Brussell, 3.9.2025

COM(2025) 461 final

2025/0256(APP)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jestendi għall-Istati Membri mhux parteċipanti l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) …/2028 li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodu 2027-2034 (il-programm “Pericles IV”)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tipprevedi data ta’ applikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2028 u hija ppreżentata għal Unjoni ta’ 27 Stat Membru.

Il-programm Pericles huwa programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar. Il-programm ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/923/KE tas-17 ta’ Diċembru 2001 u l-effetti tiegħu ġew estiżi għall-Istati Membri tal-UE li ma kinux adottaw il-euro bħala l-munita tagħhom bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/924/KE tas-17 ta’ Diċembru 2001. L-emendi sussegwenti għal dawn l-atti bażiċi bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE, 2006/850/KE, ir-Regolament (UE) Nru 331/2014, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/768 1 , u r-Regolament (UE) 2021/840 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , estendew id-durata tal-programm sal-31 ta’ Diċembru 2027.

Fil-proposta tagħha (), abbażi tal-Artikolu 133 TFUE, il-Kummissjoni tipproponi li tkompli l-programm Pericles taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta’ wara l-2027.

L-Artikolu 139 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-miżuri li jirregolaw l-użu tal-euro msemmija fl-Artikolu 133 tiegħu ma għandhomx japplikaw għall-Istati Membri b’deroga.

Madankollu, l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ persunal u l-miżuri ta’ assistenza u taħriġ implimentati taħt il-programm Pericles għandhom ikunu uniformi fl-Unjoni kollha u għalhekk għandhom jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni għall-euro fl-Istati Membri li ma għandhomx l-euro bħala l-munita uffiċjali. Ir-rwol attiv tal-Istati Membri mhux parteċipanti fil-programm Pericles huwa rilevanti u sinifikanti, b’diversi Stati Membri mhux parteċipanti bħar-Rumanija u l-Bulgarija jaqdu rwol sinifikanti fil-ġbir ta’ esperti mix-Xlokk tal-Ewropa biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar f’din iż-żona.

Din il-proposta għandha testendi l-programm Pericles għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li għadhom mhux jużaw l-euro bħala l-munita unika tagħhom.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

·Bażi legali

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 133 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja, wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew, jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-użu tal-euro bħala l-munita unika. Din id-dispożizzjoni hija applikabbli biss għall-Istati Membri li adottaw l-euro bħala l-munita unika tagħhom.

Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 352 TFUE, li huwa l-bażi legali biex tiġi estiża l-applikazzjoni tal-programm Pericles lill-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita unika tagħhom.

·Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-protezzjoni tal-munita unika Ewropea bħala ġid pubbliku għandha dimensjoni transnazzjonali ċara, u għalhekk il-protezzjoni tal-euro tmur lil hinn mill-interessi u r-responsabbiltà tal-Istati Membri individwali u taż-żona tal-euro tal-UE. Meta titqies iċ-ċirkolazzjoni transfruntiera tal-euro u l-involviment profond tal-kriminalità organizzata internazzjonali fl-iffalsifikar tal-euro (il-produzzjoni u d-distribuzzjoni), l-oqfsa ta’ protezzjoni nazzjonali jeħtieġu li jiġu kkumplementati b’inizjattiva tal-UE li tiżgura kooperazzjoni nazzjonali u internazzjonali omoġenja, u li tiffaċċja riskji transnazzjonali emerġenti possibbli.

·Proporzjonalità

Ir-Regolament propost huwa meħtieġ, xieraq u adatt biex jikseb l-għan mixtieq. Huwa jipproponi li tissaħħaħ b’mod effiċjenti l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, mingħajr ma tiġi ristretta l-kapaċità tal-Istati Membri li jipproteġu l-euro kontra l-iffalsifikar. L-azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija ġġustifikata billi tassisti b’mod ċar lill-Istati Membri biex kollettivament jipproteġu l-euro u tinkoraġġixxi l-użu ta’ strutturi komuni tal-Unjoni biex tiżdied il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti.

·Għażla tal-istrument 

Regolament jitqies l-istrument legali xieraq biex jiddefinixxi l-qafas għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar. Huwa f’kontinwità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1696 tal-21 ta’ Settembru 2021 li jestendi għall-Istati Membri mhux parteċipanti l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/840 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodu 2021-2027 (il-programm “Pericles IV”)

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex ante () fil-kuntest tat-tħejjija tar-Regolament (UE) Nru …/20xx li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perijodu wara l-2027 (il-programm “Pericles IV”). L-evidenza miġbura u ppreżentata bħala parti minn din l-evalwazzjoni ex ante hija direttament trasferibbli għal din il-proposta.

Bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika dwar il-fondi tal-UE fil-qasam tas-sigurtà, ġew ikkonsultati partijiet ikkonċernati dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta hija konformi u tirrispetta l-valuri tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), fejn l-objettivi tal-inizjattiva proposta huma marbuta mal-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-applikazzjoni tal-Karta. Pereżempju, il-proposta tippromwovi l-libertà ta’ intrapriża billi tiggarantixxi l-użu sikur tal-munita unika tal-Unjoni bħala metodu ta’ pagament.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Id-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva mehmuża ma’ din il-proposta għal Regolament tal-Kunsill tistabbilixxi l-implikazzjonijiet baġitarji u r-riżorsi umani u amministrattivi meħtieġa. Din id-dikjarazzjoni finanzjarja dwar l-implikazzjonijiet baġitarji hija identika - ħlief għall-bażi legali - għad-dikjarazzjoni finanzjarja għall-proposta dwar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) …/20 li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar wara l-2027 (il-‘‘programm Pericles IV’’).

5.ELEMENTI OĦRA

·Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhux applikabbli

·Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli

2025/0256 (APP)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jestendi għall-Istati Membri mhux parteċipanti l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) …/2028 li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodu 2027-2034 (il-programm “Pericles IV”)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EUROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew 3 ,

Waqt li jaġixxi f’konformità ma’ proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) …/2028 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 li jistabbilixxi l-programm “Pericles IV” jipprevedi li huwa applikabbli fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati. L-Artikolu 139 tat-Trattat jipprevedi li l-Istati Membri b’deroga ma għandhomx jieħdu sehem f’miżuri relatati mal-użu tal-euro adottati skont l-Artikolu 133 tiegħu.

(2)Madankollu, l-iskambju ta’ informazzjoni u persunal u l-miżuri ta’ assistenza u taħriġ implimentati taħt il-programm Pericles IV għandhom ikunu uniformi madwar l-Unjoni. Għalhekk, għandhom jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni għall-euro fl-Istati Membri fejn l-euro mhijiex il-munita uffiċjali tagħhom.

(3)Għalhekk, l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) … għandha tiġi estiża għall-Istati Membri li mhumiex l-Istati Membri parteċipanti kif definiti fl-Artikolu 1, il-punt (a), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 5 ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2028 għandha tiġi estiża għall-Istati Membri li mhumiex l-Istati Membri parteċipanti kif definiti fl-Artikolu 1, il-punt (a), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/1998.

Entitajiet minn Stati Membri li mhumiex dawk parteċipanti għandhom jitqiesu eliġibbli għall-finanzjament meta jkunu awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont it-tifsira tal-Artikolu 8(8) tar-Regolament (UE) … /… .

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2028.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/768 tal-11 ta’ Mejju 2015 li jestendi għall-Istati Membri mhux parteċipanti l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 331/2014, ĠU L121, 14.5.2015, p. 1.
(2)    Ir-Regolament (UE) 2021/840 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles IV” ) (ĠU L 103, 5.4.2014, p. 1). Dak ir-Regolament ħassar ir-Regolament (UE) Nru 331/2014.
(3)    ĠU C…, p.
(4)    COM (2025)462 [żid it-titolu sħiħ u r-referenza tal-pubblikazzjoni].
(5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro ( ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1 , ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1998/974/oj ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1 ).