustanzi miżjuda li jżidu l-ħlewwa; jew
(e)sustanzi artifiċjali miżjuda li jsaħħu t-togħma minn E 620 sa E 650 kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*.
Minkejja l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu, wara li jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni xierqa mill-awtoritajiet tagħhom responsabbli mis-saħħa u n-nutrizzjoni f’konformità mal-proċeduri nazzjonali tagħhom, jiddeċiedu li l-prodotti eliġibbli msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (b) u (d), jista’ jkun fihom kwantitajiet limitati ta’ zokkor miżjud, melħ miżjud u/jew xaħam miżjud, li huma neċessarji biex jiġu pproċessati l-prodotti u jiddefinixxu l-konsum massimu ta’ kuljum.
4. L-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw id-distribuzzjoni tal-prodotti ta’ wieħed mill-gruppi li ġejjin jew tat-tnejn li huma:
(a)il-frott u ħxejjex friski staġjonali;
(b)il-ħalib tax-xorb xkumat jew nofsu xkumat mingħajr ħlewwa u verżjonijiet tiegħu mingħajr lattożju.
5. L-Istati Membri għandhom, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali, jipprijoritizzaw id-distribuzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw fl-Unjoni u ta’ wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:
(a)prodotti b’impronta klimatika baxxa;
(b)prodotti li huma ċċertifikati skont l-istandards tal-produzzjoni organika;
(c)prodotti li jinsabu f’imballaġġ sostenibbli;
(d)prodotti li nħadmu f’konformità mal-istandards jew mal-prattiki tal-benessri tal-annimali li huma ogħla minn dawk previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;
(e)prodotti maħduma u kkummerċjalizzati lokalment permezz ta’ ktajjen tal-provvista qosra;
(f)prodotti li jkunu ġejjin minn azjendi agrikoli żgħar kif iddeterminat mill-Istati Membri;
(g)prodotti li jikkonformaw mal-istandards ta’ produzzjoni tal-kummerċ ġust.
6. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fil-Pjanijiet PNR tagħhom il-lista ta’ prodotti li jistgħu jiġu fornuti u distribwiti u l-kriterji ta’ prijoritizzazzjoni.
7. Il-prodotti distribwiti taħt l-iskema għall-iskejjel tal-UE:
(a)ma għandhomx jintużaw fit-tħejjija tal-ikliet regolari tal-iskola;
(b)ma għandhomx jissostitwixxu prodotti li huma parti mill-ikliet regolari tal-iskola permezz tal-kontribuzzjoni finanzjarja minn entitajiet pubbliċi u/jew privati, ħlief meta l-istabbilimenti edukattivi jqassmu ikliet regolari tal-iskola mingħajr ħlas;
(c)jenħtieġ li jibqgħu f’kull waqt jidhru bħala parti evidenti mill-iskema għall-iskejjel tal-UE, permezz ta’ miżuri xierqa ta’ komunikazzjoni u pubbliċità.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-valur miżjud tal-iskema għall-iskejjel tal-UE b’rabta mal-provvista ta’ ikliet oħra fi stabbilimenti edukattivi.
Artikolu 29
Interventi ta’ sensibilizzazzjoni
1. L-interventi ta’ sensibilizzazzjoni għandhom ikunu marbuta direttament mal-objettivi tal-iskema għall-iskejjel tal-UE li jiżdied il-konsum ta’ prodotti agrikoli magħżula u li jittejbu d-drawwiet tal-ikel tat-tfal.
Dawn għandhom ikunu mmirati lejn il-konnessjoni mill-ġdid tat-tfal mal-agrikoltura u l-varjetà ta’ prodotti agrikoli tal-Unjoni, b’mod partikolari il-prodotti tar-reġjun tagħhom, u s-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet relatati, bħad-drawwiet tal-ikel tajbin għas-saħħa, il-ktajjen tal-ikel lokali, il-biedja organika, il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli tal-ikel u l-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel.
2. Minbarra l-prodotti fornuti u distribwiti kif previst fl-Artikolu 28, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu d-dewqan ta’ prodotti agrikoli oħra elenkati fl-Anness I.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal kollha li jipparteċipaw fl-iskema għall-iskejjel tal-UE jkunu jistgħu jieħdu sehem f’interventi ta’ sensibilizzazzjoni.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jqisu l-kurrikulu regolari tal-iskola jew politiki jew programmi oħra għall-fini ta’ konformità mal-obbligu stabbilit fl-ewwel subparagrafu. Madankollu, ma għandu jingħata l-ebda appoġġ mill-Unjoni għal dawk l-attivitajiet.
Taqsima 3
Appoġġ għall-interventi f’ċerti setturi
Artikolu 30
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Din it-Taqsima tistabbilixxi regoli dwar it-tipi ta’ interventi fis-setturi elenkati fl-Artikolu 1(2), il-punti minn (a) sa (i), (k), (l) u (m), minn (o) sa (t), (v) u (w), u l-prodotti elenkati fl-Anness Ia.
2. L-interventi fis-setturi msemmija fl-Artikolu 1(2), il-punti (d), (f), (g) u (i), għandhom ikunu obbligatorji għall-Istati Membri b’organizzazzjonijiet tal-produtturi jew assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi f’dawk is-setturi rikonoxxuti skont dan ir-Regolament.
3. L-intervent fis-settur tal-apikultura msemmi fl-Artikolu 1(2), il-punt (v), għandu jkun obbligatorju għall-Istati Membri kollha.
Artikolu 31
Tipi ta’ intervent f’ċerti setturi
L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu u jipprovdu appoġġ fis-setturi għal kwalunkwe wieħed mit-tipi ta’ interventi stabbiliti fl-Artikolu 12 [Għodod għall-ġestjoni tar-riskju] u fl-Artikolu 13 [Investimenti għall-bdiewa] tar-Regolament (UE) .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ir-Regolament dwar il-PAK]**, u kwalunkwe wieħed mit-tipi ta’ interventi li ġejjin skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima u kif speċifikat aktar fil-Pjanijiet PNR tagħhom:
(a)investimenti f’assi tanġibbli u intanġibbli għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 13 [Investimenti għall-bdiewa] tar-Regolament (UE) .../... [ir-Regolament dwar il-PAK];
(b)it-taħriġ, it-tagħrif, inkluż l-ikkowċjar u l-iskambju tal-aħjar prattiki;
(c)is-servizzi ta’ konsulenza;
(d)il-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni;
(e)il-metodi tar-riċerka, tal-innovazzjoni u tal-produzzjoni sperimentali;
(f)l-azzjonijiet għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-adattament għalih;
(g)l-azzjonijiet għall-protezzjoni u/jew it-titjib tal-ambjent;
(h)it-testijiet tal-laboratorju u l-laboratorji għall-analiżi;
(i)l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ traċċabbiltà u ta’ ċertifikazzjoni;
(j)il-ħażna kollettiva tal-prodotti;
(k)il-ħsad bikri, li jikkonsisti mit-total tal-ħsad f’żona partikolari ta’ prodotti mhux misjura u mhux kummerċjabbli li ma tkunx saritilhom ħsara qabel il-ħsad bikri, u li allura jwaqqa’ l-produttività taż-żona rilevanti għal xejn;
(l)in-nuqqas ta’ ħsad, li jikkonsisti fi tmiem iċ-ċiklu ta’ produzzjoni attwali fiż-żona kkonċernata fejn il-prodott ikun żviluppat sew u jkun ta’ kwalità tajba, ġusta u kummerċjabbli, eskluż il-qerda ta’ prodotti minħabba avveniment klimatiku jew mard;
(m)l-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta’ rekwiżiti sanitarji u fitosanitarji ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Unjoni biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-swieq ta’ pajjiżi terzi;
(n)ir-ristrutturar u l-konverżjoni sostenibbli tal-vinji permezz ta’ konverżjonijiet varjetali, ir-rilokazzjoni tal-vinji, u t-titjib fit-tekniki tal-ġestjoni tal-vinji;
(o)id-distillazzjoni ta’ prodotti sekondarji mill-produzzjoni tal-inbid;
(p)l-irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni ħielsa jew għal destinazzjonijiet oħra, inkluż fejn meħtieġ l-ipproċessar biex jitħaffef tali rtirar;
(q)l-azzjonijiet fis-settur tal-apikultura biex jiġi ppreservat jew jiżdied l-għadd eżistenti ta’ doqqajs fl-Unjoni u l-azzjonijiet biex tittejjeb il-kwalità tal-prodotti.
Artikolu 32
Benefiċjarji
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fil-Pjanijiet PNR tagħhom liema operaturi jistgħu jibbenefikaw minn interventi fis-setturi msemmija fl-Artikolu 30(1).
2. Fil-Pjanijiet PNR tagħhom, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti skont dan ir-Regolament u l-gruppi tal-produtturi kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jkunu l-uniċi benefiċjarji tal-interventi msemmija fl-Artikolu 30(2).
3. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-gruppi ta’ produtturi u l-entitajiet li jirrappreżentaw xi forma oħra ta’ kooperazzjoni bejn il-produtturi li huma kostitwiti fuq l-inizjattiva tal-produtturi u huma kkontrollati minnhom, jistgħu jkunu benefiċjarji tal-interventi fis-setturi msemmija fl-Artikolu 30(1). Tali forom ta’ kooperazzjoni għandhom jiġu identifikati mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru bħala gruppi ta’ produtturi għat-tul ta’ żmien tal-ewwel programm operazzjonali tagħhom. Programm operazzjonali u pjan ta’ rikonoxximent bil-ħsieb li jiġu rikonoxxuti bħala organizzazzjonijiet tal-produtturi f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 152, 153, 154, 156 jew 161 imħejjija minn dawk il-gruppi ta’ produtturi għandhom jiġu sottomessi fl-istess waqt lill-awtoritajiet kompetenti. Il-gruppi ta’ produtturi għandhom jimplimentaw dak il-pjan ta’ rikonoxximent.
Artikolu 33
Programmi operazzjonali u fondi operazzjonali
1. L-interventi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-gruppi tal-produtturi kif imsemmi fl-Artikolu 32(2) imwettqa fis-setturi msemmija fl-Artikolu 30(1) għandhom jiġu implimentati permezz ta’ programmi operazzjonali approvati mill-Istat Membru.
2. Il-programmi operazzjonali għandhom idumu minn tal-anqas 3 snin u mhux aktar minn 7 snin.
3. Il-programmi operazzjonali għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ fondi operazzjonali li jikkonsistu minn:
(a)kontribuzzjonijiet finanzjarji minn:
(i) membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew mill-organizzazzjoni tal-produtturi stess jew it-tnejn; jew
(ii) membri tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi stess jew it-tnejn; jew
(iii) membri tal-grupp tal-produtturi jew mill-grupp tal-produtturi stess jew it-tnejn;
(b)għajnuna finanzjarja mill-Unjoni;
(c)kontribuzzjoni nazzjonali.
4.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fil-Pjanijiet PNR tagħhom il-perċentwali massimi tal-fond operazzjonali li jistgħu jintefqu fuq kwalunkwe tip ta’ intervent individwali sabiex ikun żgurat bilanċ bejn it-tipi ta’ interventi differenti.
Artikolu 34
Valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata
1. Fil-Pjanijiet PNR tagħhom, l-Istati Membri għandhom jindikaw kif jiġi kkalkulat il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal kull settur.
2. Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal organizzazzjoni tal-produtturi, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew grupp ta’ produtturi għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-produzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-grupp ta’ produtturi jew tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-membri produtturi tagħha li tqiegħdet fis-suq minn din l-organizzazzjoni, assoċjazzjoni jew grupp ta’ produtturi u għandu jinkludi biss il-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti li għalihom l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni jew il-grupp ta’ produtturi huma rikonoxxuti jew identifikati.
Barra minn hekk, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għandu jiġi kkalkulat fi stadju ġdid jew fl-ewwel stadju tal-ipproċessar li fih il-prodott normalment jiġi kkummerċjalizzat, bl-ingrossa, meta l-prodotti jitħallew jiġu kkummerċjalizzati bl-ingrossa. Għandu jiġi kkalkolat ukoll fl-istadju ta’ “eks organizzazzjoni, assoċjazzjoni jew grupp ta’ produtturi” jew fl-istadju ta’ “eks sussidjarja”, sakemm mill-inqas 90 % tal-ishma jew tal-kapital tas-sussidjarja jkunu proprjetà tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni jew tal-grupp ta’ produtturi.
Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għandu jinkludi l-valur tal-prodotti sekondarji, tal-irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni b’xejn, tal-attivitajiet esternalizzati jew tal-indennizz tal-assigurazzjoni riċevut fir-rigward tal-azzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-ħsad u tal-produzzjoni.
Il-kost tal-ipproċessar fil-każ ta’ prodotti pproċessati, il-VAT u l-kostijiet tat-trasport intern għall-organizzazzjoni jew għall-grupp ta’ produtturi għal distanza ta’ aktar minn 300 km ma għandhomx jiġu inklużi fil-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata.
L-għadd doppju tal-valuri tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għandu jkun ipprojbit. Sabiex jiġi evitat l-għadd doppju tal-valuri tal-produzzjoni kkummerċjalizzata, il-produzzjoni tal-membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi, ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew ta’ grupp ta’ produtturi li hija kkummerċjalizzata minn organizzazzjoni oħra bħal din għandha tingħadd biss fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ din l-organizzazzjoni tal-aħħar.
3. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw perjodu kalendarju ta’ referenza ta’ 12-il xahar matul it-3 snin qabel is-sena li għaliha tintalab l-għajnuna.
Meta d-data storika dwar il-produzzjoni kkummerċjalizzata għal organizzazzjonijiet tal-produtturi, assoċjazzjoni jew grupp ta’ produtturi rikonoxxuti ġodda ma tkunx biżżejjed għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata kkomunikat mill-organizzazzjoni tal-produtturi, mill-assoċjazzjoni jew mill-grupp għall-fini tar-rikonoxximent tagħha.
4. Meta għal xi prodott ikun seħħ tnaqqis ta’ mill-inqas 35 % fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal sena partikolari meta mqabbel mal-medja tat-tliet perjodi ta’ referenza preċedenti ta’ 12-il xahar minħabba diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi, mard tal-pjanti jew infestazzjonijiet ta’ pesti jew kwalunkwe raġuni oħra li ma taqax taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tal-organizzazzjoni, tal-assoċjazzjoni jew tal-grupp, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ dak il-prodott għandu jitqies li jirrappreżenta 85 % tal-valur medju fit-tliet perjodi ta’ referenza ta’ 12-il xahar preċedenti. Jekk ikunu ttieħdu miżuri preventivi, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ dak il-prodott għandu jitqies li jirrappreżenta 100 % tal-valur medju fit-tliet perjodi ta’ referenza preċedenti ta’ 12-il xahar.
Artikolu 35
Setgħat delegati għal rekwiżiti addizzjonali għal tipi ta’ intervent
1. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 227 sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament b’rekwiżiti addizzjonali minbarra dawk stabbiliti f’din it-Taqsima fir-rigward:
(a) tal-iżgurar tat-tipi ta’ intervent stabbiliti f’din it-Taqsima, b’mod partikolari billi tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u tiġi żgurata s-sostenibbiltà;
(b) tar-regoli li permezz tagħhom il-produtturi jkollhom jirtiraw il-prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-inbid, tar-regoli dwar l-eċċezzjonijiet għal dak l-obbligu sabiex ikun evitat piż amministrattiv addizzjonali, u tar-regoli għaċ-ċertifikazzjoni volontarja tad-distillaturi.
___________
* Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16, ELI:
http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1333/oj
).
** Ir-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [PAK] (ĠU L …, ELI:…).”;
(13)l-Artikolu 75 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, jiżdiedu l-punti li ġejjin:
“(j) għelejjel li fihom il-proteini;
(k) laħam taċ-ċanga;
(l) laħam tal-majjal;
(m) laħam tan-nagħaġ;
(n) laħam tal-mogħoż;
(o) ġobon.”;
(b)fil-paragrafu 3, il-punt (j) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(j) il-post agrikolu u/jew l-oriġini”;
(14)fl-Artikolu 78(1), jiżdiedu l-punti li ġejjin:
“(h) laħam tal-majjal;
(i) laħam tan-nagħaġ;
(j) laħam tal-mogħoż.”;
(15)fl-Artikolu 90a, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4. Fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-Unjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament fis-settur tal-inbid, l-Istati Membri għandhom japplikaw penali amministrattivi proporzjonati, effettivi u dissważivi. L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw tali penali jekk in-nuqqas ta’ konformità hija minuri.”;
(16)fil-Parti II, it-Titolu II, il-Kapitolu I, tiżdied it-Taqsima li ġejja:
“Taqsima 4
Kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli ta’ kwalità speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi
Artikolu 123a
Logo
1. Jista’ jintuża logo bil-għan li tittejjeb is-sensibilizzazzjoni u jikber il-konsum ta’ prodotti agrikoli ta’ kwalità, kemm naturali kif ukoll ipproċessati, speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi.
2. Il-kundizzjonijiet għall-użu tal-logo msemmi fil-paragrafu 1 għandhom ikunu proposti mill-organizzazzjonijiet tal-kummerċ ikkonċernati. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jgħaddu dawn il-proposti, bl-opinjoni tagħhom dwarhom, lill-Kummissjoni. L-użu tal-logo għandu jkun sorveljat minn awtorità uffiċjali jew minn korp approvat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
3. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 227, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-eżerċitar tad-dritt tal-użu tal-logo kif ukoll tar-riproduzzjoni u l-użu tiegħu. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom ikunu mmirati sabiex tikber is-sensibilizzazzjoni dwar il-prodotti agrikoli ta’ kwalità għolja mir-reġjuni ultraperiferiċi u sabiex jikber il-konsum tagħhom, kemm jekk ikunu prodotti pproċessati kif ukoll jekk mhux ipproċessati.
4. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-regoli dettaljati rigward l-użu tal-logo u l-karatteristiċi minimi għall-kontrolli u l-monitoraġġ li l-Istati Membri għandhom iwettqu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 229(2).”;
(17)fl-Artikolu 125, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. It-termini għax-xiri tal-pitravi taz-zokkor u tal-kannamieli bejn dawk li jkabbru l-pitravi u l-kannamieli fl-Unjoni u l-impriżi taz-zokkor tal-Unjoni, inklużi l-kuntratti ta’ konsenja ta’ qabel iż-żriegħ, għandhom ikunu rregolati minn ftehimiet bil-miktub fi ħdan il-kummerċ kif deskritt fil-Parti II, it-Taqsima A, il-punt 6, tal-Anness II.”;
(18)fl-Artikolu 145(3), l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:
“L-Istati Membri li fil-Pjanijiet PRN tagħhom jipprevedu r-ristrutturar u l-konverżjoni tal-vinji f’konformità mal-Artikolu 31, il-punt (n), għandhom, abbażi tar-reġistru tal-vinji, jippreżentaw lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Marzu ta’ kull sena inventarju aġġornat tal-potenzjal tal-produzzjoni tagħhom.”;
(19)fil-Parti II, it-Titolu II, il-Kapitolu II, tiddaħħal it-Taqsima li ġejja:
“Taqsima 2a
Qanneb
Artikolu 147b
Produzzjoni tal-qanneb
1. Il-prodotti li ġejjin jistgħu jiġu prodotti fl-Unjoni jekk jitkabbru minn varjetà ta’ Cannabis Sativa L. irreġistrata fil-Katalogu Komuni ta’ Varjetajiet ta’ Speċijiet ta’ Pjanti Agrikoli li fiha kontenut massimu ta’ Δ9-tetraidrokannabinol ta’ mhux aktar minn 0,3 % u jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)qanneb veru mhux maħdum li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 5302 imkabbar minn żrieragħ iċċertifikati f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE* jew f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/62/KE** fil-każ ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni;
(b)żrieragħ tal-qanneb għaż-żrigħ li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 1207 99 20 prodotti f’konformità mad-Direttiva 2002/57/KE jew f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/62/KE fil-każ ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni;
(c)żrieragħ tal-qanneb għajr għaż-żrigħ, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1207 99 91 imkabbra minn żrieragħ iċċertifikati f’konformità mad-Direttiva 2002/57/KE jew f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/62/KE fil-każ ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni;
(d)il-partijiet l-oħra kollha tal-pjanta tal-qanneb li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1211 90 86 imkabbra minn żrieragħ iċċertifikati f’konformità mad-Direttiva 2002/57/KE jew f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/62/KE fil-każ tal-varjetajiet ta’ konservazzjoni.
2. Il-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fih jistgħu jiġu prodotti fit-territorju tal-Istati Membri li jippermettu dan għat-territorju tagħhom u bil-kundizzjonijiet li jistabbilixxu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, internazzjonali u nazzjonali.
Artikolu 147c
Kummerċjalizzazzjoni tal-qanneb
1. Il-prodotti li ġejjin jistgħu biss jiġu kkummerċjalizzati fl-Unjoni jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)qanneb veru mhux maħdum li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 5302, prodott minn varjetà ta’ Cannabis Sativa L. irreġistrata fil-Katalogu Komuni ta’ Varjetajiet ta’ Speċijiet ta’ Pjanti Agrikoli li fih kontenut massimu ta’ Δ9-tetraidrokannabinol ta’ mhux aktar minn 0,3 % u mkabbar minn żrieragħ iċċertifikati f’konformità mad-Direttiva 2002/57/KE jew f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/62/KE fil-każ ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni;
(b)żrieragħ tal-qanneb għaż-żrigħ li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 1207 99 20 ta’ varjetà ta’ Cannabis Sativa L. irreġistrata fil-Katalogu Komuni ta’ Varjetajiet ta’ Speċijiet ta’ Pjanti Agrikoli li fiha kontenut massimu ta’ Δ9-tetraidrokannabinol ta’ mhux aktar minn 0,3 %, ikkummerċjalizzati f’konformità mad-Direttiva 2002/57/KE jew f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/62/KE fil-każ ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni;
(c)il-partijiet l-oħra kollha tal-pjanta tal-qanneb li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1211 90 86, ta’ varjetà ta’ Cannabis Sativa L. irreġistrata fil-Katalogu Komuni ta’ Varjetajiet ta’ Speċijiet ta’ Pjanti Agrikoli li fiha kontenut massimu ta’ Δ9-tetraidrokannabinol ta’ mhux aktar minn 0,3 % u mkabbra minn żrieragħ iċċertifikati f’konformità mad-Direttiva 2002/57/KE jew f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/62/KE fil-każ ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni.
Iż-żrieragħ tal-qanneb għajr għaż-żrigħ, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1207 99 91 jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fl-Unjoni.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, il-prodotti elenkati f’dak il-paragrafu li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fih jistgħu jiġu kkummerċjalizzati għall-użu għal skopijiet mediċi u xjentifiċi f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, internazzjonali u nazzjonali.
3. Il-prodotti tal-qanneb imsemmija fil-paragrafu 1 derivati minn pjanti tal-qanneb miżrugħa qabel [l-1 ta’ Jannar tas-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati f’konformità mar-regoli fis-seħħ qabel dik id-data sal-[31 ta’ Diċembru tas-sena wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament emendatorju].
___________
* Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74, ELI:
http://data.europa.eu/eli/dir/2002/57/oj
).
** Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/62/KE tal-20 ta’ Ġunju 2008 li tipprevedi ċerti derogi għall-approvazzjoni ta’ landraces (tipi partikolari) u varjetajiet agrikoli li huma adattati b’mod naturali għall-kundizzjonijiet lokali u reġjonali u mhedda minn tagħwir ġenetiku, u t-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa u patata taż-żerriegħa ta’ dawk il-landraces u varjetajiet (ĠU L 162, 21.6.2008, p. 13, ELI:
http://data.europa.eu/eli/dir/2008/62/oj
).”;
(20)fl-Artikolu 154, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:
“3a. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jkunu ġew rikonoxxuti qabel [id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju] għal prodott wieħed jew aktar fis-settur tal-għelejjel li fihom il-proteini għandhom jitqiesu li huma rikonoxxuti f’dak is-settur bħala organizzazzjonijiet tal-produtturi skont l-Artikolu 152. Dawk l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom ukoll iżommu r-rikonoxximent tagħhom għal prodotti oħra rikonoxxuti taħt setturi oħra. Madankollu, meta dawk l-organizzazzjonijiet tal-produtturi ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għal settur wieħed jew aktar, l-Istati Membri għandhom jirtiraw ir-rikonoxximent tagħhom għas-setturi kkonċernati mhux aktar tard mill-[31 ta’ Diċembru 20XX mill-inqas sentejn sħaħ wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju].
3b. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi li ġew rikonoxxuti qabel [id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju] għal prodott wieħed jew aktar miżjuda skont il-punt VIII tal-Anness I għas-settur tal-kittien u l-qanneb għandhom jitqiesu li huma rikonoxxuti f’dak is-settur bħala organizzazzjonijiet tal-produtturi skont l-Artikolu 152. Dawk l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom ukoll iżommu r-rikonoxximent tagħhom għal prodotti oħra rikonoxxuti taħt setturi oħra. Madankollu, meta dawk l-organizzazzjonijiet tal-produtturi ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għal settur wieħed jew aktar, l-Istati Membri għandhom jirtiraw ir-rikonoxximent tagħhom għas-setturi kkonċernati mhux aktar tard mill-[31 ta’ Diċembru 20XX mill-inqas sentejn sħaħ wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju].”;
(21)fl-Artikolu 158, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:
“3a. L-organizzazzjonijiet interprofessjonali li jkunu ġew rikonoxxuti qabel [id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju] għal prodott wieħed jew aktar fis-settur tal-għelejjel li fihom il-proteini għandhom jitqiesu li huma rikonoxxuti f’dak is-settur bħala organizzazzjonijiet interprofessjonali skont l-Artikolu 157. Dawk l-organizzazzjonijiet interprofessjonali għandhom ukoll iżommu r-rikonoxximent tagħhom għal prodotti oħra rikonoxxuti taħt setturi oħra. Madankollu, meta dawk l-organizzazzjonijiet interprofessjonali ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għal settur wieħed jew aktar, l-Istati Membri għandhom jirtiraw ir-rikonoxximent tagħhom għas-setturi kkonċernati mhux aktar tard mill-[31 ta’ Diċembru 20XX mill-inqas sentejn sħaħ wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju].
3b. L-organizzazzjonijiet interprofessjonali li jkunu ġew rikonoxxuti qabel [id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju] għal prodott wieħed jew aktar miżjuda skont il-punt VIII tal-Anness I għas-settur tal-kittien u l-qanneb għandhom jitqiesu li huma rikonoxxuti f’dak is-settur bħala organizzazzjonijiet interprofessjonali skont l-Artikolu 157. Dawk l-organizzazzjonijiet interprofessjonali għandhom ukoll iżommu r-rikonoxximent tagħhom għal prodotti oħra rikonoxxuti taħt setturi oħra. Madankollu, meta dawk l-organizzazzjonijiet interprofessjonali ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għal settur wieħed jew aktar, l-Istati Membri għandhom jirtiraw ir-rikonoxximent tagħhom għas-setturi kkonċernati mhux aktar tard mill-[31 ta’ Diċembru 20XX mill-inqas sentejn sħaħ wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju].”;
(22)l-Artikolu 159 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-punt (a), jiżdied il-punt li ġej:
“(v) is-settur tal-għelejjel li fihom il-proteini”;
(b)il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b) organizzazzjonijiet interprofessjonali fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda u s-settur tat-tabakk.”;
(23)fl-Artikolu 173(1), jiddaħħal il-punt li ġej:
“(ca) is-sospensjoni, it-tnaqqis u l-irkupru għall-pagamenti ta’ appoġġ għall-interventi f’ċerti setturi msemmija fil-Parti II, it-Titolu I, il-Kapitolu II, it-Taqsima 2 f’każ ta’ nuqqas ta’ rispett tal-kriterji tar-rikonoxximent”;
(24)fl-Artikolu 174(1), l-ewwel subparagrafu, jiżdiedu l-punti li ġejjin:
“(h) regoli dwar verifiki amministrattivi u fuq il-post li jridu jitwettqu mill-Istati Membri fuq organizzazzjonijiet tal-produtturi jew assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi biex jivverifikaw il-konformità mal-kriterji ta’ rikonoxximent;
(i) regoli dwar sistema ta’ identifikazzjoni unika ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi.”;
(25)l-Artikolu 182 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Il-volum indikattiv għandu jkun ugwali għal 125 %, 110 % jew 105 % tal-importazzjonijiet annwali medji matul it-3 snin preċedenti li ma jkunux hemm data disponibbli għalihom, skont jekk l-opportunitajiet ta’ aċċess għas-suq, definiti bħala importazzjonijiet espressi bħala perċentwali tal-konsum domestiku korrispondenti matul it-3 snin preċedenti, humiex inqas minn jew ugwali għal 10 %, akbar minn 10 % iżda inqas minn jew ugwali għal 30 %, jew akbar minn 30 %, rispettivament.”;
(b)il-paragrafu 2 jitħassar;
(26)fl-Artikolu 186(1), jiżdied il-punt li ġej:
“(e) biex jipprevedu, meta jkun meħtieġ, penali għall-operaturi għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet u mar-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà li operatur għandu jissodisfa biex jissottometti applikazzjoni fi ħdan il-kwota tariffarja, u b’mod partikolari meta jonqsu milli jipprovdu dokumenti akkurati, aġġornati u veritieri lill-awtorità li toħroġ il-liċenzji.”;
(27)l-Artikolu 189 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 189
Importazzjonijiet ta’ qanneb
1. Il-prodotti li ġejjin jistgħu jiġu importati fl-Unjoni, biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)qanneb veru mhux maħdum li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 5302, prodott minn varjetà ta’ Cannabis Sativa L. irreġistrata fil-Katalogu Komuni ta’ Varjetajiet ta’ Speċijiet ta’ Pjanti Agrikoli li fih kontenut massimu ta’ Δ9-tetraidrokannabinol ta’ mhux aktar minn 0,3 % u mkabbar minn żrieragħ iċċertifikati f’konformità mad-Direttiva 2002/57/KE jew f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/62/KE fil-każ ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni jew akkumpanjat minn prova li l-livell ta’ Δ9-tetraidrokannabinol tal-varjetà kkonċernata ma jaqbiżx 0,3 %;
(b)żrieragħ tal-qanneb għaż-żrigħ li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 1207 99 20 ta’ varjetà ta’ Cannabis Sativa L. irreġistrata fil-Katalogu Komuni ta’ Varjetajiet ta’ Speċijiet ta’ Pjanti Agrikoli li fiha kontenut massimu ta’ Δ9-tetraidrokannabinol ta’ mhux aktar minn 0,3 %, iċċertifikat f’konformità mad-Direttiva 2002/57/KE jew f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/62/KE fil-każ ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni jew akkumpanjat minn prova li l-livell ta’ Δ9-tetraidrokannabinol tal-varjetà kkonċernata ma jaqbiżx 0,3 %;
(c)żrieragħ tal-qanneb li mhumiex għaż-żriegħ, li jaqgħtu taħt il-kodiċi NM 1207 99 91 u importati biss minn importaturi awtorizzati mill-Istat Membru biex jiġi żgurat li dawn iż-żrieragħ ma jkunux maħsubin għaż-żriegħ;
(d)partijiet oħra tal-pjanta tal-qanneb li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1211 90 86 ta’ varjetà ta’ Cannabis Sativa L. irreġistrata fil-Katalogu Komuni ta’ Varjetajiet ta’ Speċijiet ta’ Pjanti Agrikoli li fihom kontenut massimu ta’ Δ9-tetraidrokannabinol ta’ mhux aktar minn 0,3 % u mkabbra minn żrieragħ iċċertifikati f’konformità mad-Direttiva 2002/57/KE jew f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/62/KE fil-każ ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni jew akkumpanjati minn prova li l-livell ta’tetraidrokannabinol tal-varjetà kkonċernata ma jaqbiżx 0,3 %.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, il-prodotti msemmija f’dak il-paragrafu li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fih jistgħu jiġu importati għall-użu għal skopijiet mediċi u xjentifiċi f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, internazzjonali u nazzjonali.”;
(28)l-Artikolu 214a huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 214a
Pagamenti nazzjonali għal ċerti setturi fil-Finlandja
1. Soġġett għal awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, għall-perjodu mill-2023 sal-2027, il-Finlandja tista’ tkompli tagħti l-għajnuniet nazzjonali li kienet tat fl-2022 lill-produtturi abbażi ta’ dan l-Artikolu, sakemm:
(a) l-ammont totali tal-għajnuna għall-introjtu jkun digressiv tul il-perjodu kollu u fl-2027 ma jaqbiżx is-67 % tal-ammont mogħti fl-2022;
(b) qabel kwalunkwe rikors għal din il-possibbiltà, ikun sar użu sħiħ mill-iskemi ta’ appoġġ taħt il-PAK għas-setturi kkonċernati.
Il-Kummissjoni għandha tadotta l-awtorizzazzjoni tagħha mingħajr ma tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikolu 229(2), (3) jew (4).
2. Soġġett għal awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, għall-perjodu mill-2028 sal-2034, il-Finlandja tista’ tkompli tagħti l-għajnuniet nazzjonali li kienet tat fl-2027 lill-produtturi abbażi ta’ dan l-Artikolu, sakemm:
(a) l-ammont totali tal-għajnuna għall-introjtu jkun digressiv tul il-perjodu kollu u fl-2034 ma jaqbiżx is-67 % tal-ammont mogħti fl-2027;
(b) qabel kwalunkwe rikors għal din il-possibbiltà, ikun sar użu sħiħ mill-iskemi ta’ appoġġ taħt il-PAK għas-setturi kkonċernati.
Il-Kummissjoni għandha tadotta l-awtorizzazzjoni tagħha mingħajr ma tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikolu 229(2), (3) jew (4).”;
(29)fil-Parti IV, il-Kapitolu II, jiżdied l-Artikolu li ġej:
“Artikolu 214b
Pagamenti nazzjonali għas-settur taz-zokkor fir-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi
Franza tista’ tagħti għajnuna sa EUR 90 miljun lis-settur taz-zokkor fir-reġjuni Franċiżi ultraperiferiċi, għal kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni.
Franza għandha tinforma lill-Kummissjoni fi żmien 30 jum minn tmiem kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni dwar l-ammont ta’ għajnuna li fil-fatt tkun tat.”;
(30)l-Artikolu 217 jitħassar;
(31)fil-Parti V, jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:
“KAPITOLU Ib
Disponibbiltà ta’ provvisti fi żmien ta’ emerġenzi u kriżijiet serji
Artikolu 222c
Pjanijiet għad-disponibbiltà ta’ provvisti ta’ prodotti agrikoli fi żmien ta’ emerġenzi u kriżijiet serji
1. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jidentifikaw u jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet strutturali tal-katina tal-provvista tal-agrikoltura u jtejbu l-koerenza tal-preparatezza għall-kriżijiet fis-settur agroalimentari.
2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, filwaqt li jqisu l-profili tar-riskju speċifiċi u l-arranġamenti istituzzjonali tagħhom, il-pjanijiet nazzjonali ta’ preparatezza u rispons għas-sigurtà tal-ikel biex:
(a)iżommu d-disponibbiltà, l-aċċess u s-sigurtà tal-provvista ta’ prodotti agrikoli matul emerġenzi jew kriżijiet serji fil-livelli territorjali kollha;
(b)jipprevjenu jew jimmitigaw tfixkil fil-katina tal-provvista matul emerġenzi jew kriżijiet serji fil-livelli territorjali kollha.
3. Il-pjanijiet ta’ preparatezza u rispons għas-sigurtà tal-ikel għandhom jinkludu mill-inqas:
(a)mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u twissija bikrija, inklużi valutazzjonijiet ta’ vulnerabbiltajiet strutturali tal-katina tal-provvista u xenarji ta’ riskju għal tfixkil kbir;
(b)arranġamenti biex tiġi aggregata d-data dwar l-istokkijiet ta’ prodotti agrikoli ewlenin;
(c)allokazzjoni ta’ rwoli u mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti fil-livelli territorjali kollha kif ukoll il-proċeduri għall-kooperazzjoni mal-atturi rilevanti tas-settur privat;
(d)protokolli ta’ komunikazzjoni ta’ emerġenza biex tiġi żgurata d-disseminazzjoni rapida tal-informazzjoni lill-partijiet ikkonċernati u lill-pubbliku ġenerali.
4. L-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw il-pjanijiet tagħhom ta’ preparatezza u rispons għas-sigurtà tal-ikel b’mod regolari.
5. L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità nazzjonali kompetenti jew punt ta’ kuntatt responsabbli għall-koordinazzjoni tal-preparatezza u tar-rispons għas-sigurtà tal-ikel ma’ Stati Membri oħra u mal-Kummissjoni.
6. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw sommarji tal-aħħar verżjoni tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom ta’ preparatezza u rispons għas-sigurtà tal-ikel imsemmija fil-paragrafu 2 lill-Kummissjoni kull 3 snin.
7. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li:
(a)jispeċifikaw il-format, ir-rekwiżiti ta’ rapportar, id-disseminazzjoni tal-partijiet mhux kunfidenzjali, u l-iskedi ta’ żmien għas-sottomissjoni tas-sommarji tal-pjanijiet ta’ preparatezza u rispons għas-sigurtà tal-ikel;
(b)jistabbilixxu regoli għall-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri fil-qafas tal-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-pjanijiet ta’ preparatezza u rispons għas-sigurtà tal-ikel biex jintlaħqu l-objettivi msemmija fil-paragrafu 2.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 229(2).
Artikolu 222d
Riżervi ta’ prodotti agrikoli
1. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “riżervi” tfisser stokkijiet miżmuma minn operaturi pubbliċi jew privati ddeżinjati għall-użu militari jew tal-protezzjoni ċivili f’emerġenzi jew f’kriżijiet, inklużi interventi umanitarji jew stokkijiet miżmuma disponibbli biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel matul tfixkil kbir fil-provvista.
2. Meta l-Istati Membri jistabbilixxu u jiġġestixxu riżervi ta’ prodotti agrikoli, huma għandhom jiżguraw li tali miżuri jitfasslu b’mod li jimminimizza d-distorsjonijiet tas-suq, inklużi dawn li ġejjin:
(a)il-volum ta’ prodotti agrikoli miżmuma f’riżerva għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ miri definiti minn qabel;
(b)il-livelli ta’ riżerva għandhom jiġu rieżaminati regolarment u, meta jkun meħtieġ, aġġustati abbażi tal-vulnerabbiltajiet identifikati tal-katina tal-provvista u l-valutazzjonijiet tar-riskju;
(c)ix-xiri ta’ prodotti agrikoli għar-riżervi għandu jsir bil-prezzijiet tas-suq, permezz ta’ proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti. Ir-rilaxx ta’ prodotti agrikoli minn riżervi fis-suq għandu jsir b’mod trasparenti, bil-prezzijiet tas-suq;
(d)l-operazzjonijiet relatati mal-istabbiliment, il-manutenzjoni u r-rilaxx ta’ riżervi għandhom ikunu soġġetti għal monitoraġġ regolari mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.
3. Meta l-Istati Membri jistabbilixxu u jiġġestixxu riżervi ta’ prodotti agrikoli, ir-riżervi għandhom jiġu implimentati bħala parti minn pjan nazzjonali ta’ preparatezza u rispons għas-sigurtà tal-ikel, kif imsemmi fl-Artikolu 222c(2).
Il-miri definiti minn qabel imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), għandhom jiġu stabbiliti fil-pjan nazzjonali ta’ preparatezza u rispons għas-sigurtà tal-ikel imsemmi fl-Artikolu 222c(2).
L-informazzjoni dwar l-istabbiliment, iż-żamma u r-rilaxx tar-riżervi għandha tiġi inkluża fis-sommarju tal-pjan nazzjonali ta’ preparatezza u rispons għas-sigurtà tal-ikel imsemmi fl-Artikolu 222c(6).
4. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabilixxu regoli:
(a)għal azzjonijiet koordinati għall-istabbiliment u l-ġestjoni tar-riżervi msemmija fil-paragrafu 1, bħall-identifikazzjoni ta’ kategoriji ta’ prodotti għall-istabbiliment tar-riżervi u l-iżvilupp ta’ valutazzjonijiet tar-riskju konġunti u mekkaniżmi ta’ twissija bikrija biex jittaffew ir-riskji tal-provvista transfruntiera u tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista matul it-tfixkil;
(b)dwar l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi volontarji ta’ solidarjetà u assistenza reċiproka li permezz tagħhom l-Istati Membri jagħmlu partijiet mir-riżervi tagħhom disponibbli għal Stat Membru ieħor li jkun qed jiffaċċja skarsezzi serji.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 229(2).
Artikolu 222e
Koordinazzjoni
1. Sabiex tappoġġa approċċ ikkoordinat tal-Unjoni għall-preparatezza fis-sigurtà tal-ikel u r-reżiljenza tal-katina tal-provvista agrikola, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Mekkaniżmu Ewropew ta’ preparatezza u rispons għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel (EFSCM, European Food Security Crisis preparedness and response Mechanism), li jlaqqa’ flimkien l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti u, meta jkun xieraq, ir-rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi magħżula.
2. L-EFSCM għandu:
(a)jippromwovi l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni, il-programmi u l-politiki tal-Unjoni li jikkonċernaw il-preparatezza għall-kriżijiet tal-provvista tal-ikel u tas-sigurtà tal-ikel u r-rispons għalihom;
(b)irawwem il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni, l-iskambju tal-esperjenza u l-prattiki tajba dwar it-twissija bikrija, il-monitoraġġ u r-rapportar tat-theddid, ir-rispons għall-kriżijiet u l-valutazzjoni ta’ wara l-kriżi;
(c)jappoġġa l-identifikazzjoni ta’ vulnerabbiltajiet strutturali u lakuni fir-reżiljenza fil-ktajjen agroalimentari, inkluż permezz tal-ittestjar tal-istress, il-valutazzjonijiet tar-riskju u l-ippjanar tax-xenarji;
(d)jippromwovi skambji u djalogu regolari dwar il-preparatezza nazzjonali għas-sigurtà tal-ikel u l-pjanijiet ta’ rispons tal-Istati Membri u tal-pajjiżi mhux tal-UE, filwaqt li jqis il-kunfidenzjalità ta’ tali pjanijiet;
(e)jikkontribwixxi għat-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet jew inizjattivi ta’ politika li jikkonċernaw il-preparatezza tal-Unjoni għall-kriżijiet tal-provvista tal-ikel u tas-sigurtà tal-ikel u r-rispons għalihom.
Artikolu 222f
Azzjonijiet imsaħħa fi kriżijiet serji jew f’emerġenzi
Fil-każ ta’ kriżi serja ddikjarata jew emerġenza li toħloq riskju għoli għas-sigurtà tal-ikel, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament, tirrikjedi li l-Istati Membri u l-operaturi jipprovdu rapportar f’ħin reali lill-Kummissjoni dwar l-istokkijiet pubbliċi u privati rilevanti ta’ prodotti u inputs agroalimentari jew dwar informazzjoni oħra ta’ rilevanza biex tiġi żgurata l-provvista ta’ dawk il-prodotti fl-Unjoni.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 229(3).
Artikolu 222g
Protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva jew klassifikata
1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li data sensittiva jew klassifikata relatata mal-livelli tal-istokkijiet, il-kapaċitajiet loġistiċi jew il-vulnerabbiltajiet tal-provvista tiġi ttrattata, maħżuna u skambjata f’konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva u klassifikata, inklużi r-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà.
2. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika r-rekwiżiti tekniċi u proċedurali għat-trattament u l-iskambju siguri ta’ tali informazzjoni.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 229(2).”;
(32)fil-Parti V, jiżdied il-Kapitolu li ġej:
“KAPITOLU III
Garanziji
Artikolu 222h
Garanziji
1. Meta dan ir-Regolament jew il-leġiżlazzjoni adottata skontu jipprevedu dan, l-Istati Membri għandhom jitolbu li tiġi ddepożitata garanzija li tiżgura li titħallas somma flus lil awtorità kompetenti jew li jintilef il-jedd għal dik is-somma flus jekk ma jiġix issodisfat obbligu partikolari skont dik il-leġiżlazzjoni.
2. Ħlief f’każijiet ta’ force majeure, il-jedd għall-garanzija għandu jintilef għalkollox jew parzjalment fejn xi obbligu partikolari ma jitwettaqx, jew jitwettaq parzjalment biss.
3. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 227 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament b’regoli li jiżguraw trattament mhux diskriminatorju, ekwità u r-rispett tal-proporzjonalità meta tiġi ddepożitata garanzija u li:
(a)jispeċifikaw il-parti responsabbli fil-każ li obbligu ma jiġix irrispettat;
(b)jistipulaw is-sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom l-awtorità kompetenti tista’ tirrinunzja għar-rekwiżit ta’ garanzija;
(c)jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li japplikaw għall-garanzija li trid tiġi ddepożitata u għall-garanti u l-kundizzjonijiet biex tiġi ddepożitata u rilaxxata dik il-garanzija;
(d)jistabbilixxu l-kundizzjonijiet speċifiċi relatati mal-garanzija ddepożitata b’rabta mal-pagamenti bil-quddiem;
(e)jistabbilixxu l-konsegwenzi tal-ksur tal-obbligi li għalihom tkun ġiet iddepożitata garanzija, kif previst fil-paragrafu 1, inkluż it-telf tal-jedd għall-garanziji u r-rata ta’ tnaqqis li trid tiġi applikata meta jiġu rrilaxxati l-garanziji għar-rifużjonijiet, liċenzji, offerti, offerti ta’ prezzijiet jew applikazzjonijiet speċifiċi, kif ukoll meta obbligu kopert minn dik il-garanzija ma jkunx ġie ssodisfat għalkollox jew b’mod parzjali, b’kont meħud tan-natura tal-obbligu, il-kwantità li għaliha l-obbligu jkun inkiser, il-perjodu ta’ żmien li bih tkun inqabżet l-iskadenza biex jiġi ssodisfat l-obbligu u ż-żmien sa meta tingħata l-evidenza li dak l-obbligu jkun ġie ssodisfat.
4. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabilixxu regoli dwar:
(a)l-għamla tal-garanzija li trid tiġi ddepożitata u l-proċedura għad-depożitu tal-garanzija, għall-aċċettazzjoni tagħha u għas-sostituzzjoni tal-garanzija oriġinali;
(b)il-proċeduri għar-rilaxx ta’ garanzija;
(c)in-notifiki li jridu jsiru mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 229(2).”;
(33)fl-Artikolu 225, il-punti (e) u (f) jitħassru;
(34)fl-Artikolu 229, jiżdied il-paragrafu li ġej:
“4. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”;
(35)l-Annessi I, II, IV, VII, u X huma emendati f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;
(36)it-test stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament jiddaħħal bħala l-Anness Ia;
(37)l-Anness V jitħassar.
Artikolu 2
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
L-Artikoli 22 sa 25 u 217, u l-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom ikomplu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2027 għall-miżuri implimentati sal-31 ta’ Diċembru 2027.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 1, il-punti (19) u (27), għandhom japplikaw mill-[1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
L-Artikolu 1, il-punt (31), u l-Anness I, il-punt (4), għandhom japplikaw minn [12-il-xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
L-Anness I, il-punt (5), għandu japplika mill-[1 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
L-Artikolu 1, il-punti (2), (3), (7) (10), (16), (18), (29), (30), (32) u (37), għandhom japplikaw mill-[1 ta’ Jannar 2028] [id-data u l-punt (9) skont id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) [...] li jistabbilixxi l-Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali għall-perjodu 2028-2034].
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President