IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.12.2025
COM(2025) 758 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-IFRS, l-EFRAG u l-PIOB fl-2024
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.12.2025
COM(2025) 758 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-IFRS, l-EFRAG u l-PIOB fl-2024
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-IFRS, l-EFRAG u l-PIOB fl-2024
1.Introduzzjoni
Fit-28 ta’ April 2021, l-Unjoni Ewropea adottat il-Programm tas-Suq Uniku 1 biex tappoġġa u ssaħħaħ il-governanza tas-suq uniku, b’baġit totali ta’ EUR 4,21 biljun għall-perjodu mill-2021 sal-2027. Ir-Regolament dwar il-Programm tas-Suq Uniku jinkludi pakkett baġitarju ta’ EUR 220,5 miljun għall-proċessi ta’ standardizzazzjoni, li minnhom EUR 10,0 miljun ġew allokati fl-2024 2 biex jappoġġaw l-iżvilupp ta’ standards internazzjonali ta’ awditjar u rappurtar finanzjarju u mhux finanzjarju u biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fid-dritt tal-UE.
Skont il-Programm tas-Suq Uniku, il-Kummissjoni tipprovdi għotja annwali lill-Fondazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (il-Fondazzjoni tal-IFRS) għall-iżvilupp tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (l-istandards tal-kontabbiltà tal-IFRS), il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG), u l-Bord tas-Sorveljanza tal-Interess Pubbliku (PIOB). Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom rwol importanti fl-iżgurar tal-kwalità, l-affidabbiltà u d-disponibbiltà tal-informazzjoni finanzjarja u dwar is-sostenibbiltà fir-rapporti korporattivi permezz tal-ħidma tagħhom fuq l-iżvilupp ta’ standards internazzjonali ta’ awditjar u rappurtar finanzjarju u mhux finanzjarju. Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor l-attivitajiet tagħhom fl-2024, ħlief għall-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-IFRS dwar ir-rappurtar dwar is-sostenibbiltà peress li dawn mhumiex kofinanzjati mill-għotja tal-UE.
2.Il-Fondazzjoni tal-IFRS
2.1.Governanza
Il-Fondazzjoni tal-IFRS hija organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ stabbilita biex tiżviluppa, tippromwovi u tiffaċilita l-użu ta’ sett uniku ta’ standards tal-kontabbiltà u tad-divulgazzjonijiet tas-sostenibbiltà ta’ kwalità għolja, li jinftiehmu, infurzabbli u rikonoxxuti globalment.
Il-Fondazzjoni tal-IFRS hija rregolata minn Bord ta’ 22 fiduċjarju li huwa responsabbli kollettivament għas-sorveljanza tal-governanza u l-istrateġija organizzazzjonali tal-Fondazzjoni tal-IFRS, għas-sorveljanza tal-proċess dovut , għaż-żamma tal-Constitution u Due Process Handbook tal-Fondazzjoni IFRS, għall-ħatra ta’ membri tal-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB), tal-Bord dwar l-Istandards tas-Sostenibbiltà Internazzjonali (ISSB), il-Kumitat tal-Interpretazzjonijiet tal-IFRS u diversi korpi konsultattivi, u għall-iżgurar tal-finanzjament tal-Fondazzjoni tal-IFRS. Matul l-2024, Erkki Liikanen serva bħala President tal-Bord tal-Fiduċjarji.
Il-Fiduċjarji huma responsabbli quddiem il-Bord ta’ Monitoraġġ. Il-Bord ta’ Monitoraġġ, li l-Kummissjoni hija membru tiegħu, isaħħaħ il-funzjoni ta’ sorveljanza tal-interess pubbliku tal-Fondazzjoni tal-IFRS, jippromwovi l-iżvilupp ta’ standards ta’ kwalità għolja, u jaħtar il-fiduċjarji.
Il-Fondazzjoni tal-IFRS tospita l-IASB, li huwa responsabbli għall-iżvilupp tal-istandards tal-kontabilistiċi tal-IFRS, u l-ISSB, li huwa responsabbli għall-iżvilupp tal-istandards ta’ divulgazzjoni dwar is-sostenibbiltà tal-IFRS. L-IASB u l-ISSB jikkonsistu f’14-il membru kull wieħed. Huma jiġu nnominati għal mandat ta’ ħames snin li jista’ jiġġedded darba. Fl-2024, Andreas Barckow serva bħala President tal-IASB u Emmanuel Faber bħala President tal-ISSB.
Skont ir-Regolament IAS 3 , il-Kummissjoni tista’ tapprova standards tal-kontabbiltà tal-IFRS ġodda jew emendati wara l-parir ta’ approvazzjoni tal-EFRAG. Minħabba l-importanza ekonomika tal-istandards tal-kontabbiltà tal-IFRS, il-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Fondazzjoni tal-IFRS għall-iżvilupp tal-istandards tal-kontabbiltà tal-IFRS. Ma hemm l-ebda mandat legali għall-Kummissjoni biex tapprova (jew tadotta) standards globali ta’ divulgazzjoni tas-sostenibbiltà, iżda l-Kummissjoni u l-EFRAG jippromwovu l-interoperabbiltà tal-Istandards Ewropej tar-Rappurtar dwar is-Sostenibbiltà (ESRS) mal-istandards tad-divulgazzjoni tas-sostenibbiltà tal-IFRS u standards globali oħra, bħall-istandards tal-Inizjattiva Globali ta’ Rapportar (GRI).
2.2Attivitajiet
2.2.1.Standards ġodda u emendati
F’April 2024, l-IASB ħareġ l-IFRS 18 Preżentazzjoni u Divulgazzjoni fir-Rapporti Finanzjarji, li għandu l-għan li jiżgura li l-prestazzjoni finanzjarja ppreżentata fir-rapporti finanzjarji tkun aktar trasparenti u komparabbli globalment. Min-naħa tiegħu, dan se jippermetti lill-investituri jieħdu deċiżjonijiet aħjar dwar l-investiment. Ladarba l-IFRS 18 jidħol fis-seħħ, huwa se jissostitwixxi l-IAS 1 attwali Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji.
F’Mejju, l-IASB ħareġ l-IFRS 19 il-ġdid Sussidjarji mingħajr Responsabbiltà Pubblika: Divulgazzjonijiet, li jintroduċi opzjoni għal sussidjarji mingħajr responsabbiltà pubblika iżda b’kumpanija omm li tikkonforma mal-istandards tal-kontabbiltà tal-IFRS, biex japplikaw rekwiżiti ta’ divulgazzjoni mnaqqsa għar-rapporti finanzjarji individwali tagħhom. Dan l-istandard volontarju huwa maħsub biex jiġġenera ffrankar billi jnaqqas l-obbligi ta’ informazzjoni, filwaqt li jżomm id-data essenzjali mir-rapporti finanzjarji u jiżgura l-komparabbiltà tagħhom għall-utenti.
Barra minn hekk, f’Mejju, l-IASB ħareġ emendi żgħar għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji u tal-IFRS 7 Strumenti Finanzjarji: Divulgazzjonijiet (Emendi għall-Klassifikazzjoni u l-Kejl ta’ Strumenti Finanzjarji) biex jiġu indirizzati s-sejbiet mir-Rieżami ta’ Wara l-Implimentazzjoni (PIR) tar-rekwiżiti ta’ klassifikazzjoni u kejl fl-IFRS 9.
F’Lulju, l-IASB ħareġ Titjib Annwali għall-Istandards tal-Kontabbiltà tal-IFRS – Volum 11, dokument li jfittex li jiċċara l-kliem ta’ Standards tal-Kontabbiltà tal-IFRS differenti jew jikkoreġi konsegwenzi, żvisti jew kunflitti mhux intiżi minuri relatati mar-rekwiżiti fl-istandards tal-kontabbiltà tal-IFRS.
F’Diċembru, l-IASB ħareġ emendi għall-IFRS 9 u l-IFRS 7 (Kuntratti marbutin mal-Elettriku dipendenti fuq in-Natura) biex jirrifletti aħjar l-impatt tal-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija fuq ir-rapporti finanzjarji minħabba li l-kumpaniji qed jidħlu dejjem aktar f’tali ftehimiet għall-akkwist tal-enerġija rinnovabbli. Il-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija jgħinu lill-kumpaniji jtaffu l-effetti tat-tibdil fil-klima u jiddekarbonizzaw il-proċessi u l-prodotti tal-produzzjoni tagħhom.
Fl-aħħar nett, il-Fondazzjoni tal-IFRS aġġornat it-tassonomija tal-IFRS biex tirrifletti l-implikazzjonijiet ta’ standards u emendi ġodda 4 .
2.2.2.Proġetti
F’Marzu 2024, l-IASB ippubblika l-Abbozz ta’ Espożizzjoni Kombinamenti ta’ Negozju – Divulgazzjonijiet, Avvjament u Indeboliment sabiex itejjeb l-informazzjoni li l-kumpaniji jiżvelaw dwar il-prestazzjoni tal-kombinamenti ta’ negozju u biex jemenda t-test ta’ indeboliment ta’ unitajiet li jiġġeneraw il-flus li fihom l-avvjament.
F’Lulju, l-IASB ippubblika l-Abbozz ta’ Espożizzjoni Inċertezzi relatati mal-Klima u Inċertezzi oħra fir-Rapporti Finanzjarji, li kien jinkludi tmien eżempji li juru kif entità għandha tapplika l-istandards tal-kontabbiltà tal-IFRS biex tirraporta l-effetti ta’ inċertezzi relatati mal-klima u inċertezzi oħra fir-rapporti finanzjarji tagħha.
F’Lulju wkoll, l-IASB ippubblika l-Abbozz ta’ Espożizzjoni Emendi għall-IFRS 19 Sussidjarji mingħajr Reponsabbiltà Pubblika: Divulgazzjonijiet, li kellu l-għan li jallinja l-IFRS 19 ma’ standards ġodda u emendati tal-IFRS maħruġa bejn Frar 2021 u Mejju 2024.
F’Lulju u Settembru rispettivament, l-IASB lesta r-rieżamijiet tiegħu ta’ wara l-implimentazzjoni tal-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji – Indeboliment u tal-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti mal-Klijenti. Huwa kkonkluda li r-rekwiżiti fiż-żewġ standards kienu qed jaħdmu kif maħsub.
F’Settembru, l-IASB ippubblika l-Abbozz ta’ Espożizzjoni Il-Metodu tal-Ekwità tal-Kontabbiltà– IAS 28 Investimenti f’Kumpaniji Assoċjati u Impriżi Konġunti(rivedut 202x) sabiex jissupplimenta u jiċċara l-applikazzjoni tal-metodu tal-ekwità.
F’Novembru, l-IASB ippubblika l-Abbozz ta’ Espożizzjoni Provvedimenti–Titjibiet Immirati. Huwa stabbilixxa proposti għal tliet titjibiet għall-IAS 37 Provvedimenti, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti.
Matul l-2024, l-IASB lesta wkoll id-deliberazzjonijiet tiegħu dwar il-proġett ta’ attivitajiet irregolati mir-rati u kompla l-ħidma tiegħu fuq l-Abbozz ta’ Espożizzjoni Ġestjoni Dinamika tar-Riskji sabiex jiżviluppa rekwiżiti għall-makroħħeġġjar tar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata fil-portafoll bankarju.
Ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet u l-proġetti hija disponibbli fuq is-sit web tal-Fondazzjoni tal-IFRS 5 .
2.3.Finanzjament
Fl-2024, il-Fondazzjoni tal-IFRS irċeviet għotja ta’ EUR 3,05 miljun mill-Kummissjoni għal attivitajiet relatati mal-IASB, li tirrappreżenta 17 % tal-kontribuzzjonijiet ta’ finanzjament totali lill-Fondazzjoni tal-IFRS għal tali attivitajiet. Il-Kummissjoni kompliet tkun l-akbar kontributur, billi applikat rata massima ta’ kofinanzjament ta’ 20 % tal-kostijiet eliġibbli.
Id-diżaggregazzjoni tal-finanzjament għal attivitajiet relatati mal-IASB skont iż-żoni ġeografiċi prinċipali u n-networks kontabilistiċi internazzjonali turi li fl-2024 l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu responsabbli għal 32,8 % tal-kontribuzzjonijiet totali, fl-Asja-Oċeanja għal 34,8 %, fin-networks kontabilistiċi internazzjonali għal 14,7 %, fil-Kontinent Amerikan għal 5,5 %, fl-Afrika għal 0.9 % u f’oħrajn għal 11,3 %. Is-sehem relattiv tal-finanzjament mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri żdied meta mqabbel mal-2023 (minn 32,0 % għal 32,8 %).
3.L-EFRAG
3.1.Governanza
L-EFRAG hu organizzazzjoni ffinanzjata pubblikament u privatament li taħdem fl-interess pubbliku Ewropew u għandha l-forma legali ta’ AISBL (organizzazzjoni internazzjonali mingħajr skop ta’ qligħ skont id-dritt Belġjan). L-attivitajiet tagħha huma organizzati f’żewġ pilastri: rapportar finanzjarju u rapportar dwar is-sostenibbiltà.
Fil-qasam tar-rapportar finanzjarju, il-missjoni tal-EFRAG hija li taqdi l-interess pubbliku Ewropew billi tiżviluppa u tippromwovi fehmiet Ewropej fil-qasam tar-rappurtar finanzjarju u tiżgura li dawn il-fehmiet jiġu kkunsidrati kif suppost fil-proċess tal-iffissar ta’ standards tal-IASB u f’dibattiti internazzjonali relatati. L-EFRAG tipprovdi parir lill-Kummissjoni dwar jekk l-istandards tal-kontabbiltà tal-IFRS ġodda jew riveduti għandhomx jiġu approvati mill-UE. Barra minn hekk, l-EFRAG twettaq riċerka proattiva dwar il-kontabbiltà.
Fil-qasam tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, skont id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD) 6 , l-EFRAG tipprovdi pariri tekniċi lill-Kummissjoni fil-forma ta’ abbozz ta’ ESRSs elaborati skont proċess dovut robust. Barra minn hekk, hija tappoġġa l-implimentazzjoni effettiva tal-ESRSs.
Il-Bord Amministrattiv tal-EFRAG huwa responsabbli għas-sorveljanza tal-proċess dovut tal-korpi tekniċi kollha. Huwa appoġġat f’din il-ħidma minn Kumitat ta’ Proċess Dovut. Fl-2024, Wolf Klinz serva bħala President tal-Bord għar-Rappurtar Finanzjarju tal-EFRAG u Patrick de Cambourg bħala President tal-Bord tar-Rappurtar dwar is-Sostenibbiltà tal-EFRAG. Sa Ġunju 2024, Hans Buysse kien il-President tal-Bord tad-Diretturi tal-EFRAG, u minn Lulju 2024, Benoit Jaspar.
3.2.Il-Pilastru tar-rapportar finanzjarju
Fl-2024, il-ħidma tal-EFRAG dwar ir-rapportar finanzjarju baqgħet fil-biċċa l-kbira mmexxija mill-programm ta’ ħidma tal-IASB, tal-Kumitat tal-Interpretazzjonijiet tal-IFRS u tal-Fondazzjoni tal-IFRS.
L-organizzazzjoni ħarġet pariri ta’ approvazzjoni dwar emendi għall-IAS 21 L-Effetti ta’ Bidliet fir-Rati tal-Kambju (Nuqqas ta’ Skambjabbiltà), dwar emendi għall-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji u għall-IFRS 7 Strumenti Finanzjarji: Divulgazzjonijiet (Emendi għall-Klassifika u l-Kejl ta’ Strumenti Finanzjarji), u dwar Titjibiet Annwali għall-Istandards tal-Kontabbiltà tal-IFRS – Volum 11.
L-EFRAG ħejja pariri ta’ approvazzjoni dwar l-IFRS 18 Preżentazzjoni u Divulgazzjoni fir-Rapporti Finanzjarji u l-IFRS 19 Sussidjarji mingħajr Responsabbiltà Pubblika: Divulgazzjonijiet.
L-EFRAG ħarġet ukoll sitt ittri ta’ kumment u żewġ dikjarazzjonijiet ta’ feedback u ppubblikat dokument ta’ riċerka dwar il-konnettività bejn ir-rapportar finanzjarju u r-rapportar dwar is-sostenibbiltà.
Barra minn hekk, l-EFRAG issorveljat mill-qrib proġetti importanti tal-IASB li għaddejjin u li huma mistennija li jirriżultaw fl-iffissar tal-istandards tal-IASB li se jeħtieġu l-approvazzjoni tal-UE fil-futur qarib. Dawn il-proġetti jinkludu Attivitajiet irregolati mir-Rati, Strumenti Finanzjarji b’Karatteristiċi tal-Ekwità u tal-Ġestjoni Dinamika tar-Riskji. Fl-2024, l-EFRAG organizzat attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u diskussjonijiet madwar mejda biex tidentifika jekk, u sa liema punt, it-trattamenti kontabilistiċi proposti mill-IASB jaħdmu għall-kostitwenti Ewropej jew joħolqux sfidi ta’ applikazzjoni. Wara dan, l-EFRAG informa lill-IASB dwar kwistjonijiet potenzjali li jistgħu jiltaqgħu magħhom il-partijiet ikkonċernati Ewropej.
Permezz tal-Panel Akkademiku u n-Network Akkademiku tiegħu, l-EFRAG saħħet il-kooperazzjoni tagħha mal-isfera akkademika.
3.3.Pilastru tar-rappurtar dwar is-sostenibbiltà
Fl-2024, l-EFRAG iffokat fuq l-għoti ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni (MuT u linji gwida ta’ implimentazzjoni) lil kumpaniji kbar soġġetti għall-ESRS u fuq l-iżvilupp ta’ standards ta’ rapportar simplifikati għall-SMEs.
F’Jannar, l-EFRAG wettqet konsultazzjoni pubblika dwar l-iżvilupp ta’ żewġ standards għall-SMEs, jiġifieri standard simplifikat biex jitnaqqas il-piż tar-rapportar fuq l-SMEs elenkati (“standard tal-LSME”), u standard volontarju biex jappoġġa lill-SMEs mhux elenkati fl-għoti ta’ informazzjoni lill-banek jew lil gruppi akbar li l-ktajjen tal-valur tagħhom huma parti minnu (“standard tal-VSME”).
Fit-2 ta’ Mejju, l-EFRAG u l-Fondazzjoni tal-IFRS ippubblikaw gwida tal-interoperabbiltà li tiddeskrivi l-grad għoli ħafna ta’ allinjament bejn l-ESRS u l-ISSB u li tispjega kif il-kumpaniji jistgħu japplikaw iż-żewġ settijiet ta’ standards. Il-gwida inkludiet ukoll analiżi dettaljata ta’ kif id-divulgazzjonijiet relatati mal-klima huma allinjati.
F’Mejju wkoll, l-EFRAG ippubblikat tliet dokumenti ta’ gwida għall-implimentazzjoni għall-kumpaniji li jħejju d-dikjarazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà tagħhom skont l-ESRS, li jkopru l-valutazzjoni tal-materjalità, ir-rapportar tal-katina tal-valur, u t-twaqqif ta’ lista ta’ punti ta’ data.
L-EFRAG bdiet ukoll taħdem fuq dokument ta’ gwida għall-pjanijiet ta’ tranżizzjoni tal-kumpaniji u mmaniġġjat il-MuT tal-Pjattaforma tal-ESRS tiegħu għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-ESRS.
F’Awwissu 2024, l-EFRAG ippreżentat lill-Kummissjoni l-pariri tekniċi tagħha għall-forma diġitali ta’ ESRS Sett 1 Tassonomija tal-XBRL biex tgħin lill-kumpaniji jittaggjaw b’mod diġitali l-informazzjoni li jirrapportaw.
F’Novembru, l-EFRAG iffinalizzat l-abbozz tal-istandard LSME, iżda ma ħaditx nota formali, sakemm ikun hemm ċarezza politika dwar jekk l-istandard ikunx rekwiżit tal-CSRD wara l-adozzjoni tad-Direttiva Omnibus 7 .
F’Diċembru, l-EFRAG ippreżentat l-abbozz tal-istandard VSME lill-Kummissjoni. Bi tweġiba għal talbiet multipli, l-EFRAG bdiet tiżviluppa wkoll gwida u appoġġ għall-SMEs li għandhom l-għan li japplikaw l-istandard VSME.
3.4.Finanzjament
Għall-2024, il-kostijiet operatorji totali tal-EFRAG kienu ta’ EUR 15,1 miljun, li kienu jinkludu stima ta’ EUR 3,2 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura pprovduti minn partijiet terzi. Il-finanzjament mill-Kummissjoni flimkien mar-rilaxx u d-differiment tal-Organizzazzjonijiet Membri tal-EFRAG kienu jaqblu mal-ispejjeż tal-assoċjazzjoni. Il-qligħ imfaddal tal-EFRAG kien ta’ EUR 4,9 miljun fi tmiem l-2024. Il-kontribuzzjonijiet in natura jinkludu ż-żmien mogħti mill-membri tal-Bord għar-Rappurtar Finanzjarju tal-EFRAG, il-Bord għar-Rappurtar dwar is-Sostenibbiltà u l-gruppi ta’ esperti tekniċi (il-Presidenti biss jitħallsu), kif ukoll sekondar temporanju lis-segretarjat tal-EFRAG.
Il-Kummissjoni żiedet il-kontribuzzjoni tal-UE għall-2024 minn EUR 6,3 miljun għal EUR 6,6 miljun maqsuma f’żewġ għotjiet għal azzjoni, waħda għar-rapportar finanzjarju (EUR 2 miljun) u waħda għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà (EUR 4,6 miljun). Il-Kummissjoni pprovdiet kofinanzjament sa 60 % tal-kostijiet eliġibbli tal-EFRAG għar-rapportar finanzjarju u sa 90 % tal-kostijiet eliġibbli tal-EFRAG għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Għar-rapportar finanzjarju, il-kontribuzzjonijiet fi flus ġew ukoll minn organizzazzjonijiet Ewropej tal-partijiet ikkonċernati (EUR 0,6 miljun) u organizzazzjonijiet nazzjonali minn Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Belġju, in-Netherlands, id-Danimarka, Spanja, l-Iżvezja u l-Lussemburgu (EUR 1,6 miljun). Għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-partijiet ikkonċernati kkontribwew EUR 0,5 miljun, l-organizzazzjonijiet nazzjonali kkontribwew EUR 1 miljun, il-Ħbieb tal-EFRAG ikkontribwew EUR 0,3 miljun u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kkontribwew EUR 0,1 miljun.
4.Bord tas-Sorveljanza tal-Interess Pubbliku (PIOB)
4.1.Governanza
Il-PIOB huwa l-korp ta’ sorveljanza indipendenti globali li jiżgura l-kwalità u l-enfasi fuq l-interess pubbliku tal-proċess tal-iffissar tal-istandards għall-istandards internazzjonali tal-awditjar, tal-aċċertament u tal-etika fformulati mill-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Aċċertament (IAASB) u mill-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Etika għall-Kontabbilisti (IESBA). Ir-rwol ewlieni tiegħu huwa li jiżgura li l-IAASB u l-IESBA jsegwu l-proċess dovut meta jiżviluppaw standards u strateġiji, f’konformità mal-qafas ta’ interess pubbliku. Sa mill-2022, il-PIOB kien responsabbli għall-għażla u n-nomina tal-membri tal-IAASB u l-IESBA.
Il-Grupp ta’ Monitoraġġ 8 , li l-Kummissjoni hija membru tiegħu, jimmonitorja kif il-PIOB qed iwettaq il-mandat ta’ interess pubbliku tiegħu rigward is-sorveljanza mill-PIOB tal-proċess tal-iffissar tal-istandards. Huwa jaħtar l-għaxar membri tal-PIOB, minbarra l-President, li jinħatar mill-IOSCO.
4.2. Attivitajiet
Fl-2024, il-PIOB issorvelja l-attivitajiet tal-IAASB u l-IESBA. Il-PIOB approva tliet standards tal-IESBA, standard wieħed tal-IAASB, u l-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ ħidma taż-żewġ bordijiet għall-2024-2027. Il-PIOB ippubblika tliet Kwistjonijiet ta’ Interess Pubbliku minbarra li appoġġa pubblikazzjonijiet ta’ sorveljanza 9 .
Il-PIOB lesta wkoll it-tielet ċiklu ta’ nomini għall-IAASB u għall-IESBA, b’suċċess mill-2021 u kiseb kompożizzjoni b’diversi partijiet ikkonċernati b’diversità ġeografika u tal-ġeneru mtejba f’konformità mar-Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Monitoraġġ.
4.3.Finanzjament
Għall-2024, il-baġit totali tal-PIOB kien ta’ EUR 2,5 miljun. Il-PIOB irċieva 18-il kontribuzzjoni monetarja, inklużi EUR 350 000 mill-Kummissjoni Ewropea, soġġetti għal rata massima ta’ kofinanzjament ta’ 30 % tal-kostijiet eliġibbli. Il-Gvern Spanjol jipprovdi uffiċċji għall-PIOB, stmati għal EUR 199 928.
Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) baqgħet l-akbar kontributur, iżda f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Monitoraġġ biex titnaqqas id-dipendenza tal-professjoni tal-awditjar fis-sistema tal-iffissar tal-istandards tal-awditjar, il-kontribuzzjoni tal-IFAC naqset b’mod kontinwu (minn EUR 1,4 miljun (jew 63,56 %) fl-2022 għal EUR 950 000 (jew 41,37 %) fl-2023 għal EUR 650 000 (jew 26,16%) fl-2024). Minkejja sforzi kontinwi biex jiġu attirati sponsors biex jissostitwixxu l-kontribuzzjonijiet tal-IFAC, il-PIOB iffaċċja nuqqas ta’ finanzjament fl-2024. Il-Kumitat tal-Politika Pubblika Globali (GPPC), li jirrappreżenta l-akbar sitt networks internazzjonali tal-kontabbiltà, naqqas dan id-distakk b’pagament ta’ darba ta’ EUR 500 000.
L-2025 hija l-aħħar sena li l-IFAC se jikkontribwixxi (li jammonta għal EUR 500 000). Sakemm ma jinstabux sponsors oħra, il-PIOB jerġa’ jiffaċċja nuqqas. Għalhekk hemm ħtieġa urġenti li l-Grupp ta’ Monitoraġġ u l-PIOB jindirizzaw id-diskrepanza fil-finanzjament strutturali u jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul tar-responsabbiltajiet ta’ sorveljanza u nominazzjoni tal-PIOB, li huma kritiċi għall-kwalità u l-indipendeza fis-sistema internazzjonali li tistabbilixxi l-istandards.
5.Konklużjonijiet
Għal ħafna snin issa l-UE kkontribwiet finanzjarjament għall-Fondazzjoni tal-IFRS, l-EFRAG u l-PIOB. L-appoġġ kontinwu tagħha kien indispensabbli għal dawn l-organizzazzjonijiet, u ppermettielhom iwettqu l-kompiti rispettivi tagħhom fl-interess pubbliku u, min-naħa tagħhom, jikkontribwixxu għal standards ta’ kwalità għolja li jiżguraw li s-suq intern tal-UE jiffunzjona b’mod effettiv.
Ir-Regolament (UE) 2021/690 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, u għall-kompetittività tal-intrapriżi (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/690/oj).
L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2024)5420 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2023)8926 fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ ċerti azzjonijiet taħt il-Programm tas-Suq Uniku.
Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/1606/oj )
It-tassonomija tal-IFRS isservi bħala kontribut għall-Format Elettroniku Uniku Ewropew skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/815.
Pjan ta’ ħidma tal-Fondazzjoni tal-IFRS: https://www.ifrs.org/projects/work-plan/ ; u l-proġetti lesti: https://www.ifrs.org/projects/completed-projects/ .
Id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2013/34/UE, fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2464/oj).
Fis-26 ta’ Frar 2025, il-Kummissjoni adottat il-pakkett Omnibus I, inklużi żewġ proposti biex temenda, fost l-oħrajn, is-CSRD (COM(2025) 80 u COM(2025) 81), Omnibus I - Il-Kummissjoni Ewropea .
Fl-14 ta’ Lulju 2025, il-PIOB ppubblika l-20 rapport pubbliku annwali (għas-sena 2024) fuq is-sit web tiegħu: https://ipiob.org/.