Brussell, 5.6.2025

JOIN(2025) 140 final

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Strateġija Diġitali Internazzjonali għall-Unjoni Ewropea


Strateġija Diġitali Internazzjonali għall-Unjoni Ewropea

Ir-rivoluzzjoni diġitali u tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) qiegħda ssawwar mill-ġdid l-ekonomiji u s-soċjetajiet fl-Ewropa u madwar id-dinja. L-atturi ekonomiċi u l-pajjiżi li huma kapaċi jaħkmuhom mhux biss jiksbu vantaġġ ekonomiku deċiżiv f’termini ta’ kompetittività u effiċjenza, iżda jistgħu jużaw ukoll dawn it-teknoloġiji biex isaħħu d-difiża u s-sigurtà nazzjonali tagħhom, kif ukoll jiżguraw li jkunu allinjati mal-valuri ewlenin tas-soċjetà tagħhom. Min-naħa l-oħra, dawk li qegħdin idumu biex iħaddnuhum, qegħdin jirriskjaw li jaqgħu lura mill-aspett ekonomiku u jimminaw is-sovranità tagħhom.

F’kuntest bħal dan, l-UE hija ddeterminata li tagħti spinta lill-kompetittività teknoloġika u lill-kapaċità ta’ innovazzjoni tagħha filwaqt li taħdem mas-sħab u mal-alleati biex tappoġġa t-tranżizzjoni diġitali tagħhom stess. L-ebda pajjiż jew reġjun ma jista’ jindirizza r-rivoluzzjoni diġitali u tal-IA waħdu. L-UE tibqa’ impenjata favur l-ordni globali bbażata fuq ir-regoli u d-difiża tal-valuri fundamentali tagħha.

Għall-kompetittività, għas-sigurtà ekonomika u għall-kapaċità tad-difiża tal-UE, huwa kruċjali li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab u mal-alleati teknoloġiċi tagħna biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-kumpaniji tat-teknoloġija Ewropej li jinnovaw u jikbru fuq livell globali. Huma meħtieġa sforzi miftiehma tal-UE biex jiġi żgurat li l-governanza diġitali globali tappoġġa l-interessi u l-valuri fundamentali tal-UE.

Din l-istrateġija tistabbilixxi l-bażi li fuqha l-UE se tindirizza dawn l-objettivi, filwaqt li taħdem b’mod konġunt.

1.L-aspett diġitali bħala element ewlieni tal-azzjoni esterna tal-UE

Fl-istadju ġeopolitiku kurrenti, l-UE tibqa’ sieħeb affidabbli u prevedibbli, impenjata li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet eżistenti tagħha mal-alleati fuq livell globali, u li trawwem sħubijiet ġodda ta’ benefiċċju reċiproku ma’ dawk li huma lesti li jaħdmu biex jintlaħqu objettivi komuni. L-appoġġ tal-UE għall-ordni globali bbażata fuq ir-regoli, allinjata mal-valuri tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali, huwa sod.

In-network dejjem jikber tal-UE ta’ sħubijiet bilaterali u reġjonali jippermetti lill-UE tkun aktar b’saħħitha fix-xena dinjija, billi tibni koalizzjonijiet sabiex jintlaħqu objettivi komuni f’fora u organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin. Mit-tfassil tan-normi f’fora multilaterali sal-approfondiment tas-sħubijiet bilaterali, l-UE għandha l-għan li tagħmel progress fi prijoritajiet konkreti u immedjati, filwaqt li tipproteġi u tippromwovi l-interessi strateġiċi tal-UE 1 .

Kif enfasizzat mir-rapport dwar il-futur tal-kompetittività Ewropea 2 , id-distakk dejjem akbar fil-produttività bejn l-UE u l-Istati Uniti sa minn nofs is-snin disgħin huwa spjegat fil-biċċa l-kbira mill-kapaċità superjuri tal-Istati Uniti li jinnovaw, jespandu fuq livell globali u jirnexxu fis-settur tat-teknoloġija. L-UE qiegħda tiffaċċja wkoll ir-riskju ta’ strumentalizzazzjoni tad-dipendenzi teknoloġiċi u ekonomiċi tagħha u r-riskju ta’ ħrib tat-teknoloġija kritika. Kif deskritt fl-Istrateġija ProtectEU 3 , il-linji bejn it-theddid offline u online qegħdin isiru dejjem inqas ċari u l-UE jeħtieġ li tikkoopera aħjar mas-sħab tagħha biex tiġġieled l-użu ħażin tat-teknoloġiji.

Billi ssaħħaħ il-kompetittività tat-teknoloġija u l-kapaċità tal-innovazzjoni tagħha, kif stabbilit fil-Boxxla għall-Kompetittività 4 tal-UE, l-UE tista’ tibni fuq diversi punti b’saħħithom. L-UE għandha suq uniku diġitali kbir u integrat u hija l-mexxejja globali fl-importazzjoni u fl-esportazzjoni ta’ servizzi pprovduti b’mod diġitali 5 . Tospita kumpaniji tat-teknoloġija ewlenin fid-dinja u għandha għadd dejjem akbar ta’ start-ups tat-teknoloġija 6 . Tista’ tibbaża fuq riċerka u innovazzjoni ta’ klassi dinjija u għandha l-kapaċità li tipprovdi soluzzjonijiet teknoloġiċi integrati lill-pajjiżi sħab li jfittxu li jirrispettaw is-sovranità diġitali tagħhom u li jimplimentaw trasformazzjoni diġitali ċċentrata fuq il-bniedem.

Bħala parti mill-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali 7 , l-UE għandha l-għan li tagħti spinta lill-investiment fl-infrastruttura tal-konnettività, fil-ħiliet u fir-riċerka 8 , u li toħloq kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-ħolqien u għall-espansjoni ta’ start-ups fixkiela tal-UE. Peress li teknoloġiji bħall-IA, is-semikondutturi, il-cloud u l-computing kwantistiku qegħdin ibiddlu b’mod fundamentali x-xenarju industrijali kif ukoll tad-difiża u tas-sigurtà, l-Ewropa teħtieġ industrija li tkun kapaċi tfassal, tiżviluppa, timmanifattura u twassal dawn it-teknoloġiji u l-prodotti aktar malajr u fuq skala kbira.

Diplomazija Diġitali dejjem aktar attiva bniet fuq dawn il-pedamenti domestiċi sodi biex tavvanza l-prijoritajiet internazzjonali tagħna u tibni sħubijiet 9 . L-investimenti u l-inizjattivi mnedija skont il-Global Gateway, inkluż fil-pajjiżi tat-tkabbir u tal-viċinat, b’mod partikolari l-Pjanijiet tat-Tkabbir tal-UE, juru l-importanza strateġika tas-settur diġitali minn perspettiva ġeopolitika, ta’ sigurtà u ekonomika. 

Għalhekk, filwaqt li tibni fuq il-punti b’saħħithom u l-politiki u l-azzjonijiet interni tal-UE, l-Istrateġija Diġitali Internazzjonali għall-Unjoni Ewropea se tiffoka fuq l-objettivi li ġejjin:

a)Tagħti spinta lill-kompetittività tat-teknoloġija tal-UE permezz tal-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali. L-UE se tkompli tikkoopera ma’ sħab fdati biex issaħħaħ it-tmexxija tal-UE fit-teknoloġija emerġenti, inkluż permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni u billi tattira investimenti u talenti barranin; tuża l-għodod internazzjonali tagħha biex tiżviluppa u tippromwovi soluzzjonijiet teknoloġiċi tal-UE madwar id-dinja; u tespandi n-network dejjem jikber tagħha ta’ ftehimiet kummerċjali diġitali

b)Tippromwovi livell għoli ta’ sigurtà għall-UE u għas-sħab tagħha. F’konformità ma’ impenji eżistenti 10 , l-UE se tkompli ssaħħaħ iċ-ċibersigurtà u d-difiża ċibernetika tagħha, b’mod partikolari ta’ infrastrutturi kritiċi ewlenin; issaħħaħ is-sigurtà tar-riċerka filwaqt li ssaħħaħ ir-riċerka f’oqsma relatati mas-sigurtà; tindirizza t-theddid ibridu u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin; ittejjeb ir-reżiljenza, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-ktajjen tal-provvista tal-ICT inkluż lil hinn mill-fruntieri tagħha; tindirizza ċ-ċiberkriminalità permezz ta’ operazzjonijiet konġunti 11 , inkluż permezz ta’ kooperazzjoni bilaterali u multilaterali; u tippromwovi fornituri fdati tat-teknoloġiji diġitali, inkluż f’teknoloġiji b’użu doppju bħall-IA u l-computing kwantistiku.

c)Issawwar governanza u standards diġitali globali ma’ network ta’ sħab. L-UE se tkompli tippromwovi l-approċċ tagħha bbażat fuq il-valuri dwar il-governanza diġitali u l-istandards diġitali biex issawwar trasformazzjoni diġitali globali li tkun ċċentrata fuq il-bniedem, affidabbli u li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Billi taġixxi b’mod deċiżiv, l-UE tista’ tkun forza mexxejja ta’ avvanz teknoloġiku ggwidat b’mod responsabbli fix-xena globali.

2.It-tkabbir tan-network globali ta’ sħab tal-UE

L-UE żviluppat kooperazzjoni diġitali reġjonali u bilaterali b’saħħitha mas-sħab permezz ta’ Kunsilli tal-Kummerċ u t-Teknoloġija fil-livell Ministerjali 12 u Sħubijiet Diġitali 13 , kif ukoll Djalogi Diġitali 14 . Iżżomm Djalogi Ċibernetiċi ma’ firxa wiesgħa ta’ sħab 15 , u l-kwistjonijiet diġitali huma karatteristika dejjem aktar importanti tas-Sħubijiet Komprensivi u Strateġiċi mfassla apposta 16 .

Barra minn hekk, il-kooperazzjoni diġitali tibni wkoll fuq l-assoċjazzjoni ta’ pajjiżi sħab ma’ programmi ewlenin tal-UE, b’mod partikolari Orizzont Ewropa 17 u l-programm Ewropa Diġitali 18 (DEP, Digital Europe Programme) għal kooperazzjoni avvanzata fir-riċerka u l-innovazzjoni u l-varar ta’ teknoloġiji diġitali.

L-avvanz fl-armonizzazzjoni tal-politiki ta’ trasformazzjoni diġitali ewlenin, l-investiment fil-konnettività diġitali sigura u t-tisħiħ tal-innovazzjoni huma wkoll fil-qalba tal-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi tat-tkabbir u tal-viċinat, permezz ta’ strumenti bħall-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv jew Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Dawn il-ftehimiet kummerċjali u strumenti relatati oħrajn bħall-Pjanijiet ta’ Tkabbir għall-Balkani tal-Punent 19 , il-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Moldova 20 u l-Faċilità għall-Ukrajna 21 jistabbilixxu bażi strateġika għall-integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi kandidati fis-Suq Uniku Diġitali 22 .

L-UE qiegħda tiżviluppa Patt ġdid għall-Mediterran mas-sħab tal-Viċinat tan-Nofsinhar, li jibni fuq l-Aġenda 2021 għall-Mediterran, biex tapprofondixxi l-impenn politiku tagħna u ssaħħaħ il-kooperazzjoni f’oqsma ta’ interess reċiproku, b’mod partikolari fil-qasam diġitali.

L-UE qiegħda tespandi fuq bażi kontinwa n-network tagħha ta’ ftehimiet takummerċ ħieles 23 u ftehimiet dwar il-kummerċ diġitali 24 . Fost l-oħrajn, dawn jistabbilixxu regoli dwar il-kummerċ diġitali ta’ standard għoli li jiżguraw ambjent online sigur u sikur għall-konsumaturi, iġibu t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali għall-kumpaniji, u jipprevjenu jew ineħħu ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ diġitali inkluż għall-flussi ta’ data transfruntieri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkollabora ma’ regolaturi u ma’ inforzaturi ewlenin oħrajn, filwaqt li tibni networks ġodda dwar is-servizzi diġitali u l-IA.

Il-Global Gateway toffri l-opportunità li jiġu avvanzati sħubijiet, djalogi ta’ politika, u investimenti ma’ pajjiżi madwar id-dinja, inkluż permezz tal-Alleanza Diġitali UE-Amerka Latina u Karibew 25 , l-arranġament amministrattiv mal-Afrika Intelliġenti 26 , l-inizjattiva Tim Ewropa għall-Asja Ċentrali 27 , u Pakketti tal-Ekonomija Diġitali ma’ sħab fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerka Latina 28 inkluż mal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati. Is-Sħubijiet għal Kummerċ u Investimenti Nodfa 29 jippermettu lill-UE tindirizza r-rabtiet bejn il-kwistjonijiet diġitali, il-kummerċ u t-teknoloġija nadifa.

Hemm xewqa dejjem akbar madwar id-dinja għal kooperazzjoni diġitali mal-UE, u x-xenarju globali kurrenti jappella għal forom ġodda, aktar profondi u aktar flessibbli ta’ kooperazzjoni biex jitrawmu sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku, li jirrikonoxxu l-avvanzi li saru minn ħafna mis-sħab tagħna fl-ispazju diġitali, mid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tal-gvern biex jiġu ffaċilitati l-pagamenti elettroniċi, mill-appoġġ tad-drittijiet taċ-ċittadini sal-iżvilupp tar-reżiljenza lokali. L-UE se tibqa’ tfittex il-kooperazzjoni – mhux biss ma’ sħab fit-tul tal-istess fehma, iżda ma’ kwalunkwe pajjiż li miegħu nikkondividu l-objettivi komuni.

Għalhekk, l-UE, iffaċċjata bil-ħtieġa li tħaffef it-trasformazzjoni diġitali tagħha f’kuntest ġeopolitiku aktar ta’ sfida, se tespandi n-network globali tagħha ta’ sħab f’erba’ direzzjonijiet:

1)Tapprofondixxi s-Sħubijiet u d-Djalogi Diġitali eżistenti tagħha, biex tavvanza l-kooperazzjoni f’oqsma ewlenin, bħar-riċerka u l-innovazzjoni, il-kooperazzjoni industrijali u ta’ politika dwar it-teknoloġija emerġenti, it-trasparenza u r-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista globali, is-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-infrastruttura diġitali, il-varar u l-innovazzjoni tal-IA, b’enfasi fuq il-benefiċċji ekonomiċi reċiproċi u t-tisħiħ tas-sigurtà ekonomika. L-UE se tipproponi integrazzjoni aktar sinifikanti ta’ prijoritajiet addizzjonali f’dawn is-sħubijiet, bħaċ-ċibersigurtà, is-sigurtà tar-riċerka, il-protezzjoni tat-teknoloġija sensittiva u aspetti relatati ma’ teknoloġiji b’użu doppju. Se tkompli tinvolvi ruħha f’kooperazzjoni regolatorja avvanzata. L-approfondiment tas-Sħubijiet u tad-Djalogi Diġitali se jinvolvi wkoll l-għoti ta’ rwol imsaħħaħ lin-negozji mill-UE u mill-pajjiżi sħab, l-istimular ta’ kooperazzjoni bejn in-negozji u bejn in-negozji u l-gvern u l-enfasi fuq l-opportunitajiet ta’ investiment.

2)Twessa’ n-network ta’ kooperazzjoni eżistenti, bl-istabbiliment ta’ Sħubijiet u Djalogi Diġitali ġodda u tespandi n-network ta’ ftehimiet kummerċjali diġitali. Is-sħab ta’ prijorità se jiġu ddeterminati bil-prijoritajiet u bil-kooperazzjoni bilaterali u reġjonali eżistenti tal-UE fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri bħala bażi. Skont il-Global Gateway, l-UE se taħdem biex iżżid l-investimenti Ewropej fil-pajjiżi sħab, billi torbot l-UE ma’ ċentri ta’ tkabbir diġitali u tikkontribwixxi għas-sigurtà ekonomika tal-UE.

3)Tgħaqqad flimkien dawn is-sħubijiet biex joperaw bħala network. Hekk kif in-network ta’ sħubijiet jespandi, hekk ukoll l-opportunità li naħdmu flimkien sabiex jinkisbu interessi komuni. Bl-istess mod, il-kooperazzjoni qiegħda ssir dejjem aktar meħtieġa hekk kif qegħdin inħabbtu wiċċna ma’ sfidi komuni. Il-kooperazzjoni tista’ tieħu l-forma ta’ skambji tekniċi regolari dwar kwistjonijiet komuni (eż. teknoloġija emerġenti, konnettività sigura u affidabbli, standardizzazzjoni jew kooperazzjoni regolatorja), it-tħejjija ta’ proġetti konġunti (eż. il-kooperazzjoni u l-innovazzjoni fir-riċerka, proġetti pilota ta’ interoperabbiltà, proġetti konġunti f’pajjiżi terzi), u l-organizzazzjoni ta’ network, li jinvolvi rappreżentanti ta’ livell għoli mis-sħab tal-UE, mill-UE u mill-Istati Membri tal-UE.

4)Issaħħaħ is-Sħubijiet għas-Sigurtà u d-Difiża 30 fir-rigward ta’ kwistjonijiet diġitali, minħabba l-importanza dejjem akbar ta’ infrastruttura u teknoloġiji diġitali avvanzati. Fost il-prijoritajiet f’dan il-qasam hemm l-ingranaġġ tal-investiment f’kapaċitajiet teknoloġiċi avvanzati b’użu doppju u l-promozzjoni tal-industrija tat-teknoloġija tas-sigurtà u d-difiża tal-UE bħala sieħeb ċentrali u xprunatur tal-innovazzjoni fl-IA, fit-teknoloġiji kwantistiċi u f’teknoloġiji emerġenti oħrajn.

L-UE tqis l-iżvilupp tal-IA bħala fundamentali għall-futur tal-umanità. Dan ma jistax jitnaqqas għat-tfittxija ta’ supremazija fost il-potenzi avvanzati fl-IA. B’rispons għal dan, l-UE se tkompli tippromwovi l-mudell miftuħ u kollaborattiv tagħha tal-iżvilupp ta’ IA affidabbli, li huwa bbażat fuq il-parteċipazzjoni tar-riċerkaturi u tas-settur privat fil-“Fabbriki tal-IA”. F’dan ir-rigward, il-kooperazzjoni ma’ sħab u ma’ alleati tal-istess fehma li jikkondividu r-rispett tagħna għall-istat tad-dritt u għall-valuri fundamentali u demokratiċi, se tkun kruċjali.

Eżempji ta’ azzjonijiet li ġejjin:

·It-tħejjija ta’ Sħubijiet u Djalogi Diġitali ġodda potenzjali, f’approċċ ta’ Tim Ewropa, li jiżgura kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, mal-industrija, mal-partijiet ikkonċernati u mal-pajjiżi sħab, inkluż fil-kuntest tal-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi tal-viċinat.

·L-istabbiliment ta’ Network ta’ Sħubija Diġitali, li jinvolvi lis-sħab tal-UE, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha.

·Kooperazzjoni mill-qrib biex jiġu promossi sinerġiji bejn is-Sħubijiet Diġitali u l-kwistjonijiet relatati mat-teknoloġija tas-Sħubijiet għas-Sigurtà u d-Difiża tal-UE.

·L-espansjoni tan-network ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ Diġitali u l-kontinwazzjoni tan-negozjati ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles inkluż dwar il-kummerċ diġitali.

3.L-Offerta ta’ Negozju fit-Teknoloġija tal-UE

Biex tinvolvi ruħha ma’ sett usa’ ta’ sħab fdati, l-UE se tiżviluppa Offerta ta’ Negozju fit-Teknoloġija integrata. Offerta komprensiva bħal din se tappoġġa l-varar ta’ konnettività sigura u affidabbli, l-Infrastruttura Pubblika Diġitali, l-IA u soluzzjonijiet tas-software, u lil hinn. L-objettiv se jkun li jitfasslu u jiġu kkombinati l-komponenti tat-teknoloġija f’approċċ modulari – fejn jiġu bbilanċjati l-interessi tal-pajjiżi sħab u tal-UE, sabiex jinħoloq pakkett ta’ benefiċċji reċiproċi. Dan se jiġi kkomplementat b’miżuri għall-bini tal-kapaċitajiet u miżuri biex jitnaqqas id-distakk globali fit-talent, filwaqt li jiġu kkoordinati l-isforzi ta’ taħriġ dwar il-ħiliet diġitali mas-sħab internazzjonali. L-UE se tippromwovi b’mod attiv is-soluzzjonijiet diġitali li jippermettu manifattura, servizzi u applikazzjonijiet oħrajn aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi.

L-Offerta ta’ Negozju fit-Teknoloġija se tiġi ġestita b’mod konġunt mill-UE u mill-Istati Membri tagħha f’approċċ ta’ “Tim Ewropa tat-Teknoloġija”, li jinvolvi mill-qrib il-kumpaniji tal-UE 31 , l-Istituzzjonijiet tal-Finanzi għall-Iżvilupp tal-UE u l-Aġenziji ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni, bi rwol ta’ faċilitatur b’saħħtu miċ-Ċentru D4D 32 u l-inizjattiva umbrella EU4Digital 33 . L-Offerta se tibni fuq għodod u investimenti ta’ finanzjament estern eżistenti mis-settur privat. Se jkun essenzjali li jiġu kkoordinati l-investimenti permezz tal-programmi differenti, bejn is-settur pubbliku u dak privat u li jkompli jittejjeb l-ambjent tan-negozju. Dan se jsir f’kooperazzjoni mill-qrib mad-Delegazzjonijiet tal-UE u mal-Ambaxxati nazzjonali, pereżempju permezz taċ-Ċentri Diġitali Informali, li l-UE stabbiliet f’għadd ta’ pajjiżi sħab 34 biex tippromwovi l-kooperazzjoni ta’ Tim Ewropa. F’pajjiżi li magħhom ġew konklużi jew qegħdin jiġu nnegozjati sħubijiet strateġiċi, l-Offerta se tiġi integrata fil-qafas ta’ sħubija eżistenti jew innegozjat.

4.Oqsma ta’ prijorità ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi sħab

Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab se tkopri l-oqsma li ġejjin:

L-infrastruttura diġitali sigura u affidabbli

Is-sigurtà u r-reżiljenza tan-networks u l-infrastrutturi diġitali huma essenzjali biex jippermettu żviluppi f’setturi kritiċi bħall-enerġija, it-trasport, il-finanzi u s-saħħa. Filwaqt li l-UE diġà wriet tmexxija f’dan il-qasam, se tkompli l-ħidma, billi tibbaża fuq strumenti bħas-Sett ta’ Għodod tal-5G 35 , biex tgħin lill-pajjiżi sħab li huma daqstant ikkonċernati dwar il-ħtieġa li jibnu l-ekonomija diġitali tagħhom fuq pedamenti siguri. F’konformità mal-Komunikazzjoni reċenti biex jissaħħu s-sigurtà u r-reżiljenza tal-kejbils sottomarini 36 , dan l-approċċ jista’ jiġi estiż għall-kejbils sottomarini u għal infrastruttura diġitali kritika oħra. Dan jista’ jkun is-suġġett ta’ konferenza annwali biex jissaħħu l-kuntatti tekniċi u l-fehim dwar l-opportunitajiet u r-rekwiżiti tas-sigurtà għal rotot, sħubijiet u finanzjament futuri, li jikkontribwixxu għall-proċess ta’ Global Gateway.

L-UE se tippromwovi l-varar ta’ konnettività diġitali sigura u infrastruttura sostenibbli madwar id-dinja – b’mod partikolari networks tal-5G siguri u affidabbli, kejbils sottomarini u terrestri, konnettività satellitari, infrastruttura tal-Internet, supercomputers u ċentri tad-data. L-UE se taħdem ukoll biex tappoġġa r-reżiljenza tas-sħab tagħha permezz tad-diversifikazzjoni u tal-integrazzjoni tan-networks, inkluż permezz tal-konnettività satellitari u forom oħrajn ta’ networks mhux terrestri. L-UE se tfittex li tiżviluppa network ta’ kejbils ta’ komunikazzjoni sottomarini u terrestri siguri 37 li jgħaqqdu lill-UE mal-pajjiżi sħab, kif ukoll konnettività spazjali sovrana u reżiljenti. Dan għandu jappoġġa r-rwol tal-UE bħala ċentru internazzjonali li kapaċi jospita kapaċitajiet tad-data u tal-computing fi spazju reżiljenti u affidabbli, li jisfrutta l-opportunitajiet tal-ekonomija tad-data, u jattira investimenti f’ċentri tad-data sostenibbli, f’kapaċitajiet tal-computing u tal-IA. F’kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab, l-UE se tfittex b’mod attiv li tappoġġa soluzzjonijiet diġitali li jippermettu manifattura, servizzi u applikazzjonijiet oħrajn aktar effiċjenti fl-enerġija u fir-riżorsi, li jnaqqsu l-impronta tal-karbonju kif ukoll li jiffaċilitaw l-adattament għat-tibdil fil-klima u r-reżiljenza għalih.

Eżempji ta’ azzjonijiet futuri fil-qasam tal-konnettività sigura:

·Il-konnettività tal-Artiku hija prijorità strateġika għall-UE. L-UE se taħdem mas-sħab biex tagħti spinta lill-appoġġ għal proġetti li javvanzaw rotot ġodda ta’ kejbils sottomarini fir-reġjun, billi tagħmel użu mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex jiġu kkatalizzati l-investimenti pubbliċi u privati.

·Element ewlieni tal-investiment ta’ Global Gateway fis-settur diġitali huwa network ta’ proġetti ta’ infrastrutturi ta’ kejbils ta’ komunikazzjoni sottomarini strateġiċi biex jiġu pprovduti rabtiet siguri u reżiljenti bejn l-UE u l-pajjiżi sħab. L-investimenti jinkludu:

1)BELLA, l-ewwel kejbil fibrottiku trans-Atlantiku bejn l-UE u l-Amerka Latina u l-Karibew, li jgħaqqad l-istituti tar-riċerka tal-Amerka Latina, jipprovdi aċċess veloċi għad-data ta’ Osservazzjoni tad-Dinja mill-komponent Copernicus tal-Programm Spazjali tal-UE. Dan se jiġi estiż ulterjorment madwar l-Amerka Ċentrali u l-Karibew u se jappoġġa t-tkabbir tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja fir-reġjun.

2)Il-kejbil sottomarin MEDUSA, appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea u mill-BEI Globali, se jipprovdi konnettività b’veloċità għolja bejn ix-xtut tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Mediterran u se jiġi estiż għall-Afrika tal-Punent.

3)Blue-Raman jikkonsisti f’sistema ppjanata ta’ kejbils sottomarini siguri ta’ 11 700 km li tgħaqqad l-Ewropa mal-Indja, b’inżul fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika tal-Lvant, tul il-Kuritur Ekonomiku bejn l-Indja, il-Lvant Nofsani u l-Ewropa (IMEC, India-Middle East-Europe Economic Corridor). Bid-dimensjoni qawwija ta’ konnettività tagħha li tgħaqqad l-Ewropa u l-Indja permezz tar-reġjun tal-Golf, din se tiffaċilita l-iskambju ta’ data u se żżid il-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab.

·L-istrateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed tirrikonoxxi l-Baħar l-Iswed bħala portal ewlieni li jgħaqqad l-Ewropa mal-Kawkasu tan-Nofsinhar, l-Asja Ċentrali u lil hinn. Sabiex jiżdiedu l-konnettività u l-kummerċ mar-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant, l-UE se tappoġġa investimenti mmirati fl-infrastruttura diġitali, bl-iżvilupp ta’ rabtiet diġitali tal-Baħar l-Iswed li għandhom l-għan li joħolqu konnessjoni tal-internet sigura u b’kapaċità għolja, meta l-kundizzjonijiet jippermettu dan.

·L-Inizjattiva Tim Ewropa tal-Asja Ċentrali se tipprovdi konnettività sigura mtejba, primarjament għal żoni mhux moqdija u mhux moqdija biżżejjed fl-Asja Ċentrali, permezz tas-satellita pprovduta mis-settur privat tal-UE.

·IRIS², il-komponent il-ġdid ta’ konnettività sigura bbażata fuq is-satelliti tal-programm Spazjali tal-UE, se jipprovdi kopertura globali meta l-kostellazzjoni kollha tkun ġiet varata. Fi stadju bikri, se jistabbilixxi proġetti pilota fl-Afrika sub-Saħarjana.

·L-Inizjattiva ta’ Tim Ewropa dwar il-Konnettività Sostenibbli bejn l-UE u l-ASEAN skont il-Global Gateway tinkludi komponent diġitali li jippromwovi l-espansjoni tas-sit mera ta’ Copernicus fil-Filippini għal aktar pajjiżi fl-ASEAN, inkluż l-Indoneżja u t-Tajlandja.

Teknoloġiji emerġenti

·Intelliġenza Artifiċjali: Kif deskritt fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Kontinent tal-IA 38 , l-UE se tkompli timpenja ruħha b’mod bilaterali, reġjonali u multilaterali ma’ sħab fdati biex tattira investimenti fl-UE, tappoġġa l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ekwi globali għal IA affidabbli u tippromwovi l-governanza tajba tal-IA fuq livell globali. L-UE se taġixxi wkoll b’mod deċiżiv biex tistabbilixxi lilha nnifisha bħala minn ta’ quddiem fl-applikazzjoni tal-IA għax-xjenza għall-kompetittività tagħha stess u biex tattira l-aqwa xjenzati għal “Agħżel l-Ewropa” 39 . L-UE se tfittex aktar kooperazzjoni ma’ sħab fdati, b’mod partikolari dwar aspetti relatati mal-innovazzjoni tal-IA, bħall-varar ta’ Fabbriki tal-IA barra mill-UE u l-konnessjoni tagħhom man-network tal-Fabbriki tal-IA tal-UE. Tali kooperazzjoni se tinkludi wkoll l-għoti ta’ aċċess għal mudelli u algoritmi tal-IA, b’mod partikolari dwar proġetti relatati mal-IA għall-Ġid Pubbliku (eż. l-indirizzar tat-tibdil fil-klima u l-appoġġ għal tranżizzjoni nadifa, it-titjib tal-kura tas-saħħa jew tal-agrikoltura). Din il-kooperazzjoni se tisfrutta wkoll id-data u s-servizzi satellitari pubbliċi u kummerċjali tal-UE biex ittejjeb is-soluzzjonijiet xprunati mill-IA għal sfidi globali, bħall-monitoraġġ ambjentali u r-rispons għad-diżastri. Minħabba n-natura b’użu doppju ta’ xi applikazzjonijiet tal-IA, l-UE se tkompli taħdem fuq ir-rwol tal-Intelliġenza Artifiċjali fil-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u fil-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), filwaqt li taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura li l-PESK u l-PSDK tal-UE jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-avvanzi teknoloġiċi tal-IA.

·5G/6G: L-UE hija l-mexxejja globali fl-innovazzjoni fil-konnettività avvanzata, bħall-5G u s-soluzzjonijiet tan-networks fissi. L-objettiv li jintlaħqu standards komuni għall-ġenerazzjoni li jmiss sostenibbli mid-disinn (6G) jirrikjedi kooperazzjoni ma’ pajjiżi tal-istess fehma, li tibda bil-kooperazzjoni u bl-istandardizzazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni. L-isfida ewlenija hija l-iżvilupp u l-għażla tat-teknoloġiji 6G, b’mod partikolari t-teknoloġiji tan-Network ta’ Aċċess bir-Radju, inkluż l-integrazzjoni tan-networks terrestri u mhux terrestri. L-industrija tal-UE tista’ tmexxi l-iżvilupp tas-6G f’konformità mal-istandards tal-UE, b’mod partikolari dwar iċ-ċibersigurtà, l-interoperabbiltà u l-konformità mal-istandards tal-aċċess legali u se tibbenefika mill-kooperazzjoni ma’ pajjiżi li għandhom punti b’saħħithom komplementari fil-katina tal-valur, inklużi l-mikroelettronika, l-apparati, il-cloud jew l-IA.

·Semikondutturi: L-inċertezza ġeopolitika u l-kumplessità dejjem akbar tal-ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi jirrikjedu approċċ imfassal apposta u speċifiku għall-pajjiż, li jiżgura li l-UE tissieħeb mal-mexxejja globali tal-ekosistema tas-semikondutturi filwaqt li tissalvagwarda l-interessi teknoloġiċi, ekonomiċi u tas-sigurtà tagħha stess. L-UE se tkompli tikkollabora ma’ pajjiżi fejn il-kollaborazzjoni f’oqsma bħar-riċerka u l-iżvilupp prekompetittivi u r-reżiljenza tal-katina tal-provvista tkun ta’ benefiċċju reċiproku. F’konformità mal-istrateġija ta’ Sigurtà Ekonomika 40 , l-UE se tiddefendi wkoll l-interessi tas-sigurtà ekonomika tagħha, inkluż permezz ta’ involviment bilaterali, reġjonali u multilaterali, filwaqt li tħeġġeġ il-kondiviżjoni tal-informazzjoni biex tipprevjeni t-tfixkil fil-katina tal-provvista, timmitiga r-riskji u tattira talenti globali biex tindirizza d-diskrepanza fil-ħiliet fl-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi.

·Teknoloġiji kwantistiċi: L-avvanz fi standards u applikazzjonijiet komuni fit-teknoloġiji kwantistiċi jitlob kollaborazzjoni internazzjonali robusta, b’mod partikolari fir-riċerka u l-innovazzjoni. L-UE se ssaħħaħ ir-rabtiet ma’ pajjiżi li joffru punti b’saħħithom komplementari fil-katina tal-valur tat-teknoloġiji kwantistiċi, inkluż il-computing, ir-rilevament, il-komunikazzjoni, il-kriptaġġ sikur postkwantistiku, u oqsma relatati fuq bażi reċiproka. L-UE tibqa’ attenta għar-rwol tat-teknoloġiji kwantistiċi fix-xenarju futur tas-sigurtà u żżomm kuntatt regolari man-NATO u ma’ sħab rilevanti oħrajn fil-qasam. L-UE se tingħaqad mal-pajjiżi sħab fir-rigward ta’ applikazzjonijiet konkreti tat-teknoloġiji kwantistiċi fil-politiki settorjali, pereżempju biex jiġu żviluppati materjali ġodda.

Eżempji ta’ azzjonijiet futuri fil-qasam tat-teknoloġiji emerġenti:

·L-UE se timplimenta proġetti konġunti ta’ riċerka u innovazzjoni fit-Teknoloġiji kwantistiċi mal-Ġappun, mar-Repubblika tal-Korea u mal-Kanada.

·Bħala parti mill-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Indja, l-UE u l-Indja qegħdin jaħdmu biex jiżviluppaw programm iddedikat li se jiffaċilita l-iskambji tat-talent u jrawwem ħiliet fis-semikondutturi fost l-istudenti u l-professjonisti żgħażagħ.

·Fil-kuntest tal-Alleanza Diġitali UE-Amerka Latina u Karibew, l-UE se tistabbilixxi sħubija robusta biex tiffedera riżorsi ta’ Computing ta’ Prestazzjoni Għolja fl-Amerka Latina u l-Karibew u ssaħħaħ l-interoperabbiltà u l-integrazzjoni tagħhom mal-ekosistema Ewropea tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja (HPC, high-performance computing).

·L-UE se tagħti segwitu għall-impenji tal-Laqgħa Ministerjali UE-Unjoni Afrikana (Mejju 2025), biex taħdem flimkien biex tiżviluppa ekosistemi ta’ innovazzjoni reġjonali, tistabbilixxi strateġiji tal-IA u oqfsa ta’ governanza diġitali.

·L-UE se tappoġġa l-varar tal-Fabbriki tal-IA f’pajjiżi sħab fdati, filwaqt li tappoġġahom fl-iżvilupp tal-infrastruttura tal-komputazzjoni tagħhom filwaqt li tgħaqqadhom b’mod sigur mal-UE u mal-ekosistema tal-Fabbriki tal-IA tagħha.

·L-UE se taħdem mal-Istati Membri biex tiddeskrivi oqsma fejn l-Intelliġenza Artifiċjali tista’ tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u l-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni.

·L-UE se tkompli tappoġġa l-innovazzjoni fid-difiża permezz tal-Iskema tal-UE għall-Innovazzjoni fid-Difiża (EUDIS, EU Defence Innovation Scheme) u se tesplora modi kif tista’ ttejjeb il-kollaborazzjoni mal-Ukrajna f’dan il-qasam.

·L-UE, fi djalogu mill-qrib ma’ sħab fdati bħan-Norveġja u l-Ukrajna, se tesplora modi ġodda biex tappoġġa sinerġiji maċ-Ċentru ta’ Innovazzjoni fid-Difiża (HEDI, Hub for European Defence Innovation).

Ċibersigurtà

Fid-dinja iperkonnessa tal-lum u fix-xenarju ġeopolitiku li qiegħed jevolvi, it-theddid ċibernetiku minn atturi statali u mhux statali ma jieqafx mal-fruntieri. Attakk jew inċident ċibernetiku f’pajjiż wieħed jista’ jfixkel in-negozji u l-infrastruttura madwar id-dinja kollha, u ċ-ċittadini u n-negozji tagħna jibbażaw fuq prodotti u soluzzjonijiet diġitali minn pajjiżi terzi. It-tisħiħ taċ-ċibersigurtà u tad-difiża ċibernetika, inkluż il-kapaċità li jiġu identifikati t-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi, ikun hemm preparazzjoni u rispons għalihom, u li tissaħħaħ il-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku mas-sħab internazzjonali biex jittejbu l-ħin u r-reżiljenza tar-rispons, huma investiment dirett fis-sigurtà proprja tal-UE. Dan imkien ma huwa aktar minnu milli fil-viċinat tal-UE, fejn l-UE hija impenjata bis-sħiħ li tappoġġa lill-pajjiżi tat-tkabbir biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom taċ-ċibersigurtà u tad-difiża ċibernetika.

Fejn tidħol iċ-ċibersigurtà, l-UE għandha wkoll l-għodod biex tmexxi fuq skala globali. Bl-Att Ewropew dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika 41 , l-UE qiegħda tistabbilixxi standard ġdid għall-prodotti siguri sa mit-tfassil. Hekk kif il-pajjiżi madwar id-dinja jfittxu li jipproteġu l-ktajjen tal-provvista tagħhom, l-għarfien espert tal-UE fis-sigurtà tal-prodotti joffri pedament b’saħħtu għal sħubijiet internazzjonali. Bl-istess mod, peress li s-sħab globali tal-UE qegħdin jinvestu fl-iżgurar tal-infrastrutturi kritiċi tagħhom, qegħdin jirriżultaw opportunitajiet tas-suq f’oqsma fejn l-UE għandha tmexxija industrijali Ewropea b’saħħitha bħall-kriptografija u prodotti diġitali siguri ħafna.

Bl-impatt qawwi tiegħu fuq in-negozji u l-isptarijiet, ir-ransomware jibqa’ pjaga globali, waħda li l-ebda pajjiż ma jista’ jiġġieled waħdu. F’konformità mal-Istrateġija ProtectEU, l-UE se tinsisti għal kooperazzjoni internazzjonali aktar b’saħħitha biex iżżarma l-infrastruttura li jibbażaw fuqha l-gruppi ta’ riskatt, tkisser l-għajnuna finanzjarja tagħhom, tiżgura sanzjonijiet aktar effiċjenti kontra l-awturi u l-faċilitaturi, u tressaq liċ-ċiberkriminali quddiem il-ġustizzja.

Bħala parti minn dawn l-isforzi, l-UE se tippromwovi wkoll reżiljenza ċibernetika mtejba f’setturi li jibbażaw dejjem aktar fuq it-teknoloġiji diġitali, bħat-trasport u l-mobbiltà intelliġenti, fejn l-infrastruttura, id-data u s-servizzi siguri huma essenzjali biex jiġu żgurati l-kontinwità operazzjonali u l-fiduċja pubblika.

L-isforzi reċenti żguraw li l-pajjiżi kandidati li huma assoċjati mal-programm Ewropa Diġitali jkunu jistgħu jaċċessaw ir-Riżerva Ċibernetika fil-livell tal-UE stabbilita mill-Att dwar iċ-Ċibersolidarjetà 42 . Barra minn hekk, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà, l-ENISA, se tkompli bil-kooperazzjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà ma’ pajjiżi terzi rilevanti, inkluż il-bini tal-kapaċitajiet fil-pajjiżi kandidati u tal-Viċinat.

Eżempji ta’ azzjonijiet futuri fil-qasam taċ-ċibersigurtà:

·L-UE se taħdem mas-sħab rilevanti biex tesplora l-potenzjal ta’ ftehimiet dwar rikonoxximent reċiproku fir-rigward tal-Att Ewropew dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika u l-oqfsa rispettivi tas-sħab biex tiffaċilita l-konformità mar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà tal-prodotti.

·L-UE se tkompli tikkoopera mal-pajjiżi sħab biex ittejjeb ir-reżiljenza ċibernetika globali u tikkontribwixxi għal ċiberspazju liberu, miftuħ, sikur u sigur. Iċ-ċibersigurtà u l-appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet ċibernetiċi, ankrati b’mod sod fil-Global Gateway, se jiffukaw fuq il-protezzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi u t-tisħiħ ta’ ekosistemi ċibernetiċi, inkluż permezz tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni ta’ oqfsa regolatorji u ta’ politika rilevanti, kif ukoll l-iġjene u l-litteriżmu ċibernetiċi.

·Fin-NU u fi ħdan il-korpi ta’ sigurtà reġjonali, l-UE se tkompli tippromwovi mġiba responsabbli tal-Istat fiċ-ċiberspazju, abbażi tal-qafas approvat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU. Dan jinkludi r-rispett tad-dritt internazzjonali, l-aderenza ma’ normi ta’ mġiba tal-Istat aċċettati globalment fi żmien ta’ paċi, l-iżvilupp ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja, u l-appoġġ lill-Istati fil-bini tal-kapaċitajiet biex jimplimentaw dawn l-elementi qafas.

·L-UE se ssaħħaħ l-attribuzzjoni tagħha ta’ attakki ċibernetiċi lil atturi malizzjużi, inkluż atturi bbażati fl-Istat u se tkompli tiżviluppa l-mekkaniżmi ta’ sanzjonijiet assoċjati.

Manipulazzjoni tal-Informazzjoni u Interferenza minn Barranin (FIMI, Foreign Information Manipulation and Interference)

Flimkien mas-sħab tagħha, l-UE se tipproteġi wkoll aħjar liċ-ċittadini minn kampanji ta’ Manipulazzjoni tal-Informazzjoni u Interferenza minn Barranin (FIMI) jew minn riskji soċjetali oħrajn li jirriżultaw minn pjattaformi online. Biex isir dan, l-iżgurar ta’ trasparenza algoritmika dwar kif il-kontenut jiġi rrakkomandat u mmoderat huwa essenzjali biex jittejbu r-responsabbiltà u l-fiduċja pubblika.

Dan huwa rilevanti wkoll għall-pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali u tal-viċinat, fid-dawl tal-vulnerabbiltajiet speċifiċi tagħhom għad-diżinformazzjoni u għall-interferenza minn barranin, u min-naħa tiegħu se jippermetti li tissaħħaħ ir-reżiljenza reċiproka tagħna, inkluż ir-reżiljenza demokratika.

Eżempji ta’ azzjonijiet futuri fil-qasam tal-FIMI:

·Wara espansjoni tal-ħidma tagħha dwar l-attribuzzjoni ta’ attakki ċibernetiċi lil atturi definiti, l-UE se tespandi l-attribuzzjoni ta’ inċidenti tal-FIMI.

Identitajiet diġitali u Infrastruttura Pubblika Diġitali (DPI, Digital Public Infrastructure)

L-esperjenza tal-UE fl-iżvilupp ta’ kartieri tal-identità diġitali b’sors miftuħ u Infrastruttura Pubblika Diġitali sigura u konformi mal-protezzjoni tad-data toffri valur sinifikanti lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Il-kooperazzjoni internazzjonali u l-arranġamenti ta’ rikonoxximent reċiproku ma’ sħab ewlenin jistgħu jissimplifikaw in-negozju transfruntier għall-kumpaniji u jiffaċilitaw il-mobbiltà taċ-ċittadini. B’mod partikolari, l-UE se tkompli ssegwi l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi (bħall-Ukrajna, il-Moldova, il-Balkani tal-Punent, il-Ġappun, l-Indja, l-Eġittu) biex jinkiseb użu transfruntier mingħajr xkiel tas-servizzi fiduċjarji. Se tippromwovi wkoll il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà 43 biex tgħin lill-pajjiżi sħab irawmu l-modernizzazzjoni amministrattiva u l-integrazzjoni diġitali transfruntiera, inkluż l-allinjament mal-istandards u mal-prattiki tal-UE. L-UE se tkompli tippromwovi l-użu ta’ speċifikazzjonijiet komuni u standards miftuħa biex tiżgura l-interoperabbiltà, it-trasparenza u l-użu mill-ġdid 44 .

Eżempji ta’ azzjonijiet futuri fil-qasam tal-Infrastruttura Pubblika Diġitali sigura:

·L-UE se tappoġġa l-iżvilupp ta’ servizzi fiduċjarji u soluzzjonijiet ta’ identità diġitali (abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali), billi tpoġġihom fil-qalba ta’ sett interoperabbli u skalabbli ta’ elementi kostitwenti u soluzzjonijiet diġitali, inklużi dawk b’sors miftuħ, biex jappoġġaw it-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tan-negozji ta’ pajjiżi sħab. L-UE se tkompli wkoll bil-ħidma tagħha mal-Ukrajna, mal-Moldova u mal-Balkani tal-Punent, biex tħejji għall-integrazzjoni gradwali tagħhom mal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali.

·L-UE se tikkoopera ma’ pajjiżi bħall-Indja, l-Eġittu, l-Urugwaj u l-Brażil fil-qasam tal-firem elettroniċi u l-interoperabbiltà tad-DPI, bil-għan li jinħolqu benefiċċji għan-negozji u għaċ-ċittadini kemm fl-UE kif ukoll f’pajjiżi sħab.

·L-UE se tappoġġa approċċ ta’ interoperabbiltà b’mod awtomatiku, ibbażat fuq il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà, biex jiġi ffaċilitat l-iskambju mingħajr xkiel tad-data bejn il-fruntieri.

·L-UE se tkompli taħdem ma’ sħab internazzjonali ewlenin (il-Ġappun, l-Indja, Singapore, l-Awstralja, New Zealand, il-Malażja) biex tippromwovi l-mudell tal-UE għall-fatturazzjoni elettronika, abbażi tal-istandard Ewropew tal-fatturazzjoni elettronika u ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi interoperabbli.

Pjattaformi online

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali 45 tal-UE jipproteġi d-demokrazija, il-libertà tal-kelma, il-privatezza, is-sikurezza u s-sigurtà tat-tfal online u jipprovdi qafas sigur għall-bejgħ ta’ oġġetti konformi mal-liġi. L-Att dwar is-Swieqi Diġitali 46 u l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE jippromwovu l-kontestabbiltà tas-swieq diġitali, kundizzjonijiet ekwi u kompetizzjoni ġusta bejn l-atturi diġitali. Dawn l-atti jikkomplementaw il-protezzjoni pprovduta fl-ambjent diġitali mill-GDPR 47 u mil-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

Il-protezzjoni u l-għoti tas-setgħa lill-minorenni online huma prijorità globali. Skont l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, il-pjattaformi online kollha jridu jiżguraw livell għoli ta’ privatezza, sikurezza u sigurtà tal-minorenni, fuq is-servizz tagħhom. Barra minn hekk, l-akbar pjattaformi online jridu jivvalutaw u jimmitigaw kull sena kwalunkwe riskju sistemiku li joħolqu s-servizzi tagħhom – inkluż għar-rispett tad-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tal-minorenni b’mod aktar ġenerali. L-Att dwar is-Servizzi Diġitali huwa appoġġat u kkomplementat mill-Istrateġija għal Internet Aħjar għat-Tfal (BIK+, Better Internet for Kids Strategy). B’mod partikolari, l-UE tiffinanzja b’mod konġunt in-network ta’ hotlines fl-Istati Membri biex tindirizza t-tixrid ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online. Il-kooperazzjoni globali hija żgurata permezz tan-network INHOPE b’55 hotline li joperaw madwar id-dinja.

Protezzjoni tal-konsumatur b’saħħitha u konsistenti fis-swieq online hija prijorità oħra li l-UE tikkondividi ma’ ħafna mis-sħab internazzjonali tagħha, u kwistjoni ewlenija indirizzata mill-Att dwar is-Servizzi Diġitali, kif ukoll l-oqfsa dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u s-sikurezza tal-prodotti. Skont l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, is-swieq online kollha huma meħtieġa jissodisfaw standards b’saħħithom għas-sikurezza, għat-trasparenza u għar-responsabbiltà biex jiżguraw li prodotti illegali u mhux sikuri ma jkunux jistgħu jinbiegħu lill-konsumaturi tal-UE permezz tas-servizzi tagħhom. Il-Komunikazzjoni tal-2025 dwar il-kummerċ elettroniku 48 tikkomplementa dan billi tistabbilixxi azzjonijiet ġodda biex jiġu indirizzati l-isfidi marbuta maż-żieda ta’ prodotti mhux sikuri, foloz jew inkella illeċiti mibjugħa permezz ta’ pjattaformi online. L-UE se tagħti prijorità lill-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab u f’fora multilaterali biex jinstabu soluzzjonijiet konġunti għal riskji komuni għas-sikurezza tal-konsumatur li jirriżultaw minn swieq online.

Eżempji ta’ azzjonijiet futuri fil-qasam tal-pjattaformi online:

·L-UE se tkompli tippromwovi l-approċċ regolatorju tagħha u l-prinċipji sottostanti tiegħu b’mod bilaterali u multilaterali u tikkondividi l-esperjenza tagħha fl-implimentazzjoni tagħhom.

·L-UE se torganizza avvenimenti reġjonali ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, ma’ leġiżlaturi ta’ pajjiżi terzi, ma’ regolaturi u mas-soċjetà ċivili biex tippromwovi l-libertà tal-espressjoni u s-sikurezza online.

5.Governanza diġitali globali

Biex tavvanza l-għanijiet tagħha fid-dominju diġitali, l-UE se tkompli tfittex li tilħaq approċċ multilaterali u b’diversi partijiet ikkonċernati u tiżgura parteċipazzjoni sinifikattiva tal-partijiet ikkonċernati rilevanti inkluż is-soċjetà ċivili, l-akkademja u s-settur privat, filwaqt li tibni fuq ir-rabtiet eżistenti b’saħħithom mal-pajjiżi sħab.

Is-Sħubijiet u d-Djalogi Diġitali tal-UE jippermettu koordinazzjoni qabel id-diskussjoni f’fora multilaterali u reġjonali, filwaqt li jibnu koalizzjonijiet b’saħħithom fl-insegwiment ta’ objettivi komuni f’fora u organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin, bħan-Nazzjonijiet Uniti, il-G7, il-G20, l-OECD u l-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll istituzzjonijiet globali tal-Governanza tal-Internet. B’mod partikolari, mas-sħab tal-G7, l-UE se tkompli tippromwovi l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ Standards ta’ Sigurtà Ekonomika – inkluż meta rilevanti għat-teknoloġiji diġitali – filwaqt li tqis diversi kriterji bħat-trasparenza, id-diversifikazzjoni tal-provvista, is-sigurtà, is-sostenibbiltà u l-affidabbiltà.

Il-Patt Diġitali Globali (GDC, Global Digital Compact) tan-Nazzjonijiet Uniti ġie adottat b’kunsens bħala l-ewwel qafas komprensiv għall-governanza diġitali globali. Dan jistabbilixxi l-objettivi, il-prinċipji, l-impenji u l-azzjonijiet biex jiġi żviluppat futur diġitali miftuħ, liberu u sigur għal kulħadd. L-UE se tibqa’ involuta b’mod attiv fil-ħidma ta’ implimentazzjoni tal-GDC biex tiddefendi l-kisbiet tagħha, filwaqt li tiżgura sforzi mhux duplikati u timmassimizza s-sinerġiji mal-arkitettura diġitali globali eżistenti, inkluż il-qafas ta’ Governanza tal-Internet.

Minbarra dawn il-proċessi, l-UE se tiffoka fuq l-istandardizzazzjoni bħala għodda ewlenija biex tavvanza l-għanijiet tagħha. L-UE għandha punti b’saħħithom fuq xiex tibbaża, inkluż bażi b’saħħitha ta’ riċerka u innovazzjoni, kumpaniji tat-teknoloġija ewlenin fid-dinja u ħafna SMEs innovattivi u start-ups li jeħtieġ li jiġu mħeġġa jieħdu sehem fl-istabbiliment ta’ standards internazzjonali. Billi tingrana fuq is-sistema ta’ standardizzazzjoni tal-UE biex iżżid l-influwenza tagħha fl-istabbiliment ta’ standards internazzjonali għal teknoloġiji diġitali ewlenin, l-UE għandha l-għan li ssaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tagħha, trawwem is-sovranità diġitali u teknoloġika, u tipproteġi u tippromwovi l-valuri u l-interessi fundamentali tagħha filwaqt li tfittex kooperazzjoni internazzjonali fl-istabbiliment tal-istandards. L-UE tirrikonoxxi r-rwol importanti tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT) fil-kuntest tal-istandardizzazzjoni globali.

L-UE se tkompli wkoll tiddefendi allokazzjoni ekwa u bbażata fuq ir-regoli tal-frekwenzi tar-radju skont il-qafas globali tal-UIT, filwaqt li tirrikonoxxi li l-ispettru tar-radju huwa riżorsa naturali skarsa li tirfed l-applikazzjonijiet diġitali bla fili kollha.

Il-kooperazzjoni multilaterali hija kruċjali wkoll biex jiġu indirizzati l-aspetti diġitali ta’ setturi oħrajn, inkluż is-settur tal-enerġija minħabba ż-żieda rapida fid-domanda għall-enerġija tal-IA. L-UE hija involuta f’inizjattivi internazzjonali tal-enerġija, bħal-Forum Ministerjali dwar l-Enerġija Nadifa, li jiżviluppaw approċċi kollaborattivi biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.

Hekk kif it-teknoloġiji diġitali jkomplu jevolvu b’mod rapidu, il-Governanza globali tal-Internet trid tadatta għal sfidi ġeopolitiċi ġodda, bħal riskji ta’ frammentazzjoni, użu ħażin akbar tal-għodod diġitali għal prattiki bħall-għeluq u ċ-ċensura tal-Internet u t-twessigħ tad-distakki diġitali. Barra minn hekk, it-tranżizzjoni lejn Web 4.0 – xprunata minn teknoloġiji ewlenin bħall-intelliġenza artifiċjali, ir-realtà estiża u virtwali, il-blockchain, u l-computing kwantistiku – tintroduċi kumplessitajiet ta’ governanza ġodda li jirrikjedu oqfsa aġġornati, effettivi u inklużivi b’diversi partijiet ikkonċernati. L-UE se tkompli ssawwar l-approċċ inklużiv b’diversi partijiet ikkonċernati għall-Governanza tal-Internet u hija impenjata fuq bażi kontinwa biex ittejjeb l-effettività tiegħu, topponi inizjattivi ta’ arkitetturi tal-Internet ikkontrollati mill-Istat li jistgħu jifframmentaw u jimminaw il-ftuħ u s-sigurtà li kkaratterizzaw l-Internet mill-Aġenda ta’ Tuneż ’l hawn 49 .

L-UE se tkompli tiddefendi b’mod proattiv id-disponibbiltà u l-integrità ġenerali tal-Internet bħala network globali u interoperabbli ta’ networks, li jirrifletti l-importanza tal-mudell ta’ diversi partijiet ikkonċernati tal-governanza tal-internet, pereżempju fl-edizzjonijiet li jmiss tan-negozjati tal-Forum ta’ Governanza tal-Internet (IGF, Internet Governance Forum) u tar-rieżami wara 20 sena tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS+20, World Summit on the Information Society 20-year review). L-UE tirrikonoxxi r-rwol ċentrali tal-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (ICANN, Internet Corporation for Assigned Names and Numbers) fil-ġestjoni tal-pedamenti tal-arkitettura tal-Internet.

Eżempji ta’ azzjonijiet futuri fil-qasam tal-governanza diġitali globali:

·L-UE se taħdem biex tiżgura segwitu u rieżami xierqa tal-implimentazzjoni tal-impenji tal-Patt Diġitali Globali (GDC, Global Digital Compact).

·L-UE se taħdem bħala Tim Ewropa biex tiżgura eżitu xieraq għan-negozjati tar-Rieżami tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS+20).

·L-UE se tappoġġa estensjoni u twessigħ internazzjonali tal-Open Internet Stack, b’referenza għall-istruttura fundamentali tal-protokolli li jippermettu l-komunikazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fuq l-Internet, biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-pajjiżi sħab, inkluż it-tisħiħ tal-fiduċja u tas-sigurtà.

6.Ewropa kompetittiva u sigura, miftuħa għan-negozju, konnessa mad-dinja

F’dinja volatili, l-UE hija sieħeb konsistenti, prevedibbli u affidabbli. Fil-kuntest ta’ ktajjen tal-valur tat-teknoloġija kumplessi, l-ebda pajjiż jew reġjun ma jista’ javvanza ir-rivoluzzjoni diġitali u tal-IA waħdu. L-isforzi interni u esterni tal-UE dwar il-politika diġitali huma marbuta mill-qrib u jsaħħu lil xulxin. Huwa għalhekk li l-UE mhux biss qiegħda tagħti spinta lis-settur diġitali tagħha stess, mill-Fabbriki tal-IA sat-teknoloġija tad-difiża, iżda qiegħda tikkonkludi wkoll sħubijiet sostanzjali li jġibu benefiċċji viżibbli għaċ-ċittadini u għan-negozji tal-UE u għas-sħab tagħna.

Bħala promotur ta’ soluzzjonijiet multilaterali għall-isfidi globali, l-UE tappoġġa b’mod sod lin-NU, lill-G7, lill-G20, lill-OECD u lil korpi oħrajn li jippermettulna nindirizzaw flimkien l-isfidi ewlenin ta’ żminijietna.

L-UE hija lesta li tingħaqad ma’ ħaddieħor għal forom ġodda, aktar profondi u flessibbli ta’ kooperazzjoni li jrawmu sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku, biex jissaħħu l-kompetittività u s-sigurtà tal-Ewropa. L-UE se tkompli timpenja ruħha b’mod kostruttiv abbażi tar-rispett għall-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli.

(1)

     Ara l- Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, is-17 ta’ April 2024: “Il-Kunsill Ewropew jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tissaħħaħ it-tmexxija tal-UE fl-affarijiet diġitali globali u jistieden lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli jħejju komunikazzjoni konġunta dwar is-suġġett” (p. 10)

(2)

     The future of European competitiveness: Rapport ta’ Mario Draghi (2024)

(3)

     Il-Komunikazzjoni dwar ProtectEU: Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà Interna , COM(2025) 148

(4)

     Il-Komunikazzjoni dwar Boxxla għall-Kompetittività tal-UE, COM(2025) 30 final

(5)

     Ara s-sors WTO  

(6)

     COM(2025) 217 tat-28 ta’ Mejju 2025 – “Strateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up”

(7)

     Ara l- Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali kollu

(8)

     Kif deskritt fil-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tal-Ħiliet COM(2025) 90 final

(9)

     Kif deskritt mill- Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar id-Diplomazija Diġitali f’Ġunju 2023

(10)

     L- Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Interna ((COM)2025 148), il- White Paper Konġunta għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030 , l- Istrateġija Ewropea ta’ Unjoni tal-Preparatezza (JOIN(2025) 130), il- Boxxla Strateġika (7371/22)

(11)

     Pereżempju: Europol

(12)

     Mal-Istati Uniti u mal-Indja

(13)

     Mal-Ġappun, mar-Repubblika tal-Korea, ma’ Singapore u mal-Kanada

(14)

     Mal-Brażil, mal-Messiku, mal-Arġentina, mal-Awstralja u mal-Balkani tal-Punent

(15)

     L-Indja, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Brażil, l-Istati Uniti, l-Ukrajna u r-Renju Unit    

(16)

     Ma’ sħab bħat-Tuneżija, l-Eġittu jew il-Ġordan

(17)

     Bħalissa hemm 19-il pajjiż assoċjat ma’ Orizzont Ewropa – elenkati hawn . Barra minn hekk, l-Iżvizzera, ir-Repubblika tal-Korea u l-Eġittu huma mistennija li jsiru assoċjati fl-2025, filwaqt li qiegħed isir progress fin-negozjati ta’ assoċjazzjoni mal-Ġappun

(18)

     Il-pajjiżi assoċjati mad-DEP huma elenkati hawn

(19)

     Il-Komunikazzjoni dwar Pjan ġdid ta’ tkabbir għall-Balkani tal-Punent, COM(2023) 691

(20)

     Ara aktar informazzjoni dwar il- Faċilità ta’ Tkabbir għall-Moldova

(21)

      Ukraine Facility - Il-Kummissjoni Ewropea  

(22)

     Pereżempju, wara t-traspożizzjoni tal-acquis rilevanti tal-UE, l-Ukrajna u l-Moldova jinsabu fi triqithom li jingħataw trattament reċiproku tas-suq intern għar-roaming

(23)

     Ġew konklużi Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles b’kapitoli komprensivi dwar il-kummerċ diġitali mar-Renju Unit, ma’ New Zealand u maċ-Ċilì, u qegħdin jiġu diskussi oħrajn mal-Indja, mal-Indoneżja, mat-Tajlandja, mal-Filippini u mal-Malażja

(24)

     L-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Diġitali bejn l-UE u Singapore sar fis-7 ta’ Mejju 2025. In-negozjati għall-Ftehim dwar il-Kummerċ Diġitali mal-Korea ġew konklużi f’Marzu 2025. Ir-regoli dwar il-flussi ta’ data transfruntieri mal-Ġappun, li jikkomplementaw il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun, daħlu fis-seħħ f’Lulju 2024.

(25)

      https://international-partnerships.ec.europa.eu/policies/global-gateway/eu-latin-america-and-caribbean-digital-alliance_en  

(26)

      https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/news/eu-and-africa-strengthen-cooperation-digital-transformation  

(27)

      https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_22_6963  

(28)

     Mill-2022, l-UE nediet Pakketti tal-Ekonomija Diġitali fin-Niġerja, fil-Kolombja, fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fil-Kenja u fil-Filippini.

(29)

      https://commission.europa.eu/topics/eu-competitiveness/clean-industrial-deal_mt  

(30)

     L-UE żgurat tali sħubijiet mar-Renju Unit, man-Norveġja, mal-Moldova, mal-Korea t’Isfel, mal-Ġappun, mal-Albanija u mal-Maċedonja ta’ Fuq.

(31)

     Inkluż permezz tal- Grupp Konsultattiv dwar in-Negozju tal-Global Gateway

(32)

     Iċ- Ċentru Diġitali għall-Iżvilupp (D4D, Digital for Development) huwa pjattaforma li għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni diġitali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri u s-sħab tagħha fl-Afrika, fl-Asja-Paċifiku, fl-Amerka Latina u fil-Karibew, u fil-pajjiżi ġirien tal-UE.

(33)

     L-inizjattiva umbrella EU4Digital tiġbor flimkien programmi ffinanzjati mill-UE li għandhom l-għan li jestendu l-benefiċċji tas-Suq Uniku Diġitali għall-pajjiżi tas- Sħubija tal-Lvant u għall-Balkani tal-Punent.

(34)

     Il-Kenja, it-Tanzanija, in-Niġerja, il-Kolombja, il-Brażil. 

(35)

Cybersecurity of 5G networks - EU Toolbox of risk mitigating measures

(36)

      Komunikazzjoni Konġunta dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar is-Sigurtà tal-Kejbils , JOIN(2025) 9 final

(37)

     F’konformità mar- Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar Infrastrutturi tal-Kejbils Sottomarini Siguri u Reżiljenti , C (2024) 1181, u l- Komunikazzjoni Konġunta biex jissaħħu s-sigurtà u r-reżiljenza tal-kejbils sottomarini , JOIN(2025) 9.

(38)

      Il-Komunikazzjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għal Kontinent tal-IA , COM(2025)165

(39)

      Agħżel l-Ewropa: avvanza l-karriera tiegħek fir-riċerka fl-UE

(40)

     Il-Komunikazzjoni dwar Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika, COM(2023) 20 final

(41)

     Ir-Regolament (UE) 2024/2847

(42)

     Ir-Regolament (UE) 2021/694

(43)

     Parti mill-Komunikazzjoni dwar il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà – l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni , COM(2017) 134

(44)

     Eżempju rilevanti huwa d- Data Catalogue Vocabulary Application Profile , li sar standard de facto, li jiffaċilita deskrizzjonijiet armonizzati tal-metadata u kondiviżjoni mingħajr xkiel tad-data bejn il-fruntieri.

(45)

     Ir-Regolament (UE) 2022/2065 u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022).

(46)

     Ir-Regolament (UE) 2020/1828

(47)

Ir-Regolament (UE) 2016/679

(48)

     Sett ta’ għodod komprensiv tal-UE għal kummerċ elettroniku sikur u sostenibbli, COM(2025) 37 final

(49)

      Tunis agenda for the Information Society , it-18 ta’ Novembru 2005


Brussell, 5.6.2025

JOIN(2025) 140 final

ANNESS

tal-

Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

Strateġija Diġitali Internazzjonali għall-Unjoni Ewropea


       Anness

Azzjonijiet li Għaddejjin u Dawk Ippjanati

Objettiv

deskrizzjoni

Pajjiż sieħeb / reġjun / Multilaterali

Skeda ta’ żmien indikattiva

1.Konnettività sigura

Appoġġ għall-konnettività tal-Artiku

Il-konnettività tal-Artiku hija ta’ importanza strateġika għall-UE. Din se tgħin biex titnaqqas il-latenza tad-data u tiffaċilita l-flussi tad-data affidabbli bejn l-UE, Greenland, il-Kanada, l-Istati Uniti u l-Ġappun, filwaqt li tipprovdi rotta alternattiva għall-kejbils u ttejjeb is-sigurtà u r-reżiljenza tal-kejbils bejn l-UE u s-sħab tagħha. L-UE se taħdem mas-sħab tagħha biex tagħti spinta lill-appoġġ għal proġetti li javvanzaw rotot ta’ kejbils sottomarini ġodda fir-reġjun, billi tagħmel użu mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex jiġu kkatalizzati l-investimenti pubbliċi u privati.

Il-Ġappun, l-Istati Uniti, il-Kanada, Greenland

2025-2030

Promozzjoni ta’ konnettività sigura fil-pajjiżi tat-tkabbir

Jiġi promoss l-allinjament mas-Sett ta’ Għodod tal-UE għaċ-Ċibersigurtà tal-5G u l-appoġġ għall-adozzjoni ta’ qafas leġiżlattiv li jippermetti u jwassal għall-impożizzjoni ta’ esklużjonijiet u/jew restrizzjonijiet fuq fornituri b’riskju għoli.

Il-pajjiżi tat-tkabbir

Kontinwa

Promozzjoni ta’ konnettività sigura f’pajjiżi sħab ta’ Global Gateway

Tiġi promossa konnettività sigura u affidabbli, inkluż il-konnettività 5G, tal-kejbils sottomarini u tal-ispazju, f’konformità mas-Sett ta’ Għodod tal-UE għaċ-Ċibersigurtà tal-5G u mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE tal-2025 dwar is-Sigurtà tal-Kejbils, permezz ta’ sensibilizzazzjoni diplomatika, assistenza teknika u appoġġ finanzjarju mill-Global Gateway.

Globali

Kontinwa

Linji gwida nazzjonali u reġjonali għall-implimentazzjoni tal-5G u l-iżvilupp tas-Sett ta’ Għodod għall-Konnettività tal-ALK

Dawn il-linji gwida se jindirizzaw l-isfidi tas-sigurtà, tal-infrastruttura, u l-każijiet ta’ użu prijoritarju f’diversi kuntesti nazzjonali tal-Amerka Latina u tal-Karibew. Enfasi ewlenija oħra se tkun l-iżvilupp tas-Sett ta’ Għodod għall-Konnettività tal-Amerka Latina u l-Karibew (ALK), li għandu jipprovdi għodod prattiċi, l-aħjar prattiki u gwida biex tiġi indirizzata l-konnettività transfruntiera, l-infrastruttura sigura u reżiljenti, u l-isfidi sinifikattivi għall-konnettività. Dan jinkludi l-iżvilupp konġunt ta’ rakkomandazzjonijiet azzjonabbli, l-għoti ta’ appoġġ tekniku u t-trawwim ta’ koordinazzjoni bireġjonali għall-varar tal-5G.

Pajjiżi tal-Amerka Latina u l-Karibew

Għadha għaddejja skont l-Alleanza Diġitali UE-Amerka Latina u Karibew – sar-raba’ trimestru tal-2027

Konferenza annwali dwar il-konnettività sigura

Possibbilment tiġi stabbilita konferenza annwali dwar il-konnettività sigura, ospitata fi Brussell, biex jissaħħu l-kuntatti tekniċi u l-fehim dwar l-opportunitajiet u r-rekwiżiti ta’ sigurtà għal rotot, sħubijiet u finanzjament futuri, li jikkontribwixxu għall-proċess ta’ Global Gateway.

Globali

Annwali

2.Teknoloġiji emerġenti

Intelliġenza Artifiċjali

Kooperazzjoni dwar is-sikurezza tal-IA

L-Uffiċċju Ewropew għall-IA ffirma arranġament amministrattiv dwar il-kooperazzjoni dwar is-sikurezza tal-IA ma’ Singapore, u bdew skambji bilaterali ma’ Istituti tas-Sikurezza tal-IA oħrajn – il-Ġappun, il-Korea, ir-Renju Unit u l-Awstralja. L-arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab, li għandhom jiġu segwiti ulterjorment, eż. inkluż suġġetti bħat-tisħiħ tal-innovazzjoni u l-adozzjoni tal-IA u l-kooperazzjoni dwar l-IA għall-ġid pubbliku (il-Ġappun), is-sikurezza tal-IA (l-Indja u l-Kanada) u l-aspett ta’ governanza u l-aspett regolatorju (l-Awstralja).

L-Uffiċċju Ewropew għall-IA se jkompli japprofondixxi l-kooperazzjoni dwar is-sikurezza tal-IA fin-Network tal-Istituti tas-Sikurezza tal-IA, b’mod partikolari, billi jindirizza s-sikurezza tal-mudelli tal-IA għal skopijiet ġenerali permezz ta’ skambji ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki, ittestjar u evalwazzjonijiet konġunti, żvilupp ta’ għodod u parametri referenzjarji, kif ukoll riċerka dwar is-sikurezza tal-IA.

Il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, l-Indja, l-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, l-Ukrajna, il-Moldova

Il-Balkani tal-Punent, l-Afrika, l-Amerka Latina u l-Karibew

Kontinwa

Sħubija Globali dwar l-IA u l-OECD

L-UE hija membru fundatur tas-Sħubija Globali dwar l-IA u tkompli tinvolvi ruħha f’din l-inizjattiva wara li ffurmat sħubija integrata mal-Grupp ta’ Ħidma tal-OECD dwar il-Governanza tal-Intelliġenza Artifiċjali (AIGO, Artificial Intelligence Governance). L-Uffiċċju għall-IA jkopri waħda mill-karigi ta’ Viċi President fl-AIGO tal-OECD. Barra minn hekk, l-Uffiċċju għall-IA huwa involut fil-gruppi ta’ ħidma kollha tal-OECD relatati mal-IA u jikkontribwixxi b’mod attiv għal din il-ħidma.

Multilaterali

Kontinwa

G7 u G20

L-UE se tkompli tinvolvi ruħha b’mod attiv fid-diskussjonijiet dwar l-IA fil-G7 u fil-G20. Dan jinkludi l-Proċess tal-IA ta’ Hiroshima u l-qafas ta’ rapportar tiegħu kif ukoll il-Grupp ta’ Ħbieb ta’ Hiroshima, qafas volontarju ta’ pajjiżi li jappoġġaw l-ispirtu tal-Proċess tal-IA ta’ Hiroshima lejn il-kisba ta’ IA sikura, sigura u affidabbli. Barra minn hekk, l-UE se tkompli tesplora l-possibbiltà ta’ linji gwida tal-G7 dwar l-IA fix-Xjenza.

Waħda mill-prijoritajiet tal-Presidenza tal-Afrika t’Isfel tal-G20 hija l-Intelliġenza Artifiċjali u l-Innovazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli, li hija prijorità fil-pajjiżi tal-Afrika, tal-Asja u tal-ALK.

Multilaterali

Kontinwa

Forum Ministerjali dwar l-Enerġija Nadifa

Ir-Repubblika tal-Korea, li ospitat is-16-il laqgħa tal-Forum Ministerjali dwar l-Enerġija Nadifa 2025, għamlet l-“IA u l-Enerġija” waħda mit-temi ta’ prijorità tagħha. Il-KE se tinvolvi ruħha b’mod attiv fil-programm ministerjali u se tesplora kollaborazzjoni internazzjonali fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni u tal-IA fis-settur tal-enerġija.

Multilaterali

Kontinwa

Kooperazzjoni fir-riċerka skont Orizzont Ewropa

L-assoċjazzjoni ta’ għadd ta’ pajjiżi sħab mhux tal-UE ma’ Orizzont Ewropa se tappoġġa l-kooperazzjoni fir-riċerka fl-IA u fir-riċerka applikata bbażata fuq l-IA.

Il-Pajjiżi Assoċjati ma’ Orizzont Ewropa

Kontinwa

IA għall-Ġid Pubbliku

Bħala parti mill-inizjattiva IA għall-Ġid Pubbliku, l-UE tappoġġa l-varar ta’ soluzzjonijiet tal-IA għall-ġid pubbliku, inkluż l-IA Ġenerattiva, it-trasferiment tat-teknoloġija u l-bini tal-kapaċitajiet, ma’ pajjiżi sħab fl-Afrika u fl-Amerka Latina u fil-Karibew (li jibnu fuq l-Alleanza UE-Amerka Latina u Karibew). L-UE tappoġġa wkoll il-kooperazzjoni xjentifika u l-iżvilupp ta’ Tewmin Diġitali Lokali bbażat fuq l-IA li jirfdu r-rikostruzzjoni urbana fl-Ukrajna.

L-Afrika, l-Amerka Latina u l-Karibew, l-Asja-Paċifiku

L-Ukrajna

Kontinwa

Ċentru tal-IA għall-Iżvilupp Sostenibbli u kollaborazzjoni fl-IA mal-Afrika Intelliġenti

Iċ-Ċentru tal-IA għall-Iżvilupp Sostenibbli huwa ddisinjat b’mod konġunt mill-Ministeru għall-Intrapriżi u Made in Italy (MIMIT, Ministry of Enterprises and Made in Italy) u mid-Diviżjoni tal-Akkwisti tan-Nazzjonijiet Uniti (UNPD, United Nations Procurement Division) bil-għan li jissaħħu l-ekosistemi lokali tal-IA fi sħubija mal-pajjiżi Afrikani.

L-Afrika Intelliġenti nediet il-Kunsill tal-IA tal-Afrika u l-UE qiegħda tfassal l-kollaborazzjoni tagħha mal-Afrika Intelliġenti skont il-Global Gateway, filwaqt li tibni fuq l-arranġament amministrattiv bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Afrika Intelliġenti u ssegwi approċċ ta’ Tim Ewropa.

L-Afrika

Kontinwa

GovTech4all

L-iżvilupp u l-pilotaġġ ta’ soluzzjonijiet tal-IA fis-settur pubbliku għat-tisħiħ tat-teħid tad-deċiżjonijiet, it-twassil tas-servizzi u l-kompiti amministrattivi interni. L-għan huwa li jiġu appoġġati u akkumpanjati l-għanijiet tal-Att dwar Ewropa Interoperabbli, kif ukoll l-għanijiet ta’ politika usa’ tal-innovazzjoni tas-settur pubbliku u t-tkabbir tal-istart-ups fl-Ewropa.

L-UE u l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE

Ir-raba’ trimestru tal-2025/2026

5G/6G

Sejħa allinjata mar-riċerka u l-innovazzjoni tas-6G fl-2026 

Kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-RAN li jaħdem bl-IA tas-6G. Proġett mill-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti li jirrifletti proġett mill-Ġappun u mir-Repubblika tal-Korea.

Il-Ġappun u r-Repubblika tal-Korea

Proġett għaddej mill-2027 sal-2030 

Sejħa allinjata mar-riċerka u l-innovazzjoni tas-6G 

Kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni tas-6G iffukata fuq saffi fiżiċi, antenni avvanzati u RAN tal-IA.

It-Tajwan 

Sejħa allinjata potenzjali fl-2026 jew kooperazzjoni bejn proġetti eżistenti 

Pjattaforma tal-ittestjar tal-5G

Biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ każijiet ta’ użu tal-5G, l-UE qiegħda tissieħeb mal-Costa Rica fir-rigward ta’ pjattaforma tal-ittestjar tal-5G, filwaqt li Nokia u Ericsson huma mistennija jipprovdu t-tagħmir.

Il-Costa Rica

Kontinwa

Semikondutturi

Proġetti konġunti ta’ riċerka u innovazzjoni fil-qasam tas-semikondutturi

Proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fis-semikondutturi, iffinanzjati b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Ġappun u r-Repubblika tal-Korea. Mar-Repubblika tal-Korea, il-proġetti għandhom l-għan li javvanzaw l-integrazzjoni eteroġena taċ-ċipep kif ukoll it-teknoloġiji tal-computing newromorfiku. Mal-Ġappun huma ppjanati sejħiet għall-2026 dwar is-sostituzzjoni ta’ sustanzi per- u polifluworoalkiliċi (PFAS, Per- and Polyfluoroalkyl Substance), l-integrazzjoni eteroġena u ċ-ċippetti, u l-apparati u l-proċessi li jaqbżu ż-żewġ nanometri.

Il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea

Kontinwa

Mekkaniżmu ta’ twissija bikrija dwar il-katina tal-provvista u s-sussidji pubbliċi

Mekkaniżmu ta’ twissija bikrija konġunt, bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Uniti u l-Ġappun rispettivament, kellu l-għan li jidentifika t-tfixkil fil-katina tal-provvista, u l-mekkaniżmu ta’ trasparenza dwar is-sussidji pubbliċi pprovduti lis-settur tas-semikondutturi.

L-Istati Uniti, il-Ġappun

Kontinwa

L-attrazzjoni tat-talent u ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati

Bħala parti mill-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Indja, l-UE u l-Indja impenjaw ruħhom li jiżviluppaw programm iddedikat li se jiffaċilita l-iskambji tat-talent u jrawwem ħiliet fis-semikondutturi fost l-istudenti u l-professjonisti żgħażagħ.

L-Indja

Kontinwa

Grupp ta’ Punti ta’ Kuntatt dwar is-semikondutturi tal-G7

Il-grupp ta’ Punti ta’ Kuntatt (PoC, Point of Contact) tal-G7 dwar is-semikondutturi huwa ddedikat biex jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u jikkondividi l-aħjar prattiki fost il-membri tal-G7, dwar kwistjonijiet li għandhom impatt fuq l-industrija tas-semikondutturi, inkluż il-prijoritajiet għar-riċerka u l-iżvilupp industrijali prekompetittivi, il-manifattura sostenibbli, l-effett ta’ politiki u prattiki mhux tas-suq u l-kanali ta’ koordinazzjoni tal-kriżijiet.

Multilaterali

Kontinwa

Il-Kunsill Dinji tas-Semikondutturi – Il-Laqgħa tal-Gvernijiet/l-Awtoritajiet dwar is-Semikondutturi (GAMS, Government / Authorities Meeting on Semiconductors)

Il-Laqgħa tal-Gvernijiet/l-Awtoritajiet dwar is-Semikondutturi (GAMS) għandha ambjent uniku fejn il-Gvernijiet u l-Assoċjazzjonijiet tal-Industrija li flimkien jirrappreżentaw 95 % tal-produzzjoni tas-semikondutturi fid-dinja (l-UE, l-Istati Uniti, il-Korea t’Isfel, il-Ġappun, it-Tajwan u ċ-Ċina), jiltaqgħu biex jirrispondu għall-isfidi komuni li qiegħda tiffaċċja l-industrija. Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tirrappreżenta lill-UE.

Multilaterali

Kontinwa

Computing Kwantistiku u ta’ Prestazzjoni Għolja

Kollaborazzjoni dwar il-Computing Kwantistiku bejn l-UE u l-Ġappun

Proġetti konġunti ta’ riċerka u innovazzjoni li jiffukaw fuq algoritmi ibridi tal-Computing Kwantistiku-HPC u li jottimizzaw l-applikazzjonijiet f’oqsma ta’ interess reċiproku bħax-xjenzi bijomediċi u ambjentali. Dan jallinja mal-objettivi tal-Impriża Konġunta EuroHPC li tappoġġa s-Sħubija Diġitali bejn l-UE u l-Ġappun.

Il-Ġappun

Kontinwa (2026-2029)

Inizjattivi ta’ Riċerka Kwantistika bejn l-UE u l-Kanada

Jiġu stabbiliti proġetti kollaborattivi fil-computing kwantistiku, fir-rilevament u fil-komunikazzjoni, filwaqt li jiġu ingranati l-Istrateġija Nazzjonali għall-Computing Kwantistiku tal-Kanada u ċ-ċentri ta’ riċerka eżistenti.

Il-Kanada

Kontinwa (2023-2026)

Sejħiet għat-Teknoloġija Kwantistika bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea

Jiġu kkoordinati sejħiet għal proġetti konġunti fil-computing kwantistiku, fir-rilevament u fil-komunikazzjoni, tissaħħaħ il-kollaborazzjoni fir-riċerka u fl-innovazzjoni u jkun hemm allinjament mal-prijoritajiet strateġiċi tar-Repubblika tal-Korea fl-iżvilupp tat-teknoloġija kwantistika.

Ir-Repubblika tal-Korea

2027-2030

Grupp ta’ Ħidma dwar it-Teknoloġija Kwantistika tal-G7

Taħt il-presidenza Kanadiża tal-G7, jiġi stabbilit grupp ta’ ħidma biex itejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar l-iżviluppi kwantistiċi u jippromwovi standards komuni.

Multilaterali

Għadu għaddej

Network tas-Supercomputing bejn l-UE u l-ALK

Tiġi stabbilita sħubija robusta biex jiġu federati r-riżorsi tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja fl-Amerka Latina u fil-Karibew u biex jissaħħu l-interoperabbiltà u l-integrazzjoni tagħhom mal-ekosistema Ewropea tal-HPC.

L-Amerka Latina u l-Karibew

Tnedija possibbli fis-Summit tas-CELAC-UE tal-2025

3.Ċibersigurtà

Isir avvanz fid-djalogi ċibernetiċi mal-pajjiżi sħab

L-UE għandha Djalogi Ċibernetiċi mal-Istati Uniti, mal-Ukrajna, mar-Renju Unit, mal-Ġappun, mal-Indja, mar-Repubblika tal-Korea u mal-Brażil. Iċ-ċibersigurtà tiġi diskussa wkoll fis-Sħubijiet Diġitali mal-Ġappun, mar-Repubblika tal-Korea, ma’ Singapore u mal-Kanada, u fid-Djalogi Diġitali mal-Brażil, mal-Messiku, mal-Arġentina, mal-Awstralja u mal-Balkani tal-Punent.

L-Istati Uniti, l-Ukrajna, ir-Renju Unit, il-Ġappun, l-Indja, ir-Repubblika tal-Korea, il-Brażil, Singapore, il-Kanada, il-Messiku, l-Arġentina, l-Awstralja, il-Moldova, il-Balkani tal-Punent

Kontinwa

Ftehimiet dwar rikonoxximent reċiproku (MRA, Mutual Recognition Agreement) rigward iċ-ċibersigurtà tal-prodotti

L-Att Ewropew dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika (CRA, Cyber Resilience Act) jistabbilixxi r-rekwiżiti għaċ-ċibersigurtà tal-prodotti b’elementi diġitali fis-suq intern. L-UE se taħdem mas-sħab rilevanti biex tesplora l-potenzjal għal ftehimiet dwar rikonoxximent reċiproku rigward is-CRA u l-oqfsa rispettivi tas-sħab biex tiffaċilita l-konformità mar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà tal-prodotti.

Diskussjonijiet bilaterali

Sa żmien l-applikazzjoni tas-CRA (tmiem l-2027)

Estensjoni tar-Riżerva Ċibernetika tal-UE għall-Ukrajna għar-Repubblika tal-Moldova

L-emendi għall-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni relatati mal-parteċipazzjoni tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova fil-programm Ewropa Diġitali se jwittu t-triq għall-estensjoni tar-Riżerva Ċibernetika tal-UE għaż-żewġ pajjiżi.

Il-pajjiżi tat-tkabbir

Kontinwa

Involviment fil-Grupp ta’ Ħidma dwar iċ-Ċibersigurtà tal-G7

Il-Kummissjoni tirrappreżenta lill-UE fil-Grupp ta’ Ħidma dwar iċ-Ċibersigurtà tal-G7. Fost suġġetti oħrajn, il-Kummissjoni se tfittex kooperazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà tal-kura tas-saħħa, f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni Ewropew dwar iċ-ċibersigurtà tal-isptarijiet u tal-fornituri tal-kura tas-saħħa (COM(2025) 10 final).

Multilaterali

Kontinwa

Avvanz fil-Qafas tan-NU ta’ Mġiba Responsabbli tal-Istati fiċ-Ċiberspazju

Fin-NU u fi ħdan il-korpi ta’ sigurtà reġjonali, l-UE se tkompli tippromwovi l-imġiba responsabbli tal-Istati fiċ-ċiberspazju, abbażi tal-qafas approvat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU. Dan jinkludi r-rispett tad-dritt internazzjonali, l-aderenza ma’ normi ta’ mġiba tal-Istat aċċettati globalment fi żmien ta’ paċi, l-iżvilupp ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja, u l-appoġġ lill-Istati fil-bini tal-kapaċitajiet biex jimplimentaw dawn l-elementi qafas.

Multilaterali

Kontinwa

Involviment fl-Inizjattiva Kontra r-Ransomware

Il-Kummissjoni tirrappreżenta lill-UE fl-Inizjattiva Kontra r-Ransomware (CRI, Counter Ransomware Initiative). L-UE se tkompli bil-parteċipazzjoni attiva tagħha fis-CRI. Barra minn hekk, il-pjan ta’ azzjoni Ewropew dwar iċ-ċibersigurtà tal-isptarijiet u tal-fornituri tal-kura tas-saħħa jintrabat li javvanza l-kooperazzjoni fis-CRI.

Multilaterali

Kontinwa

Il-bini tal-kapaċitajiet ċibernetiċi

L-UE qiegħda twettaq proġetti esterni dwar il-bini tal-kapaċitajiet ċibernetiċi ma’ pajjiżi sħab madwar id-dinja. L-UE se tkompli dawn l-inizjattivi billi tagħti prijorità lill-attivitajiet li jindirizzaw iċ-ċiberkriminalità u tibni r-reżiljenza ċibernetika, inkluż l-appoġġ għall-bini ta’ oqfsa strateġiċi, l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ ġestjoni tal-inċidenti u t-tisħiħ tal-għarfien espert permezz ta’ taħriġ.

Globali

Kontinwa

LAC4

Il-LAC4 huwa ċ-ċentru reġjonali għall-edukazzjoni u t-taħriġ fiċ-ċibersigurtà fl-Amerka Latina u fil-Karibew. L-objettiv tal-LAC4 huwa li jipprovdi għarfien espert dwar iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberkriminalità biex jappoġġa t-trasformazzjoni u l-kollaborazzjoni diġitali fl-Amerka Latina u fil-Karibew biex jiġi miġġieled it-theddid ċibernetiku.

L-Amerka Latina u l-Karibew

Kontinwa

Komunità tal-Prattika (CoP, Community of Practice) taċ-Ċibersigurtà bejn l-UE u l-ALK

Skont l-Alleanza Diġitali UE-Amerka Latina u Karibew, se tiġi stabbilita Komunità tal-Prattika (CoP) ta’ esperti u prattikanti taċ-ċibersigurtà biex tinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar iċ-ċibersigurtà bejn iż-żewġ reġjuni. L-attivitajiet futuri jistgħu jinkludu l-istituzzjonalizzazzjoni tal-mekkaniżmi biex jiġu mmobilizzati malajr l-esperti taċ-ċibersigurtà f’każ ta’ attakki ċibernetiċi u emerġenzi u l-bini tal-kapaċitajiet.

L-Amerka Latina u l-Karibew

Kontinwa (sar-raba’ trimestru tal-2027)

4.L-Identitajiet diġitali u l-Infrastruttura Pubblika Diġitali

Rikonoxximent reċiproku tal-firem elettroniċi u ta’ servizzi fiduċjarji oħrajn

Isir avvanz lejn ir-rikonoxximent reċiproku tal-firem elettroniċi u ta’ servizzi fiduċjarji oħrajn ma’ pajjiżi terzi sabiex jinħoloq qafas ta’ fiduċja globali. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ sett ta’ għodod u servizzi li jimplimentaw ankri ta’ fiduċja għar-rikonoxximent globali ta’ servizzi ta’ fiduċja u identitajiet diġitali, u t-tneħħija tal-ostakli diġitali billi terġa’ tintuża u tiġi rreplikata l-infrastruttura tas-Servizzi Fiduċjarji Ewropej fit-territorju tagħhom.

L-Ukrajna, il-Moldova, il-Balkani tal-Punent, l-Eġittu, l-Indja, il-Brażil, il-Ġappun, l-Urugwaj, il-membri tas-Sistema ta’ Integrazzjoni tal-Amerka Ċentrali (SICA, Central America Integration System) (Costa Rica, El Salvador, il-Gwatemala, il-Honduras, in-Nikaragwa u l-Panama)

Kontinwa (2025-2027)

Promozzjoni tal-kooperazzjoni dwar l-Infrastrutturi Pubbliċi Diġitali abbażi tal-kartiera tal-eID tal-UE

Tiġi promossa l-kooperazzjoni dwar l-Infrastrutturi Pubbliċi Diġitali billi jiġi appoġġat il-ħolqien ta’ sett skalabbli ta’ elementi kostitwenti u soluzzjonijiet diġitali b’sors miftuħ fil-kartieri tal-UE. Barra minn hekk, tintwera l-interoperabbiltà bejn il-kartiera tal-eID tal-UE u inizjattivi simili f’pajjiżi terzi abbażi ta’ każijiet ta’ użu prattiċi.

Il-Ġappun, l-Indja, Singapore

Multilaterali

Kontinwa (2025-2027)

Tħejjija tal-onboarding tas-servizzi pubbliċi diġitali fl-ambitu tal-Gateway Diġitali Unika

Ikun hemm kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-adeżjoni mal-UE biex jitħejja l-onboarding u jiġu żviluppati soluzzjonijiet interoperabbli għall-proċeduri amministrattivi online u s-Sistema Teknika ta’ “Darba Biss” fl-ambitu tal-Gateway Diġitali Unika. Dawk is-servizzi jiffaċilitaw l-aċċess tan-negozji u taċ-ċittadini biex jagħmlu negozju, jaħdmu u jgħixu fil-pajjiżi tal-UE.

Il-Balkani tal-Punent, il-Moldova, l-Ukrajna

Kontinwa (2025-2030)

Standardizzazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ identità diġitali

L-Arkitettura u l-Qafas ta’ Referenza għall-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom l-għan li jistabbilixxu eżempju globali għal identifikazzjoni affidabbli u sigura f’livell għoli ta’ assigurazzjoni. Għandha titfittex kooperazzjoni bejn l-UE u pajjiżi tal-istess fehma dwar l-iżvilupp ta’ standards ta’ identità komuni abbażi tal-mudell tal-UE, inkluż f’organizzazzjonijiet internazzjonali.

Il-Ġappun, l-Indja, il-Kanada

Multilaterali

Kontinwa (2025-2030)

Network Globali taċ-Ċertifikazzjoni tas-Saħħa Diġitali (GDHCN, Global Digital Health Certification Network)

In-Network Globali taċ-Ċertifikazzjoni tas-Saħħa Diġitali huwa inizjattiva li għandha l-għan li toħloq qafas standardizzat u interoperabbli għall-kredenzjali u għaċ-ċertifikazzjonijiet tas-saħħa diġitali. Dan in-network, li nħoloq mill-Kummissjoni Ewropea biex tiġġieled il-COVID-19 u aktar tard adottat mill-WHO, huwa maħsub biex jiffaċilita l-iskambju sigur u effiċjenti ta’ informazzjoni relatata mas-saħħa bejn il-fruntieri (eż. iċ-ċertifikati tal-COVID-19, iċ-Ċertifikat Internazzjonali Diġitali tat-Tilqim jew tal-Profilassi/il-Ktejjeb l-Isfar, il-Kard tat-Tilqim, is-Sommarju Internazzjonali tal-Pazjent), jippromwovi s-sigurtà tas-saħħa globali u jtejjeb l-għoti tal-kura tas-saħħa.

Globali

Kontinwa (2025-2028)

5.Pjattaformi online u l-integrità tal-ekosistema tal-informazzjoni

Appoġġ għall-allinjament mal-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA, Digital Services Act)/Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA, Digital Markets Act) għall-pajjiżi tal-adeżjoni mal-UE

Jiġi appoġġat l-allinjament tal-pajjiżi tal-adeżjoni mal-UE mad-DSA u mad-DMA tal-UE.

Il-Moldova, l-Ukrajna, il-Balkani tal-Punent

Kontinwa (2025-2027)

Swieq u kummerċ elettroniku

Jitqajjem tħassib ewlieni tal-UE (suq magħluq għas-servizzi diġitali, prodotti illegali fis-swieq Ċiniżi) u oqsma possibbli ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib (kondiviżjoni tad-data dwar bejjiegħa Ċiniżi illegali), f’konformità mal-Arranġament Amministrattiv bejn l-UE u ċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni fis-sikurezza tal-prodotti u Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Sikurezza tal-Prodotti Mibjugħa Online.

Iċ-Ċina

Kontinwa (2025-2027)

Implimentazzjoni globali bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-liġijiet tal-pjattaformi online

Jiġu promossi prinċipji universali li jirfdu d-DSA u d-DMA fi strumenti globali (inkluż gwida tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) dwar il-Konvenzjoni tan-NU dwar iċ-Ċiberkriminalità).

In-NU, l-OHCHR, il-UNESCO, l-OECD

Kontinwa (2025-2027)

Implimentazzjoni reġjonali bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-liġijiet tal-pjattaformi online

Tingħata prijorità lill-involviment reġjonali fl-implimentazzjoni bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-liġijiet tal-pjattaformi online, organizzat f’kooperazzjoni man-NU (meta jkun possibbli), biex jitlaqqgħu flimkien dawk li jfasslu l-politika, ir-regolaturi u s-soċjetà ċivili.

ASEAN, ALK, pajjiżi taħt is-CEFTA

Kontinwa (2025-2027)

Osservazzjoni tal-media soċjali mill-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali (MOE) tal-UE

Il-MOE tal-UE jintegraw l-osservazzjoni u l-imġiba tal-media soċjali matul il-proċessi elettorali fil-valutazzjoni ġenerali tagħhom tal-integrità elettorali.

Globali

Kontinwa

Isir avvanz fis-sħubijiet biex tissaħħaħ ir-reżiljenza kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin (FIMI, foreign information manipulation and interference)

Jiġu promossi r-reżiljenza u l-għarfien teknoloġiku dwar l-attakki tal-FIMI; jiġu esposti l-awturi u jkun hemm kostijiet ogħla għalihom.

Globali

Kontinwa


6.Governanza tal-Internet

Promozzjoni ta’ mudell ta’ governanza inklużiv b’diversi partijiet ikkonċernati għall-Internet Futur  
 

Fin-negozjati għar-Rieżami tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS+20, World Summit on the Information Society), l-UE għandha l-għan li ttejjeb l-inklużività, b’mod partikolari mill-pajjiżi sħab u mill-komunitajiet-żgħażagħ. Dan jinkludi ż-żamma ta’ Internet miftuħ u ċċentrat fuq il-bniedem ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, it-tisħiħ ta’ Governanza b’diversi partijiet ikkonċernati u t-tnaqqis tad-distakki diġitali ġodda billi tiġi stabbilita rabta operazzjonali mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs, Sustainable Development Goals) u mal-Patt Diġitali Globali (GDC, Global Digital Compact).

L-UE se tinvolvi wkoll liż-żgħażagħ fit-tiswir tal-futur tal-Governanza tal-Internet billi tintegra l-perspettiva tagħhom fid-Djalogu ta’ Politika maż-Żgħażagħ annwali li jmiss dwar il-qasam diġitali, trawwem parteċipazzjoni infurmata, issaħħaħ ir-responsabbiltà ċivika diġitali u tgħammar lill-mexxejja żgħażagħ bl-għodod biex jinżamm Internet miftuħ, sigur u inklużiv.

Multilaterali

Ir-raba’ trimestru tal-2025

Ħidma lejn Internet Miftuħ, Liberu u Sostenibbli 

L-UE se tappoġġa r-responsabbiltà, il-monitoraġġ komprensiv u l-promozzjoni tal-libertà tal-internet madwar id-dinja filwaqt li ssaħħaħ il-ftuħ u s-sostenibbiltà tal-infrastruttura tal-internet u tagħti s-setgħa lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) biex iżommu lill-gvernijiet tagħhom stess responsabbli. Dan jinkludi l-indirizzar tal-għeluq tal-internet permezz ta’ kanali diplomatiċi u l-promozzjoni ta’ politiki li jżommu internet miftuħ u interkonness.

Globali

Kontinwa

Titjib tas-sigurtà, ir-reżiljenza u l-ftuħ tal-Internet 

Tiġi implimentata strateġija ma’ diversi partijiet ikkonċernati għall-varar komprensiv tal-istandards tal-Internet madwar l-infrastruttura tal-Internet tal-UE.

Ippjanar tal-Influwenza tal-UE f’Web 4.0: Jitwettaq immappjar estensiv tal-kontributi potenzjali tal-UE għal protokolli u soluzzjonijiet ta’ networking imtejba jew ġodda meħtieġa u ffaċilitati minn impatti ta’ teknoloġiji ewlenin bħall-IA, ir-realtà estiża (XR, Extended Reality) / ir-realtà virtwali (VR, Virtual Reality), il-blockchain, u l-computing kwantistiku li bħalissa qegħdin isawru l-Web 4.0.

Globali

2026-2030

Promozzjoni tal-Open Internet Stack 

L-UE se tappoġġa estensjoni u twessigħ internazzjonali tal-Open Internet Stack, b’referenza għall-istruttura fundamentali tal-protokolli li jippermettu l-komunikazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fuq l-internet, biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-pajjiżi sħab, inkluż it-tisħiħ tal-fiduċja, it-tnaqqis tal-kostijiet, l-evitar tal-intrappolament tal-klijentela, l-appoġġ għall-personalizzazzjoni u għall-integrazzjoni, u ż-żamma ta’ valuri bħall-privatezza, is-sigurtà, u l-protezzjoni tad-data. 

Globali

Kontinwa