Brussell, 28.2.2025

COM(2025) 68 final

2025/0038(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, dwar l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati ma’ istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Partijiet 1 (“CoP”) tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (“il-Konvenzjoni ta’ Istanbul” jew “il-Konvenzjoni”), b’rabta mal-adozzjoni prevista tal-proposta tal-President tal-Kumitat tal-Partijiet għall-Emenda tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul (IC-CP (2025)1 prov). Il-proposta tintroduċi klawżola ta’ kunsens u klawżola ta’ rieżami fir-regoli dwar il-votazzjoni (ir-Regola 20) u emenda tar-regola dwar il-parteċipanti mingħajr id-dritt tal-vot (ir-Regola 2). L-emendar ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura sar meħtieġ wara l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul

Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul tistabbilixxi sett komprensiv u armonizzat ta’ regoli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fl-Ewropa u lil hinn minnha. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2014.

L-UE ffirmat il-Konvenzjoni f’Ġunju 2017, u lestiet il-proċedura tal-adeżjoni fit-28 ta’ Ġunju 2023, li skattaw id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għall-UE fl-1 ta’ Ottubru 2023. L-UE aderiet mal-Konvenzjoni fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tagħha, jiġifieri kwistjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni 2 u kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement 3 . L-Irlanda u d-Danimarka mhumiex marbuta bl-eżerċizzju mill-Unjoni tal-kompetenza tagħha fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement 4 . L-Istati Membri kollha tal-UE ffirmaw il-Konvenzjoni u, mill-5 ta’ Frar 2025, 22 rratifikawha u għalhekk għandhom id-dritt li jivvutaw fis-CoP 5 . Bħalissa hemm 39 Parti għall-Konvenzjoni, inkluż l-UE u t-22 Stat Membru tal-UE.

2.2.Il-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni

Il-Kumitat tal-Partijiet huwa l-korp politiku tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u huwa magħmul mir-rappreżentanti tal-Partijiet għall-Konvenzjoni. Skont l-Artikolu 67(2) tal-Konvenzjoni, il-Kumitat tal-Partijiet għandu l-kompitu li jeleġġi l-membri tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (Group of Experts on Action against Violence against Women and Domestic Violence , “GREVIO”). Skont l-Artikolu 68(12) tal-Konvenzjoni, il-Kumitat tal-Partijiet jista’ tadotta, abbażi tar-rapporti u l-konklużjonijiet tal-GREVIO, rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Partijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Dan jissorvelja wkoll l-implimentazzjoni ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet ladarba l-perjodu ta’ 3 snin għall-implimentazzjoni jkun intemm 6 . Barra minn hekk, il-Kumitat tal-Partijiet jeżamina s-sejbiet ta’ inkjesti speċjali trażmessi lilu mill-GREVIO f’konformità mal-Artikolu 68(15) tal-Konvenzjoni. Is-CoP jeleġġi wkoll il-membri tal-bureau tiegħu - il-president u żewġ viċi presidenti 7 .

Skont l-Artikolu 67(3) tal-Konvenzjoni, is-CoP adotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu 8 (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura”) fl-ewwel laqgħa tiegħu tal-4 ta’ Mejju 2015. Ir-Regola 20 tar-Regoli ta’ Proċedura dwar il-votazzjoni tistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tagħha, li “kull membru tal-Kumitat għandu jkollu vot wieħed” u, fit-tielet paragrafu tagħha, li l-kworum meħtieġ għad-deċiżjonijiet tal-Kumitat huwa ta’ “maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa”. L-istess kworum huwa meħtieġ ukoll biex jiġu emendati r-Regoli ta’ Proċedura (ir-Regola 25). Sal-lum, il-prattika tas-CoP kienet li tadotta rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet abbażi ta’ kunsens.

2.3.L-emenda prevista tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Partijiet

Fit-28 ta’ Awwissu 2023, is-Segretarjat tas-CoP ippropona emendi għar-Regoli ta’ Proċedura biex jirriflettu l-impatt tal-adeżjoni tal-Unjoni fuq il-funzjonament tal-Kumitat, u, b’mod partikolari, dwar id-dispożizzjonijiet tal-votazzjoni. Is-Segretarjat tas-CoP ta l-possibbiltà lill-Partijiet li jikkummentaw. L-Unjoni, f’konformità mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2024/1669 u 2024/1680 adottati fit-22 ta’ April 2024, ipproponiet għadd ta’ emendi alternattivi għar-Regoli ta’ Proċedura 9 . Fis-16-il laqgħa tal-Kumitat, fil-31 ta’ Mejju 2024, l-UE u r-Renju Unit ippreżentaw is-suġġerimenti tagħhom. Matul id-diskussjonijiet sussegwenti, diversi stati membri mhux tal-UE opponew il-proposta tal-UE. Peress li ma kienx possibbli li jintlaħaq qbil, il-Kumitat iddeċieda li l-President tiegħu jwettaq diskussjonijiet informali biex tinstab soluzzjoni ta’ kompromess. Wara l-konsultazzjonijiet informali, il-President ippreżenta proposta ġdida f’Novembru 2024 (IC-CP (2024)12 prov) li ġiet diskussa matul is-17-il laqgħa tal-Kumitat fis-17 ta’ Diċembru 2024. Skont il-proposta, ir-regoli attwali tal-votazzjoni jenħtieġ li jkomplu japplikaw iżda jenħtieġ li jiġu ssupplimentati bi klawżola ta’ kunsens u klawżola ta’ rieżami. Diversi stati membri mhux tal-UE riedu li d-drittijiet tal-vot tal-UE fil-konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa jiġu indirizzati orizzontalment għall-konvenzjonijiet kollha li l-UE hija parti għalihom, iżda setgħu jaċċettaw il-proposta riveduta bħala soluzzjoni temporanja. L-ebda Parti ma qajmet xi tħassib dwar il-proposta l-ġdida, minbarra xi suġġerimenti żgħar ta’ abbozzar. Fit-13 ta’ Frar 2025, is-Segretarjat tas-CoP qassam il-Proposta riveduta tal-President tal-Kumitat tal-Partijiet rigward l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul (id-dokument IC-CP(2025)1Prov) (“l-att previst”). Is-Segretarjat stieden lill-Partijiet japprovaw il-proposta permezz ta’ proċedura bil-miktub. Ġie kkomunikat ukoll li, sakemm ma jiġux ippreżentati oġġezzjonijiet bil-miktub lis-Segretarjat sat-30 ta’ April 2025, l-att previst jitqies bħala adottat.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-President qed jipproponi li r-Regola 20 (“Votazzjoni”) tar-Regoli ta’ Proċedura tiġi adottata mill-ġdid bl-emendi li ġejjin:

L-ewwel nett, fir-Regola 20(1), qed tiġi proposta klawżola ta’ kunsens li tiddikjara li għandu jsir kull sforz mill-Kumitat biex ikompli l-prattika tiegħu li jieħu deċiżjonijiet b’kunsens. Huwa biss jekk dan ma jkunx possibbli li l-votazzjoni għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet ta’ din ir-Regola.

Konsegwentement, il-paragrafi (1) sa (6) tar-Regola 20 huma nnumerati mill-ġdid bħala l-paragrafi (2) sa (7). L-ebda emenda oħra ma hija proposta għal dawk il-paragrafi.

It-tieni, fir-Regola 20(8), qed tiġi introdotta klawżola ta’ reviżjoni li tiddikjara li l-Kumitat għandu jeżamina l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli mhux aktar tard minn 3 snin wara l-adozzjoni tagħha, u qabel jekk tinqala’ l-ħtieġa, fuq inizjattiva tal-President jew fuq talba ta’ mill-inqas tliet Partijiet għall-Konvenzjoni. Jekk ikun xieraq, ir-regola jenħtieġ li tiġi riveduta biex tindirizza kwalunkwe tħassib u nuqqas skont il-proċedura skont ir-Regola 25.

It-tielet, qed jiġi propost li r-referenza għall-Unjoni Ewropea jenħtieġ li titħassar mil-lista ta’ rappreżentanti fir-Regola 2.2.b tar-Regoli ta’ Proċedura li jitħallew jipparteċipaw fil-laqgħat tas-CoP mingħajr id-dritt tal-vot jew il-ħlas tal-ispejjeż. Ir-regola m’għadhiex valida peress li l-Unjoni Ewropea saret membru sħiħ tas-CoP.

Huwa propost li l-pożizzjoni tal-UE jenħtieġ li tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tal-proposta riveduta għal emenda tar-Regoli ta’ Proċedura kif deskritt fid-dokument IC-CP(2025)1prov. Il-proposta tkun tinvolvi li r-regoli attwali dwar il-votazzjoni essenzjalment jibqgħu fis-seħħ. Għaldaqstant, l-Unjoni jkollha vot wieħed flimkien mal-voti tal-Istati Membri li huma Partijiet għall-Konvenzjoni. Iż-żewġ elementi addizzjonali previsti fir-Regola 20 jenħtieġ li jiġu aċċettati wkoll: il-klawżola ta’ kunsens tikkodifika l-prattika eżistenti fis-CoP u l-klawżola ta’ rieżami tispjega l-intenzjoni li r-Regoli ta’ Proċedura jiġu vvalutati mill-ġdid fit-3 snin li ġejjin, mingħajr ma jiġi ppreġudikat kwalunkwe eżitu speċifiku.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’ isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE” 10 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat tal-Partijiet huwa korp stabbilit mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul. L-emenda l-ġdida għar-Regoli ta’ Proċedura li s-CoP huwa mitlub jadotta tikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 67(3) tal-Konvenzjoni. L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni. Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

Fir-rigward ta’ att previst li jsegwi għadd ta’ objettivi simultanjament, jew li għandu diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi legali sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE se jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet legali korrispondenti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni tal-att previst huwa li jemenda r-Regoli ta’ Proċedura wara l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Fir-rigward tal-bażi legali sostantiva, l-UE ssieħbet mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tagħha, jiġifieri kwistjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni 11 u kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement 12 . L-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul seħħet permezz ta’ żewġ Deċiżjonijiet distinti tal-Kunsill biex jittieħed kont tal-pożizzjoni speċjali tad-Danimarka u tal-Irlanda fir-rigward tat-Titolu V tat-TFUE. B’konsegwenza ta’ dan, id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Partijiet fir-rigward tal-att previst għandha tinqasam f’żewġ deċiżjonijiet paralleli. Il-bażi legali għal din id-deċiżjoni tikkonċerna kwistjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva għal din id-deċiżjoni hija l-Artikolu 336 TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 336 TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2025/0038 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, dwar l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati ma’ istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 336 TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 13 , fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, u permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 14 , fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, u daħlet fis-seħħ għall-Unjoni fl-1 ta’ Ottubru 2023. Sal-lum, hemm 39 Parti għall-Konvenzjoni, inkluż l-Unjoni u 22 Stat Membru.

(2)Il-Kumitat tal-Partijiet (“il-Kumitat”) huwa korp tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-Konvenzjoni. Skont l-Artikolu 67(3) tal-Konvenzjoni, il-Kumitat adotta ir-regoli ta’ proċedura tiegħu stess (“ir-Regoli ta’ Proċedura”). Ir-Regoli ta’ Proċedura jipprevedu li kull Parti għall-Konvenzjoni jkollha vot wieħed. L-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni teħtieġ ċerti aġġustamenti għar-Regoli ta’ Proċedura, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-vot.

(3)F’Awwissu 2023, is-Segretarjat tal-Kumitat ippropona ċerti emendi għar-Regoli ta’ Proċedura biex jirriflettu l-impatt tal-adeżjoni tal-Unjoni fuq il-funzjonament tal-Kumitat. Dan talab lill-Partijiet għall-Konvenzjoni biex jissottomettu suġġerimenti ta’ abbozzar. L-Unjoni stabbiliet il-pożizzjoni tagħha dwar l-emendi proposti fit-22 ta’ April 2024 15 u pproponiet emendi alternattivi għar-Regoli ta’ Proċedura. Matul is-16-il laqgħa tal-Kumitat fil-31 ta’ Mejju 2024, ma kienx possibbli li jintlaħaq qbil dwar l-emendi proposti u l-Kumitat iddeċieda li l-President tiegħu jwettaq konsultazzjonijiet informali biex tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-membri kollha tal-Kumitat.

(4)Wara l-konsultazzjonijiet informali, il-President ippreżenta proposta riveduta f’Novembru 2024 (IC-CP(2024)12 prov). Skont dik il-proposta, ir-regoli attwali tal-votazzjoni jenħtieġ li jkomplu japplikaw iżda għandhom jiġu ssupplimentati bi klawżola ta’ kunsens (li tiddikjara li għandu jsir kull sforz mill-Kumitat biex ikompli l-prattika tiegħu li jieħu deċiżjonijiet b’kunsens) u klawżola ta’ rieżami (li tiddikjara li l-Kumitat għandu jeżamina l-applikazzjoni tar-regoli fi żmien tliet snin wara l-adozzjoni tal-emendi).

(5)Fit-13 ta’ Frar 2025, is-Segretarjat tal-Kumitat ikkondivida l-Proposta riveduta tal-President tal-Kumitat tal-Partijiet għall-emenda tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul (id-dokument IC-CP(2025)1Prov) (“l-att previst”). Is-Segretarjat stieden lill-Partijiet japprovaw il-proposta permezz ta’ proċedura bil-miktub. Ġie kkomunikat ukoll li, sakemm ma jiġux ippreżentati oġġezzjonijiet bil-miktub lis-Segretarjat sat-30 ta’ April 2025, l-att previst jitqies bħala adottat.

(6)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, peress li l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura se jkunu legalment vinkolanti għall-Unjoni.

(7)L-adozzjoni tal-proposta riveduta għall-emenda tar-Regoli ta’ Proċedura twassal biex ir-regoli attwali dwar il-votazzjoni essenzjalment jibqgħu fis-seħħ bl-Unjoni jkollha vot wieħed flimkien mal-voti tal-Istati Membri li huma Partijiet għall-Konvenzjoni. Iż-żieda tal-klawżola ta’ kunsens u l-klawżola ta’ rieżami jenħtieġ li jkunu aċċettabbli għall-Unjoni. Il-klawżola ta’ kunsens tikkodifika l-prattika eżistenti fil-Kumitat u l-klawżola ta’ rieżami tispjega l-intenzjoni li r-Regoli ta’ Proċedura jiġu vvalutati mill-ġdid mhux aktar tard minn 3 snin wara l-adozzjoni tal-emendi, mingħajr ma jiġi ppreġudikat kwalunkwe eżitu speċifiku.

(8)Fir-rigward tar-Regola ta’ Proċedura li telenka l-parteċipanti li mhumiex membri tal-Kumitat tal-Partijiet, ir-referenza għall-Unjoni Ewropea jenħtieġ li titħassar peress li m’għadhiex valida.

(9)Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tal-proposta għal emendi għar-Regoli ta’ Proċedura kif deskritt fid-dokument IC-CP(2025)1 prov,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Partijiet, stabbilit skont l-Artikolu 67 tal-Konvenzjoni, għandha tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tal-Proposta riveduta tal-President tal-Kumitat tal-Partijiet għall-emenda tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP(2025)1 prov].

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)     Committee of the Parties - Istanbul Convention Action against violence against women and domestic violence (Il-Kumitat tal-Partijiet - Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul Azzjoni kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika)    
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 1–3.
(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 4–6.
(4)    F’konformità mal-Protokolli Nru 21 u Nru 22 annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.    
(5)    Status tar-ratifiki fit-08.01.2025: AT (2013); BE (2016); CY (2017); DE (2017); DK (2014); IE (2019); EL (2018); ES (2014); EE (2017) FI (2015); FR (2014); HR (2018); IT (2013); LU (2018); MT (2014); NL (2015); PL (2015); PT (2013); RO (2016); SI (2015); SV (2014), LV (2024).    
(6)    Ara l-“Framework for supervising the implementation of the recommendations addressed to state parties” (“Qafas għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-istati parti”), adottat mill-Kumitat tal-Partijiet fit-13 ta’ April 2021, IC-CP/Inf(2021)2.
(7)    Il-kompiti fdati lill-Kumitat tal-Partijiet huma elenkati fir-Regola 1 tar-Regoli ta’ Proċedura.
(8)    Id-dokument IC-CP(2015)2, adottat fl-4 ta’ Mejju 2015, ir- Regoli ta' Proċedura .    
(9)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1669 tat-22 ta’ April 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, dwar emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, ĠU L, 2024/1669, 12.6.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1669/oj , u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1680 tat-22 ta’ April 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika dwar emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati ma’ istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, ĠU L, 2024/1680, 12.6.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1680/oj .    
(10)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja v Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(11)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 1–3.    
(12)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 4–6            
(13)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni (ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1075/oj).    
(14)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement (ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 4, ELI: http://data.europa. eu/eli/dec/2023/1076/oj).
(15)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1669 tat-22 ta’ April 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, dwar emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement (ĠU L, 2024/1669, 12.6.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1669/oj ), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1680 tat-22 ta’ April 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika dwar emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati ma’ istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni (ĠU L, 2024/1680, 12.6.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1680/oj ).