Brussell, 11.11.2025

COM(2025) 795 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Ir-Rapport Ewropew Annwali dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni
(2025)


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Ir-Rapport Ewropew Annwali dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni
(2025)

I.Introduzzjoni

Ir-Rapport Ewropew Annwali dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni (ir-Rapport) huwa riżultat tanġibbli ewlieni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (il-Patt) li jipprovdi stampa tas-sitwazzjoni strateġika f’dan il-qasam. Dan janalizza s-sitwazzjoni tal-ażil, tal-migrazzjoni u tal-akkoljenza fl-Unjoni u fl-Istati Membri matul il-perjodu ta’ 12-il xahar preċedenti u jistabbilixxi projezzjoni tax-xejriet migratorji għas-sena li ġejja 1 .

Il-Patt jirrappreżenta objettiv intermedju ewlieni fl-iżvilupp ta’ approċċ komprensiv għall-migrazzjoni, l-ażil, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-integrazzjoni. Huwa mfassal għall-ġestjoni tal-migrazzjoni fit-tul, u jipprovdi lill-Istati Membri l-flessibbiltà li jindirizzaw b’mod effettiv u ġust l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw. Is-saħħa tal-Patt tinsab fil-bilanċ bejn il-prinċipji tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà fost l-Istati Membri. Għal dan il-għan, ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni 2 , wieħed mill-atti leġiżlattivi li jiffurmaw il-Patt, jintroduċi mekkaniżmu ta’ solidarjetà obbligatorju, flessibbli u bbażat fuq il-ħtiġijiet. Il-funzjonament ta’ dan il-mekkaniżmu huwa infurmat mill-valutazzjoni tas-sitwazzjoni tal-ażil u l-migrazzjoni fl-Unjoni ppreżentata fir-Rapport, li jifforma parti miċ-ċiklu annwali tal-ġestjoni tal-migrazzjoni (iċ-Ċiklu).

Il-Kummissjoni nediet l-ewwel Ċiklu bl-adozzjoni ta’ dan ir-Rapport, li jinkludi wkoll aġġornament tal-progress li sar u l-isfidi fl-implimentazzjoni tal-Patt 3 . L-istampa tas-sitwazzjoni prevista minn dan ir-Rapport għandha tintuża wkoll mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 4 (id-Deċiżjoni) li tiddetermina liema Stati Membri jinsabu taħt pressjoni migratorja, huma f’riskju ta’ pressjoni migratorja jew qed jiffaċċjaw sitwazzjoni migratorja sinifikanti, f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1351.

Ir-Rapport u d-Deċiżjoni huma akkumpanjati minn proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi r-Riżerva Annwali ta’ Solidarjetà 5 biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-solidarjetà tal-Istati Membri taħt pressjoni fis-sena li ġejja. B’mod parallel, qed tkompli l-ħidma fuq l-implimentazzjoni tal-komponenti kollha tal-Patt, biex tiġi pprovduta sistema Ewropea effettiva ta’ solidarjetà u responsabbiltà għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni b’mod ġust, sod u effettiv.

II.Twettiq tal-Patt: bilanċ bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà

L-Istati Membri qed jagħmlu progress fil-preparamenti għall-implimentazzjoni tar-riformi tal-Patt u biex jissodisfaw l-obbligi l-ġodda dwar is-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà.

Fil-qasam ta’ responsabbiltà, in-novitajiet ewlenin tal-Patt huma ċċentrati fuq il-ħolqien ta’ proċeduri aktar effiċjenti, sodi u ġusti li se jwasslu għal sistemi tal-ażil u l-migrazzjoni aktar simplifikati u effettivi, b’piżijiet amministrattivi aktar baxxi fuq l-Istati Membri, ipproċessar aktar malajr, appoġġ adegwat ipprovdut lill-migranti u deċiżjonijiet ta’ kwalità għolja dwar il-każijiet tagħhom. B’mod partikolari, l-iskrinjar il-ġdid 6 fil-fruntieri esterni tal-Unjoni se jippermetti li jiġu identifikati u vvalutati malajr in-nazzjonali kollha ta’ pajjiżi terzi li jidħlu illegalment fl-Unjoni. Bħala parti mill-proċeduri obbligatorji fuq il-fruntiera tal-ażil u ta’ ritorn 7 , l-applikazzjonijiet minn nazzjonali ta’ pajjiżi bi probabbiltà baxxa li jingħataw protezzjoni internazzjonali se jiġu ttrattati b’mod aċċellerat, direttament fil-fruntieri esterni tal-Unjoni. Ir-regoli l-ġodda dwar ir-responsabbiltà 8 se jippermettu proċedura aktar rapida u effiċjenti biex jiġu stabbiliti l-Istati Membri responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali. Il-bażi tad-data tal-Eurodac imġedda 9 u r-regoli l-ġodda dwar l-akkoljenza 10 se jkollhom impatt pożittiv fuq il-ġestjoni u l-limitazzjoni tal-movimenti mhux awtorizzati.

F’dak ir-rigward, l-Istati Membri tal-ewwel wasla ta’ migranti irregolari fl-Unjoni se jkollhom iwettqu diversi kompiti ġodda, b’mod partikolari fid-dawl tan-natura tal-flussi migratorji li jaslu fil-fruntieri esterni tal-Unjoni. B’mod partikolari, se jkollhom jinvestu sforzi sinifikanti biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom fl-iskrinjar u fir-reġistrazzjoni tal-wasliet irregolari kollha, jistabbilixxu “kapaċità adegwata” għall-proċedura obbligatorja fuq il-fruntiera, kif ukoll jivvalutaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

Sabiex jiġu appoġġati b’mod partikolari dawn l-Istati Membri, ġie stabbilit mekkaniżmu ta’ solidarjetà permanenti bir-Regolament (UE) 2024/1351. Dan jibbilanċja l-isfidi u r-responsabbiltajiet mogħtija lil diversi Stati Membri. Biex toperazzjonalizza l-mekkaniżmu, f’konformità mal-istess Regolament, kull sena l-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni migratorja ġenerali fl-Unjoni biex tiddetermina jekk hemmx Stati Membri taħt pressjoni migratorja, f’riskju ta’ pressjoni migratorja, jew li qed jiffaċċjaw sitwazzjoni migratorja sinifikanti. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni żviluppat metodoloġija, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, biex tivvaluta jekk hemmx Stati Membri li qed jiffaċċjaw obbligi sproporzjonati, filwaqt li tqis is-sitwazzjoni ġenerali fl-Unjoni. Hija tibbaża fuq data u informazzjoni ta’ kwalità għolja disponibbli, filwaqt li tiżgura li r-riżultati jkunu ġusti, oġġettivi u konsistenti mar-rekwiżiti legali. Il-metodoloġija hija deskritta fid-dettall f’Dokument ta’ Ħidma dedikat tal-Persunal tal-Kummissjoni 11 .

Wara li identifikat l-Istati Membri taħt pressjoni migratorja, u filwaqt li tqis is-sejbiet tar-Rapport, inkluża l-projezzjoni tiegħu għas-sena li jmiss, il-Kummissjoni tipproponi wkoll il-livell ta’ kontribuzzjonijiet ta’ solidarjetà li għandhom jiġu pprovduti lill-Istati Membri taħt pressjoni migratorja. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-kontribuzzjonijiet ta’ solidarjetà f’diversi forom:

·Rilokazzjoni, li tikkonsisti mit-trasferiment ta’ applikanti minn Stati Membri taħt pressjoni migratorja lejn Stati Membri kontribwenti oħra. L-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll kumpensi tar-responsabbiltà, forma ta’ solidarjetà li fiha l-Istati Membri li huma affettwati minn movimenti mhux awtorizzati jistgħu joffru, jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, li jieħdu r-responsabbiltà għall-applikanti li diġà jkunu preżenti fit-territorju tagħhom mill-Istati Membri taħt pressjoni migratorja.

·Kontribuzzjonijiet finanzjarji li jikkonsistu minn trasferimenti ta’ ammonti mill-Istati Membri kontribwenti għall-baġit tal-Unjoni, immirati lejn azzjonijiet li jappoġġaw lill-Istati Membri benefiċjarji, pereżempju, fil-ġestjoni tas-sistemi tal-migrazzjoni, tal-ażil u tal-akkoljenza tagħhom, fil-ġestjoni tal-fruntieri, jew biex jiffinanzjaw, fir-rigward tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF, Asylum, Migration and Integration Fund) u taħt ċerti kundizzjonijiet, proġetti u azzjonijiet fid-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni, inkluż biex jitnaqqsu l-wasliet irregolari u jiżdiedu r-ritorni.

·Miżuri alternattivi ta’ solidarjetà, li jistgħu jinkludu, pereżempju, assistenza materjali jew teknika in natura, inkluż għall-ġestjoni tal-fruntieri.

Il-miżuri ta’ solidarjetà se jiġu identifikati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li għandha tiġi adottata skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2024/1351 li jistabbilixxi r-Riżerva Annwali ta’ Solidarjetà (ir-Riżerva ta’ Solidarjetà), abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1351. Skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2024/1351, l-Istati Membri jridu jaqblu dwar id-daqs tar-Riżerva ta’ Solidarjetà għas-sena li jmiss u dwar kif se jikkontribwixxi kull Stat Membru, skont is-sehem ġust tiegħu, u f’konformità mal-eżerċizzju ta’ wegħdiet imwettaq fil-Forum ta’ Livell Għoli tal-UE dwar is-Solidarjetà. Fid-Deċiżjoni tiegħu, il-Kunsill għandu jkopri r-riżultat tal-eżerċizzju ta’ wegħdiet fir-rigward tal-ħtiġijiet identifikati mill-Istati Membri taħt pressjoni, inkluż fir-rigward tal-użu ta’ kumpensi tar-responsabbiltà.

L-Istati Membri kkunsidrati mill-Kummissjoni bħala li jinsabu taħt pressjoni migratorja mbagħad ikollhom aċċess għar-Riżerva ta’ Solidarjetà u ma jkunux obbligati jimplimentaw il-kontribuzzjonijiet ta’ solidarjetà mwiegħda, filwaqt li l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw sitwazzjoni migratorja sinifikanti jkunu jistgħu jirċievu, fuq talba tagħhom, tnaqqis sħiħ jew parzjali tal-kontribuzzjonijiet ta’ solidarjetà tagħhom mill-Kunsill. Fl-istess ħin, l-Istati Membri kontribwenti mhumiex meħtieġa jimplimentaw il-wegħdiet tagħhom lejn Stat Membru benefiċjarju, meta l-Kummissjoni tkun identifikat nuqqasijiet sistemiċi f’dak l-Istat Membru fir-rigward tar-regoli dwar ir-responsabbiltà skont ir-Regolament (UE) 2024/1351 li jistgħu jirriżultaw f’konsegwenzi negattivi serji għall-funzjonament tas-sistema.

Minbarra r-Riżerva ta’ Solidarjetà, il-Patt jistabbilixxi Sett ta’ Għodod Permanenti tal-UE b’Appoġġ għall-Migrazzjoni li jikkonsisti mill-għoti ta’ assistenza operazzjonali u teknika mill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni; l-appoġġ ipprovdut mill-fondi tal-Unjoni u permezz ta’ sorsi oħra ta’ finanzjament; id-derogi fl-acquis tal-Unjoni għal reazzjoni għal sfidi migratorji speċifiċi; l-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili; il-miżuri biex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet ta’ ritorn u riintegrazzjoni; azzjonijiet imsaħħa u l-attivitajiet transsettorjali fid-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni; il-kuntatt diplomatiku u politiku mtejjeb; l-istrateġiji ta’ komunikazzjoni koordinati; l-appoġġ għal politiki ta’ migrazzjoni effettivi u bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi terzi jew il-promozzjoni tal-migrazzjoni legali u l-mobbiltà ġestita tajjeb. Is-Sett ta’ Għodod tal-UE b’Appoġġ għall-Migrazzjoni huwa disponibbli għall-Istati Membri u jista’ jitfassal apposta skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

Dan huwa partikolarment importanti għall-Istati Membri f’riskju ta’ pressjoni migratorja, li se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn aċċess prijoritarju għal dan is-Sett ta’ Għodod ta’ Appoġġ. Il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ fil-forma ta’ finanzjament u se tikkoordina wkoll mal-Aġenziji l-prijoritizzazzjoni possibbli tal-għoti ta’ appoġġ operazzjonali.

Implimentazzjoni tal-Patt – is-sitwazzjoni attwali

Minn meta l-Patt daħal fis-seħħ f’Ġunju 2024, u wara l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni, l-Istati Membri, appoġġati mill-Kummissjoni u l-Aġenziji rilevanti tal-Unjoni, żiedu l-isforzi biex il-ftehim leġiżlattiv jinbidel f’realtà prattika u jiżguraw li s-sistemi nazzjonali tagħhom tal-ażil, tal-akkoljenza u tal-migrazzjoni jkunu lesti għall-applikazzjoni sħiħa tal-Patt sa Ġunju 2026. Fl-istess ħin, hemm ħtieġa ġenerali biex jitħaffef il-pass ta’ dawn ir-riformi.

Madwar l-Unjoni, kif ukoll fil-livell nazzjonali, wara l-fażi inizjali li wasslet għall-iżvilupp tal-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Implimentazzjoni u l-arranġamenti ta’ governanza rilevanti, il-fokus inbidel. Issa qiegħed fuq l-adattament leġiżlattiv, l-operazzjonalizzazzjoni prattika, u l-allokazzjoni tar-riżorsi għar-riformi.

Mill-aħħar rapport, ġew issodisfati objettivi intermedji importanti fil-livelli kollha. Dawn jinkludu l-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali u pjanijiet ta’ kontinġenza, adattamenti ta’ oqfsa legali nazzjonali, u l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1351 12 . L-għadd ta’ Stati Membri li jinsabu fit-triq it-tajba biex jilħqu l-għanijiet tagħhom ta’ kapaċità adegwata għall-proċedura l-ġdida fuq il-fruntiera żdied u beda l-ittestjar tal-Eurodac.

Fl-istess ħin, l-isfidi li fadal qed isiru aktar ċari. Dan huwa partikolarment il-każ rigward l-implimentazzjoni tal-Eurodac, l-istabbiliment tal-proċedura fuq il-fruntiera u l-ħtieġa li jiġu stabbiliti fil-ħin l-infrastruttura meħtieġa, il-ħtiġijiet tal-persunal u l-arranġamenti amministrattivi. Madwar l-Unjoni, l-arranġamenti ta’ skrinjar għandhom jiġu ffinalizzati dalwaqt u l-kapaċità ta’ akkoljenza għandha tiġi adattata għall-qafas il-ġdid, filwaqt li jiġu żgurati kapaċità suffiċjenti u standards adegwati. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għamlu dan, jeħtieġ li jiġu konklużi l-arranġamenti pendenti relatati mal-monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali u mal-konsulenza legali.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri kollha jridu jkomplu jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-programmar finanzjarju jkun allinjat b’mod effettiv mal-pjanijiet nazzjonali u li l-elementi ewlenin tal-qafas il-ġdid ikollhom biżżejjed riżorsi, irrispettivament jekk hux mill-fondi tal-Unjoni jew minn dawk nazzjonali.

Is-sitwazzjoni attwali dettaljata tal-implimentazzjoni tal-Patt tinstab fl-Anness.

III.Stampa tas-sitwazzjoni strateġika tal-qasam tal-ażil, tal-akkoljenza u tal-migrazzjoni

L-evidenza f’dan ir-Rapport tissostanzja d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tidentifika s-sitwazzjoni migratorja fl-Istati Membri u l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi r-Riżerva Annwali ta’ Solidarjetà meħtieġa biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni migratorja. Bħala tali, ir-Rapport jipprovdi stampa tas-sitwazzjoni komprensiva u strateġika li sservi wkoll bħala għodda ta’ twissija bikrija u ta’ sensibilizzazzjoni għall-Unjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil.

L-istampa tas-sitwazzjoni strateġika tikkonsisti minn: a) analiżi tal-iżviluppi ewlenin fil-qasam tal-ażil, tal-akkoljenza u tal-migrazzjoni fl-Unjoni u fl-Istati Membri kollha matul il-perjodu ta’ 12-il xahar bejn l-1 ta’ Lulju 2024 u t-30 ta’ Ġunju 2025; u b) projezzjoni għall-2026 u informazzjoni dwar il-livell ta’ preparatezza fl-Unjoni u fl-Istati Membri biex jirrispondu u jadattaw għax-xejriet antiċipati. Il-ħarsa ġenerali f’dan ir-Rapport tinkludi wkoll sejbiet mill-monitoraġġ imwettaq mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), u l-evalwazzjoni mwettqa f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/922 13 .

Huwa bbażat fuq data u informazzjoni kwantitattivi u kwalitattivi pprovduti mill-Istati Membri, mill-Aġenziji rilevanti tal-Unjoni 14 u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. L-analiżi u l-projezzjoni jibnu wkoll fuq ir-riżultati ta’ skambji regolari fin-Network tal-Blueprint tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni 15 .

L-istampa tas-sitwazzjoni strateġika hija inkluża f’dan ir-Rapport, u hija kkomplementata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li fih id-diżaggregazzjoni statistika li tappoġġa l-analiżi fir-Rapport, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jipprovdi informazzjoni dettaljata li tappoġġa l-analiżi 16 u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li fih id-dettalji tal-projezzjoni għall-2026 17 .

a.Analiżi tas-sitwazzjoni tal-ażil, tal-akkoljenza u tal-migrazzjoni bejn Lulju 2024 u Ġunju 2025

B’mod ġenerali, bejn Lulju 2024 u Ġunju 2025, is-sitwazzjoni migratorja fl-Unjoni kompliet titjieb meta mqabbla mas-snin preċedenti. Il-wasliet irregolari fl-UE, l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali u l-movimenti mhux awtorizzati naqsu 18 , xejra stabbli li diġà kienet ġiet osservata fl-2024. Dan huwa wkoll bis-saħħa tal-isforzi konġunti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri biex tiżdied il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu u jissaħħu l-fruntieri esterni tal-Unjoni.

Migrazzjoni irregolari fil-fruntieri esterni tal-Unjoni 19  

Il-qsim illegali tal-fruntiera (IBCs, illegal border crossings) 20 fil-fruntieri esterni tal-Unjoni naqas b’35 % meta mqabbel ma’ Lulju 2023-Ġunju 2024. Ġew osservati xejriet ta’ tnaqqis matul il-biċċa l-kbira tar-rotot migratorji, inkluż matul dawk li jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-IBCs lejn l-Unjoni.

Illustrazzjoni 1 – Qsim illegali tal-fruntiera skont ir-rotta migratorja 21

Sors: Elaborazzjoni tal-JRC dwar id-data tal-Frontex

Filwaqt li s-sitwazzjoni migratorja fil-Greċja baqgħet ġeneralment stabbli, il-pajjiż irreġistra l-ogħla numru ta’ IBCs relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni tiegħu 22 , kif ukoll il-maġġoranza tal-IBCs tul ir-rotta tal-Lvant tal-Mediterran (aktar minn 60 000 IBC), l-aktar mit-Turkija u mil-Libja, b’żieda notevoli fil-wasliet irreġistrati fi Kreta. F’Ċipru, l-IBCs naqsu b’mod sinifikanti – l-aktar minħabba li telqu inqas nies mis-Sirja u mil-Libanu – inkluż minħabba l-waqgħa tar-reġim ta’ Assad u ż-żieda fil-kuntatt mal-awtoritajiet Libaniżi. Madankollu, relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni tiegħu, Ċipru xorta kklassifika fit-tielet post fl-Unjoni f’termini ta’ wasliet irregolari – kważi 3 000 IBC. Fil-Bulgarija, l-IBCs naqsu kemm xejn, b’wasliet irregolari ġejjin mit-Turkija.

Fl-Italja u fi Spanja, l-IBCs naqsu meta mqabbla mal-perjodu bejn Lulju 2023 u Ġunju 2024, minkejja li n-numri baqgħu għoljin f’termini assoluti. It-tluq lejn l-Italja naqas, parzjalment minħabba kooperazzjoni aktar b’saħħitha mal-awtoritajiet tat-Tuneżija 23 u kontrolli aktar stretti fuq il-fruntieri fil-fruntiera Torka. It-tluq mil-Libja baqa’ għoli u kompla jiżdied billi n-network ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali sfruttaw l-instabbiltà li qed tikber fir-reġjun. L-IBCs lejn Spanja naqsu minħabba inqas wasliet tul ir-rotta tal-Atlantiku lejn il-Gżejjer Kanarji, wara kooperazzjoni bilaterali u tal-Unjoni msaħħa mal-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent, b’mod partikolari mal-Mauritania 24 u mas-Senegal. Is-sorveljanza msaħħa fuq il-fruntieri fil-Mauritania u fis-Senegal wasslet biex il-persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin ta’ persuni biddlu r-rotta tat-tluq biex tgħaddi mill-Guinea-Bissau, il-Guinea u l-Gambja. Tul ir-rotta tal-Punent tal-Mediterran, l-Alġerija kienet il-punt tat-tluq ewlieni – li jammonta għal 79 % tal-IBCs tul ir-rotta – u li rreġistra żieda fl-IBCs lejn il-Gżejjer Baleariċi. It-tluq mill-Marokk naqas b’mod sinifikanti b’riżultat ta’ kooperazzjoni bilaterali msaħħa ma’ Spanja u sorveljanza mtejba fuq il-fruntiera.

Tul il-Kanal, it-tluq minn Franza lejn ir-Renju Unit (IBCs mal-ħruġ) żdied bi 15 % meta mqabbel ma’ Lulju 2023-Ġunju 2024. Filwaqt li l-isforzi tal-ġestjoni tal-fruntieri fi Franza impedew 40 % minn aktar minn 72 000 IBC irreġistrati li ħarġu minn Franza lejn ir-Renju Unit, il-qsim b’suċċess (il-wasliet fir-Renju Unit) xorta żdied b’madwar 35 % meta mqabbel ma’ Lulju 2023-Ġunju 2024.

Fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, il-wasliet irregolari naqsu b’mod sinifikanti meta mqabbla ma’ Lulju 2023-Ġunju 2024. L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Balkani tal-Punent 25 ipprovdiet appoġġ politiku, finanzjarju u operazzjonali għall-ġestjoni tal-migrazzjoni fir-reġjun 26 . Il-kontrolli msaħħa tal-pulizija li fixklu l-attivitajiet ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin, filwaqt li naqqsu l-IBCs tul ir-rotta tal-Lvant tal-Mediterran, ikkontribwew ukoll biex jitnaqqas l-għadd ta’ wasliet irregolari. Il-kuritur permezz tal-Bożnija-Ħerzegovina-Kroazja baqa’ l-aktar wieħed użat, għalkemm b’inqas IBCs milli f’Lulju 2023-Ġunju 2024. Ġiet osservata żieda fl-attività migratorja tul dan il-kuritur mill-aħħar ta’ Ottubru 2023, wara li l-faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin irridirezzjonaw l-attivitajiet tagħhom lejn dik is-sezzjoni tal-fruntiera biex jevitaw żieda fl-operazzjonijiet tal-pulizija fis-Serbja. Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kroazja rreġistrat 76 % tal-wasliet fir-reġjun – aktar minn 12 000 IBC – u t-tieni l-ogħla numru ta’ IBCs fil-livell tal-Unjoni relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni.

Fil-fruntiera tal-Lvant tal-Unjoni, l-għadd ta’ IBCs baqa’ baxx u relattivament stabbli. Il-maġġoranza ta’ dawk l-IBCs kien jinvolvu nazzjonali tal-Ukrajna li qasmu irregolarment fir-Rumanija u talbu protezzjoni temporanja. L-azzjonijiet mir-Russja u mill-Belarussja għadhom jinfluwenzaw id-dinamika migratorja fil-fruntiera tal-Lvant, speċjalment fil-Polonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Finlandja u fl-Estonja. B’rispons għal tentattivi kontinwi sponsorjati mill-Istat biex il-migrazzjoni tintuża bħala arma, saħħew il-kontrolli fuq il-fruntieri, li naqqas in-numru ta’ IBCs mill-Belarussja (1 421 IBC, li minnhom 82 % kienu lejn il-Polonja). Ir-riskju tal-użu bħala arma tal-migrazzjoni jibqa’ sfida serja għall-migrazzjoni u għas-sigurtà, li jżid ma’ inċidenti vjolenti okkażjonali u ma’ tentattivi biex tinqasam il-fruntiera. Il-Polonja stabbiliet żona ta’ lqugħ tul il-fruntiera tagħha u temporanjament tillimita d-dritt ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali f’dik il-fruntiera, ħlief għall-gruppi vulnerabbli. Barra minn hekk, il-Latvja u l-Litwanja saħħew il-miżuri ta’ sorveljanza fil-fruntiera tagħhom mal-Belarussja. L-Estonja saħħet il-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntiera fil-fruntiera mar-Russja, filwaqt li l-Finlandja għalqet il-punti ta’ qsim tagħha mar-Russja minn Novembru 2023 bħala rispons għat-tentattivi tar-Russja li tuża bħala arma l-migrazzjoni. Minn dak iż-żmien, is-sitwazzjoni migratorja fil-fruntiera mar-Russja, inkluż mal-Estonja, baqgħet relattivament kalma.

Bejn Lulju 2024 u Ġunju 2025, aktar minn 110 000 persuna ġew miċħuda d-dħul fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, prinċipalment fil-fruntieri tal-art (55 %) u tal-ajru (41 %). Il-biċċa l-kbira tar-rifjuti ta’ dħul kienu minħabba dokumentazzjoni nieqsa jew invalida 27 . Il-Polonja, il-Kroazja, Franza u r-Rumanija rreġistraw l-ogħla numri f’termini assoluti, filwaqt li l-Kroazja, il-Latvja u l-Estonja ħarġu l-aktar rifjuti relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni tagħhom. Il-biċċa l-kbira tar-rifjuti ta’ dħul kienu jinvolvu Ukreni 28 , Albaniżi, Moldovani u Torok.

Kif ġie enfasizzat fir-rapport tal-2025 dwar l-Istat ta’ Schengen, huma meħtieġa sforzi sostnuti biex jissaħħu l-kwalità u r-reżiljenza tal-fruntieri esterni taż-żona Schengen, partikolarment fid-dawl tat-theddidiet għas-sigurtà li qed jiżdiedu 29 . Il-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tal-Frontex tal-2025 uriet riżultati inkoraġġanti 30 . Madankollu, il-valutazzjoni enfasizzat ukoll li l-kapaċitajiet għall-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-fruntieri jeħtieġ li jissaħħu ulterjorment f’xi Stati Membri, inkluż billi jiġu allokati riżorsi umani adegwati għat-twettiq tal-iskrinjar u tal-ġbir ta’ informazzjoni. Fl-istess ħin, l-iżgurar tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-fruntiera jibqa’ sfida komuni, speċjalment fil-kuntest tal-użu bħala arma tal-migrazzjoni.

Wasliet bil-baħar wara operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ 31  

L-għadd ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi żbarkati fl-Unjoni wara operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ (SAR, search and rescue) naqas b’36 % meta mqabbel ma’ Lulju 2023-Ġunju 2024. Mill-1 ta’ Lulju 2024 sat-30 ta’ Ġunju 2025, kważi 97 000 persuna ġew żbarkati fl-Unjoni wara operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ. L-Italja u Spanja flimkien raw aktar minn 80 % tal-persuni żbarkati fl-Unjoni.

Illustrazzjoni 2 – Persuni żbarkati f’avvenimenti ta’ tiftix u salvataġġ

Sors: Elaborazzjoni tal-JRC dwar id-data tal-Frontex

L-għoti ta’ assistenza lil kwalunkwe persuna li tinsab f’diffikultà fuq il-baħar huwa obbligu legali għall-Istati Membri, stabbilit fid-dritt internazzjonali kif ukoll fid-dritt tal-Unjoni 32 . It-tentattivi biex tintlaħaq l-Unjoni Ewropea fuq bastimenti mhux tajbin għat-tbaħħir komplew jikkawżaw it-telf ta’ ħajjiet tal-migranti fuq il-baħar, b’mill-inqas 3 000 persuna rrapportati mejta jew nieqsa fil-baħar matul il-perjodu ta’ rapportar. Ir-rotot tal-Mediterran Ċentrali u tal-Atlantiku baqgħu r-rotot tal-baħar lejn l-Unjoni bl-aktar imwiet 33 . Il-qsim tal-baħar f’dgħajjes żgħar minn Franza lejn ir-Renju Unit tul il-Kanal iffaċilitat min-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali kien sfida sinifikanti għall-awtoritajiet Franċiżi involuti f’operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ. In-network ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali organizzaw it-tluq simultanju f’dgħajjes iffullati b’mod eċċessiv biex l-awtoritajiet ma jkunux jistgħu jkampaw, u dan irriżulta biex madwar 7 000 persuna ġew żbarkati fi Franza wara operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ.

Protezzjoni internazzjonali u protezzjoni temporanja fl-Unjoni 34  

L-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni naqsu b’21 % meta mqabbla ma’ Lulju 2023-Ġunju 2024, għalkemm baqgħu globalment għoljin bi 871 000 applikazzjoni ppreżentata fl-Unjoni. It-tnaqqis kien prinċipalment xprunat minn inqas wasliet irregolari u t-tnaqqis qawwi fl-applikazzjonijiet minn nazzjonali Sirjani. L-Istati Membri ħarġu 271 000 deċiżjoni li jagħtu status ta’ protezzjoni internazzjonali 35 , tnaqqis ta’ 20 % meta mqabbel ma’ Lulju 2023-Ġunju 2024 36 . Relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni tagħhom, il-Greċja, l-Awstrija u Ċipru kienu l-Istati Membri ewlenin li taw protezzjoni internazzjonali. F’termini assoluti, il-Ġermanja, Franza u l-Greċja ħarġu l-aktar deċiżjonijiet pożittivi dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, filwaqt li Spanja kien il-pajjiż li l-aktar li ta status umanitarju, l-aktar lil Venezwelani u l-Kolombjani.

Illustrazzjoni 3Applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali skont l-Istati Membri f’valuri assoluti, u per capita u skont il-PDG 37

Sors: Elaborazzjoni tal-JRC dwar id-data tal-EUAA u d-data tal-Eurostat (PDG u popolazzjoni)

Il-Greċja u Ċipru rċevew l-ogħla għadd ta’ applikazzjonijiet fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tal-PDG u tal-popolazzjoni tagħhom. F’numri assoluti, il-Ġermanja rċeviet l-ogħla numru ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali – minkejja tnaqqis ta’ 40 % meta mqabbel ma’ Lulju 2023-Ġunju 2024 – segwita minn Franza, Spanja u l-Italja. Il-Venezwelani li jivvjaġġaw mingħajr viża fl-Unjoni ppreżentaw numru rekord ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, l-aktar fi Spanja. Kien hemm inqas nazzjonali Afgani li applikaw iżda dawn kienu t-tielet l-aktar nazzjonalità li applikat għall-ażil. L-applikazzjonijiet minn minorenni mhux akkumpanjati wkoll naqsu b’25 % u kienu jammontaw għal 3 % tat-total. Relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni, il-Greċja, il-Bulgarija u Ċipru rċevew il-biċċa l-kbira tal-applikazzjonijiet minn minorenni mhux akkumpanjati fil-livell tal-Unjoni, bil-minorenni Eġizzjani japplikaw f’numri dejjem akbar fil-Greċja. F’termini assoluti, dawn l-applikazzjonijiet ġew ippreżentati l-aktar fil-Ġermanja, fil-Greċja u fin-Netherlands, u prinċipalment minn nazzjonali Sirjani u Afgani.

Diversi Stati Membri ssospendew temporanjament l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet minn Sirjani wara l-waqgħa tar-reġim ta’ Assad, filwaqt li s-Sirjani xorta baqgħu l-akbar grupp li applika għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni, l-aktar fil-Ġermanja.

Illustrazzjoni 4 – Benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja fl-Istati Membri

 

Sors: Elaborazzjoni tal-JRC dwar id-data tal-Eurostat

Wara l-gwerra ta’ aggressjoni li għaddejja tar-Russja u l-eskalazzjoni tal-attakki kontra l-Ukrajna, 4,3 miljun persuna qed jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fl-Unjoni f’Ġunju 2025. Il-biċċa l-kbira tagħhom għadhom qed jiġu ospitati fil-Ġermanja u fil-Polonja – li jammontaw għal 51 % tal-benefiċjarji totali fl-Unjoni. Relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni, iċ-Ċekja ospitat l-ogħla numru ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja, segwita mill-Polonja, mis-Slovakkja u mill-Estonja. L-Ukreni komplew jaslu fl-Unjoni b’mod kostanti, b’xi wħud jivvjaġġaw temporanjament bejn l-Unjoni u pajjiżhom biex iżuru lill-familja jew għal xogħol staġjonali. Bejn Lulju 2024 u Ġunju 2025, aktar minn 681 000 reġistrazzjoni ta’ protezzjoni temporanja ġew irreġistrati fl-Unjoni. Relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni, iċ-Ċekja ħarġet bil-bosta l-aktar reġistrazzjonijiet ta’ protezzjoni temporanja, segwita mill-Polonja, mill-Estonja, mil-Litwanja, mill-Bulgarija, mil-Latvja, mis-Slovakkja u minn Ċipru. Bejn Lulju 2024 u Ġunju 2025, in-nazzjonali Ukreni li fittxew statusijiet ta’ protezzjoni aktar fit-tul applikaw għall-protezzjoni internazzjonali f’numri dejjem akbar fl-Unjoni, b’mod partikolari fi Franza u fil-Polonja.

L-Istati Membri jiffaċċjaw diversi sfidi biex jintegraw lill-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja u internazzjonali. Kif ġie identifikat fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2021-2027 dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni, għad fadal sfidi b’mod partikolari fl-oqsma tal-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol 38 . Il-migranti li jfittxu protezzjoni internazzjonali jew li jingħaqdu ma’ membri tal-familja għandhom it-tendenza li jkollhom rati ta’ impjieg aktar baxxi mill-migranti tax-xogħol. Barra minn hekk, l-istħarriġiet fit-tul juru li dawk li jfittxu l-ażil jiksbu eżiti tas-suq tax-xogħol komparabbli man-nazzjonali biss wara 10 snin ta’ residenza. Il-provvediment ta’ akkomodazzjoni adegwata wkoll jibqa’ ta’ sfida: ir-riċerka turi li fl-2023 aktar minn wieħed minn kull sitt migranti fl-Unjoni kienu qed jgħixu f’akkomodazzjoni b’affollament eċċessiv (+70 % meta mqabbla mal-popolazzjoni nattiva) 39 . Dawn il-fatturi għandhom impatt negattiv fuq il-eżiti tal-integrazzjoni, li jpoġġu pressjoni addizzjonali fuq is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u fuq il-funzjonament tas-sistema ta’ akkoljenza.

Aktar minn 75 % tal-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja huma nisa u tfal. L-akkomodazzjoni u l-appoġġ soċjali varjaw fost l-Istati Membri. Il-maġġoranza tal-Istati Membri bdew jinkoraġġixxu l-awtodipendenza u l-indipendenza ekonomika, u progressivament bdew jipprovdu appoġġ aktar limitat għall-akkomodazzjoni u għall-benefiċċji soċjali, filwaqt li investew f’miżuri ta’ integrazzjoni. Diversi miżuri meħuda mill-Istati Membri kkontribwew għal integrazzjoni aħjar fis-suq tax-xogħol, għalkemm l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol għan-nisa għadha aktar ikkumplikata minħabba ostakli speċifiċi 40 . It-tagħlim fl-iskola tat-tfal spostati mill-Ukrajna jvarja u r-rati tal-attendenza fl-iskejjel varjat, u għad hemm sfidi speċifiċi għat-tfal b’diżabilità.

Movimenti mhux awtorizzati fl-Unjoni 41

Diversi Stati Membri ffaċċjaw għadd kbir ta’ movimenti mhux awtorizzati ta’ migranti u applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni. Skont ir-Regolament (UE) 604/2013 (ir-“Regolament ta’ Dublin III”) 42 , applikant għall-protezzjoni internazzjonali ma jistax jagħżel l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tiegħu. Il-movimenti minn Stat Membru għal ieħor u n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tar-regoli dwar ir-responsabbiltà tar-Regolament (UE) 604/2013 ipoġġu pressjoni partikolari fuq is-sistemi tal-ażil, tal-migrazzjoni u tal-akkoljenza tal-pajjiżi ta’ destinazzjoni ewlenin.

Għalkemm ma hemm l-ebda data preċiża li tkopri l-movimenti mhux awtorizzati, l-indikaturi sostituti juru l-iskala u d-direzzjoni ta’ dawn il-movimenti fl-Unjoni 43 . Ir-Regolament Eurodac u l-bażi tad-data l-ġodda se jippermettu monitoraġġ aktar preċiż tal-movimenti mhux awtorizzati 44 . Għalissa, id-data disponibbli mill-Eurodac tissuġġerixxi li l-movimenti mhux awtorizzati fl-Unjoni naqsu b’madwar 25 % meta mqabbla ma’ Lulju 2023-Ġunju 2024 45 , l-aktar wara t-tnaqqis ġenerali tal-wasliet irregolari. Minkejja dan it-tnaqqis, il-movimenti mhux awtorizzati komplew joħolqu sfida għall-pajjiżi ta’ destinazzjoni ewlenin. Il-movimenti mhux awtorizzati tipikament seħħew minn pajjiżi tal-ewwel dħul fl-Unjoni lejn l-Istati Membri fil-Majjistral tal-Unjoni. F’termini assoluti, il-Greċja, il-Ġermanja, il-Kroazja, l-Italja u Franza kienu l-pajjiżi tat-tluq ewlenin, filwaqt li l-Ġermanja, Franza, il-Belġju, l-Italja u n-Netherlands kienu l-pajjiżi li rċevew l-aktar movimenti mhux awtorizzati. Ir-rotot ewlenin li rreġistraw l-aktar movimenti mhux awtorizzati kienu l-Greċja lejn il-Ġermanja, il-Kroazja lejn il-Ġermanja, l-Italja lejn il-Ġermanja u l-Italja lejn Franza.  

Illustrazzjoni 5 – Mappa tal-movimenti mhux awtorizzati abbażi ta’ hits tal-Eurodac (rotot b’> 6 000 hit) 46

Sors: Elaborazzjoni tal-JRC dwar id-data tal-eu-LISA

Meta kkomplementata bid-data miġbura għall-monitoraġġ tal-funzjonament tar-Regolament 604/2013 (“statistika ta’ Dublin”) 47 , is-Slovenja, il-Belġju, il-Lussemburgu, il-Ġermanja, il-Kroazja u l-Awstrija kienu l-pajjiżi l-aktar affettwati, relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni tagħhom. Għadd ta’ Stati Membri mhumiex qed joħorġu talbiet minħabba li dawn spiss ma jwasslux għal trasferiment fiżiku tal-persuna. Barra minn hekk, ir-rata ta’ implimentazzjoni tat-trasferimenti għadha baxxa ħafna fil-livell ta’ 19 % 48 . L-ostakli operazzjonali u tal-kapaċità li jiffaċċjaw l-Istati Membri li se jirċievu u dawk ta’ trasferiment ukoll baxxew ir-rata ta’ implimentazzjoni: in-nuqqas ta’ akkomodazzjoni suffiċjenti, kundizzjonijiet ħżiena ta’ akkoljenza materjali u opportunitajiet limitati ta’ integrazzjoni bikrija kellhom impatt fuq in-numru ta’ trasferimenti implimentati. Il-Ġermanja wettqet u rċeviet l-ogħla numru ta’ trasferimenti, segwita minn Franza u n-Netherlands. Il-Kroazja rċeviet bil-bosta l-ogħla numru ta’ trasferimenti minn Stati Membri oħra relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni tagħha. Il-Greċja u l-Italja rċevew għadd baxx ħafna ta’ trasferimenti meta mqabbla man-numru ta’ deċiżjonijiet pożittivi li taw għat-talbiet li rċevew minn Stati Membri oħra 49 .

Iż-żieda fl-għadd globali ta’ trasferimenti, it-tkomplija tat-trasferimenti lejn l-Istati Membri li mhumiex jaċċettaw it-trasferimenti, it-talbiet talba biex tittieħed responsabbiltà jew għat-teħid lura, u l-indirizzar tan-nuqqasijiet fis-sistema nazzjonali ta’ akkoljenza huma kruċjali biex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tas-sistema, jitnaqqsu l-inċentivi għall-movimenti mhux awtorizzati u jinżamm il-bilanċ bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà. Filwaqt li huwa mistenni li l-implimentazzjoni tat-trasferimenti għandha titjieb b’mod sinifikanti bid-dħul fis-seħħ tal-Patt, l-Istati Membri huma mistennija li jimplimentaw bis-sħiħ ir-regoli eżistenti mingħajr dewmien.

Akkoljenza 50  

Minkejja sforzi konsiderevoli biex jittejjeb il-ġbir tad-data dwar l-akkoljenza, l-istatistika mhijiex kompletament komparabbli u għadha mhijiex kompluta. Dan jirriżulta fi stampa frammentata u jipprevjeni valutazzjoni konklużiva tal-pressjoni fuq is-sistemi ta’ akkoljenza 51 . Għaddejja ħidma biex tittejjeb il-kwalità ta’ din id-data.

Abbażi tad-data disponibbli 52 , l-Istati Membri ospitaw madwar 1 394 000 persuna fis-sistemi nazzjonali ta’ akkoljenza tagħhom, l-aktar fil-Ġermanja, fl-Italja, fi Franza, fin-Netherlands u fl-Awstrija. Fir-rigward tal-PDG u tal-popolazzjoni tagħhom, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, l-Awstrija u l-Irlanda 53 kellhom l-aktar persuni ospitati fis-sistemi ta’ akkoljenza tagħhom. Il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja li jingħataw appoġġ għall-akkomodazzjoni barra minn din is-sistema ma jingħaddux fir-rapportar tal-Istati Membri. 

Barra minn hekk, l-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ akkoljenza tvarja madwar l-Unjoni: huma biss xi Stati Membri li jinkludu u li jiġbru data dwar persuni bi status legali differenti fis-sistema ta’ akkoljenza tagħhom, inklużi l-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja, l-applikanti miċħuda jew il-persuni li nħarġitilhom ordni ta’ ritorn. Fuq din il-bażi, il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja kienu jammontaw għal bejn il-50 % u s-70 % tal-popolazzjoni ospitata fis-sistemi nazzjonali ta’ akkoljenza tal-Awstrija, tal-Finlandja, tal-Litwanja, tas-Slovakkja u tal-Iżvezja, filwaqt li għadd kbir ta’ benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja ngħataw appoġġ għall-akkomodazzjoni barra minn din is-sistema, b’mod partikolari fiċ-Ċekja, fil-Polonja, fl-Ungerija, u fir-Rumanija.

Fl-aħħar ta’ Ġunju 2025, ir-rata ġenerali ta’ okkupanza fis-sistemi nazzjonali ta’ akkoljenza fl-Unjoni kienet ta’ 81 % 54 . L-iżgurar ta’ kapaċità suffiċjenti u ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza adegwati huwa element ewlieni ta’ sistema tal-ażil, tal-akkoljenza u tal-migrazzjoni mħejjija tajjeb u għall-funzjonament tajjeb tar-regoli tar-responsabbiltà skont ir-Regolament (UE) 604/2013. Diversi Stati Membri ffaċċjaw sfidi biex jiżguraw kapaċità suffiċjenti fis-sistemi nazzjonali ta’ akkoljenza tagħhom 55 , filwaqt li fl-istess ħin, xi Stati Membri, bil-ħsieb tal-għadd limitat ta’ applikanti, naqqsu l-kapaċità ta’ akkomodazzjoni tagħhom, inklużi l-Finlandja, id-Danimarka u l-Iżvezja.

Risistemazzjoni u ammissjoni umanitarja 56

Erbatax-il Stat Membru għamlu wegħdiet skont l-iskema ad hoc tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni u l-ammissjoni umanitarja għall-2024-2025. Kważi 12 000 persuna waslu fl-Unjoni permezz ta’ dawn il-perkorsi matul il-perjodu ta’ rapportar. Aktar minn nofs il-benefiċjarji ġew risistematizzati fil-Ġermanja u fi Franza, filwaqt li l-Finlandja u l-Iżvezja rrisistemaw l-aktar benefiċjarji relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni tagħhom. Is-sitwazzjoni volatili fil-Lvant Nofsani, b’mod partikolari fil-Libanu u fis-Sirja, kellha impatt fuq il-programmi ta’ risistemazzjoni u ammissjoni umanitarja: l-għadd ta’ persuni ammessi naqas fl-Istati Membri kollha li rrapportaw ħlief fin-Netherlands u fl-Iżvezja. Is-Sirja kienet bil-bosta l-pajjiż ewlieni ta’ oriġini tal-persuni ammessi, segwita mill-Afganistan, mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, mis-Sudan t’Isfel u mill-Eritrea.

Ritorn 57  

Bejn Lulju 2024 u Ġunju 2025, l-Istati Membri ħarġu, b’kollox, 478 000 ordni ta’ tluq lil nazzjonali ta’ pajjiżi terzi fl-Unjoni, żieda ta’ 11 % meta mqabbla ma’ Lulju 2023-Ġunju 2024, xprunata l-aktar minn aktar ordnijiet ta’ tluq maħruġa flimkien ma’ deċiżjonijiet negattivi dwar l-ażil. Il-biċċa l-kbira tal-ordnijiet inħarġu minn Franza, Spanja u mill-Ġermanja, filwaqt li, relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni tiegħu, Ċipru ħareġ bil-bosta l-aktar ordnijiet ta’ tluq, segwit mill-Greċja u mill-Kroazja. In-nazzjonalitajiet ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li nħarġitilhom ordni ta’ tluq varjaw b’mod sinifikanti fost l-Istati Membri 58 .

Illustrazzjoni 6 – Għadd ta’ ordnijiet ta’ ritorn u ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi rritornati għal kull Stat Membru

Sors: Elaborazzjoni tal-JRC dwar id-data tal-Eurostat

115 000 nazzjonal ta’ pajjiż terz b’soġġorn illegali ġew irritornati b’mod effettiv lejn pajjiż terz. Aktar minn nofs ir-ritorni ġew implimentati minn ħames Stati Membri biss (il-Ġermanja, Franza, l-Iżvezja, Ċipru u l-Polonja). Dan jirrappreżenta żieda ta’ 20 % meta mqabbel ma’ Lulju 2023-Ġunju 2024. Madankollu, ir-rata globali tar-ritorni għadha baxxa, u dan jirriżulta f’backlog ta’ persuni b’ordni biex jitilqu li jibqgħu fit-territorju tal-Unjoni 59 . Il-biċċa l-kbira tan-nazzjonali ordnati biex jitilqu kienu nazzjonali tal-Alġerija, tal-Marokk, tas-Sirja, tat-Turkija u tal-Afganistan, bis-Sirjani jiżdiedu b’14 %. In-nazzjonalitajiet ewlenin ta’ dawk li ġew irritornati kienu nazzjonali tal-Georgia, tat-Turkija, tal-Albanija, tal-Moldova u tal-Kolombja. Dan juri li l-pajjiżi li jikklassifikaw l-ogħla f’termini ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi ordnati biex jitilqu ma jikkorrispondux mal-pajjiżi bl-ogħla numru ta’ ritorni implimentati, bl-eċċezzjoni tat-Turkija. Aktar minn nofs ir-ritorni kollha kienu volontarji, skont xejra li qed tiżdied. Filwaqt li l-isforzi sostnuti dwar ir-riammissjoni permezz tal-mekkaniżmu tal-Artikolu 25a tal-Kodiċi dwar il-Viżi u l-azzjonijiet immirati tal-Koordinatur tar-Ritorn tal-UE fuq pajjiżi terzi ta’ prijorità diġà taw riżultati, b’mod partikolari ma’ pajjiżi terzi ewlenin bħall-Bangladesh, l-Iraq u l-Etjopja 60 , għad hemm ostakli speċifiċi li jxekklu r-ritorni. Għadu kruċjali li l-Istati Membri jsegwu l-ordnijiet ta’ ritorn b’talbiet ta’ riammissjoni lill-pajjiżi terzi rilevanti u li jitolbu sistematikament dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ emerġenza għall-persuni b’nazzjonalità kkonfermata 61 . L-evalwazzjoni tematika ta’ Schengen tal-2024 identifikat il-progress fl-iżvilupp ta’ sistemi nazzjonali ta’ ritorn, filwaqt li għad hemm ineffiċjenzi fl-istadji ewlenin tal-proċess 62 , li għandhom impatt fuq il-movimenti mhux awtorizzati, kif muri mit-twissijiet ta’ ritorn fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) 63 .

Huma meħtieġa sforzi kontinwi biex tinħoloq sistema komuni tal-Unjoni għar-ritorn, flimkien ma’ kooperazzjoni aktar effettiva ma’ pajjiżi terzi. Ir-Regolament propost dwar ir-Ritorn 64 se jkun strumentali biex jindirizza dawn il-kwistjonijiet u jiżgura li r-ritorni jistgħu jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali tal-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u l-ażil. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna jipproċedu bl-adozzjoni rapida ta’ din ir-riforma.

b.Projezzjoni għas-sena li ġejja u informazzjoni dwar il-livell ta’ preparatezza fl-Unjoni

Ir-Riżerva ta’ Solidarjetà proposta mill-Kummissjoni għandha l-għan li tindirizza l-ħtiġijiet tal-Istati Membri identifikati bħala li jinsabu taħt pressjoni migratorja fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1351, fl-identifikazzjoni ta’ dawk il-ħtiġijiet, il-Kummissjoni għandha tqis is-sejbiet ewlenin ta’ dan ir-Rapport, inkluż kemm l-impatt tax-xejriet tal-passat fuq l-Istati Membri kkonċernati, kif ukoll il-projezzjoni għas-sena li ġejja 65 . Din l-istampa strateġika sservi bħala għodda ta’ twissija bikrija għall-Unjoni, tgħin biex jiġu antiċipati l-iżviluppi possibbli fis-sitwazzjoni migratorja u tiddetermina kif dawn jistgħu jaffettwaw il-ħtiġijiet tal-Istati Membri taħt pressjoni migratorja u l-Unjoni kollha kemm hi.

Il-projezzjoni tibni fuq metodoloġija żviluppata mis-servizz xjentifiku tal-Kummissjoni – iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC, Joint Research Centre) – u ġiet ittestjata man-Network tal-Blueprint tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni.

Il-projezzjoni tissuġġerixxi li, b’mod globali, il-wasliet irregolari fil-livell tal-Unjoni huma mistennija jonqsu fir-rotot migratorji ewlenin kollha fl-2026 meta mqabbla mal-2024 66 , f’konformità max-xejra ’l isfel diġà osservata fl-ewwel nofs tal-2025. It-tnaqqis mistenni jirriżulta, fost fatturi oħra, minn involviment qawwi tal-Unjoni ma’ pajjiżi ewlenin ta’ oriġini u ta’ tranżitu, minn sistemi msaħħa tal-ażil u tal-protezzjoni tal-fruntieri, u minn azzjoni intensifikata kontra n-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali kemm fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi. Ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali hija mistennija li tibqa’ l-aktar rotta attiva, iżda n-numri totali huma mistennija li jistabbilizzaw jew jonqsu aktar meta mqabbla mal-2024. Din ix-xejra tirrifletti l-impatt ta’ kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi sħab fl-Afrika ta’ Fuq u fir-reġjun usa’. Hija mistennija dinamika simili għar-rotot tal-Punent tal-Mediterran u tal-Atlantiku, li fiha l-isforzi qawwija għall-monitoraġġ tal-punti tat-tluq u għaż-żarmar tan-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali qed jagħtu r-riżultati. Fuq ir-rotta tal-Lvant tal-Mediterran, l-iżviluppi se jiddependu l-aktar fuq is-sitwazzjoni li qed tevolvi fil-Lvant Nofsani, inklużi s-sottorotot ġodda li feġġew, iżda l-prospettiva ġenerali tindika kontinwazzjoni tax-xejra ’l isfel li kienet diġà bdiet lejn l-aħħar tal-2024, imsawra minn dinamika reġjonali li qed tinbidel u minn preżenza aktar baxxa ta’ ċerti nazzjonalitajiet. Tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, il-wasliet huma mistennija li jonqsu wkoll, appoġġati minn żarmar aktar effettiv tan-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u kooperazzjoni msaħħa bejn ir-reġjun u l-Istati Membri u l-Aġenziji tal-Unjoni. Fuq ir-rotta tal-Fruntiera tal-Lvant, ir-Russja u l-Belarussja x’aktarx li se jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jużaw il-migrazzjoni bħala arma kontra l-Unjoni; madankollu, il-ġestjoni msaħħa tal-fruntieri hija mistennija li tkompli tnaqqas il-qsim illegali. Fl-aħħar nett, is-sitwazzjoni ta’ ħruġ illegali tul ir-rotta tal-Kanal hija mistennija li tibqa’ ta’ sfida, għalkemm il-miżuri nazzjonali fi Franza u aktar involviment mar-Renju Unit huma mistennija li jrażżnu jew li jnaqqsu t-tluq.

Ix-xejra ’l isfel għall-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali osservata fl-2024 u fl-ewwel nofs tal-2025 hija mistennija li tkompli fl-2026.

Fir-rigward tal-protezzjoni temporanja, il-gwerra indiskriminata ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna li għaddejja se tkompli tiġġenera l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni għan-nazzjonali tal-Ukrajna fl-2026. Ir-reġistrazzjonijiet għall-protezzjoni temporanja se jippersistu, iżda f’livelli aktar baxxi mis-snin preċedenti.

Peress li d-dinamika tal-migrazzjoni għadha inċerta b’mod inerenti, l-isforzi biex jissaħħu l-preparatezza u l-ippjanar ta’ kontinġenza fl-Istati Membri u fl-Unjoni għadhom kruċjali. L-ippjanar adegwat ta’ kontinġenza huwa komponent importanti tas-sistema tal-ażil, tal-akkoljenza u tal-migrazzjoni preparata sew peress li jtejjeb ir-reżiljenza u l-preparatezza għal rispons malajr u b’mod effettiv għall-bidliet fis-sitwazzjoni migratorja, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet u l-ħtiġijiet tal-individwi.

L-obbligi dwar l-ippjanar ta’ kontinġenza huma inkorporati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni 67 . Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom pjanijiet ta’ kontinġenza fis-seħħ f’oqsma differenti tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, għad hemm lakuni. B’mod ġenerali, il-livell ta’ preparatezza fl-Unjoni u fl-Istati Membri dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni jibbenefika mill-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda introdotti fil-Patt. Kważi l-Istati Membri kollha adottaw u nnotifikaw il-pjanijiet ta’ kontinġenza nazzjonali tagħhom dwar l-akkoljenza u l-ażil lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) 68 , għalkemm b’livelli differenti ta’ kompletezza (aktar dettalji fl-Anness). Sa mill-2019, l-Istati Membri jeħtieġ li jiżviluppaw u jadottaw pjan ta’ kontinġenza nazzjonali għall-ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorni 69 . Ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà mwettqa mill-Frontex għall-2024 juru li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrapportaw li għandhom fis-seħħ pjanijiet ta’ kontinġenza rilevanti dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, għalkemm jeżistu xi lakuni, kif ġie enfasizzat ukoll mill-evalwazzjonijiet ta’ Schengen. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tematika tal-2024 dwar l-effettività tar-ritorni żvelat lakuni sinifikanti fl-ippjanar ta’ kontinġenza nazzjonali, fejn il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma għandhomx pjanijiet ta’ kontinġenza ddedikati għall-operazzjonijiet ta’ ritorn minkejja li dan ir-rekwiżit huwa stabbilit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

Fil-livell tal-Unjoni, l-Aġenziji tal-Unjoni huma lesti li jipprovdu appoġġ operazzjonali lill-Istati Membri f’każ ta’ żidiet f’daqqa fil-flussi migratorji. In-Network tal-Blueprint tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni, immexxi mill-Kummissjoni, ikompli jkollu rwol ewlieni fl-għoti ta’ stampa tas-sitwazzjoni komuni, twissija bikrija u tbassir b’appoġġ għal preparatezza aħjar. In-Network jospita sottogrupp iddedikat dwar l-ippjanar ta’ kontinġenza.

IV.Valutazzjoni tas-sitwazzjoni migratorja ġenerali, il-pressjoni migratorja, ir-riskju ta’ pressjoni migratorja jew sitwazzjoni migratorja sinifikanti

Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata f’dan ir-Rapport, il-Kummissjoni vvalutat liema Stati Membri ffaċċjaw obbligi sproporzjonati, filwaqt li qieset is-sitwazzjoni migratorja ġenerali fl-Unjoni. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill in-numri totali ta’ kontribuzzjonijiet ta’ solidarjetà għar-Riżerva ta’ Solidarjetà fil-livell tal-Unjoni meħtieġa biex is-sitwazzjoni migratorja fis-sena li ġejja tiġi indirizzata b’mod ibbilanċjat u effettiv.

Meta wieħed iqis ix-xejriet deskritti f’dan ir-Rapport għall-perjodu ta’ referenza minn Lulju 2024 sa Ġunju 2025 u l-metodoloġija, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ddeterminat li, meta d-data u l-informazzjoni kwantitattivi u kwalitattivi rilevanti kollha jiġu aggregati u vvalutati fir-rigward tas-sitwazzjoni ġenerali fl-Unjoni, il-Greċja u Ċipru jinsabu taħt pressjoni migratorja. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ddeterminat li l-Italja u Spanja jinsabu taħt pressjoni migratorja minħabba għadd kbir ta’ wasliet dovuti għal żbarki rikorrenti wara operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ (“SAR”), li huma ta’ skala tant kbira li joħolqu obbligi sproporzjonati fir-rigward tas-sitwazzjoni ġenerali fl-Unjoni, saħansitra fuq sistema preparata sew tal-ażil, tal-akkoljenza u tal-migrazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

Filwaqt li x-xejriet baqgħu ġeneralment stabbli meta mqabbla ma’ Lulju 2023-Ġunju 2024, il-Greċja ffaċċjat obbligi sproporzjonati fir-rigward tas-sitwazzjoni ġenerali fl-Unjoni, b’mod partikolari minħabba l-għadd ta’ IBCs (aktar minn 60 000) u tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali (aktar minn 70 000). Dawn kienu l-ogħla rreġistrati fil-livell tal-Unjoni relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni. Il-Greċja rreġistrat ukoll l-ogħla numru, relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni, ta’ deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali, li laħqu kważi 32 000 bejn Lulju 2024 u Ġunju 2025. Relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni tagħha, il-Greċja kienet fit-tieni post għan-numri ta’ ordnijiet ta’ tluq (aktar minn 30 000), iżda fil-perjodu taħt analiżi ġew irritornati biss 5 400 nazzjonal ta’ pajjiżi terzi.

Filwaqt li s-sitwazzjoni tal-migrazzjoni u tal-ażil tjiebet meta mqabbla ma’ Lulju 2023-Ġunju 2024, Ċipru xorta ffaċċja obbligi sproporzjonati fir-rigward tas-sitwazzjoni ġenerali fl-Unjoni, b’mod partikolari minħabba l-IBCs, l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali u r-reġistrazzjonijiet għall-protezzjoni temporanja. Filwaqt li l-IBCs (kważi 3 000) naqsu b’mod sinifikanti, l-għadd ta’ wasliet għadu jagħmel pressjoni fuq is-sistema tal-ażil u l-migrazzjoni ta’ Ċipru peress li Ċipru kklassifika fost l-ogħla tliet pajjiżi fl-Unjoni relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni għall-IBCs. Ċipru rċieva wkoll it-tieni l-ogħla numru ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali (aktar minn 5 000) fl-Unjoni relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni. Bl-istess mod, Ċipru rċieva għadd sinifikanti ta’ reġistrazzjonijiet għall-protezzjoni temporanja (madwar 3 500) relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni tal-pajjiż. Barra minn hekk, filwaqt li l-għadd ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi ordnati jitilqu (qrib is-16 000) baqa’ stabbli meta mqabbel ma’ Lulju 2023-Ġunju 2024, id-doppju tal-għadd ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi ġew irritornati wara ordni ta’ tluq (qrib l-10 000) meta mqabbel ma’ Lulju 2023-Ġunju 2024 (kważi 5 000).

Fl-Italja u fi Spanja, is-sehem u l-għadd assolut ta’ wasliet minħabba żbarki rikorrenti wara operazzjonijiet ta’ SAR kienu ta’ skala tant kbira li ħolqu obbligi sproporzjonati fuq dawn il-pajjiżi meta mqabbla mas-sitwazzjoni ġenerali fl-Unjoni, peress li aktar minn 80 % minn kważi 97 000 persuna megħjuna f’operazzjonijiet ta’ SAR ġew żbarkati f’dawn iż-żewġ Stati Membri (madwar 40 % kull wieħed).

Għalhekk, dawn l-erba’ Stati Membri se jkollhom aċċess għar-Riżerva ta’ Solidarjetà meta r-Regolament (UE) 2024/1351 jidħol fis-seħħ.

Sabiex jiġi żgurat il-bilanċ bejn is-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà u sabiex jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tar-Regolament (UE) 2024/1351, l-Artikolu 60(3) ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi li l-Istati Membri kontribwenti ma humiex meħtieġa jimplimentaw il-wegħdiet ta’ solidarjetà tagħhom lejn Stat Membru benefiċjarju fejn il-Kummissjoni tkun identifikat nuqqasijiet sistemiċi f’dak l-Istat Membru benefiċjarju fir-rigward tar-regoli tar-responsabbiltà stabbiliti fil-Parti III tar-Regolament (UE) 2024/1351 li jistgħu jirriżultaw f’konsegwenzi negattivi serji għall-funzjonament ta’ dak ir-Regolament.

Il-Parti III tar-Regolament (UE) 2024/1351 tistabbilixxi, fost oħrajn, l-obbligi tal-Istat Membru responsabbli li jieħu responsabbiltà għal u jieħu lura applikanti u nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali ġiet irreġistrata fi Stat Membru ieħor jew li fir-rigward tagħhom, Stat Membru ieħor kien indikat bħala responsabbli skont ir-Regolament (UE) 2024/1358, inkluż li jwettaq it-trasferimenti ta’ dawk il-persuni, b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali tal-applikant skont it-tifsira tal-Karta. Dawn ir-regoli huma f’kontinwità mar-regoli tar-Regolament ta’ Dublin III u se jissostitwixxuhom mad-dħul fis-seħħ tagħhom.

Il-Kummissjoni se tivvaluta sat-12 ta’ Lulju 2026 u mill-ġdid sal-15 ta’ Ottubru 2026 l-applikazzjoni tar-regoli tar-responsabbiltà mill-Istati Membri u se tapplika l-Artikolu 60(3), ir-raba’ subparagrafu tar-Regolament (UE) 2024/1351, jekk jiġu identifikati nuqqasijiet sistemiċi fi Stat Membru. F’din il-valutazzjoni, se tingħata attenzjoni partikolari għal-livell ta’ kooperazzjoni fost l-Istati Membri, inkluż l-involviment attiv biex jiġu ffaċilitati t-trasferimenti u l-kooperazzjoni progressiva dwar kwistjonijiet prattiċi u loġistiċi.

Abbażi tas-sejbiet ta’ dan ir-Rapport u tal-metodoloġija, wara li qieset id-data u l-informazzjoni kwantitattivi u kwalitattivi rilevanti kollha u wara li vvalutathom fir-rigward tas-sitwazzjoni ġenerali fl-Unjoni, id-Deċiżjoni ddeterminat ukoll li l-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Franza, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Polonja u l-Finlandja jinsabu f’riskju ta’ pressjoni migratorja.

Bejn Lulju 2024 u Ġunju 2025, il-Bulgarija u l-Kroazja, bħala pajjiżi tal-ewwel dħul, komplew ikunu partikolarment esposti għall-fluttwazzjonijiet fil-flussi migratorji tul ir-rotot tal-Balkani tal-Punent u tal-Lvant tal-Mediterran. Żieda sinifikanti fil-wasliet irregolari matul is-sena tista’ twassal biex is-sistemi tal-migrazzjoni u tal-ażil diġà taħt piż tagħhom jiġu affettwati minn obbligi sproporzjonati. Għalkemm il-Bulgarija rreġistrat tnaqqis fin-numru ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali meta mqabbel ma’ Lulju 2023-Ġunju 2024, hija xorta rreġistrat kważi 10 000 applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, numru sinifikanti relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni tagħha. Waħda minn kull ħamsa minn dawn l-applikazzjonijiet ġiet ippreżentata minn minorenni mhux akkumpanjati, u b’hekk il-Bulgarija kienet it-tieni l-aktar Stat Membru li rċieva applikazzjonijiet minn minorenni mhux akkumpanjati fil-livell tal-Unjoni relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni. Il-Bulgarija rreġistrat ukoll numru għoli u kostanti ta’ reġistrazzjonijiet għall-protezzjoni temporanja relattivament mas-sehem tagħha tal-PDG u mal-popolazzjoni (fost l-ogħla ħames Stati Membri) b’aktar minn 21 000 reġistrazzjoni ġdida f’Lulju 2024-Ġunju 2025. Il-Kroazja, bejn Lulju 2024 u Ġunju 2025, kienet affettwata mill-IBCs u mir-rifjuti ta’ dħul. Il-Kroazja rreġistrat aktar minn 12 000 IBCs, li rrappreżentaw 76 % tal-wasliet irregolari totali tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent u t-tieni l-ogħla għadd ta’ IBCs fl-Unjoni relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni. Il-Kroazja kienet responsabbli wkoll għal għadd simili ta’ rifjuti ta’ dħul, l-ogħla fil-livell tal-Unjoni relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni.

Fl-istess waqt, għadd ta’ Stati Membri rreġistraw għadd kbir ta’ movimenti mhux awtorizzati li poġġew pressjoni partikolari fuq is-sistemi tal-ażil, tal-migrazzjoni u tal-akkoljenza tagħhom. L-isfidi assoċjati ma’ tali movimenti mhux awtorizzati huma indirizzati billi tiġi rikonoxxuta l-possibbiltà li jiġu applikati kumpensi ta’ responsabbiltà għal dawn il-każijiet bħala parti mill-kontribuzzjonijiet ta’ solidarjetà.

Bejn Lulju 2024 u Ġunju 2025, il-Ġermanja rċeviet għadd kbir b’mod sinifikanti ta’ movimenti mhux awtorizzati ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni, li rriżulta f’għadd kbir ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, li affettwa s-sistema tal-ażil u tal-akkoljenza tagħha. Dan ġie aggravat ulterjorment mhux biss bl-ospitar tal-ogħla numru ta’ benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja fl-UE iżda wkoll bin-numru kbir ħafna ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali f’dawn l-aħħar 10 snin. Franza wkoll irċeviet għadd kbir ta’ movimenti mhux awtorizzati ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u ffaċċjat żieda fil-qsim illegali tal-fruntieri mal-ħruġ lejn ir-Renju Unit, li kellu impatt fuq is-sistema nazzjonali tal-ażil u tal-akkoljenza. In-Netherlands u l-Belġju wkoll kienu affettwati minn movimenti mhux awtorizzati ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, li poġġew pressjoni fuq is-sistemi tal-akkoljenza. L-Irlanda wkoll esperjenzat numru kbir sostnut ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali u proporzjon sinifikanti jidħol fil-pajjiż b’mod irregolari, li prinċipalment jaslu tul il-fruntiera tal-art mar-Renju Unit. Dan, flimkien mal-wasliet sinifikanti ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja, kellu impatt fuq is-sistema nazzjonali tal-ażil u tal-akkoljenza.

Kif deskritt fit-taqsima III, l-azzjonijiet mir-Russja u mill-Belarussja għadhom jinfluwenzaw id-dinamika migratorja fil-fruntiera tal-Lvant tal-Unjoni, speċjalment fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Polonja u fil-Finlandja. It-theddid ibridu marbut mal-użu tal-migrazzjoni bħala arma jkompli jqajjem riskji serji għall-migrazzjoni u għas-sigurtà, u dan iżid ma’ inċidenti vjolenti u tentattivi okkażjonali biex tinqasam il-fruntiera. B’reazzjoni għal tentattivi kontinwi sponsorjati mill-Istat biex il-migrazzjoni tintuża bħala arma, l-Estonja saħħet il-miżuri tal-ġestjoni tal-fruntieri fil-fruntiera mar-Russja; il-Latvja u l-Litwanja saħħew il-miżuri ta’ sorveljanza fil-fruntiera tagħhom mal-Belarussja; il-Polonja stabbiliet żona ta’ lqugħ tul il-fruntiera tagħha u temporanjament tillimita d-dritt ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali f’dik il-fruntiera, ħlief għall-gruppi vulnerabbli; il-Finlandja għalqet il-punti ta’ qsim tagħha mar-Russja f’Novembru 2023. Aktar tentattivi mir-Russja u mill-Belarussja biex jużaw il-migrazzjoni bħala arma jistgħu jqiegħdu pressjoni addizzjonali fuq is-sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni tal-fruntieri, li tista’ twassal għal obbligi sproporzjonati.

Dawn it-12-il Stat Membru f’riskju ta’ pressjoni migratorja se jkollhom aċċess prijoritarju għas-Sett ta’ Għodod Permanenti tal-UE b’Appoġġ għall-Migrazzjoni. Fl-istess waqt, jekk is-sitwazzjoni f’dawn l-Istati Membri tiddeterjora, il-Kummissjoni se tkun lesta, f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1351, li tevalwa mill-ġdid is-sitwazzjoni tagħhom b’mod rapidu.

Abbażi tar-Rapport u l-metodoloġija, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ddeterminat ukoll li l-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Kroazja, l-Awstrija, u l-Polonja qed jiffaċċjaw sitwazzjoni migratorja sinifikanti, minħabba l-effett kumulattiv tad-data u tal-informazzjoni kwantitattivi u kwalitattivi aggregati u vvalutati matul l-aħħar perjodu ta’ ħames snin (mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2025).

Fil-Bulgarija, għall-aħħar ħames snin u speċjalment mill-2022, relattivament mas-sehem tagħha tal-PDG u tal-popolazzjoni, l-influss ta’ reġistrazzjonijiet għall-protezzjoni temporanja, flimkien ma’ numru relattivament kbir ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, poġġew pressjoni fuq is-sistema, b’mod partikolari peress li l-Bulgarija ħarġet numru sinifikanti ta’ deċiżjonijiet pożittivi u rifjuti, f’termini relattivi, li ħolqu piż relattivament kbir fuq is-sistema ta’ ritorn. Fil-Kroazja, matul il-ħames snin preċedenti, il-pressjoni fuq is-sistema ta’ ritorn, relattivament mas-sehem tagħha tal-PDG u tal-popolazzjoni, kellha impatt kbir fuq il-kapaċitajiet tal-pajjiż minbarra l-obbligi ffaċċjati fil-fruntiera esterna tiegħu, b’mod partikolari peress li l-Kroazja ħarġet, f’termini relattivi, għadd kbir ta’ rifjuti ta’ dħul u aktar reċentement esperjenzat għadd relattivament għoli ta’ IBCs minħabba żieda fl-attivitajiet ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti fir-reġjun.

Mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Polonja u ċ-Ċekja rreġistraw fost l-ogħla numru ta’ reġistrazzjonijiet ta’ protezzjoni temporanja fl-Unjoni relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni tagħhom. Dan ħoloq sfidi ta’ integrazzjoni u poġġa pressjoni sinifikanti fuq is-sistemi tal-migrazzjoni, tal-ażil u tal-ġestjoni tal-fruntieri ta’ dawk l-Istati Membri mill-2022. Relattivament mal-PDG u mal-popolazzjoni tagħha, l-Estonja rreġistrat għadd kbir ta’ reġistrazzjonijiet ta’ protezzjoni temporanja, flimkien ma’ għadd sinifikanti ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li rriżultaw f’għadd kbir ta’ deċiżjonijiet pożittivi fl-aħħar ħames snin.

Matul l-aħħar perjodu ta’ ħames snin, l-Awstrija rċeviet għadd kbir ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali. Filwaqt li dan in-numru naqas bejn Lulju 2024 u Ġunju 2025 meta mqabbel mal-perjodu preċedenti ta’ 12-il xahar, in-numru globali ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, u n-numru li jirriżulta ta’ deċiżjonijiet pożittivi, matul il-perjodu ta’ ħames snin kellu effett kumulattiv fuq il-kapaċità tas-sistema tal-migrazzjoni, tal-akkoljenza u tal-ażil tiegħu.

Dawn l-Istati Membri se jkollhom il-possibbiltà li jitolbu mill-Kunsill tnaqqis sħiħ jew parzjali tal-kontribuzzjonijiet ta’ solidarjetà tagħhom għas-sena li ġejja.

V.Konklużjoni

Il-progress kostanti fl-implimentazzjoni tal-komponenti kollha tal-Patt fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, ix-xejra ’l isfel tal-wasliet irregolari u l-projezzjoni għas-sena li ġejja, flimkien mar-riżultati pożittivi tal-ħidma kontinwa mal-pajjiżi sħab jistabbilixxu bażi soda għal ġestjoni ordnata, ġusta u soda tal-migrazzjoni u l-ażil.

Billi jsir użu sħiħ mill-qafas legali u operazzjonali l-ġdid tal-Patt, jista’ jinkiseb aktar progress biex titnaqqas il-pressjoni fuq l-Istati Membri, jitnaqqsu l-movimenti mhux awtorizzati, tiżdied l-effiċjenza globali, jitnaqqsu l-backlogs, u jiġi ffaċilitat il-piż fuq l-istrutturi amministrattivi u operazzjonali tal-Istati Membri. Fl-istess waqt, għad fadal xi sfidi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Patt, u l-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenziji rilevanti tal-Unjoni, se tkompli tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri.

Adozzjoni rapida tal-proposti pendenti tal-Kummissjoni, inkluż dwar Sistema Ewropea Komuni għar-Ritorni u lista tal-Unjoni ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu, tista’ tappoġġa l-isforzi tagħna. Il-Kummissjoni se ssegwi l-ħidma tagħha biex issaħħaħ is-sħubijiet komprensivi mal-pajjiżi sħab, billi tinvolvi ruħha b’mod strateġiku fil-livell reġjonali u globali u tiżviluppa ingranaġġi intelliġenti li jkopru politiki differenti biex tippromwovi kooperazzjoni aħjar dwar il-migrazzjoni.

F’termini tal-implimentazzjoni tal-Patt, is-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà jeħtieġ li jkomplu javvanzaw flimkien u b’mod ibbilanċjat. Il-bidu tal-ewwel Ċiklu Annwali tal-Ġestjoni tal-Migrazzjoni huwa pass importanti biex titwitta t-triq għall-operazzjonalizzazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ solidarjetà l-ġdid. Abbażi tar-Rapport, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi r-Riżerva ta’ Solidarjetà Annwali, il-Kunsill għandu jlaqqa’, fi żmien 15-il jum, il-Forum ta’ Solidarjetà tal-UE ta’ Livell Għoli bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar id-daqs tar-Riżerva ta’ Solidarjetà u dwar kif se jikkontribwixxi kull Stat Membru. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tappoġġa lill-Kunsill matul dan il-proċess kollu. Il-Koordinatur tas-Solidarjetà tal-UE se jlaqqa’ wkoll il-Forum ta’ Solidarjetà tal-UE ta’ Livell Tekniku biex joperazzjonalizza l-mekkaniżmu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri u jindirizza l-ħtiġijiet ta’ solidarjetà bil-kontribuzzjonijiet identifikati, qabel id-dħul fis-seħħ f’nofs l-2026.

F’Marzu 2026, il-Kummissjoni se tirrapporta mill-ġdid dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Patt qabel id-dħul fis-seħħ. Il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll strateġija Ewropea fit-tul għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, li tistabbilixxi politika ta’ livell għoli u pjan direzzjonali operazzjonali għal sistema komuni li tkun robusta u adattabbli għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu malajr.

(1)

L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147, u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (ĠU L, 2024/1351, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1351/oj ).

(2)

Ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni.

(3)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Is-sitwazzjoni attwali dwar l-implimentazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, COM/2025/319 final ( EUR-Lex - 52025DC0319 - MT - EUR-Lex ).

(4)

L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni.

(5)

L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jintroduċi l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1356/oj .  

(7)

Ir-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura komuni tal-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE; ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1348/oj u r-Regolament (UE) 2024/1349 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1148; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1349/oj .

(8)

Ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147 u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1351/oj .

(9)

Ir-Regolament (UE) 2024/1358 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ data bijometrika sabiex jiġu applikati b’mod effettiv ir-Regolamenti (UE) 2024/1351 u (UE) 2024/1350 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE u sabiex jiġu identifikati ċittadini ta’ pajjiż terz u persuni apolidi b’soġġorn illegali u dwar talbiet għat-tqabbil mad-data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1358/oj .

(10)

Id-Direttiva (UE) 2024/1346 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali; ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1346/oj .

(11)

SWD(2025) 792, Metodoloġija għall-finijiet tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(12)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003.

(13)

Ir-riżultat tal-monitoraġġ imwettaq mill-Aġenzija għall-Ażil kif ukoll tal-monitoraġġ imwettaq f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2024/1356 imsemmi fl-Artikolu 9(e) tar-Regolament (UE) 2024/1351 mhumiex disponibbli peress li dawn il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ għadhom mhumiex operazzjonali.

(14)

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA, European Union Asylum Agency), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA, Fundamental Rights Agency).

(15)

In-Network tal-Blueprint, riżultat tanġibbli bikri tal-Patt, huwa l-qafas operazzjonali li jlaqqa’ flimkien lill-partijiet ikkonċernati rilevanti tal-UE biex jimmonitorjaw u jantiċipaw il-flussi u s-sitwazzjonijiet tal-migrazzjoni. Dan ġie stabbilit bir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1366 tat-23 ta’ Settembru 2020 dwar mekkaniżmu tal-UE għat-Tħejjija u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet b’rabta mal-Migrazzjoni, EUR-Lex - 32020H1366 - EN - EUR-Lex .

(16)

SWD(2025) 790 Appoġġ għall-analiżi tas-sitwazzjoni tal-ażil, l-akkoljenza u l-migrazzjoni fl-Unjoni u fl-Istati Membri u SWD(2025) 793 Diżaggregazzjoni statistika li tappoġġa l-analiżi tas-sitwazzjoni tal-ażil, tal-akkoljenza u tal-migrazzjoni fl-Unjoni u fl-Istati Membri hija mmarkata bħala sensittivi peress li fihom data li ma għandhiex tiġi ddivulgata lill-pubbliku minħabba l-granularità tal-informazzjoni fiha u r-riskju ta’ tfixkil tal-attivitajiet operatorji tal-Aġenziji tal-Unjoni u tal-Kummissjoni.

(17)

SWD(2025) 791, Projezzjoni skont l-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-sena 2026, ikklassifikat bħala “RESTREINT UE/EU RESTRICTED”.

(18)

Peress li dan ir-Rapport ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2024 sat-30 ta’ Ġunju 2025, it-tqabbil minn sena għall-oħra (il-“perjodu ta’ rapportar preċedenti”) jirreferi għall-perjodu ta’ 12-il xahar mill-1 ta’ Lulju 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2024.

(19)

L-analiżi f’din it-taqsima hija bbażata fuq id-data tal-Frontex.

(20)

L-għadd ta’ qsim illegali tal-fruntiera (IBCs) jirreferi għan-numru ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew ta’ Pajjiżi Assoċjati mal-UE/Schengen li jinqabdu mill-awtoritajiet tal-Istati Membri waqt li jidħlu jew li jippruvaw joħorġu illegalment mit-territorju bejn il-punti ta’ qsim tal-fruntiera (BCPs, border crossing points) fil-fruntieri esterni. Madankollu, huwa possibbli li nazzjonal ta’ pajjiż terz jinqabad aktar minn darba dieħel/ħiereġ illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

(21)

F’din il-mappa huma inklużi r-rotot b’aktar minn 500 IBC.

(22)

Ikkalkulat billi jitqabbel is-sehem ta’ kull Stat Membru għal dan l-indikatur mas-sehem tiegħu tal-PDG u tal-popolazzjoni. Is-sehem tal-PDG u tal-popolazzjoni għal kull Stat Membru huwa kkalkolat f’konformità mal-gwida għat-tqassim stabbilita fl-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2024/1351, bl-użu tad-data tal-Eurostat.

(23)

Memorandum ta’ Qbil dwar sħubija strateġika u globali bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija, iffirmat f’Lulju 2023.

(24)

Dikjarazzjoni Konġunta li tistabbilixxi sħubija dwar il-migrazzjoni bejn ir-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania u l-Unjoni Ewropea mnedija f’Marzu 2024.

(25)

Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Balkani tal-Punent tal-5 ta’ Diċembru 2022 disponibbli fuq https://home-affairs.ec.europa.eu/eu-action-plan-western-balkans_mt .

(26)

F’Ġunju 2025, ġie ffirmat Ftehim ġdid dwar l-Istatus mal-Bożnija-Ħerzegovina, li jippermetti lill-SCOs tal-Frontex jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet lokali tal-Ġestjoni tal-Fruntieri b’setgħat eżekuttivi - biex ir-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent (ħlief il-Kosovo - deżinjazzjoni mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u f’konformità mal-UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo) ikun jista’ jkun kopert minn tali Ftehimiet u skjeramenti sussegwenti. 

(27)

Dawn kienu jinkludu każijiet li fihom nazzjonali mhux tal-UE qabżu d-90 jum permessi fi żmien perjodu ta’ 180 jum jew ma kellhomx viża jew permess ta’ residenza validu.

(28)

Ukreni mingħajr permessi validi jew mhux koperti minn protezzjoni temporanja.

(29)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Rapport dwar l-Istat ta’ Schengen 2025, EUR-Lex - 52025DC0185 - MT - EUR-Lex .

(30)

Kif ġie rrapportat mill-Frontex, l-għadd totali ta’ vulnerabbiltajiet identifikati li jikkonċernaw il-kapaċitajiet u l-preparatezza tal-kontroll fil-fruntieri fl-Istati Membri juri xejra ġenerali rilevanti ta’ tnaqqis:  The 2025 Vulnerability Assessment brings an encouraging outcome (Il-Valutazzjoni tal-Vulnerabbiltà tal-2025 twassal għal eżitu inkoraġġanti) .

(31)

 L-analiżi f’din it-taqsima hija bbażata fuq id-data tal-Frontex.

(32)

2020 European Commission recommendation on SAR (Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-2020 dwar l-SAR) ( https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32020H1365 ), speċjalment ir-referenzi taħt il-punti (5) u (7); European Commission Guidance on the implementation of EU rules on definition and prevention of the facilitation of unauthorised entry, transit and residence (Il-Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-definizzjoni u l-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati) ( https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52020XC1001(01) ), speċjalment il-punti 4 u 5.

(33)

  Data | Missing Migrants Project , sors: IOM.

(34)

 L-analiżi dwar il-protezzjoni internazzjonali u l-protezzjoni temporanja hija bbażata fuq id-data tal-EUAA u tal-Eurostat, rispettivament.

(35)

Dan jinkludi deċiżjonijiet fl-ewwel istanza u deċiżjonijiet fuq appell jew rieżami li jagħtu status ta’ rifuġjat skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u status ta’ protezzjoni sussidjarja.

(36)

Ir-rata ta’ rikonoxximent fl-ewwel istanza għall-protezzjoni internazzjonali naqset għal 31 %, l-aktar minħabba inqas deċiżjonijiet pożittivi maħruġa lin-nazzjonali Sirjani, Afgani u Iraqini.

(37)

Ikkalkolat billi jitqabbel is-sehem ta’ kull Stat Membru għal dan l-indikatur mas-sehem tiegħu tal-PDG u tal-popolazzjoni. Is-sehem tal-PDG u tal-popolazzjoni għal kull Stat Membru huwa kkalkolat f’konformità mal-gwida għat-tqassim stabbilita fl-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2024/1351, bl-użu tad-data tal-Eurostat.

(38)

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Rieżami ta’ Nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027 li jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Is-sitwazzjoni attwali dwar l-implimentazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, SWD(2025)162 final, EUR-Lex - 52025SC0162 - EN - EUR-Lex .

(39)

 OECD/European Commission (2023), Indicators of Immigrant Integration 2023: Settling In, OECD Publishing, Pariġi, (OECD/Il-Kummissjoni Ewropea (2023), Indikaturi tal-Integrazzjoni tal-Migranti: L-izzettar, OECD Publishing, Pariġi) https://doi.org/10.1787/1d5020a6-en .

(40)

UNHCR , “A poverty assessment of Ukrainian refugees in neighbouring countries” (Valutazzjoni tal-faqar tar-refuġjati Ukreni fil-pajjiżi ġirien) , is-17 ta’ Marzu 2025, p. 14.

(41)

 L-analiżi dwar il-movimenti mhux awtorizzati hija bbażata fuq id-data tal-EUAA u tal-eu-LISA.

(42)

 Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (riformulazzjoni) (ĠU L 180, 29.6.2013, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/604/oj ).

(43)

L-indikaturi sostituti jinkludu data miġbura għall-monitoraġġ tal-funzjonament tar-Regolament (UE) 604/2013 (“statistika ta’ Dublin”) u data maħżuna fil-Eurodac – il-bażi tad-data tal-marki tas-swaba’ tal-UE (stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 603/2013) li taħżen u tqabbel il-marki tas-swaba’ ta’ individwi li jkunu applikaw għall-ażil jew li nqabdu waqt li kienu qed jaqsmu l-fruntieri esterni taż-żona Schengen.

(44)

Ir-Regolament (UE) 2024/1358 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ data bijometrika sabiex jiġu applikati b’mod effettiv ir-Regolamenti (UE) 2024/1351 u (UE) 2024/1350 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE u sabiex jiġu identifikati ċittadini ta’ pajjiż terz u persuni apolidi b’soġġorn illegali u dwar talbiet għat-tqabbil mad-data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1358/oj .

(45)

 Ġew irrapportati 398 000 hit barranija fil-Eurodac (meta kemm il-pajjiż tat-tluq kif ukoll il-pajjiż ta’ destinazzjoni jkunu Stati Membri), 27 % inqas milli fil-perjodu ta’ Lulju 2023-Ġunju 2024.

(46)

Il-mappa turi r-rotot ewlenin tal-movimenti mhux awtorizzati kif indikat mill-hits tal-Eurodac. Ir-ras tal-vleġeġ turi d-direzzjoni tal-movimenti filwaqt li l-wisa’ tal-vleġeġ tirrifletti n-numru ta’ hits.

(47)

Fil-perjodu ta’ rapportar, l-għadd ta’ talbiet għat-teħid lura li ntbagħtu u ta’ talbiet biex tittieħed responsabbiltà li ntbagħtu abbażi ta’ dħul u soġġorn irregolari kien ta’ madwar 93 000.

(48)

 Il-proporzjon tat-trasferimenti wara talbiet aċċettati għandu jintuża b’kawtela biex tiġi vvalutata l-kapaċità ta’ Stat Membru li jimplimenta b’suċċess it-trasferimenti minħabba n-nuqqas ta’ data ta’ koorti u minħabba li jista’ jgħaddi ammont ta’ żmien sostanzjali bejn talba għal trasferiment aċċettata u trasferiment fiżiku. Dan iż-żmien joħloq distorsjoni fil-kalkolu tar-rati jekk in-numru ta’ aċċettazzjonijiet ma jkunx stabbli maż-żmien.

(49)

Id-data miġbura għall-monitoraġġ tal-funzjonament tar-Regolament (UE) 604/2013 (“statistika ta’ Dublin”) tinkludi l-għadd tat-talbiet mibgħuta u riċevuti minn Stat Membru lil/mingħand ieħor dwar il-proċeduri ta’ teħid lura u tat-teħid ta’ inkarigu, id-deċiżjonijiet meħuda dwar tali talbiet kif ukoll l-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ trasferiment maħruġa u implimentati.

(50)

 L-analiżi dwar l-akkoljenza hija bbażata fuq id-data tal-EUAA.

(51)

Il-Kummissjoni u l-EUAA stabbilew “approċċ inkrementali” li bih l-Istati Membri huma meħtieġa jirrapportaw data dwar l-akkoljenza mill-inqas fuq żewġ indikaturi ewlenin: il-persuni fis-sistema ta’ akkoljenza (l-għadd totali ta’ persuni fis-sistema ta’ akkoljenza inkluż id-diżaggregazzjoni skont l-istatus legali tal-persuni fl-akkoljenza u l-għadd ta’ minorenni mhux akkumpanjati); u l-kapaċità tas-sistema ta’ akkoljenza (is-sodod totali disponibbli fi tmiem il-perjodu tar-rapportar. Mill-2027, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar is-sett kollu ta’ indikaturi ta’ akkoljenza.

(52)

Din id-data tirreferi biss għas-sistema ta’ akkoljenza li tinftiehem bħala s-sett ta’ arranġamenti fis-seħħ għall-akkomodazzjoni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva riformulata dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza.

(53)

Fl-Irlanda, proporzjon sinifikanti ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali daħlu fil-pajjiż b’mod irregolari, u prinċipalment waslu fil-fruntiera tal-art tar-Renju Unit. Dan, flimkien mal-wasliet sinifikanti ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja, kellu impatt fuq is-sistema Irlandiża tal-ażil u tal-akkoljenza. Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda ammontaw għal 14 000 meta mqabbla man-numri għoljin mingħajr preċedent fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti (18 000). Din ix-xejra ilha viżibbli mill-bidu tal-2022, flimkien ma’ għadd kbir ta’ wasliet mill-Ukrajna.

(54)

Fl-aħħar ta’ Ġunju 2025, kien possibbli li tiġi kkalkolata r-rata ta’ okkupanza għal 25 Stat Membru. Id-data meħtieġa għall-kalkolu tar-rata ta’ okkupazzjoni ma kinitx kompluta għall-Finlandja u għall-Portugall.

(55)

Dan huwa l-każ għall-Belġju, Ċipru, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Greċja.

(56)

L-analiżi dwar ir-risistemazzjoni u l-ammissjoni umanitarja hija bbażata fuq id-data tal-EUAA.

(57)

L-analiżi dwar ir-ritorn hija bbażata fuq id-data tal-Eurostat.

(58)

Franza ħarġet il-biċċa l-kbira tal-ordnijiet ta’ tluq lil nazzjonali tal-Alġerija, tat-Tuneżija u tal-Marokk; Spanja lil nazzjonali tal-Mali, tas-Senegal u tal-Alġerija, u l-Ġermanja lil nazzjonali tas-Sirja, tat-Turkija u tal-Afganistan. Ċipru ħareġ il-biċċa l-kbira tal-ordnijiet ta’ tluq lil nazzjonali tas-Sirja, tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tan-Niġerja, il-Greċja lil nazzjonali tal-Afganistan, tas-Sirja u tal-Albanija, u l-Kroazja lil nazzjonali tat-Turkija, tan-Nepal u tal-Bożnija-Ħerzegovina.

(59)

Ir-rata ta’ ritorni għall-UE kollha kienet ta’ 24 % matul il-perjodu ta’ rapportar. 

(60)

Il-mekkaniżmu tal-Artikolu 25a tal-Kodiċi dwar il-Viżi kkontribwixxa biex inbdiet dinamika favorevoli u biex sar progress konkret ma’ pajjiżi terzi. Ir-rata ta’ ritorni għall-Bangladesh żdiedet minn 9 % fl-2023 għal 17 % fl-2024, dik għall-Iraq minn 14 % għal 31 %. Barra minn hekk, fil-każ tal-Etjopja li fih ġew adottati miżuri dwar il-viżi f’April 2024, ir-rata ta’ ritorni żdiedet fl-2024 (13 %, meta mqabbla ma’ 11 % fl-2023), flimkien ma’ attività mtejba tal-Istati Membri biex jitolbu lill-Etjopja twettaq riammissjoni taċ-ċittadini tagħha (aktar minn erba’ darbiet aktar talbiet ta’ riammissjoni fl-2024 meta mqabbla mal-2023). L-azzjonijiet ta’ ritorn immirati fuq pajjiżi terzi ta’ prijorità mibdija mill-Koordinatur tar-ritorn tal-UE ġabu fokus u koerenza fost l-azzjonijiet fil-livell tal-UE li jaqbżu l-mira ta’ tkabbir ta’ 25 % ma’ diversi pajjiżi terzi.

(61)

 Skont id-data rrapportata mill-Frontex, l-Istati Membri ppreżentaw inqas talbiet għal dokumenti ta’ identifikazzjoni u tal-ivvjaġġar ta’ emerġenza (-6 %, 68 908 meta mqabbla mat-73 449 fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti).  

(62)

Dan jinkludi sfidi fl-iżgurar ta’ proċess ta’ ritorn bla xkiel minħabba ineffiċjenzi li jaffettwaw l-istadji ewlenin inkluż is-sistema ta’ appelli, l-identifikazzjoni effettiva ta’ qabel ir-ritorn u l-monitoraġġ suffiċjenti tal-konformità ma’ obbligu ta’ ritorn. L-evalwazzjoni tematika ta’ Schengen tal-2024 uriet ukoll li l-implimentazzjoni operazzjonali tal-allerti dwar ritorn fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, mill-awtoritajiet nazzjonali kollha, jeħtieġ li tissaħħaħ biex jinkiseb teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effettiv fil-proċeduri ta’ ritorn.  

(63)

Matul il-perjodu ta’ rapportar, kważi 54 600 persuna soġġetti għal allerti dwar ritorn tas-SIS ġew identifikati fi Stati Membri oħra għajr f’dak li ħoloq l-allert (“hits tal-SIS”). Minn dawn, madwar 33 600 kienu nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li nstabu fil-kontrolli fit-territorju, filwaqt li madwar 16 500 ġew interċettati fil-kontrolli fil-fruntieri meta kienu qed jitilqu mill-UE minn Stat Membru għajr dak li ħareġ l-allert.

(64)

COM (2025) 101 final.

(65)

SWD(2025) 791, “Projezzjoni skont l-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-sena 2026”, ikklassifikat bħala “RESTREINT UE/EU RESTRICTED”.

(66)

Peress li d-data għas-sena 2025 sħiħa ma hijiex disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tar-Rapport, id-data tal-2024 tintuża bħala l-aktar punt ta’ referenza annwali riċenti u komplet biex tiġi kontestwalizzata l-projezzjoni għas-sena li ġejja 2026. Madankollu, ix-xejra osservata fl-2025 tqieset bis-sħiħ fl-analiżi.

(67)

Ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147 u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament. (UE) Nru 604/2013; id-Direttiva (UE) 2024/1346 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali; ir-Regolament (UE) 2024/1359 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1147 (ĠU L, 2024/1359, 22.5.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1359/oj ); ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, pp. 1–131, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1896/oj ); ir-Regolament (UE) 2021/2303 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 (ĠU L 468, 30.12.2021, pp. 1–54, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2303/oj ).

(68)

Ħlief l-Ungerija u l-Polonja.

(69)

Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1–131; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1896/oj ).