IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.5.2025
COM(2025) 246 final
2025/0118(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-18-il laqgħa tal-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika b’rabta mal-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet indirizzati lil 10 Stati Partijiet dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-Konvenzjoni, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulment
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-18-il laqgħa tal-Kumitat tal-Partijiet (“CoP”, Committee of the Parties) tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (“il-Konvenzjoni ta’ Istanbul” jew “il-Konvenzjoni”) fil-5-6 ta’ Ġunju 2025, rigward l-adozzjoni prevista ta’ tmien abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet u żewġ abbozzi ta’ konklużjonijiet indirizzati lil 10 Partijiet dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-Konvenzjoni.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul
Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul tistabbilixxi sett komprensiv u armonizzat ta’ regoli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fl-Ewropa u lil hinn minnha. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2014.
L-UE ffirmat il-Konvenzjoni f’Ġunju 2017, u ffinalizzat il-proċedura tal-adeżjoni bid-depożitu ta’ żewġ strumenti ta’ approvazzjoni fit-28 ta’ Ġunju 2023, li skattaw id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għall-UE fl-1 ta’ Ottubru 2023. L-UE ssieħbet mal-Konvenzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tagħha, jiġifieri fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni u fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement. L-Istati Membri kollha tal-UE ffirmaw il-Konvenzjoni u 22 minnhom irratifikawha.
2.2.Il-Kumitat tal-Partijiet
Is-CoP huwa magħmul mir-rappreżentanti tal-Partijiet għall-Konvenzjoni. Il-partijiet iridu jagħmlu ħilithom biex, bħala r-rappreżentanti tagħhom, jinnominaw l-aħjar esperti fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika. Il-kompiti fdati lis-CoP huma elenkati fir-Regola 1 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu. Fl-1 ta’ Ottubru 2023 l-UE saret Parti għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul u, bħala tali, membru tas-CoP (l-Artikolu 67(1) tal-Konvenzjoni).
2.3.Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul
Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ li jiżgura li l-Partijiet jagħmlu implimentazzjoni effettiva. L-għan huwa li ssir valutazzjoni dwar kif il-Konvenzjoni titħaddem fil-prattika u li tingħata gwida lill-Partijiet. Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ jikkonsisti minn żewġ korpi distinti, iżda li jinteraġixxu bejniethom: korp ta’ esperti indipendenti (il-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika “GREVIO”); u s-CoP.
GREVIO huwa grupp indipendenti ta’ esperti bil-kompitu li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fuq bażi ta’ pajjiż b’pajjiż, f’konformità mal-Artikolu 66(1) tal-Konvenzjoni. Il-proċedura ta’ monitoraġġ hija stabbilita fl-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni. F’konformità mal-Artikolu 68(1) tal-Konvenzjoni, il-Partijiet il-ġodda huma meħtieġa jippreżentaw rapport, ibbażat fuq kwestjonarju mħejji mill-GREVIO, li jagħti dettalji dwar il-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra li jdaħħlu fis-seħħ il-Konvenzjoni. GREVIO jħejji rapport dwar il-miżuri li jittieħdu mill-Parti kkonċernata biex timplimenta l-Konvenzjoni u jagħti suġġerimenti u proposti dwar kif il-Parti tkun tista’ tindirizza l-problemi li jkunu ġew identifikati.
Abbażi tar-rapporti ta’ GREVIO, is-CoP, f’konformità mal-Artikolu 68(12) tal-Konvenzjoni, jista’ jadotta rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Parti kkonċernata dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u jiffissa data sa meta Parti tippreżenta tweġiba dwar l-implimentazzjoni tagħhom. Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, is-CoP qed jadotta rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet li jiddifferenzjaw bejn azzjonijiet li jenħtieġ li jittieħdu malajr kemm jista’ jkun, b’rekwiżit li jirrapportaw fi żmien perjodu ta’ tliet snin, u azzjonijiet li, filwaqt li huma importanti, ma jkollhomx l-istess livell ta’ immedjatezza. Wara li jintemm il-perjodu ta’ tliet snin, il-Parti trid tirrapporta lis-CoP dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jkunu ġew indirizzati lilha. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li jikseb, is-Segretarjat tal-Kumitat iħejji l-konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ kull Parti taħt rieżami u dawn jiġu adottati mis-CoP.
Peress li l-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-linja bażi tlestiet għal kważi l-Partijiet kollha, lejn l-aħħar tal-2022 GREVIO ddeċieda li jgħaddi għall-fażi li jmiss tal-evalwazzjoni tiegħu. Skont l-Artikolu 68(3) tal-Konvenzjoni, il-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ GREVIO wara l-evalwazzjoni tal-linja bażi għandhom jinqasmu f’ċikli (“ċikli ta’ evalwazzjoni tematika”). L-ewwel ċiklu ta’ evalwazzjoni tematika huwa intitolat “Building Trust by Delivering Support, Protection and Justice” (“Nibnu l-Fiduċja bl-għoti ta’ Appoġġ, Protezzjoni u Ġustizzja”) li jopera mill-2023 sal-2031. Filwaqt li l-evalwazzjoni tal-linja bażi kopriet madwar 60 artikolu tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-proċedura ta’ evalwazzjoni tematika l-ġdida tindirizza 20 artikolu, jiġifieri l-Artikoli 3, 7, 8, 11, 12, 14, 15, 16, 18, 20, 22, 25, 31, 48, 49, 50, 51, 52, 53 u 56. Dawn l-artikoli jistabbilixxu standards għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-atturi tal-ġustizzja kriminali, il-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ ġenerali u speċjalizzati għall-vittmi, u approċċ ġenerali ffukat fuq il-vittmi. L-għan huwa li ssir valutazzjoni aktar fil-fond ta’ dawn l-oqsma, b’enfasi fuq il-progress li jsir taħt kull artikolu. Fl-aħħar laqgħa tiegħu f’Diċembru 2024, is-CoP adotta Deċiżjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat tal-Partijiet fid-dawl tar-rapporti tal-GREVIO adottati bħala parti mill-ewwel ċiklu ta’ evalwazzjoni tematika tiegħu [IC-CP (2024) 10 rev].
Sal-lum, il-prattika tas-COP kienet li jadotta rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet ibbażati fuq kunsens fil-laqgħat tagħha li jsiru fuq talba, ta’ terz tal-Partijiet, il-President tal-Kumitat tal-Partijiet jew is-Segretarju Ġenerali, normalment darbtejn fis-sena.
2.4.L-atti previsti tal-Kumitat tal-Partijiet
Fil-5-6 ta’ Ġunju 2025, matul it-18-il laqgħa tiegħu, huwa previst li s-CoP jipproċedi bl-adozzjoni tat-tmien abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet li ġejjin abbażi tal-ewwel ċiklu ta’ evalwazzjoni tematika, u żewġ konklużjonijiet (“l-atti previsti” jew “l-abbozzi tar-rakkomandazzjonijiet u tal-konklużjonijiet”):
–ir-Rakkomandazzjonijiet lill-Albanija biex issaħħaħ il-fiduċja billi tagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 2-prov];
–ir-Rakkomandazzjonijiet lill-Awstrija biex issaħħaħ il-fiduċja billi tagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 3-prov]
–ir-Rakkomandazzjonijiet lid-Danimarka biex issaħħaħ il-fiduċja billi tagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 4-prov]
–ir-Rakkomandazzjonijiet lill-Finlandja biex issaħħaħ il-fiduċja billi tagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 5-prov]
–ir-Rakkomandazzjonijiet lil Monaco biex issaħħaħ il-fiduċja billi jagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 6-prov]
–ir-Rakkomandazzjonijiet lill-Montenegro biex isaħħaħ il-fiduċja billi jagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 7-prov]
–ir-Rakkomandazzjonijiet lil Spanja biex issaħħaħ il-fiduċja billi tagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 8-prov]
–ir-Rakkomandazzjonijiet lill-Iżvezja biex issaħħaħ il-fiduċja billi tagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 9-prov]
–il-Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ San Marino adottati mill-Kumitat tal-Partijiet [IC-CP(2025)10-prov];
–il-Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward tas-Slovenja adottati mill-Kumitat tal-Partijiet [IC-CP(2025)11-prov].
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
L-atti previsti huma indirizzati lil 10 Partijiet u jinkludu tmien rakkomandazzjonijiet (ibbażati fuq l-ewwel proċedura ta’ evalwazzjoni tematika) dwar miżuri li għandhom jittieħdu biex tiġi implimentata l-Konvenzjoni ta’ Istanbul kif ukoll konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet preċedenti mill-Partijiet. Jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li huma relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, bħal kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni u l-appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, u – fir-rigward tal-konklużjonijiet indirizzati lil Parti minnhom – anki l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-ażil u n-non-refoulement. Dawn il-materji huma koperti mill-acquis tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, ir-Regolament dwar il-Proċeduri tal-Ażil, u d-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja. Dawn jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-UE sa fejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni jistgħu jaffettwaw lil regoli komuni jew jibdlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Peress li l-atti previsti jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni fis-sens li jistgħu jaffettwaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni fil-futur, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-CoP fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement.
L-abbozzi tar-rakkomandazzjonijiet u tal-konklużjonijiet dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni huma konformi mal-objettivi u l-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement u ma jqajmu l-ebda tħassib fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk huwa propost li l-Unjoni ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tal-abbozzi tar-rakkomandazzjonijiet u tal-konklużjonijiet fit-18-il laqgħa tas-CoP.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Is-CoP huwa korp stabbilit mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul. L-atti previst, li s-COP huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxu atti b’effetti legali. L-atti previsti jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, minħabba li jistgħu jaffettwaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fil-futur. Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
Fir-rigward ta’ att previst li jsegwi b’mod simultanju għadd ta’ objettivi, jew li għandu diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi legali sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet legali korrispondenti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Fir-rigward tal-bażi legali sostantiva, l-UE aderiet mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tagħha, jiġifieri fir-rigward ta’ materji relatati mal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni u fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement. L-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul seħħet permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet distinti tal-Kunsill biex jittieħed kont tal-pożizzjoni speċjali tad-Danimarka u tal-Irlanda fir-rigward tat-Titolu V TFUE. Konsegwentement, anki d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-CoP trid tinqasam f’żewġ deċiżjonijiet, meta r-rakkomandazzjonijiet jew il-konklużjonijiet rilevanti jikkonċernaw iż-żewġ kwistjonijiet.
L-atti previsti jittrattaw objettivi u għandhom komponenti fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 84 TFUE) u l-ażil u n-non-refoulement (l-Artikoli 78(2) TFUE). Dawn huma marbutin b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta tinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin: l-Artikolu 78(2), l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 84 TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 78(2), l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 84, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.
2025/0118 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-18-il laqgħa tal-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika b’rabta mal-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet indirizzati lil 10 Stati Partijiet dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-Konvenzjoni, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulment
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 78(2), l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 84, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075, fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, sa fejn dawn jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, u daħlet fis-seħħ għall-Unjoni fl-1 ta’ Ottubru 2023.
(2)Skont l-Artikolu 66(1) tal-Konvenzjoni, il-Grupp ta’ Esperti dwar l-azzjoni kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“GREVIO”, Group of experts on action against violence against women and domestic violence) għandu jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni mill-Partijiet. F’konformità mal-Artikolu 68(11) tal-Konvenzjoni, GREVIO għandu jadotta r-rapport u l-konklużjonijiet tiegħu dwar il-miżuri li ttieħdu mill-Parti kkonċernata biex timplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni.
(3)Il-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni jista’ jadotta rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Parti kkonċernata, f’konformità mal-Artikolu 68(12) tal-Konvenzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet huma msejsa fuq ir-rapport ta’ GREVIO u jagħmlu distinzjoni bejn dawk il-miżuri li, fil-fehma tal-Kumitat tal-Partijiet, il-Parti jenħtieġ li teħodhom mill-aktar fis possibbli, b’rekwiżit li tirrapportalu dwar il-passi li ttieħdu f’dak ir-rigward fi żmien tliet snin, u dawk il-miżuri li, filwaqt li huwa importanti, ma għandhomx l-istess livell ta’ immedjatezza. Fi tmiem il-perjodu ta’ tliet snin, il-Parti trid tirrapporta lill-Kumitat tal-Partijiet dwar il-miżuri li ttieħdu fl-10 oqsma speċifiċi tal-Konvenzjoni. Abbażi ta’ dik l-informazzjoni, u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li jikseb, il-Kumitat tal-Partijiet jadotta konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet imħejjija mis-Segretarjat tal-Kumitat.
(4)Skont l-Artikolu 68(3) tal-Konvenzjoni, il-proċeduri ta’ evalwazzjoni wara l-evalwazzjoni tal-linja bażi inizjali ta’ GREVIO għandhom jinqasmu f’ċikli (“ċikli ta’ evalwazzjoni tematika”). L-ewwel ċiklu ta’ evalwazzjoni tematika huwa intitolat “Building Trust by Delivering Support, Protection and Justice” (“Nibnu l-Fiduċja permezz tal-Appoġġ, il-Protezzjoni u l-Ġustizzja”) u jindirizza 20 artikolu speċifiku tal-Konvenzjoni, jiġifieri l-Artikoli 3, 7, 8, 11, 12, 14, 15, 16, 18, 20, 22, 25, 31, 48, 49, 50, 51, 52, 53 u 56. Fl-aħħar laqgħa tagħha tas-17 ta’ Diċembru 2024, il-Kumitat tal-Partijiet adotta Deċiżjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat tal-Partijiet fid-dawl tar-rapporti ta’ GREVIO li ġew adottati bħala parti mill-ewwel ċiklu ta’ evalwazzjoni tematika tiegħu [IC-CP (2024) 10 rev].
(5)Matul it-18-il laqgħa tiegħu tal-5-6 ta’ Ġunju 2025, il-Kumitat tal-Partijiet huwa mistenni jadotta tmien abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq l-ewwel ċiklu ta’ evalwazzjoni tematika bl-isem “Building Trust by Delivering Support, Protection and Justice” (“Nibnu l-Fiduċja permezz tal-Appoġġ, il-Protezzjoni u l-Ġustizzja”) u żewġ abbozzi ta’ konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni minn 10 Partijiet (l-“abbozz tar-rakkomandazzjonijiet u tal-konklużjonijiet”):
–ir-Rakkomandazzjonijiet lill-Albanija biex issaħħaħ il-fiduċja billi tagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 2-prov];
–ir-Rakkomandazzjonijiet lill-Awstrija biex issaħħaħ il-fiduċja billi tagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 3-prov];
–ir-Rakkomandazzjonijiet lid-Danimarka biex issaħħaħ il-fiduċja billi tagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 4-prov];
–ir-Rakkomandazzjonijiet lill-Finlandja biex issaħħaħ il-fiduċja billi tagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 5-prov];
–ir-Rakkomandazzjonijiet lil Monaco biex isaħħaħ il-fiduċja billi jagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 6-prov];
–ir-Rakkomandazzjonijiet lill-Montenegro biex isaħħaħ il-fiduċja billi jagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 7-prov];
–ir-Rakkomandazzjonijiet lil Spanja biex issaħħaħ il-fiduċja billi tagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 8-prov];
–ir-Rakkomandazzjonijiet lill-Iżvezja biex issaħħaħ il-fiduċja billi tagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 9-prov];
–il-Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ San Marino adottati mill-Kumitat tal-Partijiet [IC-CP(2025)10-prov]; kif ukoll
–il-Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward tas-Slovenja adottati mill-Kumitat tal-Partijiet [IC-CP(2025)11-prov].
(6)L-abbozzi tar-rakkomandazzjonijiet u tal-konklużjonijiet jikkonċernaw l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li huma relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, bħal kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni u l-appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika. Il-konklużjonijiet jikkonċernaw ukoll l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li huma relatati mal-ażil u man-non-refoulement. Dawn il-kwistjonijiet huma koperti mill-acquis tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2024/1385 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, , id-Direttiva 2024/1346 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE. L-abbozzi tar-rakkomandazzjonijiet u tal-konklużjonijiet se jkollhom effetti legali. Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Partijiet fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement.
(7)Jenħtieġ li wieħed jinnota li r-rakkomandazzjonijiet relatati ma’ ċerti artikoli tal-Konvenzjoni mhumiex koperti għalkollox mill-kompetenza tal-Unjoni. B’hekk, fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet dwar l-Artikoli 49 u 50, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fl-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni interni tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom; fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet dwar l-Artikoli 11 u 20, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fl-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa u kura medika; fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet dwar l-Artikolu 14, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fil-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi, fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet dwar l-Artikolu 31, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-liġi tal-familja.
(8)Fir-rigward tal-Albanija, l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha tal-Konvenzjoni jinkludi l-ħtieġa li tiżgura li l-politiki u l-miżuri rilevanti għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa jingħataw finanzjament biżżejjed u sostenibbli, inkluż permezz ta’ proċeduri trasparenti biex jiġi aċċertat il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa (l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni); tippromwovi kampanji jew programmi ta’ sensibilizzazzjoni u tivvaluta regolarment l-impatt tagħhom (l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni); tiżgura taħriġ għall-professjonisti rilevanti u ssegwi l-eżiti ta’ tali taħriġ (l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni); tkabbar il-programmi eżistenti għal awturi ta’ reati u tintroduċi programmi mmirati speċifikament lejn l-awturi ta’ vjolenza sesswali (l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni); tiżgura li l-vittmi tal-vjolenza jkollhom aċċess għal servizzi tal-kura tas-saħħa komprensivi (l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni) li żżid il-finanzjament u l-għadd ta’ servizzi disponibbli għall-vittmi nisa, speċjalment għan-nisa bi bżonnijiet speċjali (l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni); tiżgura li jkun hemm biżżejjed servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat għan-nisa vittmi kollha u għat-tfal tagħhom, irrispettivament mir-rieda tagħhom li jirrapportaw il-vjolenza, u li tiżgura li l-helplines nazzjonali jingħataw finanzjament (l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni); tiżgura li l-vittmi tal-vjolenza sesswali jkollhom aċċess għal perizja forsenika, mhux bil-kundizzjoni tar-rieda tagħhom li jirrapportaw ir-reat, u li l-evidenza forensika tinħażen kif xieraq (l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni); tieħu miżuri biex tabolixxi l-konċiljazzjoni obbligatorja fil-każijiet kriminali kollha li jikkonċernaw il-vjolenza kontra n-nisa; ittejjeb il-kapaċità, l-għarfien u r-rispons tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi sabiex jiksbu rispons f’waqtu u sensittiv għall-vittmi u tieħu miżuri biex ittejjeb ir-rapportar mill-vittmi nisa (l-Artikoli 49 u 50 tal-Konvenzjoni); tiżgura li l-proċeduri ta’ valutazzjoni tar-riskju jiġu applikati f’każijiet li jikkonċernaw il-forom kollha ta’ vjolenza koperti mill-Konvenzjoni u f’koordinazzjoni mal-aġenziji rilevanti kollha (l-Artikolu 51 tal-Konvenzjoni); tuża aħjar l-ordnijiet ta’ inibizzjoni ta’ emerġenza u timmonitorja u tinforza tali ordnijiet (l-Artikolu 52 tal-Konvenzjoni); tiżgura li l-ordnijiet ta’ protezzjoni jkunu disponibbli u aċċessibbli għall-vittmi kollha, u tinforza u timmonitorja tali ordnijiet, inkluż permezz ta’ sanzjonijiet għal ksur (l-Artikolu 53 tal-Konvenzjoni); u tevalwa l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni u tiżgura li dawn ikunu konformi mal-Konvenzjoni (l-Artikolu 56 tal-Konvenzjoni). Peress li r-rakkomandazzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet huma konformi mal-politiki u l-objettivi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u ma jqajmu ebda tħassib fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni indirizzata lill-Albanija.
(9)Fir-rigward tal-Awstrija, l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha tal-Konvenzjoni jinkludi l-ħtieġa li tadotta u tallinja d-definizzjoni ta’ “vjolenza domestika” (l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni); tiżviluppa pjan ta’ azzjoni komprensiv/dokument ta’ politika strateġika fit-tul dwar il-forom kollha ta’ vjolenza koperti mill-Konvenzjoni (l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni); tadatta l-kategoriji tad-data għall-użu mis-settur tal-ġustizzja u tiġbor data dwar l-għadd ta’ nisa u bniet li jikkuntattjaw lis-servizzi soċjali (l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni); iżżid l-isforzi biex teqred il-preġudizzju u l-isterjotipi marbuta mal-ġeneru fis-soċjetà Awstrijaka permezz ta’ miżuri ta’ prevenzjoni, inklużi kampanji jew programmi ta’ sensibilizzazzjoni, biex tinforma lill-vittmi dwar id-disponibbiltà ta’ servizzi ta’ appoġġ u tevalwa l-impatt tagħhom (l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni); tiżgura li l-professjonisti rilevanti jingħataw taħriġ xieraq (l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni); tiżgura li l-vittmi jkollhom aċċess għal servizzi ta’ appoġġ inkluż l-akkomodazzjoni u l-ħruġ ta’ rapporti forensiċi li jiddokumentaw il-korrimenti; tiżgura li jkun hemm ammont biżżejjed ta’ postijiet ta’ kenn madwar il-pajjiż (l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni); tistabbilixxi ċentri ta’ riferiment għall-vjolenza sesswali madwar il-pajjiż u tiżgura li l-vittmi ta’ vjolenza sesswali jingħataw appoġġ effettiv (l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni); issaħħaħ il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti f’każijiet li jikkonċernaw il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet għall-aċċess (l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni); u tiżgura l-użu ta’ ordnijiet ta’ protezzjoni u tevita lakuni bejn ordnijiet ta’ inibizzjoni u ordnijiet ta’ protezzjoni (l-Artikolu 53 tal-Konvenzjoni). Peress li r-rakkomandazzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet huma konformi mal-politiki u l-objettivi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u ma jqajmu ebda tħassib fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni indirizzata lill-Awstrija.
(10)Fir-rigward tad-Danimarka, l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha tal-Konvenzjoni jinkludi l-ħtieġa li d-definizzjonijiet rilevanti tal-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa jallinjaw mal-Konvenzjoni (l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni); tiżviluppa strateġija nazzjonali fit-tul f’konformità mal-Konvenzjoni (l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni); tiżgura allokazzjoni xierqa ta’ fondi, inklużi riżorsi għal postijiet ta’ rifuġju għall-vjolenza domestika (l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni); tiżgura li d-data li tinġabar tkun diżaggregata u li l-kunfidenzjalità tkun garantita (l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni); tipprijoritizza approċċ sensittiv għall-ġeneru f’inizjattivi preventivi (l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni); tiżgura l-għoti ta’ taħriġ sistematiku inizjali u fis-servizz lill-professjonisti rilevanti (l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni); tistabbilixxi strutturi istituzzjonalizzati għall-kooperazzjoni biex tiżgura l-kooperazzjoni effettiva bejn diversi aġenziji (l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni); tiżgura aċċess għal konsulenza psikoloġika, standards ta’ kwalità, aċċessibbiltà u sostenibbiltà finanzjarja għal postijiet ta’ rifuġju, u tiżgura li l-vittmi ta’ vjolenza sesswali jingħataw l-appoġġ meħtieġ (l-Artikoli 22 u 25 tal-Konvenzjoni); tqajjem kuxjenza fost l-atturi tal-ġustizzja kriminali dwar leġiżlazzjoni kriminali ġdida (l-Artikoli 49 u 50 tal-Konvenzjoni); tiżgura li l-valutazzjoni tar-riskju titwettaq f’koordinazzjoni mal-atturi rilevanti (l-Artikolu 51 tal-Konvenzjoni); iżżid l-użu ta’ ordnijiet ta’ inibizzjoni ta’ emerġenza u ordnijiet ta’ protezzjoni biex timmonitorja l-klassifikazzjonijiet ta’ konformità u tiżgura sanzjonijiet f’każ ta’ ksur (l-Artikoli 52 u 53 tal-Konvenzjoni); u tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-vittmi f’investigazzjonijiet u proċedimenti ġudizzjarji (l-Artikolu 56 tal-Konvenzjoni). Peress li r-rakkomandazzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet huma konformi mal-politiki u l-objettivi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u ma jqajmu ebda tħassib fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni indirizzata lid-Danimarka.
(11)Fir-rigward tal-Finlandja, l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tinkludi l-ħtieġa li tiżviluppa strateġija nazzjonali fit-tul biex tiżgura approċċ komprensiv u koordinat (l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni); tiżgura biżżejjed finanzjament pubbliku u mekkaniżmi ta’ finanzjament sostenibbli għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jagħtu appoġġ speċjalizzat lill-vittmi (l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni); toħloq kategoriji standardizzati tad-data u tarmonizza s-sistemi tal-ġbir tad-data (l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni); tagħmel b’mod regolari kampanji ta’ sensibilizzazzjoni (l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni); tiżgura li l-professjonisti rilevanti jingħataw taħriġ sistematiku (l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni); tistabbilixxi programmi ta’ awturi ta’ vjolenza domestika (l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni); toħloq strutturi ta’ koordinazzjoni istituzzjonalizzati bejn diversi aġenziji fost l-atturi rilevanti (l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni); tistabbilixxi servizzi ta’ appoġġ biex jiffaċilitaw l-irkupru u l-indipendenza tal-vittmi (l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni); iżżid kemm l-għadd ta’ postijiet ta’ rifuġju kif ukoll l-aċċess għalihom (l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni); tiżgura d-distribuzzjoni ġeografika taċ-ċentri għall-vittmi ta’ stupru biex tiżgura li l-vittmi kollha ta’ vjolenza sesswali jingħataw appoġġ (l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni); tiżgura li l-medjazzjoni ma jkollhiex impatt negattiv fuq l-investigazzjonijiet kriminali u lanqas ma tfixkel l-aċċess tal-vittmi għall-ġustizzja (l-Artikolu 48 tal-Konvenzjoni); tiżgura li s-servizzi tal-infurzar tal-liġi jingħataw taħriġ rilevanti biex jirrispondu għal każijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa b’mod f’waqtu u jinvestigawhom b’mod adegwat (l-Artikoli 49 u 50 tal-Konvenzjoni); tieħu miżuri biex tistabbilixxi mekkaniżmu standardizzat ta’ valutazzjoni tar-riskju applikat b’mod sistematiku (l-Artikolu 51 tal-Konvenzjoni) u biex iżżid l-użu ta’ ordnijiet ta’ inibizzjoni ta’ emerġenza u ordnijiet ta’ protezzjoni u ssaħħaħ il-monitoraġġ ta’ tali ordnijiet (l-Artikoli 52 u 53 tal-Konvenzjoni). Peress li r-rakkomandazzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet huma konformi mal-politiki u l-objettivi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u ma jqajmu ebda tħassib fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni indirizzata lill-Finlandja.
(12)Fir-rigward ta’ Monaco, l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni jinkludi l-ħtieġa li jadotta definizzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa li tallinja mal-Konvenzjoni (l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni); jiżviluppa strateġija globali fit-tul biex jikseb approċċ ta’ politika komprensiv u koordinat (l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni); ikompli jiżviluppa l-ġbir ta’ data dwar il-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa koperti mill-Konvenzjoni (l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni); jestendi l-miżuri għall-prevenzjoni tal-vjolenza domestika biex jinkludu forom oħra ta’ vjolenza koperti mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul (l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni): isegwi miżuri biex titqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza kontra n-nisa fl-iskejjel (l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni; jistabbilixxi programmi ta’ awturi ta’ vjolenza (l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni); jistabbilixxi helpline nazzjonali għan-nisa vittmi ta’ vjolenza u jkompli jiżviluppa servizzi speċjalizzati għall-vittmi ta’ vjolenza koperti mill-Konvenzjoni (l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni); jistabbilixxi ċentru ta’ riferiment għall-vittmi ta’ stupru u vjolenza sesswali (l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni); jiżgura li l-professjonisti involuti fi proċedimenti kriminali jkollhom biżżejjed għarfien espert u jirċievu taħriġ sensittiv għall-ġeneru (l-Artikoli 49 u 50 tal-Konvenzjoni); jistandardizza l-prattika ta’ valutazzjoni tar-riskju kkoordinata għas-servizzi rilevanti dwar il-forom kollha ta’ vjolenza koperti mill-Konvenzjoni (l-Artikolu 51 tal-Konvenzjoni); u jiżgura li d-drittijiet tal-vittmi jiġu mħarsa f’investigazzjonijiet u proċedimenti ġudizzjarji (l-Artikolu 56 tal-Konvenzjoni). Peress li r-rakkomandazzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet huma konformi mal-politiki u l-objettivi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u ma jqajmu ebda tħassib fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni indirizzata lil Monaco.
(13)Fir-rigward tal-Montenegro, l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tiegħu tal-Konvenzjoni jinkludi l-ħtieġa li jiżgura riżorsi umani u finanzjarji xierqa għall-politiki, il-miżuri u l-leġiżlazzjoni mmirati lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, u li jiġi żgurat finanzjament sostenibbli għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi (l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni); jiżgura l-ġbir u d-diżaggregazzjoni tad-data mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u jarmonizza l-ġbir ta’ data (l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni); (iżid l-isforzi għall-implimentazzjoni ta’ miżuri preventivi regolari, iwettaq kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u jenfasizza r-riskju akbar ta’ vjolenza li jiffaċċjaw il-vittmi ta’ diskriminazzjoni intersezzjonali (l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni); jiżgura li jsir taħriġ inizjali u fis-servizz dwar il-vjolenza kontra n-nisa għall-professjonisti rilevanti kollha (l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni); jistabbilixxi u jespandi programmi ta’ awturi tal-vjolenza domestika u awturi tal-vjolenza sesswali (l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni); jiżgura li l-fornituri tal-kura tas-saħħa jagħtu prijorità lin-nisa vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika u jirrispetta l-privatezza tagħhom (l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni); jagħti spinta lill-kooperazzjoni bejn diversi aġenziji (l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni); iżid id-disponibbiltà ta’ servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat għall-vittmi (l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni); jistabbilixxi ċentru għall-vittmi ta’ stupru madwar il-pajjiż (l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni); jiżgura l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-vjolenza kontra n-nisa bejn il-qrati rilevanti fi proċedimenti ċivili (l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni); jinvestiga u jagħmel prosekuzzjoni ta’ atti ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika b’mod effettiv u f’waqtu, inkluż billi jiżgura li l-professjonisti rilevanti jkollhom l-għarfien espert meħtieġ (l-Artikoli 49 u 50 tal-Konvenzjoni); jiżgura li l-valutazzjonijiet tar-riskju jitwettqu b’mod sistematiku f’każijiet ta’ vjolenza domestika f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti (l-Artikolu 51 tal-Konvenzjoni); jiżgura d-disponibbiltà ta’ ordnijiet ta’ inibizzjoni ta’ emerġenza għall-vittmi kollha tal-vjolenza kontra n-nisa, inklużi t-tfal (l-Artikolu 52 tal-Konvenzjoni); jiżgura li l-ordnijiet ta’ protezzjoni jiġu mmonitorjati b’mod effettiv u li jiġi sanzjonat l-ksur (l-Artikolu 53 tal-Konvenzjoni); u jiżgura li l-miżuri ta’ protezzjoni jintużaw b’mod effettiv u jdaħħal miżuri ta’ protezzjoni addizzjonali konformi mal-Konvenzjoni (l-Artikolu 56 tal-Konvenzjoni). Peress li r-rakkomandazzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet huma konformi mal-politiki u l-objettivi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u ma jqajmu ebda tħassib fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni indirizzata lill-Montenegro.
(14)Fir-rigward ta’ Spanja, l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha tal-Konvenzjoni jinkludi l-ħtieġa li tiżgura l-implimentazzjoni tal-politiki eżistenti għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, u li tinvolvi lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi fit-tfassil tal-politika u fl-evalwazzjoni tal-politiki u tal-miżuri (l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni); tiżgura li d-data li tinġabar tkun diżaggregata u li tarmonizza l-ġbir ta’ data (l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni); tgħallem lit-tfal dwar ir-rwol ċentrali tal-kunsens fir-relazzjonijiet sesswali (l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni); iżżid it-taħriġ tal-professjonisti rilevanti kollha (l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni); ittejjeb il-konformità tal-programmi ta’ awturi ta’ reati mal-Konvenzjoni (l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni); tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn diversi aġenziji mal-atturi rilevanti kollha dwar il-forom kollha ta’ vjolenza koperti mill-Konvenzjoni u tistabbilixxi servizzi ta’ punt uniku ta’ servizz fejn xieraq (l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni); tiżgura li l-vittmi kollha ta’ vjolenza sesswali jkollhom aċċess għal servizzi ta’ appoġġ (l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni); issaħħaħ il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-qrati ċivili u l-qrati kriminali u tagħti spinta lill-miżuri biex tiżgura li l-faċilitajiet ta’ żjarat sorveljati jkollhom biżżejjed riżorsi (l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni); tindirizza fatturi li jipprevjenu lill-vittmi milli jirrapportaw u li jwasslu għal vittimizzazzjoni sekondarja (l-Artikoli 49 u 50 tal-Konvenzjoni); u tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess għal ordnijiet ta’ inibizzjoni ta’ emerġenza f’konformità mal-Konvenzjoni (l-Artikolu 52 tal-Konvenzjoni); u tieħu miżuri biex tindirizza b’mod xieraq il-ksur tal-ordnijiet ta’ protezzjoni (l-Artikolu 53 tal-Konvenzjoni). Peress li r-rakkomandazzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet huma konformi mal-politiki u l-objettivi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u ma jqajmu ebda tħassib fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni indirizzata lil Spanja.
(15)Fir-rigward tal-Iżvezja, l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha tal-Konvenzjoni jirrikjedi li l-politiki dwar il-vjolenza kontra n-nisa jqisu l-ħtiġijiet tal-vittmi esposti għal diskriminazzjoni intersezzjonali, jevalwaw l-istrateġiji biex jaċċessaw l-impatt tagħhom u jiżguraw li l-politiki japplikaw fehim ibbażat fuq il-ġeneru tal-vjolenza kontra n-nisa (l-Artikoli 3 u 7 tal-Konvenzjoni); jiżguraw livelli ta’ finanzjament sostenibbli tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa li jmexxu servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat (l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni); jarmonizzaw il-ġbir ta’ data u jiżguraw li d-data tiġi diżaggregata (l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni); jiżguraw miżuri ta’ prevenzjoni usa’ għall-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa (l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni); jintroduċu taħriġ sistematiku dwar il-forom kollha ta’ vjolenza koperti mill-Konvenzjoni għall-professjonisti rilevanti, u evalwazzjoni ta’ dak it-taħriġ (l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni); jiżviluppaw standards minimi għal programmi ta’ awturi ta’ reat f’konformità mal-Konvenzjoni u jiżguraw evalwazzjoni (l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni); jadottaw mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni fost l-aġenziji rilevanti u fejn possibbli fl-istess bini (l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni); jiżguraw li s-servizzi soċjali jagħtu appoġġ u assistenza suffiċjenti lill-vittmi kollha, inkluż appoġġ dwar kwistjonijiet prattiċi (l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni); iżidu id-disponibbiltà u l-aċċess għal postijiet ta’ rifuġju għall-vittmi kollha u għat-tfal tagħhom (l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni); jiżguraw għadd suffiċjenti ta’ ċentri ta’ kriżi ta’ stupru u/jew ta’ vjolenza sesswali fil-pajjiż kollu (l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni); jipprovdu bini sikur fejn jistgħu jsiru żjarat sorveljati ma’ professjonisti mħarrġa (l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni); isaħħu l-kapaċità tal-pulizija li twieġeb u jinvestigaw il-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa, inklużi l-manifestazzjonijiet diġitali tagħha, u jieħdu miżuri li jħeġġu r-rapportar min-nisa f’riskju ta’ diskriminazzjoni intersezzjonali (l-Artikoli 49 u 50 tal-Konvenzjoni); jiżguraw li l-valutazzjonijiet tar-riskju jitwettqu b’mod sistematiku għall-vittmi u t-tfal tagħhom b’manjiera koordinata (l-Artikolu 51 tal-Konvenzjoni); u jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-ordnijiet ta’ inibizzjoni ta’ emerġenza, l-ordnijiet ta’ trażżin u ta’ protezzjoni (“ordnijiet ta’ nuqqas ta’ kuntatt għad-dar konġunta”) jinħarġu malajr b’effett immedjat, inkluż għat-tfal, jiġu mmonitorjati b’mod effettiv u akkumpanjati minn sanzjonijiet xierqa (l-Artikolu 52 53 tal-Konvenzjoni). Peress li r-rakkomandazzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet huma konformi mal-politiki u l-objettivi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u ma jqajmu ebda tħassib fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni indirizzata lill-Iżvezja.
(16)Fir-rigward ta’ San Marino, l-abbozz ta’ konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tiegħu tal-Konvenzjoni jinkludi l-ħtieġa li jappoġġa l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili billi jiżgura finanzjament sostenibbli biex jistabbilixxi mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, u jiżgura li l-korp nazzjonali ta’ koordinazzjoni jikkoordina mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (l-Artikolu 9 u l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni); itejjeb il-ġbir ta’ data diżaggregata abbażi ta’ sistema komuni ta’ ġbir ta’ data biex iwettaq b’mod regolari stħarriġ dwar il-vittimizzazzjoni u jippromwovi attivitajiet ta’ riċerka (l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni); u jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni dwar l-istatus ta’ residenza tal-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa (l-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni). Peress li l-konklużjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet huma konformi mal-politiki u l-objettivi tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulment, u ma jqajmu l-ebda tħassib fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tal-konklużjoni indirizzata lil San Marino.
(17)Fir-rigward tas-Slovenja, l-abbozz ta’ konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tagħha tal-Konvenzjoni jinkludi l-ħtieġa li tassenja r-rwol tal-korp ta’ koordinazzjoni lil entitajiet istituzzjonalizzati bis-sħiħ u tiżgura r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa (l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni); tiżgura l-ġbir komprensiv ta’ data dwar il-forom kollha ta’ vjolenza skont il-Konvenzjoni (l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni); issaħħaħ l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-qrati ċivili u kriminali (l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni); tiżgura rispons xieraq u f’waqtu mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi għall-vjolenza kontra n-nisa (l-Artikoli 49 u 50); u tikkonforma mal-Konvenzjoni dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-prosekuzzjoni ex officio tal-istupru fiż-żwieġ (l-Artikolu 55 tal-Konvenzjoni). Peress li l-konklużjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet huma konformi mal-politiki u l-objettivi fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u ma jqajmu ebda tħassib fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tal-konklużjoni indirizzata lis-Slovenja.
(18)L-Irlanda mhijiex marbuta bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 u għalhekk mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
(19)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-18-il laqgħa tal-Kumitat tal-Partijiet, stabbilit skont l-Artikolu 67 tal-Konvenzjoni, għandha tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tal-atti li ġejjin:
(1)ir-Rakkomandazzjonijiet lill-Albanija biex issaħħaħ il-fiduċja billi tagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 2-prov];
(2)ir-Rakkomandazzjonijiet lill-Awstrija biex issaħħaħ il-fiduċja billi tagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 3-prov];
(3)ir-Rakkomandazzjonijiet lid-Danimarka biex issaħħaħ il-fiduċja billi tagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 4-prov];
(4)ir-Rakkomandazzjonijiet lill-Finlandja biex issaħħaħ il-fiduċja billi tagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 5-prov];
(5)ir-Rakkomandazzjonijiet lil Monaco biex isaħħaħ il-fiduċja billi jagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 6-prov];
(6)ir-Rakkomandazzjonijiet lill-Montenegro biex isaħħaħ il-fiduċja billi jagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 7-prov];
(7)ir-Rakkomandazzjonijiet lil Spanja biex issaħħaħ il-fiduċja billi tagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 8-prov];
(8)ir-Rakkomandazzjonijiet lill-Iżvezja biex issaħħaħ il-fiduċja billi tagħti appoġġ, protezzjoni u ġustizzja abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP (2025) 9-prov];
(9)il-Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ San Marino adottati mill-Kumitat tal-Partijiet [IC-CP(2025)10-prov]; kif ukoll
(10)il-Konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward tas-Slovenja adottati mill-Kumitat tal-Partijiet [IC-CP(2025)11-prov].
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President