IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.6.2025
COM(2025) 278 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ir-reviżjoni tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.6.2025
COM(2025) 278 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ir-reviżjoni tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport 1 (TCT, Transport Community Treaty) ġie approvat mill-Unjoni Ewropea 2 u rratifikat minn sitt sħab tal-Balkani tal-Punent – ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, il-Kosovo 3*, il-Montenegro u r-Repubblika tas-Serbja (li minn hawn ’il quddiem issir referenza għalihom bħala l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa). Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.
Hija tapplika fil-qasam tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bil-passaġġi fuq l-ilma interni u dak marittimu u tipprevedi l-integrazzjoni progressiva tas-swieq u n-networks tat-trasport, inkluża l-infrastruttura tal-ajruport, abbażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, inkluż fl-oqsma tal-istandards tekniċi, l-interoperabbiltà, is-sikurezza, is-sigurtà, il-ġestjoni tat-traffiku, il-kompetizzjoni, il-politika soċjali, l-akkwist pubbliku u l-ambjent.
Mill-2019, il-Komunità tat-Trasport avvanzat dan l-objettiv billi saħħet il-kooperazzjoni reġjonali u offriet assistenza teknika mmirata flimkien ma’ inizjattivi ta’ bini tal-kapaċità. Permezz ta’ dawn l-isforzi, il-Komunità tat-Trasport għamlet progress fl-allinjament tal-leġiżlazzjoni u fl-integrazzjoni tas-swieq tat-trasport kemm fost il-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa kif ukoll bejnhom u l-UE. Madankollu, jenħtieġ aktar xogħol.
L-Artikolu 42 tat-TCT jipprevedi li t-Trattat għandu jiġi rieżaminat fuq talba ta’ kwalunkwe parti kontraenti u fi kwalunkwe każ 5 snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.
Fil-15 ta’ Novembru 2022, il-partijiet kontraenti tat-TCT u l-ministri inkarigati mit-trasport mill-Ukrajna, il-Georgia u r-Repubblika tal-Moldova approvaw dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tas-setturi tat-trasport. Dan id-dokument politiku kien jifforma l-bażi tal-involviment ta’ dawn il-pajjiżi bħala parteċipanti osservaturi fix-xogħol tal-Komunità tat-Trasport. Fid-dikjarazzjoni konġunta, ġiet espressa wkoll il-fehma li l-benefiċċji reċiproċi potenzjali li jirriżultaw mill-adeżjoni possibbli tal-Ukrajna, tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Georgia mat-TCT għandhom jiġu esplorati kif xieraq.
Din ir-rakkomandazzjoni tipproponi li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati dwar ir-reviżjoni tat-TCT.
L-objettiv ġenerali għandu jkun li jiġu nnegozjati mal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, mal-Ukrajna u mar-Repubblika tal-Moldova emendi għat-TCT biex jiġi appoġġat u msaħħaħ l-allinjament leġiżlattiv tal-partijiet kontraenti kollha mal-acquis rilevanti tal-UE, fid-dawl tal-perspettivi Ewropej rispettivi tagħhom.
Dan għandu jinkludi mekkaniżmi ġodda biex jissaħħu l-impenji vinkolanti li jinsabu fit-TCT billi jiġu previsti sanzjonijiet (bħas-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot) f’każijiet ta’ ksur serju u persistenti ta’ dawn l-impenji. Sabiex jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ allinjament mal-acquis, għandu jiġi mfittex rwol imsaħħaħ għas-Segretarjat Permanenti tat-TCT. Barra minn hekk, l-emendi għandhom jirfinaw ir-rwol tat-TCT fl-appoġġ għall-iżvilupp tal-estensjoni indikattiva tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T, Trans-European Transport Network) għall-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, b’mod partikolari billi jitqiesu l-iżviluppi tal-politika fil-qafas leġiżlattiv tat-TEN-T. Barra minn hekk, l-Anness I tat-TCT jeħtieġ ukoll li jiġi revedut, b’mod partikolari biex jiżdied l-acquis tal-UE qabel l-iffirmar tat-TCT u jitqiesu l-iżviluppi tal-politika rilevanti fl-oqsma tat-trasport jew f’oqsma assoċjati msemmija fl-Anness I. Fl-aħħar nett, l-emendi għandu jkollhom l-għan li jtejbu ċerti aspetti operazzjonali li kienu ġew identifikati fl-applikazzjoni tat-TCT u li jirfinaw ir-regoli dwar l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar kwistjonijiet koperti mit-TCT.
L-emendi għandhom jippermettu wkoll is-sħubija sħiħa tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova fit-TCT. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fit-TCT, il-Kummissjoni għandha tinnegozja annessi dwar arranġamenti tranżizzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 40 tat-TCT, li għandhom ikunu applikabbli għal dawn iż-żewġ pajjiżi mal-adeżjoni tagħhom. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tindirizza d-domandi potenzjali fir-rigward tas-sustanza tat-TCT mill-Ukrajna u mir-Repubblika tal-Moldova.
Fid-dawl tar-rigress demokratiku tal-Georgia, inkluża l-promulgazzjoni tal-Liġi dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija, li tipperikola t-triq tal-Georgia lejn l-UE u li de facto wasslet għal waqfien tal-proċess ta’ adeżjoni, id-deċiżjoni li jittieħdu passi konkreti lejn is-sħubija sħiħa tal-Georgia fit-TCT għandha tiġi differita. Dan id-differiment huwa konformi mad-diskussjonijiet li saru fil-Kunsill Ewropew fis-27 ta’ Ġunju 2024 4 , fis-17 ta’ Ottubru 2024 5 , u fid-19 ta’ Diċembru 2024 6 u jirrifletti s-sejbiet tar-rapport tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
L-objettivi ta’ din ir-rakkomandazzjoni huma konformi ma’ u jikkomplementaw l-isforzi usa’ tal-UE biex tappoġġa r-riformi fis-setturi tat-trasport tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova, bħala parti mill-proċessi ta’ adeżjoni ġenerali tagħhom. Mid-dħul fis-seħħ tat-TCT, il-Kunsill Ewropew ikkonferma f’bosta okkażjonijiet li l-futur tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa jinsab b’saħħtu fl-UE. F’Marzu 2020, il-membri tal-Kunsill Ewropew approvaw id-deċiżjoni tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali 7 li jiftaħ negozjati ta’ adeżjoni mar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u mar-Repubblika tal-Albanija. F’Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew iddeċieda 8 li jiftaħ negozjati ta’ adeżjoni mal-Bożnija-Ħerzegovina. F’Diċembru 2022, il-Kosovo ssottometta l-applikazzjoni tiegħu għas-sħubija fl-UE.
Il-Kunsill Ewropew tal-14-15 ta’ Diċembru 2023 iddeċieda li jiftaħ negozjati ta’ adeżjoni mal-Ukrajna u mar-Repubblika tal-Moldova 9 . In-negozjati ta’ adeżjoni għaż-żewġ pajjiżi tnedew formalment f’żewġ konferenzi intergovernattivi fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2024.
Barra minn hekk, l-objettiv li tiġi appoġġata aktar l-integrazzjoni tan-networks tat-trasport huwa konformi mar-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 . Fost affarijiet oħra, dan ir-Regolament jipprevedi Kurituri Ewropej tat-Trasport iddedikati bil-għan li jsaħħu aktar il-konnettività bejn l-Istati Membri u l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, l-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Ir-rakkomandazzjoni hija konformi ma’ politiki oħrajn tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tat-tkabbir u l-politika tal-viċinat. Fit-8 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta’ Tkabbir ġdid għall-Balkani tal-Punent 11 , bil-għan li ġġib xi wħud mill-benefiċċji tas-sħubija fl-UE fir-reġjun qabel l-adeżjoni, tagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku u taċċellera l-konverġenza soċjoekonomika tant meħtieġa. L-għan huwa li s-sħab ikunu jistgħu jżidu r-riformi u l-investimenti biex jaċċelleraw b’mod sinifikanti l-veloċità tal-proċess ta’ tkabbir u t-tkabbir tal-ekonomiji tagħhom.
Bl-istess mod, fil-15 ta’ April 2024, il-Kummissjoni approvat il-Pjan tal-Ukrajna 12 , li jgħin lill-Ukrajna fl-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni, u b’mod partikolari jappoġġa l-isforzi ta’ riforma tal-pajjiż fi triqitha lejn is-sħubija fl-UE. Fl-aħħar nett, fl-10 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar il-Pjan ta’ Tkabbir għall-Moldova 13 , bil-għan li tagħti spinta lill-ekonomija tal-Moldova u tressaq lill-pajjiż eqreb lejn is-sħubija fl-UE billi taċċellera r-riformi u tipprovdi assistenza finanzjarja.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
L-għan tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport huwa l-ħolqien ta’ Komunità tat-Trasport fl-oqsma tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bil-passaġġi fuq l-ilma interni u marittimu, kif ukoll l-iżvilupp tan-network tat-trasport bejn l-Unjoni Ewropea u l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa. L-Artikolu 91 tat-TFUE jipprevedi li għandhom jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw it-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-qafas tal-politika komuni tat-trasport f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. L-Artikolu 100(2) jipprevedi li għandhom jiġu adottati wkoll dispożizzjonijiet xierqa għat-trasport bil-baħar f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni prevista li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati dwar ftehim u li tindirizza d-direttivi lin-negozjatur hija għalhekk l-Artikolu 91 u l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.
L-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi l-proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. B’mod partikolari, il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jipprevedi li l-Kummissjoni tissottometti rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u, skont is-suġġett tal-ftehim previst, jinnomina n-negozjatur tal-UE jew il-kap tat-tim tan-negozjati tal-UE. L-Artikolu 218(4) jipprevedi l-possibbiltà li l-Kunsill jindirizza direttivi lin-negozjatur u jaħtar kumitat speċjali li b’konsultazzjoni miegħu jridu jsiru n-negozjati. Il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni prevista li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati dwar ftehim u li tindirizza d-direttivi lin-negozjatur hija l-Artikolu 218(3) u (4) tat-TFUE.
•Kompetenza tal-Unjoni
L-Artikolu 216(1) tat-TFUE jistipula:
“L-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali meta t-Trattati jipprovdu għal dan jew meta l-konklużjoni ta’ ftehim tkun jew meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika tal-Unjoni, wieħed mill-objettivi stabbiliti mit-Trattati, jew inkella tkun prevista f’att tal-Unjoni legalment vinkolanti jew inkella x’aktarx tolqot regoli komuni jew tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom.”
It-TCT ġie konkluż mill-Unjoni bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 14 . Billi t-TCT huwa ftehim bejn l-UE u l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, għandha tiġi nnegozjata modifika ta’ dak il-ftehim fil-livell tal-UE.
Il-Komunità tat-Trasport hija bbażata fuq l-integrazzjoni progressiva tas-swieq tat-trasport tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa fis-suq tat-trasport tal-UE abbażi tal-acquis rilevanti, inkluż fl-oqsma tal-istandards tekniċi, l-interoperabbiltà, is-sikurezza, is-sigurtà, il-ġestjoni tat-traffiku, il-politika soċjali, l-akkwist pubbliku u l-ambjent, għall-modi kollha ta’ trasport eskluż it-trasport bl-ajru.
Din il-proposta tikkonċerna l-ftuħ ta’ negozjati bil-ħsieb li jiġi emendat it-TCT biex: (i) jiġi appoġġat u msaħħaħ l-allinjament leġiżlattiv tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa; (ii) jissaħħaħ ir-rwol tas-Segretarjat Permanenti tat-TCT; (iii) jiġi rieżaminat l-Anness I tat-TCT, b’mod partikolari biex jiżdied l-acquis tal-UE qabel l-iffirmar tat-TCT u jitqiesu l-iżviluppi tal-politika rilevanti fil-qasam tat-trasport jew f’oqsma assoċjati koperti minn dak l-Anness; (iv) jittejbu ċerti aspetti operazzjonali; (v) jiġu rfinati r-regoli dwar l-interpretazzjoni tat-TCT fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 19 tat-TCT, sabiex tiġi koperta wkoll il-ġurisprudenza mogħtija wara d-data tal-iffirmar tat-TCT; u (vi) tkun permessa s-sħubija sħiħa tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova fit-TCT, inkluż billi jiġu nnegozjati annessi dwar arranġamenti tranżizzjonali għal kull wieħed minn dawn il-pajjiżi. Għalhekk, il-proposta ma taffettwax il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-ftehim, hija konsistenti mal-objettivi ta’ politika segwiti minnha u ma tbiddilx il-kompetenza tal-UE b’rabta magħha.
Għalhekk, l-UE għandha kompetenza esklużiva biex tikkonkludi ftehim internazzjonali biex temenda t-TCT u l-annessi dwar arranġamenti tranżizzjonali li għandhom ikunu applikabbli mal-adeżjoni possibbli tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova.
•Proporzjonalità
L-emendi li għandhom jiġu nnegozjati ma jimmodifikawx il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tat-TCT, u huma limitati għal miżuri li huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni aktar effettiva tiegħu u jippermettu s-sħubija sħiħa tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova.
Il-ftehim previst huwa l-aktar strument effiċjenti biex jittejbu r-relazzjonijiet tat-trasport bejn l-UE, il-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, l-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova. Ir-rakkomandazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi segwiti, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
•Għażla tal-istrument
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati hija konformi mal-Artikolu 218(3) tat-TFUE, li jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post / kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Fuq talba tal-Kummissjoni, f’Jannar 2024 is-Segretarjat Permanenti waqqaf grupp ta’ ħidma informali biex iwettaq valutazzjoni preliminari tal-implimentazzjoni attwali tat-TCT u jidentifika oqsma potenzjali għal titjib sostantiv u operazzjonali bħala parti mir-rieżami tat-TCT.
Il-grupp ta’ ħidma informali, li kien immexxi mis-Segretarjat Permanenti, kien jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-Istati Membri u tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, kif ukoll rappreżentanti tal-parteċipanti osservaturi. Dan kellu l-kompitu li jidentifika:
·bidliet sostantivi potenzjali li x’aktarx iwasslu għal kontribut pożittiv għall-għan tat-TCT ta’ integrazzjoni aktar mill-qrib tas-suq tat-trasport tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, abbażi tal-acquis rilevanti tal-UE;
·il-ħtieġa potenzjali li jittejjeb l-appoġġ għall-monitoraġġ tal-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T, Trans-European Transport Network) indikattiv fir-reġjun;
·linji ta’ xogħol / kompiti ġodda biex jiġu indirizzati l-iżviluppi fir-relazzjonijiet tal-UE mal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa; u
·bidliet operazzjonali potenzjali li x’aktarx itejbu l-funzjonament u l-implimentazzjoni xierqa tat-TCT.
Ir-riflessjonijiet ġew konklużi u s-Segretarjat Permanenti ħejja rapport finali li fih sommarju tax-xogħol u l-konklużjonijiet ewlenin tiegħu, u li jenfasizza l-oqsma ewlenin li jistgħu jiġu indirizzati matul il-proċess ta’ rieżami.
Bħala parti mill-proċedimenti tal-grupp ta’ ħidma informali, il-Kosovo talab li jbiddel id-denominazzjoni tiegħu kif riflessa bħalissa fit-TCT (il-Kosovo*) għal “ir-Repubblika tal-Kosovo”. Il-Kosovo jixtieq ukoll li jbiddel il-mod kif il-fruntieri tiegħu huma murija fil-mapep indikattivi tat-TEN-T fl-Anness I tat-TCT. Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq qajmet il-ħtieġa li jiġu eżaminati mill-ġdid il-protokolli bilaterali mehmuża mat-TCT u li dawn jiġu adattati għas-sitwazzjoni speċifika tal-partijiet mingħajr kosta, b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mat-trasport marittimu. Il-Montenegro osserva li ċerti regolamenti elenkati fl-Anness I tat-TCT ikunu jeħtieġu aġġornament.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Matul l-2023, is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom għadd ta’ diskussjonijiet bilaterali mal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa dwar l-involviment aktar mill-qrib tal-parteċipanti osservaturi mill-Ukrajna u mir-Repubblika tal-Moldova fil-ħidma tat-TCT 15 .
Mingħajr preġudizzju għall-formalizzazzjoni tal-pożizzjonijiet rispettivi tal-gvernijiet tagħhom, b’mod ġenerali hemm appoġġ qawwi għall-inizjattiva li l-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova jiġu integrati aktar mill-qrib fil-ħidma tat-TCT bil-ħsieb ta’ sħubija sħiħa, bi twissija notevoli dwar ir-relazzjonijiet bilaterali bejn sieħeb partikolari wieħed tal-Balkani tal-Punent (il-Kosovo) u l-parteċipanti osservaturi.
L-Albanija ma qajmet l-ebda kwistjoni partikolari bl-involviment aktar mill-qrib tal-parteċipanti osservaturi fil-ħidma tat-TCT u ddikjarat li hija tappoġġa l-estensjoni tat-TCT għall-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova.
Il-Bożnija-Ħerzegovina esprimiet l-appoġġ tagħha għall-estensjoni tat-TCT għall-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova.
Il-Kosovo enfasizza li ma għandu l-ebda kwistjoni maġġuri dwar is-sħubija sħiħa fit-TCT għall-parteċipanti osservaturi, filwaqt li qajjem ċertu tħassib bħan-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Kosovo mill-Ukrajna u mir-Repubblika tal-Moldova.
Il-Montenegro ma qajjem l-ebda kwistjoni dwar l-involviment aktar mill-qrib tal-parteċipanti osservaturi fil-ħidma tat-TCT u esprima appoġġ għall-parteċipanti osservaturi li jissieħbu fit-TCT bħala membri sħaħ.
Il-Maċedonja ta’ Fuq ma qajmet l-ebda kwistjoni dwar l-involviment aktar mill-qrib tal-parteċipanti osservaturi fil-ħidma tat-TCT u ddikjarat li hija tappoġġa l-adeżjoni tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova mat-TCT.
Is-Serbja ma qajmet l-ebda kwistjoni dwar l-involviment aktar mill-qrib tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova fil-ħidma tat-TCT; madankollu, hija nnotat ukoll li bħalissa ma hemm l-ebda pożizzjoni uffiċjali tal-gvern tas-Serbja rigward is-sħubija sħiħa fit-TCT għall-parteċipanti osservaturi. Tali pożizzjoni tiġi ddeterminata wara approċċ aktar formali mill-UE dwar l-adeżjoni possibbli tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova mat-TCT.
Fi skambji bilaterali li saru fl-2023, is-servizzi tal-Kummissjoni ppreżentaw lill-Ukrajna u lir-Repubblika tal-Moldova l-pożizzjonijiet preliminari tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa dwar il-prospetti ta’ sħubija sħiħa għall-parteċipanti osservaturi. Is-servizzi tal-Kummissjoni semmew ukoll l-implikazzjonijiet finanzjarji possibbli (jiġifieri l-kontribuzzjonijiet għall-baġit tat-TCT). F’dawn l-iskambji, l-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova esprimew l-interess qawwi tagħhom li jissieħbu fit-TCT bħala membri sħaħ.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppubblikat sejħa għal evidenza li saret bejn is-6 ta’ Novembru u l-4 ta’ Diċembru 2024. Il-Kummissjoni rċeviet kontribuzzjoni anonima waħda għas-sejħa għal evidenza, li esprimiet appoġġ ġenerali għall-inizjattiva biex jiġu integrati aktar in-networks tat-trasport fil-viċinat, iżda enfasizzat li għandha tiġi mfittxija kooperazzjoni aktar mill-qrib biss ma’ dawk is-sħab li diġà jikkooperaw mill-qrib ma’ sħab Ewropej.
•Valutazzjoni tal-impatt
Ir-Rakkomandazzjoni ma tikkommettix lill-Kummissjoni għal xi pożizzjoni speċifika f’dan l-istadju minħabba li fiha biss rakkomandazzjoni għal awtorizzazzjoni biex tidħol f’negozjati mal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, mal-Ukrajna u mar-Repubblika tal-Moldova. Dawn in-negozjati jikkonċernaw emendi mmirati ta’ natura teknika għal ftehim internazzjonali diġà eżistenti u l-estensjoni tiegħu għall-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova. L-eżitu tal-proċess ta’ reviżjoni se jiġi ddeterminat abbażi ta’ negozjati internazzjonali ma’ pajjiżi terzi. L-adeżjoni proposta tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova mat-TCT hija bbażata fuq sinjal politiku ċar mill-Kunsill Ewropew, li ta l-istatus ta’ kandidat tal-UE lil dawn il-pajjiżi u nieda formalment in-negozjati ta’ adeżjoni magħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 42 tat-TCT jirrikjedi li dak il-Ftehim jiġi rieżaminat 5 snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tadotta rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal dak il-għan. Għalhekk, proċess formali ta’ valutazzjoni tal-impatt ma huwiex ġustifikat.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Mhux applikabbli.
•Drittijiet fundamentali
L-inizjattiva tirrispetta bis-sħiħ il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Filwaqt li l-impatt fuq il-baġit tal-UE huwa limitat, jista’ jirrappreżenta żieda sa 34 % (EUR 0,8 miljun) tal-kontribuzzjoni annwali tal-UE għat-TCT, skont l-eżitu tan-negozjati dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet rispettivi tas-sħab reġjonali, u investiment bil-quddiem ta’ darba ta’ EUR 0,2 miljun.
F’konformità mal-Artikolu 35 tat-TCT, il-baġit tal-Komunità tat-Trasport ikopri biss l-ispejjeż operazzjonali meħtieġa għall-funzjonament tal-korpi tagħha.
L-impatt fuq il-perjodu tal-qafas finanzjarju pluriennali f’termini ta’ baġit u riżorsi umani stmati meħtieġa huwa spjegat fid-dettall fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva annessa ma’ din ir-rakkomandazzjoni.
5. ELEMENTI OĦRA
• Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rapportar
Il-proċess tan-negozjati huwa mistenni li jibda fl-2025.
• Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-rakkomandazzjoni
L-Artikolu 1 jinkludi l-awtorizzazzjoni biex jitwettqu n-negozjati, f’isem l-Unjoni, fuq ftehim internazzjonali dwar ir-reviżjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (TCT).
L-Artikolu 2 jistabbilixxi li n-negozjati għandhom jitwettqu abbażi tad-direttivi tal-Kunsill dwar in-negozjati mehmuża fl-anness tad-Deċiżjoni.
L-Artikolu 3 jipprevedi li n-negozjati għandhom jitwettqu b’konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali.
L-Artikolu 4 jipprevedi li d-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
• L-għażla tan-negozjatur
Billi n-negozjati jaqgħu esklużivament fil-qasam tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà mhux Komuni, il-Kummissjoni trid tinħatar bħala n-negozjatur skont l-Artikolu 218(3) tat-TFUE.
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ir-reviżjoni tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)It-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport (TCT, Transport Community Treaty) ġie ffirmat mill-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 16 . Fl-4 ta’ Marzu 2019, dan ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 17 . Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.
(2)It-TCT imexxi ’l quddiem l-iżvilupp tan-network tat-trasport bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, il-Kosovo 18 *, il-Montenegro u r-Repubblika tas-Serbja (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa) fil-qasam tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bil-passaġġi fuq l-ilma interni u marittimu, u huwa bbażat fuq l-integrazzjoni progressiva tas-swieq tat-trasport tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa fis-suq tat-trasport tal-Unjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-acquis tal-Unjoni.
(3)L-Artikolu 42 tat-TCT jipprevedi li t-Trattat għandu jiġi rieżaminat fuq talba ta’ kwalunkwe parti kontraenti u, fi kwalunkwe każ, 5 snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.
(4)F’Jannar 2024, twaqqaf grupp ta’ ħidma biex jorganizza taħditiet esploratorji dwar ir-rieżami tat-TCT. Il-grupp ta’ ħidma kien magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-Istati Membri, tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa u tal-parteċipanti osservaturi attwali. Huwa kkonkluda d-diskussjonijiet tiegħu dwar il-ħtieġa li jiġi aġġornat it-TCT.
(5)Inkiseb progress konsiderevoli fl-involviment aktar mill-qrib bejn il-Komunità tat-Trasport u l-parteċipanti osservaturi mill-Ukrajna u mir-Repubblika tal-Moldova.
(6)Jenħtieġ li l-Unjoni tipparteċipa fin-negozjati dwar l-emenda tat-TCT.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata twettaq negozjati, f’isem l-Unjoni, fuq ftehim internazzjonali dwar ir-reviżjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (TCT, Treaty establishing the Transport Community).
Artikolu 2
Id-direttivi dwar in-negozjati huma stabbiliti fl-Anness.
Artikolu 3
In-negozjati għandhom jitwettqu b’konsultazzjoni ma’ [l-isem tal-kumitat speċjali li għandu jiddaħħal mill-Kunsill].
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.6.2025
COM(2025) 278 final
ANNESSI
ta'
Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ir-reviżjoni tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport
ANNESS 1
DIRETTIVI GĦAN-NEGOZJAR TA’ FTEHIM INTERNAZZJONALI
DWAR IR-REVIŻJONI TAT-TRATTAT DWAR IL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT
1.KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-FTEHIM PREVIST
It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (TCT, Treaty establishing the Transport Community) imexxi ’l quddiem l-iżvilupp tan-network tat-trasport bejn l-UE u r-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, il-Kosovo 1*, il-Montenegro u r-Repubblika tas-Serbja (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa) fil-qasam tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bil-passaġġi fuq l-ilma interni u dak marittimu, u huwa bbażat fuq l-integrazzjoni progressiva tas-swieq tat-trasport tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa fis-suq tat-trasport tal-UE abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-acquis tal-UE. L-objettiv ġenerali tal-emendi previsti huwa li jappoġġaw u jsaħħu l-allinjament leġiżlattiv tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, iżda wkoll li jtejbu u jiċċaraw ċerti aspetti operazzjonali li ġew identifikati fl-applikazzjoni tiegħu.
L-emendi jeħtieġ li jippermettu wkoll is-sħubija sħiħa tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova fit-TCT. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fit-TCT, il-Kummissjoni jeħtieġ li tinnegozja annessi dwar arranġamenti tranżizzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 40 tat-TCT, li għandhom ikunu applikabbli għal dawn iż-żewġ pajjiżi mal-adeżjoni tagħhom.
2.OBJETTIVI TAN-NEGOZJATI
Matul in-negozjati, il-Kummissjoni jeħtieġ li timmira li tilħaq l-objettivi stabbiliti fid-dettall hawn taħt.
(1)L-objettiv ġenerali tal-emendi għandu jkun li jappoġġaw u jsaħħu l-allinjament leġiżlattiv tal-partijiet kontraenti kollha mal-acquis rilevanti tal-UE, fid-dawl tal-perspettivi Ewropej rispettivi tagħhom, u wkoll li jagħtu spinta lill-integrazzjoni progressiva tas-swieq tat-trasport tagħhom fis-suq tat-trasport tal-UE.
(2)L-emendi jeħtieġ li jippermettu wkoll is-sħubija sħiħa tal-parteċipanti osservaturi mill-Ukrajna u mir-Repubblika tal-Moldova fit-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fit-TCT, il-Kummissjoni jeħtieġ li tinnegozja annessi dwar arranġamenti tranżizzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 40 tat-TCT, li għandhom ikunu applikabbli għal dawn iż-żewġ pajjiżi mal-adeżjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jeħtieġ li tkun tista’ tindirizza t-talbiet potenzjali fir-rigward tas-sustanza tat-TCT mill-Ukrajna u mir-Repubblika tal-Moldova.
(3)F’dan ir-rigward, l-emendi jistgħu jinkludu wkoll rieżami tad-dispożizzjonijiet li jirreferu speċifikament għall-Balkani tal-Punent, sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu wkoll, fejn rilevanti, għall-pajjiżi msemmija hawn fuq, kif ukoll rieżami tal-formula tal-kondiviżjoni tal-piżijiet baġitarji stabbilita fl-Anness V tat-Trattat biex jitqies in-numru estiż ta’ partijiet kontraenti u tiġi żgurata distribuzzjoni ekwa kontinwata tal-kontribuzzjonijiet.
(4)L-emendi li l-għan tagħhom huwa li jagħtu spinta lill-allinjament leġiżlattiv jeħtieġ li jinkludu l-aspetti addizzjonali li ġejjin:
(a)isaħħu l-impenji vinkolanti dwar l-allinjament tal-acquis li jinsabu fit-TCT billi jipprevedu sanzjonijiet (bħas-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot) f’każijiet ta’ ksur serju jew persistenti;
(b)jirrikonoxxu u jistituzzjonalizzaw il-pjanijiet ta’ azzjoni attwali u futuri tat-TCT dwar l-appoġġ għall-allinjament leġiżlattiv;
(c)isaħħu u jiffokaw aħjar ir-rwol tas-Segretarjat Permanenti skont l-Artikolu 28 biex jappoġġaw aħjar il-perspettivi Ewropej tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa; u
(d)jiċċaraw u jiżviluppaw ir-regoli dwar il-limiti ta’ żmien biex id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni stabbiliti fl-Anness I tat-TCT isiru vinkolanti għall-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 3(2)(b).
(5)L-emendi jeħtieġ li jiżguraw li l-Anness I tat-TCT jiġi aġġornat, b’mod partikolari biex jiżdied l-acquis tal-UE ta’ qabel l-iffirmar tat-TCT u biex jitqiesu l-iżviluppi tal-politika rilevanti. Jekk ikun xieraq, dan jista’ jinvolvi l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida fil-qasam tat-trasport jew f’oqsma assoċjati msemmija f’dak l-Anness.
(6)L-emendi jeħtieġ li jaġġornaw, fejn meħtieġ, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 u 9 dwar l-iżvilupp tal-estensjoni indikattiva tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T, Trans-European Transport Network) għall-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa u l-pjan ta’ ħidma kontinwu ta’ 5 snin korrispondenti, sabiex jitqiesu l-iżviluppi tal-politika fil-qafas leġiżlattiv tat-TEN-T.
(7)L-emendi jeħtieġ li jiżguraw mod inqas ikkumplikat ta’ kif l-esperti mill-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa jiġu kkonsultati dwar l-obbligi li bħalissa huma stabbiliti fil-punt 4 tal-Anness II tat-TCT.
(8)L-emendi jeħtieġ li jirriflettu l-ftehimiet diġà milħuqa dwar id-denominazzjoni uffiċjali tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.
(9)Il-Kummissjoni għandha tesplora wkoll il-ħtieġa li tadatta l-protokolli bilaterali eżistenti bħalissa, fejn rilevanti, pereżempju fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika tal-partijiet mingħajr kosta u d-dispożizzjonijiet attwali dwar it-trasport marittimu.
(10)L-emendi jeħtieġ li jirrevedu r-regoli dwar l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari biex ikopru wkoll il-ġurisprudenza mogħtija wara d-data tal-iffirmar tat-TCT.
(11)L-emendi jaf jinkludu wkoll kwistjonijiet tekniċi minuri li ma kinux inklużi f’xi waħda mid-direttivi dwar in-negozjar preċedenti (eż. żbalji tipografiċi eżistenti, ċerti referenzi skorretti jew skaduti).
3.TMEXXIJA TAN-NEGOZJATI
Il-Kummissjoni se tmexxi n-negozjati skont dawn id-direttivi u se tiżgura koordinazzjoni xierqa man-negozjati li għaddejjin u dawk futuri f’oqsma rilevanti oħrajn.
ANNESS 2
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA U DIĠITALI LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA3
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva3
1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)3
1.3.Objettiv(i)3
1.3.1.Objettiv(i) ġenerali3
1.3.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi3
1.3.3.Riżultat(i) u impatt mistennija3
1.3.4.Indikaturi tal-prestazzjoni3
1.4.Il-proposta/L-inizjattiva hija relatata ma’:4
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva4
1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva4
1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-UE (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, pereż. gwadanji mill-koordinazzjoni, ċertezza legali, aktar effettività jew komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, “valur miżjud tal-involviment tal-UE” huwa l-valur li jirriżulta mill-azzjoni tal-UE, li huwa addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.4
1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi4
1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra5
1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni5
1.6.Durata tal-proposta/tal-inizjattiva u tal-impatt finanzjarju tagħha5
1.7.Metodu/i tal-implimentazzjoni tal-baġit ippjanat(i)5
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI7
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar7
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll7
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-metodu/i tal-implimentazzjoni tal-baġit, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta7
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom7
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon bejn il-kostijiet tal-kontroll u l-valur tal-fondi relatati ġestiti) u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ errur (mal-ħlas u fl-għeluq)7
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet8
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA9
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i9
3.2.Impatt finanzjarju stmat tal-proposta fuq l-approprjazzjonijiet10
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali10
3.2.1.1.Approprjazzjonijiet mill-baġit ivvutat10
3.2.2.Output stmat iffinanzjat minn approprjazzjonijiet operazzjonali11
3.2.3.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet amministrattivi13
3.2.3.1. Approprjazzjonijiet mill-baġit ivvutat13
3.2.4.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani13
3.2.4.1.Iffinanzjati mill-baġit ivvutat13
3.2.5.Ħarsa ġenerali lejn l-impatt stmat fuq l-investimenti relatati mat-teknoloġija diġitali13
3.2.6.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali13
3.2.7.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi13
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul13
4.Dimensjonijiet diġitali14
4.1.Rekwiżiti ta’ rilevanza diġitali14
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati dwar ir-reviżjoni tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport
1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)
Trasport
1.3.Objettiv(i)
1.3.1.Objettiv(i) ġenerali
L-għan tal-inizjattiva proposta huwa li tirrieżamina t-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport (TCT), kif awtorizzat fl-Artikolu 42 tat-Trattat. Dan l-artikolu jipprevedi li t-Trattat għandu jiġi rieżaminat fuq talba ta’ kwalunkwe parti kontraenti u, fi kwalunkwe każ, 5 snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Barra minn hekk, ir-reviżjoni għandha tippermetti s-sħubija sħiħa tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova fit-TCT.
1.3.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi
Objettiv speċifiku Nru 1
Jiġi appoġġat u msaħħaħ l-allinjament leġiżlattiv li diġà għaddej tas-sitt sħab tal-Balkani tal-Punent (ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, il-Kosovo 2*, il-Montenegro u r-Repubblika tas-Serbja – minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa) mal-acquis rilevanti tal-UE, fid-dawl tal-perspettivi Ewropej rispettivi tagħhom, u jittejbu ċerti aspetti oħrajn tal-funzjonament tat-TCT.
Objettiv speċifiku Nru 2
Soġġetta għall-qbil tal-partijiet rilevanti, ir-reviżjoni għandha tippermetti wkoll is-sħubija sħiħa tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova fit-TCT.
1.3.3.Riżultat(i) u impatt mistennija
Speċifika l-effetti li l-proposta/l-inizjattiva jenħtieġ li jkollha fuq il-benefiċjarji/il-gruppi fil-mira.
Filwaqt li l-għan tar-reviżjoni tat-Trattat huwa li tappoġġa u ssaħħaħ l-allinjament leġiżlattiv tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, l-emendi previsti huma ta’ natura teknika u ma jimmodifikawx il-kamp ta’ applikazzjoni jew l-objettiv oriġinali tat-Trattat. Il-kisba ta’ dan l-objettiv oriġinali u l-iżgurar tal-allinjament leġiżlattiv fis-settur tat-trasport, inkluż għall-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova, huma mistennija li jkollhom impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali pożittivi fuq iċ-ċittadini u n-negozji fl-UE u fil-pajjiżi kkonċernati.
1.3.4.Indikaturi tal-prestazzjoni
Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-kisbiet.
L-effettività tad-Deċiżjoni proposta se tiġi evalwata billi jiġi kkunsidrat l-ammont ta’ appoġġ immirat ipprovdut mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport lill-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa għall-Objettiv Speċifiku Nru 1, u għall-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova għall-Objettiv Speċifiku Nru 2. Dan l-appoġġ għandu jippromwovi l-integrazzjoni progressiva tas-swieq u n-networks tat-trasport tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa abbażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, inkluż fl-oqsma tal-istandards tekniċi, l-interoperabbiltà, is-sikurezza, is-sigurtà, il-ġestjoni tat-traffiku, il-kompetizzjoni, il-politika soċjali, l-akkwist pubbliku u l-ambjent. L-appoġġ ipprovdut huwa deskritt fir-rapporti operazzjonali annwali mħejjija mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu approvati mill-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali, li jikkonsisti f’rappreżentant ta’ kull waħda mill-Partijiet Kontraenti għat-TCT.
1.4.Il-proposta/L-inizjattiva hija relatata ma’:
azzjoni ġdida
azzjoni ġdida b’segwitu għal proġett pilota/azzjoni preparatorja 3
l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
fużjoni jew ridirezzjonar ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn azzjoni oħra/ġdida
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
L-objettivi għan-negozjati tat-Trattat li jinsabu f’din ir-Rakkomandazzjoni huma soġġetti għal negozjati ma’ pajjiżi terzi. Għalhekk, l-objettiv ta’ terminu qasir huwa li jintlaħaq ftehim dwar emendi li jappoġġaw l-Objettiv Speċifiku Nru 1, bil-għan li jiġi appoġġat u msaħħaħ l-allinjament leġiżlattiv li diġà għaddej, u dwar l-Objettiv Speċifiku Nru 2, bil-għan li tinkiseb is-sħubija sħiħa tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova fit-TCT.
Fuq medda ta’ żmien itwal, dawn l-emendi għat-TCT għandhom itejbu l-effettività tal-appoġġ ipprovdut mit-TCT u jippromwovu l-allinjament leġiżlattiv tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, inklużi l-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova, mal-acquis rilevanti tal-UE.
1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-UE (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, pereż. gwadanji mill-koordinazzjoni, ċertezza legali, aktar effettività jew komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, “valur miżjud tal-involviment tal-UE” huwa l-valur li jirriżulta mill-azzjoni tal-UE, li huwa addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.
It-TCT huwa ftehim bejn l-UE u l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa. Għalhekk, modifika tal-ftehim għandha tinvolvi lill-UE u lil dawk il-Partijiet.
1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
It-TCT ilu fis-seħħ mill-2019. F’dan il-perjodu, saret ħidma biex jintlaħqu l-objettivi msemmija hawn fuq ta’ integrazzjoni progressiva tas-swieq u n-networks tat-trasport fil-Balkani tal-Punent, u bejn il-Balkani tal-Punent u l-UE. Filwaqt li nkiseb xi progress f’termini ta’ allinjament leġiżlattiv u żvilupp tan-networks tat-trasport, jistgħu jittieħdu xi tagħlimiet biex tiżdied l-effettività tat-TCT. Eżempji ta’ dan jinkludu l-ħtieġa għal dispożizzjonijiet vinkolanti dwar l-impenji li jinsabu fit-TCT, kif ukoll skedi ta’ żmien ċari għall-implimentazzjoni tagħhom. Dawn it-tagħlimiet meħuda tqiesu fl-iżvilupp tad-direttivi dwar in-negozjar għal din ir-Rakkomandazzjoni.
1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra
It-TCT iservi l-integrazzjoni progressiva tas-swieq u n-networks tat-trasport tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa ma’ dawk tal-UE, u b’hekk jappoġġa konverġenza soċjoekonomika akbar fit-triq lejn is-sħubija fl-Unjoni. B’hekk, it-TCT jikkomplementa forom (proposti) oħrajn ta’ assistenza li jaħdmu lejn dan l-għan f’sens usa’, bħall-Pjan ta’ Tkabbir ġdid għall-Balkani tal-Punent 4 , il-pjan tal-Ukrajna 5 , u l-proposta tal-Kummissjoni għall-Pjan ta’ Tkabbir tal-Moldova 6 .
In-negozjati għat-tkabbir tat-Trattat biex jiġu inklużi l-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova jistgħu jwasslu għal żieda fil-kontribuzzjoni tas-sħubija mill-UE, li tista’ taqbeż l-ammonti allokati għat-TCT fl-ipprogrammar finanzjarju attwali. Filwaqt li l-kontribuzzjoni tal-UE għat-TCT hija stmata li tiżdied b’madwar 34 %, l-ipprogrammar finanzjarju jipprevedi biss żieda annwali ta’ 2 %. Barra minn hekk, il-kostijiet tal-istabbiliment għall-bażijiet tad-data applikabbli se jkunu meħtieġa matul l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tat-TCT imkabbar. Stima dettaljata hija pprovduta fit-Taqsima 3.
1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni
Iż-żmien eżatt ta’ meta se jkunu meħtieġa fondi addizzjonali jibqa’ inċert minħabba d-durata u l-eżitu imprevedibbli tan-negozjati. Fil-każ tad-dħul fis-seħħ tat-TCT rivedut sal-bidu tal-2027, il-kontribuzzjoni għal TCT imkabbar għandha tkun iffinanzjata primarjament, lil hinn mill-ammont previst fl-ipprogrammar finanzjarju, billi jintużaw fondi mhux minfuqa mill-kontribuzzjoni tal-UE għall-baġit attwali tat-TCT (2026).
1.6.Durata tal-proposta/tal-inizjattiva u tal-impatt finanzjarju tagħha
durata limitata
durata mhux limitata
–Implimentazzjoni b’perjodu ta’ bidu wara l-iffirmar tar-Reviżjoni tat-Trattat, ippjanata mill-bidu tal-2027,
–segwita minn operazzjoni fuq skala sħiħa.
1.7.Metodu/i ta’ implimentazzjoni tal-baġit ippjanat(i) 7
Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni
Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri
Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit:
– lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (għandhom jiġu speċifikati)
Kummenti
Implimentati mis-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
Il-Kunsill Ministerjali tat-TCT, li jiltaqa’ kull sena, għandu l-kompitu li jirrieżamina l-progress tal-implimentazzjoni tat-TCT. Barra minn hekk, il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali, li jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena ma’ rappreżentanti minn kull parti kontraenti tat-TCT, għandu l-kompitu li jirrieżamina l-funzjonament ġenerali tat-TCT. Fl-aħħar nett, is-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport iħejji rapporti operazzjonali annwali, rapporti dwar l-allinjament tal-acquis, dwar l-implimentazzjoni tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) fil-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, kif ukoll dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit. Dawn ir-rapporti huma approvati mill-Kunsill Ministerjali jew mill-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali. Dawn l-istrutturi stabbiliti mit-Trattat se jinżammu għall-monitoraġġ futur.
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-metodu/i tal-implimentazzjoni tal-baġit, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta
Is-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport ilu jimplimenta l-baġit tat-TCT mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat fl-2019. Is-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex ikompli jwettaq l-attivitajiet tat-TCT, meta wieħed iqis li għandu għarfien lokali, network lokali, u jista’ jibbenefika minn bosta snin ta’ esperjenza miksuba permezz tat-TCT eżistenti.
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom
Ir-riskju ewlieni identifikat b’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit propost għat-TCT huwa relatat mal-użu ineffettiv possibbli ta’ dan il-baġit biex jiġu ffinanzjati l-attivitajiet ta’ appoġġ għall-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa li jippromwovu l-integrazzjoni progressiva tas-swieq u n-networks tat-trasport. Il-miżuri biex jittaffa dan ir-riskju diġà huma fis-seħħ fit-Trattat eżistenti, u jikkonċernaw it-tħejjija ta’ rapporti operazzjonali annwali, rapporti dwar l-allinjament tal-acquis, dwar l-implimentazzjoni tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) fil-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, kif ukoll dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit. Dawn ir-rapporti jeħtieġ li jiġu approvati mill-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tat-TCT.
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon bejn il-kostijiet tal-kontroll u l-valur tal-fondi relatati ġestiti) u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ errur (mal-ħlas u fl-għeluq)
Is-Segretarjat Permanenti għandu responsabbiltà sħiħa għall-implimentazzjoni tal-baġit tagħhom, filwaqt li d-DĠ MOVE huwa responsabbli għall-pagament regolari tal-kontribuzzjonijiet stabbiliti mill-Awtorità Baġitarja. Il-livell mistenni ta’ riskju ta’ żball fil-pagament u fl-għeluq huwa simili għal dak marbut mas-sussidji tal-baġit ipprovduti lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn.
Il-kompiti addizzjonali li jirriżultaw mir-reviżjoni proposta ma humiex mistennija jiġġeneraw kontrolli addizzjonali speċifiċi. Għalhekk, il-kost tal-kontroll għad-DĠ MOVE (imkejjel skont il-valur tal-fondi ġestiti) huwa mistenni li jibqa’ stabbli.
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
Ir-regoli finanzjarji u l-proċeduri tal-awditjar applikabbli għall-Komunità tat-Trasport, adottati mill-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali, jistabbilixxu l-proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-TCT u għall-preżentazzjoni u l-awditjar tal-kontijiet f’konformità mal-Artikolu 35 tat-TCT. Skont dawn ir-regoli finanzjarji u l-proċeduri tal-awditjar, b’mod partikolari l-Artikoli 61 u 62, kull sena, l-uffiċjal tal-kontabilità għandu jistabbilixxi l-kontijiet tas-sena preċedenti. Dawn il-kontijiet għandhom jiġu vvalidati mid-Direttur tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport. L-awdituri esterni indipendenti, li għandhom jinħatru mill-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali, għandhom iwettqu l-awditjar annwali tal-Komunità tat-Trasport. It-termini tas-servizz tal-awdituri esterni jistgħu jiġġeddu kull sena, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali. L-awdituri esterni għandhom jippreżentaw rapport lill-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali, flimkien mad-dikjarazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet u l-kontijiet iċċertifikati, sa mhux aktar tard minn 8 xhur wara t-tmiem tas-sena finanzjarja li huma relatati magħha.
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
·Linji baġitarji eżistenti
Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali |
Linja baġitarja |
Tip ta’ nefqa |
Kontribuzzjoni |
|||
|
Numru
|
Diff./Mhux diff. 8 |
mill-pajjiżi tal-EFTA 9 |
minn pajjiżi kandidati u minn kandidati potenzjali 10 |
Minn pajjiżi terzi oħra |
dħul assenjat ieħor |
|
|
06 |
14.20.03.06 – Organizzazzjonijiet u ftehimiet internazzjonali |
Diff./Mhux diff. |
LE |
IVA |
LE |
LE |
3.2.Impatt finanzjarju stmat tal-proposta fuq l-approprjazzjonijiet
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali
– Il-proposta/L-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali
– Il-proposta/L-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali, kif spjegat hawn taħt
3.2.1.1.Approprjazzjonijiet mill-baġit ivvutat
miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali |
Numru |
06 - Il-Viċinat u d-Dinja |
|
DĠ: MOVE 11 |
Sena |
Sena |
Sena |
Sena |
TOTAL QFP 2021-2027 |
||
|
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
||||
|
Approprjazzjonijiet operazzjonali |
|||||||
|
Linja baġitarja |
Impenji |
(1a) |
|
|
|
1,008 |
1,008 |
|
Pagamenti |
(2 a) |
|
|
|
1,008 |
1,008 |
|
|
Linja baġitarja |
Impenji |
(1b) |
|
|
|
|
0,000 |
|
Pagamenti |
(2b) |
|
|
|
|
0,000 |
|
|
Approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett ta’ programmi speċifiċi 12 |
|||||||
|
Linja baġitarja |
|
(3) |
|
|
|
|
0,000 |
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet għad-DĠ MOVE |
Impenji |
=1a+1b+3 |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
1,008 |
1,008 |
|
Pagamenti |
=2 a+2b+3 |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
1,008 |
1,008 |
|
|
|
Sena |
Sena |
Sena |
Sena |
TOTAL QFP 2021-2027 |
||
|
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
||||
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet operazzjonali
|
Impenji |
(4) |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
1,008 |
1,008 |
|
Pagamenti |
(5) |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
1,008 |
1,008 |
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett għal programmi speċifiċi |
(6) |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet taħt l-INTESTATURA 6 |
Impenji |
=4+6 |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
1,008 |
1,008 |
|
tal-qafas finanzjarju pluriennali |
Pagamenti |
=5+6 |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
1,008 |
1,008 |
miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
Sena |
Sena |
Sena |
Sena |
TOTAL QFP 2021-2027 |
|
|
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
|||
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet skont l-INTESTATURI 1 sa 7 |
Impenji |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
1,008 |
1,008 |
|
tal-qafas finanzjarju pluriennali |
Pagamenti |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
1,008 |
1,008 |
3.2.2. Output stmat iffinanzjat mill-approprjazzjonijiet operazzjonali (ma għandux jimtela għal aġenziji deċentralizzati)
Approprjazzjonijiet ta’ impenn f’miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Indika l-objettivi u l-outputs |
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara t-Taqsima 1.6) |
TOTAL |
|||||||||||||
|
OUTPUTS |
|||||||||||||||||||
|
Tip 13 |
Kost medju |
Nru |
Kost |
Nru |
Kost |
Nru |
Kost |
Nru |
Kost |
Nru |
Kost |
Nru |
Kost |
Nru |
Kost |
Nru totali |
Kost totali |
||
|
OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 1 14 … |
|||||||||||||||||||
|
- Output |
|||||||||||||||||||
|
- Output |
|||||||||||||||||||
|
- Output |
|||||||||||||||||||
|
Subtotal tal-objettiv speċifiku Nru 1 |
|||||||||||||||||||
|
OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 2 ... |
|||||||||||||||||||
|
- Output |
|||||||||||||||||||
|
Subtotal tal-objettiv speċifiku Nru 2 |
|||||||||||||||||||
|
TOTALI |
|||||||||||||||||||
3.2.3.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet amministrattivi
– Il-proposta/L-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
– Il-proposta/L-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt
3.2.4.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani
– Il-proposta/L-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani
– Il-proposta/L-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt
3.2.5.Ħarsa ġenerali lejn l-impatt stmat fuq l-investimenti relatati mat-teknoloġija diġitali
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet diġitali u tal-IT |
Sena |
Sena |
Sena |
Sena |
TOTAL QFP 2021 - 2027 |
|
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
||
|
INTESTATURA 7 |
|||||
|
Nefqa tal-IT (korporattiva) |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
|
Subtotal tal-INTESTATURA 7 |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
|
Barra mill-INTESTATURA 7 |
|||||
|
Nefqa tal-IT marbuta mal-politika fil-qafas ta’ programmi operazzjonali |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
|
Subtotal barra mill-INTESTATURA 7 |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
|
|
|||||
|
TOTAL |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
0,000 |
3.2.6.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
Il-proposta/L-inizjattiva:
– tista’ tiġi ffinanzjata kompletament permezz ta’ riallokazzjoni fl-intestatura rilevanti tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP)
Iż-żmien eżatt ta’ meta se jkunu meħtieġa fondi addizzjonali għadu inċert minħabba d-durata u l-eżitu imprevedibbli tan-negozjati. Fil-każ tad-dħul fis-seħħ tat-TCT rivedut sal-bidu tal-2027, it-tisħiħ tal-linja 14 20 03 06 għandu jkun iffinanzjat primarjament, lil hinn mill-ammont previst fl-ipprogrammar finanzjarju, billi jintużaw fondi mhux minfuqa mill-kontribuzzjoni tal-UE għall-baġit attwali tat-TCT (2026). Kwalunkwe finanzjament addizzjonali huwa soġġett għad-disponibbiltà ddeterminata permezz tal-proċedura tal-Abbozz tal-Baġit għall-2027.
– tirrikjedi l-użu tal-marġni mhux allokat skont l-intestatura rilevanti tal-QFP u/jew l-użu tal-istrumenti speċjali kif definiti fir-Regolament QFP
– tirrikjedi reviżjoni tal-QFP
3.2.7.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
Il-proposta/L-inizjattiva:
– ma tipprevedix kofinanzjament minn partijiet terzi
– tipprevedi l-kofinanzjament minn partijiet terzi kif stmat hawn taħt:
3.3. Impatt stmat fuq id-dħul
– Il-proposta/L-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.
– Il-proposta/L-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:
– fuq ir-riżorsi proprji
– fuq dħul ieħor
– indika, jekk id-dħul hux assenjat għal-linji tan-nefqa
4.Dimensjonijiet diġitali
4.1.Rekwiżiti ta’ rilevanza diġitali
|
L-inizjattiva ta’ politika tikkonċerna r-reviżjoni tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport eżistenti. L-implimentazzjoni ta’ dan it-Trattat, flimkien ma’ kwalunkwe mezz diġitali biex tittejjeb l-implimentazzjoni tiegħu, hija r-responsabbiltà tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport. Għalhekk, l-inizjattiva hija vvalutata bħala li ma għandha l-ebda rekwiżit ta’ rilevanza diġitali għall-Kummissjoni. |