Strasburgu, 21.10.2025

COM(2025) 872 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija għat-tiġdid ġenerazzjonali fil-biedja

{SWD(2025) 872 final}


1.Niżguraw il-futur tal-agrikoltura: strateġija għat-tiġdid ġenerazzjonali

L-agrikoltura Ewropea hija aktar minn sempliċiment il-produzzjoni tal-ikel. Il-bdiewa huma fil-qalba tas-sigurtà tal-ikel tagħna, alleati ewlenin fil-kompetittività, fl-azzjoni klimatika, fil-ħarsien tal-ambjent, u huma essenzjali għall-preservazzjoni tal-vitalità taż-żoni rurali. Madankollu, il-biedja qed tiffaċċja pressjonijiet serji, fosthom forza tax-xogħol li qed tixjieħ, tnaqqis fil-popolazzjonijiet rurali u ambjent internazzjonali diffiċli.

Fl-2020, l-età medja tal-bdiewa fl-UE kienet ta’ 57 sena, bi 12 % biss taħt l-40 sena ( 1 ). Minn dan il-grupp iżgħar fl-età, 2,5 % biss kienu nisa. Peress li s-sigurtà tal-ikel hija komponent essenzjali tal-awtonomija Ewropea fl-oqsma tas-sigurtà u dak strateġiku, dawn ma humiex biss sfidi demografiċi, u b’mod aktar wiesa’, soċjetali: dawn huma sfidi strateġiċi, u hija r-responsabbiltà soċjetali tagħna li nindirizzawhom.

Il-futur tas-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa jiddependi fuq il-ġenerazzjoni dinamika li jmiss ta’ bdiewa u produtturi tal-ikel primarju.

Il-Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel ( 2 ) tistabbilixxi l-qafas għall-approċċ tal-UE biex il-biedja u s-settur primarju jsiru aktar attraenti, kompetittivi, validi fil-futur u ġusti.

Bl-approċċ il-ġdid propost għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, għandna tieqa ta’ opportunità: il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tradizzjonalment kienet qed tappoġġa lill-bdiewa żgħażagħ ( 3 ) b’miżuri u baġit dedikati, inkluż permezz ta’ għajnuna għall-installazzjoni, rati ogħla ta’ appoġġ għall-investimenti, u miżuri ta’ kreditu. Bil-proposta l-ġdida tal-PAK ta’ wara l-2027 ( 4 ), jekk tiġi adottata, dan l-appoġġ jista’ jsir saħansitra aktar immirat u ambizzjuż. Il-miżuri dedikati bħal pakkett tal-bidu għall-bdiewa żgħażagħ, l-immirar aħjar tal-fondi permezz ta’ pagamenti digressivi lill-bdiewa żgħażagħ u l-appoġġ għall-investiment għandhom jgħinu biex jiġġeneraw l-impetu meħtieġ u jżidu l-attraenza tal-professjoni għall-ġenerazzjonijiet iżgħar. Il-PAK ta’ wara l-2027 se tibbenefika wkoll minn sinerġiji akbar fil-politiki kollha tal-UE previsti fil-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali ( 5 ), fejn l-Istati Membri se jkollhom il-flessibbiltà li jfasslu sett komprensiv ta’ azzjonijiet li jibbenefikaw lill-bdiewa żgħażagħ f’diversi oqsma ta’ politika.

Din l-istrateġija għat-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura, li hija prijorità politika tal-Kummissjoni( 6 ), tipprijoritizza l-azzjonijiet ta’ politika u l-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ u ġodda, b’mod partikolari dawk taħt l-40 sena. Tindirizza l-ostakli ewlenin identifikati permezz ta’ konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet ikkonċernati( 7 ), b’attenzjoni partikolari mogħtija lill-bdiewa żgħażagħ u liż-żgħażagħ rurali, u data minn sorsi multipli( 8 ). Tappoġġa wkoll lill-bdiewa akbar fl-età meta jiġu biex jittrasferixxu n-negozju tagħhom lill-ġenerazzjoni ta’ bdiewa li jmiss b’mod dinjituż, filwaqt li tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw skemi ta’ pensjoni ġusti u affidabbli; dan kollu fi sforz usa’ biex jitrawwem żvilupp rurali inklużiv u reżiljenti. Hija tikkonforma mal-pożizzjonijiet espressi fil-Parlament Ewropew( 9 ) u fil-Kunsill( 10 ), u mar-riżultati tad-Djalogu Strateġiku( 11 ).

Iż-żoni rurali tul il-fruntieri tal-Lvant tal-UE, affettwati mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jiffaċċjaw pressjonijiet soċjoekonomiċi u ta’ sigurtà speċifiċi li jeħtieġu appoġġ kontinwu bħala parti minn din l-isforz usa’. l-iżgurar ta’ biedja sostenibbli, produttiva u reżiljenti jeħtieġ azzjoni determinata llum. Jekk ma naġixxux issa, ix-xejra tat-tixjiħ se tibqa’ għaddejja, u b’hekk it-tiġdid isir ħafna aktar diffiċli. Din teħtieġ azzjoni immedjata fil-livell tal-UE, dak nazzjonali, u dak reġjonali , billi jittieħed approċċ tal-gvern kollu.

 

Għalkemm l-appoġġ pubbliku għadu kruċjali, bidla vera tiġi biss bir-riformi meħtieġa, l-aktar fil-livell nazzjonali u reġjonali, biex jiġu indirizzati l-ostakli ewlenin għat-tiġdid ġenerazzjonali. Din tinkludi l-ħtieġa li jittejjeb l-aċċess għall-finanzi u l-art, li jittejbu l-ħiliet u t-trasferiment tal-għarfien, u li l-ħajja rurali ssir aktar attraenti billi jiġu pprovduti servizzi pubbliċi aħjar u infrastruttura adegwata li tkun inklużiva, aċċessibbli, u li tkun attenta għall-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità u tal-gruppi f’riskju ta’ diskriminazzjoni. F’dan il-kuntest, il-promozzjoni ta’ inizjattivi kulturali tista’ tgħin biex jissaħħu r-rabtiet soċjali u tissaħħaħ l-attraenza tal-ħajja rurali. “Id-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju” japplika għall-istabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ li jkunu jixtiequ jibqgħu fit-territorji tagħhom u jaħdmu fil-biedja hemmhekk.

Barra minn hekk, l-innovazzjoni se ssawwar il-kompetittività u t-trasformazzjoni tal-biedja. Il-ġenerazzjoni ta’ bdiewa li jmiss għandha potenzjal kbir biex tixpruna din it-trasformazzjoni. Il-bdiewa żgħażagħ huma intraprenditorjali u adattabbli; spiss ikunu fuq quddiem nett fl-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, prattiki sostenibbli, u mudelli ta’ negozju diversifikati. L-involviment tagħhom huwa essenzjali biex isawru settur agrikolu reżiljenti u li jħares ’il quddiem.

Dawn l-opportunitajiet jistgħu jkunu saħansitra akbar fil-futur, biż-żieda sinifikanti proposta fil-baġit ġenerali għar-riċerka u l-innovazzjoni skont il-Fond Ewropew għall-Kompetittività (FEK) ( 12 ) propost u l-Programm Qafas il-ġdid propost għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ( 13 ). Għall-2028–2034, l-approċċ ta’ ppjanar propost taħt il-Pjanijiet SNR, jekk jiġi adottat, għandu jippermetti lill-Istati Membri jiksbu sinerġiji bejn l-oqsma ta’ politika biex jindirizzaw aħjar l-isfidi, sabiex b’hekk jipprovdi rispons politiku sinifikanti għall-bdiewa żgħażagħ u għaċ-ċittadini li jgħixu fiż-żoni rurali.

2.Identifikazzjoni tal-ostakli għat-tiġdid ġenerazzjonali

Bejn l-2004 u l-2024, is-sehem tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea li kellha aktar minn 65 sena żdied minn 16 % għal 22 %, filwaqt li s-sehem ta’ dawk li kellhom bejn 0 u 19-il sena naqas minn 22 % għal 20 % ( 14 ). Din il-bidla taffettwa ħafna setturi, iżda l-impatt huwa partikolarment akut fiż-żoni rurali u fl-agrikoltura b’mod partikolari.

It-tixjiħ fl-agrikoltura huwa aktar mgħaġġel milli f’setturi oħra. Hemm ħafna aktar farms ġestiti minn bdiewa ’l fuq mill-età tal-irtirar (33,2 %) milli minn bdiewa żgħażagħ (12 %) ( 15 ), għalkemm dan ivarja minn Stat Membru għal ieħor. Dan l-iżbilanċ, flimkien ma’ xejriet simili fis-setturi tas-sajd u tal-akwakulture, jhedded is-sigurtà alimentari fit-tul, l-awtonomija strateġika tal-UE fil-produzzjoni tal-ikel, u l-futur tal-pajsaġġi agrikoli tal-Ewropa.

Iż-żgħażagħ jaqtgħu qalbhom milli jidħlu għall-biedja minħabba għadd ta’ ostakli interkonnessi bħall-aċċess għall-art, il-kreditu affordabbli, u l-ħiliet/għarfien essenzjali. Is-suċċessjoni tal-farms tirrikjedi investiment fit-tul u spiss tinvolvi kwistjonijiet legali, finanzjarji u emozzjonali kumplessi, speċjalment fil-farms tal-familji. Dawn l-isfidi, flimkien man-natura intensiva fil-kapital tal-agrikoltura moderna, jiskoraġġixxu lil ħafna entranti ġodda potenzjali.

Il-bdiewa jiġġestixxu madwar 40 % tal-erja tal-art totali tal-UE ( 16 ) u b’hekk ipoġġu lis-settur fil-qalba tas-sigurtà tal-ikel, ta’ żoni rurali vibranti, u tas-servizzi ambjentali ewlenin bħar-reżiljenza għall-klima u tal-ilma u l-konservazzjoni tal-bijodiversità. Bl-immaniġġjar attiv tal-art, huma jnaqqsu wkoll ir-riskji ta’ avvenimenti klimatiċi estremi u jsaħħu r-reżiljenza rurali. Dan huwa partikolarment rilevanti fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, li jiddependu ħafna fuq il-biedja u huma aktar vulnerabbli għall-avvenimenti klimatiċi u d-diżastri naturali.

L-iżgurar tat-tiġdid ġenerazzjonali, speċjalment fil-farms tal-familja, huwa essenzjali biex tinżamm is-sigurtà tal-ikel, jiġi ttrasferit l-għarfien, u tiġi allinjata l-produttività mas-sostenibbiltà. Minbarra l-produzzjoni tal-ikel u l-ġestjoni sostenibbli tal-art, ħafna bdiewa jikkontribwixxu għall-enerġija rinnovabbli permezz tal-bijoenerġija solari u eolika, u għalhekk jappoġġaw kemm l-objettivi klimatiċi kif ukoll is-sigurtà tal-enerġija, filwaqt li r-riformi futuri jistgħu jottimizzaw il-konnessjonijiet tal-grilja, iżidu l-introjtu tal-farms, u jipprovdu lill-komunitajiet b’enerġija prodotta lokalment.

It-tiġdid ġenerazzjonali huwa essenzjali biex l-agrikoltura tibqa’ ħajja, kompetittiva u innovattiva, u b’hekk tiġi żgurata l-provvista ta’ ikel sikur, sostenibbli u affordabbli għal aktar minn 450 miljun konsumatur tal-UE. L-affordabbiltà tal-ikel tibqa’ ta’ tħassib, peress li l-prezzijiet għoljin jagħmlu pressjoni fuq il-baġits tal-unitajiet domestiċi, speċjalment għall-gruppi b’introjtu baxx.

Biex il-biedja ssir għażla ta’ karriera vijabbli u sodisfaċenti għaż-żgħażagħ hija meħtieġa azzjoni lil hinn mis-settur agrikolu waħdu. L-għadd ta’ żgħażagħ rurali qed jonqos. Bejn l-2013 u l-2019, l-għadd ta’ żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena li jgħixu f’żoni rurali fl-EU-28( 17 ) naqas minn 3,6 miljun għal 1,9 miljun, u dak ta’ bejn il-25 u d-29 sena naqas minn 6,9 miljun għal 5,9 miljun( 18 ).

Il-futur tal-bdiewa jiddependi fuq il-fatt li ż-żoni rurali jsiru aktar b’saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperi, f’konformità mal-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE ( 19 ). Il-komunitajiet vibranti, l-infrastruttura ta’ kwalità għolja, is-servizzi aċċessibbli, l-edukazzjoni u t-taħriġ attraenti u ta’ kwalità kif ukoll l-opportunitajiet ta’ impjieg mhux fuq il-farm, u l-konnessjonijiet soċjali b’saħħithom huma essenzjali biex iż-żgħażagħ ma jitilqux u jkunu jistgħu jeżerċitaw id-“dritt li jibqgħu fit-territorju”, filwaqt li jiġu attirati wkoll bdiewa ġodda. Iż-żoni rurali huma ċentrali għall-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna, u jeħtieġ li niżguraw li jibqgħu postijiet attraenti fejn wieħed jgħix.

Il-“bdiewa tal-futur” se jinvolvu ruħhom f’networks aktar diversifikati li jinkludu entranti ġodda fil-biedja, varjetà ta’ mudelli tal-biedja u tan-negozju inklużi xi wħud marbuta mal-ekonomija soċjali, u sħubijiet innovattivi, li jirriflettu d-diversità dejjem akbar tas-sistemi tal-ikel ( 20 ). Forom ġodda ta’ kollaborazzjoni, bħal sħubijiet, skambji interġenerazzjonali, sinerġiji ma’ setturi oħra u l-kondiviżjoni tal-art, għandhom rwol billi jnaqqsu l-ostakli għad-dħul u jsaħħu r-rabtiet tal-komunità. Dawn il-mudelli jgħinu biex jinħolqu sistemi tal-biedja aktar inklużivi u reżiljenti, li min-naħa tagħhom jikkontribwixxu għall-vitalità soċjali u ekonomika taż-żoni rurali. Appoġġati mill-kooperattivi u mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, dawn joffru mogħdijiet prattiċi għall-entranti l-ġodda filwaqt li jsaħħu n-nisġa tal-ħajja rurali.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-futur tal-biedja u taż-żoni rurali jiddependi fuq il-ħolqien tal-kundizzjonijiet ideali biex iż-żgħażagħ jibnu ħajjithom u l-karrieri tagħhom hemmhekk, biex il-biedja tkun tista’ tkompli tikkontribwixxi għal UE reżiljenti u sostenibbli.

3.L-isfruttar tal-opportunitajiet għall-ġenerazzjoni ta’ bdiewa Ewropej li jmiss 

Il-biedja tal-UE toffri firxa wiesgħa li qed tevolvi ta’ opportunitajiet li jattiraw, jappoġġaw u jżommu lill-bdiewa u lill-ħaddiema tal-biedja żgħażagħ u ġodda. Il-mudelli differenti tal-farms għadhom rilevanti, u kull wieħed minnhom jikkontribwixxi b’diversi modi għall-produttività, ir-reżiljenza għall-klima, is-sostenibbiltà ambjentali, il-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet rurali u lokali bħala parti integrali mill-wirt kulturali tal-Unjoni u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ikel u sabiex jiġu attirati profili ġodda ta’ bdiewa żgħażagħ. It-tħaddin ta’ din id-diversità jiżgura settur inklużiv reattiv għal kundizzjonijiet varji, għall-ħtieġa ta’ diversifikazzjoni agrikola biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel, speċjalment fiż-żoni iżolati, għad-domandi tal-konsumaturi, u għall-viżjonijiet tan-negozju. Kemm jekk permezz tal-innovazzjoni kif ukoll permezz tal-ħiliet tradizzjonali, il-bdiewa żgħażagħ għandhom rwol kritiku fit-tiswir tal-futur tal-agrikoltura.

Id-diversifikazzjoni tal-attivitajiet u tal-prodotti agrikoli tikkontribwixxi għar-robustezza tas-settur billi twessa’ s-sorsi tal-introjtu: l-agrituriżmu, l-ipproċessar fil-farms, is-sistemi integrati tal-agriakkwakultura, is-soluzzjonijiet tal-bijoekonomija bħall-produzzjoni ta’ materjali rinnovabbli u l-bijoenerġija, jew ta’ għalf mill-alka, jew is-sekwestru tal-karbonju, huma fost l-attivitajiet b’potenzjal sinifikanti li jikkontribwixxu għall--vijabbiltà tal-għajxien rurali. Pereżempju, il-bijoekonomija u s-soluzzjonijiet ċirkolari jibdlu l-iskart f’riżorsi u f’enerġija filwaqt li jikkontribwixxu għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni u għall-objettivi klimatiċi u ambjentali. F’dan il-kuntest, jinħolqu impjiegi ġodda b’aktar opportunitajiet. Għal ħafna bdiewa żgħażagħ, li spiss jipprattikaw il-biedja part-time jew flimkien ma’ impjiegi oħra, dawn l-opportunitajiet jistgħu jkunu kruċjali fil-bini ta’ karrieri professjonali flessibbli u stabbli fis-settur usa’ tal-biedja.

It-tiġdid ġenerazzjonali ma huwiex xprunat mill-PAK biss. Investimenti usa’ fl-infrastruttura u fis-servizzi rurali huma vitali biex jiġu attirati ż-żgħażagħ u nies ġodda, inklużi z-servizzi tas-saħħa u tal-kura fit-tul ta’ kwalità, aċċessibbli u inklużivi, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-akkomodazzjoni, l-ilma, l-infrastruttura, il-kura tat-tfal, it-trasport, il-komunikazzjoni diġitali, u s-servizzi ta’ divertiment f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Il-Politika ta’ Koeżjoni tikkomplementa l-interventi pprovduti mill-PAK u tipprovdi appoġġ sinifikanti fiż-żoni rurali. Din tappoġġa objettivi ekonomiċi, soċjali u territorjali permezz ta’ investimenti mmirati, inkluż fil-broadband rurali, l-enerġija nadifa, is-saħħa, il-ħiliet edukattivi, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-infrastruttura lokali. Dawn l-investimenti jġibu valur miżjud u benesseri għaż-żoni rurali. Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni ( 21 ) jipprovdi wkoll inċentivi u flessibbiltajiet biex jiġu appoġġati objettivi ta’ prijorità bħar-reżiljenza tal-ilma, l-akkomodazzjoni, it-tranżizzjoni enerġetika u l-kompetittività u l-innovazzjoni, li kollha huma kwistjonijiet rilevanti għaż-żoni rurali.

Hekk kif il-biedja qed tittrasforma – permezz tal-konsolidazzjoni, l-integrazzjoni tal-katina tal-valur, l-adozzjoni tat-teknoloġija, u l-adattament għall-klima – huma meħtieġa għodod li jgħinu lill-bdiewa u lil dawk li jfasslu l-politika jantiċipaw u jirrispondu b’azzjonijiet koordinati li jħarsu ’l quddiem, f’konformità mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat.

4.Il-PAK il-ġdida u l-pjanijiet SNR: l-ixprunar tal-bidla pożittiva

Il-PAK għandha rwol ċentrali fil-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-iżvilupp sostenibbli tan-negozju billi ttejjeb l-aċċess għall-finanzi, l-għarfien u l-innovazzjoni, filwaqt li l-miżuri tal-Istati Membri jindirizzaw ukoll ostakli ewlenin bħall-aċċess għall-art għall-entranti l-ġodda. ( 22 ).

Il-proposta tal-QFP tal-PAK ta’ wara l-2027 timmarka pass kbir lejn agrikoltura Ewropea aktar moderna, inklużiva, u orjentata lejn il-futur, għaliex tqiegħed it-tiġdid ġenerazzjonali fil-qalba tagħha.

Jekk tiġi adottata, tista’ tiffaċilita d-dħul ta’ bdiewa ġodda, b’appoġġ imsaħħaħ għar-riċerka u l-innovazzjoni, li huma fundamentali għat-tiġdid ġenerazzjonali, peress li jixprunaw il-modernizzazzjoni u l-produttività, joħolqu opportunitajiet ekonomiċi, u jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien rurali filwaqt li jappoġġaw id-diversità u l-inklużività. Bil-proposta tal-QFP li jmiss, il-Kummissjoni tipproponi wkoll approċċ aktar integrat għall-appoġġ rurali fil-PAK u lil hinn minnha. L-investimenti jeħtieġu azzjoni kkoordinata bejn id-dipartimenti tal-gvern u l-livelli ta’ governanza, bl-appoġġ tar-riformi meħtieġa. Il-proposta tal-PAK hija ċentrali għall-proposta tal-Kummissjoni għall-pjanijiet il-ġodda tal-SNR, ikkumplimentata b’miżuri tal-UE u b’inizjattivi nazzjonali u reġjonali.

Il-Pjan SNR irid ikun fih miżuri li jindirizzaw it-tiġdid ġenerazzjonali, fosthom it-tħejjija ta’ strateġija nazzjonali li tidentifika x-xejriet demografiċi, li tindirizza l-ostakli għad-dħul, u tiddefinixxi miżuri ta’ appoġġ immirati. Biex ikunu effettivi, dawn l-istrateġiji jeħtieġ li jkunu komprensivi, u jirriflettu r-realtajiet kumplessi li jiffaċċjaw il-bdiewa f’kull Stat Membru filwaqt li jiżguraw koerenza ma’ sforzi nazzjonali u reġjonali usa’ biex iż-żoni rurali jerġgħu jingħataw il-ħajja, kif ukoll jikkontribwixxu għall-isforzi komuni tal-UE għat-tiġdid ġenerazzjonali. L-Istati Membri jkunu meħtieġa jistabbilixxu miri konkreti għat-tiġdid ġenerazzjonali, jirrapportaw regolarment dwar il-progress, u jagħmlu aġġustamenti fejn ma jkunx hemm riżultati, filwaqt li jispjegaw kif il-pjan jikkonċentra r-riżorsi fuq l-appoġġ għat-tiġdid ġenerazzjonali. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tuża parametri referenzjarji u rakkomandazzjonijiet dedikati tal-PAK biex tiggwida l-politiki nazzjonali, filwaqt li tiżgura r-responsabbiltà u l-allinjament mal-għanijiet tal-UE kollha. Ċentrali għal din l-istrateġija l-ġdida huwa “pakkett tal-bidu” komprensiv għall-bdiewa żgħażagħ, li jinkludi appoġġ għall-istabbiliment, għajnuna għall-investiment, u aċċess għal strumenti finanzjarji, kif ukoll miżuri tat-taxxa favorevoli. Miżuri komplementari jappoġġaw il-bidu ta’ negozji, is-sħubijiet ta’ innovazzjoni, l-iskemi għas-suċċessjoni, is-servizzi ta’ taħriġ u ta’ għajnuna biex jgħinuhom jiksbu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Qed jiġi propost li l-appoġġ kollu jkun aċċessibbli permezz ta’ punt ta’ dħul uniku f’kull Stat Membru biex jitjiebu l-aċċessibbiltà u l-effiċjenza.

Biex dan jirnexxi, l-Istati Membri għandhom jirduppjaw l-isforzi tagħhom għat-tiġdid ġenerazzjonali, b’mod partikolari dawk li qegħdin lura. Fi ħdan il-mekkaniżmu ta’ tmexxija futur, il-Kummissjoni se tirrakkomanda li l-Istati membri jinvestu ta’ mill-inqas 6 % tal-ammonti tagħhom delimitati għall-agrikoltura ( 23 ), għal dan l-iskop. Jekk meħtieġ, dan l-ammont jista’ jiżdied sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta’ finanzjament taħt l-SNR għat-twettiq tal-istrateġija nazzjonali.

Permezz ta’ dan il-kombinament ta’ impenji nazzjonali, miri li jistgħu jitkejlu, u gwida tal-Kummissjoni, il-PAK il-ġdida proposta għandha ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala mutur tat-tiġdid, u b’hekk tippermetti lill-bdiewa żgħażagħ jibnu karrieri vijabbli u tiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tal-agrikoltura tal-Ewropa.

Inizjattivi ewlenin ( 24

·Strateġiji komprensivi u obbligatorji dwar it-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura f’kull Stat Membru, imsaħħa b’rekwiżiti ċari biex jiġu identifikati x-xejriet demografiċi, l-ostakli għad-dħul u miżuri ta’ appoġġ immirati.

·Jiġu rduppjati l-isforzi tal-Istati Membri għat-tiġdid ġenerazzjonali. Għall-ipprogrammar futur tal-PSNR, il-Kummissjoni se tirrakkomanda fi ħdan il-mekkaniżmu ta’ tmexxija futur, li l-Istati Membri jinvestu ta’ mill-inqas 6 % tan-nefqa tagħhom delimitata għall-agrikoltura għal dan l-iskop, li huma jistgħu jikkumplimentaw b’fondi SNR addizzjonali sabiex jiġi żgurat finanzjament adegwat għat-twettiq tal-istrateġija nazzjonali.

·Il-“Pakkett tal-bidu għall-bdiewa żgħażagħ” biex jiġu ffaċilitati d-dħul u l-istabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ fis-settur permezz ta’ pakkett komprensiv ta’ interventi.

5.It-twettiq tal-istrateġija: il-passi li jmiss għat-tiġdid ġenerazzjonali 

It-tqegħid tal-bdiewa żgħażagħ fil-qalba tal-iżvilupp tal-politika huwa essenzjali biex it-tiġdid ġenerazzjonali jsir realtà dejjiema fl-agrikoltura Ewropea. Biex jiġi żgurat li l-bdiewa żgħażagħ mhux biss jiġu appoġġati iżda wkoll involuti b’mod attiv, il-Kummissjoni stabbiliet parteċipazzjoni strutturata għaż-żgħażagħ biex tinkorpora l-vuċijiet tagħhom fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politika. Bħala parti minn dan l-approċċ, f’dan it-terminu, il-Kummissjoni ospitat żewġ Djalogi ta’ Politika maż-Żgħażagħ ( 25 ) fejn ġie diskuss it-tiġdid ġenerazzjonali, u b’hekk iż-żgħażagħ ingħataw l-opportunità li jsawru l-politika agrikola.

Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri huma mħeġġa jinkludu rappreżentanti tal-bdiewa żgħażagħ fil-kumitati ta’ monitoraġġ( 26 ) biex jiżguraw li l-perspettivi tagħhom jinfurmaw id-deċiżjonijiet ta’ politika fi ħdan il-PAK. Dan joħloq spazju istituzzjonali għall-vuċi tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet li jippermettilhom jikkontribwixxu għal implimentazzjoni mtejba u jsaħħu r-responsabbiltà għat-twettiq tal-impenji ta’ tiġdid ġenerazzjonali.

Peress li tintegra liż-żgħażagħ direttament fil-formazzjoni tal-politika agrikola, din l-istrateġija tqiegħed il-pedament għal responsabbiltà aktar b’saħħitha, appoġġ aktar reattiv, u settur tal-biedja dinamiku u orjentat lejn il-futur. Dan jirrifletti l-impenn tal-UE li tiżgura li dawk li huma lesti li jmexxu l-agrikoltura Ewropea fil-futur ikollhom kemm l-għodod kif ukoll il-vuċi biex jagħmlu dan.

Biex jibnu fuq dan il-momentum, id-Djalogi ta’ Politika maż-Żgħażagħ se jkomplu fuq bażi annwali matul dan il-mandat, u b’hekk se jippermettu l-iskambju regolari ta’ fehmiet, il-kondiviżjoni tal-esperjenzi, u dibattitu infurmat dwar kwistjonijiet ewlenin ta’ politika b’mod li jiġi żgurat li l-vuċijiet taż-żgħażagħ kollha jinstemgħu bl-istess mod.

Objettivi ewlenin u prijoritajiet strateġiċi

L-objettiv ewlieni ta’ din l-istrateġija huwa li tiġi żgurata r-reżiljenza fit-tul tas-settur tal-biedja billi jiġi appoġġat l-introjtu tal-farms. Dan huwa essenzjali mhux biss għall-vitalità taż-żoni rurali iżda wkoll għas-sigurtà alimentari tal-Ewropa. Dan ifisser li l-bdiewa jingħataw għajnuna biex jibnu negozji ekonomikament vijabbli, sostenibbli, u li jkunu validi għall-futur. Biex dan iseħħ, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija huma faċilitaturi trażversali fundamentali.

Huwa kruċjali li l-bdiewa żgħażagħ u ġodda jingħataw l-għodda biex jibbenefikaw minn opportunitajiet emerġenti u li tiġi appoġġata d-diversifikazzjoni tal-introjtu tal-farms. L-għan ta’ dan huwa li l-bdiewa jsiru aktar reżiljenti u inqas dipendenti fuq is-sussidji fit-tul. Dan jibni, fost l-oħrajn, fuq il-potenzjal tal-bijoekonomija, l-enerġija rinnovabbli, il-krediti tan-natura u tal-karbonju, u ktajjen tal-provvista qosra.

L-istrateġija tirrikonoxxi li l-biedja trid tipprovdi introjtu stabbli u ġust permezz ta’ prezzijiet ġusti ( 27 ) biex tappoġġa għajxien vijabbli u attraenti. Il-parteċipanti fid-Djalogu ta’ Politika maż-Żgħażagħ ( 28 ) qalu li l-introjtu ġust huwa l-aktar sfida urġenti. Għal ħafna żgħażagħ Ewropej, il-prospetti ekonomiċi limitati għadhom deterrent għad-dħul fil-biedja. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi dan it-tħassib u diġà qed tindirizzah permezz ta’ inizjattivi usa’, fosthom riformi u għodod ġodda mmirati lejn it-titjib tal-ġustizzja u tat-trasparenza fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari ( 29 ). Huwa importanti li jiġi mfakkar ir-rwol ewlieni tal-Organizzazzjonijiet ta’ Produtturi (OP), li jistgħu jsaħħu s-setgħa ta’ negozjar tal-bdiewa, itejbu l-aċċess għas-suq, u jikkontribwixxu għal introjti aktar ġusti.

Hemm kunsens wiesa’ ( 30 ) li ħames oqsma jeħtieġu azzjoni urġenti: l-aċċess għall-finanzi, għall-edukazzjoni, għat-taħriġ u l-ħiliet, għall-art, standard ta’ għajxien ġust fiż-żoni rurali, u l-assistenza fis-suċċessjoni u fl-irtirar. Dawn l-isfidi huma indirizzati f’ħames blokok strateġiċi kull waħda b’inizjattivi ewlenin u b’azzjonijiet ta’ appoġġ:

A. L-aċċess għall-kreditu u għall-finanzjament

L-aċċess għall-finanzjament jibqa’ sfida ewlenija għall-bdiewa kollha, b’mod partikolari għall-bdiewa żgħażagħ u ġodda, peress li l-istabbiliment jew l-akkwiżizzjoni ta’ farm teħtieġ investiment kbir bil-quddiem b’redditi mdewma u spiss erratiċi jew inċerti. Ħafna jibdew il-vjaġġ tagħhom mgħobbija bid-dejn, li jagħmilha diffiċli li jiffinanzjaw operazzjonijiet ġodda, jadottaw prattiki sostenibbli, jew jimmodernizzaw it-tagħmir. Fl-2023, il-bdiewa żgħażagħ kellhom proporzjon ta’ obbligazzjonijiet imqabbla mal-assi ta’ aktar minn 20 %, meta mqabbla ma’ 8 % għall-bdiewa ta’ aktar minn 65 sena( 31 ), li jenfasizza l-pressjoni finanzjarja akbar li qed tiffaċċja l-ġenerazzjoni żagħżugħa.

Fl-2022, il-bdiewa żgħażagħ fl-EU-27 iffaċċjaw nuqqas ta’ finanzjament ta’ EUR 14,1 biljun, li jirrappreżenta 22 % tan-nuqqas totali tas-settur, żieda ta’ 11 % mill-2017 ( 32 ). Stħarriġ ġdid tal-fi-compass tal-BEI ( 33 ) ma juri l-ebda titjib f’setturi ewlenin: iċ-ċereali, iż-żrieragħ żejtnija u l-għelejjel li fihom il-proteini jiffaċċjaw nuqqas ta’ EUR 4,9 biljun; il-ħxejjex EUR 3,2 biljun; u l-baqar tal-ħalib EUR 0,4 biljun. Dan in-nuqqas li qed ikompli jikber jenfasizza r-rwol ċentrali tal-bdiewa żgħażagħ fl-issodisfar tal-ħtiġijiet ta’ investiment tas-settur u l-urġenza li jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet finanzjarji tagħhom.

Waħda mill-aktar kwistjonijiet urġenti hija l-aċċess limitat għal prodotti finanzjarji mfassla apposta. Il-bdiewa żgħażagħ spiss ibatu biex jiksbu self fit-tul, b’mod partikolari dak għal aktar minn 12-il sena, minħabba nuqqas ta’ kollateral jew każijiet ta’ kreditu. Biex jiġu indirizzati dawn l-ostakli, l-istrumenti finanzjarji bħas-self u l-garanziji jridu jitfasslu speċifikament għalihom. Dawn l-istrumenti jistgħu jappoġġaw firxa wiesgħa ta’ investimenti, mill-iżvilupp tan-negozju u l-adattament għat-tibdil fil-klima għad-diġitalizzazzjoni u l-akkwist gradwali ta’ farms permezz tal-akkwiżizzjoni ta’ ishma. Dawn għandhom jiġu adattati wkoll għall-partikolaritajiet ta’ mudelli alternattivi ta’ negozju bħall-kooperattivi u l-intrapriżi soċjali. Is-sħubijiet pubbliċi-privati u l-kollaborazzjoni aktar b’saħħitha mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (il-Grupp tal-BEI) u istituzzjonijiet finanzjarji oħra jistgħu jkomplu jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi, filwaqt li l-kontrogaranziji jistgħu joffru potenzjal mhux sfruttat għall-Istati Membri li jfittxu li jappoġġaw it-tiġdid ġenerazzjonali. Flimkien mal-Grupp tal-BEI, il-Kummissjoni se tesplora forom ta’ appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ u ġodda, fosthom skemi ta’ garanziji u sussidji fuq ir-rati tal-imgħax.

Il-finanzjament huwa essenzjali, speċjalment fl-akkwist tal-art. Jeħtieġ li l-bdiewa żgħażagħ ikunu jistgħu jużaw strumenti kofinanzjati mill-UE biex jixtru art agrikola mingħajr kundizzjonijiet restrittivi bla bżonn. Dan jippermettilhom jikkonsolidaw l-operazzjonijiet tagħhom u jinvestu f’titjib fit-tul bħas-saħħa tal-ħamrija, il-prattiki agroekoloġiċi, jew is-sekwestru tal-karbonju. L-aċċess għall-art għadu ostaklu kbir u l-iffaċilitar tax-xiri tal-art huwa kruċjali biex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul.

B’mod parallel, l-investiment fl-innovazzjoni u fit-teknoloġiji moderni huwa essenzjali biex tittejjeb il-produttività, tiżdied ir-reżiljenza, u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika. Il-finanzjament irid imur lil hinn mill-għodod konvenzjonali biex il-bdiewa żgħażagħ ikunu jistgħu jadottaw tekniki ġodda, għodod diġitali, u soluzzjonijiet sostenibbli li jippermettulhom jilqgħu għall-isfidi tat-tibdil fil-klima u għad-domandi tas-suq li qed jinbidlu. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-biedja organika, fejn ir-rendimenti aktar baxxi jistgħu jżidu r-riskju finanzjarju. F’dan ir-rigward, l-istrumenti effettivi għall-ġestjoni tar-riskju huma kruċjali, u għalkemm il-pagamenti l-ġodda ta’ EUR 200 000 għat-tranżizzjoni taħt il-PAK futura, jekk tiġi adottata, jistgħu jirrappreżentaw eżempju tajjeb għall-appoġġ tal-prodotti organiċi u tat-tranżizzjoni, se jkunu meħtieġa aktar riżorsi biex jiġi indirizzat l-ammont ta’ sfidi ffaċċjati.

Barra minn hekk, il-bidliet regolatorji jagħmluha diffiċli għall-bdiewa biex jagħmlu investimenti fit-tul b’kunfidenza. Huma jieħdu self abbażi tar-regoli attwali, biex imbagħad jiffaċċjaw bidliet f’dawk ir-regoli qabel iħallsu l-investimenti tagħhom, u dan jimmina ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà. Għalhekk, settur agroalimentari aktar prevedibbli għall-2040, huwa objettiv ewlieni tal-Viżjoni tal-Kummissjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel. Il-Kummissjoni timpenja ruħha għal perjodi twal biżejjed ta’ tranżizzjoni meta tikkunsidra l-bidliet regolatorji li jaffettwaw lill-farms.

F’dan l-isfond, il-PAK u l-finanzjament nazzjonali jibqgħu vitali. L-għajnuna għall-installazzjoni u l-appoġġ immirat għall-investiment huma essenzjali biex jgħinu lill-bdiewa żgħażagħ iniedu n-negozji tagħhom, jibnu r-reżiljenza, u jimmaniġġjaw kemm ir-riskji tas-suq kif ukoll dawk klimatiċi. Somom ta’ flus f’daqqa għat-tranżizzjoni, bħal dawk previsti taħt il-PAK futura, jistgħu wkoll ikollhom rwol siewi fl-appoġġ lill-bdiewa matul l-istadji bikrija kritiċi tal-adattament għal dawn l-isfidi.

Il-FEK propost, flimkien mal-Pilastru II ta’ Orizzont Ewropa, jista’ joffri mezzi ta’ finanzjament għall-bdiewa, inklużi bdiewa żgħażagħ u ġodda, biex jespandu l-impriżi tagħhom u jegħlbu l-ostakli strutturali. F’konformità mal-Istrateġija tal-UE għall-Kumpaniji Start-up u Scale-up ( 34 ), dawn l-istrumenti jimmobilizzaw il-kapital, jindirizzaw il-lakuni fil-finanzjament tat-tkabbir, u jrawmu startups agroalimentari fiż-żoni rurali. Bidwi żagħżugħ li jistabbilixxi startup rurali jista’ jespandi aktar billi jaċċessa dawn l-għodod, inkluż il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni meta jkun rilevanti.

Strumenti finanzjarji mfassla apposta u mekkaniżmi ta’ appoġġ integrati mmirati lejn it-taħlit tal-finanzjament pubbliku u privat se jkunu kruċjali biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ġenerazzjoni li jmiss u biex tiġi xprunata trasformazzjoni sostenibbli tal-agrikoltura tal-UE.

Inizjattivi ewlenin    

·Fil-proposta għall-PAK futura, ittrippla l-livell massimu tal-appoġġ tal-PAK (Ekwivalenti ta’ Għotja Gross) għall-istabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ meta l-appoġġ jingħata permezz ta’ strumenti finanzjarji (minn EUR 100 000 għal EUR 300 000), li jippermetti volum ta’ self ferm ogħla għal kull proġett u/jew tnaqqis sinifikanti fil-pagamenti tar-rati tal-imgħax.

·Il-proposta tipprevedi wkoll żieda fir-rata ta’ appoġġ għall-investiment sa 85 % u l-għażla għall-Istati Membri biex jistabbilixxu livelli minimi ta’ nfiq jew rati ogħla ta’ kofinanzjament tal-UE għall-bdiewa żgħażagħ

Azzjonijiet proposti taħt il-PAK attwali u fil-proposta tal-PAK 2028–2034

Appoġġ għat-tfassil finanzjarju u s-sensibilizzazzjoni

L-għoti ta’ assistenza teknika għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji mfassla apposta għall-bdiewa żgħażagħ. Dan jinkludi kkowċjar u appoġġ permezz ta’ pjattaformi bħall-fi-compass, kif ukoll sforzi ta’ komunikazzjoni u tixrid imsaħħa u aċċessibbli taħt in-Network tal-PAK biex tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament.

Q2 2026 u l-PAK attwali

Aċċess għall-finanzi u ġestjoni mtejba tar-riskju fl-istrateġiji tal-Istati Membri u permezz tal-Pakkett tal-Bidu

·Azzjonijiet dwar l-aċċess għall-finanzjament għall-bdiewa żgħażagħ fl-istrateġiji tat-tiġdid ġenerazzjonali tagħhom, u biex titqies l-applikazzjoni ta’ miżuri addizzjonali, bħal rati ogħla ta’ għotjiet jew punti bonus fl-għażla tal-proġetti għal gruppi sottorappreżentati, b’attenzjoni partikolari għall-bdiewa żgħażagħ nisa.

·Jiġu pprovduti Fondi ta’ Self u ta’ Garanzija ddedikati għall-bdiewa żgħażagħ, inklużi strumenti b’rati tal-imgħax imnaqqsa, kollateral aktar baxx, perjodi ta’ grazzja, u perjodi ta’ ripagament itwal, taħt il-pakketti nazzjonali tal-Istati Membri u permezz tal-għodod taħt il-Pakkett tal-Bidu, inkluż għall-biedja organika.

·

Il-PAK il-ġdida – mill-2028

Pjanijiet ta’ negozju

·Servizzi ta’ konsulenza biex jappoġġaw lill-bdiewa żgħażagħ u lill-entranti l-ġodda fl-abbozzar u fl-aġġornament tal-pjanijiet ta’ negozju filwaqt li jsaħħu wkoll ir-rabtiet bejn iż-żoni urbani u rurali.

Minn Q4 2025

Azzjonijiet proposti taħt Politiki oħra tal-UE

Pakketti ta’ self dedikati mill-BEI

Il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-pakketti ta’ self mill-BEI għall-agrikoltura u l-bijoekonomija, inkluż finanzjament dedikat għall-bdiewa żgħażagħ. Jiġu żgurati t-trasparenza u r-rappurtar tal-infiq speċifiku li jkun ta’ benefiċċju għal dan il-grupp. Il-BEI jiġi mħeġġeġ iżid il-finanzjament permezz tar-riskji proprji minbarra l-garanziji tal-UE. Jiġu esplorati forom ta’ appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ u ġodda inklużi skemi ta’ garanziji u sussidji fuq ir-rati tal-imgħax.

2025–2027 u wara/L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar il-Bijoekonomija

Appoġġ taħt l-istrumenti xierqa f’kooperazzjoni mal-Grupp tal-BEI u strumenti oħra tas-Sħab ta’ Implimentazzjoni

Jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi għall-bdiewa żgħażagħ permezz ta’ strumenti xierqa, b’mod partikolari prodotti ta’ garanzija u ta’ ekwità żviluppati mal-FEI, mal-BEI jew ma’ sħab ta’ implimentazzjoni oħra, li jippermettu x-xiri ta’ farms u ż-żieda fit-teknoloġiji innovattivi.

2025–2027 u wara/L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar il-Bijoekonomija

Azzjonijiet Volontarji fil-livell tal-Istati Membri

It-tisħiħ tal-aċċess għall-kreditu permezz ta’ banek promozzjonali

Sħubija mal-banek promozzjonali nazzjonali biex jiġu żviluppati skemi li jtejbu l-aċċess għall-kreditu għall-bdiewa.

Minn Q4 2025

B. L-aċċess għall-għarfien u għall-ħiliet

Taħriġ u settijiet ta’ ħiliet imfassla apposta għall-istabbiliment u ż-żamma ta’ farms vijabbli huma faċilitaturi ewlenin biex il-bdiewa żgħażagħ jirnexxu. L-isfidi jitfaċċaw ferm qabel l-istabbiliment tal-farm, bin-navigazzjoni ta’ oqfsa legali u finanzjarji kumplessi u bit-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ negozju li jibbilanċjaw il-vijabbiltà ekonomika mas-sostenibbiltà soċjali u ambjentali. B’sistemi ta’ appoġġ strutturati li jipprovdu taħriġ, pariri u mentoraġġ qabel, matul u wara l-istabbiliment tal-farm, ir-riskju ta’ falliment jonqos. L-isfidi tat-trasferiment tal-ħiliet meta wieħed jassumi jew jadatta r-rwoli f’azjendi eżistenti tal-familja, huma differenti minn dawk li jikkonċernaw lill-bdiewa tal-ewwel ġenerazzjoni.

Minbarra l-ippjanar u l-iżvilupp tan-negozju, l-edukazzjoni u t-taħriġ agrikolu u s-servizzi ta’ konsulenza jridu jkopru sfidi u opportunitajiet emerġenti, bħat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, id-diġitalizzazzjoni, jew l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, jew prattiċi ta’ biedja intelliġenti li jiddependu mis-sistemi ta’ spazju Ewropew, bħal Copernicus u Galileo. Il-litteriżmu finanzjarju huwa daqstant ieħor kruċjali, kif enfasizzat fl-istrateġija tal-UE dwar il-litteriżmu finanzjarju ( 35 ), għax jippermetti lill-bdiewa żgħażagħ jimmaniġġjaw l-investimenti, il-kreditu u r-riskju b’mod effettiv, u jieħdu deċiżjonijiet infurmati għall-vijabbiltà fit-tul. Li l-bdiewa żgħażagħ u ġodda jingħataw il-ħiliet u l-għodod biex jadottaw prattiki agroekoloġiċi, jikkombinaw id-diġitalizzazzjoni mal-manodopera (skarsa), u jinvolvu ruħhom fiż-żieda tal-valur permezz ta’, pereżempju, impriżi tal-bijoekonomija, huwa essenzjali għat-trasformazzjoni sostenibbli tas-settur. L-opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja, il-formati ta’ taħriġ part-time, l-iskambji u l-għodod diġitali huma kruċjali biex jiġi żgurat li l-għarfien u l-ħiliet ikunu aċċessibbli. Barra minn hekk, sforzi mmirati biex jinkludu bdiewa part-time, ħaddiema tal-farms, nisa u gruppi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli huma essenzjali għall-inklużività u għall-opportunitajiet li qed jespandu.

Pjattaformi kollaborattivi aċċessibbli li jħeġġu l-kondiviżjoni tal-għarfien, tat-tagħmir u tas-servizzi jgħinu biex jitnaqqsu l-ispejjeż, tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-komunità, u titrawwem l-innovazzjoni. Skont il-QFP attwali, is-Sħubija għall-Ħiliet Agroalimentari tal-Patt għall-Ħiliet ( 36 ) tappoġġa lill-partijiet ikkonċernati fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, billi toffri għarfien, pariri dwar il-finanzjament, u opportunitajiet ta’ kooperazzjoni. Iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali tal-Erasmus+ jindirizzaw ukoll l-isfidi tal-ħiliet fl-agrikoltura. B’ħarsa ’l quddiem lejn il-QFP li jmiss, appoġġ u allinjament kontinwi permezz ta’ inizjattivi bħas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikoli (EIP-AGRI, European Innovation Partnership for agricultural productivity), u strumenti allinjati tal-PAK, huma meħtieġa biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-bdiewa żgħażagħ u tal-entranti ġodda biex jadottaw u jiżviluppaw soluzzjonijiet flimkien.

Orizzont Ewropa issa jinkludi l-cluster 6 li huwa ddedikat għall-agrikoltura u l-bijoekonomija, u b’hekk joħloq opportunitajiet ġodda biex l-appoġġ mill-PAK u mill-FEK jiġi marbut mar-riċerka u l-innovazzjoni avvanzati, filwaqt li jiżgura li l-bdiewa żgħażagħ ikunu jistgħu jibbenefikaw direttament minn soluzzjonijiet iffinanzjati mill-UE. Aċċess aktar faċli għal dan l-għarfien, flimkien ma’ inizjattivi bħas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikoli (EIP-AGRI), u strumenti tal-PAK allinjati, huwa meħtieġ biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-bdiewa żgħażagħ u ta’ entranti ġodda biex jadottaw u jiżviluppaw soluzzjonijiet flimkien.

Ħafna bdiewa huma wkoll detenturi tal-foresti, li jagħmel l-aċċess għal taħriġ speċjalizzat fil-forestrija, li jinkludi prattiki tax-xogħol sikuri, kruċjali għall-ġestjoni xierqa tal-foresti, ir-reżiljenza rurali, u s-sigurtà fiż-żoni tal-fruntieri.

Inizjattivi Ewlenin

·Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ (EYE, Erasmus for Young Entrepreneurs) huwa għodda b’saħħitha biex jitrawwem it-tiġdid ġenerazzjonali fil-biedja. Dan huwa mfassal għall-intraprendituri, u jippermetti lill-bdiewa ġodda u żgħażagħ jiksbu ħiliet, kunfidenza, u networks kummerċjali vitali billi jaħdmu ma’ intraprendituri tal-esperjenza f’aktar minn 40 pajjiż. Il-Kummissjoni għandha l-għan li żżid il-viżibbiltà fiż-żoni rurali sabiex jibbenefikaw aktar bdiewa żgħażagħ u ġodda.

·Il-Pjattaforma għan-Nisa fil-Biedja: l-għan tagħha se jkun li tattira aktar nisa lejn l-agrikoltura, tippromwovi l-opportunitajiet indaqs, l-iskambji ta’ esperjenzi u l-mentoraġġ, filwaqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol importanti tan-nisa fil-futur tal-biedja u tal-iżvilupp rurali.

·Pakkett tal-aħjar prattiki “Bdiewa tal-futur” għall-iskejjel agrikoli kollha tal-UE

Il-pakkett se jagħti lill-istudenti eżempji ċari u prattiċi ta’ approċċi agrikoli moderni bħad-diversifikazzjoni, l-għodod diġitali, is-sostenibbiltà, u l-ħidma flimkien f’mudelli kummerċjali ġodda. Dawn l-eżempji juru li l-biedja moderna hija innovattiva u konnessa mal-ekonomija usa’. L-inklużjoni tagħhom fl-edukazzjoni tgħin lill-istudenti jaraw il-biedja bħala karriera dinamika u orjentata lejn il-futur.

Azzjonijiet proposti fil-PAK 2028–2034

It-tisħiħ tal-AKIS u s-servizzi ta’ konsulenza għall-kollaborazzjoni interġenerazzjonali

L-integrazzjoni ta’ taħriġ imfassal apposta għall-bdiewa żgħażagħ taħt is-Sistema tal-Għarfien u tal-Innovazzjoni Agrikoli (AKIS, Agricultural Knowledge and Innovation System) biex jiġi appoġġat it-tiġdid ġenerazzjonali. Il-bdiewa żgħażagħ jirċievu mentoraġġ qabel u wara l-istabbiliment tal-farms li jkopri kwistjonijiet ta’ aċċess għall-art, tal-ippjanar tan-negozju u kwistjonijiet tekniċi, legali u ta’ sostenibbiltà b’enfasi fuq soluzzjonijiet innovattivi.

Il-PAK il-ġdida – mill-2028

Azzjonijiet proposti taħt Politiki oħra tal-UE

Riċerka u innovazzjoni mmirati lejn il-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ

L-użu tal-finanzjament ta’ Orizzont Ewropa biex jiġi appoġġat it-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur, billi jiġu pprovduti riċerka u innovazzjoni adattati għall-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, bl-involviment ta’ bdiewa żgħażagħ fil-proċess tal-innovazzjoni u bit-trawwim ta’ servizzi ta’ konsulenza relatati.

Il-Programm ta’ Ħidma ta’ Orizzont Ewropa 2027

Azzjonijiet Volontarji fil-livell tal-Istati Membri

Volontarji

L-Innovazzjoni tal-Ħiliet Agrikoli

L-użu ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, tal-Pjattaforma tat-Talent, u tas-Sħubija għall-Ħiliet Agroalimentari skont il-Patt għall-Ħiliet biex jagħtu spinta lill-innovazzjoni, lit-taħriġ mill-ġdid, u liż-żamma tat-talent fiż-żoni rurali. Ir-reġjuni għandhom jipprijoritizzaw l-agrikoltura u t-tiġdid ġenerazzjonali fl-Istrateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti. Il-Pjattaforma tat-Talent tista’ tattira liż-żgħażagħ permezz ta’ edukazzjoni u mobbiltà mfassla apposta, filwaqt li l-atturi agroalimentari għandhom jinvolvu ruħhom fil-Patt biex jiżviluppaw it-taħriġ flimkien u jtejbu l-ħiliet tal-bdiewa żgħażagħ u ta’ entranti ġodda f’teknoloġiji innovattivi. Iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali tal-Erasmus+ jappoġġaw networks tranżnazzjonali li jindirizzaw sfidi settorjali u trasversali tal-ħiliet.

Minn Q4 2025

Edukazzjoni u taħriġ fl-agrikoltura flessibbli u modernizzati

L-adattament tal-kurrikuli u l-offerta ta’ formati flessibbli u aċċessibbli b’għodod diġitali ġodda jew eżistenti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-biedja part-time u jiġu indirizzati sfidi ġodda, inklużi strateġiji ta’ diversifikazzjoni u introjtu.

Minn Q4 2025

Appoġġ għall-organizzazzjoni tal-bdiewa żgħażagħ

Il-finanzjament u l-programmi jiġu diretti biex jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tal-bdiewa żgħażagħ, filwaqt li jiġi żgurat li tinstema’ l-vuċi tagħhom.

Minn Q4 2025

L-użu ta’ ALMA biex tgħin fl-iskoperta u fiż-żieda tal-attraenza tal-biedja għan-NEETs

ALMA (Aim, Learn, Master, Achieve (Aspira, Tgħallem, Aħkem, Ikseb)) hija inizjattiva tal-UE għall-inklużjoni soċjali li tgħin lill-NEETs jerġgħu jintegraw fis-soċjetà billi tibni ħiliet bażiċi u tipprovdi appoġġ imfassal apposta. Filwaqt li ma hijiex limitata għal settur wieħed, l-iskambji fil-biedja jistgħu jqajmu għarfien dwar l-attraenza tagħha. L-involviment tal-bdiewa biex jospitaw parteċipanti għal kollokamenti barra mill-pajjiż jista’ jappoġġa l-iżvilupp tal-ħiliet u jħeġġeġ liż-żgħażagħ jikkunsidraw impjieg fl-agrikoltura. L-integrazzjoni ta’ dan l-approċċ fl-AKIS nazzjonali tista’ ssaħħaħ l-impjiegi rurali u t-tiġdid ġenerazzjonali.

Minn Q4 2025

Azzjonijiet volontarji għall-partijiet ikkonċernati

Volontarji

Tagħlim bejn il-pari għal bdiewa żgħażagħ u ġodda

L-organizzazzjonijiet, il-kooperattivi u s-sħab tal-bdiewa żgħażagħ għandhom jipprovdu mentoraġġ, taħriġ, u tagħlim bejn il-pari biex jissaħħu l-ħiliet tan-negozju u tat-tmexxija tal-bdiewa żgħażagħ u ġodda.

Mill-2026

C. Aċċess għall-art

It-trasferiment tal-art jinsab fil-qalba tat-tiġdid ġenerazzjonali. L-isfida hija evidenzjata mill-iżbilanċ fil-pussess tal-art: filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-bdiewa akbar fl-età huma sidien tal-art tagħhom, il-ġenerazzjonijiet iżgħar ta’ spiss ikunu limitati għall-mezzadrija, hekk kif 15-il miljun ettaru huma mħaddma minn gabillotti meta mqabbla ma’ 10 miljun ettaru mis-sidien. Il-kiri joffri għażla aktar aċċessibbli għal ħafna entranti ġodda, għalkemm il-kiri għal żmien qasir jista’ jillimita l-kapaċità tagħhom li jinvestu u jippjanaw fit-tul.

Għalkemm jeżistu skemi u dispożizzjonijiet amministrattivi speċifiċi biex jiġi ffaċilitat it-trasferiment tal-farms f’xi Stati Membri, is-suċċessjoni bikrija ta’ spiss tkun diffiċli; id-diżinċentivi amministrattivi u fiskali jiskoraġġixxu lill-bdiewa milli jċedu l-azjendi tagħhom qabel ma jirtiraw. Regoli aktar simplifikati u inċentivi mmirati jagħmlu t-tranżizzjonijiet aktar bikrija aktar attraenti.

It-trasferiment tal-farm wara l-mewt tal-bidwi spiss ikun ostakolat minn oqfsa legali kumplessi u minn piżijiet tat-taxxa għoljin. Anki fejn jeżisti l-ħelsien mit-taxxa jew is-suċċessjoni simplifikata, il-prattiki tradizzjonali f’xi reġjuni joħolqu l-frammentazzjoni, u dan jikkomplika l-konsolidazzjoni ta’ unitajiet agrikoli vijabbli. L-Istati Membri għandhom jindirizzaw dawn l-ostakli biex jiffaċilitaw trasferiment tal-art aktar effettiv lill-bdiewa. Għalhekk, il-Kummissjoni se tintegra l-aspetti ekonomiċi u soċjali relatati mat-tiġdid ġenerazzjonali fil-proċess tas-Semestru Ewropew biex tiżgura li l-politiki nazzjonali jkunu allinjati mal-objettivi tal-UE u li jiġu stabbiliti riformi adegwati.

Għal dawk mingħajr aċċess għal art b’wirt, ix-xiri huwa l-mezz ewlieni biex jidħlu għall-biedja iżda wkoll l-aktar diffiċli. Il-prezzijiet medji huma ta’ EUR 11 791 għal kull ettaru madwar l-UE iżda jitilgħu għal aktar minn EUR 280 000 f’ċerti reġjuni. Bl-iskarsezza ta’ kreditu, termini ta’ ripagament diffiċli, u redditi fuq l-investiment spiss modesti u erratiċi, il-bdiewa żgħażagħ jiffaċċjaw ostakli kbar għad-dħul. L-Istati Membri jistgħu jtaffu din is-sitwazzjoni permezz ta’ skemi ta’ self affordabbli, drittijiet ta’ prelazzjoni għall-bdiewa żgħażagħ (li ma jiddiskriminawx abbażi tan-nazzjonalità), u mekkaniżmi ta’ tqabbil dedikati biex il-bdiewa jew is-sidien tal-art li jkunu se jirtiraw jiġu kkollegati ma’ bdiewa aspiranti. Fl-istess ħin, l-Istati Membri jridu jaġixxu kontra l-akkwiżizzjonijiet spekulattivi u l-ħtif tal-art biex iżommu l-art agrikola disponibbli għall-biedja( 37 ).

Il-kiri jista’ joffri opzjoni aktar aċċessibbli. Kważi nofs l-art agrikola tal-UE hija mikrija, iżda l-arranġamenti għal żmien qasir iħallu lill-entranti ġodda vulnerabbli. Il-kuntratti fit-tul aktar b’saħħithom, flimkien mal-prijoritizzazzjoni ta’ bdiewa żgħażagħ fl-allokazzjoni ta’ art muniċipali jew pubblika, itejbu l-istabbiltà u l-kunfidenza.

Qed jitfaċċaw ukoll mudelli alternattivi, minn banek tal-artijiet u trusts tal-artijiet tal-komunità sa inkubaturi tal-farms. Dawn jeħtieġu oqfsa legali ta’ appoġġ u appoġġ reġjonali jekk iridu jsiru vijabbli fuq skala kbira. Fl-istess ħin, il-kompetizzjoni għall-art minn użi oħra, tnaqqas id-disponibbiltà tal-art agrikola u tgħolli l-prezzijiet tal-art b’detriment għall-agrikoltura. It-teħid tal-art inaqqas id-disponibbiltà tal-art agrikola. Il-konverżjoni kontinwa tal-art agrikola għal użi urbani u industrijali tgħolli l-prezzijiet u tillimita l-aċċess għall-bdiewa żgħażagħ. L-Istati Membri għandhom jallinjaw mal-għan tal-UE ta’ “ebda teħid tal-art nett sal-2050”( 38 ) permezz ta’ protezzjoni aktar b’saħħitha tal-art agrikola fl-ippjanar tal-użu tal-art.

Il-politika dwar l-art madwar l-UE għandha tibbenefika minn kooperazzjoni aktar b’saħħitha u kondiviżjoni tad-data bejn l-Istati Membri. Biex tappoġġa dan, il-Kummissjoni qed tiżviluppa l-bażi analitika għal Osservatorju Ewropew tal-Art imfassal bħala forum għad-diskussjoni biex jgħin jagħlaq il-lakuni fl-informazzjoni u jtejjeb it-trasparenza fit-tranżazzjonijiet tal-art, fil-prezzijiet, fil-bidliet fl-użu, u fix-xejriet tas-suq. Dan se jipprovdi lill-Istati Membri b’evidenza u għodod biex ifasslu miżuri aktar ġusti u aktar effettivi, adattati għall-kuntesti nazzjonali tagħhom filwaqt li jikkontribwixxu għal objettivi kondiviżi tal-UE inkluż it-tiġdid ġenerazzjonali.

Inizjattivi Ewlenin

·Osservatorju Ewropew tal-Art biex itejjeb it-trasparenza rigward l-artijiet, jgħin lill-bdiewa jaċċessaw l-art disponibbli, jappoġġa s-suċċessjoni tal-farms, jinforma l-politika, u jipprevjeni l-ispekulazzjoni fuq l-art, u b’hekk jagħmilha aktar faċli għall-entranti ġodda biex jibdew jaħdmu fil-biedja.

·Politiki nazzjonali dwar l-art biex jindirizzaw l-ostakli għall-aċċess, jipprevjenu l-akkwist spekulattiv, u jallinjaw mal-objettivi tal-UE għat-tiġdid ġenerazzjonali li għandhom jiġu koperti mis-Semestru Ewropew jew ikunu fl-ambitu tiegħu.

Azzjonijiet proposti taħt politiki oħra tal-UE

Valutazzjoni tas-suq tal-art għat-tiġdid ġenerazzjonali

Isiru żewġ studji interkonnessi biex ikun hemm fehim aħjar tal-ostakli relatati mal-art għat-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura biex:

1.Jiġu eżaminati l-finanzjalizzazzjoni tal-art agrikola u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi u ambjentali tagħha u

2.Tiġi analizzata l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-art agrikola fir-rigward ta’ fatturi agroambjentali u soċjali.

Sa Q4 tal-2026

Azzjonijiet volontarji fil-livell tal-Istati Membri

Servizzi ta’ mobbiltà tal-art

Jiġu appoġġati l-iskemi kunfidenzjali tal-mobbiltà tal-art li jgħaqqdu lis-sidien tal-art ma’ entranti ġodda permezz ta’ kirjiet, sħubijiet, mezzadrija u għodod ta’ tqabbil tal-art. Jiġu mħeġġa oqfsa legali li jiżguraw kirjiet fit-tul u tiġi promossa l-istabbiltà tal-kiri biex ikunu jistgħu jseħħu akkwisti tal-farms u investiment gradwali minn bdiewa żgħażagħ. Network tal-UE jgħaqqad il-pjattaformi nazzjonali billi jibni fuq l-inizjattivi tal-Istati Membri.

Minn Q4 2025

Mudelli alternattivi ta’ sjieda u ta’ trasferiment tan-negozju

Jingħata appoġġ għat-trasferimenti tas-sjieda interġenerazzjonali u dawk immexxija mill-ħaddiema, inkluż l-akkwiżizzjonijiet maġġoritarji mill-ħaddiema fejn l-impjegati jixtru ishma mill-farms, kif ukoll għall-mudelli kooperattivi ta’ ġestjoni tal-art. Tingħata prijorità lill-appoġġ għal mudelli li jippermettu tranżizzjonijiet gradwali jew kollettivi tas-sjieda.

Minn Q4 2025

Banek tal-artijiet u użu mill-ġdid ta’ art abbandunata

Il-banek pubbliċi tal-artijiet jingħataw appoġġ biex jimmaniġġjaw u jirriġeneraw art abbandunata jew frammentata, u b’hekk jiffaċilitaw l-aċċess għall-bdiewa żgħażagħ u għal entranti ġodda. Jiġu mħeġġa mekkaniżmi ta’ kiri minn kooperattivi fejn xieraq.

Minn Q4 2025

L-involviment tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat

L-istituzzjonijiet finanzjarji jiġu mħeġġa jappoġġaw l-aċċess għall-art agrikola u l-iżvilupp tagħha billi joffru prodotti finanzjarji bħal self għax-xiri, garanziji fuq is-self, u rati ssussidjati għat-titjib u l-konsolidazzjoni tal-art, biex b’hekk jgħinu lill-bdiewa żgħażagħ jegħlbu l-ostakli finanzjarji u jtejbu l-vijabbiltà tal-farms.

Minn Q4 2025

Kostijiet tat-tranżazzjoni tal-art aktar baxxi għal farms żgħar

Jiġu appoġġati r-riformi u s-sussidji biex jitnaqqsu l-kostijiet għoljin tar-reġistrazzjoni u tat-tranżazzjoni tal-art, li huma ostaklu ewlieni għall-bdiewa żgħażagħ. Tiġi kkunsidrata l-eżenzjoni jew it-tnaqqis tat-tariffi għall-farms żgħar, bħal pereżempju billi jiġu stabbiliti limiti jew billi l-kostijiet ikunu proporzjonali għad-daqs tal-art, biex ikun hemm bilanċ fl-iskoraġġiment tal-ispekulazzjoni mingħajr ma jiġu ostakolati l-entranti ġodda.

Minn Q4 2025

D. Reżiljenza, kundizzjonijiet tal-għajxien ġusti, u aċċess għal opportunitajiet ġodda ta’ introjtu

It-tiġdid tal-biedja jiddependi mhux biss fuq l-aċċess għall-art, il-ħiliet jew il-finanzi iżda wkoll fuq l-opportunitajiet ekonomiċi ġenerali fil-biedja u l-attraenza tal-ħajja rurali. Ħafna żgħażagħ jaħsbuha darbtejn li jibqgħu fis-settur tal-biedja u fiż-żoni rurali, jew li jmorru lura għalihom, jekk l-opportunitajiet ta’ introjtu, is-servizzi, u l-kwalità tal-ħajja jkunu jinsabu lura meta mqabbla mal-istandards urbani. Il-PAK għandha rwol essenzjali biex tiżgura l-vijabbiltà ekonomika u l-attraenza tal-biedja u ta’ attivitajiet oħra fiż-żoni rurali tal-UE, b’mod komplementari mal-Politika ta’ Koeżjoni u ma’ politiki oħra tal-UE. L-Osservatorju Rurali( 39 ) jipprovdi data u analiżi aġġornati dwar il-kundizzjonijiet rurali, ir-reżiljenza u l-kwalità tal-ħajja, filwaqt li jappoġġa t-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza.

Barra minn hekk, f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, it-titjib tal-aċċess għall-kura tas-saħħa, għall-indukrar tat-tfal, għall-kura tal-anzjani, għat-trasport, għall-akkomodazzjoni, għall-infrastruttura lokali, għall-edukazzjoni u għat-taħriġ, għall-opportunitajiet ta’ impjieg (għaż-żgħażagħ u għall-membri tal-familja tal-bdiewa) u għall-appoġġ soċjali, ipprovduti f’formati flessibbli u aċċessibbli u msaħħa b’għodod diġitali u b’networks komunitarji, huwa essenzjali biex il-biedja ssir kompatibbli mal-ħajja tal-familja u biex jingħelbu l-iżolament u d-depopolazzjoni.

Eżempji ta’ Servizzi Rurali li Jappoġġaw lill-Bdiewa

·L-Awstrija – Kooperattivi rurali għall-indukrar tat-tfal: inizjattivi għall-indukrar tat-tfal ibbażati fil-komunità li jippermettu lill-familji tal-farms jibbilanċjaw ir-responsabbiltajiet tal-familja u tax-xogħol.

·Il-Finlandja – Unitajiet mobbli tal-kura tas-saħħa u tas-servizzi soċjali: dawn iwasslu appoġġ essenzjali għas-saħħa u appoġġ soċjali direttament f’żoni rurali remoti, u b’hekk itejbu l-kwalità tal-ħajja u jnaqqsu l-pressjoni fuq l-unitajiet domestiċi tal-farms.

Protezzjoni soċjali msaħħa u servizzi soċjali mfassla apposta għall-bdiewa jista’ jkollhom ukoll rwol deċiżiv. L-introjti stabbli, il-kopertura tas-saħħa (inkluża l-kura mentali u fit-tul), il-liv u l-kura tal-ġenituri, u l-pensjonijiet adegwati jipprovdu lill-entranti s-sigurtà li jeħtieġu biex jieħdu r-riskju u jibnu karrieri fl-agrikoltura. Is-sistemi inklużivi li jappoġġaw, jikkollegaw u jattiraw lill-bdiewa kollha, inklużi l-bdiewa part-time, in-nisa, u l-gruppi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, u li jindirizzaw l-isfidi tas-saħħa mentali fiż-żoni rurali, isaħħu l-ekwità u r-reżiljenza fost il-komunitajiet rurali.

Fl-istess ħin, id-diversifikazzjoni ekonomika hija ċentrali għar-reżiljenza. Bdiewa żgħażagħ li jistgħu jikkombinaw il-biedja tradizzjonali ma’ prattiki intelliġenti għall-klima, ma’ impriżi bijoekonomiċi ġodda u ma’ ktajjen ta’ valur, mal-agrituriżmu, mal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, jew mad-diġitalizzazzjoni jiksbu kompetittività u vijabbiltà fit-tul. Is-sistemi tal-ikel lokali, minn ktajjen qosra tal-provvista sal-agrikoltura appoġġata mill-komunità, iżidu l-istabbiltà tal-introjtu u jsaħħu r-rabtiet soċjali, filwaqt li jqarrbu lill-konsumaturi aktar lejn l-ikel fuq il-platt tagħhom. Barra minn hekk, l-opportunitajiet ta’ finanzjament għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli fil-farms jistgħu jnaqqsu l-ostakli għall-investiment inizjali u jissarrfu fi tnaqqis fil-kostijiet fit-tul u s-sorsi ta’ introjtu potenzjali, u b’hekk isaħħu kemm il-vijabbiltà tal-farms kif ukoll ir-reżiljenza tal-enerġija rurali.

Waħda mill-isfidi persistenti hija l-perċezzjoni: il-biedja spiss għadha titqies bħala professjoni iebsa u antikwata. It-tibdil ta’ din l-impressjoni billi jintwerew l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà, u l-appoġġ disponibbli se jkun kruċjali biex jiġu attirati ġenerazzjonijiet ġodda. L-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni ġodda u tal-media soċjali jista’ jilħaq u jinvolvi udjenza aktar żagħżugħa, u jwassalhom biex jikkunsidraw il-biedja bħala karriera li toffri flessibbiltà, kwalità ta’ ħajja qrib in-natura u kontribuzzjonijiet sinifikanti lis-soċjetà.

Dawn il-miżuri, meħudin flimkien, jistgħu joħolqu żoni rurali aktar vibranti, diversi u reżiljenti, postijiet fejn iż-żgħażagħ ikunu jridu jgħixu, jaħdmu, u jinvestu fil-futur tagħhom. Dan huwa l-pedament għat-tiġdid ġenerazzjonali fit-tul fl-agrikoltura Ewropea.

Inizjattivi ewlenin

·Bħala parti mill-proposta l-ġdida tal-PAK, is-servizzi ta’ għajnuna għall-farms jintroduċu appoġġ biex jgħinu lill-bdiewa jieħdu l-liv minħabba mard, korrimenti, responsabbiltajiet tal-ġenituri, indukrar, anke ta’ bdiewa akbar fl-età, btajjel jew taħriġ. Il-finanzjament għandu jkopri l-istabbiliment ta’ servizzi ta’ għajnuna u pagi għall-ħaddiema ta’ sostituzzjoni matul assenzi għal żmien qasir.

·Ambaxxaturi taż-Żgħażagħ Rurali. Il-Kummissjoni Ewropea se tistabbilixxi programm għall-Ambaxxaturi taż-Żgħażagħ Rurali. Individwi żgħażagħ se jintgħażlu u jiġu appoġġati biex jaġixxu bħala promoturi tal-agrikoltura u tal-ħajja rurali u jikkontribwixxu b’mod attiv għad-diskussjonijiet dwar il-politika. Permezz ta’ sensibilizzazzjoni, rakkontar ta’ esperjenzi, u involviment bejn il-pari, l-ambaxxaturi se jgħinu biex isawru mill-ġdid il-perċezzjonijiet tal-pubbliku, jispiraw interess akbar fost iż-żgħażagħ, u jtejbu l-immaġni ġenerali tal-biedja u taż-żoni rurali madwar l-Ewropa.

Azzjonijiet proposti taħt il-PAK attwali u fil-proposta tal-PAK 2028–2034

Investimenti fit-tranżizzjoni tal-enerġija u f’dik klimatika

Appoġġ għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli fil-farms u investimenti fl-adattament għat-tibdil fil-klima biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-bdiewa żgħażagħ għar-riskji klimatiċi.

Il-Pjanijiet tal-PAK attwali u dawk ġodda

Strateġiji rurali, infrastrutturi, u diversifikazzjoni tan-negozju

Il-promozzjoni ta’ approċċ integrat lejn iż-żoni rurali fil-pjanijiet ta’ sħubija nazzjonali u reġjonali u l-programmazzjoni ta’ strumenti ta’ żvilupp territorjali integrati, bl-għoti ta’ finanzjament għal infrastrutturi u servizzi rurali aċċessibbli, speċjalment f’żoni remoti bħar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, inklużi l-konnettività u t-trasport, biex tittejjeb il-vijabbiltà tal-għajxien rurali.

Attwali għall-investimenti fl-infrastruttura, il-PAK il-ġdida, il-Pjanijiet SNR – mill-2028

LEADER/CLLD

Jingħata appoġġ għall-iżvilupp rurali u għan-networking lokali permezz ta’ LEADER/tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD, Community-Led Local Development), biex jiġi promoss l-involviment taż-żgħażagħ u tan-nisa u jitnaqqas l-iżolament rurali.

Il-PAK attwali u l-fond SNR

Azzjonijiet proposti taħt Politiki oħra tal-UE

Azzjoni koordinata għaż-żoni rurali fil-livell tal-UE

Jiġu promossi l-azzjonijiet li jappoġġaw l-attraenza taż-żoni rurali f’diversi oqsma ta’ politika, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-komunitajiet tal-enerġija, il-konnettività, il-bijoekonomija u l-involviment taż-żgħażagħ permezz tal-Pjan ta’ azzjoni rurali aġġornat tal-UE.

Jissaħħu l-isforzi biex jiġu amplifikati l-vuċijiet rurali, in-networking u biex jiġu kkoordinati l-azzjonijiet għaż-żoni rurali permezz tal-Patt Rurali fl-2026 u l-2027.

Q1 2026

Il-promozzjoni tal-agrikoltura għal finijiet terapewtiċi ( 40

Jitħeġġeġ il-volontarjat fil-farms li jwettqu attivitajiet għal finijiet terapewtiċi bl-involviment tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, filwaqt li jingħata appoġġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw inizjattivi għall-bdiewa żgħażagħ li jipprovdu servizzi soċjali u ta’ kura aċċessibbli f’żoni rurali.

Q4 2026

Il-Kultivazzjoni, is-Swieq u r-Reżiljenza tal-Karbonju

Ir-Regolament tal-UE dwar l-Assorbiment tal-Karbonju u ċ-Ċertifikazzjoni tal-Kultivazzjoni Karbonika (CRCF, Carbon Removals and Carbon Farming Certification) joffri l-possibbiltà li jgħaqqad fuq bażi personali lill-bdiewa, lill-forestiera u lil dawk li jiġġestixxu l-art mas-swieq tal-karbonju u b’hekk jipprovdilhom fluss ta’ introjtu addizzjonali, isaħħilhom il-kompetittività u r-reżiljenza tal-farms tagħhom.

Minn Q4 2025

Azzjonijiet volontarji fil-livell tal-Istati Membri

Volontarji

Valur miżjud lokali fis-sistemi tal-ikel

Jingħata appoġġ għal strateġiji tal-ikel lokali u reġjonali u strateġiji ta’ innovazzjoni relatati mal-ikel, jiġi promoss il-bejgħ dirett mis-swieq lokali u mill-farms, u jittejbu l-konnessjonijiet urbani-rurali, b’mod li l-bdiewa żgħażagħ u ġodda jkollhom aċċess għall-opportunitajiet u jiġu mħeġġa l-biedja, l-ipproċessar u l-bejgħ bl-imnut ibbażati fil-komunità.

Minn Q4 2025

E. Suċċessjoni u rtirar

L-iskemi tal-pensjoni u l-ippjanar tas-suċċessjoni huma fundamentali biex jiġi żgurat tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura. Huwa essenzjali li l-bdiewa akbar fl-età li jkunu jixtiequ jirtiraw ikollhom l-opportunitajiet u l-mezzi biex jagħmlu dan b’dinjità u b’sigurtà finanzjarja. Madwar l-UE, ħafna bdiewa akbar fl-età jipposponu l-irtirar minħabba nuqqas ta’ pensjoni adegwata u ta’ alternattivi vijabbli għall-introjtu mill-farms. Dan in-nuqqas ta’ sigurtà finanzjarja spiss iwassal biex il-bdiewa ma jkunux lesti li jittrasferixxu l-art jew li jieħdu pass lura mix-xogħol attiv, biex b’hekk titnaqqas il-mobbiltà tal-art u jingħalqu l-opportunitajiet għall-bdiewa żgħażagħ biex jidħlu u jistabbilixxu ruħhom fis-settur.

Il-PAK spiss ikollha rwol soċjali f’dan il-kuntest. Għal ħafna bdiewa akbar fl-età mingħajr drittijiet adegwati għall-pensjoni, il-pagamenti tal-PAK jirrappreżentaw l-uniku introjtu, u jsiru xibka ta’ sikurezza. Dan jenfasizza l-ħtieġa ta’ miżuri nazzjonali komplementari biex jissaħħu l-protezzjoni soċjali u l-għażliet ta’ rtirar li jkopru b’mod adegwat lill-bdiewa.

L-ippjanar tas-suċċessjoni huwa daqstant essenzjali iżda għadu ostaklu sinifikanti. Mingħajr appoġġ legali u konsulenza, it-trasferiment tal-farms jista’ jiġi mdewwem jew ġestit ħażin, li jwassal għal kunflitt u inċertezza. L-ippjanar bikri huwa kruċjali għall-vijabbiltà fit-tul tas-settur agrikolu, filwaqt li jippermetti wkoll lill-ġenerazzjonijiet akbar fl-età jieħdu pass lura bil-mod il-mod, jibqgħu involuti jekk jixtiequ, u jgħaddu r-responsabbiltajiet b’mod strutturat li jirrispetta r-rwol u l-esperjenza tagħhom.

Is-Semestru Ewropew se jkompli jimmonitorja kif il-politiki nazzjonali dwar il-pensjonijiet u l-protezzjoni soċjali jikkontribwixxu għall-kisba ta’ introjtu adegwat għall-età avvanzata u aċċess għall-protezzjoni soċjali għal gruppi professjonali differenti, inklużi l-bdiewa

Eżempji ta’ Sistemi tal-Pensjonijiet li Jappoġġaw it-Tiġdid Ġenerazzjonali

·Il-Ġermanja — il-Bank tal-Pensjoni Agrikola tal-Ġermanja jappoġġa s-suċċessjoni tal-azjendi agrikoli billi jipprovdi introjtu tal-irtirar u assigurazzjoni soċjali għall-bdiewa li jirtiraw.

·Franza– Skemi ta’ pensjoni mfassla apposta jipprovdu appoġġ simili, li juri kif protezzjoni soċjali adattata tista’ tiffaċilita t-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura.

Is-sistemi ta’ suċċess għandhom karatteristiċi ewlenin komuni: jinkludu lill-membri kollha tal-familja fil-kopertura biex jiġu evitati lakuni fil-kontribuzzjonijiet; joffru kontribuzzjonijiet flessibbli, ibbażati fuq l-introjtu jew b’rata fissa biex jirriflettu l-varjabbiltà tal-introjtu tal-farms, u jiddependu fuq is-sussidji pubbliċi, meqjusa kif xieraq bħala investimenti fl-ekwità rurali u fis-sigurtà tal-ikel. Definizzjonijiet legali ċari u ttestjar ġust tal-mezzi jiżguraw ukoll l-inklużività.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-investiment f’sistemi ta’ pensjoni adegwati u stabbli għall-bdiewa ma huwiex biss kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali, iżda wkoll lieva strateġika biex jiġu żgurati t-tiġdid ġenerazzjonali, il-mobbiltà tal-art u s-sostenibbiltà fit-tul tal-agrikoltura fl-UE.

Inizjattivi ewlenin

·Il-pagamenti diretti jiġu marbuta mal-età tal-pensjoni tal-bdiewa sal-2032 kif propost fil-PAK ta’ wara l-2027. Il-bdiewa fl-età tal-irtirar li jirċievu pensjoni mhux se jibqgħu eliġibbli għal pagamenti diretti, u dan jinkoraġġixxi s-suċċessjoni interġenerazzjonali.

·L-integrazzjoni fis-Semestru Ewropew ta’ aspetti rilevanti dwar it-tiġdid ġenerazzjonali fis-suċċessjoni, l-inkorporazzjoni ta’ riformi tal-pensjonijiet, tal-irtirar u tat-trasferiment tal-farms fl-oqfsa ta’ politika nazzjonali se jiffaċilitaw is-suċċessjoni f’waqtha, il-mobbiltà tal-art, u s-sigurtà tal-introjtu għall-bdiewa li jirtiraw.

Azzjonijiet proposti fil-PAK 2028–2034

Kronoloġija

Appoġġ għall-ippjanar tas-suċċessjoni tal-farms permezz tal-AKIS

Jingħata taħriġ immirat u servizzi ta’ konsulenza permezz tal-AKIS biex tiġi appoġġata suċċessjoni bla xkiel u f’waqtha tal-farms. Il-bdiewa akbar fl-età għandhom jirċievu gwida dwar l-ippjanar legali, finanzjarju u tas-suċċessjoni, filwaqt li l-bdiewa żgħażagħ jitħarrġu fl-oqfsa tas-suċċessjoni, fil-kontinwità tan-negozju u fil-pjanijiet ta’ modernizzazzjoni. Jiġu ffaċilitati sessjonijiet ta’ ppjanar konġunt bejn il-ġenerazzjonijiet, appoġġati minn konsulenti jew medjaturi mħarrġa, biex jiġu żviluppati pjanijiet ta’ tranżizzjoni ċari u realistiċi.

Il-PAK il-ġdida – mill-2028

Azzjonijiet proposti taħt Politiki oħra tal-UE

Jittejjeb l-għarfien dwar it-taxxa u s-suċċessjoni tal-farms

Studju dwar kif il-politiki dwar it-taxxa fuq il-wirt u d-donazzjonijiet jinfluwenzaw is-suċċessjoni tal-farms madwar l-Istati Membri, abbażi tal-evidenza mill-Osservatorju Ewropew tal-Artijiet. Jiġu identifikati l-ostakli fiskali u legali li jdewmu jew jikkumplikaw it-trasferimenti f’waqthom, filwaqt li tiġi pprovduta bażi għal riformi li jiffaċilitaw irtirar aktar bikri, suċċessjoni aktar faċli, u tiġdid ġenerazzjonali aktar effettiv.

Jibda fi Q4 2026

Skambju tal-aħjar prattiki

Biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni mill-attività agrikola għall-irtirar, il-pagamenti diretti jiġu marbuta mal-età tal-pensjoni, jiġi promoss l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-aċċess għal skemi tas-sigurtà soċjali għall-bdiewa permezz ta’ diskussjoni konġunta mal-Istati Membri.

Q2 2026

Azzjonijiet volontarji fil-livell tal-Istati Membri

Volontarji

Skemi tal-Pensjoni

Jiġi żgurat aċċess adegwat għall-iskemi tal-pensjoni li jipprovdu biżżejjed sigurtà għall-irtirar għall-bdiewa u għall-ħaddiema tal-farms akbar fl-età.

Minn Q4 2025

Leġiżlazzjoni li tiffaċilita t-trasferiment tal-farms

Jiġu adottati miżuri leġiżlattivi f’oqsma bħat-tassazzjoni, il-wirt u t-trasferiment tal-art, li jiffaċilitaw it-trasferiment tal-assi tal-farms minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Minn Q4 2025

Is-Sigurtà Soċjali u s-servizzi soċjali

Tiġi żgurata l-istabbiltà, jingħalqu d-distakki bejn il-ġeneri, u jingħata appoġġ għat-tranżizzjonijiet fil-ħajja permezz ta’ sigurtà soċjali inklużiva għall-bdiewa, inklużi n-nisa, il-pensjonanti, u persuni b’diżabilità u gruppi oħra f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, u jiġi żgurat aċċess għal servizzi soċjali affordabbli ta’ kwalità għolja, inkluża l-kura fit-tul.

Minn Q4 2025

Azzjonijiet volontarji għall-partijiet ikkonċernati

Volontarji

Suċċessjoni kollaborattiva interġenerazzjonali tal-farms

L-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, li jirrappreżentaw kemm ġenerazzjonijiet akbar fl-età kif ukoll dawk iżgħar, flimkien mal-kooperattivi, is-servizzi ta’ konsulenza, u n-networks rurali, biex jikkollaboraw fuq il-kooperazzjoni interġenerazzjonali u jipprovdu taħriġ dwar it-trażmissjoni tal-farms, l-ippjanar tas-suċċessjoni, u l-aspetti legali/finanzjarji tat-trasferiment.

Minn Q4 2025

Konklużjoni

L-istrateġija għat-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura hija mibnija madwar inizjattivi ewlenin appoġġati minn sett komprensiv ta’ inizjattivi li jistgħu jiġu implimentati f’livelli interkonnessi: dawk taħt il-PAK attwali u futura, l-inizjattivi fi ħdan politiki oħra tal-UE, l-azzjonijiet immexxija mill-Istati Membri, li huma kompetenti f’oqsma kruċjali bħall-aċċess għall-art, il-politika dwar it-taxxa, l-edukazzjoni, u l-pensjonijiet, u fl-aħħar mill-aħħar azzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati. Biex l-ostakli l-kbar jingħelbu, huwa meħtieġ involviment nazzjonali u reġjonali b’saħħtu.

Din l-istrateġija tistabbilixxi triq ċara għall-appoġġ tat-tiġdid ġenerazzjonali fil-biedja Ewropea billi tbiddel l-ambizzjoni tal-politika f’azzjoni prattika. Tipprovdi qafas li jgħaqqad politiki u livelli ta’ governanza differenti biex tindirizza l-ostakli li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ u tippromwovi kundizzjonijiet ġusti għall-bdiewa akbar fl-età li joħorġu mis-settur, inkluż permezz ta’ skemi adegwati ta’ rtirar u ta’ pensjoni. Din tintroduċi wkoll pjattaforma ġdida għan-Nisa fil-Biedja biex trawwem opportunitajiet indaqs u networking. Tingħata attenzjoni partikolari lill-bdiewa taħt l-40 sena, li jiffaċċjaw l-akbar diffikultajiet biex jaċċessaw il-finanzi u l-kreditu, filwaqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol essenzjali ta’ bdiewa ġodda ta’ kull età fis-sostenn tas-sistemi tal-ikel tal-UE, tal-vitalità rurali, u tal-wirt ambjentali.

Il-Kummissjoni pproponiet li l-Istati Membri kollha jistabbilixxu l-istrateġija tagħhom stess ta’ tiġdid ġenerazzjonali għall-agrikoltura sal-2028 bħala parti mill-pjanijiet ta’ sħubija nazzjonali u reġjonali tagħhom, billi jikkombinaw azzjonijiet taħt il-politika agrikola tal-UE, politiki rurali nazzjonali, kif ukoll oqfsa fiskali u soċjali. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jfasslu miżuri għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, peress li tirrikonoxxi s-sistemi agrikoli, il-liġijiet tas-suċċessjoni u tat-taxxa, u r-realtajiet rurali diversi madwar l-Ewropa.

Il-kisba tal-għanijiet tal-istrateġija tirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u l-bdiewa minn kull ġenerazzjoni, appoġġata minn tmexxija politika, finanzjament dedikat, u impenn fit-tul mill-atturi kollha. Dawn il-fatturi huma vitali biex jitfasslu interventi effettivi u speċifiċi għall-kuntest u biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ġenerazzjoni li jmiss.

Filwaqt li jikkomplementaw dawn l-isforzi, il-komunikazzjoni, il-promozzjoni, u l-appoġġ għad-diversifikazzjoni tal-farms itejbu l-profil tal-biedja bħala karriera attraenti, sinifikanti u vijabbli, filwaqt li jenfasizzaw l-importanza soċjetali usa’ tat-tiġdid ġenerazzjonali għall-futur tas-sistemi tal-ikel u tal-komunitajiet rurali tal-Ewropa.

Meħudin flimkien, dawn il-miżuri huma l-pedament għal tiġdid ġenerazzjonali dejjiemi fl-agrikoltura Ewropea.

L-Istrateġija, li tirrifletti din l-ambizzjoni u hija sostnuta mill-proposta għall-PAK 2028–2034, tistabbilixxi mira li taspira li s-sehem attwali ta’ 12 % tal-bdiewa żgħażagħ fl-UE jiżdied sa 24 % sal-2040, inklużi wkoll il-bdiewa ġodda. Dan huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li mill-inqas 6 % tal-infiq agrikolu jiġi ddedikat għat-tiġdid ġenerazzjonali, li huwa partikolarment importanti għall-Istati Membri li għadhom lura f’dan il-qasam.

Il-Kummissjoni se tkompli tinvolvi ruħha mal-bdiewa żgħażagħ u tipprevedi li tevalwa l-progress matul id-djalogi ta’ politika maż-żgħażagħ, b’mod partikolari dak li għandu jseħħ fir-rebbiegħa tal-2029 fl-aħħar sena tal-mandat tal-Kulleġġ attwali.

(1) ()    Il-Eurostat, Farmers and the Agricultural Labour Force , 2020
(2) ()     A Vision for Agriculture and Food Shaping together an attractive farming and agri-food sector for future generations
(3) ()    L-Artikolu 4(6) tar-Regolament (UE) 2021/2115 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-Pjanijiet Strateġiċi skont il-PAK.
(4) ()    COM/2025/560 final
(5) ()    COM/2025/565 final
(6) ()     Ittra ta’ missjoni lill-Kummissarju Hansen  
(7) ()    Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati – Rapport fil-qosor (Stakeholder consultation – Synopsis report) li jakkumpanja din l-istrateġija
(8) ()    Young farmers in EU agriculture – Analytical Brief No. 10, DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali
(9) ()    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ottubru 2023 dwar it-tiġdid ġenerazzjonali fil-farms tal-futur tal-UE ( 2022/2182(INI )
(10) ()    Council Conclusions on a Long-Term Vision for the EU´s Rural Areas (LTVRA) 15631/23 .
(11) ()     Djalogu strateġiku dwar il-futur tal-Agrikoltura fl-UE. Prospett kondiviż għall-biedja u l-ikel fl-Ewropa . 2024.
(12) ()    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew għall-Kompetittività (“FEK”), inkluż il-programm speċifiku għal attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni fid-difiża, li jħassar ir-Regolamenti (UE) 2021/522, (UE) 2021/694, (UE) 2021/697, (UE) 2021/783, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/696, (UE) 2023/588, (UE) [EDIP], COM/2025/555 final, it-tieqa “Saħħa, Bijoteknoloġija, Agrikoltura u Bijoekonomija”.
(13) ()    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Orizzont Ewropa, għall-perjodu 2028-2034, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolament (UE) 2021/695, COM/2025/543 final, Pilastru II, qasam tematiku “Saħħa, Bijoteknoloġija, Agrikoltura u Bijoekonomija”
(14) ()    Il-Eurostat, Demography of Europe, 2025 edition , Demography of Europe – 2023 edition - Interactive publications - Eurostat
(15) ()    Il-Eurostat, Agriculture statistics – family farming in the EU, 2020
(16) ()    Il-Eurostat, Farms and farmland in the European Union, 2020 .
(17) ()    L-EU-28 tinkludi lir-Renju Unit qabel it-tluq tiegħu mill-UE fil-31 ta’ Jannar 2020.
(18) ()     Iż-żgħażagħ fl-agrikoltura u ż-żoni rurali - Il-Kummissjoni Ewropea
(19) () Ir-Regolament (UE) 2025/1914 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu adottat fit-18 ta’ Settembru 2025, ĠU L 19.9.2025
(20) ()     Ir-Repożitorju taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka – Farmers of the future
(21) ()    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu.
(22) ()    Il-Kummissjoni Ewropea – id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, it-Taqsima A.3 (2025): “Assessment of generational renewal strategies across EU Member States – Report”
(23) ()    6 % tal-ammonti fl-Anness XVIII tar-[Regolament dwar is-SNR – COM(2025) 565 final]
(24) ()    Bosta mill-azzjonijiet u l-inizjattivi ppreżentati jibnu fuq il-proposti stabbiliti għall-QFP ta’ wara l-2027. Peress li dawn il-proposti huma soġġetti għall-proċedura ta’ kodeċiżjoni; il-kontenut finali tagħhom se jiddependi fuq l-eżitu tal-proċess leġiżlattiv.
(25) ()    https://agriculture.ec.europa.eu/overview-vision-agriculture-food/young-people-agriculture-and-rural-areas_en
(26) ()    Kif imsemmi fl-Artikolu 124 tar-Regolament (UE) 2021/2115.
(27) ()    Ma hemm l-ebda definizzjoni uffiċjali ta’ “prezz ġust”, madankollu interpretazzjoni raġonevoli hija dik li tkopri l-kost sħiħ tal-produzzjoni sostenibbli, tiżgura introjtu deċenti għall-produtturi, u tibqa’ affordabbli għall-konsumaturi.
(28) ()     Djalogu dwar il-Politika għaż-Żgħażagħ fl-Agrikoltura  
(29) ()    L-emendi proposti għar-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq (OKS) kellhom l-għan li jsaħħu l-pożizzjoni tal-bdiewa fin-negozjati tal-kuntratti, irawmu l-kooperazzjoni, u jtejbu t-trażmissjoni tal-prezzijiet. B’mod parallel, regoli ġodda dwar l-infurzar transfruntier skont id-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Inġusti għandhom l-għan li jipproteġu aktar lill-bdiewa. Dawn l-isforzi huma kkomplementati mill-Osservatorju tal-Katina Agroalimentari tal-UE (AFCO, Agrifood Chain Observatory), li se jipprovdi data dwar il-formazzjoni tal-prezzijiet biex jappoġġa deċiżjonijiet ta’ politika aktar ġusti.
(30) ()    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati – Rapport fil-qosor (Stakeholder consultation – Synopsis report) li jakkumpanja din l-istrateġija
(31) ()    Data tan-network ta’ informazzjoni tal-kontabilità agrikola (FADN, Farm Accountancy Data Network)
(32) ()    Fi-compass, Financing Gap in Agriculture & Agri-Food , RTW, 2023
(33) ()    Dawn huma r-riżultati preliminari minn stħarriġ li sar mill-fi-compass fl-2025 u li jkopri t-tliet subsetturi; ir-riżultati se jiġu ppubblikati fil-futur qrib fuq is-sit web tal-fi-compass.
(34) ()    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-Istrateġija tal-UE dwar l-Istartups u l-Iscaleups: Agħżel l-Ewropa biex tibda jew tespandi negozju, COM(2025) 270 final.
(35) ()    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija għal-Litteriżmu Finanzjarju għall-UE (Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions on a Financial Literacy Strategy for the EU).
(36) ()     Patt għall-Ħiliet - Ekosistema agroalimentari
(37) ()    Il-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija (2012), Voluntary Guidelines on the Responsible Governance of Tenure of Land, Fisheries and Forests in the Context of National Food Security , FAO, Ruma.
(38) ()    Il-Kummissjoni Ewropea (2011), Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, COM(2011) 571, Brussell, li stabbilixxa l-objettiv ta’ ebda teħid tal-art nett sal-2050; affermat mill-ġdid fil-Kummissjoni Ewropea (2021), Strateġija tal-UE dwar il-ħamrija għall-2030, COM(2021) 699, Brussell.
(39) ()    L-Osservatorju Rurali tal-UE, rural-vision.europa.eu
(40) ()    L-agrikoltura soċjali (jew l-agrikoltura għal finijiet terapewtiċi) tirreferi għall-użu ta’ attivitajiet tal-biedja biex jiġu pprovduti servizzi tas-saħħa, servizzi soċjali jew edukattivi għal gruppi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, filwaqt li fl-istess ħin tiddiversifika l-attivitajiet tal-farms u tikkontribwixxi għall-iżvilupp rurali.