IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.12.2025
COM(2025) 1005 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
“Il-Pakkett dwar il-Grilji Ewropej”
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.12.2025
COM(2025) 1005 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
“Il-Pakkett dwar il-Grilji Ewropej”
1.Introduzzjoni
Matul dawn l-aħħar snin, l-Unjoni Ewropea sabet ruħha f’salib it-toroq kritiku minħabba ċaqliq ġeopolitiku globali u fluttwazzjonijiet kummerċjali mingħajr preċedent. Il-gwerra ta’ aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna enfasizzat l-importanza enormi tas-sigurtà u tal-kompetittività tal-enerġija fit-tiswir tad-destin kollettiv tagħna. Huwa essenzjali li niżguraw li l-kumpaniji u ċ-ċittadini tagħna, irrispettivament mill-Istat Membru li jinsabu fih, ikollhom aċċess għal enerġija nadifa, abbundanti u affordabbli prodotta fl-Ewropa.
Madankollu, dan jista’ jitwettaq biss billi tissaħħaħ l-infrastruttura tal-enerġija tagħna, is-sinsla mhux biss tas-sistema tal-enerġija tagħna iżda tal-Ewropa nnifisha. Il-grilji huma ċentrali għal dan l-isforz. Billi jippermettu li l-fluss effiċjenti tal-enerġija fost l-Istati Membri, bl-integazzjoni ta’ enerġija nadifa orħos u bl-aċċellerazzjoni tal-elettrifikazzjoni, dawn jgħinu biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija u jappoġġaw l-għajxien affordabbli għall-Ewropej kollha kif enfasizzat fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għal Enerġija Affordabbli. 1 Fl-istess ħin, dawn jiżguraw provvista sigura u affidabbli u jippermettu lill-pajjiżi jappoġġaw lil xulxin fi żminijiet ta’ bżonn, f’konformità mal-objettivi tar-REPowerEU u jippermettu l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-enerġija Russi 2 .
Minkejja l-progress miksub fil-qafas legali kurrenti tal-UE, għad għandna ftit wisq enerġija prodotta lokalment u ma ntlaħaqx il-livell ta’ interkonnettività fost l-Istati Membri li jippermetti Unjoni tal-Enerġija ġenwina, peress li diversi Stati Membri ma humiex fit-triq it-tajba biex jilħqu l-mira ta’ interkonnessjoni ta’ 15 % sal-2030. Il-kost ta’ nuqqas ta’ azzjoni huwa xokkanti: fl-2022, il-fjuwils fossili kellhom l-akbar sehem tal-użu gross tal-enerġija disponibbli tal-UE (70 %) fl-UE, bi 98 % taż-żejt kollu u tal-gass kollu użat fl-Istati Membri importat 3 . Dan jesponi lill-UE għal volatilità fil-prezzijiet u għal riskji ġeopolitiċi. Fl-2024, l-Ewropa nefqet madwar EUR 375 biljun fuq l-importazzjonijiet ta’ fjuwils fossili 4 . B’kuntrast qawwi għal dan, l-investiment fl-enerġija rinnovabbli u fil-grilji għadu relattivament baxx: l-Ewropa nefqet USD 117-il biljun fl-2025, filwaqt li ċ-Ċina nefqet USD 327 biljun 5 .
L-integrazzjoni insuffiċjenti u n-nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija tagħna għandhom impatt dirett fuq il-kontijiet tal-enerġija taċ-ċittadini Ewropej u fuq l-iżvilupp ta’ setturi strateġiċi madwar l-UE, bħal industriji b’emissjonijiet żero netti jew diġitali. Ir-rapporti ta’ Draghi u Letta jenfasizzaw li l-prezzijiet tal-elettriku tagħna għadhom darbtejn sa 3 darbiet ogħla minn dawk fl-Istati Uniti; Il-prezzijiet bl-imnut tal-elettriku tal-UE għall-industrija fit-tieni trimestru tal-2024 kienu 2,2 drabi ogħla minn dawk fl-Istati Uniti, id-doppju ta’ dawk fiċ-Ċina u 1,2 darba ogħla milli fil-Ġappun (storikament aktar baxxi) 6 . Fl-ewwel nofs tal-2025, il-prezz medju tal-elettriku għall-konsumaturi tal-UE varja minn EUR 0,3835 għal kull kWh fil-Ġermanja għal EUR 0,1040 għal kull kWh fl-Ungerija, filwaqt li l-prezzijiet tal-elettriku mhux tal-unitajiet domestiċi varjaw minn EUR 0,2726 għal kull kWh fl-Irlanda għal EUR 0,0804 għal kull kWh fil-Finlandja 7 . Raġuni ewlenija għal din id-disparità hija l-livell insuffiċjenti ta’ investiment fl-infrastruttura tagħna u fl-integrazzjoni tagħha. Jekk ma niħdux azzjoni, 45 % tal-ħtiġijiet tal-kapaċità tal-elettriku transfruntieri (ugwali għal 41 GW) 8 se jibqgħu mhux indirizzati sal-2030 u l-enerġija rinnovabbli mhux użata tista’ tilħaq sa 310 TWh sal-2040, 9 kważi nofs il-konsum tal-elettriku fl-2023.
Min-naħa l-oħra, il-benefiċċji jekk tittieħed azzjoni huma ċari: l-integrazzjoni mtejba tas-suq tista’ twassal għal iffrankar annwali fil-kostijiet ta’ EUR 40 biljun, filwaqt li t-tisħiħ tal-kummerċ transfruntier tal-elettriku b’50 % jista’ jżid it-tkabbir annwali tal-PDG tal-UE b’madwar EUR 18-il biljun sal-2030 (jew 0,1 % 10 ). Sal-2030, se jkollna nuqqas ta’ 88 GW fil-kapaċità transfruntiera ta’ trażmissjoni tal-elettriku. L-investiment ta’ EUR 5 biljun inaqqas il-kostijiet tas-sistema b’EUR 8 biljun, b’hekk joħloq gwadann ekonomiku nett ta’ EUR 3 biljun u jenfasizza kif l-iżvilupp tal-grilja jista’ jwassal għal valur miżjud u ffrankar fil-kostijiet reali għall-Ewropej 11 .
Għalhekk huwa essenzjali li flimkien nieħdu azzjoni deċiżiva biex insolvu kwistjonijiet strutturali fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija tal-UE biex inwettqu b’suċċess Unjoni tal-Enerġija ġenwina li tippermetti l-indipendenza enerġetika, issaħħaħ il-kompetittività tagħna, tixpruna d-dekarbonizzazzjoni u trawwem is-sigurtà tal-enerġija tagħna. Il-Pakkett dwar il-Grilji Ewropej ippreżentat mill-Kummissjoni llum għandu l-għan li jagħmel eżattament dan. Filwaqt li tikkomplementa dawn il-miżuri, l-inizjattiva tal-Awtostradi tal-Enerġija, imnedija fl-2025 mill-President von der Leyen fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni, tfittex li taċċellera l-progress fuq proġetti infrastrutturali tal-enerġija li huma kritiċi u meħtieġa b’mod urġenti permezz ta’ azzjoni immedjata, filwaqt li tiżgura li nistgħu nużaw il-potenzjal sħiħ tas-sistema tal-enerġija tagħna biex nibnu Ewropa aktar reżiljenti, kompetittiva u sostenibbli.
2. L-indirizzar tal-konġestjonijiet strutturali permezz tal-Pakkett dwar il-Grilji Ewropej
A.Il-bini ta’ futur tal-enerġija unifikat: it-tisħiħ tal-ippjanar tal-infrastruttura transfruntiera madwar l-UE u l-massimizzazzjoni tal-użu tal-infrastruttura eżistenti
Il-qafas kurrenti tal-ippjanar tal-grilja skont ir-Regolament TEN-E avvanza b’mod sinifikanti l-koordinazzjoni u l-iżvilupp ta’ proġetti infrastrutturali tal-enerġija transfruntieri. Mill-2014, 124 Proġett ta’ Interess Komuni (PCIs, Projects of Common Interests) u Proġett ta’ Interess Reċiproku (PMIs, Projects of Mutual Interests) ġew appoġġati bi EUR 8,4 biljun mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), b’hekk ġew żblukkati mill-inqas EUR 15,8 biljun f’investimenti privati 12 . Madankollu, azzjoni ulterjuri hija essenzjali biex tiġi żgurata koordinazzjoni bla xkiel fil-livelli ta’ governanza nazzjonali, reġjonali u tal-UE u bejn is-setturi, biex tiġi żgurata grilja kompletament ottimizzata u interkonnessa.
Biex isir dan, filwaqt li nibnu fuq l-istrutturi eżistenti, fuq l-esperjenza miksuba sa issa u fuq il-kooperazzjoni reġjonali msaħħa, irridu nimxu lejn qafas tal-UE għall-ippjanar infrastrutturali tal-enerġija transfruntier li jippermetti identifikazzjoni aktar koordinata u robusta tal-ħtiġijiet, u b’hekk jiġi żgurat li l-proġetti jikkonformaw mal-objettivi Ewropej kurrenti u futuri. Il-Pakkett jappoġġa wkoll network Ewropew tal-enerġija konness aħjar, li jsaħħaħ l-awtonomija strateġika, is-sigurtà u r-reżiljenza tal-Ewropa, filwaqt li jrawwem kooperazzjoni msaħħa ma’ sħab ġirien miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), mill-Komunità tal-Enerġija u mis-Sħubija tal-Lvant u l-Viċinat tan-Nofsinhar.
Wara l-pakkett propost tal-lum, fi żmien sentejn mill-promulgazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni se tiżviluppa xenarju ċentrali komprensiv tal-UE, konsistenti mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-UE u se twassal sistema kosteffiċjenti, kompetittiva u sigura fil-livell tal-UE. Ix-xenarju ċentrali se jkun ibbażat fuq l-input mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha li jqisu s-sinerġiji fost is-setturi. Abbażi ta’ dan, in-network Ewropew tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni (ENTSOs, European Network of Transmission System Operators) u n-Network Ewropew tal-Operaturi ta’ Network għall-Idroġenu (ENNOH, European Network of Network Operators for Hydrogen) imbagħad jidentifikaw il-ħtiġijiet tal-infrastruttura.
Barra minn hekk, huwa meħtieġ intervent Ewropew imsaħħaħ meta tkun ġiet identifikata ħtieġa ta’ kapaċità transfruntiera, madankollu ma ġewx ippreżentati proposti għal proġetti rilevanti biex dan jiġi indirizzat. Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tibda proċess ta’ “indirizzar tad-diskrepanzi”, ibbażat fuq kooperazzjoni reġjonali b’saħħitha, u għandha tistieden lill-operaturi tas-sistema u eventwalment lill-promoturi tal-proġetti, biex jipproponu proġetti ħalli jindirizzaw ħtiġijiet mhux abbinati ma’ xi proġetti.
Sabiex tinkiseb sistema integrata, hija essenzjali koordinazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-ippjanar nazzjonali u Ewropew, peress li l-elementi tan-network intern jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-iżvilupp tal-infrastruttura transfruntiera, li min-naħa tiegħu jaffettwa l-kummerċ transfruntier. Għalhekk, l-ippjanar tal-grilji tad-distribuzzjoni għandu jkun ikkoordinat sew mal-ippjanar fil-livell tat-trażmissjoni u għandu jinvolvi mill-qrib kemm lill-pubbliku kif ukoll lill-industrija, sabiex il-grilji futuri jkunu lesti biex jakkomodaw iż-żieda fil-ġenerazzjoni u fid-domanda tal-elettriku. F’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, il-Kummissjoni se tkompli tavvanza din il-ħidma skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2023 dwar il-Grilji 13 .
Sadanittant, il-massimizzazzjoni tal-użu tal-infrastruttura eżistenti qabel l-investiment f’kapaċità ġdida hija kruċjali għall-ksib ta’ tranżizzjoni tal-enerġija affordabbli u sostenibbli u għall-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija. F’konformità mal-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”, l-użu akbar tal-grilji intelliġenti tal-elettriku, tat-teknoloġiji innovattivi u diġitali u tal-miżuri tal-effiċjenza tan-network jeħtieġ li jiġu inċentivati ulterjorment kemm fil-livell tan-network kif ukoll fil-livell tal-utenti, filwaqt li tiġi żgurata kapaċità suffiċjenti tal-grilja biex tiġi ssodisfata d-domanda addizzjonali fil-ħin. Bħala eżempju, l-użu ta’ teknoloġiji li jtejbu l-grilja jista’ jżid il-kapaċità ġenerali tan-network fl-Ewropa b’20 % sa 40 % sal-2040 u jnaqqas il-kostijiet b’35 % meta mqabbla mal-espansjoni tradizzjonali tan-network sal-2040 14 . Il-Pakkett dwar il-Grilji Ewropej jipproponi li dawn il-prinċipji jiġu stabbiliti sew fl-ippjanar tan-network u li jiġu promossi proġetti relatati flimkien mal-estensjoni tal-infrastruttura fiżika. Il-pjattaforma ta’ Technopedia li għadha kif tnediet turi l-aħjar prattiki fit-teknoloġiji innovattivi u li jsaħħu l-grilja 15 . Is-sena d-dieħla, il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll Pjan Direzzjonali Strateġiku għad-Diġitalizzazzjoni u għall-IA fis-settur tal-enerġija, li għandu jgħin biex iżid is-soluzzjonijiet intelliġenti fost il-grilji Ewropej. L-għodod diġitali jistgħu jgħinu biex tiġi indirizzata żieda fil-volatilità b’mod partikolari mill-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, infrastruttura kbira tad-data u tal-cloud tista’ tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-istabbiltà tal-grilja u għaldaqstant se titqies matul il-proċedura ta’ ppjanar.
Barra minn hekk, peress li l-aċċess għall-grilji qed jibda jkun ta’ sfida f’xi Stati Membri, soluzzjonijiet kreattivi jistgħu jgħinu biex tiġi liberata l-kapaċità u biex il-kjuwijiet jiġu ġestiti b’mod effiċjenti. Il-Gwida dwar il-konnessjonijiet effiċjenti tal-grilja adottata llum tipprovdi rakkomandazzjonijiet u tikkondividi prattiki tajbin li l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu japplikaw biex jindirizzaw dawn l-isfidi immedjatament u jagħmlu l-aktar użu effiċjenti mill-grilji eżistenti. Dawn jinkludu l-applikazzjoni tal-prinċipju “min ilesti l-ewwel jinqeda l-ewwel”, kriterji ta’ maturità trasparenti għat-talbiet kollha ta’ konnessjoni, l-istabbiliment ta’ stadji importanti ċari għall-iżvilupp ta’ proġetti b’penali assoċjati għan-nuqqas ta’ konformità u t-twettiq ta’ monitoraġġ u tindif regolari tal-kjuwijiet ta’ konnessjoni.
Għalhekk, il-Pakkett dwar il-Grilji għandu rwol ewlieni fl-iżgurar li s-suq tal-elettriku tagħna jibqa’ robust u effettiv. Dan isaħħaħ l-użu effiċjenti tal-infrastruttura eżistenti, u b’hekk jikkontribwixxi biex il-kapaċità ta’ trażmissjoni ta’ 70 % tkun disponibbli għall-kummerċ tal-elettriku transżonali 16 . Barra minn hekk, huwa jappoġġa l-impenn tagħna li sal-2030 tintlaħaq il-mira tal-interkonnessjoni tal-elettriku ta’ 15 %, filwaqt li jħejji l-ħidma għar-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Governanza biex jallinja mal-ambizzjoni tagħna dwar il-klima u l-enerġija għad-deċennju li ġej.
B.Nimplimentaw il-pjanijiet f’azzjoni: l-aċċellerazzjoni tat-twettiq tal-proġetti infrastrutturali tal-enerġija fil-prattika
L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u tal-proġetti tal-infrastruttura hija biss nofs il-vjaġġ. Anki meta jiġu definiti l-proġetti, il-kostruzzjoni spiss tieqaf minħabba proċeduri twal ta’ ħruġ tal-permessi, nuqqas ta’ aċċettazzjoni pubblika, ostakli ta’ finanzjament jew diffikultajiet fil-kondiviżjoni tal-kostijiet bejn l-Istati Membri. Dawn kollha jridu jiġu indirizzati filwaqt li jittejbu s-sigurtà u r-reżiljenza tal-infrastruttura tagħna kemm kontra tfixkil intenzjonat kif ukoll kontra tfixkil aċċidentali.
L-ewwel nett, il-ħruġ ta’ permessi bil-mod għadu wieħed mill-ostakli l-aktar sinifikanti għall-użu f’waqtu tal-infrastruttura u tal-ġenerazzjoni tal-enerġija fl-UE. Fl-2023, 26 % tal-PCIs tal-elettriku ddewmu b’medja ta’ 12-il xahar skont l-ACER, bil-ħruġ tal-permess waħdu jammonta għal aktar minn nofs l-iskeda ta’ żmien totali tal-implimentazzjoni tal-infrastruttura tal-elettriku 17 . Bl-istess mod, l-iskedi ta’ żmien għall-ħruġ ta’ permessi jvarjaw ħafna madwar l-Istati Membri, bil-grilji tat-trażmissjoni jieħdu medja ta’ 5 snin 18 , il-PCIs bħala medja jieħdu 4,3 snin 19 , il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jieħdu sa 9 snin, 20 l-installazzjonijiet tal-ħżin bejn sena u 21 7 snin u l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar sa sentejn. 22
Fl-2022 u fl-2023, l-UE ħadet passi notevoli biex tħaffef il-ħruġ tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija u l-infrastruttura rinnovabbli, inkluż permezz tar-Regolament dwar l-Emerġenzi (applikabbli sa Ġunju 2025) u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED, Renewable Energy Directive). Madankollu, id-dewmien ikompli jippersisti, b’mod partikolari fl-integrazzjoni tal-istazzjonijiet tal-ħżin u tal-iċċarġjar indipendenti. Barra minn hekk, filwaqt li l-valutazzjoni ambjentali hija meħtieġa biex tiżgura kemm il-protezzjoni tal-bijodiversità kif ukoll l-aċċettazzjoni soċjali tal-proġetti, il-modalitajiet ta’ bħalissa tagħha ma jkoprux b’mod effettiv l-ispeċifiċità tal-proġetti b’impatt ambjentali minimu u jistgħu jikkawżaw dewmien bla bżonn.
F’dan l-isfond, il-Pakkett dwar il-Grilji Ewropej, f’koordinazzjoni mal-qafas regolatorju tal-UE dwar il-protezzjoni ambjentali, jistabbilixxi qafas fil-livell tal-UE biex jissimplifika u jaċċellera l-proċeduri tal-ħruġ ta’ permessi għall-infrastruttura kollha tal-grilja, il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, il-proġetti ta’ ħżin u l-istazzjonijiet tal-irriċarġjar u jsaħħaħ ulterjorment id-dispożizzjonijiet għall-PCIs/PMIs. Id-dekarbonizzazzjoni hija l-ewwel azzjoni li tista’ tgħin biex tissalvagwardja n-natura u tnaqqas it-tniġġis tal-arja. Dawn il-proċeduri tal-ħruġ ta’ permessi razzjonalizzati għandhom fil-mira tagħhom il-każijiet fejn, abbażi tal-esperjenza estensiva fl-implimentazzjoni tal-qafas legali kurrenti, l-impatti ambjentali huma limitati; il-bidliet proposti jgħinu biex jintlaħaq il-bilanċ bejn il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-użu rapidu ta’ sistema tal-enerġija nadifa. Dan jimmira li jilħaq l-għan ta’ limitazzjoni tal-proċess tal-ħruġ tal-permessi għal, skont it-tip ta’ proġett, sa sentejn fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, b’massimu ta’ 3 snin għall-aktar proġetti kumplessi.
Il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fl-ippjanar tal-proġetti u fl-operat hija essenzjali wkoll għall-bini tal-fiduċja u għall-ksib tal-miri tal-UE, u b’hekk jitnaqqsu l-isfidi ġudizzjarji twal. 23 Il-Pakkett dwar il-Grilji jeħtieġ li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli ta’ aktar minn 10 MW jirridistribwixxu l-benefiċċji lill-popolazzjoni lokali, lil hinn mill-komunitajiet tal-enerġija. Dan jippermetti wkoll li faċilitaturi indipendenti jappoġġaw id-djalogu u l-medjazzjoni bikrija, filwaqt li jnaqqsu ulterjorment ir-riskju ta’ sfidi ġudizzjarji u jrawmu l-iżvilupp kooperattiv. Biex tindirizza t-tħassib dwar l-aċċettazzjoni pubblika, il-Kummissjoni se toffri wkoll sett ta’ għodod prattiku dwar l-inklużjoni pubblika fl-ewwel trimestru tal-2026 u dan għandu jiffaċilita l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin u l-bini tal-kapaċità dwar kif jiġu involuti ċ-ċittadini u l-awtoritajiet lokali u se jippromwovi l-kondiviżjoni tal-benefiċċji tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. 24
It-tieni sfida ġejja mid-domanda dejjem tikber għall-infrastruttura tal-enerġija, li qed tpoġġi pressjoni sinifikanti fuq il-ktajjen tal-provvista, id-disponibbiltà tal-ħaddiema u l-ħiliet, filwaqt li l-konġestjonijiet fil-manifattura qed jillimitaw dejjem aktar l-espansjoni u l-modernizzazzjoni tas-sistema tal-elettriku tagħna. Għalkemm l-Ewropa tospita manifatturi ewlenin tat-teknoloġija tal-grilja, il-kapaċità tal-produzzjoni kurrenti f’xi segmenti ma hijiex biżżejjed biex tissodisfa d-domanda 25 , u s-settur irid jagħmel espansjoni biex ilaħħaq.
Kif enfasizzat fil-gwida dwar il-konnessjonijiet effiċjenti tal-grilja, il-viżibbiltà tad-domanda hija essenzjali biex tiggwida d-deċiżjonijiet dwar l-investiment tal-industrija. Sabiex tgħin biex dan jiġi indirizzat, il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Entità Operatur tas-Sistema tad-Distribuzzjoni (DSO, distribution system operator) tal-UE biex tistabbilixxi, permezz tal-Forum għall-Infrastrutturi tal-Enerġija tal-2026, pjattaforma għall-ippjanar tan-network tad-distribuzzjoni tal-UE li se tipprovdi viżibbiltà fil-livell tad-distribuzzjoni fuq pjanijiet futuri u ħtiġijiet relatati tal-manifattura madwar l-Istati Membri. Il-Kummissjoni qed tavvanza b’mod attiv serje ta’ miżuri biex tiffaċilita l-pressjonijiet tal-katina tal-provvista, b’mod partikolari billi ssaħħaħ il-ħidma tagħha, mibdija taħt il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Grilja 13, biex tirrazzjonalizza u tarmonizza l-ispeċifikazzjonijiet teknoloġiċi komuni u r-rekwiżiti tekniċi kif ukoll ittejjeb l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ kurrent dirett b’voltaġġ għoli (HVDC, high-voltage direct current). Il-modernizzazzjoni tal-qafas Ewropew tal-Akkwist Pubbliku, imħabbar għas-sena d-dieħla, se tkun kruċjali wkoll fil-promozzjoni ulterjuri tal-objettiv li tiġi appoġġata l-bażi tal-manifattura tagħna, inklużi t-teknoloġiji tal-grilji li huma “Magħmulin fl-Ewropa”.
It-tielet, il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat hija meħtieġa biex tiġi żgurata introduzzjoni tal-grilja affordabbli. Peress li l-infrastruttura tal-grilja hija ffinanzjata l-aktar permezz ta’ tariffi, l-issodisfar tal-investimenti sostanzjali meħtieġa (EUR 1,2 triljun sal-2040 għall-grilji tal-elettriku, inklużi EUR 730 biljun għall-grilji tad-distribuzzjoni biss, u EUR 240 biljun għan-networks tal-idroġenu 26 ) joħloq sfida. Id-dipendenza fuq il-qafas kurrenti tista’ twassal għal prezzijiet ogħla għall-konsumaturi u b’hekk l-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam hija meħtieġa.
Għalhekk, jeħtieġ li niżguraw tariffi tan-network li jkunu validi għall-futur 27 , filwaqt li nesploraw modi addizzjonali ta’ finanzjament tal-infrastruttura fejn meħtieġ, inkluż billi nesiġu l-użu ta’ parti mill-introjtu mill-konġestjoni għall-investimenti fl-interkonnetturi fuq il-lista ta’ PCI/PMI. Barra minn hekk, hekk kif l-infrastruttura tal-enerġija transfruntiera qed tintegra dejjem aktar, aktar proġetti jwasslu benefiċċji lil hinn mit-territorji fejn jinbnew. B’hekk il-kondiviżjoni ġusta u trasparenti tal-kostijiet hija essenzjali biex jiġu evitati piżijiet sproporzjonati fuq il-konsumaturi lokali. Sabiex jindirizza dan, il-Pakkett dwar il-Grilji Ewropej għandu l-għan li jipprovdi aktar trasparenza, ċertezza u ġustizzja fil-mod kif jiġu vvalutati u kondiviżi l-kostijiet u l-benefiċċji u li jippermetti r-raggruppament tal-PCIs jew tal-PMIs sabiex jiġu ffaċilitati d-diskussjonijiet dwar il-kondiviżjoni tal-kostijiet. Ir-raggruppament jista’ wkoll jagħmel il-finanzjament aktar faċli, pereżempju permezz tal-istabbiliment ta’ veikoli bi skop speċjali, u b’hekk jattira investiment addizzjonali.
L-Ewropa qed iżżid l-appoġġ finanzjarju għall-infrastruttura tal-enerġija. Il-leġiżlazzjoni adottata dan l-aħħar dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-politika ta’ Koeżjoni tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jallokaw mill-ġdid il-finanzjament tal-2021–2027 għal prijoritajiet ewlenin, bħat-tranżizzjoni enerġetika 28 . Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 29 li jmiss, tinkludi Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa msaħħa b’mod sinifikanti. Madankollu, il-finanzjament tal-UE waħdu ma jistax jissodisfa l-ħtiġijiet enormi tagħna ta’ investiment. Il-baġit tal-UE jrid ikollu rwol aktar b’saħħtu fit-tneħħija tar-riskju tal-investiment privat u fl-isfruttar tal-finanzjament mill-investituri istituzzjonali. L-Istrateġija għall-Investiment fl-Enerġija Nadifa li ġejja se tipproponi azzjonijiet konkreti biex jattiraw u jiżguraw appoġġ imsaħħaħ mill-investiment tas-settur privat, inkluż b’appoġġ mill-BEI, sieħeb ewlieni fl-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-grilja.
Għall-idroġenu, l-iżvilupp tal-proġett għadu bil-mod minħabba bankabbiltà limitata u minħabba riskji għoljin tul il-katina tal-valur. Biex tindirizza dan, il-Kummissjoni se tivvaluta u, fejn rilevanti, se tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet possibbli, bħal kuntratti għad-differenza jew il-koordinazzjoni transfruntiera ta’ għodod regolatorji, inkluż bħala parti mill-gruppi reġjonali ta’ Livell Għoli, biex tiżgura progress ikkoordinat u biex tgħin biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-finanzjament.
Ir-raba’, it-tisħiħ tas-sigurtà u tar-reżiljenza tal-infrastruttura tal-enerġija tagħna huwa kritiku fil-kuntest ġeopolitiku tal-lum u fid-dawl taż-żieda fir-riskji relatati mal-klima. L-inċidenti reċenti fil-Baħar Baltiku, inklużi d-danni lill-Balticconnector u lill-Estlink 2, jenfasizzaw il-vulnerabbiltajiet tal-assi tal-enerġija transfruntieri, filwaqt li l-avvenimenti relatati mal-klima u t-tfixkil aċċidentali jibqgħu riskji sinifikanti għas-sigurtà tal-provvista tagħna.
Sabiex tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza enerġetika tal-UE, il-Pakkett dwar il-Grilji jintegra kunsiderazzjonijiet fiżiċi u taċ-ċibersigurtà fl-ippjanar transfruntier tal-proġetti mill-bidu, jippromwovi r-reżiljenza u s-sigurtà permezz tad-disinn għal infrastruttura ġdida, itejjeb it-trasparenza fis-sjieda biex tiġi evitata d-dipendenza fuq entitajiet barranin b’riskju għoli u jiżgura li t-titjib fiżiku u taċ-ċibersigurtà u tar-reżiljenza tal-infrastruttura eżistenti jkunu eliġibbli għall-finanzjament tal-FNE filwaqt li jiġi evitat trikkib fuq appoġġ b’finanzjament ieħor tal-UE. Barra minn hekk, filwaqt li tibni fuq il-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Sigurtà tal-Kejbils, il-Kummissjoni se tkompli bil-ħidma tagħha permezz ta’ Ċentri Reġjonali tal-Kejbils u se ssaħħaħ l-applikazzjoni tas-Sett ta’ Għodod għas-Sigurtà tal-Kejbils 30 .
3. Tmien prijoritajiet għas-sinsla tal-enerġija tal-Ewropa: l-Inizjattiva tal-Awtostradi tal-Enerġija
Fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni fl-10 ta’ Settembru 2025, il-President von der Leyen ħabbret tmien “Awtostradi tal-Enerġija”. Filwaqt li jibnu fuq il-PCIs u l-PMIs eżistenti skont il-qafas tat-TEN-E, kif ukoll fuq proġetti ewlenin imsemmija fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli, l-Awtostradi tal-Enerġija jindirizzaw l-aktar ħtiġijiet urġenti tal-infrastruttura tal-enerġija li jeħtieġu appoġġ u impenn addizzjonali partikolari għal żmien qasir għall-implimentazzjoni biex jiġu indirizzati l-konġestjonijiet li jxekklu l-progress 31 .
L-Awtostradi tal-Enerġija se jtejbu s-sigurtà tal-enerġija, se jnaqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, se jintegraw aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-grilja, se jippromwovu l-elettrifikazzjoni, se jnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija, se jaċċelleraw l-implimentazzjoni tar-REPowerEU u se jgħinu lill-Istati Membri jadattaw għall-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet Russi tal-fjuwils fossili. Ħafna mill-Awtostradi tal-Enerġija għandhom status ta’ PCI jew ta’ PMI fit-tieni lista tal-Unjoni ta’ PCIs u PMIs ippubblikata fl-1 ta’ Diċembru 2025, li fiha 235 proġett ta’ infrastruttura tal-enerġija transfruntiera fl-UE u li fiha wkoll sħab ta’ pajjiżi terzi bħas-Celtic Interconnector, il-Black Sea Interconnection Cable, Estlink 3. Skont il-qafas tat-TEN-E, il-PCIs u l-PMIs kollha fil-lista tal-Unjoni jibbenefikaw minn diversi vantaġġi, inkluż l-istatus ta’ prijorità u l-proċeduri razzjonalizzati għall-għoti ta’ permessi kif ukoll l-eliġibbiltà biex persuna tapplika għall-assistenza finanzjarja taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.
Illustrazzjoni 1: Mappa tat-Tmien Awtostradi tal-Enerġija
1. Il-punt ta’ qsim tal-Pirinej 1 u l-punt ta’ qsim tal-Pirinej 2 [Integrazzjoni aħjar tal-Peniżola Iberika b’interkonnetturi tal-enerġija tul il-Pirinej lejn Franza]
2. L-Interkonnettur tal-Baħar il-Kbir [Nikkollegaw lil Ċipru mal-Ewropa kontinentali biex jintemm l-iżolament tal-elettriku tagħha]
3. Harmony Link [It-tisħiħ tar-rabtiet tal-enerġija mal-Istati Baltiċi]
4. Fluss fid-direzzjoni opposta tal-Pipeline TransBalkan (TBP, TransBalkan Pipeline) [It-titjib tal-provvisti tal-enerġija fir-reġjun tal-Balkani u fl-Istati ġirien tal-Lvant]
5. Il-Gżira tal-Enerġija Bornholm [Inbiddlu l-Baħar Baltiku f’ċentru ta’ interkonnetturi lil hinn mill-kosta]
6. Titjib tal-istabbiltà tal-prezzijiet u s-sigurtà tal-enerġija fix-Xlokk tal-Ewropa
7. Kuritur SoutH2 [Il-kuritur tal-idroġenu tan-Nofsinhar]
8. Il-kuritur tal-idroġenu tal-Lbiċ mill-Portugall għall-Ġermanja
Il-Kummissjoni hija impenjata li tħaffef minnufih l-Awtostradi tal-Enerġija permezz ta’ koordinazzjoni politika msaħħa, billi tibbaża fuq il-Gruppi Reġjonali ta’ Livell Għoli, billi timmobilizza l-appoġġ tal-koordinaturi Ewropej fejn rilevanti u billi taħdem mill-qrib mat-Task Force tal-Unjoni tal-Enerġija, filwaqt li testendi l-komunikazzjoni lil hinn mill-Istati Membri tal-UE fejn meħtieġ. Kull proġett se jingħata prijorità fil-livell tal-UE, u l-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri biex jingħataw l-istess prijorità fil-livell nazzjonali.
Sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni transfruntiera effettiva dwar il-ħruġ ta’ permessi, il-Kummissjoni se tiffoka fuq proġetti ta’ prijorità identifikati tal-interkonnetturi, filwaqt li se ssaħħaħ l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni ta’ proċeduri konġunti għal proċess ta’ ħruġ ta’ permessi effettiv u effiċjenti bl-appoġġ ta’ Koordinatur Ewropew, fejn xieraq. Abbażi ta’ din l-esperjenza, bil-koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-proċeduri għall-għoti ta’ permessi, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra azzjoni ulterjuri. Barra minn hekk, biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet tal-ħruġ tal-permessi u d-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għall-enerġija rinnovabbli, il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri permezz ta’ azzjonijiet iddedikati li se jikkomplementaw il-qafas regolatorju għall-ħruġ ta’ permessi. Dan se jinkludi għodod ta’ ingranaġġ bħall-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku u l-esplorazzjoni tal-ħolqien ta’ faċilità pilota dwar il-ħruġ ta’ permessi permezz ta’ faċilitajiet konsultattivi eżistenti biex jittejjeb il-bini tal-kapaċità u l-aċċess għall-finanzjament għall-investimenti u għar-riformi dwar il-ħruġ ta’ permessi. Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll il-kondiviżjoni tal-għarfien dwar il-possibbiltajiet ta’ finanzjament u l-iżvilupp ta’ pjattaformi diġitali ġodda għall-ħruġ ta’ permessi permezz tal-Grupp ta’ Esperti tal-Ħruġ ta’ Permessi.
Xi proġetti diġà huma rikonoxxuti bħala Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEIs, Important Projects of Common European Interest), li jġibu benefiċċji addizzjonali f’termini ta’ finanzjament u koordinazzjoni. Bl-istess mod, l-awtostradi tal-punt ta’ qsim tal-Pirinej 1 u tal-punt ta’ qsim tal-Pirinej 2, il-kuritur tal-idroġenu tal-Lbiċ u l-awtostrada tal-Ewropa tax-Xlokk se jiġu ddeżinjati bħala proġetti pilota taħt l-Għodda ta’ Koordinazzjoni tal-Kompetittività (CCT, Competitiveness Coordination Tool) li tippermettilhom jibbenefikaw mill-approċċ tal-gvern kollu tal-għodda u mill-kapaċità speċifika biex jiġu indirizzati kwistjonijiet orizzontali. L-azzjonijiet ta’ prijorità li se jiġu stabbiliti taħt is-CCT se jitwettqu flimkien mal-isforzi tal-gruppi jew tal-fora rispettivi ta’ Livell Għoli u se jirriflettu l-ħtiġijiet rispettivi ta’ kull awtostrada, bħat-titjib tal-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija, l-indirizzar ta’ kwistjonijiet tal-katina tal-provvista jew l-isfidi ta’ finanzjament.
Barra minn hekk, l-Awtostradi tar-reġjuni tal-Baltiku u tal-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk dan l-aħħar ġew assenjati Koordinaturi Ewropej taħt il-qafas tat-TEN-E, 32 biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni f’waqtha tal-proġetti billi jiġi promoss id-djalogu transfruntier, jiġu appoġġati l-ħruġ ta’ permessi u l-finanzjament, jiġi żgurat l-appoġġ tal-Istati Membri u jsir rappurtar dwar il-progress u l-ostakli. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll l-istrutturi eżistenti u se tiżgura riżorsi ddedikati biex jinkiseb fokus akbar u kontinwu fuq it-twettiq tat-tmien Awtostradi tal-Enerġija, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Koordinaturi Ewropej, fejn xieraq.
Il-Kummissjoni se tikkollabora b’mod attiv mal-Istati Membri kollha kkonċernati billi tagħmel użu sħiħ mis-sett ta’ għodod ta’ hawn fuq biex tiżgura l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Awtostradi tal-Enerġija. Se jiġu pprovduti aġġornamenti regolari tal-progress lill-Kunsill Ewropew biex jiġi żgurat impenn politiku filwaqt li jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabbiltà.
Anness: Azzjoni mmirata addizzjonali għal żmien qasir għal kull waħda mill-Awtostradi tal-Enerġija
Minbarra l-appoġġ orizzontali ppreżentat hawn fuq, il-Kummissjoni se tipprovdi azzjonijiet immirati għal żmien qasir biex tindirizza sfidi speċifiċi għal kull waħda mill-Awtostradi, biex tiżgura progress konkret u riżultati li jistgħu jinkisbu fis-6-9 xhur li ġejjin.
1. Punt ta’ qsim tal-Pirinej 1 u Punt ta’ qsim tal-Pirinej 2 [Interkonnessjonijiet tal-elettriku tul il-Pirinej biex il-Peniżola Iberika tiġi integrata aħjar]
Il-Peniżola Iberika għadha ma hijiex konnessa biżżejjed mal-bqija tas-suq tal-enerġija tal-UE, bil-kapaċità transfruntiera kurrenti bejn Franza u Spanja limitata għal 2,5 GW. Dan ifixkel l-integrazzjoni tas-suq, jixpruna d-differenzjali persistenti tal-prezzijiet u jillimita l-integrazzjoni rinnovabbli. Minbarra l-proġett ta’ interkonnessjoni tal-Golf tal-Biskalja li qed jinbena, l-objettiv ta’ dawn iż-żewġ proġetti addizzjonali tal-Pirinej huwa li tiżdied il-kapaċità totali ta’ interkonnessjoni għal 8 GW sal-2040, li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema u li titnaqqas ir-restrizzjoni tar-rinnovabbli. Iż-żewġ proġetti ta’ interkonnessjoni Pirinejani ġew ikkonfermati mill-ġdid fil-lista ta’ PCI/PMI kurrenti bħala proġetti ta’ prijorità biex tiġi indirizzata din il-konġestjoni. F’Mejju 2025, il-proġett Navarra (ES) - Landes (FR) irċieva għotja ta’ EUR 11,1 miljun mill-Faċilità Nikkolegaw l-Ewropa (FNE) għall-istudji ta’ tħejjija. Minkejja l-importanza strateġika tagħhom, il-progress kien relattivament bil-mod, b’aktar ħidma meħtieġa fuq it-tisħiħ intern u biex jiġi kkjarifikat l-approċċ ta’ finanzjament.
Azzjonijiet fuq żmien qasir: Il-Kummissjoni se taħdem biex tiffaċilita dikjarazzjoni politika konġunta fil-laqgħa Ministerjali li jmiss tal-Grupp ta’ Livell Għoli tal-Ewropa tal-Lbiċ (l-ewwel trimestru tal-2026), bl-għan li tikkonferma l-bidu tal-implimentazzjoni għal mill-inqas wieħed mill-proġetti u tindirizza t-tisħiħ tal-grilja interna meħtieġ.
2. L-Interkonnettur tal-Baħar il-Kbir [Interkonnessjoni tal-elettriku ta’ Ċipru mal-Ewropa kontinentali biex jintemm l-iżolament tal-elettriku]
Ċipru huwa l-aħħar Stat Membru tal-UE mhux konness mal-grilja tal-elettriku Ewropea 33 , u dan jillimita l-integrazzjoni tiegħu fis-suq intern tal-enerġija u jillimita l-opportunitajiet għall-integrazzjoni rinnovabbli. L-Interkonnettur tal-Baħar il-Kbir ippjanat bejn il-Greċja u Ċipru se jindirizza din id-diskrepanza, u se jtemm l-iżolament tal-elettriku ta’ Ċipru, filwaqt li se jappoġġa d-dekarbonizzazzjoni ta’ Ċipru u se jsaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija Ewropea. Dan se jiffaċilita wkoll integrazzjoni akbar tal-enerġija rinnovabbli fir-reġjun tal-Mediterran usa’.
Il-proġett, li ġie rikonfermat fil-lista ta’ PCI/PMI kurrenti, se jkun l-itwal kejbil tal-enerġija taħt il-baħar fid-dinja, b’tul ta’ kważi 900 km. Dan ġie appoġġat minn għotjiet tal-FNE, inklużi EUR 2,3 miljun għal studji ta’ fattibbiltà u EUR 658 miljun għal xogħlijiet biex tinbena t-taqsima bejn il-Greċja u Ċipru. F’Mejju 2025, tlestiet ħidma fuq il-kejbil taħt il-baħar li jgħaqqad il-kontinent Grieg ma’ Kreta, pass kruċjali lejn l-interkonnessjoni sħiħa.
Il-progress fuq il-proġett ġie mfixkel minn kuntest ġeopolitiku kumpless, b’implikazzjonijiet potenzjali għall-iskedi ta’ żmien u għall-kostijiet. Il-valur strateġiku ta’ din l-interkonnessjoni jenfasizza l-importanza ta’ koordinazzjoni b’saħħitha bejn l-Istati Membri biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi u biex tiġi żgurata t-tlestija tal-proġett.
Azzjonijiet fuq żmien qasir: Il-Kummissjoni se tkompli tagħti appoġġ politiku u tekniku b’saħħtu lill-proġett tal-ogħla importanza strateġika f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Presidenza tal-Kunsill ta’ Ċipru li jmiss fl-2026, inkluż permezz ta’ avvenimenti ddedikati u diskussjonijiet ta’ livell għoli u b’impenn addizzjonali biex jiġu indirizzati l-aspetti ġeopolitiċi.
3. Harmony Link [It-tisħiħ tal-interkonnessjoni tal-Elettriku tal-Istati Baltiċi biex tingħata spinta lill-benefiċċji tas-sigurtà tal-indipendenza tagħhom mir-Russja]
Fid-9 ta’ Frar 2025, it-tliet Stati Baltiċi rnexxielhom jissinkronizzaw is-sistemi tal-elettriku tagħhom mal-Ewropa kontinentali, kisba importanti għas-sigurtà tal-enerġija Ewropea. Investiment ewlieni li jifdal taħt il-PCI tas-Sinkronizzazzjoni tal-Baltiku huwa l-interkonnettur Harmony Link bejn il-Litwanja u l-Polonja, li se jikkompleta l-integrazzjoni sħiħa tas-swieq tal-elettriku tal-Baltiku. Il-ħatra reċenti ta’ koordinazzjoni Ewropea għat-tlestija ta’ dan il-proġett għandha tappoġġa t-twettiq rapidu.
Ladarba titlesta, Harmony Link se ttejjeb l-integrazzjoni tas-suq, se tippermetti l-kummerċ tal-elettriku permezz tal-Polonja u se trawwem il-kompetizzjoni, u dan jista’ jnaqqas il-prezzijiet għall-konsumaturi u għan-negozji fir-reġjun. Dan se jiffaċilita wkoll l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Harmony Link se ssaħħaħ ukoll b’mod sinifikanti s-sigurtà tal-enerġija fl-Istati Baltiċi. Illum, l-interkonnettur LitPol Link huwa l-unika konnessjoni bejn il-Baltiċi u l-Ewropa kontinentali, u l-qtugħ tiegħu jkollu konsegwenzi serji għas-sistema tal-enerġija tal-Baltiku.
Azzjonijiet fuq żmien qasir: Il-Kummissjoni se tappoġġa t-twettiq f’waqtu ta’ dan il-proġett permezz ta’ kooperazzjoni reġjonali mtejba u se tieħu rendikont fil-livell Ministerjali matul il-laqgħa ta’ livell Għoli tal-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (BEMIP, Baltic Energy Market Interconnection Plan) li jmiss fl-2026, wara l-iffirmar tal-Memorandum ta’ Qbil tal-BEMIP aġġornat is-sena l-oħra, u se tiżgura li l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Grupp ta’ Livell Għoli tal-BEMIP il-ġdid tagħti prijorità lit-twettiq ta’ din l-awtostrada.
4. Fluss fid-direzzjoni opposta tal-Pipeline TransBalkan (TBP) [Reżiljenza tal-provvisti tal-enerġija fir-reġjun tal-Balkani u fil-viċinat tal-Lvant tagħna]
Il-fluss fid-direzzjoni opposta tal-Pipeline Trans-Balkan (TBP) ma huwiex proġett ta’ espansjoni tal-kapaċità, iżda sforz ikkoordinat fir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk biex jippermetti l-użu massimizzat tal-kapaċità eżistenti ta’ trażmissjoni tal-gass naturali fid-direzzjoni opposta, min-Nofsinhar sat-Tramuntana. Din il-funzjonalità hija kruċjali għad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-gass naturali fix-Xlokk tal-Ewropa u għat-tmiem tal-importazzjonijiet Russi.
B’kapaċità sinifikanti tat-trasport, it-TBP jista’ jkollu rwol ċentrali fid-diversifikazzjoni reġjonali u fl-ilħuq tal-objettivi tar-REPowerEU. Dan il-potenzjal se jikber ulterjorment mill-2027, meta huwa mistenni li ż-żona tal-gass Neptun Deep fir-Rumanija tiġi online. L-operazzjoni sħiħa min-Nofsinhar għat-Tramuntana tat-TBP, flimkien mad-diversifikazzjoni tas-sors, trawwem kummerċ, kompetizzjoni u likwidità tas-suq akbar fir-reġjun mingħajr il-ħtieġa ta’ infrastruttura ġdida li tiswa ħafna flus.
Minkejja dan il-potenzjal, l-ostakli regolatorji u tas-suq kurrenti f’diversi Stati Membri tul il-pipeline joħolqu ostakli għall-użu u għall-vijabbiltà kummerċjali tat-TBP. Il-ħatra reċenti ta’ Koordinatur Ewropew għar-reġjun tal-Konnettività tal-Enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (CESEC, Central and South Eastern Europe Energy Connectivity) se ssaħħaħ l-appoġġ tal-UE għar-riżoluzzjoni ta’ dawn l-ostakli.
Azzjonijiet fuq żmien qasir: Il-Kummissjoni se tintensifika l-koordinazzjoni taħt il-Grupp ta’ Livell Għoli tas-CESEC, mal-pajjiżi kollha kkonċernati inklużi l-Moldova u l-Ukrajna, bl-għan li żżid l-attraenza kummerċjali tal-pipeline mill-aktar fis possibbli, filwaqt li tiżgura konformità fit-tul mal-acquis tal-UE dwar l-enerġija. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-ħidma tal-Grupp ta’ Livell Għoli tas-CESEC dwar l-armonizzazzjoni tal-kwalità tal-gass, u t-tneħħija tal-ostakli għall-użu massimizzat tal-Pipeline Trans-Balkan.
5. Il-Gżira tal-Enerġija Bornholm [Inbiddlu l-Baħar Baltiku f’ċentru ta’ interkonnetturi lil hinn mill-kosta]
Bħala proġett tal-ewwel tip tiegħu, il-Gżira tal-Enerġija Bornholm (BEI) hija proġett ibridu lil hinn mill-kosta, li tinsab fil-Lbiċ ta’ Bornholm, fiż-Żona Ekonomika Esklużiva tad-Danimarka. Il-proġett huwa ppjanat bħala ċentru tal-enerġija futur, b’potenzjal li jespandi u li jikkonnettja ma’ aktar interkonnetturi ma’ pajjiżi oħra. Dan qed jiġi rikonfermat fit-tieni lista ta’ PCI/PMI u rċieva għotja tal-FNE għax-xogħlijiet (EUR 645,2 miljun) f’Settembru 2025. Il-BEI huwa pjan ta’ azzjoni għal inizjattivi futuri tal-UE lil hinn mill-kosta; dan se jżid l-integrazzjoni tas-suq, se jtejjeb is-sigurtà tal-provvista fil-livell tal-UE u se jkun ta’ benefiċċju għad-Danimarka u għall-Ġermanja u għall-Istati Membri lil hinn mir-reġjun. Billi l-ġenerazzjoni lil hinn mill-kosta tintrabat mal-grilji nazzjonali Daniżi u Ġermaniżi, l-enerġija eolika lil hinn mill-kosta tiġi trasformata minn riżorsa nazzjonali f’assi Ewropew kondiviż għal elettrifikazzjoni ulterjuri, u dan isaħħaħ ir-reżiljenza kollettiva u l-indipendenza enerġetika tagħna. L-isfidi li jifdal huma relatati ma’ ftehim bejn id-Danimarka u l-Ġermanja dwar kif għandhom jiġu kondiviżi l-kostijiet ta’ appoġġ addizzjonali għall-park eoliku lil hinn mill-kosta fid-Danimarka u dwar it-tlestija tal-qafas regolatorju fid-Danimarka, b’mod partikolari dwar ir-responsabbiltà transfruntiera.
Azzjonijiet fuq żmien qasir : Wara l-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja tal-FNE li sewa EUR 645 miljun biex tiġi appoġġata n-naħa Daniża tal-Gżira tal-Enerġija Bornholm (BEI) fl-4 ta’ Settembru 2025 f’Copenhagen, għall-kostruzzjoni ta’ żewġ stazzjonijiet ta’ konverżjoni ġodda u għall-installazzjoni ta’ sistema ta’ kejbil taħt il-baħar, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lid-Danimarka u lill-Ġermanja biex jilħqu ftehim politiku dwar il-kondiviżjoni tal-kostijiet għall-ġenerazzjoni lil hinn mill-kosta li jinsabu fl-ibħra Daniżi, kif ukoll dwar il-finalizzazzjoni tal-qafas regolatorju tagħhom dwar ir-responsabbiltà transfruntiera. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-ħidma fuq l-interoperabbiltà tan-networks lil hinn mill-kosta biex tiżgura li l-BEI fil-futur ikun jista’ jiżviluppa f’ċentru lil hinn mill-kosta reali għar-reġjun Baltiku.
6. Titjib tal-istabbiltà fil-prezzijiet u tas-sigurtà tal-enerġija fix-Xlokk tal-Ewropa, inkluż permezz tal-ħżin
Ir-reġjun tal-Ewropa tax-Xlokk ibati minn differenzjali strutturali kbar tal-prezzijiet, kif muri minn xokkijiet fil-prezzijiet tal-2024, li jikkawżaw disparitajiet medji fil-prezzijiet ta’ aktar minn EUR 10/MWh bejn il-pajjiżi rispettivi.
L-Awtostrada tal-Enerġija tal-interkonnessjonijiet tal-elettriku tal-Ewropa tax-Xlokk tindirizza l-lakuni kritiċi fl-infrastruttura tal-elettriku fir-reġjun, bl-għan li ttejjeb l-istabbiltà fil-prezzijiet, ittejjeb is-sigurtà tal-provvista u trawwem l-integrazzjoni tas-suq reġjonali. Dan jinvolvi l-fatt li jsir użu aħjar mill-interkonnessjonijiet eżistenti u jinvolvi l-indirizzar tal-ħtiġijiet transfruntiera futuri biex jiġu eliminati d-disparitajiet kurrenti fil-prezzijiet. Skont il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tas-sistema ta’ TYNDP tal-2024 tal-ENTSO-E, it-tisħiħ tal-infrastruttura huwa meħtieġ fil-biċċa l-kbira tal-fruntieri fir-reġjun. L-implimentazzjoni rapida ta’ proġetti eżistenti ta’ interess komuni u proġetti prijoritarji tal-infrastruttura tal-elettriku tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (CESEC) se tkun kruċjali biex jiġu ssodisfati dawk il-ħtiġijiet. L-aċċellerazzjoni tal-ħżin fir-reġjun se ttejjeb ukoll il-flessibbiltà tas-sistema.
Azzjonijiet fuq żmien qasir: Il-koordinazzjoni u l-appoġġ b’saħħithom mill-Grupp ta’ Livell Għoli tas-CESEC, flimkien mal-Koordinatur tas-CESEC, se jkunu essenzjali biex jitħaffef il-progress. Il-Kummissjoni se tiżgura li jsiru diskussjonijiet iddedikati ta’ livell għoli s-sena d-dieħla fil-livelli kollha biex jinżamm il-momentum u biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni.
7. Il-Kuritur SoutH2 [Il-kuritur tal-idroġenu tan-Nofsinhar (it-Tuneżija, l-Italja, l-Awstrija u l-Ġermanja)]
Il-kuritur tal-idroġenu tan-Nofsinhar se jkun kruċjali għall-avvanz ta’ tranżizzjoni ġusta u sostenibbli tal-enerġija madwar il-Mediterran, b’mod partikolari fit-Tramuntana tal-Afrika, filwaqt li jippermetti d-dekarbonizzazzjoni taċ-ċentri industrijali tul ir-rotta tiegħu. Dan joffri potenzjal sinifikanti biex tiżdied il-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli, jiżdiedu l-infrastruttura u s-swieq tax-xiri, titrawwem l-integrazzjoni tas-suq u jiġi stabbilit qafas regolatorju u ta’ investiment ta’ appoġġ allinjat mal-istrateġija tal-UE dwar l-idroġenu u mal-qafas regolatorju.
Dan il-kuritur jinkludi erba’ Proġetti ta’ Interess Komuni (PCI), li xi wħud minnhom diġà jibbenefikaw minn għotjiet tal-FNE għal studji, u [Proġett wieħed ta’ Interess Reċiproku mat-Tuneżija], li kollha ġew rikonfermati fit-tieni lista ta’ PCI/PMI. Minn issa ’l quddiem u minħabba l-istadji bikrija tal-iżvilupp tas-suq tal-idroġenu, se jkun hemm bżonn ta’ ħidma kunċettwali ulterjuri, b’mod partikolari biex ikomplu jsiru investimenti relatati mar-riskju filwaqt li tinżamm sħubija ta’ benefiċċju reċiproku mat-Tramuntana tal-Afrika.
Azzjonijiet fuq żmien qasir: F’terminu qasir, il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-isforzi ta’ koordinazzjoni u ta’ implimentazzjoni tas-Segretarjat ta’ SoutH2, taħt it-tmexxija konġunta tad-DĠ MENA u tad-DĠ ENER. Id-djalogi reġjonali se jiġu intensifikati wkoll permezz ta’ laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma Konġunt Tripartitiku tal-UE tal-Kuritur tal-Idroġenu tan-Nofsinhar (l-Italja, l-Awstrija u l-Ġermanja) u tal-grupp Pentalaterali (l-Alġerija, it-Tuneżija, l-Italja, l-Awstrija u l-Ġermanja) fil-bidu tal-2026, biex tiġi avvanzata l-inizjattiva. L-inizjattiva ewlenija trans-Mediterranja dwar l-Enerġija Rinnovabbli u t-Teknoloġija Nadifa (T-Med), imnedija taħt il-Patt għall-Mediterran, 34 se tikkontribwixxi wkoll għar-realizzazzjoni ta’ din l-Awtostrada tal-Enerġija.
8. Il-kuritur tal-idroġenu tal-Lbiċ mill-Portugall għall-Ġermanja
Il-kuritur tal-idroġenu tal-Lbiċ se jittrasporta l-idroġenu dekarbonizzat minn siti ta’ produzzjoni fl-Ewropa tal-Lbiċ lejn ċentri ta’ domanda industrijali u b’hekk titħaffef id-dekarbonizzazzjoni ta’ setturi li huma diffiċli sabiex jitrażżnu u tiġi permessa l-integrazzjoni effiċjenti tal-enerġija rinnovabbli. L-inizjattiva tinkludi proġetti ta’ PCIs ewlenin bejn il-Portugall, Spanja u Franza, kif ukoll kollegamenti interni li jestendu lejn il-Ġermanja. Flimkien, dawn il-proġetti għandhom l-għan li jwasslu sa 2 miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli kull sena sal-2030, filwaqt li jsaħħu s-sigurtà u l-flessibbiltà tal-enerġija madwar ir-reġjun.
Madankollu, il-progress kien limitat, u għad hemm diversi sfidi, inkluż in-nuqqas ta’ adozzjoni, id-dewmien fl-implimentazzjoni regolatorja, id-diffikultajiet fl-iżgurar tal-finanzjament u l-koordinazzjoni tal-miżuri ta’ tnaqqis tar-riskji tul il-kuritur u l-prijoritajiet strateġiċi madwar l-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-kuritur jipprovdi benefiċċji kondiviżi għall-parteċipanti kollha.
Azzjonijiet fuq żmien qasir: Koordinazzjoni b’saħħitha u appoġġ politiku mġedded permezz tal-Grupp ta’ Livell Għoli tal-Lbiċ se jkunu essenzjali biex jitħaffef il-progress. Il-Laqgħa Ministerjali li jmiss tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Ewropa tal-Lbiċ fl-ewwel trimestru tal-2026 se tgħin biex jiżdiedu l-isforzi u jiġu ffaċilitati l-iskambji fost l-Istati Membri dwar aspetti tekniċi, finanzjarji u ta’ tnaqqis tar-riskji ewlenin tal-iżvilupp tal-kuritur.
Renewables, electrification and flexibility - For a competitive EU energy system transformation by 2030 | Pubblikazzjonijiet | L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) , p. 6 u 16.
Imports of energy products to the EU down in 2024 - Artikoli tal-aħbarijiet - Eurostat
China’s energy dominance in three charts | MIT Technology Review
Il-Kummissjoni Ewropea, Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Affordabbli (COM(2025) 79), p. 1.
Statistika dwar il-prezzijiet tal-elettriku - Statistics Explained - Eurostat
Electricity and heat statistics - Statistics Explained - Eurostat
Persunal tal-FMI Background Note on EU Energy Market Integration, is-17 ta’ Jannar 2025, https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-5438-2025-INIT/en/pdf , p. 5.
Grilji, il-konnessjoni nieqsa - Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Grilji , COM (2023) 757 final
Rapport ta’ monitoraġġ tal-ACER tal-2024 dwar l-infrastruttura tal-elettriku, ACER_2024_Monitoring_Electricity_Infrastructure.pdf
Kif previst skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2019/943 dwar is-suq intern tal-elettriku, dik il-kapaċità minima għandha tintlaħaq sal-31 ta’ Diċembru 2025.
Ir-Rapport ta’ Monitoraġġ tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER, European Union Agency for the Cooperation of Energy Regulators) tal-2024, l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-elettriku biex tiġi appoġġata sistema tal-enerġija kompetittiva u sostenibbli, p. 18.
https://www.acer.europa.eu/media/charts/PCIs-and-PMIs-monitoring-2025 .
Ir-rapport finali jinsab hawnhekk: Technical support for RES policy development and implementation – simplification of permission and administrative procedures for RES installations (RES Simplify) - l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjoni tal-UE .
Fraunhofer Institute for Systems and Innovation Research ISI, et al., Study on Energy storage (Studju dwar il-Ħżin tal-Enerġija), 2023.
Informazzjoni miġbura minn organizzazzjonijiet ta’ ċċarġjar tal-vetturi elettriċi (EV, electric vehicle), b’mod partikolari ChargeUp Europe, Ionity u Milence.
Eżempji rilevanti ta’ prattika tajba jistgħu jinstabu f’SWD(2024) 124 final - Gwida lill-Istati Membri dwar prattiki tajbin biex iħaffu l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli u infrastrutturali relatati.
Bħall-Patt tas-Sindki, il-Patt għall-Involviment u l-inizjattiva Rapida u Ġusta dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-Grilji.
Pereżempju, il-prezzijiet u ż-żminijiet meħtieġa għall-eżekuzzjoni għal transformers u kejbils ġodda kważi rduppjaw fl-2025 meta mqabbla mal-2021–2022 (Sors: Building the future transmission grid – Strategies to navigate supply chain challenges ; AIE, Frar 2025).
Artelys, LBST, Trinomics, Finesso, A. et al., Investment needs of European energy infrastructure to enable a decarbonised economy , 2025.
L-appoġġ jista’ jmur lejn l-iżvilupp ta’ interkonnetturi tal-enerġija transfruntieri, l-espansjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli bħall-enerġija solari u eolika, l-użu ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar u t-titjib tan-networks tad-distribuzzjoni tal-enerġija għall-ġestjoni effiċjenti tal-fluttwazzjonijiet fil-provvista.
Bħalissa, l-UE tipprovdi appoġġ sostanzjali permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fondi ta’ Koeżjoni jew il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza, fost l-oħrajn. Skont il-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, il-baġit tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-Enerġija (FNE-E) se jiżdied b’mod sinifikanti, minn EUR 5,84 biljun għall-2021–2027 għal EUR 29,91 biljun għall-2028–2034. Il-Fond Ewropew għall-Kompetittività se jipprovdi fluss ta’ finanzjament konsolidat (EUR 234,3 biljun) b’finanzjament iddedikat (EUR 26,2 biljun) għall-iscale-up u għall-użu ta’ teknoloġiji ta’ dekarbonizzazzjoni u ta’ tranżizzjoni nadifa, inkluża l-infrastruttura. Il-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali (EUR 865 biljun) se jlaqqgħu flimkien investimenti u riformi tal-enerġija nadifa u se jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima.
Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar is-Sigurtà tal-Kejbils, JOIN(2025) 9 final, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52025JC0009
New European coordinator appointed for the Central and South-East European energy interconnectivity
L-Irlanda se tkun konnessa direttament mal-grilja tal-elettriku tal-UE permezz tal-proġett kontinwu tal-Interkonnettur Ċeltiku bejn l-Irlanda u Franza.