Brussell, 5.11.2025

COM(2025) 903 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Nikkollegaw l-Ewropa b’Ferroviji ta’ Veloċità Għolja

{SWD(2025) 960 final} - {SWD(2025) 961 final}


1.Introduzzjoni u objettivi

Network ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja se jagħti spinta lill-ekonomija tagħna, joħloq impjiegi ta’ kwalità, irawwem il-koeżjoni, iġib liċ-ċittadini eqreb lejn xulxin, inaqqas it-tniġġis tal-arja u jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi tagħna. Linja ferrovjarja ta’ veloċità għolja hija kruċjali biex tagħmel l-Ewropa aktar magħquda u lesta għall-futur, filwaqt li ssaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Ewropea.

Network ferrovjarju ta’ veloċità għolja li jgħaqqad il-bliet kapitali u bliet ewlenin oħra fl-UE jista’ joffri alternattiva konvenjenti u nadifa għall-vjaġġaturi għal titjiriet fuq distanza qasira sa medja, u alternattiva rapida u komda għall-karozzi individwali jew għax-xarabanks 1 . Konnessjonijiet aħjar jistgħu jgħinu biex titnaqqas il-pressjoni demografika fuq żoni urbani kbar, b’mod partikolari fuq is-suq tal-akkomodazzjoni, filwaqt li jipprevjenu d-depopolazzjoni ta’ bliet iżgħar.

Meta jitqies dan, l-Istrateġija Komprensiva għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti (SSMS, Sustainable and Smart Mobility Strategy) 2 stabbiliet miri biex it-traffiku ferrovjarju ta’ veloċità għolja jirdoppja sal-2030 meta mqabbel mal-2015, u jittripla sal-2050. Ir-Regolament TEN-T tal-2024 3 jistabbilixxi l-bażi biex jinkiseb network ferrovjarju ta’ veloċità għolja fl-Ewropa. Dan jirrikjedi konnessjonijiet ferrovjarji ta’ veloċità għolja ta’ aktar minn 200 km/h bejn iċ-ċentri urbani Ewropej ewlenin u jiżgura l-integrazzjoni tagħhom fil-bqija tan-network. Dan in-network integrat u koerenti huwa bbażat fuq in-network ferrovjarju ewlieni TEN-T u fuq in-network ferrovjarju tal-passiġġieri ewlieni estiż u huwa mistenni li jitlesta gradwalment sal-2040. Dan se jippermetti konnessjonijiet veloċi filwaqt li jiżgura l-koeżjoni territorjali. F’ħafna każijiet, huwa mistenni li jnaqqas il-vjaġġi bejn il-bliet kapitali tal-UE bin-nofs jew aktar (ara l-Illustrazzjoni 1). In-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja għandu jiġi estiż għall-pajjiżi kandidati fit-terminu medju sa twil.

Madankollu, sa issa, l-UE ma tinsabx fit-triq it-tajba: fl-2023, it-traffiku ferrovjarju ta’ veloċità għolja żdied bi 17 % biss meta mqabbel mal-2015 4 , filwaqt li t-tul tal-binarji ferrovjarji ta’ veloċità għolja li kienu qed jaħdmu kien ta’ 12 128 km 5 , u dawn il-binarji jinsabu prinċipalment fi Spanja, fi Franza, fl-Italja u fil-Ġermanja. L-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għad ma għandhomx konnessjoni tajba. Għalhekk, minħabba frammentazzjoni u ostakli persistenti, għad fadal ħafna xi jsir sabiex jitlesta network ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja konness tassew. Fir-rapport tiegħu tal-2024 6 , Mario Draghi ssottolinja li l-investiment fl-infrastruttura huwa kruċjali biex jissaħħu l-kompetittività, il-koeżjoni u r-reżiljenza tal-Ewropa filwaqt li jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Ir-rapport ta’ Letta 7 għamilha ċara li, filwaqt li t-trasport ferrovjarju ta’ veloċità għolja ttrasforma l-ekonomiji nazzjonali u l-pajsaġġi soċjali, dan waqaf fil-fruntieri nazzjonali.

Illustrazzjoni 1: Eżempji ta’ ffrankar ta’ ħin kbir bejn bliet kapitali magħżula tal-UE 8

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tippreżenta Komunikazzjoni “Nikkollegaw l-Ewropa b’ferroviji ta’ veloċità għolja” li għandha l-għan li tippromwovi l-kompetittività sostenibbli tal-Ewropa billi tintegra d-dekarbonizzazzjoni, il-politiki industrijali, tal-kompetizzjoni u ekonomiċi u tbiddel l-innovazzjoni fi tmexxija fil-manifattura u fil-ħolqien tax-xogħol. Biex jintlaħqu l-objettivi intermedji tal-SSMS, se jkun kruċjali li titlesta l-infrastruttura meħtieġa u li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet qafas li jippermettu servizzi attraenti. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta pjan direzzjonali ċar u miżuri konkreti biex tinkiseb il-viżjoni ta’ network ferrovjarju ta’ veloċità għolja li jiffunzjona tajjeb u aktar veloċi sal-2040. L-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan tirrikjedi azzjoni b’saħħitha u konċertata mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri, mis-settur ferrovjarju, mill-investituri privati u mill-industrija Ewropea.

Il-Komunikazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jivvalutaw u jippjanaw għall-possibbiltà li jaqbżu r-rekwiżiti minimi tat-TEN-T, bl-għan li jimmodernizzaw jew jibnu, fejn ikun ekonomikament fattibbli, konnessjonijiet ġodda b’veloċità għolja inkluż b’veloċitajiet ferm ogħla minn 250 km/h 9 .

Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-ambizzjoni li titnaqqas b’mod sinifikanti d-durata tal-vjaġġi ferrovjarji popolari madwar l-Ewropa, b’miżuri li jeliminaw l-ostakli tas-suq u jnaqqsu l-kostijiet, biex tiżgura industrija ferrovjarja b’saħħitha u globalment kompetittiva u għażliet affordabbli għall-passiġġieri. Għal dan l-għan, il-Komunikazzjoni tistabbilixxi prijoritajiet speċifiċi ta’ infrastruttura b’veloċità għolja u titlob li jinkisbu konnessjonijiet b’veloċità għolja fost il-bliet kapitali tal-UE u nodi urbani ewlenin. 

Biex din il-viżjoni timmaterjalizza, se jkunu meħtieġa investimenti kbar. Din hija r-raġuni għaliex il-Komunikazzjoni tippreżenta pjan għal strateġija ta’ finanzjament. Il-Komunikazzjoni tindirizza wkoll l-ostakli infrastrutturali, kummerċjali u tekniċi, li jinkludu d-disponibbiltà tal-vetturi ferrovjarji u l-aċċess għall-faċilitajiet tas-servizzi u tħabbar rekwiżiti armonizzati u kokreazzjoni għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ trainsets Ewropej ta’ veloċità għolja.

Fl-aħħar nett, il-Komunikazzjoni tappella għal rwol aktar b’saħħtu tal-UE fl-ippjanar, fil-finanzjament u fil-koordinazzjoni ta’ network ferrovjarju transfruntier ta’ veloċità għolja bħal dan. Kull rotta f’dan in-network, skont id-definizzjoni stess, se topera bejn fruntieri multipli. Il-ħidma fuq l-iskala ta’ governanza t-tajba, b’kooperazzjoni man-networks ġestiti fil-livell nazzjonali, hija essenzjali biex tiżgura li s-sidien tal-binarji u l-operaturi tal-ferroviji ta’ veloċità għolja jkunu jistgħu jirnexxu u jipprovdu s-servizzi tagħhom lill-Ewropej kollha bi standards simili, u b’hekk tiġi ssodisfata d-domanda akkumulata għall-użu tal-ferroviji mill-Ewropej għal offerta ferrovjarja ta’ veloċità għolja affordabbli.

Il-benefiċċji ta’ dan il-pjan jestendu ferm lil hinn mill-ferroviji ta’ veloċità għolja. Dan se jżid il-kapaċità disponibbli fuq in-network konvenzjonali għal servizzi mtejba b’veloċitajiet aktar baxxi, għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija, inkluż għall-mobbiltà militari. Din tal-aħħar se tibbenefika wkoll minn investimenti infrastrutturali ewlenin fuq in-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja TEN-T, li se jippermettu trasport militari aktar rapidu, itwal u itqal. Il-ferroviji ta’ billejl u t-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija se jibbenefikaw ħafna mit-titjib propost għall-koordinazzjoni tal-kapaċità, għat-tariffi tal-aċċess għall-binarji, għall-awtorizzazzjoni tal-vetturi u għall-finanzjament tal-vetturi ferrovjarji. Barra minn hekk, il-varar aktar rapidu tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS, European Rail Traffic Management System) se jtejjeb is-sikurezza u l-interoperabbiltà.

Il-miżuri ewlenin tal-pjan huma ppreżentati fit-taqsimiet li ġejjin u huma miġbura fil-qosor fl-Anness.

Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ akkumpanjament juri l-benefiċċji tal-iffrankar tal-ħin f’serje ta’ mapep u ta’ tabelli dettaljati tal-konnessjonijiet ewlenin bejn il-bliet ewlenin fil-kurituri Ewropej tat-trasport li jridu jiġu varati skont l-ippjanar kurrenti 10 .

2.In-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja tal-UE – il-ħtieġa ta’ aċċellerazzjoni u ta’ armonizzazzjoni

L-infrastruttura tat-trasport taħdem bħala network, u allura jekk segment żgħir ma jikkonformax jew ma jkunx operazzjonali, dan jista’ jfixkel l-effiċjenza u l-kompetittività tas-sistema kollha kemm hi. L-iżvilupp ta’ network ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja jirrikjedi viżjoni u qafas fit-tul li jippermettu l-implimentazzjoni mmirata tal-infrastruttura neċessarja b’rekwiżiti armonizzati.

Ir-Regolament TEN-T tal-2024 stabbilixxa qafas bħal dan. Minbarra r-rekwiżiti armonizzati tal-infrastruttura għall-ferroviji, ir-Regolament TEN-T jappoġġa l-adozzjoni u l-varar ta’ teknoloġiji diġitali ġodda. Dan jinkludi l-promozzjoni tal-iskambju tad-data u infrastruttura tal-konnettività b’kopertura mingħajr interruzzjoni fin-network kollu. L-għan huwa li jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ prestazzjoni għall-infrastruttura diġitali u li jintlaħqu livelli ogħla ta’ awtomatizzazzjoni.

Il-benefiċċji tal-konnettività tat-tlestija tan-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja TEN-T huma sinifikanti 11 . Madankollu, il-kumplessità tal-ippjanar, tal-ħruġ ta’ permessi, tal-koordinazzjoni u tal-finanzjament ta’ proġetti kbar ta’ infrastruttura ferrovjarja ta’ veloċità għolja toħloq ostakli għall-implimentazzjoni f’waqtha tagħhom u spiss twassal għal dewmien, speċjalment fi proġetti transfruntieri, li hija kwistjoni li din il-Komunikazzjoni għandha l-ħsieb li tindirizza.

2.1. Aċċellerazzjoni tal-varar tal-infrastruttura nazzjonali u transfruntiera

Mill-2013, sar progress sinifikanti fit-tlestija tas-sezzjonijiet nazzjonali tan-network ferrovjarju TEN-T f’pajjiżi bħal Spanja, Franza, l-Italja u l-Ġermanja 12 . Barra minn hekk, l-ambizzjoni ferrovjarja ta’ veloċità għolja qed tagħmel progress tajjeb f’partijiet tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, bħal fil-Polonja, fiċ-Ċekja u f’ċerti meded fl-Ungerija u fir-Rumanija.

Huwa maħsub li l-proġetti transfruntieri ewlenin b’appoġġ ta’ finanzjament tal-UE sostanzjali jitlestew fil-biċċa l-kbira minnhom sal-2030 jew ftit wara. Dawn jinkludu l-Mina ta’ Bażi ta’ Brenner, il-Mina ta’ Bażi ta’ Lyon-Torino, il-konnessjoni fissa tal-Istrett ta’ Fehmarn u Rail Baltica. Madankollu, ħafna proġetti ferrovjarji ta’ veloċità għolja transfruntieri jew rotot importanti ta’ aċċess oħra mhux se jkunu tlestew sa dak iż-żmien, u dan iħalli lakuni infrastrutturali fiżiċi fin-network. Il-pjanijiet ta’ investiment ta’ ħafna proġetti ferrovjarji ta’ veloċità għolja ewlenin li diġà huma ppjanati, b’mod partikolari dawk li jikkollegaw il-fruntieri, għadhom ma humiex maturi u bi skeda preċiża. Filwaqt li ħafna mil-lakuni se jitneħħew sal-2040 (ara l-Illustrazzjoni 2), flimkien man-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tar-regoli operazzjonali, dawn jirrappreżentaw riskju li ma jiġix sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-infrastruttura transfruntiera ewlenija.

Illustrazzjoni 2. Sitwazzjoni attwali u passi tal-iżvilupp ippjanati tan-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja tal-UE tul il-Kurituri Ewropej tat-Trasport sal-2040

Biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, il-Kummissjoni assenjat żewġ kompiti speċifiċi lill-Koordinaturi Ewropej tat-TEN-T għall-2026 13 :

-li jipproponu miżuri u rakkomandazzjonijiet fil-pjanijiet ta’ ħidma tagħhom dwar il-kuritur Ewropew tat-trasport sa nofs l-2026 għat-tneħħija f’waqtha u koordinata tal-konġestjonijiet transfruntieri u t-tlestija ta’ konnessjonijiet nazzjonali nieqsa fin-network TEN-T;

-li jmexxu diskussjonijiet mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin oħra dwar għażliet għal veloċitajiet tad-disinn ogħla biex jidentifikaw sezzjonijiet ta’ prijorità għal veloċitajiet għoljin ħafna u żoni oħra għal immodernizzar sussegwenti fin-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja, inkluż minn perspettiva ta’ kuritur transfruntier.

L-għan huwa li jiġu stabbiliti deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni għal kull kuritur Ewropew tat-trasport għall-ewwel darba sal-2027. Dawn id-deċiżjonijiet se jiżguraw l-iffissar konsistenti tal-prijoritajiet għall-ippjanar tal-infrastruttura u tal-investimenti, sabiex in-network ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja jiġi żviluppat f’fażijiet sal-2030, l-2035 u jitlesta sal-2040, filwaqt li jkopru veloċitajiet speċifiċi, ħinijiet tal-ivvjaġġar, fondi u finanzjament.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tirrieżamina d-Direttiva dwar ir-Razzjonalizzazzjoni 14 fl-2026, bl-għan li tidentifika l-lakuni fl-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-permessi għall-proġetti, l-akkwist transfruntier u l-aħjar prattiki fl-Istati Membri.

2.2. Tisħiħ tal-investimenti għall-ferroviji ta’ veloċità għolja

Sabiex sal-2040 tiffinalizza n-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja tat-TEN-T li huwa ppjanat bħalissa, il-Kummissjoni Ewropea stmat li se jkunu meħtieġa EUR 345 biljun. Skont l-istimi esterni 15 , il-kost biex wieħed imur lil hinn mit-TEN-T u jiġi ttriplat id-daqs tan-network ferrovjarju tal-UE ta’ veloċità għolja eżistenti b’veloċitajiet ta’ 250 km/h jew ferm ogħla, ikun ta’ saħansitra EUR 546 biljun. Investiment bħal dan huwa mistenni li joħloq l-impjiegi 16 u jrodd benefiċċju pożittiv nett għas-soċjetà fil-medda ta’ EUR 750 biljun.

Il-finanzjament tal-UE se jkun meħtieġ, b’mod partikolari, biex jiġu sfruttati riżorsi pubbliċi u privati oħra għall-finanzjament ta’ proġetti infrastrutturali transfruntieri fuq skala kbira b’kostijiet tal-kostruzzjoni għoljin. Matul l-aħħar 20 sena, l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE — bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), il-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni, u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF, Recovery and Resilience Facility) — urew li huma essenzjali biex iħeġġu lill-Istati Membri jinvestu fi proġetti infrastrutturali ta’ prijorità. Mill-2014, aktar minn EUR 100 biljun minn dawn il-programmi ġew allokati għal proġetti tal-infrastruttura ferrovjarja 17 . Barra minn hekk, is-self totali tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) bejn l-2016 u l-2024 għall-ferroviji (infrastruttura u vetturi ferrovjarji) jinsab fil-medda ta’ EUR 40 biljun. Minkejja dan l-appoġġ, id-domanda għall-investiment kienet akbar mill-fondi disponibbli 18 .

It-tneħħija tal-lakuna fl-investiment fi proġetti ta’ infrastruttura ferrovjarja b’veloċità għolja se tirrikjedi użu aktar strateġiku u koordinat tal-fondi Ewropej, tal-miżuri nazzjonali (għotjiet, garanziji tal-gvern, dħul mis-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Istati Membri, self, eċċ.), tat-tariffi tal-utenti kif ukoll azzjoni kredibbli biex jiġi attirat investiment finanzjarju suffiċjenti mis-settur privat. Għalhekk, il-Kummissjoni se tagħti prijorità lil proġetti ferrovjarji ta’ veloċità għolja f’sejħa tal-FNE tal-2026, sabiex twitti t-triq għal aktar investimenti fil-ferroviji ta’ veloċità għolja fil-baġit fit-tul li jmiss tal-UE (il-qafas finanzjarju pluriennali) għall-2028-2034. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri jużaw il-politika ta’ koeżjoni biex jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ferroviji ta’ veloċità għolja fit-territorji tagħhom.

Fil-proposti tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss tas-16 ta’ Lulju 2025 19 , il-finanzjament tal-infrastruttura tat-trasport jirdoppja taħt il-FNE għat-Trasport minn EUR 25,8 biljun għal EUR 51,5 biljun għall-perjodu 2028-2034, li jinkludi pakkett indikattiv dedikat ta’ EUR 17,7 biljun għall-immodernizzar tal-infrastruttura tal-mobbiltà militari. Dan se jiġi kkomplementat mis-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali, mill-Fond għall-Kompetittività u minn Orizzont Ewropa, f’konformità mal-objettivi ta’ politika rispettivi tagħhom.

Il-finanzjament tal-UE kien ukoll essenzjali biex jitnaqqsu r-riskji fl-investimenti u tingħata spinta lill-vijabbiltà finanzjarja ta’ proġett. Madankollu, kif esperjenzajna, dan irid ikun akkumpanjat minn kundizzjonijiet tan-negozju adegwati biex jiskatta l-investiment privat. Il-proġetti ta’ infrastruttura ta’ veloċità għolja tabilħaqq jistgħu jattiraw investiment privat meta jkunu mfassla b’mudell ta’ negozju vijabbli u profittabbli li jippreserva l-kompetittività tal-ferroviji meta mqabbla ma’ modi alternattivi ta’ trasport. It-taħlit tal-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE ma’ approċċi innovattivi jew aktar konvenzjonali jista’ jipprovdi fiduċja addizzjonali lill-investituri bħala finanzjament addizzjonali jew inkella bħala sors ġdid ta’ dħul (jiġifieri, is-sussidju inkroċjat, id-dħul tal-Istati Membri mis-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, il-finanzi ekoloġiċi).

Il-kundizzjonijiet qafas biex jiġi attirat l-investiment privat jinkludu ċarezza dwar l-għażliet teknoloġiċi u l-prospetti tas-suq, id-dħul mistenni, il-prevedibbiltà regolatorja u l-potenzjal għal ekonomiji ta’ skala. L-UE se tuża wkoll l-għodod kurrenti u futuri kollha tagħha biex tiżgura s-sovranità teknoloġika u r-reżiljenza industrijali tal-Ewropa għall-ferroviji ta’ veloċità għolja. Dan jinkludi l-esplorazzjoni ta’ possibbiltajiet biex jiġu sfruttati b’mod strateġiku l-qafas tal-akkwist pubbliku tal-UE u r-reviżjoni futura tiegħu b’appoġġ ta’ objettivi tal-politika bħal dawn kif ukoll il-kunsiderazzjoni, fejn neċessarju, tal-użu ta’ għodod li huma rilevanti għall-avvanz tas-sigurtà ekonomika, filwaqt li jitqiesu wkoll ir-riskji tas-sigurtà li potenzjalment jirriżultaw minn fornituri barranin ikkontrollati mill-Istat fir-rigward ta’ sistemi kritiċi għas-sigurtà bħal dawk ta’ kontroll-kmand u sinjalazzjoni ferrovjarji.

Biex jitħaffef l-investiment privat u jitħeġġu mudelli ta’ finanzjament innovattivi, il-Kummissjoni se tniedi l-iżvilupp ta’ strateġija ta’ finanzjament tal-UE sa tmiem l-2025. F’dak il-qafas, il-Kummissjoni se tibda djalogu strateġiku mal-Istati Membri, mal-maniġers tal-infrastruttura, mal-banek promozzjonali u l-istituzzjonijiet finanzjarji, mal-investituri, mal-industrija tal-provvista ferrovjarja u mal-impriżi ferrovjarji. L-għan huwa li jiġi ppreżentat “Patt Ferrovjarju ta’ Veloċità Għolja” fl-2026 li jkun impenn multilaterali għall-mobilizzazzjoni tal-investimenti meħtieġa għal proġetti ferrovjarji ta’ veloċità għolja ta’ prijorità. Dan il-patt jagħti ċertezza u gwida lill-investituri dwar l-impenji nazzjonali u tal-UE biex jappoġġaw dawk il-proġetti strateġiċi. Jista’ wkoll jistabbilixxi l-bażi għal djalogi reġjonali speċifiċi għall-finanzjament rapidu ta’ proġetti ferrovjarji ta’ veloċità għolja tal-kuritur strateġiku.

Biex tirfed il-patt ferrovjarju ta’ veloċità għolja, l-istrateġija ta’ finanzjament se tiffoka fuq kif għandhom jitwettqu l-attivitajiet deskritti hawn taħt.

·Jiġi ottimizzat l-użu tal-finanzjament pubbliku tal-UE u nazzjonali billi tingħata prijorità lill-investimenti li jneħħu l-konġestjonijiet transfruntieri u l-konnessjonijiet nieqsa; jiġi mmassimizzat il-kofinanzjament nazzjonali; u tinżamm interazzjoni mas-settur privat biex jiġu varati binarji jew vetturi ferrovjarji transfruntieri ta’ veloċità għolja.

·Jitqiesu u jiġu skambjati l-aħjar prattiki ta’ skemi ta’ finanzjament biex jiġi ffaċilitat il-finanzjament tal-infrastruttura ferrovjarja u tal-vetturi ferrovjarji 20 . Il-Kummissjoni se tippreżenta diversi mudelli, inklużi sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs, Public-Private Partnerships) u mudell tal-bażi tal-assi regolatorji (RAB, Regulated Asset Base) 21 , filwaqt li tqis l-impatt tagħhom fuq il-finanzi pubbliċi nazzjonali, fuq it-tariffi tal-aċċess għall-binarji u fuq l-ottimizzazzjoni tal-użu tal-infrastruttura (ara l-eżempji fil-Kaxxa 1).

·Promozzjoni tal-appoġġ għas-settur finanzjarju. Il-Kummissjoni, flimkien mal-BEI, mal-banek u mal-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u mal-partijiet ikkonċernati finanzjarji, se taħdem biex tħeġġeġ l-użu ta’ strumenti finanzjarji, bħal garanziji baġitarji, li jikkombinaw il-finanzjament istituzzjonali u privat ta’ binarji ferrovjarji ta’ veloċità għolja u ta’ vetturi ferrovjarji mal-finanzjament tal-UE u dak nazzjonali.

·Mobilizzazzjoni tal-atturi industrijali u tal-esperti tas-settur tal-finanzjament biex jiddiskutu l-finanzjament tax-xiri jew il-lokazzjoni ta’ vetturi ferrovjarji f’konformità mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. L-azzjonijiet se jiġu identifikati fuq il-bażi ta’ analiżi mwettqa f’kooperazzjoni mal-BEI, mal-banek u mal-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u mal-partijiet ikkonċernati finanzjarji privati.

·Faċilitazzjoni tal-aċċess għas-servizzi ta’ konsulenza. Il-Kummissjoni se tesplora, flimkien mal-BEI, kif l-aħjar taċċellera t-twassil ta’ servizzi ta’ konsulenza mmirati tajjeb biex tappoġġa l-pjanijiet ta’ investiment ferrovjarju ta’ veloċità għolja tal-Istati Membri. Il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni għandhom jiġu stabbiliti kif ikun meħtieġ, b’mod partikolari mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA, European Union Agency for Railways) għall-gwida teknika u mal-banek u mal-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali għal offerti konġunti possibbli fejn rilevanti.

Kaxxa 1: Eżempji ta’ għażliet u tal-aħjar prattiki għal skemi ta’ finanzjament ta’ ferroviji ta’ veloċità għolja (HSR, High Speed Railway)

L-istrateġija ta’ finanzjament u d-djalogu strateġiku mal-partijiet ikkonċernati se jirriflettu diversi għażliet u l-aħjar prattiki. Is-soluzzjoni li tintgħażel se tirrifletti ċ-ċirkostanzi nazzjonali.

Pereżempju, Spanja taħdem b’korp speċifiku, ADIF Alta Velocidad. Peress li l-maġġoranza tad-dħul tagħha ġej minn attivitajiet tas-suq, id-dejn tal-maniġer tal-infrastruttura ma jitqiesx bħala dejn pubbliku, u l-investimenti ma jitqisux bħala nefqa pubblika. L-Italja qed tesplora l-mudell tal-RAB biex tipprovdi ċertezza dwar id-dħul futur peress li l-ferroviji ta’ veloċità għolja jidhru li jistgħu jkunu negozju aktar profittabbli. Fi Franza u fil-Portugall, intużaw PPPs biex jaċċelleraw il-finanzjament ta’ proġetti ferrovjarji ta’ veloċità għolja, bħal-linji ferrovjarji ta’ Bordeaux-Tours u Porto-Liżbona, u dawn tal-aħħar ġew appoġġati wkoll minn InvestEU, minn finanzjament mill-FNE u ma jidhrux fil-karta bilanċjali tal-gvern.

Fl-Italja, il-varar ta’ garanziji tal-eżekuzzjoni appoġġati minn InvestEU u mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza kien strumentali biex jiġi żgurat il-finanzjament tal-linja Palermo-Catania.

Fl-2024, bl-użu tal-qafas legali tal-UE li jirregola l-pedaġġi, il-Ġermanja użat madwar EUR 6 biljun minn EUR 15-il biljun fi dħul totali mill-pedaġġi għal investimenti ta’ sussidji inkroċjati fis-settur ferrovjarju. Eżempju ieħor ta’ taħlit ta’ sorsi ta’ finanzjament differenti huwa l-proġett Divača–Koper fis-Slovenja, li uża sussidji inkroċjati mit-triq għall-ferrovija, flimkien ma’ garanzija tal-gvern, biex jikseb self sinifikanti mill-BEI. Qed jiġu żviluppati inizjattivi simili madwar l-Ewropa, b’taxxi lokali (b’mod partikolari għall-proġett Grand Projet ferroviaire du Sud-Ouest li jgħaqqad lil Bordeaux, Toulouse u Dax fi Franza) jew id-dħul tal-Istati Membri mis-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS, Emissions Trading System) (b’mod partikolari fl-Awstrija u fl-Estonja).

2.3. Reżiljenza aħjar u impatti ambjentali mnaqqsa tal-kostruzzjoni u tal-operat

F’dawn l-aħħar snin, eventi ta’ temp estrem xekklu b’mod sinifikanti l-flussi tat-trasport fl-Ewropa, qerdu l-infrastruttura kritika u kkawżaw biljuni ta’ euro fi ħsarat. L-għargħar tal-2021 fil-Belġju, fil-Ġermanja, fin-Netherlands, fil-Lussemburgu u fi Franza wassal għal EUR 38 biljun fi ħsarat, b’EUR 1,3 biljun fi ħsarat li affettwaw l-infrastruttura ferrovjarja fil-Ġermanja biss. Fl-2023, il-Maltempata Daniel qerdet sezzjoni ta’ 50 km tal-linja ewlenija ta’ Ateni-Salonka, li ħadet xhur sħaħ biex tissewwa. Għargħar għal għarrieda maġġuri kkawżat mill-Maltempata Dana f’Ottubru 2024 fixkel serjament in-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja ta’ Spanja, b’mod partikolari bejn Madrid u Valenzja. Kif juri studju reċenti ppubblikat mill-Kummissjoni, il-ferroviji fin-network TEN-T huma mistennija li jkunu esposti b’mod partikolari għall-frekwenza dejjem akbar ta’ estremi klimatiċi 22 .

Sabiex tingħata spinta lir-reżiljenza tal-infrastruttura ferrovjarja ta’ veloċità għolja u jitnaqqsu l-impatti negattivi tagħha stess fuq il-klima u fuq l-ambjent, jeħtieġ li l-korpi tal-istandards jiżviluppaw valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja u metodoloġiji tar-reżiljenza għall-klima armonizzati. L-objettiv huwa li tiġi vvalutata u titqabbel il-vulnerabbiltà ta’ soluzzjonijiet tekniċi differenti għall-impatti klimatiċi u l-impronta ambjentali tagħhom, speċjalment matul il-fażi tad-disinn tal-proġetti infrastrutturali 23 . Diġà huma disponibbli firxa wiesgħa ta’ miżuri effettivi ta’ adattament u ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima għall-kostruzzjoni u għall-operat ta’ infrastruttura ferrovjarja ta’ veloċità għolja 24 . Madankollu, l-aħjar prattiki eżistenti għad iridu jiġu varati b’mod mifrux, u jeħtieġ li jiġi stimolat it-tfaċċar ta’ soluzzjonijiet ġodda, inkluż permezz tal-finanzjament tal-UE. B’dan il-mod, il-Kummissjoni se titgħallem mill-esperjenzi kurrenti tar-rekwiżiti ta’ verifika tar-reżistenza klimatika u mis-sejħiet għal proposti ddedikati għar-reżiljenza għall-klima skont il-programm FNE.

L-esternalitajiet negattivi tal-operazzjonijiet ferrovjarji ta’ veloċità għolja, bħat-tniġġis akustiku u tal-arja 25 , li huma mistennija li jiżdiedu minħabba t-tkabbir projettat tat-traffiku 26 , għandhom jiġu indirizzati wkoll. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tar-regoli applikabbli dwar l-istorbju billi se tippubblika gwida dwar it-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar l-istorbju 27 sa tmiem l-2025.

In-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja ppjanat se jiġi elettrifikat, u dan se jipprovdi kontribut b’saħħtu għall-ilħuq tal-impenn tal-UE għat-trasport sostenibbli. Iż-żieda fil-proporzjon ta’ sorsi tal-enerġija nadifa, bħall-enerġija solari u mir-riħ, fit-taħlita tal-elettriku użata mill-ferroviji se tkun kruċjali biex dan is-settur isir newtrali għall-klima kemm jista’ jkun. Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri fil-varar ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u fit-tiftix ta’ sorsi ta’ provvista tal-elettriku rinnovabbli għal ferroviji ta’ veloċità għolja kif stabbilit fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar teknoloġiji innovattivi u forom innovattivi ta’ varar tal-enerġija rinnovabbli u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni relatata miegħu 28 . F’konformità mar-rakkomandazzjoni, l-Istati Membri huma mħeġġa jispeċifikaw l-istandards tekniċi, b’mod partikolari l-istandards tas-sikurezza, li jrid jikkonforma magħhom il-varar tal-enerġija rinnovabbli integrat fl-infrastruttura.

It-trasport ferrovjarju b’veloċità għolja tal-Ewropa għandu jsir mudell tal-infrastruttura sostenibbli, mibni b’materjali b’emissjonijiet baxxi, imħaddem b’enerġija nadifa u ddisinjat biex ikun pożittiv għan-natura u reżiljenti għall-impatti klimatiċi.

3.Qafas attraenti u kompetittiv għas-servizzi ferrovjarji

L-offerta ferrovjarja ta’ veloċità għolja tal-UE tista’ biss tkun attraenti, affordabbli u komprensiva għall-utenti, u taqdi lis-segmenti tal-passiġġieri kollha min-negozju sat-turiżmu sostenibbli, jekk il-kundizzjonijiet għall-operaturi tal-ferroviji jkunu kompetittivi u attraenti. Ir-regoli eżistenti fl-UE għall-ftuħ tas-suq għas-servizzi ferrovjarji (ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju) 29 jiżguraw il-kundizzjonijiet legali għall-iżvilupp ta’ servizzi transfruntieri ta’ veloċità għolja u dritt ġenerali għall-kumpaniji ferrovjarji biex joperaw kwalunkwe servizz tal-passiġġieri fi kwalunkwe post fl-UE. Madankollu, minkejja dawn ir-regoli, għad hemm diversi ostakli, li jwasslu għal offerta tas-suq limitata, għal ostakli għal entranti ġodda u għal prezzijiet għoljin għall-klijenti.

3.1. Allokazzjoni tal-kapaċità li taħdem għal servizzi transfruntieri

Wieħed mill-ostakli ewlenin biex tingħata spinta lis-servizzi tal-passiġġieri fuq distanza twila u transfruntieri huwa d-diffikultà biex jinkisbu mogħdijiet tal-ferrovija transfruntieri attraenti. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar l-użu tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja 30  tindirizza din il-problema b’mod sistemiku billi tistabbilixxi qafas tal-UE għall-ippjanar u għall-allokazzjoni tal-kapaċità u għall-ġestjoni tat-traffiku b’enfasi qawwija fuq il-koordinazzjoni transfruntiera u fuq id-diġitalizzazzjoni. Din għandha tiġi adottata malajr mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill u għandha tiġi implimentata rapidament mis-settur. Il-ftehimiet qafas pluriennali dwar il-kapaċità bejn il-maniġers tal-infrastruttura u l-operaturi se jiggarantixxu stabbiltà fit-tul għall-operaturi. L-allokazzjoni ottimizzata tal-kapaċità għandha benefiċċji sostanzjali għal servizzi oħra tal-passiġġieri u tal-merkanzija peress li l-allokazzjoni aktar effiċjenti, trasparenti u mhux diskriminatorja tal-mogħdijiet tal-ferrovija twassal għal inqas konġestjoni u tintegra aħjar il-ferroviji tal-merkanzija u l-ferroviji ta’ billejl fi skedi transfruntieri.

3.2. Appoġġ għall-akkwist ta’ vetturi ferrovjarji

L-operaturi ferrovjarji l-ġodda jbatu biex jixtru u jawtorizzaw vetturi ferrovjarji ġodda jew immodernizzati, u dan jista’ jdewwem jew jipprevjeni t-tnedija ta’ servizzi ġodda u jħalli impatt fuq il-kompetittività. Il-Kummissjoni se taħdem mal-partijiet ikkonċernati finanzjarji biex tespandi jew toħloq għodod ta’ finanzjament innovattivi u ġodda għal entranti ġodda għax-xiri jew għal-lokazzjoni ta’ vetturi ferrovjarji. F’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u biex tiġi promossa l-industrija Ewropea, dan jista’ jieħu l-forma ta’ garanziji baġitarji pprovduti mill-Istati Membri jew mill-UE kif sar fil-kuntest ta’ InvestEU fil-perjodu ta’ programmazzjoni kurrenti. Fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, dan huwa propost ukoll bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Kompetittività (l-“Istrument InvestEU tal-FEK”) 31 jew bħala strumenti finanzjarji skont il-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali 32 , inklużi strumenti ta’ riskju għoli għal teknoloġiji innovattivi ħafna. Il-banek promozzjonali nazzjonali u l-investituri privati jista’ jkollhom rwol kritiku fl-għoti ta’ appoġġ finanzjarju u ta’ strutturar innovattiv lil entranti ġodda (ara l-eżempji fil-Kaxxa 2). Dan jista’ jgħin biex jittaffew ir-riskji fit-tranżazzjonijiet tal-vetturi ferrovjarji, b’mod partikolari dawk relatati ma’ flussi tad-dħul (jiġifieri jistgħu jiġu vvalutati skemi ta’ AssetCo 33 jew ta’ ROSCO 34 u approċċi ta’ finanzjament diversi bħal bonds, ekwità, strumenti ta’ kważi ekwità u fondi ta’ investiment).

Ir-ratifika mill-Istati Membri tal-Protokoll tal-Lussemburgu skont il-Konvenzjoni ta’ Cape Town, qafas għall-identifikazzjoni tal-assi ferrovjarji, 35 tista’ tkompli tgħin biex tistimola l-investimenti fil-vetturi ferrovjarji.

Ix-xiri ta’ vetturi ferrovjarji użati jista’ jkun soluzzjoni rapida u kosteffiċjenti għal entranti ġodda, iżda jiddependi fuq ir-rieda tal-operaturi stabbiliti li jbigħu l-ferroviji li ma jkunux għadhom qed jużaw lil kompetituri futuri. Biex tagħti spinta lill-iżvilupp ta’ suq tal-vetturi ferrovjarji użati, il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-iskrappjar antikompetittiv ta’ vetturi ferrovjarji li jaħdmu u li huma sikuri u se toħloq kundizzjonijiet trasparenti għall-bejgħ mill-ġdid u għall-użu tagħhom fl-Istati Membri kollha.

Kaxxa 2: Eżempji ta’ finanzjament privat għax-xiri ta’ vetturi ferrovjarji

Eżempji fl-Italja u fi Franza juru li l-finanzjament privat jista’ tabilħaqq jappoġġa lil entranti ġodda. L-ewwel operatur privat ta’ ferroviji ta’ veloċità għolja li daħal fis-suq Taljan ġie stabbilit minn imprendituri li ġġeneraw kapital privat sinifikanti biex iniedu l-ewwel servizz tal-passiġġieri fl-2012.

Fl-2024, fi Franza, operatur ġdid ibbenefika minn EUR 1 biljun f’investiment privat minn fond ta’ investiment fl-infrastruttura. L-għan huwa li jibda jiġi operat l-ewwel servizz ferrovjarju privat u indipendenti ta’ veloċità għolja bejn Pariġi u Rennes, Nantes, Angers u Bordeaux sal-2028. Ix-xiri ta’ 12-il ferrovija b’veloċità għolja waħdu kien jirrappreżenta patt ta’ EUR 850 miljun, b’implikazzjonijiet pożittivi għall-attivitajiet u għall-impjiegi tal-industrija.

3.3. Tħeġġiġ ta’ tariffi ġusti u proporzjonati tal-aċċess għall-binarji

F’kull Stat Membru, il-livell tat-tariffi għall-infrastruttura (eż. aċċess għall-binarji) jiddependi mil-livell ta’ finanzjament pubbliku għat-tiġdid u għall-manutenzjoni tal-infrastruttura. Meta l-finanzjament pubbliku jkun batut, it-tariffi għoljin tal-aċċess għall-binarji li jirriżultaw jnaqqsu l-offerta ferrovjarja ġenerali u jwasslu għal prezzijiet għoljin għall-passiġġieri li spiss jirriżultaw f’użu subottimali tan-network. Minflok, f’konformità mal-linji gwida l-ġodda tal-Kummissjoni dwar it-tariffi tal-aċċess għall-binarji 36 u mas-sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja 37 , meta jiġu stabbiliti t-tariffi tal-aċċess għall-binarji, l-objettiv irid ikun li jitħeġġeġ użu sħiħ u ottimali tan-network. Dan jagħmilha possibbli li s-servizzi ferrovjarji fuq distanza twila u l-ferroviji ta’ billejl jibqgħu affordabbli u jikkompetu ma’ modi oħra tat-trasport. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ segmentazzjoni tas-suq adegwata u skontijiet temporanji għal entranti ġodda, soġġetti għall-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

3.4. Żgurar ta’ aċċess għall-faċilitajiet ta’ servizz u għas-servizzi relatati mal-ferroviji

Il-faċilitajiet ta’ servizz u ta’ manutenzjoni, bħall-istazzjonijiet, l-imħażen, iż-żoni tal-ħżin u l-punti ta’ mili mill-ġdid, għandhom rwol kritiku fl-operat ta’ servizzi ferrovjarji ta’ veloċità għolja. Il-kumpaniji ferrovjarji jrid ikollhom aċċess nondiskriminatorju għal faċilitajiet bħal dawn f’konformità mar-regoli applikabbli 38 . Madankollu, id-distribuzzjoni ġeografika ta’ faċilitajiet speċifiċi għall-veloċità għolja ma hijiex uniformi, u ċerti reġjuni ma għandhomx infrastruttura adegwata biex jappoġġaw lil entranti ġodda. Barra minn hekk, id-data dwar id-disponibbiltà u l-idoneità ta’ dawn il-faċilitajiet hija limitata, u b’hekk ixxekkel it-trasparenza tas-suq u l-ippjanar.

L-operaturi ta’ ferroviji ta’ veloċità għolja jeħtieġu wkoll aċċess ugwali għas-servizzi f’dawn il-faċilitajiet ta’ servizz, inklużi s-sistemi tal-ħruġ tal-biljetti, l-iskrins ta’ informazzjoni għall-passiġġieri u s-servizzi ta’ maniġġ tal-bagalji. L-operaturi ferrovjarji preeżistenti spiss ikunu l-proprjetarji ta’ dawn il-faċilitajiet jew jiġġestixxu dawn is-servizzi u jkunu jistgħu jużaw il-pożizzjoni tagħhom biex jibqa’ jkollhom vantaġġ kompetittiv. Meta jseħħu prattiki diskriminatorji, il-korpi regolatorji jridu jużaw is-setgħa tagħhom li jaġixxu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se ssaħħaħ ir-regolament ta’ implimentazzjoni dwar l-aċċess għall-faċilitajiet ta’ servizz u għas-servizzi relatati mal-ferroviji 39 biex tiżgura aċċess mhux diskriminatorju għal entranti ġodda.

3.5. Titjib tal-ħruġ tal-biljetti ferrovjarji

Ix-xiri ta’ biljett ferrovjarju għal vjaġġi transfruntieri li jirrikjedu diversi segmenti li jiġu operati minn operaturi differenti għadu diffiċli għall-passiġġieri. Il-vjaġġi jistgħu jkunu diffiċli biex jinstabu u biex jiġu kkombinati, u l-passiġġieri spiss ma jkunux protetti biżżejjed jekk jitilfu konnessjoni minħabba ferrovija kkanċellata jew li tasal tard. Operaturi ferrovjarji ġodda jiffaċċjaw ostakli kbar biex jidħlu u jiżviluppaw f’suq minħabba nuqqas ta’ aċċess għal kanali ta’ distribuzzjoni ewlenin, li jnaqqas ir-ritmu tat-tnedija ta’ servizzi ġodda u tal-iżvilupp tal-kompetizzjoni. Diversi każijiet ta’ kompetizzjoni 40 wrew li l-kundizzjonijiet li bihom operaturi ferrovjarji kbar jippermettu lill-pjattaformi jbigħu l-biljetti tagħhom jistgħu jxekklu l-iżvilupp ta’ kanali ta’ distribuzzjoni ġodda u jħallu impatt fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-ħruġ tal-biljetti.

Bħala rimedju għal din il-problema, fil-bidu tal-2026, il-Kummissjoni se tipproponi inizjattiva dwar il-ħruġ tal-biljetti. L-għan se jkun li jsir aktar faċli biex il-passiġġieri jibbukkjaw biljetti multimodali u b’aktar minn operatur wieħed, speċjalment bil-ferrovija, permezz ta’ pjattaformi diġitali, filwaqt li jittejbu d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija 41 . Il-Kummissjoni pproponiet ukoll sett ta’ standards armonizzati għall-iskambju ta’ data ferrovjarja 42 .

3.6. Nagħmlu l-ivvjaġġar bil-ferrovija aktar affordabbli

Il-linji ferrovjarji ta’ veloċità għolja jridu jkunu kompetittivi u affordabbli. Stħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru 43 sab li 61 % tal-passiġġieri jqisu li l-prezz huwa l-aktar fattur importanti meta jippjanaw vjaġġi fuq distanzi twal, segwit mill-ħin totali tal-ivvjaġġar, li huwa ta’ tħassib għal 47 % tal-passiġġieri.

Il-kompetizzjoni tirrikjedi infrastruttura ffinanzjata tajjeb u miżmuma tajjeb. Is-suq għas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri ilu miftuħ kompletament mill-2020, u dan wassal għal prezzijiet orħos u għal aktar għażliet ta’ servizzi f’żoni b’network ta’ kwalità u b’kompetizzjoni b’saħħitha 44 .

Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw finanzjament adegwat għal infrastruttura ta’ kwalità għolja, f’konformità mal-obbligi regolatorji skont il-leġiżlazzjoni dwar it-TEN-T, il-koeżjoni u t-trasport ferrovjarju 45 . Għandhom jimplimentaw ukoll bis-sħiħ ir-regoli dwar il-ftuħ tas-servizzi kummerċjali għall-kompetizzjoni u s-sejħiet għall-offerti għal servizzi pubbliċi 46 . Dan jippermetti lill-maniġers tal-infrastruttura jipprovdu għal operaturi differenti li joffru varjetà ta’ servizzi, inklużi ferroviji transfruntieri, b’kost baxx u ta’ billejl u prodotti tat-turiżmu innovattivi.

Fl-aħħar nett, l-iżvilupp ta’ offerta ferrovjarja pan-Ewropea ta’ veloċità għolja jirrikjedi kundizzjonijiet ekwi meta mqabbla ma’ modi tat-trasport b’intensità qawwija ta’ karbonju, inkluż dwar it-tassazzjoni. L-Istati Membri għandhom kontroll sħiħ fuq l-iffissar tar-rati tal-VAT għat-trasport tal-passiġġieri. Minħabba l-prinċipju tan-newtralità fiskali, l-Istati Membri għandhom jużaw din il-flessibbiltà biex joħolqu kompetizzjoni ġusta fost il-modi tat-trasport li jikkompetu ma’ xulxin. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jesploraw u jirrieżaminaw metodi biex joħolqu kundizzjonijiet ekwi billi jillimitaw is-sussidji u l-benefiċċji tat-taxxa għal modi tat-trasport b’intensità aktar qawwija ta’ karbonju.

3.7. Tisħiħ tal-konnessjonijiet ma’ modi oħra tat-trasport

It-titjib tal-konnessjonijiet ferrovjarji, b’mod partikolari s-servizzi ferrovjarji ta’ veloċità għolja, b’modi oħra tat-trasport, isaħħaħ it-trasport ferrovjarju bħala alternattiva għal titjiriet fuq distanza qasira u possibbilment għal distanzi itwal fl-Ewropa. Bħalissa, ajruporti bħal dawk ta’ Frankfurt u ta’ Charles de Gaulle f’Pariġi huma konnessi sew mal-ferroviji ta’ veloċità għolja, u jservu bħala ċentri ewlenin tal-passiġġieri, iżda ħafna ajruporti oħra għandhom konnessjonijiet limitati.

Il-Kummissjoni se tanalizza l-konnettività ta’ 40 ajruport ewlieni, inkluż ma’ servizzi ferrovijarji ta’ veloċità għolja u fuq distanza twila, biex tidentifika lakuni fl-investiment u turi l-aħjar prattiki għat-titjib tal-konnettività tal-ajruporti. Il-Kummissjoni se tanalizza wkoll iċ-ċentri multimodali tal-passiġġieri kurrenti fiż-żoni urbani biex tidentifika u tippromwovi l-aħjar prattiki għall-integrazzjoni tan-networks ferrovjarji fuq distanza twila u ta’ veloċità għolja fit-trasport pubbliku, iċ-ċikliżmu u l-mobbiltà kondiviża 47 .

Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qed jiddiskutu proposta tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri multimodali biex jiġu protetti l-passiġġieri li jaqilbu bejn modi tat-trasport differenti matul il-vjaġġi tagħhom 48 .

4.Settur ferrovjarju tal-UE kompetittiv, armonizzat u innovattiv

Industrija tal-provvista ferrovjarja Ewropea vibranti, prosperuża, kompetittiva u innovattiva hija kruċjali għas-suċċess tan-network ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja. Il-kumpaniji Ewropej tal-provvista ferrovjarja huma minn ta’ quddiem fil-livell globali, jimpjegaw 650 000 persuna u jikkontribwixxu 0,35 % għall-PDG tal-UE b’rata ta’ tkabbir annwali ta’ 3 % 49 . L-industrija tal-provvista ferrovjarja tal-UE hija kruċjali għall-klijenti Ewropej u hija pilastru tal-kompetittività globali tal-UE peress li tesporta sistemi u soluzzjonijiet madwar id-dinja, li jinkludu pjanijiet ferrovjarji ta’ veloċità għolja ambizzjużi, pereżempju fl-Eġittu, fil-Marokk u fl-Arabja Sawdija.

Madankollu, il-kompetituri globali qed jilħquna malajr, u qed jidħlu fis-suq tal-UE u jespandu fis-swieq tagħhom stess u f’oħrajn, filwaqt li l-atturi tal-UE għadhom ma kkapitalizzawx bis-sħiħ fuq it-titjib fl-effiċjenza offrut mis-suq uniku tal-UE. Biex jindirizzaw dan, il-kumpaniji ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura u l-awtoritajiet tas-servizz pubbliku fl-UE jridu jkomplu jnaqqsu n-numru ta’ rekwiżiti diverġenti tal-proġetti ta’ akkwist individwali tagħhom u jimxu lejn ix-xiri ta’ prodotti ferrovjarji prekostitwiti prodotti bl-użu ta’ proċessi industrijalizzati u standardizzati. Dan ikun aktar faċli jekk l-Istati Membri jeliminaw regoli u standards nazzjonali frammentati u jiftiehmu dwar regoli u standards tal-UE. Fl-istess ħin, il-kooperazzjoni bejn l-atturi kummerċjali fis-sistema ferrovjarja tista’ tgħin biex isir użu aħjar tar-riżorsi skarsi u biex jinkisbu ekonomiji ta’ skala, b’rispett sħiħ tar-regoli dwar l-antitrust u komplementarji għal swieq kompetittivi, filwaqt li tappoġġa servizzi transfruntieri ġodda u b’aċċess miftuħ. Din il-kooperazzjoni għandha trawwem Żona Ferrovjarja Unika Ewropea ġenwina fejn il-kumpaniji ferrovjarji jkunu jistgħu joperaw b’mod kompetittiv bejn il-fruntieri.

4.1. Titjib tal-interoperabbiltà tal-infrastruttura ferrovjarja u tal-vetturi ferrovjarji

Ir-rekwiżiti tekniċi u operazzjonali nazzjonali jżidu l-kostijiet minħabba d-duplikazzjoni tal-proċessi ta’ awtorizzazzjoni u l-kumplessità tal-ittestjar biex jiġi żgurat li jkunu ssodisfati r-rekwiżiti. Dan idewwem id-dħul fis-suq ta’ servizzi ġodda u huwa ta’ piż fuq il-produzzjoni, fuq il-modifika retroattiva u fuq il-manutenzjoni.

Għalhekk, iċ-ċertifikazzjoni u l-awtorizzazzjoni tal-vetturi ferrovjarji jridu jiġu ssimplifikati u jinħarġu għal żona ta’ użu usa’. Il-“kontrolli tal-kompatibbiltà tas-sistema” għal lokomotivi u għal trainsets ġodda jew immodernizzati jridu jsiru inqas intensivi fiż-żmien u fir-riżorsi. Il-Kummissjoni se tippromwovi l-istandardizzazzjoni ta’ awtorizzazzjonijiet għal ferroviji ta’ veloċità għolja li huma validi għan-network kollu tal-UE. Dan se jħeġġeġ it-tfaċċar ta’ suq tal-lokazzjoni u tal-oġġetti użati matur għal vetturi ferrovjarji ta’ veloċità għolja fil-livell tal-UE, iżid il-flessibbiltà għal entranti ġodda, jattira l-investituri u jiffaċilita l-użu ta’ vetturi ferrovjarji għat-trasport militari.

Mutur ewlieni għall-istandardizzazzjoni tal-vetturi ferrovjarji huwa varar aktar rapidu u armonizzat tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), li huwa ta’ importanza strateġika ċivili kif ukoll militari. Madankollu, approċċ mhux armonizzat b’diversi sistemi mill-Istati Membri wassal biex il-kost tal-prodotti tal-ERTMS irdoppja fl-aħħar 5 snin 50 . Il-leġiżlazzjoni TEN-T tirrikjedi li s-sistemi nazzjonali ta’ sinjalazzjoni jiġu eliminati gradwalment favur l-ERTMS fin-network TEN-T sal-2040. Ftit Stati Membri, inklużi l-Belġju, iċ-Ċekja u d-Danimarka, iddeċidew li jagħmlu l-ERTMS l-unika sistema ta’ sinjalazzjoni fin-networks tagħhom, u Spanja, l-Awstrija u l-Polonja qed jinvestu ħafna fil-varar ta’ ERTMS ibbażata fuq ir-radju. Madankollu, Stati Membri oħra qed jaqgħu lura.

Il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali tal-ERTMS tal-2024-2025 jindikaw il-ħtieġa li tittripla l-kapaċità tal-produzzjoni tal-ERTMS fl-Ewropa. L-opportunitajiet tas-suq totali għall-industrija tal-provvista ferrovjarja huma stmati li huma aktar minn EUR 18,2 biljun għall-ERTMS fin-network ewlieni TEN-T waħdu. Biex tibni fuq dan it-titjib fl-effiċjenza u tipprovdi prevedibbiltà lill-industrija tal-provvista tal-ERTMS, il-Kummissjoni se tinforza strettament l-obbligi ta’ varar tal-ERTMS u ssaħħaħ il-koordinazzjoni fost l-Istati Membri. Dan se jsir permezz ta’ pjan Ewropew ta’ mobilitazzjoni rivedut 51 għall-ERTMS fl-2026. L-implimentazzjoni trid tinkludi l-konnessjoni ta’ linji ta’ veloċità għolja maċ-ċentri tal-bliet u linji ta’ devjazzjoni 52 , biex jiġi żgurat ukoll li dawn ikunu jistgħu jintużaw għat-trasport militari transfruntier.

Biex il-professjonijiet ferrovjarji jsiru aktar attraenti, jiġi stimolat il-ħolqien tal-impjiegi u tingħata għajnuna biex jiġu allinjati l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet professjonali mal-ħtiġijiet u mal-opportunitajiet ta’ dan is-settur strateġiku 53 , u wara konsultazzjoni mas-sħab soċjali, il-Kummissjoni se tirriforma r-regoli tal-UE dwar iċ-ċertifikazzjoni tas-sewwieqa tal-ferroviji. Dan se jissimplifika wkoll l-isforzi u joħloq rekwiżiti u ċertifikazzjoni professjonali unifikati li jippermettu lis-sewwieqa tal-ferroviji jaħdmu fuq il-ferroviji u fuq l-infrastruttura ferrovjarja kollha fin-network kollu ta’ veloċità għolja tal-UE.

4.2.Riċerka u koordinazzjoni għall-kompetittività, għas-sikurezza u għas-sigurtà

It-teknoloġija b’veloċità għolja hija mill-aktar avvanzata u s-sikurezza hija fundamentali. Aktar żvilupp u kokreazzjoni ta’ teknoloġiji diġitali u ta’ awtomatizzazzjoni armonizzati tal-UE, bħal ferroviji awtomatiċi, sistemi moderni ta’ sinjalazzjoni, ta’ komunikazzjoni u ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ERTMS, jistgħu jżidu l-kapaċità fuq l-infrastruttura ta’ veloċità għolja eżistenti, itejbu s-sikurezza u jipprovdu flessibbiltà u reżiljenza akbar għas-servizzi u għat-trasport militari. Is-sistemi jridu jkunu protetti wkoll mit-tfixkil u mill-attakki ċibernetiċi. Biex dawn it-teknoloġiji jiġu introdotti fis-suq, l-industrija tal-provvista ferrovjarja, il-maniġers tal-infrastruttura u l-kumpaniji ferrovjarji jridu jkomplu r-riċerka konġunta skont il-programm Orizzont Ewropa 2028-2034 54 u l-Fond Ewropew għall-Kompetittività propost. Biex tiġi stimolata r-riċerka kollaborattiva għall-ferroviji ta’ veloċità għolja, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea se tniedi sejħa dedikata fl-2026. L-Istati Membri għandhom jużaw strumenti ta’ finanzjament nazzjonali inklużi Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni, f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Sabiex is-settur ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja jikseb ekonomiji ta’ skala u jgawdi l-benefiċċji tal-kompetittività globali, id-domanda mistennija għal ferroviji ta’ veloċità għolja tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku għandha tkun akkumpanjata minn sforzi korrispondenti min-naħa tal-provvista biex tiġi pprovduta t-teknoloġija neċessarja bl-aktar mod standardizzat. Mod kif jintlaħaq dan l-objettiv jista’ jkun permezz tal-kokreazzjoni 55 tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ ferroviji armonizzati, intelliġenti u f’diversi networks, li jridu jiġu prodotti b’kost aktar baxx u jridu jiġu varati aktar malajr. Approċċ armonizzat bħal dan jirrazzjonalizza wkoll il-komponenti tas-sinjalazzjoni u tal-infrastruttura, inaqqas ir-riskju tal-proġetti, jiffaċilita l-investiment privat u jippermetti lill-manifatturi jżidu l-kapaċità tal-produzzjoni u jqassru ż-żminijiet ta’ konsenja.

5.Governanza effettiva tal-UE għal ferroviji ta’ veloċità għolja

Filwaqt li l-viżjoni ppreżentata f’din il-Komunikazzjoni tiddependi fuq il-fatt li l-operaturi tas-suq iniedu u jtejbu l-offerta ta’ veloċità għolja tagħhom, hija meħtieġa governanza effettiva tal-UE biex jiġi żgurat li jiġu implimentati l-kundizzjonijiet neċessarji għal sistema ferrovjarja ta’ veloċità għolja tal-UE li qed tikber u li qed issir aktar rapida, inkluża l-infrastruttura tan-network. Din il-governanza aktar b’saħħitha għandha tapplika kemm b’mod wiesa’ fil-livell tal-UE kif ukoll b’mod speċifiku għal-linji ta’ veloċità għolja individwali.

Għalhekk, fl-2026, il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni biex issaħħaħ ir-rwol tal-ERA fl-awtorizzazzjoni tal-vetturi u t-tneħħija tar-regoli nazzjonali. Se tagħti wkoll is-setgħa lil maniġer tal-varar Ewropew b’saħħtu biex jiżgura varar effettiv tal-ERTMS. Billi tneħħi r-regoli nazzjonali żejda b’mod effiċjenti, toħroġ awtorizzazzjonijiet tal-vetturi u ċertifikati ta’ sikurezza uniċi lill-operaturi ferrovjarji u approvazzjonijiet fuq l-art tal-ERTMS, l-ERA tikkontribwixxi għall-kosteffiċjenza taċ-ċiklu tal-innovazzjoni. Biex tinvolvi lill-industrija ferrovjarja tal-UE fil-livell tal-ġestjoni, il-Kummissjoni se teskala d-diskussjonijiet li bħalissa qed isiru fi ħdan il-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-kompetittività tal-industrija tal-provvista ferrovjarja għal-livell politiku.

Biex jiġi kkoordinat aħjar l-użu tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja skont ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Kapaċità propost 56 , il-maniġers tal-infrastruttura se jingħataw is-setgħa u jkunu legalment marbuta li jaħdmu flimkien biex jipprovdu kapaċità transfruntiera prevedibbli u attraenti għal servizzi fuq distanza twila. Barra minn hekk, l-affidabbiltà se tissaħħaħ permezz ta’ qafas komuni għall-ġestjoni tal-prestazzjoni.

Biex jingħelbu l-ostakli li jxekklu l-ħolqien ta’ servizzi transfruntieri fuq kurituri speċifiċi bħal ostakli tekniċi, id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet tas-servizz u restrizzjonijiet tal-kapaċità, il-Kummissjoni se tistabbilixxi diskussjonijiet madwar mejda mal-partijiet ikkonċernati dwar konnessjonijiet ta’ bliet magħżula, b’mod partikolari bejn il-bliet kapitali u maċ-ċentri ewlenin. Il-progress lejn is-soluzzjonijiet identifikati fir-rigward kemm tal-iżvilupp tan-network kif ukoll tal-funzjonalità tiegħu se jitrawwem mill-Koordinaturi Ewropej b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet rilevanti (ministeri, maniġers tal-infrastruttura u awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza).

Il-funzjonalità tan-network Ewropew ta’ veloċità għolja se tiġi mmonitorjata fil-qafas ta’ governanza msaħħaħ stabbilit mir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Kapaċità li ħiereġ fil-futur qarib. In-Network Ewropew tal-Maniġers tal-Infrastruttura, flimkien mal-entitajiet inkarigati mir-rieżami tal-prestazzjoni, se jiżgura monitoraġġ u rapportar koordinati tal-ostakli li jaffettwaw iċ-ċirkolazzjoni. Dawn l-istrutturi se jidentifikaw u jantiċipaw it-tfixkil għaċ-ċirkolazzjoni ta’ ferroviji ta’ veloċità għolja, bħal xogħlijiet, inċidenti jew konġestjonijiet, u se jiffaċilitaw risponsi kkoordinati biex jimminimizzaw l-impatt tagħhom.

6.Konklużjoni: network aktar rapidu, eqreb u aktar b’saħħtu

Din il-Komunikazzjoni se tiggwida lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha fl-implimentazzjoni b’suċċess tal-viżjoni ppreżentata. Biex tkejjel il-progress ġenerali, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ferroviji ta’ Veloċità Għolja, ibbażata fuq sett ta’ indikaturi li jindirizzaw il-miżuri ewlenin ta’ dan il-pjan. L-indikaturi se jinkludu n-numru ta’ kilometri ta’ linja ta’ veloċità għolja u x-xejriet fl-iżvilupp tagħhom, il-veloċitajiet medji, il-volumi tal-passiġġieri u l-varar tal-ERTMS. Il-Kummissjoni se twettaq ukoll stħarriġ annwali dwar il-ferroviji ta’ veloċità għolja biex tkejjel il-perċezzjonijiet tal-progress fl-ilħuq tal-objettivi tal-pjan. Dan se jippermetti lill-Kummissjoni timmonitorja l-progress u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri fil-livell ministerjali u se jinforma d-diskussjonijiet tal-industrija usa’.

ANNESS: Sommarju tal-miżuri

Pilastru I – In-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja tal-UE – il-ħtieġa ta’ aċċellerazzjoni u ta’ armonizzazzjoni

Il-Kummissjoni:

Øsa nofs l-2026, abbażi ta’ proċess ta’ konsultazzjoni mmexxi mill-koordinaturi Ewropej, se tadotta l-pjanijiet ta’ ħidma tal-kuritur Ewropew tat-trasport, se tidentifika l-konġestjonijiet infrastrutturali transfruntieri u nazzjonali ewlenin fin-network ferrovjarju TEN-T u se tipproponi miżuri u rakkomandazzjonijiet għat-tneħħija f’waqtha u koordinata tagħhom;

Øsal-2027, se tistabbilixxi skedi ta’ żmien vinkolanti fid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kuritur għall-eliminazzjoni ta’ konġestjonijiet infrastrutturali transfruntieri u nazzjonali ewlenin għal kull kuritur Ewropew tat-trasport, filwaqt li se tidentifika s-sezzjonijiet li jridu jiġu żviluppati għal veloċitajiet għoljin ħafna tul dawn il-kurituri;

Øfl-2026, se tirrieżamina l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Razzjonalizzazzjoni biex ittejjeb l-effettività tagħha fit-tħaffif tal-ħruġ tal-permessi u tal-akkwist transfruntieri;

Øfl-2026, se tikkoordina, abbażi ta’ djalogu strateġiku, strateġija ta’ finanzjament għall-varar tan-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja, li tista’ tiġi appoġġata mill-baġit tal-UE, minn finanzjament nazzjonali u privat, u mill-partijiet ikkonċernati permezz ta’ “patt ferrovjarju għall-veloċità għolja”;

Øfl-2026, se tagħti prijorità lil proġetti ferrovjarji ta’ veloċità għolja fis-sejħa ta’ rimborżi tal-FNE tal-2026;

Ømill-2026, flimkien mal-BEI, se tiffaċilita l-aċċess għas-servizzi ta’ konsulenza għall-promoturi tal-proġetti u b’appoġġ tal-pjanijiet ta’ investiment dwar il-ferroviji ta’ veloċità għolja tal-Istati Membri;

Ømill-2026, se tuża l-finanzjament tal-UE biex tagħti spinta lill-varar ta’ miżuri ta’ reżiljenza għall-klima u tnaqqas l-impatt ambjentali tal-kostruzzjoni tal-infrastruttura tat-trasport u se tippromwovi l-aħjar prattiki tal-akkwist pubbliku ekoloġiku;

Ømill-2025, se tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar teknoloġiji innovattivi u forom innovattivi ta’ varar tal-enerġija rinnovabbli u t-tħejjija tal-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom dwar l-istorbju;

Øsal-2028, se tiżviluppa metodoloġiji armonizzati għall-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja u għar-reżiljenza għall-klima tal-proġetti tal-infrastruttura tat-trasport.

Il-koordinaturi tat-TEN-T:

Øsa nofs l-2026, se jfasslu kapitoli ddedikati tal-ferroviji ta’ veloċità għolja fil-pjanijiet ta’ ħidma tal-kuritur tagħhom, li jiffukaw fuq it-tlestija tan-network ferrovjarju transfruntier ta’ veloċità għolja.

L-Istati Membri huma mistiedna:

Øjappoġġaw ir-Regolament FNE propost tal-2028-2034 bil-pakkett ta’ finanzjament assoċjat;

Øimorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi tal-veloċità stabbiliti fir-Regolament TEN-T u jimmiraw għal veloċitajiet tad-disinn ogħla;

Øjużaw bis-sħiħ il-flessibbiltajiet marbuta mal-ħruġ tal-permessi skont id-Direttiva dwar ir-Razzjonalizzazzjoni;

Øjagħtu prijorità lil proġetti transfruntieri biex jaċċelleraw il-proġetti ferrovjarji ta’ veloċità għolja.

Pilastru II – Qafas regolatorju attraenti u kompetittiv għas-servizzi ferrovjarji

Il-Kummissjoni:

Ømill-2026, se tiffaċilita x-xiri u l-lokazzjoni ta’ vetturi ferrovjarji (f’konformità mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat) permezz ta’ strumenti finanzjarji innovattivi;

Øse tinforza u, fl-2026, se tivvaluta r-regoli dwar l-aċċess għall-faċilitajiet ta’ servizz biex tirrieżaminahom aktar tard;

Øfl-2026, se tipproponi leġiżlazzjoni dwar il-ħruġ tal-biljetti u d-drittijiet imtejba tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw ma’ kumpaniji tat-trasport differenti;

Øsal-2026, se tidentifika prijoritajiet ta’ investiment f’40 ajruport ewlieni għal konnettività aħjar bejn it-trasport bl-ajru u bil-ferrovija u se tistabbilixxi ċentri multimodali tal-passiġġieri għal integrazzjoni mtejba mat-trasport pubbliku, iċ-ċikliżmu u l-mobbiltà kondiviża.

L-Istati Membri huma mistiedna:

Øjipprovdu lill-maniġers tal-infrastruttura b’finanzjament suffiċjenti u stabbli, li jippermettilhom inaqqsu t-tariffi tal-aċċess għall-binarji għal ċerti segmenti tas-suq;

Øjippromwovu kundizzjonijiet ekwi bejn modi tat-trasport differenti, speċjalment meta jistabbilixxu r-rati tal-VAT.

Pilastru III – Industrija tal-provvista ferrovjarja tal-UE kompetittiva, armonizzata u innovattiva

Il-Kummissjoni:

Øfl-2026, se tadotta pjan Ewropew ambizzjuż u ġdid ta’ mobilitazzjoni għall-ERTMS;

Øse tistabbilixxi sett uniku ta’ rekwiżiti għal trainsets ta’ veloċità għolja;

Øfl-2026, se tniedi sejħa għall-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea ddedikata għall-kokreazzjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ vetturi ferrovjarji ta’ veloċità għolja armonizzati Ewropej b’kapaċità ta’ aktar minn network wieħed għal operazzjonijiet ferrovjarji effiċjenti u mingħajr interruzzjoni fin-networks kollha;

Øfl-2026, se tipproponi leġiżlazzjoni riveduta dwar taħriġ komuni u ċertifikazzjoni unika għas-sewwieqa tal-ferroviji ta’ veloċità għolja tal-UE u servizzi ferrovjarji oħra;

Øfl-2027, se tipproponi leġiżlazzjoni dwar il-bejgħ mill-ġdid u d-dekummissjonar tal-vetturi ferrovjarji.

L-Istati Membri huma mistiedna:

Øilestu l-introduzzjoni tal-ERTMS fis-sezzjonijiet kollha li jifdal tan-network ta’ veloċità għolja u jipprijoritizzaw l-eliminazzjoni ta’ differenzi tekniċi oħra bejn il-linji ta’ veloċità għolja u r-rotot ta’ aċċess biex jiżguraw operazzjonijiet ferrovjarji effiċjenti u mingħajr interruzzjoni;

Øjiżguraw l-użu effiċjenti tal-fondi pubbliċi, b’mod partikolari l-fondi tal-UE, għal proġetti infrastrutturali u għall-akkwist ta’ vetturi ferrovjarji billi jipprijoritizzaw soluzzjonijiet standardizzati tas-sistema ferrovjarja u l-iktar verżjonijiet reċenti tas-sistema;

Øjagħmlu użu, permezz tal-entitajiet rilevanti tagħhom kif xieraq, mill-Fond Ewropew għall-Kompetittività propost u mill-għajnuna mill-Istat, inklużi Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni biex jiffinanzjaw il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ vetturi ferrovjarji ta’ veloċità għolja;

Øjirratifikaw il-Protokoll tal-Lussemburgu għall-Konvenzjoni ta’ Cape Town.

L-industrija Ewropea tal-provvista ferrovjarja hija mistiedna:

Øtantiċipa d-domanda u tespandi l-kapaċità tal-produzzjoni fi prodotti affordabbli, armonizzati u ta’ prestazzjoni għolja.

Pilastru IV – Governanza effettiva tal-UE għal ferroviji ta’ veloċità għolja

Il-Kummissjoni:

Øsal-2026, se tipproponi Regolament ERA rivedut biex issaħħaħ is-sikurezza, id-diġitalizzazzjoni u l-kosteffiċjenza;

Øsal-2026, se tistabbilixxi tabella ta’ valutazzjoni biex timmonitorja l-progress fl-iżvilupp tat-trasport ferrovjarju ta’ veloċità għolja;

Ømill-2026, se tmexxi d-diskussjonijiet li bħalissa jinsabu fi ħdan il-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-kompetittività tal-industrija tal-provvista ferrovjarja għal-livell politiku;

Ømill-2026, se tistabbilixxi diskussjonijiet madwar mejda mal-partijiet ikkonċernati dwar konnessjonijiet ta’ bliet magħżula biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi fl-iżvilupp ta’ kurituri speċifiċi, bħal ostakli tekniċi, id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet tas-servizz, restrizzjonijiet tal-kapaċità u tariffi tal-aċċess għall-binarji.

(1)      Il-ħtieġa ta’ network bħal dan tqajmet ukoll f’Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fl-2023: https://citizens-initiative.europa.eu/initiatives/details/2023/000004_mt.  
(2)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur (COM (2020) 789 final).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport.
(4)    EU transport in figures: Statistical Pocketbook 2024, it-Tabella 2.3.8., https://transport.ec.europa.eu/facts-funding/studies-data/eu-transport-figures-statistical-pocketbook/statistical-pocketbook-2024_en .
(5)    EU Transport in Figures – Statistical Pocketbook 2025 (Illustrazzjoni tal-linji ta’ veloċità għolja li jinkludu l-linji ferrovjarji prinċipali li jippermettu traffiku b’veloċitajiet fis-segmenti ewlenin li huma daqs jew aktar minn 200 km/h fuq linji mmodernizzati u minn 250 km/h fuq linji mibnija apposta. Linji ferrovjarji speċifiċi għall-veloċità għolja mibnija biex jippermettu traffiku b’veloċitajiet ta’ 250 km/h jew aktar).
(6)    Draghi, M., The future of European competitiveness, Rapport għall-President tal-Kummissjoni Ewropea, Settembru 2024, https://commission.europa.eu/topics/eu-competitiveness/draghi-report_en.
(7)    Letta, E., Much more than a market, April 2024, https://www.consilium.europa.eu/media/ny3j24sm/much-more-than-a-market-report-by-enrico-letta.pdf.
(8)    Il-ħinijiet tal-ivvjaġġar huma indikattivi u bbażati fuq id-data tal-iskeda ta’ żmien disponibbli għall-pubbliku li ġiet estratta f’April 2025. Dawn jirriflettu s-sitwazzjoni f’mument speċifiku u jistgħu jinbidlu minħabba aġġornamenti tan-network, xogħlijiet infrastrutturali jew reviżjonijiet tal-iskeda ta’ żmien. Dawn ma humiex maħsuba biex jirrappreżentaw valutazzjoni eżawrjenti tan-network Ewropew tat-trasport. L-għażla tal-pari ta’ bliet issegwi l-metodoloġija deskritta fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ akkumpanjament (SWD) (2025)960.
(9)      Kif definiti fid-Direttiva 2012/34/UE, jiġifieri dwar “servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri operati mingħajr waqfiet intermedji bejn żewġ postijiet mifrudin tal-inqas b’distanza ta’ aktar minn 200 km fuq linji ta’ veloċità għolja mibnija apposta u attrezzati għal veloċitajiet ġeneralment ta’ 250 km/h jew aktar u li bħala medja jinstaqu b’dawk il-veloċitajiet”.
(10) Ara l-SWD(2025) 960 ta’ akkumpanjament.
(11)    Ara l-SWD(2025) ta’ akkumpanjament.
(12)    Fi tmiem l-2023, in-network ta’ veloċità għolja laħaq it-3 993 km fi Spanja, l-2 735 km fi Franza, l-1 631 km fil-Ġermanja u d-921 km fl-Italja. Sors: EU Transport in Figures – Statistical Pocketbook 2025.
(13)      Il-koordinaturi Ewropej tat-TEN-T jinħatru mill-Kummissjoni Ewropea f’konformità mar-Regolament (UE) 1679/2024. Il-11-il koordinatur maħtur jissorveljaw u jiggwidaw l-implimentazzjoni tad-disa’ kurituri Ewropej tat-trasport u taż-żewġ prijoritajiet orizzontali tat-TEN-T (ERTMS, Spazju Marittimu Ewropew), u għalhekk jaġixxu bħala faċilitaturi ta’ djalogu wiesa’ mal-partijiet ikkonċernati. B’mod partikolari, huma inkarigati mill-Kummissjoni biex jaħdmu mal-Istati Membri biex ilestu l-investimenti tat-TEN-T f’konformità mal-iskadenzi applikabbli.
(14)      Id-Direttiva dwar ir-Razzjonalizzazzjoni (id-Direttiva (UE) 2021/1187) tkopri l-konnessjonijiet transfruntieri u nieqsa identifikati minn qabel fuq in-network ewlieni TEN-T u l-proġetti fil-kurituri Ewropej tat-trasport li jaqbżu EUR 300 miljun biex tiżgura: (i) li l-Istati Membri jaħtru awtorità waħda għal kull proġett jew proċess għall-ħruġ tal-permessi; (ii) proċeduri simplifikati b’awtorizzazzjoni għall-ħruġ tal-permessi limitata għal 4 snin; (iii) proċessi għall-ħruġ tal-permessi aktar ċari u trasparenti għall-promoturi tal-proġetti kif ukoll għall-awtoritajiet rilevanti; u (iv) koordinazzjoni aħjar għall-ħruġ tal-permessi u għall-akkwist transfruntieri.
(15)      EY b’kollaborazzjoni mal-Università Bocconi u ma’ Blue Arches għall-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea: “Smart and affordable rail services in the EU: a socio-economic and environmental study for High-Speed in 2030 and 2050”, https://rail-research.europa.eu/publications/smart-and-affordable-rail-services-in-the-eu-a-socio-economic-and-environmental-study-for-high-speed-in-2030-and-2050/.
(16) Skont studju reċenti dwar “Smart and Affordable Rail Services in the EU: a socio-economic and environmental study for High-Speed in 2030 and 2050” minn EY, jekk wieħed iqis biss l-impatt tal-kostruzzjoni tal-ferroviji ta’ veloċità għolja, sal-2050 jistgħu jinħolqu aktar minn 1,5 miljun impjieg fis-sena. https://rail-research.europa.eu/wp-content/uploads/2023/01/HSR_Technical_Report_2_Final_220123.pdf
(17)

     Dan jinkludi konnessjonijiet transfruntieri ewlenin, bħall-mina ta’ bażi ta’ Lyon-Torino, li se tikkollega n-networks ferrovjarji ta’ veloċità għolja Franċiżi u Taljani, l-investimenti fil-ferroviji ta’ veloċità għolja fil-Greċja biex terġa’ tiġi stabbilita s-sezzjoni ta’ Domokos–Krannonas tal-assi ta’ Ateni-Salonka wara l-Maltempata Daniel, u t-titjib tal-linja ta’ veloċità għolja Madrid-Sivilja fi Spanja.

(18)      Pereżempju, is-sejħa tal-FNE tal-2024 ġiet sottoskritta żżejjed b’aktar minn 6,6 darbiet il-baġit disponibbli.
(19)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Baġit tal-UE dinamiku għall-prijoritajiet tal-futur – Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2028-2034 (COM(2025) 570 final).
(20)    Ara 4.3 “Tisħiħ tal-opportunitajiet ta’ investiment għall-appoġġ għall-akkwist ta’ vetturi ferrovjarji”.
(21)      Il-mudell tal-bażi tal-assi regolatorji (jew RAB) huwa mudell ta’ finanzjament għal proġetti infrastrutturali regolatorji, li jipprovdi appoġġ għad-disinn, għall-kostruzzjoni, għall-ikkummissjonar u għall-operat tagħhom. F’dan il-mudell, il-kumpaniji privati jew korporattivi tal-Istat jaġixxu bħala l-maniġer tal-infrastruttura: huma għandhom is-sjieda, jinvestu f’assi infrastrutturali u joperawhom skont id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim mar-regolatur. Il-maniġer tal-infrastruttura jirċievi dħul mit-tariffi mingħand l-utenti u/jew sussidji biex jiffinanzja l-operazzjonijiet tiegħu u jirkupra l-kostijiet tal-investiment kif deċiż mar-regolatur.
(22)

   “Support study on the climate adaptation and cross-border investment needs to realise the TEN-T network”, https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/26731a63-b904-11ef-91ed-01aa75ed71a1/language-mt .

(23)      Ara r-rakkomandazzjonijiet fir-Rapport finali konġunt mill-gruppi ta’ ħidma tal-industrija u tal-esperti xjentifiċi dwar id-dekarbonizzazzjoni tal-kostruzzjoni tal-industrija tat-trasport: https://transport.ec.europa.eu/document/download/982f3916-d1e7-427a-93cd-4e8ccfddff6c_en?filename=decarbonised_construction.pdf.
(24)      Eżempji tal-aħjar prattiki għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jinkludu disinn strutturali ottimizzat, inkorporazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, użu mill-ġdid ta’ materjali skavati u għażla ta’ prodotti b’emissjonijiet baxxi. L-aħjar prattiki dwar l-adattament jinkludu: (i) id-disinn għar-reżiljenza billi jogħla l-livell tal-binarji, jissaħħu l-istrutturi u jintużaw materjali reżistenti għat-temperatura; (ii) l-integrazzjoni tad-data dwar il-klima fil-ġestjoni tal-assi għall-manutenzjoni u għas-sostituzzjoni; (iii) l-implimentazzjoni ta’ valutazzjonijiet tar-riskju proattivi biex jinżamm rendikont ta’ eventi estremi; u (iv) l-inkorporazzjoni ta’ prinċipji ta’ ġestjoni adattiva fid-disinn u fl-operazzjonijiet.
(25)      Aktar ma tkun għolja l-veloċità tal-ferrovija, aktar tiġi prodotta u rrilaxxata fl-atmosfera materja partikolata minħabba interazzjonijiet bejn il-binarji u l-vettura u s-sistema katenarja u l-vettura.
(26)      Ara Zero pollution monitoring and outlook 2025, ir-Rapport 13/2024 tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA, European Environmental Agency) u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC, Joint Research Centre) u Environmental noise in Europe 2025, ir-Rapport 05/2025 tal-EEA.
(27)      Meħtieġa skont id-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali (2002/49/KE).
(28)      Ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar teknoloġiji innovattivi u forom innovattivi ta’ varar tal-enerġija rinnovabbli C(2025)4011 tat-2 ta’ Lulju 2025 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2025 dwar teknoloġiji innovattivi u forom innovattivi ta’ varar tal-enerġija rinnovabbli, dwar l-istabbiliment ta’ żoni għall-infrastruttura tal-grilja u tal-ħżin neċessarja għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku f’konformità mal-Artikolu 15(e) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 riveduta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u dwar tariffi tan-network li jibqgħu validi fil-futur biex jitnaqqsu l-kostijiet tas-sistema tal-enerġija (C(2025) 4024 final).
(29) Ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju tal-2016 huwa sett ta’ sitt testi leġiżlattivi mfassla biex ilestu s-suq uniku għas-servizzi ferrovjarji, https://transport.ec.europa.eu/transport-modes/rail/railway-packages/fourth-railway-package-2016_en.
(30)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-kapaċità infrastrutturali ferrovjarja fiż-żona ferrovjarja unika Ewropea, li jemenda d-Direttiva 2012/34/UE u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 (COM(2023) 443 final).
(31)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew għall-Kompetittività (COM(2025) 555 final).
(32)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u ż-żoni rurali, is-sajd u l-baħar, il-prosperità u s-sigurtà għall-perjodu 2028-2034 (COM(2025) 565 final).
(33)    AssetCo: Kumpanija tal-assi ddedikata għax-xiri, għall-operat u għall-manutenzjoni ta’ assi speċifiċi użati għal proġett.
(34)    ROSCO: Kumpanija tal-vetturi ferrovjarji: kumpanija li hija proprjetarja ta’ lokomottivi, ta’ kowċis jew ta’ vaguni tal-merkanzija u li tikrihom lil kumpaniji ferrovjarji li joperaw.
(35)    Il-Protokoll tal-Lussemburgu skont il-Konvenzjoni ta’ Cape Town, https://otif.org/fileadmin/user_upload/otif_verlinkte_files/04_recht/07_dipl_konf/DOCs_e/DCME_LUXEMBOURG_PROTOCOL_FINAL_04.06.07.pdf.
(36)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida interpretattivi dwar l-istabbiliment ta’ imposti għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, C/2025/2606.
(37)    Is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2025, C-538/23, ÖBB-Infrastruktur u WESTbahn Management, b’mod partikolari l-punti 85 sa 89.
(38)    Id-Direttiva 2012/34/UE, b’mod partikolari l-Artikolu 13.
(39)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2177 tat-22 ta’ Novembru 2017 dwar l-aċċess għall-faċilitajiet ta’ servizz u għas-servizzi relatati mal-ferroviji.
(40)    Eżempji jinkludu Franza, il-Ġermanja, l-Iżvezja, l-Italja u Spanja.
(41)    L-inizjattiva dwar il-ħruġ tal-biljetti hija ppjanata li tikkonsisti fi tliet proposti legali: (i) proposta għal Regolament dwar is-Servizzi tal-Mobbiltà Diġitali Multimodali; (ii) proposta għal Regolament dwar Sistema Unika Diġitali tal-Ibbukkjar u tal-Ħruġ tal-Biljetti; u (iii) reviżjoni mmirata tar-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ferroviji. Ir-reviżjoni mmirata għandha l-għan li tiżgura li l-passiġġieri li jixtru l-biljetti tagħhom fi tranżazzjoni unika minn pjattaforma waħda jkunu protetti għall-vjaġġ kollu irrispettivament min-numru ta’ operaturi ferrovjarji involuti.
(42)    L-Abbozz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar speċifikazzjoni teknika relatata mas-subsistema telematika tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea għall-interoperabbiltà tal-kondiviżjoni tad-data fit-trasport ferrovjarju u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 454/2011 u (UE) Nru 1305/2014, https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/14273-L-interoperabbilta-ferrovjarja-specifikazzjonijiet-teknici-g%C4%A7as-subsistema-tal-applikazzjonijiet-telematici_mt.
(43)    L-Ewrobarometru dwar is-servizz ta’ mobbiltà diġitali multimodali, https://europa.eu/eurobarometer/surveys/detail/3178 .
(44)    “Study on passenger and freight rail transport services”, 2024: https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/4ea76998-7955-11ef-bbbe-01aa75ed71a1 .
(45)    L-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) 2024/1679; l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (riformulazzjoni); ir-Regolament (UE) 2021/1060 li jirrikjedi ppjanar komprensiv tat-trasport fil-livell xieraq, jipprovdi informazzjoni dwar ir-riżorsi ta’ finanzjament li jikkorrispondu għall-investimenti ppjanati biex ikopru l-kostijiet operatorji u tal-manutenzjoni tal-infrastrutturi eżistenti u ppjanati.
(46)    Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (riformulazzjoni).
(47)

     Il-Kummissjoni se tħeġġeġ u tappoġġa lill-Istati Membri biex jużaw pjanijiet u programmi meħtieġa jew promossi skont id-dritt tal-UE jew inizjattivi bħal pjanijiet ta’ mobbiltà urbana sostenibbli, pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja u pjanijiet ta’ azzjoni dwar l-istorbju, biex jimmassimizzaw in-numru ta’ passiġġieri mir-reġjun jew mill-agglomerazzjoni urbana li jistgħu jilħqu l-istazzjonijiet ferrovjarji ta’ veloċità għolja b’mod sostenibbli.

(48)      COM/2023/752 final.
(49)       https://www.unife.org/wp-content/uploads/2024/05/UNIFE_Priorities_2024_2029.pdf , b’data addizzjonali pprovduta mill-UNIFE (Union des Industries Ferroviaires Européennes).
(50)    Il-Kummissjoni Ewropea: id-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport, ERTMS On-board deployment – Analysis of cost drivers, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2025, https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/89f05852-1680-11f0-b1a3-01aa75ed71a1 .
(51)    Il-Pjan Ewropew ta’ Mobilitazzjoni għall-ERTMS kurrenti ġie adottat fl-2017, fuq il-bażi tar-Regolament TEN-T preċedenti. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/6 tal-5 ta’ Jannar 2017 dwar il-pjan Ewropew ta’ mobilitazzjoni għas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju.
(52)    Linji fejn ma jkunx skedat li jiġi operat servizz ferrovjarju, iżda li x’aktarx jiġi ddevjat fuqhom f’każ ta’ tfixkil.
(53)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “L-Unjoni tal-Ħiliet”, COM(2025) 90 final .
(54)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont Ewropa, il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, għall-perjodu 2028–2034 (COM(2025) 543 final).
(55)      Pereżempju, f’impriża konġunta ffinanzjata skont il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.
(56)      Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-kapaċità infrastrutturali ferrovjarja fiż-żona ferrovjarja unika Ewropea, li jemenda d-Direttiva 2012/34/UE u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 (COM(2023) 443 final).