IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.12.2025
COM(2025) 799 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar l-irtirar tal-
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/522, (UE) 2021/1057, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/1139, (UE) 2021/1229, u (UE) Nru 2021/1755 fir-rigward tal-bidliet fl-ammonti ta’ fondi għal ċerti programmi u fondi
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Il-Kummissjoni b’dan tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni li qed tirtira l-proposta tagħha tat-8 ta’ Marzu 2024, intitolata:
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/522, (UE) 2021/1057, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/1139, (UE) 2021/1229, u (UE) Nru 2021/1755 fir-rigward tal-bidliet fl-ammonti ta’ fondi għal ċerti programmi u fondi.
COM(2024) 100 final, (2024/0060 COD)
Din il-proposta ġiet inkluża fl-Anness IV (Irtirar) tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2025 (COM(2025) 45 final), fejn il-Kummissjoni indikat l-intenzjoni tagħha li tirtira l-proposta għar-raġuni li l-ebda ftehim ma kien prevedibbli li seta’ jintlaħaq bejn il-koleġiżlaturi.
Il-koleġiżlaturi ma laħqux ftehim dwar il-pakkett omnibus minħabba l-interpretazzjoni diverġenti tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28). Minħabba f’hekk, il-proposta għadha formalment pendenti, għalkemm ma għadhiex politikament vijabbli.
Il-proposta Omnibus oriġinali kienet tinkludi wkoll emenda relatata mar-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (Brexit Adjustment Reserve, BAR), li kellha l-ħsib li tintroduċi l-bażi legali għar-ridistribuzzjoni tal-ammonti pendenti tal-BAR fost l-Istati Membri. L-emenda relatata mal-BAR ma tqisitx problematika fiha nfisha mill-perspettiva tal-Ftehim Interistituzzjonali. Peress li l-Omnibus ma avvanzax u issa qed jiġi rtirat, l-emenda tal-BAR li tinsab fih ma għadhiex tista’ tiġi adottata permezz ta’ dak il-pakkett.
Għalhekk, b’mod parallel, il-Kummissjoni ippreżentat emenda mmirata ġdida għar-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li tipprovdi l-bażi legali għar-ridistribuzzjoni. Il-kontenut tal-emenda huwa sostanzjalment identiku għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit inklużi fil-proposta Omnibus. Id-differenzi huma limitati għall-istruttura, it-tikkettar u n-numerazzjoni, il-premessi, u memorandum ta’ spjegazzjoni rivedut. Għaldaqstant, il-proposta l-ġdida għal emenda tissostitwixxi u tieħu post il-proposta preċedenti.
Għalhekk, sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza legali u l-koerenza tal-qafas leġiżlattiv, il-Kummissjoni qiegħda tipproċedi bl-irtirar formali tal-proposta.