IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.6.2025
COM(2025) 269 final
ANNESS
ta’
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għall-konklużjoni ta’ Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u s-Seychelles
{SWD(2025) 136 final} - {SWD(2025) 137 final}
ANNESS
Direttivi ta’ negozjati
–L-objettiv tan-negozjati huwa l-konklużjoni ta’ protokoll ta’ implimentazzjoni ġdid tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u s-Seychelles f’konformità mal-Artikoli 28, 31 u 32 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd u mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2011 dwar id-Dimensjoni Esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd.
–Jenħtieġ li l-protokoll ta’ implimentazzjoni jiddefinixxi l-qafas ġenerali tal-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet tas-Seychelles kif ukoll il-modalitajiet tal-kooperazzjoni mas-Seychelles fil-qasam tas-sajd;
–Sabiex tippromwovi s-sajd sostenibbli u responsabbli, filwaqt li tiżgura, permezz ta’ li dan il-protokoll ta’ implimentazzjoni, benefiċċji reċiproċi kemm għall-Unjoni u kemm għas-Seychelles, jenħtieġ li l-Kummissjoni ssejjes l-objettivi ta’ negozjar tagħha fuq dan li ġej:
·Jiġu żgurati l-aċċess għall-bastimenti tal-flotta tal-Unjoni għaż-żona tas-sajd tas-Seychelles u l-awtorizzazzjonijiet li dawn il-bastimenti jeħtieġu biex jistadu f’dik iż-żona u, b’hekk, jiġi żviluppat, fost l-oħrajn, in-network ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli li l-operaturi tal-Unjoni għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom fl-Oċean Indjan;
·Jitqiesu l-aqwa parir xjentifiku disponibbli u l-pjanijiet ta’ ġestjoni rilevanti adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO, Regional Fisheries Management Organisations), sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet tas-sajd u tiġi promossa l-governanza tal-oċeani fil-livell internazzjonali. Jenħtieġ li l-attivitajiet tas-sajd jimmiraw esklużivament ir-riżorsi disponibbli, filwaqt li titqies il-kapaċità tas-sajd tal-flotta lokali, u filwaqt li titqies b’mod speċjali n-natura migratorja ħafna tal-istokkijiet ikkonċernati;
·Ikun imfittex li jinkiseb sehem xieraq mir-riżorsi tas-sajd li jikkkorrispondi għalkollox mal-interessi tal-flotot tal-Unjoni, f’każ li jkun hemm flotot barranin oħrajn interessati f’dawn ir-riżorsi wkoll, kif ukoll li jiġu applikati l-istess kundizzjonijiet tekniċi għall-flotot barranin kollha;
·Jiġi żgurat li l-aċċess għas-sajd jissejjes fuq l-attività storika tal-flotta tal-Unjoni f’dan ir-reġjun u l-attività li din mistennija jkollha fih fil-ġejjieni, fid-dawl tal-aqwa valutazzjonijiet xjentifiċi disponibbli u l-aktar aġġornati u tal-interessi tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni;
·Jitwaqqaf djalogu biex tissaħħaħ il-politika settorjali bil-ħsieb li titħeġġeġ l-implimentazzjoni ta’ politika tas-sajd responsabbli, b’rabta mal-objettivi tal-iżvilupp tas-Seychelles, partikolarment fir-rigward tal-governanza tas-sajd, tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, tal-kontroll, il-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd u tal-għoti tal-pariri xjentifiċi, id-drittijiet tax-xogħol tas-sajjieda u t-trawwim tal-attività ekonomika; Dawn l-isforzi se jikkomplementaw strumenti oħra tal-Unjoni, inkluż l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI), u jiddependu fuq opportunitajiet eżistenti bħat-taħriġ offrut miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC);
·Jiġi żgurat li l-Protokoll se jikkontribwixxi għall-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli u ta’ xogħol deċenti b’rabta mal-attivitajiet tas-sajd, filwaqt li jitqiesu l-Konvenzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO, International Labour Organisation); B’mod partikolari, il-klawżola soċjali jenħtieġ li tindika li l-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol tas-sajjieda abbord il-bastimenti tal-UE ma għandhomx ikunu f’kontradizzjoni mal-istrumenti applikabbli għas-sajjieda tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-xogħol (ILO) u tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), b’mod partikolari d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-xogħol (1998), kif emendata fl-2022, u l-Konvenzjoni Nru 188 tal-ILO dwar ix-xogħol tas-sajd.
·Jiġi promoss involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati fl-ipprogrammar u fl-implimentazzjoni ta’ attivitajiet li jirriżultaw mill-Ftehim;
·Tiddaħħal klawżola dwar il-konsegwenzi f’każ li jinkisru d-drittijiet tal-bniedem (inkluż id-drittijiet tax-xogħol) u l-prinċipji demokratiċi.
·Tiddaħħal klawżola dwar in-nondiskriminazzjoni bejn il-flotot, u dwar it-trasparenza.
–B’mod partikolari, jenħtieġ li l-protokoll jiddefinixxi dawn li ġejjin:
·l-opportunitajiet tas-sajd li l-bastimenti tal-Unjoni se jingħataw;
·il-kumpens finanzjarju u l-kundizzjonijiet biex dan jitħallas; kif ukoll
·il-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali.