IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.11.2025
COM(2025) 848 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
L-Aġenda tal-Konsumatur 2030 u l-pjan ta’ azzjoni għall-konsumaturi fis-suq uniku
“Spinta ġdida għall-protezzjoni tal-konsumatur, il-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli”
{SWD(2025) 848 final}
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
L-Aġenda tal-Konsumatur 2030 u l-pjan ta’ azzjoni għall-konsumaturi fis-suq uniku
“Spinta ġdida għall-protezzjoni tal-konsumatur, il-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli”
Il-protezzjoni tal-konsumatur hija parti integrali mill-Unjoni tagħna u element fundamentali tas-suq uniku tagħna. Din tiżgura li l-konsumaturi Ewropej ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati, jixtru oġġetti u servizzi bl-akbar sikurezza, jiġu ttrattati b’mod ekwu fil-kuntratti u t-tranżazzjonijiet, u jkollhom aċċess għal rimedji effettivi. Aġenda tal-Konsumatur b’saħħitha hija essenzjali biex tagħmel differenza fil-ħajja ta’ kuljum tal-konsumaturi u biex jinkisbu l-objettivi ġenerali u li jsaħħu lil xulxin tal-kompetittività u tal-prosperità sostenibbli, tal-protezzjoni tad-demokrazija u tal-ekwità soċjali.
Il-konsumaturi Ewropej igawdu minn uħud mill-aktar livelli b’saħħithom ta’ protezzjoni fid-dinja, iżda xorta għadhom jiffaċċjaw ħafna sfidi. Dawn jinkludu l-għoli tal-ħajja u l-inċertezza soċjoekonomika; l-impatti tat-tibdil fil-klima; l-esponiment għal prodotti mhux sikuri u għal prattiki kummerċjali żleali speċjalment online; ostakli persistenti meta jsir xiri transfruntier; u diffikultajiet biex jinkiseb rimedju. Is-suq tal-UE qed jiffaċċja wkoll sfidi dejjem akbar minħabba ż-żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet permezz tal-kummerċ elettroniku minn barra l-UE, speċjalment pakketti ta’ valur baxx importati u mwassla direttament lill-konsumaturi, li joħolqu riskji għas-saħħa u s-sikurezza tagħhom, li huma insostenibbli minn perspettiva ambjentali, u joħolqu kompetizzjoni inġusta għal negozji konformi fl-UE.
Il-protezzjoni tal-konsumatur, il-kompetittività u l-prosperità sostenibbli jsaħħu lil xulxin. Kif iddikjarat fir-
Rapport Letta
, it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumatur irawwem ambjent kompetittiv li jkun ta’ benefiċċju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji. B’450 miljun konsumatur fis-suq uniku u bl-infiq tal-unitajiet domestiċi jammonta għal aktar minn 51 % tal-PDG tal-UE (li jagħmlu l-akbar komponent uniku tal-attività ekonomika fl-UE), il-konsumaturi għandhom rwol essenzjali fil-magna tal-ekonomija tagħna. Il-bżonnijiet, ir-raġunijiet, il-preferenzi, it-tħassib u, fl-aħħar mill-aħħar, l-għażliet tagħhom jixprunaw il-kompetizzjoni, l-innovazzjoni, l-investiment u t-tkabbir sostenibbli. Dawn il-fatturi jinfluwenzaw ukoll jekk il-prodotti jkunux importati, imkabbrin jew magħmula fl-UE, u għalhekk għandhom impatt ġenerali fuq it-tranżizzjoni ġusta.
Min-naħa tiegħu, suq Ewropew kompetittiv iżid il-benesseri tal-konsumatur billi jipprovdi għażla wiesgħa ta’ prodotti u servizzi ta’ kwalità bi prezzijiet affordabbli. Qafas robust għall-protezzjoni tal-konsumatur jipprovdi regoli u inċentivi biex jinħolqu l-fiduċja, is-salvagwardji u ċ-ċertezza legali li jeħtieġu kemm il-konsumaturi kif ukoll in-negozji. Pereżempju, biex jiġu indirizzati r-riskji maħluqa mit-tkabbir esponenzjali tal-importazzjonijiet permezz tal-kummerċ elettroniku, l-implimentazzjoni u l-infurzar bir-reqqa tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-konsumatur u s-sikurezza tal-prodotti huma essenzjali, mhux biss biex jipproteġu lill-konsumaturi, iżda wkoll biex jipproteġu lill-kumpaniji konformi mill-kompetizzjoni inġusta.
Minbarra dan ir-rwol ekonomiku ċentrali, il-politika tal-konsumatur għandha dimensjoni soċjali, protettiva u stabbilizzanti intrinsika li għandha sinifikat saħansitra akbar fiż-żminijiet ta’ taqlib li qed jiffaċċjaw l-Ewropa u d-dinja llum. Bil-ħolqien ta’ qafas li jipproteġi d-drittijiet tan-nies, jiżgura prattiki tas-suq ġusti u jfittex il-benesseri kollettiv u n-nondiskriminazzjoni, il-politika tal-konsumatur trawwem l-ekwità soċjali u ssaħħaħ il-fiduċja fid-demokrazija tagħna. Pereżempju, il-politika tal-konsumatur tista’ ttaffi l-isforzi tal-konsumaturi biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja u tnaqqas it-tħassib tagħhom dwar l-ambjent billi tappoġġa l-ekonomija ċirkolari u trawwem id-disponibbiltà ta’ prodotti sostenibbli affordabbli u attraenti.
Dan huwa l-kuntest li fih il-Kummissjoni Ewropea qed tippreżenta l-Aġenda tal-Konsumatur tagħha għall-2030 (“l-Aġenda”), qafas strateġiku ġdid għall-politika tal-UE tal-konsumatur li jistabbilixxi prijoritajiet u azzjonijiet konkreti għall-5 snin li ġejjin.
L-Aġenda tkopri firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet li jindirizzaw direttament l-isfidi ewlenin u li jirriflettu n-natura trażversali tal-politika tal-konsumatur. Għandha l-għan li ttejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur u trawwem il-kompetittività, l-ekwità soċjali u t-tkabbir sostenibbli, b’mod partikolari billi ssaħħaħ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar konsistenti u effettivi tar-regoli tal-UE u billi tindirizza sfidi importanti bħall-ekwità diġitali u l-protezzjoni tal-konsumatur online.
L-Aġenda tindirizza erba’ oqsma prijoritarji ewlenin. L-ewwel nett, minħabba r-rwol ċentrali tal-protezzjoni tal-konsumatur biex jiġi żgurat li s-suq uniku jiffunzjona kif suppost u l-importanza tas-suq uniku fil-ħolqien tal-prosperità u fit-tisħiħ tal-kompetittività tal-Ewropa, l-Aġenda tinkludi pjan ta’ azzjoni għall-konsumaturi fis-suq uniku. Dan il-pjan ta’ azzjoni jikkomplementa l-
istrateġija għas-suq uniku
billi jindirizza kwistjonijiet partikolari fi ħdan is-suq uniku li jaffettwaw direttament lill-konsumaturi. Il-prijoritajiet ewlenin l-oħra tal-Aġenda huma l-ekwità diġitali u l-protezzjoni tal-konsumatur online, il-konsum sostenibbli, u l-infurzar u r-rimedju.
Il-ħtieġa ta’ adattament għal soċjetà li qed tinbidel b’ritmu mgħaġġel u ż-żieda fil-kummerċ elettroniku jżidu l-kumplessitajiet u r-riskji għal gruppi speċifiċi ta’ konsumaturi, bħall-persuni b’diżabilità, il-persuni akbar fl-età, il-konsumaturi żgħażagħ, jew il-familji bi dħul baxx. Għalhekk, il-protezzjoni tal-konsumaturi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli hija prijorità ġenerali importanti mifruxa fuq l-oqsma kollha tal-Aġenda. Din tinkludi l-protezzjoni tat-tfal bħala konsumaturi fl-ambjent diġitali, u l-indirizzar tal-impatt tal-għoli tal-ħajja, li qed jagħmilha dejjem aktar diffiċli għal ħafna biex jaffordjaw ħtiġijiet bażiċi bħall-ikel, l-enerġija u l-akkomodazzjoni.
Is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv huma prijorità ġenerali, f’konformità mal-objettivi stabbiliti fil-
Boxxla għall-Kompetittività
. Għal dan il-għan, l-Aġenda timmira li tissimplifika u tiċċara r-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, tnaqqas il-piż amministrattiv bla bżonn u tippermetti lill-kumpaniji joperaw f’ambjent ċar, ġust u prevedibbli, filwaqt li żżomm standards robusti għall-protezzjoni tal-konsumatur. B’mod partikolari, it-tisħiħ u s-simplifikazzjoni tal-qafas tal-infurzar huma pedament tal-Aġenda u se jgħinu lin-negozji jnaqqsu l-kostijiet ta’ konformità tagħhom u jisfruttaw l-opportunitajiet offruti mis-suq uniku. Min-naħa l-oħra, is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż għandhom jippermettu wkoll lin-negozji jgħinu biex jittaffew il-pressjonijiet tal-għoli tal-ħajja.
L-azzjonijiet stabbiliti fl-Aġenda se jkunu sostnuti minn kooperazzjoni internazzjonali attiva, kemm fil-livell bilaterali kif ukoll f’dak multilaterali. L-UE se tkompli taħdem ma’ pajjiżi madwar id-dinja u tinvolvi ruħha f’fora multilaterali, bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO, World Trade Organization), il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD, United Nations Conference on Trade and Development) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD, Organisation for Economic Co-operation and Development), biex tippromwovi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tappoġġa kundizzjonijiet ekwi għan-negozji. L-UE se tkompli tinteraġixxi ma’ sħab li għandhom ir-rieda permezz ta’ djalogi informali mal-konsumaturi u tikkollabora mal-awtoritajiet rilevanti, b’mod partikolari dwar is-sikurezza ta’ prodotti mibjugħa online, kif ukoll torganizza kull sentejn Ġimgħa Internazzjonali dwar is-Sikurezza tal-Prodotti. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa wkoll lill-pajjiżi kandidati biex jallinjaw mal-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, bħala parti mill-proċess tat-tkabbir tal-UE.
L-Aġenda tibni fuq il-kisbiet tal-
Aġenda tal-Konsumatur Ġdida
adottata fl-2020 u hija r-riżultat ta’ diskussjonijiet estensivi mal-partijiet ikkonċernati. Biex jintlaħqu l-objettivi u jiġu implimentati l-azzjonijiet tagħha, huwa essenzjali qafas ta’ governanza inklużiv, trasparenti u dinamiku. Il-Kummissjoni se tikkoopera b’mod strutturat mal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew, l-assoċjazzjonijiet tan-negozju, l-akkademiċi u s-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi. L-involviment attiv tagħhom matul il-proċess kollu tal-implimentazzjoni tal-Aġenda se jkun essenzjali għas-suċċess tagħha.
1.Tlestija tas-suq uniku: pjan ta’ azzjoni għall-konsumaturi
Is-suq uniku huwa wieħed mill-akbar kisbiet tal-UE. Dan jipprovdi benefiċċji sinifikanti lill-konsumaturi, bħal għażla akbar u prezzijiet aktar baxxi, u huwa assi kritiku biex tingħata spinta lill-kompetittività Ewropea. Madankollu, għad hemm bosta ostakli li jipprevjenu lill-konsumaturi u lin-negozji milli jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq uniku. Għalhekk, huwa ferm urġenti li s-suq uniku jitlesta. Dan il-pjan ta’ azzjoni jikkomplementa l-miżuri inklużi fl-istrateġija għas-suq uniku u l-pjan direzzjonali li jmiss għas-suq uniku sal-2028. Dan jindirizza l-ostakli li jxekklu lill-konsumaturi milli jgawdu benefiċċji addizzjonali mis-suq uniku, l-aktar fl-oqsma tal-aċċess għall-prodotti u s-servizzi, b’mod partikolari s-servizzi finanzjarji, il-mobbiltà u t-trasport.
Sa minn meta ġie adottat fl-2018,ir-
Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku
tejjeb l-aċċess tal-konsumatur għal oġġetti u servizzi transfruntieri billi elimina l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħra ta’ diskriminazzjoni fil-bejgħ online ibbażata fuq in-nazzjonalità jew il-post tar-residenza jew tal-istabbiliment. Madankollu, għad fadal sfidi f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni korretta tar-Regolament. Fi Frar 2025, il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni formali tar-Regolament biex tivvaluta jekk laħaqx l-objettivi tiegħu. B’mod parallel, il-Kummissjoni se tkompli tanalizza l-benefiċċji, l-isfidi u r-riskji possibbli tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.
L-ostakli transfruntieri li jillimitaw l-għażla tal-konsumatur ma humiex limitati għall-ambjenti online. Ir-restrizzjonijiet territorjali fuq il-provvisti, li huma restrizzjonijiet imposti minn xi manifatturi li jagħmluha diffiċli ħafna jew impossibbli għall-bejjiegħa bl-imnut, kemm minn ħwienet online kif ukoll minn ħwienet fiżiċi, milli jixtru prodotti fi Stat Membru wieħed u jbigħuhom fi Stat Membru ieħor, jifframmentaw ukoll is-suq uniku u jistgħu jwasslu għal prezzijiet ogħla, u b’hekk jikkontribwixxu għal żieda fl-għoli tal-ħajja. Kif imħabbar fl-istrateġija għas-suq uniku, il-Kummissjoni se tiżviluppa għodod biex taġixxi kontra restrizzjonijiet territorjali mhux ġustifikati fuq il-provvisti f’sitwazzjonijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni. B’mod parallel, il-Kummissjoni se tkompli bl-infurzar qawwi tagħha tar-regoli tal-kompetizzjoni.
Qasam ieħor fejn il-konsumaturi jiffaċċjaw ostakli huwa l-forniment transfruntier ta’ servizzi finanzjarji. Għalkemm l-għadd ta’ konsumaturi li jixtru servizzi finanzjarji minn barra l-pajjiż żdied, għadu limitat ħafna f’ċerti kategoriji ta’ prodotti bħas-self lill-konsumaturi, is-self ipotekarju u l-assigurazzjoni. Iż-żieda fil-forniment transfruntier ta’ servizzi finanzjarji għall-konsumatur, filwaqt li tingħata protezzjoni lill-konsumaturi minn self irresponsabbli u dejn eċċessiv, tista’ tikseb benefiċċji għall-konsumaturi u opportunitajiet ta’ negozju għall-fornituri tas-servizzi finanzjarji. Il-konsumaturi jistgħu wkoll jiffaċċjaw restrizzjonijiet meta jippruvaw jiftħu kont ta’ pagament fi Stat Membru ieħor. L-
Unjoni tat-Tfaddil u l-Investimenti
se tippromwovi integrazzjoni aktar profonda tas-swieq kapitali – flimkien ma’ sistema bankarja integrata – u ttejjeb il-forniment transfruntier tal-fondi. Din tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ta’ investituri individwali fis-swieq kapitali, b’mod partikolari billi tfittex li żżid id-disponibbiltà u l-adozzjoni ta’ kontijiet ta’ tfaddil u ta’ investiment li jistgħu jippermettu lill-konsumaturi jiksbu redditi ogħla b’terminu twil mill-investiment fis-swieq finanzjarji, kif stabbilit fir-
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar il-Kontijiet ta’ Tfaddil u ta’ Investiment
. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mal-Istati Membri biex tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-servizzi finanzjarji, bħad-
Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas
. Din id-Direttiva tipprevjeni lill-fornituri tas-servizzi milli jiddiskriminaw kontra l-konsumaturi tal-UE abbażi tan-nazzjonalità jew tal-post ta’ residenza meta dawn japplikaw għall-aċċess għal kont bankarju, u tagħti lill-konsumaturi kollha li jirrisjedu legalment fl-UE d-dritt għal kont ta’ pagament bażiku. Biex ittejjeb l-infurzar ta’ dawn ir-regoli, il-Kummissjoni se tikkunsidra li ġġib
ir-Regolament dwar iż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro
, li jinkludi regola li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni tal-IBAN, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-
Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur.
Il-Kummissjoni se tiffoka wkoll fuq l-implimentazzjoni tal-
istrateġija tal-UE dwar il-litteriżmu finanzjarju
, li għandha l-għan li tippermetti lill-konsumaturi jimmaniġġjaw aħjar il-finanzi personali tagħhom u jipparteċipaw fis-swieq kapitali fuq bażi sikura u soda, speċjalment fl-era tas-servizzi diġitalizzati. Fl-2028, il-Kummissjoni qed tippjana li twettaq test tal-istress komprensiv tal-liġi tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur biex tivvaluta r-reżiljenza tagħha, tidentifika opportunitajiet biex tissimplifika r-regoli, u tiżgura li tibqa’ adattata għall-iskop tagħha f’xenarju finanzjarju li qed jevolvi b’rata mgħaġġla.
Minbarra l-possibbiltà ta’ aċċess għall-prodotti u s-servizzi madwar l-UE, il-moviment liberu tal-persuni fi ħdan is-suq uniku jippermetti wkoll lill-konsumaturi jgawdu l-benefiċċji kollha ta’ Ewropa mingħajr fruntieri. Meta jivvjaġġaw, il-konsumaturi jeħtieġu aċċess għal servizzi ta’ mobbiltà, trasport u komunikazzjonijiet elettroniċi affordabbli, ta’ kwalità għolja, bla xkiel u aċċessibbli, appoġġati minn sett b’saħħtu ta’ drittijiet.
Fir-rigward tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ir-
regoli tal-UE dwar ir-roaming
ifissru li l-konsumaturi li jivvjaġġaw fl-UE/fiż-ŻEE jistgħu jużaw il-mobiles tagħhom biex iċemplu, jibagħtu messaġġi u jaċċessaw l-internet mingħajr ħlasijiet żejda. L-UE diġà kkonkludiet ftehimiet li se jestendu b’mod effettiv iż-żona tar-roaming tal-UE għall-Ukrajna u l-Moldova mill-1 ta’ Jannar 2026. Il-Kummissjoni bdiet ukoll il-proċedura għar-rieżami tar-regoli tal-UE dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi rigward id-drittijiet tal-utent finali u s-servizz universali.
Filwaqt li d-domanda għall-ivvjaġġar multimodali qed tikber, il-konsumaturi għadhom jiffaċċjaw bosta ostakli biex iqabblu l-prezzijiet, isibu l-aħjar għażla tal-ivvjaġġar, jibbukkjaw il-vjaġġi tagħhom u jasserixxu d-drittijiet tagħhom f’każ ta’ interruzzjoni. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-ivvjaġġar bil-ferrovija. Il-proposti li ġejjin rigward Regolament dwar Sistema Unika Diġitali ta’ Bbukkjar u ta’ Ħruġ ta’ Biljetti, ir-Regolament dwar is-Servizzi Diġitali ta’ Mobbiltà Multimodali u r-reviżjoni mmirata tar-
Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ferroviji,
flimkien mal-adozzjoni li ġejja tal-atti leġiżlattivi tal-
Pakkett dwar il-Mobbiltà tal-Passiġġieri
, se jindirizzaw bosta minn dawn l-isfidi. Il-Pakkett dwar il-Mobbiltà tal-Passiġġieri jinkludi r-reviżjoni tar-Regolamenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri kif ukoll ir-reviżjoni tad-
Direttiva tal-2015 dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar
. It-tlestija tar-reviżjoni ta’ din id-Direttiva se twassal għal protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur, inkluż permezz ta’ regoli ġodda dwar il-vawċers, li se jkunu jeħtieġu l-kunsens espliċitu tal-vjaġġaturi. Se tiżgura wkoll li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni aktar ċara, filwaqt li tnaqqas b’mod sinifikanti l-għadd ta’ formoli ta’ informazzjoni. It-tlestija tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri se tiżgura b’mod partikolari infurzar aħjar tad-drittijiet tal-passiġġieri, toħloq drittijiet għall-passiġġieri fil-kuntest tal-vjaġġi multimodali, ittejjeb id-drittijiet tal-passiġġieri b’diżabilitajiet u mobbiltà mnaqqsa, ittejjeb l-informazzjoni għall-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom u tiċċara r-regoli dwar ir-rimborżi tal-biljetti tal-ajru meta dawn jiġu bbukkjati permezz ta’ intermedjarji. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll reviżjoni tar-
Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru
. Din se tinvolvi azzjoni mmirata biex jissaħħu r-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, inkluż billi jiġu ċċarati l-limiti minimi tal-bagalji tal-idejn u l-karatteristiċi u s-servizzi li jridu jiġu inklużi bħala standard fil-biljetti kollha tal-ajru u billi jiżdiedu t-trasparenza u l-komparabbiltà tal-biljetti tal-ajru.
It-tranżizzjoni lejn mobbiltà nadifa tirrikjedi wkoll it-tneħħija tal-ostakli li jxekklu l-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet żero domestikament u bejn il-fruntieri. Peress li aktar konsumaturi qegħdin jixtru karozzi elettriċi, huma jeħtieġu suq tal-iċċarġjar kompetittiv u li jiffunzjona tajjeb. L-infrastruttura pubblika tal-iċċarġjar tal-UE kibret b’mod sinifikanti, bis-saħħa tar-
Regolament dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi
. Ir-Regolament introduċa wkoll dispożizzjonijiet biex jiffaċilita l-proċessi tal-ħlas u jtejjeb it-trasparenza tal-prezzijiet tal-irriċarġjar. Fl-2026, il-Kummissjoni se tirrieżamina r-Regolament dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi u se tivvaluta l-effettività tad-dispożizzjonijiet eżistenti u jekk hijiex meħtieġa aktar azzjoni biex jiġu żgurati trasparenza sħiħa fil-prezzijiet u metodi ta’ ħlas faċli.
Bħala parti mill-istrateġija tal-UE dwar it-turiżmu sostenibbli li se tinħareġ, il-Kummissjoni se teżamina wkoll kif il-kiri transfruntier tal-karozzi jista’ jsir aktar aċċessibbli għall-konsumaturi. F’konformità mal-istrateġija tas-suq uniku, il-Kummissjoni qed tikkunsidra l-applikazzjoni tar-regoli u l-prinċipji tas-suq uniku tal-UE għas-settur tal-vetturi tat-taksi u tal-kiri privat.
Il-kummerċ transfruntier huwa parti fundamentali mis-suq Ewropew tal-karozzi użati. Madankollu, in-nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli dwar il-kilometraġġ, il-manutenzjoni u r-rekords tal-inċidenti tal-karozzi jdgħajjef il-fiduċja tal-konsumaturi u jesponihom għal prattiki frodulenti. Bosta Stati Membri diġà daħħlu fis-seħħ diversi sistemi biex jindirizzaw din il-problema. Il-
Pakkett dwar l-Affidabbiltà Stradali
adottat f’April 2025 jinkludi miżuri biex jiġi indirizzat it-tbagħbis tal-odometru fil-bejgħ domestiku u transfruntier ta’ vetturi użati. Dawn il-miżuri se jiżguraw li l-konsumaturi jirċievu informazzjoni xierqa, u b’hekk isaħħu l-protezzjoni tal-konsumatur fis-suq tal-vetturi użati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed taħdem biex tirrieżamina d-
Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Karozzi
bil-għan li tinforma aħjar lill-konsumaturi.
Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, li se jkunu disponibbli f’kull Stat Membru sal-2026, se jagħmluha aktar faċli għall-konsumaturi biex iżommu u jaqsmu bejniethom dokumenti ewlenin tal-ivvjaġġar bħal viżi u passaporti diġitali u jużawhom biex jagħmlu check-in faċilment tat-titjiriet u fil-lukandi, jiftħu kont bankarju, jikru karozza, iġeddu riċetti mediċi, u jaċċessaw servizzi privati u pubbliċi transfruntieri oħra.
Huwa meħtieġ monitoraġġ mill-qrib tal-għoli tal-ħajja u tax-xejriet ekonomiċi fis-suq uniku biex jiġu żviluppati miżuri ta’ politika tal-konsumatur li jindirizzaw l-ostakli, jappoġġaw l-ugwaljanza soċjali u jiżguraw l-istandards tal-benesseri tal-konsumatur. Filwaqt li tibni fuq id-data u l-viżwalizzazzjonijiet disponibbli tal-Eurostat, il-Kummissjoni se ttejjeb l-għodod online tagħha biex issegwi l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-oġġetti u s-servizzi bażiċi għall-konsumatur fis-suq uniku b’mod aċċessibbli u faċli biex jinftiehem, inkluż għall-finijiet ta’ riċerka u tfassil tal-politika. Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa wkoll il-partijiet tat-
Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur
li huma relatati mal-għoli tal-ħajja. Fl-aħħar nett, fl-2026 il-Kummissjoni se tippreżenta l-ewwel Strateġija tal-UE kontra l-faqar li qatt saret biex tgħin lin-nies jiksbu aċċess għall-protezzjonijiet u s-servizzi essenzjali li jeħtieġu, u biex tistabbilixxi triq ċara biex jitnaqqas l-għadd ta’ persuni fil-faqar bi 15-il miljun fl-2030 u tgħin biex il-faqar fl-Ewropa jiġi eliminat sal-2050, billi tindirizza l-kawżi ewlenin tal-faqar. Din se tkun appoġġata wkoll minn Garanzija għat-Tfal imsaħħa biex tipproteġi lit-tfal mill-faqar u l-esklużjoni soċjali.
Azzjonijiet
·Titlesta evalwazzjoni tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku (Q2 2026) u jkomplu jiġu analizzati l-benefiċċji, l-isfidi u r-riskji possibbli tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.
·Jiġu żviluppati għodod għal azzjoni kontra r-Restrizzjonijiet fuq il-Provvista Territorjali mhux ġustifikati biex jiġu koperti sitwazzjonijiet li jmorru lil hinn minn dawk koperti mil-liġi tal-kompetizzjoni, bħall-prattiki unilaterali ta’ manifatturi kbar (Q4 2026).
·Jitrawwem il-forniment ta’ servizzi finanzjarji transfruntieri, billi jiġu mmonitorjati l-investimenti minn investituri individwali fis-swieq kapitali u d-disponibbiltà u l-adozzjoni ta’ kontijiet ta’ tfaddil u ta’ investiment (2026-2027).
·Jittejjeb il-livell tal-litteriżmu finanzjarju permezz tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Litteriżmu Finanzjarju (minn Q1 2026).
·Jiġu introdotti l-Kartieri tal-Identità Diġitali tal-UE fl-Istati Membri kollha bħala mezz sikur, affidabbli u li jippreserva l-privatezza tal-identifikazzjoni diġitali għal kulħadd fl-Unjoni (Q4 2026).
·Jiġu konklużi ftehimiet dwar ir-roaming ma’ pajjiżi kandidati tal-UE (pereżempju, l-Ukrajna u l-Moldova minn Jannar 2026 u l-Balkani tal-Punent).
·Jitrawwem l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ mobbiltà transfruntieri billi:
·jitnedew inizjattivi għal servizzi diġitali tal-mobbiltà multimodali, sistema unika ta’ bbukkjar u ħruġ ta’ biljetti, u reviżjoni mmirata tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji biex jitjieb l-ibbukkjar tal-vjaġġi meta jiġu kkombinati modi differenti ta’ trasport jew operaturi differenti tat-trasport, speċjalment għall-ferroviji (proposti leġiżlattivi – Q1 2026);
·jiġi rieżaminat ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi (2026);
·titnieda inizjattiva dwar il-kiri transfruntier tal-karozzi (Q2 2026).
·Jissaħħu l-monitoraġġ u l-analiżi tal-kundizzjonijiet u x-xejriet tal-konsumatur, inkluż l-għoli tal-ħajja (sa tmiem l-2026).
2.Ekwità diġitali u protezzjoni tal-konsumatur online
L-ekonomija diġitali ġabet ħafna benefiċċji għall-konsumaturi. Ġabet prodotti u servizzi ġodda u bidlet il-ħajjiet tal-konsumaturi b’ħafna modi, minn kif nixtru, sa kif nikkunsmaw id-divertiment, naċċessaw l-informazzjoni u kif ninteraġixxu man-negozji. Biż-żieda fil-kummerċ elettroniku, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u l-użu dejjem akbar tal-intelliġenza artifiċjali (IA), huwa importanti li jiġi żgurat li l-liġi tal-UE dwar il-konsumatur tkompli tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumatur fl-ambjent diġitali attwali, filwaqt li tippreżerva l-awtonomija u l-libertà tal-għażla tiegħu.
L-
Att dwar is-Servizzi Diġitali
, l-
Att dwar is-Swieq Diġitali
, u l-
Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali
saħħew il-ktieb tar-regoli diġitali tal-UE, b’benefiċċji ċari għall-konsumaturi u n-negozji. L-applikazzjoni effettiva u konsistenti ta’ dawn ir-regoli hija essenzjali biex jiġu indirizzati r-riskji u l-isfidi li l-konsumaturi jiffaċċjaw online. Madankollu, il-
kontroll tal-idoneità tal-ġustizzja diġitali tal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur
identifika nuqqasijiet u prattiki problematiċi fl-ambjent diġitali li jirrikjedu azzjoni fil-livell tal-UE biex jimtlew il-lakuni fil-protezzjoni tal-konsumatur, titnaqqas l-inċertezza legali għan-negozji, tiġi evitata l-frammentazzjoni regolatorja u jiġi ffaċilitat l-infurzar.
Pereżempju, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali diġà jindirizza diversi aspetti tal-isfidi li l-konsumaturi jistgħu jiltaqgħu magħhom online. Madankollu, il-prattiki kummerċjali problematiċi jikkonċernaw it-tipi kollha ta’ negozjanti, inklużi dawk li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali, bħal siti web tal-kummerċ elettroniku u servizzi diġitali li ma humiex ibbażati fuq l-intermedjazzjoni tal-kontenut. Il-leġiżlazzjoni orizzontali tal-UE dwar il-konsumatur tipprovdi “xibka ta’ sikurezza” għall-parteċipanti kollha fis-suq b’mod newtrali fir-rigward tat-teknoloġija. Biex tiggarantixxi li din ix-xibka ta’ sikurezza tkun adattata għall-era diġitali, minbarra li tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tal-qafas legali eżistenti, il-Kummissjoni se tipproponi wkoll Att dwar il-Ġustizzja Diġitali biex tkompli ssaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi online kontra prattiki bħal: disinni qarrieqa li jistgħu jinfluwenzaw b’mod inġust id-deċiżjonijiet tal-konsumatur; karatteristiċi tad-disinn li joħolqu dipendenza; prattiki problematiċi mill-influwenzaturi; personalizzazzjoni inġusta li tieħu vantaġġ mill-vulnerabbiltajiet tal-konsumaturi u mill-karatteristiċi problematiċi fil-prodotti diġitali bħall-media soċjali, il-logħob vidjo u l-kummerċ elettroniku. L-Att dwar il-Ġustizzja Diġitali se jkollu wkoll l-għan li jissimplifika r-regoli għan-negozji, b’mod partikolari billi jħares lejn ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-konsumatur f’tipi speċifiċi ta’ kuntratti u fi tranżazzjonijiet ripetittivi mal-istess negozjanti.
Il-minorenni huma konsumaturi partikolarment vulnerabbli. Dawn għandhom it-tendenza li jkollhom xejriet speċifiċi ta’ konsum u spiss ikunu minn tal-ewwel li jadottaw teknoloġiji u prodotti diġitali ġodda, inklużi prodotti mmirati lejn tfal żgħar ħafna. L-Att dwar is-Servizzi Diġitali diġà fih dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tal-minorenni fuq pjattaformi online u jiżgura livell għoli ta’ privatezza, sikurezza u sigurtà tal-minorenni fuq pjattaformi bħal dawn. Madankollu, l-esponiment tat-tfal għal prattiki u elementi fil-prodotti diġitali li jagħmlu l-ħsara, għall-bullying online, għall-kontenut għall-adulti, għall-promozzjoni tal-ħsara li wieħed jagħmel lilu nnifsu, u għall-algoritmi mfassla biex jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet tagħhom u jrawmu d-dipendenza jqajjem tħassib urġenti li jirrikjedi aktar skrutinju. Għalhekk, il-Kummissjoni se twettaq inkjesta madwar l-UE dwar l-impatti usa’ tal-media soċjali fuq il-benesseri taż-żgħażagħ. Se tistabbilixxi wkoll bord ta’ esperti dwar it-tfal u l-media soċjali, kif imħabbar fid-Diskors tal-President von der Leyen tal-2025 dwar l-Istat tal-Unjoni. L-Att dwar l-Ekwità Diġitali se jkollu wkoll l-għan li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli online, inklużi l-minorenni.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tevalwa d-
Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva
, li tinkludi regoli biex tipproteġi lill-minorenni minn kontenut ta’ ħsara, inkluż online, tipprojbixxi d-diskriminazzjoni, tistabbilixxi standards ta’ kontenut kwalitattiv u kwantitattiv għall-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi biex tipproteġi lill-konsumaturi, inklużi l-minorenni, u trawwem l-aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità.
L-iskemi ta’ frodi online huma fost l-aktar reati li qed jikbru malajr online u qed jikkawżaw ħsara sinifikanti lill-konsumaturi. Il-Kummissjoni pproponiet
ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament
biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur, inkluż billi testendi r-regoli dwar il-prevenzjoni ta-frodi għall-fornituri tas-servizzi ta’ pagament u d-drittijiet ta’ rifużjoni tal-konsumaturi li jisfaw vittmi ta’ frodi fil-pagamenti. Biex tkompli ssaħħaħ il-kapaċità li tiġi miġġielda l-frodi online fl-UE, il-Kummissjoni se tippubblika pjan ta’ azzjoni dwar il-frodi online. L-għanijiet tiegħu se jinkludu t-tisħiħ tal-miżuri ta’ prevenzjoni, azzjoni ta’ infurzar tal-liġi aktar effettiva u t-tisħiħ tal-appoġġ lill-vittmi tal-frodi biex jirkupraw flushom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tibni fuq l-Att dwar is-Servizzi Diġitali fil-ħidma ta’ infurzar tagħha biex tindirizza l-frodi online u l-iscams finanzjarji, filwaqt li tiżgura li l-pjattaformi online u l-magni tat-tiftix jipproteġu lill-konsumaturi minn prattiki qarrieqa. Id-dropshipping hija wkoll prattika problematika għall-konsumaturi. Ir-riżultati tal-istħarriġ li sar fost il-konsumaturi għall-kontroll tal-idoneità tal-ġustizzja diġitali indikaw il-ħtieġa li tiżdied it-trasparenza dwar l-użu ta’ dan il-mudell ta’ negozju.
Il-konsumaturi jiffaċċjaw talbiet kontinwi għall-kunsens u strixxuni tal-cookies mhux trasparenti online, li minħabba fihom ma jkunux jistgħu jifhmu kif tintuża d-data tagħhom u li jċaħħduhom b’mod effettiv minn għażla ġenwinament infurmata. Bil-proposta tal-Omnibus Diġitali, il-Kummissjoni qed tfittex li tirriforma r-regoli dwar il-cookies, filwaqt li żżomm l-istess livell ta’ protezzjoni tad-data, peress li s-sistema attwali hija ta’ żvantaġġ kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji.
Id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji toffri lill-konsumaturi soluzzjonijiet ta’ ġestjoni finanzjarja konvenjenti u kosteffettivi, iżżid l-għażla tas-servizzi finanzjarji u ttejjeb l-innovazzjoni. Madankollu, id-diġitalizzazzjoni toħloq ukoll diffikultajiet u riskji sinifikanti. Pereżempju, it-tranżizzjoni għas-servizzi diġitali u l-għeluq ta’ fergħat fiżiċi tal-banek joħolqu r-riskju ta’ diskriminazzjoni kontra konsumaturi li jiddependu fuq il-flus kontanti, li jkollhom diffikultà biex imorru waħedhom jew malajr fl-eqreb fergħa bankarja, li jsibuha diffiċli biex jaqilbu għal servizzi diġitali, jew li ma jkollhomx aċċess għall-internet. Fl-2023, il-Kummissjoni ressqet diversi proposti mmirati biex jiġi żgurat li l-pagamenti fi flus kontanti jiġu aċċettati b’mod wiesa’, jittejjeb l-aċċess tal-konsumatur għall-flus kontanti u tiġi promossa l-inklużjoni finanzjarja. Fil-kuntest tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva l-ġdida dwar il-
Kreditu għall-Konsumaturi
, il-Kummissjoni qed tippjana li tivvaluta kif id-diġitalizzazzjoni qed taffettwa s-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, b’enfasi partikolari fuq il-kreditu għall-konsumatur. Se tanalizza l-feġġa ta’ atturi, prodotti u prattiki ġodda, kif ukoll l-isfidi u l-opportunitajiet li jiffaċċjaw il-konsumaturi meta jużaw is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur online.
F’konformità mal-istrateġija tas-suq uniku u mal-
Pakkett ta’ Simplifikazzjoni Omnibus IV
, il-Kummissjoni se tesplora wkoll kif soluzzjonijiet diġitali, eż. it-tikkettar diġitali u għodod diġitali bħall-applikazzjonijiet mobbli u l-
Passaport Diġitali tal-Prodotti
, jistgħu jtejbu l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-prodotti u s-servizzi għall-konsumaturi, filwaqt li jnaqqsu l-piż amministrattiv għall-kumpaniji u jiżguraw li l-informazzjoni essenzjali kollha, eż. l-informazzjoni relatata mas-sikurezza tal-prodotti, tibqa’ disponibbli f’forma fiżika. Il-kondiviżjoni sigura u effiċjenti ta’ informazzjoni dwar il-prodotti bejn in-negozji, il-fornituri, il-manifatturi u r-regolaturi tista’ tiġi ffaċilitata wkoll permezz tal-Kartieri Ewropej tan-Negozju mistennija, li jippromwovu suq uniku aktar integrat u trasparenti.
Għalkemm l-ambjent diġitali joffri benefiċċji għall-komunikazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti, jippreżenta wkoll sfidi speċifiċi. Dawn jistgħu jkunu relatati mal-bejgħ ta’ prodotti perikolużi online jew mar-riskji għas-saħħa u s-sikurezza, inklużi r-riskji għas-saħħa mentali, ikkawżati minn prodotti teknoloġiċi ġodda. L-aċċessibilità tal-informazzjoni tista’ tkun ukoll problema għall-persuni b’diżabilità. Il-Kummissjoni se tanalizza l-vulnerabbiltajiet speċifiċi tal-konsumaturi fl-ambjenti online u l-impatt ta’ dawk il-vulnerabbiltajiet fuq is-sikurezza tal-prodotti. Dan se jinkludi pereżempju l-analiżi ta’ kif il-konsumaturi jirreaġixxu għal twissijiet u struzzjonijiet speċifiċi fl-ambjent diġitali u kif riskji ġodda għas-sikurezza jaffettwaw lill-konsumaturi meta jużaw prodotti diġitali differenti, bħal apps jew software.
Sfida ewlenija oħra hija l-iżvilupp rapidu u l-użu tal-IA fis-swieq tal-konsumaturi. It-teknoloġija tal-IA tista’ toffri vantaġġi, bħal effiċjenza akbar, pariri personalizzati u interazzjonijiet mal-klijenti, u ffrankar tal-ispejjeż. Iżda tippreżenta wkoll riskji, inkluż tnaqqis fl-interazzjoni umana u problemi li jirriżultaw mill-ħsarat, il-preġudizzji jew l-ineżattezzi tas-sistema. L-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali tal-UE stabbilixxa qafas robust biex jiżgura li s-sistemi tal-IA żviluppati u użati fl-UE jkunu affidabbli, b’salvagwardji għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tan-nies. Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar konsistenti tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u l-liġijiet rilevanti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u s-sikurezza tal-prodotti. Il-lista ta’ prattiki projbiti tal-IA skont l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali se tiġi rieżaminata kull sena u se tiġi aġġornata wkoll jekk jiġu identifikati problemi ġodda. Huwa kruċjali li l-qafas għall-protezzjoni tal-konsumatur iżomm il-pass mal-iżviluppi teknoloġiċi u li l-konsumaturi jkollhom informazzjoni trasparenti meta jinteraġixxu mal-IA (eż. meta jużaw appoġġ għas-servizz lill-klijenti li jaħdem bl-IA jew meta jfittxu informazzjoni u pariri mingħand assistenti tal-IA), sabiex ikunu kompletament konxji tan-natura tal-interazzjoni u tar-riskji possibbli.
Azzjonijiet
·Jiġi propost Att dwar il-Ġustizzja Diġitali biex jiġu indirizzati tekniki inġusti u prattiki kummerċjali fir-rigward tal-konsumaturi, inklużi b’mod partikolari l-minorenni, u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għan-negozjanti fl-ambjent diġitali (proposta leġiżlattiva – Q4 2026).
·Tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-frodi online, b’mod partikolari billi jissaħħu l-miżuri ta’ prevenzjoni online u l-appoġġ għall-vittmi tal-frodi fl-irkupru ta’ flushom (2026).
·Jitrawwem użu ġust u trasparenti tal-IA fis-swieq tal-konsumatur, b’mod partikolari permezz tal-applikazzjoni tal-Att dwar l-IA u l-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u s-sikurezza tal-prodotti (ħidma li tinsab għaddejja).
3.Konsum sostenibbli
It-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali u t-tranżizzjoni nadifa jibqgħu wħud mill-isfidi primarji li jiffaċċjaw il-konsumaturi u s-soċjetà kollha kemm hi. Il-konsumaturi qed isiru dejjem aktar interessati u konxji dwar l-impatti ambjentali u soċjali tad-deċiżjonijiet ta’ xiri tagħhom, u għalhekk huma xprunaturi tat-tkabbir sostenibbli, peress li d-domanda tagħhom għal prodotti responsabbli toħloq swieq ewlenin għal prodotti ekoloġiċi u soċjalment responsabbli. L-oġġetti u s-servizzi sostenibbli li jkunu disponibbli u affordabbli huma ta’ importanza ċentrali mhux biss għall-benesseri tal-konsumatur u għall-protezzjoni ambjentali, iżda wkoll għall-kompetittività fit-tul u s-sovranità strateġika tal-Ewropa, peress li jnaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet insostenibbli u jgħinu fil-ħolqien ta’ ktajjen ta’ valur reżiljenti. Li tagħżel li tixtri prodotti u servizzi sostenibbli mhux neċessarjament ifisser li tħallas aktar: l-għażliet sostenibbli jibqgħu jservu aktar fit-tul, jeħtieġu li jinbidlu inqas ta’ spiss, u jiswew inqas biex jitħaddmu. Il-biċċa l-kbira tal-konsumaturi Ewropej huma lesti li jagħmlu għażliet sostenibbli, iżda spiss jiffaċċjaw ostakli biex jagħmlu għażliet ġenwinament sostenibbli, bħall-prezz, l-għażla limitata, it-tikkettar mhux ċar u inaċċessibbli, u n-nuqqas ta’ fiduċja fl-asserzjonijiet ambjentali. Id-disponibbiltà mifruxa ta’ prodotti rħas u ta’ kwalità baxxa tħeġġeġ il-konsum eċċessiv f’setturi bħall-moda veloċi u l-elettronika, u b’hekk iddgħajjef is-sostenibbiltà u tnaqqas il-kompetittività u l-bażi industrijali tal-Ewropa. Iż-żieda fix-xiri online tixpruna rati ogħla ta’ ritorni, emissjonijiet tat-trasport u skart.
Biex il-prodotti sostenibbli jsiru n-norma,
ir-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli
l-ġdid għandu l-għan li jtejjeb id-durabbiltà, ir-riparabbiltà u li jnaqqas l-impatt ambjentali ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti, bħat-tessuti, l-għamara u l-apparat elettroniku. Pereżempju, se jintroduċi rekwiżiti fuq iż-żarmar tal-prodotti, fuq id-disponibbiltà tal-ispare parts u fuq l-aġġornamenti tas-software. Id-
Direttiva dwar regoli komuni li jippromwovu t-tiswija tal-oġġetti
(id-“dritt għat-tiswija”) il-ġdida tirrikjedi li l-manifatturi joffru servizzi ta’ tiswija għal prodotti b’rekwiżiti ta’ tiswija legalment obbligatorji, u tipprevedi l-ħolqien ta’ pjattaforma online Ewropea għat-tiswija. Id-
Direttiva dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika
tipprevedi avviż armonizzat dwar il-garanzija legali tal-konformità u tikketta armonizzata għall-garanzija kummerċjali tad-durabbiltà. Wara li dawn ġew adottati fl-2025, il-Kummissjoni se tiffoka fuq il-promozzjoni tal-użu u l-viżibbiltà korretti tagħhom fis-suq uniku kollu, filwaqt li tgħin lill-konsumaturi jifhmu aħjar id-drittijiet tagħhom u jagħmlu għażliet aktar infurmati u orjentati lejn id-durabbiltà. Il-Passaport Diġitali tal-Prodotti u t-tikkettar tas-sostenibbiltà se jikkomplementaw l-istandards u l-informazzjoni dwar il-prodotti. Il-Kummissjoni qed tippjana li ttejjeb it-tikketti tal-enerġija, u b’hekk tippermetti lill-konsumaturi jqabblu aħjar l-effiċjenza tat-teknoloġiji tat-tisħin u tat-tkessiħ.
Ġiet stabbilita wkoll leġiżlazzjoni ġdida biex tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur fl-asserzjonijiet ambjentali u fit-tikketti tas-sostenibbiltà. Id-Direttiva l-ġdida dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika tindirizza l-greenwashing u l-obsolexxenza bikrija. Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u man-negozji biex tiżgura li din tiġi implimentata b’mod effettiv. Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex tippromwovi s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi u l-adozzjoni mill-industrija tal-
Ekotikketta tal-UE
.
Barra minn hekk, il-proposta mistennija għal Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari se tgħin biex tinħoloq domanda tas-suq għall-materja prima sekondarja u biex tiżdied il-provvista ta’ materjali riċiklati ta’ kwalità għolja. Biex tikkomplementa dan il-qafas leġiżlattiv, il-Kummissjoni se taħdem mal-partijiet ikkonċernati biex tippromwovi mudelli ta’ prodott bħala servizz u negozji ġodda ċirkolari innovattivi permezz ta’ linji gwida u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni. Filwaqt li tibni fuq l-istudju eżistenti tal-Kummissjoni skont ir-
Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti
, il-ħidma ulterjuri se tkopri: (i) l-ostakli soċjali u tal-imġiba għall-fiduċja tal-konsumatur f’opzjonijiet ċirkolari; u (ii) l-isfidi ta’ sikurezza għall-prodotti użati, imsewwija, rinnovati u manifatturati mill-ġdid. Għalhekk, il-Wegħda ta’ Konsum Sostenibbli se titneħħa gradwalment, u b’hekk titwitta t-triq għal approċċ ġdid lejn l-interazzjoni man-negozji. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll l-espansjoni ta’ soluzzjonijiet sostenibbli bbażati fuq il-bijoloġija, fejn dawn jipprovdu prodotti u materjali durabbli u jsaħħu l-kompetittività u l-ktajjen tal-valur Ewropej.
L-iżgurar li l-prodotti jkunu sikuri u sostenibbli jirrikjedi wkoll azzjoni biex jitnaqqas l-esponiment tal-konsumatur għas-sustanzi kimiċi ta’ tħassib. Bħala parti mill-
Pjan ta’ Azzjoni għall-Industrija Ewropea tas-Sustanzi Kimiċi
, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-projbizzjoni tas-sustanzi perfluworoalkilati u polifluworoalkilati (PFAS, perfluoroalkyl and polyfluoroalkyl substances) fl-użu mill-konsumatur bħall-kożmetiċi, il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, u l-ilbies għall-attivitajiet fil-beraħ. Barra minn hekk, skont ir-
Regolament Qafas dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ
il-ġdid, l-UE se telimina gradwalment is-sustanzi perikolużi bħall-PFAS fl-imballaġġ. Se tistabbilixxi wkoll regoli armonizzati għas-separazzjoni tal-iskart mill-imballaġġ mill-konsumaturi u għall-għoti ta’ informazzjoni permezz ta’ teknoloġiji diġitali.
Filwaqt li tibni fuq il-
Komunikazzjoni dwar sett komprensiv ta’ għodod għal kummerċ elettroniku sikur u sostenibbli
, il-Kummissjoni se tesplora l-ħtieġa għal Rakkomandazzjoni dwar il-karatteristiċi “ekoloġiċi mid-disinn” fil-kummerċ elettroniku biex tkompli tindirizza l-impatt ambjentali ta’ dan is-settur. Din tkopri aspetti bħad-disponibbiltà ta’ filtri tas-sostenibbiltà, għażliet ta’ konsenja aktar ekoloġiċi, u politiki sostenibbli ta’ ġestjoni tar-ritorni. Tista’ tinkludi wkoll karti ambjentali volontarji, li skonthom il-kumpaniji jimpenjaw ruħhom għal miri speċifiċi ta’ sostenibbiltà. Se jiġu mħeġġa l-iżvilupp u l-użu ta’ għodod diġitali privati biex jgħinu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet sostenibbli infurmati. Dawn jistgħu jinkludu ekotikketti interattivi li jispjegaw l-ambitu taċ-ċertifikazzjonijiet u t-tqabbil tal-karatteristiċi tas-sostenibbiltà tal-prodott, u jistgħu potenzjalment jiġu integrati fil-Passaport Diġitali tal-Prodott.
It-trasport huwa t-tielet l-akbar qasam ta’ nfiq għall-unitajiet domestiċi Ewropej. It-tranżizzjoni lejn modi ta’ mobbiltà sostenibbli, inklużi l-karozzi elettriċi, it-trasport pubbliku u r-roti, tista’ tiffranka lill-konsumaturi ammonti sinifikanti ta’ flus, u żżid l-ekwità soċjali filwaqt li tikkontribwixxi wkoll għall-għan tad-dekarbonizzazzjoni, b’mod konformi mar-
Rakkomandazzjoni dwar il-faqar tat-trasport
u mal-
pjan ta’ azzjoni awtomobilistiku
. Biex tagħmel din il-bidla affordabbli, il-Kummissjoni qed tippromwovi t-tranżizzjoni lejn vetturi b’emissjonijiet żero skont dan il-pjan ta’ azzjoni u r-rieżami ppjanat tad-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Karozzi. Dan huwa kkomplementat mill-ispinta għal karozzi elettriċi żgħar skont inizjattiva għal karozzi żgħar u affordabbli ġdida, li għandha tiġi żviluppata f’kooperazzjoni mal-industrija. Dawn l-azzjonijiet se jkunu kkomplementati mill-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom taħt il-Fond Soċjali għall-Klima. L-infiq relatat mal-enerġija għadu ferm ogħla mil-livelli ta’ qabel il-COVID, u dan huwa problematiku b’mod speċjali għal aktar minn 46 miljun Ewropew li huma foqra fl-enerġija. Il-Kummissjoni se tadotta Pakkett dwar l-Enerġija taċ-Ċittadini li se jkollu l-għan li jindirizza l-faqar enerġetiku, jissimplifika s-swieq tal-enerġija, u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini biex tiġi żgurata tranżizzjoni tal-enerġija ġusta, affordabbli u inklużiva għal kulħadd.
Il-kriżi tal-akkomodazzjoni hija kriżi soċjali u tal-kompetittività. Din taffettwa b’mod sproporzjonat liż-żgħażagħ u lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna, iżda qed taffettwa dejjem aktar lil dawk b’introjtu baxx sa medju u lill-familji tagħhom. Il-Kummissjoni se tippreżenta pjan Ewropew għal akkomodazzjoni affordabbli li jistabbilixxi viżjoni Ewropea biex l-akkomodazzjoni ssir aktar affordabbli u aktar sostenibbli. Il-
Bahaus Ewropea l-Ġdida
se jkollha rwol importanti fil-pjan. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll lill-Istati Membri biex iżidu l-investimenti tagħhom tal-politika ta’ koeżjoni għall-2021-2027 fil-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni tal-istokk tad-djar, biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-konsumaturi, iraħħsu l-kontijiet tal-enerġija, inaqqsu l-faqar enerġetiku u kostijiet oħrajn relatati mal-akkomodazzjoni bħall-ilma.
L-unitajiet domestiċi fl-UE jonfqu medja ta’ 13 % tal-introjtu tagħhom fuq l-ikel, bl-ifqar kwinta jonfqu sa 21 %, meta mqabbla ma’ 9 % biss għall-kwinta li huma l-aktar sinjuri. Il-Fond Soċjali Ewropew+ jappoġġa lill-Istati Membri biex jipprovdu assistenza lill-persuni l-aktar fil-bżonn. Il-Kummissjoni se twettaq ukoll studju dwar l-affordabbiltà tal-ikel fl-UE biex tifhem u tindirizza aħjar l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-UE, inkluż l-impatt tagħhom fuq ikel tajjeb għas-saħħa u nutrittiv.
Is-saħħa pubblika hija wkoll il-bażi tal-ħidma tal-Kummissjoni fuq it-tnaqqis tal-ħsara marbuta mal-użu tat-tabakk. Il-Kummissjoni bħalissa qed twettaq evalwazzjoni komprensiva tar-regoli dwar il-prodotti tat-tabakk u r-reklamar tat-tabakk.
Dawn il-miżuri tas-saħħa pubblika u tal-ekwità soċjali jimxu id f’id mal-isforzi usa’ tal-UE biex tibni sistemi tal-ikel sostenibbli, li jippermettu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet ta’ ikel sostenibbli, u biex tħeġġeġ l-użu responsabbli tal-ilma, kif rifless fil-
Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel
, il-
Patt Ewropew għall-Oċeani
u l-
istrateġija għar-reżiljenza tal-ilma
li ġew adottati reċentement.
Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart
riveduta stabbiliet miri għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel u introduċiet “responsabbiltà estiża tal-produtturi” għat-tessuti. L-organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi se jipprovdu informazzjoni dwar l-għażliet ta’ oġġetti użati, l-użu mill-ġdid u l-ġestjoni ta’ tmiem tal-ħajja tat-tessuti u taż-żraben, kif ukoll jorganizzaw programmi edukattivi, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, u attivitajiet ta’ involviment tal-komunità.
Azzjonijiet
·Jingħata appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika, ir-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli u d-Direttiva dwar regoli komuni li jippromwovu t-tiswija tal-oġġetti, permezz ta’:
·il-promozzjoni tal-avviż armonizzat dwar il-garanzija legali tal-konformità u tikketta armonizzata għall-garanzija kummerċjali tad-durabbiltà (Q3 2026); u
·t-tnedija ta’ pjattaforma online Ewropea għat-tiswija (sal-2028).
·Jingħata appoġġ lill-ekonomija ċirkolari, b’mod partikolari bl-iskambju ta’ prattiki tajbin mal-partijiet ikkonċernati biex jiġu promossi r-ritorni mill-konsumatur ta’ oġġetti li ma jibqgħux jintużaw, is-swieq tal-oġġetti użati, il-mudelli ta’ negozju tal-prodott bħala servizz u negozji ċirkolari innovattivi ġodda (2027).
·Tiġi esplorata l-ħtieġa ta’ Rakkomandazzjoni dwar it-trawwim ta’ karatteristiċi “ekoloġiċi mid-disinn” fil-kummerċ elettroniku u jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ għodod diġitali u l-użu tagħhom (2027).
4.Infurzar u rimedju effettivi
Il-qafas tal-UE għall-protezzjoni tal-konsumatur jista’ biss jirnexxi verament fil-protezzjoni tal-konsumaturi u fit-trawwim ta’ kompetizzjoni ġusta jekk ikun sostnut minn infurzar pubbliku u privat b’saħħtu, u minn mekkaniżmi effettivi ta’ rimedju għall-konsumaturi li d-drittijiet tagħhom ikunu nkisru. Filwaqt li l-kooperazzjoni transfruntiera tal-UE dwar l-infurzar pubbliku kisbet suċċessi sinifikanti f’dawn l-aħħar snin, il-mekkaniżmi ta’ infurzar jeħtieġ li jissaħħu aktar biex ikunu jistgħu jindirizzaw sfidi ġodda b’mod effiċjenti u effettiv. B’mod partikolari, ir-rati ta’ konformità għadhom baxxi immens fis-swieq diġitali, fejn l-isweeps qed isibu li, bħala medja, wieħed minn kull żewġ negozjanti qed jikser il-leġiżlazzjoni tal-konsumatur. Is-sitwazzjoni ġiet aggravata mit-tkabbir esponenzjali tal-kummerċ elettroniku, li wassal għaċ-ċirkolazzjoni dejjem akbar ta’ prodotti mhux sikuri, foloz jew li b’xi mod ieħor ma jkunux konformi u li joriġinaw l-aktar minn barra l-UE u li spiss jiġu kkummerċjalizzati bl-użu ta’ tekniki qarrieqa. Dan joħloq periklu għall-konsumaturi u jesponi lin-negozji Ewropej konformi għal kompetizzjoni inġusta minn negozjanti mhux konformi.
Biex twieġeb għal dawn l-isfidi, il-Kummissjoni ppreżentat sensiela ta’ azzjonijiet fil-Komunikazzjoni tagħha dwar sett ta’ għodod komprensiv tal-UE għal kummerċ elettroniku sikur u sostenibbli, inkluża riforma doganali; it-tisħiħ tal-infurzar tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE; u t-titjib tal-koordinazzjoni fost l-awtoritajiet rilevanti kollha. L-azzjonijiet previsti jinkludu wkoll l-appoġġ għal kampanji ta’ sensibilizzazzjoni għall-konsumaturi u l-bejjiegħa terzi, u l-issoktar tal-kooperazzjoni bilaterali kontinwa mal-pajjiżi ta’ provenjenza tal-oġġetti importati.
L-appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tal-konsumatur biex jieħdu azzjoni koordinata biex jinfurzaw il-liġi tal-konsumatur skont ir-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC, Consumer Protection Cooperation), inkluż biex jindirizzaw il-ksur fis-settur tal-kummerċ elettroniku, huwa prijorità importanti. Azzjoni koordinata min-Network CPC tat riżultati pożittivi, iżda n-nuqqasijiet fis-sistema attwali jfixklu infurzar aktar effettiv. Pereżempju, il-proċeduri twal, in-nuqqas ta’ riżorsi fil-livell nazzjonali, in-nuqqas ta’ miżuri ta’ deterrent aktar b’saħħithom, bħall-kapaċità li jiġu imposti multi, u d-diffikultajiet fl-indirizzar ta’ ksur imwettaq minn negozjanti bbażati barra l-UE, inaqqsu l-effiċjenza u l-effett ta’ deterrent tal-azzjonijiet tan-Network CPC. Biex issaħħaħ l-infurzar u tiżgura kundizzjonijiet ekwi għan-negozji li jipproteġu lin-negozjanti konformi u lill-konsumaturi minn atturi tas-suq li ma jirrispettawx ir-regoli, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tar-Regolament CPC. Fit-tħejjija tar-reviżjoni, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa għal setgħat ċentralizzati ta’ investigazzjoni u infurzar fil-livell tal-UE f’każijiet speċifiċi u kif tkompli ssaħħaħ il-koordinazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali.
Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni dwar il-kummerċ elettroniku, l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti l-ġdid huma essenzjali biex il-konsumaturi tal-UE jkunu protetti minn prodotti perikolużi u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għan-negozji. Il-Kummissjoni diġà tat bidu għall-mekkaniżmi l-ġodda ta’ sorveljanza tas-suq previsti mir-Regolament, bħal kontrolli simultanji fuq siti web (“sweeps”) biex jiġi identifikat ksur tad-dritt tal-UE, li jitwettqu mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza tas-suq u li huma kkoordinati mill-Kummissjoni. L-ewwel sweep dwar is-sikurezza tal-prodotti fil-livell tal-UE, li ffokat fuq il-prodotti għall-kura tat-tfal mibjugħa online, saret f’April u f’Mejju 2025. Filwaqt li tibni fuq din l-esperjenza, il-Kummissjoni se tkompli taħdem man-Network tas-Sikurezza tal-Konsumatur biex tiġbor ir-riżorsi, tiskambja l-informazzjoni u tipprijoritizza l-azzjonijiet ta’ sorveljanza biex timmira b’mod effettiv l-aktar prodotti dannużi. Se tfittex ukoll li tibni kapaċitajiet aktar b’saħħithom biex tappoġġa l-implimentazzjoni tar-regoli dwar is-sikurezza tal-prodotti permezz tal-finanzjament ta’ Attivitajiet Koordinati dwar is-Sikurezza tal-Prodotti (CASP, Coordinated Activities on the Safety of Products) u l-promozzjoni ta’ għodod li jgħinu lill-konsumaturi u lin-negozji fir-rapportar ta’ kwistjonijiet ta’ sikurezza tal-prodotti, aċċidenti u prodotti perikolużi. Dawn l-għodod jinkludu l-Gateway tas-Sikurezza tal-Konsumatur u s-Safety Business Gateway. Aġġornamenti regolari fil-Portal Safety Gate se jiżguraw li n-negozji u l-konsumaturi jkollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha dwar ir-regoli tas-sikurezza tal-prodotti. Il-Kummissjoni qed tipprovdi wkoll linji gwida speċifiċi għall-operaturi ekonomiċi dwar kif iwettqu l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti, b’enfasi partikolari fuq il-ħtiġijiet tal-operaturi li jikkwalifikaw bħala SMEs, inklużi l-mikrointrapriżi.
L-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti huma mistennija wkoll li joħolqu benefiċċji għan-negozji u għall-awtoritajiet nazzjonali. Ċertezza legali akbar u s-simplifikazzjoni fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tas-sikurezza ġenerali tal-prodotti se jnaqqsu l-kostijiet ta’ konformità għan-negozji. Reġim armonizzat ta’ sorveljanza tas-suq għall-prodotti kollha, li jsir aktar effiċjenti permezz tar-
Regolament dwar is-Sorveljanza tas-Suq
, jista’ joħloq ukoll sinerġiji għall-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq. Użu aħjar tal-għodod tal-IT u t-tisħiħ tal-interoperabbiltà tad-data kemm għar-rapportar kif ukoll għas-sorveljanza tas-suq se jnaqqsu l-piż fuq l-awtoritajiet u n-negozji u jippermettu lill-awtoritajiet tal-infurzar iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod aktar effettiv. Fl-2026, il-Kummissjoni se tivvaluta l-implimentazzjoni prattika tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti man-negozji biex tara kif japplikaw ir-Regolament u jekk hemmx bżonn li tgħinhom biex jikkonformaw faċilment.
Il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-infurzar minn oqsma differenti qed isiru aktar importanti peress li l-prattiki illegali mill-kumpaniji qed jaqgħu dejjem aktar fl-ambitu ta’ diversi liġijiet u sistemi ta’ infurzar tal-UE. Bħalissa, din il-kooperazzjoni tvarja minn ftehimiet bil-miktub sa task forces u proġetti konġunti oħra. Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-kooperazzjoni bejn il-korpi u n-networks tal-infurzar fil-livell tal-UE biex tiżgura l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza fost il-flussi differenti ta’ infurzar. Pereżempju, l-infurzar tal-liġi tal-konsumatur jikkomplementa l-applikazzjoni tar-regolamenti diġitali, kif muri mill-azzjonijiet koordinati tas-CPC fl-2024-2025 u l-investigazzjonijiet paralleli tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u tal-Att dwar is-Swieq Diġitali dwar il-prattiki ta’ pjattaformi online ewlenin.
It-teknoloġiji tad-data u dawk diġitali, inklużi l-għodod tal-IA, qed isiru wkoll dejjem aktar importanti fl-analiżi tal-konformità tan-negozju u fl-iżgurar ta’ infurzar effettiv. Dawn diġà jintużaw mill-awtoritajiet tal-infurzar għax-xiri bil-moħbi, għas-sorveljanza tas-sikurezza tal-prodotti fis-suq, għall-kxif ta’ frodi, għall-monitoraġġ tal-prezzijiet, u għall-kxif ta’ termini kuntrattwali inġusti u ta’ reċenzjonijiet foloz. Pereżempju, l-eLab tal-UE jappoġġa lin-Network CPC fl-investigazzjonijiet u l-isweeps regolari tas-siti web tiegħu, filwaqt li l-webcrawler tas-Sorveljanza elettronika jidentifika prodotti mhux sikuri li jkunu ġew innotifikati permezz tas-Safety Gate iżda li jkunu għadhom qed jinbiegħu jew li jerġgħu jitfaċċaw fi ħwienet online u swieq online. Qed jiġi żviluppat webcrawler simili, il-Passenger Rights AI Watch Tool, għall-korpi nazzjonali tal-infurzar biex jimmonitorjaw id-drittijiet tal-passiġġieri, u dan se jkun disponibbli fl-2026. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll biex ittejjeb l-interoperabbiltà tad-data eżistenti dwar il-prodotti għas-sorveljanza tas-suq u se tappoġġa lill-awtoritajiet tal-konsumaturi u tas-sorveljanza tas-suq fl-użu strateġiku tal-għodod tal-IA fil-ħidma ta’ infurzar tagħhom, inkluż billi tfittex sinerġiji bejn l-għodod żviluppati fil-livell nazzjonali u l-għodod żviluppati fil-livell tal-UE u billi tħarreġ lill-persunal tal-infurzar.
Madankollu, l-infurzar huwa biss wiċċ wieħed tal-munita. Jekk ir-regoli jridu jiġu rrispettati fil-prattika, il-konsumaturi jeħtiġilhom ikunu konxji tad-drittijiet tagħhom u n-negozji jridu jkunu konxji tal-obbligi tagħhom. Kampanji mmirati ta’ sensibilizzazzjoni u edukazzjoni; għodod bħaċ-
Ċentru għall-Edukazzjoni tal-Konsumatur
u l-
GreenComp
(il-qafas Ewropew ta’ kompetenza dwar is-sostenibbiltà); il-promozzjoni tal-konsum sostenibbli permezz tal-edukazzjoni skolastika; programmi ta’ taħriġ bħall-
Consumer Law Ready
; u inizjattivi ta’ kooperazzjoni volontarja, bħall-
Consumer Protection Pledge
, se jibqgħu komponent importanti għall-azzjoni ta’ infurzar. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tħeġġeġ lin-negozji biex jagħtu impenji minn jeddhom għall-eċċellenza u l-innovazzjoni għal livell għoli ta’ sikurezza tal-konsumatur, b’mod partikolari permezz tal-
Premju tal-UE għas-Sikurezza tal-Prodotti
biennali.
Anki b’għarfien aħjar u infurzar aktar b’saħħtu, inevitabbilment jinqala’ t-tilwim. Għalhekk se jkun hemm ukoll enfasi fuq l-iżgurar ta’ rimedju effettiv permezz tal-implimentazzjoni tad-
Direttiva dwar is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim
riveduta, id-
Direttiva dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi
u, għal dawk il-każijiet fejn l-individwi fil-fatt ikunu sofrew dannu minħabba prodott difettuż, id-
Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti
riveduta. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, lill-membri tal-ġudikatura u lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali, fil-ġestjoni effettiva tal-azzjonijiet rappreżentattivi skont id-Direttiva dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi. Dak l-appoġġ se jingħata, pereżempju, permezz ta’ għotjiet għal azzjoni ffinanzjati mill-UE, seminars u ċ-Ċentru ta’ Għarfien interattiv fuq il-pjattaforma
EC-REACT
. Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib ukoll l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi li jirregolaw il-finanzjament minn partijiet terzi. Kif tirrikjedi d-Direttiva, il-Kummissjoni se tivvaluta, sa mhux aktar tard mill-2028, jekk hemmx bżonn ta’ Ombudsman tal-UE għal azzjonijiet rappreżentattivi transfruntieri. Dan se jkun segwit mill-evalwazzjoni formali tal-funzjonament tad-Direttiva.
Meta l-konsumaturi jiltaqgħu ma’ problemi fit-tranżazzjonijiet transfruntieri, dawn jistgħu jirrikorru wkoll għan-network taċ- Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (
ECC-Net
) għal pariri legali u appoġġ bla ħlas. Il-Kummissjoni se tkompli tagħti l-appoġġ qawwi tagħha lill-ECC-Net biex tgħin liċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi jkomplu jikkonsolidaw il-kapaċità tagħhom li jagħtu pariri u jassistu lill-konsumaturi.
Dawn il-miżuri se jiġu kkomplementati b’azzjoni fil-livell internazzjonali. Fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali l-ġodda kollha, l-UE se tkompli tara li tiżgura dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-kooperazzjoni fis-sorveljanza tas-suq, kif ukoll impenji li jsaħħu l-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ diġitali, inkluża protezzjoni effettiva għall-konsumaturi li jipparteċipaw fil-kummerċ elettroniku. Ladarba jiġi integrat fil-qafas legali tad-WTO, il-Ftehim tad-WTO dwar il-Kummerċ Elettroniku plurilaterali se jkun l-ewwel ftehim kummerċjali li jinkludi tali impenji fuq skala globali.
L-UE se tkompli tikkoopera u tiskambja b’mod regolari d-data ma’ pajjiżi mhux tal-UE, bħaċ-Ċina, permezz tas-Safety Gate. F’konformità mal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit, se taħdem ukoll mar-Renju Unit biex tistabbilixxi arranġament regolari għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar prodotti mhux tal-ikel perikolużi bejn is-Safety Gate u l-Bażi tad-Data ekwivalenti tar-Renju Unit dwar is-Sikurezza tal-Prodotti. Barra minn hekk, l-UE se tkompli tappoġġa attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ għall-manifatturi mhux tal-UE u għal atturi oħra fil-katina tal-provvista, biex tgħinhom jifhmu r-regoli tas-suq uniku dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u s-sikurezza tal-prodotti. Pereżempju, proġett tal-UE se jikkontribwixxi għall-appoġġ tal-politiki dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u s-sikurezza tal-prodotti fis-Suq Komuni għal-Lvant u n-Nofsinhar tal-Afrika (COMESA, Common Market for Eastern and Southern Africa). Fil-livell multilaterali, wara l-adozzjoni tal-Prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Sikurezza tal-Prodotti għall-Konsumatur, il-Kummissjoni Ewropea se tappoġġa l-implimentazzjoni tagħhom billi tassisti lill-UNCTAD fit-tfassil ta’ linji gwida u ta’ manwal dwar is-sikurezza tal-prodotti għall-konsumatur u permezz ta’ proġetti ta’ bini tal-kapaċitajiet iffinanzjati mill-UE, bħall-programm dwar il-Kompetizzjoni u s-Sikurezza tal-Prodotti għall-Konsumatur fl-Afrika Sub-Saħarjana.
Azzjonijiet
·Tiġi proposta reviżjoni tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (proposta leġiżlattiva – Q4 2026).
·Jingħata appoġġ għal azzjonijiet u attivitajiet ta’ infurzar koordinati tan-Network CPC biex jiġu indirizzati każijiet mifruxa ta’ ksur tal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur (ħidma li tinsab għaddejja).
·Tittieħed azzjoni effettiva biex tiżdied il-konformità tal-prodotti billi jiġu sfruttati s-sinerġiji mal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet doganali u tas-sorveljanza tas-suq tal-UE u dawk nazzjonali u potenzjalment tiġi stabbilita Awtorità tal-UE għas-Sorveljanza tas-Suq (ħidma li tinsab għaddejja).
·Jiġu aġġornati r-regoli dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti, bħala parti mill-Att Ewropew dwar il-Prodotti, biex tkompli titjieb l-effiċjenza tal-infurzar tas-sikurezza tal-prodotti fl-UE (proposta leġiżlattiva - Q3 2026), speċjalment fir-rigward tal-importazzjonijiet minn pajjiżi mhux tal-UE, inkluż permezz tal-kummerċ elettroniku.
·Tissaħħaħ l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi billi jkompli jingħata appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, lill-membri tal-ġudikatura u lill-awtoritajiet nazzjonali (ħidma li tinsab għaddejja).
·Jiġi mmassimizzat l-użu tal-IA fl-attivitajiet ta’ infurzar u ta’ sorveljanza tas-suq, pereżempju fl-investigazzjonijiet diġitali tal-eLab u s-sett ta’ għodod diġitali għas-sorveljanza tas-sikurezza tal-prodotti fis-suq (sal-2027).
·Jingħata appoġġ għall-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ għal manifatturi ta’ pajjiżi mhux tal-UE u għal atturi oħra fil-katina tal-provvista (ħidma li tinsab għaddejja).
5.Governanza u kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati
Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Aġenda u tiġi indirizzata kwalunkwe kwistjoni emerġenti, il-qafas ta’ governanza tagħha jrid ikun inklużiv, trasparenti u dinamiku.
Il-Kummissjoni se tara li jkollha diskussjonijiet regolari mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill, mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u mal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda, li se tkun irregolata permezz tal-pjattaformi eżistenti għall-interazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Dawn il-pjattaformi jlaqqgħu flimkien uffiċjali ta’ livell għoli mill-Istati Membri (in-Network tal-Politika tal-Konsumatur); awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur (in-Network CPC); awtoritajiet kompetenti għas-sikurezza tal-prodotti (in-Network tas-Sikurezza tal-Konsumatur); organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, b’mod partikolari l-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC, European Consumer Organisation), u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, rappreżentanti tan-negozji, u akkademiċi (il-Grupp Konsultattiv dwar il-Politika tal-Konsumatur).
Is-Summit tal-Konsumatur annwali se jibqa’ l-mument fejn jiġu diskussi x-xejriet attwali u l-kwistjonijiet emerġenti mal-aktar varjetà wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati minn madwar l-UE u lil hinn minnha. Dan se jservi wkoll biex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tal-Aġenda, inkluż il-pjan ta’ azzjoni għall-konsumaturi fis-suq uniku. Barra minn hekk, biex isir rieżami tal-progress u tingħata gwida politika ġenerali dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda u l-iżviluppi rilevanti tal-politika tal-konsumatur, il-Kummissarju tal-UE responsabbli mill-pjanijiet għall-protezzjoni tal-konsumatur qed jippjana li jlaqqa’ fuq bażi regolari Forum Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur, possibbilment flimkien mas-Summit tal-Konsumatur.
Minbarra l-qafas istituzzjonali, il-governanza attiva tirrikjedi wkoll li jingħataw widen il-konsumaturi kollha, inklużi l-konsumaturi minn gruppi vulnerabbli. Il-Kummissjoni hija impenjata li tappoġġa moviment qawwi tal-konsumaturi, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali, anke finanzjarjament. Pereżempju, il-Kummissjoni se tiffinanzja segwitu għall-programm ta’ taħriġ Consumer PRO biex tagħti aktar setgħa lill-professjonisti fil-qasam tal-konsumatur biex joffru pariri mfassla apposta lill-konsumaturi. Kif huwa spjegat fil-qosor fl-
istrateġija tal-UE għas-soċjetà ċivili
, il-Kummissjoni se tipproponi miżuri biex tkompli żżid l-involviment u l-parteċipazzjoni effettiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-gruppi tal-konsumaturi, fil-proċessi tat-tfassil tal-politika pubblika, kif ukoll biex issaħħaħ il-protezzjoni u l-appoġġ tagħhom. Se twettaq ukoll sensibilizzazzjoni mmirata biex tinvolvi lill-konsumaturi żgħażagħ fit-tiswir tal-politika tal-konsumatur billi torganizza Djalogu ta’ Politika maż-Żgħażagħ dwar il-politika tal-konsumatur.
Il-Kummissjoni se torganizza wkoll skambji regolari mal-partijiet ikkonċernati tan-negozju dwar kwistjonijiet ta’ tnaqqis tal-piż u ta’ simplifikazzjoni fil-qasam tal-politika tal-konsumatur, inklużi djalogi ta’ implimentazzjoni mal-Kummissarju responsabbli għall-protezzjoni tal-konsumatur. L-għan se jkun li jiġi żgurat li jsiru diskussjonijiet fil-fond dwar l-isfidi li jiffaċċjaw in-negozji u l-miżuri li jistgħu jittieħdu, kif ukoll li jiġi mmonitorjat il-progress tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni għas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet. F’Lulju 2025 sar l-ewwel djalogu ta’ implimentazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-ambjent diġitali.
Id-data u l-istatistika dwar il-konsumatur, bħat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur, li ssir kull sentejn, iservu bħala sorsi ewlenin ta’ evidenza għal tfassil infurmat tal-politika. Dawn huma siewja wkoll għall-valutazzjoni tal-impatt tal-politiki Ewropej u dawk nazzjonali u għall-valutazzjoni tal-progress miksub. Il-Kummissjoni se tara li tespandi l-bażi tal-evidenza u tippromwovi użu aħjar tad-data u r-riċerka.
Azzjonijiet
·Jitlaqqa’ Forum Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur fuq bażi regolari.
·Jiġi organizzat Djalogu ta’ Politika maż-Żgħażagħ dwar il-politika tal-konsumatur (2026).
·Isiru djalogi ta’ implimentazzjoni dwar ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (2026) u r-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti (2027).
6.Konklużjoni
L-Unjoni Ewropea tipprovdi fost l-ogħla livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur fid-dinja. Dan il-qafas robust huwa essenzjali għall-funzjonament effettiv tas-suq uniku u jsaħħaħ il-kompetittività tan-negozji tal-UE. Billi tipprovdi drittijiet u salvagwardji legali komprensivi, il-politika tal-konsumatur tal-UE tittrasforma l-inizjattivi tal-UE f’benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini kollha u tista’ taġixxi bħala pilastru tal-istabbiltà fi żminijiet inċerti.
L-Aġenda tal-Konsumatur 2030 tibni fuq din il-bażi soda u tressaq sett ta’ azzjonijiet konkreti biex tkompli ssaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur u tindirizza kwistjonijiet attwali u emerġenti. Dawn l-azzjonijiet se jikkontribwixxu biex jinħolqu l-fiduċja, is-salvagwardji u ċ-ċertezza legali li kemm il-konsumaturi kif ukoll in-negozji jeħtieġu biex irawmu l-kompetizzjoni, l-innovazzjoni, l-investiment u t-tkabbir sostenibbli fl-UE.
Il-Kummissjoni se tivvaluta l-progress fl-implimentazzjoni tal-Aġenda fuq bażi regolari u se timmonitorja l-impatt tal-azzjonijiet meħuda, b’mod partikolari permezz tal-Istħarriġ dwar il-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur. Il-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa li tiddiskuti l-approċċ strateġiku, il-prijoritajiet u l-azzjonijiet deskritti f’din l-Aġenda mal-istituzzjonijiet rilevanti kollha u mal-partijiet interessati fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE, u li jaħdmu flimkien biex iżidu l-protezzjoni tal-konsumatur fis-snin li ġejjin.