Brussell, 26.3.2025

JOIN(2025) 130 final

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-Istrateġija Ewropea ta' Unjoni tal-Preparatezza


Introduzzjoni

Il-paċi u l-istabbiltà huma minsuġa fil-proġett Ewropew. Minkejja dan, l-Ewropa qed tħabbat wiċċha ma’ realtà ġdida, ikkaratterizzata minn riskji, li kulma jmur aktar qed joktru, u minn inċertezza liema bħalha. Il-gwerra ta’ aggressjoni illegali tar-Russja kontra l-Ukrajna, iż-żieda fl-attakki ibridi u ċibernetiċi sponsorjati minn ċerti Stati, is-sabotaġġ immirat lejn assi kritiċi, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza minn barranin, u l-gwerra elettronika, saru ħaġa waħda mar-realtà ta’ kuljum. Din hija qanpiena ta’ allarm għall-Ewropa.

Il-pandemija tal-COVID -19 aggravat l-inugwaljanzi ta’ qabel u ħarġet fid-dieher li s-servizzi tas-saħħa u l-ktajjen tal-provvista kritiċi tal-Unjoni, fosthom l-enerġija, il-prodotti mediċi, l-ikel u l-materja prima kritika, tista’ ssirilhom ħsara kbira. Fil-kuntest tal-lum, fejn qed jirrenjaw kompetizzjoni ġeopolitika u ekonomika u kunflitt ħorox, isiru aktar vulnerabbli għall-manipulazzjoni u l-koerċizzjoni ekonomika.

Barra minn hekk, l-UE qed tesponi ruħha aktar u aktar għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, tad-degradazzjoni ambjentali kontinwa u tar-riskju ta’ pandemiji oħrajn. L-Ewropa hija l-aktar kontinent li qed jisħon malajr. Għaddiet minn diżastri naturali qerrieda bħal għargħar, nixfiet u nirien fil-foresti, erożjoni kostali, mewġiet ta’ temp kiesaħ jew sħana kbira u maltempati. Jekk dawn ma jiġux indirizzati billi ntejbu l-kapaċità strutturali tas-soċjetajiet tagħna biex nimmaniġġjaw ir-riskji, fis-snin li ġejjin il-prezz f’ħajjiet ta’ bnedmin, kif ukoll il-prezz ekonomiku u soċjali tat-tibdil fil-klima, jistgħu biss jiżdiedu, inkluża l-pressjoni minħabba l-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima f’partijiet oħra tad-dinja, pereżempju t-tfixkil fir-rotot kummerċjali u fil-ktajjen tal-provvista globali. Il-klima, l-ambjent u s-sigurtà huma interkonnessi ferm.

It-tweġiba tal-Ewropa għal dawn il-kriżijiet saret b’ħeffa u determinazzjoni liema bħalhom, filwaqt li wriet solidarjetà u reżiljenza. Mill-ewwel ħolqot Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa, żviluppat politika biex takkwista l-vaċċini għall-COVID-19 b’mod konġunt u bdiet il-programmi SURE 1 u NextGenerationEU biex tindirizza l-impatt ekonomiku u soċjali tagħha. Il-Kummissjoni wittiet it-triq b’soluzzjonijiet biex ittaffi ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tiżgura s-sigurtà tal-provvista inkluż b’soluzzjonijiet innovattivi fit-trasport. Miljuni ta’ refuġjati Ukreni sabu kenn u ospitalità fl-UE. Uħud mill-għodod Ewropej, bħall-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM, Union Civil Protection Mechanism) u r-riżerva strateġika tal-kapaċitajiet u r-riżervi Ewropej ta’ rispons għad-diżastri (rescEU), urew il-valur miżjud tagħhom.

L-ebda waħda mill-kriżijiet ewlenin li seħħew f’dawn l-aħħar snin ma kienet waħda f’mitt qamar jew ta’ dak il-ħin. Huma parti minn xejra aktar ġenerali li tissawwar minn bidliet politiċi, ekonomiċi, klimatiċi, ambjentali u teknoloġiċi fit-tul. L-Ewropa ma jaqblilhiex tibqa’ reattiva.

Ir-rapport Niinistö dwar il-Preparatezza u t-Tħejjija tal-UE 2 kkonkluda li t-tisħiħ tal-preparatezza u t-tħejjija ċivili u militari tal-Ewropa, għall-isfidi li ġmielhom joktru tal-lum u l-kriżijiet ġejjiena, irid isir b’urġenza. Ir-rapport appella għal bidla profonda fil-mentalità u rrikonoxxa li l-preparatezza mhijiex biss responsabbiltà nazzjonali iżda anki sforz Ewropew kondiviż li jirrikjedi rwol aktar b’saħħtu għall-Unjoni fil-koordinazzjoni u l-appoġġ tal-Istati Membri. 3 Din l-Istrateġija tibni fuq ir-Rapport Niinistö u tfassal pjan ta’ azzjoni strateġiku lejn Unjoni tal-Preparatezza.



X’inhuwa l-għan ta’ Unjoni tal-Preparatezza

Maż-żmien, l-UE żviluppat u kompliet issaħħaħ id-diversi għodod li għandha biex tagħġen ir-reżiljenza fit-tweġiba tagħha għal ċerti tipi ta’ riskji u biex tirrispondi għal kriżijiet f’għadd ta’ setturi. Madankollu, l-esperjenza enfasizzat li l-qafas tal-preparatezza tal-UE għandu numru ta’ nuqqasijiet.

L-ewwel nett, il-ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE hija fil-biċċa l-kbira tagħha reattiva, aktar milli proattiva. Dan huwa dovut ukoll għal nuqqas ta’ prospettiva strateġika, ta’ antiċipazzjoni, u ta’ twissija bikrija. Ma ssir l-ebda valutazzjoni integrata tar-riskji, tat-theddid u ta’ dak kollu li joħroġ minnhom, inkluż minn barra mill-Unjoni.

It-tieni, is-sett ta’ għodod tal-UE biex timmaniġġa l-kriżijiet huwa frammentat, f’istituzzjonijiet, servizzi u aġenziji differenti u għandu lakuni f’dik li hija koordinazzjoni settorjali u transfruntiera. Il-koordinazzjoni ċivili-militari tista’ tkun ħafna aħjar, u l-konnessjoni bejn l-azzjoni interna u esterna tal-UE għadha batuta.

It-tielet, l-iskala u r-riżorsi tal-istrutturi u l-mekkaniżmi li jeżistu fil-livell tal-UE għandhom limiti. L-involviment tas-soċjetà u tas-settur privat fir-rispons għall-kriżijiet huwa limitat. Il-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-Unjoni ma humiex flessibbli u l-baġits nazzjonali ma humiex allinjati strateġikament biżżejjed.

L-Unjoni tal-Preparatezza se żżid il-valur tal-azzjonijiet tal-Istati Membri, jiġifieri billi tikkomplementa l-isforzi nazzjonali, issaħħaħ il-koordinazzjoni u l-effiċjenza u trawwem kultura ta’ preparatezza u reżiljenza filwaqt li tirrispetta s-sussidjarjetà, il-kompetenzi nazzjonali, u l-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri bis-sħiħ. Tappoġġa l-obbligu tal-Istati Membri li jaġixxu fi spirtu ta’ solidarjetà u jgħinu lil xulxin f’kull tip ta’ kriżi, f’konformità mal-Artikolu 222 tat-TFUE 4 .

L-għan ġenerali tal-Unjoni tal-Preparatezza huwa li toħloq UE sigura u reżiljenti armata b’dak kollu li huwa meħtieġ biex tantiċipa u timmaniġġja t-theddid u l-perikli, indipendentement min-natura jew l-oriġini tagħhom, biex tiżgura li ċ-ċittadini Ewropej jiġu protetti u mħejjija kif xieraq, u biex tħares il-funzjonijiet vitali tas-soċjetà fl-eventwalitajiet kollha. Dan jitlob mentalità ġdida f’dik li hija preparatezza. Huwa importanti ferm li l-partijiet interessati kollha, fosthom iċ-ċittadini, ikunu konxji u jingħataw is-setgħa li jieħdu ħsieb il-preparatezza individwali u kollettiva tagħhom.

Ewropa mħejjija aħjar irid ikollha kordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri, kif ukoll il-partijiet ikkonċernati, u s-sħab internazzjonali, b’mod partikolari s-sħab involuti fit-tkabbir u l-viċinat li t-tħejjija u r-reżiljenza tagħhom huma kritiċi għas-sigurtà tagħna stess. Is-settur tar-riċerka u tal-innovazzjoni tal-UE irid jagħti kontribut essenzjali li jippermetti reazzjonijiet li jadattaw u jitjiebu kontinwament, bl-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku għall-kriżi. Is-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni għandu jinvesti fis-sensibilizzazzjoni u r-reżiljenza tiegħu kontra r-riskji għas-sigurtà u t-theddid ibridu, anki meta f’kollaborazzjonijiet internazzjonali.

Il-binja tal-Unjoni tal-Preparatezza

L-Istrateġija tissejjes fuq għadd ta’ prinċipji biex tindirizza n-nuqqasijiet eżistenti fl-azzjoni tal-UE u timxi lejn Unjoni tal-Preparatezza reali, fosthom:

=Approċċ integrat li jkopri l-perikli kollha, li jkopri l-ispettru kollu tar-riskji u t-theddid naturali u ta’ dawk ikkaġunati mill-bniedem u li jlaqqa’ l-għodod disponibbli kollha. 

=Approċċ ta’ gvern fil-livelli kollha, li jlaqqa’ flimkien l-atturi rilevanti kollha fil-livelli kollha tal-gvern (lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE) u jippromwovi l-kollaborazzjoni, il-koerenza tal-politika u l-kondiviżjoni tar-riżorsi. L-għan tiegħu huwa li jindirizza b’mod komprensiv iż-żieda fir-riskji u fit-theddid, l-interazzjoni ta’ bejniethom, u l-effetti kaskata li jiġġeneraw. Dan jinkludi kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet ċivili u tad-difiża, u l-integrazzjoni koerenti tad-dimensjonijiet interni u esterni.

=Approċċ min-naħa tas-soċjetà kollha, li jrawwem kultura inklużiva ta’ preparatezza u reżiljenza, li jinvolvi ċ-ċittadini, l-komunitajiet lokali u s-soċjetà ċivili, in-negozji u s-sħab soċjali kif ukoll il-komunitajiet xjentifiċi u akkademiċi.

Preparatezza tajba tiswa l-flus. L-investimenti fil-preparatezza jimplikaw kostijiet, iżda dawn tajjeb li jsiru għaliex iwasslu għal tisħiħ tar-reżiljenza, tnaqqis fit-tfixkil, irkupru li jiswa anqas flus u kompetittività fit-tul. Il-finanzjament fil-livell tal-UE jrid jopera bi flessibbiltà, skalabbiltà u jkun immirat biex jindirizza l-perikli kollha, biex jippermetti lill-Unjoni taġixxi f’waqtha u b’solidarjetà matul il-fażijiet kollha ta’ kriżi, b’rispett sħiħ lejn ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-UE u tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-preparatezza u r-reżiljenza jitqiesu fil-programmi tal-baġit tal-UE mill-bidu nett jista’ jgħin biex jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet u l-esponiment għar-riskji, u b’hekk jitnaqqas il-kost tal-azzjoni ta’ rimedju.

Biex l-Unjoni tal-Preparatezza tinbena f’konformità ma’ dawk il-prinċipji, l-Istrateġija tibni fuq l-Għanijiet Marbuta mar-Reżiljenza għad-Diżastri 5 biex tantiċipa, tħejji, twissi, tirrispondi u tiżgura s-sigurtà. Tipproponi azzjonijiet madwar is-seba’ oqsma:

·Prospettiva u antiċipazzjoni

·Reżiljenza tal-funzjonijiet vitali tas-soċjetà

·Preparatezza tal-popolazzjoni

·Kooperazzjoni pubblika-privata

·Kooperazzjoni bejn iċ-ċivil u l-militar

·Koordinazzjoni tar-rispons għall-kriżijiet

·Reżiljenza permezz ta’ sħubijiet esterni

L-istrateġija tistabbilixxi 30 azzjoni ewlenin li jindirizzaw objettiv wieħed jew aktar taħt l-oqsma ta’ hawn fuq u hija akkumpanjata minn pjan ta’ azzjoni (ara l-Anness).

Din l-Istrateġija tikkomplementa u hija kkomplementata minn inizjattivi ewlenin oħra tal-UE, b’mod partikolari l-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna, il-Preparatezza tad-Difiża Ewropea 2030, il-Pjan Ewropew għall-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, l-Att dwar il-Mediċini Kritiċi, il-Patt għal Industrija Nadifa, il-Patt Ewropew għall-Oċeani, it-Tarka Ewropea għad-Demokrazija, l-Unjoni tal-Ħiliet, u l-Unjoni ta’ Ugwaljanza.

1.Prospettiva u Antiċipazzjoni   

Iż-żmien huwa essenzjali fi kriżijiet akuti, iżda wkoll għall-antiċipazzjoni tagħhom. Il-prospettiva strateġika, l-għarfien tas-sitwazzjoni, u t-twissija bikrija huma kruċjali u jridu jissaħħu aktar. L-identifikazzjoni bikrija tar-riskji u t-theddid tista’ tagħti ħin prezzjuż u tgħin biex jiġu evitati kriżijiet jew tagħmilha aktar faċli biex jiġu ġestiti filwaqt li l-impatt tagħhom jiġi minimizzat. Huwa fundamentali li jsiru valutazzjonijiet tar-riskju transsettorjali fil-livell tal-UE, ibbażati fuq evidenza, infurmati minn parir xjentifiku, u akkumpanjati minn simulazzjoni tal-kriżijiet u valutazzjonijiet tat-theddid regolari.

Il-kapaċitajiet tal-UE jeħtieġ li jinkludu sistemi ta’ twissija bikrija kompletament interoperabbli, minn tarf sa tarf u minn perikli multipli, u jintemgħu data f’waqtha u affidabbli biex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jkunu infurmati aħjar dwar ir-riskji u l-effetti interrelatati potenzjali tagħhom.

Dan l-approċċ inklużiv f’dawk li huma periklu biex ikunu jistgħu jitlaqqgħu l-valutazzjonijiet tar-riskju u tat-theddid jeħtieġ li jipprovdi għarfien azzjonabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet, li jwassal għal azzjoni sostnuta tal-UE biex tiskoraġġixxi t-theddid u tirrispondi għalih b’mod aktar effettiv. Irid jallinja l-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali u fil-livell tal-UE, filwaqt li jintegra d-data u l-analiżi tal-esperti f’approċċ transsettorjali u transfruntier.

Il-pedament ta’ kultura ta’ titjib kontinwu għandu jissejjes fuq qafas għal evalwazzjoni sistematika, simulazzjoni tal-kriżijiet u taħriġ. It-testijiet regolari tal-idoneità tal-mekkaniżmi, l-għodod u l-istrumenti tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet jeħtieġ li: (i) jiżguraw l-idoneità u l-koerenza tagħhom; (ii) jagħmluha possibbli li jiġu identifikati l-aħjar prattiki kif ukoll il-lakuni u dak li ma hemmx bżonn; u (iii) jikkontribwixxu għall-massimizzazzjoni tas-sinerġiji u l-effiċjenza.

Azzjonijiet ewlenin

1)L-iżvilupp ta’ valutazzjoni komprensiva tal-UE tar-riskji u t-theddid

Sabiex jiġi żgurat approċċ totalment integrat, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, bl-appoġġ tal-Aġenziji tal-UE, se jiżviluppaw valutazzjoni komprensiva tar-riskju u tat-theddid tal-UE (transsettorjali, li tkopri l-perikli kollha). Dan se jintegra l-għarfien minn diversi oqsma ta’ politika inkluż is-sigurtà interna u esterna u se jkun ibbażat fuq analiżi xjentifika, riċerka u innovazzjoni ffinanzjati mill-UE, sistemi ta’ twissija bikrija f’ħin reali, monitoraġġ bis-satellita u data ġeospazjali, bħas-Servizz ta’ Ġestjoni tal-Emerġenzi ta’ Copernicus, kif ukoll valutazzjonijiet eżistenti fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali u għarfien tan-negozju. L-eżerċizzju se jissimplifika l-obbligi ta’ rapportar, filwaqt li jevita piżijiet amministrattivi bla bżonn filwaqt li jtejjeb l-effiċjenza. Ir-rwol tal-Kapaċità Unika ta’ Analiżi tal-Intelligence (SIAC, Single Intelligence Analysis Capacity) bħala l-punt uniku ta’ dħul għall-intelligence tal-Istati Membri se jkun essenzjali. Sa tmiem l-2025, is-SIAC ser tissaħħaħ permezz ta’ rinforzi u riżorsi addizzjonali, f’konformità mad-Dokument Konġunt tar-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri.

Din il-valutazzjoni se tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill meta dan ikun rilevanti.

2)Il-ħolqien ta’ “dashboard tal-kriżi” għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet 

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u bl-appoġġ tal-Aġenziji rilevanti tal-UE, se jiżviluppaw “dashboard tal-kriżijiet”, li jlaqqa’ sistemi settorjali ta’ twissija rapida u jtejjeb il-koordinazzjoni għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

Din il-valutazzjoni komprensiva tar-riskji u t-theddid tal-UE u d- “dashboard tal-kriżijiet” se jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet tal-Kulleġġ tal-Kummissarji, b’mod partikolari f’format ta’ Kulleġġ tas-Sigurtà, biex japprofondixxu l-fehim dwar is-sigurtà u l-ambjent strateġiku tal-Ewropa u biex jagħtu direzzjoni politika lill-azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-preparatezza u r-reżiljenza.

3)It-tisħiħ taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC, Emergency Response Coordination Centre)

Biex l-ERCC ikun aktar proattiv fil-ġestjoni tal-emerġenzi u l-kriżijiet, se jintrama biex: (i) ifassal briefings regolari ta’ prospettiva operazzjonali dwar ir-riskji transsettorjali u ta’ kull periklu; (ii) jidentifika u janalizza l-effetti kaskata tagħhom; u (iii) jibni xenarji.

4)L-iżvilupp ta’ katalogu għat-taħriġ u pjattaforma għat-tagħlimiet meħuda tal-UE

Sabiex jiġu żgurati tħejjija u rispons ikkoordinati u effettivi għall-kriżijiet, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jiżviluppaw katalogu ta’ metodi u linji gwida biex l-Istati Membri jtejbu t-taħriġ fit-tħejjija. Barra minn hekk, se jfasslu programm komprensiv u inklużiv madwar l-UE għat-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet li jkopri s-sigurtà, id-difiża u l-ġestjoni tal-kriżijiet, biex il-professjonisti, il-voluntiera u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ikollhom l-għarfien espert meħtieġ fis-setturi u fl-Istati Membri kollha. Se tinħoloq pjattaforma ta’ skambju ta’ “tagħlimiet meħuda” fil-livell tal-UE, li tintegra l-għarfien minn kriżijiet u eżerċizzji tal-passat fi sforzi ta’ rispons fil-futur.

5)Il-ħolqien ta’ Servizz Governattiv tal-UE għall-Osservazzjoni tad-Dinja (EOGS, Earth Observation Governmental Service)

L-UE ser tiżviluppa Servizz Governattiv għall-Osservazzjoni tad-Dinja (EOGS) li b’mod partikolari ser jwassal għal detezzjoni satellitari sigura, affidabbli, f’waqtha, persistenti u mmirata, filwaqt li jsaħħaħ il-kapaċitajiet eżistenti u ppjanati u jibni fuq l-esperjenza twila tal-użu ta’ Copernicus b’appoġġ għall-ġestjoni u s-sigurtà tal-emerġenzi.

2.Reżiljenza tal-Funzjonijiet Vitali tas-Soċjetà

Il-funzjonijiet vitali tas-soċjetà huma sistemi u strutturi fundamentali li jippermettu lil soċjetà topera, filwaqt li jissalvagwardjaw is-soċjetajiet, l-ekonomiji, il-kulturi u l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna fi kwalunkwe ċirkostanza. Dawn il-funzjonijiet jinkludu, l-ewwel u qabel kollox, is-sikurezza tal-popolazzjoni tal-UE, u jinkludu l-protezzjoni minn diżastri naturali, il-kontinwità governattiva u t-teħid tad-deċiżjonijiet, il-proċessi demokratiċi, il-koeżjoni soċjali u l-istabbiltà ekonomika u s-sigurtà interna u esterna. Flimkien isawru l-pedament ta’ soċjetà stabbli u sigura.

Il-qafas legali eżistenti tal-UE 6 jkopri l-biċċa l-kbira tal-oqsma (ara l-grafika hawn taħt) li jiżguraw il-funzjonijiet vitali tas-soċjetà. Dan jinkludi leġiżlazzjoni dwar kriżijiet trażversali kif ukoll pjanijiet ta’ kontinġenza settorjali u leġiżlazzjoni li jżidu r-reżiljenza tas-soċjetajiet tagħna bħas-sigurtà tal-ikel, l-ilma tax-xorb, il-provvista tal-enerġija, it-telekomunikazzjonijiet u t-trasport, il-ġestjoni tal-iskart, is-sistemi tal-kura tas-saħħa, l-istandards tal-bini, il-protezzjoni tan-natura, il-pjanijiet għall-għargħar, is-servizzi finanzjarji, u oħrajn.

Għandu jkollna qafas xieraq li jħares il-funzjonijiet vitali fl-eventwalitajiet kollha: L-ewwel nett, l-UE jrid ikollha għodod xierqa biex tipproteġi l-governanza demokratika u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li tiżgura mitigazzjoni effettiva tar-riskju u rispons għall-kriżijiet fil-livell Ewropew. It-tieni, l-integrità tas-Suq Uniku, appoġġata mill-moviment liberu tal-persuni, tal-merkanzija, tal-kapital u tas-servizz u minn politiki soċjali, ekonomiċi u fiskali sodi, hija essenzjali għall-istabbiltà ekonomika u finanzjarja u r-reżiljenza. It-tielet, l-UE trid tħares l-ambjent, tippromwovi soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali. Ir-raba’, biex issaħħaħ l-awtonomija strateġika u tnaqqas il-vulnerabbiltajiet, l-UE jeħtiġilha ttejjeb iċ-ċirkolarità, is-sigurtà fit-tul tal-katina tal-provvista, u r-reżiljenza għall-koerċizzjoni esterna, filwaqt li tiżgura l-aċċess għall-materja prima, l-oġġetti essenzjali, u l-provvisti kritiċi, u tottimizza l-użu tal-assi u s-servizzi spazjali, filwaqt li tinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni biex issostni l-kompetittività industrijali u t-tmexxija teknoloġika.

Azzjonijiet ewlenin

6)L-inkorporazzjoni tal-preparatezza mit-tfassil fil-politiki u l-azzjonijiet tal-UE

Il-kunsiderazzjonijiet ta’ preparatezza u sigurtà se jiġu integrati u integrati fil-leġiżlazzjoni, il-politiki u l-programmi kollha tal-UE. Se jitħejjew, jew jiġu rieżaminati, politiki, leġiżlazzjoni u programmi ġodda b’perspettiva ta’ tħejjija u sigurtà, filwaqt li l-impatti potenzjali tal-għażla ta’ politika ppreferuta dwar it-tħejjija u s-sigurtà se jiġu identifikati b’mod konsistenti. Dan se jkun sostnut b’taħriġ regolari għal dawk li jfasslu l-politika fil-Kummissjoni.

Ir-reżiljenza u l-preparatezza jistrieħu fuq politiki ekonomiċi u soċjali sodi kkoordinati fis-Semestru Ewropew. Il-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali li huma rilevanti wkoll għall-preparatezza se jiġi vvalutat fil-proċess tas-Semestru kull meta jkun hemm bżonn. Il-politiki ekonomiċi u soċjali li huma strumentali għat-tħejjija jistgħu jiġu riflessi aktar fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż, u b’hekk l-Istati Membri jiġu inċentivati jagħmlu u jimplimentaw dawk ir-riformi.

It-tnaqqis tal-piż amministrattiv u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri relatati se jiffaċilitaw azzjonijiet ta’ preparatezza aktar aġli u effettivi. Il-Kummissjoni se tfassal l-azzjonijiet ta’ simplifikazzjoni meħtieġa f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa u l-fattibbiltà ta’ Liġi tal-UE dwar il-Preparatezza biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-funzjonijiet vitali tas-soċjetà billi tistabbilixxi standards konġunti u miri fit-tul li jistgħu jitkejlu.

7) L-adozzjoni ta’ rekwiżiti ta’ preparatezza minimi

Il-prijorità immedjata hija t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni urġenti u kompleta tal-qafas legali tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttivi CER u NIS2 kif se jiġi spjegat ukoll fl-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna li jmiss. Abbażi tal-implimentazzjoni ta’ dawn id-Direttivi, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk ikunx hemm bżonn miżuri oħrajn.

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni se timpenja ruħha mal-Istati Membri biex tidentifika setturi u servizzi oħra li ma humiex koperti mil-leġiżlazzjoni attwali u li jista’ jkun hemm il-ħtieġa li tittieħed azzjoni dwarhom. Abbażi ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni se tressaq rakkomandazzjonijiet dwar ir-rekwiżiti minimi ta’ preparatezza, flimkien ma’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ. Dan tal-aħħar se jallinja mal-Għanijiet Marbut mar-Reżiljenza għad-Diżastri u se jkun komplementari mar-rekwiżiti bażi tar-reżiljenza tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) 7 .

L-istituzzjonijiet tal-UE se jieħdu azzjonijiet biex itejbu t-tħejjija interna tagħhom stess, b’mod partikolari billi jtejbu l-komunikazzjonijiet siguri bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri.

8)Ir-Reviżjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili

Il-Kummissjoni se tirrevedi l-qafas leġiżlattiv tal-UCPM biex tkompli ttejjeb l-effettività u l-effiċjenza f’emerġenzi u kriżijiet b’impatt għoli li jeħtieġu rispons u koordinazzjoni robusti fil-livell Ewropew.

9)Il-proposta ta’ Strateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE

Il-Kummissjoni se tipproponi strateġija għall-kumulazzjoni tar-riżervi madwar l-UE li se tintegra l-isforzi tal-kumulazzjoni tar-riżervi settorjali kollha li jeżistu. Dan se jsaħħaħ l-aċċess għar-riżorsi kritiċi madwar l-UE, pereżempju għar-rispons għall-emerġenzi u d-diżastri, il-kontromiżuri mediċi, il-materja prima kritika, it-tagħmir tal-enerġija, il-kenn, u potenzjalment il-prodotti agroalimentari u l-ilma. Hija biħsiebha tlaqqa’ r-riżervi ċentralizzati fil-livell tal-UE mal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, bl-għajnuna ta’ sħubijiet pubbliċi-privati biex jiġu żgurati l-effiċjenza, l-iskalabbiltà u l-kosteffettività.

Il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll Strateġija biex tappoġġa kontromiżuri mediċi mit-theddid għas-saħħa pubblika biex issaħħaħ is-sigurtà tas-saħħa tal-UE, issaħħaħ il-kompetittività tal-UE, u tipproteġi lill-pubbliku minn theddid transfruntier għas-saħħa, inkluż theddid kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (CBRN). Dan se jitlaqqa’ ma’ miżuri dwar l-istokkijiet ta’ emerġenza skont l-Att dwar il-Mediċini Kritiċi li ġie propost reċentement.

10)Proposta ta’ Pjan ta’ Adattament għall-Klima

Fl-2026, il-Kummissjoni se tippreżenta Pjan Ewropew ta’ Adattament għat-Tibdil fil-Klima biex tappoġġa lill-Istati Membri jitħejjew għar-riskji klimatiċi u għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Unjoni. Fl-istess ħin li jibni fuq il-Valutazzjoni tar-Riskju Klimatiku fl-Ewropa, il-Pjan se jinkorpora “preparatezza mit-tfassil” fil-politiki u l-investimenti rilevanti tas-settur tal-UE u jsaħħaħ il-ġestjoni proattiva tar-riskju klimatiku, ambjentali u tal-ilma madwar l-UE. Dan se jappoġġa lin-nies, lin-negozji u lil dawk li jfasslu l-politika permezz tal-użu ta’ xenarji komuni ta’ referenza għall-klima.

11)L-iżgurar tal-provvista tal-ilma u ta’ riżorsi naturali kritiċi oħra

L-ilma, il-ħamrija u riżorsi naturali oħra huma kruċjali mhux biss għall-provvista tal-ikel, iżda wkoll għall-funzjonament tajjeb tal-ekonomija tagħna. Skont il-Bank Ċentrali Ewropew, kważi 75 % tas-self bankarju lil kumpaniji fiż-żona tal-euro jingħata lil kumpaniji li jiddependu ħafna fuq mill-inqas servizz wieħed tal-ekosistema, b’mod partikolari fuq l-ilma. Il-Kummissjoni se tipproponi strateġija Ewropea għar-reżiljenza tal-ilma li se tistabbilixxi perkors lejn is-sigurtà u r-reżiljenza tal-ilma billi tiżgura d-disponibbiltà ta’ ilma nadif u li tħares lill-UE aħjar kontra r-riskji marbuta mal-ilma. Barra minn hekk se tippromwovi soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura biex jissaħħu t-tħejjija u r-reżiljenza inkluż kontra d-diżastri naturali. Bħala parti minn strateġija ġdida tal-UE dwar il-bijoekonomija u Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari, il-Kummissjoni se taġixxi biex iżżid il-materjali ċirkolari u b’bażi bijoloġika fil-ktajjen tal-valur tagħna sabiex intejbu l-indipendenza tagħna mill-importazzjonijiet ta’ materja prima kritika.

3.Preparatezza tal-Popolazzjoni

Il-preparatezza hija responsabbiltà kollettiva. L-awtoritajiet pubbliċi, il-media, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-istituzzjonijiet kulturali, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali, in-negozji, in-networks u l-komunitajiet lokali, u ċ-ċittadini, minn età bikrija, ilkoll għandhom rwol vitali. Stħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru 8 juri li fl-2024, kważi nofs l-Ewropej (49 %) ma ħassewhomx infurmati tajjeb dwar ir-riskji ta’ diżastri li jistgħu jaffettwawhom u 65 % iridu aktar informazzjoni biex ikunu jistgħu jippreparaw għal diżastri jew emerġenzi.

Il-fatt li ċ-ċittadini tal-UE u l-komunitajiet ikunu konxji mir-riskji u t-theddid huwa essenzjali biex jiġi żgurat li huma jsiru parteċipanti attivi fl-isforzi ta’ tħejjija u rispons għall-kriżijiet. L-inugwaljanza hija fattur ta’ riskju għall-preparatezza. In-nisa u l-gruppi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, bħat-tfal, l-anzjani u l-persuni b’diżabilità, l-iddiskriminati, il-foqra u/jew esklużi soċjalment jintlaqtu b’mod sproporzjonat mill-kriżijiet, li ta’ sikwit jaggravaw l-iżvantaġġi u l-inugwaljanzi li jkun hemm qabel. Għalhekk, il-kunsiderazzjonijiet tal-ugwaljanza jeħtieġ li jiġu integrati matul it-preparatezza kollha, f’konformità mal-qafas tal-Unjoni ta’ Ugwaljanza u b’mod partikolari l-Pjan Direzzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa. Id-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza minn barranin (FIMI, foreign information manipulation and interference) huma partikolarment dannużi peress li jimminaw il-fiduċja tal-pubbliku u jistgħu jaggravaw l-impatt tal-kriżijiet. Bl-istess mod, in-nuqqas ta’ informazzjoni aċċessibbli jdgħajjef il-preparatezza tas-soċjetà.

Hemm bżonn li ssir bidla fundamentali biex tinħoloq mentalità li trawwem kultura ta’ preparatezza u reżiljenza.

Inrawmu kultura ta’ preparatezza inklużiva u reżiljenza soċjetali interġenerazzjonali

Il-preparatezza trid tilħaq il-partijiet kollha tas-soċjetà. Il-bini tal-komunità u l-volontarjat għandhom jiġu appoġġati. Is-servizzi soċjali u l-protezzjoni soċjali adegwata għandhom jiżguraw li l-isforz tal-preparatezza ma jħalli lil ħadd jibqa’ lura. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-awtodipendenza, ir-reżiljenza psikoloġika, u jiżguraw preparatezza interġenerazzjonali aħjar għall-individwi u għall-unitajiet domestiċi, abbażi tal-aħjar prattiki, inkluż mill-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili.

Il-Kummissjoni se taħdem biex tibni Mekkaniżmu Ewropew għad-Difiża Ċivili 9 li jħares lejn l-aspetti kollha tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tad-diżastri biex jappoġġa l-iżvilupp ulterjuri tas-sensibilizzazzjoni tas-soċjetà u jinvesti fl-edukazzjoni dwar ir-riskju liċ-ċittadini.

Nagħtu s-setgħa lil ċittadini aktar reżiljenti

Iċ-ċittadini u l-komunitajiet madwar l-UE jridu jingħataw is-setgħa li jaċċessaw informazzjoni ta’ kwalità u affidabbli, li jkollhom il-ħiliet meħtieġa biex jevalwawha, li jinvolvu ruħhom b’mod attiv biex jipprevjenu l-kriżijiet, u li jkunu mħejjija biżżejjed biex jirrispondu għall-kriżijiet. L-iskejjel, l-għalliema, il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-ħarrieġa għandhom rwol ewlieni fit-trawwim tal-litteriżmu diġitali u medjatiku u l-ħsieb kritiku, fil-promozzjoni ta’ involviment ċiviku, u t-tagħlim ta’ ċittadinanza demokratika, kif inhu enfasizzat mill-Unjoni tal-Ħiliet. Is-sħab soċjali jistgħu jikkontribwixxu b’mod deċiżiv għal dawn l-isforzi ta’ preparatezza, fost l-oħrajn billi jinfurmaw u jħarrġu lill-ħaddiema. Is-sett ta’ għodod tal-FIMI tal-UE, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u t-Tarka għad-Demokrazija Ewropea li jmiss għandu jintuża fil-ġlieda sistematika kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u d-diżinformazzjoni barranin.

Insaħħu t-twissijiet pubbliċi u l-komunikazzjoni f’każ ta’ kriżijiet

Għandu jsir titjib tat-twissijiet pubbliċi madwar l-Ewropa, kif ukoll tas-sistemi ta’ komunikazzjoni fi kriżi inklużivi, kemm qabel (il-komunikazzjoni tar-riskju) kif ukoll matul il-kriżijiet (komunikazzjoni tal-kriżijiet), sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-persuni kollha fiċ-ċirkostanzi kollha ikunu xi jkunu l-età, il-lingwa, id-diżabbiltà, l-istatus legali tagħhom eċċ. L-esperjenzi ta’ kriżijiet riċenti juru l-ħtieġa li jiġu inklużi l-popolazzjonijiet partikolarment vulnerabbli, dawk li jesperjenzaw diskriminazzjoni, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, u individwi minn pajjiżi oħrajn (pereżempju vjaġġaturi, ħaddiem staġjonali u migranti) u l-ħtieġa tal-prevenzjoni tad-diżinformazzjoni. In-notifiki ta’ emerġenza jistgħu jsiru billi tiġi żviluppata l-funzjonalità ta’ twissijiet pubbliċi fl-ambitu tal-Kartiera tal-Identità Diġitali tal-UE 10 . Dan jippermetti lill-gvernijiet jikkomunikaw direttament maċ-ċittadini b’mod sempliċi u awtentikat, filwaqt li jagħtu prova ta’ twissijiet u allerti.

Noffru ħiliet ewlenin u niżguraw il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol matul il-kriżijiet

Il-politiki effettivi fl-edukazzjoni u t-taħriġ li huma inklużi għal funzjonijiet kritiċi, kif inhu enfasizzat fl-Unjoni tal-Ħiliet, huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-ħaddiema jkollhom il-kompetenzi t-tajba u jkunu jistgħu jimmobilizzaw madwar l-UE matul emerġenzi.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali biex: (i) tiżgura d-disponibbiltà u l-mobbiltà ta’ persunal tas-sengħa matul emerġenzi, billi tfassal oqfsa għall-iskjerament rapidu ta’ ħaddiema u voluntiera madwar l-UE; u (ii) iżżid l-attraenza tal-perkorsi tal-karriera fl-oqsma tal-protezzjoni ċivili, fis-servizzi ta’ emerġenza, inkluż fil-kura tas-saħħa, u fis-sigurtà.

Azzjonijiet ewlenin

12) Intejbu s-sistemi ta’ twissija bikrija

Il-Kummissjoni se tiżviluppa linji gwida flimkien mal-Istati Membri biex tappoġġa l-komunikazzjoni tagħhom dwar diversi riskji u sitwazzjonijiet qabel u matul kriżi, bħala parti mill-inizjattiva PreparEU. Is-servizz ta’ Ġestjoni ta’ Emerġenzi ta’ Copernicus u s-Servizz Satellitari ta’ Twissija ta’ Emerġenza Galileo (EWSS) li jmiss se jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili jkollhom aċċess f’waqtu għal informazzjoni ta’ twissija bikrija bbażata fl-ispazju biex ixerrdu messaġġi ta’ twissija diretta lill-popolazzjoni.

13)Insaħħu s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji u t-theddid

Il-Kummissjoni se tipproponi Jum ta’ Preparatezza tal-UE kull sena biex tirrikonoxxi l-isforzi tal-awtoritajiet u l-komunitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex tissaħħaħ it-tħejjija u biex titqajjem kuxjenza għall-ħtiġijiet ta’ preparatezza tal-popolazzjoni. Dan se jiġi kkomplementat b’azzjonijiet oħra ta’ komunikazzjoni bħal linji gwida dwar kif wieħed jikkomunika dwar id-diversi riskji u sitwazzjonijiet, inklużi l-ħtiġijiet ta’ popolazzjonijiet vulnerabbli, li se jiġu żviluppati flimkien mal-Istati Membri. Il-programmi ta’ sensibilizzazzjoni, bħall-panels taċ-ċittadini, il-portal EUvsDisinfo, il-kampanji online, u s-settijiet ta’ għodod għall-komunikazzjoni strateġika u l-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni se jkunu strumentali wkoll.

14)Niżviluppaw linji gwida biex il-popolazzjoni jkollha awtosuffiċjenza ta’ mill-inqas 72 siegħa

Meta jinqalgħu problemi estremi l-perjodu tal-bidu huwa l-aktar wieħed kritiku. Il-Kummissjoni se tipproponi linji gwida dwar kif l-Istati Membri se jagħmlu l-popolazzjoni tagħhom awtosuffiċjenti għal mill-inqas 72 siegħa. Bħala parti mill-inizjattiva PreparEU, dawn il-linji gwida se jkopru l-ħżin ta’ provvisti essenzjali, l-ippjanar tal-kriżijiet, id-disponibbiltà tal-kenn, miżuri li jiżguraw id-disponibbiltà ta’ art u spazju kritiċi u miżuri oħra għall-protezzjoni tan-nies, l-annimali u l-proprjetà f’każ ta’ kriżi u se jkunu akkumpanjati minn kampanji u attivitajiet immirati. Pjattaforma online ġdida tal-UE għaċ-ċittadini u t-turisti se tagħtihom informazzjoni mfassla apposta u aċċessibbli dwar ir-riskji li jistgħu jiffaċċjaw u passi prattiċi biex dawn ir-riskji jittaffew.

15)Ninkludu l-preparatezza fil-kurrikuli tal-edukazzjoni skolastika u fit-taħriġ tal-persunal edukattiv

F’konformità mal-Unjoni tal-Ħiliet, il-Kummissjoni se tiżviluppa linji gwida għall-iżvilupp tal-kurrikulu, li jibdew mill-edukazzjoni bikrija tat-tfal, biex tappoġġa l-kisba ta’ ħiliet bażiċi dwar il-preparatezza, inkluż il-litteriżmu medjatiku bħala għodda kruċjali għal ċittadinanza attiva u infurmata u għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni. L-għalliema se jkollhom aċċess għar-riżorsi u l-opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali fuq il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel.

16)Nippromwovu l-preparatezza fil-programmi taż-żgħażagħ

Il-programmi tal-UE għaż-żgħażagħ, bħall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u Erasmus +, se jinkludu prijorità ġdida dwar il-preparatezza li tippromwovi, ir-reżiljenza, il-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika u l-involviment ċiviku. Dan se jkun ibbażat fuq approċċ minn isfel għal fuq, li jinkoraġġixxi lill-organizzazzjonijiet u lill-istituzzjonijiet (universitajiet, skejjel, organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, ċentri tal-edukazzjoni għall-adulti, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-isport, eċċ.) biex japplikaw għall-finanzjament.

17)Nattiraw it-talent biex insaħħu l-preparatezza tal-UE

L-attrazzjoni tal-aħjar talent fir-riċerka lejn l-Ewropa mhijiex biss opportunità iżda ħtieġa biex jiġu żgurati r-reżiljenza u t-tħejjija fit-tul tal-UE. F’dan il-kuntest, l-UE ser tesplora urġentement miżuri konkreti biex tattira r-riċerkaturi.

Ir-Riżerva ta’ Talenti tal-UE se tiffaċilita r-reklutaġġ ta’ persuni li qed ifittxu impjieg minn barra l-UE, li jista’ jagħmilha aktar faċli għall-ħaddiema tas-sengħa f’setturi kritiċi relatati mal-preparatezza biex japplikaw għal impjiegi fl-UE fejn ikun hemm postijiet tax-xogħol battala. Is-Sħubijiet għat-Talenti jistgħu jintużaw ukoll biex jiġbdu ħaddiema tas-sengħa f’setturi kritiċi relatati mat-tħejjija, filwaqt li jinvestu wkoll f’ħiliet relatati fil-pajjiżi sħab.

4.Il-Kooperazzjoni Pubblika Privata

Il-kooperazzjoni pubblika-privata hija pilastru kritiku tal-preparatezza tal-UE, li tiżgura li r-riżorsi, l-għarfien espert, u l-innovazzjoni mis-setturi kollha jintużaw b’mod effettiv u effiċjenti. Il-biedja u s-sajd, l-industrija u n-negozju għandhom rwol ċentrali fiż-żamma ta’ funzjonijiet vitali tas-soċjetà u servizzi essenzjali. Fl-istess ħin, is-settur privat huwa dejjem aktar espost għal riskji klimatiċi u ambjentali u l-kostijiet dejjem jiżdiedu li huma marbuta magħhom (pereż. il-kostijiet tal-assigurazzjoni, it-telf tal-assi u l-ħsara ekonomika minħabba avvenimenti estremi tat-temp) u għal theddid għas-sigurtà bħat-tfixkil tal-ktajjen tal-provvista u l-attakki ċibernetiċi. L-UE tista’ tantiċipa aħjar ir-riskji, tiżgura provvisti essenzjali u tipproteġi l-awtonomija strateġika tagħha billi trawwem kollaborazzjoni pubblika-privata.

Insaħħu l-involviment pubbliku-privat strutturat fuq il-preparatezza

L-UE, l-awtoritajiet pubbliċi u l-industrija għandhom isaħħu l-mekkaniżmi għal: (i) il-kondiviżjoni mmirata u bidirezzjonali tal-informazzjoni; (ii) il-parteċipazzjoni fi prospettiva strateġika jew inizjattivi antiċipatorji; (iii) taħriġ konġunt; u (iv) rispons koordinat għall-kriżijiet. Filwaqt li tibni fuq arranġamenti eżistenti, l-UE għandha ssaħħaħ is-sħubijiet pubbliċi-privati, biex tiżgura provvisti u servizzi kritiċi permezz ta’ ħażniet strateġiċi, l-akkwist konġunt, kuntratti qafas, id-diversifikazzjoni tas-sorsi u soluzzjonijiet ċirkolari, filwaqt li tnaqqas ir-riskji minn tfixkil u xokkijiet fis-suq globali. Barra minn hekk, jeħtieġ li jinħolqu soluzzjonijiet pubbliċi u privati biex tiġi indirizzata l-isfida dejjem tikber tal-assigurazzjoni ta’ katastrofi naturali fl-UE. Id-differenzi fil-protezzjoni tal-assigurazzjoni mistennija li jkompli jikbru minħabba r-riskju dejjem akbar ikkawżat mit-tibdil fil-klima. Il-Kummissjoni se tesplora soluzzjonijiet possibbli biex tnaqqas din id-diskrepanza fil-protezzjoni tal-assigurazzjoni, jekk hemm bżonn billi ssegwi l-proposti mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol.

Il-programmi ta’ investiment u ta’ bini tal-kapaċità eżistenti tal-UE għandhom jinkorporaw kunsiderazzjonijiet ta’ preparatezza fl-għajnuna tagħhom lin-negozji u lill-Istati Membri, filwaqt li jikkomplementaw il-miżuri ta’ politika għal preparatezza mill-għeruq mit-tfassil fid-deċiżjonijiet ekonomiċi

F’konformità mal-Unjoni tal-Ħiliet, jeħtieġ li l-UE tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati f’setturi strateġiċi bħaċ-ċibersigurtà, filwaqt li tiżgura li l-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol u l-offerta edukattiva jkunu allinjati.

Azzjonijiet ewlenin

18)Noħolqu Task Force dwar il-Preparatezza pubblika-privata

Il-Kummissjoni se toħloq Task Force dwar il-Preparatezza li tuża l-Forum Industrijali, in-Network Enterprise Europe, in-network ta’ raggruppamenti Ewropej u strutturi eżistenti oħra. 11    Se tlaqqa’ partijiet ikkonċernati ewlenin mill-awtoritajiet pubbliċi, mill-industrija, min-negozju, mis-servizzi finanzjarji, mill-komunità xjentifika, mis-sħab soċjali u mis-soċjetà ċivili. L-għan tat-Task Force huwa li (i) tikkoopera fit-tisħiħ tal-ġestjoni tal-kontinwità ta’ funzjonijiet vitali u servizzi essenzjali; (ii) tiskambja informazzjoni dwar il-vulnerabbiltajiet u t-tfixkil fil-katina tal-provvista; (iii) tagħti gwida, oqfsa u inċentivi li jgħinu lill-entitajiet privati jiżguraw rekwiżiti ta’ preparatezza minimi; (iv) tikkoordina l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni fis-setturi kritiċi kollha billi tipprovdi servizzi essenzjali li jiżguraw il-funzjonijiet vitali tas-soċjetà, u (v) tappoġġa l-isforzi ta’ komunikazzjoni tal-kriżijiet.

19)Niżviluppaw protokolli ta’ emerġenza pubbliċi-privati

Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se tirrevedi l-oqfsa leġiżlattivi u operazzjonali rilevanti biex tagħti flessibbiltà mmirata, kemm legali kif ukoll finanzjarji, inklużi regoli tal-akkwist pubbliku fejn meħtieġ f’każ ta’ emerġenzi. Dan se jinkludi eċċezzjonijiet ġustifikati u marbuta biż-żmien biex tiġi żgurata d-disponibbiltà rapida ta’ materjali, oġġetti u servizzi kritiċi u linji ta’ produzzjoni kritiċi siguri. Permezz ta’ protokolli ta’ emerġenza u bħala parti mill-Alleanza tal-Preparatezza Pubblika-Privata, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jiżviluppaw qafas ikkoordinat ta’ involviment ta’ tħejjija ta’ atturi kritiċi tas-settur privat.

20)Nirrevedu l-qafas tal-akkwist pubbliku

Il-Kummissjoni se tagħmel proposta biex tirrevedi l-Qafas tal-Akkwist Pubbliku li jibni fuq il-qafas attwali u t-tagħlimiet meħuda matul kriżijiet tal-passat, inkluża l-esperjenza tal-COVID-19. Ir-reviżjoni se jkollha l-għan li ssaħħaħ il-preparatezza, jiġifieri billi ssaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tul il-ktajjen tal-valur ewlenin, b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi. Diġà jeżistu dispożizzjonijiet speċifiċi għal sitwazzjoni ta’ emerġenza; pereżempju, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jnaqqsu d-dati tal-għeluq biex jaċċelleraw il-proċeduri.

21)Noħolqu Ċentru Ewropew ta’ Għarfien Espert dwar is-Sigurtà tar-Riċerka

Ir-riċerka u l-Innovazzjoni (R u I) huma partikolarment vulnerabbli għall-interferenza barranija, ir-riskji għas-sigurtà u t-theddid ibridu. F’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tar-riċerka 12 , il-Kummissjoni se tistabbilixxi Ċentru Ewropew ta’ Għarfien Espert dwar is-Sigurtà tar-Riċerka li jiġbor evidenza u jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri u lill-atturi tar-R & I.

5.Kooperazzjoni ċivili-militari

Irridu nħejju għal inċidenti u kriżijiet transsettorjali fuq skala kbira, inkluż il-possibbiltà ta’ aggressjoni armata, li jaffettwaw Stat Membru wieħed jew aktar. Fil-biċċa l-kbira tax-xenarji ta’ kriżi, l-awtoritajiet ċivili nazzjonali jerfgħu r-responsabbiltà primarja. L-awtoritajiet jeħtieġu għajnuna militari f’għadd ta’ xenarji li dejjem qiegħed jiżdied (pereż. emerġenzi tas-saħħa, avveniment ta' temp estrem, attakki ċibernetiċi u ibridi). F’każ ta’ aggressjoni armata, il-forzi armati jkunu jeħtieġu appoġġ ċivili biex tiġi żgurata l-operazzjoni bla waqfien tal-istat u tas-soċjetà. Għaldaqstant, jeħtieġ li ntejbu l-interazzjoni bejn l-atturi ċivili u militari, mingħajr ma nqajmu dubji dwar il-kompetenzi rispettivi tagħhom u f’kooperazzjoni sħiħa mal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-eżerċizzji fuq skala kbira ta’ sikwit ikunu frammentati u ma jintużawx biżżejjed, u ma jinvolvux b’mod konsistenti l-partijiet ikkonċernati ċivili u militari rilevanti kollha.

Niżviluppaw deterrenza strateġika u sostnuta

Sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u tirrispondi b’mod aktar effettiv għal inċidenti u kriżijiet ta’ sigurtà, u tiskoraġġixxi atturi malizzjużi, jeħtieġ li l-UE tuża l-ispettru sħiħ ta’ għodod tagħha, inkluż: (i) id-diplomazija ċibernetika; (ii) is-sett ta’ għodod tal-FIMI; (iii) settijiet ta’ għodod ibridi u (iv) l-arkitettura tal-mekkaniżmu ta’ rispons għat-theddid spazjali; kif ukoll (v) il-kapaċitajiet difensivi disponibbli għall-komunitajiet ċivili u militari, inkluż fejn xieraq, miżuri difensivi proattivi, f’konformità mad-dritt internazzjonali.

Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni se jiżviluppaw strateġiji biex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jirrispondu għal atturi speċifiċi ta’ theddid immirati lejn l-UE permezz ta’ attivitajiet ibridi, ċibernetiċi u tal-FIMI. Hemm il-bżonn ta’ koordinazzjoni mill-qrib man-NATO 13 u ma’ sħab oħra tal-istess fehma biex jiżdied l-impatt u jiġu skoraġġuti l-atturi tat-theddid.

Naċċertaw interoperabbiltà ċivili-militari aktar mill-qrib

L-UE ser tkompli toperazzjonalizza l-klawsoli tal-Assistenza Reċiproka (l-Artikolu 42(7) tat-TUE) u s-Solidarjetà (l-Artikolu 222 tat-TFUE) u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, inkluż fil-każ li jiġi attivat l-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana. Barra minn hekk, sabiex taġixxi b’mod konġunt fl-ispirtu ta’ solidarjetà, kif previst fl-Artikolu 222 tat-TFUE, l-UE trid tkun tista’ tuża l-mezzi u l-assi kollha disponibbli b’appoġġ għall-Istati Membri. Dawn jistgħu jinkludu riżorsi militari li jiġu offruti b’mod komuni mill-Istati Membri.

Nippromwovu l-użu doppju mit-tfassil

L-UE jeħtiġilha tintegra kunsiderazzjonijiet ta’ użu doppju fl-investimenti infrastrutturali u fl-ippjanar tal-kapaċitajiet kollha tagħha (b’mezzi b’“użu doppju” li jkunu jistgħu jintużaw kemm minn korpi militari kif ukoll ċivili), bħall-mobbiltà militari, l-evakwazzjonijiet tal-massa, il-komunikazzjoni u l-konnettività siguri, is-sigurtà marittima, il-kapaċitajiet ċibernetiċi, u l-assi u s-servizzi spazjali. L-UE għandha tkompli tippromwovi l-infrastruttura b’użu doppju, is-sistemi ta’ komunikazzjoni, l-assi tat-trasport, it-tagħmir, il-ħażniet, il-kontromiżuri mediċi, il-provvista tal-enerġija, u t-teknoloġiji li jappoġġaw il-ħtiġijiet kemm ċivili kif ukoll militari, u fl-istess waqt tibni fuq l-isforzi eżistenti mill-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA, European Defence Agency).

Azzjonijiet ewlenin

22)Nagħmlu arranġamenti komprensivi ta’ preparatezza ċivili-militari

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jiżviluppaw arranġamenti għall-preparatezza ċivili-militari li jiċċaraw ir-rwoli, ir-responsabbiltajiet, u l-prijoritajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri għat-tħejjija u r-rispons għal inċidenti u kriżijiet. Dan se jiżdied ma’ proċeduri operattivi standard li jsaħħu l-koordinazzjoni bejn l-entitajiet tal-UE u l-Istati Membri. Dan ser jibni fuq il-proġetti taħt il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO, Permanent Structured Cooperation), il-White Paper dwar il-Ġejjieni tad-Difiża Ewropea 2030, u l-analiżi eżistenti dwar ir-reżiljenza u l-lakuni fil-kapaċità tar-rispons fil-kuntest tal-UCPM u l-Katalogu tal-Progress tal-Objettiv Primarju militari. Il-ħidma tal-Kummissjoni għal Mekkaniżmu Ewropew għad-Difiża Ċivili se tikkontribwixxi wkoll għal dawk l-arranġamenti.

L-UE ser tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni operattiva fil-livell tal-persunal man-NATO fil-kuntesti kollha ta’ kriżi, minn kampanji ibridi sa aggressjoni armata.

23)Niżviluppaw standards għall-ippjanar u l-investiment ċivili-militari b’użu doppju

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri se jidentifikaw infrastruttura u assi b’użu doppju fl-Istati Membri kollha biex jiżguraw li l-investimenti jappoġġaw ir-reżiljenza ċivili, is-sigurtà tas-soċjetà, u l-ħtiġijiet militari b’mod li jsaħħaħ lil xulxin b’mod li jibni fuq ir-rekwiżiti militari. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tiddefinixxi standards għal azzjonijiet b’użu doppju li qed iqisu kemm ir-rekwiżiti ċivili kif ukoll dawk militari fil-fażi tad-disinn u tal-ippjanar tagħhom. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ser jiżguraw li, meta l-Istati Membri jibnu jew jaġġornaw l-infrastruttura fuq in-network trans-Ewropew tat-trasport, jikkunsidraw il-ħtieġa, ir-rilevanza u l-fattibbiltà li jmorru lil hinn mill-istandards tat-trasport ċivili bl-għan li jakkomodaw il-piż, id-daqs jew l-iskala tat-trasport militari ta’ truppi u materjal f’konformità mar-rekwiżiti militari. Ser tingħata attenzjoni għar-rekwiżiti u l-implikazzjonijiet speċifiċi skont id-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt umanitarju internazzjonali.

L-UE għandha l-għan li tiżviluppa u tippromwovi standards tekniċi, b’kunsiderazzjoni lejn l-istandards eżistenti tan-NATO fejn applikabbli u xieraq, għad-disinn ta’ infrastruttura, assi u prodotti b’potenzjal ta’ użu doppju.

24)Norganizzaw eżerċizzji regolari tal-UE għall-promozzjoni ta’ preparatezza komprensiva 

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jorganizzaw eżerċizzji regolari ta’ preparatezza komprensivi u transsettorjali madwar l-UE kollha. L-għan ta’ dawn l-eżerċizzji ser ikun li jittestjaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet, il-koordinazzjoni u r-rispons operazzjonali fl-UE u fis-setturi kollha, inkluż fil-mandat tal-Artikolu 42(7) TUE u l-Artikolu 222 TFUE. L-eżerċizzji se jagħtu l-opportunità lill-Istati Membri biex jagħmlu konnessjoni mal-eżerċizzji nazzjonali tagħhom, irawmu l-kollaborazzjoni transfruntiera u jallinjaw l-isforzi. Se jiġu organizzati skambji speċifiċi bbażati fuq xenarji fil-Kummissjoni u fil-Kunsill, biex il-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet għal kriżijiet kumplessi u kbar jiġu ttestjati u mtejba, u biex jiġu identifikati vulnerabbiltajiet strutturali. Fejn rilevanti, l-eżerċizzji ser jinkludu s-settur privat u s-sħab internazzjonali tal-UE.

6.Rispons għall-kriżijiet

Il-koordinazzjoni effettiva tar-rispons għall-kriżijiet hija vitali matul l-emerġenzi. Matul l-aħħar għaxar snin, inħoloq għadd dejjem jikber ta’ strutturi u strumenti tal-UE biex jappoġġaw lill-Istati Membri qabel, matul u wara kriżi.

Fil-Kummissjoni, l-ERCC diġà għandu rwol ċentrali matul il-kriżijiet, id-diżastri naturali u dawk ikkaġunati mill-bniedem. F’dawn is-sitwazzjonijiet, jappoġġa kemm lill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll lill-Istati Membri tal-UE. L-ERCC jiżgura l-kapaċità operazzjonali 24/7 tal-UCPM, kemm fit-tħejjija kif ukoll fir-rispons, u jservi lill-Istati Membri u lill-UE meta jiġu attivati arranġamenti Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (IPCR, Integrated Political Crisis Response), jew tiġi invokata l-Klawsola ta’ Solidarjetà.

Jeżistu diversi mekkaniżmi fis-SEAE li jiżguraw rispons koordinat u f’waqtu tal-UE għal kriżijiet u emerġenzi esterni b’impatt fuq l-interessi tas-sigurtà tal-UE. Fost dawn il-mekkaniżmi, iċ-Ċentru ta’ Rispons għall-Kriżijiet (CRC, Crisis Response Centre) jipprovdi d-dmir ta’ diliġenza għas-sigurtà tal-persunal tal-UE, il-kontinwità tal-operat tad-Delegazzjonijiet fi kriżi, u l-appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ kriżi konsulari. Dan tiżgura l-koerenza u l-koordinazzjoni fil-ġbir ta’ informazzjoni għall-għarfien tas-sitwazzjoni fi kriżi billi tlaqqa’ flimkien is-servizzi rilevanti kollha taħt ir-Rappreżentant Għoli.

Fil-Kunsill, l-arranġamenti tal-IPCR jappoġġaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet ikkoordinat għal kriżijiet kbar u kumplessi. Dawn jiffaċilitaw l-għarfien komuni tas-sitwazzjoni fost l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE u matul dawn l-aħħar snin urew il-flessibbiltà u l-iskalabbiltà tagħhom.

Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-mekkaniżmi għadhom imsejsa f’qasam ta’ politika uniku filwaqt li l-kriżijiet saru dejjem aktar interkonnessi. B’riżultat ta’ dan, hemm bżonn li tiġi żgurata koordinazzjoni akbar tal-mekkaniżmi u l-istrumenti eżistenti.

It-titjib tal-koordinazzjoni u l-kapaċità ċentrali u transsettorjali tar-rispons għall-kriżijiet

Jeħtieġ li l-UE ssaħħaħ il-koordinazzjoni tagħha f’każ ta’ kriżi, filwaqt li tibni fuq l-istrutturi eżistenti. Il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni, bħall-IPCR, il-mekkaniżmu intern ta’ koordinazzjoni tal-kriżijiet tal-Kummissjoni ARGUS, l-ERCC tagħha u s-CRC tas-SEAE jridu jiġu aġġornati biex jiffaċċjaw l-isfidi li ġejjin. L-ottimizzazzjoni tal-arranġamenti tal-IPCR ittejjeb il-kapaċità tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li joperazzjonalizzaw il-Klawsola ta’ Solidarjetà (l-Artikolu 222 tat-TFUE), iżda tissimplifika l-attivazzjoni tagħha wkoll.

L-UE jeħtiġilha tkompli ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ rispons u r-riżervi strateġiċi għall-kriżijiet tagħha, inklużi l-ħażniet u l-assi skjerabbli, biex tindirizza n-nuqqasijiet kritiċi u tiżgura rispons rapidu, inkluż għal attakki ibridi. Dan jinkludi kanali ta’ komunikazzjoni siguri, u l-istabbiliment tas-Sistema Ewropea ta’ Komunikazzjoni Kritika.

Il-ħidma lejn Mekkaniżmu Ewropew għad-Difiża Ċivili għandha tkompli tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ rispons transsettorjali. L-azzjoni esterna tal-UE jeħtieġ li tkun marbuta b’mod aktar effettiv mal-kapaċitajiet interni ta’ rispons għall-kriżijiet.

Azzjonijiet ewlenin

25)Noħolqu ċentru tal-UE għall-koordinazzjoni tal-kriżijiet

Il-Kummissjoni se toħloq ċentru tal-UE għall-koordinazzjoni tal-kriżijiet, li jibni fuq l-istrutturi u l-għarfien espert tal-ERCC. L-ERCC se jkompli jwettaq il-funzjonijiet tiegħu ta’ protezzjoni ċivili, li se jibqgħu kruċjali fir-rispons għall-kriżijiet. L-objettiv tiegħu huwa li jissokta u li jżid l-appoġġ lill-Istati Membri fil-ġestjoni tal-konsegwenzi transsettorjali tal-kriżijiet, abbażi ta’ ppjanar aħjar u analiżi u għarfien tas-sitwazzjoni aktar komprensivi.

Iċ-Ċentru tal-UE għall-koordinazzjoni tal-kriżijiet fi ħdan l-ERCC se jkollu rwol kemm fil-Kummissjoni kif ukoll fl-appoġġ tal-interlokuturi fl-Istati Membri, b’enfasi fuq l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-konsegwenzi tal-kriżijiet fis-setturi kollha. Sabiex l-azzjoni esterna tintrabat b’mod aktar effettiv mar-rispons intern għall-kriżijiet, iċ-ċentru ta’ koordinazzjoni tal-kriżijiet tal-UE se jikkoordina mill-qrib mas-SEAE, u b’mod partikolari mas-CRC. Mingħajr preġudizzju għar-rwol tas-SEAE, iċ-ċentru ta’ koordinazzjoni tal-kriżijiet ser: (i) jaħdem biex ikun hemm fehim komuni fil-livelli kollha tal-kriżijiet u l-implikazzjonijiet tagħhom għal diversi setturi u l-popolazzjoni kollha; (ii) jiffaċilita l-ħidma fis-setturi kollha billi jgħin lis-servizzi ewlenin fil-ġestjoni tal-kriżijiet mingħajr ma jieħu responsabbiltajiet settorjali; u (iii) jimmonitorja r-rispons ġenerali għall-kriżijiet filwaqt li jiżgura feedback kostanti lill-Kunsill, inkluż permezz tal-IPCR.

26)Nagħtu spinta lir-rescEU — riżerva ta’ kapaċitajiet ta’ rispons fil-livell tal-UE

Filwaqt li tibni fuq is-suċċess tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tat-tifi tan-nar mill-ajru u kapaċitajiet oħra tar-rescEU, il-Kummissjoni se tiżgura l-manutenzjoni u ż-żieda possibbli tal-kapaċitajiet eżistenti tagħha (it-tifi tan-nar mill-ajru, il-mediċina, is-CBRN, il-postijiet ta’ kenn, it-trasport, l-enerġija). Se tiffinalizza wkoll il-bini ta’ sptar Ewropew fuq il-post. Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tivvaluta l-espansjoni ta’ dawn ir-riżervi strateġiċi għal tipi oħra ta’ kapaċitajiet li għalihom jiġu identifikati lakuni (pereż. tiswija tal-infrastruttura kritika, telekomunikazzjoni, eċċ.).

7.Reżiljenza permezz ta’ sħubijiet esterni

Is-sigurtà u r-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri huma dejjem aktar interkonnessi ma’ dawk tas-sħab tagħna, b’mod partikolari s-sħab tagħna tat-tkabbir u tal-viċinat, li jiffaċċjaw firxa simili ta’ kriżijiet u sfidi globali. Dawn spiss ikunu l-mira ta’ attivitajiet ibridi u attivitajiet ostili oħra, inkluża l-koerċizzjoni ekonomika minn atturi malizzjużi barranin, li jfittxu li jużaw il-vulnerabbiltajiet u d-dipendenzi tagħhom bħala armi. Il-ħidma mas-sħab tagħna biex nantiċipaw il-kriżijiet, inħejju u nirreaġixxu għalihom u nipprevjenuhom hija ta’ benefiċċju reċiproku, espressjoni ta’ solidarjetà tal-UE u essenzjali biex jitnaqqas ir-riskju li kriżijiet li joriġinaw xi mkien ieħor iħallu effetti kaskata jew ta’ konsegwenza għall-UE.

F’ambjent ġeopolitiku dejjem aktar volatili, u biex jiġu indirizzati l-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima u s-saħħa globali, l-UE u l-Istati Membri għandhom ikomplu jiżviluppaw u japprofondixxu sħubijiet bilaterali u plurilaterali mfassla apposta u ta’ benefiċċju reċiproku inkluż b’mod partikolari billi jsaħħu l-kooperazzjoni u jappoġġaw lill-pajjiżi kandidati u ġirien tal-UE. L-UE għandha wkoll iżżid l-isforzi biex issaħħaħ il-multilateraliżmu effettiv, b’mod partikolari fin-NATO u n-Nazzjonijiet Uniti.

Nintegraw ir-reżiljenza u l-preparatezza fl-azzjoni esterna tal-UE

L-UE għandha tibni reżiljenza reċiproka mas-sħab b’mod partikolari biex tiġġieled iż-żieda fil-manipulazzjoni tal-informazzjoni ibrida u barranija u l-interferenza u t-theddid ċibernetiku u f’oqsma bħal: (i) is-sigurtà ekonomika, il-kummerċ u l-investiment; (ii) ir-reżiljenza tas-soċjetajiet, l-istat tad-dritt u l-istituzzjonijiet; (iii) il-wirt kulturali; (iv) is-sigurtà tas-saħħa u l-preparatezza għall-pandemiji; (v) it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali; (vi) l-enerġija; (vii) it-trasport u r-rotot tal-provvista sikuri; (viii) l-għajnuna għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja 14 ; u (ix) it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, it-tħejjija għad-diżastri u l-azzjoni antiċipatorja. Sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza globalment, l-azzjonijiet tal-UE għandhom jiġu allinjati mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti u jappoġġaw il-Qafas ta’ Sendai tan-NU għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri.

Azzjonijiet ewlenin

27)Navvanzaw ir-reżiljenza reċiproka mal-pajjiżi kandidati

L-UE ser tavvanza r-reżiljenza reċiproka mal-pajjiżi kandidati, inkluż billi tassoċjahom f’inizjattivi ta’ preparatezza rilevanti tal-UE u qafas ta’ ġestjoni tal-kriżijiet, permezz tal-politika tat-tkabbir u f’konformità mal-proċess tal-integrazzjoni gradwali tagħhom. L-UE ser issaħħaħ il-ħidma ma’ dawn il-pajjiżi fl-oqsma tat-tħejjija, ir-reżiljenza u l-ġestjoni tal-kriżijiet, is-sigurtà u d-difiża, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu, ċibernetiku u tal-FIMI

28)L-integrazzjoni tal-preparatezza u r-reżiljenza fi sħubijiet bilaterali u istituzzjonijiet multilaterali

L-UE se tuża strumenti bħal Sħubijiet għas-Sigurtà u d-Difiża u missjonijiet u operazzjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni u biex issaħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-preparatezza u r-reżiljenza ma’ pajjiżi u soċjetajiet sħab ewlenin. Jeħtieġ li l-UE tirrieżamina u ssaħħaħ in-networks ta’ komunikazzjoni tagħha għall-kriżijiet ma’ dawn is-sħab madwar id-dinja biex tappoġġahom b’rispons għal kriżijiet u emerġenzi kumplessi.

L-involviment multilaterali ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u sħab reġjonali se jiżdied, b’mod partikolari man-NU u l-aġenziji tagħha. Il-kooperazzjoni man-NU ser tinkludi appoġġ għaż-żamma tal-paċi, il-konsolidazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni tal-konflitti, l-istabbilizzazzjoni u l-irkupru wara l-konflitt bħala mezz biex tinbena r-reżiljenza f’konformità mal-Prijoritajiet Konġunti UE-NU għall-2025–2027. Barra minn hekk, l-UE se tkompli ssaħħaħ il-preparatezza permezz tal-għajnuna għall-iżvilupp u l-assistenza umanitarja bħala element ewlieni biex tiżdied ir-reżiljenza tal-popolazzjoni l-aktar vulnerabbli u biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-fraġilità.

29)Nintegraw il-preparatezza u r-reżiljenza fil-kooperazzjoni man-NATO

It-tħejjija u r-reżiljenza se jiġu integrati fid-Djalogi Strutturati bejn l-UE u n-NATO, fil-briefings reċiproċi, u fit-taħriġ. Ser tingħata attenzjoni partikolari lill-mobbiltà militari, lill-klima u lis-sigurtà, lit-teknoloġiji fixkiela emerġenti, lill-industrija ċibernetika u lill-industriji tal-ispazju u tad-difiża. L-iskambji tal-persunal dwar il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin (FIMI), is-sigurtà marittima, il-kooperazzjoni operazzjonali, u l-bini tal-kapaċità għas-sħab se jintużaw biex jiġu indirizzati l-preparatezza u r-reżiljenza.

30)Niżviluppaw reżiljenza reċiproka permezz ta’ politiki ekonomiċi u ta’ żvilupp esterni

L-UE ser tiżviluppa reżiljenza reċiproka mas-sħab u tnaqqas id-dipendenzi żejda permezz tal-politiki ekonomiċi u ta’ żvilupp esterni tagħha. Dan se jiġi appoġġat permezz ta’ inizjattivi ewlenin bħall-Global Gateway, l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI — Ewropa Globali), l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni III, u l-Patt il-Ġdid għall-Mediterran. Id-diversifikazzjoni u t-tisħiħ tal-integrazzjoni tal-ktajjen tal-provvista u tal-valur fil-pajjiżi sħab permezz ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, Sħubijiet għal Kummerċ Nadif u ta’ Investiment, Sħubijiet Strateġiċi dwar il-materja prima, u Sħubijiet Diġitali, ukoll se jikkontribwixxu għal dan l-isforz.

Konklużjoni u t-Triq ’il Quddiem    

F’kuntest fejn r-riskji kkaġunati mill-bniedem u r-riskji naturali qegħdin joktru, u l-prospetti ta’ sigurtà fl-Ewropa qed jeħżienu, l-UE u l-Istati Membri tagħha iridu jsaħħu t-preparatezza b’urġenza. Filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu l-atturi primarji fil-protezzjoni ċivili, fit-tħejjija u fir-rispons għall-kriżijiet, l-Istrateġija tistabbilixxi l-viżjoni ta’ Unjoni tal-Preparatezza, b’appoġġ tal-UE li jikkomplementa l-isforzi nazzjonali. Flimkien ser inkunu aktar effettivi, aktar ħfief fuq saqajna, b’responsabbiltajiet ċari, aktar b’saħħithom fil-preparatezza u r-rispons fis-setturi rilevanti kollha. L-Istati Membri se jingħataw għodod flessibbli biex jirrispondu għall-emerġenzi mhux mistennija. Il-ħidma lejn Unjoni tal-Preparatezza ser tikkontribwixxi wkoll biex l-UE ssir aktar inklużiva, kompetittiva u prospera. B’dan il-mod, l-Ewropa tista’ tisfrutta l-benefiċċji kollha tal-iskala u l-effiċjenza li jirriżultaw mill-azzjoni flimkien fil-livell tal-Unjoni.

L-implimentazzjoni tal-Istrateġija se tiġi mmonitorjata regolarment. L-aġġornamenti se jiġu kondiviżi regolarment mal-Kunsill u mal-Parlament Ewropew biex ikunu jistgħu jsegwu l-progress fl-implimentazzjoni.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni u mar-Rappreżentant Għoli fuq l-istrateġija u l-azzjonijiet stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni u biex naħdmu id’id biex inwettquhom.

Flimkien nistgħu nibnu Ewropa aktar sikura, aktar reżiljenti u aktar sigura.

(1)

L-Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad u l-Emerġenzi

(2)

   Safer Together – Strengthening Europe’s Civilian and Military Preparedness and Readiness

(3)

Din l-Istrateġija tibni wkoll fuq l-Aġenda Strateġika tal-UE 2024–2029 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2023, Marzu 2024, u Diċembru 2024 u fuq il-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni 2024–2029.

(4)

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jaġixxu flimkien fi spirtu ta’ solidarjetà jekk xi Stat Membru jkun suġġett għal attakk terroristiku jew ikun vittma ta’ diżastru naturali jew ikkaġunat mill-bniedem (…)”

(5)

 L-Għanijiet Ewropej tar-Reżiljenza għad-Diżastri — Il-Kummissjoni Ewropea : https://civil-protection-humanitarian-aid.ec.europa.eu/what/civil-protection/european-disaster-risk-management/european-disaster-resilience-goals_en?prefLang=mt  

(6)

Bħad-Direttiva dwar ir-Reżiljenza tal-Entitajiet Kritiċi (CER, Critical Entities Resilience) u d-Direttiva dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni (NIS2), ir-Regolament dwar l-Elettriku, ir-Regolament dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass, l-Unjoni Bankarja, l-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali — DORA, in-Network Trans-Ewropew tat-Trasport — TEN-T, l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa, l-Att dwar l-Emerġenza u r-Reżiljenza tas-Suq Intern (IMERA).

(7)

  NATO - Suġġett: Ir-Reżiljenza, il-preparatezza ċivili u l-Artikolu 3

(8)

Il-perċezzjonijiet tal-ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE — Ġunju 2024

(9)

Il-kunċett ta’ Mekkaniżmu ta’ Difiża Ċivili huwa mingħajr preġudizzju għat-terminoloġija li tintuża mill-Istati Membri għal strumenti jew mekkaniżmi li għandhom kontenut komparabbli għal dak li huwa msemmi f’din l-Istrateġija bħala Mekkaniżmu ta’ Difiża Ċivili.

(10)

Il-Kartieri tal-Identità Diġitali tal-UE se jipprovdu mezz sikur, affidabbli u privat ta’ identifikazzjoni diġitali għal kulħadd fl-Ewropa. Kull Stat Membru se jagħti mill-inqas kartiera waħda liċ-ċittadini, lir-residenti u lin-negozji kollha li tippermettilhom jagħtu prova ta’ min huma, u jżommu, jikkondividu u jiffirmaw dokumenti diġitali importanti b’mod sikur. Il-kartieri diġitali tal-UE se jkunu disponibbli fuq l-apps tal-mowbajls u apparati oħra minn tmiem l-2026.

(11)

In-network Ewropew tar-Raggruppamenti huwa kollaborazzjoni ta’ raggruppamenti tal-industrija madwar l-UE li trawwem l-innovazzjoni, il-kompetittività u r-reżiljenza billi tgħaqqad in-negozji, l-istituzzjonijiet tar-riċerka, u l-awtoritajiet pubbliċi. Huwa jappoġġa l-kooperazzjoni transsettorjali, jiffaċilita l-iskambju tal-għarfien, u jtejjeb is-sigurtà tal-katina tal-provvista, b’mod partikolari fl-industriji strateġiċi.

(12)

 Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tar-riċerka: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=OJ:C_202403510 .

(13)

B’rispett sħiħ tal-prinċipji gwida li ġew miftiehma dwar it-trasparenza, ir-reċiproċità u l-inklużività kif ukoll l-awtonomija u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet.

(14)

B’rispett sħiħ tal-mandat speċifiku tagħha, b’mod partikolari l-prinċipji umanitarji internazzjonali u d-dritt umanitarju internazzjonali.


Brussell, 26.3.2025

JOIN(2025) 130 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-Istrateġija Ewropea ta' Unjoni tal-Preparatezza


Strateġija għal Unjoni tal-Preparatezza — Pjan ta’ Azzjoni

Il-viżjoni ppreżentata fl-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza tinkiseb jekk il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli, u l-Istati Membri għandhom jimplimentaw l-azzjonijiet elenkati f’dan l-anness. Taħt kull taqsima tematika tal-istrateġija wieħed isib l-azzjonijiet li jikkontribwixxu għat-twettiq tagħha, fosthom skeda ta’ żmien indikattiva għall-implimentazzjoni.

Nru

Azzjoni

Skeda indikattiva

1. Prospettiva u antiċipazzjoni

1.

(azzjoni ewlenija) Niżviluppaw valutazzjoni komprensiva tar-riskji u t-theddid tal-UE

2026

2.

(azzjoni ewlenija) Nistabbilixxu “dashboard tal-kriżi” għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet

2025

3.

(azzjoni ewlenija) Insaħħu ċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC)

2025

4.

(azzjoni ewlenija) Niżviluppaw katalogu tal-UE għat-taħriġ u pjattaforma għat-tagħlimiet meħuda

2025

5.

(azzjoni ewlenija) Noħolqu Servizz tal-Gvern tal-UE għall-Osservazzjoni tad-Dinja (EOGS)

2027

6.

Noħolqu Pjattaforma Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet (ECMP) li tintegra u tarmonizza s-sistemi ta’ twissija bikrija eżistenti u għodod oħra u tiżgura skambju ta’ informazzjoni u koordinazzjoni transsettorjali matul l-emerġenzi.

2027

7.

Niżviluppaw strateġiji ta’ deterrenza ddedikati għall-atturi li jheddu biex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jirrispondu għal atturi speċifiċi ta’ theddid immirati lejn l-UE permezz ta’ attivitajiet ibridi.

2025

8.

Inrawmu l-użu u l-integrazzjoni tas-Servizz ta’ Ġestjoni tal-Emerġenzi ta’ Copernicus (CEMS) dwar il-perikli naturali fis-sistemi nazzjonali ta’ ppjanar, monitoraġġ u twissija bikrija

2026

9.

Insaħħu l-monitoraġġ tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza u d-diżinformazzjoni minn barranin bħala parti mit-Tarka Ewropea għad-Demokrazija li jmiss, inkluż billi tirrieżamina l-livell ta’ theddid u tivvaluta r-riskji li qed jevolvu tal-kampanji ta’ diżinformazzjoni.

2025

10.

Nistabbilixxu Ċentru Integrat tal-Operazzjonijiet tas-Sigurtà (ISOC) fil-Kummissjoni li jimmonitorja, janalizza u jimmitiga t-theddid potenzjali għall-Kummissjoni u jiżgura l-kontinwità tal-operazzjonijiet f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

2027

11.

Niżviluppaw Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà li ttejjeb id-detezzjoni komuni tat-theddid ċibernetiku u s-sensibilizzazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-livell Ewropew.

2026

2. Ir-Reżiljenza tal-funzjonijiet vitali tas-soċjetà

12.

(azzjoni ewlenija) Preparatezza mit-tfassil tal-politiki u l-azzjonijiet tal-UE

2025

13.

(azzjoni ewlenija) Nadottaw ir-rekwiżiti minimi ta-preparatezza

2026

14.

(azzjoni ewlenija) Nirrevedu l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili

2025

15.

(azzjoni ewlenija) Proposta għal-Istrateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE

2025

16.

(azzjoni ewlenija) Proposta ta’ Pjan ta’ Adattament għat-Tibdil fil-Klima

2026

17.

(azzjoni ewlenija) Niżguraw il-provvista tal-ilma u riżorsi naturali kritiċi oħra

2025

18.

Nibnu Tarka Spazjali Ewropea biex tiddefendi aħjar l-interessi tas-sigurtà tal-UE u tal-Istati Membri tagħha.

2027

19.

Nadottaw Strateġija biex nappoġġaw il-kontromiżuri mediċi.

2025

20.

Niżviluppaw il-pjan tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni, il-preparatezza u r-rispons għall-kriżijiet tas-saħħa

F’konformità mar-Regolament 2022/2371, il-Kummissjoni se tippubblika l-pjan ta’ prevenzjoni, preparatezza u rispons tal-Unjoni dwar il-kriżijiet tas-saħħa f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-aġenziji u l-korpi rilevanti tal-UE.

2025

21.

Noħolqu pjattaforma għall-aggregazzjoni tad-domanda u mekkaniżmu ta’ tlaqqigħ tal-materja prima strateġika. It-tieni pass, komplementari mal-Att dwar il-Materja Prima Kritika, noħolqu Ċentru tal-UE għall-Materja Prima Kritika ddedikat biex jixtri l-materja prima b’mod konġunt f’isem il-kumpaniji interessati u f’kooperazzjoni mal-Istati Membri.

2026

22.

Nipproponu Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari li tagħti spinta lid-domanda ta’ materjali u oġġetti u servizzi sekondarji li jirriżultaw minn attivitajiet tal-ekonomija ċirkolari, ittejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku għall-iskart u l-materjali sekondarji, u tnaqqas ir-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni tal-iskart.

2026

23.

Nirrieżaminaw il-qafas tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija biex ninkorporaw it-tagħlimiet mill-invażjoni tal-Ukrajna, nadattawh għall-kuntest ġeopolitiku u nwettqu qafas futur li jkun aktar sempliċi, dinamiku u li jħares ’il quddiem.

2026

24.

Insaħħu l-preparatezza u r-reżiljenza tas-setturi tal-ekonomija blu u tal-komunitajiet kostali permezz tal-Patt tal-UE dwar l-Oċeani u l-Komunikazzjoni dwar ir-reżiljenza tal-komunitajiet kostali.

2025

25.

Nivvalutaw il-livell tal-preparatezza tas-servizzi finanzjarji, b’mod partikolari l-kapaċità li tiżgura l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi, il-pagamenti u l-finanzjament tal-ekonomija fiċ-ċirkostanzi kollha. Ir-rapport għandu jidentifika u jimmappja n-nuqqasijiet potenzjali u għandu jitħejja f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-industrija tas-servizzi finanzjarji.

2025

3. Preparatezza tal-popolazzjoni

26.

(azzjoni ewlenija) Intejbu s-sistemi ta’ twissija bikrija

2027

27.

(azzjoni ewlenija) Inżidu s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji u t-theddid

2026

28.

(azzjoni ewlenija) Niżviluppaw linji gwida biex tintlaħaq l-awtosuffiċjenza tal-popolazzjoni ta’ minimu ta’ 72 siegħa

2026

29.

(azzjoni ewlenija) Ninkludu l-preparatezza fil-kurrikuli tal-edukazzjoni skolastika u t-taħriġ tal-persunal edukattiv dwar it-tħejjija

2025

30.

(azzjoni ewlenija) Nippromwovu l-preparatezza fil-programmi taż-żgħażagħ

2026

31.

(azzjoni ewlenija) Niġbdu t-talent biex insaħħu t-tħejjija tal-UE

2025

32.

Nespandu u ntejbu s-servizzi rilevanti tas-Servizz Satellitari ta’ Twissija ta’ Emerġenza Galileo (EWSS) biex jipprovdu twissijiet f’waqthom u preċiżi liċ-ċittadini dwar riskji imminenti, theddid u miżuri ta’ sikurezza jew matul kriżijiet.

2026

33.

Niżviluppaw linji gwida dwar x’wieħed għandu jagħmel f’emerġenzi, adattati għat-tipi kollha ta’ diżabbiltà (sensorjali, fiżika, intellettwali) u taħriġ ta’ dawk li jagħtu l-ewwel rispons biex jirrikonoxxu t-tip ta’ diżabbiltà u kif jaġixxu kif xieraq.

2026

34.

Inżidu l-ħidma fuq il-litteriżmu diġitali u medjatiku, inkluż fil-kuntest tat-Tarka Ewropea għad-Demokrazija li jmiss u l-Pjan Direzzjonali tal-2030 dwar il-futur tal-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali biex insaħħu l-ħsieb kritiku u tinbena r-reżiljenza kontra d-diżinformazzjoni u t-theddid ċibernetiku minn età bikrija.

2025

35.

Nintroduċu funzjonalità ta’ twissija pubblika tal-Kartieri tal-Identità Diġitali tal-UE b’mod sempliċi u awtentikat biex il-gvernijiet jikkomunikaw direttament maċ-ċittadini matul il-kriżijiet. Bħala parti minn PreparEU, il-pjattaforma (sit web, app, eċċ) se tagħti b’informazzjoni, twissijiet u twissijiet adattati għal riskji u theddid differenti liċ-ċittadini u lit-turisti tal-UE.

2026

4. Kooperazzjoni Pubblika Privata

36.

(azzjoni ewlenija) Noħolqu task force għall-preparatezza pubblika-privata

2026

37.

(azzjoni ewlenija) Niżviluppaw protokolli ta’ emerġenza pubbliċi-privati

2027

38.

(azzjoni ewlenija) Nirrevedu l-qafas tal-akkwist pubbliku

2025

39.

(azzjoni ewlenija) Noħolqu Ċentru Ewropew ta’ Għarfien Espert dwar is-Sigurtà tar-Riċerka biex isir investiment fil-bażi tal-evidenza għat-tfassil tal-politika u tinħoloq komunità ta’ prattika madwar l-UE.

2026

40.

Nirrieżaminaw l-istrumenti tal-UE għall-kriżijiet biex nivvalutaw jekk għandhomx jiskattaw l-iskema ta’ liċenzjar obbligatorju tal-UE u, fejn rilevanti, naġġornaw il-lista.

2027

41.

Niżviluppaw metodoloġija tal-ittestjar mit-tfassil tar-reżiljenza mfassla apposta biex tivvaluta t-tħejjija u r-reżiljenza tas-setturi tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Istati Membri.

2026

42.

Norganizzaw Summit tal-Preparatezza tal-Imsieħba Soċjali li jsaħħaħ l-involviment tas-sħab soċjali fl-iżvilupp u jimplimenta inizjattivi dwar it-tisħiħ tat-tħejjija u l-iskambju ta’ prattiki tajba

2025

5. Kooperazzjoni ċivili-militari

43.

(azzjoni ewlenija) Nistabbilixxu arranġamenti komprensivi ta’ preparatezza ċivili-militari

2027

44.

(azzjoni ewlenija) Niżviluppaw standards għall-ippjanar u l-investiment ċivili-militari b’użu doppju

2025

45.

(azzjoni ewlenija) Norganizzaw eżerċizzji tal-UE regolari li jippromwovu l-preparatezza komprensiva

2026

46.

Inniedu pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki nazzjonali dwar l-interazzjonijiet ċivili-militari u l-użu ta’ appoġġ reċiproku tal-assi ċivili u militari.

2025

47.

Norganizzaw eżerċizzji regolari li jinvolvu lin-NATO, inkluż taħt il-kunċett ta’ Eżerċizzji Paralleli u Kkoordinati (PACE) bejn l-UE u n-NATO.

2026

6. Rispons għall-Kriżijiet

48.

(azzjoni ewlenija) Noħolqu ċentru tal-UE għall-koordinazzjoni tal-kriżijiet

2027

49.

(azzjoni ewlenija) Nagħtu spinta lir-rescEU — riżerva ta’ kapaċitajiet ta’ rispons fil-livell tal-UE

2026

50.

Nistabbilixxu protokoll tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-kriżijiet li jiddeskrivi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tad-diversi servizzi, jiċċara l-arranġamenti għall-ġestjoni tal-kriżijiet fil-livell strateġiku tal-UE (inklużi l-IPCR, l-ARGUS, is-CRM tas-SEAE, jattiva tal-klawżola ta’ solidarjetà u l-interazzjoni tagħhom u jsaħħaħ/jissimplifika l-effettività ta’ kull pjan ta’ kriżi settorjali.

2026

51.

Nadottaw linji gwida għas-”simulazzjoni ta' kriżi tar-rispons ta’ emerġenza u ċ-ċentri ta’ kriżi madwar l-UE. 

2026

52.

Nipproponu bażi legali għas-Sistema Ewropea ta' Komunikazzjoni Kritika (EUCCS) għall-operazzjonijiet transfruntiera tal-infurzar tal-liġi, tal-protezzjoni ċivili, tal-awtoritajiet tas-saħħa (pubblika), u ta’ awtoritajiet oħra tas-sigurtà pubblika u tas-sikurezza pubblika, u nappoġġaw aktar żvilupp tekniku, inkluż ir-rabta tagħha ma’ GOVSATCOM u IRIS2.

2026

53.

Nirrieżaminaw l-istrumenti finanzjarji għar-rispons għall-kriżijiet biex jiġi żgurat li l-mekkaniżmi ta’ finanzjament għall-kriżijiet ikunu skalabbli u jkunu jistgħu jiġu adattati għar-riskji u għall-kriżijiet li qed jevolvu.

2028

54.

Nintegraw il-prinċipju ta’ “Tħejjija mit-tfassil” fil-ħidma tad-Delegazzjonijiet tal-UE, il-Missjonijiet u l-Operazzjonijiet tal-PSDK, u r-Rappreżentanti Speċjali tal-UE. Insaħħu l-kapaċità tad-Delegazzjonijiet tal-UE li jappoġġaw ir-rispons diplomatiku, politiku, operazzjonali u konsulari tal-UE għall-kriżijiet b’mod aktar effettiv.

2026

7. Reżiljenza permezz ta’ Sħubijiet Esterni

55.

(azzjoni ewlenija) Immexxu ’l quddiem ir-reżiljenza reċiproka mal-pajjiżi kandidati

2025

56.

(azzjoni ewlenija) Nintegraw it-tħejjija u r-reżiljenza fi sħubijiet bilaterali u istituzzjonijiet multilaterali

2026

57.

(azzjoni ewlenija) Nintegraw it-tħejjija u r-reżiljenza fil-kooperazzjoni man-NATO

2025

58.

(azzjoni ewlenija) Niżviluppaw reżiljenza reċiproka permezz ta’ politiki ekonomiċi u ta’ żvilupp esterni

2026

59.

Nespandu n-“network tal-prattikanti għat-tisħiħ ta’ pajjiżi terzi”, b’mod partikolari t-tkabbir u s-sħab ġirien, ir-reżiljenza dwar l-indirizzar tat-theddid ibridu, ċibernetiku, klimatiku u tal-FIMI.

2025

60.

Niżviluppaw approċċ integrat għall-fraġilità li jiżgura li l-politika umanitarja, tal-iżvilupp, tal-paċi u politiki oħra jaħdmu kollha biex nirrispondu għall-ħtiġijiet ta’ dawk li huma fost l-aktar vulnerabbli u biex norbtu s-sokkors urġenti ma’ soluzzjonijiet aktar fit-tul, f’konformità mal-Approċċ integrat għal konflitti u kriżijiet esterni tal-UE.

2026

61.

Insaħħu d- “diplomazija tar-riżorsi” dwar il-ħtiġijiet strateġiċi tal-UE u tiżviluppa strateġiji konġunti ma’ sħab tal-istess fehma biex niddiversifikaw il-provvisti ta’ assi kritiċi meħtieġa biex jiġu niżguraw l-awtonomija strateġika u r-reżiljenza reċiproka tal-UE u tal-pajjiżi sħab.

2026

62.

Inrawmu l-kooperazzjoni fuq is-sigurtà tas-saħħa inkluż dwar il-preparatezza għall-pandemija “Saħħa Waħda”, ma’ sħab strateġiċi (pereż. proġetti konġunti, taħriġ, informazzjoni għad-Delegazzjonijiet tal-UE), f’konformità mal-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa Globali.

2026

63.

Nintegraw il-preparatezza fl-investimenti esterni tal-UE, inkluż permezz taż-żieda fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ adattament u reżiljenza għat-tibdil fil-klima f’pajjiżi sħab permezz tal-inizjattivi Global Gateway u Tim Ewropa

2026