IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.11.2025
COM(2025) 920 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar l-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Politika Kummerċjali tal-UE
{SWD(2025) 940 final}
Werrej
I.Sommarju eżekuttiv
II.L-aħjar użu mill-ftehimiet kummerċjali preferenzjali tal-UE
II.2
Implimentazzjoni ta’ ftehimiet kummerċjali bilaterali tal-UE
III.Għajnuna lill-SMEs biex isibu posthom fil-kummerċ globali
IV.Indirizzar tal-ostakli u sejbien ta’ soluzzjonijiet
IV.1
Is-sitwazzjoni attwali u x-xejriet fl-2024
IV.2
Infurzar bilaterali u multilaterali tal-impenji kummerċjali: soluzzjoni ta’ tilwim
IV.3
Il-Punt ta’ Dħul Uniku
I.Sommarju eżekuttiv
F’dawn l-aħħar snin, il-paradigma ġeopolitika globali għaddiet minn bidla sinifikanti, li rriżultat f’bidliet fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-politika kummerċjali tal-UE.
Dan il-ħames rapport dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-politika kummerċjali tal-UE jirrifletti l-isforzi kkordinati biex jiġu kkalibrati mill-ġdid u jissaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali, jinbnew sħubijiet kollaborattivi u jiġu nnavigati l-kumplessitajiet ta’ dinja dejjem aktar frammentata, li juru r-rwol trażversali tal-kummerċ fit-tisħiħ tal-kompetittività, tas-sigurtà u tas-sostenibbiltà.
Il-ftehimiet kummerċjali għenu biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE globalment
Fi żminijiet ekonomiċi inċerti, il-ftehimiet kummerċjali għenu biex isaħħu l-aċċess tal-kumpaniji tal-UE għas-swieq ta’ pajjiżi terzi u għall-esportazzjonijiet tal-UE f’setturi importanti, kif juru l-eżempji li ġejjin:
·l-esportazzjonijiet tal-oġġetti tal-UE lejn il-Kanada żdiedu b’51 % mill-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA, Comprehensive Economic and Trade Agreement), li beda f’Settembru 2017. Dan jikkumpara ma’ żieda ta’ 20 % fl-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-bqija tad-dinja matul l-istess perjodu. L-agrikoltura, li rat l-esportazzjonijiet jiżdiedu b’40 %, kienet il-mutur ta’ dan it-tkabbir, bl-esportazzjonijiet tal-inbid tal-UE lejn il-Kanada jiżdiedu b’22 % u l-esportazzjonijiet tal-ġobon jiżdiedu b’97 %.
·L-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Ġappun mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) bejn l-UE u l-Ġappun fl-2019 żdiedu b’madwar EUR 267 miljun. Is-setturi li bbenefikaw jinkludu l-inbid, ix-xorb u l-prodotti agrikoli pproċessati, il-prodotti tal-annimali (minbarra l-laħam tal-majjal), l-għelejjel li jinħartu u l-prodotti tal-pjanti.
·In-negozji tal-UE raw żieda fil-kummerċ ta’ madwar EUR 4 biljun ma’ pajjiżi Andini, speċifikament il-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador, bħala riżultat dirett tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles (FTA, Free Trade Agreement) tal-UE li daħal fis-seħħ b’mod proviżorju fl-2013 mal-Kolombja u mal-Perù u fl-2017 mal-Ekwador.
Barra minn hekk, il-ftehimiet aktar reċenti tal-UE li jappoġġaw l-investiment u jippromwovu l-użu tar-regoli u tal-istandards tal-UE, u b’hekk jiżguraw kundizzjonijiet ekwi, kellhom effett pożittiv fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, Small and Medium-sized Enterprises) u fuq l-espansjoni tagħhom barra mill-UE. Dan kien essenzjali għal iżjed minn 680 000 SME tal-UE attivi fl-esportazzjoni, u li jirrappreżentaw 95 % tal-kumpaniji esportaturi kollha tal-UE.
Studju ta’ evalwazzjoni ex post reċenti dwar is-CETA mwettaq għall-Kummissjoni qabbel iż-żieda perċentwali fin-numru ta’ SMEs tal-UE li jesportaw lejn il-Kanada fis-snin li wasslu għas-CETA (2012-2016) maż-żieda perċentwali matul l-ewwel 5 snin wara l-applikazzjoni proviżorja tiegħu (2017-2022). Ikkonkluda li n-numru ta’ SMEs tal-UE li jesportaw lejn il-Kanada kiber b’20,3 %, żieda li qabżet ukoll iż-żieda f’ditti akbar li jesportaw (jiġifieri bi 13,8 %).
Il-ftehimiet kummerċjali żiedu wkoll ir-reżiljenza u għenu biex tiġi ddiversifikata l-ekonomija tal-UE
It-twettiq tal-objettivi tal-politika kummerċjali tal-UE bħala parti minn sett integrat ta’ politiki tal-UE jappoġġa wkoll it-trasformazzjoni usa’ ta’ setturi speċifiċi.
·Settur industrijali/karozzi: ladarba jidħol fis-seħħ il-ftehim tal-Mercosur (konkluż politikament f’Diċembru 2024), it-tariffi fuq il-parts tal-karozzi (bħalissa 14 %) u fuq il-karozzi (bħalissa 35 %) se jiġu eliminati progressivament, filwaqt li se jitnaqqas ir-riskju ta’ restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni li jaffettwaw il-provvista ta’ materja prima kritika għall-produzzjoni tal-batteriji tal-UE.
·Kummerċ ta’ oġġetti u ta’ servizzi li jsir b’mod diġitali: l-UE inkludiet kapitoli dwar il-kummerċ diġitali fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali tagħha mal-Ġappun (ikkomplementati reċentament minn ftehim bilaterali dwar il-flussi tad-data), mar-Renju Unit, ma’ New Zealand, u fil-ftehimiet modernizzati tagħha maċ-Ċilì u mal-Messiku. Minbarra l-ftehimiet bilaterali b’kapitoli dwar il-kummerċ elettroniku, l-UE kkonkludiet ukoll negozjati għal ftehimiet dwar il-kummerċ diġitali (DTA, Digital Trade Agreements) ma’ Singapore (Lulju 2024) u mar-Repubblika tal-Korea (Marzu 2025).
·Akkwist pubbliku: l-UE hija parti għal ftehimiet kummerċjali, inkluż il-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku (GPA, Government Procurement Agreement) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO, World Trade Organization), li fih impenji ta’ akkwist li jiżguraw aċċess reċiproku għal 40 pajjiż (partijiet tal-GPA u/jew tal-FTA), li jagħtuha aċċess għal valur stmat ta’ EUR 1,8 triljun f’opportunitajiet ta’ akkwist.
Sigurtà ekonomika u sigurtà tal-katina tal-provvista: il-ftehimiet kummerċjali appoġġaw id-diversifikazzjoni u żguraw il-provvista ta’ inputs
Il-ftehimiet kummerċjali għenu lill-kumpaniji tal-UE jsibu swieq ġodda tal-esportazzjoni filwaqt li jiddiversifikaw is-sorsi tal-provvista u d-destinazzjonijiet tal-esportazzjoni. Min-naħa tagħhom, dan ippermettielhom iwieġbu b’mod flessibbli għar-riskji globali u jnaqqsu d-dipendenzi fuq swieq speċifiċi.
It-tnaqqis totali fl-esportazzjonijiet ta’ oġġetti mill-UE lejn ir-Russja ta’ EUR 53,1 biljun (2024 meta mqabbel mal-medja tal-2019-2021) kien misbuq b’żieda ta’ valur ta’ aktar minn EUR 200 biljun fl-esportazzjonijiet tal-UE lejn is-sħab tal-FTA tal-UE matul l-istess perjodu.
Wara li ġew imposti sanzjonijiet kummerċjali fuq ir-Russja, id-ditti tal-UE malajr sabu swieq alternattivi ġodda, spiss f’pajjiżi li diġà kellhom ftehim kummerċjali mal-UE.
·Il-bejgħ imnaqqas ta’ vetturi u ta’ parts tal-vetturi lejn ir-Russja b’valur ta’ EUR 8 biljun ġie kkumpensat minn esportazzjonijiet ogħla lejn ir-Renju Unit b’valur ta’ EUR 8,8 biljun waħedhom.
·It-tnaqqis fl-esportazzjonijiet makkinarju elettriku b’valur ta’ EUR 7 biljun ġie kkumpensat minn esportazzjonijiet ogħla (b’valur ta’ EUR 7,6 biljun) lejn firxa ta’ pajjiżi li jinkludu l-Iżvizzera, ir-Renju Unit, il-Messiku u n-Norveġja.
In-network tal-UE ta’ ftehimiet kummerċjali fis-seħħ isaħħaħ il-kapaċità tal-UE li ttejjeb il-flessibbiltà strateġika tagħha, filwaqt li jappoġġa l-interessi ekonomiċi fit-tul tal-Unjoni. Il-valur ta’ ftehimiet kummerċjali ġodda li qegħdin fil-proċess ta’ adozzjoni jew ta’ negozjar sar iktar evidenti fid-dawl tal-iżviluppi reċenti, b’mod partikolari l-miżuri tariffarji tal-Istati Uniti. F’dan il-kuntest, ftehimiet bħall-Mercosur, ladarba jkunu fis-seħħ, se jagħtu kontribut importanti għad-diversifikazzjoni, li hija parti ewlenija mill-istrateġija kummerċjali tal-UE. Aġenda bilaterali ta’ suċċess tista’ tgħin ukoll biex jiġi miġġieled l-effett konsegwenzjali tat-tariffi tal-Istati Uniti, jiġifieri ż-żieda fl-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn pajjiżi oħra, u t-tnaqqis sussegwenti tal-ishma mis-suq tal-UE.
In-network kbir tal-UE ta’ ftehimiet u ta’ sħubijiet kummerċjali saħħaħ il-preżenza ġeopolitika tagħha f’ambjent internazzjonali li qed jiddeterjora malajr. F’dan il-kuntest, ikkontribwixxa għar-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista billi għen lill-UE tiżgura inputs kritiċi, bħall-enerġija u l-materja prima meħtieġa għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u għal setturi kritiċi oħra tal-ekonomija tal-UE, u biex titnaqqas id-dipendenza żejda tal-UE fuq swieq individwali, vulnerabbiltà li tista’ tintuża kontriha.
·Il-ftehimiet kummerċjali tal-UE għenu lill-UE tiddiversifika l-provvista tagħha tal-enerġija u tal-materja prima lil hinn mir-Russja. Pereżempju, l-importazzjonijiet tal-gass u tal-gass naturali likwifikat min-Norveġja, mill-Alġerija u mill-Każakistan għenu biex jikkumpensaw għan-nuqqas fil-provvista ġġenerat mis-sanzjonijiet fuq il-gass Russu (u fl-istess ħin jissupplimentaw l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti), filwaqt li l-importazzjonijiet tar-ram miċ-Ċilì u mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo ikkumpensaw għat-tnaqqis fl-importazzjonijiet tar-ram mir-Russja.
·Il-ftehimiet kummerċjali tal-UE għenu wkoll biex tiġi ddiversifikata l-provvista, b’numru akbar ta’ prodotti li qed jiġu nnegozjati mas-sħab tal-FTA meta mqabbla ma’ sħab “simili” mingħajr FTA. Riċerka reċenti mid-DĠ TRADE/it-tim tal-Kap Ekonomista f’kooperazzjoni mal-Bord Nazzjonali Żvediż tal-Kummerċ, li ħarset lejn ix-xejriet fil-kummerċ tal-UE mal-Kanada, mal-Ġappun, mal-Vjetnam u ma’ Singapore bejn l-2016 u l-2023, ikkonfermat li l-ftehimiet kummerċjali tal-UE ħolqu provvista aktar diversifikata fis-snin bikrija tal-implimentazzjoni tagħhom, b’mod partikolari fil-qasam tal-prodotti kimiċi, waħda mill-aktar kategoriji importanti tal-prodotti. Din l-osservazzjoni tirrifletti l-objettivi usa’ tal-UE li tnaqqas il-vulnerabbiltajiet tal-katina tal-provvista, tiżviluppa sħubijiet ma’ pajjiżi tal-istess fehma, u ssaħħaħ u tapprofondixxi l-kapaċità industrijali tal-UE.
L-indirizzar effettiv tal-ostakli għall-kummerċ ppermetta lill-kumpaniji jikkompetu fuq termini ġusti u żgura r-reċiproċità
Il-Kummissjoni kompliet il-ħidma tagħha fi ħdan id-WTO u fi ħdan l-istrutturi ta’ ġestjoni tal-ftehimiet kummerċjali biex tindirizza l-ostakli ta’ wara l-fruntiera, b’mod partikolari l-ostakli tekniċi. Il-valur tal-esportazzjonijiet tal-UE affettwati minn ostakli tekniċi għall-kummerċ (OTK) f’pajjiżi terzi fl-2024 kien ta’ EUR 25 biljun. Kif turi l-graff ta’ hawn taħt, l-esportazzjonijiet tal-UE l-aktar affettwati mill-OTK huma l-esportazzjonijiet lejn iċ-Ċina (EUR 14-il biljun), segwiti mill-Marokk (EUR 5 biljun) u mill-Kolombja (EUR 2 biljun).
Illustrazzjoni 1: Eżempji ta’ esportazzjonijiet tal-UE affettwati mill-OTK f’pajjiżi terzi (2024)
L-OTK spiss ikunu l-aktar kritiċi ma’ sħab li jew ma jkollhomx ftehim kummerċjali tal-UE jew li jkollhom ftehim relattivament antik mal-UE.
Il-komponent istituzzjonali b’saħħtu tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE għen lill-partijiet kollha biex jipprevjenu u jneħħu l-ostakli għall-kummerċ bl-aktar mod effiċjenti possibbli, permezz ta’ kuntatti regolari bejn l-esperti fil-kummerċ u l-esperti settorjali.
·Wara l-involviment bilaterali appoġġat mill-FSE bejn l-UE u l-Ġappun, il-Ġappun irreveda l-lista tiegħu ta’ addittivi tal-ikel sikuri b’mod li kien jipproteġi l-interessi tal-esportaturi tal-UE. Fl-2024, il-Ġappun ikkonferma li 33 addittiv użati b’mod wiesa’ fl-UE kienu se jibqgħu fil-lista tiegħu, filwaqt li enfasizza r-reputazzjoni tal-UE li tipprovdi prodotti tal-ikel ta’ kwalità għolja u sikuri.
·Wara l-involviment bilaterali mas-Serbja skont il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, f’Marzu 2025, is-Serbja neħħiet il-projbizzjoni tagħha – fis-seħħ minn April 2024 – fuq l-importazzjoni tal-pellets tal-injam, li kienet naqqset madwar EUR 4 miljun fl-esportazzjonijiet tal-UE. Bl-istess mod, ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet tal-marġerina u taż-żejt taż-żerriegħa tal-ġirasol introdotti f’Marzu 2024 tneħħew f’Marzu 2025 u r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tar-ruttam tal-metall, introdotti f’Jannar 2025, tneħħew f’Lulju 2025.
B’kuntrast ma’ dan, fejn l-involviment diplomatiku ma jkunx ta’ suċċess, il-Kummissjoni se tirrikorri għas-soluzzjoni ta’ tilwim (infetħu ħames każijiet ġodda bejn Ġunju 2024 u Ġunju 2025) jew tuża miżuri awtonomi biex tiddefendi l-interessi tagħha. Fl-2025, il-Kummissjoni bdiet tuża s-setgħat tagħha taħt l-Istrument għal Akkwist Internazzjonali (IPI, International Procurement Instrument) tal-UE biex tindirizza prattiki inġusti li jillimitaw l-aċċess għall-kuntratti pubbliċi għall-fornituri, għall-oġġetti u għas-servizzi tal-UE fil-pajjiżi sħab kummerċjali:
·Fl-14 ta’ Jannar 2025, wara li nediet investigazzjoni fis-settur tal-apparati mediċi fiċ-Ċina, il-Kummissjoni ppubblikat sejbiet li jikkonfermaw li ċ-Ċina kienet trattat b’mod inġust lill-fornituri tal-apparati mediċi tal-UE fl-aġġudikazzjoni ta’ kuntratti tagħha ta’ apparat bħal dan.
·Fid-19 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni ddeċidiet li timponi miżuri fuq iċ-Ċina, li jipprojbixxu lill-kumpaniji Ċiniżi milli jagħmlu offerti għall-aġġudikazzjoni ta’ kuntratti għal apparati mediċi fl-UE li jaqbżu l-EUR 5 miljun. Barra minn hekk, l-offerenti rebbieħa ma jitħallewx jiksbu aktar minn 50 % tal-inputs għall-finijiet ta’ kuntratti bħal dawn miċ-Ċina.
Il-ftehimiet kummerċjali kellhom rwol ewlieni fil-promozzjoni tas-sostenibbiltà
Il-ftehimiet kummerċjali tal-UE komplew jaqdu rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-kummerċ u tas-sostenibbiltà. 14-il ftehim konklużi mill-2012 (l-ewwel wieħed mar-Repubblika tal-Korea) għandhom dispożizzjonijiet li jippromwovu standards internazzjonali tax-xogħol u ambjentali. Il-Kummissjoni kompliet tidentifika prijoritajiet speċifiċi għall-pajjiżi li jkopru kwistjonijiet tax-xogħol, tal-ġeneru, tal-ambjent, tal-klima u tas-soċjetà ċivili bl-involviment mill-qrib tal-gruppi konsultattivi domestiċi tal-UE (DAGs, Domestic Advisory Groups) stabbiliti skont dawk il-ftehimiet, li jlaqqgħu flimkien in-negozji, it-trade unions u interessi oħra tal-partijiet ikkonċernati biex jassistu lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali tagħha.
Fl-2024, sar progress fil-Kolombja, fil-Gwatemala u fil-Moldova lejn ir-ratifika u l-implimentazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-ħaddiema.
Il-Punt ta’ Dħul Uniku tal-Kummissjoni kien qed jivvaluta żewġ ilmenti formali addizzjonali dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD, Trade and Sustainable Development), it-tnejn li huma dwar il-Vjetnam. Wieħed wasal f’Marzu 2024 dwar ir-ratifika tiegħu tal-konvenzjonijiet ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO, International Labour Organization) u l-ieħor wasal fi Frar 2025, rigward il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tal-ħaddiema.
Ambitu tar-rapport
Dan huwa l-ħames rapport annwali konsolidat dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-impenji kummerċjali koperti minn ftehimiet kummerċjali bilaterali preferenzjali fis-seħħ fl-2024 u mid-WTO. Dan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet u l-kisbiet ewlenin tal-UE fl-2024, u l-ewwel 7 xhur tal-2025 immexxija mill-Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ tal-Kummissjoni.
Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ akkumpanjament fih informazzjoni addizzjonali dwar 41 mill-ftehimiet bilaterali preferenzjali ewlenin tal-UE. Is-sit web tal-Kummissjoni fih informazzjoni supplimentari għal dan ir-rapport dwar: (i) l-evoluzzjoni tal-kummerċ tal-UE ma’ sħab preferenzjali fl-2024; (ii) l-użu ta’ preferenzi tariffarji fuq l-esportazzjonijiet u fuq l-importazzjonijiet tal-UE minn sħab kummerċjali preferenzjali, kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri; u (iii) id-data dwar l-użu ta’ kwoti tar-rati tariffarji skont ċerti ftehimiet kummerċjali.
Dan ir-rapport jiffoka fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-politika kummerċjali tal-UE permezz tan-network tal-UE ta’ ftehimiet u ta’ relazzjonijiet kummerċjali preferenzjali. Huwa jorbot ukoll ma’ kwistjonijiet usa’ relatati mas-sigurtà ekonomika u mal-infurzar f’oqsma speċifiċi, li huma indirizzati fil-qosor biss f’dan ir-rapport, iżda huma s-suġġett ta’ rapporti dedikati tal-Kummissjoni. Dawk il-kwistjonijiet jinkludu:
·l-użu ta’ strumenti għad-difiża tal-kummerċ (anti-dumping, antisussidji u salvagwardji), koperti mir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar id-difiża tal-kummerċ;
·il-monitoraġġ u l-indirizzar tal-kontrafazzjoni, tal-piraterija u ta’ ksur ieħor tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (DPI), koperti mir-Rapport biennali tal-Kummissjoni dwar id-DPI ta’ Pajjiżi Terzi u l-Lista ta’ Sorveljanza tal-Piraterija;
·l-iskrinjar tal-investiment dirett barrani (IDB), u l-kontroll tal-esportazzjonijiet b’użu doppju, li huma l-kontrolli strateġiċi tal-kummerċ u tal-investiment tal-UE għas-sigurtà, u li huma koperti mir-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-iskrinjar tal-IDB u dwar ir-Regolament (UE) 2021/821 (ir-Regolament dwar il-Kontroll tal-Esportazzjonijiet);
·l-applikazzjoni tal-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (SĠP) tal-UE, koperta mir-rapporti tal-SĠP tal-Kummissjoni.
Barra minn hekk, jitħejjew rapporti annwali separati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament dwar is-Sussidji Barranin u l-Istrument għal Akkwist Internazzjonali.
II.L-aħjar użu mill-ftehimiet kummerċjali preferenzjali tal-UE
II.1
Kummerċ tal-UE ma’ sħab preferenzjali - l-iżviluppi ewlenin fl-2024
L-2024 rat id-dħul fis-seħħ tal-FTA bejn l-UE u New Zealand (l-1 ta’ Mejju 2024) u l-FSE mal-Kenja (l-1 ta’ Lulju 2024), li ġab in-numru ta’ ftehimiet kummerċjali preferenzjali fis-seħħ għal 44 u li jirrappreżentaw 46,1 % tal-kummerċ estern totali tal-UE.
Kif turi l-Illustrazzjoni 2 hawn taħt, l-akbar sħab preferenzjali tal-UE (jiġifieri dawk li jirrappreżentaw sehem mill-kummerċ totali tal-UE ma’ sħab preferenzjali li jaqbeż il-5 %) kienu r-Renju Unit (21,8 % tal-kummerċ tal-UE mas-sħab preferenzjali), segwit mill-Iżvizzera (14,2 %), mit-Turkija (9,1 %), min-Norveġja (6,9 %), mill-Ġappun (5,6 %) u mill-Korea t’Isfel (5,3 %). Flimkien, dawn is-sitt sħab irrappreżentaw 63 % tal-kummerċ preferenzjali tal-UE fl-2024.
Illustrazzjoni 2: Il-kummerċ tal-UE skont is-sieħeb preferenzjali (2024)
Sors: Comext tal-Eurostat
Kif turi l-Illustrazzjoni 3 hawn taħt, għalkemm il-kummerċ tal-UE mas-sħab preferenzjali fl-2024 naqas b’0,8 %, ġie rreġistrat tnaqqis akbar fil-kummerċ tal-UE mas-sħab kollha (-1,1 %) u mas-sħab mhux tal-FTA (-1,4 %). Matul l-istess perjodu, it-tkabbir fl-esportazzjonijiet tal-UE lejn sħab preferenzjali żdied b’1,4 %, u qabeż it-tkabbir fl-esportazzjonijiet lejn is-sħab kollha (1,1 %) u s-sħab mhux tal-FTA (0,7 %).
Illustrazzjoni 3: It-tkabbir annwali tal-kummerċ tal-oġġetti tal-UE skont it-tip ta’ sieħeb (2023-2024)
Sors: Comext tal-Eurostat
Speċjalment il-ftehimiet kummerċjali aktar moderni, bħas-CETA, l-FSE bejn l-UE u l-Ġappun jew l-FTA bejn l-UE u l-Vjetnam għandhom it-tendenza li jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq għall-industrija tal-UE.
·Pereżempju, l-FTA bejn l-UE u l-Vjetnam, li daħal fis-seħħ f’Awwissu 2020, huwa wieħed mill-aktar ftehimiet kummerċjali ambizzjużi li l-UE kkonkludiet ma’ pajjiż li qed jiżviluppa. Huwa elimina wkoll b’mod progressiv it-tariffi u naqqas l-ostakli mhux tariffarji, u pprovda kundizzjonijiet aħjar għall-aċċess għas-suq għaż-żewġ naħat. Matul l-aħħar 5 snin, l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Vjetnam irrappreżentaw żewġ terzi taż-żieda fl-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Assoċjazzjoni tal-Erba’ Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN-4, Association of Southeast Asian Nations). L-esportazzjonijiet tal-aktar kategorija ta’ prodotti sinifikanti għall-UE, jiġifieri l-Kapitolu 30 (prodotti farmaċewtiċi), kważi rduppjaw minn EUR 1,1 biljun fl-2019 għal EUR 2,1 biljun fl-2024, li jirrappreżentaw 60 % tal-esportazzjonijiet tal-UE tal-farmaċewtiċi fis-sentejn li huma.
·In-numru ta’ offerenti rebbieħa tal-UE fis-suq tal-akkwist pubbliku Ġappuniż żdied b’mod kostanti mid-dħul fis-seħħ tal-FSE bejn l-UE u l-Ġappun. Fl-2022 (l-aktar data reċenti disponibbli), il-kumpaniji tal-UE rebħu kuntratti pubbliċi fil-Ġappun b’valur ta’ EUR 317-il miljun.
Il-ftehimiet kummerċjali tal-UE għenu wkoll lill-UE żżomm il-pożizzjoni tagħha bħala l-akbar esportatur ta’ prodotti agroalimentari
L-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE lejn is-sħab kollha kisbu rekord ġdid fl-2024, u laħqu l-EUR 235 biljun (+2,8 % meta mqabbla mal-2023). Fl-2024, il-kummerċ tal-UE ma’ sħab preferenzjali (importazzjonijiet u esportazzjonijiet) żdied b’aktar (+6,4 %) mill-kummerċ tal-UE ma’ sħab mhux tal-FTA (+2,8 %).
Illustrazzjoni 4: Tkabbir annwali fil-kummerċ agroalimentari tal-UE skont it-tip ta’ sieħeb (2023-2024)
Ir-Renju Unit kien bil-bosta l-ewwel destinazzjoni għall-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE fost is-sħab preferenzjali u b’mod ġenerali, u rrappreżenta 23 % tal-esportazzjonijiet totali tal-UE.
L-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE lejn ir-Renju Unit żdiedu b’EUR 12-il biljun (+29 %) bejn id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit fl-2021 u fl-2024. Bl-istess mod, l-esportazzjonijiet tal-UE żdiedu b’EUR 2,1 biljun (+139 %) lejn l-Ukrajna mill-2016, b’EUR 1,6 biljun (+51 %) lejn il-Kanada mill-2017, u b’EUR 1 biljun (+15 %) lejn il-Ġappun mill-2019.
Wara tnaqqis fl-2023, l-importazzjonijiet agroalimentari tal-UE reġgħu żdiedu għal-livelli tal-2022, u ammontaw għal kważi EUR 172 biljun fl-2024. Dan l-irkupru kien primarjament xprunat minn prezzijiet ogħla tal-importazzjoni għall-kawkaw, għall-kafè, għall-frott u għall-ġewż. Il-Brażil kien il-fornitur ewlieni tal-UE, li rrappreżenta sehem mis-suq ta’ 10 % tal-importazzjonijiet agroalimentari totali tal-UE, segwit mir-Renju Unit (9 %), li kkonsolida l-pożizzjoni tiegħu bħala l-akbar sors tal-importazzjonijiet agroalimentari tal-UE fost is-sħab preferenzjali. Anke l-Ukrajna kienet fornitur ewlieni tal-katina alimentari tal-UE (8 %), bil-ħbub li rrappreżentaw nofs l-esportazzjonijiet tal-Ukrajna destinati l-aktar għas-suq tal-għalf tal-annimali tal-UE.
In-network wiesa’ ta’ ftehimiet kummerċjali tal-UE kkontribwixxa għall-prestazzjoni ġeneralment b’saħħitha tagħha fil-kummerċ agroalimentari. B’mod partikolari, il-kummerċ agroalimentari tal-UE żdied mal-Kanada, mal-Ġappun u mal-Vjetnam wara l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali korrispondenti, bl-esportazzjonijiet tal-prodotti mogħtija aċċess preferenzjali li raw żidiet sinifikanti minħabba l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis tat-tariffi. Studju tal-Kummissjoni ppubblikat f’Novembru 2024 li jħares lejn il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-prodotti tal-UE mogħtija aċċess preferenzjali skont is-CETA sab li l-esportazzjonijiet kienu żdiedu b’medja ta’ 14 % bejn l-2019 u l-2023, li kienet tirrappreżenta valur addizzjonali ta’ EUR 400 miljun. Dan is-suċċess jista’ jiġi parzjalment attribwit għat-tneħħija kostanti tal-ostakli sanitarji u fitosanitarji (SPS, Sanitary and Phytosanitary) fil-pajjiżi sħab (95 bejn l-2020 u l-2024) permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.
L-esportazzjonijiet ta’ prodotti tal-UE ta’ valur għoli huma ssalvagwardjati permezz tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) skont l-FTAs u ftehimiet internazzjonali oħra. Mill-31 ta’ Diċembru 2024, għadd kbir ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE bbenefikaw minn protezzjoni skont ftehimiet bilaterali ma’ aktar minn 30 pajjiż li flimkien jirrappreżentaw madwar 60 % tal-PDG globali u 30 % tal-popolazzjoni tad-dinja.
|
New Zealand – vantaġġi għall-IĠ protetti tal-UE.
·Minħabba l-protezzjoni tal-IĠ meħtieġa skont l-FTA bejn l-UE u New Zealand, New Zealand jeħtiġilha tneħħi mis-suq tagħha l-prodotti li ma humiex IĠ ġenwini. Għall-IĠ l-aktar komuni (bħall-feta, bħall-port, u bħall-prosecco), ingħataw perjodi ta’ tranżizzjoni sa 9 snin, u żewġ ismijiet ġew eżentati fuq il-bażi tal-anterjorità.
·Il-protezzjoni tal-IĠ skont l-FTA bejn l-UE u New Zealand hija ta’ benefiċċju għall-produtturi tal-UE billi tissalvagwardja d-drittijiet tagħhom u telimina l-kompetizzjoni inġusta.
|
B’mod ġenerali, il-kummerċ agroalimentari tal-UE huwa diversifikat ħafna u jinvolvi ħafna sħab fl-importazzjoni u fl-esportazzjoni. Madankollu, għad hemm dipendenzi kummerċjali għal ċerti prodotti agroalimentari. F’termini ta’ importazzjonijiet, l-FTAs jiżguraw l-istabbiltà fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u s-sħab tagħha, u jagħtu spinta lir-reżiljenza tal-UE. Fit-12 ta’ Ġunju 2025, il-Kunsill adotta wkoll regolament li jimponi tariffi ġodda fuq il-prodotti agrikoli li jifdal u ċerti fertilizzanti mir-Russja u mill-Belarussja li kienu għadhom ma kinux soġġetti għal dazji doganali żejda. L-għan huwa li titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq dawk l-importazzjonijiet kif ukoll li jitnaqqas id-dħul tar-Russja mill-esportazzjonijiet, u b’hekk tiġi limitata l-kapaċità tagħha li tiffinanzja l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna. Ir-regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2025.
Il-kummerċ tas-servizzi tal-UE ma’ sħab preferenzjali żdied aktar milli ma’ sħab mhux tal-FTA
Il-kummerċ tas-servizzi tal-UE (importazzjonijiet u esportazzjonijiet) ma’ sħab preferenzjali kien ta’ valur ta’ EUR 1,3 triljun fl-2023 (l-aktar ċifri reċenti disponibbli), li jirrappreżenta kważi nofs (48 %) il-kummerċ totali tal-UE fis-servizzi. Fl-2022-2023, il-kummerċ tal-UE fis-servizzi ma’ sħab preferenzjali żdied aktar malajr mill-kummerċ ma’ sħab mhux tal-FTA (+4,5 % kontra +1,2 %).
Il-bilanċ kummerċjali tal-UE fis-servizzi ma’ sħab preferenzjali wera surplus ta’ EUR 178,2 biljun, filwaqt li l-bilanċ kummerċjali tagħha mal-bqija tad-dinja wera defiċit ta’ EUR 25,4 biljun. Il-bilanċ kummerċjali totali tal-UE fis-servizzi laħaq EUR 152,8 biljun fl-2023, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 15,6 % meta mqabbel mal-2022.
Wara l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 li rat il-kummerċ tal-UE fis-servizzi (importazzjonijiet u esportazzjonijiet) jesperjenza żieda qawwija bejn l-2021 u l-2022 (+24,1 %), it-tkabbir naqas għal livell aktar normali fl-2023 (+2,8 %). Sadanittant, l-UE esportat madwar EUR 1 427 biljun f’servizzi fl-2023 (+1,6 % meta mqabbla mal-2022). Is-setturi ewlenin tal-esportazzjoni kienu s-servizzi kummerċjali oħra (23,9 %), is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tal-kompjuter u tal-informazzjoni (20,7 %), is-servizzi tat-trasport (17,2 %), is-servizzi tal-ivvjaġġar (126 %) u s-servizzi finanzjarji (7,1 %). L-UE importat madwar EUR 1 274 biljun f’servizzi (+4,1 % meta mqabbla mal-2022).
Illustrazzjoni 5: Tkabbir annwali fil-kummerċ tas-servizzi tal-UE (2022-2023)
L-UE hija mexxejja globali fis-servizzi pprovduti b’mod diġitali, li fl-2023 kienu jirrappreżentaw aktar minn nofs (54 %) tal-kummerċ estern totali tal-UE fis-servizzi u kienu jikkorrispondu għal madwar EUR 3 triljun f’importazzjonijiet u f’esportazzjonijiet.
II.2
Implimentazzjoni ta’ ftehimiet kummerċjali bilaterali tal-UE
A.Implimentazzjoni tal-impenji għall-aċċess għas-suq
Prevenzjoni/tneħħija tal-ostakli permezz tal-kumitati tal-FTA
L-esperjenza fl-indirizzar tal-ostakli potenzjali għall-kummerċ uriet b’mod konsistenti li l-UE hija l-aktar effettiva meta tkun tista’ tidentifika u tantiċipa ostakli leġiżlattivi jew regolatorji ġodda qabel ma jsiru liġi. Hija wkoll waħda mir-raġunijiet għaliex kemm fid-WTO kif ukoll fl-istrutturi ta’ ġestjoni għall-ftehimiet kummerċjali tal-UE qed issir tant enfasi fuq it-trasparenza u fuq it-twissija bikrija. Il-prevenzjoni hija kruċjali wkoll għall-SMEs li jista’ jkollhom riżorsi limitati biex isegwu l-iżviluppi potenzjali fis-swieq tal-esportazzjoni tagħhom.
L-aktar azzjoni effettiva kienet kollettiva, jiġifieri l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi tal-Kummissjoni, tad-delegazzjonijiet tal-UE, tal-Istati Membri u tan-negozji li joperaw kemm fil-pajjiżi sħab kif ukoll fl-UE. Pereżempju, azzjoni koordinata skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit reċentament għenet biex jiġi evitat li jiġi introdott ostaklu potenzjali fil-forma ta’ sussidji għall-investimenti fl-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta permezz tal-Inċentivi tal-Industrija Sostenibbli tar-Renju Unit b’baġit ta’ EUR 646 miljun. L-UE kkontestat din il-miżura b’suċċess fl-2022.
Biex jinbnew il-kapaċitajiet, il-Kummissjoni u l-Istati Membri qed ikomplu jesploraw modi prattiċi biex jiffaċilitaw il-flussi ta’ informazzjoni bejn id-delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri f’pajjiżi terzi.
Il-ftehimiet kummerċjali wittew it-triq għall-kooperazzjoni f’oqsma ta’ interess reċiproku
It-trattament ta’ regolamenti tekniċi differenti bejn il-ġuriżdizzjonijiet jinfluwenza ħafna l-kostijiet u l-kumplessitajiet tat-twettiq ta’ negozju barra mill-pajjiż. Għal din ir-raġuni, l-UE tuża l-ftehimiet kummerċjali tagħha bħala mod kif tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni regolatorja f’oqsma ta’ interess reċiproku, jitnaqqsu l-kostijiet billi jiġu rrikonoxxuti l-approċċi ta’ kull parti u tiġi promossa l-koerenza bejniethom. Hawn taħt hawn xi eżempji ta’ kooperazzjoni b’suċċess fl-2024.
·Permezz ta’ skambju regolatorju bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u Health Canada permezz tal-Forum dwar il-Kooperazzjoni Regolatorja bejn l-UE u l-Kanada, l-aċċess għall-mediċini pedjatriċi jista’ jittejjeb. Id-diskussjonijiet bejn il-Canadian Hydrogen Association u Hydrogen Europe wasslu għall-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Qbil f’Ġunju 2024, filwaqt li għaddejjin diskussjonijiet dwar ir-regolamentazzjoni tal-enerġija mill-idroġenu, il-prattiki sostenibbli u l-intelliġenza artifiċjali.
·L-aċċess għas-suq ġie ffaċilitat ukoll permezz ta’ ftehimiet dwar rikonoxximent reċiproku (MRAs, Mutual Recognition Agreements) dwar il-valutazzjonijiet tal-konformità, li jtemmu l-ħtieġa għal ittestjar doppju għali. Fl-2024, korp ġdid tal-UE għall-valutazzjoni tal-konformità ġie akkreditat skont l-MRA tal-1999 bejn l-UE u l-Istati Uniti u żewġ korpi tal-UE għall-valutazzjoni tal-konformità kellhom l-akkreditazzjoni tagħhom imġedda skont l-MRA bejn l-UE u l-Ġappun.
B.Il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli taħt il-lenti
Fl-2024, il-Kummissjoni kompliet timplimenta r-rieżami tagħha tal-politika dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD), filwaqt li rrikonoxxiet ir-rwol tat-TSD fil-politika kummerċjali.
Għall-14-il ftehim tal-UE li jinkludu speċifikament it-TSD, il-Kummissjoni kompliet tidentifika prijoritajiet speċifiċi għall-pajjiżi li jkopru kwistjonijiet tax-xogħol, tal-ġeneru, tal-ambjent, tal-klima u tas-soċjetà ċivili f’kooperazzjoni mill-qrib mal-gruppi konsultattivi domestiċi tal-UE (DAGs) stabbiliti skont dawk il-ftehimiet. L-aktar tliet ftehimiet reċenti (il-Ftehim kummerċjali Interim bejn l-UE u ċ-Ċilì, il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Kenja u l-FTA bejn l-UE u New Zealand) jinkludu wkoll dispożizzjonijiet vinkolanti dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u d-drittijiet tal-ħaddiema.
Fl-2024, il-Kummissjoni kkuntrattat konsulent indipendenti biex iwettaq evalwazzjoni ex post tal-impatt tal-FTAs tal-UE fuq aspetti ambjentali ewlenin, inkluża l-klima. L-evalwazzjoni, ippubblikata fi Frar 2025, tipprovdi analiżi kwalitattiva tal-impatt tad-dispożizzjonijiet ambjentali u klimatiċi f’seba’ ftehimiet kummerċjali tal-UE, abbażi ta’ analiżi bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni u ta’ intervisti ma’ diversi partijiet ikkonċernati. Din hija akkumpanjata minn 20 studju tal-każ li jkopru total ta’ 11-il pajjiż sieħeb.
·L-evalwazzjoni ġeneralment qablet li d-dispożizzjonijiet ambjentali fl-FTAs kellhom impatt pożittiv fuq l-ambjent u fuq il-klima fil-pajjiżi sħab u, b’mod partikolari, ma kinux wasslu għal rigress fl-istandards ambjentali jew klimatiċi biex iħeġġu l-kummerċ jew jattiraw l-investiment.
·B’mod aktar speċifiku, l-evalwazzjoni sabet li d-dispożizzjonijiet klimatiċi u ambjentali fl-FTAs tal-UE kienu ġeneralment laħqu l-objettivi tagħhom u kienu effettivi. Dawn tqiesu wkoll bħala effiċjenti peress li l-benefiċċji tal-ilħuq tal-objettivi kienu akbar mill-kostijiet għall-partijiet ikkonċernati.
·Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni kkonkludiet li d-dispożizzjonijiet ambjentali fl-FTAs tal-UE kienu koerenti u rilevanti.
Prijorità oħra fl-2024 kienet li jiġi mmonitorjat il-progress tal-ewwel ilment dwar it-TSD ippreżentat minn NGO f’Mejju 2022 mal-Punt ta’ Dħul Uniku tal-Kummissjoni rigward id-drittijiet tal-ħaddiema fis-settur tal-estrazzjoni fil-Perù u fil-Kolombja. Fl-2024, id-djalogu ma’ dawn il-pajjiżi kompla biex jiġu identifikati kwistjonijiet bl-implimentazzjoni tal-liġijiet tax-xogħol rispettivi tagħhom. Fil-każ tal-Kolombja, id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-progress fir-riformi tax-xogħol domestiċi tagħha. F’termini ta’ kooperazzjoni tat-TSD mal-Perù, f’Marzu u f’Novembru 2024 ġiet ippubblikata lista ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni teknika dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni, it-tħaddim tat-tfal, ix-xogħol furzat, il-ġlieda kontra x-xogħol informali u, b’mod partikolari, it-tisħiħ tas-sistema ta’ spezzjoni tax-xogħol. Dawn l-attivitajiet għandhom jiġu implimentati fis-snin li ġejjin b’appoġġ estensiv taħt il-programmi tal-UE.
L-eżiti pożittivi ta’ din il-ħidma juru r-rwol importanti li għandha s-soċjetà ċivili fit-twissija u fil-monitoraġġ tal-konformità mal-politika tat-TSD f’pajjiżi terzi.
F’Marzu 2024, it-tieni ilment formali dwar il-politika tat-TSD ġie ppreżentat mal-Punt ta’ Dħul Uniku. Dan kien jikkonċerna l-kapitolu dwar it-TSD tal-FTA bejn l-UE u l-Vjetnam, b’mod partikolari l-impenn meħud mill-Vjetnam biex din il-Parti “tagħmel sforzi kontinwi u sostnuti sabiex tirratifika [...] il-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO”. Il-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni nnotat il-progress limitat li sar mill-Vjetnam fir-rigward tal-isforzi kontinwi u sostnuti lejn ir-ratifika tal-Konvenzjoni 87 tal-ILO. Fis-27 ta’ Novembru 2024, il-Vjetnam adotta Liġi ġdida dwar it-Trade Unions. Madankollu, din il-liġi l-ġdida ma tagħmilx ir-ratifika tal-Konvenzjoni 87 kundizzjoni jew rekwiżit, u lanqas ma tikkostitwixxi ratifika tal-Konvenzjoni 87. Fil-21 ta’ Marzu 2025, il-Ministeru tal-Affarijiet Interni tal-Vjetnam ipprovda aġġornament bil-miktub dwar diversi kwistjonijiet relatati max-xogħol li huma ta’ interess għall-UE. L-ittra pprovdiet xi għarfien reċenti u inkludiet l-interpretazzjoni tal-Vjetnam tal-liġi ġdida tiegħu dwar it-Trade Unions, iżda ma pprovdietx biżżejjed dettalji dwar l-isforzi passati u ppjanati tal-Vjetnam biex jiġi vvalutat jekk jikkonformax mal-impenn skont l-FTA bejn l-UE u l-Vjetnam li jagħmel sforzi kontinwi u sostnuti lejn ir-ratifika tal-Konvenzjoni 87 tal-ILO. Għalhekk hija meħtieġa analiżi ulterjuri, li għaliha l-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa li tirċievi informazzjoni addizzjonali mill-Vjetnam.
It-tielet ilment dwar it-TSD ukoll rigward l-FTA bejn l-UE u l-Vjetnam wasal fi Frar 2025, rigward il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tal-ħaddiema. Il-Kummissjoni bħalissa qed twettaq il-valutazzjoni preliminari tagħha ta’ dan l-ilment.
Skont il-ftehimiet kummerċjali bilaterali tal-UE li fihom il-kapitoli dwar it-TSD, il-Kumitati Konġunti tat-TSD huma stabbiliti biex jiddiskutu kwistjonijiet tat-TSD.
Eżempji ta’ progress tanġibbli fl-2024 dwar ir-ratifika u l-implimentazzjoni ta’ konvenzjonijiet ewlenin dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u tal-ambjent, li xprunaw lill-pajjiżi sħab biex jaġġornaw l-oqfsa domestiċi rispettivi tagħhom (f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet tagħhom mal-UE), huma ppreżentati hawn taħt.
·Il-Kolombja rratifikat il-Konvenzjoni C156 tal-ILO (il-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema b’Responsabbiltajiet tal-Familja) fis-6 ta’ Diċembru 2024. Il-Gwatemala rratifikat il-Konvenzjoni C191 tal-ILO (il-Konvenzjoni dwar l-Ambjent tax-Xogħol Sikur u Tajjeb għas-Saħħa) fis-6 ta’ Awwissu 2024. Il-Moldova rratifikat il-Konvenzjoni C190 tal-ILO (il-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju) fid-19 ta’ Marzu 2024.
·Il-Moldova għamlet ukoll progress fl-aġġornament tal-arranġamenti domestiċi tagħha relatati max-xogħol u mal-ambjent. Adottat liġi dwar it-tibdil fil-klima, li tistabbilixxi qafas legali għall-kisba ta’ emissjonijiet żero netti sal-2050. Barra minn hekk, il-Programm ta’ Żvilupp b’Emissjonijiet Baxxi tal-Moldova għall-2030 tnieda fl-2024 u l-pajjiż ippubblika wkoll rekwiżiti tal-ekodisinn għal 21 prodott relatat mal-enerġija. Fir-rigward tal-ispezzjonijiet tax-xogħol, il-Moldova rrapportat dwar emendi leġiżlattivi li jippermettu spezzjonijiet mingħajr avviż biex jgħinu fl-identifikazzjoni u fir-regolarizzazzjoni ta’ xogħol mhux iddikjarat. Sar ukoll progress f’dan il-qasam mill-Georgia, li kompliet issaħħaħ is-sistema ta’ spezzjoni tax-xogħol tagħha permezz ta’ reklutaġġ, ta’ taħriġ u ta’ bini tal-kapaċitajiet addizzjonali. Il-pajjiż adotta wkoll l-Istrateġija Nazzjonali tiegħu dwar it-Tibdil fil-Klima 2030.
Bħal fis-snin preċedenti, il-Kummissjoni użat Kumitati tat-TSD stabbiliti skont il-ftehimiet kummerċjali tal-UE biex jinvolvu ruħhom mas-sħab dwar elementi ewlenin tar-rieżami tal-politika tat-TSD u biex itejbu l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi, kif ukoll dwar kwistjonijiet relatati mal-ġeneru. Ix-xogħol twettaq b’mod partikolari permezz ta’ djalogu politiku dedikat u sħubijiet ekoloġiċi. Eżempji tal-progress li sar fl-2024 huma ppreżentati hawn taħt.
·L-UE u r-Repubblika tal-Korea approfondixxew il-kooperazzjoni tagħhom skont is-Sħubija Ekoloġika mnedija f’Mejju 2023 dwar kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bħar-riħ lil hinn mill-kosta, bħad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija tat-tbaħħir, bħall-ekonomija ċirkolari u bħall-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera (CBAM, Carbon Border Adjustment Mechanism).
·L-UE u l-Ġappun żiedu l-kooperazzjoni tagħhom skont l-Alleanza Ekoloġika dwar kwistjonijiet bħall-ipprezzar tal-karbonju, l-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta u l-qbid u l-użu tal-karbonju.
·L-UE u Singapore saħħew il-kooperazzjoni tagħhom dwar it-teknoloġiji biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika.
·Beda djalogu bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali u bejn l-UE u l-Perù, il-Kolombja u l-Ekwador biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-komponent tas-sostenibbiltà tal-ftehimiet kummerċjali rispettivi tagħhom.
·Saru diskussjonijiet bejn l-UE u l-Kanada dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar il-Kummerċ u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tas-CETA. Saru avvenimenti biex tiġi kondiviża informazzjoni dwar il-politiki, il-liġijiet u l-aħjar prattiki dwar firxa ta’ kwistjonijiet. Fid-19 ta’ Marzu 2024, ġie organizzat workshop dwar il-kummerċ, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-SMEs bħala parti mill-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-2024, u f’April 2024 sar avveniment f’Toronto dwar l-appoġġ għan-nisa fil-kummerċ internazzjonali.
L-istrutturi stabbiliti taħt il-kapitoli tat-TSD kienu wkoll fora ewlenin għas-sħab tal-UE biex japprofondixxu l-fehim tagħhom tal-leġiżlazzjoni tal-UE proposta jew ippromulgata reċentement dwar is-sostenibbiltà, li xi partijiet minnha kienu sors ewlieni ta’ tħassib għal sħab differenti. Pereżempju, bi tħejjija għall-aktar Kumitat tat-TSD reċenti ma’ New Zealand, il-Kummissjoni organizzat laqgħat dwar id-deforestazzjoni bejn esperti dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti mill-UE u minn New Zealand.
L-UE kompliet tiffinanzja kooperazzjoni teknika li tappoġġa l-objettivi ta’ sostenibbiltà
Sabiex tagħmel progress fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-aspetti tal-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE, il-Kummissjoni ġeneralment straħet fuq l-offerta ta’ inċentivi lis-sħab tagħha, flimkien ma’ għażla ta’ soluzzjoni ta’ tilwim disponibbli għaliha. Fl-2024, l-UE kompliet timplimenta proġetti ta’ kooperazzjoni fl-Amerka Ċentrali u fix-Xlokk tal-Asja, inkluż permezz tal-fażi 2 tal-proġett “Kummerċ għal xogħol deċenti” (EUR 4 miljun għall-perjodu 2024-2027), immirati lejn it-titjib tal-implimentazzjoni tal-istandards tax-xogħol, b’mod partikolari fil-Bangladesh, fil-Mongolja, fil-Filippini u fil-Vjetnam. Permezz tal-inizjattiva “Imġiba responsabbli fin-negozju għal ktajjen tal-provvista ekoloġiċi, diġitali u reżiljenti fl-Asja”, l-UE kompliet tappoġġa l-ħidma tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD, Organisation for Economic Co-operation and Development) u tas-sħab tagħha fir-reġjun permezz ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ standards maqbula internazzjonalment għal imġiba responsabbli fin-negozju u billi tappoġġa l-bini tal-kapaċitajiet għal din l-implimentazzjoni.
Ħidma ma’ Gruppi Konsultattivi Domestiċi (DAGs)
Proġett tal-UE biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi tas-soċjetà ċivili skont il-ftehimiet kummerċjali – ikkuntrattat mill-Kummissjoni fl-2018 b’baġit ta’ EUR 3 miljun – ġie konkluż fi tmiem l-2024. Bis-saħħa tal-kontribut mid-DAGs, qed tiġi stabbilita faċilità finanzjarja ġdida biex tappoġġa l-funzjonament tad-DAGs, bil-possibbiltà li jiġu appoġġati f’diversi pajjiżi sħab tal-FTA, inklużi l-pajjiżi Andini u dawk tal-Amerka Ċentrali. Il-faċilità l-ġdida ta’ appoġġ (b’baġit ta’ EUR 1,5 miljun għal sentejn, u li tista’ tiġġedded darba) se tiffinanzja l-ħidma tad-DAGs fl-UE u fil-pajjiżi sħab li qed jiżviluppaw. L-ambitu tal-kuntratt il-ġdid għal dan il-proġett ġie aġġustat biex iqis il-ħtiġijiet tal-membri tad-DAG, bħall-input addizzjonali tal-esperti, it-teħid ta’ noti matul il-laqgħat u l-appoġġ segretarjali għad-DAGs f’pajjiżi sħab biex jgħinhom jorganizzaw il-laqgħat.
Il-kontributi mid-DAGs Ewropej kif ukoll minn dawk ta’ pajjiżi sħab, li jimmonitorjaw is-sitwazzjoni fil-prattika fil-pajjiżi sħab, jinfurmaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fl-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-impenji tat-TSD. Hawn taħt huma xi eżempji.
|
Eżempji ta’ input mid-DAGs.
·Kwistjonijiet imqajma mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE fil-Vjetnam relatati ma’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra xi attivisti ambjentali jew rappreżentanti tat-trade unions jappoġġaw id-diskussjonijiet tal-UE mal-Vjetnam dwar il-kwistjoni.
·L-informazzjoni pprovduta mid-DAG bejn l-UE u l-Kanada għenet liż-żewġ naħat biex jagħtu spinta lill-pjan ta’ ħidma konġunt bejn l-UE u l-Kanada dwar it-TSD.
·Eżempji pprovduti mid-DAG bejn l-UE u l-Ġappun xeħtu dawl fuq kampanja ta’ reklamar fuq skala kbira fil-Ġappun li kienet qed tiġi investigata mill-Organizzazzjoni ta’ Rieżami tar-Reklamar għall-allegat greenwashing. Dan wassal għal diskussjonijiet dwar il-merti ta’ approċċ irregolat f’dan il-qasam, kif diġà huwa l-każ fl-UE.
·F’kuntest ta’ inċertezza politika u ta’ tnaqqis demokratiku fil-Georgia, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qajmu tħassib dwar il-kompatibbiltà tal-abbozz ta’ liġi tal-Georgia dwar il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni mal-konvenzjonijiet 111 (Diskriminazzjoni/Impjieg u Xogħol) u 190 (Vjolenza u Fastidju) tal-ILO u talbu li l-abbozz ta’ liġi jiġi rtirat.
|
III.Għajnuna lill-SMEs biex isibu posthom fil-kummerċ globali
Matul l-2024, il-Kummissjoni żammet l-impenn qawwi tagħha li tgħin lin-negozji tal-UE, b’mod partikolari lill-SMEs, jagħmlu l-aħjar użu mill-ftehimiet kummerċjali tal-UE.
A.Aġġornament u promozzjoni tal-pjattaforma Access2Markets
Il-pjattaforma Access2Markets attirat aktar minn 12-il miljun viżitatur sa mit-tnedija tagħha fl-2020. Fl-2024, hija rċiviet aktar minn tliet miljun viżitatur, numru rekord sa issa. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ħarrġet lil 14 000 parti kkonċernata biex jużaw il-pjattaforma, li tippermettilhom jibbenefikaw minn informazzjoni multilingwi bla ħlas. Il-pjattaforma Access2Markets ġiet aġġornata regolarment biex issir saħansitra aktar razzjonalizzata, faċli għall-utent u ta’ għajnuna għall-SMEs Ewropej li qed ifittxu li jespandu internazzjonalment. Issa tinkludi wkoll statistika ġdida dwar is-servizzi.
·L-għodda ta’ Awtovalutazzjoni tar-Regoli tal-Oriġini (ROSA, Rules of Origin Self-Assessment) hija riżorsa siewja li tippermetti lill-kumpaniji jivvalutaw jekk il-prodotti tagħhom jissodisfawx il-kundizzjonijiet biex jibbenefikaw minn trattament preferenzjali skont ftehim kummerċjali tal-UE. Sar titjib kbir fl-għodda fl-2024 biex din issir disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE u biex tiġi estiża l-kopertura tagħha biex tinkludi l-FTA ma’ New Zealand. L-għodda issa tkopri 32 ftehim u l-kundizzjonijiet skont l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi.
·L-Assistent Kummerċjali Tiegħi għas-Servizzi u għall-Investiment hija għodda online mnedija fl-2022, li tipprovdi informazzjoni prattika dwar ir-rekwiżiti li l-fornituri tas-servizzi tal-UE jridu jissodisfaw meta jesportaw barra mill-UE. Bħala medja, tiġi kkonsultata 2 000 darba fix-xahar. Estensjoni li saret għall-għodda fl-2024 tfisser li issa tkopri aktar minn 100 settur tas-servizzi, inklużi servizzi kummerċjali u professjonali, servizzi finanzjarji, servizzi tat-telekomunikazzjoni, u servizzi tat-trasport fi tmien pajjiżi: il-Kanada, iċ-Ċina, Hong Kong SAR, il-Ġappun, in-Norveġja, l-Iżvizzera, ir-Renju Unit, u l-Istati Uniti. Fl-2025, l-informazzjoni għall-Brażil, l-Indja, il-Messiku, u l-Afrika t’Isfel ittellgħet fl-Assistent Kummerċjali Tiegħi għas-Servizzi u għall-Investiment.
·L-Assistent Kummerċjali Tiegħi għall-Akkwist tgħin lin-negozji tal-UE jistabbilixxu jekk offerta speċifika għall-aġġudikazzjoni ta’ kuntratti tkunx koperta minn wieħed mill-ftehimiet kummerċjali bilaterali tal-UE. L-għodda tkopri l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun, ir-Renju Unit u, mill-2025, l-Iżvizzera, in-Norveġja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, is-Serbja, il-Maċedonja ta’ fuq, il-Kosovo u l-Montenegro.
·Access2Conformity, li ġiet miżjuda mal-pjattaforma Access2Markets fl-2023, tgħin lill-esportaturi tal-UE jidentifikaw fejn fl-UE tista’ tiġi ttestjata u ċċertifikata l-konformità tal-prodotti tagħhom meta jesportaw lejn pajjiżi terzi li jkollhom MRA mal-UE. L-għodda bħalissa tkopri l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, New Zealand, l-Istati Uniti u l-Iżvizzera.
·Procurement4Buyers ġiet miżjuda mal-pjattaforma Access2Markets f’Ġunju 2024. L-għodda tgħin lill-awtoritajiet kontraenti fl-UE jifhmu liema mill-offerti tagħhom għandhom jinfetħu fuq bażi mhux diskriminatorja għall-offerenti, għall-oġġetti u għas-servizzi minn ċerti pajjiżi terzi. Din tgħin biex tiġi ggarantita t-trasparenza tal-impenji tal-UE dwar l-akkwist fir-rigward ta’ pajjiżi terzi.
B.Għajnuna lill-SMEs biex jagħmlu l-aħjar użu mill-ftehimiet kummerċjali internazzjonali
Il-kummerċ internazzjonali joffri varjetà ta’ benefiċċji għall-ekonomija, għan-negozji u għall-konsumaturi. Id-data mill-2023 uriet li filwaqt li madwar 95 % tal-kumpaniji li jesportaw mill-UE kienu SMEs, il-valur tal-esportazzjonijiet tagħhom kien jirrappreżenta 30 % tal-esportazzjonijiet totali. Fl-2024, il-Kummissjoni reġgħet żiedet l-isforzi tagħha biex tgħin lill-SMEs ikollhom firxa aktar internazzjonali.
Network Enterprise Europe
In-Network Enterprise Europe (EEN, Enterprise Europe Network) jappoġġa lill-SMEs b’ambizzjonijiet internazzjonali, inklużi start-ups u scale-ups. Dan joffri servizzi ta’ sħubija fin-negozju, appoġġ għad-dħul fis-suq u għall-importazzjoni/esportazzjoni, u gwida regolatorja.
Għal dan l-għan, l-EEN ikkollabora mill-qrib ma’ punti ta’ kuntatt stabbiliti fi swieq internazzjonali ta’ interess sinifikanti għall-SMEs tal-UE, inklużi l-Ġappun, il-Korea t’Isfel, Singapore, il-Vjetnam, l-Indja, il-Kanada, iċ-Ċilì, ir-Renju Unit, u l-Istati Uniti.
Fit-30 ta’ Settembru 2024, ġiet ippubblikata stedina miftuħa biex jissaħħaħ u biex jiġi estiż l-EEN biex jinkludi pajjiżi terzi strateġiċi addizzjonali. L-għan tal-istedina miftuħa kien li jiżdiedu organizzazzjonijiet ġodda ta’ appoġġ għan-negozju mal-EEN, magħrufa bħala “sħab tan-network internazzjonali”, u biex tiġi sfruttata l-esperjenza tagħhom fil-prattika.
F’Diċembru 2024, l-EEN indirizza stħarriġ online lill-konsulenti tiegħu li jipprovdu servizzi ta’ internazzjonalizzazzjoni għan-negozji lokali. Is-sejbiet ewlenin tal-istħarriġ kienu kif ġej.
ØMadwar terz tal-konsulenti tal-EEN kellhom klijenti li talbu appoġġ dwar kif jibbenefikaw minn tariffi mnaqqsa u minn allinjament regolatorju marbuta mal-ftehimiet kummerċjali tal-UE.
ØMadwar 45 % tal-konsulenti tal-EEN regolarment ipprovdew appoġġ b’rabta mal-ftehimiet kummerċjali tal-UE. Aktar minn terz tal-konsulenti tal-EEN rreferew lill-klijenti għal fornituri ta’ servizzi aktar speċjalizzati.
ØAktar minn 40 % tal-konsulenti tal-EEN kienu diġà għamlu kisbiet u/jew kellhom stejjer ta’ suċċess relatati mas-servizzi kummerċjali li pprovdew għall-klijenti tagħhom.
ØAktar minn żewġ terzi tal-konsulenti tal-EEN użaw regolarment (jew tal-anqas okkażjonalment) il-pjattaforma Access2Markets tal-UE.
Fl-2024, l-EEN appoġġa u ospita webinars li jippromwovu l-ftehimiet kummerċjali tal-UE mxandra fuq YouTube, inklużi webinars dwar:
-L-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni għall-esportazzjoni – il-benefiċċji ta’ ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku (MRAs) dwar il-kontenut tal-valutazzjoni tal-konformità;
-It-twettiq ta’ negozju fi New Zealand: kif għandu jiġi implimentat il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u New Zealand.
-It-twettiq ta’ negozju fil-Vjetnam: l-esplorazzjoni ta’ opportunitajiet fis-settur agroalimentari lokali.
Ir-riżultati konkreti tal-ħidma mill-konsulenti tan-negozju tal-EEN u eżempji ta’ kif dawn għenu lill-SMEs tal-UE jaħtfu l-opportunitajiet kummerċjali huma disponibbli fuq is-sit web tal-EEN.
Jiem l-Aċċess għas-Suq
Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, kompliet torganizza Jiem l-Aċċess għas-Suq. Dawn l-avvenimenti, li saru f’diversi pajjiżi tal-UE, għenu biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost in-negozji fil-livell nazzjonali u lokali dwar il-benefiċċji tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE. Fl-2024, saru Jiem l-Aċċess għas-Suq fi Franza, fl-Awstrija, fil-Ġermanja, fil-Belġju, fin-Netherlands u fl-Ungerija. L-Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ pparteċipa f’dawn l-avvenimenti li laqqgħu flimkien kważi 700 parti kkonċernata biex jiddiskutu l-isfidi speċifiċi tal-aċċess għas-swieq ta’ pajjiżi terzi u l-vantaġġi kompetittivi tal-ftehimiet kummerċjali.
Studju tal-istrateġija tal-UE għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs
Fit-3 ta’ Frar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat studju dwar l-istrateġija tal-UE għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs. L-istudju mmappja u analizza miżuri ta’ appoġġ nazzjonali u tal-UE eżistenti, identifika lakuni, trikkib u titjib potenzjali. Huwa offra rakkomandazzjonijiet biex isir użu aktar effiċjenti tar-riżorsi nazzjonali u tal-UE eżistenti. L-eżiti tal-istudju ġew ippreżentati f’workshop fis-7 ta’ Frar 2025. Il-Kummissjoni qed taħdem fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-istudju.
Implimentazzjoni tal-kapitoli dwar l-SMEs fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE
Il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn l-UE u l-Kanada. F’Diċembru 2024, wara diskussjonijiet regolari bejn il-Punti ta’ Kuntatt għall-SMEs rispettivi tagħhom, l-UE u l-Kanada qablu fuq pjan ta’ azzjoni ta’ 3 snin (2025-2027) biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tas-CETA dwar l-SMEs.
Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) bejn l-UE u l-Ġappun. Fl-20 ta’ Settembru 2024, il-Punti ta’ Kuntatt tal-SMEs tal-UE u tal-Ġappun kellhom ir-raba’ laqgħa tagħhom skont l-FSE, li kienet segwita minn laqgħa separata fil-11 ta’ Novembru 2024 fi Brussell. Iż-żewġ naħat irrapportaw dwar l-aktar inizjattivi reċenti tagħhom biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni skont l-FSE u dwar attivitajiet oħra biex iħeġġu lil aktar SMEs jieħdu vantaġġ mill-FSE. Ir-rapport ta’ attività konġunta tal-Punti ta’ Kuntatt għall-SMEs huwa disponibbli online. Barra minn hekk, iċ-Ċentru għall-Kooperazzjoni Industrijali bejn l-UE u l-Ġappun kompla jkollu rwol ewlieni fl-appoġġ tal-SMEs. Eżempji ta’ SMEs tal-UE li daħlu b’suċċess fis-suq Ġappuniż huma disponibbli online.
FTA bejn l-UE u New Zealand . Wara d-dħul fis-seħħ tal-FTA bejn l-UE u New Zealand fl-1 ta’ Mejju 2024, il-Punti ta’ Kuntatt għall-SMEs tal-UE u ta’ New Zealand kellhom l-ewwel laqgħa tagħhom fil-11 ta’ Diċembru 2024. Huma ddiskutew il-progress fl-implimentazzjoni tal-impenji għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni skont il-kapitolu dwar l-SMEs, is-suġġetti ta’ interess għal laqgħat futuri u kif għandha tiġi strutturata l-ħidma futura.
L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO)
Fl-2024, l-UE kkontribwiet għall-iżvilupp tal-Helpdesk tal-Kummerċ Globali, inizjattiva mmexxija b’mod konġunt mid-WTO, miċ-Ċentru Internazzjonali tal-Kummerċ u mill-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp biex tiġi ssimplifikata r-riċerka tas-suq billi tlaqqa’ flimkien informazzjoni dwar il-kummerċ u n-negozju f’portal online uniku. L-UE pparteċipat fit-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO li saret bejn is-26 ta’ Frar u t-2 ta’ Marzu 2024 f’Abu Dhabi. F’dik il-konferenza, ġew ippubblikati żewġ dokumenti intitolati Access to finance for women-led micro, small and medium-sized enterprises (‘MSMEs’): a compendium of financial inclusion initiatives u A compendium of special provisions for MSMEs in Authorized Economic Operator (AEO) Programs, b’kontributi sinifikanti mill-UE.
Matul l-2024, l-UE ħadet sehem ukoll fl-erba’ laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma informali tad-WTO dwar l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs, Micro, Small and Medium-sized Enterprises) – magħmul minn 103 pajjiżi – li fihom ippreżentat lill-membri tad-WTO l-EEN, il-pjattaforma online tas-sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti veterinarji (TRACES, Trade Control and Expert System) għaċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, u l-azzjoni meħuda biex jiġi implimentat il-Pakkett MSME ta’ Diċembru 2020.
IV.Indirizzar tal-ostakli u sejbien ta’ soluzzjonijiet
IV.1
Is-sitwazzjoni attwali u x-xejriet fl-2024
Fl-2024, taħlita ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi, fluttwazzjonijiet ekonomiċi u bidliet fil-politiki kummerċjali li kienu għaddejjin sawru dejjem aktar ix-xenarju kummerċjali globali. Il-pajjiżi u l-blokok kummerċjali tħabtu biex isibu bilanċ bejn il-protezzjoni tal-industriji domestiċi u l-iżgurar li jkun hemm fis-seħħ sistema ta’ kummerċ ħieles u ġust.
Ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni, ir-rekwiżiti tal-kontenut lokali, il-prattiki diskriminatorji u, b’mod aktar ġenerali, il-miżuri mmirati lejn is-sostituzzjoni tal-importazzjoni (eż. liċenzji mhux awtomatiċi għal varjetà ta’ importazzjonijiet), b’mod partikolari fil-Viċinat tan-Nofsinhar iżda wkoll fl-Asja, saru l-politika industrijali tal-għażla għal xi wħud mis-sħab kummerċjali tal-UE.
In-negozji tal-UE komplew jiffaċċjaw miżuri restrittivi fuq l-esportazzjoni mmirati lejn il-materja prima (kritika) biex jinħoloq spazju ta’ politika għall-iżvilupp u għall-ipproċessar industrijali, meħuda b’mod partikolari minn pajjiżi sħab fix-Xlokk tal-Asja (eż. il-projbizzjoni tal-esportazzjoni tal-Indoneżja fuq il-mineral tan-nikil), il-Lvant Imbiegħed (eż. ir-restrizzjonijiet taċ-Ċina fuq l-esportazzjonijiet tal-materjali tal-art rari), jew l-Afrika sub-Saħarjana (eż. il-Ghana u t-Tanzanija jew, aktar reċenti, il-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-litju imposti min-Namibja u miż-Żimbabwe), iżda wkoll l-azzjoni tal-Istati Uniti biex jirrestrinġu l-aċċess għall-esportazzjoni ta’ semikondutturi avvanzati għal aktar minn 120 pajjiż, inklużi xi Stati Membri tal-UE.
L-importanza tal-indirizzar u tan-navigazzjoni tal-ostakli għall-kummerċ u tal-miżuri protezzjonisti reġgħet kisbet prominenza u kienet kawża kontinwa ta’ tħassib peress li b’kollox ġew irreġistrati 23 ostaklu ġdid. Il-maġġoranza kienu miżuri sanitarji u fitosanitarji (disa’ ostakli ġodda), segwiti minn ostakli tekniċi għall-kummerċ (ħames ostakli ġodda) u ostakli għall-forniment tas-servizzi (erba’ ostakli ġodda).
A.Inventarju tal-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment irreġistrati sa mill-31 ta’ Diċembru 2024
Total ta’ 410 ostakli għall-aċċess għas-suq madwar 67 pajjiż terz ġew irreġistrati fil-bażi tad-data tal-Access2Markets tal-Kummissjoni fi tmiem l-2024. Dan kien jirrappreżenta tnaqqis ta’ 13 meta mqabbel mal-423 ostaklu rreġistrati fi tmiem l-2023. It-tnaqqis kien jirrifletti – bħal fis-snin preċedenti – l-implimentazzjoni ta’ strateġija fuq żewġ binarji: l-ewwel nett, il-ħidma proattiva mal-pajjiżi sħab biex jiġu eliminati l-ostakli għall-kummerċ li jaffettwaw lill-esportaturi tal-UE u, it-tieni, it-twettiq ta’ rieżamijiet interni regolari biex jitneħħew entrati skaduti li ma għadhomx jirrappreżentaw sfidi attwali għall-aċċess għas-suq.
F’termini ta’ distribuzzjoni ġeografika, l-ogħla numri ta’ ostakli għall-aċċess għas-suq fl-2024 ġew irreġistrati fir-Russja (32), fl-Indja (31) u fiċ-Ċina (30), segwiti mill-Istati Uniti (24), mill-Brażil u mill-Indoneżja (18 kull wieħed). Din ix-xejra ġenerali hija ġeneralment konsistenti mal-2023, għalkemm l-ordni tal-ewwel tliet pajjiżi nbidlet, bir-Russja u l-Indja li qabżu liċ-Ċina. Il-Brażil u l-Indoneżja għal darb’oħra kellhom l-istess numru ta’ ostakli. Pajjiżi terzi oħra b’10 ostakli jew aktar kienu jinkludu l-Korea t’Isfel (17), it-Turkija (14), il-Malażja, l-Awstralja u l-Alġerija (11 kull wieħed), u l-Messiku, it-Tajlandja u l-Marokk (10 kull wieħed). Kif turi l-Illustrazzjoni 6 hawn taħt, 63 % tal-ostakli għall-kummerċ ġew imposti minn sħab kummerċjali mhux preferenzjali.
Illustrazzjoni 6: Ddistribuzzjoni tal-ostakli għal kull tip ta’ ftehim
Kif turi l-Illustrazzjoni 7 hawn taħt, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS) kienu jirrappreżentaw l-akbar kategorija ta’ ostakli fl-2024, li jirrappreżentaw 93 ostaklu jew 23 % tal-ostakli rreġistrati kollha, l-istess bħal fl-2024. L-ostakli tekniċi għall-kummerċ (OTK) kienu t-tieni l-akbar kategorija, b’79 ostaklu, filwaqt li t-tariffi, l-ekwivalenti tat-tariffi u r-restrizzjonijiet kwantitattivi kienu jirrappreżentaw 65 ostaklu. L-ewwel tliet kategoriji flimkien kienu jikkostitwixxu 58 % tal-ostakli attivi kollha għall-kummerċ sa tmiem l-2024.
Illustrazzjoni 7: Tipi ta’ ostakli rreġistrati sa tmiem l-2024
F’termini ta’ xejriet, l-2024 rat tnaqqis kbir f’żewġ kategoriji speċifiċi: it-tariffi u r-restrizzjonijiet kwantitattivi, li raw in-numru ta’ ostakli jonqos minn 70 għal 65, u t-taxxi u r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, li raw l-ostakli jonqsu minn 20 sa 16. Il-miżuri SPS komplew ukoll it-trajettorja ’l isfel tagħhom, u rreġistraw tnaqqis kumulattiv ta’ kważi 15 % mill-2020, u b’hekk ikkonsolidaw xejra ta’ 5 snin. Bl-istess mod, it-tariffi u r-restrizzjonijiet kwantitattivi, u l-proċeduri amministrattivi, it-tnejn naqsu bi 17 % matul l-istess perjodu. L-ostakli relatati mal-akkwist pubbliku rreġistraw tnaqqis ta’ 4 % meta mqabbla mal-2020.
In-numru ta’ ostakli fil-kategoriji l-oħra kollha baqa’ ġeneralment stabbli meta mqabbel maċ-ċifri minn tmiem l-2020.
B.Ix-xejriet fin-numru ta’ ostakli għall-kummerċ u għall-investiment matul il-perjodu 2020-2024
Fl-2024, in-numru ta’ ostakli rreġistrati ġodda kompla jiżdied meta mqabbel mal-2023, filwaqt li baqa’ ferm taħt il-livelli ta’ qabel il-COVID. Total ta’ 23 ostaklu ġdid ġew irreġistrati fl-2024, żieda minn 16 fl-2023.
|
Kategorija
|
2020
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
|
SPS
|
13
|
2
|
3
|
3
|
9
|
|
OTK
|
5
|
6
|
2
|
3
|
5
|
|
Tariffi u ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi
|
5
|
2
|
3
|
4
|
2
|
|
Proċeduri amministrattivi
|
5
|
1
|
0
|
4
|
2
|
|
Servizzi u investiment
|
4
|
1
|
0
|
0
|
4
|
|
Miżuri oħra55
|
4
|
2
|
0
|
0
|
0
|
|
DPI
|
1
|
0
|
2
|
0
|
1
|
|
Aġġudikazzjoni ta’ kuntratti
|
3
|
2
|
0
|
0
|
0
|
|
Taxxi u restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet
|
1
|
0
|
0
|
2
|
0
|
|
Total kumplessiv
|
41
|
16
|
10
|
16
|
23
|
L-akbar żieda ġiet mill-miżuri SPS, fejn ġew irreġistrati disa’ ostakli ġodda, aktar minn kwalunkwe waħda mit-3 snin preċedenti. L-OTK żdiedu wkoll għal ħames ostakli rreġistrati ġodda, meta mqabbla ma’ tlieta fl-2023. B’kuntrast ma’ dan, it-tariffi, l-ekwivalenti tariffarji u r-restrizzjonijiet kwantitattivi, naqsu għal tnejn minn erbgħa fl-2023. Ġew irreġistrati erba’ ostakli ġodda fil-kategorija ta’ servizzi u investiment wara li l-ebda ostaklu ma ġie rreġistrat fis-sentejn preċedenti.
Fl-2024, kif turi t-tabella ta’ hawn taħt, l-agrikoltura u s-sajd baqgħu l-aktar settur affettwat b’10 ostakli ġodda, aktar mid-doppju tan-numru rreġistrat fl-2023. Is-servizzi raw ukoll żieda b’erba’ miżuri ġodda, żieda minn wieħed fis-sena ta’ qabel. Ġew irreġistrati wkoll ostakli ġodda f’industriji li qabel ma kinux affettwati bħall-kożmetiċi, l-elettronika, l-injam/il-karta, it-tessuti/il-ġilda, u ċ-ċeramika/il-ħġieġ. B’kuntrast ma’ dan, il-miżuri orizzontali naqsu għal żero.
|
Tip ta’ settur
|
Ostakli ġodda
2022
|
Ostakli ġodda
2023
|
Ostakli ġodda 2024
|
|
Agrikoltura u sajd
|
5
|
4
|
10
|
|
Orizzontali
|
3
|
5
|
0
|
|
Inbid u spirti
|
1
|
1
|
1
|
|
Industriji oħrajn
|
1
|
1
|
0
|
|
Settur awtomobilistiku
|
0
|
2
|
0
|
|
Farmaċewtiċi
|
0
|
2
|
2
|
|
Estrazzjoni
|
0
|
1
|
0
|
|
Servizzi
|
0
|
1
|
4
|
|
Ċeramika u ħġieġ
|
0
|
0
|
1
|
|
Kożmetiċi
|
0
|
0
|
2
|
|
Elettronika
|
0
|
0
|
1
|
|
Injam, karta u polpa
|
0
|
0
|
1
|
|
Tessuti u ġilda
|
0
|
0
|
1
|
|
Total
|
10
|
16
|
23
|
L-Illustrazzjoni 8 hawn taħt turi l-firxa ġeografika ta’ ostakli ġodda għall-kummerċ fl-2024. Il-Viċinat tan-Nofsinhar reġa’ rreġistra l-ogħla numru ta’ ostakli ġodda għall-kummerċ, bi tmien ostakli. Dan kien segwit mill-qrib min-Nofsinhar u mix-Xlokk tal-Asja, mill-Awstralja u minn New Zealand, li rreġistraw sitt ostakli ġodda.
Illustrazzjoni 8: Firxa ġeografika ta’ ostakli ġodda fl-2024
C. L-ostakli mneħħija fl-2024
Fl-2024, sar progress fl-indirizzar tal-ostakli għall-kummerċ, b’44 ostaklu li tneħħew kompletament jew parzjalment f’27 pajjiż sieħeb. Dan inkiseb permezz ta’ taħlita ta’ sensibilizzazzjoni diplomatika u l-użu effettiv ta’ mekkaniżmi istituzzjonali skont ftehimiet kummerċjali bilaterali u fid-WTO.
Fil-każijiet kollha, il-Kummissjoni kkooperat mill-qrib mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati tal-UE permezz tas-Sħubija għall-Aċċess għas-Swieq, li taħtha jsiru laqgħat ta’ kull xahar tal-Kumitat Konsultattiv għall-Aċċess għas-Swieq li jlaqqa’ flimkien lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-assoċjazzjonijiet kummerċjali tal-UE. Id-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi sħab kellhom rwol ewlieni fl-indirizzar tal-ostakli għall-kummerċ, fl-ingranaġġ tal-għarfien espert tagħhom fil-prattika u fl-iffaċilitar tal-aċċess dirett għall-awtoritajiet tal-pajjiżi sħab. Il-Kumitat tal-Politika tal-Kummerċ tal-Kunsill iddiskuta wkoll b’mod regolari kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni u ta’ infurzar, inkluż fir-rigward ta’ ostakli speċifiċi għall-pajjiżi.
L-aktar ostakli indirizzati (48 %) kienu relatati mas-settur tal-agrikoltura u tas-sajd. Barra minn hekk, 14 % tal-każijiet indirizzaw kwistjonijiet transsettorjali, li jaffettwaw prodotti minn aktar minn industrija waħda.
Illustrazzjoni 9: In-numru ta’ ostakli indirizzati għal kull settur (2024)
Għal darb’oħra, il-maġġoranza tal-ostakli mneħħija kienu jikkonċernaw miżuri SPS, b’21 ostaklu mneħħija fl-2024 u b’suċċessi simili matul l-ewwel 7 xhur tal-2025. Il-prevenzjoni u t-tneħħija sħiħa jew parzjali ta’ dawn l-ostakli, miksuba f’kooperazzjoni mill-qrib mal-konsulenti kummerċjali tal-Istati Membri u mal-assoċjazzjonijiet rilevanti tal-industrija, kellhom impatt pożittiv dirett fuq is-settur tal-ikel Ewropew, kif juru l-eżempji li ġejjin.
·L-Arabja Sawdija neħħiet il-projbizzjoni tagħha fuq iċ-ċanga tal-UE. Min-naħa l-oħra, l-esportazzjonijiet tal-UE tal-laħam taċ-ċanga, tan-nagħaġ u tal-mogħoż lejn l-Arabja Sawdija ġew ivvalutati għal madwar EUR 10 miljun fl-2024 (biċ-ċanga li tirrappreżenta l-maġġoranza) u huma mistennija li jiżdiedu fil-futur.
·Wara s-sospensjoni tal-importazzjonijiet taċ-ċanga u tal-majjal mill-Ġermanja għal 3 xhur, f’April 2025 Singapore rrikonoxxa lill-Ġermanja bħala “żona ħielsa mill-marda tal-ilsien u d-dwiefer mingħajr tilqim” u ppermetta li l-esportazzjonijiet jitkomplew. Il-Ġermanja bħalissa hija waħda mill-fornituri ewlenin tal-majjal ta’ Singapore, bl-esportazzjonijiet stmati għal EUR 25 miljun fl-2024. Singapore approva wkoll l-esportazzjonijiet tal-majjal u tal-prodotti tal-majjal mill-Portugall taħt kundizzjonijiet ta’ elenkar minn qabel. Kunsinna inizjali ta’ 25 tunnellata ta’ laħam tal-majjal ġiet esportata mill-Portugall lejn Singapore fi Frar 2025.
·L-Istati Uniti rrikonoxxew lill-Italja bħala uffiċjalment ħielsa mill-marda vexxikulari tal-ħnieżer. B’riżultat ta’ dan, neħħew ir-restrizzjonijiet kummerċjali fuq il-majjal u fuq il-prodotti tal-majjal li joriġinaw mit-Toskana u mill-Umbria. It-tneħħija ta’ dawn ir-restrizzjonijiet se jkollha impatt pożittiv sinifikanti fuq l-esportazzjonijiet Taljani lejn l-Istati Uniti ta’ ċerti prodotti ta’ speċjalità, b’mod partikolari prodotti protetti ta’ valur għoli bħall-Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) “Finocchiona” u l-IĠP “Prosciutto di Norcia”. L-esportazzjonijiet lejn l-Istati Uniti jirrappreżentaw 13,5 % tal-produzzjoni ċċertifikata “Finocchiona” u 15 % tal-produzzjoni tal-“Prosciutto di Norcia”.
·L-Istati Uniti reġgħu fetħu s-suq tagħhom għall-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż. Dan huwa mistenni li jkollu impatt pożittiv fuq l-esportaturi tal-UE, b’mod partikolari minn Spanja, bl-esportazzjonijiet stmati li jilħqu 750 tunnellata sal-2027, żieda minn 120 tunnellata fl-2025, li tikkorrispondi għal valur ta’ madwar EUR 13-il miljun fis-sena.
Ħamsa mill-ostakli li tneħħew fl-2024 kienu OTK, filwaqt li sebgħa oħra kienu jikkonċernaw tariffi, ekwivalenti tariffarji jew restrizzjonijiet kwantitattivi. It-tneħħija ta’ dawn l-ostakli għenet biex jitnaqqsu l-kostijiet u jittejjeb l-aċċess għas-suq għall-esportaturi tal-UE. Hawn taħt hawn xi eżempji tal-ostakli mneħħija.
·Il-Paragwaj elimina tariffa għal-legalizzazzjoni tad-dokumenti ta’ esportazzjoni fil-konsulati tiegħu (li tiswa lill-importaturi tal-UE EUR 22 miljun fis-sena), u b’hekk neħħa parti kbira mis-sors ta’ kunflitt mir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Paragwaj.
·Fl-2021, ir-Repubblika Dominicana wara l-azzjoni meħuda mid-delegazzjoni tal-UE, mill-Istati Membri u minn pajjiżi affettwati oħra ddeċidiet li teżenta lill-importaturi tax-xorb alkoħoliku mis-sistema ta’ kontroll fiskali u traċċabbiltà tagħha (TRAFICO). Din is-sistema teħtieġ tikkettar individwali ta’ kull unità individwali ta’ prodott (eż. fliexken, laned, eċċ.), u kienet żiedet b’mod sinifikanti l-kost tal-prodotti importati meta mqabbel mal-prodotti lokali. L-importaturi tal-UE issa qed jiffrankaw madwar EUR 6,5 miljun fis-sena.
·Fl-2025, ir-Repubblika Dominicana temmet ukoll id-diskriminazzjoni kontra l-importazzjonijiet ta’ ġobnijiet, prieżet imsajrin u ħxejjex fil-laned mill-UE li, għall-kuntrarju tal-ekwivalenti domestiċi tagħhom, kienu soġġetti għal VAT ta’ 18 %. Wara d-diskussjonijiet li saru b’mod bilaterali u fi ħdan il-Kumitat għall-Aċċess għas-Swieq tad-WTO, l-awtoritajiet tar-Repubblika Dominicana temmew id-diskriminazzjoni billi estendew il-VAT għall-prodotti domestiċi (għajr għal ċerti tipi ta’ ħxejjex fil-laned u l-perżut tad-dundjan). Dan huwa mistenni li jħalli impatt pożittiv fuq l-esportazzjonijiet tal-UE ta’ ġobnijiet u ta’ prieżet lejn ir-Repubblika Dominicana, li fl-2024 kellhom valur ta’ madwar EUR 50 miljun.
·L-awtorità tas-sajd Peruvjana emendat ir-regoli tagħha dwar l-iffaċilitar tal-forniment transfruntier ta’ servizzi u f’Novembru 2024 irrikonoxxiet uffiċjalment laboratorju tal-UE biex jaħdem fil-Perù bħala entità tal-ittestjar għall-ħruġ ta’ ċertifikati SPS għall-esportazzjonijiet ta’ ikel u ta’ għalf. Dan ifisser li l-laboratorju tal-UE mhux se jibqa’ jiffaċċja ostakli proċedurali, bħal verifiki fuq il-post u kundizzjonijiet tax-xogħol stretti wisq għall-persunal tiegħu. Dan l-avvanz segwa ħafna snin ta’ negozjati biex jiġu indirizzati l-ostakli regolatorji skont il-ftehim kummerċjali tal-UE mal-Perù.
·L-Indoneżja neħħiet il-projbizzjoni tagħha fuq l-importazzjonijiet tat-tessuti u tal-prodotti tat-tessuti (eż. twapet u rugs) mill-kumpaniji tal-UE. Qabel ma tneħħiet il-projbizzjoni, il-kumpaniji tat-tessuti tal-UE setgħu jimportaw biss materjali nofshom lesti jew prodotti mhux lesti jekk jintalbu jagħmlu dan minn SMEs irreġistrati mal-Ministeru tal-Industrija tal-Indoneżja.
·L-Arabja Sawdija ffaċilitat ulterjorament l-aċċess għas-suq għall-madum taċ-ċeramika tal-UE fl-2024 u fl-2025 billi għamlet l-awditi inqas ta’ piż. Wara bosta tentattivi biex tiġi solvuta l-kwistjoni fil-laqgħat dwar l-OTK tad-WTO u f’laqgħat bilaterali, inkluż permezz ta’ ittra mill-Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ tal-Kummissjoni f’Settembru 2024, l-Arabja Sawdija finalment ipprovdiet garanzija bil-miktub li l-korpi tal-awditjar tagħha jikkonformaw ma’ limitu fuq il-kostijiet tal-awditjar għall-esportaturi tal-UE. Sa minn meta l-ittestjar żejjed u l-awditi tal-prodotti waqfu wara investigazzjoni skont ir-Regolament dwar l-Ostakli għall-Kummerċ, l-esportazzjonijiet tal-UE tal-madum taċ-ċeramika lejn l-Arabja Sawdija raw tkabbir kostanti, billi żdiedu fil-valur minn EUR 385 miljun fl-2021 għal EUR 502 miljun fl-2024. B’mod ġenerali, il-madum taċ-ċeramika jirrappreżenta 30 % tal-esportazzjonijiet kollha tal-UE lejn l-Arabja Sawdija.
·F’Jannar 2024, wara talbiet konsistenti mill-OECD u mill-UE, il-Brażil irriforma r-regoli tiegħu dwar “l-ipprezzar tat-trasferimenti”, jiġifieri l-prezz li l-fergħat tal-istess korporazzjoni jimponu fuq xulxin għall-oġġetti u għas-servizzi pprovduti b’mod transfruntier. Dawn it-tranżazzjonijiet issa jridu jiġu fatturati bir-rata tas-suq, skont regoli ġodda allinjati mal-“prinċipju ta’ distakkament” tal-OECD. Din il-bidla, li tirrifletti prijorità dejjiema tal-UE, iġġib aktar ċertezza fiskali, tnaqqas it-tassazzjoni doppja u tissimplifika l-konformità għan-negozji tal-UE li joperaw fil-Brażil. Filwaqt li l-impatt sħiħ jieħu ż-żmien biex iseħħ, il-bidla diġà hija pass kbir ’il quddiem fil-ħolqien ta’ ambjent kummerċjali aktar ġust u aktar prevedibbli.
Fl-2024, sar ukoll progress tajjeb fl-indirizzar tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni.
·It-Turkija neħħiet reġim ta’ liċenzjar li kien ilu jeżisti għall-esportazzjonijiet tar-ruttam tar-ram li fil-prattika kien ekwivalenti għal projbizzjoni fuq l-esportazzjoni minħabba l-kundizzjonijiet projbittivi li impona. Ir-ruttam tar-ram issa jiġi rreġistrat awtomatikament għall-esportazzjoni.
·L-Indja u l-Bangladesh temmew ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni li kien ilhom żmien jimponu fuq ġlud u li kien ilhom jaffettwaw l-industriji tal-ilbies u tal-ġilda tal-UE. L-Indja neħħiet id-dazju tal-esportazzjoni eċċessiv tagħha fuq ġlud grezzi u ċerti ġlud nofshom lesti (li kienu l-ogħla globalment, u li jvarjaw minn 25 % sa 60 %), li kienu llimitaw il-kapaċità tal-industrija tal-ħwejjeġ tal-UE li tikseb provvista suffiċjenti ta’ materja prima minn sorsi affidabbli bi prezzijiet tas-suq. Fl-2025, id-dazji doganali bażiċi tnaqqsu minn 10 % għal żero fuq ġilda wet-blue għall-ġlud u minn 20 % għal żero fuq il-ġilda (ġlud “in crust”). Fl-2024, il-Bangladesh neħħa parzjalment il-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tiegħu u issa jippermetti li l-ġlud grezzi u l-ġilda wet-blue jiġu esportati fuq bażi ta’ każ b’każ.
IV.2
Infurzar bilaterali u multilaterali tal-impenji kummerċjali: soluzzjoni ta’ tilwim
Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-ostakli għadhom qed jiġu indirizzati permezz ta’ involviment bilaterali mas-sieħeb kummerċjali permezz ta’ kumitati tal-FTA jew kumitati fid-WTO, f’xi każijiet għadu neċessarju li wieħed jgħaddi għal proċeduri formali ta’ soluzzjoni ta’ tilwim, jew skont ftehim bilaterali jew fid-WTO. Għalhekk, għal din tal-aħħar jibqa’ kruċjali li tiġi ppreżervata l-kapaċità li jiġi aġġudikat tilwim bejn il-Membri tad-WTO.
B’mod partikolari, il-Ftehim Interim ta’ Arbitraġġ tal-Appell bejn Bosta Partijiet (MPIA, Multi-Party Interim Appeal Arbitration Agreement) kif ukoll il-ftehimiet ta’ arbitraġġ tal-appell ad hoc għenu biex tiġi ppreżervata l-aġġudikazzjoni ta’ tilwim fid-WTO minkejja li l-Korp tal-Appell tad-WTO kien ilu ma jiffunzjona mill-2019 minħabba l-imblukkar mill-Istati Uniti tal-ħatra tal-membri tiegħu. L-MPIA jiggarantixxi l-aċċess tal-parteċipanti tiegħu għal sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim li tiffunzjona fid-WTO u jiżgura li r-regoli jkunu jistgħu jiġu infurzati, u li t-tilwim kummerċjali jkun jista’ jiġi aġġudikat, mingħajr ma’ jkun hemm appell “fil-baħħ”. Wara li l-Paragwaj, il-Malażja u r-Renju Unit daħlu fl-ewwel nofs tal-2025, l-MPIA issa jkopri 57 minn 166 Membru tad-WTO (li jinkludu l-Istati Membri tal-UE), li jirrappreżentaw 57 % tal-kummerċ dinji. L-MPIA ġie stabbilit fl-2020 u wera li huwa effettiv fl-iżgurar tas-soluzzjoni ordnata tat-tilwim.
Fiż-żmien tal-abbozzar ta’ dan ir-rapport, ma ġie ppreżentat l-ebda appell “fil-baħħ” fi kwalunkwe tilwima bejn il-parteċipanti tal-MPIA. L-ewwel deċiżjoni tal-MPIA nħarġet f’Diċembru 2022 f’każ imressaq mill-UE (DS591, Colombia – Frozen fries).
Fit-22 ta’ April 2025, l-UE appellat ukoll fi ħdan l-MPIA fil-każ DS611 (China – Anti-Suit Injunctions). Fil-21 ta’ Lulju, l-Arbitru tal-appell tad-WTO eskluda sejbiet importanti tal-bord inizjali u qabel mal-UE li kkonkludiet li l-politika tal-mandat ta’ inibizzjoni kontra proċedimenti oħra taċ-Ċina hija inkonsistenti mal-Ftehim dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPS, Trade-Related Aspects of Intellectual Property Rights). Din hija rebħa importanti għall-kumpaniji tat-teknoloġija avvanzata bbażati fl-UE li l-eżiti tar-riċerka tagħhom kienu mminati mill-politiki Ċiniżi inkwistjoni. Din tiżgura li l-kumpaniji Ewropej ikunu jistgħu jkomplu jiddefendu l-proprjetà intellettwali tagħhom fil-qrati Ewropej.
Is-soluzzjoni ta’ tilwim għadha mezz importanti għall-azzjoni ta’ infurzar tal-UE. Hija approċċ stabbilit sew u bbażat fuq ir-regoli għas-soluzzjoni ta’ tilwim li jipprovdi ċertezza legali u prevedibbiltà lill-kummerċjanti, lin-negozji u lill-gvernijiet.
B’kollox, tnedew ħames tilwimiet ġodda bejn Ġunju 2024 u Lulju 2025:
·Fl-14 ta’ Ġunju 2024, l-UE fetħet każ bilaterali għas-soluzzjoni ta’ tilwim kontra l-Alġerija skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Alġerija, li fih talbet konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet Alġerini biex jiġu indirizzati diversi restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet u fuq l-investimenti tal-UE, inkluż, fost l-oħrajn, sistema ta’ liċenzjar tal-importazzjoni li għandha l-effett ta’ projbizzjoni fuq l-importazzjoni, sussidji kontinġenti fuq l-użu ta’ inputs lokali għall-manifattura tal-karozzi, limitu massimu fuq is-sjieda barranija għall-kumpaniji li jimportaw oġġetti fl-Alġerija u projbizzjoni fuq l-importazzjoni taċ-ċeramika u tal-irħam. L-UE qed tikkontesta dawk il-miżuri restrittivi għall-kummerċ u għall-investiment bħala inkompatibbli mal-impenji tal-Alġerija skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Alġerija. Sfortunatament, il-konsultazzjonijiet ma rnexxilhomx isolvu t-tħassib tal-UE. Għalhekk, fil-15 ta’ Lulju 2025, l-UE pproċediet għall-pass li jmiss fit-tilwima, li huwa l-ħatra ta’ arbitru.
·Fis-26 ta’ Lulju 2024, l-UE talbet konsultazzjonijiet dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim fid-WTO dwar l-użu mit-Tajwan ta’ kriterji ta’ kontenut lokali għal proġetti tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta (DS625, Chinese Taipei — Measure Relating to Investments in Offshore Wind Installations). Fil-fehma tal-UE, l-eliġibbiltà tal-kontenut lokali tat-Tajwan u l-kriterji tal-għoti fl-irkanti tal-allokazzjoni tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija għall-parks eoliċi lil hinn mill-kosta ddiskriminaw kontra oġġetti u servizzi importati. Wara l-konsultazzjonijiet, f’Novembru 2024, l-UE u t-Tajwan laħqu fehim dwar kif it-Tajwan se jindirizza t-tħassib tal-UE fil-futur. L-UE qiegħda timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji.
·Fit-23 ta’ Settembru 2024, l-UE talbet konsultazzjonijiet dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim maċ-Ċina fid-WTO dwar il-bidu ta’ investigazzjoni antisussidji kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-ħalib mill-Unjoni Ewropea (DS628, China — Initiation of CVD Investigation on Imports of Certain Dairy Products). Din hija l-ewwel darba li l-UE ddeċidiet li tikkontesta investigazzjoni fl-istadju tal-bidu tagħha. L-azzjoni tal-UE kienet imqanqla minn xejra emerġenti li ċ-Ċina bdiet miżuri għad-difiża tal-kummerċ, abbażi ta’ allegazzjonijiet dubjużi u evidenza insuffiċjenti, f’perjodu qasir ta’ żmien. B’dan il-mod, il-Kummissjoni qed twettaq l-impenn tagħha li tiddefendi bis-sħiħ l-interessi tal-industrija tal-ħalib tal-UE u tal-Politika Agrikola Komuni kontra proċedimenti abbużivi.
·Fil-25 ta’ Novembru 2024, l-UE talbet konsultazzjonijiet dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim maċ-Ċina fid-WTO dwar id-dazji anti-dumping proviżorji imposti miċ-Ċina fuq il-brandy tal-UE (DS631, China — Provisional Anti-dumping Duties on Brandy from the EU). Il-konsultazzjonijiet intalbu minħabba li l-UE temmen li l-miżuri proviżorji jiksru r-regoli tad-WTO peress li ċ-Ċina bbażathom fuq evidenza insuffiċjenti u fuq allegazzjonijiet dubjużi (b’mod partikolari, dwar l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu għall-industrija tal-brandy tagħha u dwar ir-rabta ta’ kawżalità bejn l-allegata theddida ta’ dannu u l-importazzjonijiet ta’ brandy mill-UE).
·Fl-20 ta’ Jannar 2025, l-UE talbet konsultazzjonijiet dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim maċ-Ċina fid-WTO dwar il-prattika tal-qorti Ċiniża li tistabbilixxi rati ta’ royalties madwar id-dinja għal privattivi essenzjali għal standard mingħajr il-kunsens tal-propjetarju tal-privattiva (DS632, China — Worldwide Licensing Terms for Standard Essential Patents). Dawn il-prattiki jipprevjenu lill-kumpaniji tal-UE milli jirrikorru għall-qrati tal-UE biex jiddefendu d-drittijiet tal-PI tagħhom u jagħmlu pressjoni fuq kumpaniji innovattivi Ewropej biex inaqqsu r-rati tar-royalties fuq il-privattivi tagħhom fuq bażi dinjija għall-benefiċċju tal-kumpaniji Ċiniżi.
Meta l-UE tkun ikkonfrontata b’tattiċi ta’ dewmien jew ta’ pajjiżi sħab li jonqsu milli jikkonformaw mal-konklużjonijiet tal-gruppi ta’ esperti, il-Kummissjoni tista’ tattiva proċedimenti ta’ konformità, kif sar f’DS577 (US – Ripe olives). Wara n-nuqqas mill-Istati Uniti li jimplimentaw s-sejbiet tar-rapport tal-bord ta’ konformità tal-14 ta’ Marzu 2024, l-UE, fl-14 ta’ Novembru 2024, talbet lill-Korp għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim tad-WTO jawtorizza l-impożizzjoni ta’ kontromiżuri kif previst mill-Artikolu 22.2 tal-Qbil dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim (DSU, Dispute Settlement Understanding). Wara t-talba tal-Istati Uniti għal arbitraġġ dwar il-livell ta’ kontromiżuri proposti mill-UE, ġie stabbilit bord tad-WTO fid-29 ta’ Novembru 2024 u l-proċedimenti bħalissa għadhom għaddejjin.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kompliet bl-isforzi tagħha biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tad-deċiżjonijiet tal-bord favur l-UE. Biex tagħmel dan, qed tagħmel użu sħiħ mill-possibbiltajiet offruti mill-iskema għas-soluzzjoni ta’ tilwim tad-WTO. F’Novembru 2024, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni skont ir-Regolament dwar l-Infurzar imsaħħaħ tagħha dwar l-effett li t-tariffi inkonsistenti tad-WTO tal-Indja fuq ċerti oġġetti tal-ICT għandhom fuq l-entitajiet affettwati mill-miżuri Indjani jew minn miżuri ta’ politika kummerċjali possibbli tal-UE b’reazzjoni għal dawn.
IV.3
Il-Punt ta’ Dħul Uniku
Il-Punt ta’ Dħul Uniku tal-Kummissjoni huwa pjattaforma ċentralizzata għall-kumpaniji, għall-assoċjazzjonijiet kummerċjali u għal partijiet ikkonċernati oħra tal-UE biex jirrapportaw b’mod effiċjenti l-ostakli għall-kummerċ. Dan jipprovdi proċess razzjonalizzat għall-valutazzjoni tal-ilmenti u sa issa rċieva aktar minn 180 ilment estern minn meta tnieda 5 snin ilu. Il-maġġoranza l-kbira (madwar 97 %) tikkonċerna kwistjonijiet ta’ aċċess għas-suq, filwaqt li 3 % huma relatati ma’ kwistjonijiet ta’ kummerċ u żvilupp sostenibbli (TSD). Fl-2024, il-Punt ta’ Dħul Uniku reġa’ wera li huwa strument effettiv.
Il-Punt ta’ Dħul Uniku: Kif jaħdem?
L-ilmenti jistgħu jiġu sottomessi bl-użu ta’ formoli online apposta fuq il-pjattaforma Access2Markets. Hemm formola waħda għal kwistjonijiet ta’ aċċess għas-suq u oħra għal kwistjonijiet tat-TSD u l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (SĠP). Dawn il-formoli huma maħsuba biex jipprovdu lid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ u s-Sigurtà Ekonomika (DĠ KUMMERĊ) tal-Kummissjoni Ewropea b’informazzjoni suffiċjenti biex iwettaq valutazzjoni preliminari u jiddetermina l-azzjoni xierqa.
F’Diċembru 2023, id-DĠ TRADE aġġorna u kompla jirrazzjonalizza l-linji gwida operazzjonali tal-Punt ta’ Dħul Uniku, billi introduċa skeda ta’ żmien indikattiva ta’ 120 jum tax-xogħol għall-ipproċessar ta’ lmenti relatati mat-TSD/SĠP.
Għall-fini ta’ ċarezza, jistgħu jiġu organizzati laqgħat ta’ qabel in-notifika ma’ lmentaturi prospettivi u jistgħu jsiru diskussjonijiet ta’ segwitu ladarba jiġu ppreżentati l-ilmenti. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, jekk neċessarju, tniedi lment fuq inizjattiva tagħha stess (ex officio).
Fl-2024, il-Punt ta’ Dħul Uniku rċieva 43 ilment dwar l-ostakli għall-kummerċ f’24 pajjiż sieħeb, li jkopru r-reġjuni ġeografiċi kollha. Bħal fis-snin preċedenti, l-akbar numru ta’ lmenti (madwar terz) kienu jikkonċernaw ir-reġjun li jinkludi l-Viċinat tan-Nofsinhar, il-Lvant Nofsani, it-Turkija, ir-Russja u l-Asja Ċentrali. Dan ġie segwit mir-reġjun li jinkludi l-Asja tan-Nofsinhar u tax-Xlokk, l-Awstralja, u New Zealand, li kien jirrappreżenta 28 % tal-ilmenti. L-Ewropa u l-Viċinat tal-Lvant kienu responsabbli għal kważi wieħed minn kull ħamsa tal-ilmenti kollha. Flimkien, dawn it-tliet reġjuni kienu jirrappreżentaw madwar 78 % tal-ilmenti kollha li waslu fl-2024.
Illustrazzjoni 10: Ilmenti sottomessi lill-Punt ta’ Dħul Uniku fl-2024, skont ir-reġjun
Fl-2024, il-Punt tad-Dħul Uniku rċieva lmenti minn firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati. Il-maġġoranza l-kbira ġew sottomessi min-negozji tal-UE, b’25 ilment ġejjin minn kumpaniji individwali, 10 minn assoċjazzjonijiet kummerċjali Ewropej, u tlieta minn assoċjazzjonijiet tal-industrija nazzjonali. Erba’ lmenti addizzjonali ġew sottomessi mill-Istati Membri tal-UE. Dan huwa konsistenti max-xejra ġenerali minn meta tnieda l-Punt ta’ Dħul Uniku. Sal-lum, 89 % tal-ilmenti esterni kollha ġew minn negozji tal-UE, bi 52 % minn kumpaniji individwali, 29 % minn assoċjazzjonijiet fil-livell tal-UE, u 8 % minn assoċjazzjonijiet nazzjonali. L-Istati Membri jirrappreżentaw l-10 % li jifdal.
Sa issa, 48 % tal-ilmenti kollha sottomessi għandhom x’jaqsmu mal-identifikazzjoni ta’ ostakli ġodda jew eżistenti għall-kummerċ.
Mhux l-ilmenti kollha li waslu fl-2024 wasslu għas-sejba ta’ ostaklu għall-kummerċ. Barra minn hekk, xi lmenti ma ġewx aċċettati peress li ma ġewx sottomessi lill-Punt ta’ Dħul Uniku mill-partijiet ikkonċernati tal-UE jew minn korpi oħra intitolati li jissottomettu lmenti f’konformità mal-linji gwida operattivi. Numru ta’ lmenti ma ġewx ipproċessati ulterjorament minħabba li l-Punt ta’ Dħul Uniku ma ngħatax biżżejjed informazzjoni biex jipproċedi b’valutazzjoni. Barra minn hekk, xi lmenti kienu jikkonċernaw lill-Istati Membri tal-UE u għalhekk kienu barra l-ambitu tal-Punt ta’ Dħul Uniku. Fl-aħħar nett, xi lmenti ma ġewx irreġistrati bħala ostakli għall-kummerċ peress li l-Punt ta’ Dħul Uniku ma sab l-ebda evidenza ta’ ksur fil-valutazzjoni preliminari tiegħu. Dawn l-ilmenti ngħalqu mingħajr ebda azzjoni ulterjuri.
Eżempju prattiku: L-Arġentina – il-madum taċ-ċeramika
Ilment: Fi tmiem l-2023, il-Punt ta’ Dħul Uniku rċieva lment dwar riżoluzzjoni introdotta mill-Arġentina li tistabbilixxi skema ġdida ta’ ċertifikazzjoni tal-importazzjoni kemm għall-madum taċ-ċeramika prodott domestikament kif ukoll għal dak importat.
Kwistjonijiet irrapportati: L-iskema kienet tirrikjedi li l-manifatturi jkollhom valutazzjoni tal-konformità minn parti terza mwettqa mill-Istitut Arġentin tal-Istandardizzazzjoni u ċ-Ċertifikazzjoni (IRAM, Instituto Argentino de Normalización y Certificación) qabel ma jkunu jistgħu jintroduċu l-prodotti tagħhom fis-suq. Din il-miżura tqieset bħala ostaklu bla bżonn għall-manifatturi tal-UE li diġà jimmanifatturaw il-madum tagħhom skont standard ta’ awtoċertifikazzjoni aċċettat globalment li ma jirrikjedix valutazzjoni tal-konformità minn parti terza. Għalhekk, l-iskema kienet timponi piż ekonomiku/amministrattiv sinifikanti fuq il-kumpaniji tal-UE li jixtiequ jikkompetu fis-suq tal-Arġentina.
Azzjoni li ttieħdet: Wara sforzi konġunti mill-Kummissjoni, diversi Stati Membri u d-delegazzjoni tal-UE fi Buenos Aires, f’Marzu 2024 saret laqgħa mas-Segretarju tal-Kummerċ Arġentin li rrikonoxxa li r-riżoluzzjoni kienet tpoġġi piż eċċessiv fuq il-produtturi u kienet tpoġġi lill-konsumatur finali fl-Arġentina f’riskju li jkollu jħallas prezzijiet ogħla għall-madum taċ-ċeramika.
Soluzzjoni: Fit-30 ta’ Awwissu 2024, ġiet ippubblikata riżoluzzjoni ġdida (236/2024) li neħħiet ir-rekwiżiti għall-importaturi. Minflok, il-kumpaniji li huma meħtieġa jiċċertifikaw l-importazzjonijiet tal-materjali tal-kostruzzjoni (inkluż il-madum taċ-ċeramika) se jkunu jistgħu jippreżentaw dikjarazzjoni ġuramentata ta’ konformità b’ċertifikazzjoni internazzjonali, li se titqies ekwivalenti għaċ-ċertifikazzjoni mill-IRAM. It-tneħħija ta’ dan l-ostaklu hija stmata b’valur ta’ madwar EUR 16-il miljun fis-sena lill-esportaturi tal-UE tal-madum taċ-ċeramika lejn l-Arġentina.