Brussell, 4.2.2025

COM(2025) 29 final

2025/0014(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Estonja biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT 1 ”), il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru japplika miżuri speċjali għal deroga mid-disposizzjonijet ta’ din id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jippreveni ċertu tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-28 ta’ Marzu 2024, l-Estonja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura li tidderoga mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw id-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT tal-input fir-rigward tan-nefqa marbuta ma’ karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet kummerċjali (il-“miżura speċjali”). Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni fit-3 ta’ April 2024. L-Estonja wieġbet fit-28 ta’ Ġunju 2024. Il-Kummissjoni talbet għal darb’oħra kjarifika addizzjonali fit-28 ta’ Awwissu 2024, li l-Estonja pprovdiet fi tweġiba rreġistrata mal-Kummissjoni fl-24 ta’ Settembru 2024.

F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Estonja. B’ittra datata t-18 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Estonja li kellha l-informazzjoni kollha li tqis meħtieġa biex tivvaluta t-talba.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva tal-VAT jistipulaw li persuna taxxabbli hija intitolata għal tnaqqis mill-VAT dovut minn fuq xiri li jkun sar għal finijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli. L-Artikolu 26(1)(a) tal-istess Direttiva jeħtieġ li l-użu ta’ oġġetti li jiffurmaw parti mill-assi ta’ negozju għal skopijiet privati jkun provvista ta’ servizzi li jitqiesu jekk il-VAT fuq l-oġġetti kien eliġibbli għal tnaqqis. Din is-sistema tippermetti l-irkupru tal-VAT inizjalment imnaqqas b’rabta mal-użu privat.

Fil-każ tal-karozzi tal-passiġġieri, diffiċli li din is-sistema tiġi applikata, b’mod partikolari minħabba li diffiċli tiġi identifikata l-qasma bejn l-użu privat u dak kummerċjali. Meta jinżammu r-rekords, dawn iżidu piż amministrattiv kemm għan-negozju kif ukoll għall-amministrazzjoni fiż-żamma u l-verifika tagħhom. Barra minn hekk, żamma mhux korretta tar-rekords tista’ twassal għal evażjoni jew evitar tat-taxxa. 

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri speċjali li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT biex jissimplifikaw il-proċedura għall-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjenu ċerti forom ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa jekk dawn ikunu ġew awtorizzati mill-Kunsill.

L-Estonja ġiet awtorizzata tapplika tali miżura speċjali bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE 2 . Il-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE ġiet estiża bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2017/1854/UE 3 sal-31 ta’ Diċembru 2020. Il-miżura speċjali mbagħad reġgħet ingħatat fl-2021 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1998 tal-15 ta’ Novembru 2021 4 u hija valida sal-31 ta’ Diċembru 2024.

L-Estonja talbet li tkompli tapplika l-miżura speċjali wara l-31 ta’ Diċembru 2024 u infurmat lill-Kummissjoni li r-raġunijiet għall-għoti tal-miżura speċjali huma l-istess bħal dawk stabbiliti fit-talba oriġinali li wasslet għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE. L-Estonja ppreżentat data li tissuġġerixxi li mill-mument tal-implimentazzjoni tad-deroga skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE, il-maġġoranza l-kbira tal-karozzi tal-kumpaniji komplew jintużaw għal skopijiet privati, u dan jikkonferma li d-deroga hija ġġustifikata. L-Estonja indikat ukoll li l-limitazzjoni tat-tnaqqis tal-VAT tal-input tissimplifika l-kalkolu tal-VAT għall-partijiet kollha, filwaqt li tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa li tirriżulta minn kontabbiltà skorretta.

Din il-miżura speċjali tapplika għax-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju, u l-importazzjoni ta’ ċerti karozzi tal-passiġġieri kif ukoll ċerta nefqa relatata magħhom meta dawk il-karozzi ma jintużawx biss għal skopijiet kummerċjali. Min-naħa tagħhom, in-negozji huma meħlusa mill-kontabbiltà tal-VAT fuq l-użu privat. Jenħtieġ li l-miżura speċjali tapplika għall-karozzi tal-passiġġieri kollha b’massimu ta’ tmien sedili minbarra s-sedil tas-sewwieq, li ma jaqbżux it-3 500 kilogramma, u li ma jintużawx esklussivament għal skopijiet ta’ negozju. Madankollu, il-karozzi tal-passiġġieri li jintużaw għal ċerti attivitajiet speċifiċi jiġu ttrattati skont ir-regoli normali: karozzi mixtrija għall-bejgħ mill-ġdid, għall-kiri jew għal-lokazzjoni, karozzi użati għat-trasport ta’ passiġġieri bi ħlas (bħal taxis), u karozzi użati għal-lezzjonijiet tas-sewqan.

Skont l-Estonja, il-limitu ta’ tnaqqis tal-miżura speċjali jenħtieġ li jibqa’ stabbilit għal 50 %. Biex tiġġustifika dan, l-Estonja tindika li s-sitwazzjoni baqgħet l-istess meta mqabbla ma’ meta l-miżura speċjali ġiet introdotta għall-ewwel darba fl-2014 u li m’hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li din it-tendenza se tinbidel fis-snin li ġejjin. Tindika wkoll li l-użu privat ta’ karozzi tal-kumpaniji li ma jintużawx esklussivament għal skopijiet kummerċjali, jammonta għal madwar 60 % tal-użu totali tagħhom u li abbażi ta’ evidenza u suppożizzjonijiet indiretti disponibbli għall-awtoritajiet tat-taxxa Estonjani, limitu ta’ tnaqqis ta’ 50 % tal-VAT tal-input jitqies bħala l-aktar xieraq, sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li jiġi stmat iżżejjed il-proporzjon tal-użu privat tal-karozzi tal-passiġġieri.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

Miżuri speċjali li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT, u estensjonijiet ulterjuri, fir-rigward tad-dritt għat-tnaqqis, simili għal dak li l-estensjoni tiegħu mitluba hawnhekk mill-Estonja, ingħataw lil Stati Membri oħra (l-Ungerija 5 , il-Latvja 6 , il-Kroazja 7 , il-Polonja 8 , l-Italja 9 u r-Rumanija 10 ).

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea peress li l-għoti tal-estensjoni tal-miżura speċjali ma jistax jinkiseb mill-Estonja. L-intervent tal-Kummissjoni meħtieġ biex tiġi ppreżentata proposta lill-Kunsill, li jista’ jawtorizza lill-Estonja biex testendi l-miżura speċjali.

Proporzjonalità

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi ebda obbligu.

Il-miżura speċjali hija limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u għalhekk proporzjonata għall-għan imfittex, jiġifieri li jiġu evitati ċerti forom ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa. B’mod partikolari, minħabba l-potenzjal għan-negozji li jiddikjaraw ir-responsabbiltà tagħhom u l-ivverifikar oneruż tad-data dwar il-kilometraġġ għall-awtoritajiet tat-taxxa, ir-restrizzjoni ta’ 50 % tiżgura l-ġbir tal-VAT f’settur speċifiku.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, l-għoti ta’ miżura speċjali li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT huwa possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq peress li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Din il-proposta hija bbażata fuq talba magħmula mill-Estonja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kien hemm l-ebda ħtieġa għal għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta mfassla biex tissimplifika u tiżgura l-proċedura għall-impożizzjoni tat-taxxa billi tneħħi l-ħtieġa li persuni taxxabbli jżommu rekords dwar l-użu privat ta’ karozzi tal-passiġġieri speċifikati, u, fl-istess ħin, tipprevjeni l-evażjoni tal-VAT permezz ta’ żamma ħażina ta’ rekords. Għalhekk, hija għandha impatt potenzjalment pożittiv kemm għan-negozji kif ukoll għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Is-soluzzjoni ġiet identifikata mill-Estonja bħala miżura xierqa u hija komparabbli ma’ miżuri speċjali oħra tal-passat u tal-preżent li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-miżura speċjali se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Il-proposta hija limitata biż-żmien u tinkludi klawżola ta’ estinzjoni għall-31 ta’ Diċembru 2027.

F’każ li l-Estonja tikkunsidra estensjoni oħra tal-miżura speċjali lil hinn mill-2027, irid jiġi ppreżentat rapport lill-Kummissjoni li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwal tad-dritt għal tnaqqis flimkien mat-talba għal estensjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2027.

2025/0014 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Estonja biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 11 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu, tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxu d-dritt li persuni taxxabbli jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT, value added tax) imposta fuq il-provvisti ta’ merkanzija u ta’ servizzi li jsirulhom, li jintużaw għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom. Skont l-Artikolu 26(1), il-punt (a), ta’ dik id-Direttiva, l-użu ta’ assi ta’ negozju għall-użu privat ta’ persuni taxxabbli jew tal-persunal tagħhom jew, b’mod aktar ġenerali, għal skopijiet oħra li ma jkunux dawk tan-negozju tagħhom għandhom jiġu ttrattati bħala provvista ta’ servizzi.

(2)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1998 12 awtorizzat lill-Estonja, sal-31 ta’ Diċembru 2024, biex tillimita għal 50 % id-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq in-nefqa fuq karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet kummerċjali meta dik in-nefqa tkopri x-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju jew l-importazzjoni ta’ karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet kummerċjali, kif ukoll fuq in-nefqa relatata mal-manutenzjoni u t-tiswija ta’ tali karozzi u max-xiri tal-fjuwil għalihom. Awtorizzat ukoll lill-Estonja biex ma tittrattax bħala provvisti ta’ servizzi bi ħlas l-użu għal skopijiet privati ta’ karozza tal-passiġġieri inkluża fl-assi ta’ negozju ta’ persuna taxxabbli, meta dik il-karozza kienet soġġetta għal limitazzjoni awtorizzata skont l-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni (“il-miżura speċjali”).

(3)Permezz ta’ ittra rreġistrata mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Marzu 2024, l-Estonja ppreżentat talba f’konformità mal-Artikolu 395(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, lill-Kummissjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali (“it-talba għal estensjoni”). Permezz ta’ ittra datata t-3 ta’ April 2024, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni. L-Estonja wieġbet fit-28 ta’ Ġunju 2024. Permezz ta’ ittra datata t-28 ta’ Awwissu 2024, il-Kummissjoni talbet kjarifika addizzjonali, li l-Estonja pprovdiet permezz ta’ ittra rreġistrata mill-Kummissjoni fl-24 ta’ Settembru 2024.

(4)F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba għal estensjoni lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Ottubru 2024. Permezz ta’ ittra datata t-18 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Estonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba għal estensjoni.

(5)F’konformità mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1998, flimkien mat-talba għal estensjoni, l-Estonja ppreżentat rapport li jinkludi r-rieżami tal-perċentwal stabbilit għal-limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT imsemmi fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli bħalissa, jiġifieri l-esperjenza tal-awditjar tat-taxxa u d-data statistika relatata mal-użu privat tal-karozzi tal-passiġġieri, l-Estonja ssostni li l-limitu ta’ 50 % għadu ġustifikabbli u għadu xieraq.

(6)Il-miżura speċjali awtorizzata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1998 skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2024. Minħabba l-impatt pożittiv fuq il-piż amministrattiv tal-kontribwenti u tal-awtoritajiet tat-taxxa billi jiġi ssimplifikat il-ġbir tal-VAT u tiġi evitata l-evażjoni tat-taxxa permezz ta’ żamma skorretta tar-rekords, il-Kummissjoni tqis li jixraq li tingħata l-miżura speċjali.

(7)Jenħtieġ li l-miżura speċjali tkun limitata għaż-żmien meħtieġ biex tiġi evalwata l-effettività tagħha u l-adegwatezza tal-limitazzjoni tal-perċentwal. Għalhekk, jenħtieġ li l-Estonja tkun awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2027.

(8)Il-miżura speċjali hija proporzjonata għall-objettivi mfittxa, jiġifieri, li tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-ġbir tal-VAT u li jiġu evitati ċerti forom ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa, peress li hija limitata fiż-żmien u fil-kamp ta’ applikazzjoni. Barra minn hekk, il-miżura speċjali ma tagħtix lok għal riskju li l-frodi titmexxa lejn setturi oħra jew lejn Stati Membri oħra.

(9)Fil-każ li l-Estonja tqis li tkun meħtieġa estensjoni tal-awtorizzazzjoni lil hinn mill-2027, jenħtieġ li sal-31 ta’ Marzu 2027, tressaq talba lill-Kummissjoni biex issir estensjoni akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwal applikat.

(10)Il-miżura speċjali se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mit-taxxa fuq il-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Estonja hija awtorizzata tillimita għal 50 % id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq in-nefqa fuq karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet kummerċjali meta dik in-nefqa tkopri x-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju jew l-importazzjoni ta’ karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet kummerċjali, kif ukoll fuq in-nefqa relatata mal-manutenzjoni u t-tiswija ta’ tali karozzi u max-xiri tal-fjuwil għalihom.

Artikolu 2

B’deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Estonja ma għandhiex tittratta bħala provvisti ta’ servizzi bi ħlas l-użu għal skopijiet mhux kummerċjali ta’ karozza tal-passiġġieri inkluża fl-assi ta’ negozju ta’ persuna taxxabbli, meta dik il-karozza tkun ġiet soġġetta għal limitazzjoni awtorizzata skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1.Din id-Deċiżjoni għandha tapplika biss għal karozzi tal-passiġġieri b’piż massimu awtorizzat li ma jaqbiżx it-3 500 kilogramma u li ma jkollhomx aktar minn tmien sedili minbarra s-sedil tas-sewwieq.

2.Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika għall-kategoriji ta’ karozzi tal-passiġġieri li ġejjin:

(a)karozzi mixtrija biex jerġgħu jinbiegħu, għall-kiri jew għal-lokazzjoni;

(b)karozzi użati għat-trasport tal-passiġġieri bi ħlas, inkluż is-servizzi tat-taxi;

(c)karozzi użati biex jingħataw lezzjonijiet tas-sewqan.

Artikolu 4

1.Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tagħha.

2.Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2027.

3.Kull talba biex tiġi estiża l-awtorizzazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2027 u għandha tiġi akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Estonja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p.1.
(2)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE tas-7 ta’ Novembru 2014 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 48).
(3)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1854 tal-10 ta’ Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 265, 14.10.2017, p. 17).
(4)    Il-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE kienet skadiet qabel ma l-Estonja ppreżentat, fi Frar 2021, it-talba biex tkompli testendi l-kamp ta’ applikazzjoni temporali tagħha. It-talba ta’ Frar 2021 għalhekk ġiet ittrattata bħala talba oriġinali biex tiġi applikata miżura li tidderoga mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input fir-rigward tan-nefqa marbuta mal-karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet kummerċjali. Hija d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1998 tal-15 ta’ Novembru 2021 li tawtorizza lill-Estonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 408, 17.11.2021, p. 3–5) li tat l-awtorizzazzjoni lill-Estonja.
(5)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1774 tal-5 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 360, 11.10.2021, p. 108–109).
(6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1968 tad-9 ta’ Novembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 401, 12.11.2021, p. 1–2).
(7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2884 tal-5 ta’ Novembru 2024 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1994 li tawtorizza lill-Kroazja biex iddaħħal miżura speċjali li tidderoga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L, 2024/2884, 13.11.2024).
(8)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2385 tas-6 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja tintroduċi miżuri ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 315, 7.12.2022, p. 87–88).
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2411 tas-6 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 317, 9.12.2022, p. 120–121).
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1641 tal-24 ta’ Mejju 2024 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżuri speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L, 2024/1641, 6.6.2024).
(11)    ĠU L 347, 11.12.2006, p.1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj .
(12)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1998 tal-15 ta’ Novembru 2021 li tawtorizza lill-Estonja tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 408, 17.11.2021, p. 3, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1998/oj ).