Brussell, 31.1.2025

COM(2025) 22 final

2025/0008(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Kunsill awtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal dixxiplini ta’ kummerċ diġitali mar-Repubblika ta’ Singapore (“Singapore”) fis-27 ta’ Ġunju 2023 1 . Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, u Singapore nedew in-negozjati fl-20 ta’ Lulju 2023 2 . In-negozjati ġew konklużi fil-prinċipju fil-25 ta’ Lulju 2024 3 .

L-eżitu tan-negozjati jikkostitwixxi Ftehim Kummerċjali Diġitali modern u awtonomu bejn l-Unjoni Ewropea (“UE”) u Singapore (“EUSDTA”, Digital Trade Agreement between the European Union and Singapore), b’impenji ambizzjużi u vinkolanti għall-kummerċ diġitali. L-EUSDTA jtejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur online, jipprovdi ċertezza legali għan-negozji li jixtiequ jinvolvu ruħhom fil-kummerċ diġitali transfruntier, u jindirizza ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ diġitali. Huwa jikkomplementa l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles 4 (FTA, Free Trade Agreement) UE-Singapore eżistenti billi japprofondixxi u jirfed ir-relazzjoni kummerċjali bilaterali eżistenti bejn l-UE u Singapore mill-perspettiva diġitali.

Il-kummerċ diġitali jammonta għal madwar 25 % tal-kummerċ internazzjonali kollu u qed jikber b’pass aktar mgħaġġel mill-kummerċ tradizzjonali 5 . L-UE hija l-mexxejja dinjija kemm fl-esportazzjonijiet kif ukoll fl-importazzjonijiet ta’ servizzi tanġibbli b’mod diġitali, li ammontaw għal EUR 1,3 triljun fl-2022, jew 54 % tal-kummerċ totali tal-UE fis-servizzi.

L-EUSDTA jidħol fis-seħħ ladarba l-UE u Singapore jkunu lestew ir-rekwiżiti u l-proċeduri rispettivi tagħhom għall-iffirmar u l-konklużjoni u jkunu skambjaw notifiki bil-miktub dwarhom.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta hija konsistenti mar-rieżami ta’ politika kummerċjali tal-UE tal-2021 6 li rrikonoxxa l-kontribut tal-politika kummerċjali diġitali tal-UE għat-trasformazzjoni diġitali tal-UE u ħabbar l-intenzjoni tal-UE li żżid l-impenn bilaterali u tesplora oqfsa aktar b’saħħithom għall-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet diġitali relatati mal-kummerċ ma’ sħab tal-istess fehma. Hija konsistenti wkoll mal-objettiv tal-istrateġija ta’ sigurtà ekonomika tal-UE tal-2023 li ssegwi sħubijiet ma’ pajjiżi tal-istess fehma. L-EUSDTA jikkostitwixxi ftehim modern u awtonomu b’impenji ambizzjużi u vinkolanti għall-kummerċ diġitali bejn l-UE u Singapore.

Il-proposta tibni fuq il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni 7 (FSK) UE-Singapore u l-FTA, li diġà liberalizzaw u saħħew ir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali bejn l-UE u Singapore. L-EUSDTA jagħti effett lid-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ tal-FSK u, flimkien mal-FTA, jifforma ż-żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u Singapore.

Il-proposta hija konsistenti mal-istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku 8 li rrikonoxxiet li r-reġjun jinsab fuq quddiem nett tal-ekonomija diġitali u pproponiet li jiġu stabbiliti Sħubijiet Diġitali ma’ sħab ewlenin fir-reġjun, inkluż ma’ Singapore.

L-EUSDTA jibni fuq il-Prinċipji tal-Kummerċ Diġitali UE-Singapore, riżultat ewlieni tas-Sħubija Diġitali UE-Singapore 9 . L-EUSDTA jirrikonoxxi s-Sħubija Diġitali UE-Singapore bħala l-forum ewlieni għall-kooperazzjoni regolatorja dwar il-politiki diġitali.

L-EUSDTA huwa konsistenti wkoll mal-eżitu tal-Inizjattiva ta’ Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kummerċ Elettroniku 10 , li hija r-riżultat ta’ negozjati plurilaterali fost aktar minn 90 Membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-suq intern fil-qasam tal-ekonomija diġitali u tad-data. Il-proposta tiżgura wkoll ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali għall-protezzjoni ta’ data personali u l-privatezza u l-qafas regolatorju tal-UE f’dan il-qasam. L-EUSDTA jafferma d-dritt li jiġi regolat u żgurat spazju regolatorju suffiċjenti biex jiġu segwiti l-objettivi ta’ politika pubblika f’dawn l-oqsma.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-bażi legali sostantiva hija l-Artikolu 207 TFUE.

L-EUSDTA għandu jiġi ffirmat mill-Unjoni skont deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 218(5) TFUE u konkluż mill-Unjoni skont deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 218(6), wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Mhux applikabbli.

Proporzjonalità

Il-ftehimiet kummerċjali huma l-mezzi xierqa biex jirregolaw l-aċċess għas-suq u l-oqsma relatati ta’ relazzjonijiet ekonomiċi komprensivi ma’ pajjiż terz barra mill-UE. Ma teżisti l-ebda alternattiva biex isiru legalment vinkolanti tali impenji u sforzi ta’ liberalizzazzjoni.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta hija f’konformità mal-Artikolu 218(5) TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ deċiżjonijiet dwar l-iffirmar ta’ ftehimiet internazzjonali. Ma jeżisti l-ebda strument legali ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress f’din il-proposta.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Ir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali bejn l-UE u Singapore diġà ġew liberalizzati u msaħħa mill-FTA bejn l-UE u Singapore li daħal fis-seħħ fl-2019. Għalkemm dan huwa FTA komprensiv li jipprevedi impenji sostanzjali għall-kummerċ ta’ oġġetti u servizzi bejn il-partijiet, ma jipprevedix regoli komprensivi dwar il-kummerċ diġitali.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati fil-kuntest ta’ studju dwar l-impatti potenzjali ta’ EUSDTA, imwettaq minn kuntrattur estern, b’appoġġ għan-negozjati 11 .

Qabel, u matul in-negozjati, l-Istati Membri tal-UE ġew infurmati u kkonsultati b’mod regolari bil-fomm u bil-miktub dwar l-aspetti differenti tan-negozjat permezz tal-Kumitat għall-Politika Kummerċjali tal-Kunsill. Il-Parlament Ewropew inżamm infurmat u ġie kkonsultat ukoll permezz tal-Kumitat tiegħu għall-Kummerċ Internazzjonali (‘‘INTA’’, Committee on International Trade), u b’mod partikolari tal-Grupp ta’ Monitoraġġ tiegħu għal Singapore.

Barra minn hekk, matul in-negozjati, il-Kummissjoni ppubblikat fuq is-sit web tagħha rapporti taċ-ċikli ta’ negozjati, il-proposti tat-test tal-UE u l-istqarrijiet għall-istampa, kif ukoll it-test tal-ftehim wara l-konklużjoni tan-negozjati fil-prinċipju.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

L-istudju dwar l-impatti potenzjali ta’ EUSDTA twettaq minn kuntrattur estern 12 .

Valutazzjoni tal-impatt

L-istudju dwar l-impatti potenzjali ta’ EUSDTA, imwettaq b’appoġġ għan-negozjati għall-EUSDTA, ikkonferma l-impatt pożittiv potenzjali tal-ftehim 13 . L-istudju ntuża biex jiġu eżaminati l-aspetti rilevanti tal-ekonomija diġitali ta’ Singapore kif ukoll il-prattiki rispettivi tal-UE u ta’ Singapore dwar il-kummerċ diġitali, filwaqt li tqiesu l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta hija kompletament kompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-EUSDTA jippreserva bis-sħiħ l-ispazju regolatorju għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet fundamentali għall-protezzjoni ta’ data personali u l-privatezza.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-EUSDTA jagħmel applikabbli, permezz ta’ kontroreferenza, id-dispożizzjonijiet istituzzjonali tal-FTA, li jipprovdu struttura għall-korpi ta’ implimentazzjoni rilevanti tal-FTA biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni, l-operat u l-impatt tal-EUSDTA.

L-EUSDTA jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dedikati dwar l-impenn tal-partijiet ikkonċernati li jipprovdu bażi għall-partijiet ikkonċernati biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ftehim.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-EUSDTA huwa ftehim awtonomu li għandu jiġi applikat fil-qafas tal-FSK u li, flimkien mal-FTA, jifforma ż-żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u Singapore.

Id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-ewwel kapitolu tal-EUSDTA jistabbilixxu l-objettivi u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim, u d-definizzjonijiet użati fil-ftehim kollu.

Il-kapitolu tnejn tal-EUSDTA jinkludi l-korp tal-ftehim u jinkludi l-impenji kummerċjali diġitali. L-impenji huma ta’ natura vinkolanti u jvarjaw minn impenji għall-flussi transfruntiera ta’ data u l-protezzjoni tal-konsumatur online, għal impenji għall-protezzjoni tal-kodiċi tas-sors tas-software. B’mod ġenerali, l-impenji għandhom l-għan li jtejbu l-protezzjoni tal-konsumatur online, jipprovdu ċertezza legali għan-negozji, u jindirizzaw ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ diġitali.

It-Taqsima A tat-tieni kapitolu, dwar il-flussi ta’ data b’fiduċja, tinkludi dispożizzjonijiet li huma f’konformità mal-prattika tal-UE abbażi tad-dispożizzjonijiet orizzontali tal-2018 dwar il-flussi transfruntiera ta’ data u l-protezzjoni ta’ data personali u l-privatezza fil-ftehimiet kummerċjali 14 , li jirrikonoxxu d-dritt ta’ kull Parti li tiddetermina l-livell xieraq ta’ privatezza u protezzjoni ta’ data personali.

Il-kapitolu tlieta tal-EUSDTA jipprevedi eċċezzjonijiet orizzontali, mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim, qafas istituzzjonali, u d-dispożizzjonijiet finali tal-ftehim. Fejn rilevanti, it-titolu jagħmel applikabbli, b’kontroreferenza, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-FTA li jipprovdu l-qafas għall-applikazzjoni tal-EUSDTA.

2025/0008 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fi [data tal-opinjoni],

Billi:

(1)Fis-27 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għal dixxiplini ta’ kummerċ diġitali mar-Repubblika ta’ Singapore.

(2)Fil-25 ta’ Lulju 2024, in-negozjati tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (“il-Ftehim”) ġew konklużi b’suċċess mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni.

(3)Għalhekk, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard.

(4)F’konformità mat-Trattati, hija l-Kummissjoni li tiżgura l-iffirmar tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (“il-Ftehim”) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

Artikolu 2 

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 8886/23.
(2)    https://policy.trade.ec.europa.eu/news/joint-statement-launch-negotiations-eu-singapore-digital-trade-agreement-2023-07-20_mt
(3)    https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/statement_24_3983
(4)    ĠU L 294, 14.11.2019.
(5)    OECD, ‘‘Of bytes and trade: Quantifying the impact of digitalisation on trade”, Mejju 2023.
(6)    COM(2021) 66 final.
(7)    ĠU L 189, 26.7.2018.
(8)    JOIN(2021) 24 final.
(9)    https://digital-strategy.ec.europa.eu/mt/library/eu-singapore-digital-partnership
(10)    Dikjarazzjoni mill-kokonċiljaturi tal-Inizjattiva ta’ Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kummerċ Elettroniku tas-26 ta’ Lulju 2024 (INF/ECOM/87).
(11)    https://www.eeas.europa.eu/delegations/singapore/study-potential-impacts-future-eu-singapore-digital-trade-agreement_mt?s=178
(12)    Ibid.
(13)    Ibid.
(14)    https://ec.europa.eu/newsroom/just/items/627665/mt

Brussell, 31.1.2025

COM(2025) 22 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore


ANNESS

FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ DIĠITALI

BEJN

L-UNJONI EWROPEA

U

IR-REPUBBLIKA TA’ SINGAPORE



Preambolu

L-Unjoni Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

u

ir-Repubblika ta’ Singapore, minn hawn ’il quddiem imsejħa “Singapore”,

minn hawn ’il quddiem imsejħa b’mod konġunt bħala l-“Partijiet” jew individwalment imsejħa “Parti”,

FILWAQT LI JIBNU fuq is-sħubija profonda u fit-tul tagħhom, ibbażata fuq il-prinċipji u l-valuri komuni riflessi fil-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Singapore, min-naħa l-oħra, magħmul fi Brussell, il-Belġju, fid-19 ta’ Ottubru 2018 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni”), billi jagħtu effett lid-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-kummerċ;

FILWAQT LI JIXTIEQU li japprofondixxu ż-żona ta’ kummerċ ħieles stabbilita mill-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore, magħmul fi Brussell, il-Belġju, fid-19 ta’ Ottubru 2018 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles”);

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU s-Sħubija Diġitali bejn l-Unjoni Ewropea u Singapore (minn hawn ’il quddiem imsejħa s-“Sħubija Diġitali”), iffirmata fl-1 ta’ Frar 2023, bħala inizjattiva biex tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u Singapore, f’diversi oqsma tal-ekonomija diġitali u biex jinħolqu opportunitajiet għal inizjattivi u sforzi konġunti f’oqsma ġodda u emerġenti tal-ekonomija diġitali;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-Prinċipji tal-Kummerċ Diġitali bejn l-Unjoni Ewropea u Singapore, iffirmati fl-1 ta’ Frar 2023, bħala riżultat ewlieni tas-Sħubija Diġitali, li jirriflettu l-impenn konġunt tal-Partijiet għal ekonomija diġitali miftuħa u li jipprovdu qafas komuni biex tingħata spinta lill-kummerċ diġitali;

Filwaqt li jagħrfu l-importanza tal-ekonomija diġitali u tal-kummerċ diġitali u li s-suċċess ekonomiku li għaddej bħalissa jiddependi fuq il-kapaċità kkombinata tal-Partijiet li jisfruttaw l-avvanzi teknoloġiċi biex itejbu n-negozji eżistenti, joħolqu prodotti u swieq ġodda, u jtejbu l-ħajja ta’ kuljum;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-opportunitajiet ekonomiċi u l-aċċess usa’ għall-oġġetti u s-servizzi għan-negozji u l-konsumaturi li jirriżultaw mill-ekonomija diġitali u l-kummerċ diġitali;

FILWAQT LI DEĊIŻI li japprofondixxu r-relazzjonijiet ekonomiċi tagħhom f’oqsma ġodda u emerġenti, fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali preferenzjali bilaterali tagħhom;

FILWAQT LI JIXTIEQU li jsaħħu r-relazzjoni kummerċjali preferenzjali bilaterali tagħhom bħala parti mir-relazzjonijiet ġenerali tagħhom u b’mod koerenti magħhom, u filwaqt li jirrikonoxxu li dan il-Ftehim flimkien mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles se jiffurmaw klima ġdida u żona ta’ kummerċ ħieles li twassal għall-iżvilupp tal-kummerċ diġitali bejn il-Partijiet;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza li jaħdmu flimkien biex isawru r-regoli u l-istandards diġitali, u biex jiffaċilitaw l-interoperabbiltà b’mod affidabbli u sigur, u jippromwovu ambjenti regolatorji miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorji u prevedibbli għall-iffaċilitar tal-kummerċ diġitali;

FILWAQT LI DEĊIŻI li jiffaċilitaw ambjent diġitali affidabbli u sigur li jippromwovi l-interessi tal-konsumatur u tan-negozju u li jrawwem il-fiduċja tal-pubbliku;

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom lejn il-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli fil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, u l-kondiviżjoni ta’ viżjoni tal-kummerċ diġitali bħala faċilitatur ewlieni tal-iżvilupp sostenibbli, fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-kummerċ diġitali jikkontribwixxi għat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomiji tagħna u għalhekk iqisu li r-regoli tal-kummerċ diġitali għandhom jibqgħu validi għall-futur u jwieġbu għall-innovazzjoni u t-teknoloġiji emerġenti;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-kummerċ diġitali jappoġġa l-intraprenditorija u jagħti s-setgħa lin-nies u lin-negozji kollha ta’ kull daqs fl-ekonomija globali billi jtejjeb l-interoperabbiltà, l-innovazzjoni, il-kompetizzjoni, u l-aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, b’mod partikolari għall-imprendituri nisa u l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, filwaqt li jippromwovi l-inklużjoni diġitali ta’ gruppi u individwi li jistgħu jiffaċċjaw b’mod sproporzjonat ostakli għall-kummerċ diġitali;

Filwaqt li jirrikonoxxu l-interdipendenza tagħhom fuq kwistjonijiet relatati mal-ekonomija diġitali u, bħala ekonomiji ewlenin online, l-interess kondiviż tagħhom fil-protezzjoni tal-infrastruttura kritika u fl-iżgurar ta’ Internet sikur u affidabbli li jappoġġa l-innovazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tat-trasparenza fil-kummerċ u fl-investiment internazzjonali, li hija għall-benefiċċju tal-partijiet ikkonċernati kollha;

FILWAQT LI JFITTXU li jistabbilixxu qafas modern u dinamiku għall-kooperazzjoni li jikkorrispondi għall-ekonomija diġitali u l-kummerċ diġitali b’pass imgħaġġel u li qed jevolvu;

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID id-dritt tagħhom li jagħmlu r-regolamentazzjoni fit-territorji tagħhom biex jiksbu objettivi leġittimi ta’ politika;

Filwaqt li jikkomplementaw ir-rwoli ta’ tmexxija internazzjonali u reġjonali tal-Partijiet fis-segwitu ta’ parametri referenzjarji, regoli u standards ambizzjużi għall-ekonomija diġitali u l-kummerċ diġitali;

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom lejn il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti ffirmata f’San Francisco fis-26 ta’ Ġunju 1945 u wara li kkunsidraw il-prinċipji artikolati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-10 ta’ Diċembru 1948;

FILWAQT LI JIBNU fuq id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom skont il-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim tad-WTO”), magħmul f’Marrakesh, il-Marokk, fil-15 ta’ April 1994, u ftehimiet u strumenti multilaterali u bilaterali oħra ta’ kooperazzjoni relatati mal-kummerċ diġitali u l-ekonomija diġitali li għalihom huma parti ż-żewġ Partijiet,

FTIEHMU KIF ĠEJ:


L-EWWEL KAPITOLU

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

ARTIKOLU 1

Objettiv

L-objettiv ta’ dan il-Ftehim huwa li jiffaċilita l-kummerċ diġitali tal-oġġetti u s-servizzi bejn il-Partijiet f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat fil-qafas tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni u għandu, flimkien mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, jifforma ż-żona ta’ kummerċ ħieles konsistenti mal-Artikolu XXIV (Applikazzjoni Territorjali _ Traffiku tal-Fruntiera _ Unjonijiet Doganali u Żoni ta’ Kummerċ Ħieles) tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “GATT 1994”) u l-Artikolu V (Integrazzjoni Ekonomika) tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ “GATS”).

ARTIKOLU 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.Dan il-Ftehim japplika għal miżuri ta’ Parti li jaffettwaw il-kummerċ permezz ta’ mezzi elettroniċi.

2.Dan il-Ftehim ma japplikax għal:

(a)servizzi awdjoviżivi;

(b)servizzi tax-xandir 1 ;

(c)informazzjoni miżmuma jew ipproċessata minn jew f’isem Parti, jew miżuri relatati ma’ tali informazzjoni 2 , inkluż miżuri relatati mal-ġbir, il-ħżin jew l-ipproċessar tagħha, ħlief kif previst fl-Artikolu 16 (Data tal-Gvern Miftuħa).

3.Dan il-Ftehim ma japplikax għal servizzi 3 ipprovdut jew attivitajiet imwettqa fl-eżerċizzju ta’ awtorità governattiva.

4.Għal aktar ċertezza, miżura li taffettwa l-provvista ta’ servizz mogħti jew imwettaq b’mod elettroniku hija soġġetta għall-obbligi li jinsabu fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu Tmienja tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, inkluż l-Anness 8-A u l-Anness 8-B tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, kif ukoll kwalunkwe eċċezzjoni li hija applikabbli għal dawk l-obbligi.

ARTIKOLU 3

Dritt għar-Regolamentazzjoni

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-dritt tagħhom li jirregolaw fit-territorji tagħhom biex jiksbu l-objettivi leġittimi ta’ politika, bħall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni pubblika, is-sikurezza, l-ambjent jew il-morali pubbliċi, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumatur, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali.

ARTIKOLU 4

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan il-Ftehim:

(a)“messaġġ elettroniku kummerċjali” tfisser messaġġ elettroniku li jintbagħat għal finijiet kummerċjali lil indirizz elettroniku ta’ persuna permezz ta’ kwalunkwe servizz tat-telekomunikazzjoni li jiġi offrut lill-pubbliku b’mod ġenerali, li jinkludi mill-inqas posta elettronika, messaġġi testwali u multimedjali (SMS u MMS) u, sa fejn previst skont il-liġijiet jew ir-regolamenti ta’ Parti, tipi oħra ta’ messaġġi elettroniċi;

(b)“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika involuta f’kummerċ diġitali għal finijiet oħra li mhumiex professjonali;

(c)“persuna koperta” tfisser, għall-fini tal-Artikolu 5 (Flussi Transkonfinali ta’ Data):

(I)persuna fiżika ta’ Parti;

(II)intrapriża ta’ Parti; jew

(III)kumpanija tat-tbaħħir stabbilita barra mill-Unjoni jew minn Singapore, u kkontrollata minn persuni fiżiċi ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew ta’ Singapore, li l-bastimenti tagħha huma rreġistrati f’konformità mal-leġiżlazzjoni rispettiva ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew ta’ Singapore, u li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru jew ta’ Singapore.

(d)“awtentikazzjoni elettronika” tfisser il-proċess jew l-att ta’ verifika tal-identità ta’ parti għal komunikazzjoni jew tranżazzjoni elettronika, jew l-iżgurar tal-integrità ta’ komunikazzjoni elettronika;

(e)“fatturazzjoni elettronika” tfisser il-ħolqien, l-ipproċessar u l-iskambju elettroniċi awtomatizzati ta’ fattura bejn bejjiegħ u xerrej bl-użu ta’ format ta’ data strutturata;

(f)“qafas tal-fatturazzjoni elettronika” tfisser sistema li tiffaċilita l-fatturazzjoni elettronika;

(g)“pagamenti elettroniċi” tfisser it-trasferiment ta’ kreditu pekunjarju ta’ pagatur fuq persuna li hija aċċettabbli għall-benefiċjarju u li ssir permezz ta’ mezzi elettroniċi, iżda ma tinkludix servizzi ta’ pagament ta’ banek ċentrali li jinvolvu saldu bejn fornituri ta’ servizzi finanzjarji;

(h)“firma elettronika” tfisser data f’forma elettronika li tkun fi, imwaħħla ma’, jew assoċjata loġikament ma’ messaġġ elettroniku tad-data u li tista’ tintuża biex tidentifika l-firmatarju fir-rigward tal-messaġġ tad-data u tindika l-approvazzjoni tal-firmatarju tal-informazzjoni li tinsab fil-messaġġ tad-data;

(i)“verżjoni elettronika” ta’ dokument tfisser dokument f’format elettroniku preskritt minn Parti;

(j)“utent finali” tfisser persuna li tixtri jew tabbona ma’ servizz ta’ aċċess għall-Internet minn fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet;

(k)“intrapriża” tfisser persuna ġuridika, fergħa jew uffiċċju rappreżentattiv;

(l)“intrapriża ta’ Parti” tfisser, għall-fini tal-Artikolu 5 (Flussi Transkonfinali ta’ Data), intrapriża li tkun kostitwita jew organizzata mod ieħor skont il-liġi ta’ Parti u, fil-każ ta’ persuna ġuridika, tkun involuta f’operazzjonijiet kummerċjali sostantivi fit-territorju ta’ dik il-Parti 4 ;

(m)“servizz finanzjarju” tfisser servizz finanzjarju kif definit fl-Artikolu 8.49(2) (Kamp ta’ Applikazzjoni u Definizzjonijiet), is-subparagrafu (a), tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles;

(n)“data tal-gvern” tfisser data li tkun proprjetà ta’ kwalunkwe livell ta’ gvern jew miżmuma minnu jew minn korpi mhux governattivi fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilhom minn kwalunkwe livell ta’ gvern;

(o)“persuna ġuridika” tfisser kwalunkwe entità legali debitament kostitwita jew organizzata mod ieħor skont il-liġi applikabbli, kemm jekk tkun bi skop ta’ qligħ kif ukoll għal skop mod ieħor, u kemm jekk tkun proprjetà privata kif ukoll jekk tal-gvern, inkluż kwalunkwe korporazzjoni, fiduċjarja, sħubija, impriża konġunta, impriża individwali jew assoċjazzjoni;

(p)“miżura” tfisser kwalunkwe miżura minn Parti, kemm jekk fil-forma ta’ liġi, regolament, regola, proċedura, deċiżjoni, azzjoni amministrattiva, jew kwalunkwe forma oħra;

(q)“miżuri ta’ Parti” tfisser kwalunkwe miżura adottata jew miżmuma minn:

(I)gvernijiet jew awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali; u

(II)korpi mhux governattivi fl-eżerċizzju ta’ setgħat iddelegati minn gvernijiet jew awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali;

(r)“persuna fiżika ta’ Parti” tfisser nazzjonal ta’ Singapore, jew ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni 5 , skont il-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom;

(s)“servizz online” tfisser servizz ipprovdut b’mezzi elettroniċi mingħajr ma jkunu preżenti simultanjament il-partijiet;

(t)“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli;

(u)“territorju” tfisser fir-rigward ta’ kull Parti ż-żona fejn japplika dan il-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 43 (Applikazzjoni Territorjali);

(v)“messaġġ elettroniku kummerċjali mhux mitlub” tfisser messaġġ elettroniku kummerċjali li jintbagħat mingħajr il-kunsens tar-riċevitur jew minkejja r-rifjut espliċitu tar-riċevitur;

(w)“WTO” tfisser l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

IT-TIENI KAPITOLU

DIXXIPLINI TAL-KUMMERĊ DIĠITALI

TAQSIMA A

FLUSSI TAD-DATA B’FIDUĊJA

ARTIKOLU 5

Flussi Transkonfinali ta’ Data

1.Il-Partijiet huma impenjati li jiżguraw it-trasferiment transkonfinali ta’ data b’mezzi elettroniċi meta din l-attività tkun għat-twettiq tan-negozju ta’ persuna koperta.

2.Għal dak l-għan, Parti ma għandhiex tadotta jew iżżomm miżuri li jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-trasferiment transkonfinali ta’ data stabbilit fil-paragrafu 1 billi:

(a)tirrikjedi l-użu ta’ faċilitajiet tal-kompjuter jew elementi tan-network fit-territorju tal-Parti għall-ipproċessar tad-data, inkluż bl-impożizzjoni tal-użu ta’ faċilitajiet tal-kompjuter jew elementi tan-network li huma ċċertifikati jew approvati fit-territorju tal-Parti;

(b)tirrikjedi l-lokalizzazzjoni tad-data fit-territorju tal-Parti għall-ħżin jew l-ipproċessar;

(c)tipprojbixxi l-ħżin jew l-ipproċessar tad-data fit-territorju tal-Parti l-oħra;

(d)tagħmel it-trasferiment transfruntier tad-data kontinġenti fuq l-użu ta’ faċilitajiet tal-kompjuter jew elementi tan-network fit-territorju tal-Parti jew fuq rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni fit-territorju tal-Parti; jew

(e)tipprojbixxi t-trasferiment ta’ data fit-territorju tal-Parti.

3.Il-Partijiet għandhom iżommu l-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni taħt rieżami u jivvalutaw il-funzjonament tagħha fi żmien 3 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Parti tista’ fi kwalunkwe ħin tipproponi lill-Parti l-oħra biex tirrevedi l-lista ta’ restrizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 2, inkluż jekk il-Parti l-oħra tkun ftiehmet li ma tadottax jew ma żżommx tipi oħra ta’ miżuri minbarra dawk elenkati fil-paragrafu 2 fi ftehim bilaterali jew multilaterali futur. Tali talba għandha tingħata kunsiderazzjoni simpatetika.

4.Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jipprevjeni lil Parti milli tadotta jew iżżomm miżura inkonsistenti mal-paragrafu 2 biex tikseb objettiv leġittimu ta’ politika pubblika 6 , dment li l-miżura:

(a)ma tiġix applikata b’mod li jikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ; u

(b)ma timponix restrizzjonijiet fuq it-trasferimenti ta’ informazzjoni akbar milli huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv 7 . 

ARTIKOLU 6

Protezzjoni ta’ Data Personali

1.Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-individwi għandhom dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni ta’ data personali u li standards għolja u infurzabbli f’dan ir-rigward jikkontribwixxu għall-fiduċja fl-ekonomija diġitali u għall-iżvilupp tal-kummerċ.

2.Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm qafas legali li jipprevedi l-protezzjoni ta’ data personali tal-individwi.

3.Fl-iżvilupp tal-qafas legali tagħha għall-protezzjoni ta’ data personali, kull Parti għandha tqis il-prinċipji u l-linji gwida żviluppati mill-korpi jew mill-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-prinċipji msemmija fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-privatezza u l-protezzjoni ta’ data personali 8 , u l-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (minn hawn’ il quddiem imsejħa l-“OECD”) li jirregolaw il-Protezzjoni tal-Privatezza u l-Flussi Transkonfinali ta’ Data Personali.

4.Kull Parti għandha tiżgura li l-qafas legali tagħha skont il-paragrafu 2 jipprovdi protezzjoni mhux diskriminatorja ta’ data personali għall-persuni fiżiċi.

5.Kull Parti għandha tippubblika informazzjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali li tipprovdi lill-individwi, inkluża gwida dwar kif:

(a)l-individwi jistgħu jfittxu rimedji; u,

(b)l-intrapriżi jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti legali.

6.Kull Parti għandha tinkoraġġixxi t-trasparenza mill-intrapriżi fit-territorju tagħha fir-rigward tal-politiki u l-proċeduri tagħhom relatati mal-protezzjoni ta’ data personali.

7.Filwaqt li jirrikonoxxu li l-Partijiet jistgħu jieħdu approċċi legali differenti għall-protezzjoni ta’ data personali, għandhom jesploraw modi biex iżidu l-konverġenza bejn dawn ir-reġimi differenti, inkluż biex jiffaċilitaw il-flussi transkonfinali ta’ data. Dan jista’ jinkludi r-rikonoxximent ta’ eżiti regolatorji, kemm mogħtija b’mod awtonomu kif ukoll permezz ta’ arranġament reċiproku, oqfsa internazzjonali usa’, jew gwida konġunta dwar l-użu ta’ mekkaniżmi komuni għat-trasferiment transkonfinali ta’ data.

8.Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jiskambjaw informazzjoni dwar il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 7 li huma applikati fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom.

9.Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ għodod għan-negozji biex juru konformità mal-istandards tal-protezzjoni ta’ data personali u l-aħjar prattiki.

10.Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jiskambjaw informazzjoni u jikkondividu l-esperjenzi dwar l-użu tal-għodod ta’ konformità mal-protezzjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 9, u għandhom jagħmlu ħilithom biex jippromwovu l-konverġenza bejn l-għodod rispettivi ta’ xulxin.

11.Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jipprevjeni lil Parti milli tadotta jew iżżomm miżuri skont il-qafas legali rispettiv tagħha msemmi fil-paragrafu 2 li hija tqis xierqa, inkluż permezz tal-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ regoli għat-trasferiment transkonfinali ta’ data personali, dment li l-liġi tal-Parti tipprevedi strumenti li jippermettu trasferimenti skont kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali għall-protezzjoni tad-data trasferita.

12.Kull Parti għandha tinforma lill-Parti l-oħra dwar kwalunkwe miżura li tadotta jew iżżomm skont il-paragrafu 11.

TAQSIMA B

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

ARTIKOLU 7

Dazji Doganali

Il-Partijiet ma għandhomx jimponu dazji doganali fuq trażmissjonijiet elettroniċi.

ARTIKOLU 8

L-Ebda Għoti ta’ Awtorizzazzjoni Preliminari

1.Parti ma għandhiex tirrikjedi għoti ta’ awtorizzazzjoni preliminari biss għar-raġuni li servizz jiġi pprovdut online, jew tadotta jew iżżomm kwalunkwe rekwiżit ieħor li jkollu effett ekwivalenti 9 . 

2.Paragrafu 1 ma japplikax għal servizzi ta’ telekomunikazzjoni, servizzi ta’ xandir, servizzi ta’ logħob tal-azzard, servizzi ta’ rappreżentanza legali, jew servizzi ta’ nutara jew professjonijiet ekwivalenti sa fejn dawn jinvolvu konnessjoni diretta u speċifika mal-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika.

ARTIKOLU 9

Kuntratti Elettroniċi

Ħlief f’ċirkostanzi previsti mod ieħor skont il-liġijiet jew ir-regolamenti tagħha, Parti ma għandhiex tiċħad l-effett legali, il-validità legali jew l-infurzabbiltà ta’ kuntratt elettroniku 10 biss fuq il-bażi li l-kuntratt ikun sar b’mezzi elettroniċi.

ARTIKOLU 10

Awtentikazzjoni Elettronika u Firem Elettroniċi

1.Ħlief f’ċirkostanzi previsti mod ieħor skont il-liġijiet jew ir-regolamenti tagħha, Parti ma għandhiex tiċħad l-effett legali, il-validità legali, jew l-ammissibbiltà bħala evidenza fi proċedimenti legali ta’ firma elettronika biss fuq il-bażi li l-firma tkun f’forma elettronika.

2.L-ebda Parti ma għandha tadotta jew iżżomm miżuri li:

(a)jipprojbixxu lill-partijiet għal tranżazzjoni elettronika milli jiddeterminaw b’mod reċiproku l-metodu ta’ awtentikazzjoni elettronika jew il-firma elettronika xierqa għal dik it-tranżazzjoni; jew

(b)jipprevjenu lill-partijiet għal tranżazzjoni elettronika milli jkollhom l-opportunità li jistabbilixxu quddiem awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi li t-tranżazzjoni tagħhom tikkonforma ma’ kwalunkwe rekwiżit legali fir-rigward tal-awtentikazzjoni elettronika jew tal-firem elettroniċi.

3.Minkejja l-paragrafu 2, Parti tista’ tirrikjedi li, għal kategorija partikolari ta’ tranżazzjonijiet, il-metodu ta’ awtentikazzjoni elettronika jew firma elettronika jiġi ċċertifikat minn awtorità akkreditata f’konformità mal-liġi tagħha, jew jissodisfa ċerti standards ta’ prestazzjoni li għandhom jiġu żviluppati permezz ta’ proċessi miftuħa u trasparenti u għandhom ikunu relatati biss mal-karatteristiċi speċifiċi tal-kategorija ta’ tranżazzjonijiet ikkonċernati.

4.Sa fejn previst skont il-liġijiet jew ir-regolamenti tagħha, Parti għandha tapplika l-paragrafi 1 sa 3 għas-siġilli elettroniċi, għat-timbri tal-ħin elettroniċi u għas-servizzi elettroniċi ta’ konsenja rreġistrati.

5.Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-użu ta’ awtentikazzjoni elettronika interoperabbli.

ARTIKOLU 11

Kodiċi tas-Sors

1.L-ebda Parti ma għandha tirrikjedi t-trasferiment ta’, jew l-aċċess għall-kodiċi tas-sors ta’ software li jkun proprjetà ta’ persuna fiżika jew ġuridika tal-Parti l-oħra bħala kundizzjoni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni, id-distribuzzjoni, il-bejgħ jew l-użu ta’ tali software, jew ta’ prodotti li fihom tali software, fit-territorju tagħha jew minnu.

2.Għal aktar ċertezza:

(a)L-Artikolu 28 (Konċessjoni Prudenzjali), l-Artikolu 29 (Eċċezzjonijiet Ġenerali) u l-Artikolu 30 (Eċċezzjonijiet ta’ Sigurtà) jistgħu japplikaw għal miżuri ta’ Parti adottati jew miżmuma fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni;

(b)il-paragrafu 1 ma japplikax għat-trasferiment volontarju ta’, jew l-għoti ta’ aċċess għal, kodiċi tas-sors ta’ software minn persuna fiżika jew ġuridika tal-Parti l-oħra fuq bażi kummerċjali, bħal fil-kuntest ta’ tranżazzjoni ta’ akkwist pubbliku jew kuntratti oħra nnegozjati liberament, jew taħt liċenzji ta’ sors miftuħ bħal fil-kuntest ta’ software b’sors miftuħ; u

(c)il-paragrafu 1 ma jaffettwax id-dritt tal-korpi regolatorji, ġudizzjarji jew tal-infurzar tal-liġi ta’ Parti li jirrikjedu l-modifika ta’ kodiċi tas-sors tas-software biex jikkonforma mal-liġijiet jew mar-regolamenti tagħha li ma jkunux inkonsistenti mal-Ftehim.

3.Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jaffettwa:

(a)id-dritt tal-awtoritajiet regolatorji, tal-infurzar tal-liġi, tal-korpi ġudizzjarji jew tal-valutazzjoni tal-konformità 11 ta’ Parti li jirrikjedu t-trasferiment ta’ kodiċi tas-sors ta’ software, jew l-aċċess għalih, qabel jew wara l-importazzjoni, l-esportazzjoni, id-distribuzzjoni, il-bejgħ jew l-użu ta’ tali software, għal finijiet ta’ investigazzjoni, spezzjoni jew eżami, azzjoni ta’ infurzar jew proċedimenti ġudizzjarji, biex jiżguraw il-konformità mal-liġijiet jew mar-regolamenti tagħha li jsegwu objettivi leġittimi ta’ politika pubblika 12 , soġġett għal salvagwardji kontra żvelar mhux awtorizzat;

(b)ir-rekwiżiti minn qorti, tribunal amministrattiv, awtorità tal-kompetizzjoni, jew korp rilevanti ieħor ta’ Parti biex jiġi rrimedjat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, jew rekwiżiti skont il-liġijiet jew ir-regolamenti ta’ Parti li ma jkunux inkonsistenti mal-Ftehim biex jiġi pprovdut aċċess proporzjonat u mmirat għal kodiċi tas-sors tas-software li jkun meħtieġ biex jiġu indirizzati l-ostakli għad-dħul fis-swieq diġitali biex jiġi żgurat li dawn is-swieq jibqgħu kompetittivi, ġusti, miftuħa u trasparenti;

(c)il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali; jew

(d)id-dritt ta’ Parti li tieħu miżuri f’konformità mal-Artikolu 9.3 (Eċċezzjonijiet ta’ Sigurtà u Ġenerali) tal-Kapitolu dwar l-Akkwist Pubbliku tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, li għandu japplika mutatis mutandis għal dan l-Artikolu.

ARTIKOLU 12

Protezzjoni tal-Konsumatur Online

1.Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu,attivitajiet kummerċjali qarrieqa, frodulenti u qarrieqa tinkludi:

(a)li jsiru rappreżentazzjonijiet żbaljati materjali, inklużi rappreżentazzjonijiet żbaljati fattwali impliċiti jew pretensjonijiet foloz dwar kwistjonijiet, bħall-kwalitajiet, il-prezz, l-adegwatezza għall-iskop, il-kwantità jew l-oriġini tal-oġġetti jew tas-servizzi;

(b)ir-reklamar tal-oġġetti jew tas-servizzi għall-provvista mingħajr intenzjoni jew kapaċità raġonevoli ta’ provvista;

(c)in-nuqqas ta’ twassil ta’ oġġetti jew forniment ta’ servizzi lil konsumatur wara li l-konsumatur jintalab iħallas sakemm ma jkunx iġġustifikat fuq bażi raġonevoli; u

(d)it-talb ta’ ħlas lil konsumatur għal oġġetti jew servizzi mhux mitluba.

2.Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm miżuri, inkluż liġijiet u regolamenti, biex tipproskrivi attivitajiet kummerċjali qarrieqa u frodulenti li jikkawżaw dannu jew dannu potenzjali lill-konsumaturi involuti fil-kummerċ elettroniku.

3.Biex tipproteġi lill-konsumaturi involuti fil-kummerċ elettroniku, kull Parti għandha tadotta jew iżżomm miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw:

(a)li l-konsumaturi jingħataw aċċess għal rimedju biex jitolbu d-drittijiet tagħhom, inkluż dritt għal rimedji f’każijiet fejn oġġetti jew servizzi jitħallsu u ma jitwasslux jew ma jiġux ipprovduti kif miftiehem;

(b)li l-fornituri ta’ oġġetti jew servizzi jittrattaw b’mod ġust u onest lill-konsumaturi;

(c)li l-fornituri ta’ oġġetti jew servizzi jipprovdu informazzjoni ċara, kompluta, preċiża u trasparenti dwar dawk l-oġġetti jew is-servizzi, inkluż kwalunkwe terminu u kundizzjoni ta’ xiri; u

(d)is-sikurezza tal-oġġetti waqt l-użu normali jew raġonevolment prevedibbli.

4.Biex jipproteġu lill-konsumaturi involuti fil-kummerċ elettroniku, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jadottaw jew iżommu miżuri biex jiżguraw li l-fornituri jipprovdu informazzjoni ċara, kompluta, preċiża u trasparenti dwar l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom 13 .

5.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jafdaw lill-aġenziji tagħhom għall-protezzjoni tal-konsumatur jew korpi rilevanti oħra b’setgħat ta’ infurzar adegwati.

6.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji rispettivi tagħhom għall-protezzjoni tal-konsumatur jew korpi rilevanti oħra, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenza, kif ukoll il-kooperazzjoni f’każijiet xierqa ta’ tħassib reċiproku rigward il-ksur tad-drittijiet tal-konsumatur fir-rigward tal-kummerċ elettroniku sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur online, fejn dan jiġi deċiż b’mod reċiproku.

7.Kull Parti għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku u aċċessibbli faċilment il-liġijiet u r-regolamenti tagħha dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

8.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li l-konsumaturi involuti fil-kummerċ elettroniku jingħataw protezzjoni tal-konsumatur f’livell mhux inqas minn dak mogħti lill-konsumaturi involuti f’forom oħra ta’ kummerċ.

9.Kull Parti għandha tippromwovi l-aċċess għal mekkaniżmi ta’ rimedju għall-konsumatur u l-għarfien dwarhom, inkluż għall-konsumaturi li jagħmlu tranżazzjonijiet transkonfinali.

ARTIKOLU 13

Messaġġi Elettroniċi Kummerċjali Mhux Mitluba

1.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-promozzjoni tal-fiduċja fil-kummerċ elettroniku, inkluż permezz ta’ miżuri trasparenti u effettivi li jillimitaw il-messaġġi elettroniċi kummerċjali mhux mitluba. Għal dan l-għan, kull Parti għandha tadotta jew iżżomm miżuri li:

(a)jirrikjedu li l-fornituri ta’ messaġġi elettroniċi kummerċjali jiffaċilitaw il-kapaċità tar-riċevituri li huma persuni fiżiċi biex jipprevjenu r-riċeviment li jibqa’ għaddej ta’ dawk il-messaġġi; u

(b)jirrikjedu l-kunsens, kif speċifikat fil-liġijiet jew fir-regolamenti ta’ kull Parti, tar-riċevituri li huma persuni fiżiċi biex jirċievu messaġġi elettroniċi kummerċjali.

2.Minkejja s-subparagrafu 1(b), kull Parti għandha tippermetti lil dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu ġabru, f’konformità mal-liġi tagħha, id-dettalji ta’ kuntatt ta’ riċevitur li jkun persuna fiżika fil-kuntest tal-provvista ta’ oġġetti jew servizzi, jibagħtu messaġġi elettroniċi kummerċjali lil dak l-utent għall-prodotti jew għas-servizzi simili tagħhom stess.

3.Kull Parti għandha tiżgura li l-messaġġi elettroniċi kummerċjali jkunu identifikabbli b’mod ċar bħala tali, jiżvelaw b’mod ċar f’isem min jintbagħtu, u jkun fihom l-informazzjoni meħtieġa biex ir-riċevituri li jkunu persuni fiżiċi jkunu jistgħu jitolbu l-waqfien ta’ dawk il-messaġġi fi kwalunkwe ħin u, sa fejn previst fil-liġijiet u fir-regolamenti ta’ Parti, mingħajr ħlas.

4.Kull Parti għandha tipprovdi aċċess għal rimedju kontra fornituri ta’ messaġġi elettroniċi kummerċjali mhux mitluba li ma jikkonformawx mal-miżuri adottati jew miżmuma skont il-paragrafi 1 sa 3.

5.Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw f’każijiet xierqa ta’ tħassib reċiproku rigward ir-regolamentazzjoni ta’ messaġġi elettroniċi kummerċjali mhux mitluba.

ARTIKOLU 14

Kooperazzjoni dwar Kwistjonijiet ta’ Kummerċ Diġitali

1.Il-Partijiet jaffermaw is-Sħubija Diġitali bħala l-qafas ewlieni għall-kooperazzjoni diġitali, inkluż dwar oqsma ta’ interess reċiproku, bħall-intelliġenza artifiċjali, l-identitajiet diġitali u l-innovazzjoni tad-data.

2.Il-Partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar kwistjonijiet regolatorji fil-kuntest tal-kummerċ diġitali fil-liġijiet u fir-regolamenti rispettivi tal-Partijiet, li għandhom jindirizzaw dan li ġej:

(a)ir-rikonoxximent u l-faċilitazzjoni tal-awtentikazzjoni elettronika interoperabbli, u l-fattibbiltà li fil-futur ikun hemm ftehim dwar rikonoxximent reċiproku rigward il-firem elettroniċi;

(b)it-trattament ta’ messaġġi elettroniċi kummerċjali mhux mitluba;

(c)il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ħaddiema tal-pjattaformi diġitali;

(d)oqfsa legali tad-drittijiet tal-awtur rilevanti għall-ambjent online; u

(e)kwalunkwe kwistjoni oħra rilevanti għall-iżvilupp tal-kummerċ diġitali.

3.Meta xieraq, il-Partijiet għandhom jikkooperaw u jipparteċipaw b’mod attiv f’fora internazzjonali biex jippromwovu l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku.

4.Għal aktar ċertezza, din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6 (Protezzjoni tad-Data Personali).

ARTIKOLU 15

Aċċess għal u Użu tal-Internet għall-Kummerċ Diġitali

1.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-benefiċċji li jiżguraw li, soġġett għall-politiki, il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli rispettivi tagħhom, l-utenti finali fit-territorji tagħhom ikollhom il-kapaċità li:

(a)jaċċessaw u jużaw applikazzjonijiet u servizzi tal-għażla tagħhom, soġġetti għal ġestjoni raġonevoli tan-network li ma timblukkax jew tnaqqas ir-ritmu tat-traffiku għal vantaġġ kompetittiv 14 ;

(b)jużaw apparati tal-utenti finali tal-għażla tagħhom, dment li tali apparati ma jagħmlux ħsara lis-sigurtà ta’ apparati oħra, lin-network jew lis-servizzi pprovduti fuq in-network; u

(c)jaċċessaw informazzjoni dwar il-prattiki tal-ġestjoni tan-network tal-fornitur tagħhom ta’ servizz ta’ aċċess għall-internet.

2.Għal aktar ċertezza, xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jipprevjeni lill-Partijiet milli jadottaw miżuri bl-għan li jipproteġu s-sikurezza pubblika fir-rigward tal-utenti online.

ARTIKOLU 16

Data tal-Gvern Miftuħa

1.Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “metadata” tfisser informazzjoni strutturali jew deskrittiva dwar id-data, bħall-kontenut, il-format, is-sors, id-drittijiet, il-preċiżjoni, il-provenjenza, il-frekwenza, il-perjodiċità, il-granularità, il-pubblikatur jew il-parti responsabbli, l-informazzjoni ta’ kuntatt, il-metodu ta’ ġbir jew il-kuntest.

2.Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-iffaċilitar tal-aċċess pubbliku għad-data tal-gvern u l-użu tagħha jrawwem l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, il-kompetittività, il-produttività u l-innovazzjoni. Għal dan l-għan, il-Partijiet huma inkoraġġuti jespandu l-kopertura ta’ tali data, bħal permezz tal-involviment u l-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati interessati.

3.Sa fejn Parti tagħżel li tagħmel id-data tal-gvern disponibbli b’mod diġitali għall-aċċess u l-użu tal-pubbliku, għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li tali data tkun:

(a)disponibbli f’format miftuħ u li tinqara mill-magni;

(b)disponibbli f’format li jkun iffaċilitat minn teknoloġiji spazjali fejn rilevanti;

(c)f’format li jippermetti li jiġi mfittex, irkuprat, użat, użat mill-ġdid u ridistribwit faċilment;

(d)disponibbli permezz ta’ interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet affidabbli, faċli għall-utent u disponibbli mingħajr ħlas;

(e)disponibbli għall-użu mill-ġdid f’konformità sħiħa mar-regoli ta’ Parti dwar il-protezzjoni ta’ data personali;

(f)aġġornata, kif applikabbli, fil-ħin;

(g)akkumpanjata minn metadata li tkun, sa fejn ikun possibbli, ibbażata fuq formati użati b’mod komuni li jippermettu lill-utent jifhem u juża d-data; u

(h)disponibbli b’mod ġenerali mingħajr jew b’kost raġonevoli għall-utent.

4.Sa fejn Parti tagħżel li tagħmel id-data tal-gvern disponibbli b’mod diġitali għall-aċċess u l-użu tal-pubbliku, għandha tagħmel ħilitha biex tevita li timponi kundizzjonijiet li jkunu diskriminatorji jew li jipprevjenu jew jirrestrinġu bla bżonn lill-utent ta’ tali data milli:

(a)jipproduċi, jiddistribwixxi, jew jippubblika mill-ġdid id-data;

(b)jirraggruppa mill-ġdid id-data; jew

(c)juża d-data għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali, inkluż fil-proċess tal-produzzjoni ta’ prodott jew servizz ġdid.

5.Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw biex jidentifikaw modi li bihom kull Parti tista’ tespandi l-aċċess għal u l-użu ta’ data tal-gvern li l-Parti tkun għamlet pubblika, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenzi dwar prattiki u politiki, bil-ħsieb li ttejjeb u tiġġenera opportunitajiet ta’ negozju u riċerka, lil hinn mill-użu tagħha mis-settur pubbliku speċjalment għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (minn hawn ’il quddiem imsejħa “SMEs”).

ARTIKOLU 17

Fatturazzjoni Elettronika

1.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-fatturazzjoni elettronika biex jittejbu l-kosteffettività, l-effiċjenza, l-akkuratezza u l-affidabbiltà tal-kummerċ diġitali, inkluż l-akkwist permezz ta’ mezzi elettroniċi. Kull Parti tirrikonoxxi l-benefiċċji li jiġi żgurat li s-sistemi użati għall-fatturazzjoni elettronika fit-territorju tagħha jkunu interoperabbli mas-sistemi użati għall-fatturazzjoni elettronika fit-territorju tal-Parti l-oħra, u l-importanza tal-istandards tal-fatturazzjoni elettronika bħala element ewlieni għal dak l-għan.

2.Kull Parti għandha tiżgura li l-implimentazzjoni ta’ miżuri relatati mal-fatturazzjoni elettronika fit-territorju tagħha tkun imfassla biex tappoġġa l-interoperabbiltà transkonfinali bejn l-oqfsa tal-fatturazzjoni elettronika tal-Partijiet. Għal dan l-għan, il-Partijiet għandhom, kif xieraq, jibbażaw il-miżuri tagħhom relatati mal-fatturazzjoni elettronika fuq oqfsa, standards, linji gwida jew rakkomandazzjonijiet internazzjonali.

3.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ekonomika tal-promozzjoni tal-adozzjoni globali ta’ oqfsa interoperabbli ta’ fatturazzjoni elettronika. Għal dan l-għan, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkondividu l-aħjar prattiki u jikkollaboraw dwar il-promozzjoni tal-adozzjoni ta’ sistemi interoperabbli għall-fatturazzjoni elettronika.

4.Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkollaboraw dwar inizjattivi li jippromwovu, jinkoraġġixxu, jappoġġaw jew jiffaċilitaw l-adozzjoni ta’ fatturazzjoni elettronika min-negozji. Għal dan l-għan, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex:

(a)jippromwovu l-eżistenza ta’ politika, infrastruttura u proċessi sottostanti li jappoġġaw il-fatturazzjoni elettronika; u

(b)jiġġeneraw sensibilizzazzjoni dwar il-fatturazzjoni elettronika u jibnu l-kapaċità għaliha.

ARTIKOLU 18

Kummerċ Mingħajr Karti

1.Bil-ħsieb li jinħoloq ambjent tal-fruntiera mingħajr karti għan-negozju tal-oġġetti, il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jiġu eliminati l-formoli u d-dokumenti stampati meħtieġa għall-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu tal-oġġetti. Għal dak l-għan, kull Parti hija inkoraġġuta telimina l-formoli u d-dokumenti stampati, kif xieraq, u t-tranżizzjoni lejn l-użu ta’ formoli u dokumenti f’formati bbażati fuq id-data.

2.Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-formoli u d-dokumenti meħtieġa għall-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu tal-oġġetti disponibbli għall-pubbliku f’format elettroniku. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, it-terminu “format elettroniku” jinkludi formati adatti għall-interpretazzjoni awtomatizzata u għall-ipproċessar elettroniku mingħajr intervent mill-bniedem, kif ukoll immaġnijiet u formoli diġitalizzati.

3.Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex taċċetta verżjonijiet elettroniċi kompluti ta’ formoli u dokumenti meħtieġa għall-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu tal-oġġetti bħala l-ekwivalenti legali ta’ verżjonijiet stampati ta’ dawk il-formoli u d-dokumenti.

4.Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw bilateralment u f’fora internazzjonali biex jippromwovu l-aċċettazzjoni ta’ verżjonijiet elettroniċi ta’ formoli u dokumenti meħtieġa għall-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu tal-oġġetti.

5.Fl-iżvilupp ta’ inizjattivi li jipprevedu l-użu ta’ kummerċ mingħajr karti, kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tqis il-metodi miftiehma minn organizzazzjonijiet internazzjonali.

6.Kull Parti tirrikonoxxi l-importanza li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ rekords elettroniċi użati f’attivitajiet ta’ negozjar kummerċjali bejn in-negozji fit-territorju rispettiv tagħha u f’konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti tagħha.

ARTIKOLU 19

Tieqa Unika

1.Il-Partijiet jirrikonoxxu li s-sistemi ta’ tieqa unika jiffaċilitaw il-kummerċ, inkluż il-kummerċ diġitali, u jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom fl-Artikolu 6.13 (Tieqa Unika) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles li jagħmlu ħilithom biex jiżviluppaw jew iżommu sistemi ta’ tieqa unika biex jiffaċilitaw sottomissjoni elettronika unika tal-informazzjoni kollha meħtieġa mid-dwana u minn leġiżlazzjoni oħra għall-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-tranżitu tal-oġġetti.

2.Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw kooperazzjoni, bħal billi jiskambjaw, fejn rilevanti u xieraq, permezz ta’ komunikazzjoni elettronika strutturata u rikorrenti bejn l-awtoritajiet doganali tal-Partijiet, informazzjoni relatata mad-dwana kif xieraq u f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti, għall-finijiet tat-titjib tal-ġestjoni tar-riskju u l-effettività tal-kontrolli doganali, l-immirar ta’ oġġetti f’riskju f’termini ta’ ġbir ta’ dħul jew sikurezza u sigurtà, u l-iffaċilitar tal-kummerċ leġittimu. Il-Kumitat Doganali stabbilit bl-Artikolu 16.2 (Kumitati Speċjalizzati) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles jista’, fejn iqis meħtieġ, jiddiskuti kwistjonijiet, jipproponi rakkomandazzjonijiet u jadotta deċiżjonijiet għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

ARTIKOLU 20

Qafas tat-Tranżazzjonijiet Elettroniċi

1.Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tadotta jew iżżomm qafas legali li jirregola t-tranżazzjonijiet elettroniċi li jkun konsistenti mal-prinċipji tal-Liġi Mudell tal-UNCITRAL dwar il-Kummerċ Elettroniku 1996.

 

2.Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex:

(a)tevita piż regolatorju żejjed fuq it-tranżazzjonijiet elettroniċi; u

(b)tiffaċilita l-input minn persuni interessati fl-iżvilupp tal-qafas legali tagħha għal tranżazzjonijiet elettroniċi.

3.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jiffaċilitaw l-użu ta’ rekords trasferibbli elettroniċi. Għal dan l-għan, kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tadotta jew iżżomm qafas legali li jqis il-Liġi Mudell tal-UNCITRAL dwar ir-Rekords Trasferibbli Elettroniċi 2017.

ARTIKOLU 21

Pagamenti Elettroniċi 15

1.Filwaqt li jinnutaw it-tkabbir rapidu ta’ pagamenti elettroniċi, b’mod partikolari dawk fornuti minn fornituri ġodda ta’ servizzi ta’ pagamenti elettroniċi, il-Partijiet jirrikonoxxu:

(a)il-benefiċċju tal-appoġġ għall-iżvilupp ta’ pagamenti elettroniċi transfruntiera sikuri, effiċjenti, affidabbli, siguri, affordabbli u aċċessibbli billi jrawmu l-adozzjoni u l-użu ta’ standards aċċettati internazzjonalment, jippromwovu l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ pagamenti elettroniċi, u jinkoraġġixxu l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni utli fis-servizzi ta’ pagamenti elettroniċi;

(b)l-importanza li jżommu s-sistemi ta’ pagamenti elettroniċi sikuri, effiċjenti, affidabbli, siguri u aċċessibbli permezz ta’ liġijiet u regolamenti li, fejn xieraq, iqisu r-riskji ta’ tali sistemi; u

(c)l-importanza li jippermettu l-introduzzjoni ta’ prodotti u servizzi ta’ pagamenti elettroniċi sikuri, effiċjenti, affidabbli, siguri, affordabbli u aċċessibbli, fil-ħin.

2.Għal dan l-għan, kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex:

(a)tqis, għas-sistemi ta’ pagamenti elettroniċi rilevanti, standards ta’ pagament aċċettati internazzjonalment biex tippermetti interoperabbiltà akbar bejn is-sistemi ta’ pagamenti elettroniċi;

(b)tinkoraġġixxi lill-fornituri ta’ servizzi finanzjarji u lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagamenti elettroniċi jużaw pjattaformi u arkitetturi miftuħa u jagħmlu disponibbli, f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet tal-prodotti, is-servizzi u t-tranżazzjonijiet finanzjarji tagħhom, biex jiffaċilitaw l-interoperabbiltà, il-kompetizzjoni, is-sigurtà u l-innovazzjoni akbar fil-pagamenti elettroniċi, li jistgħu jinkludu sħubijiet ma’ fornituri terzi, soġġetti għal ġestjoni xierqa tar-riskju; u

(c)tiffaċilita l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni b’kundizzjonijiet ekwi u l-introduzzjoni ta’ prodotti u servizzi ġodda ta’ pagamenti finanzjarji u elettroniċi fil-ħin, bħal permezz tal-adozzjoni ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji u industrijali.

3.Kull Parti għandha tagħmel il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħha dwar il-pagamenti elettroniċi, inkluż dawk li jappartjenu għall-approvazzjoni regolatorja, ir-rekwiżiti ta’ liċenzjar, il-proċeduri u l-istandards tekniċi, disponibbli għall-pubbliku fil-ħin.

ARTIKOLU 22

Ċibersigurtà

1.Il-Partijiet jirrikonoxxu li t-theddid għaċ-ċibersigurtà jimmina l-fiduċja fil-kummerċ diġitali.

2.Il-Partijiet jirrikonoxxu n-natura li qed tevolvi tat-theddid ċibernetiku. Sabiex jidentifikaw u jimmitigaw it-theddid ċibernetiku u b’hekk jiffaċilitaw il-kummerċ diġitali, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex:

(a)jibnu l-kapaċitajiet tal-entitajiet nazzjonali rispettivi tagħhom responsabbli għar-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà; u

 

(b)jikkollaboraw biex jidentifikaw u jimmitigaw l-intrużjonijiet malizzjużi jew it-tixrid ta’ kodiċi malizzjuż li jaffettwa n-networks elettroniċi tal-Partijiet, biex jindirizzaw l-inċidenti taċ-ċibersigurtà fil-ħin, u biex jikkondividu l-informazzjoni għas-sensibilizzazzjoni u l-aħjar prattiki.

3.Filwaqt li jinnotaw in-natura li qed tevolvi tat-theddid ċibernetiku u l-impatt negattiv tagħhom fuq il-kummerċ diġitali, il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ approċċi bbażati fuq ir-riskju fl-indirizzar ta’ tali theddid filwaqt li jimminimizzaw l-ostakli għall-kummerċ. Għaldaqstant, biex tidentifika u tipproteġi kontra r-riskji taċ-ċibersigurtà, tidentifika eventi taċ-ċibersigurtà, u tirrispondi għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà u tirkupra minnhom, kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tuża, u tinkoraġġixxi lill-intrapriżi fil-ġuriżdizzjoni tagħha jużaw approċċi bbażati fuq ir-riskju li jiddependu fuq l-aħjar prattiki tal-ġestjoni tar-riskju u fuq standards żviluppati b’mod trasparenti, miftuħ u bbażat fuq il-kunsens.

ARTIKOLU 23

Standards, Regolamenti Tekniċi u Proċeduri ta’ Valutazzjoni tal-Konformità

1.Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, id-definizzjonijiet tal-Anness 1 tal-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim dwar l-OTK”) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

2.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza u l-kontribut tal-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità fit-trawwim ta’ ekonomija diġitali li tiffunzjona tajjeb, u fit-tnaqqis tal-ostakli għall-kummerċ diġitali billi jżidu l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-affidabbiltà.

3.Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu lill-korpi rispettivi tagħhom biex jipparteċipaw u jikkooperaw f’oqsma ta’ interess reċiproku f’fora internazzjonali li għalihom iż-żewġ Partijiet huma parti, biex jippromwovu l-iżvilupp u l-użu ta’ standards internazzjonali relatati mal-kummerċ diġitali. F’oqsma emerġenti ta’ interess reċiproku fl-ekonomija diġitali, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom ukoll biex jagħmlu dan għas-servizzi rilevanti għall-kummerċ diġitali.

4.Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-mekkaniżmi li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent transkonfinali tar-riżultati ta’ valutazzjoni tal-konformità jistgħu jiffaċilitaw il-kummerċ diġitali. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jagħmlu użu minn tali mekkaniżmi, li jinkludu ftehimiet ta’ rikonoxximent internazzjonali dwar l-aċċettazzjoni tar-riżultati ta’ valutazzjoni tal-konformità mir-regolaturi. F’oqsma emerġenti ta’ interess reċiproku fl-ekonomija diġitali, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom ukoll biex jagħmlu dan għas-servizzi rilevanti għall-kummerċ diġitali.

5.Għal dan l-għan, f’oqsma ta’ interess reċiproku li huma relatati mal-kummerċ diġitali, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom jew jinkoraġġixxu lill-korpi rispettivi tagħhom biex:

(a)jidentifikaw inizjattivi konġunti, u jikkooperaw fihom, fil-qasam tal-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità; u

(b)jikkooperaw mas-settur privat biex jiżviluppaw fehim akbar tal-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità bejn il-Partijiet, l-industrija u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.

6.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-iskambju ta’ informazzjoni u t-trasparenza rigward it-tħejjija, l-adozzjoni u l-applikazzjoni tal-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għall-kummerċ diġitali u jaffermaw l-impenji tagħhom skont l-Artikolu 4.8 (Trasparenza) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles. F’oqsma emerġenti ta’ interess reċiproku fl-ekonomija diġitali, il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-iskambju ta’ informazzjoni u t-trasparenza fir-rigward tat-tħejjija, l-adozzjoni u l-applikazzjoni tal-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għas-servizzi rilevanti għall-kummerċ diġitali u għandhom jagħmlu ħilithom biex, fuq talba u fejn xieraq, jinkoraġġixxu lill-korpi rispettivi tagħhom jipprovdu informazzjoni dwar l-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità relatati mas-servizzi rilevanti għall-kummerċ diġitali.

ARTIKOLU 24

Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju

1.Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol fundamentali tal-SMEs fir-relazzjonijiet bilaterali kummerċjali u ta’ investiment tal-Partijiet u l-opportunitajiet li l-kummerċ diġitali jista’ joffri għal tali entitajiet.

2.Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol integrali tal-partijiet ikkonċernati, inklużi n-negozji, fl-implimentazzjoni tal-Partijiet ta’ dan l-Artikolu.

3.Bil-ħsieb li jissaħħu l-opportunitajiet għall-SMEs biex jibbenefikaw minn dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattiki fl-ingranaġġ tal-għodod diġitali u tat-teknoloġija biex itejbu l-parteċipazzjoni tal-SMEs f’opportunitajiet ta’ kummerċ diġitali.

ARTIKOLU 25

Inklużjoni Diġitali

1.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-inklużjoni diġitali biex jiżguraw li n-nies u n-negozji kollha jkollhom dak li jeħtieġu biex jipparteċipaw fl-ekonomija diġitali, jikkontribwixxu għaliha u jibbenefikaw minnha. Għal dan l-għan, il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jespandu u jiffaċilitaw l-opportunitajiet billi jneħħu l-ostakli għall-parteċipazzjoni fil-kummerċ diġitali.

2.Għal dan l-għan, il-Partijiet għandhom jikkooperaw dwar kwistjonijiet relatati mal-inklużjoni diġitali, inkluż il-parteċipazzjoni fil-kummerċ diġitali ta’ persuni li jistgħu jiffaċċjaw ostakli sproporzjonati għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-kummerċ diġitali. Tali kooperazzjoni tista’ tinkludi:

(a)il-kondiviżjoni tal-esperjenzi u tal-aħjar prattiki, inkluż l-iskambji bejn l-esperti, fir-rigward tal-inklużjoni diġitali;

(b)l-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għall-aċċess għall-opportunitajiet kummerċjali diġitali;

(c)il-kondiviżjoni ta’ metodi u proċeduri għall-iżvilupp ta’ settijiet ta’ data u t-twettiq ta’ analiżi fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-kummerċ diġitali ta’ persuni li jistgħu jiffaċċjaw ostakli sproporzjonati għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-kummerċ diġitali; u

(d)kwalunkwe qasam ieħor kif miftiehem b’mod konġunt mill-Partijiet.

3.L-attivitajiet ta’ kooperazzjoni relatati mal-inklużjoni diġitali jistgħu jitwettqu permezz tal-koordinazzjoni, kif xieraq, tal-aġenziji u l-partijiet ikkonċernati rispettivi tal-Partijiet.

4.Il-Partijiet għandhom jipparteċipaw b’mod attiv fid-WTO u f’fora internazzjonali oħra biex jippromwovu inizjattivi għall-avvanz tal-inklużjoni diġitali fil-kummerċ diġitali.

ARTIKOLU 26

Kondiviżjoni tal-Informazzjoni

1.Kull Parti għandha tistabbilixxi jew iżżomm mezz diġitali liberu u aċċessibbli għall-pubbliku li jkun fih informazzjoni rigward dan il-Ftehim, inklużi:

(a)it-test ta’ dan il-Ftehim;

(b)sommarju ta’ dan il-Ftehim; u

(c)kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li Parti tqis utli biex l-SMEs jifhmu l-benefiċċji ta’ dan il-Ftehim.

2.Kull Parti għandha tirrieżamina regolarment l-informazzjoni magħmula disponibbli skont dan l-Artikolu biex tiżgura li l-informazzjoni u l-links ikunu aġġornati u preċiżi.

3.Sa fejn ikun possibbli, kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tagħmel l-informazzjoni disponibbli skont dan l-Artikolu disponibbli bl-Ingliż.

ARTIKOLU 27

Involviment tal-Partijiet Ikkonċernati

1.Il-Partijiet għandhom ifittxu opportunitajiet biex jippromwovu l-benefiċċji tal-kummerċ diġitali skont dan il-Ftehim fost il-partijiet ikkonċernati bħal negozji, organizzazzjonijiet mhux governattivi, esperti akkademiċi u partijiet ikkonċernati oħra.

2.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati u tal-promozzjoni ta’ inizjattivi u pjattaformi rilevanti fil-Partijiet u bejniethom, kif xieraq, fil-kuntest ta’ dan il-Ftehim.

3.Fejn xieraq, il-Partijiet jistgħu jinvolvu partijiet ikkonċernati interessati bħal negozji, organizzazzjonijiet mhux governattivi u esperti akkademiċi għall-finijiet ta’ sforzi ta’ implimentazzjoni u l-modernizzazzjoni ulterjuri ta’ dan il-Ftehim.

IT-TIELET KAPITOLU

EĊĊEZZJONIJIET, SOLUZZJONI TA’ TILWIM, DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI U FINALI

TAQSIMA A

EĊĊEZZJONIJIET

ARTIKOLU 28

Konċessjoni Prudenzjali

1.Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jipprevjeni lil Parti milli tadotta jew iżżomm miżuri għal raġunijiet prudenzjali 16 , bħal:

(a)il-protezzjoni tal-investituri, id-depożitanti, it-titolari ta’ poloz jew ta’ persuni li lilhom huwa dovut obbligu fiduċjarju minn fornitur ta’ servizzi finanzjarji; jew

(b)l-iżgurar tal-integrità u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta’ Parti.

2.Fejn tali miżuri ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, ma għandhomx jintużaw bħala mezz biex jiġu evitati l-impenji jew l-obbligi tal-Parti skont il-Ftehim.

3.Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jinftiehem li jirrikjedi lil Parti tiżvela informazzjoni relatata mal-affarijiet u l-kontijiet ta’ konsumaturi individwali jew kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali jew ta’ propjetà fil-pussess ta’ entitajiet pubbliċi.

ARTIKOLU 29

Eċċezzjonijiet Ġenerali

L-Artikoli 2.14 (Eċċezzjonijiet Ġenerali) u 8.62 (Eċċezzjonijiet Ġenerali) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan il-Ftehim.

ARTIKOLU 30

Eċċezzjonijiet dwar is-Sigurtà

L-Artikolu 16.11 (Eċċezzjonijiet dwar is-Sigurtà) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandu japplika mutatis mutandis għal dan il-Ftehim.

ARTIKOLU 31

Miżuri ta’ Salvagwardja Temporanji fuq Movimenti ta’ Kapital u Pagamenti

L-Artikolu 16.10 (Miżuri ta’ Salvagwardja Temporanji fuq Movimenti ta’ Kapital u Pagamenti) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandu japplika mutatis mutandis għal dan il-Ftehim.

ARTIKOLU 32

Tassazzjoni

L-Artikolu 16.6 (Tassazzjoni) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandu japplika mutatis mutandis għal dan il-Ftehim.

TAQSIMA B

SOLUZZJONI TA’ TILWIM

ARTIKOLU 33

Soluzzjoni ta’ Tilwim

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Erbatax (Soluzzjoni ta’ Tilwim) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandhom japplikaw mutatis mutandis għal kwalunkwe tilwima li tirriżulta bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

ARTIKOLU 34

Mekkaniżmu ta’ Medjazzjoni

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Ħmistax (Mekkaniżmu ta’ Medjazzjoni) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan il-Ftehim u huma mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet skont l-Artikolu 33 (Soluzzjoni ta’ Tilwim).

ARTIKOLU 35

Trasparenza

Bħala komplement għad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-Kapitolu Erbatax tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, kull Parti għandha minnufih tippubblika:

(a)talba għal konsultazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 14.3(2) (Konsultazzjonijiet) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles;

(b)talba tal-bord magħmula skont l-Artikolu 14.4(2) (Bidu tal-Proċedura ta’ Arbitraġġ) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles;

(c)id-data tal-istabbiliment ta’ bord determinat f’konformità mal-Artikolu 14.5(7) (Stabbiliment tal-Bord ta’ Arbitraġġ) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, il-limitu ta’ żmien għas-sottomissjonijiet amicus curiae ddeterminat skont ir-Regola 42 tal-Anness 14-A (Regoli ta’ Proċedura għall-Arbitraġġ) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, u l-lingwa ta’ ħidma għall-proċedimenti tal-bord determinati f’konformità mar-Regola 46 tal-Anness 14-A (Regoli ta’ Proċedura għall-Arbitraġġ) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles;

(d)is-sottomissjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tagħha pprovduti fil-proċedimenti tal-bord, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor; u

(e)soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku milħuqa skont l-Artikolu 14.15 (Soluzzjoni Miftiehma b’Mod Reċiproku) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles.

TAQSIMA Ċ

DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI

ARTIKOLU 36

Dispożizzjonijiet Istituzzjonali

1.L-Artikolu 16.1 (Kumitat tal-Kummerċ) u l-Artikolu 16.2(1) (Kumitati Speċjalizzati), is-subparagrafu (d), tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan il-Ftehim.

2.Il-Kumitat għall-Kummerċ fis-Servizzi, l-Investiment u l-Akkwisti Pubbliċi stabbilit skont l-Artikolu 16.2(1), is-subparagrafu (d), tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Ftehim, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 19 (Tieqa Unika).

3.L-Artikolu 8.64 (Kumitat għall-Kummerċ fis-Servizzi, l-Investiment u l-Akkwisti Pubbliċi) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandu japplika mutatis mutandis għal dan il-Ftehim.

4.L-Artikoli 16.2(2), 16.2(3), 16.2(4), 16.3 (Evoluzzjoni tal-Liġi tad-WTO), 16.4 (Teħid ta’ Deċiżjonijiet) u 16.5 (Emendi) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan il-Ftehim.

TAQSIMA D

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

ARTIKOLU 37

Divulgazzjoni ta’ Informazzjoni

1.Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jinftiehem bħala li jirrikjedi lil Parti tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali, li d-divulgazzjoni tagħha jista’ jxekkel l-infurzar tal-liġi, ikun mod ieħor kontra l-interessi pubbliċi, jew jippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ impriżi partikolari, kemm jekk pubbliċi kif ukoll privati.

2.Meta Parti tippreżenta informazzjoni lill-Kumitat tal-Kummerċ, lill-Kumitat Doganali jew lill-Kumitat għall-Kummerċ fis-Servizzi, l-Investiment u l-Akkwisti Pubbliċi li titqies bħala kunfidenzjali skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala kunfidenzjali, sakemm il-Parti li tippreżenta ma taqbilx mod ieħor.

ARTIKOLU 38

Dħul fis-Seħħ

1.Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat mill-Partijiet f’konformità mal-proċeduri proprji tagħhom.

2.Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara dak li fih il-Partijiet jiskambjaw notifiki bil-miktub li jiċċertifikaw li huma lestew ir-rekwiżiti u l-proċeduri legali applikabbli rispettivi għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Il-Partijiet jistgħu jaqblu dwar data oħra.

ARTIKOLU 39

Durata

1.Dan il-Ftehim għandu jkun validu b’mod indefinit.

2.Parti tista’ tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li ttemm dan il-Ftehim.

3.Dan il-Ftehim għandu jintemm 6 xhur wara n-notifika skont il-paragrafu 2.

4.Fi żmien 30 jum mill-wasla ta’ notifika skont il-paragrafu 2, kull Parti tista’ titlob konsultazzjonijiet rigward jekk it-terminazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhiex tidħol fis-seħħ f’data aktar tard minn dik prevista fil-paragrafu 3. Tali konsultazzjonijiet għandhom jibdew fi żmien 30 jum mill-wasla ta’ tali talba minn Parti.

ARTIKOLU 40

Twettiq ta’ Obbligi

Il-Partijiet għandhom jieħdu kwalunkwe miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex iwettqu l-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim. Huma għandhom jaraw li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti f’dan il-Ftehim.

ARTIKOLU 41

Relazzjoni ma’ Ftehimiet Oħra

1.Dan il-Ftehim għandu jkun parti integrali mir-relazzjonijiet ġenerali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u Singapore, min-naħa l-oħra, kif irregolat mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni u l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, u għandu jifforma parti minn qafas istituzzjonali komuni. Dan jikkostitwixxi ftehim speċifiku li jagħti effett lid-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni u, flimkien mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, jifforma ż-żona ta’ kummerċ ħieles konsistenti mal-Artikolu XXIV (Applikazzjoni Territorjali_Traffiku tal-Fruntiera_Unjonijiet Doganali u Żoni ta’ Kummerċ Ħieles) tal-GATT 1994 u l-Artikolu V (Integrazzjoni Ekonomika) tal-GATS.

2.L-Artikoli li ġejjin tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandhom jieqfu milli jkollhom effett u għandhom jiġu sostitwiti bl-Artikoli li ġejjin ta’ dan il-Ftehim kif previst:

(a)L-Artikolu 8.54 (Proċessar ta’ Data) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles huwa sostitwit mill-Artikolu 5 (Flussi Transkonfinali ta’ Data) ta’ dan il-Ftehim;

(b)L-Artikolu 8.57(3) (Objettivi) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles huwa sostitwit bl-Artikolu 5 ta’ dan il-Ftehim;

(c)L-Artikolu 8.57(4) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles huwa sostitwit bl-Artikolu 6 (Protezzjoni ta’ Data Personali) ta’ dan il-Ftehim;

(d)L-Artikolu 8.58 (Dazji Doganali) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles huwa sostitwit b’l-Artikolu 7 (Dazji Doganali) ta’ dan il-Ftehim;

(e)L-Artikolu 8.60 (Firem Elettroniċi) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles huwa sostitwit bl-Artikolu 10 (Awtentikazzjoni Elettronika u Firem Elettroniċi) ta’ dan il-Ftehim; u

(f)L-Artikolu 8.61 (Kooperazzjoni Regolatorja dwar il-Kummerċ Elettroniku) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles huwa sostitwit bl-Artikolu 14 (Kooperazzjoni dwar Kwistjonijiet ta’ Kummerċ Diġitali) ta’ dan il-Ftehim.

3.Għal aktar ċertezza, il-Partijiet jaqblu li xejn f’dan il-Ftehim ma jirrikjedihom jaġixxu b’mod mhux konsistenti mal-obbligi tagħhom skont il-Ftehim tad-WTO.

ARTIKOLU 42

Mingħajr Effett Dirett

Għal aktar ċertezza, xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat bħala li jagħti drittijiet jew li jimponi obbligi fuq kwalunkwe persuna, ħlief dawk id-drittijiet u l-obbligi maħluqa bejn il-Partijiet skont id-dritt internazzjonali pubbliku.

ARTIKOLU 43

Applikazzjoni Territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika:

(a)fir-rigward tal-Unjoni, għat-territorji li fihom japplikaw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk it-Trattati; u

(b)fir-rigward ta’ Singapore, għat-territorju tiegħu.

Referenzi għal “territorju” f’dan il-Ftehim għandhom jiġu mifhuma f’dan is-sens, ħlief jekk previst b’mod espliċitu mod ieħor.

ARTIKOLU 44

Testi Awtentiċi

Dan il-Ftehim huwa mfassal f’kopji duplikati bil-Bulgaru, il-Kroat, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, l-Irlandiż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u l-Iżvediż, b’kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku.

(1)

Servizzi tax-xandir tirreferi għal servizzi kif definiti fl-Artikolu 8.25 (Definizzjonijiet), is-subparagrafu (a), tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles.

(2)

 Għal aktar ċertezza, tali miżuri jinkludu dawk relatati ma’ sistemi, infrastruttura jew faċilitajiet użati għall-ġbir, il-ħżin jew l-ipproċessar ta’ tali informazzjoni.

(3)

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, “servizz ipprovdut fl-eżerċizzju ta’ awtorità governattiva” għandha l-istess tifsira bħal fil-GATS, inkluż, fejn applikabbli, l-Anness tal-GATS dwar is-Servizzi Finanzjarji.

(4)

L-Unjoni tifhem li l-kunċett ta’ “rabta effettiva u kontinwa” mal-ekonomija ta’ Stat Membru tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “TFUE”) huwa ekwivalenti għall-kunċett ta’ “operazzjonijiet kummerċjali sostanzjali”.

(5)

It-terminu “persuna fiżika” jinkludi persuni fiżiċi li jirrisjedu b’mod permanenti fil-Latvja u li ma jkunux ċittadini tal-Latvja jew ta’ kwalunkwe stat ieħor, iżda li jkunu intitolati, skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Latvja, biex jirċievu passaport ta’ persuna mhux ċittadina (Passaport għal Stranġier).

(6)

Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, “objettiv leġittimu ta’ politika pubblika” għandha tiġi interpretata b’mod oġġettiv u għandha tippermetti l-ilħuq ta’ objettivi bħall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, il-morali pubbliċi, jew il-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, iż-żamma tal-ordni pubbliku, il-protezzjoni ta’ interessi fundamentali oħra tas-soċjetà bħall-koeżjoni soċjali, is-sikurezza online, iċ-ċibersigurtà, l-intelliġenza artifiċjali sikura u affidabbli, jew il-protezzjoni kontra t-tixrid tad-diżinformazzjoni, jew objettivi komparabbli oħra ta’ interess pubbliku, filwaqt li titqies in-natura li qed tevolvi tat-teknoloġiji diġitali u l-isfidi relatati.

(7)

Għal aktar ċertezza, din id-dispożizzjoni ma taffettwax l-interpretazzjoni ta’ eċċezzjonijiet oħra f’dan il-Ftehim u l-applikazzjoni tagħhom għal dan l-Artikolu u d-dritt ta’ Parti li tinvoka xi waħda minnhom.

(8)

Maħruġa fil-Forum għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku li sar f’Pariġi fit-22 ta’ Frar 2022.

(9)

Għal aktar ċertezza, Parti mhijiex prekluża milli tirrikjedi għoti ta’ awtorizzazzjoni preliminari għal servizz online, jew milli tadotta jew iżżomm kwalunkwe rekwiżit ieħor li jkollu effett ekwivalenti, abbażi ta’ raġunijiet oħra ta’ politika.

(10)

Għal aktar ċertezza, kuntratt elettroniku jinkludi kuntratt li sar permezz ta’ interazzjoni ma’ sistema awtomatizzata ta’ messaġġi.

(11)

Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, “korp ta’ valutazzjoni tal-konformità” tirreferi għal korp jew awtorità governattiva rilevanti ta’ Parti, jew korp mhux governattiv fl-eżerċizzju tas-setgħat delegati minn korp governattiv jew awtorità tal-Parti, li jwettaq il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità mal-liġijiet jew mar-regolamenti applikabbli ta’ dik il-Parti.

(12)

Dawn jistgħu jinkludu dawk elenkati fin-nota 6 f’qiegħ il-paġna għall-Artikolu 5.4 (Flussi Transkonfinali ta’ Data).

(13)

Fil-każ ta’ fornituri ta’ servizzi intermedjarji, dan jinkludi wkoll l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-fornitur reali tal-oġġetti jew tas-servizz.

(14)

Għall-finijiet tas-subparagrafu 1(a), il-Partijiet jirrikonoxxu li fornitur ta’ servizz ta’ aċċess għall-Internet li joffri lill-abbonati tiegħu ċertu kontenut fuq bażi esklużiva ma jkunx qed jaġixxi kontra dan il-prinċipju;

(15)

 Għal aktar ċertezza, xejn f’dan l-Artikolu ma jirrikjedi li Parti tagħti lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagamenti elettroniċi tal-Parti l-oħra mhux stabbiliti fit-territorju tagħha aċċess għal servizzi ta’ pagament ta’ banek ċentrali li jinvolvu saldu bejn il-fornituri ta’ servizzi finanzjarji.

(16)

Huwa mifhum li t-terminu “raġunijiet prudenzjali” jinkludi ż-żamma tas-sikurezza, is-solidità, l-integrità, jew ir-responsabbiltà finanzjarja ta’ fornitur individwali ta’ servizzi finanzjarji.