Brussell, 18.7.2025

COM(2025) 429 final

2023/0363(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

li tikkonċerna

pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1092/2010, (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010, (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 806/2014, (UE) 2021/523 u (UE) 2024/1620 fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u l-appoġġ għall-investiment


2023/0363 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


li tikkonċerna

pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1092/2010, (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010, (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 806/2014, (UE) 2021/523 u (UE) 2024/1620 fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u l-appoġġ għall-investiment

1.Sfond

Data li fiha ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(dokument COM(2023) 593 final – 2023/0363 COD):

Is-17 ta’ Ottubru 2023.

Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:

L-14 ta’ Frar 2024.

Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:

It-12 ta’ Marzu 2024.

Data li fiha ntbagħtet il-proposta emendata:

Mhux applikabbli.

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

[It-8 ta’ Lulju 2025].

2.L-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni

L-għan ta’ din il-proposta huwa li tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet, kif ukoll l-użu mill-ġdid tagħha, u li tevita rapportar żejjed minn entitajiet finanzjarji u parteċipanti oħra fis-swieq finanzjarji li huma meħtieġa jirrapportaw data lil diversi awtoritajiet nazzjonali u tal-UE li jissorveljaw is-sistema finanzjarja. Separatament, fi ħdan l-istess proposta, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li tnaqqas il-frekwenza tar-rapportar dwar il-Programm InvestEU.

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill kif adottata fl-ewwel qari tirrifletti bis-sħiħ il-ftehim politiku li kien ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fis-17 ta’ Diċembru 2024. Il-Kummissjoni tappoġġa dan il-ftehim. Il-punti ewlenin ta’ dan il-ftehim huma kif ġej:

·Dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-kondiviżjoni tad-data, il-koleġiżlaturi qablu li jkopru l-awtoritajiet kollha fil-livell tal-UE li jissorveljaw is-sistema finanzjarja: it-tliet awtoritajiet superviżorji Ewropej (ASE) (jiġifieri l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew fir-rwol tiegħu bħala awtorità kompetenti għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, u l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus. Madankollu, il-koleġiżlaturi ħallew lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs, national competent authorities) barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-kondiviżjoni tad-data; għalhekk, il-kondiviżjoni tad-data mill-NCAs, minbarra dak li diġà huwa obbligatorju fil-liġi tal-UE, se tibqa’ volontarja. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha dwar dan l-eżitu speċifiku (ara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni fl-appendiċi), minħabba li jnaqqas il-potenzjal ta’ tnaqqis tal-piż tal-inizjattiva, iżda taċċettah bħala kompromess.

·Dwar is-sistema ta’ rapportar integrat, kif ippreżentata mill-Parlament Ewropew fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, ir-Regolament se jirrikjedi li l-ASE jħejju rapport li jistabbilixxi pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ rapportar integrata transsettorjali, li tibni fuq il-ħidma settorjali li għaddejja mill-ASE. Kien hemm qbil dwar rapport ieħor mill-ASE fir-rigward tal-ostakli għall-kondiviżjoni tad-data bħala riżultat separat, li se jiġi pprovdut fi żmien sentejn u se jiġi aġġornat fuq bażi regolari, fejn meħtieġ. Madankollu, l-implikazzjonijiet fuq ir-riżorsi ta’ dan il-ftehim, li ġew stabbiliti mill-Kummissjoni matul in-negozjati interistituzzjonali, ma ġewx approvati mill-koleġiżlaturi u għalhekk mhu se jkun hemm l-ebda riżorsa addizzjonali disponibbli għal din il-ħidma tal-ASE.

·Dwar il-Memoranda ta’ Qbil (MtQ) għall-kondiviżjoni tad-data, il-koleġiżlaturi qablu li l-awtoritajiet jistgħu jidħlu f’MtQ dwar l-arranġamenti għall-iskambju tal-informazzjoni. Il-Kummissjoni tista’ tiżviluppa linji gwida mhux vinkolanti għall-awtoritajiet, biex tistabbilixxi l-aspetti ewlenin ta’ dawk il-MtQ.

·Dwar l-obbligu li tintalab data minn awtoritajiet oħra (il-prinċipju ta’ “rrapporta darba”), il-koleġiżlaturi qablu dwar l-obbligu għall-awtoritajiet li jitolbu data minn awtoritajiet oħra li diġà jżommuha, aktar milli mingħand entitajiet li jirrapportaw, filwaqt li jqisu li jista’ jkun hemm każijiet fejn l-awtoritajiet jeħtieġu flessibbiltà biex jirrikorru għall-istituzzjonijiet finanzjarji direttament.

·Dwar il-kondiviżjoni tad-data għar-riċerka u l-innovazzjoni, il-ftehim se jrawwem l-użu mill-ġdid tad-data għal skopijiet ta’ riċerka u innovazzjoni, soġġetta għal trattament xieraq biex tiġi anonimizzata u tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali. Kif hemm fil-proposta tal-Kummissjoni, il-kondiviżjoni ma’ partijiet terzi għar-riċerka u l-innovazzjoni se tkun volontarja, u ġie speċifikat aktar mill-koleġiżlaturi li s-suġġetti tad-data u l-Istati Membri ma għandhomx ikunu identifikabbli. B’kuntrast ma’ dan, ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar il-kondiviżjoni tad-data mal-Kummissjoni, li l-Kummissjoni kienet ipproponiet li ttejjeb il-kapaċità tagħha li tivvaluta l-impatti tal-proposti tagħha u b’mod li jipprevjeni li entitajiet individwali jiġu identifikati.

·Fir-rigward tal-emendi proposti għar-Regolament InvestEU, intlaħaq qbil li jinżammu skont il-proposta tal-Kummissjoni.

4.Konklużjoni

Il-Kummissjoni tappoġġa r-riżultati tan-negozjati interistituzzjonali u għalhekk tista’ taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, filwaqt li tinnota li t-test ta’ kompromess idgħajjef il-potenzjal għat-tnaqqis tal-piż meta mqabbel mal-proposta tal-Kummissjoni.

5.Dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni ppreżentat dikjarazzjoni għall-minuti tal-Coreper II fit-2 ta’ April 2025, li tinsab fl-appendiċi.



APPENDIĊI

Dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni

Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni ppreżentata għall-minuti tal-Coreper II fit-2 ta’ April 2025:

Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ għat-tnaqqis tal-piżijiet. Il-ftehim li ntlaħaq fit-trilogu fis-17 ta’ Diċembru huwa pass ieħor importanti fid-direzzjoni ta’ sistema fejn id-data tiġi rrapportata darba u mbagħad tiġi kondiviża u użata mill-ġdid kemm jista’ jkun. Madankollu, il-Kummissjoni jiddispjaċiha ħafna li l-potenzjal tat-tnaqqis tal-piż tal-proposta ddgħajjef b’mod sinifikanti wara d-deċiżjoni li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jiġux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi tal-kondiviżjoni tad-data. It-tnaqqis tal-piż amministrattiv huwa objettiv kondiviż, spiss imfakkar pubblikament mill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern (ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 u tat-18 ta’ April 2024 dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali), u l-istituzzjonijiet kollha għandu jkollhom l-għan li jwasslu għal simplifikazzjoni għan-negozji tal-UE. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa dan l-objettiv, inkluż permezz tal-implimentazzjoni kontinwa tal-Istrateġija tagħha dwar id-data superviżorja fis-servizzi finanzjarji tal-UE u l-ħidma fuq ir-rapportar integrat.