Brussell, 6.5.2025

COM(2025) 192 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Boxxla għall-Kompetittività tad-29 ta’ Jannar 2025 semmiet il-ħtieġa li l-UE “tfittex modi ġodda biex tapprofondixxi s-sħubijiet u toħloq benefiċċji għan-negozji tagħna”, inkluż permezz ta’ Ftehimiet ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli (minn hawn’ il quddiem, “SIFAs”). 1

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Rieżami tal-Politika Kummerċjali tat-18 ta’ Frar 2021 2 , il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li “żżid b’mod sinifikanti l-involviment tagħha mas-sħab Afrikani biex tisfrutta l-potenzjal ekonomiku tagħhom, trawwem id-diversifikazzjoni ekonomika u t-tkabbir inklużiv” u li “tipproponi inizjattiva ġdida ta’ investiment sostenibbli lis-sħab jew lir-reġjuni fl-Afrika u fil-Viċinat tan-Nofsinhar li huma interessati jagħmlu dan [...] fil-forma ta’ ftehimiet ta’ investiment awtonomi jew bħala parti mill-modernizzazzjoni ta’ ftehimiet kummerċjali eżistenti.”

Il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet in-negozjati ta’ SIFA mal-Angola fit-18 ta’ Novembru 2022. 3 Is-SIFA daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2024, 4 u huwa l-ewwel ftehim tal-UE tat-tip tiegħu. Il-Kummissjoni qed tesplora wkoll il-possibbiltà li tinnegozja SIFAs ma’ pajjiżi sħab interessati oħra, inkluż mar-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju (minn hawn ’il quddiem, “il-Kosta tal-Avorju”).

Fl-2023, l-istokk tal-investiment dirett barrani tal-UE fil-Kosta tal-Avorju ammonta għal EUR 4.3 biljun, żieda minn EUR 4.1 biljun fl-2022. L-UE kkonkludiet Ftehim interim ta’ Sħubija Ekonomika (minn hawn’ il quddiem, “FSE”) mal-Kosta tal-Avorju, li madankollu ma fihx dispożizzjonijiet dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment.

Fid-dawl tal-opportunità għall-UE biex tapprofondixxi r-relazzjoni ta’ investiment tagħha mal-Kosta tal-Avorju, il-possibbiltà li tinvolvi ruħha fin-negozjati ta’ SIFA ġiet diskussa fil-kuntest tas-sitt Kumitat tal-FSE bejn il-Kosta tal-Avorju u l-UE, li sar f’Abidjan fit-12 u t-13 ta’ Ottubru 2023. 5  

Bħala segwitu, saru diskussjonijiet esploratorji tekniċi mal-Kosta tal-Avorju dwar il-kamp ta’ applikazzjoni, il-kontenut u l-parametri tas-SIFA. Wara dawn id-diskussjonijiet, fis-6 ta’ Marzu 2025, iż-żewġ naħat qablu li jibdew il-proċeduri interni rispettivi tagħhom biex jiftħu negozjati formali għal SIFA.

Dan il-Ftehim ifittex li jtejjeb l-attrazzjoni, l-espansjoni u ż-żamma tal-investiment dirett barrani bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-investiment, bħaż-żieda tat-trasparenza u l-prevedibbiltà ta’ miżuri relatati mal-investiment, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-investiment, u t-titjib tad-djalogu pubbliku-privat permezz ta’ punti fokali għall-investituri u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati. L-objettiv aħħari huwa li jrawwem klima ta’ investiment aktar trasparenti, effiċjenti u prevedibbli, u għalhekk jinkoraġġi livelli ogħla ta’ investiment dirett barrani għall-Kosta tal-Avorju. B’hekk, dan il-Ftehim se jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll isaħħaħ r-relazzjoni bilaterali fl-investimenti bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju. Il-Ftehim se jipprovdi wkoll pjattaforma solida minn fejn jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija tal-Kosta tal-Avorju u l-integrazzjoni tagħha fl-ekonomija globali.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

L-għanijiet ta’ dan il-Ftehim huma konsistenti mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jipprevedi li l-UE għandha “tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fl-ekonomija dinjija, inkluż permezz tat-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali.” 6  

L-objettivi tiegħu huma wkoll konformi mal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), min-naħa l-oħra, iffirmat f’Samoa fil-15 ta’ Novembru 2023, u b’mod partikolari l-Artikoli 41 u 42 tiegħu. 7

Dan il-Ftehim javvanza l-objettivi tal-Boxxla għall-Kompetittività tad-29 ta’ Jannar 2025, li semma l-ħtieġa li l-UE “tfittex modi ġodda biex tapprofondixxi s-sħubijiet u toħloq benefiċċji għan-negozji tagħna”, inkluż permezz tas-SIFAs. 8 Huwa jsegwi wkoll il-Komunikazzjoni dwar ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali msemmija hawn fuq u l-Komunikazzjoni dwar ir-rieżami tal-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2022. 9

Il-Ftehim huwa parti mill-istrateġija komprensiva tal-UE mal-Afrika, 10 li “pproponiet li l-UE tiżviluppa arranġamenti aktar ambizzjużi biex tiffaċilita, tiġbed u tappoġġa l-investiment fl-Afrika.” Barra minn hekk, huwa wkoll konformi mal-“Viżjoni Konġunta għall-2030”, 11 bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana (UA), adottata fis-sitt Summit UE-UA, li ssottolinja l-impenn konġunt biex “tiġi promossa governanza responsabbli, trasparenti, inklużiva u reattiva, f’konformità mal-istrumenti internazzjonali rilevanti, biex tingħata spinta lill-isforzi lejn it-titjib tal-investiment u l-klima tan-negozju kif ukoll lejn l-iżblukkar u ż-żieda ta’ investimenti Afrikani u Ewropej responsabbli u sostenibbli.L-objettivi tiegħu huma konsistenti wkoll mal-istrateġija Global Gateway tal-UE mnedija f’Novembru 2021 u l-ewwel riżultat tagħha, il-Pakkett ta’ Investiment Afrika-Ewropa, maqbul fis-sitt Summit UE-UA, li għandu l-għan li jingrana EUR 150 biljun f’investimenti fl-Afrika sal-2027 fi ħdax-il qasam ta’ prijorità, inkluż l-integrazzjoni ekonomika, l-investiment, u l-iżvilupp tas-settur privat. Il-pakkett ta’ Investiment tal-Global Gateway Afrika-Ewropa huwa l-qafas ta’ gwida tal-UE biex titrawwem l-attraenza tal-investiment fl-Afrika, jiġi żgurat li l-ambjent regolatorju jwassal għall-involviment tas-settur privat, u biex l-investimenti jġibu l-benefiċċji potenzjali kollha lejn it-tkabbir sostenibbli.

Is-SIFA previst huwa konsistenti bis-sħiħ għall-Ftehim futur dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għall-Iżvilupp li ġie nnegozjat fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u huwa komplementari għalih. 12

Fl-aħħar nett, id-direttivi ta’ negozjar fl-Anness huma konsistenti mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/13 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-direttivi ta’ negozjar għan-negozjar tal-FSE mal-pajjiżi u r-reġjuni tal-AKP. 13

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-objettivi huma konsistenti ma’ politiki oħra tal-UE, b’mod partikolari l-politika tal-iżvilupp tal-UE.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-bażi legali għal dan l-att huwa l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 207(3) u l-Artikolu 218(4), it-tieni u t-tielet subparagrafi, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Is-suġġett tan-negozjati previsti huwa relatat mal-politika kummerċjali komuni. Skont l-Artikolu 5(3) tat-TUE, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax fl-oqsma tal-kompetenza esklużiva tal-UE. Il-politika kummerċjali komuni hija mniżżla fost l-oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni fl-Artikolu 3 TFUE. Din il-politika tinkludi n-negozjar ta’ ftehimiet kummerċjali skont, fost l-oħrajn, l-Artikolu 207 TFUE.

Proporzjonalità

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, peress li l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali hija l-istrument ewlieni biex isir impenn favur drittijiet u obbligi reċiproċi ma’ suġġett tad-dritt internazzjonali bħal pajjiż barrani.

Għażla tal-istrument

Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minn Ġunju sa Novembru 2020, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika 14 fejn talbet il-kontribut tal-Parlament Ewropew, tal-Istati Membri, tal-partijiet ikkonċernati u tas-soċjetà ċivili għal rieżami tal-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea, inkluż dwar modi kif jistgħu jissaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment tal-UE mal-pajjiżi ġirien u mal-Afrika.

Il-Kummissjoni tikkonsulta regolarment mal-partijiet ikkonċernati, fost l-oħrajn fil-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ftehimiet Kummerċjali 15 u fid-Djalogu tas-Soċjetà Ċivili. 16

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Din il-proposta tiddependi fuq għarfien espert estern miġbur fil-kuntest ta’ proġett imwettaq mill-Bank Dinji u kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rapport identifika b’mod partikolari li l-investituri 17 ppreżentaw, bħala fatturi kritiċi li jaffettwaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, in-nuqqas ta’ trasparenza u prevedibbiltà fit-trattament ma’ aġenziji pubbliċi, il-bidla f’daqqa fil-liġijiet u r-regolamenti, u d-dewmien biex jinkisbu permessi u approvazzjonijiet tal-gvern. Dawn huma l-oqsma li jkunu koperti mis-SIFA propost.

Valutazzjoni tal-impatt

L-impenji għall-faċilitazzjoni tal-investiment fis-SIFA jiffukaw fuq l-applikazzjoni ta’ prinċipji ta’ governanza tajba u prattiki regolatorji tajbin, inkluż t-trasparenza, il-prevedibbiltà, u l-effiċjenza amministrattiva, fil-qafas ta’ investiment ta’ pajjiż sieħeb (liġijiet, regolamenti u proċeduri dwar l-investiment). L-impatt ta’ dawn il-miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-investiment huwa relatat l-aktar mal-implimentazzjoni tal-Ftehim minn pajjiż sieħeb u t-titjib fit-tul fl-ambjent tal-investiment tiegħu. L-impatt ġenerali huwa affettwat ukoll minn investimenti individwali li qafas ta’ investiment imtejjeb bħal dan jista’ jattira. Is-SIFA jikkodifika prattiki li diġà huma stabbiliti sew fl-UE.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din il-proposta tfittex tirrakkomanda li l-Kunsill jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati ta’ SIFA mal-Kosta tal-Avorju. Il-proposta ma tinvolvix l-iskambju ta’ data, l-awtomatizzazzjoni tal-proċessi, l-użu ta’ sistemi diġitali jew il-forniment ta’ servizzi pubbliċi. Konsegwentement, il-prinċipju “diġitali b’mod awtomatiku” ma japplikax, peress li ma jintroduċix rekwiżiti diġitali speċifiċi.

Drittijiet fundamentali

L-inizjattiva tirrispetta kompletament il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.IMPATT FUQ IL-BAĠIT

L-inizjattiva ma għandhiex impatt fuq il-baġit.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

In-negozjati tas-SIFA huma mistennija li jiġu konklużi fl-2026.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jirrakkomandaw li l-Kunsill jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u li tinnomina n-negozjatur tal-Unjoni. Il-Kunsill jista’ jindirizza direttivi lin-negozjatur.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mat-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 207(3) u l-Artikolu 218(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

Jenħtieġ li n-negozjati jinfetħu bil-ħsieb li jiġi konkluż Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli mar-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni, Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli mar-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju.

Artikolu 2

Id-direttivi tan-negozjati huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom isiru b’konsultazzjoni ma’ [l-isem tal-kumitat speċjali għandu jiddaħħal mill-Kunsill].

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni u l-Anness tagħha se jiġu ppubblikati immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Boxxla għall-Kompetittività tal-UE, COM(2025) 30 final.
(2)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali - Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva, COM(2021) 66 final.
(3)     https://policy.trade.ec.europa.eu/eu-trade-relationships-country-and-region/countries-and-regions/southern-african-development-community-sadc/eu-angola-negotiations_en
(4)    Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/829 tal-4 ta’ Marzu 2024 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Angola, ĠU L, 2024/829, 8.3.2024.
(5)    Relevé des conclusions du comité conjoint des 12-13 octobre 2023, APE Côte d'Ivoire - Union européenne https://circabc.europa.eu/ui/group/09242a36-a438-40fd-a7af-fe32e36cbd0e/library/5714c6b1-a7b9-42c7-a73a-f5e5e5fa159a/details
(6)    L-Artikolu 21(2)(e) TEU.
(7)     https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8372-2023-REV-1/mt/pdf
(8)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Boxxla għall-Kompetittività tal-UE, COM(2025) 30 final.
(9)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: “Is-saħħa tas-sħubiji tal-kummerċ: flimkien għal tkabbir ekonomiku ekoloġiku u ġust”, COM (2022) 409 final.
(10)    Il-Komunikazzjoni Konġunta tal-2020 Lejn Strateġija komprensiva mal-Afrika https://ec.europa.eu/international-partnerships/system/files/communication-eu-africa-strategy-join-2020-4-final_en.pdf  
(11)     https://www.consilium.europa.eu/media/54412/final_declaration-en.pdf  
(12)     https://www.wto.org/english/tratop_e/invfac_public_e/invfac_e.htm
(13)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/13 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-direttivi ta’ negozjar għan-negozjati ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi u r-reġjuni Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, sa fejn dawn jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni (ĠU L 6, 10.1.2020, p. 101). B’mod partikolari, l-ewwel paragrafu tat-taqsima 6.2 tad-direttivi ta’ negozjar tal-2019, jipprovdi dan li ġej: “Investiment. F’konformità mal-objettiv li “jitnaqqas u eventwalment jinqered il-faqar konsistenti mal-objettiv ta’ żvilupp sostenibbli” (u fir-rigward tal-Artikoli 1, 29, 75 sa 78, u tal-Anness II tal-Ftehim ta’ Cotonou u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim suċċessur tiegħu, ladarba jkun applikabbli) il-partijiet jaqblu li jistabbilixxu qafas regolatorju li għandu jiffaċilita, itejjeb u jistimula investiment sostenibbli ta’ benefiċċju reċiproku bejniethom, filwaqt li jqisu l-inizjattivi multilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment. Dan il-qafas se jkun ibbażat fuq prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ftuħ, trasparenza u stabbiltà. Il-partijiet se jrawmu l-iżvilupp ta’ ambjenti ta’ investiment attraenti u stabbli billi jappoġġaw regoli stabbli u trasparenti għall-investituri, u jfittxu li jtejbu l-inklużjoni finanzjarja u l-aċċess għall-finanzi.
(14)     https://policy.trade.ec.europa.eu/consultations/consultation-trade-policy-review_en  
(15)     http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/expert-groups/  
(16)     http://trade.ec.europa.eu/civilsoc/meetdetails.cfm?meet=11531  
(17)    Ara World Bank, Retention and Expansion of Foreign Direct Investment, Political Risk and Policy Responses, http://documents1.worldbank.org/curated/en/387801576142339003/pdf/Political-Risk-and-Policy-Responses.pdf

Brussell, 6.5.2025

COM(2025) 192 final

ANNESS

ta’

Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju


ANNESS

Direttivi ta’ negozjar għan-negozjati ta’ Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju

I.OBJETTIVI, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U PRINĊIPJI EWLENIN

1.L-għan tal-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”) mar-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju jenħtieġ li jkun biex tinħoloq klima tan-negozju aktar attraenti, trasparenti u prevedibbli sabiex jiġu ffaċilitati, jissaħħu u jiġu stimulati investimenti sostenibbli ta’ benefiċċju reċiproku.

2.Jenħtieġ li l-objettiv ġenerali ta’ dan il-Ftehim ikun li jtejjeb il-mobilizzazzjoni, l-attrazzjoni, l-espansjoni u ż-żamma ta’ investimenti diretti barranin bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju, speċjalment għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, abbażi ta’ regoli, miżuri u proċeduri moderni u simplifikati bbażati fuq prinċipji ta’ imparzjalità, ftuħ, trasparenza u stabbiltà.

3.Jenħtieġ li dan il-Ftehim ikun komprensiv u ambizzjuż, iqis l-eżitu tan-negozjati tad-WTO dwar il-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għall-Iżvilupp, u l-isfidi speċifiċi għall-iżvilupp li taffaċċja r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju. Jenħtieġ li dan il-Ftehim, fil-prinċipju, japplika għas-setturi ekonomiċi kollha u jinkludi ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-investimenti, inkluż l-attivitajiet qabel, matul u wara l-istabbiliment.

4.Jenħtieġ li dan il-Ftehim ikollu l-għan li jiżgura l-kundizzjonijiet it-tajba biex l-investiment dirett barrani jwassal għal żvilupp sostenibbli, filwaqt li jippreserva l-kapaċità tal-Partijiet li jirregolaw l-attività tal-investituri fit-territorji rispettivi tagħhom.

5.Jenħtieġ li dan il-Ftehim jiffoka fuq l-investiment dirett barrani bl-esklużjoni ta’ forom oħra ta’ investiment, bħal movimenti tal-kapital għal żmien qasir jew investimenti tal-portafoll. Jenħtieġ li dan il-Ftehim ma joħloqx obbligi ġodda, jew jimmodifika obbligi eżistenti, dwar il-protezzjoni tal-investimenti, is-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat jew il-kundizzjonijiet ta’ aċċess preferenzjali għas-suq, u jenħtieġ li ma jkoprix rekwiżiti proċedurali għad-dħul u s-soġġorn temporanju ta’ persuni fiżiċi għal skopijiet ta’ negozju.

II. KONTENUT PROPOST TAR-REGOLI U L-IMPENJI

6.Jenħtieġ li dan il-Ftehim jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar kwistjonijiet bħal:

It-titjib tat-trasparenza, il-prevedibbiltà u l-koerenza ta’ miżuri relatati mal-investiment (inkluż, fost l-oħrajn, il-pubblikazzjoni elettronika u d-disponibbiltà ta’ miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali u l-qafas legali applikabbli għall-investiment; opportunità li jikkummentaw dwar abbozzi ta’ miżuri regolatorji, informazzjoni dwar inċentivi ta’ investiment);

Is-simplifikazzjoni u t-tħaffif tal-proċeduri u r-rekwiżiti amministrattivi, kif ukoll l-iżgurar ta’ governanza tajba fil-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni (inkluż, fost l-oħrajn, il-proċeduri amministrattivi u r-rekwiżiti tad-dokumentazzjoni; l-użu ta’ applikazzjonijiet f’format elettroniku; l-iskadenzi u l-perijodi ta’ żmien għas-sottomissjoni u l-amministrazzjoni tal-applikazzjonijiet; l-istandards ta’ governanza tajba fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet; trasparenza dwar il-ħlas tat-tariffi; tipi ta’ mekkaniżmi ta’ punt uniku ta’ servizz/punt uniku ta’ kuntatt għall-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni);

It-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati (inklużi, fost l-oħrajn, punti fokali biex iservu bħala l-ewwel punti ta’ kuntatt għall-inkjesti tal-investituri; ir-relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati; mekkaniżmi għall-prevenzjoni tat-tilwim u għas-soluzzjoni tal-problemi; il-valutazzjonijiet tal-impatt; koordinazzjoni domestika bejn l-aġenziji; rabtiet bejn investituri barranin u l-ekonomija ospitanti);

Il-kontribut għall-iżvilupp sostenibbli u l-investiment responsabbli (inkluż, fost l-oħrajn, il-promozzjoni u l-infurzar ta’ standards, regoli u mpenji rilevanti maqbula internazzjonalment dwar ix-xogħol u l-ambjent u l-klima; impenn għal strumenti rilevanti rikonoxxuti internazzjonalment dwar imġiba responsabbli fin-negozju; djalogu u kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tax-xogħol, ambjentali u klimatiċi relatati mal-investiment ta’ interess reċiproku; l-implimentazzjoni ta’ konvenzjonijiet u prinċipji internazzjonali ewlenin għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa);

L-iffaċilitar tas-sostennibiltà tal-investimenti fil-ktajjen tal-valur u s-setturi ta’ interess reċiproku (b’mod partikolari s-settur tal-kawkaw, abbażi tal-impenji stabbiliti fl-Inizjattiva dwar il-Kawkaw Sostenibbli u l-Pjan Direzzjonali dwar il-Kawkaw Sostenibbli, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat aktar l-investiment fil-kawkaw sostenibbli u traċċabbli);

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bilaterali dwar modi kif jiġi ffaċilitat l-investiment u tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim (inkluż, fost l-oħrajn, il-bini tal-kapaċitajiet mmirat lejn it-titjib tal-klima tal-investiment u l-assistenza fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, inkluż d-dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli; arranġamenti istituzzjonali għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki; medjazzjoni u mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn Stat u ieħor).