Brussell, 26.2.2025

COM(2025) 80 final

2025/0044(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi (UE) 2022/2464 u (UE) 2024/1760 fir-rigward tad-dati minn meta l-Istati Membri għandhom japplikaw ċerti rekwiżiti ta’ rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà u d-diliġenza dovuta

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2025) 80 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Kuntest ġenerali u objettivi

Fir-rapport tiegħu “The Future of European Competitiveness”, (Il-Futur tal-Kompetittività Ewropea) Mario Draghi enfasizza l-ħtieġa li l-Ewropa toħloq xenarju regolatorju li jiffaċilita l-kompetittività u r-reżiljenza, fejn ġibed l-attenzjoni għall-piż u l-kostijiet ta’ konformità maħluqa mid-Direttiva dwar ir-Rapportar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD, Corporate Sustainability Reporting Directive) u d-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva (CSDDD, Corporate Sustainability Due Diligence Directive) 1 . Fid-Dikjarazzjoni ta’ Budapest dwar il-Patt Ġdid dwar il-Kompetittività Ewropea, il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE appellaw għal “rivoluzzjoni ta’ simplifikazzjoni, li tiżgura qafas regolatorju ċar, sempliċi u għaqli għan-negozji u li tnaqqas drastikament il-piżijiet amministrattivi, regolatorji u ta’ rapportar, b’mod partikolari għall-SMEs”.  2 Huma appellaw lill-Kummissjoni biex tfassal proposti konkreti biex tnaqqas ir-rekwiżiti ta’ rapportar b’mill-inqas 25 % fl-ewwel nofs tal-2025.

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Boxxla għall-Kompetittività tal-UE, il-Kummissjoni kkonfermat li se tipproponi l-ewwel “Pakkett Omnibus dwar is-Simplifikazzjoni” li jkun jinkludi simplifikazzjoni estensiva fl-oqsma tar-rapportar dwar il-finanzi sostenibbli, id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà u t-tassonomija. 3  Fil-Komunikazzjoni tagħha bit-titolu “Ewropa aktar sempliċi u rapida: Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni u s-simplifikazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet aġenda ta’ implimentazzjoni u simplifikazzjoni li twassal għal titjib rapidu u viżibbli għan-nies u n-negozji fil-prattika, li tirrikjedi aktar minn approċċ inkrementali u enfasizzat il-ħtieġa għal azzjoni kuraġġuża biex jiġu razzjonalizzati u ssimplifikati r-regoli tal-UE, ir-regoli nazzjonali u dawk reġjonali. 4

Is-CSRD daħlet fis-seħħ fil-5 ta’ Jannar 2023. 5 Din saħħet u mmodernizzat ir-rekwiżiti ta’ rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà permezz ta’ modifiki għad-Direttiva dwar il-Kontabilità, id-Direttiva dwar it-Trasparenza, id-Direttiva dwar l-Awditjar u r-Regolament dwar l-Awditjar. 6  Is-CSRD hija element importanti tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli. 7 Għandha l-għan li tiżgura li l-investituri jkollhom l-informazzjoni li jeħtieġu biex jifhmu u jimmaniġġjaw ir-riskji li d-destinatarji ta’ investiment huma esposti għalihom, mit-tibdil fil-klima u kwistjonijiet oħra ta’ sostenibbiltà. Għandha wkoll l-għan li tiżgura li l-investituri u partijiet ikkonċernati oħra jkollhom l-informazzjoni li jeħtieġu dwar l-impatti tal-kumpaniji fuq in-nies u l-ambjent. B’hekk tikkontribwixxi għall-istabbiltà finanzjarja u l-integrità ambjentali. Din hija kundizzjoni neċessarja biex ir-riżorsi finanzjarji jgħaddu għand kumpaniji li jsegwu għanijiet ta’ sostenibbiltà u toħloq aktar responsabbiltà u trasparenza lejn il-partijiet ikkonċernati kollha fir-rigward tal-prestazzjoni tas-sostenibbiltà tal-kumpaniji.

Il-CSDDD ġiet adottata fit-13 ta’ Ġunju 2024. L-objettiv tagħha huwa li tikkontribwixxi għall-ambizzjoni usa’ tal-Unjoni Ewropea għat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u newtrali għall-klima kif deskritt fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan jirrikjedi li l-kumpaniji jidentifikaw u jindirizzaw l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent fl-operazzjonijiet tagħhom stess, dawk tas-sussidjarji tagħhom u l-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom.

Is-CSRD u s-CSDDD issa qed jiġu implimentati f’kuntest ġdid u diffiċli. Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna żiedet il-prezzijiet tal-enerġija għall-impriżi tal-UE. It-tensjonijiet kummerċjali qed jiżdiedu hekk kif ix-xenarju ġeopolitiku qed ikompli jinbidel. L-approċċ differenti meħud minn xi ġuriżdizzjonijiet ewlenin oħra fir-rigward tar-regolamentazzjoni tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà u d-diliġenza dovuta jqajjem mistoqsijiet dwar l-effetti ta’ dawn il-liġijiet fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-kumpaniji tal-UE. L-abbiltà tal-Unjoni li tippreserva u tipproteġi l-valuri tagħha tiddependi fost affarijiet oħra fuq il-kapaċità tal-ekonomija tagħha li tadatta u tikkompeti f’kuntest ġeopolitiku instabbli u xi drabi ostili.

Għalhekk, din il-proposta tipposponi d-dħul fis-seħħ tas-CSDDD u ta’ ċerti dispożizzjonijiet tas-CSRD.

Il-kuntest u l-objettivi speċifiċi ta’ din il-proposta fir-rigward tas-CSRD

Is-CSRD bħalissa tapplika għal impriżi kbar, SMEs b’titoli elenkati fis-swieq regolati tal-UE, impriżi omm ta’ gruppi kbar, kif ukoll emittenti li jappartjenu għal dawn il-kategoriji ta’ impriżi. Id-dħul fis-seħħ tar-rekwiżiti ta’ rapportar introdotti mis-CSRD jiddaħħal gradwalment skont kategoriji differenti ta’ impriżi. Fl-ewwel mewġa, entitajiet ta’ interess pubbliku kbar b’aktar minn 500 impjegat iridu għall-ewwel darba fl-2025 jipprovdu rapport għas-sena finanzjarja 2024. 8 Fit-tieni mewġa, l-impriżi kbar l-oħra fl-2026 iridu jipprovdu rapport għas-sena finanzjarja 2025 9 . Fit-tielet mewġa, l-SMEs b’titoli elenkati fis-swieq regolati tal-UE jridu jipprovdu rapport fl-2027 għas-sena finanzjarja 2026, għalkemm għandhom il-possibbiltà li ma jipparteċipawx fir-rapportar għas-snin finanzjarji 2026 u 2027 10 . Fir-raba’ mewġa, ċerti impriżi mhux tal-UE li għandhom negozju fit-territorju tal-Unjoni li jaqbeż ċerti livelli limiti jridu jipprovdu rapport fl-2029 għas-sena finanzjarja 2028. 11  

Is-CSRD tirrikjedi li l-impriżi fil-kamp ta’ applikazzjoni jirrapportaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà skont l-Istandards Ewropej tar-Rapportar dwar is-Sostenibbiltà (ESRS, European Sustainability Reporting Standards) obbligatorji u tirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta tali standards permezz ta’ atti delegati. F’Lulju 2023, il-Kummissjoni adottat l-ewwel sett ta’ ESRS li huma anjostiċi għas-settur, li jfisser li għandhom jiġu applikati mill-impriżi kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni indipendentement mis-settur tal-ekonomija li fih topera l-impriża. 12 Is-CSRD tirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tadotta standards ta’ rapportar speċifiċi għas-settur, u l-ewwel sett ta’ standards bħal dawn għandu jiġi adottat sa Ġunju 2026. Is-CSRD tippermetti lill-SMEs elenkati jirrapportaw bl-użu ta’ sett separat u eħfef u proporzjonat ta’ standards minflok is-sett sħiħ tal-ESRS.

Fuq talba tal-Kummissjoni, l-EFRAG ippreżenta standard tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-użu volontarju minn SMEs li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar (l-istandard tal-VSME) 13 . L-objettiv tal-istandard tal-VSME huwa li jipprovdi lill-SMEs b’għodda sempliċi u rikonoxxuta b’mod wiesa’ li permezz tagħha jkunu jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar is-sostenibbiltà lill-banek, lill-kumpaniji kbar u lil partijiet ikkonċernati oħra li jistgħu jitolbu tali informazzjoni.

Aspetti importanti oħra tas-CSRD huma d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċertament u dwar ir-rapportar ta’ informazzjoni dwar il-katina tal-valur. L-impriżi jridu jippubblikaw l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom flimkien mal-opinjoni ta’ awditur statutorju jew, jekk l-Istati Membri jippermettu, fornitur indipendenti ta’ servizzi tal-aċċertament. Ir-rekwiżit attwali huwa għal aċċertament limitat u s-CSRD tipprevedi li fil-futur dan jista’ jsir rekwiżit għal aċċertament raġonevoli taħt ċerti kundizzjonijiet. 14 Is-CSRD tirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tadotta standards għall-aċċertament tas-sostenibbiltà permezz ta’ atti delegati.

Is-CSRD tirrikjedi li l-impriżi jirrapportaw informazzjoni dwar il-katina tal-valur sa fejn ikun meħtieġ biex jifhmu l-impatti, ir-riskji u l-opportunitajiet tagħhom relatati mas-sostenibbiltà. Is-CSRD tistabbilixxi l-hekk imsejjaħ limitu massimu tal-katina tal-valur, li jiddikjara li l-ESRS ma jistax ikun fih rekwiżiti ta’ rapportar li jirrikjedu li l-impriżi jiksbu informazzjoni mingħand l-SMEs fil-katina tal-valur tagħhom li teċċedi l-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata skont l-istandard proporzjonat għall-SMEs elenkati.

Din il-proposta għandha l-għan li tnaqqas il-piż tar-rapportar u li tillimita l-infitrazzjoni tal-obbligi fuq kumpaniji iżgħar. L-ewwel nett, il-proposta leġiżlattiva separata magħmula mill-Kummissjoni b’mod parallel ma’ din il-proposta tissimplifika l-qafas u tnaqqas il-piż bil-modi li ġejjin:

L-għadd ta’ impriżi soġġetti għal rekwiżiti obbligatorji ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà jitnaqqas b’madwar 80 %, u jitneħħew mill-kamp ta’ applikazzjoni impriżi kbar b’massimu ta’ 1000 impjegat (jiġifieri xi wħud mill-impriżi mit-tieni mewġa u xi wħud mill-impriżi mill-ewwel mewġa) u l-SMEs elenkati (jiġifieri l-impriżi kollha fit-tielet mewġa). Ir-rekwiżiti ta’ rapportar japplikaw biss għal impriżi kbar b’medja ta’ aktar minn 1000 impjegat (jiġifieri impriżi li għandhom aktar minn 1000 impjegat u fatturat ta’ aktar minn EUR 50 miljun jew karta tal-bilanċ ta’ aktar minn EUR 25 miljun). Dan il-livell limitu rivedut jallinja s-CSRD aktar mill-qrib mas-CSDDD 15 .

Għall-impriżi mhux soġġetti għal rekwiżiti obbligatorji ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà, il-Kummissjoni tipproponi standard proporzjonat għall-użu volontarju li jkun ibbażat fuq l-istandard tal-VSME żviluppat mill-EFRAG. Skont din il-proposta, il-Kummissjoni tadotta dan l-istandard volontarju bħala att delegat. Sadanittant, biex tindirizza d-domanda tas-suq, il-Kummissjoni biħsiebha toħroġ rakkomandazzjoni dwar ir-rapportar volontarju dwar is-sostenibbiltà mill-aktar fis, abbażi tal-istandard tal-VSME żviluppat mill-EFRAG.

Il-limitu massimu tal-katina tal-valur jiġi estiż u msaħħaħ. Dan japplika direttament għall-kumpanija li tirrapporta minflok ma jkun biss limitu fuq dak li l-ESRS jista’ jispeċifika. Dan jipproteġi l-impriżi kollha sa massimu ta’1000 impjegat, aktar milli sempliċiment l-SMEs, kif inhu l-każ bħalissa. U l-limitu jiġi definit mill-istandard volontarju adottat mill-Kummissjoni bħala att delegat, ibbażat fuq l-istandard tal-VSME żviluppat mill-EFRAG. Dan se jnaqqas b’mod sostanzjali l-effett ta’ infiltrazzjoni.

Ma jkun hemm l-ebda standard ta’ rapportar speċifiku għas-settur, u b’hekk tiġi evitata żieda fl-għadd ta’ punti ta’ data preskritti li l-impriżi jenħtieġ li jirrapportaw dwarhom.

Titneħħa l-possibbiltà ta’ bidla minn rekwiżit għal aċċertament limitat għal rekwiżit ta’ aċċertament raġonevoli. Din se tipprovdi ċarezza li mhux se jkun hemm żieda futura fil-kostijiet tal-aċċertament għall-impriżi fil-kamp ta’ applikazzjoni.

Minflok obbligu għall-Kummissjoni li tadotta standards għall-aċċertament tas-sostenibbiltà sal-2026, il-Kummissjoni se toħroġ linji gwida mmirati dwar l-aċċertament sal-2026. Dan se jippermetti lill-Kummissjoni tindirizza aktar malajr kwistjonijiet emerġenti fil-qasam tal-aċċertament tas-sostenibbiltà li jistgħu jkunu qed jiġġeneraw piż bla bżonn fuq l-impriżi li huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ rapportar.

Il-proposta tintroduċi reġim ta’ “inklużjoni fakultattiva” fejn impriżi kbar b’medja ta’ aktar minn 1000 impjegat (jiġifieri impriżi li għandhom aktar minn 1000 impjegat u fatturat ta’ aktar minn EUR 50 miljun jew karta bilanċjali ta’ aktar minn EUR 25 miljun) u b’fatturat nett li ma jaqbiżx l-EUR 450 miljun li jiddikjaraw li l-attivitajiet tagħhom huma allinjati jew parzjalment allinjati mat-Tassonomija tal-UE għandhom jiddivulgaw il-fatturat u l-KPIs tan-nefqa kapitali tagħhom u jistgħu jagħżlu li jiddivulgaw il-KPI tal-kostijiet operatorji tagħhom. Dan l-approċċ ta’ “inklużjoni fakultattiva” se jelimina kompletament il-kost tal-konformità mar-regoli ta’ rapportar tat-Tassonomija għal impriżi kbar b’medja ta’ aktar minn 1000 impjegat (jiġifieri impriżi li għandhom aktar minn 1000 impjegat u fatturat ta’ aktar minn EUR 50 miljun jew karta bilanċjali ta’ aktar minn EUR 25 miljun) u fatturat nett li ma jaqbiżx l-EUR 450 miljun li ma jiddikjarawx li l-attivitajiet tagħhom huma assoċjati ma’ attivitajiet ekonomiċi li jikkwalifikaw bħala ambjentalment sostenibbli skont ir-Regolament dwar it-Tassonomija. Barra minn hekk, din il-proposta tipprovdi aktar flessibbiltà billi tippermetti lil dawn l-impriżi jirrapportaw dwar attivitajiet li jissodisfaw ċerti kriterji tekniċi ta’ skrinjar tat-Tassonomija mingħajr ma jissodisfawhom kollha. Tali rapportar dwar l-allinjament parzjali jista’ jrawwem tranżizzjoni ambjentali gradwali tal-attivitajiet maż-żmien, f’konformità mal-għan li jikber il-finanzjament tat-tranżizzjoni.

It-tieni, il-Kummissjoni beħsiebha tadotta, mingħajr dewmien, att delegat biex tirrevedi l-ewwel sett ta’ ESRS. Sabiex twettaq malajr is-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-ESRS, u biex tipprovdi ċarezza u ċertezza legali lill-impriżi, il-Kummissjoni għandha l-għan li tadotta l-att delegat meħtieġ malajr kemm jista’ jkun, u mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva biex tissimplifika l-qafas ta’ rapportar li huwa s-suġġett tal-proposta leġiżlattiva separata msemmija hawn fuq. Ir-reviżjoni tal-att delegat se tnaqqas b’mod sostanzjali l-għadd ta’ punti tad-data obbligatorji tal-ESRS billi (i) tneħħi dawk meqjusa bħala l-inqas importanti għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà bi skop ġenerali, (ii) tipprijoritizza l-punti tad-data kwantitattivi fuq it-test narrattiv u (iii) tkompli tiddistingwi bejn il-punti tad-data obbligatorji u volontarji, mingħajr ma timmina l-interoperabbiltà mal-istandards globali tar-rapportar u mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-materjalità ta’ kull impriża. Ir-reviżjoni se tiċċara d-dispożizzjonijiet li huma meqjusa mhux ċari. Hija se ttejjeb il-konsistenza ma’ biċċiet oħra tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Se tipprovdi struzzjonijiet aktar ċari dwar kif għandu jiġi applikat il-prinċipju ta’ materjalità, biex jiġi żgurat li l-impriżi jirrapportaw biss informazzjoni materjali u biex jitnaqqas ir-riskju li l-fornituri ta’ servizzi tal-aċċertament jinkoraġġixxu b’mod involontarju lill-impriżi jirrapportaw informazzjoni li ma tkunx meħtieġa jew li jiddedikaw riżorsi eċċessivi għall-proċess ta’ valutazzjoni tal-materjalità. Se tissimplifika l-istruttura u l-preżentazzjoni tal-istandards. Se tkompli ssaħħaħ il-grad diġà għoli ħafna ta’ interoperabbiltà mal-istandards globali tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Se tagħmel ukoll kwalunkwe modifika oħra li tista’ titqies meħtieġa fid-dawl tal-esperjenza tal-ewwel applikazzjoni tal-ESRS.

It-tielet, din il-proposta tipposponi b’sentejn id-dħul fis-seħħ tar-rekwiżiti ta’ rapportar għat-tieni mewġa (impriżi kbar li mhumiex entitajiet ta’ interess pubbliku u li għandhom aktar minn 500 impjegat, kif ukoll impriżi kbar b’inqas minn 500 impjegat 16 ) u t-tielet mewġa (SMEs elenkati, istituzzjonijiet ta’ kreditu żgħar u mhux kumplessi, u impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni captive). L-objettiv tal-posponiment huwa li tiġi evitata sitwazzjoni li fiha ċerti impriżi jkunu mitluba jipprovdu rapport għas-sena finanzjarja 2025 (it-tieni mewġa) jew l-2026 (it-tielet mewġa) u mbagħad jiġu sussegwentement eżentati minn dan ir-rekwiżit. Sitwazzjoni bħal din tkun tfisser li l-impriżi inkwistjoni jġarrbu kostijiet bla bżonn u li jistgħu jiġu evitati.

Il-Kummissjoni tistieden lill-koleġiżlaturi jilħqu qbil rapidu dwar il-posponiment propost, b’mod partikolari biex jipprovdu ċ-ċarezza legali meħtieġa għall-impriżi fit-tieni mewġa li bħalissa huma meħtieġa jipprovdu rapport għall-ewwel darba fl-2026 għas-sena finanzjarja 2025.

Il-kuntest u l-objettivi speċifiċi ta’ din il-proposta rigward is-CSDDD

Skont ir-regoli attwali, l-Istati Membri jenħtieġ li jittrasponu s-CSDDD sas-26 ta’ Lulju 2026. Id-dħul fis-seħħ huwa previst fi tliet fażijiet: minn Lulju 2027, ir-regoli jibdew japplikaw biss għall-akbar kumpaniji tal-UE, jiġifieri dawk li għandhom aktar minn 5000 impjegat u li jirrapportaw fatturat annwali nett (globali) ta’ aktar minn EUR 1,5 biljun, kif ukoll għal kumpaniji mhux tal-UE li jiġġeneraw fatturat nett ta’ aktar minn EUR 1,5 biljun fl-UE. Fit-tieni mewġa, il-kumpaniji tal-UE b’aktar minn 3000 impjegat u fatturat nett ta’ aktar minn EUR 900 miljun, kif ukoll kumpaniji mhux tal-UE li jiġġeneraw tali fatturat nett fl-UE jkollhom jikkonformaw mal-qafas il-ġdid minn Lulju 2028. Fl-aħħar nett, f’Lulju 2029, il-kumpaniji l-oħra kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali jkollhom jibdew japplikaw (ir-regoli nazzjonali li jittrasponu) id-Direttiva. Minn din id-data, is-CSDDD hija stmata li tapplika għal madwar 6000 kumpanija kbira tal-UE, u madwar 900 kumpanija mhux tal-UE. Il-kamp ta’ applikazzjoni personali u l-applikazzjoni gradwali jqisu li l-kumpaniji ta’ daqs differenti għandhom kapaċitajiet differenti biex jimplimentaw il-qafas obbligatorju l-ġdid u, bħala tali, huma element ewlieni fl-iżgurar ta’ approċċ proporzjonali.

Barra minn hekk, il-proposta leġiżlattiva separata magħmula mill-Kummissjoni b’mod parallel ma’ din il-proposta tissimplifika l-qafas u tnaqqas il-piż tal-kumpaniji b’għadd ta’ modi. Din il-proposta tipposponi b’sena l-ewwel fażi tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. L-objettiv tal-posponiment huwa li jipprovdi żmien addizzjonali għall-ewwel grupp ta’ kumpaniji biex iħejju għall-obbligi tagħhom skont id-Direttiva, kif emendata, filwaqt li jitqiesu wkoll il-linji gwida li l-Kummissjoni tkun adottat f’konformità mal-iskeda ta’ żmien aktar stretta stabbilita fil-proposta ta’ simplifikazzjoni parallela.

Barra minn hekk, din il-proposta tipposponi l-iskadenza tat-traspożizzjoni għall-Istati Membri b’sena biex tqis id-dewmien possibbli fl-isforzi ta’ traspożizzjoni tas-CSDDD li għaddejjin bħalissa minħabba emendi possibbli għad-Direttiva permezz tal-proposta ta’ simplifikazzjoni parallela.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet tal-politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-impriżi li huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ rapportar tas-CSRD huma wkoll awtomatikament meħtieġa jirrapportaw ċerti indikaturi skont l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Billi tipposponi l-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar għall-kumpaniji fit-tieni u fit-tielet mewġiet, din il-proposta għalhekk tipposponi awtomatikament ukoll id-data sa meta tali kumpaniji jridu jirrapportaw dawk l-indikaturi skont ir-Regolament dwar it-Tassonomija.

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti fis-CSRD u fl-ESRS għandhom l-għan li jiżguraw, fost affarijiet oħra, li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà li jeħtieġu mill-impriżi biex jissodisfaw l-obbligi ta’ rapportar tagħhom stess skont ir-Regolament dwar id-Divulgazzjonijiet relatati mas-Sostenibbiltà Finanzjarja, ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital u r-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji. Il-posponiment propost se jdewwem it-titjib fid-disponibbiltà tal-informazzjoni għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-amministraturi tal-parametri referenzjarji.

L-impriżi soġġetti kemm għas-CSRD kif ukoll għas-CSDDD mhuma meħtieġa mis-CSDDD jirrapportaw ebda informazzjoni addizzjonali għal dak li huma meħtieġa jirrapportaw skont is-CSRD. Peress li din il-proposta tipposponi l-miżuri previsti fis-CSDDD kif ukoll id-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar għal ċerti impriżi skont is-CSRD, li jfisser li tinżamm il-konsistenza bejn dawn iż-żewġ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija konsistenti mal-politika tal-UE biex tissaħħaħ il-kompetittività, jiġi ssimplifikat il-qafas regolatorju u jitnaqqas il-piż fuq in-negozju filwaqt li xorta jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika tas-CSRD u s-CSDDD. Din tinkludi l-preservazzjoni tal-Patt Ekoloġiku peress li l-kompetittività fuq terminu medju sa terminu twil tiddependi fuq li l-kumpaniji jintegraw biżżejjed kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fl-operazzjonijiet tagħhom.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ, U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-bażi legali tal-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 50 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-Artikolu 50 TFUE huwa l-bażi legali għall-adozzjoni ta’ miżuri tal-UE mmirati lejn il-kisba tad-dritt ta’ stabbiliment fis-suq uniku fil-liġi tal-kumpaniji, u jagħti mandat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jaġixxu permezz ta’ Direttivi. L-Artikolu 114 tat-TFUE huwa bażi legali ġenerali bl-għan li jiġi stabbilit jew żgurat il-funzjonament tas-suq uniku - f’dan il-każ, il-moviment liberu tal-kapital. L-Artikoli 50 u 114 tat-TFUE huma l-bażi legali għad-Direttiva (UE) 2022/2464 u d-Direttiva (UE) 2024/1760.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Din il-proposta timmodifika d-dati tad-dħul tal-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE. Dawn id-dati jistgħu jiġu modifikati biss permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-UE.

Proporzjonalità

L-għan tal-politika huwa li jiġu mtawla d-dati tad-dħul tal-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE. L-uniku mezz sabiex jintlaħaq dan l-għan huwa li jkun propost li jiġu mmodifikati dawk id-dati

Għażla tal-istrument

Din il-proposta hija magħmula minn Direttiva li temenda d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD) u tad-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva (CSDDD). Direttiva Omnibus hija meqjusa bħala l-aktar strument legali xieraq biex jiġu emendati d-Direttivi eżistenti fir-rigward tas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż fil-qasam tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà u d-diliġenza dovuta.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI, U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Is-CSDDD għadha ma ġietx trasposta jew applikata mill-kumpaniji. Is-CSRD ġiet applikata mill-ewwel sett ta’ kumpaniji li qed jippubblikaw l-ewwel dikjarazzjonijiet ta’ sostenibbiltà tagħhom prinċipalment fl-ewwel nofs tal-2025. Għalhekk ma kienx possibbli li ssir evalwazzjoni ex post jew kontroll tal-idoneità għal kull biċċa leġiżlazzjoni.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni li ġejjin għenu sabiex jitfassal il-kontenut ta’ din il-proposta.

-Il-Kummissjoni Ewropea “Sejħa għal evidenza dwar ir-razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar”, minn Ottubru sa Diċembru 2023. 17  

-“Reality Check on Sustainability Reporting and Roundtable on Simplification” (Verifika tas-Sitwazzjoni fuq ir-Rappurtar dwar is-Sostenibbiltà u diskussjoni madwar mejda dwar is-Simplifikazzjoni) tal-Kummissjoni Ewropea fil-bidu ta’ Frar 2025.

-Il-Kummissjoni Ewropea organizzat ukoll attivitajiet separati tal-partijiet ikkonċernati inklużi żewġ fora ibridi kbar tal-partijiet ikkonċernati dwar is-CSRD f’Mejju u Novembru 2024 bil-parteċipazzjoni ta’ iktar minn 400 persuna b’mod fiżiku u aktar minn 3000 persuna b’mod virtwali.

-Il-Kummissjoni Ewropea rċeviet għadd sinifikanti ħafna ta’ ittri u analiżijiet dettaljati minn partijiet ikkonċernati ta’ kull tip (minn kumpaniji sa investituri, banek, soċjetà ċivili, Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi, kmamar tal-kummerċ u amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri).

Id-Direttiva dwar ir-Rapportar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà

Is-sejħa għal Evidenza tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-Razzjonalizzazzjoni tar-Rekwiżiti ta’ Rapportar fittxet evidenza u fehmiet rigward regolamenti li huma meqjusa li jipproduċu piż amministrattiv. Kważi 200 parti kkonċernata wieġbu, u primarjament appellaw għal simplifikazzjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, id-diliġenza dovuta u t-Tassonomija tal-UE. 

Fil-laqgħat tal-Kummissjoni Ewropea mal-industrija Ewropea, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili fil-bidu ta’ Frar 2025, il-partijiet ikkonċernati esprimew appoġġ għall-objettivi ġenerali tas-CSRD u s-CSDDD iżda enfasizzaw il-ħtieġa għal simplifikazzjoni u armonizzazzjoni fl-implimentazzjoni tagħhom.

Xi partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari l-gruppi tan-negozju u tal-industrija, issuġġerew li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti titwaqqaf biex tingħata attenzjoni għas-simplifikazzjoni. Dawn argumentaw li posponiment tar-rekwiżiti ta’ rappurtar tas-CSRD jagħti lill-Kummissjoni l-opportunità li tissimplifika l-qafas filwaqt li jippermetti lill-kumpaniji aktar żmien biex iħejju għal kwalunkwe bidla imminenti.

Partijiet ikkonċernati oħra, b’mod partikolari gruppi tas-soċjetà ċivili, raw merti qawwija fiż-żamma tar-regoli u argumentaw dwar l-importanza taċ-ċertezza legali u l-istabbiltà regolatorja għall-kumpaniji, kif ukoll għaż-żamma tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli. Enfasizzaw ukoll li jenħtieġ li l-linji gwida ta’ implimentazzjoni jintużaw biex jiċċaraw u jissimplifikaw ċerti partijiet tal-qafas ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà, minflok posponiment jew bidla għar-regoli eżistenti.

Il-ħtieġa għas-simplifikazzjoni ġiet riflessa wkoll minn ħafna rapporti, rakkomandazzjonijiet u fehmiet tal-partijiet ikkonċernati oħra kemm mill-impriżi tas-settur finanzjarju kif ukoll minn dawk mhux finanzjarji, li ħafna minnhom jenfasizzaw l-importanza li jitnaqqsu l-kumplessità u l-piżijiet amministrattivi u li infurmaw il-miżuri għat-tnaqqis tal-piżijiet deskritti f’din il-proposta.  

Id-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva

Il-konsultazzjonijiet ma’ diversi partijiet ikkonċernati, inklużi n-negozji, l-assoċjazzjonijiet kummerċjali, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll kuntatti oħra mal-partijiet ikkonċernati u l-kontributi li waslu mingħandhom, infurmaw il-proposta. Dan jinkludi, b’mod partikolari, avveniment ta’ jumejn għall-partijiet ikkonċernati li ppermetta lill-Kummissjoni tisma’ mingħand il-prattikanti dwar liema sfidi jiltaqgħu magħhom fil-qafas leġiżlattiv attwali u x’jistgħu jkunu soluzzjonijiet possibbli biex jindirizzawhom. Filwaqt li xi partijiet ikkonċernati appellaw għal bidliet u posponimenti estensivi, oħrajn enfasizzaw il-ħtieġa għal ċertezza regolatorja u opponew il-ftuħ mill-ġdid tad-Direttiva, u minflok appellaw li ssir enfasi fuq l-implimentazzjoni. Il-proposta, flimkien mal-proposta parallela dwar is-simplifikazzjoni, għandha l-għan li tibbilanċja dawn il-perspettivi billi żżomm l-integrità tas-CSDDD filwaqt li tintroduċi bidliet għas-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tad-Direttiva.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli.

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jinkludi analiżi tal-impatti tal-miżuri proposti. Minħabba l-ħtieġa urġenti li jitressqu proposti biex jiġu indirizzati l-problemi identifikati, ma kienx possibbli li titħejja valutazzjoni tal-impatt sħiħa.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din il-proposta hija mfassla b’mod espliċitu biex tiffaċilita simplifikazzjoni kbira tar-reġim tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

Drittijiet fundamentali

Id-Direttiva dwar ir-Rapportar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà

Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tosserva l-prinċipji ddikjarati fiha. Id-Direttiva dwar ir-rapportar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà għandha impatt pożittiv indirett fuq id-drittijiet fundamentali, minħabba li r-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà jistgħu jinfluwenzaw l-imġiba korporattiva għall-aħjar. Din isservi sabiex il-kumpaniji jsiru aktar konxji mid-drittijiet fundamentali u tinfluwenza b’mod pożittiv kif jidentifikaw u jimmaniġġjaw l-impatti negattivi attwali u potenzjali fuq id-drittijiet fundamentali. Il-posponiment propost idewwem ukoll dawn l-impatti pożittivi fir-rigward tal-kumpaniji li jibdew japplikaw ir-rekwiżiti ta’ rapportar f’data aktar tard. Madankollu, it-tnaqqis tal-piż fuq tali kumpaniji, u speċjalment it-tnaqqis tal-piż fuq il-kumpaniji li jitneħħew mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-CSRD mill-proposta separata magħmula mill-Kummissjoni b’mod parallel ma’ din il-proposta, għandu jwassal għal kisbiet soċjetali oħra f’termini ta’ ħolqien tal-ġid, impjiegi u innovazzjoni, inkluża l-innovazzjoni għas-sostenibbiltà.

Id-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva

Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali minquxa, u tosserva l-prinċipji ddikjarati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Is-CSDDD għandha l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali bħala wieħed mill-objettivi ewlenin tagħha. Tirrikjedi li l-kumpaniji kbar ħafna jidentifikaw u jindirizzaw l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent fl-operazzjonijiet tagħhom stess, dawk tas-sussidjarji tagħhom u l-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom. Il-posponiment propost idewwem dawn l-impatti pożittivi fir-rigward tal-ewwel grupp ta’ kumpaniji fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva li jibda japplika r-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta f’data aktar tard.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhux applikabbli.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

L-ebda dokument ta’ spjegazzjoni ma jitqies meħtieġ.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jemenda l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva (UE) 2022/2464 (id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà “CSRD”) billi jintroduċi posponiment ta’ sentejn tar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-kumpaniji kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CSRD li huma meħtieġa jikkonformaw mis-sena finanzjarja 2025 jew 2026 skont id-daqs tagħhom.

B’mod partikolari:

Il-paragrafu (1) il-punt (a) jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-impriżi li ġejjin jirrapportaw dwar is-sostenibbiltà mis-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2027 jew wara (minflok fl-1 ta’ Jannar 2025):

·impriżi kbar b’medja ta’ mhux aktar minn 500 impjegat matul is-sena finanzjarja;

·impriżi kbar b’medja ta’ aktar minn 500 impjegat matul is-sena finanzjarja iżda li mhumiex entitajiet ta’ interess pubbliku;

·impriżi omm ta’ grupp kbir b’medja ta’ aktar minn 500 impjegat fid-dati tal-karta tal-bilanċ tiegħu, fuq bażi konsolidata, matul is-sena finanzjarja;

·impriżi prinċipali ta’ grupp kbir b’medja ta’ aktar minn 500 impjegat fid-dati tal-karta tal-bilanċ tiegħu, fuq bażi konsolidata, matul is-sena finanzjarja, iżda li mhumiex entitajiet ta’ interess pubbliku;

il-paragrafu (1) il-punt (b) jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-SMEs b’titoli ammessi għan-negozjar f’suq regolat tal-UE, l-istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi (dment li jkunu impriżi kbar jew SMEs elenkati) u l-impriżi ta’ (ri)assigurazzjoni captive tal-UE (dment li jkunu impriżi kbar jew SMEs elenkati) jirrapportaw dwar is-sostenibbiltà mis-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2028 jew wara (minflok fl-1 ta’ Jannar 2026);

il-paragrafu (2) il-punt (a) jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-emittenti li ġejjin jirrapportaw dwar is-sostenibbiltà mis-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2027 jew wara (minflok fl-1 ta’ Jannar 2025):

·emittenti li huma impriżi kbar b’medja ta’ mhux aktar minn 500 impjegat matul is-sena finanzjarja;

·emittenti li huma impriżi omm ta’ grupp kbir b’medja ta’ mhux aktar minn 500 impjegat, fuq bażi konsolidata, matul is-sena finanzjarja;

il-paragrafu (2) il-punt (b) jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-emittenti li huma SMEs, istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi (dment li jkunu impriżi kbar jew SMEs elenkati) u impriżi ta’ (ri)assigurazzjoni captive tal-UE (dment li jkunu impriżi kbar jew SMEs elenkati) jirrapportaw dwar is-sostenibbiltà mis-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2028 jew wara (minflok fl-1 ta’ Jannar 2026).

L-Artikolu 2 jemenda l-Artikolu 37 tad-Direttiva (UE) 2024/1760 (id-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta Korporattiva “CSDDD”) billi jipposponi l-iskadenza tat-traspożizzjoni kif ukoll l-applikazzjoni tad-Direttiva b’sena għall-ewwel grupp ta’ kumpaniji fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

L-Artikolu 3 jirrikjedi li l-Istati Membri jittrasponu l-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025, u li jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom.

L-Artikolu 4 jispeċifika li din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

 

2025/0044 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi (UE) 2022/2464 u (UE) 2024/1760 fir-rigward tad-dati minn meta l-Istati Membri għandhom japplikaw ċerti rekwiżiti ta’ rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà u d-diliġenza dovuta

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 50 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 18 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-11 ta’ Frar 2025 bit-titolu “Ewropa aktar sempliċi u rapida: Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni u s-simplifikazzjoni” 19 , il-Kummissjoni stabbiliet viżjoni għal aġenda ta’ implimentazzjoni u simplifikazzjoni li twassal għal titjib rapidu u viżibbli għan-nies u għan-negozji fil-prattika. Dan jirrikjedi aktar minn approċċ inkrementali u l-Unjoni għandha tieħu azzjoni kuraġġuża biex tilħaq dak l-għan. Il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, l-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-livelli kollha u l-partijiet ikkonċernati jridu jaħdmu id f’id biex jirrazzjonalizzaw u jissimplifikaw ir-regoli tal-UE, ir-regoli nazzjonali u dawk reġjonali u jimplimentaw il-politiki b’mod aktar effettiv.

(2)Fil-kuntest tal-impenn tal-Kummissjoni li tnaqqas il-piżijiet tar-rapportar u ssaħħaħ il-kompetittività, huwa meħtieġ li jiġu introdotti emendi mmirati għad-Direttivi (UE) 2022/2464 20 u (UE) 2024/1760 21 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex jintlaħqu dawk l-objettivi, filwaqt li jinżammu l-objettivi ta’ politika tal-Patt Ekoloġiku 22 u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli 23 .

(3)L-Artikolu 5(2) l-ewwel subparagrafu tad-Direttiva (UE) 2022/2464 jispeċifika d-dati minn meta l-Istati Membri jridu japplikaw ir-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 , b’dati differenti skont id-daqs tal-impriża kkonċernata. Impriżi kbar li huma entitajiet ta’ interess pubbliku b’medja ta’ aktar minn 500 impjegat matul is-sena finanzjarja, u entitajiet ta’ interess pubbliku li huma impriżi omm ta’ grupp kbir b’medja ta’ aktar minn 500 impjegat, fid-dati tal-karta bilanċjali tiegħu, fuq bażi konsolidata, matul is-sena finanzjarja, għandhom jirrapportaw fl-2025 għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2024 jew wara. L-impriżi l-kbar l-oħra, u l-impriżi omm l-oħra ta’ grupp kbir, għandhom jirrapportaw fl-2026 għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2025 jew wara. L-impriżi żgħar u ta’ daqs medju - minbarra l-mikroimpriżi -, l-istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi u l-impriżi ta’ (ri)assigurazzjoni captive għandhom jirrapportaw fl-2027 għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2026 jew wara. Meta jitqiesu l-inizjattivi tal-Kummissjoni li għaddejjin bħalissa li għandhom l-għan li jissimplifikaw ċerti obbligi eżistenti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà u li jnaqqsu l-piż amministrattiv relatat tal-impriżi, li jipprevedu ċarezza legali, u li jevitaw li l-impriżi li bħalissa huma meħtieġa jirrapportaw għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2025 jew wara u fl-1 ta’ Jannar 2026 jew wara jġarrbu kostijiet bla bżonn u li jistgħu jiġu evitati, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà għal dawk l-impriżi jiġu posposti b’sentejn rispettivament.

(4)L-Artikolu 5(2), it-tielet subparagrafu tad-Direttiva (UE) 2022/2464 jispeċifika d-dati minn meta l-Istati Membri jridu japplikaw ir-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 , b’dati differenti skont id-daqs tal-emittent ikkonċernat. Emittenti li huma impriżi kbar b’medja ta’ aktar minn 500 impjegat matul is-sena finanzjarja, u emittenti li huma impriżi omm ta’ grupp kbir b’medja ta’ aktar minn 500 impjegat, fid-dati tal-karta bilanċjali tiegħu, fuq bażi konsolidata, matul is-sena finanzjarja, għandhom jirrapportaw fl-2025 għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2024 jew wara. L-emittenti l-oħrajn li huma impriżi kbar, u l-emittenti l-oħrajn li huma impriżi prinċipali ta’ grupp kbir, għandhom jirrapportaw fl-2026 għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2025 jew wara. L-emittenti li huma impriżi żgħar u ta’ daqs medju - minbarra l-mikroimpriżi -, istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi u impriżi ta’ (ri)assigurazzjoni captive għandhom jirrapportaw fl-2027 għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2026 jew wara. Meta jitqiesu l-inizjattivi tal-Kummissjoni li għaddejjin bħalissa li għandhom l-għan li jissimplifikaw ċerti obbligi eżistenti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà u li jnaqqsu l-piż amministrattiv relatat tal-impriżi, li jipprevedu ċarezza legali, u li jevitaw li l-emittenti li bħalissa huma meħtieġa jirrapportaw għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2025 jew wara u fl-1 ta’ Jannar 2026 jew wara jġarrbu kostijiet bla bżonn u li jistgħu jiġu evitati, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà għal dawk l-emittenti jiġu posposti b’sentejn rispettivament.

(5)Jenħtieġ li d-data sa meta l-Istati Membri għandhom japplikaw id-Direttiva 2024/1760 tiġi posposta b’sena għall-ewwel grupp ta’ kumpaniji fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva, biex il-kumpaniji jingħataw aktar żmien biex iħejju għar-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva u biex jingħataw l-opportunità li jqisu l-linji gwida li għandhom jinħarġu mill-Kummissjoni dwar kif jenħtieġ li jissodisfaw l-obbligi ta’ diliġenza dovuta tagħhom b’mod prattiku.

(6)Barra minn hekk, fid-dawl tal-proposta leġiżlattiva parallela li għandha l-għan li tissimplifika l-qafas ta’ sostenibbiltà u tnaqqas il-piżijiet għall-kumpaniji, l-iskadenza għall-Istati Membri biex jittrasponu d-Direttiva 2024/1760 jenħtieġ li tiġi estiża b’sena biex jitqies id-dewmien possibbli fl-isforzi ta’ traspożizzjoni tagħhom li għaddejjin bħalissa minħabba emendi possibbli għal dik id-Direttiva.

(7)Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba raġuni ta’skala u effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(8)Għalhekk jenħtieġ li d-Direttivi (UE) 2022/2464 u (UE) 2024/1760 jiġu emendati skont dan.

(9)Għal raġunijiet ta’ urġenza u biex tiġi pprovduta ċertezza legali mill-aktar fis possibbli, jenħtieġ li din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva (UE) 2022/2464

Fid-Direttiva (UE) 2022/2464, l-Artikolu 5(2) huwa emendat kif ġej:

(1)l-ewwel paragrafu huwa emendat kif ġej:

(a)fil-punt (b), il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2027 jew wara:”;

(b)fil-punt (c), il-kliem introduttorju huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2028 jew wara:”;

(2)it-tielet subparagrafu huwa emendat kif ġej:

(a)fil-punt (b), il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2027 jew wara:”;

(b)fil-punt (c), il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2028 jew wara:”.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva (UE) 2024/1760

Fl-Artikolu 37(1) tad-Direttiva (UE) 2024/1760, l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sas-26 ta’ Lulju 2027, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri: 

(a)mis-26 ta’ Lulju 2028 fir-rigward tal-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (a) u (b), li huma ffurmati f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru u li kellhom medja ta’ aktar minn 3 000 impjegat u ġġeneraw fatturat nett dinji ta’ aktar minn EUR 900 000 000 fl-aħħar sena finanzjarja ta’ qabel is-26 ta’ Lulju 2028 li għalihom kienu ġew jew kellhom jiġu adottati dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, bl-eċċezzjoni tal-miżuri neċessarji għall-konformità mal-Artikolu 16, li l-Istati Membri għandhom japplikaw għal dawk il-kumpaniji għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2029 jew wara;

(b)mis-26 ta’ Lulju 2028 fir-rigward tal-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 2(2), il-punti (a) u (b), li huma ffurmati f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz u li ġġeneraw fatturat nett ta’ aktar minn EUR 900 000 000 fl-Unjoni, fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja ta’ qabel is-26 ta’ Lulju 2028, bl-eċċezzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-Artikolu 16, li l-Istati Membri għandhom japplikaw għal dawk il-kumpaniji għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2029 jew wara;

(c)mis-26 ta’ Lulju 2029 fir-rigward tal-kumpaniji l-oħrajn kollha msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (a) u (b), u l-Artikolu 2(2), il-punti (a) u (b), u l-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (c), u l-Artikolu 2(2), il-punt (c), bl-eċċezzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-Artikolu 16, li l-Istati Membri għandhom japplikaw għal dawk il-kumpaniji għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2030 jew wara.”.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif din ir-referenza għandha ssir.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President



DIKJARAZZJONI FINANZJARJA U DIĠITALI LEĠIŻLATTIVA

1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA3

1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva3

1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)3

1.3.Objettiv(i)3

1.3.1.Objettiv(i) ġenerali3

1.3.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi3

1.3.3.Riżultat(i) u impatt mistennija3

1.3.4.Indikaturi tal-prestazzjoni3

1.4.Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’:4.

1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva4

1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva4

1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-UE (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, pereż. gwadanji mill-koordinazzjoni, ċertezza legali, aktar effettività jew komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, “valur miżjud tal-involviment tal-UE” huwa l-valur li jirriżulta mill-azzjoni tal-UE, li huwa addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.4

1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi4

2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI8

2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar8

2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll8

2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-metodu/i tal-implimentazzjoni tal-baġit, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposti8

2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom8

2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon bejn il-kostijiet tal-kontroll u l-valur tal-fondi relatati ġestiti) u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ errur (mal-pagament u fl-għeluq)8

2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet9

4.Dimensjonijiet diġitali29

4.1.Rekwiżiti ta’ rilevanza diġitali30

4.2.Data30

4.3.Soluzzjonijiet diġitali31

4.4.Valutazzjoni tal-interoperabbiltà31

4.5.Miżuri li jappoġġaw l-implimentazzjoni diġitali32

1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA 

1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi (UE) 2022/2464 u (UE) 2024/1760 fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà u d-diliġenza dovuta għall-impriżi.

1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i) 

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-Unjoni tat-Tfaddil u l-Investiment, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istrateġija għall-Finanzi Sostenibbli, il-Liġi tal-kumpaniji u l-governanza korporattiva

1.3.Objettiv(i)

1.3.1.Objettiv(i) ġenerali

L-objettivi ġenerali segwiti minn din il-proposta leġiżlattiva huma li jiġu ssimplifikati u mnaqqsa ċerti elementi tad-Direttiva 2006/43/KE, id-Direttiva 2013/34/UE, id-Direttiva (UE) 2022/2464 u d-Direttiva (UE) 2024/1760 sabiex jittaffa l-piż tar-rapportar fuq il-kumpaniji fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti.

Billi tnaqqas il-piż amministrattiv assoċjat mar-rekwiżiti ta’ rapportar u l-kostijiet tal-konformità tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni ta’ hawn fuq, din il-proposta għandha l-għan li ttejjeb il-proporzjonalità tal-qafas u l-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej, filwaqt li żżomm ukoll l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

1.3.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi

L-objettivi speċifiċi tal-emendi proposti għad-Direttiva (UE) 2022/2464 inklużi f’din il-proposta għandhom l-għan li jiksbu r-riżultati li ġejjin:

Jipposponu b’sentejn ir-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-kumpaniji tat-tieni u tat-tielet mewġa.

L-objettivi speċifiċi tal-emendi proposti għad-Direttiva (UE) 2024/1760 inklużi f’din il-proposta għandhom l-għan li jiksbu r-riżultati li ġejjin:

Jipposponu l-iskadenza tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà għall-kumpaniji tal-ewwel mewġa b’sena.

1.3.3.Riżultat(i) u impatt mistennija

Speċifika l-effetti li l-proposta/l-inizjattiva jenħtieġ li jkollha fuq il-benefiċjarji/il-gruppi fil-mira.

Ir-riżultati u l-impatt mistennija tal-emendi proposti huma li jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà u b’riżultat ta’ dan jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji f’dan ir-rigward, filwaqt li jinżammu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli. L-emendi proposti huma mistennija wkoll li jirriżultaw fi ffrankar sinifikanti tal-kostijiet għall-kumpaniji fil-kamp ta’ applikazzjoni meta jwettqu r-rapportar dwar is-sostenibbiltà.

L-emendi għad-Direttiva (UE) 2024/1760 inklużi f’din il-proposta huma mistennija li jtaffu l-piż tal-konformità tal-kumpaniji peress li se jkollhom aktar żmien biex iħejju għall-konformità, jaġġustaw il-politiki, il-proċessi u l-proċeduri tagħhom, filwaqt li jqisu wkoll il-linji gwida li l-Kummissjoni se toħroġ, u jippermettulhom jibnu fuq l-aħjar prattiki u jnaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq servizzi ta’ konsulenza legali u konsulenza.

1.3.4.Indikaturi tal-prestazzjoni

Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-kisbiet.

Is-CSRD ġiet applikata mill-ewwel sett ta’ kumpaniji li qed jippubblikaw l-ewwel dikjarazzjonijiet ta’ sostenibbiltà tagħhom prinċipalment fl-ewwel nofs tal-2025. Għalhekk ma kienx possibbli li ssir evalwazzjoni ex post jew kontroll tal-idoneità ta’ kull biċċa leġiżlazzjoni.

Sabiex timmonitorja l-progress lejn il-kisba tal-objettivi speċifiċi tal-proposta, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li torganizza skambji mal-partijiet ikkonċernati f’formati differenti kif ukoll stħarriġiet perjodiċi tal-utenti tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà u tal-impriżi li jirrapportaw tali informazzjoni, skont id-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji. L-Artikolu 6 tas-CSRD jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva sa April 2029.

F’din il-proposta, il-Kummissjoni timpenja ruħha wkoll li tirrevedi l-ewwel sett ta’ ESRS. Skont id-Direttiva 2013/34/UE, il-Kummissjoni hija meħtieġa tirrieżamina dawk l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, inklużi l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, kull tliet snin sabiex jitqiesu l-iżviluppi rilevanti, inkluż l-iżvilupp ta’ standards internazzjonali.

L-implimentazzjoni tas-CSDDD kif emendat, u l-effettività tiegħu fl-ilħuq tal-objettivi tiegħu, b’mod partikolari fl-indirizzar tal-impatti negattivi, se jkunu soġġetti wkoll għal evalwazzjoni regolari skont l-Artikolu 36 ta’ dik id-Direttiva.

Se jintużaw għadd ta’ indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress ta’ dawn il-proposti, bħall-effettività u l-puntwalità tal-azzjonijiet proposti, l-effiċjenza tal-proċessi għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data f’konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà, u l-objettiv li jiġi limitat il-piż amministrattiv u jiġu evitati rekwiżiti ta’ rapportar mhux meħtieġa jew duplikati.

1.4.Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’: 

 azzjoni ġdida 

 azzjoni ġdida b’segwitu għal proġett pilota/azzjoni preparatorja 26  

 l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti 

 fużjoni jew ridirezzjonar ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn azzjoni oħra/ġdida

1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva 

1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva

B’din il-proposta, il-Kummissjoni tipproponi Direttiva li temenda d-Direttivi (UE) 2022/2464 u (UE) 2024/1760. Ladarba l-koleġiżlaturi jkunu laħqu ftehim dwar il-kontenut tal-proposta, l-Istati Membri se jkollhom ċertu perjodu ta’ żmien biex jittrasponu l-emendi introdotti minn din id-Direttiva fir-rigward tal-posponiment tad-data minn meta ċerti gruppi ta’ kumpaniji jridu japplikaw dawn id-Direttivi fil-liġi nazzjonali tagħhom. Skont din il-proposta, din l-iskadenza għat-traspożizzjoni hija stabbilita għall-31 ta’ Diċembru 2025. Din il-proposta tfittex ukoll li ddewwem l-iskadenza tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2024/1760 b’sena. B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri jkunu meħtieġa jittrasponu s-CSDDD sa mhux aktar tard mis-26 ta’ Lulju 2027.

Fi proposta leġiżlattiva separata, il-Kummissjoni tipproponi li temenda għadd ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2006/43/KE, 2013/34/UE, (UE) 2022/2464 u (UE) 2024/1760. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jiġi rivedut ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2772 (Standards Ewropej għar-Rapportar dwar is-Sostenibbiltà). Il-Kummissjoni se tadotta l-att delegat rivedut tal-ESRS fil-ħin biex dawk l-impriżi fit-tieni mewġa li jkunu meħtieġa jibdew ir-rapportar skont is-CSRD fl-2028 għas-sena finanzjarja 2027 japplikaw l-istandards riveduti.

Sabiex timmonitorja l-progress lejn il-kisba tal-objettivi speċifiċi tal-proposta, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li torganizza skambji mal-partijiet ikkonċernati f’formati differenti kif ukoll stħarriġiet perjodiċi tal-utenti tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà u tal-impriżi li jirrapportaw tali informazzjoni, skont id-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji. L-Artikolu 6 tas-CSRD jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva sa April 2029. L-implimentazzjoni tas-CSDDD kif emendat, u l-effettività tiegħu fl-ilħuq tal-objettivi tiegħu, b’mod partikolari fl-indirizzar tal-impatti negattivi, se jkunu soġġetti wkoll għal evalwazzjoni regolari skont l-Artikolu 36 ta’ dik id-Direttiva. Din il-proposta ma tirrikjedix pjan ta’ implimentazzjoni.

1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-UE (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, pereż. gwadanji mill-koordinazzjoni, ċertezza legali, aktar effettività jew komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, “valur miżjud tal-involviment tal-UE” huwa l-valur li jirriżulta mill-azzjoni tal-UE, li huwa addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.

Id-Direttiva dwar il-Kontabilità, kif emendata mill-CSRD, diġà tirregola d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà fl-UE. Regoli komuni fuq ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà u l-aċċertament tiegħu jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji stabbiliti fl-Istati Membri differenti. Differenzi sinifikanti fir-rekwiżiti għar-rapportar u għall-aċċertament dwar is-sostenibbiltà bejn l-Istati Membri joħolqu kostijiet u kumplessità addizzjonali għall-kumpaniji li joperaw bejn il-fruntieri, li jkunu ta’ detriment għas-suq uniku. L-Istati Membri li jaġixxu waħedhom ma jistgħux jimmodifikaw il-liġijiet eżistenti tal-UE biex inaqqsu l-piż fuq il-kumpaniji.

Bl-istess mod, is-CSDDD diġà jistabbilixxi qafas regolatorju armonizzat għad-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva, u jkopri wkoll ċerti kumpaniji ta’ pajjiżi terzi attivi fis-suq tal-UE, filwaqt li jiżgura kundizzjonijiet ekwi f’dan il-qasam ta’ politika.

1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi

Mhux applikabbli

1.5.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra

Mhux applikabbli

1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni

Mhux applikabbli

3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA 

3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i 

Mhux applikabbli

4.Dimensjonijiet diġitali

4.1.Rekwiżiti ta’ rilevanza diġitali

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar introdotti mid-Direttiva 2013/34/UE jirrikjedu li l-kumpaniji jiġbru u jirrapportaw data dwar l-impatti, ir-riskji u l-opportunitajiet tagħhom fir-rigward ta’ kwistjonijiet materjali relatati mas-sostenibbiltà. Dan l-eżerċizzju jinvolvi identifikazzjoni, ġbir, ipproċessar, verifika u pubblikazzjoni sinifikanti tad-data. Sabiex jiġbru d-data rilevanti, l-impriżi spiss jużaw pjattaformi diġitali għall-ġbir tad-data u għall-kondiviżjoni tad-data. Barra minn hekk, sabiex jaħżnu u jipproċessaw id-data għall-finijiet tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, il-kumpaniji spiss jużaw ukoll għodod diġitali ta’ ġestjoni tad-data.

L-utenti tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà qed jistennew dejjem aktar li tali informazzjoni tkun tista’ tiġi rintraċċata, tkun komparabbli u tinqara minn magni f’formati diġitali. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrikjedu li l-impriżi soġġetti għar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà tad-Direttiva 2013/34/UE jagħmlu r-rapporti ta’ ġestjoni tagħhom disponibbli għall-pubbliku fuq is-siti web tagħhom mingħajr ħlas. Id-diġitalizzazzjoni toħloq opportunitajiet sabiex tiġi sfruttata l-informazzjoni b’mod aktar effiċjenti u għandha potenzjal għal iffrankar sinifikanti fil-kostijiet kemm għall-utenti kif ukoll għall-impriżi. Id-diġitalizzazzjoni tippermetti wkoll iċ-ċentralizzazzjoni tad-data fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri f’format miftuħ u aċċessibbli li jiffaċilita l-qari u jippermetti t-tqabbil tad-data. Dawn ir-rekwiżiti jikkomplementaw ukoll il-ħolqien ta’ punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ESAP) għall-informazzjoni korporattiva pubblika.

Fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi fid-Direttiva li huma ta’ rilevanza diġitali, jekk jogħġbok ara hawn taħt.

Id-Direttiva 2013/34/UE tirrikjedi li l-impriżi soġġetti għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà jħejju r-rapport ta’ ġestjoni tagħhom fil-format elettroniku tar-rapportar speċifikat fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/815 (ir-Regolament Delegat tal-ESEF). Dan jirrikjedi wkoll li dawn l-impriżi jimmarkaw ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà tagħhom, inklużi d-divulgazzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852, f’konformità mat-tassonomija diġitali li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni permezz ta’ emenda għar-Regolament Delegat tal-ESEF.

Tassonomija diġitali għall-istandards tal-Unjoni tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà se tippermetti li r-rapportar dwar is-sostenibbiltà jiġi ttaggjat u li jkun jista’ jinqara mill-magni. Sal-adozzjoni ta’ din it-tassonomija diġitali, l-impriżi mhumiex meħtieġa li jimmarkaw id-dikjarazzjonijiet ta’ sostenibbiltà tagħhom. Meta jitqies li d-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà se tkun tista’ tinqara mill-magni biss ladarba tkun kemm inkluża f’dokument XHTML kif ukoll tiġi mmarkata b’tassonomija diġitali, sakemm tiġi adottata t-tassonomija diġitali, l-impriżi

lanqas ma huma meħtieġa li jħejju r-rapport ta’ ġestjoni f’format XHTML.

Il-partijiet ikkonċernati affettwati minn dawn ir-rekwiżiti jinkludu impriżi meħtieġa li jħejju u jippubblikaw dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà li tkun ġiet ittagjata b’mod diġitali u pprovduta f’format XHTML, kif ukoll fornituri tal-assigurazzjoni li jridu jivverifikaw li d-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa.

Il-proposta attwali ma timmodifikax ir-regoli eżistenti dwar it-tikkettar jew il-format diġitali introdotti mid-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà, li se jtejbu r-rapportar diġitali u jippermettu l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fl-użu tal-informazzjoni li l-impriżi jirrapportaw.

Fir-rigward tas-CSDDD, l-għodod u t-teknoloġiji diġitali jistgħu jappoġġaw u jnaqqsu l-kost tal-ġbir u l-valutazzjoni tad-data. Din il-proposta ma temendax id-dispożizzjonijiet rilevanti tas-CSDDD.

4.2.Data

Ara t-taqsima ta’ hawn fuq.

4.3.Soluzzjonijiet diġitali

Ara t-taqsima ta’ hawn fuq.

4.4.Valutazzjoni tal-interoperabbiltà

Mhux applikabbli

4.5.Miżuri li jappoġġaw l-implimentazzjoni diġitali

Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni bla xkiel tar-rekwiżiti ta’ rilevanza diġitali identifikati fit-Taqsima 4.1., il-Kummissjoni hija involuta f’għadd ta’ inizjattivi.

L-ewwel nett, se tkun neċessarja tassonomija diġitali għall-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tal-Unjoni sabiex tippermetti l-informazzjoni rrapportata tiġi ttaggjata f’konformità ma’ dawk l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Il-Kummissjoni se tadotta tassonomija diġitali għall-ittaggjar tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà permezz ta’ Att Delegat, wara li tkun irċeviet parir tekniku mill-ESMA.

It-tieni, fil-qafas taċ-ċiklu tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku tal-2025, il-Kummissjoni biħsiebha tniedi proġett multinazzjonali ewlieni intitolat “Titjib tar-Rappurtar dwar is-Sostenibbiltà għan-Negozji.” Din l-inizjattiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri li jappoġġaw lill-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar tas-CSRD u tat-Tassonomija tal-UE. L-appoġġ taħt din l-inizjattiva se jqis l-evoluzzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar, u se jkun rilevanti wkoll għall-SMEs mhux elenkati li mhumiex soġġetti għal rapportar obbligatorju iżda li jiffaċċjaw domandi dejjem akbar għal informazzjoni dwar is-sostenibbiltà mis-sħab finanzjarji u tal-katina tal-valur tagħhom.

It-tielet, l-EFRAG nieda forum tal-SMEs li fih ilaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati rilevanti tal-komunità tal-SMEs biex jiddiskutu l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà u kif is-soluzzjonijiet u l-għodod diġitali jistgħu jintużaw biex jiffaċilitaw ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-SMEs.

Fir-rigward tas-CSDDD, sabiex tgħin lill-kumpaniji jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ diliġenza dovuta tul il-katina tal-valur tagħhom, id-Direttiva tħeġġeġ l-użu ta’ għodod u teknoloġiji diġitali u tirrikjedi li l-Kummissjoni toħroġ linji gwida b’informazzjoni utli u referenzi għal riżorsi xierqa. Din il-proposta ma temendax id-dispożizzjonijiet rilevanti.

(1)    “The Future of European Competitiveness”, Settembru 2024.
(2)    Id-Dikjarazzjoni ta’ Budapest dwar il-Patt Ġdid dwar il-Kompetittività Ewropea, it-8 ta’ Novembru 2024.
(3)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, COM(2025) 30 final: Boxxla għall-Kompetittività tal-UE.
(4)    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, COM(2025) 47 final: Ewropa aktar sempliċi u rapida: Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni u s-simplifikazzjoni.
(5)    Id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 (id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà).
(6)    Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 (id-Direttiva dwar il-Kontabilità). Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 (id-Direttiva dwar it-Trasparenza). Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 (id-Direttiva dwar l-Awditjar). Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 (ir-Regolament dwar l-Awditjar).
(7)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, COM(2019) 640 final. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Pjan ta’ Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli”, COM/2018/097 final.
(8)    Kif ukoll entitajiet ta’ interess pubbliku li huma impriżi omm ta’ grupp kbir b’aktar minn 500 impjegat, għar-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà. “Entitajiet ta’ Interess Pubbliku” huma definiti mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar il-Kontabilità bħala impriżi li huma: (a) irregolati mil-liġi ta’ Stat Membru u li t-titoli trasferibbli tagħhom huma ammessi għan-negozju f’suq irregolat tal-UE; (b) istituzzjonijiet ta’ kreditu; (c) impriżi tal-assigurazzjoni; jew (d) innominati mill-Istati Membri bħala entitajiet ta’ interess pubbliku. “Impriżi kbar” huma definiti mill-Artikolu 3(4) tad-Direttiva dwar il-Kontabilità bħala impriżi li fid-dati tal-karta tal-bilanċ tagħhom jaqbżu tal-anqas tnejn mit-tliet kriterji li ġejjin: (a) it-total tal-karta tal-bilanċ: EUR 25 000 000; (b) il-fatturat nett: EUR 50 000 000; (c) medja ta’ impjegati matul is-sena finanzjarja: 250.
(9)    Kif ukoll l-impriżi omm l-oħra ta’ gruppi kbar, għar-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà.
(10)    L-istituzzjonijiet ta’ kreditu żgħar u mhux kumplessi, u l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni captive, huma wkoll parti mit-tielet mewġa, għalkemm jistgħu jużaw in-nonparteċipazzjoni addizzjonali ta’ sentejn biss jekk ikunu SMEs elenkati.
(11)    Skont l-artikolu 40a tad-Direttiva dwar il-Kontabilità, kif emendata mis-CSRD, impriża mhux stabbilita fl-UE trid tirrapporta informazzjoni dwar is-sostenibbiltà fil-livell tal-grupp jekk a) tiġġenera aktar minn EUR 150 miljun fl-Unjoni u b) ikollha sussidjarja fl-UE li tkun soġġetta għar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà introdotti mis-CSRD jew ikollha fergħa tal-UE li tiġġenera aktar minn EUR 40 miljun. F’dan il-każ, l-obbligu legali li jiġi ppubblikat ir-rapport jaqa’ fuq is-sussidjarja jew il-fergħa tal-UE.
(12)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2772 tal-31 ta’ Lulju 2023 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
(13)    L-EFRAG qabel kien jissejjaħ il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju iżda l-isem uffiċjali tiegħu issa huwa biss l-EFRAG. Huwa korp privat indipendenti b’diversi partijiet ikkonċernati, li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa ffinanzjat mill-UE.
(14)    L-ammont ta’ xogħol għal inkarigu ta’ aċċertament limitat huwa ferm anqas minn dak għal inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli. Il-konklużjoni ta’ inkarigu ta’ aċċertament limitat normalment tiġi pprovduta f’forma negattiva ta’ espressjoni billi jiġi ddikjarat li ma ġiet identifikata l-ebda kwistjoni mill-fornitur ta’ aċċertament sabiex jiġi konkluż li s-suġġett ikun iddikjarat b’mod materjalment skorrett. Il-konklużjoni ta’ inkarigu ta’ aċċertament raġonevoli normalment tingħata f’forma ta’ espressjoni pożittiva u tirriżulta fl-għoti ta’ opinjoni dwar il-kejl tas-suġġett skont kriterji ddefiniti minn qabel.
(15)    Barra minn hekk u għal raġunijiet ta’ konsistenza, fl-Artikolu 40a tad-Direttiva dwar il-Kontabilità, sabiex impriża mhux stabbilita fl-UE tkun soġġetta għar-rekwiżiti ta’ rapportar fil-livell tal-grupp, il-livell limitu tal-fatturat nett għandu jiżdied minn EUR 150 miljun iġġenerati fl-Unjoni għal EUR 450 miljun. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ konsistenza, il-livell limitu għall-fergħa tal-UE skont l-Artikolu 40a jiżdied minn EUR 40 miljun għal EUR 50 miljun u l-livell limitu għas-sussidjarja tal-UE huwa limitat għal impriżi kbar kif definit fid-Direttiva dwar il-Kontabilità. Il-livelli limiti ewlenin tas-CSDDD huma ta’ 1000 impjegat u fatturat ta’ EUR 450 miljun.
(16)    Kif ukoll impriżi li mhumiex entitajiet ta’ interess pubbliku u li huma omm ta’ gruppi kbar b’aktar minn 500 impjegat, u impriżi li huma omm ta’ gruppi kbar b’inqas minn 500 impjegat.
(17)    Mis-17 ta’ Ottubru sal-1 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni ġabret feedback minn 193 parti kkonċernata dwar miżuri possibbli ta’ razzjonalizzazzjoni għar-rekwiżiti ta’ rapportar. Il-kontributuri ewlenin ġew minn assoċjazzjonijiet tan-negozju (84), kumpaniji (35), segwiti minn awtoritajiet pubbliċi (23) u organizzazzjonijiet mhux governattivi (18). F’termini ta’ kopertura ġeografika, il-partijiet ikkonċernati ġew prinċipalment mill-Ġermanja (53), mill-Belġju (47), minn Franza (7), mil-Litwanja (8), min-Netherlands (6), mill-Italja (5), u mill-Awstrija (4). Il-feedback inkluda wkoll is-sejħa għall-użu tad-diġitalizzazzjoni u l-flussi tad-data b’inqas xkiel, l-użu mill-ġdid tad-data u l-istandards, id-disponibbiltà ta’ gwida ċara u f’waqtha u biex jitneħħew id-duplikazzjonijiet u l-inkonsistenzi fil-leġiżlazzjoni.   https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13990-Administrative-burden-rationalisation-of-reporting-requirements_mt
(18)    ĠU C […], […], p. […].
(19)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-11 ta’ Frar 2025, “Ewropa aktar sempliċi u rapida: Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni u s-simplifikazzjoni”, COM(2025) 47 final.
(20)    Id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2013/34/UE, fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 15, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2464/oj ).
(21)    Id-Direttiva (UE) 2024/1760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u r-Regolament (UE) 2023/2859 (ĠU L, 2024/1760, 5.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1760/oj).
(22)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-11 ta’ Diċembru 2019, “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, COM/2019/640 final.
(23)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Pjan ta’ Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli”, COM/2018/097 final.
(24)    Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/34/oj).
(25)    Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/109/oj ).
(26)    Kif imsemmi fl-Artikolu 58(2), il-punt (a) jew (b) tar-Regolament Finanzjarju.