IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.5.2025
COM(2025) 292 final/2 DOWNGRADED ON 4/7/2025
2025/0153(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-Deċiżjoni Nru 2/2025 tal-Kunsill ta’ Sħubija
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”, jew “Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”). Il-pożizzjoni tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Artikolu 331(2) ta’ dan il-Ftehim.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ġie ffirmat fit-30 ta’ Diċembru 2020, applikat proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2021 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021. Huwa jistabbilixxi l-bażi għal relazzjoni wiesgħa bejn l-Unjoni u r-Renju Unit li tinvolvi drittijiet u obbligi reċiproċi, azzjonijiet komuni u proċeduri speċjali.
2.2.Il-Kunsill ta’ Sħubija
L-Artikolu 7(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi l-Kunsill ta’ Sħubija.
Skont l-Artikolu 519(b) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jadotta deċiżjonijiet biex joħroġ interpretazzjonijiet dwar id-dispożizzjonijiet tat-Tieni Parti tal-Ftehim.
Skont l-Artikolu 331(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jadotta wkoll deċiżjoni biex jestendi l-applikazzjoni tat-Tieni Parti, l-Ewwel Intestatura, it-Titolu VIII dwar l-enerġija tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (“it-Titolu VIII”).
2.3.L-att previst tal-Kunsill ta’ Sħubija
F’konformità mal-Artikolu 519(b) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kunsill ta’ Sħubija għandu jadotta fil-laqgħa li jmiss tiegħu jew permezz ta’ proċedura bil-miktub, deċiżjoni li tinterpreta dispożizzjoni fit-Tieni Parti tal-Ftehim, jiġifieri l-Artikolu 331(2) tal-Ftehim.
F’konformità mal-Artikolu 331(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kunsill ta’ Sħubija għandu jadotta wkoll deċiżjoni biex jimplimenta l-Artikolu 331(2) tal-Ftehim.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni hija biex tiġi approvata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kunsill ta’ Sħubija li tinterpreta l-Artikolu 331(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Jenħtieġ li l-pożizzjoni tkun li l-Artikolu 331(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni biex jiġi estiż it-Titolu VIII sal-31 ta’ Marzu 2027 tkun tista’ tiġi adottata qabel l-1 ta’ Lulju 2026 dment li tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2026.
Jenħtieġ li l-pożizzjoni tkun ukoll li tiġi approvata l-adozzjoni, mill-Kunsill ta’ Sħubija, ta’ deċiżjoni li timplimenta l-Artikolu 331(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni billi tkun applikabbli sal-31 ta’ Marzu 2027.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kunsill ta’ Sħubija huwa korp stabbilit minn ftehim, jiġifieri l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
Id-deċiżjoni li l-Kunsill ta’ Sħubija huwa mitlub jadotta f’konformità mal-Artikolu 519(b) u l-Artikolu 331(2) tal-Ftehim tikkostitwixxi att li għandu effetti legali, fis-sens tal-Artikolu 218(9) TFUE. Id-deċiżjoni se tkun vinkolanti fuq il-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 10(1) tal-Ftehim.
Id-deċiżjoni ma tissupplimentax jew ma temendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak prinċipali, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew predominanti.
Fir-rigward ta’ att previst li jsegwi għadd ta’ objettivi simultanjament, jew li għandu diversi komponenti li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi legali sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE jkollha tinkludi, b’mod eċċezzjonali, id-diversi bażijiet legali korrispondenti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw l-enerġija. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 194(2) TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 194(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Peress li l-għan tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija huwa li tinterpreta u timplimenta dispożizzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, fl-interess taċ-ċertezza legali u tat-trasparenza, huwa xieraq li d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħha.
2025/0153 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-Deċiżjoni Nru 2/2025 tal-Kunsill ta’ Sħubija
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni” jew “il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021, wara li kien ilu japplika b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021.
(2)Skont l-Artikolu 519(b) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit skont il-Ftehim jista’ jadotta deċiżjonijiet biex joħroġ interpretazzjonijiet dwar id-dispożizzjonijiet tat-Tieni Parti tal-Ftehim.
(3)F’konformità mal-Artikolu 331(2) tal-Ftehim, bejn l-1 ta’ Lulju 2026 u l-31 ta’ Diċembru 2026, il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jiddeċiedi li jestendi l-applikazzjoni tat-Titolu VIII sal-31 ta’ Marzu 2027.
(4)Il-Kunsill ta’ Sħubija għandu jadotta fil-laqgħa li jmiss tiegħu jew permezz ta’ proċedura bil-miktub deċiżjoni li tinterpreta u timplimenta l-Artikolu 331(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Sħubija rigward l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Artikolu 331(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 331(2) ta’ dak il-Ftehim, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.5.2025
COM(2025) 292 final/2 DOWNGRADED ON 4.7.2025
ANNESS
tal-
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-Deċiżjoni Nru 2/2025 tal-Kunsill ta’ Sħubija
ANNESS
DEĊIŻJONI Nru 2/2025 TAL-KUNSILL TAS-SĦUBIJA STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MINN NAĦA WAĦDA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA
ta’ [ ] 2025
li tagħti l-interpretazzjoni tal-Artikolu 331(2) u li testendi l-applikazzjoni tat-Tieni Parti, l-Ewwel Intestatura, it-Titolu VIII dwar l-enerġija, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TA’ SĦUBIJA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 519(b) u Artikolu 331(2) tiegħu,
Billi:
(1)F’konformità mal-Artikolu 331(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, it-Tieni Parti, l-Ewwel Intestatura, it-Titolu VIII ta’ dak il-Ftehim (“it-Titolu VIII”) għandu jieqaf japplika fit-30 ta’ Ġunju 2026.
(2)F’konformità mal-Artikolu 331(2) tal-Ftehim, bejn l-1 ta’ Lulju 2026 u l-31 ta’ Diċembru 2026, il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jiddeċiedi li jestendi l-applikazzjoni tat-Titolu VIII sal-31 ta’ Marzu 2027.
(3)Sitwazzjoni fejn il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jadotta deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-applikazzjoni tat-Titolu VIII ladarba t-Titolu VIII ma jkunx baqa’ japplika biss, u li tista’ twassal għal interruzzjoni fl-applikazzjoni tat-Titolu VIII u b’hekk għal inċertezza fir-rigward tal-qafas legali applikabbli għall-kummerċ u għall-investiment bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit fl-oqsma tal-enerġija u tal-materja prima.
(4)Għalhekk, biex jiġu pprovduti ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà, huwa xieraq li tiġi adottata deċiżjoni li tinterpreta l-Artikolu 331(2) tal-Ftehim fis-sens li deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija dwar l-estensjoni tal-applikazzjoni tat-Titolu VIII sal-31 ta’ Marzu 2027 tista’ tiġi adottata qabel l-1 ta’ Lulju 2026, dment li tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2026 biss.
(5)L-objettivi tat-Titolu VIII huma li jiffaċilitaw il-kummerċ u l-investiment bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit fis-setturi tal-enerġija u tal-materja prima, u li jappoġġaw is-sigurtà tal-provvista u tas-sostenibbiltà ambjentali, b’mod partikolari billi jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima f’dawk l-oqsma.
(6)Biex jintlaħqu l-objettivi tat-Titolu VIII huwa xieraq, kemm għall-Unjoni Ewropea u kemm għar-Renju Unit, li jkomplu bil-kooperazzjoni ta’ bejniethom dwar l-enerġija permezz tal-applikazzjoni tat-Titolu VIII.
(7)Il-partijiet ikkonċernati fl-enerġija jenħtieġ li jkollhom qafas legali stabbli u prevedibbli biex ikomplu b’din il-kooperazzjoni li tiffaċilita n-negozju u tiżgura l-istabbiltà tas-suq.
(8)Għalhekk huwa xieraq li tiġi adottata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tat-Titolu VIII sal-31 ta’ Marzu 2027.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 331(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-applikazzjoni tat-Tieni Parti, l-Ewwel Intestatura, it-Titolu VIII tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, sal-31 ta’ Marzu 2027 tista’ tiġi adottata qabel l-1 ta’ Lulju 2026, dment li tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2026 biss.
Artikolu 2
L-applikazzjoni tat-Tieni Parti, l-Ewwel Intestatura, it-Titolu VIII tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandha tiġi estiża sal-31 ta’ Marzu 2027.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
L-Artikolu 2 għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2026.
Magħmul fi Brussell u Londra, [ ] 2025.
Għall-Kunsill ta’ Sħubija
Il-Kopresidenti
Maroš ŠEFČOVIČ
Nick THOMAS-SYMONDS