IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.5.2025
COM(2025) 249 final
2025/0121(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul il-110 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni tal-emendi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-1994 (il-Kodiċi HSC tal-1994) u tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-2000 (il-Kodiċi HSC tal-2000)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-110 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (MSC 110), skedata li ssir mit-18 sas-27 ta’ Ġunju 2025.
Matul l-MSC 110, huwa previst li jiġu adottati l-emendi rigward:
il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS, International Convention for the Safety of Life at Sea ) tal-1974,
il-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Inġenji ta’ Veloċità Għolja (HSC, High-Speed Craft) tal-1994 (Kodiċi HSC tal-1994) u
il-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-2000 (Kodiċi HSC tal-2000).
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali
Il-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) tistabbilixxi l-OMI. L-għan tal-OMI hu li tipprovdi forum għall-kooperazzjoni fil-qasam tar-regolamentazzjoni u tal-prattiki relatati mal-kwistjonijiet tekniċi ta’ kull tip li jaffettwaw it-tbaħħir involut fil-kummerċ internazzjonali. Barra minn hekk, għandha l-għan li tħeġġeġ l-adozzjoni ġenerali tal-aqwa standards prattikabbli fil-kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sikurezza marittima, l-effiċjenza tan-navigazzjoni u l-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis tal-baħar mill-vapuri, filwaqt li tippromwovi kundizzjonijiet ekwi. Tittratta wkoll il-kwistjonijiet amministrattivi u legali relatati.
Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Marzu 1958.
L-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni. L-Unjoni mhijiex parti għall-Konvenzjoni.
L-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (“SOLAS”) tal-1974, li daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 1980. L-Unjoni mhijiex parti għas-SOLAS.
2.2.Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali
L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) hija l-aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli għas-sikurezza u għas-sigurtà tat-tbaħħir u għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar mill-vapuri. Hija l-awtorità li tistabbilixxi l-istandards globali għas-sikurezza, għas-sigurtà u għall-prestazzjoni ambjentali tat-tbaħħir internazzjonali. Ir-rwol prinċipali tagħha huwa li toħloq qafas regolatorju għall-industrija tat-tbaħħir li jkun ġust u effettiv, u li dan jiġi adottat u implimentat b’mod universali.
Is-sħubija fl-OMI hija miftuħa għall-Istati kollha u l-Istati Membri kollha tal-UE huma membri tal-OMI. Ir-relazzjonijiet tal-KE mal-OMI llum huma bbażati fuq ir-Riżoluzzjoni A.1168(32) tal-OMI li tippreskrivi l-proċeduri u t-termini għall-kooperazzjoni bejn l-OMI u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi.
Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC, Maritime Safety Committee) tal-OMI huwa magħmul mill-Membri kollha tal-OMI u jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena. Dan jittratta kwalunkwe kwistjoni fl-ambitu tal-Organizzazzjoni relatata mal-għajnuniet għan-navigazzjoni, mal-kostruzzjoni u mat-tagħmir tal-bastimenti, mal-persunal mil-lat tas-sikurezza, mar-regoli għall-prevenzjoni tal-kolliżjonijiet, mal-maniġġ ta’ merkanzija perikoluża, mal-proċeduri u mar-rekwiżiti tas-sikurezza marittima, mal-informazzjoni idrografika, mal-ġurnali ta’ abbord u mar-reġistri tan-navigazzjoni, mal-investigazzjoni tad-diżgrazzji tal-baħar, mal-għoti tal-għajnuna u mas-salvataġġ, u ma’ kwalunkwe kwistjoni oħra li taffettwa direttament is-sikurezza marittima.
Skont l-Artikolu 28(b) tal-Konvenzjoni tal-OMI, il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI jipprovdi mekkaniżmi għat-twettiq ta’ kwalunkwe dmir assenjat lilu mill-Konvenzjoni tal-OMI, mill-Assemblea tal-OMI jew mill-Kunsill tal-OMI, jew kwalunkwe dmir fl-ambitu msemmi hawn fuq li jista’ jiġi assenjat lilhom minn jew skont kwalunkwe strument internazzjonali ieħor, u aċċettat mill-OMI. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima, u tal-korpi sussidjarji tiegħu, huma adottati b’maġġoranza tal-Membri tagħhom.
2.3.Att previst tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI
Bejn it-18 u s-27 ta’ Ġunju 2025, matul il-110 sessjoni tiegħu, il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima għandu jadotta emendi tal-kapitoli II-1, II-2 u V tas-SOLAS u tal-Kodiċi HSC tal-1994 u tal-Kodiċi HSC tal-2000.
L-għan tal-emendi previsti tal-Kapitolu II-1 tas-SOLAS huwa li jipprovdu kjarifika u ċertezza dwar l-applikazzjoni tal-Kodiċi IGF għall-fjuwils gassużi.
L-għan tal-emendi previsti tal-Kapitolu II-2 tas-SOLAS huwa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti ta’ din id-dispożizzjoni għall-vapuri tal-passiġġieri u għall-vapuri tal-merkanzija.
L-għan tal-emendi previsti tal-Kapitolu V tas-SOLAS huwa li tittejjeb is-sikurezza tal-bdoti fuq il-baħar.
L-għan tal-emendi previsti tal-Kodiċi HSC tal-1994 u tal-Kodiċi HSC tal-2000 huwa li jiġu armonizzati r-rekwiżiti tal-ġarr tal-ġkieket tas-salvataġġ mar-rekwiżiti fil-Kapitolu III tas-SOLAS.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-110 sessjoni tal-kumitat tas-sikurezza marittima
3.1.Emendi tal-Kapitolu II-1 tas-SOLAS
Fil-108 sessjoni tiegħu, il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC 108) ikkunsidra l-applikazzjoni tal-Kodiċi IGF għall-fjuwils b’punt ta’ fjammabbiltà baxx u għal fjuwils gassużi oħra, innota l-ħtieġa li jiġi ċċarat jekk il-Kodiċi IGF japplikax għall-vapuri li jużaw il-gass bħala fjuwil irrispettivament mill-punt ta’ fjammabbiltà u qabel li jirreferi l-kwistjoni lis-Sottokumitat dwar il-Ġarr tal-Merkanzija u tal-Kontejners (CCC 10, Sub-Committee on Carriage of Cargoes and Containers, 10th session) u li jirċievi l-parir tas-CCC fl-MSC 109.
Matul is-CCC 10, is-Sottokumitat qabel mal-approċċ ġenerali li l-Kodiċi IGF għandu japplika għall-fjuwils u l-fjuwils tal-gass b’punt ta’ fjammabbiltà baxx u rrakkomanda lill-MSC 109 li l-Kapitolu II-1 tas-SOLAS ikun jeħtieġ emenda. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fis-CCC 10 kienet li tappoġġa aktar kunsiderazzjoni dwar l-aħjar triq ’il quddiem dwar kif u jekk il-fjuwils gassużi kollha għandhomx jiġu kkunsidrati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kodiċi IGF.
L-MSC 109 stabbilixxa l-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Iżvilupp ta’ Qafas Regolatorju tas-Sikurezza biex Jappoġġa t-Tnaqqis tal-Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra minn Vapuri li Jużaw Teknoloġiji Ġodda u Fjuwils Alternattivi u tah struzzjonijiet biex iħejji abbozzi ta’ emendi tar-regolamenti SOLAS II-1/2.29, 56 u 57 biex jiġu kkunsidrati mill-Kumitat. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-MSC 109 kienet li tappoġġa l-ħtieġa li jiġi ċċarat b’mod urġenti l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kodiċi IGF billi tadotta, jekk rilevanti, l-abbozzi tal-emendi tas-SOLAS.
Wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma, l-MSC 109 approva l-abbozz tal-emendi tas-SOLAS fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Kodiċi IGF bil-ħsieb li jiġi adottat fl-MSC 110. Dawn l-emendi huma ċċirkolati permezz tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 4953 tas-17 ta’ Diċembru 2024 fl-Anness 1.
L-Unjoni għandha tappoġġa dawn l-emendi għax se jipprovdu kjarifika u ċertezza dwar l-applikazzjoni tal-Kodiċi IGF għall-fjuwils gassużi.
3.2.Emendi tal-Kapitolu II-2 tas-SOLAS
Fl-10 sessjoni tiegħu, is-Sottokumitat dwar is-Sistemi u t-Tagħmir tal-Vapuri (SSE 10, Sub-Committee on Ship Systems and Equipment, 10th Session) ikkunsidra l-korrezzjonijiet minuri tad-dokumenti tar-Regolamenti SOLAS II-2/11.2 u 11.4.1, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti ta’ din id-dispożizzjoni għall-vapuri tal-passiġġieri u għall-vapuri tal-merkanzija. Wara diskussjoni, is-Sottokumitat appoġġa l-proposta u qabel mal-abbozz tal-emendi tar-Regolament SOLAS II-2/11, bħala korrezzjonijiet minuri 7, bil-ħsieb li jiġu approvati mill-MSC 109 u li jiġu adottati mill-MSC 110. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-SSE 10 kienet li tappoġġa dawn l-emendi sabiex tiżgura l-implimentazzjoni konsistenti ta’ din id-dispożizzjoni għall-vapuri tal-passiġġieri u għall-vapuri tal-merkanzija.
L-MSC 109 approva l-abbozz tal-emendi tar-Regolament SOLAS II-2/11, għall-implimentazzjoni konsistenti ta’ din id-dispożizzjoni għall-vapuri tal-passiġġieri u għall-vapuri tal-merkanzija, bil-ħsieb li jiġu adottati fl-MSC 110. Dawn l-emendi huma ċċirkolati permezz tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 4953 tas-17 ta’ Diċembru 2024 fl-Anness 1.
L-Unjoni għandha tappoġġa dawn l-emendi għax se jiżguraw l-implimentazzjoni konsistenti ta’ din id-dispożizzjoni għall-vapuri tal-passiġġieri u għall-vapuri tal-merkanzija.
3.3.Emendi tal-Kapitolu V tas-SOLAS
L-MSC 106 qabel li fl-aġenda biennali tas-Sottokumitat dwar in-Navigazzjoni, il-Komunikazzjoni u t-Tiftix u s-Salvataġġ (NCSR, Sub-Committee on Navigation, Communications and Search and Rescue) għall-2022–2023 u fl-aġenda proviżorja għall-NCSR 10 jinkludi eżitu dwar ir-“Reviżjoni tar-Regolament SOLAS V/23 u l-istrumenti assoċjati biex tittejjeb is-sikurezza tal-arranġamenti ta’ trasferiment tal-bdoti”, b’sena ta’ tlestija fil-mira tal-2024. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-MSC 106 kienet li tappoġġa fil-prinċipju l-proposta li jiġi stabbilit eżitu ġdid biex jiġi emendat ir-Regolament SOLAS V/23 u l-istrumenti assoċjati biex tittejjeb is-sikurezza tal-arranġamenti ta’ trasferiment tal-bdoti.
L-NCSR 10 beda l-ħidma fuq ir-reviżjoni meħtieġa tar-Regolament SOLAS V/23. Biex ikompli l-ħidma, is-Sottokumitat qabel li jistabbilixxi Grupp ta’ Korrispondenza dwar l-Arranġamenti ta’ Trasferiment tal-Bdoti taħt il-koordinazzjoni taċ-Ċina bil-ħsieb li dan l-eżitu jiġi ffinalizzat fl-NCSR 11. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-NCSR 10 kienet li tipproponi li d-diskussjoni teknika għandha titkompla minn esperti fi grupp ta’ ħidma.
Il-Grupp ta’ Korrispondenza ppreżenta lill-NCSR 11 l-abbozzi tal-emendi tar-Regolament SOLAS V/23 u l-abbozz tal-istandards tal-prestazzjoni għall-arranġamenti ta’ trasferiment tal-bdoti. Wara kunsiderazzjoni, is-Sottokumitat irrefera dan ir-rapport lill-Grupp ta’ Ħidma dwar in-Navigazzjoni għar-rieżami u l-finalizzazzjoni tal-abbozz tal-emendi tas-SOLAS u l-abbozz tal-istandards tal-prestazzjoni. Wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma, is-Sottokumitat qabel mal-abbozz tal-emendi tar-Regolament SOLAS V/23 u l-appendiċi (Ċertifikati), mal-abbozz ta’ riżoluzzjoni assoċjat tal-MSC dwar l-istandards tal-prestazzjoni għall-arranġamenti ta’ trasferiment tal-bdoti, u stieden lill-Kumitat japprovahom, għall-adozzjoni sussegwenti. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-NCSR 11 kienet li tipproponi li d-dokumenti kollha jingħaddu lill-Grupp ta’ Ħidma dwar in-Navigazzjoni biex jiġu żviluppati aktar l-emendi tar-Regolament SOLAS V/23, u l-istrumenti assoċjati.
L-MSC 109 approva l-abbozzi tal-emendi tar-Regolament SOLAS V/23 u tal-appendiċi (Ċertifikati), bil-ħsieb li jiġu adottati fl-MSC 110. Dawn l-emendi huma ċċirkolati permezz tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 4953 tas-17 ta’ Diċembru 2024 fl-Anness 1.
L-Unjoni għandha tappoġġa dawn l-emendi minħabba li se jtejbu s-sikurezza tal-bdoti fuq il-baħar.
3.4.Emendi tal-Kodiċi HSC tal-1994 u tal-Kodiċi HSC tal-2000
L-MSC 101 qabel li, fl-aġenda postbiennali tiegħu, jinkludi eżitu dwar “L-iżvilupp tal-emendi tal-paragrafu 8.3.5 u tal-anness 1 tal-Kodiċijiet HSC tal-1994 u l-2000”, b’sessjoni waħda meħtieġa biex jitlesta l-punt, filwaqt li s-Sottokumitat tal-SSE jiġi assenjat bħala l-organu assoċjat. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-MSC 101 kienet li tappoġġa l-proposta għall-istabbiliment ta’ eżitu ġdid biex is-Sottokumitat tal-SSE jarmonizza r-rekwiżiti tal-ġkieket tas-salvataġġ xierqa għat-trabi fil-Kodiċijiet HSC mar-rekwiżiti tal-ġarr tal-ġkieket tas-salvataġġ tal-Kapitolu III tas-SOLAS.
L-SSE 9 kien qabel li jinkludi l-punt tal-aġenda fl-aġenda proviżorja tal-SSE 10. L-SSE 10 ta struzzjonijiet lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Apparati għas-Salvataġġ tal-Ħajja (LSA, Life Saving Appliances), filwaqt li kkunsidra l-kummenti li saru u d-deċiżjonijiet meħuda fil-plenarja, biex jiffinalizza l-abbozz ta’ emendi tal-Kodiċijiet HSC tal-1994 u l-2000. Wara li kkunsidra l-parti rilevanti tar-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-LSA, l-SSE 10 qabel mal-abbozz tal-emendi tal-Kodiċijiet HSC tal-1994 u tal-2000, bil-ħsieb li jiġi approvati mill-MSC 109 u li jiġu adottati b'mod sussegwenti mill-MSC 110.
L-MSC 109 approva l-abbozz tal-emendi tal-paragrafu 8.3.5 (Apparat tas-salvataġġ personali) u l-Anness 1 (Rekord tat-Tagħmir), tal-Kodiċi HSC tal-1994 u tal-paragrafu 8.3.5 (Apparat għas-salvataġġ personali) u l-Anness 1 (Rekord tat-Tagħmir), tal-Kodiċi HSC tal-2000, bil-ħsieb li jiġu adottati fl-MSC 110, u li huma mistennija jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2028. Dawn l-emendi huma ċċirkolati permezz tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 4953 tas-17 ta’ Diċembru 2024 fl-Anness 2 u 3.
L-Unjoni għandha tappoġġa dawn l-emendi minħabba li se jarmonizzaw ir-rekwiżiti tal-ġarr tal-ġkieket tas-salvataġġ mar-rekwiżiti fil-Kapitolu III tas-SOLAS u jtejbu s-sikurezza tat-trabi f’każ ta’ aċċident.
4.Leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u kompetenza tal-UE
4.1.Relevant EU legislation
4.1.1.Emendi tal-Kapitolu II-1 tas-SOLAS
L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE dwar ir-regoli u l-istandards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri jipprevedi li vapuri tal-passiġġieri ġodda tal-Klassi A li joperaw fi vjaġġi domestiċi fl-UE għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata.
Barra minn hekk, l-Anness I tad-Direttiva 2009/45/KE jinkludi żewġ Regolamenti relatati mal-bastimenti li jużaw il-fjuwils b’punt ta’ fjammabilità baxx:
·ir-Regolament II-1/G/1: applikabbli għall-bastimenti Ġodda tal-Klassi B, C u D [u l-bastimenti eżistenti tal-Klassi B] – “Il-vapuri, irrispettivament mid-data meta nbnew, ikkonvertiti għall-użu jew li ntrabtu li jużaw karburanti gassużi jew likwidi li jkollhom punt ta’ fjammabbiltà aktar baxx minn dak permess skont ir-Regolament II-2/A/10, is-subparagrafu.1.1, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Kodiċi IGF, kif definit f’SOLAS II-1/2.28.”; kif ukoll
·ir-Regolament II-1/G/57: Ir-rekwiżiti għall-bastimenti li jużaw fjuwils b’punt ta’ fjammabilità baxx – “Il-vapuri li jużaw karburanti gassużi jew likwidi li jkollhom punt ta’ fjammabbiltà aktar baxx minn dak permess skont ir-Regolament II-2/4.2.1.1, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Kodiċi IGF, kif definit fir-Regolament II-1/2.28 tal-Konvenzjoni SOLAS.”
Għalhekk, l-emendi tal-Kapitolu II-1 tas-SOLAS jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-Direttiva 2009/45/KE. Dan huwa minħabba li l-Artikolu 6(2)(a)(i) jipprevedi li l-vapuri tal-passiġġieri l-ġodda tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata.
4.1.2.Emendi tal-Kapitolu II-2 tas-SOLAS
L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri jipprevedi li l-vapuri tal-passiġġieri ġodda tal-Klassi A li joperaw fi vjaġġi domestiċi fl-UE għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata.
Għalhekk, l-emendi tal-Kapitolu II-2 tas-Solas jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE. Dan huwa minħabba li l-Artikolu 6(2)(a)(i) jipprevedi li l-vapuri tal-passiġġieri l-ġodda tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata.
4.1.3.Emendi tal-Kapitolu V tas-SOLAS
L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri jipprevedi li l-vapuri tal-passiġġieri ġodda tal-Klassi A li joperaw fi vjaġġi domestiċi fl-UE għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata.
Barra minn hekk, it-tagħmir tan-navigazzjoni, inkluż il-ġarr, il-prestazzjoni, u l-approvazzjoni tat-tip tas-slielem tal-bdoti, huwa elenkat fit-Taqsima 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1975. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni fih ir-rekwiżiti tad-disinn, tal-kostruzzjoni u tal-prestazzjoni u l-istandards tal-ittestjar għat-tagħmir tal-baħar. Huwa bbażat fuq l-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni biex tindika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-rekwiżiti tad-disinn, tal-kostruzzjoni u tal-prestazzjoni kif ukoll l-istandards tal-ittestjar għat-tagħmir tal-baħar li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/90/UE dwar it-tagħmir tal-baħar, f’konformità mal-Artikolu 35(2) tagħha.
Għalhekk, l-emendi tal-Kapitolu V tas-SOLAS jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1975. Dan għaliex ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1975 fit-Taqsima 4 tiegħu jelenka t-tagħmir tan-navigazzjoni, inkluż il-ġarr, il-prestazzjoni, u l-approvazzjoni tat-tip tas-slielem tal-bdoti, li huma previsti fir-Regolament SOLAS V/23.
4.1.4.Emendi tal-Kodiċi HSC tal-1994 u tal-Kodiċi HSC tal-2000
L-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2009/45/KE jiddefinixxi “Il-Kodiċi għall-Inġenji tal-Baħar b’Veloċità Għolja” bħala “‘il-Kodiċi Internazzjonali għas-Sikurezza ta’ Inġenji tal-Baħar b’Veloċità Għolja” li tinsab fir-Riżoluzzjoni tal-IMO MSC 36 (63) tal-20 ta’ Mejju 1994, jew il-Kodiċi Internazzjonali għas-Sikurezza ta’ Inġenji tal-Baħar b’Veloċità Għolja, 2000 (Kodiċi HSC tal-2000), fir-Riżoluzzjoni tal-IMO MSC.97(73) ta’ Diċembru 2000, fil-verżjonijiet aġġornati tagħhom”.
L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri jipprevedi li l-inġenji tal-baħar b’veloċità għolja għall-passiġġieri, meta joperaw fuq vjaġġi domestiċi, li nbnew jew li kienu soġġetti għal tiswijiet, alterazzjonijiet jew modifikazzjonijiet ta’ karattru estensiv fl-1 ta’ Jannar 1996 jew wara, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament X/2 u X/3 tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, li jipprevedu l-applikazzjoni tal-“Kodiċi għall-Inġenji tal-Baħar b’Veloċità Għolja”.
Għalhekk, l-emendi tal-Kodiċi HSC tal-1994 u tal-Kodiċi HSC tal-2000 jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE. Dan għaliex l-Artikolu 6(4) jipprevedi li l-inġenji tal-baħar b’veloċità għolja għall-passiġġieri, meta joperaw fuq vjaġġi domestiċi, li nbnew jew li kienu soġġetti għal tiswijiet, alterazzjonijiet jew modifikazzjonijiet ta' karattru estensiv fl-1 ta’ Jannar 1996 jew wara, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament X/2 u X/3 tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, li jipprevedu l-applikazzjoni tal-“Kodiċi tal-Inġenji tal-Baħar b’Veloċità Għolja”.
4.2.Kompetenza tal-UE
Is-suġġett tal-atti previsti jikkonċerna qasam li għalih l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva bis-saħħa tal-aħħar parti tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE, peress li l-atti previsti jistgħu “[jolqtu] xi regoli komuni jew [ibiddlu] l-kamp tal-applikazzjoni tagħhom”.
5.Bażi legali
5.1.Bażi legali proċedurali
5.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Article 218(9) TFEU applies regardless of whether the Union is a member of the body or a party to the agreement.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. It also includes instruments that do not have a binding effect under international law, but that are ‘capable of decisively influencing the content of the legislation adopted by the EU legislature’.
5.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI huwa korp imwaqqaf permezz ta’ ftehim f’konformità mal-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.
L-atti li dan il-kumitat tal-OMI huwa mitlub jadotta jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. L-atti previsti jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE li ġejja, u b’mod partikolari:
–id-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri. Dan għaliex l-Artikolu 6(2)(a)(i) jipprevedi li l-vapuri tal-passiġġieri ġodda tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata u l-Artikolu 6(4) jipprevedi li l-inġenji tal-baħar b’veloċità għolja għall-passiġġieri, meta joperaw fuq vjaġġi domestiċi, li nbnew jew li kienu soġġetti għal tiswijiet, alterazzjonijiet jew modifikazzjoniiet ta’ karattru estensiv fl-1 ta’ Jannar 1996 jew wara, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament X/2 u X/3 tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, li jipprevedu l-applikazzjoni tal-“Kodiċi tal-Inġenji tal-Baħar b’Veloċità Għolja”.
–Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1975 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti tad-disinn, tal-kostruzzjoni u tal-prestazzjoni u tal-istandards tal-ittestjar għat-tagħmir tal-baħar u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1667. Dan għaliex fit-Taqsima 4 tiegħu jelenka t-tagħmir tan-navigazzjoni, inkluż il-ġarr, il-prestazzjoni, u l-approvazzjoni tat-tip tas-slielem tal-bdoti, li huma previsti fir-Regolament SOLAS V/23.
–L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.2.Bażi legali sostantiva
5.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
5.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-atti previsti huma relatati mat-trasport marittimu. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.
5.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2025/0121 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul il-110 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni tal-emendi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-1994 (il-Kodiċi HSC tal-1994) u tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-2000 (il-Kodiċi HSC tal-2000)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (“OMI”) daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Marzu 1958.
(2)L-OMI hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli għas-sikurezza u għas-sigurtà tat-tbaħħir u għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar u tal-arja mill-vapuri. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma membri tal-OMI. L-Unjoni mhijiex membru tal-OMI.
(3)Skont l-Artikolu 28(b) tal-Konvenzjoni dwar l-OMI, il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima jipprovdi mekkaniżmi għat-twettiq ta’ kwalunkwe dmir assenjat lilu f’konformità ma’ dik il-Konvenzjoni, mill-Assemblea tal-OMI jew mill-Kunsill tal-OMI, jew ta’ kwalunkwe dmir fl-ambitu ta’ dak l-Artikolu li jista’ jiġi assenjat lill-Kumitat tas-Sikurezza Marittima skont kwalunkwe strument internazzjonali ieħor, u aċċettat mill-OMI.
(4)Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI, fil-110 sessjoni tiegħu mit-18 sas-27 ta’ Ġunju 2025, għandu jadotta l-emendi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS, International Convention for the Safety of Life at Sea), tal-1974, tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Inġenji ta’ Veloċità Għolja (HSC, High-Speed Craft) tal-1994 (il-Kodiċi HSC tal-1994) u tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-2000 (il-Kodiċi HSC tal-2000).
(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul il-110 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI, peress li l-atti previsti jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1975 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti tad-disinn, tal-kostruzzjoni u tal-prestazzjoni u tal-istandards tal-ittestjar għat-tagħmir tal-baħar u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1667.
(6)Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emendi tal-Kapitolu II-1 tas-SOLAS, għax se jipprovdu kjarifika u ċertezza dwar l-applikazzjoni tal-Kodiċi IGF għall-fjuwils gassużi. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emendi tal-Kapitolu II-2 tas-SOLAS, għax se jiżguraw l-implimentazzjoni konsistenti ta’ din id-dispożizzjoni għall-vapuri tal-passiġġieri u għall-vapuri tal-merkanzija. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emendi tal-Kapitolu V tas-SOLAS għax se jtejbu s-sikurezza tal-bdoti fuq il-baħar. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emendi tal-Kodiċi HSC tal-1994 u tal-Kodiċi HSC tal-2000 għax se jarmonizzaw ir-rekwiżiti tal-ġarr tal-ġkieket tas-salvataġġ mar-rekwiżiti fil-Kapitolu III tas-SOLAS u se jtejbu s-sikurezza tat-trabi f’każ ta’ aċċident.
(7)Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-OMI, u mill-Kummissjoni, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-110 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi tal-Kapitoli II-1, II-2 u V tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS) tal-1974, tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-1994 (il-Kodiċi HSC tal-1994) u tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-2000 (il-Kodiċi HSC tal-2000) kif stabbilit fl-Anness 1, 2 u 3 tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 4953 tas-17 ta’ Diċembru 2024.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President