Brussell, 8.10.2025

COM(2025) 723 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Strateġija għall-Applikazzjoni tal-IA


1.Introduzzjoni

L-Intelliġenza Artifiċjali (“IA”) qed tavvanza b’pass liema bħalu b’kapaċitajiet li jistgħu jsawru mill-ġdid l-industriji u s-settur pubbliku kollha 1 . L-iżvilupp u l-adozzjoni tat-teknoloġiji tal-IA (bħall-mudelli avvanzati tal-IA bi skop ġenerali, l-aġenti tal-IA, it-tewmin diġitali u mudelli żgħar speċjalizzati tal-IA) huma opportunità tad-deheb għall-UE biex tixpruna l-innovazzjoni, tħaffef it-tkabbir fil-produttività, u ssaħħaħ il-qawwa kompetittiva u s-sovranità teknoloġika tagħha. Minkejja bażi industrijali soda u ekosistema vibranti ta’ negozji ġodda, l-iżvilupp u l-adozzjoni tal-IA fl-UE għadhom limitati, hekk kif dawn it-teknoloġiji qed jintużaw biss minn 13.5% tan-negozji u 12.6% tal-intrapriżi żgħar u medji (SME) 2 – is-sinsla tal-ekonomija tal-UE.

Filwaqt li tibni fuq il-Pjan ta’ Azzjoni għal Kontinent tal-IA u fuq l-impenn tal-UE li tippromwovi IA affidabbli u bil-bniedem fiċ-ċentru, f’konformità mal-Att dwar l-IA 3 , l-Istrateġija tiffoka fuq li taħtaf il-potenzjal trasformattiv tal-IA bħala katalizzatur għal integrazzjoni vertikali akbar. Din għandha l-għan li żżid bil-kbir l-użu tal-IA, b’mod partikolari fost l-SMEs u l-kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja, u li tiffaċilita l-integrazzjoni tal-IA ħalli ssaħħaħ il-kompetittività tal-industriji Ewropej, b’mod partikolari dawk aktar strateġiċi. Tara wkoll li taħtaf il-benefiċċji soċjetali usa’ tal-IA, li jvarjaw minn dijanjożi tal-kura tas-saħħa aktar bikrija u aktar preċiża, sa aktar effiċjenza u aċċessibbiltà fis-servizzi pubbliċi, filwaqt li tħares il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni. Barra minn hekk, tara li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-UE u tistinka għal eċċellenza b’IA prijuniera.

Biex tilħaq dawn l-għanijiet, l-Istrateġija tippromwovi bidla fil-mod kif il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku jħarsu lejn is-soluzzjonijiet għall-problemi. Billi jadottaw politika li tpoġġi l-IA l-ewwel, dawn qed jitħeġġu jħaddmu IA li tibni fuq is-soluzzjonijiet Ewropej. Billi jużaw l-IA u fl-istess waqt jistħarrġu l-benefiċċji u r-riskji potenzjali tagħha, il-kumpaniji Ewropej jistgħu jadattaw għall-impatt trasformattiv tagħha, inkluż fejn jidħol l-immaniġġjar tal-postijiet tax-xogħol u l-ħtiġijiet tat-taħriġ. Dan l-approċċ mhux biss jixpruna s-suċċess tan-negozji iżda jrawwem ukoll l-iżvilupp ta’ preżenza strateġika Ewropea fid-diversi saffi tal-istacks tal-IA 4 , filwaqt li jinvolvi lill-ħaddiema u jappoġġa l-ħolqien ta’ ekosistema tal-IA tal-UE soda u sovrana.

Skont it-tagħrif miksub mill-konsultazzjoni pubblika 5 u minn diskussjonijiet settorjali 6 fl-aħħar xhur, l-Istrateġija għall-Applikazzjoni tal-IA hija mibnija fuq tliet pilastri ewlenin 7 , jiġifieri li:

·Jitniecu inizjattivi ewlenin settorjali li jagħtu spinta lill-użu tal-IA fis-setturi industrijali ewlenin tal-ekonomija tal-UE u fis-settur pubbliku.

·Jingħelbu l-isfidi trażversali ħalli titħeġġeġ adozzjoni akbar tal-IA mill-SMEs; ikollna forza tax-xogħol lesta għall-IA fis-setturi kollha; jiżdiedu l-kapaċitajiet avvanzati tal-IA; u tkun żgurata l-fiduċja fis-suq.

·Jitwaqqaf mekkaniżmu ta’ governanza uniku ħalli jitħaddem approċċ settorjali u jitrawwem proċess dinamiku ta’ kollaborazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati. Se jitnieda wkoll Osservatorju tal-IA biex jiżviluppa indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) u jsegwi l-iżviluppi, l-impatt u x-xejriet futuri tal-IA.

·Mal-Istrateġija għall-Applikazzjoni tal-IA hemm ukoll il-Istrateġija għall-IA fix-Xjenza li ħabbret ir-Riżorsa għall-Intelliġenza Artifiċjali fix-Xjenza fl-Ewropa (RAISE) bħala inizjattiva ewlenija li tkopri l-adozzjoni tal-IA fid-dixxiplini xjentifiċi kollha. Tikkomplementaha hemm l-Istrateġija għal Unjoni tad-Data li tipprovdi sorsi ġodda ta’ settijiet tad-data ta’ kwalità għolja u fuq skala kbira, li tant huma meħtieġa għat-taħriġ tal-algoritmi.

2.Jitniedu inizjattivi ewlenin settorjali

L-IA għandha l-potenzjal li tittrasforma kif jaħdmu l-industriji, kif jitmexxew il-gvernijiet, u kif jinkiseb il-valur fl-ekonomija. Tista’ żżid l-isforzi tas-simplifikazzjoni u b’hekk tixpruna l-produttività u l-kompetittività. Is-subtaqsimiet li ġejjin jiddeskrivu inizjattivi ewlenin li huma maħsuba biex jindirizzaw l-isfidi settorjali ewlenin u jappoġġaw l-approċċ ta’ politika li tpoġġi l-IA l-ewwel. Dawn ħarġu mir-rispons inizjali li taw il-partijiet ikkonċernati waqt il-konsultazzjoni pubblika 8 , fis-sejħa għall-evidenza 9 u tul is-17-il djalogu strutturat tekniku (l-Anness 1) li saru ma’ atturi settorjali ewlenin.

L-adozzjoni tal-Istrateġija għall-Applikazzjoni tal-IA timmarka l-bidu ta’ vjaġġ trasformattiv li se jkun qed jiġi aġġornat u estiż kontinwament bis-saħħa tal-kontributi li jipprovdi l-mekkaniżmu ta’ governanza deskritt fl-aħħar kapitlu tal-Istrateġija. Dan ifisser li fil-futur l-azzjonijiet ta’ hawn taħt jistgħu jiġu kkomplementati b’inizjattivi ġodda f’setturi oħra bħall-finanzi, it-turiżmu u l-kummerċ elettroniku. Biex toperazzjonalizza l-azzjonijiet ta’ din l-Istrateġija, il-Kummissjoni qed timmobilizza madwar EUR 1 biljun mill-programmi tal-finanzjament 10 tagħha b’effetti importanti ta’ ingranaġġ skont is-settur partikolari.

2.1. Il-kura tas-saħħa, inkluż il-farmaċewtika

L-IA għandha potenzjal sinifikanti li tittrasforma s-settur tal-kura tas-saħħa u tal-farmaċewtika, u li ttejjeb jew saħansitra ssalva l-ħajjiet madwar l-UE. Tista’ tgħin għal deċiżjonijiet kliniċi aktar bikrija u aktar preċiżi, ittaffi l-piż amministrattiv tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, tappoġġa l-proċessi amministrattivi, u ttejjeb l-eżiti tal-pazjenti tul il-perkors tal-kura. Minħabba l-pressjoni dejjem akbar fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa, l-IA toffri għodod konkreti li jtejbu l-effiċjenza u l-kwalità, inkluż f’żoni mhux moqdija biżżejjed jew remoti li għandhom nuqqas ta’ sptarijiet, speċjalisti, jew servizzi dijanjostiċi. Lil hinn mill-kura tas-saħħa ta’ rutina, kif enfasizzat fl-Istrateġija tal-UE għall-Kontromiżuri Mediċi 11 , il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll l-użu ta’ għodod tal-IA għat-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet tas-saħħa, inkluż għal skoperta u monitoraġġ aktar malajr tat-theddid għas-saħħa ħalli jkollna intelligence dwar kontromiżuri mediċi.

Iżda l-użu tal-IA fil-kura tas-saħħa madwar l-UE, u l-integrazzjoni tagħha fil-flussi tax-xogħol kliniċi u fil-proċessi amministrattivi, għadhom limitati u irregolari 12 . Fost l-ostakli hemm id-disponibbiltà ta’ data ta’ kwalità, l-eteroġeneità tal-infrastrutturi, u n-nuqqas ta’ litteriżmu, ħiliet u fiduċja fl-IA fost il-professjonisti tal-kura tas-saħħa. Hemm bżonn azzjonijiet li jrawmu l-investiment, jinċentivaw l-innovazzjoni u jippromwovu kollaborazzjoni multidixxiplinarja transfruntiera biex l-IA tkun tista’ tipprovdi l-benefiċċji kollha tagħha għas-sistemi tal-kura tas-saħħa u għaċ-ċittadini 13 .

Biex tappoġġa l-politika li tpoġġi l-IA l-ewwel fis-settur tal-kura tas-saħħa, il-Kummissjoni se:

·tistabbilixxi ċentri Ewropej tal-iskrinjar avvanzati u mħaddma bl-IA ħalli fil-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa titħaffef l-introduzzjoni ta’ għodod innovattivi għall-prevenzjoni u għat-tfassil tad-dijanjożi u biex is-servizzi tal-kura tas-saħħa jaslu f’żoni li mhumiex moqdijin biżżejjed. L-inizjattiva għandha l-għan li ttejjeb l-iskoperta bikrija u li tiżgura dijanjożi fil-ħin, b’mod partikolari għall-mard tal-qalb u għall-kanċer. Se tħaddem approċċ li tiżgura li l-iskrinjar u d-dijanjożi mħaddma bl-IA jkunu jqisu fatturi speċifiċi skont il-ġeneru 14 . Huma u jużaw is-soluzzjonijiet tal-IA, dawn iċ-ċentri jkunu qed jappoġġaw il-validazzjoni klinika fid-dinja reali u l-ittestjar tal-prestazzjoni lokali, filwaqt li jiġġeneraw evidenza għall-adozzjoni klinika 15 . In-network ta’ dawn iċ-ċentri mħaddma bl-IA se jiffaċilita l-aċċess għal settijiet tad-data ta’ kwalità għolja abbażi tal-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa 16 kif ukoll l-infrastrutturi diġitali Ewropej tal-immaġnijiet tal-kanċer 17 u d-data ġenomika 18 , u se jappoġġa l-ittestjar u l-validazzjoni ta’ mudelli tal-IA promettenti, inkluż għal prevenzjoni personalizzata. Dan se jibni fuq l-azzjonijiet rilevanti tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, tal-Istrateġija għax-Xjenzi tal-Ħajja, u tal-Pjan tas-Saħħa Kardjovaskulari tal-UE li jmiss.

·tistabbilixxi Network Ewropew ta’ Għarfien Espert dwar l-Implimentazzjoni tal-IA fil-Kura tas-Saħħa biex tikkonsolida l-linji gwida u l-aqwa prattiki. Dan se jipprovdi playbooks dwar l-implimentazzjoni, linji gwida, inkluż dwar il-validazzjoni lokali (il-prestazzjoni fil-prattika klinika) u monitoraġġ ta’ wara l-implimentazzjoni, prinċipji tad-disinn u jifrex il-pedamenti għall-iskambju tal-aqwa prattiki tal-użu tal-IA fil-kura tas-saħħa.

L-IA qed tirrivoluzzjona wkoll l-iżvilupp tal-mediċini, minn skoperta malajr tal-mediċini sa għajnuna għal monitoraġġ tal-effetti negattivi tagħhom. L-immudellar u s-simulazzjonijiet ibbażati fuq l-IA jistgħu jħaffu l-iskoperta ta’ alternattivi ġodda tat-trattament u jidentifikaw użi terapewtiċi ġodda għall-mediċini eżistenti, bħal pereżempju antibijotiċi ġodda, u jtejbu l-previżjonijiet tas-sikurezza u tal-effikaċja. Minħabba f’hekk, l-għadd ta’ privattivi tal-IA relatati mal-kura tas-saħħa ppubblikati kull sena fl-Istati Membri tal-UE żdied b’20 darba bejn l-2016 u l-2024 19 . Biex naħtfu l-potenzjal kollu tal-IA fl-iżvilupp tal-mediċina se jkun hemm bżonn progress kontinwu fit-tiswir ta’ mudelli bażi sodi tal-IA, u sforzi li jiżguraw l-affidabbiltà, it-trasparenza u r-rilevanza klinika tagħhom – prijorità partikolarment importanti biex tiġi xprunata l-innovazzjoni fis-settur tal-bijoteknoloġija 20 .

Apparat mediku li jinkorpora applikazzjonijiet tal-IA jista’ jwassal għal progress enormi fl-għoti tal-kura tas-saħħa, meta wieħed iqis l-isfidi attwali tas-sistemi tas-saħħa, bħall-iskarsezzi tal-ħaddiema. Hu importanti li l-qafas regolatorju tal-UE joħloq ambjent ta’ appoġġ għall-innovazzjoni.

Biex tappoġġa l-adozzjoni tal-IA fl-iżvilupp tal-mediċina, il-Kummissjoni se:

·tniedi sfida għal skoperti tal-mediċini bl-IA, għal mediċini ġodda potenzjali li jistgħu jintużaw għal bżonnijiet mediċi li għadhom mhumiex issodisfati u għal trattamenti ta’ mard li jidher diffiċli li jitfejjaq, bħall-marda ta’ Alzheimer jew ċerti kanċers. Ir-rebbieħ tal-isfida jikseb aċċess dedikat għall-kapaċità komputazzjonali tal-Fabbriki tal-IA u għal konsulenza fuq kif iwassal l-iskoperti tiegħu fis-suq.

·tipproponi azzjonijiet xierqa biex tissimplifika u tippermetti introduzzjoni aktar malajr fis-suq ta’ apparati mediċi mingħajr ma tikkomprometti s-sikurezza.

2.2. Ir-robotika

L-Ewropa tinsab fuq quddiem nett fir-rivoluzzjoni tar-robotika – l-“IA fiżika” – b’installazzjoni ta’ aktar minn 90 000 robot industrijali fl-2023 u b’aktar minn 400 produttur tar-robotika tas-servizzi, . Filwaqt li tibni fuq l-eċċellenza tal-mekkatronika, tas-sensuri u tal-mikrokontrolluri, l-integrazzjoni tal-IA se tippermetti lill-iżviluppaturi tal-UE jaslu għal bosta innovazzjonijiet varji, minn robots konjittivi sa droni awtonomi, u jħallu firxa kbira ta’ impatti fuq il-manifattura, il-kura tas-saħħa, l-agrikoltura, id-difiża, u l-bqija. L-UE hija partikolarment b’saħħitha fir-robotika industrijali, għax ir-robots kollaborattivi, jiġifieri l-hekk imsejħa “cobots”, jippermettu interazzjoni sikura u effiċjenti bejn il-bniedem u r-robots, jgħinu biex jittaffew l-iskarsessi tal-ħaddiema u jnaqqsu l-esponiment tal-ħaddiema għal xogħol tedjanti jew perikoluż. Madankollu, jekk l-UE trid tibqa’ pijuniera fl-innovazzjoni f’dan il-qasam, ir-robotika jeħtieġ tkompli tiżviluppa bl-integrazzjoni tal-IA ġenerattiva u bl-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet Ewropej.

Biex tappoġġa l-adozzjoni tal-IA fis-settur tar-robotika, il-Kummissjoni se:

·tistabbilixxi Katalizzatur għall-adozzjoni tar-Robotika Ewropea, li jlaqqa’ flimkien lill-iżviluppaturi u lill-industriji utenti biex iħaffu l-iżvilupp u l-adozzjoni tas-soluzzjonijiet Ewropej li jaqblu mal-ħtiġijiet tas-suq. Dan se jsir b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni għall-IA, id-Data u r-Robotika 21 . F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tiffinanzja l-iżvilupp ta’ Pipelines ta’ Aċċellerazzjoni settorjali għall-adozzjoni tar-robotika mħaddma bl-IA, b’enfasi fuq il-każijiet tal-użu b’impatt għoli, prijoritizzati b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-industriji tal-utenti finali, u filwaqt li tiżgura innovazzjoni allinjata mal-ħtiġijiet tad-dinja reali.

2.3. Il-manifattura, l-inġinerija u l-kostruzzjoni

Is-settur Ewropew tal-manifattura fih 2.2 miljun intrapriża, l-aktar SMEs, li jimpjegaw 30 miljun persuna u jiġġeneraw madwar 14% tal-PDG tal-UE 22 . Mill-iżvilupp ta’ materjali ġodda (aktar nodfa) sal-katina tal-provvista u l-loġistika, il-manifattura tinkludi firxa wiesgħa ta’ segmenti interrelatati li jvarjaw minn industriji tradizzjonali u tat-teknoloġija avvanzata sal-kostruzzjoni jew il-loġistika. Minkejja l-preġji tal-UE fil-manifattura tat-teknoloġija medja u għolja f’setturi bħall-inġinerija mekkanika u elettrika, is-sustanzi kimiċi, u l-makkinarju, il-produzzjoni qed tersaq lejn reġjuni b’inqas kostijiet, tnaqqas il-kompetittività u ddgħajjef ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika. Madankollu, il-potenzjal trasformattiv tal-IA u tal-awtomatizzazzjoni jista’ jreġġa’ lura din ix-xejra.

L-IA tista’ ttejjeb l-effiċjenza, il-preċiżjoni u l-adattabbiltà f’diversi proċessi tal-produzzjoni. Il-pedament ta’ din it-trasformazzjoni hu l-użu ta’ tewmin diġitali mħaddmin bl-IA, b’mod li l-kumpaniji jkunu jistgħu jwettqu simulazzjonijiet kumplessi u xenarji ipotetiċi f’ambjenti virtwali. Illum il-ġurnata diġà qed jintużaw fis-setturi tal-manifattura biex jiffaċilitaw il-manutenzjoni predittiva 23 u jgħinu fid-disinn u l-ottimizzazzjoni tal-operat tal-ktajjen sħaħ tal-provvista, tal-ħwienet u tal-flussi tax-xogħol ewlenin tul il-produzzjoni tagħhom. Billi joħolqu mudelli diġitali intelliġenti ta’ binjiet, prodotti, magni u proċessi tal-manifattura, il-kumpaniji jistgħu jittestjaw, itejbu u jirfinaw l-operazzjonijiet tagħhom qabel ma jagħmlu l-bidliet fid-dinja reali.

Biex tappoġġa l-adozzjoni tal-IA fis-settur tal-manifattura, il-Kummissjoni se:

·tappoġġa l-iżvilupp ta’ mudell tal-IA pijuniera u aġenti tal-IA adattati għall-manifattura. Filwaqt li tibni fuq l-Ispazji tad-Data tal-Manifattura 24 u fuq l-Istrateġija li jmiss għal Unjoni tad-Data, il-Kummissjoni se tiffaċilita l-ġbir tad-data fost l-atturi industrijali tramite partijiet terzi fdati, biex tiżgura volum biżżejjed ta’ data għat-taħriġ, filwaqt li tħares il-proprjetà intellettwali u s-sigurtà tad-data u tuża l-laboratorji tad-data kif rilevanti fil-Fabbriki tal-IA.

·tiffinanzja l-iżvilupp ta’ Pipelines ta’ Aċċellerazzjoni għall-adozzjoni tal-IA fil-manifattura, filwaqt li tnaqqas d-distakk b’mod aktar effettiv bejn il-laboratorji tar-riċerka u l-implimentazzjoni. Dawn il-proġetti se jħaffu l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tal-manifattura mħaddma bl-IA li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-industrija, billi jipprovdu appoġġ kontinwu, u jiżguraw li dawk is-soluzzjonijiet jitilqu mil-laboratorju u jiksbu livell għoli ta’ maturità li jkun adattat għall-applikazzjonijiet tad-dinja reali.

2.4. Id-difiża, is-sigurtà u l-ispazju

L-IA feġġet bħala teknoloġija fixkiela kritika b’impatt profond fuq il-ġeopolitika, is-sigurtà u d-difiża. Kif enfasizzat il-White Paper għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030 25 , it-teknoloġiji l-ġodda, fosthom l-IA 26 qed ibiddlu mill-qiegħ in-natura tal-gwerer. Ir-rwol tal-IA għad-difiża mistenni jiżdied radikalment fid-dawl tal-interess dejjem akbar fl-applikazzjonijiet tal-IA b’użu doppju u, b’mod partikolari, l-aspettattiva li l-mudelli pijunieri għandhom il-potenzjal li jipprovdu superjorità strateġika u militari. L-IA tista’ tipprovdi ċertu vantaġġ strateġiku jekk tintuża għall-vetturi bla ekwipaġġ, tista’ tipprovdi għarfien sitwazzjonali u rikonoxximent tat-tendenzi fil-kamp tal-battalja, u tista’ tipprovdi appoġġ lill-armamenti (bħall-ajruplani tal-gwerra) jew meta tintuża għall-awtomatizzazzjoni ta’ xi parti mill-prodotti tad-difiża, bħad-droni. Kif ħabbret il-White Paper, sa tmiem l-2025 se jiġi ppreżentat il-Pjan Direzzjonali Teknoloġiku Ewropew għall-Armamenti biex irawwem integrazzjoni aktar malajr tat-teknoloġiji kritiċi rivoluzzjonarji, inkluż l-IA, fil-kapaċitajiet tad-difiża, biex tinkiseb prontezza Ewropea għad-difiża sal-2030, f’konformità mal-interessi u mal-objettivi ekonomiċi u tas-sigurtà tal-Unjoni.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkofinanzja ċerti kapaċitajiet komputazzjonali mal-Istati Membri, inkluż f’sinerġija mad-difiża. L-Istati Membri, permezz tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom, jistgħu jibbenefikaw ukoll minn Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) biex jinvestu f’oqsma ewlenin tad-difiża, inkluż fit-tagħmir imħaddem bl-IA u ċ-ċibersigurtà.

Barra minn hekk, il-Viżjoni għall-Ekonomija Spazjali Ewropea 27 tagħraf ir-rwol kruċjali tal-IA biex tingħata spinta lill-kompetittività u lir-reżiljenza tas-settur spazjali tal-UE. L-IA tirrivoluzzjona l-mod kif jiġu ddisinjati, manifatturati u operati s-sistemi spazjali. Bl-istess mod, l-IA hija kruċjali għall-infrastruttura fl-art biex timmaniġġa l-megakostellazzjonijiet futuri u jinkisbu l-kapaċitajiet ta’ mmudellar ta’ data spazjali kbira. Din hija r-raġuni għalfejn, biex taħtaf il-potenzjal kollu tas-sistemi spazjali tal-UE, il-Kummissjoni se tħeġġeġ, meta applikabbli, ambjent li jiffaċilita l-integrazzjoni tal-kapaċitajiet u tat-teknoloġiji tal-IA, ħalli titjieb il-prestazzjoni u jiżdiedu l-effiċjenza u s-sigurtà. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta’ mudelli pijunieri sovrani u sistemi tal-IA b’aġenzija, filwaqt li tiżgura li s-sikurezza tkun inkorporata bid-disinn.

Biex tappoġġa l-politika li tpoġġi l-IA l-ewwel fis-settur tad-difiża u tal-ispazju, il-Kummissjoni se:

·tħaffef l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-għarfien sitwazzjonali u l-kapaċitajiet C2 (Kmand u Kontroll) Ewropej abilitati bl-AI permezz tal-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF), filwaqt li tinċentiva wkoll soluzzjonijiet b’arkitettura miftuħa u b’użu doppju għas-sigurtà fil-fruntieri u għall-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, filwaqt li tiżgura l-interoperabbiltà b’appoġġ għall-inizjattivi ewlenin tad-difiża, fosthom l-Għassa tan-Naħa tal-Lvant u l-Ħajt kontra d-Droni, speċjalment għall-integrazzjoni ta’ karatteristiċi awtonomi f’diversi soluzzjonijiet.

·tuża infrastruttura Ewropea strateġika u dedikata b’kapaċitajiet ta’ qawwa komputazzjonali mill-aktar siguri (eż. fabbrika/gigafabbrika tal-IA) għat-taħriġ ta’ mudelli tal-IA dwar id-difiża u l-ispazju, u għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet tal-IA dwar id-difiża u l-ispazju.

·tappoġġa l-konformità tal-IA fil-manifattura u fl-operazzjonijiet spazjali tal-UE, inkluż fl-infrastruttura fl-orbita u fuq l-art, b’manifattura avvanzata, robotika, komputerizzazzjoni edge/fl-orbita apposta, networks tad-data bbażati fl-ispazju, tagħmir għall-ipproċessar tas-sinjali, sistemi tal-Kmand u tal-Kontroll.

Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) se jżewġu l-azzjonijiet ta’ prijorità msemmija hawn fuq mal-impenji, l-inizjattivi u l-azzjonijiet ikkoordinati mwiegħda mill-Istati Membri tul il-proċess tal-Pjan Direzzjonali għall-Prontezza għad-Difiża, kif ukoll mal-qafas u l-inizjattivi rilevanti maħsuba biex titħaffef l-adozzjoni tal-IA fid-difiża, inkluż bl-ingranaġġ tal-EDF u taċ-Ċentru ta’ l-Innovazzjoni fid-Difiża tal-UE (HEDI) tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża. 

Kif enfasizzat ProtectEU, l-Istrateġija tas-Sigurtà Interna għall-UE 28 , l-IA qed issir ukoll għodda essenzjali biex ikunu żgurati s-sigurtà interna u ċ-ċibersigurtà, għax l-Istati u ċ-ċittadini qed iġarrbu theddid diġitali dejjem aktar kumpless u li qed jinbidel malajr. L-organizzazzjonijiet terroristiċi u tal-kriminalità organizzata qed jużaw dejjem aktar teknoloġiji bbażati fuq l-IA biex iħaffu, itejbu u jwessgħu l-firxa tal-attivitajiet illeċiti tagħhom. Iċ-ċiberkriminalità, is-sabotaġġ u t-terroriżmu jitħalltu f’attakki ibridi minn atturi malizzjużi li jisfruttaw l-IA għal dak il-għan. Għalhekk jeħtieġ niżguraw li nimplimentaw malajr ċerti soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA għas-sigurtà interna u għaċ-ċibersigurtà. Dawn jappoġġaw ħidmet l-awtoritajiet fit-twettiq ta’ kompiti kumplessi tas-sigurtà, jgħinu fil-ġlieda kontra l-użu malizzjuż tal-IA, jidentifikaw anomaliji, janalizzaw, u jirreaġixxu għall-inċidenti b’modi aktar effettivi. Bis-saħħa tagħhom, l-attakki se jinqabdu aktar malajr, jittieħdu deċiżjonijiet aħjar, filwaqt li r-riżorsi jintużaw b’mod aktar effiċjenti.

Biex tappoġġa l-politika li tpoġġi l-IA l-ewwel fis-sigurtà interna, inkluż fiċ-ċibersigurtà, il-Kummissjoni se:

·trawwem l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-IA 29 għal finijiet tas-sigurtà interna, inkluż billi tappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni applikati u tistimula l-introduzzjoni fis-suq ta’ soluzzjonijiet tal-IA li jkunu mfasslin apposta biex jintużaw fis-sigurtà interna.

·tiffinanzja proġetti li joħolqu u jimplimentaw għodod, teknoloġiji u servizzi taċ-ċibersigurtà bbażati fuq l-IA li jindirizzaw l-identifikazzjoni tat-theddid u tal-vulnerabbiltajiet, il-mitigazzjoni tat-theddid, l-irkupru mill-inċidenti b’azzjonijiet awtoriparatorji, l-analiżi u l-kondiviżjoni tad-data.

·tappoġġa l-interoperabbiltà u l-integrazzjoni affidabbli tal-IA fl-arkitetturi, fl-infrastrutturi u fis-sorveljanza tat-theddid taċ-ċibersigurtà, inkluż liċ-Ċentri Ċibernetiċi u liċ-Ċentri tas-Sigurtà tal-Kejbils futuri, u għall-ambjenti diġitali b’użu doppju u rilevanti għad-difiża,

2.5. Il-mobbiltà, it-trasport u l-karozzi

Is-settur tal-mobbiltà hu kruċjali għall-ekonomija Ewropea u għal trasformazzjoni sostenibbli tal-Ewropa. L-IA diġà tintuża b’mod wiesa’ u tħalli impatt qawwi fuq is-settur, mill-ottimizzazzjoni tar-rotot sa sistemi avvanzati li jassistu lis-sewwieqa. It-teknoloġiji awtomatizzati tat-trasport u tal-mobbiltà bbażati fuq l-IA qed jinfirxu malajr fil-modi kollha tat-trasport. Dawn jgħinu għal mobbiltà aktar sikura u sostenibbli billi jtejbu l-flussi tat-traffiku, il-loġistika, u l-ippjanar tat-trasport. Ngħidu aħna, il-vetturi awtomatizzati 30 (AVs) jippermettu servizzi flessibbli u kosteffettivi u jgħinu biex tissolva l-problema ta’ nuqqas ta’ sewwieqa 31 . Iżda l-implimentazzjoni tagħhom qed tixxekkel minħabba sfidi teknoloġiċi, regolatorji u ekonomiċi. L-interazzjoni tar-regolamenti fil-livell nazzjonali u tal-UE tikkomplika l-ittestjar, l-approvazzjoni u t-tħaddim tal-AVs fid-dinja reali. Ċerti kwistjonijiet ta’ fiduċja, diffikultajiet fl-aċċess għal data għat-taħriġ ta’ kwalità għolja, u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni adegwata tal-infrastrutturi tat-trasport u diġitali qed ikomplu jfixklu l-adozzjoni.

Biex tappoġġa l-politika li tpoġġi l-IA l-ewwel fis-settur tal-mobbiltà, il-Kummissjoni se:

·tisfrutta l-fabbriki u l-gigafabbriki tal-IA biex tħaffef l-iżvilupp ta’ mudelli innovattivi tal-IA u pjattaformi komuni tas-software għal sistemi awtomatizzati tas-sewqan u tal-ġestjoni tal-vetturi fl-ambitu tal-Alleanza Ewropea għall-Vetturi Konnessi u Awtonomi 32 .

·tniedi inizjattiva “Bliet b’Ambizzjoni ta’ Sewqan Awtonomu” biex b’ħidma mal-fornituri Ewropej tħaffef l-implimentazzjoni ta’ servizzi operazzjonali, bħala parti mill-ambjenti tal-ittestjar transfruntieri fuq skala kbira mħabbra fil-Pjan ta’ Azzjoni għas-Settur Awtomobilistiku. Filwaqt li tibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Alleanza Ewropea għall-Vetturi Konnessi u Awtonomi 33 , din tiffoka fuq il-vetturi awtonomi abilitati bl-IA (il-vetturi robot) u fuq l-ivvjaġġar awtonomu minn post sa post fil-bliet, l-istabbiliment ta’ impriżi konġunti operazzjonali u l-ingranaġġ tal-miżuri tal-innovazzjoni tal-Att dwar l-IA li jkunu lesti għall-użu, b’rabta mal-ambjenti tal-esperimentazzjoni regolatorja u l-ittestjar fid-dinja reali.

2.6. Il-komunikazzjonijiet elettroniċi

L-integrazzjoni tal-IA fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika żdiedet ġmielha fl-aħħar snin, bis-saħħa ta’ domanda dejjem akbar għal awtomatizzazzjoni, ottimizzazzjoni tan-network, u esperjenza aħjar tal-klijenti. 65% tal-operaturi madwar id-dinja qed jistabbilixxu strateġiji tal-IA u jittestjaw attivament ċerti soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA fl-operazzjonijiet tan-network u tas-servizzi tal-konsumaturi 34 . L-IA għandha potenzjal kbir, speċjalment b’ġestjoni aktar intelliġenti tan-network u innovazzjoni tas-servizzi 35 . Iżda l-impatt tagħha f’dan il-qasam għadu limitat minħabba n-nuqqas ta’ pjattaformi miftuħa u n-nuqqas ta’ kapaċità fl-apparati edge.

Biex tappoġġa l-politika li tpoġġi l-IA l-ewwel fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, il-Kummissjoni se:

·tippromwovi l-kapaċitajiet tal-UE fl-apparati edge tal-IA billi tipprovdi appoġġ apposta fi ħdan l-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti u l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep.

·toħloq pjattaforma Ewropea tal-IA għat-Telekomunikazzjoni (azzjoni pilota ta’ stack tal-IA permezz tal-programm Ewropa Diġitali) għall-operaturi, għall-bejjiegħa u għall-industriji utenti tat-telekomunikazzjoni biex jibnu elementi ta’ stack tal-IA b’mod kollaborattiv 36 , inkluż saffi tal-medjazzjoni, inġinerija tad-data, interfaċċi tal-cloud, u servizzi tal-IA, potenzjalment abbażi ta’ sors miftuħ.

2.7. L-enerġija

L-IA għandha l-potenzjal li ttejjeb l-effiċjenza enerġetika tul il-katina kollha tal-valur ekonomiku. Minn ġestjoni aħjar tal-grilja u integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli sa użu aktar effiċjenti tal-infrastruttura eżistenti jew ottimizzazzjoni tal-kapaċitajiet tal-ħżin. Lill-kumpaniji, l-għodod tal-IA jgħinuhom jiffrankaw l-enerġija b’disinn u tħaddim ottimizzati tal-bini, u jnaqqsu l-kostijiet tal-enerġija billi jawtomatizzaw ix-xiri/il-bejgħ tal-enerġija. Fl-aħħar nett, għodod emerġenti bbażati fuq l-IA jistgħu jagħtu r-riedni f’idejn iċ-ċittadini u n-negozji biex jimmaniġġaw aħjar l-użu tal-enerġija tagħhom u jgħinuhom jinnavigaw fost l-offerti tal-enerġija li jkun hemm għalihom. Fl-istess ħin, l-enerġija hija settur kritiku, li jipprovdi l-elettriku meħtieġ għall-ekonomija diġitali u għaċ-ċentri tad-data tal-Ewropa li tant qed jikbru.

Iżda l-adozzjoni tal-IA fis-settur tal-enerġija mhix uniformi. Il-progress fil-ġestjoni tal-grilja, fil-flessibbiltà min-naħa tad-domanda 37 u fl-ippjanar tal-infrastruttura 38 miexi bil-mod minħabba r-rekwiżiti stretti tas-sikurezza, governanza frammentata u kondiviżjoni limitata tad-data.

Biex tħeġġeġ l-użu tal-IA ħalli jitjiebu l-ġestjoni tal-grilja u l-effiċjenza enerġetika, il-Kummissjoni se:

·tappoġġa l-iżvilupp ta’ mudelli tal-IA li javvanzaw it-tbassir, l-ottimizzazzjoni, it-tewmin diġitali, u l-ibbilanċjar tas-sistema fis-sistema tal-enerġija. Dawn l-attivitajiet għandhom jiġu appoġġati permezz ta’ ingranaġġ tal-infrastruttura, tas-software u tal-għodod tal-IA tal-cloud-edge-IoT biex isiru sinsla diġitali tal-assi kollha tas-sistema tal-enerġija, u b’hekk tkun żgurata kondiviżjoni tad-data sigura, effiċjenti u affidabbli madwar l-ekosistema kollha tal-enerġija.

L-IA qed ittejjeb il-konsum u l-effiċjenza tal-enerġija f’diversi setturi. Iżda l-mudelli u s-sistemi avvanzati tal-IA jikkunsmaw ukoll enerġija sinifikanti, b’mod partikolari fiċ-ċentri tad-data. Il-Pjan Direzzjonali Strateġiku li jmiss dwar id-Diġitalizzazzjoni u l-IA għas-Settur tal-Enerġija se jkompli jelabora fuq l-użu tal-IA fis-sistema tal-enerġija u, flimkien mal-Att dwar l-Iżvilupp tal-Cloud u tal-IA, se jindirizza strateġiji biex jiżgura li jkun hemm riżorsi tal-enerġija biex tiġi żviluppata l-IA, pereżempju billi tittejjeb l-effiċjenza enerġetika fiċ-ċentri tad-data. Barra minn hekk, jeħtieġ jinftiehem aħjar l-impatt tal-arkitettura tal-algoritmi tal-IA fuq ix-xejriet tal-konsum tal-enerġija. Għalhekk, kif previst fl-Att dwar l-IA, il-Kummissjoni se tadotta talba ta’ standardizzazzjoni dwar proċessi komuni tar-rapportar u tad-dokumentazzjoni dwar l-impatt tas-sistemi tal-IA u l-mudelli bi skop ġenerali fuq il-konsum tal-enerġija. 

2.8. Il-klima u l-ambjent

L-Ewropa tospita ħafna organizzazzjonijiet ewlenin tal-innovazzjoni klimatika u ambjentali. Mill-2019, in-negozji l-ġodda tal-IA f’dawn is-setturi attiraw madwar EUR 700 miljun f’kapital tar-riskju 39 . B’mod partikolari, l-IA ilha s-snin tintuża fil-monitoraġġ ambjentali, fit-tbassir u fl-osservazzjoni tad-Dinja. Din tista’ ttejjeb is-sistemi ta’ twissija bikrija għan-nirien, l-għargħar, in-nixfiet, is-sħanat, l-għajnuna f’każ ta’ diżastri, u tista’ tgħin fl-immaniġġjar tal-ilma 40 u fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar ir-reżiljenza u l-preparatezza għat-tibdil fil-klima. Inizjattivi rivoluzzjonarji bħal Destinazzjoni d-Dinja 41 u t-Tewmi Diġitali Ewropew tal-Oċean 42 jipprovdu simulazzjonijiet interattivi b’riżoluzzjoni qawwija u b’kapaċità ta’ tbassir bla preċedent.

Iżda minkejja dawn l-avvanzi, il-potenzjal kollu tal-IA għall-azzjoni klimatika u ambjentali għadu mhux jinħataf, minħabba l-kumplessità xjentifika u teknoloġika tal-immudellar klimatiku u ambjentali bbażat fuq l-IA, u minħabba diskrepanzi persistenti fil-kapaċità u fil-ħiliet fost l-awtoritajiet lokali, l-SMEs, u s-soċjetà ċivili. L-ekosistema frammentata tal-għodod, tas-settijiet tad-data u tas-servizzi tal-IA dwar il-klima u l-ambjent tkompli taggrava dawn l-isfidi, u xxekkel l-adozzjoni u l-impatt estensivi tagħhom.

Biex tappoġġa l-politika li tpoġġi l-IA l-ewwel fis-settur tal-klima u l-ambjent, il-Kummissjoni se:

·tuża mudell pijunier tas-sistema tad-Dinja bbażata fuq l-IA u b’sors miftuħ, u applikazzjonijiet u servizzi relatati mħaddma bl-IA li jippermettu tbassir aħjar tat-temp, monitoraġġ tad-Dinja, u xenarji ipotetiċi, bħala l-pass li jmiss ta’ Destinazzjoni d-Dinja. Dan se jkun imħarreġ bis-sħiħ fil-Fabbriki tal-IA tal-UE u se jħaddem approċċ multidixxiplinari li jintegra għarfien espert differenti. Permezz ta’ dan il-mudell, il-Kummissjoni se tipprovdi tewmin diġitali lokali bbażati fuq l-IA għall-awtoritajiet lokali u l-atturi rilevanti (billi tintegra d-data ta’ Copernicus 43 li hija proprjetà tal-UE) ħalli tgħinhom ibassru r-riskji u jnaqqsu l-impatti tat-tibdil fil-klima bi tħejjija aħjar u bi ppjanar urban u rurali reżiljenti 44 , kif ukoll b’servizzi għal ġestjoni aħjar tad-diżastri u għajnuna għall-kriżijiet.

2.9. L-agroalimentazzjoni

L-IA diġà qed tifforma mill-ġdid il-produzzjoni agrikola f’diversi oqsma ewlenin u tista’ tirrivoluzzjona l-mod kif jiġi prodott l-ikel, filwaqt li tieħu ħsieb l-ambjent, il-klima u n-nies 45 . Tista’ ttejjeb il-biedja ta’ preċiżjoni, u tħaddem robots u magni għax-xogħol fl-għelieqi. L-IA diġà tappoġġa lill-bdiewa b’għodod konsultattivi mmexxija bl-IA, li jagħtuhom rakkomandazzjonijiet personalizzati skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

Madankollu, ħafna applikazzjonijiet tal-biedja ta’ preċiżjoni ma jaslux fis-suq minħabba nuqqas ta’ data ta’ kwalità għolja 46 , minħabba nuqqas ta’ formati komuni miftiehma, jew minħabba nuqqas ta’ interoperabbiltà bejn il-pjattaformi li jkunu magħluqin għal bejjiegħ wieħed jew marbutin ma’ bejjiegħ wieħed. Barra minn hekk, il-bdiewa spiss joqogħdu lura milli jadottaw soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA minħabba nuqqas ta’ ħin u ħiliet, nuqqas ta’ fiduċja fl-IA, u inċertezza dwar ir-responsabbiltà u l-biża’ li jitilfu l-kontroll fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet. F’dan il-kuntest, l-adozzjoni tal-IA fl-azjendi agrikoli Ewropej għadha limitata, speċjalment meta mqabbla ma’ reġjuni oħra 47 .

Biex tappoġġa l-politika li tpoġġi l-IA l-ewwel fis-settur agroalimentari, il-Kummissjoni se:

·trawwem il-ħolqien ta’ pjattaforma Agroalimentazzjoni tal-IA li tiffaċilita l-adozzjoni ta’ għodod u applikazzjonijiet speċjalizzati għall-biedja abilitati bl-IA. Il-pjattaforma tiffaċilita l-iskoperta u l-integrazzjoni tal-applikazzjonijiet, iżżid il-fiduċja fost il-bdiewa fl-applikazzjonijiet abilitati bl-IA, u tippromwovi l-iżvilupp b’sors miftuħ 48 .

2.10. Is-setturi kulturali u kreattivi, u l-midja

Il-potenzjal tal-IA fis-setturi kulturali u kreattivi qed jikber u qed jiftaħ bibien ġodda għall-kreattività. L-IA tista’ tgħin lill-produtturi tal-films fl-istadji kollha tal-produzzjoni, filwaqt li ttejjeb ċerti proċessi bħall-istoryboarding u l-effetti speċjali. Tista’ ttejjeb l-iskopribbiltà tal-midja, tal-mużika u tal-kontenut letterarju online, u b’hekk twassal għal konsum aktar varjat u ttejjeb id-distribuzzjoni tad-dħul għall-kreaturi. L-IA tista’ trawwem id-diversità kulturali billi tipprovdi l-għarfien u l-għodod li jeħtieġu l-kreaturi biex jiżviluppaw kontenut aktar inklużiv u divers, b’mod li jkunu żgurati l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà. Tista’ tippersonalizza l-ġenerazzjoni tal-kontenut u żżid l-involviment tal-udjenza.

L-IA qed tappoġġa wkoll il-wirt kulturali u tista’ tintuża għal diversi skopijiet bħar-restawr, ir-rikostruzzjoni, il-preservazzjoni, l-użu mill-ġdid għal produzzjonijiet virtwali, u għal involviment aktar sinifikattiv tal-utenti – u fl-aħħar mill-aħħar tappoġġa wkoll lil setturi relatati oħrajn bħat-turiżmu 49 . B’mod ġenerali, l-adozzjoni tal-mudelli tal-IA tiftaħ opportunitajiet tad-deheb għal kooperazzjoni bejn is-setturi kulturali u kreattivi, filwaqt li l-industrija tal-videogames tinsab f’pożizzjoni ewlenija biex ikunu jistgħu jiġu ttestjati innovazzjonijiet trasferibbli bejn diversi industriji.

Minkejja l-potenzjal tagħha, l-adozzjoni tal-IA fis-setturi kulturali u kreattivi għadha irregolari 50 , parzjalment minħabba sfidi komuni, bħall-aċċess għal mudelli etiċi, trasparenti, inklużivi u ta’ kwalità għolja, il-monetizzazzjoni ta’ mudelli speċjalizzati tal-IA, li jkunu żgurati sorsi tal-finanzjament diversi, u t-tkattir tal-ħiliet avvanzati. Barra minn hekk, is-setturi kulturali u kreattivi qed jittaqqlu bl-użu mhux awtorizzat tal-kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur fit-taħriġ ta’ mudelli ġenerattivi tal-IA u fl-eżiti tagħhom li jaf iħalli impatt negattiv fuq id-diversità kulturali, il-kreattività u l-pluralità tal-midja 51 . Barra minn hekk, il-prominenza ta’ kumpaniji teknoloġiċi ewlenin fis-setturi tippreżenta dinamika kumplessa li tista’ tinfluwenza d-diversità kulturali u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-organizzazzjonijiet iżgħar.

Biex tappoġġa l-adozzjoni tal-IA fis-setturi kulturali u kreattivi, il-Kummissjoni se 52 :

·trawwem l-iżvilupp ta’ microstudios madwar l-UE li jkunu speċjalizzati fil-produzzjoni virtwali msaħħa bl-IA. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tappoġġa l-investimenti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ mudelli Ewropej tal-IA li jiffukaw fuq ir-rakkontar interattiv u immersiv tal-istejjer, inkluż il-midja, u fuq l-iskopribbiltà tal-mużika u l-kontenut letterarju Ewropej online 53 .

·tgħin fl-iżvilupp ta’ pjattaformi pan-Ewropej li jużaw teknoloġiji multilingwi tal-IA biex iwasslu aħbarijiet u informazzjoni fil-ħin reali mingħand mezzi tal-midja professjonali tal-UE għand udjenzi usa’. L-IA se titħaddem biex il-kontenut jiġi adattat għall-kanali rilevanti – inkluż ix-xandir – bi klassifikazzjoni, rikonoxximent, analiżi lingwistika u traduzzjoni tal-kontenut.

·tniedi studju apposta biex tesplora l-isfidi legali relatati mal-eżiti ġġenerati bl-IA u kif is-salvagwardji teknoloġiċi u t-teknoloġiji mill-aktar avvanzati, inkluż l-IA, jistgħu jintużaw biex jevitaw u jtaffu r-riskji li jinħoloq kontenut tal-IA li jikser id-drittijiet tal-awtur, inkluż billi jinstab dak il-kontenut u jitneħħa.

2.11. Is-settur pubbliku

L-IA għandha potenzjal qawwi biex tagħmel il-gvern pubbliku aktar effiċjenti 54 . Minn stħarriġ tal-Kummissjoni 55  joħroġ li 52% tal-meniġers fis-settur pubbliku intervistati rrappurtaw li l-amministrazzjoni tagħhom diġà implimentat imqar soluzzjoni waħda tal-IA, filwaqt li 63% qed jippjanaw proġetti ġodda tal-IA. Bl-istess mod, fl-2024, il-Public Sector Tech Watch 56 irreġistra aktar minn 1200 każ tal-użu tal-IA fl-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha tal-UE. Madankollu, hemm bżonn gwida ċara u azzjonabbli biex issir implimentazzjoni sħiħa u responsabbli tas-soluzzjonijiet tal-IA, b’mod partikolari għall-amministrazzjonijiet li għadhom jibdew il-vjaġġ tagħhom tal-IA. Ċerti ostakli, fosthom is-sorsi frammentati tad-data tas-settur pubbliku u l-aċċessibbiltà limitata għal għodod affidabbli bbażati fuq l-IA għadhom qed joħonqu l-potenzjal tat-teknoloġiji tal-IA. Għalhekk, biex jirnexxilna nintegraw l-IA fis-settur pubbliku, hu kruċjali li nindirizzaw il-preġudizzji potenzjali, ninvestu fl-infrastruttura u fil-ħiliet, u niżguraw it-trasparenza u l-fiduċja.

L-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jibbenefikaw mill-politika li tpoġġi l-IA l-ewwel mhux biss għax din tgħinhom itejbu l-effiċjenza f’xogħolhom, tnaqqas il-piż amministrattiv u tal-burokrazija żejda minn fuq in-negozji, iżda anki billi tgħin lin-negozji l-ġodda tal-IA jikbru billi żżid id-domanda għal soluzzjonijiet tal-IA b’sors miftuħ magħmulin fl-Ewropa. Din imbagħad tista’ ssaħħaħ is-sovranità tal-IA tal-UE. Minflok ma l-IA tiġi ttrattata bħala għodda iżolata, jeħtieġ titqies bħala assi strateġiku li jrid jiġi integrat fl-istituzzjonijiet u fis-servizzi 57 . Minħabba l-impatt li l-IA jista’ jkollha fuq is-settur pubbliku u b’hekk fuq iċ-ċittadini, hu kruċjali li jiġu vvalutati u jinżammu s-sigurtà kif ukoll l-awtonomija u s-sovranità operazzjonali b’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Il-Kummissjoni tistinka biex tmexxi bl-eżempju, billi timplimenta politiki interni tal-IA b’mod innovattiv, responsabbli u affidabbli (l-Anness 2).

Biex tippromwovi l-adozzjoni tas-soluzzjonijiet tal-IA fis-settur pubbliku, il-Kummissjoni se:

·tibni sett ta’ għodod tal-IA apposta għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, inkluż għall-ġudikatura 58 , li jkun fih repożitorju komuni ta’ għodod u soluzzjonijiet prattiċi, b’sors miftuħ u riużabbli 59  biex jappoġġa l-interoperabbiltà tal-IA 60 . Dan is-sett ta’ għodod se jinkludi wkoll is-soluzzjonijiet tal-IA previsti fil-Pjan Direzzjonali għal aċċess effettiv u legali għad-data għall-infurzar tal-liġi 61 . Barra minn hekk, se jitnieda l-Perkors ta’ Tħejjija tal-Interoperabbiltà u tal-IA tas-Settur Pubbliku (il-Perkors PAIR) biex jipprovdi eżempji prattiċi pass pass tul il-vjaġġ ta’ utent, u dan se jgħin lill-amministrazzjonijiet jiżviluppaw servizzi mfassla skont il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom.

·tħaffef l-adozzjoni tas-soluzzjonijiet tal-IA ġenerattiva Ewropej skalabbli u replikabbli fl-amministrazzjonijiet pubbliċi 62 b’enfasi speċjali fuq l-edukazzjoni 63 , filwaqt li tqis ir-riskji potenzjali f’dan il-qasam. Dan se jinkludi l-ħolqien ta’ sett komprensiv ta’ għodod tekniċi u ta’ politika li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tal-IA ġenerattiva u b’aġenzija 64 . Din l-azzjoni se ttejjeb il-kwalità tas-servizzi pprovduti liċ-ċittadini.

·tirrevedi l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà biex tinkludi fih gwida li tippermetti politiki li jpoġġu l-IA l-ewwel fl-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej.

3.Nindirizzaw l-isfidi trażversali

Filwaqt li tibni fuq l-ambizzjonijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Kontinent tal-IA, l-Istrateġija għall-Applikazzjoni tal-IA tindirizza sfidi trażversali ewlenin biex iżżid l-iżvilupp u l-integrazzjoni tal-IA fis-setturi strateġiċi kollha tal-UE u, fl-aħħar mill-aħħar, iżżid is-sovranità teknoloġika.

3.1. Inżidu l-opportunitajiet għall-SMEs Ewropej

L-SMEs Ewropej, li jirrappreżentaw aktar minn 90% tal-intrapriżi Ewropej 65 qed isibu diffikultajiet biex jadottaw l-IA. Ħafna minnhom jibżgħu li l-IA hija kkumplikata wisq jew għalja wisq. L-offerti disponibbli fis-suq huma mmirati għal kumpaniji akbar filwaqt li l-SMEs jeħtieġu soluzzjonijiet tal-IA mfassla apposta li jqisu d-daqs tagħhom. Jeħtieġu pariri imparzjali dwar l-użu ta’ soluzzjonijiet xierqa tal-IA. Biex tindirizza dan id f’id mal-Istati Membri, il-Kummissjoni ħolqot iċ-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali. Hemm aktar minn 250 ċentru lokali mifruxin madwar 85% tar-reġjuni tal-UE 66 u qed jgħinu lill-kumpaniji fid-diġitalizzazzjoni tagħhom.

Dawn iċ-ċentri ġew aġġornati biex saru Ċentri ta’ Esperjenza għall-IA. Se jkunu kruċjali biex jirrikonċiljaw il-provvista mad-domanda u jippromwovu l-Istack Ewropew tal-IA. Dawn se jappoġġaw il-politika tal-UE li tpoġġi l-IA l-ewwel, filwaqt li jqisu t-titjib tal-ħiliet meħtieġ fil-forza tax-xogħol tal-SMEs, u se jaġixxu bħala punt ta’ aċċess privileġġat għall-ekosistema Ewropea tal-innovazzjoni tal-IA 67 . Se jippromwovu soluzzjonijiet Ewropej li jrawmu t-tkabbir tal-ekosistema tal-IA multilingwi domestika tal-UE, abbażi b’mod partikolari ta’ sors miftuħ.

Biex tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-IA Ewropej, il-Kummissjoni se:

·tniedi sejħa għal espressjoni ta’ interess li tistieden lill-kumpaniji Ewropej jaqsmu l-mudelli u s-sistemi tal-IA tagħhom man-network taċ-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali, biex dan ikun jista’ mbagħad jippromwovi l-implimentazzjoni fuq skala wiesgħa tagħhom fis-setturi strateġiċi Ewropej kollha.

3.2. Naraw li jkollna forza tax-xogħol lesta għall-IA fis-setturi kollha

Filwaqt li tibni fuq il-pilastru tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Kontinent tal-IA dwar il-ħiliet u t-talent, l-Istrateġija għall-Applikazzjoni tal-IA hi maħsuba biex taħtaf l-opportunitajiet u tindirizza r-riskji li ġġib magħha t-trasformazzjoni tal-IA. L-integrazzjoni dejjem akbar tal-IA fis-setturi strateġiċi tal-UE tista’ tkompli tawtomatizza il-kompiti ta’ rutina u tippromwovi l-effiċjenza; tista’ wkoll ittejjeb il-prattiki innovattivi, il-kreattività u l-għarfien konjittiv tal-professjonijiet, inkluż tat-tobba, l-għalliema 68 u l-inġiniera. Id-data attwali tissuġġerixxi wkoll li l-IA diġà qed tgħin fuq il-postijiet tax-xogħol, tant li maġġoranza sinifikanti tal-ħaddiema Ewropej (67%) irrapportaw li l-IA għenithom iwettqu l-kompiti tagħhom aktar malajr 69 . Fl-istess ħin, iżda, għad hemm tħassib dwar l-impatt tal-IA fuq il-kwalità tal-impjiegi u l-ispostament tal-impjiegi 70 .

Biex niżguraw li l-IA tintuża mill-ħaddiema kollha b’mod responsabbli u ta’ benefiċċju, jeħtieġ niżguraw li l-ħaddiema jkollhom il-ħiliet adegwati. Litteriżmu sod fl-IA għandu jibda sa mil-livell edukattiv bikri 71 u jkompli fis-suq tax-xogħol bit-taħriġ mill-ġdid u bit-titjib tal-ħiliet.

Għal kull settur tal-Istrateġija, il-Kummissjoni se:

·tipprovdi aċċess għal taħriġ prattiku dwar il-litteriżmu fl-IA mfassal għas-setturi u l-profili tal-impjiegi permezz tal-Akkademja tal-Ħiliet fl-IA 72 li, minbarra l-offerti tagħha stess, se tiġbor flimkien it-taħriġ mogħti minn strumenti oħra tal-UE. It-taħriġ għandu preferibbilment iwassal għal mikrokredenzjali 73 .

·tinkoraġġixxi l-involviment tal-industrija fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid tal-IA, inkluż bil-Patt għall-Ħiliet 74 , u tipprovdi aċċess għal opportunitajiet tat-taħriġ addizzjonali lill-ħaddiema f’setturi li qed isirilhom ristrutturar jew li qegħdin f’riskju ta’ spostament, inkluż minħabba l-IA, permezz tal-Garanzija ta’ Ħiliet, imħabbra fl-Unjoni tal-Ħiliet 75 .

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tippromwovi użu prattiku u adozzjoni wiesgħa tal-oqfsa ta’ kompetenzi rilevanti, bħall-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini, li se jiġi aġġornat sa tmiem l-2025, il-Qafas tal-Litteriżmu fl-IA għall-Edukazzjoni Primarja u Sekondarja, u oqfsa oħra speċifiċi għall-profil u għas-settur.

Għas-setturi b’intensità diġitali li jeħtieġu talent settorjali fl-IA, bħas-setturi tal-mobbiltà, tal-enerġija, ambjentali, kulturali u kreattivi (inkluż il-midja), il-Kummissjoni se:

·tiffinanzja programmi ta’ “IA għan-negozju” (master eżekuttiv) li jiżviluppaw profili ibridi, bħal inġiniera tal-IA 76 b’għarfien espert speċifiku għall-industrija permezz tal-programm Ewropa Diġitali u appoġġ potenzjali ta’ Erasmus+ 77 .

·tistabbilixxi “laboratorju tal-intraprendituri tal-IA”, li filwaqt li jibni fuq inizjattivi eżistenti (eż. tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u tal-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej) 78 , jiġbor flimkien gradwati brillanti tal-IA b’mentors intraprenditorjali minn kumpaniji eżistenti tal-IA li jixtiequ jwessgħu il-mudelli tagħhom jew iwittu t-triq għal sħubijiet futuri.

Konxja mill-implikazzjonijiet li l-IA se jkollha fuq il-forza tax-xogħol u d-differenzi potenzjali tagħha bejn il-gruppi demografiċi, is-setturi u r-reġjuni, il-Kummissjoni se timmonitorja attivament l-impatt tal-IA fuq is-suq tax-xogħol biex tantiċipa l-ħtiġijiet tas-suq, tidentifika tfixkil potenzjali u tappoġġa l-iżvilupp ta’ politiki xierqa u inklużivi, inkluż biex trawwem it-tranżizzjoni tal-ħiliet u tindirizza l-inugwaljanzi strutturali (eż. id-disparitajiet bejn il-ġeneri u interġenerazzjonali). Ir-riżultati se jservu ta’ tagħrif għall-Osservatorju Ewropew tal-Informazzjoni dwar il-Ħiliet usa’, imħabbar fl-Unjoni tal-Ħiliet.

L-involviment tal-impjegaturi, tal-ħaddiema u ta’ sħab soċjali oħrajn fi djalogu miftuħ se jkun essenzjali biex jikkomplementa dan il-monitoraġġ.

3.3. Nappoġġaw l-IA bħala fattur tal-produzzjoni

L-IA qed issir, malajr ħafna, fattur fundamentali tal-produzzjoni fl-ekonomija tal-lum, flimkien mal-inputs tradizzjonali, u tista’ tieħu forom differenti. Il-mudelli tal-IA bi skop ġenerali, pereżempju, iwettqu firxa wiesgħa ta’ kompiti bi flessibbiltà, u dan jagħmilhom fundamentali għal ħafna applikazzjonijiet tal-IA. L-aktar mudelli avvanzati, minħabba l-kapaċitajiet avvanzati tagħhom, qed jixprunaw l-iżvilupp ta’ aġenti tal-IA, jiġifieri ta’ sistemi tal-IA li jistgħu jieħdu deċiżjonijiet u jwettqu azzjonijiet b’mod indipendenti. Dawn jippermettu lill-aġenti jifhmu l-lingwa, jirraġunaw dwar il-kompiti, jieħdu azzjonijiet b’mod awtonomu biex jilħqu objettivi predefiniti, u jinteraġixxu mad-dinja ta’ madwarhom, filwaqt li jibnu interazzjonijiet inkluż mal-bnedmin.

Minbarra l-mudelli tal-IA bi skop ġenerali, hemm ukoll mudelli speċjalizzati u iżgħar li jitħarrġu jew jiġu adattati biex jibbrillaw f’oqsma speċifiċi, bħad-dijanjożi medika, ir-riċerka legali u l-ikkuntrattar tal-IA, li jipprovdu appoġġ espert malajr u b’mod effiċjenti. Dawk il-mudelli u l-applikazzjonijiet speċjalizzati huma prodotti b’mod komuni billi jiddistillaw jew jirfinaw l-għarfien tagħhom f’arkitetturi aktar ħfief, adattati għal implimentazzjoni immirata u effiċjenti, jew billi jintegraw ċerti għodod, bħal bażijiet tal-għarfien esterni 79 .

Barra minn hekk, it-tewmin diġitali – repliki virtwali ta’ oġġetti jew ta’ proċessi tad-dinja reali, bħal kopja diġitali ta’ fabbrika, bini jew saħansitra ta’ ġisem uman – jistgħu jikbru bl-IA avvanzata biex ikunu jistgħu jgħinu fit-tbassir tal-eżiti u jottimizzaw il-prestazzjoni bi mmudellar u simulazzjonijiet; dawn jistgħu jiġġeneraw ukoll data sintetika, li tkun utli ħafna għal aktar taħriġ tal-IA.

L-avvanzi attwali fil-memorja, fir-raġunar u fl-imġiba awtonoma qed iwittu t-triq għal Intelliġenza Artifiċjali Ġenerali (AGI), jiġifieri għal IA li kapaċi twettaq kwalunkwe kompitu konjittiv li jista’ jwettaq il-bniedem. Il-mudelli tal-IA fil-fruntieri tat-teknoloġija, li b’mod komuni jissejħu “AI Pijuniera”, qed ifeġġu bħala assi strateġiċi u komponenti kritiċi fl-istack teknoloġiku tal-IA. Għall-UE, hija prijorità li tiżgura li l-mudelli Ewropej b’kapaċitajiet mill-aktar avvanzati jsaħħu s-sovranità u l-kompetittività b’mod affidabbli u bil-bniedem fiċ-ċentru.

Filwaqt li tibni fuq l-assi tagħha: infrastruttura tal-computing ta’ klassi dinjija, talent xjentifiku eċċellenti, approċċ distintiv b’enfasi ċara fuq is-sors miftuħ u s-sikurezza, il-Kummissjoni se:

·tniedi u tikkoordina Inizjattiva ta’ IA Pijuniera biex tħaffef il-progress fil-kapaċitajiet tal-IA pijuniera fl-Ewropa billi tlaqqa’ flimkien lil atturi industrijali u akkademiċi ewlenin fl-Ewropa u tappoġġa l-isforzi strateġiċi 80 . Din l-inizjattiva se tiffoka fuq l-opportunità ta’ kapaċitajiet avvanzati permezz ta’ arkitetturi avvanzati tal-IA u data ta’ kwalità għolja, li jaħtfu l-kapaċità tal-computing offruta mill-Fabbriki u l-Gigafabbriki tal-IA. Biex titrawwem il-kollaborazzjoni, il-komunità se titlaqqa’ flimkien b’sejħa għal espressjoni ta’ interess. L-inizjattiva se tindirizza l-ostakli tal-ekosistema u d-domanda downstream tal-industrija tal-Ewropa u b’hekk se ssaħħaħ il-kompetittività u anki s-sovranità fl-iżvilupp ta’ AI pijuniera.

Bħala parti minn din l-inizjattiva, il-Kummissjoni se tniedi kompetizzjonijiet ewlenin mal-UE kollha biex tiżviluppa mudelli miftuħa ta’ IA pijuniera li jservu ta’ muturi ewlenin tal-innovazzjoni. Dawn il-proġetti se jiksbu aċċess bla ħlas għas-supercomputers tal-EuroHPC, u l-mudelli miftuħa tagħhom se jkunu disponibbli b’mod wiesa’ għall-awtoritajiet pubbliċi madwar l-Ewropa kif ukoll għall-komunitajiet xjentifiċi u kummerċjali Ewropej.

Din l-azzjoni se tikkomplementa u se tkompli tappoġġa l-Istrateġija Ewropea dwar l-Istartups u l-Iscaleups 81 li tinkludi Fond Ewropew tal-Iscaleups li jimmobilizza fondi privati għas-sovranità teknoloġika tal-Ewropa u għall-inizjattiva Lab to Unicorn. Barra minn hekk, l-Att għall-Aċċellerazzjoni Industrijali se jistabbilixxi l-lievi meħtieġa biex tingħata spinta lill-kapaċità industrijali u lis-swieq ewlenin fl-UE. L-adozzjoni tas-soluzzjonijiet tal-IA magħmulin fl-Ewropa fil-bażi industrijali tagħna se tikseb effiċjenzi u timmodernizza l-mudelli tal-manifattura u l-ekosistemi.

Il-pedament biex tiġi stimulata l-innovazzjoni f’mudelli avvanzati tal-IA u f’applikazzjonijiet speċjalizzati hu l-komunità tar-riċerka vibranti tal-UE. Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 82 li jmiss jidentifika r-riċerka, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ mudelli u aġenti tal-IA tal-ġenerazzjoni li jmiss bħala prijoritajiet strateġiċi għall-Ewropa, li għandhom jiġu appoġġati mill-programm Orizzont Ewropa attwali u mill-Fond Ewropew għall-Kompetittività propost (tul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss). F’dan il-kuntest, hemm bżonn appoġġ biex jiġu żviluppati kapaċitajiet sovrana tal-IA pijuniera u tal-aġenti tal-IA, li bħala karatteristiċi integrali jkollhom is-sikurezza u s-sigurtà.

Fl-istess waqt, hu essenzjali li tingħata spinta lir-riċerka applikata fl-IA biex jiġu żviluppati teknoloġiji b’impatt fuq firxa wiesgħa ta’ setturi. Għal dan il-għan, permezz tal-programm Orizzont Ewropa attwali, il-Kummissjoni se tniedi riċerka mmirata dwar l-aġenti tal-IA tal-ġenerazzjoni li jmiss imfassla għas-setturi ewlenin tal-Applikazzjoni tal-IA.

Filwaqt li l-Istrateġija għall-Applikazzjoni tal-IA tindirizza r-riċerka fl-IA biex tavvanza t-teknoloġiji tal-IA u l-adozzjoni tagħhom fis-setturi kollha, l-Istrateġija Ewropea dwar l-Intelliġenza Artifiċjali fix-Xjenza, ippreżentata flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, tiffoka fuq l-adozzjoni tal-IA fir-riċerka madwar l-Ewropa fid-dixxiplini xjentifiċi kollha. L-istrateġija tiddeskrivi azzjonijiet speċifiċi biex tappoġġa u tinċentiva l-użu u l-iżvilupp tal-IA mill-komunità xjentifika Ewropea. Għal dan il-għan, ir-RAISE se tiġbor flimkien ir-riżorsi strateġiċi (jiġifieri l-finanzjament, il-komputerizzazzjoni, id-data u t-talent) biex twessa’ l-fruntieri teknoloġiċi tal-IA u taħtaf il-potenzjal tagħha ħalli tixpruna r-rivoluzzjonijiet xjentifiċi.

RAISE se topera fuq żewġ pilastri ewlenin: a) Ix-xjenza għall-IA, li tappoġġa r-riċerka bażika biex tavvanza l-kapaċitajiet ewlenin tal-IA, b’mod partikolari għal IA pijuniera sikura u sigura; u b) l-IA fix-Xjenza, li tippromwovi l-użu tal-IA għall-progress f’dixxiplini xjentifiċi differenti. Barra minn hekk, RAISE se trawwem attivament l-interazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ pilastri, u b’hekk tippermetti l-koevoluzzjoni tal-IA u tax-xjenza. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa l-kunċett ta’ RAISE, inkluż l-istruttura ta’ governanza tagħha, u se tniedi fażi pilota kif spjegat f’aktar dettall fl-Istrateġija għall-IA fix-Xjenza. Bħala parti minn dan l-isforz, se jingħaqdu għadd ta’ laboratorji Ewropej ewlenin tal-IA biex isawru kullana unika ta’ eċċellenza fl-IA u jikkontribwixxu għall-inizjattiva tal-AI Pijuniera.

3.4. Niżguraw il-fiduċja fis-suq Ewropew

Fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Kontinent tal-IA, il-Kummissjoni impenjat ruħha għal implimentazzjoni ċara, sempliċi u favur l-innovazzjoni tal-Att dwar l-IA. Il-projbizzjonijiet tal-prattiki b’riskji inaċċettabbli u l-obbligi relatati mal-mudelli tal-IA bi Skop Ġenerali diġà huma applikabbli. Inizjattivi bħall-Kodiċi ta’ Prattika tal-IA bi Skop Ġenerali 83 , il-linji gwida tal-Kummissjoni 84 u l-Patt dwar l-IA jagħtu ċarezza rigward ir-regoli applikabbli u l-appoġġ għall-applikazzjoni tagħhom. Iżda r-rispons tal-partijiet ikkonċernati juri li l-inċertezza u n-nuqqas ta’ gwida joħolqu l-akbar ostakli għall-implimentazzjoni tal-Att dwar l-IA, u jnaqqsu r-ritmu tal-adozzjoni tal-IA. Bħala parti mill-Istrateġija għall-Applikazzjoni tal-IA, il-Kummissjoni se żżid l-isforzi tagħha biex tiżgura l-konformità mal-Att dwar l-IA.

L-ewwel nett, kif ħabbret fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Kontinent tal-IA, il-Kummissjoni stabbiliet l-Uffiċċju għas-Servizzi tal-Att dwar l-IA 85 , ċentru li jagħti aċċess lin-nies għall-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-Att dwar l-IA, jgħinhom jinnavigaw il-kontenut tiegħu, ifiehem kif japplika, u jagħti tweġibiet imfassla apposta għal mistoqsijiet relatati mal-implimentazzjoni tiegħu. Dan jinkludi pjattaforma unika tal-informazzjoni b’għodod interattivi, b’mod partikolari kontrollur tal-konformità biex jgħin lill-partijiet ikkonċernati jiddeterminaw jekk humiex soġġetti għal obbligi legali u jifhmu l-passi li jeħtieġ jagħmlu biex jikkonformaw.

It-tieni, il-Kummissjoni se tħejji aktar linji gwida dwar l-applikazzjoni prattika tal-Att dwar l-IA. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se taħdem bi prijorità fuq:

·linji gwida dwar il-klassifikazzjoni tas-sistemi tal-IA bħala sistemi b’riskju għoli.

·linji gwida dwar l-interazzjoni tal-Att dwar l-IA ma’ liġijiet oħra tal-Unjoni, li jkopru l-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti (eż. it-trasport, il-makkinarju, it-tagħmir tar-radju).

Fl-aħħar nett, għadd sinifikanti ta’ Stati Membri għadhom ma stabbilewx l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli. Il-Kummissjoni se żżid l-azzjoni biex tiżgura li dawn l-iżviluppi ma jipperikolawx l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Att dwar l-IA.

4.Nistabbilixxu mekkaniżmu ta’ governanza uniku

L-Istrateġija għall-Applikazzjoni tal-IA mhix inizjattiva minn fuq għal isfel, iżda hija sforz inklużiv. Biex tistruttura djalogu kontinwu dwar l-IA u tipprovdi mod kif il-partijiet ikkonċernati settorjali jipparteċipaw b’mod attiv fit-tfassil tal-politika dwar l-IA, il-Kummissjoni se:

·tibdel l-Alleanza eżistenti tal-IA f’forum ta’ koordinazzjoni għall-partijiet ikkonċernati tal-Applikazzjoni tal-IA 86 u għal dawk li jfasslu l-politika tal-Applikazzjoni tal-IA. Billi jingħaqdu mal-“Alleanza għall-Applikazzjoni tal-IA”, il-partijiet ikkonċernati se jkunu jistgħu jesprimu pubblikament l-interess tagħhom li jieħdu sehem fi flussi tax-xogħol settorjali, filwaqt li jiksbu aċċess dirett għal dawk li jfasslu l-politika biex jiddiskutu l-impatt, l-ostakli u l-opportunitajiet ta’ soluzzjonijiet settorjali speċifiċi tal-IA. Filwaqt li sservi bħala punt tad-dħul, l-Alleanza se taħdem mill-qrib u b’mod komplementari mal-inizjattivi konsultattivi l-oħra dwar l-IA (inkluż dawk settorjali, regolatorji u tar-riċerka u l-innovazzjoni), filwaqt li tressaq lill-partijiet ikkonċernati lejn id-diskussjonijiet rilevanti 87 . Din se tippermetti networking bejn il-pari u bejn il-fornituri u l-utenti tas-soluzzjonijiet tal-IA; pereżempju billi torbot żviluppatur ta’ għodod tal-konformità ma’ persuni li potenzjalment ikunu se jużawhom. Miftuħ għas-setturi kollha, għall-akkademiċi rilevanti u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-Uffiċċju għall-IA se jospita laqgħat annwali biex jiddiskuti politiki dwar l-innovazzjoni tal-IA u jistabbilixxi bordijiet settorjali biex jiddiskutu u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-istrateġija. Il-kooperazzjoni kontinwa bejn l-Alleanza għall-Applikazzjoni tal-IA, il-Bord tal-IA u RAISE se tiffaċilita wkoll iż-żieda ta’ riċerka siewja dwar l-iżvilupp u l-ilħuq tas-suq Ewropew.

·Tistabbilixxi Osservatorju tal-IA 88 biex jipprovdi indikaturi sodi għal valutazzjoni tal-impatt tal-IA fuq is-setturi elenkati bħalissa u futuri, u għal monitoraġġ tal-iżviluppi, ix-xejriet u l-bidliet li tista’ ġġib fis-suq tax-xogħol. Abbażi tal-attivitajiet tal-monitoraġġ, il-Kummissjoni se tagħmel proposta, fil-kuntest tad-Deċennju Diġitali, għal mira ta’ investiment pubbliku u privat fl-IA 89 . L-Osservatorju se jappoġġa wkoll l-organizzazzjoni ta’ diskussjonijiet settorjali. Se jintuża għall-analiżi politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet, u biex jinforma lill-komunità tal-IA u lill-pubbliku ġenerali dwar l-iżviluppi riċenti fil-qasam.

Il-Bord tal-IA, stabbilit skont l-Att dwar l-IA, se jibqa’ l-forum ewlieni tad-diskussjoni dwar l-IA 90 mal-Istati Membri, u se jiġi infurmat regolarment dwar l-attivitajiet tal-Alleanza għall-Applikazzjoni tal-IA. Permezz tas-sottokonfigurazzjoni tal-Bord tal-IA dwar l-innovazzjoni, l-isforzi se jkomplu jimmonitorjaw l-Istrateġiji nazzjonali tal-IA u se jiffaċilitaw l-iskambju tal-aqwa prattiki fost l-Istati Membri, inkluż għas-settur pubbliku. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jallinjaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom tal-IA mal-approċċ settorjali ppreżentat f’din il-Komunikazzjoni.

L-UE tqis l-IA bħala teknoloġija globali strateġika u qed tippożizzjona lilha nnifisha bħala sieħeb proattiv, kooperattiv u affidabbli li jrid imexxi bl-eżempju u jikkollabora fuq livell internazzjonali filwaqt li jħares l-interessi, is-sigurtà u l-valuri tiegħu. L-involviment internazzjonali futur se jibni u jespandi fuq il-bażi soda ta’ kooperazzjoni bilaterali u involviment attiv fil-fora u fl-inizjattivi internazzjonali rilevanti kollha tal-IA (G7, G20, is-Sħubija Globali tal-IA, l-OECD, il-Kunsill tal-Ewropa, in-Network tal-Istituti tas-Sikurezza u s-Sigurtà tal-IA, is-summits tal-IA u s-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti) 91 . L-UE se tkompli taħdem ukoll biex tiżgura flussi tad-data transfruntieri affidabbli – element essenzjali fl-iżvilupp tal-IA – ma’ sħab tal-istess fehma bi ftehimiet kummerċjali bilaterali u plurilaterali kif ukoll fil-G7, fil-G20 u fl-OECD. Barra minn hekk, l-UE tappoġġa t-teknoloġiji tal-IA li jkunu ta’ ġid għas-soċjetajiet u tħaddem politiki tal-IA għall-Ġid Pubbliku 92 .

Minħabba bidliet fix-xenarju dinji, l-importanza u l-ħtieġa ta’ impenn assertiv fuq l-IA, inkluż b’mod sinkronizzat mal-eqreb alleati tagħna, huma akbar minn qatt qabel u mistennija jkomplu jiżdiedu. Id-dipendenzi esterni tal-istack tal-IA li tista’ tintuża bħala arma u b’hekk jiżdiedu r-riskji għall-ktajjen tal-provvista minn atturi statali u mhux statali, jagħmluha kruċjali li l-Unjoni Ewropea żżid l-isforzi tagħha. Għaldaqstant, l-UE qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri tagħha fuq diversi linji ta’ ħidma dwar is-sigurtà ekonomika, inkluż id-Duttrina dwar is-Sigurtà Ekonomika li jmiss, biex tindirizza dawn l-isfidi 93 .

L-inizjattivi riċenti tal-UE, b’mod partikolari l-Fabbriki tal-IA u l-Gigafabbriki tal-IA, jirrappreżentaw bidla gradwali fl-isforzi tal-UE biex tissaħħaħ ir-reżiljenza. Dawn l-inizjattivi, flimkien ma’ investiment b’saħħtu u dejjem akbar fil-qasam tal-IA pijuniera, huma importanti għat-tħejjija tal-UE. Minbarra s-superviżjoni mill-Uffiċċju Ewropew għall-IA fil-kuntest tal-Att dwar l-IA biex jonqsu l-isfidi tas-sikurezza, l-UE tikkoopera fuq livell internazzjonali biex tgħaqqad il-forzi u tiġġieled il-perikli maħluqa minn utenti malizzjużi. L-UE se tikkapitalizza u tibni fuq l-assi strateġiċi u l-preġji tagħha, fosthom it-talent, ir-riċerka, is-saħħa industrijali (inkluż id-data industrijali) u s-suq uniku kbir tagħha b’regoli uniformi, u se tużahom fuq livell internazzjonali bħala parti mill-offerta tat-teknoloġija tal-UE biex tibni sħubijiet u alleanzi madwar id-dinja, kif indikat fil-Komunikazzjoni Konġunta riċenti dwar Strateġija Diġitali Internazzjonali għall-UE 94 . Se tingħata attenzjoni partikolari lill-potenzjal ta’ integrazzjoni tal-IA u kollaborazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku mal-pajjiżi kandidati u mal-eqreb ġirien, li se jkunu assoċjati fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija.

5.Konklużjoni

L-Istrateġija għall-Applikazzjoni tal-IA tfasslet biex tappoġġa lill-industriji u lis-settur pubbliku ħalli jifhmu aħjar x’tista’ tagħmel l-IA, fejn hija effettiva u kif tista’ ġġib vantaġġ kompetittiv. Din tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet biex jagħtu prominenza akbar lill-IA fl-isforzi tagħhom biex isolvu l-problemi. Billi tipproponi azzjonijiet ta’ politika trażversali u settorjali, l-Istrateġija tipprovdi mudell li jappoġġa l-implimentazzjoni u l-iskalar ta’ soluzzjonijiet rilevanti tal-IA. Bl-istabbiliment ta’ mekkaniżmu uniku ta’ governanza, l-Istrateġija tħeġġeġ id-djalogu bejn dawk li jfasslu l-politika u l-komunitajiet settorjali differenti. Billi tgħaqqad u ssaħħaħ l-istrumenti relatati mal-IA, din hija pjan ta’ azzjoni għal adozzjoni u integrazzjoni sħiħa tal-IA fis-setturi strateġiċi tal-UE, u dan iwassal biex jissaħħaħ il-Kontinent tal-IA.

(1)

   Ara pereżempju r-rapport “Generative AI Outlook Report” taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka: https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/9f7e0b86-477c-11f0-85ba-01aa75ed71a1/language-en

(2)

    https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/isoc_eb_ai/default/table?lang=en

(3)

    https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A32024R1689

(4)

   Stack tal-IA hu ġabra ta’ teknoloġiji, oqfsa u infrastruttura li jaħdmu flimkien biex jibnu, iħaddmu u jifirxu sistemi tal-IA, u jiffaċilitaw l-użu tagħhom.

(5)

    https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/14625-Apply-AI-Strategy_en

(6)

   Fl-aħħar ftit xhur ġew organizzati 17-il djalogu sefttorjali strutturat u 2 djalogi politiċi ta’ livell għoli: ara t-tabella fl-Anness.

(7)

   L-azzjonijiet tal-Istrateġija huma mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u għar-regoli rilevanti tal-UE dwar l-antitrust.

(8)

    https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/14625-Apply-AI-Strategy/public-consultation_en  

(9)

    https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/14625-Apply-AI-Strategy_en  

(10)

   Fost dawn hemm Orizzont Ewropa, il-programm Ewropa Diġitali, l-UE għas-Saħħa, u Ewropa Kreattiva.

(11)

   COM(2025) 529 final.

(12)

    https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/9ddf7bf8-62bf-11f0-bf4e-01aa75ed71a1/language-en#:~:text=Using%20a%20mixed%20methods%20approach%2C%20entailing%20a%20literature,and%20business%20challenges%2C%20and%20social%20and%20cultural%20barriers

(13)

   Ngħidu aħna bil-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, u bin-Network tagħha ta’ Għarfien Espert dwar il-Kanċer, u n-Network tal-UE li jorbot liċ-Ċentri Nazzjonali Komprensivi tal-Kanċer rikonoxxuti.

(14)

   Pereżempju ara: Gender medicine: effects of sex and gender on cardiovascular disease manifestation and outcomes | Nature Reviews Cardiology .

(15)

   Il-pedamenti għal dan ix-xogħol se jiġu stabbiliti b’azzjonijiet iffinanzjati mill-programm ta’ ħidma 2025-2027 tal-programm Ewropa Diġitali u mill-proġett COMPASS-AI .

(16)

    https://health.ec.europa.eu/ehealth-digital-health-and-care/european-health-data-space-regulation-ehds_en  

(17)

    https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/policies/cancer-imaging  

(18)

    https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/policies/1-million-genomes

(19)

    Study on the deployment of AI in healthcare, il-Kummissjoni Ewropea, 2025.

(20)

   Il-Kummissjoni hija impenjata li taħdem fuq dan ukoll fl-Att Ewropew dwar il-Bijoteknoloġija li jmiss, maħsub biex jippermetti l-innovazzjoni u jixpruna l-kompetittività tal-UE fis-setturi tal-bijoteknoloġija.

(21)

    https://adr-association.eu  

(22)

   2024, Il-Bank Dinji, Trading Economics.

(23)

   Analiżi tad-data mis-sensuri tal-makkinarju biex titbassar il-ħsara fit-tagħmir qabel tiġri.

(24)

    https://manufacturingdataspace-csa.eu/

(25)

    https://www.eeas.europa.eu/eeas/white-paper-for-european-defence-readiness-2030_en

(26)

   Il-Pjan Direzzjonali li jmiss għall-Implimentazzjoni tal-IA fil-Politika Estera u tas-Sigurtà Komuni u fil-Politika tas-Sigurtà u tad-Difiża Komuni se jistabbilixxi qafas għal azzjoni koordinata li tavvanza l-kapaċitajiet tal-IA fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża.

(27)

    https://defence-industry-space.ec.europa.eu/vision-european-space-economy_en  

(28)

    https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A52025DC0148  

(29)

   COM(2025)349 final, Pjan direzzjonali dwar l-aċċess legali u effettiv għad-data għall-infurzar tal-liġi.

(30)

   It-terminu “vettura” jkopri l-modi kollha tat-trasport, jiġifieri bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajru, bil-baħar, u bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

(31)

   Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, Requirements for Inclusive Automated Vehicle Services: Insights for Vehicle and Smartphone Application Design, 2025, https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC142261 .

(32)

   Building on the Action Plan for the European Automotive Industry, https://transport.ec.europa.eu/document/download/89b3143e-09b6-4ae6-a826-932b90ed0816_en . Il-Memorandum ta’ Qbil bejn is-sħubijiet 2Zero, CCAM, u BATT4EU se jkompli jsaħħaħ ir-rabtiet maċ-ċipep, mal-IA u mar-robotika:    
https://ec.europa.eu/commission/presscorner/api/files/document/print/en/ip_25_2090/IP_25_2090_EN.pdf

(33)

   Sejħa miftuħa għal sħubija fl-Alleanza: https://ec.europa.eu/eusurvey/runner/75555fa5-6d3c-253b-cefc-1c9b4f8daadf

(34)

    https://www.gsmaintelligence.com/research/telco-ai-state-of-the-market-q4-2024  

(35)

   Inkluż permezz ta’ apparat mobbli u edge computing.

(36)

   F’konformità mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, meta rilevanti, inkluż il-Linji Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-TFUE għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali.

(37)

   Il-flessibbiltà min-naħa tad-domanda tirreferi għall-kapaċità li l-konsum tal-elettriku jiġi aġġustat b’reazzjoni għal sinjali esterni, bħal bidliet fil-prezzijiet jew fid-domandi tal-grilja. B’hekk, il-konsumaturi jkunu jistgħu jibdlu, inaqqsu jew iżidu l-użu tal-enerġija tagħhom tul perjodi speċifiċi, b’mod partikolari waqt l-aktar ħinijiet intensivi, biex jgħinu fil-bilanċ tal-grilja u jnaqqsu l-ħtieġa għal kapaċità ta’ ġenerazzjoni addizzjonali.

(38)

   Kull sentejn, in-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E) jiżviluppa pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network madwar l-Unjoni kollha (TYNDP). Aktar riċenti, id-Direttiva 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (id-Direttiva dwar l-Elettriku) tobbliga lill-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni (DSO) biex iħejju regolarment pjanijiet tal-iżvilupp tan-network tad-distribuzzjoni (DNDPs) u jippubblikawhom.

(39)

    https://dealroom.co/eu-apply-ai-climate-environment

(40)

   L-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma, adottata f’Ġunju 2025, hi maħsuba biex tnaqqas l-impronta tal-ilma, inkluż tal-installazzjonijiet tal-kompjuters billi żżid iċ-ċirkolarità tagħhom permezz ta’ użu mill-ġdid tal-ilma, effiċjenza u tkessiħ niexef.

(41)

    https://destination-earth.eu/  

(42)

    https://www.edito.eu/  

(43)

    https://www.copernicus.eu/en  

(44)

   L-IA għandha wkoll potenzjal kbir biex tassisti u timmassimizza l-potenzjal tat-tħaddim tal-valuri u l-prinċipji tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida.

(45)

    Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel – Insawru flimkien settur tal-biedja u tal-ikel attraenti tal-UE għall-ġenerazzjonijiet futuri .

(46)

   Faċilitatur importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-IA fl-Agrikoltura jkun l-istabbiliment ta’ sistema ta’ IDs uniċi tal-azjendi agrikoli, kif investigat, fost l-oħrajn, fil-Konsorzju għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea Agroalimentari (EDIC). Faċilitatur importanti ieħor għas-suċċess tal-IA fis-settur agroalimentari hu t-titjib tal-konnettività rurali.

(47)

   Stħarriġ ta’ McKinsey li sar fl-2024 sab li 27% biss tal-kultivaturi Ewropej jużaw algoritmi ta’ monitoraġġ tar-rendiment u 49% jużaw kontrolluri għall-isprejjar bi preċiżjoni – madwar nofs ir-rata ta’ adozzjoni li hemm fl-Istati Uniti, https://www.mckinsey.com/industries/agriculture/our-insights/global-farmer-insights-2024?.com .

(48)

   L-isforzi se jiġu appoġġati wkoll bi strumenti eżistenti bħall-Ispazju Komuni Ewropew tad-Data dwar l-Agrikoltura https://agridataspace-csa.eu/ , u s-sħubija “L-Agrikoltura tad-Data” kofinanzjata minn Orizzont Ewropa.

(49)

   Filwaqt li t-turiżmu mhuwiex fost l-industriji fil-mira tal-Istrateġija għall-Applikazzjoni tal-IA, bla dubju hu mutur importanti tal-ekonomija Ewropea, u jikkontribwixxi għal madwar 5% tal-valur miżjud gross u jappoġġa direttament lil aktar minn 20 miljun impjieg u lil aktar minn 3 miljun intrapriża. L-integrazzjoni malajr tal-IA fit-turiżmu, mill-perspettiva tal-konsumaturi u anki tal-operaturi, qed issawwar mill-ġdid il-mod kif jiffunzjona s-settur. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-użu tal-IA fit-turiżmu, b’mod li jirrispetta prattiki etiċi u l-privatezza tad-data, irawwem it-trasparenza u l-inklużività, filwaqt li jmexxi ’l quddiem l-innovazzjoni sostenibbli.

(50)

   51% tal-kumpaniji tal-videogames, 39% tal-kumpaniji awdjoviżivi, u 35% tal-kumpaniji tal-aħbarijiet adottaw soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA. 35% tal-kreaturi tal-mużika wkoll irrapportaw li qed jużaw l-IA f’xogħolhom. Il-European Media Outlook, it-2 edizzjoni, Technopolis Group abbażi tal-Istħarriġ dwar l-Intrapriżi tal-Istitut Monetarju Ewropew, 2024.

(51)

   Fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur, il-Kummissjoni diġà ffaċilitat it-tfassil ta’ Kodiċi ta’ Prattika li jispjega fid-dettall ir-regoli tal-IA bi Skop Ġenerali (GPAI) fl-Att dwar l-IA. Il-Kodiċi ġie approvat bħala adegwat għall-fornituri biex juru l-konformità mal-obbligu tagħhom fil-kuntest tal-Att dwar l-IA. Barra minn hekk, u b’rabta aktar diretta mad-drittijiet tal-awtur, il-Kummissjoni adottat mudell dwar il-kontenut użat għat-taħriġ tal-IA bi Skop Ġenerali, qed isir studju dwar il-fattibbiltà ta’ reġistru tal-opt-outs skont l-eċċezzjoni tal-Estrazzjoni tat-Test u tad-Data (TDM), u hu ppjanat studju ieħor biex jirfed il-valutazzjoni tar-regoli tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali, inkluż l-eċċezzjoni tal-Estrazzjoni tat-Test u tad-Data. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet proċess biex jitfassal Kodiċi ta’ Prattika ġdid fil-kuntest tal-Artikolu 50 tal-Att dwar l-IA għat-trasparenza tal-kontenut iġġenerat bl-IA.

(52)

   Biex tikkomplementa l-miżuri elenkati, il-Kummissjoni se tipproponi Strateġija għall-IA għas-setturi kulturali u kreattivi biex tkompli tiżgura li l-IA tippermetti u ssaħħaħ il-kreattività tal-bniedem filwaqt li tħares id-diversità kulturali u lingwistika Ewropea.

(53)

   Dawn se jiġu ffinanzjati permezz tal-programmi Ewropa Diġitali u Ewropa Kreattiva.

(54)

   Ara pereżempju r-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar il-potenzjal tal-IA ġenerattiva għas-settur pubbliku: https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC139825 , ara pereżempju r-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar il-potenzjal tal-IA ġenerattiva għas-settur pubbliku: https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC139825  

(55)

    https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC138684

(56)

    https://interoperable-europe.ec.europa.eu/collection/public-sector-tech-watch

(57)

   Fuq dawn il-linji, pereżempju, l-EDIC CityVerse qed jgħin biex ikollna ekosistema tal-UE ta’ soluzzjonijiet avvanzati tal-IA għall-bliet. Aktar informazzjoni tinsab fuq https://digital-strategy.ec.europa.eu/mt/factpages/citiverse .

(58)

   Se jitħabbru azzjonijiet speċifiċi fl-Istrateġija li jmiss “DigitalJustice@2030”, maħsuba biex ittejjeb l-effiċjenza fil-qasam tal-ġustizzja, tnaqqas il-piżijiet u l-kostijiet amministrattivi, u b’hekk trawwem it-tkabbir ekonomiku.

(59)

   Bħal mudelli tal-arkitettura, standards, speċifikazzjonijiet għad-data u IA, u reġistri tal-LLMs.

(60)

   Dan is-sett ta’ għodod se jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal- Public Sector Tech Watch filwaqt li l- Pjattaforma tal-IA fuq talba se tippromwovih ukoll bħala parti mill-portafoll tagħha ta’ riżorsi lesti għall-użu, filwaqt li se jgħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jimxu minn proġetti pilota tas-soluzzjonijiet tal-IA għal implimentazzjoni operazzjonali fuq skala sħiħa. Il-Perkors PAIR se jinkiseb permezz tal-Public Sector Tech Watch u se jiġi kkomplementat bl-appoġġ taċ-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali (EDIH) li se jitħarrġu f’dan is-sens u se jgħinu fit-tixrid tal-għarfien.

(61)

    https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A52025DC0349  

(62)

   Trid tiġi implimentata permezz tas-sejħa GenAI4EU fil-programm Ewropa Diġitali (2025-2026 DIGITAL-2025- AI- 08 - Apply AI: GenAI for the public administrations ). Is-sejħa għandha l-iskop li tħaffef l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-IA ġenerattiva skalabbli u replikabbli fl-amministrazzjonijiet pubbliċi billi tappoġġa sa erba’ proġetti pilota f’oqsma funzjonali ewlenin bħat-teħid tad-deċiżjonijiet xprunat mid-data, l-ottimizzazzjoni tal-proċessi u tal-operazzjonijiet interni, it-tisħiħ tal-interazzjonijiet maċ-ċittadini u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri legali u amministrattivi.

(63)

   Permezz tal-programm Erasmus+, il-Kummissjoni se tippromwovi l-iżvilupp ta’ sħubijiet pubbliċi privati u kollaborazzjoni mas-settur EdTech (tat-teknoloġija edukattiva) għal disinn, żvilupp u użu etiċi tal-għodod tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-edukazzjoni. Barra minn hekk, se trawwem l-involviment ta’ diversi partijiet ikkonċernati biex tixpruna l-adozzjoni effettiva u responsabbli tal-IA fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, inkluż b’azzjoni mmirata permezz taċ-Ċentru tal-Edukazzjoni Diġitali.

(64)

   Primarjament b’IA bbażata fuq il-GPT u aġenti ta’ konverżazzjoni multilingwi magħmulin fl-Ewropa u b’sors miftuħ, chatbots multilingwi.

(65)

    https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/sbs_sc_ovw/default/table?lang=en&category=bsd.sbs.sbs_ovw  

(66)

    Characteristics and regional coverage of the EDIH Network: discover the comprehensive report | in-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali .

(67)

   Dan se jsir billi l-organizzazzjonijiet jingħataw l-għajnuna biex jiksbu aċċess għal infrastruttura u hardware, jiffaċilitaw l-aċċess għad-data u l-ġestjoni tad-data, iħaddmu għodod ħfief tal-IA – b’mod kosteffettiv u sigur – f’sistemi lokali tal-cloud possibbilment b’sors miftuħ, u joffru taħriġ apposta.

(68)

   L-għalliema huma aktar esposti għall-IA Ġenerattiva minn 90% tal-ħaddiema l-oħra ( JRC Publications Repository – Generative AI Outlook Report ). Biex tgħin lill-għalliema u lill-edukaturi, il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ prattiku permezz ta’ aġġornament tal-Linji Gwida Etiċi dwar l-użu tal-IA u tad-data fil-proċessi tat-tagħlim: Linji gwida etiċi għall-edukaturi dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali – iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

(69)

    Skills empower workers in the AI revolution | is-CEDEFOP

(70)

    Generative AI and Jobs: A global analysis of potential effects on job quantity and quality | l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol .

(71)

   Bil-Pjan Direzzjonali għall-2030 dwar il-futur tal-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali, il-Kummissjoni se tgħin lis-sistemi edukattivi u lill-atturi jadattaw għat-trasformazzjoni tal-IA, se tixpruna t-tixrid tal-litteriżmu u l-ħiliet fl-IA tul l-edukazzjoni formali u se tappoġġa lis-settur tal-EdTech Ewropew.

(72)

   L-Unjoni tal-Ħiliet (COM(2025) 90 final) ħabbret rieżami tal-akkademji tal-UE biex tiżgura li dawn jibqgħu rilevanti biex jindirizzaw il-ħtiġijiet attwali.

(73)

   Il-mikrokredenzjali jistgħu jgħinu biex jiġu ċċertifikati l-eżiti ta’ esperjenzi tat-tagħlim żgħar imfasslin apposta. Permezz tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 (2022/C 243/02), il-Kunsill qed jappella lill-Istati Membri biex jadottaw definizzjoni u approċċ komuni tal-UE.

(74)

   Fil-kuntest tat-talba tal-Kummissjoni biex jirdoppjaw l-impenji (il-wegħdiet) tagħhom, parti mill-Unjoni tal-Ħiliet.

(75)

   F’konformità wkoll mal- Pjan Direzzjonali tal-UE għad-Drittijiet tan-Nisa: spinta mġedda għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-Kummissjoni Ewropea .

(76)

   Rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka juri li l-inġiniera tal-IA jew tat-tagħlim awtomatiku (ML) huma fost l-aktar profili tal-impjiegi tal-IA li hemm domanda għalihom. It-tisħiħ ta’ dawn il-profili, apparti li jkompli jwessa’ l-offerta ta’ dawn il-ħiliet f’diversi dixxiplini, jista’ potenzjalment iżid il-penetrazzjoni tal-IA fis-setturi kollha,    
https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC143488 .

(77)

   Eżemepju bl-Alleanzi għall-Innovazzjoni u tat-Traineeships dwar Opportunitajiet Diġitali.

(78)

   Eżempju l-inizjattiva pilota EIT AI Founders: https://www.eitdigital.eu/eit-ai-founders-club-2025/

(79)

   Bl-irfinar, mudell bażi kbir imħarreġ minn qabel ikompli jitħarreġ fuq data speċifika għal xi dominju (eż., legali, mediku, finanzjarju) biex jispeċjalizza f’kompitu jew qasam partikolari. Bid-distillazzjoni – teknika ta’ kompressjoni – mudell iżgħar (l-“istudent”) jitgħallem jimita l-imġiba ta’ mudell akbar (l-“għalliem”) billi jaħfen ħafna mill-kapaċitajiet tiegħu u jagħmilhom f’forma aktar kompatta u effiċjenti. Dan hu partikolarment utli meta l-IA tintuża f’ambjenti b’riżorsi limitati (eż. mowbajls, edge computing).

(80)

   Din l-inizjattiva se tkun marbuta mar-Riżorsa għax-Xjenza tal-IA fl-Ewropa.

(81)

    https://research-and-innovation.ec.europa.eu/document/download/2f76a0df-b09b-47c2-949c-800c30e4c530_en?filename=ec_rtd_eu-startup-scaleup-strategy-communication.pdf  

(82)

   Il-Komunikazzjoni COM(2025) 543.

(83)

    https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/policies/contents-code-gpai

(84)

   Il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida dwar l-ambitu tal-obbligi tal-mudelli tal-IA bi skop ġenerali, id-definizzjoni tas-sistema tal-IA u l-prattiki pprojbiti tal-IA skont l-Att dwar l-IA.

(85)

    https://ai-act-service-desk.ec.europa.eu

(86)

   Fost il-partijiet ikkonċernati bħalissa hemm assoċjazzjonijiet tan-negozju jew tal-konsumatur, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kumpaniji, konsulenti, ċittadini, istituzzjonijiet finanzjarji, korpi governattivi jew pubbliċi, organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija, sħab soċjali, universitajiet / istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil komunitajiet reliġjużi jew filosofiċi.

(87)

   Pereżempju, din se tibni rabtiet mal-istruttura ta’ governanza ta’ RAISE u mas-Sħubija Ewropea eżistenti dwar l-IA, id-Data u r-Robotika. Barra minn hekk, il-Patt dwar l-IA se jibqa’ mezz ewlieni tal-komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar materji regolatorji, u l-Kummissjoni se tiżgura l-komplementarjetà tal-kontributi.

(88)

   L-Osservatorju tal-IA se juża, fost l-oħrajn, l-istatistika uffiċjali dwar l-adozzjoni tal-IA mill-intrapriżi f’setturi ekonomiċi differenti, u statistika oħra dwar l-impatt tal-IA fuq is-soċjetà li diġà ppubblikaw il-Eurostat u l-Istati Membri tal-UE.

(89)

   Bl-Istrateġija għall-Applikazzjoni tal-IA, il-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), żviluppat metodoloġija biex tkejjel l-investimenti pubbliċi u privati fl-IA li tallinja mal-approċċ tal-politika tal-UE dwar l-IA, https://www.oecd.org/en/publications/advancing-the-measurement-of-investments-in-artificial-intelligence_13e0da2f-en.html .

(90)

   L- ekosistema tal-innovazzjoni tal-IA tal-Bord tal-IA se tkun il-grupp ta’ ħidma ewlieni li jittratta l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Applikazzjoni tal-IA. L-attivitajiet relatati mal-implimentazzjoni tal- Pjan Ikkoordinat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali se jitwettqu u jkunu allinjati mal-kontenut ta’ din l-Istrateġija. Il-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data se jkompli jservi bħala l-forum ewlieni għad-diskussjoni dwar materji relatati mad-data b’appoġġ għall-IA u l-qafas ta’ politika diġitali usa’.

(91)

   Filwaqt li tibni fuq l-adozzjoni tal-Patt Diġitali Globali f’Settembru 2024, il-Kummissjoni Ewropea tappoġġa (i) id-Djalogu Globali dwar il-Governanza tal-IA, organizzat fil-qafas tal-Ġimgħa ta’ Livell Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti f’Settembru 2025, inkluż l-objettivi tiegħu li jgħinu biex jinbnew sistemi tal-IA sikuri, siguri u affidabbli u (ii) il-ħolqien tal-Bord Xjentifiku Internazzjonali Indipendenti dwar l-IA.

(92)

   Pereżempju l-Kummissjoni hija involuta fiċ-Ċentru tal-IA għall-Iżvilupp Sostenibbli, https://www.aihubfordevelopment.org/ .

(93)

    https://commission.europa.eu/document/download/4047c277-f608-48d1-8800-dcf0405d76e8_en

(94)

    https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/library/joint-communication-international-digital-strategy-eu


Brussell, 8.10.2025

COM(2025) 723 final

ANNESSI

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Strateġija għall-Applikazzjoni tal-IA


Anness 1: Tabella fil-qosor tad-djalogi strutturati organizzati biex jinfurmaw l-Istrateġija

Djalogi strutturati settorjali

Setturi

Data

Tip ta’ partijiet ikkonċernati

Għadd ta’ parteċipanti

Mobbiltà, trasport u karozzi

05.02.2025

Miftuħa għal kulħadd

Madwar 400

11.04.2025

Miftuħa għal kulħadd

Madwar 500

Agroalimentari

27.03.2025

Miftuħa għal kulħadd

Madwar 200

Enerġija

20.09.2024

Miftuħa għal kulħadd

Madwar 280

31.03.2025

Miftuħa għal kulħadd

Madwar 250

Komunikazzjonijiet elettroniċi

10.06.2025

Esperti biss

Madwar 25

Klima u ambjent

28.04.2025

Miftuħa għal kulħadd

Madwar 180

Setturi kulturali u kreattivi

07.04.2025

Miftuħa għal kulħadd

Madwar 100

08.04.2025

Esperti biss

Madwar 30

Robotika 

12.06.2025

Esperti biss

Madwar 30

Manifattura 

29.04.2025

Esperti biss

Madwar 15

20.05.2025

Esperti biss

Madwar 10

Settur pubbliku

14.04.2025

Miftuħa għal kulħadd

Madwar 800

Kura tas-saħħa

28.03.2025

Miftuħa għal kulħadd

Madwar 200

05.06.2025

Esperti biss

Madwar 30

Farmaċewtika

24.06.2025

Esperti biss

Madwar 25

Difiża, sigurtà u spazju

02.04.2025

Esperti biss

Madwar 30

Djalogi politiċi ta’ livell għoli

Settur pubbliku u kura tas-saħħa

18.06.2025

CEOs u miftuħa għall-pubbliku

Madwar 50

Mobbiltà, Agroalimentazzjoni, Enerġija, Kura tas-saħħa, Farmaċewtika, Komunikazzjonijiet elettroniċi, Difiża, Setturi kulturali u kreattivi

02.07.2025

CEOs u rappreżentanti tal-konsumaturi u tal-ħaddiema

Madwar 20



Anness 2: L-inizjattivi interni tal-Kummissjoni stess relatati mal-IA

Biex tmexxi bl-eżempju, il-Kummissjoni artikolat il-Komunikazzjoni AI@EC 1 li tiddefinixxi diversi azzjonijiet organizzattivi u operazzjonali biex tiżgura l-iżvilupp intern u l-użu ta’ sistemi tal-IA legali, sikuri u affidabbli.

Bħala parti mill-impenn tagħha, il-Kummissjoni nediet diversi inizjattivi bil-ħsieb li tavvanza dawn l-għanijiet:

1.Noħolqu linji gwida operazzjonali interni: Il-Kummissjoni stabbiliet linji gwida komprensivi għall-persunal li juża, jiżviluppa u jakkwista sistemi tal-IA. Ġie żviluppat materjal speċifiku li jkopri l-użu tal-għodod tal-IA ġenerattiva, il-ġestjoni tad-data, is-sigurtà, il-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew, u l-impatt ambjentali tal-IA. Il-Kummissjoni tippromwovi wkoll l-iżvilupp tal-IA b’sors miftuħ b’mod allinjat mal-istrateġija tagħha b’sors miftuħ permezz ta’ linji gwida speċifiċi, u tipprovdi riżorsi bħal FAQs dwar il-proprjetà intellettwali u gwida tal-IA għall-meniġers biex trawwem l-adozzjoni tal-għodod tal-IA fix-xogħol ta’ kuljum.

2.Nistabbilixxu reġistru intern tas-sistemi tal-IA u klassifikazzjoni bbażata fuq ir-riskju: Is-sistemi tal-IA użati jew li qed jiġu żviluppati jiġu kklassifikati sistematikament abbażi ta’ metodoloġija xprunata mir-riskju allinjata mal-Att dwar l-IA, skont il-linji gwida operazzjonali tal-Kummissjoni stess.Ir-riżultati jiġu segwiti f’reġistru intern għar-rapportar u biex tkun żgurata l-konformità mal-istandards legali.

3.Strutturi organizzazzjonali: L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-Komunikazzjoni AI@EC qed jimmonitorjaha bord ġdid, il-Grupp Interservizz dwar l-IA. Gruppi ta’ ħidma ddedikati huma responsabbli għall-oqsma tal-ġestjoni tal-bidla u tal-komunikazzjoni.

4.Litteriżmu fl-IA: Programmi speċjali tat-taħriġ relatati mal-IA għandhom l-għan li jibnu forza tax-xogħol bil-ħiliet fl-IA, filwaqt li l-kondiviżjoni tal-għarfien qed titħeġġeġ b’portal tal-IA li jaġixxi bħala ċentru tal-għarfien, avvenimenti u aħbarijiet, Network AI@EC li jaġixxi bħala komunità ta’ prattika, u tagħlim bejn il-pari bin-network taċ-Champions fl-IA. Barra minn hekk, stħarriġ intern jivvaluta l-adozzjoni u l-interess fl-għodod tal-IA biex jiġu identifikati l-lakuni u l-ħtiġijiet pendenti.

Eżempji ta’ kif il-Kummissjoni qed tmexxi l-adozzjoni tal-għodod tal-IA internament jinkludu:

-għodda ddedikata tal-IA ġenerattiva (GPT@EC), disponibbli għall-persunal kollu u li toffri aċċess tal-API biex tipprovdi kapaċitajiet tal-IA lil sistemi oħra. Hu ppjanat li l-kodiċi joħroġ għall-ewwel darba bħala sors miftuħ fl-2026.

-għodod lingwistiċi bħall-eTranslation 2 jipprovdu kapaċitajiet ġodda permezz ta’ karatteristiċi ġodda tal-IA ġenerattiva, u huma disponibbli għas-settur pubbliku.



Anness 3: Tabella fil-qosor tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-IA

Azzjonijiet tal-Kummissjoni

Data fil-mira

Setturi industrijali strateġiċi

Kura tas-saħħa, inkluż il-farmaċewtika

Inizjattivi ewlenin

Tiftaħ network ta’ ċentri Ewropej avvanzati tal-iskrinjar u mħaddma bl-IA ħalli fil-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa titħaffef l-introduzzjoni ta’ għodod innovattivi għall-prevenzjoni u għat-tfassil tad-dijanjożi u biex is-servizzi tal-kura tas-saħħa jaslu f’żoni li mhumiex moqdijin biżżejjed.

Q2 2027

Tistabbilixxi Network Ewropew ta’ Għarfien Espert dwar l-Implimentazzjoni tal-IA fil-Kura tas-Saħħa biex tikkonsolida l-linji gwida u l-aqwa prattiki. Dan se jipprovdi playbooks dwar l-implimentazzjoni, linji gwida, inkluż dwar il-validazzjoni lokali (il-prestazzjoni fil-prattika klinika) u monitoraġġ ta’ wara l-implimentazzjoni, prinċipji tad-disinn u jifrex il-pedamenti għall-iskambju tal-aqwa prattiki tal-użu tal-IA fil-kura tas-saħħa.

Q4 2027

Tniedi sfida ta’ skoperta tal-mediċini tal-IA għal mediċini ġodda potenzjali li jistgħu jintużaw biex jiġu indirizzati ħtiġijiet mediċi mhux issodisfati u jiġi ttrattat mard li wera li hu diffiċli li jiġi kkurat.

Q4 2026

Tipproponi azzjonijiet xierqa biex tissimplifika u tippermetti introduzzjoni aktar malajr fis-suq ta’ apparati mediċi mingħajr ma tikkomprometti s-sikurezza.

2026

Azzjoni(jiet) rilevanti oħra

Trawwem il-kollaborazzjoni f’oqsma ewlenin bħall-kura primarja u l-ġestjoni tal-mard kroniku għall-iżvilupp u l-espansjoni tal-IA ekwa fil-Kura tas-Saħħa.

Q4 2027

Tappoġġa t-tkabbir ta’ IA affidabbli fis-saħħa tal-qalb u l-użu responsabbli tal-IA għall-prevenzjoni.

Q4 2025

Tiffaċilita l-aċċess għall-kapaċitajiet Ewropej tal-computing (eż. Fabbriki tal-IA) għall-iżviluppaturi u għall-fornituri għall-innovazzjoni fil-kura tas-saħħa, inkluż fl-iżvilupp tal-mediċini bijoteknoloġiċi għall-avvanz ta’ terapiji u trattamenti ta’ mard rari.

Q2 2026

Tħaffef l-adozzjoni ta’ tewmin virtwali tal-bniedem (VHTs) u soluzzjonijiet innovattivi relatati tal-IA għall-kura tas-saħħa u l-iżvilupp tal-mediċini, billi tiffaċilita l-ekosistemi.

Q4 2026

Tiżviluppa gwida tal-UE dwar l-użu responsabbli tal-IA fil-farmakoviġilanza u għall-attivitajiet regolatorji.

Q4 2026

Tipprovdi finanzjament biex tixpruna d-disponibbiltà u l-kwalità tad-data dwar is-saħħa għall-innovazzjoni tal-IA.

Q4 2027

Tappoġġa l-użu ta’ aġenti tal-IA għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa f’oqsma differenti tal-kura medika, inkluż kompiti amministrattivi.

Q2 2026

Trawwem il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ soluzzjonijiet tal-IA għar-riċerka bijomedika, inkluż l-iskoperta u l-iżvilupp tal-mediċini.

Q2 2026

Robotika

Inizjattivi ewlenin

Tistabbilixxi Katalizzatur għall-adozzjoni tar-Robotika Ewropea, li jlaqqa’ flimkien lill-partijiet ikkonċernati biex jottimizzaw l-innovazzjoni u jħaffu l-adozzjoni tas-soluzzjonijiet Ewropej. F’dan il-kuntest, tiffinanzja l-iżvilupp ta’ Pipelines tal-Aċċellerazzjoni settorjali għall-adozzjoni tar-robotika mħaddma bl-IA.

Minn Q4 2025

Azzjoni(jiet) rilevanti oħra

Tħaffef l-iżvilupp tal-ħiliet tar-robots applikabbli għal ħafna setturi u tippermetti ċ-Ċentri ta’ Kwalifika tal-ħiliet tar-robots.

Q1 2026

Tinvesti fir-riċerka u l-iżvilupp biex trawwem mudelli bażi li jippermettu lir-robots jitgħallmu mill-esperjenza tad-dinja reali, jissimulaw ambjenti kumplessi, u jippjanaw u jaġixxu b’awtonomija filwaqt li jirrispettaw ir-restrizzjonijiet fiżiċi.

Q4 2025

Tippermetti aċċess sigur għad-data operazzjonali billi tiffinanzja infrastrutturi fdati, tiċċara l-oqfsa legali għall-użu tad-data industrijali, u tippromwovi standards ta’ governanza interoperabbli.

Q4 2026

Manifattura, inġinerija u kostruzzjoni

Inizjattivi ewlenin

Tappoġġa l-iżvilupp ta’ mudell tal-IA pijuniera u aġenti tal-IA adattati għall-manifattura.

Q4 2026

Tiffinanzja l-iżvilupp ta’ Pipelines tal-Aċċellerazzjoni għall-adozzjoni tal-IA fil-manifattura, filwaqt li tnaqqas d-distakk b’mod aktar effettiv bejn il-laboratorji tar-riċerka u l-implimentazzjoni.

Q4 2026

Azzjoni(jiet) rilevanti oħra

Issaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Faċilità tal-Ittestjar u l-Esperimentazzjoni fil-manifattura biex tappoġġa lill-kumpaniji innovattivi tal-magni mħaddma bl-IA fil-proċessi taċ-ċertifikazzjoni tagħhom.

Q4 2026

Difiża, sigurtà u spazju

Inizjattivi ewlenin

Tħaffef l-iżvilupp u l-iskjerament tal-kapaċitajiet C2 (Kmand u Kontroll) Ewropej attivati bl-IA permezz tal-FEŻ, filwaqt li tinċentiva wkoll soluzzjonijiet ta’ arkitettura miftuħa b’użu doppju għas-sigurtà fil-fruntieri u l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika.

Q4 2026

Tifrex infrastruttura Ewropea strateġika u dedikata b’kapaċitajiet tal-qawwa komputazzjonali mill-aktar siguri (eż. fabbrika/gigafabbrika tal-IA) għat-taħriġ ta’ mudelli tal-IA dwar id-difiża u l-ispazju, u għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet tal-IA dwar id-difiża u l-ispazju.

Q4 2026

Tappoġġa l-konformità tal-IA fil-manifattura u fl-operazzjonijiet spazjali tal-UE, inkluż fl-infrastruttura fl-orbita u fuq l-art, b’manifattura avvanzata, robotika, komputerizzazzjoni edge/fl-orbita apposta, networks tad-data bbażati fl-ispazju, tagħmir għall-ipproċessar tas-sinjali, sistemi tal-Kmand u tal-Kontroll.

2026

Trawwem l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-IA għal finijiet tas-sigurtà interna, inkluż billi tappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni applikati u tistimula l-introduzzjoni fis-suq ta’ soluzzjonijiet tal-IA li jkunu mfasslin apposta biex jintużaw fis-sigurtà interna.

Minn Q4 2025

Tiffinanzja proġetti li joħolqu u jimplimentaw għodod, teknoloġiji u servizzi taċ-ċibersigurtà bbażati fuq l-IA li jindirizzaw l-identifikazzjoni tat-theddid u tal-vulnerabbiltajiet, il-mitigazzjoni tat-theddid, l-irkupru mill-inċidenti b’azzjonijiet awtoriparatorji, l-analiżi u l-kondiviżjoni tad-data.

Minn Q4 2025

Tappoġġa l-interoperabbiltà u l-integrazzjoni affidabbli tal-IA fl-arkitetturi, fl-infrastrutturi u fis-sorveljanza tat-theddid taċ-ċibersigurtà, inkluż liċ-Ċentri Ċibernetiċi u liċ-Ċentri tas-Sigurtà tal-Kejbils futuri, u għall-ambjenti diġitali b’użu doppju u rilevanti għad-difiża.

Q4 2026

Azzjoni(jiet) rilevanti oħra

Tiffaċilita l-involviment transkomunitarju permezz ta’ sessjonijiet ta’ ħidma u diskussjonijiet madwar il-mejda, li jlaqqgħu flimkien lil esperti ċivili u tad-difiża biex jiddiskutu sinerġiji, sfidi u prijoritajiet għall-iżvilupp tal-IA b’użu doppju. Dan se jappoġġa l-iżvilupp ta’ standards u għarfien komuni mill-aktar avvanzat.

Minn Q2 2026

Tappoġġa, fil-kuntest tal-proġetti tal-Akkademja tal-Ħiliet Ċibernetiċi, l-użu ta’ għodod tal-IA li jassistu lill-persunal taċ-ċibersigurtà fir-rwoli operazzjonali.

Minn Q4 2026

Mobbiltà, trasport u karozzi

Inizjattivi ewlenin

Tisfrutta l-fabbriki u l-gigafabbriki tal-IA biex tħaffef l-iżvilupp ta’ mudelli innovattivi tal-IA u pjattaformi komuni tas-software għal sistemi awtomatizzati tas-sewqan u tal-ġestjoni tal-vetturi.

Minn Q2 2026

Tniedi inizjattiva “Bliet b’Ambizzjoni ta’ Sewqan Awtonomu” biex tħaffef l-użu ta’ servizzi operazzjonali offruti mill-fornituri Ewropej.

Q4 2026

Azzjoni(jiet) rilevanti oħra

Trawwem l-iżvilupp ta’ mudelli u soluzzjonijiet innovattivi tal-IA għal sistemi tas-sewqan awtomatizzat, permezz tal-Alleanza Ewropea tal-Vetturi Konnessi u Awtonomi, u finanzjament minn Orizzont Ewropa.

Q3 2025

Tappoġġa l-aċċess, il-kondiviżjoni u l-akkomunament tad-data dwar il-mobbiltà u dwar il-karozzi għall-iżvilupp ta’ mudelli u applikazzjonijiet tal-IA.

Q1 2027

Komunikazzjonijiet elettroniċi

Inizjattivi ewlenin

Tippromwovi l-kapaċitajiet tal-UE fl-apparati edge tal-IA billi tipprovdi appoġġ apposta fi ħdan l-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti u l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep.

Q1 2026

Toħloq pjattaforma tal-IA Telco Ewropea (pjattaforma stack tal-IA) għall-operaturi tat-telekomunikazzjoni, il-bejjiegħa u l-industriji tal-utenti biex b’mod kollaborattiv jibnu elementi stack tal-IA.

Q4 2026

Azzjoni(jiet) rilevanti oħra

Tappoġġa l-ħolqien ta’ settijiet tad-data tat-telekomunikazzjoni ddedikati u mudelli u soluzzjonijiet speċjalizzati tal-IA għat-telekomunikazzjoni.

Q4 2026

Tappoġġa l-parteċipazzjoni Ewropea f’Organizzazzjonijiet tal-Iżvilupp tal-Istandardizzazzjoni ewlenin u tiffaċilita pożizzjonijiet Ewropej komuni.

Q1 2026

Enerġija

Inizjattivi ewlenin

Tappoġġa l-iżvilupp ta’ mudelli tal-IA li javvanzaw it-tbassir, l-ottimizzazzjoni, it-tewmin diġitali, u l-ibbilanċjar tas-sistema fis-sistema tal-enerġija. Dawn l-attivitajiet għandhom jiġu appoġġati permezz ta’ ingranaġġ tal-infrastruttura, tas-software u tal-għodod tal-IA tal-cloud-edge-IoT biex isiru sinsla diġitali tal-assi kollha tas-sistema tal-enerġija, u b’hekk tkun żgurata kondiviżjoni tad-data sigura, effiċjenti u affidabbli madwar l-ekosistema kollha tal-enerġija.

Minn Q1 2026

Tadotta talba ta’ standardizzazzjoni dwar proċessi komuni għal rapportar u dokumentazzjoni dwar l-impatt tas-sistemi tal-IA u tal-mudelli bi skop ġenerali fuq il-konsum tal-enerġija.

Q4 2026

Azzjoni(jiet) rilevanti oħra

Tistabbilixxi Komunità ta’ Prattika ddedikata biex trawwem il-fiduċja fl-applikazzjonijiet tal-IA għal operazzjonijiet kritiċi tal-enerġija, b’rabta mill-qrib ma’ inizjattivi dwar it-Tewmin Diġitali u t-tħejjija għal avvenimenti estremi tat-temp.

Q4 2026

Klima u ambjent

Inizjattivi ewlenin

Tuża mudell pijunier tas-sistema tad-Dinja bbażata fuq l-IA u b’sors miftuħ, u applikazzjonijiet u servizzi relatati mħaddma bl-IA li jippermettu tbassir aħjar tat-temp, monitoraġġ tad-Dinja, u xenarji ipotetiċi.

Minn Q4 2025

Azzjoni(jiet) rilevanti oħra

Tappoġġa lis-servizz tal-ippjanar urban għal irkupru wara d-diżastri billi jiġi skjerat Tewmi Diġitali Lokali għar-rikostruzzjoni.

Q4 2026

Agroalimentari

Inizjattivi ewlenin

Trawwem il-ħolqien ta’ pjattaforma tal-IA Agroalimentari li se tiffaċilita l-perkors biex għodod u applikazzjonijiet speċjalizzati għall-biedja bbażati fuq l-IA jaslu fis-suq.

Q1 2027

Azzjoni(jiet) rilevanti oħra

Tiddedika finanzjament biex tinbena kapaċità fl-iżvilupp ta’ mudelli bażi speċifiċi għall-agrikoltura (eż. LLMs).

Q4 2025

Tkompli ssaħħaħ l-appoġġ tal-Kummissjoni favur it-tħaffif tal-awtorizzazzjoni ta’ prodotti regolati ġodda permezz tal-IA, filwaqt li żżomm il-kompetittività tal-operaturi tan-negozji tal-ikel Ewropej.

Minn Q4 2025

Setturi kulturali u kreattivi (inkluż il-midja)

Inizjattivi ewlenin

Tadotta strateġija tal-IA għas-setturi kulturali u kreattivi.

Q1 2027

Trawwem l-iżvilupp ta’ microstudios madwar l-UE li jkunu speċjalizzati fil-produzzjoni virtwali msaħħa bl-IA.

Q1 2027

Tgħin fl-iżvilupp ta’ pjattaformi pan-Ewropej li jużaw teknoloġiji multilingwi tal-IA biex iwasslu aħbarijiet u informazzjoni fil-ħin reali mingħand mezzi tal-midja professjonali tal-UE għand udjenzi usa’.

Q1 2027

Tniedi studju apposta biex tesplora l-isfidi legali relatati mal-eżiti ġġenerati bl-IA u kif is-salvagwardji teknoloġiċi u t-teknoloġiji mill-aktar avvanzati, inkluż l-IA, jistgħu jintużaw biex jevitaw u jtaffu r-riskji li jinħoloq kontenut tal-IA li jikser id-drittijiet tal-awtur, inkluż billi jinstab dak il-kontenut u jitneħħa.

Q1 2027

Azzjoni(jiet) rilevanti oħra

Tipproponi investimenti għall-iżvilupp u l-użu ta’ mudelli Ewropej tal-IA li jiffukaw fuq ir-rakkontar interattiv u immersiv tal-istejjer tal-midja u fuq l-iskoperta tal-midja, tal-mużika u tal-kontenut letterarju online.

Q3 2027

Tappoġġa l-adozzjoni u ż-żieda fl-użu tat-teknoloġiji tal-IA biex jinħolqu tewmin diġitali 3D realistiċi u preċiżi ħafna ta’ siti kulturali u artistiċi.

Q3 2026

Settur pubbliku

Inizjattivi ewlenin

Tibni sett ta’ għodod tal-IA apposta għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, li jkun fih repożitorju komuni ta’ għodod u soluzzjonijiet prattiċi, b’sors miftuħ u riużabbli biex jappoġġa l-interoperabbiltà tal-IA.

Q2 2026

Taġġorna l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà biex tappoġġa l-adozzjoni tal-IA mill-amministrazzjonijiet pubbliċi.

Q2 2026

Tħaffef l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet skalabbli u replikabbli Ewropej tal-IA ġenerattiva fl-amministrazzjonijiet pubbliċi biex tittejjeb il-kwalità tas-servizzi pprovduti liċ-ċittadini. Dan se jinkludi l-ħolqien ta’ sett komprensiv ta’ għodod tekniċi u ta’ politika li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tal-IA ġenerattiva u b’aġenzija.

Minn Q3 2026

Azzjoni(jiet) rilevanti oħra

Timmonitorja l-ħtiġijiet u l-użu tal-IA fis-settur pubbliku permezz ta’ fluss ta’ ħidma ddedikat imniedi mill-Bord tal-IA.

Q1 2026

Tippromwovi mudelli ta’ klawżoli kuntrattwali tal-IA. Dawn il-klawżoli jservu bħala qafas tal-aqwa prattika għall-akkwist pubbliku ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA, li jiggwidaw lill-awtoritajiet pubbliċi biex jiżguraw implimentazzjoni effettiva, etika, trasparenti u responsabbli tal-IA.

Minn Q4 2025

Insaħħu l-opportunitajiet għan-negozji ġodda u l-SMEs Ewropej

Inizjattivi ewlenin

Tniedi sejħa għal espressjoni ta’ interess li tistieden lill-kumpaniji Ewropej jaqsmu l-mudelli u s-sistemi tal-IA tagħhom man-network taċ-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali, biex dan ikun jista’ mbagħad jippromwovi l-implimentazzjoni fuq skala wiesgħa tagħhom fis-setturi strateġiċi Ewropej kollha.

Q2 2026

Azzjoni(jiet) rilevanti oħra

Tagħti r-riedni f’idejn l-EDIHs biex jaqdu rwol ewlieni fit-trawwim tal-ewwel politika tal-UE dwar l-IA u jaġixxu bħala punt ta’ aċċess privileġġat għall-ekosistema Ewropea tal-innovazzjoni tal-IA.

Q3 2026

Issaħħaħ l-ispeċjalizzazzjoni settorjali tal-EDIHs biex jiġbru l-ħtiġijiet u l-isfidi speċifiċi li qed isibu l-SMEs u n-negozji ġodda.

Q4 2026

Tipprovdi aċċess lill-organizzazzjonijiet (inkluż lin-negozji ġodda) għal għodda ta’ awtovalutazzjoni li tanalizza l-preparatezza tagħhom għas-suq, tidentifika l-miżuri ta’ appoġġ disponibbli u tipprovdi gwida mmirata biex dawn jinnavigaw ix-xenarju tal-finanzjament.

Q4 2025

Tistabbilixxi forum ta’ diskussjoni mal-partijiet ikkonċernati interessati dwar it-tnaqqis tar-riskji fl-ikkuntrattar tal-IA għall-SMEs (inkluż in-negozji ġodda), li jipprovdi gwida legali, b’mod partikolari fil-forma ta’ termini kuntrattwali mudell għall-kuntratti tal-IA u dwar l-għażla tas-sistemi tal-ikkuntrattar tal-IA.

Q4 2027

Naraw li jkollna forza tax-xogħol lesta għall-IA fis-setturi kollha

Inizjattivi ewlenin

Tagħti aċċess għal taħriġ prattiku fil-litteriżmu fl-IA mfassal apposta għas-setturi u l-profili tal-impjiegi permezz tal-Akkademja tal-Ħiliet fl-IA.

Minn Q1 2026

Tinkoraġġixxi l-involviment tal-industrija fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid tal-IA, inkluż biil-Patt għall-Ħiliet, u tipprovdi aċċess għal opportunitajiet tat-taħriġ addizzjonali lill-ħaddiema f’setturi li qed isirilhom ristrutturar jew li qegħdin f’riskju ta’ spostament, inkluż minħabba l-IA, permezz tal-Garanzija ta’ Ħiliet, imħabbra fl-Unjoni tal-Ħiliet.

Minn Q1 2026

Tiffinanzja programmi “IA għan-negozju” (master eżekuttiv) li jiżviluppaw profili ibridi.

Q4 2026

Tistabbilixxi “laboratorju tal-imprendituri tal-IA” biex tlaqqa’ flimkien gradwati brillanti tal-IA ma’ mentors intraprenditorjali minn kumpaniji eżistenti tal-IA.

Q4 2026

Azzjoni(jiet) rilevanti oħra

Tistabbilixxi Network Ewropew ta’ Inkubaturi tal-IA u Uffiċċji għat-Trasferiment tat-Teknoloġija (TTOs) biex tappoġġa l-ħolqien ta’ spin-offs universitarji tal-IA.

Q2 2026

Nappoġġaw l-IA bħala fattur tal-produzzjoni

Inizjattivi ewlenin

Tniedi u tikkoordina Inizjattiva ta’ IA Pijuniera biex tħaffef il-progress fil-kapaċitajiet tal-IA pijuniera fl-Ewropa billi tlaqqa’ flimkien lil atturi industrijali u akkademiċi ewlenin fl-Ewropa u tappoġġa l-isforzi strateġiċi. Bħala parti minn din l-inizjattiva, il-Kummissjoni se tniedi kompetizzjonijiet ewlenin mal-UE kollha biex tiżviluppa mudelli miftuħa ta’ IA pijuniera li jservu ta’ muturi ewlenin tal-innovazzjoni.

Q1 2026

Azzjoni(jiet) rilevanti oħra

Tappoġġa sfidi speċifiċi għas-settur imfassla biex iqanqlu skoperti f’oqsma strateġiċi bħall-ajruspazju, il-farmaċewtika, il-manifattura avvanzata, is-sewqan awtonomu u l-komunikazzjonijiet elettroniċi. 

Minn Q1 2026

Niżguraw il-fiduċja fis-suq Ewropew

Inizjattivi ewlenin

Tiżviluppa linji gwida dwar il-klassifikazzjoni tas-sistemi tal-IA bħala sistemi b’riskju għoli.

Q1 2026

Tiżviluppa linji gwida dwar l-interazzjoni tal-Att dwar l-IA ma’ liġijiet oħra tal-Unjoni.

Minn Q3 2026

Nistabbilixxu mekkaniżmu ta’ governanza uniku 

Inizjattivi ewlenin

Tniedi l-Alleanza għall-Applikazzjoni tal-IA bħala forum tal-koordinazzjoni għall-partijiet ikkonċernati tal-IA u għal dawk li jfasslu l-politika dwar l-IA.

Q4 2025

Tistabbilixxi Osservatorju tal-IA biex jipprovdi indikaturi sodi għal valutazzjoni tal-impatt tal-IA fuq is-setturi elenkati bħalissa u futuri, u għal monitoraġġ tal-iżviluppi u x-xejriet.

Q2 2026

(1)

    https://commission.europa.eu/publications/artificial-intelligence-european-commission-aiec-communication_en#:~:text=The%20Communication%20outlines%20the%20strategic%20vision%20of%20the,of%20lawful%2C%20safe%20and%20trustworthy%20Artificial%20Intelligence%20systems .

(2)

    https://commission.europa.eu/resources/etranslation_en