IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, XXX
COM(2025) 1025/2
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Il-Pjan Ewropew għal Akkomodazzjoni Affordabbli
{SWD(2025) 1053}
Introduzzjoni
“Dar mhijiex biss erba’ ħitan u saqaf. Hija kenn, irdoss, post għall-familja u l-ħbieb. Tagħti sens ta’ appartenenza. Iżda għal wisq Ewropej illum, id-dar saret sors ta’ ansjetà. Tista’ tfisser dejn jew inċertezza.” – il-President von der Leyen, id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2025
Id-djar tagħna huma l-elementi kostitwenti tal-komunitajiet tagħna, il-pedament tas-soċjetà u d-demokrazija tagħna. L-akkomodazzjoni ma hijiex biss komodità, iżda dritt fundamentali u pedament tad-dinjità tal-bniedem. Iżda madwar l-Ewropa, hemm sensazzjoni evidenti ta’ inġustizzja minħabba n-nuqqas kbir ta’ affordabbiltà u n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-akkomodazzjoni.
Dak li qed tiffaċċja l-Ewropa huwa aktar minn kriżi tal-akkomodazzjoni. Hija kriżi soċjali. Din iddgħajjef il-koeżjoni tagħna, u thedded il-kompetittività tagħna, billi tillimita l-mobbiltà fix-xogħol u fl-edukazzjoni, u b’hekk taggrava l-iskarsezzi ta’ ħaddiema fil-poli tat-tkabbir. L-Ewropa trid taġixxi b’mod deċiżiv biex tgħin sabiex l-akkomodazzjoni ssir aktar affordabbli għall-Ewropej kollha. Fl-istess ħin, l-isforzi biex tittejjeb l-affordabbiltà għandhom jimxu id f’id mas-sostenibbiltà u mal-kwalità. Id-djar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u reżiljenti li huma mibnija bl-inqas impronta tal-karbonju possibbli jnaqqsu l-kostijiet tal-manutenzjoni u tal-utilitajiet filwaqt li jtejbu l-valur fit-tul, mentri kwalità suffiċjenti hija essenzjali biex jitwasslu kundizzjonijiet tal-għajxien sani, sikuri, u dinjitużi. L-integrazzjoni ta’ dawn l-objettivi se tiżgura li l-politiki dwar l-akkomodazzjoni tal-Ewropa jwasslu għal benefiċċji soċjali, ekonomiċi u ambjentali dejjiema.
Illum il-Kummissjoni qed tipproponi pjan biex tinkiseb dik il-viżjoni. Dan l-ewwel Pjan Ewropew għal Akkomodazzjoni Affordabbli li qatt eżista jippreżenta sensiela ta’ azzjonijiet konkreti biex jgħin sabiex jiġu indirizzati l-kawżi strutturali ta’ din il-kriżi u jagħti riżultati għall-Ewropej. Għandu l-għan li jżid il-provvista tal-akkomodazzjoni, jiskatta l-investiment u r-riformi, u jappoġġa lin-nies u liż-żoni li huma l-aktar milqutin. Dan jifforma wkoll mod ġdid li bih l-istituzzjonijiet tal-UE, il-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-partijiet ikkonċernati jistgħu jaħdmu flimkien biex jindirizzaw il-kriżi tal-akkomodazzjoni.
L-akkomodazzjoni tibqa’ l-ewwel u qabel kollox kompetenza tal-Istati Membri, tar-reġjuni u tal-bliet. L-UE se tagħmel il-parti sħiħa tagħha, iżda l-uniku mod kif nistgħu niżguraw li l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għad-djar li jistħoqqilhom huwa permezz ta’ azzjoni konġunta f’kull livell.
1.Il-kriżi tal-akkomodazzjoni tal-Ewropa: sfida urġenti u kondiviża
Bejn l-2013 u l-2024, il-prezzijiet tad-djar f’termini nominali żdiedu b’aktar minn 60 % madwar l-UE, b’żieda aktar rapida mill-introjtu tal-unitajiet domestiċi, filwaqt li l-kirjiet medji żdiedu b’madwar 20 %, u l-kirjiet ġodda saru ferm aktar għaljin. L-investimenti fil-provvista tal-akkomodazzjoni naqsu b’mod sostanzjali matul dawn l-aħħar 10 snin. Il-provvista ma laħqitx mad-domanda li qed tevolvi minħabba l-kostijiet għoljin tal-kostruzzjoni, in-nuqqasijiet fl-innovazzjoni, l-iskarsezzi ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati u l-burokrazija eċċessiva. Mill-2021, il-permessi tal-bini residenzjali naqsu bi 22 %, l-istokk tal-akkomodazzjoni eżistenti ma huwiex qed jintuża sal-potenzjal sħiħ tiegħu, u madwar 20 % tal-abitazzjonijiet ma humiex okkupati.
Il-Kummissjoni tistma li l-UE se jkollha bżonn aktar minn żewġ miljun dar kull sena biex tlaħħaq mad-domanda attwali. Dan ifisser li jridu jiżdiedu madwar 650 000 dar fis-sena mal-1,6 miljun mibnija bħalissa. It-twassil ta’ dawk l-unitajiet tal-akkomodazzjoni addizzjonali jkun jiswa madwar EUR 150 biljun fis-sena.
Il-kriżi tal-akkomodazzjoni issa qed taffettwa dejjem aktar segment usa’ tas-soċjetà, peress li għadd dejjem akbar ta’ unitajiet domestiċi b’introjtu medju qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jaċċessaw akkomodazzjoni affordabbli. Il-ħaddiema essenzjali, inklużi l-għalliema, l-infermiera, il-ħaddiema tat-tifi tan-nar jew l-uffiċjali tal-pulizija, ma jistgħux jaffordjaw li jgħixu fil-komunitajiet li jaqdu. Ħafna żgħażagħ qed jiġu mġiegħla jieqfu mill-istudji tagħhom, jirrifjutaw opportunitajiet ta’ impjiegi, idumu biex jiffurmaw familja ġdida jew ikabbru l-familja, jew jgħixu f’akkomodazzjoni ffullata żżejjed u ta’ kwalità taħt l-istandard. Dawk l-aktar żvantaġġati fis-soċjetà tagħna qed ibatu l-iżjed, minħabba l-kirjiet dejjem jogħlew u l-aċċess limitat għall-akkomodazzjoni soċjali, li qed iwasslu għal riskji dejjem akbar li jispiċċaw mingħajr dar. Biż-żieda kontinwa fil-kostijiet tal-għajxien, għadd dejjem akbar ta’ Ewropej qed ikollhom jagħmlu sagrifiċċji biex ilaħħqu mal-ħajja.
Ċerti żoni jħossu li l-kriżi toloqothom iktar fil-laħam il-ħaj. Il-bliet u d-destinazzjonijiet turistiċi popolari tal-Ewropa jiffaċċjaw l-akbar pressjonijiet. Fl-istess ħin, id-depopolazzjoni u ż-żoni rurali, inklużi xi reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, qed jiffaċċjaw prezzijiet li qed jonqsu u diffikultajiet fl-aċċess għal servizzi — inklużi s-servizzi soċjali — u għall-infrastruttura essenzjali.
Flimkien ma’ dan il-pjan, il-Kummissjoni tippreżenta analiżi tal-fatturi ewlenin li wasslu għall-kriżi tal-akkomodazzjoni, li hija l-bażi tal-orjentazzjoni ta’ politika u l-azzjonijiet ippreżentati.
2.Ir-rispons tal-Ewropa: Pjan għal akkomodazzjoni affordabbli, sostenibbli u ta’ kwalità
L-isfida kondiviża tal-akkomodazzjoni tal-Ewropa titlob rispons kondiviż. L-UE tista’ u trid taqdi rwol aktar b’saħħtu fl-appoġġ, fil-koordinazzjoni u fiż-żieda tal-isforzi nazzjonali, reġjonali u lokali – mhux billi tissostitwihom, iżda billi tipprovdi ambizzjoni u riżorsi komuni. Is-soluzzjonijiet Ewropej iridu jirriflettu d-diversità tal-ħtiġijiet tal-akkomodazzjoni, tas-swieq u tas-sistemi ta’ governanza fil-kontinent kollu filwaqt li javvanzaw l-objettivi komuni tagħna.
L-azzjonijiet ippreżentati f’dan il-Pjan huma bbażati fuq konsultazzjonijiet wiesgħin, li jinkludu konsultazzjoni pubblika li rċeviet aktar minn 13 300 tweġiba. Il-Pjan jirrispondi għat-talba tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2025 biex jiġi ppreżentat pjan ambizzjuż u komprensiv għal akkomodazzjoni affordabbli. Dan jibni fuq il-ħidma tal-Parlament Ewropew permezz tal-Kumitat Speċjali dwar il-Kriżi tal-Akkomodazzjoni fl-UE u l-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur. Il-Kummissjoni ġabret ukoll kontributi mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, mir-rappreżentanti tal-bliet u tar-reġjuni madwar l-UE u minn firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati. Il-pjan ikompli jissejjes fuq ir-rakkomandazzjonijiet indipendenti tal-Bord Konsultattiv dwar l-Akkomodazzjoni.
Il-Pjan Ewropew għal Akkomodazzjoni Affordabbli huwa mibni fuq erba’ pilastri fejn hija meħtieġa azzjoni:
I.Tissaħħaħ il-provvista
II.Jiġi mmobilizzat l-investiment
III.Jiġi ffaċilitat l-appoġġ immedjat filwaqt li jiġu xprunati r-riformi
IV.Jingħata appoġġ lil dawk l-aktar milqutin
F’dawn l-erba’ pilastri, il-Pjan jistabbilixxi 10 azzjonijiet ewlenin ta’ azzjoni fejn l-UE tista’ żżid il-valur u tappoġġa l-isforzi minn awtoritajiet pubbliċi u partijiet ikkonċernati oħra, inkluża inizjattiva leġiżlattiva ġdida dwar il-kirjiet għal żmien qasir bħala parti minn Att dwar l-Akkomodazzjoni Affordabbli, pakkett ta’ simplifikazzjoni u l-mobilizzazzjoni ta’ investimenti ġodda fl-ambitu ta’ dan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) u dak li jmiss. Jipproponi wkoll oqsma fejn l-Istati Membri jistgħu u għandhom jaġixxu bħala prijorità. Alleanza Ewropea għall-Akkomodazzjoni ġdida se tappoġġa dawn l-azzjonijiet bil-kooperazzjoni u bil-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin bejn l-Istati Membri, il-bliet, ir-reġjuni, kif ukoll istituzzjonijiet u partijiet ikkonċernati oħra tal-UE.
Il-Pjan Ewropew għal Akkomodazzjoni Affordabbli huwa ppreżentat flimkien ma’ reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat rigward is-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali biex tiġi appoġġata aħjar l-akkomodazzjoni affordabbli, Strateġija Ewropea għall-Kostruzzjoni tal-Akkomodazzjoni, u Komunikazzjoni u proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida. Fl-2026 dan se jiġi kkomplementat minn Pakkett dwar l-Enerġija għaċ-Ċittadini bl-għan li jkompli jnaqqas il-kontijiet tal-enerġija, iwassal għal tranżizzjoni ġusta, jeqred il-faqar enerġetiku u jagħti s-setgħa lin-nies u lill-komunitajiet.
Pilastru I. Tissaħħaħ il-provvista
L-indirizzar tad-diskrepanza bejn il-provvista tal-akkomodazzjoni u d-domanda jirrikjedi żieda sostanzjali fi djar ġodda, speċjalment f’żoni b’domanda għolja. L-espansjoni tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli hija partikolarment importanti biex jiġu appoġġati l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u medju.
Il-provvista tal-akkomodazzjoni hija mxekkla minn produttività baxxa, skala u kapaċità insuffiċjenti u kostijiet għoljin fl-industrija tal-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni, kif ukoll minn nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati. Ħafna regoli u regoli kumplessi, fil-livelli kollha ta’ governanza, iwasslu għal dewmien u kostijiet addizzjonali. Imnebbħa mill-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, l-Ewropa trid tmexxi trasformazzjoni tal-akkomodazzjoni li tgħaqqad l-affordabbiltà mas-sostenibbiltà u l-kwalità biex jinħolqu spazji tal-għajxien inklużivi u li jibqgħu validi fil-futur. Investiment fid-diġitalizzazzjoni f’kull stadju tal-ippjanar, tad-disinn, tal-ħruġ tal-permessi u tal-operat tal-akkomodazzjoni jkompli jappoġġa aktar il-provvista tal-akkomodazzjoni.
Il-massimizzazzjoni tal-użu effiċjenti tal-istokk tal-bini eżistenti, filwaqt li jiġu evitati d-demolizzjonijiet bla bżonn u l-ħela, għandha tkun prijorità, flimkien ma’ kostruzzjonijet ġodda. Dan jinkludi li l-bini mhux effiċjenti jiġi rinnovat kif ukoll adattat għal skop differenti, u li l-proprjetajiet vojta jerġgħu jibdew jintużaw, kif ukoll li jiġu rregolati l-kirjiet għal żmien qasir (STRs, Short-Term Rentals) meta dawn jikkompetu mal-użu tal-akkomodazzjoni fit-tul. It-titjib tal-konnessjonijiet tat-trasport, tal-konnettività tal-broadband, u tal-provvista ta’ servizzi essenzjali, jista’ jwassal ukoll biex l-akkomodazzjoni li ma tintużax biżżejjed fiż-żoni rurali ssir aktar vijabbli u attraenti, u jgħin biex tittaffa l-pressjoni fuq is-swieq urbani u biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ibbilanċjat u sostenibbli madwar l-UE.
Azzjoni 1. Tisħiħ tal-produttività, tal-kapaċità u tal-innovazzjoni tal-industrija tal-kostruzzjoni
Il-Proġett Strateġiku ta’ Spanja għall-Irkupru Ekonomiku u t-Trasformazzjoni fil-kostruzzjoni industrijalizzata għandu l-għan li jipprovdi 15 000 unità tal-akkomodazzjoni affordabbli, ta’ kwalità u effiċjenti fl-użu tal-enerġija kull sena, b’investiment ta’ EUR 1,3 biljun fuq 10 snin li mistennija jimmobilizzaw EUR 1,4 ta’ investiment privat għal kull euro pubbliku.
Għal dawn l-aħħar 10 snin, il-kostijiet tal-kostruzzjoni u tar-rinnovazzjoni żdiedu b’rata aktar mgħaġġla mill-inflazzjoni, filwaqt li l-produttività tal-industrija staġnat. Il-kostruzzjoni hija vitali għall-kompetittività tal-Ewropa u jeħtieġ li żżid il-kapaċità u l-iskala tagħha biex tlaħħaq mad-domanda għall-akkomodazzjoni. Aktar investiment fl-innovazzjoni u fit-teknoloġija, bidla lejn ekonomija aktar ċirkolari, materjali innovattivi u użu ta’ metodi moderni ta’ kostruzzjoni ffaċilitati minn standards armonizzati ġodda jiffrankaw il-ħin u l-kostijiet u jtejbu r-reżiljenza tal-katina tal-provvista.
L-iskarsezzi ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet fis-settur tal-kostruzzjoni issa huwa tliet darbiet ogħla minn dak ta’ 10 snin ilu. Sal-2035 huma mistennija aktar minn 4 miljun offerta ta’ impjieg. Għalhekk, il-karrieri fil-kostruzzjoni jeħtieġ li jkunu aktar attraenti għat-talenti ġodda, inkluż in-nisa. Filwaqt li 11 % tal-ħaddiema mobbli tal-UE u 34 % ta’ dawk mobbli li jaħdmu għal rashom jaħdmu fil-kostruzzjoni, 1 % biss tas-servizzi tal-kostruzzjoni huma pprovduti b’mod transfruntier fl-UE. Il-Pakkett dwar il-Mobbiltà tax-Xogħol Ġusta fl-2026 se jtejjeb l-infurzar tar-regoli tal-UE għall-ħaddiema mobbli.
Suq b’saħħtu, li jiffunzjona tajjeb u kompetittiv għall-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni huwa essenzjali wkoll biex il-prezzijiet jinżammu baxxi. Il-Kummissjoni se tkun viġilanti fir-rigward ta’ kwalunkwe evidenza ta’ attivitajiet antikompetittivi li jistgħu jeħtieġu azzjoni fil-livell tal-UE.
|
Għan
|
Industrija aktar b’saħħitha biex tagħti spinta lill-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni
|
|
Kif
|
Biex tappoġġa lill-industrija tal-kostruzzjoni u tegħleb l-isfida tal-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli, il-Kummissjoni se:
·b’koordinazzjoni mill-qrib mal-industrija, tippromwovi l-innovazzjoni fil-materjali u l-metodi tal-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni, u tappoġġa bidla għal aktar ċirkolarità u proċessi diġitali, permezz ta’ Strateġija Ewropea għall-Kostruzzjoni tal-Akkomodazzjoni ġdida ppreżentata flimkien ma’ dan il-pjan;
·tiżgura li l-kumpaniji u l-professjonisti jkunu jistgħu jipprovdu servizzi ta’ kostruzzjoni bejn il-fruntieri, mingħajr ma jbaxxu l-istandards tax-xogħol u soċjali, permezz ta’ Att dwar is-Servizzi tal-Kostruzzjoni (Q4 2026);
·tindirizza l-iskarsezzi ta’ ħiliet fis-settur tal-kostruzzjoni, billi tintroduċi programmi ta’ taħriġ u apprendistati fuq skala kbira fi professjonijiet relatati mal-kostruzzjoni permezz tal-Patt għall-Ħiliet, l-Akkademja tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u Erasmus+, u tippromwovi l-innovazzjoni fil-kostruzzjoni fil-kurrikuli, abbażi tal-inizjattiva Build Up Skills;
·timmonitorja kwalunkwe prattika antikompetittiva potenzjali fis-settur tal-kostruzzjoni, u fejn meħtieġ tieħu azzjoni, b’kooperazzjoni mill-qrib man-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni dwar każijiet segwiti mill-membri tiegħu.
L-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu użu mill-opportunitajiet offruti mid-dritt tal-UE billi jappoġġaw l-investimenti li jistgħu jwasslu biex il-kostruzzjoni tkun aktar affordabbli — inkluż l-adozzjoni ta’ metodi moderni ta’ kostruzzjoni u rinnovazzjoni kif ukoll ta’ materjali innovattivi, soluzzjonijiet ta’ aċċessibbiltà, u sforzi ta’ apprendistati, titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid fuq skala kbira — kif ukoll aktar sostenibbli, permezz ta’ investimenti fil-manifattura Ewropea b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u b’bażi bijoloġika, jew l-integrazzjoni ta’ kriterji rilevanti fl-iskemi ta’ akkwist pubbliku u ta’ appoġġ.
|
Azzjoni 2. Titnaqqas il-burokrazija biex titħaffef il-provvista tal-akkomodazzjoni
Il-provvista tal-akkomodazzjoni hija soġġetta għal ħafna regoli stretti li huma stabbiliti fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, u li għandhom l-għan li jippreservaw is-sikurezza u l-kwalità tal-ħajja tagħna, jippromwovu l-objettivi soċjali u ekonomiċi, u jipproteġu l-ambjent u l-wirt kulturali tagħna. Dawn ir-regoli jieħdu ħafna forom, inklużi l-kodiċijiet tal-bini, il-politiki dwar l-użu tal-art u t-tqassim f’żoni, l-akkwist u t-taxxi lokali. Iżda spiss dawn iwasslu għal kumplessità amministrattiva li tirriżulta f’kostijiet u f’dewmien bla bżonn, li jillimitaw il-provvista tal-akkomodazzjoni fejn tkun l-aktar meħtieġa.
Il-Kummissjoni diġà qed tieħu azzjoni biex tissimplifika l-qafas leġiżlattiv tal-UE b’modi li se jkunu ta’ benefiċċju għall-provvista tal-akkomodazzjoni, u se tkompli tagħmel dan, inkluż billi tintegra l-akkomodazzjoni f’azzjonijiet rilevanti oħra ta’ simplifikazzjoni meta jkun xieraq. F’Lulju 2025, il-Kummissjoni adottat emendi fir-rigward tal-qafas finanzjarju sostenibbli biex tissimplifika r-rapportar għas-settur tal-kostruzzjoni u biex tnaqqas il-piż amministrattiv, inkluż għall-ħafna intrapriżi mikro u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, small and medium-sized enterprises) attivi fil-kostruzzjoni u fir-rinnovazzjoni. Fl-10 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Regolament biex tħaffef il-valutazzjonijiet ambjentali, filwaqt li taċċellera u tirrazzjonalizza l-proċessi tal-ħruġ tal-permessi għal setturi strateġiċi, inkluż l-akkomodazzjoni affordabbli u soċjali. Hemm lok ulterjuri biex jiġu ssimplifikati r-regoli tal-UE, u jsir użu aħjar mill-flessibbiltajiet eżistenti, biex jgħinu fl-ixprunar tal-provvista tal-akkomodazzjoni.
B’portal ta’ punt uniku ta’ servizz biex jivverifika r-regoli applikabbli u bil-bidla minn approċċ ta’ “teħtieġ permess, sakemm” għal “ma teħtieġx permess, sakemm”, l-inizjattiva tan-Netherlands Omgevingswet naqqset iż-żmien għall-ħruġ tal-permessi minn 26 ġimgħa għal 8 ġimgħat.
L-“Istandard ta’ Hamburg” Ġermaniż huwa sett ta’ 65 miżura mfassla biex inaqqsu l-kost tal-kostruzzjoni tal-akkomodazzjoni ssussidjata għal EUR 3 000 kull m2.
L-Estonja għandha sistema tal-permessi għall-bini ddiġitalizzata bis-sħiħ li tintuża mid-79 muniċipalità kollha u tipproċessa aktar minn 42 000 proċedura kull sena. L-awtoritajiet kollha jevalwaw l-istess proġett fl-istess ħin online. Dan jiffranka ammont sinifikanti ta’ ħin u ta’ flus.
Fl-istess ħin, il-biċċa l-kbira tar-regoli li jinfluwenzaw il-provvista tal-akkomodazzjoni huma stabbiliti mill-Istati Membri, inkluż fil-livelli reġjonali u lokali, u spiss jirriżultaw f’regoli kumplessi kuntrastanti madwar l-UE u f’xi Stati Membri. Xi eżempji jinkludu limiti fuq l-għoli jew il-volum tal-bini, sal-impożizzjoni ta’ daqsijiet minimi ta’ plottijiet jew ta’ numri ta’ spazji ta’ parkeġġ, li kollha kemm huma jirrestrinġu d-densità tal-akkomodazzjoni, iżidu l-kostijiet u jirrikjedu aktar art. L-informazzjoni dwar il-proġett spiss tinżamm f’sistemi separati, li ma humiex kollha kemm huma diġitali, li jirrikjedu li n-nies jirrieżaminaw id-dokumenti manwalment.
Għalhekk, is-simplifikazzjoni tar-regoli u tal-proċeduri li jirrestrinġu l-provvista tal-akkomodazzjoni teħtieġ sforz konġunt mill-awtoritajiet tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, filwaqt li jiġu rrispettati għanijiet ta’ politika usa’, inkluż għall-klima u għall-ambjent tagħna.
|
Għan
|
Proċeduri amministrattivi aktar rapidi u aktar sempliċi għall-provvista tal-akkomodazzjoni
|
|
Kif
|
Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-burokrazija biex tiffaċilita l-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli fejn hija l-aktar meħtieġa billi tippreżenta pakkett għas-simplifikazzjoni tal-akkomodazzjoni (2027), inklużi:
·immappjar komprensiv tal-leġiżlazzjoni u l-inizjattivi rilevanti tal-UE u tal-impatt kombinat tagħhom fuq il-provvista u l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni filwaqt li tiġi identifikata kwalunkwe opportunità biex jitnaqqas il-piż amministrattiv bla bżonn b’mod partikolari għall-SMEs, jiġu aċċellerati l-proċessi tal-ħruġ tal-permessi u tar-rinnovazzjoni, u tittejjeb il-kosteffiċjenza, filwaqt li jiġu rrispettati għanijiet ta’ politika usa’;
·appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tal-UE, inklużi opportunitajiet ta’ simplifikazzjoni introdotti skont il-proposta għal Regolament dwar it-tħaffif tal-valutazzjonijiet ambjentali u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki ta’ simplifikazzjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Alleanza Ewropea għall-Akkomodazzjoni b’enfasi partikolari fuq id-diġitalizzazzjoni bħala faċilitatur.
L-Istati Membri huma mħeġġa jissimplifikaw l-ippjanar nazzjonali, reġjonali u lokali, ir-regoli dwar it-tqassim f’żoni u l-ħruġ tal-permessi, u l-kodiċijiet tal-bini, filwaqt li huma mħeġġa wkoll iżidu l-kapaċità amministrattiva, inkluż għad-diġitalizzazzjoni. Huma mistiedna wkoll jagħmlu użu mill-flessibbiltajiet offruti mid-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku biex jippromwovu l-provvista kosteffettiva u effiċjenti tal-akkomodazzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ proċeduri aċċellerati u l-akkwist konġunt.
|
Azzjoni 3. Jiġu kkombinati l-affordabbiltà, is-sostenibbiltà u l-kwalità fl-akkomodazzjoni
Iż-żieda fl-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni ma għandhiex issir għas-spejjeż tas-sostenibbiltà, inkluż ir-reżiljenza, jew tal-kwalità. Il-kostijiet tal-enerġija jirrappreżentaw sehem kbir mill-kostijiet tal-għajxien kumplessivi tal-unitajiet domestiċi. Fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri jnaqqsu t-taxxi u l-imposti biex jinċentivaw l-elettrifikazzjoni u biex ibaxxu l-prezzijiet. Termini kuntrattwali aktar sempliċi u aktar trasparenza għall-konsumaturi se jagħtu spinta lill-kompetizzjoni u jbaxxu l-prezzijiet. Barra minn hekk, is-settur tal-kostruzzjoni għandu potenzjal enormi li jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-iskart u l-użu tal-ilma tiegħu billi jagħmel bidla lejn materjali aktar innovattivi, dekarbonizzati u b’bażi bijoloġika.
Kull euro li jintnefaq fuq l-effiċjenza enerġetika fl-akkomodazzjoni jissarraf fi 12-il euro ta’ ffrankar fuq l-enerġija matul il-ħajja tal-investiment. Għalhekk, l-avvanzar tar-rinnovazzjonijiet biex jiżdied ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini residenzjali huwa ċentrali għat-tnaqqis tal-kostijiet. Madankollu, in-nies jeħtieġu aċċess kemm għall-finanzi kif ukoll għal informazzjoni affidabbli biex jieħdu azzjoni. L-unitajiet domestiċi għandhom jingħataw ukoll is-setgħa li jipproduċu l-enerġija rinnovabbli tagħhom stess, sabiex ikunu jistgħu jiffrankaw fuq il-kontijiet tal-enerġija tagħhom u jiġġeneraw benefiċċji li jistgħu jiġu kondiviżi mal-ġirien tagħhom f’komunità tal-enerġija.
Is-sostenibbiltà fl-akkomodazzjoni tikkonċerna wkoll il-materjali, l-ilma, il-mobbiltà lokali, l-esponiment għat-tniġġis tal-arja u l-istorbju, u l-adattament għal klima li qed tinbidel. L-integrazzjoni tar-reżiljenza tal-ilma, il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u l-ġestjoni tajba tar-riskju tal-għargħar fl-iżviluppi tal-akkomodazzjoni, kif stabbilit fl-Istrateġija tal-UE għar-Reżiljenza tal-Ilma, se jiffaċilitaw is-sostenibbiltà u l-affordabbiltà fit-tul.
L-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli għandha tkun tal-kwalità li l-Ewropej jistħoqqilhom, b’attenzjoni partikolari għall-inklużività, għall-ekwità, għas-saħħa, għas-sikurezza, għall-aċċessibbiltà u għall-adattabbiltà għall-ġenerazzjonijiet kollha. Sa mill-bidu tagħha fl-2020, il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida ppromwoviet il-valuri tas-sostenibbiltà, tal-kwalità u tal-inklużività biex ittejjeb il-ħajja ta’ kuljum tan-nies u ssawwar il-viċinati tagħhom. Din tappoġġa akkomodazzjoni affordabbli, sostenibbli u ta’ kwalità billi żżid il-finanzjament u tiżviluppa u tirreplika soluzzjonijiet ġodda għal viċinati aktar inklużivi, ġusti u aċċessibbli. Barra minn hekk, inizjattivi oħra bħall-Missjoni tal-UE dwar Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti u l-Missjoni tal-UE dwar l-Adattamenti għat-Tibdil fil-Klima jippromwovu l-użu ta’ soluzzjonijiet innovattivi u li jiffrankaw il-kostijiet għall-affordabbiltà, għas-sostenibbiltà, għar-reżiljenza għall-klima u għall-kwalità fl-ambjent mibni.
|
Għan
|
Jitnaqqsu l-kostijiet tal-għajxien għall-Ewropej filwaqt li jinżammu standards għoljin
|
|
Kif
|
Il-Kummissjoni se:
·tnaqqas il-kontijiet tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi billi tħaffef r-rinnovazzjoni permezz ta’:
oSħubijiet ġodda għal Djar Aħjar biex jingħelbu l-ostakli prattiċi fil-livell lokali għall-għoti ta’ finanzjament u biex tinkiseb skala (2026);
ogwida dwar servizzi ta’ punt uniku ta’ servizz għar-rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni bħala parti minn Pakkett ta’ Appoġġ għall-Finanzjament tal-Effiċjenza Enerġetika;
oappoġġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw Pjanijiet Nazzjonali ta’ Rinnovazzjoni tal-Bini komprensivi (2026);
·għajnuna lill-komunitajiet u lill-unitajiet domestiċi biex jiffrankaw il-flus u jiksbu benefiċċji addizzjonali mill-enerġija rinnovabbli billi tappoġġa l-iżvilupp tal-komunitajiet tal-enerġija b’għodod prattiċi biex jiġu indirizzati l-ostakli amministrattivi, tekniċi u finanzjarji eżistenti fi Pjan ta’ Azzjoni għall-Komunitajiet tal-Enerġija (2026);
·promozzjoni tar-riġenerazzjoni tal-viċinati u ttejjeb l-aċċess għall-finanzjament għal soluzzjonijiet immexxija mill-komunità għal akkomodazzjoni affordabbli permezz tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida.
L-Istati Membri huma mħeġġa jagħtu prijorità lir-rinnovazzjoni u lill-adattament għal skop differenti tal-bini eżistenti filwaqt li jevitaw id-demolizzjonijiet bla bżonn bħala mod biex jerġgħu jagħtu ħajja lill-viċinati.
|
Pilastru II. Jiġi mmobilizzat l-investiment
L-investiment ġenerali fil-provvista tal-akkomodazzjoni, inkluż kemm il-finanzjament pubbliku kif ukoll dak privat, naqas f’ħafna Stati Membri u għadu taħt il-livelli meħtieġa biex tingħata spinta lill-provvista tal-akkomodazzjoni. Dan jista’ jiġi traċċat lura għal tnaqqis fl-investiment minn diversi sorsi ewlenin bħall-unitajiet domestiċi, il-banek u l-baġits pubbliċi. Hemm diversi fatturi involuti: inqas finanzjament pubbliku disponibbli wara l-kriżi finanzjarja l-kbira, żieda fil-kostijiet tal-art u tal-kostruzzjoni, kundizzjonijiet aktar stretti tas-self. Sabiex jiġi ġġenerat l-investiment meħtieġ biex tiġi eliminata d-diskrepanza fl-akkomodazzjoni matul id-deċennju li ġej, se jkun essenzjali li jiġu mmobilizzati aktar investimenti pubbliċi u privati.
L-UE qed tappoġġa dan l-objettiv billi qed timmobilizza diġà mill-inqas EUR 43 biljun ta’ investiment relatat mal-akkomodazzjoni taħt il-QFP kurrenti permezz tal-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, InvestEU, Life, il-Programm tas-Suq Uniku u Orizzont Ewropa kif ukoll permezz ta’ NextGenerationEU. B’ħarsa ’l quddiem, il-Fond Soċjali għall-Klima se jiffinanzja investimenti għall-effiċjenza enerġetika, għar-rinnovazzjoni tal-bini u għal tisħin u tkessiħ nodfa.
Bħala riżultat tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Politika ta’ Koeżjoni, il-Kroazja se tespandi l-istokk tal-akkomodazzjoni tagħha għal kiri affordabbli f’żoni urbani. Il-finanzjament tal-UE ta’ EUR 15-il miljun se jiġi ingranat permezz ta’ self għall-kondiviżjoni tar-riskju ġestit mill-bank promozzjonali nazzjonali HBOR. Parti mis-self jista’ jiġi annullat malli jiġu ssodisfati l-kriterji marbuta mal-prinċipji tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida.
Iżda jista’ jsir aktar u qed isir aktar. Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu (MTR, mid-term review) tar-Regolament dwar il-Politika ta’ Koeżjoni
issa jippermetti lill-Istati Membri u lir-reġjuni jallokaw finanzjament għal akkomodazzjoni affordabbli minbarra l-EUR 10,4 biljun diġà ppjanati għall-effiċjenza enerġetika u għall-akkomodazzjoni soċjali, filwaqt li jipprovdilhom flessibbiltajiet u inċentivi finanzjarji għar-riprogrammazzjoni tal-fondi lejn l-akkomodazzjoni. Dawn il-flessibbiltajiet regolatorji u l-possibbiltà għal rata ta’ kofinanzjament ogħla tal-Unjoni għall-investimenti fl-akkomodazzjoni se jibqgħu fis-seħħ sal-2029-2030, u b’hekk se jiffaċilitaw riprogrammazzjoni ulterjuri fis-snin li ġejjin. Finalment, mudell ta’ strument finanzjarju ġdid se jgħin biex jiġi ingranat il-finanzjament tal-politika ta’ Koeżjoni ma’ riżorsi oħra.
Se jinfetħu possibbiltajiet ġodda ta’ finanzjament fil-baġit fit-tul li jmiss tal-UE għall-2028-2034. B’mod partikolari, il-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali futuri jinkludu akkomodazzjoni soċjali u affordabbli bħala wieħed mill-objettivi speċifiċi tagħhom, u dan jippermetti lill-Istati Membri jindirizzaw l-isfidi speċifiċi tagħhom b’investimenti u riformi relatati mal-akkomodazzjoni
. Il-Faċilità tal-UE tikkontribwixxi wkoll għal akkomodazzjoni soċjali u affordabbli filwaqt li Erasmus+ jista’ jipprovdi appoġġ għall-akkomodazzjoni għall-istudenti biex jiffaċilita u jżid l-aċċess għall-mobbiltà, il-volontarjat u l-apprendiment. Barra minn hekk, il-Fond Ewropew għall-Kompetittività jinkludi fost l-objettivi ġenerali tiegħu infrastrutturi soċjali u jiffaċilita l-appoġġ għad-dekarbonizzazzjoni tal-bini.
Il-Fond Nazzjonali għall-Bini Daniż “Landsbyggefonden” huwa fond rotanti stabbilit fl-1967 biex jappoġġa l-akkomodazzjoni mingħajr skop ta’ profitt. Dan huwa skema ta’ awtofinanzjament prinċipalment permezz ta’ imposta fuq il-kirjiet tal-inkwilini f’organizzazzjonijiet tal-akkomodazzjoni mingħajr skop ta’ profitt, u r-riżorsi tiegħu jintużaw biex tinbena akkomodazzjoni soċjali, tiġi rinnovata, issirilha l-manutenzjoni u jiġu pprovduti servizzi soċjali.
Fondi rotanti simili jeżistu fi Stati Membri oħra li jinkludu l-Awstrija, is-Slovenja, u n-Netherlands, fejn dawn jintużaw biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-akkomodazzjoni soċjali, ir-rinnovazzjoni, u l-manutenzjoni fit-tul, li spiss jikkombinaw il-kontribuzzjonijiet tal-inkwilini mal-finanzjament pubbliku biex tiġi żgurata l-istabbiltà fit-tul.
Minbarra l-appoġġ imtejjeb fil-livell tal-UE, l-Istati Membri jridu jżidu wkoll l-investiment. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni qed tagħmilha aktar faċli għall-Istati Membri biex jappoġġaw finanzjarjament akkomodazzjoni affordabbli permezz tar-reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat stabbiliti hawn taħt.
Biex jiġu mmobilizzati l-investimenti fil-provvista tal-akkomodazzjoni, koalizzjoni wiesgħa ta’ atturi finanzjarji hija essenzjali. Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) qed javvanza dan permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Akkomodazzjoni Affordabbli u Sostenibbli tiegħu. Il-banek promozzjonali nazzjonali u reġjonali u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra, bħall-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u l-Bank ta’ Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa (CEB, Council of Europe Development Bank), għandhom rwol kritiku fil-mobilizzazzjoni tal-kapital pubbliku u privat u fil-provvista ta’ appoġġ ta’ konsulenza.
L-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ mudelli ta’ finanzjament skalabbli u innovattivi li jibnu fuq eżempji ta’ suċċess bħal fondi rotanti se jgħinu aktar biex jinbnew sinerġiji bejn il-kapital pubbliku u dak privat.
Azzjoni 4. Jiġi mmobilizzat investiment pubbliku u privat addizzjonali
L-opportunitajiet għall-investiment f’akkomodazzjoni affordabbli u soċjali għadhom frammentati wisq u spiss ma jkollhomx il-viżibbiltà meħtieġa biex jattiraw l-investituri u l-promoturi tal-proġetti. L-investiment privat huwa essenzjali, u huma meħtieġa l-mekkaniżmi kollha, inkluż Sħubijiet Pubbliċi u Privati. Il-potenzjal sħiħ tal-ekosistema tal-Ewropa għall-investiment fl-akkomodazzjoni jeħtieġ li jiġi sfruttat. Biex tindirizza dan, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp tal-BEI, il-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u reġjonali u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, bħas-CEB, il-BERŻ, u sħab ewlenin oħra, qed tiżviluppa Pjattaforma ta’ Investiment Pan-Ewropea għal akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli ġdida.
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tilqa’ bil-qawwa l-fatt li l-banek promozzjonali nazzjonali u reġjonali se jimmiraw li jinvestu EUR 375 biljun f’riżorsi sal-2029 f’akkomodazzjoni soċjali, affordabbli u sostenibbli, inkluż permezz tal-programm InvestEU, u li l-Grupp BEI żied b’mod sostanzjali l-finanzjament tiegħu għal akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli u qed jimmira li jżidu aktar fis-snin li ġejjin, jestendi l-appoġġ fost l-Istati Membri kollha u jingrana l-fondi tal-UE biex jipprovdi appoġġ ta’ konsulenza għall-Istati Mmebri, għar-reġjuni u għall-bliet. Il-Kummissjoni tilqa’ wkoll l-appoġġ sinifikanti li l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħas-CEB u l-BERŻ diġà qed jipprovdu u se jkomplu jipprovdu fis-snin li ġejjin.
Il-Pjattaforma se tappoġġa l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-investituri privati biex jiġbru flimkien ir-riżorsi u jżidu l-investiment fil-provvista tal-akkomodazzjoni madwar l-UE. Din se tipprovdi aċċess dirett għal informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament, l-aħjar prattiki, studji tal-każijiet, u approċċi innovattivi madwar l-Istati Membri. Se tgħin biex jiġu żviluppati mudelli ta’ finanzjament skalabbli u innovattivi u se tippromwovi l-aggregazzjoni tal-proġetti permezz ta’ portal diġitali, grupp ta’ esperti, u ċentri ta’ finanzjament nazzjonali volontarji. Il-Pjattaforma se tikkomplementa l-għodod proposti bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss biex l-aċċess għall-fondi tal-UE għall-benefiċjarji jsir aktar faċli, b’mod partikolari l-Gateway Unika. Se taħdem f’sinerġija, u meta jkun rilevanti se tiżviluppa azzjonijiet konġunti, mal-Koalizzjoni Ewropea għall-Finanzjament tal-Effiċjenza Enerġetika (EEEFC, European Energy Efficiency Financing Coalition), stabbilita fl-2024 biex timmobilizza l-finanzjament privat fl-effiċjenza enerġetika.
Ostaklu għall-investiment enfasizzat mill-prattikanti tas-suq huwa n-nuqqas ta’ qafas ta’ referenza għall-valutazzjoni tal-eżitu soċjali tal-investimenti fl-akkomodazzjoni, li jirriżulta f’inċertezza fl-evalwazzjonijiet tal-proġetti, f’kostijiet għoljin ta’ diliġenza dovuta u f’rekwiżiti ta’ rapportar sproporzjonati għall-fornituri tal-akkomodazzjoni. L-esplorazzjoni ta’ gwida volontarja fil-livell tal-UE msejsa fuq prattiki tas-suq tista’ tiffaċilita l-kooperazzjoni pubblika-privata u timmobilizza investimenti mingħajr obbligi ġodda ta’ tikkettar jew divulgazzjoni.
|
Għan
|
Iż-żieda fl-investiment pubbliku u privat għal akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli
|
|
Kif
|
Il-Kummissjoni se:
·ittejjeb l-aċċess għall-opportunitajiet ta’ finanzjament, l-aħjar prattiki, u approċċi innovattivi ta’ finanzjament biex timmobilizza l-investiment pubbliku u privat permezz ta’ Pjattaforma ta’ Investiment Pan-Ewropea għal akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli ġdida, inklużi portal diġitali, gruppi ta’ esperti u ċentri nazzjonali (Q3 2026);
·timmobilizza investimenti ġodda fl-akkomodazzjoni taħt dan il-QFP, inkluż EUR 10 biljun addizzjonali f’investiment stmati fl-2026 u fl-2027 permezz ta’ InvestEU, u mill-inqas EUR 1,5 biljun fi proposti riċevuti sa issa mill-Istati Membri u mir-reġjuni għar-riprogrammazzjoni tal-Fondi ta’ Koeżjoni taħt ir-Rieżami ta’ nofs it-terminu. Appoġġ addizzjonali se jiġi wkoll mill-Fond Soċjali għall-Klima;
·toffri opportunitajiet ġodda biex jiżdiedu l-investimenti fl-akkomodazzjoni taħt il-QFP li jmiss, b’mod partikolari fl-ambitu tal-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali u l-Faċilità tal-UE, kif ukoll il-Fond Ewropew għall-Kompetittività u l-istrument il-ġdid tiegħu InvestEU tal-FEK, abbażi tal-mudell ta’ suċċess tal-programm InvestEU;
·tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw mudelli ta’ finanzjament skalabbli u innovattivi għall-investimenti fl-akkomodazzjoni, bħad-dejn/l-ekwità, it-taħlit, il-bonds tal-akkomodazzjoni u l-fondi rotanti, permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u tal-assistenza teknika, bl-użu tal-fondi tal-UE meta jkun xieraq;
·tesplora l-iżvilupp ta’ qafas ta’ investiment volontarju u mmexxi mis-suq għal akkomodazzjoni affordabbli u soċjali biex tgħin lill-investituri jżidu l-investimenti tagħhom;
·tipprovdi gwida għall-Istati Membri biex tassistihom fit-tfassil ta’ soluzzjonijiet finanzjarji u legali biex jappoġġaw l-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, li tqis ukoll il-kunsiderazzjonijiet tad-dejn pubbliku.
L-Istati Membri u r-reġjuni huma mħeġġa jżidu l-investimenti tagħhom biex jappoġġaw investimenti soċjali u affordabbli fl-akkomodazzjoni, inkluż permezz tal-adozzjoni ta’ strumenti finanzjarji u finanzjament imħallat taħt il-politika ta’ koeżjoni kurrenti u permezz tal-pjanijiet ta’ sħubija nazzjonali u reġjonali tagħhom taħt il-QFP li jmiss.
|
Azzjoni 5. Jiġi ffaċilitat appoġġ pubbliku aktar rapidu u sempliċi għal akkomodazzjoni soċjali u affordabbli
Il-Kummissjoni qed tirrispondi għat-talbiet tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali kif ukoll tal-partijiet ikkonċernati biex tirrieżamina r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex tiffaċilita l-finanzjament ta’ akkomodazzjoni affordabbli.
Skont ir-regoli eżistenti tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw l-akkomodazzjoni soċjali b’mod flessibbli skont id-Deċiżjoni dwar is-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (“id-Deċiżjoni SGEI”, Services of General Economic Interest). Ma hemmx bżonn li dan l-appoġġ jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni, irrispettivament mill-ammont. Madankollu, l-appoġġ għal akkomodazzjoni affordabbli, kellu limitu massimu ta’ EUR 15-il miljun fis-sena, filwaqt li ammonti ogħla kienu jeħtieġu notifika.
Biex jiġi ffaċilitat l-appoġġ għal akkomodazzjoni affordabbli għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u medju, inklużi l-ħaddiema essenzjali, l-unitajiet domestiċi b’ċirkostanzi speċifiċi tal-familja, il-persuni b’diżabbiltà u l-istudenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrevedi d-Deċiżjoni SGEI. Filwaqt li fundamentalment din id-deċiżjoni ma tibdilx ir-regoli għall-appoġġ għall-akkomodazzjoni soċjali, tinkludi b’mod espliċitu kategorija ġdida ta’ akkomodazzjoni affordabbli fost il-kategoriji eżentati min-notifika li għaliha ma hemm l-ebda limitu ta’ kumpens massimu. B’dan il-mod, l-Istati Membri jistgħu jżommu l-iskemi tal-akkomodazzjoni soċjali eżistenti tagħhom u joħolqu skemi ta’ akkomodazzjoni affordabbli addizzjonali għal gruppi oħra fil-mira. Ir-reviżjoni se tissimplifika, taġġorna u tiċċara wkoll ċerti kunċetti fid-Deċiżjoni SGEI. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jipprovdu gwida u appoġġ fuq talba lill-Istati Membri biex jgħinuhom ifasslu SGEIs ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
|
Għan
|
Tingħata spinta lill-investiment pubbliku f’akkomodazzjoni affordabbli u soċjali
|
|
Kif
|
Flimkien ma’ dan il-pjan, il-Kummissjoni rrevediet ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex:
·tippermetti lill-Istati Membri jappoġġaw proġetti ta’ akkomodazzjoni affordabbli mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni u awtorizzazzjoni mingħandha meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet deskritti fid-Deċiżjoni SGEI;
·tippermettilhom jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ appoġġ, il-gruppi fil-mira, il-kriterji ta’ eliġibbiltà, il-prezz tal-akkomodazzjoni u l-istandards ta’ kwalità għal akkomodazzjoni soċjali u affordabbli skont il-kuntest u l-ħtiġijiet ta’ akkomodazzjoni tagħhom;
·tissimplifika r-rekwiżiti amministrattivi tal-għajnuna mill-Istat dwar in-notifika, il-monitoraġġ u r-rapportar għall-SGEIs kollha.
|
Pilastru III. Jiġi ffaċilitat l-appoġġ immedjat filwaqt li jiġu xprunati r-riformi
Ċerti viċinati, b’mod partikolari fil-bliet iżda wkoll f’hotspots turistiċi oħra, qed jesperjenzaw pressjonijiet akuti fuq l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni. F’dawn iż-żoni taħt stress relatat mal-akkomodazzjoni, jista’ jkun li l-espansjoni rapida tal-kiri għal żmien qasir (STRs) flimkien ma’ prattiki ta’ investiment spekulattiv qed jintensifikaw il-kompetizzjoni għal stokk ta’ akkomodazzjoni limitat li jgħolli l-prezzijiet. Ir-residenti lokali jirriskjaw li jiġu esklużi mis-suq minħabba prezzijiet u kirjiet mhux affordabbli filwaqt li oħrajn ma jistgħux jaċċettaw impjiegi jew opportunitajiet ta’ edukazzjoni minħabba li ma jistgħux isibu akkomodazzjoni li jistgħu jaffordjaw. Stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru wera li bil-bosta l-aktar tħassib urġenti għall-Ewropej li jgħixu fil-bliet huwa n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli.
L-UE se tappoġġa ż-żoni taħt stress relatat mal-akkomodazzjoni biex ittejjeb l-akkomodazzjoni affordabbli permezz ta’ miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi. Dan se jinkludi qafas għall-awtoritajiet pubbliċi biex jiġu identifikati ż-żoni tal-akkomodazzjoni taħt stress u jiġi ċċarat liema azzjonijiet immirati u proporzjonati jistgħu jittieħdu biex jiġu ġestiti l-STRs u tiġi protetta u promossa l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni f’dawk iż-żoni, inkluż permezz ta’ ppjanar u ħruġ tal-permessi aktar rapidi.
Dan jeħtieġ li jiġi kkomplementat b’riformi strutturali fit-tul biex tittejjeb l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni f’varjetà ta’ oqsma taħt il-kontroll tal-Istati Membri bħal azzjoni fuq il-proprjetajiet vojta, filwaqt li jiġu żviluppati l-akkomodazzjoni soċjali, it-trasport lokali, il-proċeduri tat-tassazzjoni u dawk amministrattivi.
Ir-rwol li ż-żieda fil-finanzjalizzazzjoni u fl-ispekulazzjoni qed taqdi fil-kriżi tal-akkomodazzjoni b’mod ġenerali jeħtieġ li jinftiehem aħjar, b’mod partikolari minħabba l-assenza ta’ data u trasparenza f’dan il-qasam.
Azzjoni 6. Jiġi indirizzat il-kiri għal żmien qasir f’żoni taħt stress relatat mal-akkomodazzjoni
L-akkomodazzjoni għal żmien qasir ibbukkjata permezz ta’ pjattaformi online toffri ħafna benefiċċji: għażla akbar, faċilitajiet addizzjonali għall-konsumaturi, introjtu addizzjonali għall-ospitanti, inċentiv għall-investiment fir-rinnovazzjoni, u spinta għat-turiżmu, għall-introjti u għall-impjiegi. Iżda t-tkabbir rapidu tagħha ta’ kważi 93 % bejn l-2018 u l-2024 evolva minn servizzi okkażjonali bejn il-pari lejn attività kummerċjali sinifikanti, li setgħet illimitat il-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli għar-residenti lokali f’xi żoni. F’destinazzjonijiet popolari ħafna, l-STRs jistgħu jirrappreżentaw sa 20 % tal-istokk tal-akkomodazzjoni. Hemm bżonn li jiġu ppreservati l-benefiċċji tal-STRs filwaqt li jitnaqqsu l-impatti negattivi.
L-awtoritajiet nazzjonali u lokali jeħtieġu aktar ċertezza legali biex jiddefinixxu miżuri xierqa. Il-fornituri tas-servizzi tal-STR jeħtieġu wkoll ċertezza fir-rigward ta’ dak li huwa legalment possibbli. Hemm tħassib li l-STRs, b’mod partikolari dawk li jitħaddmu minn ospitanti professjonali, qed jikkompetu ma’ fornituri tradizzjonali tal-akkomodazzjoni, inklużi l-SMEs, li jridu jikkonformaw ma’ rekwiżiti nazzjonali aktar stretti bħar-regoli dwar is-sikurezza, ir-responsabbiltà u l-protezzjoni tal-konsumatur.
Ir-Regolament dwar il-Kiri għal Żmien Qasir, li se jibda japplika minn Mejju 2026, se jġib trasparenza akbar u se jgħin lill-awtoritajiet pubbliċi jirregolaw is-suq b’mod proporzjonat billi se jirrikjedi reġistrazzjoni obbligatorja tal-ospitanti, u l-kondiviżjoni tad-data dwar it-tranżazzjonijiet reali bejn il-pjattaformi diġitali u l-awtoritajiet nazzjonali. Barra minn hekk, se jkun importanti li r-Regolament jiġi implimentat b’mod korrett, inklużi sforzi minn pjattaformi online biex iwettqu kontrolli għal għarrieda u jneħħu l-proprjetajiet elenkati b’mod illegali li jkunu ġew innotifikati.
B’mod komplementari għar-regolament eżistenti, il-Kummissjoni se tipproponi att leġiżlattiv li jindirizza l-kiri għal żmien qasir u jistabbilixxi qafas legali tal-UE koerenti, xprunat mid-data, ċar u prevedibbli biex jippermetti u jappoġġa lill-awtoritajiet lokali jieħdu azzjoni mmirata u proporzjonata b’mod partikolari f’żoni ta’ stress relatat mal-akkomodazzjoni u jappoġġaw it-turiżmu sostenibbli. Dan se jwassal għal koerenza legali akbar fis-Suq Uniku għall-awtoritajiet nazzjonali u lokali biex jiġġestixxu l-STRs, filwaqt li jipprovdilhom il-flessibbiltà b’rispett sħiħ għas-sussidjarjetà. Dan se jippermetti lill-Istati Membri, lill-bliet u lir-reġjuni jibbilanċjaw il-benefiċċji tal-STRs mal-effetti negattivi potenzjali fuq is-swieq u l-komunitajiet tal-akkomodazzjoni. L-inizjattiva twieġeb ukoll għas-sejħa tar-Rapport Letta għal azzjoni speċifika għas-settur fi swieq tas-servizzi li qed jikbru malajr biex jinbena Suq Uniku aktar sostenibbli.
|
Għan
|
L-indirizzar tal-iskarsezzi f’żoni ta’ stress relatat mal-akkomodazzjoni
|
|
Kif
|
Il-Kummissjoni se:
·tipproponi inizjattiva leġiżlattiva ġdida dwar il-kiri għal żmien qasir biex tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jieħdu sett ta’ miżuri ġustifikati u proporzjonati, b’mod partikolari f’żoni ta’ stress relatat mal-akkomodazzjoni, u jindirizzaw il-kwistjonijiet li jifdal bħall-protezzjoni tal-konsumaturi u ssir distinzjoni bejn l-ospitanti professjonali u dawk mhux professjonali;
·din l-inizjattiva se tkun komponent ċentrali minn Att dwar l-Akkomodazzjoni Affordabbli biex tappoġġa lill-awtoritajiet pubbliċi jidentifikaw żoni ta’ stress relatat mal-akkomodazzjoni, abbażi ta’ data disponibbli pubblikament, u tippermettilhom, b’rispett sħiħ għas-sussidjarjetà, jieħdu miżuri biex jipproteġu u jippromwovu l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni f’dawk iż-żoni, inkluż permezz tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi bħall-ippjanar u l-ħruġ tal-permessi (leġiżlattiv u mhux leġiżlattiv, Q4 2026).
L-Istati Membri huma mħeġġa jimmonitorjaw id-data dwar l-STRs fit-territorju tagħhom u jivvalutaw l-impatt tagħhom fuq l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni.
|
Azzjoni 7: Tiġi indirizzata l-ispekulazzjoni fis-suq tal-akkomodazzjoni
Hemm bżonn ta’ investiment privat fl-akkomodazzjoni, u sehem sinifikanti jiġi mill-fondi tal-pensjoni u tal-assigurazzjoni, li tipikament isegwu redditi stabbli u fit-tul. Tali investiment għandu rwol importanti fil-forniment ta’ infrastruttura soċjali, inkluż l-akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli. Fl-istess ħin, l-indikazzjonijiet ta’ investimenti ta’ tiftix ta’ profitt għal żmien qasir qed iqajmu tħassib dwar id-distorsjonijiet tas-suq, il-valwazzjoni eċċessiva u l-pressjonijiet spekulattivi. F’ħafna bliet u destinazzjonijiet turistiċi, il-prezzijiet tal-akkomodazzjoni qed isiru dejjem aktar distakkati mill-introjti lokali. Id-data limitata u n-nuqqas ta’ trasparenza dwar is-sjieda u t-tranżazzjonijiet ewlenin tal-proprjetà immobbli jxekklu lill-awtoritajiet pubbliċi milli jimmonitorjaw l-iżviluppi tas-suq. It-titjib tal-ġbir u tal-analiżi ta’ tali data huwa prerekwiżit għall-valutazzjoni u sussegwentement għat-teħid ta’ azzjoni biex jiġu indirizzati l-firxa u l-impatt tal-imġiba spekulattiva fis-suq tal-akkomodazzjoni.
Iż-żieda fil-kwantità u d-disponibbiltà ta’ akkomodazzjoni affordabbli u soċjali u l-appoġġ lill-fornituri ta’ akkomodazzjoni mingħajr skop ta’ profitt jew bi profitt limitat, inklużi l-akkomodazzjoni kooperattiva u t-trusts tal-artijiet komunitarji jistgħu jgħinu biex tiġi indirizzata l-volatilità tal-prezzijiet billi l-prezzijiet jinżammu affordabbli fuq terminu twil. Madankollu, tali fornituri jiffaċċjaw ostakli biex jespandu bħal nuqqas ta’ rikonoxximent legali u diffikultajiet biex jaċċessaw il-finanzi. Il-politiki tat-taxxa u miżuri oħra jistgħu jtaffu wkoll ir-riskju ta’ mġiba spekulattiva.
|
Għan
|
Tiġi identifikata l-imġiba spekulattiva fis-suq tal-akkomodazzjoni
|
|
Kif
|
Il-Kummissjoni se:
·tippreżenta analiżi tad-dinamika tal-prezzijiet tal-akkomodazzjoni, inkluż l-evidenza disponibbli ta’ xejriet ta’ spekulazzjoni, id-diskrepanzi fid-data u l-konsegwenzi ekonomiċi, kif ukoll tipproponi azzjonijiet ta’ segwitu meta jkunu meħtieġa (Q4 2026);
·tippromwovi trasparenza akbar fis-suq tal-proprjetà residenzjali billi taħdem mal-awtoritajiet pubbliċi biex titfa’ dawl fuq is-sjieda tal-proprjetà u t-tranżazzjonijiet fil-proprjetà immobbli u tidentifika xejriet spekulattivi;
·tiffaċilita l-investimenti f’fornituri tal-akkomodazzjoni mingħajr skop ta’ profitt u bi profitt limitat billi tidentifika l-ostakli tekniċi u leġiżlattivi, tiżviluppa qafas ta’ investiment immexxi mis-suq għal akkomodazzjoni soċjali u affordabbli u timmobilizza l-investimenti fil-qafas tal-Pjattaforma ta’ Investiment Pan-Ewropea (ara l-azzjoni 4);
·tiffaċilita l-apprendiment bejn il-pari u l-innovazzjoni fl-indirizzar tal-ispekulazzjoni fil-qasam tal-akkomodazzjoni, filwaqt li tibni fuq l-esperjenzi lokali u nazzjonali (eż. dwar it-tassazzjoni u l-miżuri biex jiġu indirizzati l-proprjetajiet vojta).
L-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu miżuri biex jillimitaw l-imġiba spekulattiva dannuża fis-suq tal-akkomodazzjoni, inkluż billi jfasslu politiki effettivi ta’ tassazzjoni, itejbu t-trasparenza tas-suq u jiddedikaw sehem stabbilit ta’ żviluppi ġodda tal-akkomodazzjoni għal akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, li jirriflettu l-ħtiġijiet lokali tal-akkomodazzjoni.
|
Azzjoni 8: Jitmexxew ’il quddiem ir-riformi strutturali tal-Istati Membri
Sabiex tiżdied l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni, l-Istati Membri jeħtieġ li jimplimentaw riformi strutturali f’diversi oqsma ta’ politika. Il-Kummissjoni se tappoġġa dawn l-isforzi permezz ta’ varjetà ta’ għodod u permezz ta’ gwida strateġika fl-ambitu tas-Semestru Ewropew.
It-tnaqqis tal-burokrazija nazzjonali, reġjonali u lokali, u l-mobilizzazzjoni tal-investiment fil-kapaċità amministrattiva u fis-soluzzjonijiet diġitali huma kruċjali biex tiżdied il-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli u soċjali. L-awtoritajiet pubbliċi jeħtieġ ukoll li jiżguraw li hemm art xierqa disponibbli għall-iżvilupp tal-akkomodazzjoni kif ukoll li jagħmlu użu aħjar mill-istokk tal-bini eżistenti.
Fi Franza 18 % tal-unitajiet domestiċi (aktar minn 10 miljun persuna) jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali. Is-sistema komprensiva regolata mill-Istat hija bbażata l-aktar fuq finanzjament fit-tul mill-kontijiet tat-tfaddil (Livret A) u kontribuzzjonijiet mill-impjegaturi permezz tal-Kontribuzzjoni tal-Impjegatur għall-Isforz tal-Kostruzzjoni (PEEC, Participation de l’employeur à l’effort de construction).
Fl-Awstrija, skont il-mudell ta’ Vjenna, wieħed minn kull erba’ residenti ta’ Vjenna jgħix f’waħda mill-unitajiet tal-akkomodazzjoni muniċipali, kooperattivi, jew bi profitt limitat li ġew żviluppati matul l-aħħar seklu. Kważi 70 % tal-abitazzjonijiet għandhom l-ogħla standards tal-Kategorija A.
Iċ-Ċekja u l-Polonja qed jibnu sistemi ta’ akkomodazzjoni soċjali biex jgħixu fihom familji b’introjtu baxx u jnaqqsu l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar filwaqt li jinċentivaw lis-sidien privati biex jikru permezz ta’ aġenziji ta’ kiri soċjali.
Ir-riformi għandhom jappoġġaw kemm iż-żoni urbani li qed jiffaċċjaw skarsezzi kif ukoll it-territorji rurali u remoti li qed jesperjenzaw deklin demografiku. F’żoni taħt stress relatat mal-akkomdazzjoni, dan ifisser żieda fil-provvista permezz ta’ bini ġdid kif ukoll rinnovazzjoni, adattament għal skop differenti u densifikazzjoni urbana, filwaqt li jiġi żgurat li dawn il-proġetti jibbenefikaw minn proċeduri amministrattivi aktar sempliċi u rapidi. F’żoni taħt inqas pressjoni, dan ifisser appoġġ għad-“dritt ta’ soġġorn” billi jiġu appoġġati r-rinnovazzjoni u l-immodernizzar tal-akkomodazzjoni lokali f’postijiet b’potenzjal ekonomiku flimkien ma’ investiment fit-trasport, fl-infrastruttura u fis-servizzi, f’konformità mal-politika ta’ koeżjoni tal-UE.
It-tassazzjoni hija għodda ewlenija ta’ appoġġ biex tiġi indirizzata l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni. Pereżempju, it-taxxi huma komponent ewlieni tal-kostijiet tal-akkomodazzjoni, inkluż matul ix-xiri.
L-akkomodazzjoni soċjali teħtieġ attenzjoni partikolari peress li l-provvista tagħha fl-UE naqset f’dawn l-aħħar deċennji. Filwaqt li jiġu rikonoxxuti s-sitwazzjoni u t-tradizzjonijiet diverġenti tal-Istati Membri, hemm bżonn li titreġġa’ lura x-xejra attwali fejn skont l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD, Organisation for Economic Co-operation and Development) is-sehem medju tal-akkomodazzjoni soċjali llum jirrappreżenta biss madwar 6-7 % tal-istokk tal-akkomodazzjoni tal-UE
.
|
Għan
|
Jiżdiedu l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni u r-reżiljenza tas-swieq tal-akkomodazzjoni permezz ta’ riformi strutturali
|
|
Kif
|
Il-Kummissjoni se:
·tgħin lill-Istati Membri jfasslu riformi effettivi għal akkomodazzjoni affordabbli u soċjali permezz ta’ monitoraġġ aktar b’saħħtu u rakkomandazzjonijiet immirati fl-ambitu tas-Semestru Ewropew;
·trawwem statistika Ewropea relatata mal-akkomodazzjoni biex tkompli ssaħħaħ it-tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza u xprunat mid-data biex ikun hemm allokazzjoni aħjar tar-riżorsi għall-akkomodazzjoni u tistabbilixxi punt ta’ aċċess fil-livell tal-UE għad-data u għall-analiżi tal-akkomodazzjoni;
·taħdem mal-Istati Membri, inkluż fil-kuntest tal-Alleanza għall-Akkomodazzjoni, biex tidentifika abbażi tad-data u l-analiżi ta’ hawn fuq fejn il-politika u l-finanzjament tal-UE jista’ jkollhom l-akbar impatt biex itejbu l-funzjonament tas-swieq tal-akkomodazzjoni;
·tappoġġa lill-Istati Membri biex ifasslu politiki ta’ tassazzjoni li jippromwovu l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni billi tivvaluta l-impatt tat-taxxi relatati mal-akkomodazzjoni fuq is-swieq tal-akkomodazzjoni, toħroġ gwida prattika u tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajbin;
·tipprovdi appoġġ tekniku u finanzjarju lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-bliet biex iwettqu riformi permezz tal-Alleanza Ewropea għall-Akkomodazzjoni, permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku u fl-ambitu tal-QFP li jmiss.
L-Istati Membri huma mħeġġa jimplimentaw riformi ambizzjużi u komprensivi ffukati fuq l-affordabbiltà billi jagħmlu użu sħiħ mill-kondiviżjoni tad-data, mill-apprendiment reċiproku u mill-opportunitajiet ta’ assistenza teknika disponibbli, inkluż fl-Alleanza Ewropea għall-Akkomodazzjoni.
|
Pilastru IV. Jingħata appoġġ lil dawk l-aktar milqutin
Il-kriżi tal-akkomodazzjoni ma taffettwax lin-nies kollha bl-istess mod. Xi gruppi huma affettwati b’mod sproporzjonat mill-kostijiet dejjem jiżdiedu tal-akkomodazzjoni u mill-aċċess limitat għal djar affordabbli. In-nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli jipprevjeni liż-żgħażagħ, b’mod partikolari minn sfondi żvantaġġati, milli jieħdu opportunitajiet ta’ edukazzjoni, ta’ traineeship, ta’ apprendistati u ta’ impjieg, b’konsegwenzi ekonomiċi u soċjali estensivi. Dan idewwem il-formazzjoni ta’ familji ġodda. L-istudenti u l-apprendisti huma partikolarment esposti għal kostijiet għoljin tal-akkomodazzjoni, li jistgħu jiskoraġġuhom milli jkomplu l-istudji, jipparteċipaw fi programmi ta’ mobbiltà bħall-Erasmus+, jew li jlestu l-edukazzjoni tagħhom.
L-iżgurar tal-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli għall-ħaddiema essenzjali — bħall-persunal tal-kura tas-saħħa u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa, l-għalliema jew il-persunal tas-servizzi ta’ emerġenza fost oħrajn — huwa vitali biex jinżammu komunitajiet reżiljenti u inklużivi. Dawn il-ħaddiema spiss jiffaċċjaw skarsezzi ta’ akkomodazzjoni jew kostijiet għoljin, b’mod partikolari f’żoni urbani fejn is-servizzi tagħhom huma l-aktar meħtieġa. Ir-reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal akkomodazzjoni affordabbli ppreżentata mill-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-appoġġ għal akkomodazzjoni affordabbli għal unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u medju, inklużi l-ħaddiema essenzjali.
Fl-2021, l-Istati Membri kollha impenjaw ruħhom għal għan kondiviż li jaħdmu biex tintemm il-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar fl-Ewropa sal-2030. Minkejja l-isforzi li saru sa issa, il-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar qed tiżdied u fl-UE aktar minn miljun persuna, inkluż 400 000 tifel u tifla, huma mingħajr dar, u hemm ukoll madwar 80 000 persuna li qed jorqdu barra. Irridu nieħdu azzjoni immedjata biex nibdlu d-direzzjoni.
Il-gruppi b’introjtu baxx huma partikolarment affettwati mill-kriżi tal-akkomodazzjoni. Il-gruppi f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ jinkludu wkoll l-anzjani b’pensjonijiet baxxi, il-ġenituri waħedhom u l-familji bi tfal f’riskju ta’ faqar, il-persuni LGBTIQ+, il-vittmi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru, ir-Rom u minoranzi emarġinati oħra, il-migranti, u gruppi oħra f’riskju ta’ esklużjoni jew diskriminazzjoni, li jiffaċċjaw sfidi speċifiċi biex ikollhom aċċess għall-akkomodazzjoni. Barra minn hekk, il-persuni b’diżabbiltà jħabbtu wiċċhom ma’ disponibbiltà limitata ta’ akkomodazzjoni aċċessibbli, u b’hekk jiżdied ir-riskju ta’ istituzzjonalizzazzjoni.
L-inkwilini jiffaċċjaw riskji dejjem akbar ta’ nuqqas ta’ sigurtà tal-akkomodazzjoni minħabba li l-kirjiet dejjem qed jogħlew u, f’xi Stati Membri, l-assistenza legali jew soċjali fejn meħtieġa hija insuffiċjenti.
Il-kwalità ħażina tal-akkomodazzjoni u r-rendiment ħażin fl-użu tal-enerġija jagħmluha diffiċli li jinżammu temperaturi interni u kwalità tal-arja adegwati u jikkontribwixxu għall-faqar enerġetiku. Madwar 42 miljun Ewropew ma jistgħux jaffordjaw isaħħnu djarhom kif suppost.
Azzjoni 9. Akkomodazzjoni għaż-żgħażagħ
Mill-baġit allokat tiegħu ta’ EUR 2,7 biljun tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF, Recovery and Resilience Facility) għall-provvista ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, il-Portugall nieda l-Akkomodazzjoni Affordabbli għall-Istudenti tiegħu (EUR 375 miljun) li qed tipprovdi 18 239 sodda, li 11 795 minnhom huma ġodda, u b’hekk se tittejjeb l-offerta eżistenti. Ir-rinnovazzjoni tan-network kurrenti tal-akkomodazzjoni tal-istudenti se tirriżulta f’6 444 sodda.
Ħafna żgħażagħ qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex ikollhom aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli, u dan jillimita l-indipendenza u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà u fl-ekonomija. Biex tiġi indirizzata din l-isfida huwa meħtieġ approċċ komprensiv li jikkombina aktar investiment fl-akkomodazzjoni tal-istudenti, miżuri mmirati li jespandu opportunitajiet affordabbli ta’ kiri u sjieda speċifikament għall-ġenerazzjonijiet iżgħar u appoġġ għall-innovazzjoni ta’ mudelli ta’ akkomodazzjoni bħall-ispazji ta’ konvivenza u l-għajxien interġenerazzjonali. F’xi pajjiżi diġà tfaċċaw diversi approċċi promettenti li jiżguraw il-kwalità u l-affordabbiltà u dawn jistgħu jservu bħala mudelli li jridu jiġu estiżi u replikati madwar l-UE.
|
Għan
|
Jittejjeb l-aċċess għall-akkomodazzjoni għaż-żgħażagħ, għall-istudenti, għall-apprendisti u għat-trainees
|
|
Kif
|
Il-Kummissjoni se:
·tgħin fil-bini ta’ aktar akkomodazzjoni għall-istudenti billi timmobilizza l-investimenti permezz tal-programm InvestEU, il-Pjattaforma ta’ Investiment Pan-Ewropea u billi tappoġġa lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jallokaw il-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni tagħhom f’din id-direzzjoni;
·tgħin lill-istudenti, lit-trainees u lill-apprendisti jsibu akkomodazzjoni fis-suq privat tal-kiri billi tivvaluta l-fattibbiltà ta’ skema ta’ garanzija biex titnaqqas jew tiġi eliminata l-ħtieġa għal depożitu ta’ sigurtà;
·tidentifika u xxerred mudelli ta’ akkomodazzjoni innovattivi għall-istudenti u għaż-żgħażagħ;
·tniedi skema pilota taħt Erasmus+, fi sħubija mal-bliet madwar l-UE u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, biex iżżid id-disponibbiltà ta’ soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni affordabbli u innovattivi għall-istudenti mobbli minn sfondi żvantaġġati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tħeġġeġ l-użu tal-Fond Soċjali Ewropew+ biex tappoġġa aktar soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni affordabbli għall-istudenti żvantaġġati.
L-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw u jimplimentaw skemi mmirati sabiex itejbu l-aċċess għall-akkomodazzjoni għaż-żgħażagħ, inklużi għażliet ta’ kiri affordabbli u appoġġ għal arranġamenti kondiviżi jew ta’ konvivenza.
|
Azzjoni 10. L-indirizzar tal-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar u l-appoġġ lill-inkwilini u lill-unitajiet domestiċi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli
Fil-Finlandja, wara t-tnedija tal-Akkomodazzjoni l-Ewwel fl-2008, l-għadd ta’ persuni mingħajr dar naqas bi 30 %, u l-għadd ta’ persuni mingħajr dar fit-tul naqas b’aktar minn 35 % sal-2024. Il-gvern qed jiżviluppa pjan ġdid biex jelimina l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar sal-2027.
Il-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar hija sfida persistenti u kumplessa li trid tiġi indirizzata permezz ta’ soluzzjonijiet immexxija mill-akkomodazzjoni (inklużi soluzzjonijiet ta’ “l-Akkomodazzjoni l-Ewwel”), akkumpanjati minn approċċi integrati biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni. L-Istrateġija tal-UE Kontra l-Faqar, li se tiġi adottata fl-2026, se tadotta approċċ iċċentrat fuq il-persuni u multidimensjonali biex tindirizza l-kawżi ewlenin tal-faqar. Din se tindirizza l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar bħala waħda mill-aktar forom severi ta’ esklużjoni soċjali, se ssaħħaħ il-prevenzjoni, u se tippromwovi għodod integrati biex tnaqqas l-inugwaljanza, il-faqar u l-esklużjoni, u se ttejjeb l-aċċess għal servizzi essenzjali, il-protezzjoni soċjali u s-suq tax-xogħol.
Iż-żieda fid-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni soċjali hija essenzjali biex jinkisbu perkorsi fit-tul biex il-persuni ma jibqgħux mingħajr dar u jiġu evitati l-esklużjoni soċjali u s-sitwazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni prekarji. L-aċċess għall-akkomodazzjoni soċjali u għall-assistenza lill-persuni mingħajr dar kif enfasizzat bħala wieħed mill-20 prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. It-tisħiħ tas-servizzi relatati mal-akkomodazzjoni bħall-konsulenza dwar id-dejn u l-miżuri ta’ mitigazzjoni huma strumentali biex jiġu evitati l-iżgumbramenti.
Il-promozzjoni ta’ taħlita soċjali u ta’ solidarjetà interġenerazzjonali fil-viċinat tevita s-segregazzjoni, trawwem l-inklużjoni, u tiżgura li l-inkwilini vulnerabbli jkunu parti minn komunitajiet prosperużi u diversi. Bħala parti mit-tranżizzjoni ġusta u l-isforzi biex jinqered il-faqar enerġetiku, hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu protetti l-aktar gruppi żvantaġġati, li spiss jgħixu f’akkomodazzjoni bl-agħar rendiment tal-enerġija, biex il-provvista tal-enerġija tagħhom ma tiġix maqtugħa.
|
Għan
|
Il-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni li jipproteġu u jagħtu s-setgħa lill-persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli
|
|
Kif
|
Il-Kummissjoni se:
·tipproponi rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-esklużjoni fil-qasam tal-akkomodazzjoni biex tappoġġa lill-persuni vulnerabbli f’sitwazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni prekarji u tevita u tindirizza l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar. Din se jkollha l-għan li tippromwovi t-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki bbażati fuq approċċ ta’ politiki ċċentrat fuq il-persuni, immexxi mill-akkomodazzjoni u integrat. L-inizjattiva se tiġi ppreżentata fil-kuntest tal-Istrateġija Kontra l-Faqar li jmiss u tibni fuq il-ħidma tal-Pjattaforma Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar;
·timmobilizza investiment ġdid fl-akkomodazzjoni soċjali u f’soluzzjonijiet immexxija mill-akkomodazzjoni għal persuni mingħajr dar billi tistabbilixxi fluss ta’ ħidma ddedikat fil-Pjattaforma ta’ Investiment Pan-Ewropea, inklużi inizjattivi ta’ kooperazzjoni potenzjali ma’ organizzazzjonijiet filantropiċi u atturi privati biex jiġi estiż l-appoġġ finanzjarju u in natura;
·tidentifika mudelli u tikkondividi prattiki tajbin li jikkombinaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà tas-sidien mas-sigurtà tal-inkwilini u tappoġġa r-riċerka u l-iskambji ta’ prattiki tajbin;
·tappoġġa lill-unitajiet domestiċi fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku u tipproteġi lill-persuni vulnerabbli mill-qtugħ tal-provvista tal-enerġija, bħala parti mill-Pakkett dwar l-Enerġija għaċ-Ċittadini li jmiss (2026).
L-Istati Membri u r-reġjuni huma mħeġġa jżidu l-appoġġ tagħhom għal persuni mingħajr dar u għal gruppi oħra f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, inkluż permezz tal-pjanijiet ta’ sħubija nazzjonali u reġjonali tagħhom fl-ambitu tal-QFP li jmiss. Jista’ jiġi previst appoġġ addizzjonali fl-ambitu tal-Faċilità tal-UE li tappoġġa l-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli. Dawn huma mħeġġa wkoll irawmu aċċess għal akkomodazzjoni aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà.
L-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali huma mħeġġa jżidu t-trasparenza tal-ftehimiet ta’ kiri pereżempju billi jirrikjedu li l-fornituri tas-servizzi tal-kiri jippubblikaw il-kostijiet medji tal-kiri u/jew l-aħħar prezz tal-kiri ta’ proprjetà.
|
3.Alleanza Ewropea għall-Akkomodazzjoni biex issaħħaħ il-kooperazzjoni madwar l-UE
“Sforz Ewropew, ankrat fir-realtajiet lokali.” Il-President von der Leyen, id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2025
Il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE dwar il-politika tal-akkomodazzjoni sa issa kienet limitata, u ħalliet opportunitajiet biex jiġu kkoordinati l-azzjonijiet, tiġi kondiviża l-aħjar prattika, u jsir progress lejn objettivi komuni li fil-biċċa l-kbira ma ġewx sfruttati. Alleanza Ewropea għall-Akkomodazzjoni ġdida se tgħaqqad il-livelli kollha tal-gvern, mill-bliet u mir-reġjuni sal-istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej, flimkien mal-partijiet ikkonċernati ewlenin tal-akkomodazzjoni biex tixpruna impenn kondiviż sabiex tiżgura akkomodazzjoni affordabbli, sostenibbli u ta’ kwalità għal kulħadd. L-Alleanza se sservi bħala ċentru għall-kooperazzjoni, għall-apprendiment reċiproku, u għall-iskambju tal-aħjar prattika madwar l-Ewropa, filwaqt li ssawwar mod ġdid ta’ ħidma rigward l-akkomodazzjoni fil-livell tal-UE u l-konnessjoni mal-livell lokali. Se trawwem sinerġiji u kooperazzjoni b’mod partikolari mal-Aġenda tal-UE għall-Bliet, il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, il-Pjattaforma Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni mingħajr Dar u l-Forum ta’ Livell Għoli dwar il-Kostruzzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea tinsab lesta li żżid il-kooperazzjoni tagħha mal-Kunsill u mal-Parlament Ewropew dwar dan is-suġġett.
Fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President von der Leyen ħabbret l-ewwel Summit tal-UE dwar l-Akkomodazzjoni li qatt se jkun sar. Dan se jiġi organizzat fl-2026 mill-Kummissjoni, flimkien mal-Kunsill Ewropew, u se jlaqqa’ flimkien fl-ogħla livell lill-atturi ewlenin kollha b’rabta mal-akkomodazzjoni.
|
Għan
|
It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u tal-apprendiment reċiproku bejn il-livelli kollha tal-gvern u l-partijiet ikkonċernati
|
|
Kif
|
Il-Kummissjoni se:
·torganizza l-ewwel Summit tal-UE dwar l-Akkomodazzjoni (2026);
·tistabbilixxi Alleanza Ewropea għall-Akkomodazzjoni (Q3/2026) biex:
otiffaċilita l-kooperazzjoni dwar l-akkomodazzjoni mal-Istati Membri u bejniethom u livelli differenti ta’ gvern, inkluż mal-bliet u mar-reġjuni, mal-partijiet ikkonċernati ewlenin tal-akkomodazzjoni, mal-Parlament Ewropew, mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;
otaqsam l-għarfien u l-prattika tajba bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet permezz ta’ programm ġdid ta’ apprendiment reċiproku dwar il-governanza f’diversi livelli b’rabta mal-akkomodazzjoni.
|
Konklużjonijiet
It-tqegħid tal-akkomodazzjoni affordabbli, sostenibbli u ta’ kwalità fuq quddiem nett tal-aġenda tagħna jfisser li jiġi indirizzat wieħed mill-aktar punti ta’ tħassib urġenti ta’ kuljum tal-Ewropej. Il-kostijiet għoljin tal-akkomodazzjoni huma fil-qalba tal-kriżi tal-għoli tal-ħajja, u jsawru l-għażliet, l-opportunitajiet u l-benesseri tal-persuni. Li jiġi żgurat li kull Ewropew jista’ jaffordja dar deċenti ma huwiex biss kwistjoni ta’ ekwità, iżda wkoll essenzjali għall-kompetittività tal-Ewropa, u jippermetti lill-persuni jaċċessaw l-impjiegi, jikkontribwixxu għall-ekonomija u jibnu futuri stabbli.
Dan il-Pjan jistabbilixxi viżjoni u sensiela ta’ azzjonijiet biex tiżdied il-provvista, jiġi sfruttat l-investiment, jingħata appoġġ immedjat filwaqt li jiġu avvanzati riformi dejjiema, u jiġu appoġġati dawk l-aktar milqutin. Dan jimmarka l-bidu ta’ sforz kollettiv li jeħtieġ li jiġi sostnut. Il-progress se jeħtieġ kollaborazzjoni u azzjoni fil-livelli kollha: mill-istituzzjonijiet Ewropej sal-Istati Membri, il-bliet u r-reġjuni, mill-partijiet ikkonċernati sas-soċjetà inġenerali. Il-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa aktar kontribut mill-Parlament Ewropew fir-rigward tar-rapport li jmiss tagħha u l-kooperazzjoni mal-Kunsill fit-tħejjija għall-ewwel Summit tal-UE dwar l-Akkomodazzjoni li qatt se jkun sar fl-2026 – mument ewlieni biex jiġi żgurat li l-akkomodazzjoni tibqa’ fuq quddiem nett fl-aġenda politika u li l-miżuri ta’ politika qed jiġu implimentati b’mod effettiv fil-prattika.
Qabel it-tmiem ta’ dan il-mandat, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar il-progress li jkun sar skont dan il-Pjan.
Anness: Sommarju tal-azzjonijiet u l-iskeda ta’ żmien
Din it-tabella tiġbor fil-qosor l-azzjonijiet proposti f’dan id-dokument, inklużi l-orjentazzjonijiet tal-politiki mressqa bħala inkoraġġimenti għall-kunsiderazzjoni mill-Istati Membri.
|
X’inhu
|
Min
|
Meta
|
|
Pilastru I. Tisħiħ tal-provvista
|
|
Azzjoni 1. Tisħiħ tal-produttività, tal-kapaċità u tal-innovazzjoni tal-industrija tal-kostruzzjoni
|
|
L-Istrateġija Ewropea għall-Kostruzzjoni tal-Akkomodazzjoni
|
KE
|
Q4 2025
|
|
L-Att dwar is-Servizzi tal-Kostruzzjoni
|
KE
|
Q4 2026
|
|
Programmi ta’ taħriġ fuq skala kbira, li jippromwovu l-innovazzjoni fil-kurrikuli tal-kostruzzjoni
|
KE, SM, industrija
|
|
|
Isir monitoraġġ u meta jkun meħtieġ tittieħed azzjoni kontra kwalunkwe prattika antikompetittiva potenzjali fis-settur tal-kostruzzjoni
|
KE, SM
|
|
|
Jiġu appoġġati l-investimenti fil-manifattura Ewropea b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u b’bażi bijoloġika, fl-integrazzjoni tal-kriterji ta’ sostenibbiltà fl-iskemi ta’ akkwist pubbliku u ta’ appoġġ, fl-adozzjoni ta’ metodi moderni ta’ kostruzzjoni u rinnovazzjoni, u sforzi ta’ apprendistati, ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid fuq skala kbira.
|
SM
|
|
|
Azzjoni 2. Titnaqqas il-burokrazija biex titħaffef il-provvista tal-akkomodazzjoni
|
|
Il-pakkett dwar is-simplifikazzjoni tal-akkomodazzjoni
|
KE, SM
|
2027
|
|
Jiġu ssimplifikati l-ippjanar nazzjonali, reġjonali u lokali, ir-regoli dwar it-tqassim f’żoni u l-ħruġ tal-permessi, kif ukoll il-kodiċijiet tal-bini, tiżdied il-kapaċità amministrattiva, inkluż għad-diġitalizzazzjoni, u jsir użu mill-flessibbiltajiet offruti mid-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku
|
SM
|
|
|
Azzjoni 3. Jiġu kkombinati l-affordabbiltà, is-sostenibbiltà u l-kwalità fl-akkomodazzjoni
|
|
Sħubija Ġdida għal Djar Aħjar, gwida dwar servizzi ta’ punt uniku ta’ servizz għar-rinnovazzjoni, appoġġ għal Pjanijiet Nazzjonali ta’ Rinnovazzjoni tal-Bini komprensivi
|
KE, SM
|
2026
|
|
Pjan ta’ Azzjoni għall-Komunitajiet tal-Enerġija
|
KE
|
2026
|
|
Riġenerazzjoni tal-viċinati permezz tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida
|
KE, SM
|
2026 ’il quddiem
|
|
Tingħata prijorità lir-rinnovazzjoni/lill-adattament għal skop differenti tal-bini eżistenti, u jiġu evitati demolizzjonijiet bla bżonn
|
SM u l-awtoritajiet reġjonali u lokali
|
|
|
Pilastru II. Jiġi mmobilizzat l-investiment
|
|
Azzjoni 4. Jiġi mmobilizzat investiment pubbliku u privat addizzjonali
|
|
Pjattaforma Pan-Ewropea ta’ Investiment għal akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli
|
KE, BEI, NPBIs, IFIs
|
Q3 2026
|
|
Jiġu appoġġati investimenti ġodda fl-akkomodazzjoni fl-ambitu tal-QFP kurrenti
|
KE, SM
|
2026-2027
|
|
Opportunitajiet biex jiżdiedu l-investimenti fl-akkomodazzjoni fl-ambitu tal-QFP li jmiss
|
KE, SM, reġjuni
|
2028 ’il quddiem
|
|
Għajnuna biex jiġu żviluppati mudelli ta’ finanzjament skalabbli u innovattivi
|
KE, SM
|
2026-2027
|
|
Qafas ta’ investiment volontarju mmexxi mis-suq għall-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli
|
KE, atturi tas-suq, awtoritajiet pubbliċi
|
|
|
Gwida għall-Istati Membri dwar it-tfassil ta’ soluzzjonijiet finanzjarji u legali biex jappoġġaw l-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet tad-dejn pubbliku
|
KE, SM
|
|
|
Tiżdied l-ambizzjoni biex jiġu appoġġati l-investimenti f’akkomodazzjoni soċjali u affordabbli
|
SM, reġjuni
|
|
|
Azzjoni 5. Jiġi ffaċilitat appoġġ pubbliku aktar rapidu u sempliċi għal akkomodazzjoni soċjali u affordabbli
|
|
Regoli riveduti dwar l-għajnuna mill-Istat
|
KE
|
Q4 2025
|
|
Pilastru III. Jiġi ffaċilitat l-appoġġ immedjat filwaqt li jiġu xprunati r-riformi
|
|
Azzjoni 6. Jiġi indirizzat il-kiri għal żmien qasir f’żoni taħt stress relatat mal-akkomodazzjoni
|
|
Inizjattiva leġiżlattiva ġdida dwar l-STR bħala parti minn Att dwar l-Akkomodazzjoni Affordabbli
|
KE
|
Q4 2026
|
|
Tiġi mmonitorjata d-data dwar l-STRs, jiġi vvalutat l-impatt tagħhom fuq l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni
|
SM
|
|
|
Azzjoni 7. Tiġi indirizzata l-ispekulazzjoni fis-suq tal-akkomodazzjoni
|
|
Analiżi tad-dinamika tal-prezzijiet tal-akkomodazzjoni, inkluż l-evidenza disponibbli ta’ xejriet ta’ spekulazzjoni, id-diskrepanzi fid-data u l-konsegwenzi ekonomiċi
|
KE
|
Q4 2026
|
|
Tiġi promossa t-trasparenza akbar fis-suq tal-proprjetà residenzjali
|
KE, SM
|
|
|
Jiġu ffaċilitati l-investimenti f’fornituri tal-akkomodazzjoni mingħajr skop ta’ profitt/bi profitt limitat
|
KE, SM
|
|
|
Apprendiment bejn il-pari u innovazzjoni fl-indirizzar tal-ispekulazzjoni tal-akkomodazzjoni
|
KE, SM, awtoritajiet reġjonali u lokali
|
|
|
Jiġu stabbiliti miżuri biex jillimitaw l-imġiba spekulattiva dannuża u li jirriflettu l-ħtiġijiet lokali
|
SM, awtoritajiet reġjonali u lokali
|
|
|
Azzjoni 8. Jitmexxew ’il quddiem ir-riformi strutturali tal-Istati Membri
|
|
Monitoraġġ aktar b’saħħtu u rakkomandazzjonijiet immirati fl-ambitu tas-Semestru Ewropew
|
KE
|
Mill-2026
|
|
Titrawwem statistika Ewropea relatata mal-akkomodazzjoni u jiġi stabbilit punt ta’ aċċess fil-livell tal-UE għad-data u għall-analiżi tas-suq tal-akkomodazzjoni
|
KE, SM
|
|
|
Jiġi identifikat fejn il-politika u l-finanzjament tal-UE jista’ jkollhom l-akbar impatt biex itejbu l-funzjonament tas-swieq tal-akkomodazzjoni
|
KE, SM
|
|
|
Jingħata appoġġ lill-Istati Membri fit-tfassil ta’ politiki dwar it-tassazzjoni li jippromwovu l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni
|
KE, SM
|
|
|
Jingħata appoġġ tekniku u finanzjarju lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-bliet biex iwettqu r-riformi
|
KE
|
Mill-2026
|
|
Jiġu implimentati riformi ambizzjużi u komprensivi ffukati fuq l-affordabbiltà
|
SM
|
|
|
Pilastru IV. Jingħata appoġġ lil dawk l-aktar milqutin
|
|
Azzjoni 9. Akkomodazzjoni għaż-żgħażagħ
|
|
Jiġu mmobilizzati l-investimenti għall-akkomodazzjoni tal-istudenti
|
KE, SM
|
|
|
Tiġi vvalutata l-fattibbiltà ta’ skema ta’ garanzija biex titnaqqas/tiġi eliminata l-ħtieġa ta’ depożitu ta’ sigurtà
|
KE, Grupp tal-BEI
|
|
|
Jiġu identifikati u mxerrda mudelli ta’ akkomodazzjoni innovattivi għall-istudenti u għaż-żgħażagħ
|
KE, SM
|
|
|
Skema pilota fil-qafas ta’ Erasmus+ għal studenti mobbli minn sfondi żvantaġġati
|
KE, bliet
|
|
|
Jiġu żviluppati u implimentati skemi mmirati biex itejbu l-aċċess għall-akkomodazzjoni għaż-żgħażagħ
|
SM
|
|
|
Azzjoni 10. L-indirizzar tal-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar u l-appoġġ lill-inkwilini u lill-unitajiet domestiċi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli
|
|
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-esklużjoni fil-qasam tal-akkomodazzjoni
|
KE, SM
|
2026
|
|
Jiġi mmobilizzat investiment ġdid fl-akkomodazzjoni soċjali u soluzzjonijiet immexxija mill-akkomodazzjoni għall-persuni mingħajr dar permezz tal-Pjattaforma ta; Investiment Pan-Ewropea
|
KE, BEI, NPBIs, IFIs
|
Q3 2026
|
|
Jiġu identifikati mudelli u jiġu kondiviżi prattiki tajbin li jikkombinaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà tas-sidien mas-sigurtà tal-inkwilini
|
KE
|
|
|
Jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku u jiġu protetti l-persuni vulnerabbli mill-qtugħ tas-servizz permezz tal-Pakkett dwar l-Enerġija għaċ-Ċittadini
|
KE
|
2026
|
|
Jiżdied l-appoġġ għal persuni mingħajr dar u għal gruppi oħra f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, inkluż permezz tal-pjanijiet ta’ sħubija nazzjonali u reġjonali fl-ambitu tal-QFP li jmiss
|
KE, reġjuni
|
|
|
Tiżdied it-trasparenza tal-ftehimiet ta’ kiri
|
SM, awtoritajiet reġjonali u lokali
|
|
|
Alleanza Ewropea għall-Akkomodazzjoni biex issaħħaħ il-kooperazzjoni madwar l-UE
|
|
Is-Summit tal-UE dwar l-Akkomodazzjoni
|
KE, il-Kunsill, SM
|
2026
|
|
L-Alleanza Ewropea għall-Akkomodazzjoni
|
KE
|
2026
|
|
Programm ta’ apprendiment reċiproku dwar il-governanza f’diversi livelli b’rabta mal-akkomodazzjoni
|
KE, SM, reġjuni, awtoritajiet lokali
|
Q3 2026
|