IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.12.2025
COM(2025) 792 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
IT-TMIEN RAPPORT DWAR IL-MEKKANIŻMU TA’ SOSPENSJONI TAL-VIŻA
{SWD(2025) 429 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.12.2025
COM(2025) 792 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
IT-TMIEN RAPPORT DWAR IL-MEKKANIŻMU TA’ SOSPENSJONI TAL-VIŻA
{SWD(2025) 429 final}
It-Tmien Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża
It-Tmien Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża huwa bbażat fuq l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2018/1806 (ir-“Regolament dwar il-Viża”). L-Artikolu 8(4) tar-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni tiżgura s-sorveljanza tal-issodisfar kontinwu tar-rekwiżiti dwar l-eżenzjoni mill-viża minn dawk il-pajjiżi li n-nazzjonali tagħhom kisbu aċċess mingħajr viża għall-UE wara t-tlestija b’suċċess ta’ djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. Ir-rapport ikopri s-sena 2024 kif ukoll l-iżviluppi ewlenin fl-2025. Huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jispjega f’dettall l-aspetti rilevanti kollha għall-pajjiżi u għar-reġjuni koperti minn dan ir-rapport.
Il-liberalizzazzjoni tal-viża hija parti importanti mis-sett ta’ għodod tal-UE għall-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni, is-sigurtà u l-ġustizzja ma’ pajjiżi terzi. Din tiffaċilita l-mobbiltà u l-kuntatti bejn il-persuni. Tista’ tagħti spinta lill-ivvjaġġar u lit-turiżmu u ssaħħaħ ir-rabtiet kummerċjali, soċjali u kulturali bejn iċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi benefiċjarji. Hija tista’ trawwem ukoll ir-relazzjonijiet diplomatiċi u l-kooperazzjoni internazzjonali. Fl-istess ħin, il-monitoraġġ mill-Kummissjoni tar-reġimi mingħajr viża tal-UE wera li l-ivvjaġġar mingħajr viża jista’ jkun ukoll sors ta’ sfidi sinifikanti għall-migrazzjoni u għas-sigurtà, li jeħtieġ li jiġu indirizzati.
Ir-rapport ikopri s-sħab tal-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant kif ukoll reġjuni oħra lil hinn mill-viċinat immedjat tal-UE (il-Karibew tal-Lvant u l-Amerka Latina), b’enfasi fuq il-pajjiżi eżentati mill-viża fejn ġew identifikati kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-migrazzjoni u/jew mas-sigurtà, li jistgħu jiġu vvalutati skont il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża.
Dan ir-rapport jiffoka fuq l-allinjament tal-politika dwar il-viżi, fuq il-migrazzjoni, fuq il-ġestjoni tal-fruntieri u r-riammissjoni, fuq kwistjonijiet tas-sigurtà u fuq kwistjonijiet taċ-ċittadinanza. Is-sejbiet ewlenin huma ppreżentati f’dan ir-rapport, organizzati skont it-temi ewlenin, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi huma pprovduti fl-anness.
Allinjament tal-politika dwar il-viżi
Il-prossimità ġeografika mill-qrib tas-sħab tal-Balkani tal-Punent u tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għat-territorju tal-Istati Membri tal-UE tagħmel l-allinjament tal-politika dwar il-viżi mal-politika tal-UE dwar il-viżi kwistjoni ta’ importanza kbira. Allinjament insuffiċjenti, kemm fir-rigward tal-lista tal-pajjiżi li jeħtieġu viża kif ukoll tal-proċeduri għall-ħruġ ta’ viżi, jista’ jwassal għal żieda fir-riskji ta’ migrazzjoni irregolari u għas-sigurtà għall-UE.
Allinjament insuffiċjenti tal-politika dwar il-viżi jagħmilha aktar faċli għan-nazzjonali ta’ pajjiżi terzi soġġetti għar-rekwiżit ta’ viża tal-UE, li xi wħud minnhom jippreżentaw riskji migratorji għoljin, biex jaslu fil-Balkani tal-Punent mingħajr viża (xi wħud b’dokumenti tal-ivvjaġġar frodulenti), u sussegwentement jidħlu illegalment bl-art fiż-żona Schengen, fejn jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet għall-ażil. B’mod simili, in-nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li daħlu fil-Balkani tal-Punent b’viżi validi, f’xi każijiet, qasmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni b’mod illegali u applikaw għall-ażil, li qajjem tħassib serju dwar l-adegwatezza tal-proċeduri tal-viża f’ċerti sħab tal-Balkani tal-Punent.
Il-Maċedonja ta’ Fuq hija l-uniku sieħeb tal-Balkani tal-Punent li kiseb allinjament kważi sħiħ mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi li jeħtieġu viża, b’differenza waħda biss li għad fadal meta mqabbla mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi li jeħtieġu viża. Fl-2024 u l-2025, is-Serbja, l-Albanija, il-Kosovo 1*, u l-Montenegro għamlu progress fl-allinjament ulterjuri mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi li jeħtieġu viża.
Fir-rigward tas-Serbja u tal-Albanija, dan sar f’konformità mal-impenji tagħhom skont l-Aġenda ta’ Riforma 2 . Fl-2024, is-Serbja naqqset in-numru ta’ ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża ma’ pajjiżi soġġetti għar-rekwiżiti tal-viża tal-UE minn 16 għal 12. L-Albanija naqqset in-numru ta’ ftehimiet permanenti ta’ eżenzjoni mill-viża minn 8 għal 6 u n-numru ta’ eżenzjonijiet staġjonali mill-viża minn 6 għal 5 fl-2024 u fl-2025.
Il-politika dwar il-viżi tal-Kosovo bdiet tiġi sorveljata biss fl-2024, meta ċ-ċittadini tiegħu kisbu aċċess mingħajr viża għall-UE. Dak iż-żmien, il-Kosovo kellu ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża ma’ 19-il pajjiż soġġetti għar-rekwiżiti ta’ viża tal-UE; minn dak iż-żmien, dan in-numru tnaqqas għal 17.
Wara r-rigressjoni fil-bidu tas-sena 2025, il-Montenegro aktar tard abolixxa l-ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża ma’ ħames pajjiżi u naqqas in-numru ta’ eżenzjonijiet staġjonali mill-viża minn erbgħa għal waħda; b’riżultat ta’ dan, in-numru totali ta’ diskrepanzi bejn il-politika dwar il-viżi tal-Montenegro u dik tal-UE naqas minn 15 għal 9.
Fl-2025, il-Bożnija-Ħerzegovina għamlet pass lura fil-progress preċedenti f’dan il-qasam. Il-Bożnija-Ħerzegovina żammet in-numru ta’ ftehimiet permanenti ta’ eżenzjoni mill-viża għal 7 3 iżda żiedet in-numru ta’ eżenzjonijiet staġjonali mill-viża minn waħda għal tlieta. B’riżultat ta’ dan, in-numru ta’ diskrepanzi bejn il-politika dwar il-viżi tagħha u dik tal-UE żdied minn 8 fl-2024 għal 10, bħalissa.
Ma seta’ jiġi osservat l-ebda progress reali għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant. Il-Moldova u l-Ukrajna għandhom l-istess numru ta’ ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża ma’ pajjiżi soġġetti għar-rekwiżit ta’ viża tal-UE fi tmiem l-2024 4 , 11 u 15 rispettivament.
Bħalissa, il-Georgia għandha 26 ftehim ta’ eżenzjoni mill-viża ma’ pajjiżi li huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ viża tal-UE u mill-2022 ’l hawn ma ħadet l-ebda pass lejn allinjament ulterjuri. Għall-kuntrarju, il-Georgia reġgħet lura fuq il-passi tagħha fl-2024 billi tat dħul mingħajr viża liċ-ċittadini taċ-Ċina. Il-Georgia tkompli ssegwi wkoll politika dwar il-viżi li tiddevja b’mod sostanzjali mill-acquis tal-UE, b’mod partikolari billi tippermetti d-dħul lin-nazzjonali ta’ 17-il pajjiż li jeħtieġu viża kemm fl-UE kif ukoll fil-Georgia, fuq il-bażi biss ta’ viża jew ta’ permess ta’ residenza maħruġ minn wieħed mill-pajjiżi tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC, Gulf Cooperation Council).
Is-sħab ġirien eżentati mill-viża jeħtiġilhom jagħmlu progress sostanzjali fl-allinjament tal-listi tagħhom ta’ nazzjonalitajiet eżentati mill-viża ma’ dawk tal-UE, kif ukoll fl-allinjament tal-proċeduri tal-viża tagħhom mal-istandards ta’ Schengen. Dan jinkludi l-introduzzjoni tal-ġbir sistematiku ta’ data bijometrika, bħar-ritratt diġitali u l-marki tas-swaba’, bħala parti mill-proċess ta’ applikazzjoni tal-viża. Il-prattiki li ma humiex kompatibbli mal-acquis tal-UE, bħall-għoti ta’ eżenzjonijiet staġjonali mill-viża u l-awtorizzazzjoni tad-dħul mingħajr viża abbażi ta’ viża jew ta’ permess ta’ residenza maħruġ minn pajjiż terz, iridu jitwaqqfu.
Sakemm jinkiseb allinjament sħiħ, skrinjar aktar rigoruż tal-wasliet mingħajr viża ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk minn pajjiżi li jippreżentaw riskji għas-sigurtà jew ta’ migrazzjoni irregolari, ikun miżura temporanja minima mistennija mis-sħab ġirien eżentati mill-viża.
Migrazzjoni, ġestjoni tal-fruntieri u riammissjoni
L-isfida ewlenija f’dan il-qasam tibqa’ l-persistenza tal-flussi ta’ migrazzjoni irregolari lejn l-UE permezz tal-Balkani tal-Punent, għalkemm in-numri naqsu b’mod sinifikanti mill-2023 ’l hawn. Dan huwa dovut għall-isforzi konġunti tal-UE, tal-Istati Membri tagħha u tal-aġenziji rilevanti tal-UE, u tas-sħab tal-Balkani tal-Punent, b’mod partikolari fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Balkani tal-Punent 5 ippreżentat mill-Kummissjoni f’Diċembru 2022. It-triq primarja fuq ir-“rotta tal-Balkani tal-Punent” tgħaddi mis-Serbja u mill-Bożnija-Ħerzegovina; l-Albanija u l-Maċedonja ta’ Fuq iservu wkoll, fi grad anqas, bħala pajjiżi ta’ tranżitu. Fl-2024 u fl-2025, il-fruntiera twila u diffiċli biex tiġi kkontrollata bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kroazja saret punt ta’ dħul ewlieni ta’ migranti irregolari li jivvjaġġaw mill-Balkani tal-Punent lejn l-UE.
Is-sħab tal-Balkani tal-Punent se jkollhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin u biex inaqqsu aktar in-numru ta’ migranti irregolari li jiddaħħlu b’mod klandestin. Il-livelli ta’ vjolenza marbuta mat-traffikar tal-migranti żdiedu wkoll fil-Balkani tal-Punent. Fis-Serbja, in-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali joperaw b’intensità u bi vjolenza dejjem akbar, b’xi gruppi li issa huma magħmula parzjalment minn nazzjonali mill-istess pajjiżi ta’ oriġini bħall-migranti irregolari. L-isforzi li jsiru biex jissaħħu l-politiki kontra t-traffikar u l-kapaċitajiet operazzjonali f’dawn l-oqsma se jkollhom jiġu intensifikati aktar.
L-influss sinifikanti fil-Georgia ta’ nazzjonali mill-Indja u sa ċertu punt anqas minn pajjiżi oħrajn tal-Asja u tal-Lvant Nofsani, iqajjem tħassib dwar il-migrazzjoni irregolari potenzjali lejn l-UE, kemm bl-art kif ukoll bil-baħar.
Is-sħab rieżaminati kollha jżommu kooperazzjoni regolari mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), inkluża l-Bożnija-Ħerzegovina, li fl-2025 iffirmat ftehim tal-Frontex dwar l-istatus mal-UE 6 . Il-biċċa l-kbira tagħhom jikkollaboraw ukoll mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA, European Union Agency for Asylum). L-appoġġ kontinwu mill-UE u mill-Istati Membri tagħha, permezz tal-forniment ta’ tagħmir, taħriġ, l-iskambju tal-aħjar prattiki kif ukoll pattulji konġunti fuq il-fruntiera pproduċa riżultati operazzjonali tanġibbli.
Il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u s-sħab rieżaminati kollha ġiet ġeneralment ivvalutata bħala tajba ħafna, mingħajr ma ġew irrapportati problemi kbar. Madankollu, ġew osservati xi problemi dwar ir-riammissjoni. Id-dewmien fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet ta’ riammissjoni mill-Bożnija-Ħerzegovina u mill-Kosovo kien dovut prinċipalment għan-nuqqas ta’ kooperazzjoni jew għat-tfixkil mill-persuni ripatrijati, filwaqt li fil-każ tal-Ukrajna rriżulta mill-kundizzjonijiet tal-gwerra li għaddejja.
Ġew irrapportati kwistjonijiet żgħar fil-kooperazzjoni mal-Kosovo, fejn ġew irreġistrati xi rifjuti ta’ aċċettazzjoni tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-UE, u mal-Moldova, li f’ċerti każijiet naqset milli taċċetta nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, li għaddew mit-territorju tagħha.
Fir-rigward tas-Serbja, għad hemm ukoll tħassib dwar il-prattika tagħha li tikkundizzjona l-ħruġ tad-dokumenti ta’ ritorn għas-sottomissjoni minn qabel ta’ pjan tat-titjira. Tħassib dejjiemi u serju ieħor, u minkejja l-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u s-Serbja, jirrigwarda l-kooperazzjoni limitata tas-Serbja fir-riammissjoni ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li għaddew mit-territorju tagħha, inkluż f’każijiet li fihom tkun teżisti evidenza kredibbli ta’ tranżitu, bħal dokumenti tal-identità maħruġa mill-awtoritajiet Serbi lill-applikanti għall-ażil.
Dawn is-sħab kollha huma mistennija jindirizzaw mingħajr dewmien il-kwistjonijiet pendenti li għad fadal identifikati mill-Istati Membri tal-UE dwar l-implimentazzjoni tal-impenji dwar ir-riammissjoni.
Għall-Moldova u għall-Ukrajna, il-kooperazzjoni mal-Frontex dwar il-ġestjoni tal-fruntieri baqgħet sodisfaċenti fl-2024 u fl-2025.
Applikazzjonijiet bla bażi għall-ażil
L-applikazzjonijiet bla bażi għall-ażil ippreżentati minn nazzjonali ta’ sħab eżenti mill-obbligu tal-viża għadhom jippreżentaw sfida sinifikanti għal xi Stati Membri tal-UE. Dawn l-applikazzjonijiet tipikament ikollhom rati baxxi ħafna ta’ rikonoxximent 7 u jpoġġu piż sproporzjonat fuq is-sistemi nazzjonali tal-ażil. Bejn l-2015 u l-ewwel kwart tal-2025, 18 % tal-applikazzjonijiet għall-ażil fl-UE ġew sottomessi minn nazzjonali li jibbenefikaw minn aċċess mingħajr viża għall-UE.
In-numru ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati minn din il-kategorija fil-viċinat tal-UE ġeneralment naqas; madankollu, l-applikazzjonijiet mill-Kosovo u, b’mod partikolari, mill-Ukrajna żdiedu b’mod sinifikanti fl-2024 (6 785 u 28 350 rispettivament). Fil-każ tal-Albanija (7 140), tal-Georgia (14 530), tal-Moldova (5 945), tal-Maċedonja ta’ Fuq (3 435) u tas-Serbja (3 270), għalkemm in-numri naqsu b’mod konsiderevoli fl-2024 meta mqabbla mal-2023, dawn xorta baqgħu f’livelli konsiderevoli.
Saru sforzi mis-sħab fil-viċinat immedjat tal-UE biex tiġi mitigata din il-problema. Diversi gvernijiet, inklużi l-Albanija, il-Georgia u l-Kosovo, sponsorjaw kampanji ta’ informazzjoni għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar id-drittijiet u l-obbligi assoċjati mal-ivvjaġġar mingħajr viża lejn l-UE. Miżuri addizzjonali jinkludu l-introduzzjoni ta’ kontrolli mal-ħruġ fuq iċ-ċittadini li jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen (l-Albanija u l-Georgia) biex jiġi vverifikat li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul fiż-żona Schengen u l-iskjerament ta’ uffiċjali tal-Frontex f’ajruporti internazzjonali (il-Georgia). Intwera li dawn l-inizjattivi huma effettivi u li għandhom jinżammu u jiġu estiżi għal sħab oħra.
Kif irrapportat fis-Seba’ rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża, in-numru ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati fl-UE minn pajjiżi tal-Amerka Latina li jibbenefikaw minn aċċess mingħajr viża għadu jpoġġi piż sinifikanti fuq is-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri. Bejn l-2015 u l-ewwel trimestru tal-2025, in-nazzjonali minn pajjiżi eżentati mill-viża tal-Amerka Latina kienu jammontaw għal aktar minn nofs l-applikazzjonijiet kollha għall-ażil ippreżentati minn nazzjonali ta’ pajjiżi terzi eżenti mill-obbligu tal-viża matul dan il-perjodu. Fl-2024, in-numru ta’ applikazzjonijiet mill-Venezwela ammonta għal 74 015, u kompla xejra konsistenti ta’ żieda; in-numru ta’ applikazzjonijiet mill-Perù żdied ukoll għal 27 260. L-applikazzjonijiet mill-Kolombja naqsu, iżda f’numri assoluti jibqgħu ta’ tħassib (51 615). L-applikazzjonijiet mill-Honduras (2 380), min-Nikaragwa (2 475) u minn El Salvador (2 575) naqsu wkoll iżda xorta baqgħu f’livelli sinifikanti.
Biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-eżenzjonijiet mill-ħtieġa ta’ viża, l-ivvjaġġar mingħajr viża jrid jibqa’ strettament limitat għal soġġorni qosra u ma għandux jintuża ħażin biex jiġu ppreżentati applikazzjonijiet għall-ażil fl-UE. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni u s-SEAE se jkomplu jimpenjaw ruħhom mal-aktar pajjiżi rilevanti biex jipprevjenu l-abbuż mir-reġim mingħajr viża.
Kwistjonijiet tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà, inklużi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u s-sigurtà tad-dokumenti
Il-pajjiżi rieżaminati kollha żammew kooperazzjoni mill-qrib mal-Europol u mal-Eurojust. Is-sħab tal-Balkani tal-Punent komplew jimplimentaw b’mod attiv il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu għall-Balkani tal-Punent u fit-30 ta’ Ottubru 2025 iffirmaw il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt il-ġdid 8 .
Fl-2024, is-sħab kollha tal-Balkani tal-Punent komplew jikkooperaw mal-Europol u mal-Istati Membri u dan wassal għal riżultati operazzjonali sostanzjali fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera serja, inklużi l-attakki ċibernetiċi, il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, u t-traffikar tan-narkotiċi u tal-armi tan-nar minn gruppi tal-kriminalità organizzata. Inkisbu riżultati konkreti u sinifikanti fiż-żarmar ta’ diversi gruppi kriminali mis-sħab kollha tal-Balkani tal-Punent.
Minkejja l-gwerra li għaddejja, l-Ukrajna kompliet bil-kooperazzjoni intensiva mal-Europol fl-isforzi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif ukoll fil-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja, iċ-ċiberkriminalità, it-traffikar tal-armi tan-nar, splussivi, materjal kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (CBRN, Chemical, Biological, Radiological and Nuclear) 9 u t-traffikar ta’ bnedmin.
Xi Stati Membri indikaw it-tfaċċar ta’ rotot ta’ traffikar tal-armi tan-nar mil-Lvant Qarib u Nofsani li jgħaddu mill-Moldova fit-triq lejn l-UE.
Għad hemm tħassib dwar is-sigurtà fil-Georgia minħabba l-influwenza Russa, speċjalment fid-dawl tat-tkabbir rapidu tad-dijaspora Russa residenti. Sa mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, madwar 160 000 ċittadin Russu emigraw lejn il-Georgia. Hemm tħassib dejjem akbar li l-preżenza Russa fil-Georgia tista’ tiġi sfruttata għal operazzjonijiet ta’ influwenza barranija.
Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni kienet parametru referenzjarju ewlieni aċċettat mis-sħab kollha eżentati mill-viża fil-viċinat immedjat tal-UE matul id-djalogi dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. Il-konformità kontinwa ma’ dan il-parametru referenzjarju għadha prerekwiżit għaż-żamma tal-ivvjaġġar mingħajr viża. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi rieżaminati rrispettaw dan ir-rekwiżit, inkluż billi implimentaw miżuri biex jindirizzaw il-kwistjonijiet imqajma fir-rapporti preċedenti dwar il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża. Madankollu, il-Georgia mhux biss naqset milli tagħti segwitu b’mod adegwat għar-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni stabbiliti fis-Seba’ rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża, iżda wkoll reġgħet lura fuq il-passi tagħha billi kkanċellat xi riformi preċedenti f’dan il-qasam.
Fir-rigward tas-sigurtà tad-dokumenti, is-sħab kollha li ġew rieżaminati, bl-eċċezzjoni tal-Ukrajna, eliminaw gradwalment b’mod sħiħ il-passaporti mhux bijometriċi. L-aħħar passaporti mhux bijometriċi tal-Ukrajna nħarġu fl-2016 u se jiskadu fl-2026; in-numru li għadhom fiċ-ċirkolazzjoni huwa marġinali. Madankollu, l-Istati Membri rrapportaw l-użu ta’ dokumenti frodulenti jew falsifikati minn ċittadini tal-Albanija, tal-Kosovo u tal-Ukrajna biex jidħlu jew jibqgħu illegalment fl-UE, li xi wħud minnhom jinkisbu permezz ta’ prattiki ta’ korruzzjoni.
Fil-Georgia, fil-Kosovo, fis-Serbja u fl-Ukrajna, il-possibbiltà li individwi jibdlu isimhom u jiksbu dokumenti tal-identità ġodda, xi drabi ripetutament, tibqa’ problematika, peress li tista’ tintuża għall-evażjoni tal-allerti tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS, Schengen Information System) u għall-evitar tal-projbizzjonijiet fuq ir-ritorn jew fuq id-dħul fl-UE. Din il-vulnerabbiltà għandha tiġi indirizzata mis-sħab esterni f’kooperazzjoni mal-UE.
Fl-Ukrajna, il-prattika li wieħed ikollu aktar minn passaport bijometriku validu wieħed, kif ukoll l-alterazzjonijiet manwali tad-dokumenti tal-ivvjaġġar (bħall-estensjoni tad-dati ta’ skadenza) iqajmu tħassib serju dwar l-integrità u l-affidabbiltà tad-dokumenti.
Fil-Bożnija-Ħerzegovina u fis-Serbja, huwa rrapportat li gruppi tal-kriminalità organizzata huma involuti fil-produzzjoni u fid-distribuzzjoni ta’ dokumenti tal-identità falsifikati, inklużi passaporti u liċenzji tas-sewqan ta’ diversi Stati Membri tal-UE. Fis-Serbja, b’mod partikolari, l-iskala u s-sofistikazzjoni ta’ dawn il-falsifikazzjonijiet huma allarmanti, u hemm xi passaporti elettroniċi kontrafatti ta’ kwalità għolja li huma kapaċi jevitaw is-sistemi moderni ta’ verifika tad-dokumenti.
Kwistjonijiet taċ-ċittadinanza, inklużi l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment
Il-pajjiżi eżentati mill-viża li joperaw skemi taċ-ċittadinanza b’investiment jippreżentaw riskji inerenti għas-sigurtà billi potenzjalment jippermettu lil nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li kieku jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ viża jevitaw il-verifiki standard tas-sigurtà u jiksbu aċċess għaż-żona Schengen permezz tal-kisba taċ-ċittadinanza.
Tali programmi jirrappreżentaw riskji serji f’termini ta’ migrazzjoni irregolari, ta’ theddid għas-sigurtà, u ta’ evażjoni tat-taxxa. Dawn ir-riskji jkunu partikolarment akuti meta jkunu kkombinati ma’: (i) skrutinju u diliġenza dovuta insuffiċjenti; (ii) in-nuqqas ta’ rabta ġenwina bejn l-applikanti u l-pajjiż li jagħti ċ-ċittadinanza; u (iii) il-possibbiltà li jinbidel l-isem ta’ persuna waqt jew wara l-proċess.
Konsegwentement, skont il-Mekkaniżmu rivedut ta’ Sospensjoni tal-Viża, l-operat ta’ tali programmi jikkostitwixxi, fih innifsu, raġuni għas-sospensjoni tal-istatus ta’ eżenzjoni mill-viża ta’ pajjiżi terzi.
Fost il-pajjiżi ġirien, tali programmi għadhom jeżistu fil-Maċedonja ta’ Fuq, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti li ċ-ċittadinanza tingħata mingħajr rekwiżiti ta’ residenza minn qabel lil individwi meqjusa li jirrappreżentaw “interess ekonomiku speċjali” għall-pajjiż. Madankollu, in-numru ta’ ċittadinanzi mogħtija skont din id-dispożizzjoni għadu marġinali (waħda fl-2023 u tnejn fl-2024).
Il-Montenegro temm formalment il-programm tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2022. Madankollu, l-awtoritajiet komplew jipproċessaw l-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza sottomessi qabel l-għeluq tal-programm. Fl-2024, il-Ministeru għall-Intern ħareġ 1,282 deċiżjoni li tat iċ-ċittadinanza Montenegrina lill-applikanti u lill-membri tal-familja tagħhom. F’April 2025, kien għad fadal 29 applikazzjoni li kienu għadhom qed jiġu pproċessati.
Għalkemm is-Serbja ma toperax tali programm sensu stricto, dispożizzjoni fil-liġi tagħha dwar iċ-ċittadinanza tippermetti l-għoti taċ-ċittadinanza “fl-interess tar-Repubblika tas-Serbja”. Din id-dispożizzjoni tippermetti li ċ-ċittadinanza tingħata mingħajr ebda rekwiżit ta’ residenza minn qabel u mingħajr ma tobbliga lill-applikanti jirrinunzjaw in-nazzjonalità eżistenti tagħhom. Mill-2022, aktar minn 200 nazzjonal Russu kisbu ċ-ċittadinanza Serba skont din il-klawżola, u l-profili ta’ diversi minn dawn l-individwi qajmu tħassib min-naħa tal-UE.
Jeżisti tħassib simili rigward il-Georgia. Għalkemm in-numri huma limitati ħafna meta mqabbla mal-perkors normali għall-kisba taċ-ċittadinanza, in-nazzjonali Russi jistgħu jużaw proċeduri simplifikati ta’ naturalizzazzjoni biex jiksbu ċ-ċittadinanza. Il-każijiet kemm tas-Serbja kif ukoll tal-Georgia jistħoqqilhom skrutinju ulterjuri biex jiġi ddeterminat jekk dawk il-prattiki humiex abbużivi. Kif indikat fil-Pakkett tat-Tkabbir tal-2025 tal-Kummissjoni, il-konformità mad-dritt tal-UE tirrikjedi li l-pajjiżi kandidati jabolixxu l-iskemi eżistenti taċ-ċittadinanza b’investiment u jħassru l-bażi legali tagħhom 10 .
Fil-Karibew tal-Lvant, l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment ilhom joperaw għal bosta snin f’ħames pajjiżi – Antigua u Barbuda, Dominica, Grenada, Saint Kitts u Nevis, u Saint Lucia. Dawn il-programmi jippreżentaw sfida sinifikanti u kontinwa fuq skala ħafna akbar. Huwa stmat li nħarġu madwar 107,000 passaport permezz tal-iskemi operati minn dawn il-pajjiżi. In-numru ta’ applikazzjonijiet għadu għoli, bi 13,113 fl-2023 u 10,573 fl-2024. Iż-żminijiet tal-ipproċessar huma qosra u r-rati ta’ rifjut baxxi ħafna – pereżempju, fl-2024 ir-rati ta’ rifjut kienu ta’ 1,7 % f’Antigua u Barbuda, ta’ 5,3 % f’Saint Lucia, u ta’ 6,5 % f’Dominica – li jqajmu tħassib dwar l-adegwatezza tal-proċeduri ta’ sigurtà u ta’ diliġenza dovuta.
Bi tweġiba għat-tħassib espress mill-UE 11 , il-ħames pajjiżi tal-Karibew tal-Lvant ħadu xi passi, inklużi l-armonizzazzjoni tal-limitu minimu ta’ investiment għal USD 200,000, it-tisħiħ tal-iskrinjar tas-sigurtà, u l-istabbiliment ta’ standards komuni għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u għat-trasparenza. Madankollu, is-sitwazzjoni tkompli tqajjem tħassib sinifikanti.
L-operat ta’ skemi taċ-ċittadinanza b’investiment minn pajjiżi eżentati mill-viża joħloq riskju mhux negliġibbli għas-sigurtà għaż-żona Schengen u se jiġi eżaminat aktar skont il-qafas legali rivedut tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża.
Nuqqas ta’ konformità fuq parametri referenzjarji ewlenin oħra mill-Georgia
Ir-rispett għad-drittijiet fundamentali jikkostitwixxi wieħed mill-parametri referenzjarji ewlenin maqbula mill-Georgia matul id-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. Il-konformità kontinwa ma’ dan il-parametru referenzjarju għadha kundizzjoni ewlenija għaż-żamma tad-dritt għall-ivvjaġġar mingħajr viża.
Fis-Seba’ Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża tas-6 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni vvalutat li l-Georgia kienet naqset milli tirrispetta dan l-impenn, b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni tal-Liġi dwar it-Trasparenza tal-Influwenza Barranija f’Mejju 2024 u l-pakkett leġiżlattiv dwar Il-Valuri tal-Familja u l-Protezzjoni tal-Minorenni f’Settembru 2024. Instab li ż-żewġ inizjattivi kienu qed jiksru d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà ta’ assoċjazzjoni, ta’ għaqda u ta’ espressjoni, u d-dritt għall-privatezza, peress li tal-ewwel setgħet tintuża kontra s-soċjetà ċivili u biex issikket il-partiti tal-oppożizzjoni, u tal-aħħar kien jimponi restrizzjonijiet diskriminatorji fuq l-edukazzjoni, kif ukoll fuq id-dibattiti u fuq il-laqgħat pubbliċi bi ksur tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjonijiet speċifiċi fejn stiednet lill-Georgia:
-Tiżgura u żżomm il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha, inkluża l-libertà ta’ assoċjazzjoni, ta’ għaqda u ta’ espressjoni, id-dritt għall-privatezza, id-dritt ta’ parteċipazzjoni fl-affarijiet pubbliċi, u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni.
-Tevita u tħassar kwalunkwe leġiżlazzjoni li tirrestrinġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, tikkontradixxi l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, jew tikser l-istandards Ewropej u internazzjonali rilevanti. B’mod partikolari, tħassar il-Liġi dwar it-Trasparenza tal-Influwenza Barranija u l-pakkett leġiżlattiv dwar il-Valuri tal-Familja u l-Protezzjoni tal-Minorenni, u temenda l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem biex tiżgura l-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ.
Minn dak iż-żmien, il-Georgia naqset milli timplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet u minflok marret lura f’oqsma importanti tal-governanza u tad-drittijiet fundamentali. L-emendi leġiżlattivi, inklużi l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Aġenti Barranin (FARA, Foreign Agents Registration Act) u l-bidliet fil-Liġi dwar l-Għotjiet, il-Liġi Organika dwar l-Assoċjazzjonijiet Politiċi taċ-Ċittadini, il-Kodiċi dwar ir-Reati Amministrattivi, u l-Liġi dwar ix-Xandir, kollettivament naqqsu l-ispazju ċiviku u rrestrinġew il-vuċijiet kuntrarji, inklużi dawk tad-dimostranti, tar-rappreżentanti tal-oppożizzjoni, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u tal-media indipendenti. Dan affettwa b’mod partikolari lill-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u diversi ostakli ġew multiplikati biex l-attivitajiet tagħhom isiru aktar diffiċli u b’riżultat ta’ dan tiġi limitata l-kapaċità tagħhom li jiffunzjonaw.
Fl-14 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni Ewropea fakkret f’ittra lill-awtoritajiet tal-Georgia r-rekwiżit ta’ konformità kontinwa mar-rekwiżiti ta’ liberalizzazzjoni tal-viża, u talbet aġġornament dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tas-Seba’ Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża. Fit-tweġiba tagħha, il-Georgia ma infurmat dwar l-ebda progress sinifikattiv fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet relatati mad-drittijiet fundamentali tas-Seba’ Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża. Konsegwentement, il-Georgia għadha qiegħda tikser il-parametri referenzjarji li fuqhom huwa bbażat ir-reġim mingħajr viża mogħti mill-UE. Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, għandhom jiġu kkunsidrati miżuri xierqa skont il-Mekkaniżmu rivedut ta’ Sospensjoni tal-Viża.
Konklużjoni
Filwaqt li l-biċċa l-kbira tas-sħab fil-viċinat tal-UE ħadu passi biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa f’rapporti preċedenti dwar il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża, għad hemm sfidi sinifikanti.
L-aktar każ serju jikkonċerna lill-Georgia, li kisret diversi impenji meħuda matul id-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, naqset milli timplimenta kważi r-rakkomandazzjonijiet kollha tas-Seba’ rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża, u, minkejja t-talbiet ripetuti matul is-snin li għaddew biex tagħmel avvanzi fl-allinjament tal-politika dwar il-viżi u fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni, marret lura saħansitra aktar fl-2024-2025 inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali.
Għas-sħab l-oħra fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant, għadu imperattiv li jsiru avvanzi fl-allinjament tal-politika dwar il-viżi, kemm billi jiġu armonizzati l-listi tal-pajjiżi terzi li jeħtieġu viża kif ukoll billi jiġi żgurat li l-proċeduri ta’ eżami u ta’ ħruġ tal-viżi jkunu kompletament konsistenti mal-istandards ta’ Schengen. Sakemm ikun hemm allinjament sħiħ, is-sħab tal-Balkani tal-Punent għandhom isaħħu b’mod urġenti l-iskrinjar tal-wasliet mingħajr viża ta’ nazzjonali minn pajjiżi terzi li jippreżentaw riskji ta’ migrazzjoni irregolari jew għas-sigurtà.
Il-prevenzjoni ta’ applikazzjonijiet bla bażi għall-ażil għandha tibqa’ prijorità għas-sħab kollha eżentati mill-viża, b’mod partikolari l-Albanija, il-Georgia, il-Kosovo u l-Moldova. Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha tintensifika l-isforzi tagħha biex issaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri, filwaqt li hija meħtieġa viġilanza kontinwa fir-rigward tal-prattiki taċ-ċittadinanza tal-Georgia u tas-Serbja.
Lil hinn mill-viċinat immedjat tal-UE, l-operat kontinwu ta’ skemi taċ-ċittadinanza b’investiment fil-Karibew tal-Lvant jirrappreżenta tħassib persistenti u serju għas-sigurtà, li jikkostitwixxi bażi potenzjali għas-sospensjoni tal-ivvjaġġar mingħajr viża skont il-Mekkaniżmu rivedut ta’ Sospensjoni tal-Viża.
Fl-Anness I huma pprovduti rakkomandazzjonijiet dettaljati speċifiċi għall-pajjiżi.
Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-impenji ta’ liberalizzazzjoni tal-viża permezz ta’ djalogi politiċi ta’ livell għoli, laqgħat tas-Sottokumitati tal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà, u r-rapportar annwali regolari tagħha skont il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża u l-Pakkett tat-Tkabbir.
Anness I: Rakkomandazzjonijiet tat-Tmien Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża
L-Albanija
L-Albanija ħadet passi sabiex tindirizza l-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Madankollu, huwa neċessarju aktar progress fl-oqsma li ġejjin:
a)Allinjament tal-politika dwar il-viżi: Bħala kwistjoni ta’ prijorità, l-Albanija jeħtiġilha tkompli tallinja l-politika tagħha dwar il-viżi mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża, b’enfasi partikolari fuq dawk il-pajjiżi li n-nazzjonali tagħhom jippreżentaw riskji ta’ migrazzjoni irregolari u/jew għas-sigurtà għall-UE. L-Albanija għandha tallinja wkoll il-proċeduri tal-viża tagħha mal-istandards ta’ Schengen, b’mod partikolari billi tintroduċi l-ġbir ta’ data bijometrika (inklużi ritratt diġitali u l-marki tas-swaba’) bħala parti mill-eżami tat-talbiet għall-viża. Sakemm ikun hemm allinjament sħiħ, l-Albanija għandha tkompli u ssaħħaħ l-iskrinjar tan-nazzjonali ta’ pajjiżi terzi eżenti mill-obbligu tal-viża, speċjalment dawk li joriġinaw minn pajjiżi li jippreżentaw riskji għas-sigurtà jew ta’ migrazzjoni irregolari.
b)Applikazzjonijiet bla bażi għall-ażil: L-Albanija jeħtiġilha tkompli u ssaħħaħ il-miżuri mmirati lejn it-tnaqqis tan-numru ta’ applikazzjonijiet bla bażi għall-ażil ppreżentati min-nazzjonali tagħha fl-Istati Membri tal-UE, b’attenzjoni partikolari għall-applikazzjonijiet sottomessi minn minorenni mhux akkumpanjati.
c)Prevenzjoni ta’ soġġorni illegali: L-Albanija jeħtiġilha żżomm u ssaħħaħ il-miżuri biex tipprevjeni s-soġġorni lil hinn mill-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn ta’ nazzjonali Albaniżi fiż-żona Schengen.
d)Ħruġ tal-viżi u sorveljanza tar-reklutaġġ: L-Albanija jeħtiġilha ssaħħaħ il-proċess ta’ skrinjar għall-applikazzjonijiet tal-viża ppreżentati minn nazzjonali ta’ pajjiżi terzi minn pajjiżi li jippreżentaw riskji ta’ migrazzjoni irregolari u/jew għas-sigurtà għall-UE. Għandha ssaħħaħ ukoll il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dawn il-viżi, ittejjeb il-monitoraġġ tal-prattiki ta’ reklutaġġ u ssaħħaħ il-kapaċità tal-ispettorati tax-xogħol.
e)Ġlieda kontra d-dokumenti tal-identità frodulenti: L-Albanija jeħtiġilha tintensifika l-isforzi biex tidentifika u tipprevjeni l-użu u ċ-ċirkolazzjoni ta’ dokumenti tal-identità Albaniżi kontrafatti.
f)Segwitu għall-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment: Iżżomm lura milli tistabbilixxi u timplimenta skema taċ-ċittadinanza b’investiment u tħassar il-bażi legali għal tali skema billi temenda l-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza.
Il-Bożnija-Ħerzegovina
Il-Bożnija-Ħerzegovina ħadet xi passi biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Madankollu, huma neċessarji aktar sforzi fl-oqsma prijoritarji li ġejjin:
a)Allinjament tal-politika dwar il-viżi: Il-Bożnija-Ħerzegovina jeħtiġilha, bħala kwistjoni ta’ urġenza, tallinja ulterjorment il-politika tagħha dwar il-viżi mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża, b’enfasi partikolari fuq dawk il-pajjiżi li n-nazzjonali tagħhom jippreżentaw riskji ta’ migrazzjoni irregolari u/jew għas-sigurtà għall-UE.
b)Kontrolli fuq il-ħruġ tal-viżi: L-awtoritajiet jeħtiġilhom itejbu l-iskrinjar tal-applikazzjonijiet tal-viża ppreżentati minn nazzjonali ta’ pajjiżi terzi minn pajjiżi b’riskju għoli u jissikkaw il-kundizzjonijiet li fihom jinħarġu viżi lin-nazzjonali ta’ tali pajjiżi.
c)Ġestjoni tal-fruntieri 1: Il-Bożnija-Ħerzegovina jeħtiġilha tintensifika l-isforzi tagħha biex ittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri, b’urġenza partikolari mogħtija liż-żieda tal-kapaċità tal-gwardji tal-fruntiera, lill-indirizzar tal-kwistjoni tal-qsim illegali tal-fruntieri u lill-avvanzar tal-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-Frontex dwar l-Istatus permezz tal-varar ta’ aktar operazzjonijiet konġunti f’sezzjonijiet ta’ riskju għoli tal-fruntiera fuq l-art.
d)Ġestjoni tal-fruntieri 2: Sakemm ikun hemm allinjament sħiħ tal-politika dwar il-viżi, huwa essenzjali li jitkompla u jissaħħaħ l-iskrinjar fil-fruntiera tal-wasliet ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi eżenti mill-obbligu tal-viża; hija rrakkomandata attenzjoni partikolari għall-verifika tal-awtentiċità tal-passaporti. L-awtoritajiet huma mħeġġa ferm biex jinvolvu ruħhom b’mod proattiv fuq din il-kwistjoni mal-pajjiżi terzi kif ukoll mal-linji tal-ajru u jagħmlu progress fl-istabbiliment ta’ sistemi ta’ skambju tad-data dwar il-passiġġieri (informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri/reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (API/PNR, Advance Passenger Information/Passenger Name Record)).
Il-Georgia
Fl-14 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet ittra formali lill-awtoritajiet tal-Georgia li fiha fakkret fl-obbligu ta’ konformità kontinwa mal-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża u talbet informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fis-Seba’ Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża.
Fit-tweġiba tagħha, il-Georgia ma infurmat bl-ebda progress sinifikattiv fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-biċċa l-kbira tal-oqsma, ma ġiet irrapportata l-ebda miżura korrettiva u f’diversi oħrajn is-sitwazzjoni kompliet tiddeterjora.
Ta’ tħassib partikolari hija l-applikazzjoni kontinwa ta’ atti leġiżlattivi, li jinkludu (i) il-Liġi dwar it-Trasparenza tal-Influwenza Barranija, (ii) il-Liġi dwar il-Valuri tal-Familja u l-Protezzjoni tal-Minorenni, (iii) l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Aġenti Barranin (FARA) u (iv) l-emendi għal-Liġi dwar il-Għotjiet, il-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet Politiċi taċ-Ċittadini, il-Kodiċi dwar ir-Reati Amministrattivi, il-Liġi dwar ix-Xandir u l-Kodiċi Kriminali, li jirrestrinġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u jikkontradixxu l-impenji Ewropej u impenji internazzjonali oħra tal-Georgia. Minflok ma ħadu passi ta’ rimedju, l-awtoritajiet tal-Georgia ddefendew dawn il-miżuri b’mod apert, billi invokaw is-sovranità nazzjonali u injoraw l-impenji meħuda matul id-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża.
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Georgia għamlet rigress sinifikanti fuq parametri referenzjarji ewlenin tal-governanza u tal-istat tad-dritt li kienu jiffurmaw il-bażi għall-għoti ta’ vjaġġar mingħajr viża. B’mod simili, il-Georgia għamlet rigress ukoll fl-oqsma tal-allinjament tal-viża u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi każ ċar ta’ passi lura fuq l-impenji meħuda skont il-proċess ta’ liberalizzazzjoni tal-viża u timmina l-fiduċja reċiproka li fuqha huwa bbażat ir-reġim mingħajr viża.
Minħabba n-natura sistemika u intenzjonata ta’ dan it-treġġigħ lura, il-Kummissjoni se tikkunsidra miżuri xierqa skont il-Mekkaniżmu rivedut ta’ Sospensjoni tal-Viża. Skont ir-regoli l-ġodda, fl-ewwel fażi, is-sospensjoni tal-viża tista’ tkun immirata lejn id-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi, ta’ servizz u uffiċjali maħruġa mill-awtoritajiet tal-Georgia, li huma primarjament responsabbli talli ma ħadux azzjoni biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Ir-regoli l-ġodda jiżguraw applikazzjoni uniformi tas-sospensjoni fl-Istati Membri kollha, peress li l-eżenzjonijiet bilaterali mill-ħtieġa ta’ viża għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi, ta’ servizz u uffiċjali ma jibqgħux possibbli ladarba r-rekwiżit ta’ viża jerġa’ jiġi impost għal dawn il-gruppi fil-livell tal-UE. Fit-tieni stadju, is-sospensjoni tista’ tiġi estiża għall-popolazzjoni sħiħa jekk il-kwistjonijiet ma jiġux indirizzati mill-awtoritajiet tal-Georgia. Fl-aħħar mill-aħħar, il-Georgia tista’ titlef l-istatus tagħha ta’ pajjiż ħieles mill-ħtieġa ta’ viża kompletament u tiġi ttrasferita għall-Anness I tar-Regolament dwar il-Viża (il-lista ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża).
Il-Georgia hija meħtieġa wkoll li ttemm immedjatament il-prattika li tippermetti d-dħul mingħajr viża lin-nazzjonali ta’ 17-il pajjiż li jeħtieġu viża kemm fl-UE kif ukoll fil-Georgia, abbażi ta’ viża jew ta’ permess ta’ residenza maħruġ minn wieħed mill-pajjiżi tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC).
Il-Kosovo
B’mod ġenerali, il-Kosovo għadu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ liberalizzazzjoni tal-viża. Madankollu, huma neċessarji aktar sforzi biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet pendenti li ġejjin:
a)Allinjament tal-politika dwar il-viżi: Il-Kosovo jeħtieġlu jallinja l-lista tiegħu ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża mal-lista tal-UE. Sakemm ikun hemm allinjament sħiħ, il-Kosovo għandu jkompli u jsaħħaħ l-iskrinjar ta’ vjaġġaturi eżenti mill-obbligu tal-viża li jippreżentaw riskju potenzjali ta’ migrazzjoni u/jew għas-sigurtà. Il-Kosovo għandu jallinja wkoll il-proċeduri tal-viża tiegħu mal-istandards ta’ Schengen, b’mod partikolari bl-introduzzjoni tal-ġbir ta’ data bijometrika (inklużi ritratt diġitali u l-marki tas-swaba’) bħala parti mill-eżami tat-talbiet għall-viża.
b)Indirizzar tal-applikazzjonijiet bla bażi għall-ażil: Il-Kosovo jeħtieġlu jsaħħaħ l-inizjattivi f’kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE biex jimmonitorja u jnaqqas in-numru ta’ applikazzjonijiet bla bażi għall-ażil ippreżentati miċ-ċittadini tiegħu fl-UE. Għandu jżomm u jadatta wkoll il-kampanja ta’ komunikazzjoni li għaddejja biex jinforma liċ-ċittadini dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont ir-reġim mingħajr viża mal-UE.
c)Tisħiħ tas-sigurtà tad-dokumenti: Il-Kosovo jeħtieġlu jsaħħaħ il-miżuri biex jipprevjeni l-ħruġ ta’ dokumenti tal-identità u tal-ivvjaġġar taħt identitajiet foloz u jtejjeb l-identifikazzjoni ta’ dokumenti falsifikati. Għandu jiżgura l-kooperazzjoni mal-Istati Membri fir-rigward ta’ individwi soġġetti għal allerti fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) li jistgħu japplikaw għal dokument tal-ivvjaġġar b’ismijiet mibdula. Għandha tinżamm il-kooperazzjoni kontinwa mal-Interpol dwar dokumenti mitlufa u misruqa, flimkien mal-implimentazzjoni sħiħa tal-Liġi u l-Istruzzjoni Amministrattiva l-ġdida dwar il-Karti tal-Identità biex tissaħħaħ is-sigurtà ġenerali tad-dokumenti.
d)Protezzjoni ta’ komunitajiet li ma humiex f’maġġoranza: Il-Kosovo għandu jkompli jagħmel titjib tanġibbli fil-protezzjoni tad-drittijiet ta’ komunitajiet li ma humiex f’maġġoranza.
Il-Moldova
Il-Moldova ħadet passi biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Madankollu, huwa meħtieġ aktar progress, b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:
a) Allinjament tal-politika dwar il-viżi: Il-Moldova jeħtiġilha tallinja l-politika tagħha dwar il-viżi mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi li jeħtieġu viża, b’mod partikolari fir-rigward ta’ pajjiżi li jippreżentaw riskji ta’ migrazzjoni irregolari jew għas-sigurtà għall-UE. Sakemm ikun hemm allinjament sħiħ, il-Moldova għandha tkompli u ssaħħaħ l-iskrinjar rigoruż tan-nazzjonali ta’ pajjiżi terzi eżenti mill-obbligu tal-viża, speċjalment dawk li joriġinaw minn pajjiżi b’riskju għoli.
b) Applikazzjonijiet bla bażi għall-ażil: Il-Moldova jeħtiġilha tintensifika l-isforzi biex tindirizza l-okkorrenza kontinwa ta’ applikazzjonijiet bla bażi għall-ażil minn nazzjonali tal-Moldova fl-Istati Membri tal-UE. Dan jista’ jinkludi kampanji ta’ informazzjoni mmirati mfassla apposta għall-profili ta’ migranti rilevanti, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ kontrolli fil-fruntieri mal-ħruġ biex jittejbu t-traċċar u d-deterrenza.
Il-Montenegro
Il-Montenegro indirizza xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, b’mod partikolari billi naqqas il-lista ta’ pajjiżi eżentati mill-viża li jeħtieġu viża għall-UE, u billi kompla jimmonitorja l-applikazzjonijiet li fadal għaċ-ċittadinanza. Madankollu, għad iridu jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ġejjin:
a)Allinjament mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi li jeħtieġu viża: Il-Montenegro jeħtieġlu jallinja l-politika tiegħu dwar il-viżi mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża. Jeħtieġ li l-Montenegro ma jagħtix aktar eżenzjonijiet staġjonali mill-ħtieġa ta’ viża, inkluż lil dawk il-pajjiżi li tneħħew mil-lista permanenti ta’ eżenzjoni mill-viża. Il-Montenegro għandu jallinja wkoll il-proċeduri tal-viża tiegħu mal-istandards ta’ Schengen, b’mod partikolari bl-introduzzjoni tal-ġbir ta’ data bijometrika (inklużi ritratt diġitali u l-marki tas-swaba’) bħala parti mill-eżami tat-talbiet għall-viża.
Sadanittant, il-Montenegro jeħtieġlu jimplimenta miżuri ta’ sigurtà mmirati, bħal skrinjar imtejjeb tal-wasliet eżenti mill-obbligu tal-viża, u jiddokumenta l-effettività tagħhom fit-tnaqqis tar-riskji ta’ migrazzjoni irregolari u għas-sigurtà.
b)Infrastruttura tal-applikazzjonijiet tal-viża: Bi tħejjija għat-tranżizzjoni għal politika riveduta dwar il-viżi, il-Montenegro għandu jespandi l-kapaċitajiet tiegħu ta’ ħruġ tal-viżi permezz tad-diġitalizzazzjoni ta’ elementi tal-proċess tal-ħruġ tal-viżi biex jippermetti lin-nazzjonali ta’ pajjiżi li bħalissa huma eżenti mill-obbligu tal-viża japplikaw għal viża ladarba titneħħa l-eżenzjoni. Dan jiffaċilita l-ipproċessar amministrattiv u jappoġġa l-allinjament tal-politika
c)Segwitu għall-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment: Il-Montenegro jeħtieġlu jiżgura li titħassar il-bażi legali tal-iskema u li l-applikazzjonijiet pendenti kollha skont l-iskema li issa ġiet itterminata jiġu pproċessati f’konformità mal-ogħla standards ta’ sigurtà. Barra minn hekk, każijiet possibbli ta’ ċittadinanza mogħtija qabel permezz ta’ din l-iskema lil individwi soġġetti għal miżuri restrittivi internazzjonali jridu jiġu rieżaminati u revokati fejn xieraq.
Il-Maċedonja ta’ Fuq
Il-Maċedonja ta’ Fuq tkompli turi livell sodisfaċenti ta’ kooperazzjoni fl-oqsma tal-migrazzjoni, tal-ġestjoni tal-fruntieri, u tas-sigurtà. Ittieħdu xi passi biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni dwar il-kisba taċ-ċittadinanza għal raġunijiet ta’ interess ekonomiku speċjali. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin li ġejjin:
a)Allinjament tal-politika dwar il-viżi: Il-Maċedonja ta’ Fuq jeħtiġilha tlesti l-allinjament tal-politika tagħha dwar il-viżi mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża. Il-Maċedonja ta’ Fuq għandha tallinja wkoll il-proċeduri tal-viża tagħha mal-istandards ta’ Schengen, b’mod partikolari bl-introduzzjoni tal-ġbir ta’ data bijometrika (inklużi ritratt diġitali u l-marki tas-swaba’) bħala parti mill-eżami tal-applikazzjonijiet tal-viża.
b)Il-Maċedonja ta’ Fuq għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni u l-effettività ta’ miżuri ta’ skrinjar addizzjonali applikati għan-nazzjonali Torok li jaslu fil-pajjiż, speċjalment fir-rigward tar-riskji ta’ migrazzjoni irregolari u għas-sigurtà.
c)Soġġorni lil hinn mill-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn: Biex jiġi mitigat il-fenomenu persistenti ta’ nazzjonali tal-Maċedonja ta’ Fuq li jibqgħu fiż-żona Schengen lil hinn mill-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn, l-awtoritajiet jeħtiġilhom jimplimentaw inizjattivi mmirati, inklużi kampanji ta’ informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-ivvjaġġar mingħajr viża u kooperazzjoni msaħħa mal-Istati Membri.
d)Skema taċ-ċittadinanza b’investiment: Il-Maċedonja ta’ Fuq jeħtiġilha tabolixxi l-iskema u tħassar il-bażi legali tagħha, tipprovdi informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet diġà sottomessi skont id-dispożizzjoni dwar “interess ekonomiku speċjali” u tiżgura li tali applikazzjonijiet kollha jgħaddu minn verifiki rigorużi tal-preċedenti personali.
Is-Serbja
Is-Serbja ħadet passi biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Madankollu, huwa meħtieġ aktar progress f’diversi oqsma ewlenin, b’mod partikolari fir-rigward tal-migrazzjoni, tal-politika dwar il-viżi, u tal-kisba taċ-ċittadinanza. Jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ġejjin:
a) Allinjament tal-politika dwar il-viżi: Is-Serbja jeħtiġilha tkompli tallinja l-politika tagħha dwar il-viżi mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża, b’enfasi partikolari fuq dawk il-pajjiżi li n-nazzjonali tagħhom jippreżentaw riskju akbar ta’ migrazzjoni irregolari jew theddid għas-sigurtà għall-UE. Is-Serbja għandha tallinja wkoll il-proċeduri tal-viża tagħha mal-istandards ta’ Schengen, b’mod partikolari billi tintroduċi l-ġbir ta’ data bijometrika (inklużi ritratt diġitali u l-marki tas-swaba’) bħala parti mill-eżami tat-talbiet għall-viża. Sakemm ikun hemm allinjament sħiħ, is-Serbja għandha tkompli ssaħħaħ il-miżuri ta’ skrinjar għan-nazzjonali ta’ pajjiżi terzi eżenti mill-obbligu tal-viża, speċjalment minn pajjiżi b’riskju għoli.
b) Proċeduri għall-ħruġ tal-viżi: Is-Serbja jeħtiġilha ttejjeb l-iskrinjar tal-applikazzjonijiet tal-viża sottomessi minn nazzjonali ta’ pajjiżi meqjusa li jippreżentaw riskji ta’ migrazzjoni irregolari jew għas-sigurtà. B’mod parallel, ir-regoli li jirregolaw il-ħruġ ta’ viżi lil tali nazzjonali għandhom isiru aktar stretti biex jiġu żgurati kontroll akbar u konsistenza mal-istandards tal-UE.
c) Implimentazzjoni tal-obbligi ta’ riammissjoni: Is-Serbja jeħtiġilha timplimenta b’mod sħiħ il-klawżola dwar in-nazzjonali ta’ pajjiżi terzi tal-Ftehim bejn l-UE u s-Serbja dwar ir-Riammissjoni, b’mod partikolari f’każijiet li fihom in-nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jkunu għaddew mit-territorju tas-Serbja u dan it-tranżitu jkun dokumentat b’mod ċar.
d) Prattiki taċ-ċittadinanza: Is-Serbja jeħtiġilha żżomm lura milli tagħti ċ-ċittadinanza permezz ta’ proċeduri aċċellerati jew simplifikati lin-nazzjonali ta’ pajjiżi li jippreżentaw riskji ta’ migrazzjoni irregolari jew għas-sigurtà għall-UE. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat skrinjar adegwat u bir-reqqa tas-sigurtà għall-applikanti kollha, inkluż permezz tal-proċedura ordinarja ta’ naturalizzazzjoni.
L-Ukrajna
B’mod ġenerali, l-Ukrajna għadha tissodisfa r-rekwiżiti tal-qafas ta’ liberalizzazzjoni tal-viża u ħadet passi biex tindirizza diversi mir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi, fejn fattibbli minħabba l-isfidi relatati mal-gwerra li għaddejja, b’mod partikolari dawn li ġejjin:
a)Allinjament tal-politika dwar il-viżi: L-Ukrajna jeħtiġilha tallinja l-politika tagħha dwar il-viżi mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża, b’enfasi partikolari fuq il-pajjiżi li n-nazzjonali tagħhom jippreżentaw riskji ta’ migrazzjoni irregolari jew għas-sigurtà għall-UE.
b)Sigurtà tad-dokumenti: L-Ukrajna hija mħeġġa tagħmel sforzi akbar biex tindirizza l-kwistjoni tal-użu ta’ dokumenti frodulenti, li jinkludu l-passaporti iżda mhux biss.
c)Sforzi kontra l-korruzzjoni: L-Ukrajna hija mħeġġa tkompli ssaħħaħ il-qafas tagħha kontra l-korruzzjoni billi tkompli tiżviluppa rekord kredibbli u konsistenti ta’ investigazzjonijiet, ta’ prosekuzzjonijiet u ta’ kundanni f’każijiet relatati mal-korruzzjoni.
L-Amerka Latina
Indirizzar tas-soġġorni lil hinn mill-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u tal-applikazzjonijiet bla bażi għall-ażil: Filwaqt li tiġi rikonoxxuta ż-żieda fl-isforzi mill-pajjiżi tal-Amerka Latina kkonċernati, dawn għandhom jieħdu aktar miżuri biex inaqqsu n-numru ta’ soġġorni lil hinn mill-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u ta’ applikazzjonijiet bla bażi għall-ażil sottomessi miċ-ċittadini tagħhom fl-UE. Tali miżuri, li diġà qed jittieħdu minn xi pajjiżi, għandhom jinkludu, meta jkun possibbli, kontrolli/verifiki mat-tluq, kampanja ta’ komunikazzjoni biex iċ-ċittadini jiġu infurmati bid-drittijiet u bl-obbligi tagħhom skont ir-reġim mingħajr viża mal-UE, kif ukoll miżuri oħra li jistgħu jiġu miftiehma jew mal-UE jew inkella b’mod bilaterali mal-Istati Membri tal-UE.
Pajjiżi tal-Karibew tal-Lvant li joperaw skemi taċ-ċittadinanza b’investiment
L-operat ta’ skemi taċ-ċittadinanza b’investiment minn pajjiżi li huma eżentati mill-viża fl-UE jikkostitwixxi tħassib serju għas-sigurtà. L-operat ta’ skema, li biha ċ-ċittadinanza tingħata bi skambju għal pagamenti jew għal investimenti ddeterminati minn qabel, mingħajr ma l-persuna kkonċernata jkollha xi rabta ġenwina ma’ dak il-pajjiż terz, jikkostitwixxi bażi potenzjali għas-sospensjoni tal-ivvjaġġar mingħajr viża skont il-Mekkaniżmu rivedut ta’ Sospensjoni tal-Viża. Il-pajjiżi tal-Karibew tal-Lvant ikkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha għall-iskrutinju tas-sigurtà adegwat tal-applikanti, sal-waqfien ta’ dawk l-iskemi.
* Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR, United Nations Security Council Resolution) 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
SWD(2024) 243 final – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-Aġenda ta’ Riforma u l-programm ta’ ħidma pluriennali taħt il-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent – il-Kosovo.
Wara li l-Bożnija-Ħerzegovina introduċiet rekwiżit ta’ viża għall-Oman f’Marzu 2024, in-numru niżel għal 6, iżda meta f’Diċembru 2024 Vanuatu tneħħa mil-lista tal-UE ta’ pajjiżi eżentati mill-viża, dan reġa’ tela’ għal 7.
3 Il-Moldova kkanċellat ftehim wieħed ta’ eżenzjoni mill-viża fl-2025, iżda billi Vanuatu sar pajjiż li jeħtieġ viża fl-UE, in-numru ta’ diskrepanzi għal dan il-pajjiż baqa’ l-istess.
Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Balkani tal-Punent - Migrazzjoni u Affarijiet Interni
Ftehim dwar l-istatus mal-Bożnija-Ħerzegovina - Migrazzjoni u Affarijiet Interni
Bl-eċċezzjoni tal-Ukrajna.
Kimiku, Bijoloġiku, Radjoloġiku u Nukleari (CBRN).
Ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2025, Il-Kummissjoni vs Malta (Citoyenneté par investissement), C-181/23, ECLI:EU:C:2025:283, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabet li Stat Membru jikser l-Artikolu 20 TFUE u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera minqux fl-Artikolu 4(3) TUE meta jistabbilixxi u jimplimenta skema ta’ naturalizzazzjoni bbażata fuq proċedura tranżazzjonali bejn dak l-Istat Membru u l-persuni li jissottomettu applikazzjoni taħt dak programm, li fi tmiemu essenzjalment jingħataw in-nazzjonalità ta’ dak l-Istat Membru u, għalhekk, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, bi skambju ma’ pagamenti jew ma’ investimenti ddeterminati minn qabel.
Tħassib simili ġie espress mill-Istati Uniti, mir-Renju Unit u mill-Kanada. Il-miżuri meħuda għandhom l-għan ukoll li jirrispondu għat-talbiet tal-Istati Uniti. Iċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi bħalissa għandhom bżonn viża biex jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti. Visa Waiver Program | Homeland Security