Brussell, 7.3.2025

COM(2025) 107 final

2025/0056(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jissospendi ċerti partijiet tar-Regolament (UE) 2015/478 fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ prodotti Ukreni fl-Unjoni Ewropea


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-invażjoni fuq skala sħiħa mhux ipprovokata u mhux ġustifikata mir-Russja fuq l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022 kellha impatt negattiv profond fuq il-kapaċità tal-Ukrajna li tinnegozja mal-bqija tad-dinja. F’dan il-kuntest diffiċli, il-Kunsill Ewropew enfasizza fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 Ottubru 2023 u l-15 Diċembru 2023 (kif ikkonfermat mill-ġdid fid-19 Diċembru 2024) li se jkompli jipprovdi appoġġ politiku u ekonomiku qawwi lill-Ukrajna sakemm ikun hemm bżonn.

L-Ukrajna talbet lill-Unjoni biex tagħmilha faċli kemm jista’ jkun għaliha li żżomm il-pożizzjoni kummerċjali tagħha mal-bqija tad-dinja u tkompli tapprofondixxi r-relazzjonijiet kummerċjali tagħha mal-Unjoni. Il-miżuri għal dan l-għan kienu jinkludu l-liberalizzazzjoni tal-aċċess għas-suq għall-esportazzjonijiet Ukreni permezz tar-Regolament (UE) 2022/870 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 1 u r-Regolament (UE) 2023/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 2 dwar miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna. Ir-Regolament (UE) 2024/1392 daħal fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju 2024 u se jibqa’ fis-seħħ sal-5 ta’ Ġunju 2025 3 . Dawn il-miżuri żiedu l-flessibbiltà u ċ-ċertezza għall-produtturi Ukreni.

L-Ukrajna għadha esportatur ewlieni tal-ħadid u tal-azzar, minkejja l-fatt li l-gwerra kkawżat il-qerda jew l-okkupazzjoni ta’ ħafna faċilitajiet ta’ produzzjoni. Għalhekk jibqa’ meħtieġ li tinżamm is-sospensjoni tar-Regolament (UE) 2015/478 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet 4 . Din is-sospensjoni hija u tibqa’ l-bażi ġuridika għall-miżura ta’ salvagwardja attwali tal-Unjoni fuq il-prodotti tal-azzar (fir-rigward ta’ tali importazzjonijiet mill-Ukrajna) bħala parti mill-appoġġ tal-Unjoni.

Għal dan l-għan, jeħtieġ li jiġu sospiżi l-Artikoli 2, 4–7, 9–17 u 19–21 tar-Regolament (UE) 2015/478 dwar ir-regoli komuni, f’dak li għandu x’jaqsam mal-importazzjonijiet mill-Ukrajna.

Fid-dawl ta’ din il-ħtieġa li l-Ukrajna tkompli tiġi appoġġata ekonomikament, il-Kummissjoni qed tipproponi Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tissospendi l-applikazzjoni tal-Artikoli 2, 4–7, 9–17 u 19–21 tar-Regolament (UE) 2015/478 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet fir-rigward tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ukrajna.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Is-sospensjoni tar-Regolament (UE) 2015/478 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet tkun konsistenti mal-appoġġ qawwi tal-UE lill-Ukrajna permezz tal-kummerċ internazzjonali fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-Unjoni kkundannat bil-qawwa l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u ħadet passi bla preċedent biex tappoġġa lill-Ukrajna f’dan il-kuntest eċċezzjonali. Dawn il-passi jinkludu assistenza finanzjarja (inkluża assistenza makrofinanzjarja għal miżuri ta’ emerġenza u rikostruzzjoni); il-kunsinna ta’ tagħmir militari; l-adozzjoni ta’ sanzjonijiet estensivi kontra r-Russja u l-Belarussja; u l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Barra minn hekk, l-Ukrajna ngħatat l-istatus ta’ kandidat tal-UE f’Ġunju 2022 u n-Negozjati tal-Adeżjoni nfetħu f’Diċembru 2023.

Ir-Regolament propost għalhekk jikkonforma mal-obbligu tal-Unjoni skont l-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u jsegwi minnu biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha. Ikun konformi wkoll mal-Artikolu 207(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jeħtieġ li l-politika kummerċjali komuni titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-bażi legali għall-proposta hija l-Artikolu 207(2) tat-TFUE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax minħabba li, f’konformità mal-Artikolu 3(1)(e) tat-TFUE, il-politika kummerċjali komuni hija kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Proporzjonalità

Din il-proposta hija meħtieġa sabiex jinkiseb l-għan li l-Ukrajna tiġi appoġġata ekonomikament fid-diffikultajiet attwali tagħha, inkluż fil-qasam tal-kummerċ mal-Unjoni.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta hija konformi mal-Artikolu 207(2) tat-TFUE, li jipprevedi miżuri ta’ politika kummerċjali komuni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli.

Valutazzjoni tal-impatt

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ għall-Ukrajna wara l-iskadenza tar-Regolament (UE) 2024/1392 fil-5 ta’ Ġunju 2025, huwa neċessarju li r-Regolament propost jidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju 2025. Din il-ħtieġa urġenti tfisser li ma kienx hemm biżżejjed żmien biex titwettaq valutazzjoni tal-impatt. Madankollu, il-kummerċ u d-dispożizzjonijiet relatati mal-kummerċ tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kienu soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt tas-sostenibbiltà li d-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ tal-Kummissjoni kkummissjona fl-2007 u li daħlet fil-proċess ta’ negozjar taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva (DCFTA). Dan l-istudju kkonferma li l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-kummerċ u relatati mal-kummerċ ikollhom impatt ekonomiku pożittiv kemm fuq l-UE kif ukoll fuq l-Ukrajna.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-miżura ma żżidx il-piż regolatorju fuq il-kumpaniji.

Drittijiet fundamentali

Dawn il-miżuri josservaw l-istess prinċipji bażiċi bħal dawk minquxa fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna. B’mod partikolari, l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Ukrajna jipprevedi li l-elementi essenzjali ta’ dak il-Ftehim huma (i) ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; u (ii) ir-rispett għall-prinċipju tal-istat tad-dritt.

Il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ ikunu wkoll konformi mal-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali għal tliet raġunijiet. L-ewwel nett, l-effett dirett tagħhom huwa li l-importazzjonijiet mill-Ukrajna jistgħu jkunu soġġetti għal inqas restrizzjonijiet milli jkun il-każ jekk is-sorveljanza u s-salvagwardji jiġu applikati għall-importazzjonijiet mill-Ukrajna. It-tieni, l-Unjoni b’hekk ma setgħetx tonqos mid-dmir tagħha li tipproteġi d-drittijiet fundamentali taħt il-Karta għaliex il-protezzjoni ta’ kwalunkwe drittijiet fundamentali inkwistjoni (fejn meħtieġ) tibqa’ possibbli b’mezzi oħra. It-tielet, fir-rigward tat-trattament mhux ugwali ta’ importaturi jew utenti ta’ prodotti li joriġinaw fl-Ukrajna (meta mqabbel ma’ dak ta’ importaturi jew utenti ta’ prodotti li joriġinaw f’pajjiżi terzi oħra li mhumiex eżentati minn sorveljanza u salvagwardji), tali trattament inugwali jiġi applikat f’każijiet oħra fejn il-ftehimiet kummerċjali bilaterali tal-Unjoni jeżentaw l-importazzjonijiet minn miżuri ta’ salvagwardja u huwa eżerċizzju leġittimu (inkluż l-użu ta’ bażi legali xierqa) tal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni għall-fini ta’ integrazzjoni ekonomika eqreb.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Mhux applikabbli.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Minħabba s-sitwazzjoni ekonomika fl-Ukrajna, dan ir-Regolament propost huwa maħsub biex jipproteġi l-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq għall-importazzjonijiet mill-Ukraina billi jissospendi ċerti dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza u s-salvagwardji fir-Regolament (UE) 2015/478 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet.

2025/0056 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jissospendi ċerti partijiet tar-Regolament (UE) 2015/478 fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ prodotti Ukreni fl-Unjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja 5 ,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni) 6 jikkostitwixxi l-bażi tar-relazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukrajna. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE 7 , it-Titolu IV tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jirrigwarda l-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, daħal f’applikazzjoni provviżorja fl-1 ta’ Jannar 2016, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017, wara li ġie ratifikat mill-Istati Membri kollha.

(2)Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jsaħħaħ u jwessa’ r-relazzjonijiet tal-Partijiet b’mod ambizzjuż u innovattiv, bl-għan li jiffaċilita u jikseb integrazzjoni ekonomika gradwali; u jagħmel dan skont id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija tal-Partijiet fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(3)Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 Marzu 2015 8 jistabbilixxi regoli komuni għall-importazzjonijiet li joriġinaw fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi terzi, inkluża l-Ukrajna. Fih ukoll dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza u l-miżuri ta’ salvagwardja.

(4)L-invażjoni fuq skala sħiħa mhux ipprovokata u mhux ġustifikata mir-Russja fuq l-Ukrajna, mill-24 Frar 2022, kellha impatt profondament negattiv fuq il-kapaċità tal-Ukrajna li tinnegozja mal-bqija tad-dinja. Dan kien il-każ għall-ħadid u l-azzar, pereżempju, minħabba l-okkupazzjoni jew il-qerda tal-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-ħadid u tal-azzar. Dan kien ukoll il-każ għal partijiet oħra tal-ekonomija Ukrena.

(5)F’dawn iċ-ċirkostanzi u sabiex jittaffa l-impatt ekonomiku negattiv tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa xieraq, għall-benefiċċju tal-Ukrajna, li l-importazzjonijiet tal-Unjoni li joriġinaw mill-Ukrajna jiġu eżentati mill-miżuri ta’ sorveljanza u ta’ salvagwardja tal-Unjoni. Għal dan l-għan, jeħtieġ li jiġu sospiżi bosta dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2015/478 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet mill-Ukrajna.

(6)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tissospendi temporanjament l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ prodott speċifiku permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 . It-tul ta’ żmien ta’ tali sospensjoni jenħtieġ li jkun twil biżżejjed biex jippermetti lill-Kummissjoni tagħmel proposta; u li l-Parlament u l-Kunsill jadottaw Regolament li jissospendi, jemenda jew itemm dan ir-Regolament.

(7)Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għal tliet snin u l-applikazzjoni tiegħu jenħtieġ li tiġġedded b’mod taċitu għal perjodi oħra ta’ tliet snin sakemm u sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni tliet xhur qabel id-data ta’ skadenza.

(8)Fid-dawl tal-iskadenza li ġejja fil-5 ta’ Ġunju 2025 tar-Regolament (UE) 2024/1392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 , li jipprovdi, fost affarijiet oħra, għal effetti ekwivalenti għall-effetti ta’ dan ir-Regolament, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju 2025,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ

L-applikazzjoni tal-Artikolu 2, l-Artikoli 4 sa 7, l-Artikoli 9 sa 17 u l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament (UE) 2015/478 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet għandha tiġi sospiża fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni li joriġinaw fl-Ukrajna.

Artikolu 2
Sospensjoni temporanja

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tissospendi l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ prodott speċifiku għal perjodu li fil-prinċipju ma għandux jaqbeż it-tnax-il xahar, jekk l-importazzjonijiet ta’ dan il-prodott li joriġina fl-Ukrajna jiżdiedu għal livell li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għad-dannu serju jew għat-theddida ta’ dannu serju lil industrija tal-Unjoni li tipproduċi l-prodott simili jew li jikkompeti direttament. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 3(2).

Artikolu 3

Proċedura ta’ kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar is-Salvagwardji fir-rigward tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju 2025.

Għandu japplika għal perijodu inizjali ta’ tliet snin.

L-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi suċċessivi ta’ tliet snin, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President


DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦAL PROPOSTI LI GĦANDHOM IMPATT FUQ IL-BAĠIT LIMITAT B’MOD ESKLUSSIV GĦAN-NAĦA TAD-DĦUL

1.ISEM IL-PROPOSTA:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jissospendi ċerti partijiet tar-Regolament (UE) 2015/478 fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ prodotti Ukreni fl-Unjoni Ewropea

2.LINJI BAĠITARJI:

Il-Kapitolu 12, l-Artikolu 120.

3.IMPATT FINANZJARJU

   Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja

   Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul – l-effett huwa kif ġej:

Linja baġitarja

Dħul 

Perjodu: parti minn 2024 - parti minn 2025 *

(miljuni ta’ EUR għal pożizzjoni deċimali waħda)

Il-Kapitolu 12, l-Artikolu 120

Impatt fuq ir-riżorsi proprji

Mhux applikabbli

Totali

* Perjodu ta’ sena mid-dħul fis-seħħ tar-regolament

4.MIŻURI KONTRA L-FRODI

Sabiex tiġi evitata l-frodi, l-intitolament għall-miżuri kummerċjali stabbiliti mir-Regolament propost jenħtieġ li jkun kundizzjonali fuq (i) l-konformità tal-Ukrajna mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha għall-kisba tal-benefiċċji taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (inklużi r-regoli tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati u l-proċeduri relatati magħhom); u (ii) l-involviment tal-Ukrajna f’kooperazzjoni amministrattiva mill-qrib mal-Unjoni (kif previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni).

(1)    Ir-Regolament (UE) 2022/870 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li tissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 103).
(2)    Ir-Regolament (UE) 2023/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li jissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 144, 5.6.2023, p. 1).
(3)    Ir-Regolament (UE) 2024/1392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1392/oj .
(4)    Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).
(5)    Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew (li għadha ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea) u l-pożizzjoni tal-Kunsill (li għadha ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea).
(6)    ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.
(7)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE tat-23 ta’ Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-Titolu III (bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trattament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-Parti l-oħra) u t-Titoli IV, V, VI u VII tiegħu, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli relatati (ĠU L 278, 20.9.2014, p. 1).
(8)    Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).
(9)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(10)    Ir-Regolament (UE) 2024/1392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1392/oj .