Brussell, 16.12.2025

COM(2025) 765 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

rigward l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej


(1)Introduzzjoni

Ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej ( 1 ) (ir-Regolament) introduċa qafas komuni għall-ġbir, għall-kompilazzjoni, għat-trażmissjoni u għall-evalwazzjoni tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej. L-Artikolu 10 tar-Regolament jiddikjara dan li ġej.

Sal-31 ta’ Diċembru 2013 u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jevalwa b’mod partikolari l-kwalità tad-data trażmessa, il-metodi ta’ ġbir ta’ data, il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u fuq l-unitajiet rispondenti, kif ukoll il-fattibbiltà u l-effikaċja ta’ dik l-istatistika.

Dan huwa l-ħames rapport li jissodisfa dan l-obbligu. Ir-rapporti preċedenti ġew ippubblikati fl-2022 ( 2 ), fl-2019 ( 3 ), fl-2016 ( 4 ) u fl-2013 ( 5 ).

(2)Kontijiet ekonomiċi ambjentali

Mill-2019, il-Patt Ekoloġiku Ewropew ifforma l-bażi għall-impenn tal-Kummissjoni biex tindirizza l-isfidi klimatiċi u ambjentali. Madankollu, tfaċċaw sfidi globali ġodda, u l-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li tagħmel lill-UE aktar sostenibbli, aktar kompetittiva, aktar reżiljenti, u mħejjija aħjar għat-tibdil fil-klima.

L-ekonomija u l-ambjent huma marbuta b’mod inseparabbli. Informazzjoni konsistenti u sħiħa dwar l-impatti ambjentali tal-attivitajiet ekonomiċi tagħna, dwar il-benefiċċji soċjali u ekonomiċi li nirċievu mill-ambjent, u dwar il-benefiċċji mill-protezzjoni tal-ambjent, tappoġġa l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-UE rigward it-tisħiħ tas-sostenibbiltà u tar-reżiljenza tal-produzzjoni fl-UE u r-rieda li tiġi dekarbonizzata l-ekonomija. Għalhekk, min ifassal il-politika jirrikjedi statistika ta’ kwalità għolja dwar ir-rabtiet bejn l-ambjent u l-ekonomija biex jimmonitorja l-progress u jiddeċiedi dwar l-azzjonijiet politiċi.

Il-kontijiet ekonomiċi ambjentali (kontijiet ambjentali fil-qosor) huma qafas ta’ informazzjoni b’saħħtu u b’diversi użi li jħares lejn l-impatti fuq is-sostenibbiltà u l-klima tal-attivitajiet ekonomiċi tal-UE. L-istatistika ekonomika ġenerali waħedha, bħall-kontijiet nazzjonali, mhijiex imfassla biex tqis bis-sħiħ l-effetti ambjentali tal-produzzjoni, tal-konsum, tal-investiment jew tal-finanzjament. Permezz tal-integrazzjoni tal-aspetti ekonomiċi u ambjentali, il-kontijiet ambjentali jipprovdu stampa aktar sħiħa tas-sitwazzjoni.

L-istandard tal-kontijiet nazzjonali rivedut li ġej ESA 202X se jinkludi riżorsi naturali ħafna aktar minn qabel. Għalhekk, il-kompilazzjoni tal-kontijiet nazzjonali se tibbaża aktar minn qatt qabel fuq data affidabbli tal-kontijiet ambjentali.

Il-kontijiet ambjentali Ewropej jirfdu l-aspett supranazzjonali tal-kwistjonijiet ambjentali, filwaqt li jieħdu approċċ sistematiku u jipprovdu kopertura fl-Istati Membri u suġġetti ambjentali, li jippermettu li jitwettqu valutazzjonijiet tal-politika u paraguni bejn l-Istati Membri.

Il-karatteristika ewlenija tal-kontijiet ambjentali hija l-integrazzjoni, jiġifieri l-integrazzjoni ta’ diversi tipi ta’ informazzjoni (statistika, amministrattiva, immudellata, …), u l-integrazzjoni ta’ aspetti ambjentali u ekonomiċi bħal (i) l-użu tal-enerġija, it-tassazzjoni u l-emissjonijiet tal-arja; (ii) l-estrazzjonijiet ta’ materjal u l-iskart; u (iii) in-nefqa tal-gvern u tan-negozji relatata mal-ambjent u mal-klima (inklużi l-investimenti); (iv) il-firxa u l-kundizzjoni tal-ekosistemi, u l-kontributi li l-ekosistemi jagħtu lis-soċjetà u lill-ambjent.

Il-kontijiet ambjentali huma mod effiċjenti u effettiv kif tinġabar l-informazzjoni minħabba li:

-jużaw mill-ġdid id-data disponibbli, u b’hekk jippermettu li tiġi prodotta informazzjoni ġdida b’piż amministrattiv limitat fuq in-negozji u l-membri tal-pubbliku;

-dawn jagħmluha possibbli li tiġi kontroverifikata u mqabbla l-informazzjoni minn sorsi differenti, u b’hekk ikun possibbli li tinkiseb informazzjoni ta’ kwalità għolja bi sforz limitat.

Il-kontijiet ambjentali Ewropej huma bbażati fuq l-istandards internazzjonali tal-Qafas Ċentrali tas-Sistema ta’ Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali (SEEA CF, System of Environmental-Economic Accounting Central Framework) ( 6 ) u s-Sistema ta’ Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali: Kontabbiltà tal-Ekosistema (SEEA EA, System of Environmental-Economic Accounting: Ecosystem Accounting) ( 7 ). Dawn l-istandards ġew prodotti u ppubblikati min-NU, mill-Kummissjoni Ewropea (il-Eurostat), mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU, mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD, Organisation for Economic Cooperation and Development), mill-Fond Monetarju Internazzjonali u mill-Bank Dinji. L-SEEA CF qiegħda tiġi riveduta, b’aġġornament skedat għall-2028.

L-ambjent u l-klima jaffettwaw lin-nies madwar id-dinja kollha u ħafna aspetti transfruntieri tagħhom huma assoċjati mal-emissjonijiet tal-arja, mal-materjali u mal-kummerċ, mal-użu tal-ilma, mal-enerġija, mat-tassazzjoni, mal-investimenti, eċċ. Għalhekk, l-istandards globali huma essenzjali. Din hija r-raġuni għaliex l-SEEA CF hija kkoordinata flimkien mas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet u mal-Bilanċ tal-Pagamenti.

Fi ħdan il-qafas tal-istandards ta’ hawn fuq, ir-Regolament jistabbilixxi l-kontijiet ambjentali Ewropej, għar-rapportar mill-Istati Membri, is-sorsi tad-data, it-twettiq ta’ studji pilota, eċċ. Għandu rilevanza għaż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) ( 8 ). Dan jaqsam il-kontijiet f’disa’ moduli, kif ġej.

-Kontijiet tal-emissjonijiet tal-arja: l-emissjonijiet fl-atmosfera ta’ sitt gassijiet serra (inklużi s-CO2 u s-CO2 mill-bijomassa użat bħala fjuwil) u seba’ sustanzi niġġiesa tal-arja (inklużi l-ammonijaka u l-partikuli ta’ trab fin), b’diżaggregazzjoni li tkopri 64 industrija emittenti, flimkien ma’ unitajiet domestiċi.

-Taxxi relatati mal-ambjent skont l-attività ekonomika: taxxi relatati mal-enerġija, mat-trasport, mat-tniġġis u mar-riżorsi naturali, inklużi kategoriji speċjali għas-CO2 u skemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, b’diżaggregazzjoni li tkopri 64 industrija tal-pagamenti flimkien ma’ unitajiet domestiċi u nies mhux residenti.

-Kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha: l-ammonti ta’ inputs fiżiċi li ddaħħlu fl-ekonomija, l-akkumulazzjoni ta’ materjal fl-ekonomija u l-outputs għal ekonomiji oħra jew inputs lura fl-ambjent. Din hija informazzjoni essenzjali għall-monitoraġġ tal-progress lejn ekonomija ċirkolari.

-Kontijiet tan-nefqa għall-protezzjoni tal-ambjent: infiq minn unitajiet ekonomiċi għal skopijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent. In-nefqa tinkludi investimenti u kategoriji ta’ konsum.

-Kontijiet tas-settur tal-prodotti u tas-servizzi ambjentali: l-output, il-valur miżjud u l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti u servizzi li jipproteġu l-ambjent jew li jimmaniġġaw ir-riżorsi. L-impjiegi assoċjati ma’ dawn l-attivitajiet huma rrapportati wkoll.

-Kontijiet tal-flussi fiżiċi tal-enerġija: il-flussi tal-enerġija mill-ambjent fl-ekonomija (l-estrazzjoni ta’ inputs naturali), fi ħdan l-ekonomija (il-manifattura u l-użu ta’ prodotti tal-enerġija) u mill-ekonomija għall-ambjent (l-iskariku ta’ residwi tal-enerġija), b’diżaggregazzjoni li tkopri 64 industrija flimkien mal-unitajiet domestiċi.

-Kontijiet tal-foresti: id-data dwar ir-riżorsi tal-foresti u l-attività ekonomika fl-industrija tal-forestrija u tal-qtugħ tas-siġar għall-injam b’mod li jkun kompatibbli bis-sħiħ mad-data rrapportata skont l-ESA 2010.

-Kontijiet tas-sussidji ambjentali u ta’ trasferimenti simili: it-trasferimenti kurrenti u kapitali mill-gvern lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi, maħsuba biex jappoġġaw attivitajiet li jipproteġu l-ambjent u r-riżorsi naturali, inklużi l-produzzjoni u l-użu ta’ prodotti ambjentali.

-Kontijiet tal-ekosistema: il-firxa u l-kundizzjoni tal-assi tal-ekosistema u s-servizzi li jipprovdu lis-soċjetà u lill-ekonomija. Eżempji ta’ servizzi tal-ekosistema jinkludu l-provvista tal-għelejjel, id-dakkir tal-għelejjel, it-turiżmu bbażat fuq in-natura u r-regolamentazzjoni globali tal-klima.

Kull wieħed mill-moduli ta’ hawn fuq huwa definit f’anness wieħed tar-Regolament. L-Istati Membri ilhom jintalbu jippreżentaw data lill-Kummissjoni (il-Eurostat) skont l-Annessi I sa III mill-2013, skont l-Annessi IV sa VI mill-2017, u l-Annessi VII u VIII minn tmiem l-2025, b’data skont l-Anness IX (il-kontijiet tal-ekosistema) li għandha tiġi ppreżentata sa tmiem l-2026.

(3)Attivitajiet li saru mill-aħħar rapport ’l hawn

Emendi tar-Regolament u leġiżlazzjoni derivata oħra

Ir-Regolament (UE) 2024/3024 tas-27 ta’ Novembru 2024 emenda r-Regolament (UE) Nru 691/2011. L-ewwel nett, żied tliet moduli ġodda dwar il-kontijiet tal-foresti, il-kontijiet tas-sussidji ambjentali u ta’ trasferimenti simili, u l-kontijiet tal-ekosistema.

Il-moduli ġodda dwar il-kontijiet tal-foresti u tas-sussidji ambjentali u ta’ trasferimenti simili huma bbażati fuq preżentazzjonijiet volontarji tad-data diġà eżistenti (mill-2016 u l-2015 rispettivament).

Il-modulu dwar il-kontijiet tal-ekosistema huwa ġdid għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Dan jibni fuq l-istandard tal-SEEA EA tan-NU stabbilit fl-2021, kif ukoll fuq l-esperjenza miksuba fil-Eurostat, fiċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC, Joint Research Centre) tal-Kummissjoni u f’xi Stati Membri matul l-aħħar ftit snin. Żviluppati inizjalment mill-JRC fil-proġett INCA ( 9 ), il-Eurostat, il-JRC u grupp ta’ esperti nazzjonali ilhom jiżviluppaw metodoloġiji mill-2021, filwaqt li l-Eurostat organizza ġbir volontarju ta’ data fl-2023 u fl-2024 bi tħejjija għall-ewwel ċiklu ta’ rapportar skont ir-Regolament fl-2026, u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ kofinanzjament tal-Kummissjoni (il-Eurostat) fl-Istati Membri b’għotjiet annwali mill-2017.

Dawn it-tliet moduli se jtejbu l-informazzjoni disponibbli għal diversi azzjonijiet u għanijiet tal-UE, inkluża l-ambizzjoni tan-newtralità klimatika, l-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, l-istrateġija tal-UE għall-foresti, l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030 u l-Konvenzjoni Globali dwar il-Bijodiversità, l-istrateġija dwar il-ħamrija għall-2030, ir-Regolament dwar ir-Restawr tan-Natura, u l-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero għall-arja, l-ilma u l-ħamrija. Dawn se jgħinu wkoll biex tiżdied ir-rilevanza tal-monitoraġġ tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għall-UE.

Bis-saħħa tal-istruttura integrata tal-kontijiet, il-moduli l-ġodda se jżidu wkoll valur konsiderevoli għad-data statistika bażika u jżidu l-kapaċitajiet tas-sitt moduli eżistenti, peress li se jkun possibbli li jiġu kkombinati kontijiet ġodda u qodma biex jinkisbu indikaturi ġodda.

Pereżempju, il-kontijiet tal-ekosistema l-ġodda jistgħu jiġu kkombinati mal-kontijiet eżistenti tal-emissjonijiet tal-arja biex il-volum tas-sekwestru tal-karbonju mill-ekosistemi jitqabbel mal-volum tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Hemm ukoll rabta kbira bejn il-kontijiet tal-ekosistema, il-kontijiet tal-foresti u l-kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha mil-lat tal-estrazzjoni tal-bijomassa.

Minbarra t-tliet moduli l-ġodda, ir-Regolament (UE) 2024/3024 tas-27 ta’ Novembru 2024 tejjeb is-sitwazzjoni b’modi oħra. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) ingħatat il-mandat li tippubblika u, jekk ikun neċessarju, tiġbor data mill-Istati Membri dwar investimenti fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (ara hawn taħt). Il-Kummissjoni (il-Eurostat) kienet meħtieġa wkoll toħloq pubblikazzjoni diġitali ġdida dwar it-tibdil fil-klima u portal b’data mill-kontijiet ambjentali. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) ingħatat il-kompitu li tagħmel studju tal-fattibbiltà tal-valwazzjoni monetarja tas-servizzi tal-ekosistema u studji tal-kwalità tad-data dwar l-ilma, is-sussidji tal-enerġija u l-adattament għat-tibdil fil-klima. Sar ukoll titjib fir-rigward ta’ sorsi ġodda tad-data għall-kontijiet, studji pilota, derogi u finanzjament tal-UE.

Hawn taħt huma elenkati miżuri oħra b’bażi legali li ttieħdu mill-aħħar rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

-Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1769 ( 10 ) fir-rigward tal-aġġornar tal-kompendju indikattiv tal-prodotti u tas-servizzi ambjentali u tal-attivitajiet ekonomiċi. Dan ir-Regolament stabbilixxa l-lista ta’ referenza li tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompilazzjoni tal-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 691/2011.

- Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1131 ( 11 ) li jemenda r-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-investimenti fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-introduzzjoni tal-klassifikazzjoni tal-iskopijiet ambjentali. Il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, inklużi l-investimenti relatati, hija indispensabbli biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-UE sal-2050. Din hija r-raġuni għaliex il-karatteristiċi ta’ investimenti oħra fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima huma inklużi fil-kontijiet ambjentali Ewropej. Id-data tkopri s-setturi u l-attivitajiet kollha tal-ekonomija rilevanti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u hija diżaggregata skont l-Istat Membru. L-ewwel preżentazzjoni tad-data dwar l-investimenti fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima hija mistennija f’Ottubru 2025. Il-klassifikazzjoni tal-iskopijiet ambjentali hija klassifikazzjoni ġdida stabbilita min-NU fl-2024, li tissostitwixxi l-klassifikazzjoni antika tal-attivitajiet u tan-nefqa għall-protezzjoni ambjentali (CEPA 2000, Classification of Environmental Protection Activities and Expenditure) u l-klassifikazzjoni tal-attivitajiet għall-ġestjoni tar-riżorsi (CReMA 2008, Classification of Resource Management Activities).

-Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/137 ( 12 ) introduċa l-aġġornament 1 tan-NACE Reviżjoni 2. Peress li l-klassifikazzjoni NACE tal-attivitajiet ekonomiċi tirregola l-preżentazzjonijiet tad-data mill-Istati Membri lill-Kummissjoni (il-Eurostat) għall-kontijiet ekonomiċi ambjentali, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/472 ( 13 ) emenda l-Annessi IV u V tar-Regolament 691/2011 billi aġġorna r-rekwiżiti tal-preżentazzjonijiet tad-data espressi mil-lat tan-NACE Reviżjoni 2 sabiex jiġu allinjati mal-aġġornamenti li saru fih. L-implimentazzjoni tal-aġġornament 1 tan-NACE Reviżjoni 2 fir-Regolament (UE) 691/2011 se tibda fil-futur.

Minkejja l-ħidma teknika preparatorja intensiva għat-tliet moduli l-ġodda mal-Istati Membri kollha, tmien pajjiżi talbu derogi għall-implimentazzjoni ta’ wieħed jew aktar mit-tliet moduli l-ġodda, li jfisser li se jibdew jirrapportaw data minn sena sa sentejn wara l-bqija tal-Istati Membri. It-talbiet kollha għal deroga kienu debitament ġustifikati u mogħtija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1170 tat-13 ta’ Ġunju 2025 ( 14 ). 13-il Stat Membru talbu derogi għall-preżentazzjoni tad-data dwar l-investimenti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima għal sena jew sentejn minn Ottubru 2025.

Data u indikaturi ġodda, pubblikazzjonijiet ġodda

Mill-aħħar rapport fl-2022, minbarra l-moduli l-ġodda, il-Kummissjoni (il-Eurostat) żiedet l-ammont tal-informazzjoni disponibbli mill-kontijiet ambjentali u tejbet il-kwalità tagħha.

-Il-Kummissjoni (il-Eurostat) nediet:

-Portal tad-Data Statistika tal-Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali (“Dashboard”) ( 15 ) u

-pubblikazzjoni diġitali dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima ( 16 )

kif meħtieġ mill-Artikolu 10 tar-Regolament emendat.

Iż-żewġ prodotti nħarġu f’Diċembru 2024. Id-dashboard jiġbor fil-qosor l-indikaturi ewlenin tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali b’mod interattiv u faċli għall-utent. Il-pubblikazzjoni diġitali “Statistics on climate change mitigation” tipprovdi graffs u mapep interattivi sabiex l-utenti jkunu jistgħu jiffamiljarizzaw ruħhom mad-data dwar il-kontijiet ambjentali.

-Minn Novembru 2021, il-Kummissjoni (il-Eurostat) bdiet toħroġ stimi tal-emissjonijiet trimestrali ta’ gassijiet serra ( 17 ) li huma konsistenti bis-sħiħ mal-kontijiet nazzjonali. Dawn jieħdu biss 4 xhur u nofs wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza biex jiġu ppubblikati. Il-pubblikazzjoni f’waqtha tal-istimi tal-emissjonijiet tirrispondi għall-ħtieġa, mil-lat ta’ politika, ta’ informazzjoni aktar rapida u aktar frekwenti. L-istimi l-ġodda ma jirrikjedu l-ebda rapportar addizzjonali mill-Istati Membri.

-Minbarra l-pubblikazzjoni tad-data rrapportata mill-Istati Membri skont ir-Regolament, il-Eurostat jippubblika stimi bikrija tal-kontijiet tal-emissjonijiet tal-arja għall-gassijiet serra f’T + 12-il xahar wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza, u f’T + 6 xhur għall-kontijiet tal-fluss ta’ materjal.

-Il-Kummissjoni (il-Eurostat) tgħaqqad il-kontijiet ambjentali ma’ mudelli makroekonomiċi bħat-tabelli input-output multireġjonali, sabiex tipproduċi impronti ambjentali ta’ kwalità aħjar u aktar dettaljati tal-konsum tal-UE, bħall-impronta tal-gassijiet serra ( 18 ) jew tal-materjali ( 19 ) tagħha.

Metodi tal-ġbir ta’ data u piż amministrattiv

Il-kontijiet ambjentali ġeneralment ma jirrikjedux li ċ-ċittadini jew in-negozji jimlew stħarriġiet ġodda peress li fil-biċċa l-kbira jużaw data li diġà hija miżmuma mill-awtoritajiet nazzjonali. Din id-data eżistenti ta’ spiss tiġi kkomplementata bi stimi addizzjonali, pereżempju minn mudelli, jekk ikun neċessarju. Minbarra d-data mill-kontijiet nazzjonali, il-kontijiet ambjentali jintegraw data minn firxa wiesgħa ta’ sorsi, inkluż l-istatistika dwar l-enerġija, it-trasport, il-materjali, l-agrikoltura u l-forestrija, in-nefqa tal-gvern, u t-tassazzjoni, kif ukoll sorsi mhux statistiċi bħad-data ta’ osservazzjoni tad-dinja, id-data minn mudelli bijofiżiċi u l-informazzjoni dwar il-bijodiversità mix-xjenza taċ-ċittadini.

Sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tad-data stabbiliti fir-Regolament, l-awtoritajiet fl-Istati Membri jista’ jkollhom bżonn jaġġustaw id-data eżistenti biex jallinjawha mal-kunċetti tar-Regolament. Dawn l-aġġustamenti jistgħu jirrikjedu ċertu ammont ta’ xogħol min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali u ċ-ċittadini, bħal stħarriġiet adattati jew estiżi tal-unitajiet domestiċi jew tan-negozji biex tiġi pprovduta data għal varjabbli magħżula f’kontijiet ambjentali.

Il-pajjiżi jistgħu jagħżlu wkoll li jistabbilixxu ġabriet speċifiċi ta’ data għall-kontijiet ambjentali, li se jgħinu biex tittejjeb il-kwalità tad-data. Pereżempju, xi pajjiżi stabbilew stħarriġiet biex jikkomplementaw is-sorsi tad-data l-oħra tagħhom għall-kontijiet tal-ekoindustrija (l-Anness V tar-Regolament). Dawn l-istħarriġiet isiru kull sena jew kull ftit snin. Il-piż addizzjonali li jirriżulta fuq in-negozji huwa ftit ħafna.

Bħala konklużjoni, il-piż amministrattiv fuq in-negozji u l-unitajiet domestiċi biex jipprovdu data għall-kontijiet ambjentali huwa żgħir ħafna.

Fir-rigward tal-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet nazzjonali, is-sitwazzjoni hija kif ġej. L-awtoritajiet nazzjonali, tipikament l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika jew xi drabi l-ministeri tal-enerġija jew tal-ambjent, jagħmlu l-biċċa l-kbira tax-xogħol biex jipproduċu l-kontijiet. Awtoritajiet nazzjonali oħra li jikkontribwixxu għall-kontijiet jinkludu l-awtoritajiet tal-protezzjoni tan-natura u l-awtoritajiet tat-taxxa. Din il-ħidma tikkonsisti l-aktar fl-użu mill-ġdid u fl-integrazzjoni ta’ sorsi eżistenti ta’ data statistika bħal stħarriġiet tan-negozji u sorsi ta’ data mhux statistika bħal rekords amministrattivi.

L-għadd medju ta’ persunal fl-awtoritajiet nazzjonali meħtieġa għall-kompilazzjoni tal-kontijiet huwa stmat bejn sitta u disa’ ekwivalenti għall-full-time (FTE, Full-Time Equivalent) għad-disa’ annessi tar-Regolament ( 20 ).

L-annessi I-VI l-aktar antiki jirrikjedu kull wieħed, bħala medja, 0,5 FTE sa 1 FTE. Inizjalment, it-tliet annessi l-ġodda huma stmati li jirrikjedu minn tnejn sa tliet FTEs addizzjonali f’kull awtorità nazzjonali ( 21 ), bin-numru eżatt jiddependi minn fatturi bħaċ-ċirkostanzi tal-Istat Membru, il-firxa tas-sorsi tad-data eżistenti.

Hekk kif is-sistemi tal-produzzjoni jimmaturaw maż-żmien, mistenni li jkun hemm titjib fl-effiċjenza.

It-tnaqqis fil-piż u s-simplifikazzjoni huma importanti ħafna għall-Kummissjoni. F’kooperazzjoni mal-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika, il-Eurostat jimplimenta miżuri speċifiċi biex inaqqas il-piż tal-ġbir u tar-rapportar tad-data.

·Il-persunal tal-Eurostat jiżviluppa metodoloġiji, jikteb linji gwida, jipprovdi għodod ta’ kompilazzjoni, imexxi gruppi ta’ esperti u jimmaniġġa għotjiet li huma essenzjali għall-ħolqien ta’ effiċjenzi u koordinazzjoni fl-Istati Membri.

·Il-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni (il-Eurostat) jikkoordinaw il-produzzjoni tad-data, jippromwovu l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin u soluzzjonijiet komuni, u jżidu l-effiċjenzi.

·Il-Kummissjoni (il-Eurostat) żviluppat u pprovdiet lill-Istati Membri għodda ta’ kompilazzjoni u data madwar l-UE għall-kontijiet tas-servizzi tal-ekosistema (l-għodda INCA), u għodda ta’ kompilazzjoni għall-kontijiet tal-enerġija (il-PEFA builder). L-Istati Membri li jużaw dawn l-għodod ftit li xejn se jkollhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni tal-kontijiet tal-enerġija u tas-servizzi tal-ekosistema li huma ta’ kwalità sodisfaċenti. L-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll l-għodod u d-data tagħhom stess.

·Il-kontijiet tal-firxa u tal-kundizzjoni tal-ekosistemi jistgħu jkunu bbażati l-aktar fuq data eżistenti madwar l-UE.

·Diversi awtoritajiet nazzjonali użaw għotjiet (kofinanzjati mill-Kummissjoni) biex jimplimentaw metodi jew biex jiżviluppaw l-għodod neċessarji għall-produzzjoni tad-data u b’hekk saru aktar effiċjenti.

Dawk l-inizjattivi tal-Kummissjoni (il-Eurostat) naqqsu b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv u l-kostijiet fl-Istati Membri. It-tnaqqis huwa stmat bejn FTE wieħed u żewġ FTEs għal kull Stat Membru u mill-inqas EUR 2 miljun fis-sena għall-Istati Membri kollha flimkien.

Bħala konklużjoni, il-piż fuq l-awtoritajiet nazzjonali huwa limitat u ħafna iżgħar meta mqabbel mal-benefiċċji mill-kontijiet ambjentali. Il-Eurostat joqgħod attent ħafna u jfittex b’mod kostanti li jnaqqas il-piż fil-ġbir tad-data. Għal dan l-għan, il-Eurostat iżomm komunikazzjoni kostanti mal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni.

(4)Fattibbiltà u effettività tal-istatistika

L-effettività tal-kontijiet ambjentali tiddependi minn żewġ fatturi: l-ewwel nett, kif l-informazzjoni eżistenti tista’ tiġi organizzata mill-ġdid f’qafas kontabilistiku uniku; u t-tieni, kif u kemm jintużaw il-kontijiet.

Fir-rigward tal-ewwel fattur, dan muri mill-istima tas-servizz tal-ekosistema tal-provvista tal-għelejjel fl-Anness IX il-ġdid abbażi tal-informazzjoni eżistenti mill-kontijiet tal-flussi tal-materjal fl-Anness III.

Fir-rigward tat-tieni fattur, il-kontijiet ambjentali jinfurmaw l-analiżi ekonomika u l-valutazzjonijiet tal-impatt u jintużaw biex jimmonitorjaw il-progress fl-ilħuq tal-objettivi tal-politika. Diversi indikaturi tal-kontijiet ambjentali bħall-impronta tal-materjali, ir-rata tal-użu tal-materjal ċirkolari, is-sehem tat-taxxi ambjentali fid-dħul totali mit-taxxa, u l-impronta tal-gassijiet serra tal-konsum tal-UE, intużaw biex jimmonitorjaw il-progress li qiegħda tagħmel l-UE fl-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli ( 22 ), u fil-monitoraġġ tat-tmien Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 ( 23 ).

Fil-qafas ta’ monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari tal-UE ( 24 ), diversi indikaturi għall-input ta’ materjali fl-ekonomija u l-użu ta’ materjali primarji u sekondarji jiġu kkompilati bl-użu tal-kontijiet ambjentali.

L-indikaturi derivati mill-kontijiet ambjentali se jgħinu wkoll biex jiġi mmonitorjat il-progress tal-UE lejn l-ilħuq tal-għanijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Bijodiversità ( 25 ) u l-effettività ta’ politiki oħra dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità u t-tniġġis żero.

L-indikaturi tal-kundizzjoni tal-ekosistema huma allinjati mal-indikaturi użati għall-monitoraġġ tar-Regolament dwar ir-Restawr tan-Natura. Dan ifisser li l-kontijiet ambjentali jistgħu jintużaw biex jiġi mmonitorjat il-progress tal-UE lejn l-ilħuq tal-miri rilevanti.

Il-preżentazzjoni ta’ indikaturi rilevanti għall-politika fid-dashboard tal-kontijiet ambjentali l-ġdida ( 26 ), u l-analiżi fil-fond tal-interdipendenzi bejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-attivitajiet ekonomiċi ppreżentati fil-pubblikazzjoni diġitali dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima ( 27 ), se jappoġġaw l-użu tal-kontijiet għat-tfassil tal-politika.

Il-fattibbiltà tal-moduli l-ġodda miżjuda mar-Regolament hija inerenti fid-disinn tagħhom, peress li ġew ittestjati minn task forces iddedikati b’esperti nazzjonali u/jew permezz ta’ għotjiet qabel ma l-Kummissjoni pproponiet l-emenda. L-appoġġ metodoloġiku fil-forma ta’ manwali huwa pprovdut mill-Kummissjoni (il-Eurostat) f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri.

(5)Kwalità tad-data trażmessa mill-aħħar rapport s’issa

Ir-Regolament jirrikjedi li l-Istati Membri u l-pajjiżi taż-ŻEE jippreżentaw data u rapporti dwar il-kwalità tad-data tagħhom lill-Eurostat ( 28 ). Ftit pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali għas-sħubija fl-UE jippreżentaw ukoll id-data meħtieġa mir-Regolament fuq bażi volontarja, parzjalment jew kompletament. Dan ir-rapport ta’ implimentazzjoni jiffoka fuq l-ewwel grupp ta’ pajjiżi (pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE). Il-Eurostat jivvalida d-data u r-rapporti dwar il-kwalità tad-data li jirċievi u jqiegħdhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit web tiegħu ( 29 ), flimkien ma’ spjegazzjonijiet tekniċi u metodoloġiċi u informazzjoni ġenerali ( 30 ).

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jippreżentaw settijiet tad-data kompluti u rapporti dwar il-kwalità sal-iskadenzi stabbiliti fir-Regolament ( 31 ). Matul il-perjodi ta’ rapportar, ftit Stati Membri qabżu l-iskadenzi, normalment bi ftit jiem biss, iżda dan ma kellu l-ebda impatt tanġibbli fuq l-utenti.

B’mod ġenerali, id-data statistika ppreżentata mill-Istati Membri għall-annessi kollha skont ir-Regolament hija ta’ kwalità tajba ħafna u kompliet titjieb bejn l-2022 u l-2025. Dan huwa ddokumentat fl-indikaturi tal-prestazzjoni tal-kwalità għall-kontijiet tal-emissjonijiet tal-arja u l-kontijiet tal-flussi tal-materjali li l-Eurostat jippubblika mal-metadata. Il-koerenza bejn il-kontijiet tal-enerġija u l-kontijiet tal-emissjonijiet tal-arja tiġi vvalutata regolarment u tjiebet ukoll.

Il-Kummissjoni (il-Eurostat) tistenna li l-kwalità (kompletezza) tad-data li għadha kif ġiet introdotta għall-Anness V dwar l-investimenti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima titjieb fis-sentejn li ġejjin, peress li ħafna Stati Membri kisbu deroga. Dan iż-żmien addizzjonali se jippermettilhom iħejju ruħhom aħjar. Għall-ewwel snin tal-preżentazzjonijiet tad-data, id-data għalhekk se tkun nieqsa għal dawk l-Istati Membri u l-Eurostat se jistmaha bl-użu ta’ tekniki ta’ mmudellar. Għad hemm bżonn ta’ titjib f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) qiegħda tkompli taħdem mal-Istati Membri biex issolvi kwistjonijiet tekniċi u metodoloġiċi.

Miżuri addizzjonali biex tittejjeb il-kwalità tad-data huma ppjanati jew diġà qegħdin jiġu implimentati, kif spjegat fid-dettall fit-taqsima li jmiss.

(6)Miżuri ta’ titjib

Il-Kummissjoni (il-Eurostat) u l-Istati Membri qablu fuq strateġija Ewropea għall-kontijiet ambjentali. Il-verżjoni attwali tkopri l-perjodu mill-2024 sal-2028 ( 32 ). L-istrateġija, li mhijiex meħtieġa mir-Regolament, tistabbilixxi programm ta’ ħidma u tikkoordina l-isforzi Ewropej biex jiżdied l-użu tal-kontijiet ambjentali u jiġu żviluppati aktar, inkluż kwalunkwe modulu ġdid potenzjali. Fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Regolament, l-istrateġija għandha l-objettivi li ġejjin.

-It-titjib fil-komunikazzjoni dwar il-kontijiet ambjentali, u ż-żieda fl-użu tagħhom. Dan se jiżgura li jibqgħu utli għall-politika u għal tipi oħra ta’ każijiet ta’ użu. Dan l-objettiv jista’ jinkludi wkoll data aktar f’waqtha, viżwalizzazzjonijiet u preżentazzjonijiet. Jinkludi wkoll użu ulterjuri ta’ indikaturi bbażati fuq kontijiet ambjentali jew is-sensibilizzazzjoni u l-għoti ta’ informazzjoni għall-utenti esperti u għall-pubbliku.

-Bħala eżempju, il-Eurostat beħsiebu jippubblika stimi bikrija għall-kontijiet tal-enerġija fl-2026. Eżempji ta’ prodotti ġodda ta’ komunikazzjoni jinsabu fit-Taqsima 4.

-It-tħejjija tal-implimentazzjoni tat-tliet moduli l-ġodda dwar il-foresti, l-ekosistemi u s-sussidji ambjentali (it-Taqsima 3). L-attivitajiet preparatorji jinkludu l-ġbir volontarju tad-data, il-pubblikazzjoni tal-manwali tal-Eurostat, ir-regoli maqbula dwar il-validazzjoni tad-data u t-taħriġ għall-kompilaturi nazzjonali.

-Il-kooperazzjoni ma’ produtturi oħra tad-data. Dan jikkonċerna kemm il-kooperazzjoni ma’ partijiet mis-sistema tal-istatistika (bħall-istatistika soċjali, biex jiġu żviluppati miżuri usa’ ta’ sostenibbiltà) kif ukoll ma’ produtturi oħra barra mis-sistema tal-istatistika (bħall-aġenziji ambjentali, il-komunità tar-riċerka u l-ministeri). Dan jinkludi wkoll il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni metodoloġika mal-komunità internazzjonali tal-istatistika, pereżempju għar-rieżami tal-SNA, l-ESA 202X u l-ħidma fuq il-Balance of Payments and International Investment Position Manual, is-seba’ edizzjoni (BPM7). L-istandard tal-kontijiet nazzjonali rivedut li ġej ESA 202X se jinkludi ħafna aktar minn qabel ir-riżorsi naturali.

-L-esplorazzjoni ta’ sorsi ġodda tad-data biex tiżdied il-kwalità tad-data u biex il-produzzjoni tad-data ssir aktar effiċjenti.

-L-istabbiliment ta’ aġenda tar-riċerka għall-kontijiet ambjentali Ewropej għall-futur. L-ewwel verżjoni tal-aġenda tar-riċerka ġiet stabbilita f’nofs l-2025.

L-istrateġija hija akkumpanjata minn pjan ta’ azzjoni b’lista ta’ azzjonijiet u skadenzi, għal kull objettiv elenkat hawn fuq.

(7)Proposti għal moduli ġodda u prodotti statistiċi ambjentali ġodda

Il-Kummissjoni tista’ tipproponi moduli ġodda għas-suġġetti elenkati fl-Artikolu 4(2) ( 33 ) – b’mod partikolari dwar is-sussidji għall-enerġija – abbażi tar-riżultati tal-istudji pilota u ta’ fattibbiltà mwettqa mill-Istati Membri.

Għal tnejn minn dawk is-suġġetti (sussidji għall-fjuwils fossili u adattament għat-tibdil fil-klima), il-Kummissjoni (il-Eurostat) żviluppat l-għodod statistiċi li ġejjin fl-aħħar sentejn sa 3 snin.

-Ġbir volontarju tad-data dwar sussidji potenzjalment ta’ ħsara għall-ambjent, li beda fl-2023 u li għandu jitkompla fuq bażi annwali. L-evalwazzjoni tal-metodoloġija u tar-riżultati ssir f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri.

-Metodoloġija sperimentali u data makroekonomika dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, abbażi tad-data statistika disponibbli.

Il-ħidma tal-UE fuq dawn iż-żewġ suġġetti hija kontribut internazzjonali ewlieni għall-Inizjattiva III tal-G20 dwar lakuni fid-data u għall-aġġornament tal-SEEA CF internazzjonali.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri flimkien se jkomplu jiżviluppaw moduli ġodda. L-Artikolu 4 tar-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-possibbiltajiet metodoloġiċi u l-fattibbiltà tal-valwazzjoni monetarja tas-servizzi tal-ekosistema. L-Artikolu 10 tar-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni tivvaluta l-kwalità tad-data disponibbli dwar is-sussidji għall-enerġija, inklużi s-sussidji għall-fjuwils fossili, dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima u dwar l-ilma.

Madankollu, il-Kummissjoni (il-Eurostat) temmen li mhuwiex iż-żmien it-tajjeb biex jiġu proposti moduli ġodda sakemm id-domanda għalihom ma tiżdiedx minn perspettiva ta’ politika. L-implimentazzjoni tat-tliet moduli l-ġodda tinvolvi sforz konsiderevoli min-naħa tal-Istati Membri. L-esperjenza bl-ewwel żewġ mewġiet ta’ moduli stabbiliti fl-2011 u fl-2014 uriet ukoll li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġ ikomplu jinvestu fis-sistemi tal-produzzjoni u fit-titjib tal-produzzjoni tad-data fuq diversi preżentazzjonijiet tad-data qabel ma s-sistemi tal-produzzjoni jkunu maturi u l-kwalità tad-data tkun stabbli.

(8)Konklużjonijiet

Mill-aħħar rapport s’issa, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għamlu aktar progress fl-implimentazzjoni tal-kontijiet ambjentali Ewropej skont ir-Regolament (UE) Nru 691/2011, b’mod partikolari permezz ta’ dan li ġej:

-it-tkabbir tal-kamp ta’ applikazzjoni bi tliet moduli tematiċi ġodda miżjuda mar-Regolament, flimkien ma’ varjabbli ġodda dwar l-investimenti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

-it-titjib fil-kwalità tad-data u effiċjenza akbar fil-produzzjoni tad-data;

-l-espansjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kontijiet ambjentali;

-l-iżvilupp ta’ indikaturi ulterjuri biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utenti; u

-l-valutazzjoni kontinwa tal-ħtieġa li tiġi aġġustata u mtejba l-kwalità tal-kontijiet ambjentali Ewropej fid-dawl ta’ prijoritajiet u oqsma ġodda.

(1)

()     ĠU L 192, 22.7.2011, p.1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2011/691/2025-06-24 .

(2)

()     COM(2022) 718,   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52022DC0718 .

(3)

()     COM(2020) 56, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1583142055591&uri=CELEX:52020DC0056 .

(4)

()     COM(2016) 663, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1478531808092&uri=CELEX:52016DC0663 .

(5)

()     COM/2013/0864, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX:52013DC0864 .

(6)

()     https://seea.un.org/ .

(7)

()     https://seea.un.org/ecosystem-accounting .

(8)

()    Ikopri n-Norveġja u l-Iżlanda. Il-Liechtenstein għandu deroga sħiħa. Il-Ftehim bilaterali dwar l-Istatistika tal-Iżvizzera mal-Unjoni Ewropea jinkludi r-Regolament minn Diċembru 2019. (Id-Deċiżjoni Nru 2/2019 tal-Kumitat tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea/l-Iżvizzera tat-2 ta’ Diċembru 2019 li tissostitwixxi l-Anness A tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika [2020/51]; ĠU L 17, 22.1.2020, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/51/oj).

(9)

()     https://ecosystem-accounts.jrc.ec.europa.eu/ .

(10)

()     ĠU L, 2024/1769, 27.6.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1769/oj .

(11)

()     ĠU L, 2025/1131, 4.6.2025, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1131/oj .

(12)

()    ĠU L 19, 20.1.2023 p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/137/oj.

(13)

()    ĠU L, 2025/472, 11.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/472/oj.

(14)

()     ĠU L, 2025/1170, 16.6.2025, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1170/oj .

(15)

()     https://ec.europa.eu/eurostat/cache/dashboard/environmental-accounts/ .

(16)

()     https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Statistics_on_climate_change_mitigation .

(17)

()     https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Quarterly_greenhouse_gas_emissions_in_the_EU .

(18)

()     https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Greenhouse_gas_emission_footprints .

(19)

()     https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Material_flow_accounts_statistics_-_material_footprints .

(20)

()    Sors: L-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri, id-data miġbura fl-analiżi tal-kostijiet tal-2020 tal-istatistika Ewropea.

(21)

()    Sors: L-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri, id-data miġbura mill-grupp ta’ esperti “Diretturi tal-istatistika u tal-kontijiet settorjali u ambjentali (DIMESA)” fl-2021 u għad-diskussjoni minnu.

(22)

()     https://data.europa.eu/doi/10.2785/1111373 . L-indikaturi tal-SDG ibbażati fuq il-kontijiet ambjentali huma “l-intensità tal-emissjonijiet tal-arja tal-industrija”, “l-impronta tal-materjali”, “il-valur miżjud gross fis-settur ambjentali”, “ir-rata tal-użu tal-materjal ċirkolari” u “l-ishma mit-taxxi ambjentali fid-dħul totali mit-taxxa”. Dan ir-rapport juża wkoll l-impronti tal-karbonju fil-kapitolu dwar l-effetti konsegwenzjali.

(23)

()     https://www.eea.europa.eu/en/topics/at-a-glance/state-of-europes-environment/environment-action-programme/8th-eap-indicator-based-progress .

(24)

()     https://ec.europa.eu/eurostat/web/circular-economy/monitoring-framework .

(25)

()     https://www.cbd.int/gbf .

(26)

().     https://ec.europa.eu/eurostat/cache/dashboard/environmental-accounts/ .

(27)

()     https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Statistics_on_climate_change_mitigation .

(28)

()    Minn Diċembru 2019 s’issa, l-Iżvizzera ppreżentat data skont il-Ftehim bilaterali dwar l-Istatistika tal-Iżvizzera mal-Unjoni Ewropea. Il-Liechtenstein għandu deroga sħiħa mir-Regolament (UE) Nru 691/2011, kif speċifikat fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 98/2012 tat-30 ta’ April 2012 li temenda l-Anness XXI (Statistika) għall-Ftehim ŻEE (ĠU L 248, 13.9.2012, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/98(2)/oj ).

(29)

()     https://ec.europa.eu/eurostat/web/main/data/database .

(30)

()     http://ec.europa.eu/eurostat/web/environment/overview .

(31)

()     https://circabc.europa.eu/ui/group/c4687299-277c-42f8-8747-dee3f17341de/library/f4f240c1-054c-4363-b598-7b3b9efb14e4/details .

(32)

() https://ec.europa.eu/eurostat/documents/1798247/6191525/European+Strategy+for+Environmental+Accounts.pdf/beb67371-bcdf-442e-b323-22c891b717a4?t=1707816517927 .

(33)

()    Kontijiet tal-ilma (kwantitattivi u kwalitattivi), kontijiet tan-nefqa għall-ġestjoni tar-riżorsi, sussidji jew miżuri ta’ appoġġ li potenzjalment jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent u l-kontijiet tal-iskart.