Brussell, 28.8.2025

COM(2025) 460 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, dwar reviżjoni tal-Ftehim Internazzjonali u l-Istatuti Organiċi, ir-Regoli Organiċi, ir-Regoli Finanzjarji u r-Regoli Ġenerali u testi oħra tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

B’segwitu għal Riżoluzzjoni tal-2024 tal-Assemblea Dinjija tad-Delegati tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH, World Organisation for Animal Health), reviżjoni tal-Ftehim Internazzjonali u l-Istatuti Organiċi, ir-Regoli Organiċi, ir-Regoli Finanzjarji u r-Regoli Ġenerali u testi oħra tad-WOAH, kollettivament imsejħa t-Testi Bażiċi tad-WOAH, se titħejja minn Kumitat ta’ Rieżami tal-Governanza (GRC, Governance Review Committee) mill-2025 sal-2027, bil-ħsieb li jiġu ppreżentati proposti lill-Assemblea Dinjija tad-Delegati biex tiġi riveduta l-governanza istituzzjonali, teknika u finanzjarja tad-WOAH sabiex jiġu żgurati qafas legali robust u l-kapaċità tad-WOAH li twettaq il-mandat tagħha b’mod effiċjenti, effettiv u sostenibbli fil-futur.

L-Unjoni mhijiex parti tad-WOAH, iżda l-Istati Membri kollha tagħha huma partijiet. Attwalment ir-rappreżentanti minn tliet Stati Membri (l-Awstrija, l-Irlanda, Ċipru) huma membri tal-GRC, filwaqt li esperti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni jservu bħala konsulenti ta’ dawk il-membri.

Għalhekk, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tawtorizza lill-Istati Membri li huma Membri tal-GRC, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, biex jinnegozjaw il-bidliet fit-Testi Bażiċi tad-WOAH. Id-direttivi tan-negozjati għal dawn l-Istati Membri jenħtieġ li jiġu stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, l-emendar tat-Testi Bażiċi tad-WOAH b’tali mod li l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika bħall-UE jkunu jistgħu jsiru parti tad-WOAH.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

Ir-rakkomandazzjoni proposta hija konformi mal-qafas legali eżistenti tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali, kif attwalment stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2016/429 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) 1 , dwar iż-żoonożi kif stabbilit fid-Direttiva 2003/99/KE 2 dwar il-monitoraġġ taż-żoonożi u tal-aġenti żoonotiċi, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE, kif ukoll biċċiet rilevanti oħra ta’ leġiżlazzjoni f’dan il-qasam ta’ politika (ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 3 , ir-Regolament (KE) Nru 999/2001) 4 .

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Ir-rakkomandazzjoni proposta hija wkoll konformi mal-politiki tal-Unjoni dwar is-saħħa fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-mard żoonotiku bħala parti mill-approċċ “Saħħa Waħda”.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(3) u (4) tat-TFUE.

L-Artikolu 218(3) tat-TFUE jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u jaħtar in-negozjatur tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 218(4) tat-TFUE, il-Kunsill jista’ jindirizza d-direttivi lin-negozjatur u jaħtar kumitat speċjali li permezz ta’ konsultazzjoni miegħu jridu jiġu konklużi n-negozjati.

Il-bażi legali sostantiva ntgħażlet biex tkopri l-mandat ewlieni tad-WOAH, li huwa s-saħħa tal-annimali u ż-żoonożi, u l-kummerċ internazzjonali sikur tal-annimali u tal-prodotti tal-annimali. Dwar dawk l-aspetti, l-Unjoni adottat miżuri armonizzati u stabbiliet organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli għal ċerti prodotti abbażi tal-Artikolu 43(2) tat-TFUE. Dan jinvolvi ż-żamma tal-annimali fil-produzzjoni agrikola. Is-saħħa tal-annimali hija element intrinsiku tagħha u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni qed tkopri dawk l-aspetti. Għas-saħħa tal-annimali, ir-Regolament (UE) 2016/429 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali jipprevedi rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti tal-annimali u tal-prodotti tagħhom bejn l-Istati Membri fl-Unjoni inkluż id-dħul tagħhom fl-Unjoni. B’mod importanti, f’konformità mal-Artikolu 168(4)(b) tat-TFUE, l-UE tista’ tistabbilixxi miżuri fil-qasam veterinarju li jkollhom bħala l-objettiv dirett tagħhom il-protezzjoni tas-saħħa pubblika fl-Unjoni biex jindirizzaw it-tħassib komuni dwar is-sikurezza fl-UE. Il-leġiżlazzjoni tal-UE li tirregola s-saħħa tal-annimali u ż-żoonożi, fost l-oħrajn tkopri miżuri għal mard trażmissibbli tal-annimali li jaffettwa l-annimali u l-bnedmin, inkluż aspetti tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika kif segwiti f’konformità mal-Artikolu 168 tat-TFUE.

Kompetenza tal-Unjoni

Dawn huma emendi ta’ ftehimiet internazzjonali li jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim internazzjonali rilevanti, li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, u li għalhekk jirrikjedu Deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Bis-saħħa tar-Regolament (UE) 2016/429 u tad-Direttiva 2003/99/KE, l-Unjoni stabbiliet regoli armonizzati li jirregolaw is-saħħa tal-annimali u ż-żoonożi. Din il-leġiżlazzjoni tinkludi regoli dwar l-elenkar tal-mard tal-annimali għall-intervent tal-UE, miżuri għall-prevenzjoni tal-mard, il-kontroll u l-qerda tal-mard, il-movimenti tal-annimali u tal-prodotti tagħhom bejn l-Istati Membri fl-Unjoni kif ukoll id-dħul tagħhom fl-UE, u l-monitoraġġ taż-żoonożi. Anke jekk l-Istati Membri jistgħu jieħdu ċerti miżuri ta’ kontroll tal-mard fuq livell nazzjonali, dan il-qasam jitqies li huwa kompletament armonizzat mid-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-movimenti tal-annimali u tal-prodotti bejn l-Istati Membri fl-Unjoni u r-regoli għad-dħul fl-Unjoni, l-hekk imsejħa aspetti “kummerċjali”. Il-mandat tad-WOAH ikopri dawn l-oqsma u l-oqsma ta’ politika. Bħala konklużjoni, l-oqsma ta’ hawn fuq b’komponenti involuti tas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem u leġiżlazzjoni tal-UE armonizzata bis-sħiħ fl-oqsma msemmija hawn fuq jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-politiki dwar is-saħħa tal-annimali huma fil-biċċa l-kbira armonizzati fil-livell tal-Unjoni. L-istandards tad-WOAH dwar is-saħħa tal-annimali u ż-żoonożi huma rikonoxxuti bħala regoli sanitarji internazzjonali ta’ referenza skont il-Ftehim Sanitarju u Fitosanitarju tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jeħtieġ li tqis l-istandards tad-WOAH relatati mal-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-kummerċ internazzjonali. Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ tfixkil fil-kummerċ, il-miżuri tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali stabbiliti fil-Liġi tal-UE dwar is-Saħħa tal-Annimali (ir-Regolament (UE) 2016/429) għandhom l-għan li jilħqu livell xieraq ta’ konverġenza mal-istandards tad-WOAH. Għaldaqstant, l-influwenzar tal-istandards tad-WOAH biex jirriflettu kemm jista’ jkun il-politiki tal-Unjoni huwa fl-interess tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, u jista’ jinkiseb l-aħjar fil-livell tal-Unjoni peress li dan jippermetti l-kondiviżjoni tar-riżorsi u tal-għarfien espert.

Proporzjonalità

Reviżjoni tal-governanza tad-WOAH biex jiġi żgurat li tkun adattata għall-iskop tagħha u kapaċi tappoġġa organizzazzjoni effiċjenti, effettiva u sostenibbli fil-futur hija prijorità għall-UE u hija b’mod ċar fl-interess tal-Unjoni.

Deċiżjoni tal-Kunsill hija meħtieġa biex tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mill-Istati Membri, li jaġixxu fl-interess tal-Unjoni, dwar reviżjoni tat-Testi Bażiċi tad-WOAH u biex jiġu pprovduti direttivi tan-negozjati.

Ir-rakkomandazzjoni proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Għażla tal-istrument

L-għażla tal-istrument hija stipulata fl-Artikolu 218(3) u fl-Artikolu 218(4) tat-TFUE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET
EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli.

Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-implikazzjonijiet baġitarji għall-membri tad-WOAH se jiddependu fuq il-livell ta’ ambizzjoni tal-eżitu tan-negozjati dwar l-emendar tat-Testi Bażiċi tad-WOAH, pereżempju f’termini tal-ambitu tal-mandat tal-organizzazzjoni u b’hekk tal-attivitajiet futuri tagħha. Madankollu, dan ma jistax jiġi kkwantifikat f’dan l-istadju.

L-implikazzjonijiet fuq il-baġit tal-Unjoni se jiddependu wkoll fuq jekk l-UE hijiex se ssir parti tad-WOAH bħala eżitu tan-negozjati dwar reviżjoni tat-Testi Bażiċi tad-WOAH, u taħt liema kundizzjonijiet. Madankollu, il-ksib min-negozjaturi tal-Unjoni ta’ emenda tat-Testi Bażiċi tad-WOAH li tippermetti s-sħubija ta’ Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika mhijiex prevedibbli attwalment.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni se ssegwi l-programm ta’ ħidma tal-GRC tad-WOAH, li se jinkludi pjan direzzjonali għan-negozjati. Attwalment dak il-programm ta’ ħidma qed jiġi ffinalizzat bħala parti mill-ħidma preparatorja li għaddejja u se jiġi ppreżentat lill-Assemblea Dinjija tad-Delegati tad-WOAH f’Mejju 2025 għall-kunsiderazzjoni u għall-adozzjoni tiegħu. Huwa mistenni li n-negozjati ftit wara.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li:

Il-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri li huma Membri tal-GRC li jirrappreżentaw ir-Reġjun tal-Ewropa tad-WOAH biex jiftħu u jmexxu negozjati għar-reviżjoni tal-Ftehim Internazzjonali u l-Istatuti Organiċi, ir-Regoli Organiċi, ir-Regoli Finanzjarji u r-Regoli Ġenerali u testi oħra tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali, kollettivament imsejħa t-Testi Bażiċi tad-WOAH;

Ir-rappreżentanti ta’ dawk l-Istati Membri li huma Membri tal-GRC jiġu nnominati bħala negozjatur tal-Unjoni, li jaġixxi fl-interess tal-Unjoni;

L-Istati Membri li huma Membri tal-GRC li jirrappreżentaw ir-Reġjun tal-Ewropa tad-WOAH imexxu n-negozjati b’konsultazzjoni mal-kumitat speċjali jekk jiġu ddeżinjati mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 218(4) tat-TFUE;

Il-Kunsill japprova d-direttivi tan-negozjati annessi ma’ din ir-rakkomandazzjoni.

L-għażla tan-negozjatur

L-Unjoni mhijiex parti tad-WOAH, iżda l-Istati Membri kollha tagħha huma Partijiet. Minħabba li l-Membri biss ġew mistiedna mid-WOAH biex jingħaqdu mal-GRC, il-korp li fih se jsiru n-negozjati, ir-rappreżentanti ta’ dawk l-Istati Membri li huma Membri tal-GRC li jirrappreżentaw ir-Reġjun tal-Ewropa tad-WOAH jenħtieġ li jiġu ddeżinjati bħala negozjatur tal-Unjoni, li jaġixxi fl-interess tal-Unjoni.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, dwar reviżjoni tal-Ftehim Internazzjonali u l-Istatuti Organiċi, ir-Regoli Organiċi, ir-Regoli Finanzjarji u r-Regoli Ġenerali u testi oħra tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 168(4)(b), flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH) hija organizzazzjoni intergovernattiva li ġiet stabbilita fl-1924 bħala l-Office International des Epizooties. It-testi legali tiegħu jinkludu l-Ftehim Internazzjonali għall-ħolqien ta’ Office International des Epizooties u l-Istatuti Organiċi tal-Office International des Epizooties (1924), ir-Regoli Organiċi tal-Office International des Epizooties (1973), ir-Regoli Finanzjarji (1987) u r-Regoli Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) u testi oħra (2011), kollettivament imsejħa t-Testi Bażiċi tad-WOAH 5 . L-istandards tad-WOAH dwar is-saħħa tal-annimali u ż-żoonożi huma rikonoxxuti bħala regoli sanitarji internazzjonali ta’ referenza skont il-Ftehim Sanitarju u Fitosanitarju tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Mill-2025, 183 Membru huma parti tal-organizzazzjoni, inkluż l-Istati Membri kollha tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea għandha status ta’ osservatur.

(2)Fl-2023, wara għeluq iċ-ċentenarju tagħha, id-WOAH ikkummissjonat rieżami estern u indipendenti tal-governanza tagħha biex tiżgura li tkun adattata għall-iskop tagħha u kapaċi tappoġġa organizzazzjoni effiċjenti, effettiva u sostenibbli fil-futur. Ir-“Report on theAnalysis and evaluation of the institutional, technical, and financial governance of the World Organisation for Animal Health 6 (Rapport dwar l-Analiżi u l-evalwazzjoni tal-governanza istituzzjonali, teknika u finanzjarja tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali) ġie ppreżentat fl-Assemblea Dinjija tad-Delegati tad-WOAH f’Mejju 2024 u ġie diskuss f’forum matul dak l-avveniment intitolat “Is WOAH ready for the future? 7 (Id-WOAH hija lesta għall-futur?).

(3)Fit-30 ta’ Mejju 2024, l-Assemblea Dinjija tad-Delegati adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 12 “Revision of the WOAH Basic Texts 8 (Reviżjoni tat-Testi Bażiċi tad-WOAH) li permezz tagħha l-Assemblea Dinjija ddeċidiet li d-Direttur Ġenerali jistabbilixxi grupp iddedikat dwar il-governanza, inkluż is-Sħubija tad-WOAH b’rappreżentanti minn kull reġjun, biex iwettaq iktar ħidma biex jirrevedi t-Testi Bażiċi tad-WOAH.

(4)F’Diċembru 2024 ġie stabbilit Kumitat ta’ Rieżami tal-Governanza (GRC) u skont it-Termini ta’ Referenza tiegħu jikkonsisti minn 16-il Membru mir-Reġjuni kollha tad-WOAH. Tlieta mill-Membri attwali tal-GRC huma Stati Membri tal-UE: l-Awstrija u l-Irlanda huma fost dawk il-Membri li jirrappreżentaw ir-Reġjun tal-Ewropa tad-WOAH, u Ċipru huwa fost dawk il-Membri li jirrappreżentaw ir-Reġjun tal-Lvant Nofsani tad-WOAH. Fost il-Konsulenti ta’ dawk il-Membri hemm esperti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. L-ewwel laqgħa tal-GRC seħħet f’Jannar 2025.

(5)Il-GRC ħejja programm ta’ ħidma olistiku ta’ attivitajiet pluriennali u rakkomandazzjonijiet inizjali biex jappoġġa r-reviżjonijiet tat-Testi Bażiċi tad-WOAH, li wara l-validazzjoni mill-Kunsill tad-WOAH ġew ippreżentati lill-Assemblea Dinjija tad-Delegati 9 , li adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 5 “Work Programme of the WOAH Governance Review Committee and Initial Adjustments to Support Revisions to the WOAH Basic Texts” (Programm ta’ Ħidma tal-Kumitat ta’ Rieżami tal-Governanza tad-WOAH u Aġġustamenti Inizjali b’Appoġġ għar-Reviżjonijiet tat-Testi Bażiċi tad-WOAH) fid-29 ta’ Mejju 2025 10 b’appoġġ mill-Unjoni 11 . Skont il-programm ta’ ħidma tagħha, il-GRC beda l-ewwel fażi sostantiva tal-ħidma tiegħu (fażi ta’ valutazzjoni) fl-aħħar ta’ Mejju 2025.

(6)L-Unjoni adottat miżuri armonizzati u stabbiliet organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli għal ċerti prodotti skont l-Artikolu 43(2) tat-TFUE. Dan jinvolvi ż-żamma tal-annimali fil-produzzjoni agrikola. Is-saħħa tal-annimali hija element intrinsiku ta’ dik il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għas-saħħa tal-annimali, ir-Regolament (UE) 2016/429 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali jipprevedi rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti tal-annimali u tal-prodotti tagħhom bejn l-Istati Membri fl-Unjoni u d-dħul tagħhom fl-Unjoni. B’mod importanti, f’konformità mal-Artikolu 168(4)(b) tat-TFUE, l-UE tista’ tistabbilixxi miżuri fil-qasam veterinarju li jkollhom bħala l-objettiv dirett tagħhom il-protezzjoni tas-saħħa pubblika fl-Unjoni biex jindirizzaw it-tħassib komuni dwar is-sikurezza fl-UE. Il-leġiżlazzjoni tal-UE li tirregola s-saħħa tal-annimali u ż-żoonożi, fost l-oħrajn tkopri miżuri għal mard trażmissibbli tal-annimali li jaffettwa l-annimali u l-bnedmin, li jkopru aspetti tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Bħala konklużjoni, l-oqsma ta’ hawn fuq b’komponenti involuti tas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem u leġiżlazzjoni tal-UE armonizzata bis-sħiħ fl-oqsma msemmija hawn fuq jagħmlu parti mill-kompetenza tal-UE u mhux tal-Istati Membri.

(7)Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u bis-saħħa tar-Regolament (UE) 2016/429 u tad-Direttiva 2003/99/KE, l-Unjoni stabbiliet regoli armonizzati li jirregolaw is-saħħa tal-annimali u ż-żoonożi. Din il-leġiżlazzjoni tinkludi regoli dwar l-elenkar tal-mard tal-annimali għall-intervent tal-UE, miżuri għall-prevenzjoni tal-mard, il-kontroll u l-qerda tal-mard, il-movimenti tal-annimali u tal-prodotti tagħhom bejn l-Istati Membri fl-Unjoni u d-dħul tagħhom fl-UE, kif ukol il-monitoraġġ taż-żoonożi.

(8)Huwa fl-interess tal-Unjoni li jkollha rwol effettiv fil-ħidma tad-WOAH. Dan se jippromwovi l-konsistenza fl-approċċ tal-Unjoni għall-politiki li jaqgħu taħt il-mandat tad-WOAH, u se jsaħħaħ l-impenn tagħha għall-iżvilupp fit-tul tas-saħħa globali tal-annimali u tal-kontroll taż-żoonożi, il-benesseri tal-annimali, is-sikurezza tal-ikel fil-produzzjoni tal-annimali, il-kummerċ internazzjonali sikur tal-annimali u tal-prodotti tal-annimali, u s-sigurtà tal-ikel.

(9)Attwalment, it-Testi Bażiċi tad-WOAH ma jippermettux il-parteċipazzjoni tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika (REIOs, Regional Economic Integration Organisations), bħall-Unjoni, bħala Parti Kontraenti tal-Ftehim Internazzjonali tad-WOAH. Għalhekk jixraq li r-rappreżentanti tal-Istati Membri li huma Membri tal-GRC jiġu awtorizzati jinnegozjaw, fl-interess tal-Unjoni, emenda tat-Testi Bażiċi tad-WOAH bil-ħsieb li l-Unjoni ssir parti kontraenti sħiħa tad-WOAH, apparti l-Istati Membri tagħha.

(10)L-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib matul il-proċess tan-negozjati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE li huma Membri tal-Kumitat ta’ Rieżami tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Governanza tas-Saħħa tal-Annimali li jirrappreżentaw ir-Reġjun tal-Ewropa tad-WOAH (“ir-rappreżentanti”) huma b’dan awtorizzati jinnegozjaw, fl-interess tal-Unjoni, reviżjoni tal-Ftehim Internazzjonali u l-Istatuti Organiċi, ir-Regoli Organiċi, ir-Regoli Finanzjarji u r-Regoli Ġenerali u testi oħra tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (kollettivament imsejħa Testi Bażiċi tal-WOAH), fil-Kumitat ta’ Rieżami tal-Governanza.

2.Bħala parti min-negozjati fil-Kumitat ta’ Rieżami tal-Governanza, ir-rappreżentanti għandhom jipproponu emenda tat-Testi Bażiċi tad-WOAH sabiex jippermettu l-parteċipazzjoni tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika fid-WOAH, kif ukoll jieħdu l-passi meħtieġa biex jippromwovu l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 2

Id-direttivi tan-negozjati huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom jitmexxew b’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Annimali u Kwistjonijiet Veterinarji (Uffiċjali Kapijiet Veterinarji), li b’dan huwa ddeżinjat bħala l-kumitat speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.
(2)    ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31.
(3)    ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.
(4)    ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.
(5)     https://www.woah.org/en/who-we-are/structure/framework/  
(6)     https://www.woah.org/app/uploads/2024/03/91gs-2024-wd-adm-13-basic-texts-en-1.pdf  
(7)     https://www.woah.org/app/uploads/2024/07/91gs-2024-final-report-en-1.pdf  
(8)     https://www.woah.org/app/uploads/2024/03/91gs-2024-res-12-adm-basic-texts-en.pdf  
(9)    https://www.woah.org/app/uploads/2025/03/92gs-adm-06-en-report-of-the-woah-governance-review-committee.pdf
(10)    https://www.woah.org/app/uploads/2025/06/2025-92gs-resolutions-final-en.pdf
(11)    https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9171-2025-INIT/mt/pdf

Brussell, 28.8.2025

COM(2025) 460 final

ANNESS

tar-

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, dwar reviżjoni tal-Ftehim Internazzjonali u l-Istatuti Organiċi, ir-Regoli Organiċi, ir-Regoli Finanzjarji u r-Regoli Ġenerali u testi oħra tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali


ANNESS

Direttivi għan-negozjar ta’ reviżjoni tat-Testi Bażiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH)

1.Fil-qafas tal-Kumitat ta’ Rieżami tal-Governanza (GRC, Governance Review Committee) stabbilit b’segwitu għar-Riżoluzzjoni Nru 12 adottata mill-Assemblea Dinjija tad-Delegati tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH) fit-30 ta’ Mejju 2024, li tipprovdi forum ta’ negozjar li jinkludi s-Sħubija fid-WOAH b’rappreżentanti minn kull reġjun, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri li huma Membri tal-GRC li jirrappreżentaw ir-Reġjun tal-Ewropa tad-WOAH se jirrappreżentaw lill-Unjoni bħala n-negozjatur tagħha u se jimmiraw lejn emendi tat-Testi Bażiċi tad-WOAH li jiżguraw il-flessibbiltà u l-adattabbiltà tal-arranġamenti ta’ governanza meħtieġa biex jiġu indirizzati b’mod effettiv is-sitwazzjonijiet li qed jevolvu.

2.In-negozjatur għandu jagħmel ħiltu biex jikseb eżitu negozjat komprensiv, li jinkludi l-objettivi u l-prinċipji deskritti hawn taħt, fid-dawl ta’ Testi Bażiċi riveduti tad-WOAH li jkunu adattati għall-iskop tagħhom u kapaċi jappoġġaw Organizzazzjoni effiċjenti, effettiva u sostenibbli fil-futur. Matul dan il-proċess, ir-rappreżentanti ta’ dawk l-Istati Membri li huma Membri tal-GRC awtorizzati li jinnegozjaw f’isem l-Unjoni għandhom jikkoordinaw, b’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, mal-Grupp ta’ Ħidma rilevanti tal-Kunsill.

3.Fir-rigward tal-eżitu mixtieq tan-negozjati, it-Testi Bażiċi riveduti tad-WOAH jenħtieġ li jfittxu li:

a.jikkonsolidaw il-mandat tad-WOAH u ssaħħu r-rwol tagħha fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-mandat tagħha fil-livell globali u reġjonali, filwaqt li jistabbilixxu arranġamenti speċifiċi għall-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti u partijiet ikkonċernati mhux governattivi inkluż billi jqisu l-approċċ tal-Unjoni “Saħħa Waħda”;

b.jiċċaraw ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tas-Segretarjat tad-WOAH inkluż r-Rappreżentanti Reġjonali u Subreġjonali tiegħu u dawk tad-Delegati tal-Membri tiegħu, kif ukoll il-korpi ta’ governanza tad-WOAH bħall-Assemblea Dinjija tad-Delegati, il-Kunsill u l-Kummissjonijiet Reġjonali;

c.jippermettu lill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li lilhom l-Istati Membri tagħha ttrasferew kompetenzi rigward kwistjonijiet relatati mal-mandat tad-WOAH biex isiru partijiet tad-WOAH, u jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħidma tal-organizzazzjoni;

d.isaħħu s-sistema tax-xjenza tad-WOAH billi jirriformaw il-korpi esperti eżistenti, filwaqt li jiżguraw iktar trasparenza u effettività fit-teħid tad-deċiżjonijiet inkluż fir-rigward tal-iffissar ta’ standards internazzjonali;

e.jiksbu parteċipazzjoni attiva tal-Membri fil-ħidma tad-WOAH u jżidu l-implimentazzjoni effettiva tal-istandards internazzjonali tad-WOAH mill-Membri;

f.jistabbilixxu mekkaniżmi finanzjarji sodi li jkunu bbażati fuq it-trasparenza, l-ekwità u s-solidarjetà, bl-għan li r-riżorsi disponibbli jintużaw b’mod effiċjenti;

g.jiffaċilitaw il-proċess ta’ emendar ulterjuri tat-Testi Bażiċi tad-WOAH biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet li qed jinbidlu.

4.Jenħtieġ li r-rappreżentanti jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li t-Testi Bażiċi tad-WOAH ikunu konsistenti mad-dritt u mal-politiki rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll mal-impenji tal-Unjoni skont ftehimiet multilaterali rilevanti oħra.