Brussell, 19.5.2025

COM(2025) 232 final

2025/0109(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward il-kooperazzjoni fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea (“UE”) u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”), min-naħa l-oħra tat-30 ta’ Diċembru 2020 (l-“FKK”) jistipula r-regoli dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni u tal-infurzar tagħha. L-Artikolu 361(4) tal-FKK jiddikjara li l-partijiet jistgħu jidħlu fi ftehim separat dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni. Dak il-ftehim supplimentari dwar il-kooperazzjoni fil-kompetizzjoni se jagħti qafas għall-kooperazzjoni eżistenti.

Fit-8 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għal ftehim mar-Renju Unit dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni. In-negozjati fil-livell tekniku ġew konklużi f’Ottubru 2024.

F’konformità mal-Artikolu 2 tal-FKK, il-ftehim ta’ kooperazzjoni fil-kompetizzjoni huwa ftehim supplimentari għall-FKK. Għaldaqstant, l-istruttura tal-governanza u l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-FKK se japplikaw, bl-eċċezzjoni tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim, li skont l-FKK ma japplikax għal kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni.

L-għan tal-ftehim ta’ kooperazzjoni fil-kompetizzjoni huwa li jippromwovi l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-UE u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u tar-Renju Unit, min-naħa l-oħra, bil-ħsieb li l-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-UE u tar-Renju Unit jiġu infurzati b’mod aktar effettiv. Għalhekk, il-ftehim ta’ kooperazzjoni fil-kompetizzjoni jagħti l-possibbiltà kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri tal-UE li jinfurzaw id-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, li jikkooperaw direttament mal-awtorità tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit (il-Competition and Markets Authority).

L-UE u r-Renju Unit isegwu l-infurzar effettiv tal-liġijiet tal-kompetizzjoni rispettivi tagħhom, inkluż sabiex jindirizzaw prattiki antikompetittivi b’dimensjoni internazzjonali, bil-ħsieb li jiżguraw li s-swieq rispettivi tagħhom joperaw b’mod aktar effiċjenti u u jħarsu l-kummerċ ta’ bejniethom. Il-ftehim ta’ kooperazzjoni fil-kompetizzjoni jipprovdi qafas għall-kooperazzjoni eżistenti, bil-ħsieb li jsaħħaħ ir-relazzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha mar-Renju Unit. Il-proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill tawtorizza lill-Kummissjoni tiffirma l-ftehim ta’ kooperazzjoni fil-kompetizzjoni.

Kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

L-UE kkonkludiet ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni bl-għan li tistruttura u tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni barranin. Eżempji ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni fil-kompetizzjoni jinkludu dawk mal-Istati Uniti 1 (1991), mal-Kanada 2 (1999), mal-Ġappun 3 (2003) u mal-Korea t’Isfel (2009) 4 . Dawn il-ftehimiet fihom diversi strumenti ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni u huma kkunsidrati suċċess. Il-benefiċċju ewlieni tagħhom huwa li jipprovdu kooperazzjoni relatata mal-każijiet b’qafas strutturat u b’hekk jikkontribwixxu biex id-dritt tal-kompetizzjoni jiġi infurzat b’manjiera aktar effiċjenti .

Konformità ma’ politiki oħrajn tal-UE

L-għan tal-politika tal-kompetizzjoni huwa li jiżgura li s-swieq jibbenefikaw aktar lill-konsumaturi, lin-negozji u lis-soċjetà kollha kemm hi. Għalhekk, il-politika tal-kompetizzjoni tikkontribwixxi għal objettivi aktar ġenerali tal-Kummissjoni, b’mod partikolari biex tagħti spinta lill-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment. Il-Kummissjoni trid tikseb dan l-objettiv billi ssaħħaħ ir-regoli dwar il-kompetizzjoni, tapplika sanzjonijiet fuq il-ksur u tippromwovi kultura ta’ kompetizzjoni fuq livell internazzjonali.

Fl-aħħar mill-aħħar il-konsumaturi fl-UE u fir-Renju Unit se jibbenefikaw minn sitwazzjoni fejn ir-regoli tal-kompetizzjoni jiġu identifikati u sanzjonati aħjar, li se jaġixxi wkoll ta’ deterrent akbar. Infurzar aktar effettiv tal-kompetizzjoni jwassal għal swieq aktar miftuħa u kompetittivi li fihom il-kumpaniji jikkompetu b’mod aktar ħieles fuq il-merti li jippermettulhom jiġġeneraw il-ġid u joħolqu l-impjiegi. Lill-konsumaturi toffrilhom għażla ta’ prodotti aħjar bi prezzijiet iktar baxxi.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-bażi legali għal azzjoni tal-UE hija prevista mill-Artikolu 103 u 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), flimkien mal-Artikolu 218(5) TFUE. L-Artikolu 103 jipprevedi l-bażi legali għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. L-Artikolu 352 jipprevedi l-bażi legali għar-Regolament 139/2004 (ir-Regolament dwar l-Għaqdiet), għaliex il-ftehim ta’ kooperazzjoni fil-kompetizzjoni jkopri wkoll il-kooperazzjoni f’investigazzjonijiet dwar il-fużjonijiet. L-Artikolu 218(5) tat-TFUE jagħti l-bażi legali biex il-Kunsill jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-ftehim ta’ kooperazzjoni fil-kompetizzjoni jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE f’konformità mal-Artikolu 3(1)(b) tat-TFUE, peress li huwa relatat mar-regoli tal-kompetizzjoni li huma meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

L-azzjoni tal-UE ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-politika li tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-Kummissjoni u l-UK Competition and Markets Authority. Din il-kooperazzjoni msaħħa tista’ tinkiseb aħjar jekk jiġi konkluż ftehim vinkolanti bejn l-UE u r-Renju Unit, u li jissupplimenta l-FKK.

Il-ftehim ta’ kooperazzjoni fil-kompetizzjoni jirregola l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-UE u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u dawk tar-Renju Unit, min-naħa l-oħra. F’dak li jirrigwarda l-Istati Membri tal-UE, il-ftehim japplika biss għall-kooperazzjoni fil-kuntest tal-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE, u mhux tal-liġijiet nazzjonali tagħhom.

Għażla ta’ strument

L-għażla tal-istrument hija awtorizzata mill-FKK u mid-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza n-negozjar tal-ftehim ta’ kooperazzjoni fil-kompetizzjoni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Ma japplikawx.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-Istati Membri tal-UE ġew ikkonsultati regolarment matul il-proċess tan-negozjati permezz tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar ir-Renju Unit. Il-Kummissjoni organizzat ukoll skambji mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jiffurmaw in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma japplikawx.

Valutazzjoni tal-impatt

Ma kienx hemm bżonn ta’ valutazzjoni tal-impatt. Il-ftehim ta’ kooperazzjoni fil-kompetizzjoni jsegwi l-istruzzjonijiet tal-mandat tal-Kunsill u ma kien hemm l-ebda għażla oħra biex dak il-mandat jiġi implimentat.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Ma japplikawx.

Drittijiet fundamentali

Fil-kuntest tal-kooperazzjoni koperta minn dan il-ftehim, id-data personali hija protetta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1772 tat-28 ta’ Ġunju 2021 skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali mir-Renju Unit, u bl-Iskeda 21 tad-Data Protection Act 2018, li ddaħħlet mill-UK Data Protection, Privacy and Electronic Communications (Amendments etc) (EU Exit) Regulations 2019, li tirrigwarda l-protezzjoni adegwata tad-data personali mill-UE.

Barra minn hekk, il-ftehim ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni jipprevedi li d-data personali tista’ tiġi kondiviża biss għall-finijiet ta’ investigazzjonijiet dwar is-suġġett li din id-data tkun inkisbet għalih inizjalment.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-ftehim propost ma għandu l-ebda implikazzjoni għall-baġit.

5.ASPETTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-Istati Membri għandhom, fejn rilevanti, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex idaħħlu dan il-ftehim fis-seħħ bis-sħiħ.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-ftehim ta’ kooperazzjoni fil-kompetizzjoni fih dispożizzjonijiet li jinsabu wkoll fi ftehimiet oħra bħal dawn li ġew konklużi mill-UE fil-passat. Jirreferi għan-notifika ta’ attivitajiet ta’ infurzar li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-interessi importanti tal-parti l-oħra u jinkludu regoli dwar il-korteżija negattiva. Barra minn hekk, il-ftehim ta’ kooperazzjoni fil-kompetizzjoni fih dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni prattika bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-UK Competition and Markets Authority.

Il-ftehim ta’ kooperazzjoni fil-kompetizzjoni jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri biex, meta japplikaw id-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, jiddiskutu, jittrażmettu u jirċievu informazzjoni mingħand il-UK Competition and Markets Authority, u biex jużaw tali informazzjoni bħala evidenza. Il-ftehim jippermetti skambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni sa fejn ikun permess skont il-liġi domestika li tapplika għalihom. Jekk tintuża bħala evidenza, l-informazzjoni skambjata trid tintuża biss fir-rigward tas-suġġett li għalih tkun inġabret mill-awtorità trażmittenti. Il-ftehim jipprevedi wkoll regoli dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kondiviża taħt id-dispożizzjonijiet tiegħu.

Barra minn hekk, il-Ftehim la jobbliga ebda bidla fil-liġi domestika eżistenti, u lanqas kwalunkwe azzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni li tkun inkonsistenti mal-liġi domestika eżistenti.

Il-ftehim ta’ kooperazzjoni fil-kompetizzjoni jirregola wkoll kif il-partijiet jiskambjaw informazzjoni dwar kwistjonijiet tekniċi relatati mal-funzjonament tal-ftehim, kif jikkomunikaw skont il-ftehim u kif jittrattaw kwalunkwe użu jew divulgazzjoni ta’ informazzjoni aċċidentali.

Skont il-ftehim, fuq talba ta’ parti, il-partijiet għandhom jagħmlu rieżami konġunt tal-implimentazzjoni tiegħu fi żmien sentejn minn meta jidħol fis-seħħ.

Fl-aħħar nett, il-ftehim jinkludi regoli dwar l-approvazzjoni tiegħu mill-partijiet, id-dħul fis-seħħ tiegħu u t-terminazzjoni tiegħu.

2025/0109 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward il-kooperazzjoni fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 103 u 352, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fit-8 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”), għal ftehim supplimentari, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”), min-naħa l-oħra, tat-30 ta’ Diċembru 2020 (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), fir-rigward tal-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni.

(2)Il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, rigward il-kooperazzjoni fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom f’isem l-Unjon. In-negozjati tlestew fil-livell tekniku.

(3)L-għan tal-Ftehim huwa li jippromwovi u joħloq qafas għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni eżistenti fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u tar-Renju Unit, min-naħa l-oħra, bil-ħsieb li l-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tar-Renju Unit jiġu infurzati b’mod aktar effettiv. Filwaqt li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tar-Renju Unit jikkooperaw abbażi tal-Artikolu 361(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-Artikolu 361(4) jiddikjara li l-partijiet jistgħu jidħlu fi ftehim separat dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni. Dan il-Ftehim huwa tali ftehim supplimentari għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

(4)Għalhekk, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard.

(5)F’konformità mat-Trattati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-Ftehim jiġi ffirmat, soġġett li jiġi konkluż f’data aktar tard,

(6)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fi [...],

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward il-kooperazzjoni fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, bil-kundizzjoni li l-Ftehim jiġi konkluż 5 .

It-test tal-Ftehim li għandu jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-Ftehim bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika rigward l-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom, ĠU L 95, 27.4.95, p. 47 kif ikkoreġut mill-ĠU L 131, 15.6.95, p. 38.
(2)    Il-Ftehim bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern tal-Kanada rigward l-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom, ĠU L 175, 10.07.1999, p. 49.
(3)    Il-Ftehim bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern tal-Ġappun li jirrigwarda l-kooperazzjoni fuq l-attivitajiet ta’ kontra l-kompetizzjoni, ĠU L 183, 22.7.2003, p. 12.
(4)    Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea dwar koperazzjoni fir-rigward ta’ attivitajiet anti-kompetittivi, ĠU L 202, 04.08.2009, p 36.
(5)    It-test tal-Ftehim se jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni tal-konklużjoni tiegħu.

Brussell, 19.5.2025

COM(2025) 232 final

ANNESS

ta'

Proposta' għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward il-kooperazzjoni fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom


ANNESS
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward il-kooperazzjoni fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom

L-UNJONI EWROPEA (“l-Unjoni”), minn naħa waħda, u

IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, (“ir-Renju Unit”), min-naħa l-oħra,

imsejħa individwalment bħala “Parti” jew flimkien bħala “Partijiet”,

Filwaqt li jirrikonoxxu l-benefiċċji ta’ ħidma ma’ sħab tal-istess fehma fuq kwistjonijiet ta’ interess komuni,

Filwaqt li jikkunsidraw il-ħtieġa ta’ sħubija ekonomika bbilanċjata msejsa fuq kompetizzjoni effettiva fis-swieq rispettivi,

Waqt li jinnutaw li l-Partijiet jikkondividu l-opinjoni li l-infurzar tajjeb u effettiv tal-liġijiet tal-kompetizzjoni rispettivi tagħhom huwa kwistjoni ta’ importanza biex is-swieq rispettivi tagħhom jaħdmu b’mod effiċjenti u għall-kummerċ ta’ bejniethom,

Filwaqt li jirrikonoxxu li dan il-Ftehim jinkwadra l-kooperazzjoni eżistenti, bil-ħsieb li jsaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tal-Unjoni u r-Renju Unit,

Filwaqt li jirrikonoxxu li l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni, inkluża l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, jistgħu jikkontribwixxu għall-infurzar tajjeb u effettiv tal-liġijiet tal-kompetizzjoni ta’ kull waħda mill-Partijiet,

Filwaqt li jirrikonoxxu li l-unika informazzjoni li tista’ tiġi kondiviża bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni u l-awtorità tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit hija biss informazzjoni li tinkiseb permezz tal-mezzi ta’ investigazzjoni tagħhom stess,

Wara li kkunsidraw l-Artikolu 361(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, tat-30 ta’ Diċembru 2020 (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), li jiddikjara li l-Partijiet jistgħu jidħlu fi ftehim separat dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni,

Filwaqt li jirrikonoxxu li dan il-Ftehim huwa ftehim supplimentari għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni,

Wara li kkunsidraw id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1772 tat-28 ta’ Ġunju 2021 skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata ta’ data personali mir-Renju Unit, u l-Iskeda 21 tal-Data Protection Act 2018, kif imdaħħla mid-Data Protection, Privacy and Electronic Communications (Amendments etc) (EU Exit) Regulations 2019 tar-Renju Unit, li jirrigwarda l-protezzjoni adegwata tad-data personali mill-Unjoni,

Filwaqt li jinnutaw li l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni stabbilit b’dan il-Ftehim li jippermetti l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u tar-Renju Unit, min-naħa l-oħra, huwa maħsub li jkun eżawrjenti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1 Għan

L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li jippromwovi l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u tar-Renju Unit, min-naħa l-oħra, b’mod li jsaħħaħ l-infurzar effettiv tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tar-Renju Unit.

Artikolu 2 — Definizzjonijiet u interpretazzjoni relatata

1.F’dan il-Ftehim:

a.“awtoritajiet tal-kompetizzjoni” jew, skont il-każ, “awtorità tal-kompetizzjoni”, tfisser, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3,

(i)minn naħa waħda, għall-Unjoni, skont kif jitlob il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea, awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni waħda jew aktar tal-Istati Membri tal-Unjoni elenkati fl-Anness ta’ dan il-Ftehim, jew waħda jew aktar minnhom flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, sa fejn dawn jeżerċitaw funzjonijiet skont il-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, u

(ii)min-naħa l-oħra, għar-Renju Unit, il-Competition and Markets Authority, sa fejn teżerċita funzjonijiet konformi mal-liġijiet tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit,

b.“liġijiet tal-kompetizzjoni” tfisser, skont kif jitlob il-kuntest,

(i)għall-Unjoni, wieħed jew aktar mill-Artikoli 101, 102 u 106 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, u r-regolamenti ta’ implimentazzjoni tagħhom, inkluż kwalunkwe emenda jew sostituzzjoni eżistenti jew sussegwenti ta’ kwalunkwe oġġett elenkat f’dan is-subparagrafu b. (i), u

(ii)għar-Renju Unit, wieħed jew aktar minn fost:

i.il-Competition Act 1998 (il-kapitolu 41);

ii.il-parti 3 (Fużjonijiet) tal-Enterprise Act 2002 (il-kapitolu 40) bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dik il-Parti sa fejn dawn ikunu relatati mal-aspetti tal-interess pubbliku ta’ investigazzjoni dwar fużjoni li tkun soġġetta għal intervent għal raġunijiet ta’ interess pubbliku jew għall-Kapitolu 3A ta’ dik il-Parti (Fużjonijiet li jinvolvu intrapriżi tal-gazzetti u potenzi barranin);

iii.il-parti 4 (Studji tas-Suq u Investigazzjonijiet tas-Suq) tal-Enterprise Act 2002 bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dik il-Parti sa fejn dawn ikunu relatati mal-aspetti tal-interess pubbliku ta’ referenza tal-investigazzjoni tas-suq jew ta’ referenza possibbli tal-investigazzjoni tas-suq li tkun soġġetta għal intervent għal raġunijiet ta’ interess pubbliku;

iv.il-parti 6 (Reat ta’ kartell) tal-Enterprise Act 2002;

v.it-taqsimiet 9A sa 9E tal-Company Directors Disqualification Act 1986 (il-Kapitolu 46);

vi.l-Artikoli 13A sa 13E tal-Company Directors Disqualification (Northern Ireland) Order 2002 (S.I. 2002/3150 (N.I. 4)); kif ukoll

vii.kwalunkwe leġiżlazzjoni subordinata magħmula skont id-dispożizzjonijiet elenkati f’i sa vi,

inkluż kwalunkwe emenda eżistenti jew sussegwenti għal dawk il-liġijiet jew regolamenti jew sostituzzjonijiet tagħhom,

c.għall-Unjoni, “liġi domestika” tfisser il-liġi u r-regolamentazzjoni kollha, inkluża l-ġurisprudenza, tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha,

d.“attivitajiet ta’ infurzar” tfisser kull applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni permezz ta’ investigazzjoni jew proċedimenti li jitmexxew minn awtorità tal-kompetizzjoni.

2.Meta awtorità tal-kompetizzjoni tbiddel isimha, jew il-funzjonijiet ta’ awtorità tal-kompetizzjoni jingħataw lil awtorità oħra, ir-referenza għal dik l-awtorità tal-kompetizzjoni f’dan il-Ftehim għandha tiġi ttrattata bħala referenza għall-awtorità bl-isem il-ġdid tagħha jew għall-awtorità suċċessur, sa fejn l-awtorità b’isem ġdid jew l-awtorità suċċessur (skont il-każ) tkompli teżerċita, jew teżerċita, funzjonijiet konformi mal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Parti rilevanti.

3.Dan il-Ftehim japplika għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni taż-żewġ Partijiet u mhuwiex maħsub biex japplika, ’il barra minn dak il-kuntest, għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Parti waħda biss. Ir-referenzi f’dan il-Ftehim għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li jkollhom negozjati bejniethom jew għall-kooperazzjoni jew il-koordinazzjoni tagħhom ma’ awtoritajiet oħra tal-kompetizzjoni skont dan il-Ftehim għandhom jiġu interpretati skont dan.

Artikolu 3  Notifiki

1.Jekk awtorità tal-kompetizzjoni tqis li xi waħda mill-attivitajiet ta’ infurzar tagħha x’aktarx taffettwa l-interessi importanti tal-Parti l-oħra, hija għandha tinnotifika lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kkonċernati l-oħrajn b’dik l-attività ta’ infurzar.

2.In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir minnufih wara l-ewwel pubblikazzjoni ta’ pass investigattiv fl-attività ta’ infurzar rilevanti.

Artikolu 4 - Koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ infurzar

1.Jekk l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jaħdmu jew ikollhom il-ħsieb li jaħdmu fuq l-istess attivitajiet ta’ infurzar jew attivitajiet relatati magħhom, huma jistgħu jaqblu li l-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ infurzar tagħhom, inkluż fir-rigward tal-għoti volontarju ta’ informazzjoni minn impriżi jew persuni fiżiċi, tkun fl-interess reċiproku tagħhom.

2.Fi kwalunkwe ħin, awtorità tal-kompetizzjoni li tkun involuta f’koordinazzjoni bħal din tista’ tinforma lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni involuti l-oħra li tkun biħsiebha tillimita jew ittemm il-koordinazzjoni u taħdem fuq l-attivitajiet ta’ infurzar tagħha b’mod indipendenti u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħrajn li jinsabu f’dan il-Ftehim.

Artikolu 5 – Korteżija negattiva

1.Fil-qafas tal-liġi domestika applikabbli għalihom u sa fejn ikun kompatibbli mal-interessi importanti tagħhom stess, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom iqisu bir-reqqa l-interessi importanti ta’ xulxin matul il-fażijiet kollha tal-attivitajiet ta’ infurzar tagħhom.

2.Jekk ikun jidher li l-attivitajiet ta’ infurzar ta’ awtorità tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jaffettwaw l-interessi importanti ta’ kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni l-oħrajn b’mod negattiv, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kkonċernati għandhom jagħmlu l-isforzi raġonevoli kollha biex jaslu għal akkomodazzjoni xierqa għall-interessi importanti ta’ xulxin.

Artikolu 6 - Kondiviżjoni ta’ informazzjoni

1.L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jistgħu jikkondividu informazzjoni bejniethom sa fejn il-kondiviżjoni ta’ dik l-informazzjoni tkun legali skont il-liġi domestika applikabbli, inkluż dik dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data.

2.Jekk żewġ awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew aktar ikunu qed taħdem fuq attivitajiet ta’ infurzar li jikkonċernaw l-istess suġġett jew kwistjonijiet relatati, jew kwistjonijiet ta’ interess komuni, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kkonċernati għandhom, fuq talba ta’ kwalunkwe waħda minnhom, jikkunsidraw li jistaqsu, sa fejn ikun possibbli u konsistenti mal-interessi importanti tagħhom u d-disponibbiltà raġonevoli tar-riżorsi, jekk persuni ġuridiċi jew fiżiċi identifikabbli li jkunu taw informazzjoni kunfidenzjali b’rabta ma’ dawk l-attivitajiet ta’ infurzar jaqblux bil-miktub għall-kondiviżjoni ta’ tali informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kkonċernati. Ma huwiex neċessarju li l-awtorità tal-kompetizzjoni titlob dan il-kunsens sa fejn il-kondiviżjoni ta’ din l-informazzjoni mingħajr kunsens tkun permessa mil-liġi nazzjonali li tapplika.

3.Kwalunkwe informazzjoni kondiviża skont dan il-Ftehim u l-fatt li tkun intbagħtet, ġiet riċevuta jew imwieġba talba għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, kif ukoll l-eżistenza ta’ kooperazzjoni skont dan il-Ftehim, tista’ tiġi ddivulgata fost l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni sa fejn tali divulgazzjoni tkun legali skont il-liġi domestika li tapplika għalihom. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ wkoll tiddivulga informazzjoni li tintbagħat mill-awtorità tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit, skont dan il-Ftehim, lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA b’segwitu għall-obbligi tal-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikoli 6 u 7 tal-Protokoll 23 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Marzu 1992 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza.

4.L-informazzjoni kondiviża skont dan il-Ftehim ma tistax tiġi ddivulgata ulterjorment lil awtoritajiet domestiċi oħra jew lil awtoritajiet tal-liġi tal-kompetizzjoni ta’ pajjiżi terzi ħlief bl-approvazzjoni bil-miktub minn qabel tal-awtorità tal-kompetizzjoni trażmittenti l-ewwel darba għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni kkonċernata lill-awtorità speċifika kkonċernata. L-ebda informazzjoni kondiviża skont dan il-Ftehim ma tista’ tiġi ddivulgata ulterjorment lil awtorità f’pajjiż terz li ma jkunx awtorità tal-liġi tal-kompetizzjoni.

5.L-ebda awtorità tal-kompetizzjoni ma hija obbligata tikkondividi informazzjoni skont dan il-Ftehim. Soġġett għal-liġi domestika applikabbli, kull awtorità tal-kompetizzjoni jibqa’ jkollha diskrezzjoni fl-għażla ta’ kwalunkwe informazzjoni li għandha tiġi kondiviża.

6.L-unika ċirkostanza meta d-data personali tkun tista’ tiġi kondiviża skont dan il-Ftehim hija jekk l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni trażmittenti u riċeventi kienu qed jinvestigaw, jew biħsiebhom jinvestigaw, is-suġġett li għalih id-data personali inkisbet inizjalment.

Artikolu 7 - Użu ta’ informazzjoni kondiviża

1.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(4), l-informazzjoni kondiviża skont dan il-Ftehim ma għandhiex tintuża għajr għall-finijiet tal-infurzar tal-liġijiet tal-kompetizzjoni. L-informazzjoni, għajr l-informazzjoni disponibbli pubblikament, li tiġi divulgata lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA skont l-Artikolu 6(3) ma għandha tintuża għal ebda skop ieħor għajr dak tal-infurzar tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mill-Kummissjoni Ewropea.

2.Minkejja l-paragrafu 1, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jistgħu, bil-kunsens tal-awtorità tal-kompetizzjoni trażmittenti, jużaw l-informazzjoni kondiviża skont dan il-Ftehim għal finijiet oħra għajr l-infurzar tal-liġijiet tal-kompetizzjoni jekk dak l-użu jkun f’konformità mat-termini ta’ dak il-kunsens.

3.L-informazzjoni kondiviża skont dan il-Ftehim tista’ tintuża bħala evidenza mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni riċeventi dment li tintuża biss għall-infurzar tal-liġijiet tal-kompetizzjoni fir-rigward tas-suġġett li għalih dik l-informazzjoni tkun inkisbet inizjalment mill-awtorità tal-kompetizzjoni trażmittenti.

4.L-informazzjoni trażmessa skont dan il-Ftehim tista’ tintuża bħala evidenza dment li tintuża biex jiġu imposti sanzjonijiet fuq persuni fiżiċi biss jekk:

(a)il-liġi applikabbli għall-awtorità tal-kompetizzjoni li tkun kisbet l-informazzjoni inizjalment tipprevedi sanzjonijiet ta’ natura simili fir-rigward ta’ ksur tal-liġijiet tal-kompetizzjoni,

jew, fin-nuqqas ta’ sanzjonijiet bħal dawn,

(b)l-informazzjoni kkonċernata tkun inkisbet inizjalement b’mod li jirrispetta l-istess livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża ta’ persuni fiżiċi bħal dak previst skont ir-regoli tal-awtorità riċeventi, dment li l-informazzjoni kkonċernata ma tintużax mill-awtorità riċeventi biex timponi sanzjonijiet ta’ kustodja.

5.L-awtorità tal-kompetizzjoni trażmittenti tista’ tispeċifika t-termini u l-kundizzjonijiet tal-użu tal-informazzjoni trażmessa. L-awtorità tal-kompetizzjoni riċeventi ma għandhiex tuża tali informazzjoni b’mod li jmur kontra dawn it-termini u l-kundizzjonijiet mingħajr il-kunsens espliċitu bil-miktub minn qabel tal-awtorità tal-kompetizzjoni trażmittenti.

Artikolu 8 – Kunfidenzjalità

1.L-awtorità tal-kompetizzjoni għandha żżomm il-kunfidenzjalità ta’ kwalunkwe informazzjoni mhux pubblika li tiġi kondiviża skont dan il-Ftehim, inkluż, sakemm l-awtorità tal-kompetizzjoni trażmittenti ma taqbilx mod ieħor, l-eżistenza ta’ talba għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni.

2.Jekk id-divulgazzjoni tintalab jew tkun meħtieġa skont il-liġi domestika applikabbli għal awtorità tal-kompetizzjoni li tirċievi informazzjoni trażmessa skont dan il-Ftehim, dik l-awtorità tal-kompetizzjoni għandha tinforma minnufih lill-awtorità tal-kompetizzjoni trażmittenti u, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ din tal-aħħar, tieħu miżuri biex tirrestrinġi kwalunkwe divulgazzjoni ta’ informazzjoni kondiviża skont dan il-Ftehim għal dak li huwa meħtieġ biex tikkonforma mal-liġi domestika applikabbli, biex tiżgura li l-kunfidenzjalità tibqa’ protetta sa fejn ikun possibbli skont dik il-liġi domestika.

3.Xejn f’dan l-Artikolu ma jipprevjeni d-divulgazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni jekk dik l-informazzjoni tkun diġà ġiet divulgata lill-pubbliku f’ċirkostanzi li ma jmorrux kontra dan il-Ftehim.

Artikolu 9 — Użu jew divulgazzjoni aċċidentali

Jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni li tirċievi informazzjoni kondiviża skont dan il-Ftehim issir taf li dik l-informazzjoni tkun intużat jew ġiet divulgata aċċidentalment b’mod li jikser dan il-Ftehim, hija għandha tinforma lill-awtorità tal-kompetizzjoni trażmittenti minnufih. L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni involuti fil-kondiviżjoni ta’ dik l-informazzjoni għandhom jikkonsultaw minnufih dwar passi xierqa biex jimminimizzaw kwalunkwe ħsara li tirriżulta minn tali użu jew divulgazzjoni, filwaqt li jqisu r-riskju speċifiku għall-impriżi jew għall-persuni fiżiċi kkonċernati u n-natura ta’ dak ir-riskju.

Artikolu 10 — Djalogu dwar kwistjonijiet tekniċi relatati mal-funzjonament tal-Ftehim

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u s-Swieq jistgħu jidħlu fi djalogu ma’ xulxin biex jiddiskutu kwistjonijiet tekniċi relatati mal-funzjonament ta’ dan il-Ftehim. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ testendi kwalunkwe djalogu bħal dan għal waħda jew aktar mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni elenkati fl-Anness.

Artikolu 11 – Rieżami

Mhux aktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, il-Partijiet għandhom jibdew rieżami konġunt tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim bl-għan li jkomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni ta’ bejniethom fl-applikazzjoni tal-liġijiet dwar il-kompetizzjoni tagħhom.

Artikolu 12 — Liġi eżistenti

L-ebda parti minn dan il-Ftehim ma għandha tirrikjedi bidla fil-liġi domestika eżistenti, jew tirrikjedi li awtorità tal-kompetizzjoni tieħu kwalunkwe azzjoni li tkun inkonsistenti mal-liġi domestika eżistenti, jew tipprevjeni awtorità tal-kompetizzjoni milli tieħu kwalunkwe azzjoni stipulata fil-liġi domestika eżistenti.

Artikolu 13 - Komunikazzjonijiet skont dan il-Ftehim

1.Il-komunikazzjonijiet skont dan il-Ftehim jistgħu jsiru b’mezzi sempliċi, bħall-posta elettronika, sakemm l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kkonċernati ma jaqblux mod ieħor wara li jikkunsidraw, b’mod partikolari, il-possibbiltà li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni jkun hemm bżonn li ssir permezz ta’ mezzi aktar siguri.

2.Kwalunkwe talba għal rieżami skont l-Artikolu 11 għandha ssir bil-miktub permezz tal-mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

Artikolu 14 - Dispożizzjonijiet finali

1.Kull Parti għandha tapprova dan il-Ftehim f’konformità mal-proċeduri tagħha stess. Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra meta ttemm il-proċeduri rispettivi.

2.Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu tkun saret l-aħħar notifika prevista fil-paragrafu 1.

3.Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ sa 60 jum wara d-data li fiha waħda mill-Partijiet tkun innotifikat lill-Parti l-oħra bil-miktub li tixtieq li ttemm dan il-Ftehim.

4.Dan il-Ftehim mhuwiex soġġett għas-soluzzjoni tat-tilwim skont it-Titolu I tas-Sitt Parti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

5.Skont l-Artikolu 779 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, dan il-Ftehim għandu jintemm mat-tmiem tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

6.Wara t-terminazzjoni, l-informazzjoni kollha kondiviża skont dan il-Ftehim għandha tibqa’ protetta f’konformità mal-protezzjoni u s-salvagwardji stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 9.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-firmatarji, debitament awtorizzati, iffirmaw dan il-Ftehim.

MAGĦMUL fi [belt], f’żewġ kopji, fi [data] bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Irlandiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża, Taljana u Ungeriża, b’kull test ugwalment awtentiku.

GĦALL-UNJONI EWROPEA:    GĦAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA
U L-IRLANDA TA’ FUQ:



Anness

L-Istati Membri tal-Unjoni

L-Awtorità

Il-Belġju

L-Awtorità Belġjana għall-Kompetizzjoni

Belgische Mededingingsautoriteit/Autorité belge de la Concurrence

Il-Bulgarija

Il-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni

Комисия за защита на конкуренцията

Iċ-Ċekja

L-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni

Úřad pro ochranu hospodářské soutěže

Id-Danimarka

L-Awtorità Daniża għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur

Konkurrence- og Forbrugerstyrelsen

Il-Ġermanja

L-Awtorità Ġermaniża għall-Kompetizzjoni

Bundeskartellamt

L-Estonja

L-Awtorità Estonjana għall-Kompetizzjoni

Konkurentsiamet

L-Irlanda

Il-Kummissjoni tal-Kompetizzjoni u l-Protezzjoni tal-Konsumatur

Coimisiún um Iomaíocht agus Cosaint Tomhaltóiri

Il-Greċja

Il-Kummissjoni Ellenika għall-Kompetizzjoni

ΕπιτροπмΑνταγύνισμο’

Spanja

Il-Kummissjoni Nazzjonali għas-Swieq u l-Kompetizzjoni

Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia

Franza

L-Awtorità Franċiża għall-Kompetizzjoni

Autorité de la Concurrence

Il-Kroazja

L-Aġenzija Kroata għall-Kompetizzjoni

Agencija za zašto tržišnog natjecanja

L-Italja

L-Awtorità Taljana għall-Kompetizzjoni

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato

Ċipru

Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni

ΕπιτροπύΠροστασίας τούΑνταγύνισμο’

Il-Latvja

Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni

Konkurences padome

Il-Litwanja

Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja

Lietuvos Respublikos konkurencijos taryba

Il-Lussemburgu

L-Awtorità tal-Lussemburgu għall-Kompetizzjoni

Autorité de la Concurrence

L-Ungerija

L-Awtorità Ungeriża għall-Kompetizzjoni

Gazdasági Versenyhivatal

Malta

Malta Competition and Consumer Affairs Authority

L-Awtorita ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijet tal-Konsumatur

In-Netherlands

L-Awtorità għall-Konsumaturi u s-Swieq

Autoriteit Consument en Markt

L-Awstrija

L-Awtorità Awstrijaka għall-Kompetizzjoni

Bundeswettbewerbsbehörde 

Il-Polonja

L-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni u l-Protezzjoni tal-Konsumatur

Urzad Ochrony Konkurencji i Konsumentów

Il-Portugall

L-Awtorità Portugiża għall-Kompetizzjoni

Autoridade da Concorrência

Ir-Rumanija

Il-Kunsill Rumen għall-Kompetizzjoni

Consiliul Concurenţei

Is-Slovenja

L-Aġenzija Slovena għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni

Javna Agencija Republike Slovenije za Varstvo Konkurence

Is-Slovakkja

L-Uffiċċju Kontra l-Monopolju tar-Repubblika Slovakka

Štatistický úrad Slovenskej republiky

Il-Finlandja

L-Awtorità Finlandiża għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur

Kilpailu- ja kuluttajavirasto

L-Iżvezja

L-Awtorità Żvediża għall-Kompetizzjoni

Konstfack