Brussell, 13.3.2025

COM(2025) 103 final

2025/0053(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Italja tapplika, f’żoni ġeografiċi determinati, rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq il-gażojl u l-gass likwifikat miż-żejt użati għal skopijiet ta’ tisħin f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Fl-Unjoni, it-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku hija regolata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 1 (id-“Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija” jew id-“Direttiva”).

Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza li kwalunkwe Stat Membru jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni għal kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

Bis-saħħa tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/814 tas-17 ta’ Mejju 2019 2 , l-Italja, f’ċerti żoni ġeografiċi partikolarment żvantaġġati, diġà ġiet awtorizzata tapplika rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq il-gażojl u l-gass likwifikat miż-żejt (LPG) użati għal skopijiet ta’ tisħin biex parzjalment ipaċu l-kostijiet tat-tisħin għoljin tar-residenti f’tali żoni ġeografiċi.

L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li testendi dik l-awtorizzazzjoni kif mitlub mill-Italja, minħabba li d-deroga attwali skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2024.

Il-kostijiet tat-tisħin huma għoljin minħabba l-kundizzjonijiet severi ħafna tal-klima jew minħabba l-kundizzjonijiet severi tal-klima jew l-insularità ta’ dawn iż-żoni flimkien mad-diffikultajiet fl-akkwist tal-fjuwil. It-tnaqqis tat-taxxa huwa applikabbli f’żoni ġeografiċi li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin: Skont l-Artikolu 8(10) tal-Liġi Taljana Nru 448/1998, il-vantaġġ japplika għal provvisti tal-fjuwils inkwistjoni (il-gażojl u l-LPG) użati f’muniċipalitajiet:    klassifikati fiż-żona klimatika F (l-aktar kundizzjonijiet klimatiċi severi fit-territorju Taljan), kif imsemmi fid-Digriet Presidenzjali Nru 412 tas-26 ta’ Awwissu 1993;    li m’għandhomx netwerk tal-provvista tal-gass u li huma klassifikati fiż-żona klimatika E, kif imsemmi fid-Digriet Presidenzjali Nru 412/1993 imsemmi hawn fuq. F’dan il-każ, kif previst fil-punt 4) tal-Artikolu 8(10)(c) tal-Liġi Nru 448/1998, il-vantaġġ jiġi rtirat malli muniċipalità tiġi konnessa man-netwerk tal-provvista tal-gass 3 . fir-reġjun ta’ Sardenja u l-gżejjer iż-żgħar, sakemm ma jkunx sar disponibbli n-netwerk tal-gass naturali fil-muniċipalitajiet ikkonċernati. Din il-parti tar-reġimi tkopri l-gżejjer Taljani kollha ħlief lil Sqallija.

Permezz ta’ ittra datata l-24 ta’ April 2024, l-awtoritajiet Taljani għarrfu lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jtawlu l-miżura attwali sal-31 ta’ Diċembru 2030. L-awtoritajiet Taljani pprovdew informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittri datati t-12 ta’ Settembru u l-21 ta’ Novembru 2024.

Il-perjodu ta’ validità mitlub inizjalment kien mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2030, li ma jaqbiżx il-perjodu massimu permess bl-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Wara diskussjonijiet bejn l-awtoritajiet Taljani u l-Kummissjoni, b’mod partikolari fid-dawl tar-reviżjoni proposta tad-Direttiva 2003/96/KE 4 , intlaħaq qbil dwar il-31 ta’ Diċembru 2028 bħala data ta’ terminazzjoni aktar bikrija.

It-tnaqqis mitlub huwa l-istess bħat-tnaqqis previst fid-Deċiżjoni preċedenti u jammonta għal €122.56 għal kull 1,000 litru għall-gażojl użat bħala fjuwil għat-tisħin u għal €151.01 għal kull 1,000 kilogramma għal-LPG użat bħala fjuwil għat-tisħin 5 . Il-vantaġġ tat-taxxa ma jistax jiġi kkombinat ma’ tnaqqis ieħor fid-dazju tas-sisa.

Skont l-awtoritajiet Taljani, id-differenzjazzjoni tat-taxxa hija bbażata fuq kriterji oġġettivi u hija maħsuba biex tiżgura kontinwità ġeografika mal-bqija tat-territorju Taljan, jiġifieri għandha l-għan li tqiegħed il-popolazzjoni taż-żoni eliġibbli fuq livell iktar komparabbli mal-bqija tal-popolazzjoni Taljana billi tnaqqas il-kostijiet tat-tisħin sproporzjonalment għoljin tagħhom.

L-ammont tat-tnaqqis tat-taxxa huwa l-istess għall-utenti kollha; għandu biss l-għan li jtaffi parzjalment il-kostijiet addizzjonali tat-tisħin għall-popolazzjoni taż-żoni eliġibbli, li jirriżultaw minn klima kiesħa jew minn diffikultajiet fl-akkwist tal-fjuwil.

Barra minn hekk, l-ispeċifiċità tal-gżejjer tikkonsisti fil-fatt li minħabba l-partikolaritajiet ġeografiċi tagħhom, il-provvista tal-fjuwil hija limitata ferm u dan iwassal biex il-fjuwil ikun ogħla minn dak fl-Italja kontinentali minħabba kostijiet addizzjonali tat-trasport. It-tnaqqis tat-taxxa ma jirriżultax f’kumpens żejjed u ma jniżżilx il-prezzijiet tal-LPG u tal-gażojl iktar ’l isfel minn dawk fl-Italja kontinentali. Fir-rigward tal-applikazzjoni tas-sussidju fil-gżejjer iż-żgħar, fil-postijiet inkwistjoni l-katina tal-loġistika hija inevitabbilment aktar għolja minn dik fl-Italja kontinentali. Il-kostijiet ogħla jirriżultaw min-nuqqas ta’ loġistika primarja, li twassal għal kostijiet ta’ distribuzzjoni ogħla. Il-kostijiet ogħla huma wkoll dovuti għal aċċess bit-triq li jkun ta’ spiss problematiku, għal kostijiet tal-fjuwil tal-vetturi bil-mutur ogħla minn dawk kontinentali, kif ukoll għal kostijiet tat-trasport għall-aċċess tal-gżejjer iż-żgħar u għall-kwantitajiet limitati ta’ provvisti individwali.

L-awtoritajiet Taljani nnutaw li, bħala medja, mill-2019 sal-2023 it-tnaqqis fit-taxxa kien ekwivalenti għal 9% tal-prezz tal-gażojl użat għal skopijiet ta’ tisħin u 13% tal-prezz tal-LPG użat għall-istess skop.

Fir-rigward tal-kostijiet addizzjonali tat-trasport imġarrbin fiż-żoni żvantaġġati koperti mill-miżura (żoni muntanjużi, Sardinja, u gżejjer żgħar) meta mqabbla ma’ partijiet oħra tal-pajjiż, huwa stmat li l-kostijiet tat-trasport huma madwar 120% ogħla milli f’partijiet oħrajn tal-Italja. Dan huwa l-każ għax biex jintlaħqu ż-żoni aktar remoti jintużaw rotot itwal (u aktar ikkumplikati) u, barra minn hekk, ikun hemm bżonn li jintużaw mezzi iżgħar ta’ trasport. Iċ-ċifra mogħtija hawn fuq hija medja li tqis ukoll l-ispejjeż addizzjonali potenzjali għall-forniment lil Sardenja u lill-gżejjer żgħar bil-baħar.

Fiż-żoni eliġibbli għat-tnaqqis, huwa stmat li n-nefqa fuq l-LPG użat għat-tisħin hija madwar 90% ogħla fiż-żona klimatika E u 170% ogħla fiż-żona klimatika F.

Meta jitqiesu dawn il-fatturi kollha, fiż-żoni klimatiċi E u F u f’Sardinja u fil-gżejjer iż-żgħar, il-kost tal-gażojl u tal-LPG użati għat-tisħin bħalissa qiegħed 10% inqas bħala medja milli kien ikun mingħajr it-tnaqqis.

Fir-rigward tal-għadd ta’ benefiċjarji tal-miżura, huwa stmat li l-għadd ta’ benefiċjarji potenzjali bħalissa huwa 3,961,546 unità domestika.

L-infiq baġitarju fis-sena tal-miżura huwa ta’ madwar €142.8 miljun.

Dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija

L-Artikolu 19(1), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva jgħid dan li ġej:

Flimkien ma’ dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli ta’ qabel, b’mod partikolari l-Artikolu 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq xi proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi iktar eżenzjonijiet u tnaqqis għall-konsiderazzjonijiet politiki speċifiċi.

Il-possibbiltà li jiddaħħal trattament favorevoli ta’ taxxa fuq il-gażojl u l-LPG użati għal skopijiet ta’ tisħin f’xi żoni ġeografiċi żvantaġġjati tista’ tkun prevista skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva minħabba li l-għan tagħha huwa li tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu eżenzjonijiet jew tnaqqis ulterjuri għal kunsiderazzjonijiet speċifiċi tal-politika.

L-Italja talbet li l-miżura tapplika għall-perjodu massimu permess skont l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva, jiġifieri 6 snin (mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2030). Fil-prinċipju, il-perjodu tal-applikazzjoni tad-deroga jenħtieġ li jkun twil biżżejjed biex jipprovdi liż-żoni ġeografiċi kkonċernati bi grad suffiċjenti ta’ ċertezza.

Wara diskussjonijiet bejn l-awtoritajiet Taljani u l-Kummissjoni, b’mod partikolari fid-dawl tar-reviżjoni proposta tad-Direttiva 2003/96/KE, intlaħaq qbil dwar il-31 ta’ Diċembru 2028 bħala data ta’ terminazzjoni aktar bikrija. Meta wieħed iqis il-probabbiltà li l-arranġament attwali ma jħallix impatt negattiv fuq il-kummerċ intra-UE u fuq il-livell ġenerali tat-tassazzjoni tal-karburanti fl-Italja, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għaż-żoni ġeografiċi kkonċernati, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata għal 4 snin, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2028. Barra minn dan, biex ma jiddgħajfux l-iżviluppi ġenerali futuri tal-qafas legali eżistenti, jixraq li jiġi stipulat li jekk il-Kunsill, li jkun qed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija li għalihom ma tkunx tista’ tiġi adattata din l-awtorizzazzjoni, din id-Deċiżjoni għandha tiskadi dakinhar li jibdew japplikaw dawk ir-regoli modifikati.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, jidher xieraq li tingħata l-awtorizzazzjoni għall-perjodu msemmi hawn fuq.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Kull talba għal deroga skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija trid tiġi eżaminata mill-Kummissjoni filwaqt li tqis il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta, u l-politiki tal-UE dwar is-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

Id-differenzjazzjoni tat-taxxa ttaffi parzjalment il-kostijiet addizzjonali għat-tisħin imġarrba miċ-ċittadini f’ċerti żoni ġeografiċi tal-Italja li huma partikolarment żvantaġġati meta mqabbla mal-bqija tat-territorju u li għalihom, għalhekk, ir-rati standard tat-taxxa applikabbli għal-LPG u l-gażojl użati għal skopijiet ta’ tisħin twassal għal piż tat-taxxa eċċessiv. L-iżvantaġġ ġeografiku jwassal għal kostijiet addizzjonali tat-tisħin minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi severi jew l-insularità ta’ dawn iż-żoni, flimkien man-nuqqas ta’ disponibilità ta’ riżorsi alternattivi għat-tisħin, b’mod partikolari nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ aċċess għan-netwerk tal-gass naturali. Ir-rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni kemm għall-gażojl kif ukoll għal-LPG tibqa’ ogħla mil-livelli minimi ta’ tassazzjoni tal-UE stabbiliti fid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija u ttaffi l-kostijiet addizzjonali għat-tisħin fiż-żona ġeografika inkwistjoni b’mod parzjali biss.

B’hekk jista’ jiġi kkunsidrat li t-tnaqqis huwa kompatibbli mal-mira li jingħata inċentiv tat-taxxa għall-fini tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Ma nstabx li l-miżura mhijiex kompatibbli mal-politiki rilevanti tal-UE dwar l-ambjent u l-enerġija.

Barra minn hekk, il-miżura hija aċċettabbli mill-aspett tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-ħtieġa li tkun żgurata kompetizzjoni ġusta. Il-miżura tipprova biss ittaffi parzjalment il-kostijiet addizzjonali tat-tisħin assoċjati mal-kundizzjonijiet oġġettivi taż-żoni kkonċernati. It-tnaqqis tat-taxxa ma huwa kumulattiv mal-ebda tip ieħor ta’ tnaqqis tat-taxxa u ma japplikax għal użu ieħor tal-fjuwils tat-tisħin ħlief għat-tisħin tal-post.

Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

Il-miżura tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat f’konformità mal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Minħabba li r-rati mnaqqsin huma ogħla mill-valuri minimi tal-UE, jidher li l-miżura taqa’ taħt l-Artikolu 44 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014, li jistipula l-kundizzjonijiet li bihom l-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi skont id-Direttiva 2003/96/KE tista’ tiġi eżentata mir-rekwiżiti tan-notifika tal-għajnuna mill-Istat. Madankollu, ma jistax jiġi stabbilit f’dan l-istadju jekk il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament humiex issodisfati u jekk il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tippreġudikax l-obbligu tal-Istat Membru li jiżgura l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari, f’każ ta’ għajnuna eżentata, li taqa’ taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 651/2014. Il-proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill hija wkoll mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istat Membru li jinnotifika l-għajnuna lill-Kummissjoni qabel ma jimplimentaha, skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, jekk l-għajnuna l-ġdida ma tkunx koperta minn eżenzjoni ta’ kategorija.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ, U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-qasam tat-tassazzjoni indiretta kopert mill-Artikolu 113 tat-TFUE fih innifsu ma jaqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tat-TFUE.

Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill ingħata kompetenza esklużiva, bħala kwistjoni ta’ liġi sekondarja, biex jawtorizza lil Stat Membru jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu post il-Kunsill. B’riżultat ta’ dan, il-prinċipju tas-sussidjarjetà mhuwiex applikabbli għal din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. F'kull każ, peress li dan l-att mhuwiex abbozz ta’ att leġiżlattiv, ma jenħtieġx li jiġi trażmess lill-Parlamenti nazzjonali skont il-Protokoll Nru 2 tat-Trattati għal rieżami tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. It-tnaqqis tat-taxxa ma jaqbiżx dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi inkwistjoni. It-tnaqqis tat-taxxa huwa applikabbli f’żoni ġeografiċi determinati. Ir-rati tat-taxxa awtorizzati huma ogħla mil-livelli minimi tat-tassazzjoni stipulati bid-Direttiva.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE jipprevedi din it-tip ta’ miżura biss.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-miżura ma teħtieġx l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Din il-proposta hija bbażata fuq talba magħmula mill-Italja u tirrigwarda biss lil dan l-Istat Membru. Għalhekk, ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-miżura ma tipprevedix simplifikazzjoni. Din hija r-riżultat ta’ talba li għamlet l-Italja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

Drittijiet fundamentali

Il-miżura ma tħalli l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-miżura ma tinvolvi ebda piż finanzjarju jew amministrattiv għall-Unjoni. Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, u r-rapportar

Ma huwa meħtieġ l-ebda pjan ta’ implimentazzjoni. Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni għal tnaqqis tat-taxxa mogħtija lil Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess. Din hija pprovduta għal perjodu limitat sal-31 ta’ Diċembru 2028. Ir-rati tat-taxxa li se japplikaw iridu jkunu f’konformità mal-livelli minimi ta’ tassazzjoni stabbilit bid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Il-miżura tista’ tiġi evalwata f’każ li jintalab tiġdid wara li l-perjodu ta’ validità jkun skada.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Il-proposta ma tirrikjedix dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jipprevedi li l-Italja se titħalla tapplika rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq il-gażojl u l-LPG użati għal raġunijiet ta’ tisħin f’ċerti żoni ġeografikament żvantaġġati. Ir-rati tat-taxxa jridu jkunu konformi mal-livelli minimi tat-tassazzjoni stipulati fid-Direttiva.

L-Artikolu 2 jistabbilixxi li l-eliġibbiltà ta’ xi wħud miż-żoni ġeografiċi kkonċernati għandha tkun soġġetta għan-nuqqas ta’ disponibbiltà tan-network tal-gass naturali fil-muniċipalitajiet ikkonċernati.

L-Artikolu 3 jipprevedi li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025, f’kontinwità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2019/814 attwali, sal-31 ta’ Diċembru 2028, fil-perjodu massimu permess bid-Direttiva.

2025/0053 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Italja tapplika, f’żoni ġeografiċi determinati, rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq il-gażojl u l-gass likwifikat miż-żejt użati għal skopijiet ta’ tisħin f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 6 , u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Bis-saħħa tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/814 7 , l-Italja ġiet awtorizzata tapplika, f’ċerti żoni ġeografiċi partikolarment żvantaġġati, rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq il-gażojl u l-gass likwifikat miż-żejt (LPG) użati għat-tisħin. L-awtorizzazzjoni ngħatat sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(2)B’ittra datata l-24 ta’ April 2024, l-Italja talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika, f’ċerti żoni ġeografiċi partikolarment żvantaġġati, rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq il-gażojl u l-LPG użati għat-tisħin. L-awtoritajiet Taljani pprovdew informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittri datati t-12 ta’ Settembru 2024 u l-21 ta’ Novembru 2024. L-awtorizzazzjoni tirrigwarda l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2028.

(3)L-Italja għandha territorju li jvarja ħafna, b’kundizzjonijiet klimatiċi u ġeografiċi varjabbli. L-Italja qieset il-partikolaritajiet tat-territorju tagħha u introduċiet rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq il-gażojl u l-LPG bil-ħsieb li tpaċi parzjalment il-kostijiet sproporzjonalment għoljin tat-tisħin għar-residenti f’ċerti żoni ġeografiċi.

(4)Id-differenzjazzjoni fit-taxxa hija bbażata fuq kriterji oġġettivi u għandha l-għan li tqiegħed il-popolazzjoni taż-żoni eliġibbli fuq bażi ekonomika aktar komparabbli mal-bqija tal-popolazzjoni tal-Italja permezz tat-tnaqqis tal-kostijiet sproporzjonalment għoljin tat-tisħin tagħhom, li huma dovuti għal kundizzjonijiet klimatiċi severi jew għal kostijiet ogħla għax-xiri tal-fjuwil meta mqabbel mal-bqija tat-territorju Taljan.

(5)Ir-rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni huma applikabbli f’żoni ġeografiċi li jissodisfaw wieħed mill-kriterji li ġejjin: (a) kondizzjonijiet klimatiċi l-aktar severi fit-territorju Taljan, jiġifieri muniċipalitajiet li qegħdin fiż-żona F kif definita fid-Digriet Presidenzjali Nru 412 tas-26 ta’ Awwissu 1993 8 ; (b) kondizzjonijiet klimatiċi severi flimkien ma’ diffikultajiet fl-akkwist tal-fjuwil, jiġifieri muniċipalitajiet li qegħdin fiż-żona E kif definita fid-Digriet Presidenzjali Nru 412 tas-26 ta’ Awwissu 1993; u (c) iżolament ġeografiku flimkien ma’ akkwist tal-fjuwil għali u diffikultuż, jiġifieri Sardinja u l-gżejjer żgħar. Ir-rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni jenħtieġ li jiġu applikati biss sa meta jitlesta n-netwerk tal-gass naturali fil-muniċipalitajiet ikkonċernati.

(6)Il-miżura mitluba ġiet rieżaminata mill-Kummissjoni u nstab li ma tikkawżax distorsjoni tal-kompetizzjoni u lanqas ittellef il-funzjonament tas-suq intern, u ma titqiesx inkompatibbli mal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent, l-enerġija u t-trasport. Ir-rati mnaqqsa tat-tassazzjoni kemm għall-gażojl kif ukoll għal-LPG jibqgħu ogħla mil-livelli minimi tat-tassazzjoni tal-UE stabbiliti fid-Direttiva 2003/96/KE u jtaffu b’mod parzjali biss il-kostijiet addizzjonali għat-tisħin fiż-żoni ġeografiċi kkonċernati.

(7)Għalhekk, jenħtieġ li l-Italja tiġi awtorizzata, skont l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, tapplika f’żoni ġeografiċi determinati rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq il-gażojl u l-LPG użati għal skopijiet ta’ tisħin.

(8)Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-Italja tkun tista’ tapplika t-tnaqqis speċifiku relatat ma’ din id-Deċiżjoni mill-1 ta’ Jannar 2025, bla ebda xkiel abbażi tal-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/814. Jenħtieġ għalhekk li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025.

(9)F’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt dik id-dispożizzjoni għandu jkollha żmien limitat.

(10)Sabiex żoni ġeografiċi kkonċernati ikollhom livell suffiċjenti ta’ ċertezza, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tingħata għal perjodu ta’ 4 snin. Madankollu, biex ma jiddgħajfux l-iżviluppi ġenerali futuri tal-qafas legali eżistenti, jixraq li jiġi stipulat li jekk il-Kunsill, li jkun qed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija li għalihom ma tkunx tista’ tiġi adattata din l-awtorizzazzjoni, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tiskadi fid-data meta ssir applikabbli dik is-sistema.

(11)Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1. L-Italja hija b’dan awtorizzata tapplika rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq il-gażojl u l-LPG użati għal skopijiet ta’ tisħin fiż-żoni ġeografikament żvantaġġati li ġejjin:

(a) il-muniċipalitajiet li qegħdin fiż-żona klimatika F kif stabbilit bid-Digriet Presidenzjali Nru 412 tas-26 ta’ Awwissu 1993;

(b) il-muniċipalitajiet li qegħdin fiż-żona klimatika E kif stabbilit bid-Digriet Presidenzjali Nru 412 tas-26 ta’ Awwissu 1993;

(c) il-muniċipalitajiet li qegħdin fuq il-gżira ta’ Sardenja u fuq gżejjer żgħar, jiġifieri l-gżejjer Taljani kollha ħlief Sqallija.

2. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe kumpens żejjed, it-tnaqqis ma għandux jeċċedi l-kostijiet addizzjonali tat-tisħin fiż-żoni kkonċernati. Fil-każ partikolari taż-żoni koperti mill-paragrafu 1, il-punt (c), it-tnaqqis tat-taxxa m’għandux irendi l-prezz orħos mill-prezz tal-istess fjuwil fl-Italja kontinentali.

3. Ir-rati mnaqqsa għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2003/96/KE, u b’mod partikolari mal-livelli minimi tat-tassazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 9 ta’ dik id-Direttiva.

Artikolu 2

L-eliġibbiltà taż-żoni ġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (b) u (c), għandha tkun subordinata għan-nuqqas ta’ disponibbiltà tan-netwerk tal-gass naturali fil-muniċipalitajiet ikkonċernati.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2028.

Madankollu, jekk il-Kunsill li jkun qiegħed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija li għalihom l-awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni ma tkunx adattata, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum li fih dik is-sistema ssir applikabbli.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51–70.
(2)    ĠU L 133, 21.5.2019, p. 20–22.
(3)    L-għadd tal-muniċipalitajiet li m’għandhomx network tad-distribuzzjoni tal-gass li jaqgħu fiż-żona klimatika E diġà tnaqqas b’mod konsiderevoli (minn 608 muniċipalitajiet għal 260) peress li n-network tal-gass naturali ġie estiż iżda dan il-proċess jista’ jitqies li fil-biċċa l-kbira tlesta peress li qed ikun partikolarment diffiċli jew mhux fattibbli li ssir estensjoni ulterjuri f’ċerti partijiet tat-territorju, anke fir-rigward tal-kostijiet involuti.
(4)

   COM/2021/563 finali: Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li tirriforma l-istruttura tal-Unjoni

dwar tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku (riformulazzjoni).

(5)    Ir-rata standard tad-dazju tas-sisa applikabbli bħalissa hija ta’ €0.40321391 għal kull litru għall-gażojl u €0.18994458 għal kull kilogramma għal-LPG
(6)    ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51 (ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/96/oj).
(7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/814 tas-17 ta’ Mejju 2019 li tawtorizza lill-Italja tapplika, f’żoni ġeografiċi determinati, rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq il-gażojl u l-gass likwifikat miż-żejt użati għal skopijiet ta’ tisħin f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 133, 21.5.2019, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/814/oj).
(8)    Id-Digriet Presidenzjali Nru 412 tas-26 ta’ Awwissu 1993 jaqsam it-territorju Taljan f’sitt żoni klimatiċi (minn A sa F). Il-klassifikazzjoni hija bbażata fuq l-unità “gradi kull jum” li tirrappreżenta l-ammont ta’ jiem kull sena meta t-temperatura ta’ barra ma tkunx it-temperatura ottimali ta’ 20 °C u b’hekk ikun meħtieġ it-tisħin.