IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.8.2025
COM(2025) 458 final
2025/0253(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku għall-2026 u li jemenda r-Regolament (UE) 2025/202 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet tas-sajd f’ilmijiet oħra
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (ir-“Regolament Bażiku dwar il-PKS”), ir-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar iridu jiġu sfruttati b’mod li jirrestawra u jżomm il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada ’l fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu rendiment massimu sostenibbli (“MSY”, maximum sustainable yield). Għodda importanti biex dan jiġi żgurat hija l-iffissar annwali tal-opportunitajiet tas-sajd fil-forma ta’ qabdiet totali permissibbli (“TACs”, total allowable catches) u kwoti.
Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-pjan pluriennali għall-Baħar Baltiku (il-“MAP”, multiannual plan) ikompli jispeċifika l-meded fil-mira għall-mortalità mis-sajd. Dawn il-meded jintużaw f’din il-proposta biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika komuni tas-sajd (“PKS”) u b’mod partikolari biex jiġi rrestawrat u jinżamm l-MSY.
Din il-proposta għandha l-għan li tiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2026 għall-aktar stokkijiet ta’ ħut kummerċjalment sinifikanti fil-Baħar Baltiku. Għandha wkoll l-għan li tirregola s-sajd rikreattiv tal-baħar sal-punt meħtieġ għall-konservazzjoni tal-istokkijiet ta’ ħut koperti minn dan ir-Regolament. Biex jiġu ssimplifikati u ċċarati d-deċiżjonijiet dwar it-TAC u l-kwoti annwali, l-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku ġew iffissati bis-saħħa ta’ regolament separat mill-2006.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Il-proposta tistabbilixxi TACs u kwoti f’livelli konsistenti mal-objettivi tar-Regolament Bażiku dwar il-PKS u l-MAP.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-politiki fil-qasam tal-ambjent.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Il-bażi legali għall-proposta hija l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”).
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 3(1)(d) tat-TFUE. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Il-proposta talloka opportunitajiet tas-sajd lill-Istati Membri skont l-objettivi tar-Regolament Bażiku dwar il-PKS u l-MAP. Skont l-Artikolu 16(6) u (7) u l-Artikolu 17 tar-Regolament Bażiku dwar il-PKS, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif l-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom jiġu allokati lill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom skont ċerti kriterji stabbiliti f’dawk l-Artikoli. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-marġni meħtieġ ta’ diskrezzjoni filwaqt li jqassmu t-TACs allokati, f’konformità mal-mudell soċjali/ekonomiku preferut tagħhom biex jużaw l-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom bis-saħħa tal-proposta.
•Għażla ta’ strument
Regolament huwa meqjus l-aktar strument xieraq minħabba li permezz tiegħu jkunu jistgħu jiġu stabbiliti rekwiżiti li japplikaw direttament għall-Istati Membri u għan-negozji rilevanti. Dan se jgħin biex ikun żgurat li r-rekwiżiti jiġu implimentati fil-ħin u b’mod armonizzat, u b’hekk iwassal għal aktar ċertezza legali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati (b’mod partikolari permezz tal-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar Baltiku) abbażi tal-Komunikazzjoni tagħha dwar “Is-sajd sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2026” (COM(2025) 296 final). Il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (“ICES”, International Council for the Exploration of the Sea) ipprovda l-bażi xjentifika għall-proposta. Il-fehmiet espressi mill-partijiet ikkonċernati kkonsultati dwar l-istokkijiet kollha ta’ ħut ikkonċernati tqiesu kemm jista’ jkun iżda mingħajr ma jmorru kontra l-politiki kurrenti jew mingħajr ma jiġi kkawżat xi deterjorament fl-istat tar-riżorsi vulnerabbli.
Ġie diskuss ukoll parir xjentifiku dwar il-limitazzjonijiet tal-qbid u dwar l-istatus tal-istokkijiet mal-Istati Membri fil-forum reġjonali BALTFISH f’Ġunju 2025.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-Kummissjoni kkonsultat lill-ICES li l-parir xjentifiku tiegħu huwa bbażat fuq qafas ta’ pariri żviluppat mill-gruppi ta’ esperti u mill-korpi deċiżjonali tiegħu u li huwa maħruġ f’konformità mal-ftehim qafas ta’ sħubija tiegħu mal-Kummissjoni.
L-Unjoni kull sena tfittex mill-ICES parir xjentifiku dwar l-istat tal-istokkijiet ta’ ħut importanti. Il-pariri riċevuti jkopru l-istokkijiet kollha tal-Baltiku u t-TACs jiġu proposti għall-aktar stokkijiet kummerċjalment sinifikanti.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta hija parti minn approċċ fit-tul li jikkonsisti milli s-sajd jiġi aġġustat bl-objettiv li jikkontribwixxi għall-kisba — u mbagħad għaż-żamma — ta’ livelli sostenibbli fit-tul. Maż-żmien, dan l-approċċ huwa mistenni jirriżulta fi (i) pressjoni tas-sajd stabbli; (ii) kwoti ogħla; u għalhekk (iii) introjti mtejba għas-sajjieda u l-familji tagħhom. Iż-żieda fil-ħatt l-art hija mistennija li tkun ta’ benefiċċju għal (i) l-industrija tas-sajd; (ii) il-konsumaturi; (iii) l-industrija tal-ipproċessar u tal-bejgħ bl-imnut; u (iv) il-bqija tal-industrija marbuta mas-sajd kummerċjali u rikreattiv. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li tiġi enfasizzata r-rabta bejn is-sajd sostenibbli u ambjent tal-baħar f’saħħtu fil-Baħar Baltiku, f’konformità mal-istrateġija għall-bijodiversità u ma’ inizjattivi relatati oħra, b’mod partikolari l-pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ekosistemi tal-baħar u għas-sajd.
Din il-proposta tfittex li tevita approċċi għal żmien qasir favur is-sostenibbiltà fit-tul. Għalhekk, din tqis l-inizjattivi tal-partijiet ikkonċernati u tal-kunsilli konsultattivi jekk dawn ikunu ġew rieżaminati b’mod pożittiv mill-ICES u/jew mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF, Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries). Il-proposta tal-Kummissjoni (SEC(2011)891) li wasslet għar-Regolament Bażiku dwar il-PKS kienet ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt li qieset li, għalkemm l-ilħuq tal-objettiv tal-MSY kien kundizzjoni meħtieġa għas-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali, dawk it-tliet objettivi ma jistgħux jintlaħqu b’mod iżolat.
Sal-2019, id-deċiżjonijiet dwar l-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku rnexxielhom jistabbilixxu t-TACs għall-istokkijiet kollha b’parir dwar l-MSY f’konformità mal-meded tal-MSY fil-mument li ġie stabbilit it-TAC, għajr għall-aringa tal-Baltiku tal-Punent. Dawn id-deċiżjonijiet ikkontribwew ukoll biex jinbnew mill-ġdid l-istokkijiet u jiġu bbilanċjati mill-ġdid il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd. Madankollu, fl-2019, sar evidenti li l-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant kien taħt pressjoni severa. L-istimi tal-ICES issuġġerew minn dak iż-żmien ’l hawn li dan l-istokk x’aktarx li se jibqa’ taħt il-punt ta’ referenza dwar konservazzjoni Blim fis-snin li ġejjin. Fl-2021, sar evidenti li l-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent ukoll kien taħt il-Blim għal ħafna snin, u l-ICES issottolinja wkoll li diversi popolazzjonijiet tas-salamun ma kinux f’kundizzjoni tajba. Sal-2020, l-ICES stma li l-bijomassa tal-aringa tal-Baltiku Ċentrali kienet taħt il-punt ta’ referenza dwar konservazzjoni MSY Btrigger. Mill-2023, l-ICES stma li l-bijomassa fil-fatt kienet ilha tiffluttwa madwar il-Blim mis-snin 90. Dik il-bijomassa żdiedet mill-2021 u hija stmata bħala ogħla mill-Blim iżda ferm taħt l-MSY Btrigger. Il-bijomassa tal-aringa tal-Botnja ilha tonqos kontinwament mill-ogħla punt tagħha fl-1994. Wara parametru referenzjarju fl-2024, dik il-bijomassa ġiet stmata li kienet taħt l-MSY Btrigger sa mill-2019 u kompliet tonqos għal wieħed mill-aktar livelli baxxi reġistrati bejn l-MSY Btrigger u l-Blim. Il-bijomassa tal-laċċa kaħla naqset b’mod sostanzjali matul dawn l-aħħar snin għall-aktar livell baxx tagħha mill-1990 u waslet qrib l-MSY Btrigger. Għalhekk, għad hemm bżonn ta’ aktar progress biex jintlaħaq u jinżamm l-MSY għall-istokkijiet kollha tal-Baħar Baltiku.
Fit-28 ta’ Mejju 2025, l-ICES ippubblika l-parir xjentifiku tiegħu għad-diversi stokkijiet tal-Baltiku għall-2026 li, għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, kien ħruġ mill-ġdid tal-parir mogħti għall-2025 minħabba l-kundizzjoni (kritika) li ma nbidlitx tal-istokk. Il-parir għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant (mill-2024), għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent u għas-salamun fil-Golf tal-Finlandja huwa bbażat fuq l-approċċ prekawzjonarju. Il-bijomassa taż-żewġ stokkijiet tal-merluzz tibqa’ taħt il-Blim. Is-seba’ stokkijiet l-oħra rċevew parir dwar l-MSY bl-istimi tal-bijomassa li ġejjin:
·il-laċċa kaħla, l-aringa fil-Golf ta’ Riga u l-barbun tat-tbajja’ huma stmati li jinsabu ’l fuq mill-MSY Btrigger;
·l-aringa tal-Baltiku Ċentrali u l-aringa tal-Botnja huma stmati li jinsabu taħt l-MSY Btrigger;
·l-aringa tal-Baltiku tal-Punent hija stmata li tinsab taħt il-Blim; u
·d-diversi popolazzjonijiet tas-salamun fil-baċir ewlieni huma stmati li se jibqgħu f’kundizzjonijiet varjati ħafna (minn taħt l-Rlim sa ’l fuq mill-RMSY).
Għalhekk, qiegħed jiġi propost li jinżamm l-approċċ meħud fl-2025 għas-salamun fil-baċir ewlieni, filwaqt li t-TAC jitnaqqas b’27 %. Qiegħed jiġi propost ukoll li jitnaqqsu l-opportunitajiet tas-sajd meta mqabbla mal-2025 għall-aringa tal-Botnja bi 62 %, għall-aringa fil-Golf ta’ Riga bi 17 % u għall-barbun tat-tbajja’ bi 3 %. Qiegħed jiġi propost ukoll li jiżdiedu l-opportunitajiet tas-sajd għas-salamun fil-Golf tal-Finlandja bi +1 % meta mqabbla mal-2025 u li l-opportunitajiet tas-sajd jibqgħu kif inhuma għall-aringa tal-Baltiku Ċentrali, u għal-laċċa kaħla. L-allokazzjonijiet tal-qabdiet aċċessorji għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant u tal-Punent u għall-aringa tal-Punent meta mqabbla mal-2025 jonqsu bi 63 %, bi 84 % u b’50 % rispettivament.
Għalhekk, l-impatt ekonomiku tal-proposta għall-2026 se jkun li b’mod ġenerali l-opportunitajiet tas-sajd se jonqsu għal sitt Stati Membri u se jkunu stabbli għal tnejn. Kollox ma’ kollox, il-proposta twassal għal livell ta’ madwar 295 000 tunnellata, li jirrappreżentaw tnaqqis ta’ 14,3 % meta mqabbel mal-opportunitajiet tas-sajd għall-2025.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-proposta għadha flessibbli fl-applikazzjoni tal-mekkaniżmi tal-iskambju tal-kwoti diġà stabbiliti mir-regolamenti dwar l-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku fis-snin preċedenti. Ma ġiet proposta l-ebda regola ġdida jew proċedura amministrattiva ġdida għall-awtoritajiet tal-Unjoni jew għal dawk pubbliċi nazzjonali li tista’ żżid il-piż amministrattiv.
Il-proposta tikkonċerna regolament annwali li japplika fl-2026. Għalhekk, din ma tinkludix klawżola ta’ reviżjoni.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-monitoraġġ u l-konformità se jiġu żgurati f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-proposta tiffissa opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet jew gruppi ta’ stokkijiet għas-sajd fil-Baħar Baltiku għall-2026.
Biex jiġu stabbiliti l-kwoti tal-Unjoni għall-istokkijiet kondiviżi mal-Federazzjoni Russa, il-kwantitajiet rispettivi li jikkorrispondu għas-sehem storiku tal-Federazzjoni Russa f’dawn l-istokkijiet tnaqqsu mill-qabdiet rakkomandati mill-ICES. L-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Istati Membri huma stabbiliti fl-Anness tal-proposta.
Rigward il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, bi ftehim mal-Kummissjoni, għall-2026, l-ICES ħareġ mill-ġdid il-parir tiegħu mogħti għall-2025 hekk kif l-istokk għadu fl-istess stat kritiku bħal fl-2025. L-ICES naqqas fil-grad il-parir tiegħu għall-2025 għal parir ta’ prekawzjoni tal-kategorija 3 u kien favur qabdiet żero għas-sitt sena konsekuttiva. Minħabba s-sitwazzjoni tal-istokkijiet imnaqqsa, il-Kunsill iddeċieda mill-2019 li jagħlaq is-sajd immirat u li jadotta miżuri rimedjali marbuta b’mod funzjonali mal-opportunitajiet tas-sajd (perjodu ta’ għeluq fiż-żmien riproduttiv u projbizzjoni tas-sajd rikreattiv, li għall-2025 ġew estiżi għaż-żona kollha ta’ ġestjoni). Dawn il-miżuri rimedjali għad ma kellhomx iż-żmien biex itejbu l-istatus tal-istokk, u għalhekk il-proposta tfittex li żżommhom, f’konformità mal-Artikolu 3(1) tal-MAP u mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament Bażiku dwar il-PKS, flimkien mal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(5)(c) u (f) ta’ dak ir-Regolament. Rigward il-livell tat-TAC, l-ICES sa issa ma kienx f’pożizzjoni li jikkwantifika l-livell tal-qabdiet aċċessorji tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant f’sajd ieħor, iżda hemm qabdiet aċċessorji tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant fis-sajd l-ieħor kollu. Mingħajr allokazzjoni għall-qabdiet aċċessorji tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, is-sajd kollu fiż-żona ta’ ġestjoni tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant ikollu jingħalaq. Sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi soċjoekonomiċi potenzjalment severi li jirriżultaw minn tali għeluq totali u fin-nuqqas ta’ informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni tipproponi, bħalma għamlet għall-2025, li t-TAC tal-qabdiet aċċessorji għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant tiġi stabbilita fil-livell tal-ħatt l-art rapportat fiż-żona ta’ ġestjoni tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant fl-2024, li huwa 159 tunnellata. Dan għandu jiżgura li l-pressjoni tas-sajd fuq dan l-istokk ma tiżdiedx. Barra minn hekk, il-bakkaljaw huwa qabda aċċessorja inevitabbli fis-sajd demersali għall-pixxiċatt, u l-irkapti tas-sajd aktar selettivi, li huma mistennija jnaqqsu sostanzjalment dawn il-qabdiet aċċessorji tal-bakkaljaw, saru obbligatorji f’April 2025 fiż-żona ta’ distribuzzjoni ewlenija tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant.
Rigward il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent, fl-2023, l-ICES naqqas fil-grad il-valutazzjoni tiegħu għal parir ta’ prekawzjoni tal-kategorija 3. Fl-2025, l-ICES ipprovda parir ta’ qabdiet żero għall-2026 u għall-2027. Il-bijomassa tal-istokkijiet ilha taħt il-Blim għall-parti l-kbira ta’ dawn l-aħħar 15-il sena. B’riżultat ta’ dan, mill-2021, il-Kunsill iddeċieda li jagħlaq is-sajd immirat u li jadotta miżuri rimedjali marbuta b’mod funzjonali mal-opportunitajiet tas-sajd (perjodu ta’ għeluq fiż-żmien riproduttiv u projbizzjoni tas-sajd rikreattiv). Dawn il-miżuri rimedjali għad ma rriżultawx fi status tal-istokkijiet imtejjeb, u għalhekk il-proposta għandha l-għan li żżommhom, f’konformità mal-Artikolu 3(1) tal-MAP u mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament Bażiku dwar il-PKS, flimkien mal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(5)(c) u (f) ta’ dak ir-Regolament. Rigward il-livell tat-TAC, l-ICES sa issa ma kienx f’pożizzjoni li jikkwantifika l-livell tal-qabdiet aċċessorji tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent f’sajd ieħor, iżda hemm qabdiet aċċessorji tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent fis-sajd l-ieħor kollu. Mingħajr allokazzjoni għall-qabdiet aċċessorji tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent, is-sajd kollu fiż-żona ta’ ġestjoni tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent ikollu jingħalaq. Sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi soċjoekonomiċi potenzjalment severi li jirriżultaw minn tali għeluq totali u fin-nuqqas ta’ informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni tipproponi, bħalma għamlet għall-2025, li t-TAC tal-qabdiet aċċessorji għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent tiġi stabbilita fil-livell tal-ħatt l-art rapportat fiż-żona ta’ ġestjoni tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent fl-2024, li huwa 42 tunnellata. Dan għandu jiżgura li l-pressjoni tas-sajd fuq dan l-istokk ma tiżdiedx. Barra minn hekk, il-bakkaljaw huwa qabda aċċessorja inevitabbli fis-sajd demersali għall-pixxiċatt u l-irkapti tas-sajd aktar selettivi, li huma mistennija jnaqqsu sostanzjalment dawn il-qabdiet aċċessorji tal-bakkaljaw, saru obbligatorji f’April 2025 fiż-żona ta’ ġestjoni tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent.
Rigward il-barbun tat-tbajja’, l-ICES ipprovda preċedentement parir separat għas-suddiviżjonijiet 21 sa 23 tal-ICES u għas-suddiviżjonijiet 24 sa 32 tal-ICES. Minn parametru referenzjarju fl-2025 ’l hawn, l-ICES jipprovdi parir wieħed dwar l-MSY li jkopri s-suddiviżjonijiet 21 sa 32 tal-ICES. Skont dan il-parir, il-bijomassa tal-istokk hija storikament għolja għalkemm il-kundizzjoni tal-ħut individwali ddeterjorat matul dawn l-aħħar 5 snin. Barra dan, il-parametru referenzjarju biddel il-perċezzjoni tal-istokk, u wassal lill-ICES biex jagħti l-parir li jitnaqqsu l-qabdiet ta’ 35 % għall-2026 meta mqabbel mal-parir għall-2025. Il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita fil-valur tal-punt FMSY f’konformità mal-Artikolu 4(3) tal-MAP.
Rigward l-aringa tal-Baltiku tal-Punent, l-ICES jagħti l-parir li għat-tmien sena konsekuttiva jiġu permessi qabdiet żero. Bħalma għamel fl-2025, l-ICES naqqas sostanzjalment id-daqs tal-istokk u jistma li, filwaqt li żdied mill-2024, dan jammonta biss għal 52 % tal-Blim fl-2025. L-ICES ikompli wkoll jistma li l-bijomassa se tibqa’ taħt il-Blim mill-anqas sal-2027, anke mingħajr l-ebda sajd. Ir-reklutaġġ ilu storikament baxx għal madwar 10 snin. B’riżultat ta’ dan, mill-2021, il-Kunsill iddeċieda li jagħlaq is-sajd immirat għajr għas-sajd xjentifiku u dak kostali fuq skala żgħira, u li jistabbilixxi TAC għall-qabdiet aċċessorji inevitabbli biex jiġi evitat waqfien tas-sajd ieħor minħabba sitwazzjoni ta’ kwoti limitanti. Dawn il-miżuri rimedjali għad ma rriżultawx fi status tal-istokk imtejjeb. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi, f’konformità mal-Artikolu 4(6) u mal-Artikolu 5(2) tal-MAP, li s-sajd immirat jinżamm magħluq u li tintemm l-eżenzjoni għas-sajd kostali fuq skala żgħira. Rigward il-livell tat-TAC, l-ICES sa issa ma kienx f’pożizzjoni li jikkwantifika l-livell tal-qabdiet aċċessorji tal-aringa tal-Baltiku tal-Punent f’sajd ieħor, iżda hemm qabdiet aċċessorji tal-aringa tal-Baltiku tal-Punent fis-sajd immirat għal-laċċa kaħla. Sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi soċjoekonomiċi potenzjalment severi li jirriżultaw mill-għeluq tas-sajd immirat għal-laċċa kaħla fiż-żona ta’ ġestjoni tal-aringa tal-Baltiku tal-Punent u fin-nuqqas ta’ informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tal-qabdiet aċċessorji għall-aringa tal-Baltiku tal-Punent tiġi stabbilita għal 394 tunnellata.
Rigward l-aringa tal-Botnja, l-ICES jistma li l-bijomassa kompliet tonqos u li fl-2025 din laħqet wieħed mill-aktar livelli baxxi reġistrati, fin-nofs bejn l-MSY Btrigger u l-Blim. Il-parir għal qabdiet fil-valur tal-punt FMSY huwa għal tnaqqis ta’ 16 % meta mqabbel mal-parir għall-2025. Barra dan, l-ICES jistma li, anke mingħajr ebda sajd, il-probabbiltà li fl-2027 l-istokk jirkupra aktar mill-MSY Btrigger hija ta’ 30 % biss. L-ICES isemmi wkoll li b’TAC f’MSY Flower, il-probabbiltà li fl-2027 l-bijomassa taqa’ taħt il-Blim hija ta’ 9 %. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita għal 25 560 tunnellata f’konformità mal-Artikolu 4(6) u mal-Artikolu 5(1) tal-MAP, u li jiġi stabbilit, bħala miżura rimedjali, għeluq ta’ 3 xhur, fiż-żmien riproduttiv abbażi tas-similarità bejn ix-xejriet ta’ riproduzzjoni meta mqabbla mal-aringa tal-Baltiku Ċentrali li għaliha l-ICES ipprovda parir speċjali.
Rigward l-aringa tal-Baltiku Ċentrali, l-ICES wettaq studju ta’ parametraġġ referenzjarju fl-2023 u stma li l-bijomassa kienet taħt il-Blim għall-biċċa l-kbira ta’ dawn l-aħħar 30 sena, iżda din żdiedet mill-2022 u qabżet il-Blim mill-2024. Minħabba żieda fil-bijomassa u l-klassijiet tas-snin 2024 u 2025 potenzjalment b’saħħithom, il-parir għal qabdiet fil-valur tal-punt FMSY huwa 26 % ogħla milli fl-2025. Madankollu, l-ICES jiddikjara li t-tbassir għar-reklutaġġ huwa inċert u jerġa’ jenfasizza l-kwistjoni tar-rapportar ħażin li jżid l-inċertezza. Barra dan, il-klassi tas-sena 2023 hija dgħajfa u l-istokk huwa vulnerabbli billi huwa magħmul minn diversi subpopolazzjonijiet ġenetikament distinti. Barra minn hekk, l-ICES jistma li, anke mingħajr ebda sajd, il-probabbiltà li l-istokk jirkupra aktar mill-MSY Btrigger fl-2027 hija ta’ biss 52 %. L-ICES isemmi wkoll li b’TAC f’MSY Flower, il-probabbiltà li l-bijomassa fl-2027 taqa’ taħt il-Blim kif imsemmija fl-Artikolu 4(6) tal-MAP hija ta’ 6 %. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 4(4) u mal-Artikolu 5(1) tal-MAP, il-Kummissjoni tipproponi li fl-2026, tinżamm it-TAC stabbilita għall-2025 (83 881 tunnellata) u li jiġi stabbilit bħala miżura rimedjali għeluq ta’ 3 xhur fiż-żmien riproduttiv abbażi tal-parir speċjali tal-ICES.
Rigward l-aringa fil-Golf ta’ Riga, l-ICES jistma li filwaqt li l-bijomassa naqset bi ftit, din għadha ogħla mill-MSY Btrigger u tinsab f’livelli storikament għoljin. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li t-TAC tiġi stabbilita fil-valur tal-punt FMSY f’konformità mal-Artikolu 4(3) tal-MAP.
Rigward il-laċċa kaħla, l-ICES jistma li l-bijomassa tal-istokk kompliet tonqos minħabba reklutaġġ baxx rekord konfermat bejn l-2021 u l-2023. Filwaqt li l-bijomassa tibqa’ ’l fuq mill-MSY Btrigger, fl-2025 din laħqet l-aktar livell baxx tagħha mill-1990. Abbażi tat-tbassir li r-reklutaġġ fl-2024 huwa fost l-ogħla rreġistrat, il-parir għall-qabdiet fil-valur tal-punt FMSY huwa 36 % ogħla milli fl-2025. L-ICES madankollu jisħaq li t-tbassir huwa bbażat fuq stħarriġ wieħed u li għalhekk huwa inċert u li l-probabbiltà li l-istokk ikun taħt il-punti ta’ referenza dwar il-konservazzjoni jaf tiġi ssottovalutata. Barra minn hekk, l-ICES jenfasizza l-kwistjoni li żżid l-inċertezza tar-rapportar ħażin. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, f’ħafna mis-sajd, il-laċċa kaħla tinqabad flimkien mal-aringa. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li fl-2026 tinżamm it-TAC stabbilita għall-2025 (139 500 tunnellata) u b’hekk it-TAC tiġi stabbilita taħt l-MSY Flower, f’konformità mal-Artikolu 4(4) tal-MAP. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jinżamm l-għeluq fiż-żmien riproduttiv stabbilit mill-Kunsill għall-2025.
Rigward l-istokkijiet tas-salamun tax-xmajjar, sa mill-anqas mis-snin 90, l-ICES iddikjara li l-istatus ta’ dawk l-istokkijiet fiż-żona tal-Baħar Baltiku hija eteroġenja, bi wħud mill-istokkijiet tas-salamun tax-xmajjar li jinsabu f’kundizzjoni tajba iżda oħrajn li ma humiex. Mill-2022, l-ICES ta l-parir ukoll li l-qabdiet kummerċjali u rikreattivi kollha tas-salamun jieqfu fil-baċir ewlieni, minħabba li huma mħallta b’mod inerenti mas-sajd li jaqbad is-salamun mill-istokkijiet kollha tax-xmajjar. Fl-istess ħin, l-ICES ikkunsidra li t-tkomplija tas-sajd immirat eżistenti f’xi żoni kostali tat-Tramuntana waqt il-migrazzjoni tas-salamun fis-sajf xorta tkun possibbli. Għalhekk, mill-2021, il-Kunsill iddeċieda li jagħlaq is-sajd immirat għas-salamun fil-baċir ewlieni u li jistabbilixxi TAC għall-qabdiet aċċessorji inevitabbli, b’eżenzjoni għas-sajd xjentifiku, filwaqt li jżomm is-sajd immirat għas-salamun miftuħ matul il-perjodu tas-sajf fiż-żoni kostali tat-Tramuntana rilevanti. Mill-2021, il-Kunsill adotta wkoll miżuri rimedjali marbuta funzjonalment mal-opportunitajiet tas-sajd (projbizzjoni tal-użu tal-konzijiet u tas-sajd għat-trota tal-baħar barra miż-żoni kostali; limitu tal-qabda ta’ kuljum tas-salamun b’pinna waħda maqtugħa għal kull petriċa kbira fil-biċċa l-kbira taż-żoni). Il-parir tal-ICES għall-2026 isegwi l-istess approċċ bħal fis-snin preċedenti iżda jagħti l-parir li l-livell tal-qabdiet massimi rakkomandati għandu jitnaqqas ulterjorment minħabba inċertezzi addizzjonali dwar l-abbundanza tas-salamun fix-xmara tas-salamun l-aktar importanti. L-ICES isemmi wkoll it-tnaqqis notevoli ta’ popolazzjoni waħda partikolari fix-xmajjar u għalhekk jirrakkomanda li l-bidu tal-istaġun tas-sajd jiġi pospost minn Mejju għal Ġunju fil-Baħar Åland u madwar il-bokka ta’ dik ix-xmara. L-ICES isostni wkoll li jistma li l-mortalità ta’ wara r-rilaxx tas-salamun selvaġġ fis-sajd rikreattiv bir-rixa għas-salamun xaħmi bil-pinen maqtugħin (jiġifieri mrobbi) hija ta’ 24 % (filwaqt li jinnota li r-riżultati preliminari ta’ studju ġdid jindikaw li l-mortalità jaf tkun konsiderevolment aktar baxxa) li tirriżulta f’madwar 2 500 salamun selvaġġ mejjet. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi, f’konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament Bażiku dwar il-PKS, flimkien mal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(5)(c) u (f) ta’ dak ir-Regolament, li (i) fil-prinċipju tiġi limitata t-TAC għal qabdiet aċċessorji inevitabbli; (ii) tiġi permessa deroga għas-sajd kostali kummerċjali mmirat tas-salamun fis-sajf fis-suddiviżjonijiet tal-ICES minn 29 fit-Tramuntana sa 31 filwaqt li jitqies il-bidu aktar tard rakkomandat tal-istaġun tas-sajd fis-suddiviżjoni 29 tal-ICES fit-Tramuntana u madwar bokka waħda tax-xmara fis-suddiviżjoni 31 tal-ICES; (iii) tiġi stabbilita t-TAC fil-livell rakkomandat mill-ICES; (iv) jinżammu l-istess miżuri rimedjali bħal dawk għall-2025; (v) tinżamm il-flessibbiltà limitata bejn iż-żoni għall-2026 biex jiġi żgurat l-użu sħiħ tal-opportunitajiet tas-sajd kostali fis-suddiviżjoni 32 tal-ICES; u (vi) tintemm il-possibbiltà tas-sajd rikreattiv għas-salamun għajr fiż-żoni kostali fis-suddiviżjonijiet tal-ICES minn 29 fit-Tramuntana sa 31 matul l-istess perjodi bħal dawk tas-sajd kummerċjali.
Rigward is-salamun fil-Golf tal-Finlandja, l-ICES ħareġ parir ta’ prekawzjoni għall-2026. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi TAC fil-livell tal-parir ta’ prekawzjoni f’konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament Bażiku dwar il-PKS. Abbażi tal-konsum tal-kwoti fil-passat, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li tinżamm il-flessibbiltà limitata bejn iż-żoni bejn iż-żewġ TACs tas-salamun għall-Estonja biex jiġi evitat ir-riskju tal-waqfien tas-sajd kostali tiegħu għal speċijiet oħra minħabba sitwazzjoni ta’ kwoti limitanti.
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 jistabbilixxi aktar kundizzjonijiet għall-ġestjoni tat-TACs minn sena għal sena inkluż, skont l-Artikoli 3 u 4, dispożizzjonijiet ta’ flessibbiltà għal stokkijiet soġġetti għal TACs prekawzjonarji u analitiċi, rispettivament. L-Artikolu 2 jistipula li, meta jiġu ffissati t-TACs, il-Kunsill irid jiddeċiedi għal liema stokkijiet ma għandhomx japplikaw l-Artikoli 3 u 4, b’mod partikolari abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet. Minħabba l-istat partikolarment fraġli tal-ekosistema tal-Baħar Baltiku u ta’ diversi stokkijiet tal-ħut, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi eskluża l-flessibbiltà minn sena għal sena skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 għal stokkijiet b’bijomassa taħt l-MSY Btrigger u għal stokkijiet li għalihom l-ICES jirrakkomanda qabdiet żero jew inkella s-sospensjoni tas-sajd immirat. L-Artikolu 15(9) tar-Regolament Bażiku dwar il-PKS jistabbilixxi wkoll mekkaniżmu ta’ flessibbiltà minn sena għal sena għall-istokkijiet kollha soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art. Sabiex tiġi evitata flessibbiltà eċċessiva li timmina l-prinċipju ta’ sfruttament razzjonali u responsabbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u tagħmilha diffiċli biex jintlaħqu l-objettivi tal-PKS, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplikaw biss jekk l-Istati Membri ma jużawx il-flessibbiltà minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament Bażiku dwar il-PKS. Barra dan, il-flessibbiltà minn sena għal sena għall-kwoti skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament Bażiku dwar il-PKS għandha wkoll tiġi eskluża jekk din ittellef milli jintlaħqu l-objettivi tal-PKS, b’mod partikolari għal stokkijiet b’bijomassa taħt l-MSY Btrigger u għal stokkijiet li għalihom se jkun permess biss sajd aċċessorju jew xjentifiku.
Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jiġi emendat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/202 biex tiġi stabbilita TAC għall-merluzz tan-Norveġja, li s-sena tas-sajd għalih tibda fl-1 ta’ Novembru 2025. Il-livell tat-TAC huwa mmarkat bħala “pm” (pro memoria), sakemm jiġi ppubblikat il-parir tal-ICES mistenni għall-10 ta’ Ottubru 2025 u jinħareġ l-eżitu tal-konsultazzjonijiet mar-Renju Unit.
2025/0253 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku għall-2026 u li jemenda r-Regolament (UE) 2025/202 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet tas-sajd f’ilmijiet oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Kunsill għandu jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, inkluż ċerti kundizzjonijiet marbuta funzjonalment ma’ dawn l-opportunitajiet tas-sajd. Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-opportunitajiet tas-sajd iridu jiġu ffissati f’konformità mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd (PKS) kif stabbiliti fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-Regolament. Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd iridu jiġu allokati bejn l-Istati Membri b’tali mod li tiġi żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta’ kull Stat Membru għal kull stokk jew tip ta’ sajd.
(2)Jenħtieġ għalhekk li l-qabdiet totali permissibbli (TACs, total allowable catches) jiġu stabbiliti, f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, abbażi tal-parir xjentifiku disponibbli, filwaqt li jitqiesu l-aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi u jiġi żgurat ukoll trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, u fid-dawl tal-opinjonijiet espressi matul il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
(3)Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringa u l-laċċa kaħla fil-Baħar Baltiku u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet. F’konformità mal-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament, dak il-pjan għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-PKS elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Il-pjan għandu wkoll l-għan li jiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jirrestawra u jżomm il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada ’l fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY, maximum sustainable yield). Il-pjan għandu wkoll l-għan li jikkontribwixxi biex jiġi żgurat li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u jkunu ġestiti b’mod li jkun konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali, u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Dawn l-objettivi, kif speċifikat ulterjorment fl-Artikolu 2(5), il-punti (c) u (f), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jinkludu l-għoti ta’ kundizzjonijiet għal industrija tas-sajd, tal-qbid u tal-ipproċessar vijabbli u kompetittiva u għal attivitajiet relatati mas-sajd u bbażati fuq l-art. Barra dan, dawn għandhom l-għan li jiżguraw standard tal-għajxien ġust għal dawk dipendenti fuq l-attivitajiet tas-sajd, b’mod partikolari meta jitqiesu s-sajd kostali u l-aspetti soċjoekonomiċi.
(4)Fit-28 ta’ Mejju 2025, il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES, International Council for the Exploration of the Sea) ippubblika l-parir dwar l-istokkijiet annwali tiegħu għall-istokkijiet tal-Baltiku għall-2026, għalkemm għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, l-ICES ħareġ mill-ġdid il-parir tiegħu mogħti għall-2025. Skont l-ICES, il-biċċa l-kbira tas-sajd fil-Baħar Baltiku għandu mill-anqas ċertu grad ta’ taħlit bejn l-istokkijiet. Dak it-taħlit jikkonċerna kemm stokkijiet ġestiti minn TAC kif ukoll stokkijiet mhux ġestiti minn TAC. L-aktar grad importanti ta’ taħlit iseħħ fost l-ispeċijiet pelaġiċi u l-ispeċijiet demersali rispettivament.
(5)Għall-2026, l-ICES jagħti l-parir ta’ qabdiet żero għall-aringa tal-Baltiku tal-Punent, għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant u tal-Punent, u għas-salamun fis-suddiviżjonijiet 22 sa 31 tal-ICES. Għalhekk, jekk it-TACs għal dawk l-istokkijiet jiġu stabbiliti fil-livelli rrakkomandati mill-ICES, l-obbligu li jinħattu l-art il-qabdiet kollha, inkluż il-qabdiet aċċessorji minn dawk l-istokkijiet fis-sajd imħallat, iwassal għall-fenomenu tal-ispeċijiet bi kwota limitanti. Il-merluzz jinqabad b’mod aċċessorju fis-sajd kollu, l-aringa tal-Punent tinqabad b’mod aċċessorju fis-sajd immirat għal-laċċa kaħla, u s-salamun jista’ jinqabad b’mod aċċessorju f’ħafna mis-sajd. Sitwazzjoni ta’ kwoti limitanti taffettwa b’mod partikolari l-bastimenti li jistadu għall-pixxiċatt u għall-ispeċijiet pelaġiċi, u potenzjalment iġġegħlhom iwaqqfu l-operazzjonijiet tas-sajd fl-2026 u twassal għal għeluq prematur ta’ dak is-sajd. Abbażi tad-data mill-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura , il-valur tal-ewwel bejgħ għas-sajd tal-barbun tat-tbajja’, tal-laċċa kaħla u tal-aringa kkonċernati li jistgħu jinqabdu fi ħdan il-limiti tat-TACs u li mistennija jinqabdu fiż-żona rispettiva rilevanti huwa stmat għal EUR 25 300 000, EUR 55 700 000 u EUR 43 400 000, rispettivament. Ħafna mis-sajd, b’mod partikolari s-sajd kostali fuq skala żgħira għal speċijiet mhux ġestiti minn TAC, ikun jeħtieġ ukoll il-waqfien tal-operazzjonijiet tas-sajd fl-2026. Sabiex jinkiseb bilanċ bejn iż-żamma tas-sajd, fid-dawl tal-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi potenzjalment severi jekk dan ma jinstabx u tal-ħtieġa li jinkiseb status bijoloġiku tajjeb għal dawk l-istokkijiet, u filwaqt li titqies id-diffikultà tas-sajd għall-istokkijiet kollha f’sajd imħallat b’MSY, jixraq li t-TACs jinżammu esklużivament għal qabdiet aċċessorji inevitabbli għall-aringa tal-Baltiku tal-Punent, għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent, u għas-salamun tal-baċir ewlieni.
(6)Fir-rigward tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, l-ICES ta l-parir ta’ qabdiet żero għal dak l-istokk sa mill-2019. Billi l-istokk għadu fl-istess stat kritiku, għall-2026, l-ICES reġa’ ħareġ il-parir tiegħu mogħti għall-2025 li fih l-ICES wera fiduċja dwar ix-xejriet fil-bijomassa tal-istokk u l-bijomassa kienet stmata ferm taħt il-punt ta’ referenza dwar konservazzjoni (Blim), li taħtu jista’ jkun hemm kapaċità riproduttiva mnaqqsa. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2016/1139 u mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament Bażiku dwar il-PKS, jixraq li jiġi sospiż is-sajd immirat u li jiġu adottati miżuri rimedjali marbuta funzjonalment. F’konformità mal-Artikolu 2(1) u mal-Artikolu 2(5), il-punti (c) u (f) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ ukoll li l-opportunitajiet tas-sajd għal qabdiet aċċessorji inevitabbli jiġu stabbiliti f’livell baxx sabiex jiġu evitati l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi potenzjalment severi li jirriżultaw jekk l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti għal żero.
(7)Fir-rigward tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent, wara li ta l-parir ta’ livell baxx ta’ qabdiet għal diversi snin, l-ICES ta l-parir ta’ qabdiet żero għall-2026 minħabba li l-bijomassa tal-istokk hija stmata li tinsab taħt il-Blim fl-2025 u li mhux se tirkupra ’l fuq mill-Blim fl-2027. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2016/1139 u mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament Bażiku dwar il-PKS, jixraq li jiġi sospiż is-sajd immirat u li jiġu adottati miżuri rimedjali marbuta funzjonalment. F’konformità mal-Artikolu 2(1) u mal-Artikolu 2(5), il-punti (c) u (f) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ ukoll li l-opportunitajiet tas-sajd għal qabdiet aċċessorji inevitabbli jiġu stabbiliti f’livell baxx biex jiġu evitati l-konsegwenzi soċjoekonomiċi li jirriżultaw jekk l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti għal żero.
(8)Fir-rigward tas-salamun fis-suddiviżjonijiet 22 sa 31 tal-ICES, l-ICES żamm mal-parir tiegħu ta’ ebda qbid, filwaqt li kkunsidra, għall-2026, il-possibbiltà ta’ sajd kostali kummerċjali u rikreattiv immirat kontinwu fis-sajf fiż-żona lejn it-Tramuntana tal-latitudni 59° 30′ N (is-suddiviżjonijiet tal-ICES minn 29 fit-Tramuntana sa 31). L-ICES naqqas ukoll il-parir dwar qabdiet tiegħu meta mqabbel mal-2025 minħabba inċertezzi addizzjonali dwar l-abbundanza tas-salamun fix-xmara tas-salamun l-aktar importanti. Barra minn hekk, l-ICES isemmi li jekk is-sajd jinbeda biss f’Ġunju fis-suddiviżjoni 29 tal-ICES fit-Tramuntana u barra mill-bokka tax-xmara tax-xmara Råneälven, dan jikkontribwixxi għall-protezzjoni ulterjuri ta’ din il-popolazzjoni tas-salamun selvaġġ partikolarment fraġli kif ukoll ta’ popolazzjonijiet oħrajn tas-salamun selvaġġ li jemigraw kmieni. Barra minn hekk, hemm il-mortalità ta’ wara r-rilaxx tas-salamun selvaġġ fis-sajd rikreattiv għas-salamun xaħmi bil-pinen maqtugħin. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament Bażiku dwar il-PKS, jixraq li jiġi stabbilit il-livell tal-opportunitajiet tas-sajd u ż-żona u l-perjodu tas-sajd f’konformità mal-parir tal-ICES, u li jiġu adottati miżuri rimedjali marbuta funzjonalment (projbizzjoni tal-użu tal-konzijiet u tas-sajd għat-trota tal-baħar barra miż-żoni kostali; jiġi permess is-sajd rikreattiv biss meta u fejn ikun permess sajd kummerċjali mmirat).
(9)Sabiex jiġi żgurat l-użu sħiħ tal-opportunitajiet tas-sajd kostali għas-salamun fis-suddiviżjoni 32 tal-ICES, jixraq li tiġi permessa l-flessibbiltà limitata bejn iż-żoni għas-salamun bejn is-suddiviżjonijiet 22 sa 31 tal-ICES u s-suddiviżjoni 32 tal-ICES.
(10)Sabiex jitnaqqas ir-riskju li s-salamun jiġi rrapportat ħażin bħala trota tal-baħar fis-sajd għas-salamun, jixraq li s-sajd għat-trota tal-baħar jiġi pprojbit lil hinn minn 4 mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi u li l-qabdiet aċċessorji tat-trota tal-baħar jiġu limitati għal 3 % tal-qabda kombinata tat-trota tal-baħar u tas-salamun.
(11)Jenħtieġ li l-miżuri dwar is-sajd rikreattiv tal-merluzz u tas-salamun u l-miżuri għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tat-trota tal-baħar u tas-salamun ikunu mingħajr preġudizzju għall-miżuri nazzjonali aktar stretti skont l-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
(12)Fir-rigward tal-aringa fil-Golf tal-Botnja, l-ICES jistma li l-bijomassa kompliet tonqos u issa tinsab fin-nofs bejn il-Blim u l-punt ta’ referenza dwar konservazzjoni (MSY Btrigger), li taħtu għandhom jittieħdu miżuri rimedjali xierqa biex jiġi żgurat ir-ritorn rapidu tal-istokk f’livelli ogħla minn dawk li kapaċi jipproduċu l-MSY. L-ICES isemmi wkoll inċertezzi fl-istima tal-gruppi ta’ età żgħira u tal-piż skont l-età. Barra minn hekk, l-ICES ikompli jinnota li l-proporzjon ta’ individwi akbar fl-età fil-popolazzjoni x’aktarx li ma jiżdiedx jekk l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti fil-valur tal-punt FMSY. Barra dan, l-ICES jinnota li l-istokk x’aktarx huwa vulnerabbli għat-telf tad-diversità ġenetika. L-ebda wieħed mix-xenarji tal-qabdiet fi ħdan il-meded tal-FMSY ma jiżgura li l-probabbiltà li l-bijomassa tal-istokk taqa’ taħt il-Blim fl-2027 hija anqas minn 5 %. Barra dan, anke mingħajr ebda sajd, l-istokk huwa pproġettat li jirkupra ’l fuq mill-MSY Btrigger fl-2027 bi probabbiltà ta’ 30 % biss. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 4(6) u mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2016/1139, jixraq li jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd b’mod korrispondenti u li jiġi stabbilit perjodu ta’ għeluq ta’ 3 xhur fiż-żmien riproduttiv bħala miżura rimedjali marbuta funzjonalment.
(13)Fir-rigward tal-aringa tal-Baltiku tal-Punent, l-ICES jagħti l-parir ta’ qabdiet żero għal dak l-istokk għat-tmien sena konsekuttiva. Kif kien il-każ fl-2024, l-ICES irreveda l-istimi tal-bijomassa ’l isfel għas-snin preċedenti u jistma li l-bijomassa hija biss 52 % tal-Blim fl-2025, anke jekk din żdiedet kontinwament mill-2021. Barra dan, ir-reklutaġġ għadu f’livelli storikament baxxi u l-bijomassa ma hijiex mistennija tirkupra ’l fuq mill-Blim fl-2027. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 4(6) u mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2016/1139, jixraq li s-sajd immirat jiġi sospiż u li tintemm l-eċċezzjoni għas-sajjieda fuq skala żgħira. F’konformità mal-Artikolu 2(1) u mal-Artikolu 2(5), il-punti (c) u (f) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ ukoll li l-opportunitajiet tas-sajd għal qabdiet aċċessorji inevitabbli jiġu stabbiliti f’livell baxx sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi soċjoekonomiċi li jirriżultaw jekk l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti għal żero.
(14)Fir-rigward tal-aringa tal-Baltiku Ċentrali, l-ICES jistma li l-istokk kien taħt il-Blim għall-biċċa l-kbira ta’ dawn l-aħħar 30 sena. L-ICES jistma li, minħabba żieda fil-piż skont l-età u reklutaġġ aktar b’saħħtu fl-2022, l-istokk ilu ’l fuq mill-Blim mill-2024 iżda għadu ferm taħt l-MSY Btrigger. L-ICES jistma li r-reklutaġġ fl-2024 u fl-2025 jista’ jkun b’saħħtu iżda jissottolinja li dawn l-istimi huma inċerti. Ir-reklutaġġ fl-2023 huwa taħt il-medja. Barra minn hekk, l-ICES ifakkar li r-rapportar ħażin kontinwu tal-ispeċijiet qed iżid l-inċertezza tal-parir. L-ebda wieħed mix-xenarji tal-qabdiet fi ħdan il-meded tal-FMSY ma jiżgura li l-probabbiltà li l-bijomassa tal-istokk taqa’ taħt il-Blim fl-2027 hija anqas minn 5 %. Barra dan, il-probabbiltà li l-istokk se jibqa’ taħt l-MSY Btrigger fl-2027 għadha ta’ 52 % anke mingħajr ebda sajd u minkejja t-tbassir pożittiv stmat. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 4(4) u mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2016/1139, jixraq li jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd b’mod korrispondenti u li jiġi stabbilit perjodu ta’ għeluq ta’ 3 xhur fiż-żmien riproduttiv bħala miżura rimedjali marbuta funzjonalment.
(15)Fir-rigward tal-aringa fil-Golf ta’ Riga u l-barbun tat-tbajja’, l-ICES jistma li l-bijomassa hija ’l fuq mill-MSY Btrigger u li l-pressjoni tas-sajd hija taħt l-FMSY Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2016/1139, jixraq li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti b’mod korrispondenti.
(16)Fir-rigward tal-laċċa kaħla, l-ICES jistma li, filwaqt li l-bijomassa għadha ’l fuq mill-MSY Btrigger, il-bijomassa kompliet tonqos minħabba reklutaġġ storikament baxx konfermat mill-2021 sal-2023. Il-bijomassa hija stmata li fl-2025 se tkun fl-aktar livell baxx tagħha mill-1990 u qrib l-MSY Btrigger. L-ICES jistma li r-reklutaġġ fl-2024 jista’ jkun eċċezzjonalment għoli, iżda jissottolinja li l-istima hija inċerta u li l-probabbiltà li l-bijomassa tkun taħt il-punti ta’ referenza dwar konservazzjoni jaf tiġi ssottovalutata. Barra minn hekk, l-ICES ifakkar li r-rapportar ħażin kontinwat tal-ispeċijiet qed iżid l-inċertezza tal-parir. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2016/1139, jixraq li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti b’mod korrispondenti. F’konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 1380/2013, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jinżamm il-perjodu ta’ għeluq eżistenti fiż-żmien riproduttiv ta’ 3 xhur.
(17)L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti f’dan ir-Regolament se jkun immonitorjat u kkontrollat f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, b’mod partikolari l-Artikoli 33 u 34 ta’ dak ir-Regolament, li jikkonċerna r-reġistrazzjoni tal-qabdiet u l-isforz tas-sajd, u n-notifika ta’ data dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd lill-Kummissjoni. Għalhekk jeħtieġ li jiġu speċifikati l-kodiċijiet użati mill-Istati Membri meta jibagħtu d-data lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art tal-istokkijiet koperti b’dan ir-Regolament.
(18)L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 jipprevedu flessibbiltà minn sena għal sena għal kwoti ta’ stokkijiet soġġetti kemm għal TACs prekawzjonarji kif ukoll għal dawk analitiċi. Skont l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, meta jiġu ffissati t-TACs, il-Kunsill għandu jiddeċiedi l-istokkijiet li għalihom ma għandhomx japplikaw l-Artikoli 3 u 4, b’mod partikolari abbażi tal-istatus bijoloġiku tagħhom billi dan il-mekkaniżmu jwassal biex il-livelli tal-kwoti jkunu disponibbli f’sena partikolari li jaqbżu l-kwoti stabbiliti inizjalment għal dik is-sena. Sa issa, dawn l-Artikoli ma ġewx applikati għal stokkijiet b’bijomassa taħt il-Blim. Minħabba l-istat fraġli tal-ekosistema tal-Baħar Baltiku u l-istokkijiet tal-ħut tagħha, jixraq li dawn l-Artikoli wkoll ma jiġux applikati għal stokkijiet b’bijomassa bejn il-Blim u l-MSY Btrigger. Barra minn hekk, l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi aktar flessibbiltà minn sena għal sena għall-istokkijiet kollha li huma soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art. Sabiex tiġi evitata flessibbiltà eċċessiva li timmina l-ilħuq tal-objettivi tal-PKS, jenħtieġ li l-flessibbiltà minn sena għal sena għall-kwoti skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma tapplikax b’mod kumulattiv. Jenħtieġ li l-flessibbiltà minn sena għal sena skont l‑Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, meta rilevanti, tiġi eskluża abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet.
(19)Il-bijomassa tal-istokkijiet tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent u tal-aringa tal-Baltiku tal-Punent tinsab taħt il-Blim. Għal dawn l-istokkijiet kollha fl-2026 huma permessi l-qabdiet aċċessorji u s-sajd xjentifiku biss. Il-bijomassa tal-aringa tal-Botnja u tal-aringa tal-Baltiku Ċentrali hija ferm taħt l-MSY Btrigger. Għalhekk, u minħabba r-reżiljenza relattivament baxxa tal-ekosistema tal-Baħar Baltiku, l-Istati Membri li għandhom sehem mill-kwota tat-TACs rilevanti impenjaw ruħhom li fl-2026 ma japplikawx il-flessibbiltà minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għal dawk l-istokkijiet sabiex il-qabdiet fl-2026 ma jaqbżux it-TACs rilevanti. Barra dan, fin-Nofsinhar tal-latitudni 59° 30′ N, il-bijomassa ta’ kważi l-istokkijiet kollha tas-salamun tax-xmajjar tinsab taħt il-punt ta’ referenza ta’ limitu għall-produzzjoni tas-salamun żgħir (Rlim) u fl-2026 huma permessi l-qabdiet aċċessorji u s-sajd xjentifiku biss. L-Istati Membri rilevanti ħadu għalhekk impenn simili rigward il-flessibbiltà minn sena għal sena b’rabta mal-qabdiet tas-salamun mill-baċir ewlieni fl-2026.
(20)[spazju riżervat għall-merluzz tan-Norveġja: L-Unjoni u r-Renju Unit kellhom konsultazzjonijiet bilaterali fil-[XX] ta’ Ottubru 2025 dwar it-TAC għall-merluzz tan-Norveġja fid-diviżjoni 3a tal-ICES (Skagerrak-Kattegat), fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES u fl-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a tal-ICES (il-Baħar tat-Tramuntana) għall-perjodu mill-1 ta’ Novembru 2025 sal-31 ta’ Ottubru 2026. Dawk il-konsultazzjonijiet saru skont l-Artikolu 498(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (FKK). L-Unjoni ħadet sehem f’dawk il-konsultazzjonijiet abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet għall-pożizzjoni tal-Unjoni approvati mill-Kunsill fil-[XX] ta’ Ottubru 2025, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1875. L-Unjoni u r-Renju Unit qablu dwar TAC abbażi tal-parir tal-ICES għall-merluzz tan-Norveġja fis-subżona 4 tal-ICES u fid-diviżjoni 3a tal-ICES għal dak il-perjodu ppubblikat fil-[XX] ta’ Ottubru 2025. L-eżitu tal-konsultazzjoni ġie ddokumentat fir-Rekord bil-Miktub, li ġie ffirmat mill-Kapijiet tad-Delegazzjoni tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-[XX] ta’ Ottubru 2025. Għalhekk jenħtieġ li t-TAC għall-perjodu mill-1 ta’ Novembru 2025 sal-31 ta’ Ottubru 2026 tiġi iffissata fil-livell stabbilit f’dak ir-Rekord bil-Miktub.]
(21)[spazju riżervat għal modifiki oħra possibbli fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/202].
(22)Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2025/202 jiġi emendat kif xieraq.
(23)Biex tiġi evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd u jiġi ssalvagwardjat l-għajxien tas-sajjieda, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament relatati mal-Baħar Baltiku japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2026. Madankollu, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet relatati mal-merluzz tan-Norveġja fi Skagerrak-Kattegat u fil-Baħar tat-Tramuntana japplikaw b’mod retroattiv mill-1 ta’ Novembru 2025 sal-31 ta’ Ottubru 2026 minħabba li dak huwa l-istaġun tas-sajd għall-merluzz tan-Norveġja. Għal raġunijiet ta’ urġenza, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih wara l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut fil-Baħar Baltiku għall-2026 u jemenda ċerti opportunitajiet tas-sajd f’ilmijiet oħra ffissati bir-Regolament (UE) 2025/202.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li joperaw fil-Baħar Baltiku.
Japplika wkoll għas-sajd rikreattiv meta dan jissemma b’mod espliċitu fid-dispożizzjonijiet rilevanti.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
Barra minn hekk, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“suddiviżjoni” tfisser suddiviżjoni tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES, International Council for the Exploration of the Sea) tal-Baħar Baltiku kif definita fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(2)“qabda totali permissibbli (TAC, total allowable catch)” tfisser:
(a)fis-sajd soġġett għall-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art imsemmija fl-Artikolu 15(4) sa (7) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-kwantità ta’ ħut li jista’ jinħatt l-art minn kull stokk kull sena;
(b)fis-sajd l-ieħor kollu, il-kwantità ta’ ħut li jista’ jinqabad minn kull stokk kull sena;
(3)“kwota” tfisser proporzjon tat-TAC allokat lill-Unjoni, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz;
(4)“sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet tas-sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw riżorsi bijoloġiċi tal-baħar għar-rikreazzjoni, għat-turiżmu jew għall-isport;
(5)“valutazzjoni analitika” tfisser evalwazzjoni kwantitattiva tax-xejriet fi stokk partikolari, ibbażata fuq data dwar il-bijoloġija u l-isfruttament tal-istokk, inkluż abbażi ta’ indikaturi, li r-rieżami xjentifiku jkun indika li hija ta’ kwalità tajba biżżejjed biex tipprovdi parir xjentifiku;
(6)“TAC analitika” tfisser TAC li għaliha tkun disponibbli valutazzjoni analitika;
(7)“TAC prekawzjonarja” tfisser TAC li għaliha ma jkunx hemm disponibbli valutazzjoni analitika u li għaliha jkun hemm disponibbli valutazzjoni bbażata fuq l-approċċ prekawzjonarju jew ma tkun disponibbli l-ebda valutazzjoni.
KAPITOLU II
OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD
Artikolu 4
TACs u allokazzjonijiet
It-TACs, il-kwoti u, fejn xieraq, il-miżuri marbuta funzjonalment magħhom, huma stabbiliti fl-Anness.
Artikolu 5
Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd
1.L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif stabbilit f’dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:
(a)l-iskambji li jkunu saru skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(b)it-tnaqqis u r-riallokazzjonijiet li jkunu saru skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;
(c)il-ħatt l-art addizzjonali permess skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(d)il-kwantitajiet miżmuma f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u trasferiti skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(e)it-tnaqqis li jkun sar skont l-Artikoli 105, 106 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
2.L-istokkijiet soġġetti għal TACs prekawzjonarji jew analitiċi għall-finijiet tal-ġestjoni minn sena għal sena tat-TACs u tal-kwoti previsti fir-Regolament (KE) Nru 847/96 huma identifikati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
3.Għajr meta speċifikat mod ieħor fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, għandu japplika l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 għall-istokkijiet soġġetti għal TAC prekawzjonarja, u għandhom japplikaw l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament għall-istokkijiet soġġetti għal TAC analitika.
4.L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandhomx japplikaw meta Stat Membru juża l-flessibbiltà minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
Artikolu 6
Kundizzjonijiet għall-ħatt l-art tal-qabdiet u tal-qabdiet aċċessorji
L-istokkijiet ta’ speċijiet mhux fil-mira fi ħdan il-limiti bijoloġiċi sikuri msemmija fl-Artikolu 15(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li għalihom tapplika d-deroga mill-obbligu li jingħaddu l-qabdiet skont il-kwoti rilevanti huma identifikati fit-tabelli tat-TAC rilevanti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 7
Għeluq biex tiġi protetta r-riproduzzjoni tal-bakkaljaw
1.Għandu jiġi pprojbit is-sajd bi kwalunkwe tip ta’ rkaptu tas-sajd fis-suddiviżjonijiet 25 u 26 mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Awwissu.
2.Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fil-każijiet li ġejjin:
(a)operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi, dment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(b)bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ anqas minn 12-il metru li jistadu bl-għeżula, bix-xbieki tat-tħabbil jew bil-pariti, bil-linji tal-qiegħ, bil-konzijiet, bil-linji tal-għeżula tat-tisqif, bix-xlief tal-idejn u bl-irkaptu tat-trejjix jew b’irkaptu passiv simili, f’żoni fejn il-fond tal-ilma jkun anqas minn 20 metru skont il-koordinati fuq il-mappa nawtika uffiċjali maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;
(c)mingħajr preġudizzju għall-perjodi ta’ għeluq stabbiliti fl-Artikolu 8(1)(a) u fl-Artikolu 9(1), il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu fis-suddiviżjoni 25 għal stokkijiet pelaġiċi għall-konsum dirett mill-bniedem, bl-użu ta’ rkapti b’daqs tal-malja ta’ 45 mm jew anqas, f’żoni fejn il-fond tal-ilma jkun anqas minn 50 metru skont il-koordinati fuq il-mappa nawtika uffiċjali maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u li l-ħatt l-art tagħhom jiġi magħżul.
3.Għandu jiġi pprojbit is-sajd bi kwalunkwe tip ta’ rkaptu tas-sajd fis-suddiviżjonijiet 22 u 23 mill-15 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu u fis-suddiviżjoni 24 mill-15 ta’ Mejju sal-15 ta’ Awwissu.
4.Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 3 ma għandhiex tapplika fil-każijiet li ġejjin:
(a)operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi, dment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241;
(b)bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ anqas minn 12-il metru li jistadu bl-għeżula, bix-xbieki tat-tħabbil jew bil-pariti, bil-linji tal-qiegħ, bil-konzijiet, bil-linji tal-għeżula tat-tisqif, bix-xlief tal-idejn u bl-irkaptu tat-trejjix jew b’irkaptu passiv simili, f’żoni fejn il-fond tal-ilma jkun anqas minn 20 metru skont il-koordinati fuq il-mappa nawtika uffiċjali maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;
(c)bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu fis-suddiviżjoni 24 għal stokkijiet pelaġiċi għall-konsum dirett mill-bniedem, bl-użu ta’ rkapti b’daqs tal-malja ta’ 45 mm jew anqas, f’żoni fejn il-fond tal-ilma jkun anqas minn 40 metru skont il-koordinati fuq il-mappa nawtika uffiċjali maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u li l-ħatt l-art tagħhom jiġi magħżul;
(d)bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu bil-gangmi għall-molluski bivalvi fis-suddiviżjoni 22, f’żoni fejn il-fond tal-ilma jkun anqas minn 20 metru skont il-koordinati fuq il-mappa nawtika uffiċjali maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
5.Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni kif imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b) jew (c), u l-paragrafu 4, il-punt (b), (c) jew (d), għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tas-sajd tagħhom ikunu jistgħu jiġu mmonitorjati fi kwalunkwe ħin mill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istat Membru kompetenti.
Artikolu 8
Għeluq biex tiġi protetta r-riproduzzjoni tal-aringa fis-suddiviżjonijiet 25, 26, 27, 28.2, 29, 30, 31 u 32
1.Għandu jiġi pprojbit is-sajd għal speċijiet pelaġiċi bl-użu ta’ xbieki tat-tkarkir pelaġiku f’żoni kostali sa 4 mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi u fejn il-fond tal-ilma jkun anqas minn 20 metru skont il-koordinati fuq il-mappa nawtika uffiċjali maħruġa mill-awtorità nazzjonali kompetenti matul il-perjodi u fiż-żoni li ġejjin:
(a)mis-16 ta’ Marzu sal-15 ta’ Ġunju fis-suddiviżjonijiet 25 u 26;
(b)mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju fis-suddiviżjonijiet 27 u 28.2;
(c)mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Lulju fis-suddiviżjonijiet minn 29 sa 32.
2.Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi, dment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241. L-użu ta’ din id-deroga għandu jkun limitat għall-allokazzjoni tal-kwota inizjali ta’ kull Stat Membru.
Artikolu 9
Għeluq biex tiġi protetta r-riproduzzjoni tal-laċċa kaħla fis-suddiviżjonijiet 25, 26, 27, 28.2, 29 u 32
1.Mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Lulju l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jiġu pprojbiti milli jistadu għal stokkijiet pelaġiċi b’irkaptu attiv f’żoni lil hinn minn 12-il mil nawtiku mkejjel mil-linji bażi fis-suddiviżjonijiet 25, 26, 27, 28.2, 29 u fil-Punent ta’ 24° 00′ E fis-suddiviżjoni 32.
2.Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fil-każijiet li ġejjin:
(a)operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi, dment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241; l-użu ta’ din id-deroga għandu jkun limitat għall-allokazzjoni tal-kwota inizjali ta’ kull Stat Membru;
(b)bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ anqas minn 12-il metru li jistadu bl-għeżula, bix-xbieki tat-tħabbil jew bil-pariti, bil-linji tal-qiegħ, bil-konzijiet, bil-linji tal-għeżula tat-tisqif, bix-xlief tal-idejn u bl-irkaptu tat-trejjix jew b’irkaptu passiv simili.
Artikolu 10
Miżuri dwar is-sajd rikreattiv tal-bakkaljaw fis-suddiviżjonijiet minn 22 sa 32
1.Is-sajd rikreattiv tal-bakkaljaw għandu jkun ipprojbit fis-suddiviżjonijiet minn 22 sa 32. Kwalunkwe eżemplari ta’ bakkaljaw li jinqabad b’mod aċċidentali għandu jiġi rrilaxxat minnufih lura fil-baħar.
2.Minkejja l-paragrafu 1, jistgħu jinżammu l-qabdiet aċċessorji inċidentali tal-bakkaljaw fis-sajd rikreattiv għal speċijiet oħra fis-suddiviżjonijiet minn 27 sa 32.
Artikolu 11
Miżuri dwar is-sajd rikreattiv tas-salamun fis-suddiviżjonijiet minn 22 sa 31
1.Is-sajd rikreattiv tas-salamun għandu jkun ipprojbit fis-suddiviżjonijiet minn 22 sa 31. Kwalunkwe eżemplar ta’ salamun li jinqabad b’mod aċċidentali għandu jiġi rrilaxxat minnufih lura fil-baħar.
2.Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, is-sajd rikreattiv tas-salamun għandu jkun permess f’żoni sa 4 mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi matul il-perjodi u fiż-żoni li ġejjin:
(a)mill-1 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Awwissu fis-suddiviżjoni 29 tal-ICES fit-Tramuntana tal-latitudni 59° 30′ N;
(b)mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Awwissu fis-suddiviżjonijiet 30 u 31 tal-ICES, għajr għal Mejju fiż-żona sa 4 mili nawtiċi mkejla mill-bokka tax-xmara Råneälven.
3.Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-miżuri nazzjonali aktar stretti skont l-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
Artikolu 12
Miżuri għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tat-trota tal-baħar u tas-salamun fis-suddiviżjonijiet minn 22 sa 32
1.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma għandhomx jistadu għat-trota tal-baħar lil hinn minn 4 mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi fis-suddiviżjonijiet minn 22 sa 32. Meta jsir is-sajd għas-salamun lil hinn minn 4 mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi fis-suddiviżjoni 32, il-qabdiet aċċessorji tat-trota tal-baħar ma għandhomx jaqbżu t-3 % tal-qabda totali tas-salamun u tat-trota tal-baħar abbord fi kwalunkwe mument jew mal-ħatt l-art wara kull vjaġġ tas-sajd.
2.Is-sajd bil-konz għat-trota tal-baħar jew għas-salamun lil hinn minn 4 mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi fis-suddiviżjonijiet minn 22 sa 31 għandu jkun ipprojbit.
3.Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-miżuri nazzjonali aktar stretti skont l-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
Artikolu 13
Trażmissjoni tad-data
Meta l-Istati Membri jibagħtu data dwar il-kwantitajiet ta’ stokkijiet maqbuda jew li jinħattu l-art lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 14
Emenda tar-Regolament (UE) 2025/202
Ir-Regolament (UE) 2025/202 huwa emendat kif ġej:
(1)Fl-Anness IA, il-Parti B, it-Tabella 122 hija sostitwita b’dan li ġej:
“
Tabella 122
|
Speċi:
|
Merluzz tan-Norveġja u qabdiet aċċessorji assoċjati
|
Żona:
|
3a; Ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni ta’ 4; Ilmijiet tar-Renju Unit ta’ 2a
|
|
|
Trisopterus esmarkii
|
|
|
(NOP/2A3A4.)
|
|
|
|
Sena
|
2025
|
|
2026
|
|
|
TAC analitika
|
|
|
Id-Danimarka
|
299,722
|
(1)(2)
|
pro memoria (pm)
|
(4)
|
|
L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax
|
|
Il-Ġermanja
|
0,057
|
(1)(2)(3)
|
pm
|
(4)
|
|
L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax
|
|
In-Netherlands
|
0,221
|
(1)(2)(3)
|
pm
|
(4)
|
|
|
|
|
|
|
L-Unjoni
|
300
|
(1)(2)(3)
|
pm
|
(4)
|
|
|
|
|
|
|
Ir-Renju Unit
|
100
|
(1)
|
pm
|
(4)
|
|
|
|
|
|
|
TAC
|
400
|
(1)
|
pm
|
(4)
|
|
|
|
|
|
|
(1)
|
Tista’ tinqabad biss mill-1 ta’ Novembru 2024 sal-31 ta’ Ottubru 2025.
|
|
(2)
|
Esklużivament għall-qabdiet aċċessorji. L-ebda sajd dirett għall-merluzz tan-Norveġja ma hu permess skont din il-kwota.
|
|
|
|
|
|
(3)
|
Il-kwota għall-qabdiet aċċessorji tista’ tinqabad biss fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni taż-żoni ICES 2a, 3a u 4.
|
|
|
|
|
|
(4)
|
Tista’ tinqabad biss mill-1 ta’ Novembru 2025 sal-31 ta’ Ottubru 2026.
|
|
|
|
|
|
“
(2)[spazju riżervat għal modifiki oħra fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/202].
Artikolu 15
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2026.
Permezz ta’ deroga mit-tieni subparagrafu:
(a)L-Artikolu 14, il-punt (1), għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2025 sal-31 ta’ Ottubru 2026;
(b)[spazju riżervat għal modifiki oħra fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/202].
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President