IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.11.2025
COM(2025) 664 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Pjan ta’ Investiment għat-Trasport Sostenibbli
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.11.2025
COM(2025) 664 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Pjan ta’ Investiment għat-Trasport Sostenibbli
1.INTRODUZZJONI
Il-mobbiltà u t-trasport tal-passiġġieri u ta’ merkanzija huma s-sinsla tat-tkabbir industrijali u tal-kompetittività, li jgħaqqdu lill-UE mal-bqija tad-dinja, u joffru l-mezzi għaċ-ċittadini biex jivvjaġġaw u għall-kumpaniji biex jirnexxu fl-attivitajiet tagħhom. Fl-istess ħin, l-UE għandha l-ambizzjoni kbira li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG, Greenhouse Gas) mit-trasport — li għadhom persistentement għoljin — b’90 % sal-2050. Din tista’ tinkiseb billi tiżdied l-effiċjenza tat-trasport, inkluż permezz ta’ mobbiltà multimodali, l-elettrifikazzjoni, u l-bidla għal fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx. Dawk il-fjuwils huma partikolarment kritiċi 1 għas-settur tal-avjazzjoni u għas-settur marittimu, li jirrappreżentaw madwar 8,4 % tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra tal-UE, peress li jistgħu jibbenefikaw biss marġinalment mill-elettrifikazzjoni. Fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, il-modi kollha tat-trasport se jiddependu fuq l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx sa grad differenti 2 .
Kif enfasizzat fir-rapport ta’ Draghi 3 , l-investiment fit-teknoloġiji tal-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx huwa kruċjali għad-dekarbonizzazzjoni u għat-tisħiħ tal-kompetittività industrijali kif ukoll għas-sigurtà tal-enerġija, filwaqt li jnaqqas id-dipendenza tagħna fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili. Ir-rapport jenfasizza l-ħtieġa għal qafas strateġiku li jgħaqqad flimkien il-provvista u d-domanda għal dawn il-fjuwils fl-UE.
Il-komponenti ewlenin tal-politika ta’ qafas bħal dan diġà huma fis-seħħ:
·L-UE għandha qafas regolatorju komprensiv biex tagħti spinta lit-teknoloġiji rinnovabbli u b’karbonju baxx, inkluż ir-Regolament ReFuelEU Aviation 4 (RFEUA) u r-Regolament FuelEU Maritime 5 (FEUM), id-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli 6 (RED, Renewable Energy Directive) u r-Regolament dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi 7 (AFIR, Alternative Fuels Infrastructure Regulation).
·L-iżviluppi tal-politika internazzjonali qed jimxu fl-istess direzzjoni: l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, OMI, impenjat ruħha li tikseb emissjonijiet żero netti sal-2050 fit-trasport marittimu permezz tal-Qafas ta’ Emissjonijiet Żero Netti (NZF, Net-Zero Framework), li madankollu ma ġiex adottat mill-Istati Membri tal-OMI. L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, ICAO (International Civil Aviation Organization) tirrikonoxxi l-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli (SAF, Sustainable Aviation Fuels) 8 bħala l-faċilitatur ewlieni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.
Iżda dan mhux biżżejjed. Il-kundizzjonijiet tal-investiment fis-suq fl-UE jridu jitjiebu. Inkella, id-domanda fil-biċċa l-kbira se tiġi ssodisfata mill-produzzjoni barra mill-UE, u b’hekk jinħolqu dipendenzi ġodda mal-proġetti ta’ produzzjoni avvanzati 9 . L-investiment fil-faċilitajiet tal-produzzjoni f’reġjuni barra mill-UE qed jaċċellera 10 . Fid-dawl ta’ din il-kompetizzjoni dejjem akbar, huwa urġenti li tiżdied il-produzzjoni tal-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx fl-UE. Il-kumpaniji Ewropej għad għandhom 60 % tal-privattivi innovattivi f’dan il-qasam globalment u għandhom il-biċċa l-kbira tal-faċilitajiet kummerċjali tad-dinja għall-bijofjuwils avvanzati. Ma għandniex nitilfu r-rwol minn ta’ quddiem fit-teknoloġija iżda minflok għandna nsawru dan is-suq ewlieni globali emerġenti.
Dan il-Pjan ta’ Investiment għat-Trasport Sostenibbli jiffoka fuq il-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx għall-avjazzjoni u għat-trasport fuq l-ilma u jikkomplementa proposti li jkopru modi oħra tat-trasport. L-approċċ industrijali għat-trasport bit-triq huwa deskritt fil-Pjan ta’ Azzjoni Industrijali għas-Settur Awtomobilistiku 11 . L-implimentazzjoni ta’ dak il-Pjan għadha għaddejja, b’mod partikolari bir-rieżami li ġej tal-istandards tas-CO2 għall-karozzi u għall-vannijiet, u l-proposta dwar il-Flotot Korporattivi Nodfa. Il-pakkett Battery Booster li jmiss se jappoġġa l-elettrifikazzjoni ta’ diversi modi tat-trasport u huma previsti azzjonijiet sabiex jitħaffef il-varar tal-infrastruttura. Il-miżuri relatati ma’ vetturi heavy-duty u l-infrastruttura relatata huma mistennija wkoll fix-xhur li ġejjin. Bl-istess mod, l-UE diġà qed tappoġġa b’mod komprensiv l-iżvilupp ta’ sistema ferrovjarja effettiva u effiċjenti, jiġifieri permezz tar-Regolament rivedut tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T, Trans-European Transport Network) inkluż permezz ta’ appoġġ finanzjarju bħal permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ferroviji ta’ Veloċità Għolja, ippubblikat flimkien ma’ dan il-pjan.
Madankollu, l-avjazzjoni u t-trasport fuq l-ilma għadhom jiddependu kważi bis-sħiħ fuq il-fjuwil konvenzjonali. L-enfasi, f’dan il-pjan, fuq il-ħtiġijiet marittimi u tal-avjazzjoni hija urġenti, peress li dawn is-setturi jridu jilħqu miri ambizzjużi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-2030 u, sabiex jiddekarbonizzaw, iridu jibbażaw prinċipalment fuq fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx.
Dan huwa l-mument biex tittieħed azzjoni. Dan il-Pjan ta’ Investiment għat-Trasport Sostenibbli (STIP, Sustainable Transport Investment Plan) jidentifika l-ħtiġijiet ta’ investiment u jiddeskrivi miżuri sabiex isir użu aħjar mill-programmi ta’ finanzjament eżistenti tal-UE b’appoġġ għall-investimenti meħtieġa b’enfasi fuq is-setturi tal-avjazzjoni u tat-trasport fuq l-ilma. Dan jintroduċi miżuri biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju u jiddeskrivi miżuri biex jinkiseb impatt akbar fuq is-suq permezz ta’ koordinazzjoni mtejba ta’ appoġġ fil-livell tal-Istati Membri u permezz ta’ kollaborazzjoni internazzjonali aħjar.
2.STABBILIMENT TAL-AZZJONI GĦALL-AVJAZZJONI U GĦAT-TRASPORT FUQ L-ILMA
2.1 Sfidi tas-suq
Miri skont l-RFEUA u l-FEUM
Espansjoni sostnuta fil-volumi kurrenti tas-suq, inkluż għall-elettrofjuwils, hija neċessarja biex jintlaħqu dawn il-miri, li hija vitali għall-kompetittività u għar-rwol minn ta’ quddiem tal-Ewropa fil-livell globali.
Skont l-RFEUA, is-sehem tal-SAF ipprovduti fl-ajruporti tal-UE jeħtieġ li jiżdied minn 2 % (ekwivalenti għal madwar 0,9 Mt ta’ SAF jew 0,92 Mtoe) fl-2025 għal 6 % fl-2030, għal 20 % fl-2035 u mbagħad għal 70 % (32,5 Mt jew 33,4 Mtoe) sal-2050. Is-sehem minimu meħtieġ għall-eSAF jibda minn 1,2 % fl-2030, u jiżdied sa 5 % (2,2 sa 2,3 Mt ta’ eSAF, jew 2,26 sa 2,36 Mtoe) fl-2035 u jiżdied sa 35 % (16,25 Mt, jew 16,7 Mtoe) fl-2050.
Skont l-FEUM, il-mira għat-tnaqqis tal-intensità tal-GHG għall-2035 hija ta’ 14,5 %, iżda tilħaq it-80 % fl-2050. Il-fjuwils marittimi sostenibbli (SMF, Sustainable Maritime Fuels) se jkollhom rwol sostanzjali biex jintlaħqu l-miri tal-FEUM (l-ammont stmat huwa ta’ madwar 11,3 Mtoe ta’ SMF għall-2035) 12 . Jekk sal-2031, is-sehem tal-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBOs, Renewable Fuels of Non-Biological Origin) 13 (eSMF) ikun anqas minn 1 %, allura mill-1 ta’ Jannar 2034 għandha tapplika kwota obbligatorja ta’ 2 % tal-RFNBOs (li tikkorrispondi għal 0,56 Mt ta’ eSMF). L-elettriku mill-provvista tal-enerġija fuq l-art (OPS, Onshore Power Supply) huwa mistenni li jammonta għal madwar 1,4 % tal-użu totali tal-enerġija fuq il-bastimenti sal-2035.
Kundizzjonijiet kurrenti tas-suq
Ħafna teknoloġiji tal-fjuwils rinnovabbli jew b’karbonju baxx bħalissa għandhom maturità tas-suq baxxa. Fir-rigward tal-fjuwils tal-avjazzjoni, il-perkors tal-Esteri idropproċessati u tal-aċidi grassi (HEFA, Hydroprocessed Esters and Fatty Acids) bħalissa huwa l-aktar wieħed użat għall-produzzjoni tal-SAF. Ħafna teknoloġiji oħra jinsabu fi stadju pilota jew ta’ dimostrazzjoni 14 . Għall-fjuwils marittimi, it-teknoloġiji tal-Esteri Metiliċi tal-Aċidi Grassi, (FAME, Fatty Acid Methyl Esters) jintużaw b’mod mifrux minħabba l-benefiċċji ambjentali ġenerali tagħhom fuq approċċ Well-to-Wake, meta jitħalltu maż-żejt tal-baħar u maż-żejt tal-gass. Anki l-bijometan huwa teknoloġija matura. Fir-rigward tal-elettrofjuwils, dawn ma humiex disponibbli fuq skala kummerċjali fi kwalunkwe mod.
L-ostaklu ewlieni għaż-żieda fis-suq huwa d-differenza sinifikanti fil-prezz bejn il-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx u l-fjuwils konvenzjonali. Id-domanda għal fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx għadha lura minħabba li l-użu ta’ dawk il-fjuwils jirriżulta f’kostijiet operatorji ogħla b’mod sinifikanti għal-linji tal-ajru u għall-operaturi tat-tbaħħir. Id-differenza fil-prezz illum tvarja bejn id-doppju sa għaxar darbiet iktar 15 . Il-kostijiet huma mistennija jonqsu fis-snin li ġejjin, parzjalment minħabba l-ekonomiji ta’ skala u t-teknoloġiji ta’ produzzjoni ġodda. Madankollu, l-inċertezzi dwar il-prezz u d-dħul mistennija qed iwasslu biex l-investituri jaħsbuha darbtejn. Dan huwa minnu partikolarment għall-eSAF u għall-eSMF, fejn il-kostijiet kapitali għoljin u r-riskji kbar tal-prezz u għad-dħul bħalissa jimminaw l-argument għall-vijabbiltà. Aktar minn 40 proġett ta’ produzzjoni tal-elettrofjuwils jinsabu fi stadju ta’ ppjanar fl-UE. Madankollu, sa issa l-ebda wieħed ma seta’ jilħaq deċiżjoni finali dwar l-investiment. Il-ħtiġijiet kuntrattwali differenti jippreżentaw ostaklu biex is-suq jaqbad ritmu tajjeb. Il-produtturi tal-fjuwil jimmiraw lejn ftehimiet ta’ xiri tal-fjuwil fit-tul biex jiġu amortizzati investimenti għaljin, filwaqt li l-operaturi huma mdorrijin b’kuntratti ta’ provvista għal terminu qasir biex jibqgħu aktar flessibbli fir-rigward tal-ipprezzar tal-fjuwil fi swieq globali kompetittivi. In-nuqqas ta’ rieda li jinvestu huwa xprunat ukoll minn inċertezzi fir-rigward tal-materja prima bijoloġika u mhux bijoloġika disponibbli u mill-kundizzjonijiet ġenerali tal-aċċess tagħhom.
Limitazzjonijiet fuq il-materja prima bijoloġika
Id-disponibbiltà limitata ta’ materja prima sostenibbli u l-kompetizzjoni fid-domanda minn setturi oħra jillimitaw il-potenzjal għall-użu tal-bijofjuwils fit-taħlita ġenerali tal-fjuwil tat-trasport 16 .
Il-potenzjal tal-bijofjuwils
Il-provvista domestika massima tal-UE ta’ materja prima sostenibbli għall-bijoenerġija 17 fl-2030 hija stmata li se tkun ta’ 160 Mtoe fl-2030, u ta’ 207 Mtoe fl-2050 18 . Id-domanda finali mistennija għall-bijoenerġija fis-setturi kollha għajr it-trasport sal-2030 hija stmata li hija ta’ 114 Mtoe, li tħalli ekwivalenti ta’ 46 Mtoe fl-2030 għas-settur tat-trasport. Din hija frazzjoni żgħira tal-enerġija ġenerali kkonsmata mis-settur tat-trasport fil-preżent, li tammonta għal 355 Mtoe, iżda sservi biex jintlaħqu l-miri kurrenti tal-RFEUA u tal-FEUM għall-2030.
Madankollu, il-potenzjal disponibbli tal-bijoenerġija sostenibbli fit-tul huwa limitat u l-provvista prevista tkun biżżejjed biex jintlaħaq is-sehem mistenni tal-bijoSAF/bijoSMF tal-miri tal-avjazzjoni u dawk marittimi, u ftit li xejn tħalli lok għal użi ulterjuri. L-istudji jindikaw domanda mbassra għall-bijoenerġija minn setturi oħra ta’ 170 Mtoe fl-2050, li tirriżulta f’37 Mtoe biss għat-trasport. Din il-provvista għandha titqabbel ma’ domanda għall-enerġija kombinata mistennija għall-modi tat-trasport tal-avjazzjoni u marittimi ta’ madwar 90-100 Mtoe fl-2050 19 , li tenfasizza r-rilevanza tal-eSAF u tal-eSMF. Dan l-aħħar, l-istudji waslu għal prospettiva aktar pożittiva fir-rigward tad-disponibbiltà tal-materja prima u tal-potenzjal tal-bijofjuwils avvanzati 20 .
Għalhekk, fid-dawl tal-kapaċità tal-produzzjoni ta’ 2 Mtoe fil-preżent, huwa importanti li tiġi mmobilizzata materja prima sostenibbli addizzjonali u li tiġi adottata strateġija ta’ investiment fuq żewġ binarji: l-ewwel nett, b’appoġġ għall-ipproċessar innovattiv ta’ materja prima avvanzata u bbażata fuq l-iskart addizzjonali li bħalissa ma hijiex disponibbli kummerċjalment u, it-tieni, bil-bini ta’ ktajjen tal-provvista għal materja prima li ma ġietx sfruttata qabel, filwaqt li jittejbu wkoll l-effiċjenza fir-riżorsi u ċ-ċirkolarità tar-residwi domestiċi. Din it-tranżizzjoni trid tiżgura li l-produzzjoni tal-fjuwil rinnovabbli tagħmel użu sħiħ mir-residwi sostenibbli, mill-prodotti sekondarji u mill-flussi ta’ skart, filwaqt li tirrispetta s-salvagwardji ambjentali u r-riżorsi tal-ilma. Il-bijomassa għandha tintuża b’modi li jimmassimizzaw il-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali fit-tul, filwaqt li jappoġġaw ktajjen tal-valur reżiljenti b’bażi bijoloġika u bir ta’ karbonju fis-settur tal-art.
Is-settur tat-trasport se jkun qed jikkompeti għall-użu tal-bijomassa. Fir-rigward tat-trasport marittimu u tal-avjazzjoni, l-eliġibbiltà tal-materja prima hija limitata għat-tnaqqis tar-riskji tas-sigurtà tal-ikel u tal-bidla fl-użu tal-art, billi tiġi eskluża, pereżempju, il-bijomassa tal-ikel u tal-għalf. Fl-istess ħin, il-materja prima sostenibbli għall-produzzjoni tal-bijofjuwils avvanzati, bħar-residwi linjoċellulożiċi mill-agrikoltura, ir-residwi agroalimentari, ir-residwi tad-demel u l-iskart, bħalissa ma hijiex sfruttata biżżejjed u għandha lok għal espansjoni. Barra minn hekk, għandha ssir enfasi fuq is-sinerġiji bejn is-setturi u l-modi tat-trasport li se jgħinu wkoll biex jiżdied il-volum u jitnaqqas il-prezz 21 . Is-sejba ta’ inputs tal-produzzjoni li ma jintużawx minn setturi oħra tgħin biex jiġu limitati l-kostijiet u l-volatilità tal-prezzijiet u biex jiġi evitat li setturi oħra jiġu mbuttati lejn bijomassa mhux sostenibbli. Il-ġestjoni xierqa tal-materja prima, il-verifika tas-sostenibbiltà u tat-traċċabbiltà, tul il-katina tal-valur kollha huma kruċjali biex jiġi żgurat it-tnaqqis nett tal-emissjonijiet u biex tiġi evitata l-frodi 22 .
Sabiex il-fjuwils sostenibbli jiżdiedu malajr, b’mod partikolari għas-settur marittimu u għas-settur tal-avjazzjoni, huwa importanti li jiġu identifikati u indirizzati l-isfidi u r-riskji li jiffaċċjaw matul il-katina tal-provvista u li jiġu kkunsidrati approċċi integrati fit-tiftix ta’ sorsi ta’ bijomassa sostenibbli għall-produzzjoni u għall-użu tal-bijofjuwils avvanzati fl-UE. L-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijoekonomija se tesplora kif trawwem ktajjen tal-valur koerenti, ċirkolari u sostenibbli madwar l-Ewropa.
Limitazzjoni fuq il-materja prima mhux bijoloġika
Il-produzzjoni tal-eSAF u tal-eSMF tiddependi mid-disponibbiltà tal-idroġenu rinnovabbli u tad-diossidu tal-karbonju 23 . Bħalissa hemm relattivament ftit postijiet fl-UE li jwasslu għall-produzzjoni ekonomika tal-idroġenu rinnovabbli. L-espansjoni tal-produzzjoni tal-elettrofjuwils huwa ristrett mid-disponibbiltà, mill-kost u mill-maturità tal-idroġenu rinnovabbli, tad-diossidu tal-karbonju eliġibbli u tat-teknoloġiji tal-qbid tad-diossidu tal-karbonju kif ukoll mill-intensità enerġetika tal-produzzjoni tal-idroġenu nadif. It-teknoloġiji ta’ konverżjoni għall-produzzjoni tal-elettrofjuwils għadhom fl-istadju pilota u l-impjanti ta’ produzzjoni li għandhom kemm provvista ta’ materja prima fuq skala kbira kif ukoll maturità teknoloġika għadhom ma humiex stabbiliti. It-tnaqqis tal-kost tal-elettriku, tal-idroġenu rinnovabbli u tal-qbid tad-diossidu tal-karbonju bijoġeniku jew dirett mill-arja huwa essenzjali sabiex jitnaqqas il-kost għoli ħafna tal-elettrofjuwils.
2.2 Pjan direzzjonali għat-tranżizzjoni tal-enerġija fl-avjazzjoni
L-emissjonijiet tal-avjazzjoni kummerċjali huma responsabbli għal madwar 123 miljun tunnellata ta’ CO2, jew 13,1 % tal-emissjonijiet tas-CO₂ tat-trasport fl-UE. Mill-2024, 0,6 % biss tal-fjuwil kollu tal-ġettijiet li joħroġ fl-ajruporti tal-UE kien SAF, li wassal għall-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ 714 kt ta’ CO2 24 .
Il-pjan direzzjonali ċar u l-prevedibbiltà pprovduti mill-qafas leġiżlattiv huma essenzjali għall-espansjoni tal-produzzjoni u tal-adozzjoni tal-SAF madwar l-UE. Is-swieq wieġbu b’mod pożittiv għal dawn il-miri — peress li jġibu prevedibbiltà u stabbiltà għal investimenti ta’ terminu twil: skont l-EASA 25 , l-industrija tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira ġenerali tal-bijoSAF ta’ 4,8 % fl-2030 26 (l-aktar SAF ibbażati fuq HEFA). Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-SAF hija mbassra li se tiżdied għal madwar 3,6 Mt sal-2030 skont ix-xenarju realistiku tal-EASA 27 . Madankollu, l-ilħuq tas-sottomira għall-eSAF (1,2 %) fl-2030 għadu inċert. Wara l-2030, il-miri kollha tal-RFEUA jiżdiedu b’mod drastiku. Fil-preżent, il-volumi disponibbli u mbassra ta’ bijoSAF u b’mod partikolari ta’ eSAF ma humiex biżżejjed biex jintlaħqu l-miri tal-RFEUA ta’ wara l-2030. Għalhekk, il-kapaċità tal-produzzjoni jeħtieġ li tiġi estiża, u b’mod estensiv għall-eSAF peress li huma mistennija li jkollhom rwol ewlieni fid-dekarbonizzazzjoni tal-avjazzjoni minħabba l-potenzjal kbir tagħhom ta’ espansjoni u l-valur miżjud kbir għall-klima.
|
Ħtiġijiet ta’ investiment Għall-2035, il-mira tal-SAF tal-RFEUA hija ta’ 20 %, li minnhom 5 % jeħtieġ li jkunu eSAF. Huwa stmat li dan jeħtieġ investiment fil-medda ta’ EUR 56,93 biljun sa EUR 66,75 biljun 28 . Għall-2050, il-mira tal-SAF tal-RFEUA hija ta’ 70 %, li minnhom 35 % jeħtieġ li jkunu eSAF. Huwa stmat li dan jeħtieġ investiment fil-medda ta’ EUR 267,9-376,2 biljun 29 . |
2.3 Pjan direzzjonali għat-tranżizzjoni tal-enerġija fit-trasport fuq l-ilma
It-trasport fuq l-ilma jammonta għal kważi 13,3 % tal-emissjonijiet totali tas-CO₂ tat-trasport tal-UE 30 , minħabba li 94 % 31 tal-fjuwils użati fis-settur huma prodotti tal-petroleum fi stat likwidu konvenzjonali.
Ir-Regolament FEUM jistabbilixxi pjan direzzjonali ċar għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu. Dan il-qafas regolatorju wassal għal interess akbar fil-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx, kif innotat fil-kuntest tal-Alleanza tal-Fjuwils Rinnovabbli u b’Karbonju Baxx (RLCF, Renewable and Low-Carbon Fuels), li tinkludi l-fjuwils sintetiċi, filwaqt li jħeġġeġ ukoll l-użu tal-elettrifikazzjoni diretta fil-każijiet limitati fejn dan ikun fattibbli 32 . Is-settur tat-trasport fuq l-ilma jrid jagħmel użu minn teknoloġiji differenti (inkluż il-propulsjoni assistita mir-riħ) u ġabra diversa ta’ SMF, inkluż il-gass naturali likwifikat (LNG, Liquefied Natural Gas) bħala fjuwil tranżizzjonali. L-LNG, b’teknoloġiji effettivi ta’ mitigazzjoni tat-telf ta’ metan, jista’ jnaqqas ukoll l-emissjonijiet tal-GHG.
Il-vapuri kostali li joperaw f’portijiet żgħar u medji jistgħu jużaw propulsjoni elettrika/ibrida akkumpanjata minn bijodiżil u fil-futur mill-e-diżil, filwaqt li l-vapuri li jbaħħru fl-oċeani mixjin lejn il-metan (LNG, bijometan u e-metan fil-futur). Xi vapuri li joperaw fl-akbar hubs huma mistennija li jaqilbu għall-bijodiżil jew għall-e-metanol u wkoll għall-ammonijaka fit-tul. Barra minn hekk, is-settur tat-tbaħħir huwa divers, u ħafna SMEs jiffurmaw is-sinsla tiegħu, bi ħtieġa għal operazzjonijiet u għal fjuwils varji. Jeħtieġ li strateġija tqis il-karatteristiċi tas-segmenti kollha tat-tbaħħir.
Madankollu, hemm riskju li l-investimenti kurrenti fis-suq ma jkunux biżżejjed biex jappoġġaw il-produzzjoni tal-11,3 Mtoe stmati ta’ SMF li huma previsti li se jkunu meħtieġa għall-2035 skont l-FEUM. Ir-restrizzjonijiet li jaffettwaw il-materja prima Ewropea għall-bijofjuwils u l-mira ta’ 2 % għall-eSMF skont l-FEUM jeħtieġu l-espansjoni rapida tal-eSMF.
B’mod simili għas-settur marittimu, qed jiġi kkunsidrat sett wiesa’ ta’ alternattivi possibbli għall-fjuwils fossili għall-passaġġi fuq l-ilma interni (IWW, Inland Waterways), għal bastimenti iżgħar tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra u għall-bastimenti tas-sajd kif ukoll għal opri tal-baħar għar-rikreazzjoni 33 . Is-settur tal-IWW u tal-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni jesperjenzaw rata baxxa ta’ penetrazzjoni ta’ bastimenti ġodda (tiġdid ta’ bejn 15 % u 20 % biss tal-flotta sal-2050). Bl-ebda mira obbligatorja fis-seħħ, mill-inqas 90 % tal-bastimenti xorta se jkunu qed jużaw id-diżil (kwantità relattivament baxxa attwalment stmata għal 1,7 miljun tunnellata), li jista’ jiġi ssostitwit progressivament minn fjuwils ta’ sostituzzjoni rinnovabbli. Dan jgħodd bl-istess mod għas-settur tas-sajd 34 .
|
Ħtiġijiet ta’ investiment Sal-2035, il-mira għat-tnaqqis tal-intensità tal-GHG tal-FEUM hija ta’ 14,5 %. Filwaqt li s-settur għandu taħlita wiesgħa ta’ alternattivi possibbli (teknoloġiji differenti tal-fjuwils kif ukoll possibbiltajiet differenti għat-taħlit ma’ fjuwils konvenzjonali għal sistemi tal-motopropulsjoni eżistenti u emerġenti), huwa stmat li l-produzzjoni indotta tal-bijoSMF u tal-eSMF se tirrikjedi investimenti ta’ 35 bejn EUR 34,7 biljun u EUR 46,7 biljun sal-2035 36 . Id-dekarbonizzazzjoni tas-setturi tal-passaġġi fuq l-ilma interni u tas-sajd se teħtieġ madwar 3,1 Mt addizzjonali, bejn wieħed u ieħor, u tilħaq total ta’ 23,1 Mt sal-2035. |
3.AZZJONIJIET BIEX TINGĦATA SPINTA LILL-INVESTIMENTI
Għall-avjazzjoni u għat-trasport fuq l-ilma kombinati, se jkunu meħtieġa madwar 20 Mt ta’ fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx sal-2035. Sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti, hemm bżonn ta’ madwar EUR 100 biljun 37 f’investiment 38 sal-2035, b’maġġoranza kbira mis-settur privat. L-appoġġ pubbliku kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali huwa meħtieġ biex jgħin fit-tnaqqis tar-riskji tal-investimenti privati enormi li huma meħtieġa għall-bini ta’ impjanti tal-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx fuq skala kbira. Il-politiki tagħna jeħtieġ li jiġu allinjati u mmirati aħjar. Dan il-pjan jiffoka fuq il-miżuri fuq terminu qasir u medju biex jgħin biex tingħata spinta lill-investimenti tal-bidu.
L-UE għandha firxa wiesgħa ta’ programmi u strumenti ta’ finanzjament tal-UE għad-dispożizzjoni tagħha 39 . Dawn il-programmi, flimkien mal-finanzjament mill-Istati Membri, diġà appoġġaw it-tranżizzjoni lejn fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx, iżda sa issa kellhom impatt limitat fuq is-suq. Il-proġetti ta’ spiss jonqsu milli jagħmlu progress lil hinn mill-fażi ta’ dimostrazzjoni, u t-teknoloġiji ma jespandux sa varar industrijali u kummerċjali sħiħ.
Dan il-pjan huwa mistenni li jimmobilizza mill-inqas EUR 2,9 biljun sal-aħħar tal-2027, filwaqt li jagħmel użu partikolari mill-InvestEU, mill-Fond għall-Innovazzjoni u minn Orizzont Ewropa. Se jiġi implimentat fi sħubija mal-Istati Membri u billi jiġi skattat u attivat l-appoġġ għas-suq mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra.
Il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, u b’mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Kompetittività, jinnota l-importanza ta’ fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx. Il-pjanijiet ta’ sħubijiet nazzjonali u reġjonali previsti huma mistennija wkoll li jappoġġaw dan il-qasam. Għal tkabbir qawwi fit-tul fis-suq, se jkun kritiku li jiġi stabbilit mekkaniżmu intermedjarju tas-suq ġdid li jista’ jiffaċilita kuntratti għal terminu qasir (tal-utenti finali) u fit-tul (tal-produtturi tal-fjuwils), jipprovdi stabbiltà fil-prezzijiet u jnaqqas ir-riskji permezz ta’ rkantijiet doppji.
3.1 Azzjonijiet biex jiġi mmobilizzat l-appoġġ għall-investiment tal-UE fit-terminu qasir
Fond għall-Innovazzjoni
Sa issa, il-Fond għall-Innovazzjoni appoġġa 39 proġett li jiffukaw fuq il-produzzjoni ta’ fjuwils sostenibbli innovattivi, inkluż il-metanol, l-ammonijaka u l-idroġenu, b’total ta’ EUR 2,1 biljun. Il-Kummissjoni kienet qed taħdem b’mod attiv mal-promoturi ta’ proġetti u mal-industrija, anke fil-kuntest tal-Alleanza RLCF, biex tgħin biex tavvanza riżerva ta’ proġetti aktar b’saħħitha.
Mill-2020, il-Fond għall-Innovazzjoni appoġġa proġetti tal-SAF b’EUR 286 miljun. Bħala parti mill-aħħar Sejħa ġenerali għall-Innovazzjoni, din il-ġimgħa l-Kummissjoni qed tagħti EUR 153 miljun lil erba’ proġetti tal-eSAF u EUR 293 miljun lil ħames proġetti tal-SMF. Dawn se jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ewwel ġenerazzjoni meħtieġa b’mod urġenti ta’ proġetti tal-eSAF/[e]SMF fl-UE u għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-manifattura industrijali tal-Ewropa. Barra minn hekk, 11-il proġett tal-avjazzjoni u 16-il proġett tal-fjuwil marittimu li jmorru lil hinn mil-livelli limitu ta’ evalwazzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni se jingħataw is-Siġill STEP 40 . Il-Kummissjoni qed tistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ta’ finanzjament biex jikkunsidraw li jipprovdu appoġġ għal dawn il-proġetti ta’ kwalità għolja, inkluż fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Politika ta’ koeżjoni jew permezz tal-użu ta’ dħul nazzjonali mill-Iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS, Emissions Trading Scheme) għal skopijiet klimatiċi.
Filwaqt li tibni fuq dawn ir-riżultati, il-Kummissjoni se tiftaħ, fil-bidu ta’ Diċembru 2025, irkant ieħor tal-Bank Ewropew tal-Idroġenu b’baġit dedikat ta’ EUR 300 miljun għall-produzzjoni tal-idroġenu ma’ off-takers fis-setturi marittimi u tal-avjazzjoni. Il-Fond għall-Innovazzjoni se jkompli wkoll jappoġġa proġetti innovattivi kemm fis-setturi marittimi kif ukoll f’dawk tal-avjazzjoni, inkluż il-produzzjoni tal-SAF u tal-SMF, permezz tas-sejħa ġenerali għal proposti, li fiha l-proġetti fis-settur marittimu se jirċievu kundizzjonijiet ta’ benefiċċju (punt ta’ bonus) għall-potenzjal tagħhom li jiddekarbonizzaw u jnaqqsu l-impatti klimatiċi.
F’kollaborazzjoni mal-Konsulenza tal-BEI, il-Kummissjoni se tiffoka wkoll fuq it-titjib tal-maturità teknika u finanzjarja tal-faċilitajiet pijunieri tal-elettrofjuwil b’karbonju baxx fl-UE.
InvestEU
Il-ftehim reċenti bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tal-programm InvestEU jżid il-garanzija tal-UE b’EUR 2,5 biljun u b’hekk jiftaħ kważi EUR 55 biljun f’investimenti pubbliċi u privati addizzjonali. Dan jista’ jappoġġa proġetti f’teknoloġija nadifa u f’mobbiltà nadifa, inkluż proġetti tul il-katina tal-valur kollha mill-produzzjoni tal-fjuwil sad-distribuzzjoni u l-użu. B’kollox, il-Kummissjoni tistenna li timmobilizza investiment ta’ madwar EUR 2 biljun għas-settur tal-fjuwils alternattivi sostenibbli fil-perjodu 2026-2027. Is-Sħab ta’ Implimentazzjoni tal-InvestEU 41 se jkollhom rwol ewlieni fl-għajnuna biex jiġi stimulat investiment sostanzjali fi proġetti tal-fjuwil rinnovabbli u b’karbonju baxx għas-settur marittimu u għas-settur tal-avjazzjoni.
Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment
Sal-lum, il-Grupp tal-BEI, inkluż permezz tal-appoġġ tal-programm InvestEU, qed jipprovdi aktar minn EUR 1 biljun għal proġetti ta’ impjanti tal-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx 42 . Dan l-appoġġ finanzjarju għall-faċilitajiet tal-produzzjoni huwa kkomplementat b’appoġġ għall-ekosistema usa’ u bil-pariri tekniċi mis-Servizzi ta’ Konsulenza tal-BEI. Dawn huma passi inizjali tajbin, iżda jeħtieġ li jsir aktar.
Il-Kummissjoni kienet qed taħdem b’mod intensiv mal-Grupp tal-BEI biex tifhem l-isfidi fl-appoġġ tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp ta’ fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx. Se tintensifika din il-ħidma biex jiġu mmobilizzati investimenti addizzjonali, inkluż permezz tal-programm TechEU tal-Grupp tal-BEI, li huwa mistenni li jimmobilizza EUR 250 biljun sal-2027 f’oqsma importanti ewlenin għall-kompetittività tal-Ewropa bħat-teknoloġija nadifa. Appoġġat ukoll mill-InvestEU, TechEU se jipprovdi firxa wiesgħa ta’ għodod għall-katina tal-valur rinnovabbli u b’karbonju baxx kollha bl-intenzjoni ċara li jiżdied in-numru ta’ proġetti f’dan il-qasam.
Il-Kummissjoni, inkluż permezz tal-Alleanza RLCF, se toffri appoġġ akbar lill-promoturi ta’ proġetti bl-għan li ttejjeb il-maturità u l-bankabbiltà tal-proġetti, permezz ta’ attivitajiet ta’ kondiviżjoni tal-għarfien, billi tidentifika l-aħjar prattiki, u tgħaqqad il-promoturi ta’ proġetti tal-ogħla livell mal-istituzzjonijiet finanzjarji.
Orizzont Ewropa
Kif imħabbar fil-Patt għal Industrija Nadifa, il-Kummissjoni se tniedi sejħa emblematika ta’ Orizzont Ewropa ta’ madwar EUR 600 miljun skont il-programm ta’ ħidma 2026-2027 biex jiġu appoġġati l-proġetti li huma adattati biex jiġu varati, inkluż għal fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx.
Is-sejħa li jmiss għal Orizzont Ewropa 43 għall-2026 se tipprovdi total ta’ EUR 63,5 miljun. EUR 33 miljun se jkunu disponibbli għal proġetti ffokati fuq il-produzzjoni fuq skala kbira ta’ bijofjuwils likwidi avvanzati u RFNBOs, u EUR 8 miljun oħra għal proġetti għall-kisba tal-bijofjuwils avvanzati u għall-ktajjen tal-valur tal-RFNBOs. EUR 22,5 miljun se jmorru għall-appoġġ ta’ soluzzjonijiet innovattivi għall-konverżjoni tal-enerġija u għas-sikurezza ta’ fjuwils b’livell baxx u b’livell żero ta’ karbonju fit-trasport marittimu. Se jiġu appoġġati wkoll soluzzjonijiet emerġenti ta’ fjuwils rinnovabbli. Il-programm ta’ ħidma ta’ Orizzont Ewropa li ġej għall-2026-2027 għandu jinkludi suġġetti biex jiġu stabbiliti ktajjen tal-valur interreġjonali ta’ teknoloġiji tal-fjuwils rinnovabbli madwar l-UE, kif ukoll biex jitnaqqsu r-riskji tat-teknoloġiji tal-fjuwils rinnovabbli permezz ta’ akkwist prekummerċjali tranżnazzjonali ta’ ktajjen tal-valur industrijali tal-fjuwils rinnovabbli. Għall-programm ta’ ħidma ġdid li jmiss ta’ Orizzont Ewropa għall-2026-2027, il-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta żewġ suġġetti Emblematiċi tal-Pjan SET li jkopru fjuwils alternattivi sostenibbli b’ammont stmat ta’ EUR 70 miljun.
Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni
Is-sejħiet tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC, European Innovation Council) jistgħu jappoġġaw lill-iżviluppaturi tal-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx billi jiffinanzjaw riċerka fi stadju bikri permezz tal-“Pathfinder tal-EIC” u jiffaċilitaw l-istat ta’ tħejjija tas-suq permezz tat-“Tranżizzjoni tal-EIC”. Barra minn hekk, l-“Aċċelleratur tal-EIC” u s-“sejħa STEP Scaleup” tiegħu jistgħu jappoġġaw l-espansjoni tal-kumpaniji li jiżviluppaw innovazzjonijiet tal-fjuwils sostenibbli. Il-programm ta’ ħidma tal-2025 tal-EIC offra EUR 50 miljun għal “Innovazzjonijiet rivoluzzjonarji għall-mobbiltà futura”.
Skont il-programm ta’ ħidma tal-2026 tal-EIC, li jrid jiġi adottat illum, dawn il-proġetti se jkomplu jkunu eliġibbli mis-sejħa Scale Up ta’ EUR 300 miljun tal-EIC 44 . Il-Kummissjoni qed tikkunsidra wkoll li tirreplika dan fil-programm tal-2027 45 , b’baġit simili, li jista’ jgħin biex jiġu appoġġati żviluppaturi tal-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx.
Appoġġ tal-ETS għal fjuwils sostenibbli u b’karbonju baxx
Skont l-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS), 20 miljun kwota stmati għal EUR 1,6 biljun huma riżervati għall-adozzjoni tal-SAF mil-linji tal-ajru mill-2024 sal-2030 46 . L-għan huwa li jiġu inċentivati dawk li jidħlu l-ewwel, billi tiġi koperta bis-sħiħ jew parzjalment id-differenza fil-prezz bejn l-SAF u l-fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali. Dan inaqqas l-impatti tal-RFEUA fuq il-kompetittività tal-operaturi Ewropej sakemm il-prezzijiet tal-SAF isiru aktar kompetittivi fil-kost meta mqabbla mal-fjuwils fossili. Għall-2024, l-appoġġ ammonta għal madwar 1,3 miljun kwota, b’valur ta’ madwar EUR 100 miljun, imqassma lil 53 operatur.
Minħabba l-potenzjal ta’ mekkaniżmu bħal dan biex jitnaqqas id-distakk fil-prezzijiet bejn il-fjuwils fossili u rinnovabbli b’karbonju baxx, il-Kummissjoni se tivvaluta l-possibbiltà li testendi l-appoġġ tal-ETS għall-SAF f’termini ta’ volum u ta’ durata għall-avjazzjoni u se tesplora mekkaniżmu analogu għall-SMF prodotti fl-UE mingħajr preġudizzju għall-proposti dwar riżorsi proprji ġodda.
Azzjonijiet emblematiċi
Il-Kummissjoni se:
·Tipprovdi MEUR 446 skont is-sejħa tal-Fond għall-Innovazzjoni tal-2024 għal erba’ proġetti tal-eSAF u għal ħames proġetti tal-fjuwil marittimu.
·Tniedi rkant tal-Bank Ewropew tal-Idroġenu (Fond għall-Innovazzjoni), b’tieqa ta’ EUR 300 miljun għal proġetti ma’ off-takers fis-setturi tal-avjazzjoni u marittimi (Q4 2025).
·Timmobilizza EUR 2 biljun mill-InvestEU għas-settur tal-fjuwils alternattivi sostenibbli (2026-2027).
·Tappoġġa lill-Grupp tal-BEI biex jimmobilizza investiment addizzjonali, inkluż permezz tal-programm TechEU (2026).
·Tipprovdi baġit indikattiv ta’ EUR 133,5 miljun li jappoġġa proġetti ta’ R&I ta’ teknoloġiji tal-fjuwils rinnovabbli u valur industrijali permezz tal-proġetti emblematiċi tas-sejħa ta’ Orizzont Ewropa u tal-Pjan SET (2026-2027).
·Tikkunsidra l-estensjoni tal-appoġġ għall-SAF skont l-EU ETS bħala parti mir-rieżami li jmiss tagħha, u tesplora appoġġ analogu jew miżuri alternattivi għall-SMF prodotti fl-UE (2026)
3.2 Żvilupp ta’ strumenti ġodda biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq
Fil-konsultazzjonijiet għal dan il-pjan, il-partijiet ikkonċernati indikaw b’mod univokali li l-UE jeħtieġ li tikkunsidra approċċ ġdid biex jitnaqqsu r-riskji tal-investiment fis-suq flimkien mal-għodod eżistenti, jiġifieri wieħed li jindirizza l-kawża ewlenija tar-riskji tal-prezz u għad-dħul. Mekkaniżmi kompetittivi ta’ offerti bħal irkantijiet doppji huma rikonoxxuti bħala strument ewlieni f’dan ir-rigward 47 .
Sabiex jitħaffef l-istabbiliment possibbli ta’ rkant doppju u jiġu ttestjati fuq il-post soluzzjonijiet possibbli fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni se tniedi formalment “Alleanza ta’ Dawk li Jaġixxu Kmieni” mal-Istati Membri interessati f’livell politiku għoli sa tmiem is-sena, filwaqt li tivvaluta wkoll il-kundizzjonijiet għal mekkaniżmu intermedjarju madwar l-UE fit-terminu medju li għandu jappoġġa l-użu sħiħ tas-setgħa tas-suq uniku.
Fehim tal-irkantijiet doppji
L-Istati Membri daħħlu fis-seħħ mekkaniżmi bħal kuntratti għad-differenza, kuntratti għad-differenza għall-karbonju (CfD, Contract for Difference, jew CCfD, Carbon Contract for Difference) 48 , u “mekkaniżmi ta’ ċertezza tad-dħul”, kif ukoll irkantijiet doppji 49 . L-irkantijiet doppji jużaw intermedjarju tas-suq biex jgħaqqdu lill-produtturi u lix-xerrejja tal-fjuwils, billi joffru kuntratti fit-tul (eż. 10 snin sa 15-il sena) ma’ produtturi tal-fjuwils fuq naħa waħda, u billi jikkonkludu kuntratti għal terminu qasir (eż. sena sa 3 snin) ma’ xerrejja tal-SAF jew tal-SMF għall-ħruġ ta’ dawn il-fjuwils fuq in-naħa l-oħra. Dawn jipprovdu lill-promoturi ċ-ċertezza tad-dħul meħtieġa biex jiġi żgurat il-finanzjament għall-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet tal-produzzjoni ġodda, filwaqt li jieħdu r-riskji finanzjarji ta’ rifinanzjament permezz ta’ serje ta’ kuntratti ta’ ħruġ fuq terminu iqsar.
Alleanza ta’ Dawk li Jaġixxu Kmieni u proġett pilota għal irkant doppju kollettiv
Il-Kummissjoni se tistabbilixxi task force mal-Istati Membri biex tistabbilixxi qafas kunċettwali għall-irkant pilota li jrid jiġi ffinalizzat sa tmiem l-2025. L-objettiv se jkun li jiġu mmobilizzati mill-inqas EUR 500 miljun fl-2026 biex jiġu ffinanzjati diversi proġetti fuq skala kbira permezz tal-organizzazzjoni tal-ewwel irkant doppju kollettiv għall-eSAF. Dan jista’ jiġi implimentat bl-użu ta’ mekkaniżmi eżistenti bħall-Fondazzjoni H2 Global 50 .
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se toffri appoġġ ulterjuri permezz tal-Għodda għall-Koordinazzjoni tal-Kompetittività. Sal-aħħar tas-sena, il-Kummissjoni se tistabbilixxi proġett pilota għall-produzzjoni tal-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx għas-settur marittimu u għas-settur tal-avjazzjoni, bl-għan li tiffaċilita l-ħidma konġunta fuq l-ewwel proġett pilota għal irkant doppju kollettiv tal-UE u li dan jingħaqad mal-appoġġ finanzjarju neċessarju.
Ħidma lejn irkant doppju madwar l-UE kollha
Filwaqt li tibni fuq l-azzjoni pilota, il-Kummissjoni se tniedi l-preparamenti, fil-bidu tal-2026, għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu madwar l-UE kollha għal irkant doppju madwar l-UE għall-produzzjoni tal-SAF u tal-SMF, mingħajr preġudizzju għall-proposti dwar il-QFP li jmiss u riżorsi proprji ġodda.
Dan se jinkludi l-identifikazzjoni tal-aħjar għażliet għad-disinn u għall-governanza tal-intermedjarju tas-suq tal-UE u tal-metodoloġiji għall-mobilizzazzjoni ta’ finanzjament suffiċjenti fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri inkluż possibbilment permezz tal-Fond għall-Innovazzjoni u strumenti oħra. Il-proposta għall-Fond Ewropew għall-Kompetittività l-ġdid se tippermetti appoġġ għall-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx matul il-perjodu 2028-2034, inkluż permezz ta’ proċeduri ta’ aġġudikazzjoni fil-forma ta’ offerti kompetittivi.
Il-Kummissjoni se tkompli tanalizza mudelli xierqa tal-irkant 51 . Għal dan l-għan, għaddej studju biex jiġu vvalutati oqfsa ta’ governanza xierqa u jiġu identifikati r-rekwiżiti legali li jkunu neċessarji biex jitnedew irkantijiet bħal dawn.
3.3 Titjib tal-użu ta’ miżuri ta’ appoġġ fil-livell nazzjonali
Diġà qed jiġi pprovdut appoġġ importanti permezz ta’ skemi ta’ appoġġ ta’ diversi Stati Membri 52 . Madankollu, jista’ jkun hemm titjib addizzjonali fl-effiċjenza minn allinjament u minn ingranaġġ aħjar ta’ appoġġ bħal dan.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-flessibbiltà u mis-simplifikazzjoni introdotti mir-regoli l-ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat li jakkumpanjaw il-Qafas għall-Għajnuna mill-Istat tal-Patt għal Industrija Nadifa (CISAF, Clean Industrial Deal State Aid Framework) 53 . Ir-rekwiżiti simplifikati tal-kompatibbiltà japplikaw għal skemi ta’ għajnuna mill-Istat li jinċentivaw proġetti ta’ investiment li jżidu l-kapaċità tal-produzzjoni għal fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx kif ukoll il-kapaċità tal-manifattura għall-impjanti u għall-komponenti ewlenin li huma meħtieġa biex jiġu varati t-teknoloġiji tal-produzzjoni relatati meħtieġa.
Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri nazzjonali dwar l-użu tal-metan u tat-taħlitiet ma jintroduċux indirettament ostakli għall-kummerċ tranżnazzjonali bil-bijometan u jillimitaw id-disponibbiltà transfruntiera fi ħdan is-suq uniku 54 . L-adozzjoni tal-Bażi tad-Data tal-Unjoni se tipprevjeni li d-dikjarazzjonijiet jingħaddu darbtejn u se tistabbilixxi l-bażi għal suq uniku integrat għall-bijometan. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tindirizza l-inkonsistenzi rigward l-eliġibbiltà tal-bijometan sussidjat madwar l-Istati Membri sabiex tiffaċilita l-adozzjoni aktar faċli tal-SMF 55 .
Il-Forum Ewropew Konġunt għal Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI, Important Projects of Common European Interest) se jiddeċiedi sal-aħħar ta’ Novembru 2025 jekk għandux iqis kandidat potenzjali tal-IPCEI fil-qasam tal-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx għall-avjazzjoni u għat-trasport fuq l-ilma 56 . Ladarba jiġi approvat l-istatus ta’ kandidat, il-Kummissjoni, permezz taċ-Ċentru l-ġdid għall-Appoġġ tad-Disinn, tkun lesta li tassisti lill-Istati Membri fid-disinn bikri ta’ kandidat għal IPCEI bħal dan.
Is-sussidji għall-fjuwils fossili u r-reġimi tat-tassazzjoni għandhom impatt fuq id-distakk fil-prezzijiet bejn il-fjuwils fossili u l-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx. L-Istati Membri huma mħeġġa jirrieżaminaw is-sussidji u r-reġimi tat-tassazzjoni u jikkonkludu b’mod urġenti n-negozjati dwar id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija.
Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs, Recovery and Resilience Plans) skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF, Recovery and Resilience Facility) għandhom rwol ewlieni fit-tranżizzjoni ekoloġika fl-Istati Membri kollha. L-implimentazzjoni għadha għaddejja iżda għad hemm dewmien. Kif imħabbar dan l-aħħar 57 , hemm għażliet differenti disponibbli għall-Istati Membri biex jiżguraw li l-RRPs tagħhom jiġu implimentati kompletament. Għad hemm tieqa żgħira ta’ opportunità biex jittieħdu miżuri li jippermettu aktar investiment fil-produzzjoni ta’ fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx, dment li dawn ikunu jistgħu jiġu ffinalizzati sal-31 ta’ Awwissu 2026 u l-Istati Membri jinkluduhom b’urġenza fil-pjanijiet riveduti tagħhom.
L-Istati Membri huma legalment meħtieġa jużaw id-dħul mill-EU ETS biex jinvestu f’miżuri klimatiċi, li jistgħu jinkludu azzjonijiet għad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi marittimi u tal-avjazzjoni, inter alia permezz tal-produzzjoni u l-adozzjoni ta’ fjuwils sostenibbli, it-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-vapuri u tal-inġenji tal-ajru, investimenti f’teknoloġiji innovattivi u f’infrastruttura sostenibbli bħal ajruporti u portijiet ekoloġiċi. Xi Stati Membri qed jallokaw dħul bħal dan lis-setturi tal-avjazzjoni u tat-trasport fuq l-ilma biex jappoġġaw u jipprovdu prevedibbiltà aħjar għall-investimenti tagħhom. L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw parti mid-dħul li qed jiksbu mill-EU ETS biex jinvestu fid-dekarbonizzazzjoni tas-setturi marittimi u tal-avjazzjoni, inkluż permezz ta’ fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx.
Azzjonijiet emblematiċi
Il-Kummissjoni se:
·Taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tistabbilixxi rkant doppju kollettiv pilota għall-produzzjoni tal-eSAF fl-UE li jiswa EUR 500 miljun (2025-26).
·Tibda, fil-kuntest tal-Għodda għall-Koordinazzjoni tal-Kompetittività, proġett pilota dwar il-produzzjoni tal-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx għas-settur marittimu u għas-settur tal-avjazzjoni (2026).
·Taħdem biex tidentifika IPCEI potenzjali dwar l-SAF u l-SMF (2026).
·Tivvaluta l-fattibbiltà tal-istabbiliment ta’ approċċ madwar l-UE kollha għall-irkantijiet doppji għall-produzzjoni tal-SAF/SMF (2025-27).
·Tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jallokaw dħul adegwat tal-ETS għas-settur marittimu u għas-settur tal-avjazzjoni, inkluż il-produzzjoni sostenibbli u b’karbonju baxx.
3.4 Żgurar ta’ kundizzjonijiet abilitanti tajbin għall-investimenti fis-suq
Sabiex is-suq uniku jaħdem kif suppost, id-dispożizzjonijiet regolatorji kollha jeħtieġ li jiġu implimentati u trasposti malajr, b’mod korrett u konsistenti. Dan jikkonċerna b’mod partikolari r-relazzjoni bejn l-RED u r-Regolamenti RFEUA u FEUM.
Il-Kummissjoni tfakkar li l-RFEUA jistabbilixxi mandati ta’ provvista armonizzati għall-SAF u għall-eSAF għas-suq uniku fl-UE biex jiġu ppreservati l-kundizzjonijiet ekwi għas-suq uniku tat-trasport bl-ajru. Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti għat-trasport marittimu, li għadu ma huwiex soġġett għal miri ta’ provvista dedikati fl-UE, minħabba l-profil operatorju differenti tas-settur. Madankollu, skont l-RED, l-Istati Membri diġà huma meħtieġa jinkludu lill-fornituri tal-fjuwil marittimu fil-mekkaniżmi għall-promozzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli fit-trasport. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex tinċentiva l-provvista tal-SMF biex tgħin biex jintlaħqu l-miri tal-RED u tal-FEUM filwaqt li tevita distorsjonijiet tas-suq. Il-promozzjoni tad-disponibbiltà tal-SMF fil-portijiet tal-UE se tingħata attenzjoni partikolari fit-tħejjija tal-pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija li ġej jew il-qafas tal-enerġija rinnovabbli li għandu jiġi ppreżentat fl-2026 58 u se titqies fil-kuntratt tripartitiku għall-bijometan kif imħabbar fil-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni għall-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-enerġija li jifdal mir-Russja.
Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi rigward id-diffikultajiet għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru biex jiksbu informazzjoni u dokumenti dwar il-prezzijiet, il-volumi u l-postijiet tal-SAF forniti, u biex jiksbu aċċess għall-infrastruttura tad-distribuzzjoni tal-fjuwil fl-ajruporti għall-awtosuffiċjenza. Il-linji tal-ajru huma mħeġġa jingħaqdu mat-Tikketta tal-Emissjonijiet tat-Titjira, li tinforma lill-passiġġieri dwar l-impronta tal-karbonju tal-linji tal-ajru, filwaqt li tirrifletti l-adozzjoni tal-SAF u l-modernizzazzjoni tal-flotta.
Filwaqt li tibni fuq l-esperjenza bil-mitigazzjoni tar-riskji finanzjarji ta’ proġetti eoliċi u solari 59 , il-Kummissjoni se teżamina kif il-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija (PPAs, Power Purchase Agreements), jistgħu jiġu estiżi għall-produzzjoni tal-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx meta dawn is-swieq jiġu żviluppati ulterjorment. U abbażi tal-esperjenza fl-enerġija mir-riħ u fil-grilji fil-baħar, il-Kummissjoni se tiffaċilita wkoll l-istabbiliment ta’ kuntratt tripartitiku għall-SAF u għall-SMF għall-ħżin u għall-bijometan permezz tal-Alleanza RLCF.
Minħabba l-varjetà tal-SMF u strateġiji differenti ta’ tranżizzjoni tal-enerġija tal-operaturi, mhux se jkun ekonomikament fattibbli li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-fjuwils kollha fil-portijiet kollha. B’mod simili, minħabba l-ammonti żgħar ta’ eSAF u ta’ bijofjuwils avvanzati li jridu jiġu prodotti matul is-snin li ġejjin, jista’ jkun ta’ sfida li tiġi żgurata l-provvista lill-ajruporti kollha madwar l-UE fit-terminu qasir. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-għażliet ta’ fattibbiltà u ta’ disinn għal mekkaniżmi possibbli bl-użu ta’ ċertifikati tal-SAF u tal-SMF kummerċjabbli, kif ukoll billi tevalwa l-għażliet għal ċertifikati negozjabbli b’perjodu ta’ żmien stabbilit. Sistema bħal din għandha tqis is-sistemi eżistenti ta’ ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà 60 .
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tniedi wkoll studju fl-2026 biex tivvaluta l-kwistjoni tad-dekarbonizzazzjoni fis-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni u tidentifika bidliet regolatorji possibbli li jistgħu jikkontribwixxu għall-adozzjoni ta’ fjuwils alternattivi.
3.5 Miżuri biex tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju eżistenti
L-esperjenza mill-istadji bikrija tal-implimentazzjoni tal-RFEUA wriet li l-investimenti f’kapaċità ġdida tal-SAF jistgħu jiġu ffaċilitati aktar billi tissaħħaħ it-trasparenza tas-suq u jitnaqqas il-piż amministrattiv. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tivvaluta modi kif tiċċara l-obbligi inkombenti fuq il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni, inkluż li tipprovdi minnufih lill-operaturi ta’ inġenji tal-ajru dokumenti tal-SAF, filwaqt li tiżgura t-traċċabbiltà tal-volumi u taċ-ċertifikati ta’ sostenibbiltà tal-SAF sal-konsum finali mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru u tikkollega l-bażi tad-data tal-Unjoni (UDB, Union Data Base) mal-Portal dwar is-Sostenibbiltà tal-EASA biex tippermetti l-użu tad-data tal-UDB.
Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll għażliet għas-simplifikazzjoni u għad-diġitalizzazzjoni ulterjuri tar-rekwiżiti ta’ rapportar 61 , inkluż dawk li jirriżultaw mill-obbligi ta’ kontra t-tankering. Il-Kummissjoni qed tippjana wkoll li tkompli ssaħħaħ ir-regoli taċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà kif ukoll li tinforza l-użu obbligatorju tal-UDB biex tiġi koperta l-materja prima. L-estensjoni u l-espansjoni tal-UDB huma neċessarji biex jippermettu traċċabbiltà sħiħa tal-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx sal-użu finali, permezz tal-Portal dwar is-Sostenibbiltà tal-EASA 62 .
Għall-qasam marittimu, u filwaqt li tibni fuq it-tagħlimiet mill-ewwel perjodi ta’ rapportar, il-Kummissjoni se tivvaluta l-kapaċità li tissimplifika l-monitoraġġ u l-verifika tal-użu tal-fjuwils marittimi. Se teżamina l-possibbiltà li jiġi żviluppat qafas uniku ta’ monitoraġġ, ta’ rapportar u ta’ verifika (MRV, Monitoring, Reporting and Verification) għad-dekarbonizzazzjoni marittima, li jservi kemm għall-ETS Maritime kif ukoll għall-FuelEU, b’potenzjal importanti li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għall-kumpaniji tat-tbaħħir, għall-verifikaturi, u għall-Istati Membri 63 . Dan se jitqies fir-rieżami li jmiss tal-EU ETS, tal-MRV u tal-FEUM. L-Istrateġija Portwarja tal-UE tal-futur, li trid tiġi adottata fit-tieni trimestru tal-2026, se tappoġġa lill-portijiet biex jissodisfaw ir-rwoli tagħhom fit-tranżizzjoni tal-enerġija u fil-hubs tal-enerġija. L-Istrateġija Marittima Industrijali tal-UE, li trid tiġi adottata b’mod konġunt mal-Istrateġija dwar il-Portijiet, se ssaħħaħ il-manifattura marittima u l-bażi teknoloġika tal-Ewropa, speċjalment f’teknoloġiji ġodda, xprunati minn użu akbar ta’ fjuwils sostenibbli. F’konformità mal-impenji legali eżistenti, l-EU ETS u l-FEUM se jiġu rrieżaminati wkoll. Se tiġi kkunsidrata l-adozzjoni ta’ miżuri globali fl-OMI.
Il-Kummissjoni dalwaqt se tipproponi Att għall-Aċċellerazzjoni Industrijali b’miżuri li jappoġġaw id-dekarbonizzazzjoni tal-industriji intensivi fl-enerġija, inkluż raffineriji għall-produzzjoni tal-fjuwil rinnovabbli u b’karbonju baxx. L-idroġenu fornit lil inġenji tal-ajru b’emissjonijiet żero jista’ jgħodd għall-miri tal-eSAF. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-operazzjonalizzazzjoni taċ-Ċentru ta’ Skambju tal-UE dwar l-SAF li ġġib magħha mogħdijiet ġodda għall-SAF fis-suq u se tistabbilixxi network kollaborattiv ta’ ċentri reġjonali ta’ eċċellenza 64 , li jikkomplementa l-Alleanza għal Avjazzjoni b’Emissjonijiet Żero.
L-iżgurar ta’ kapaċità addizzjonali tal-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli ddedikata għall-idroġenu u t-tnaqqis tal-kost tagħha huma kruċjali biex l-elettrofjuwils jsiru aktar kompetittivi fil-kost. Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta kif tiffaċilita l-aċċess għall-materja prima, fil-kuntest tal-effettività tal-qafas tal-idroġenu. Huwa importanti wkoll li tingħata ċertezza lill-produtturi tal-elettrofjuwils li l-fjuwil rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika li jużaw se jibqa’ validu fil-futur f’termini ta’ jekk jgħoddx għall-miri. Il-Kummissjoni se tikkunsidra kriterji biex tissalvagwardja l-investimenti eżistenti f’każ li r-rieżamijiet futuri tal-qafas regolatorju jkunu wasslu għal bidla fid-dispożizzjonijiet rilevanti għall-inputs tal-produzzjoni.
Azzjonijiet emblematiċi
Il-Kummissjoni se:
·Taħdem fuq l-estensjoni tal-PPAs għal fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx (2026).
·Tivvaluta l-modi biex tiżdied id-disponibbiltà tal-SMF fil-portijiet fil-kuntest tal-pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija għad-deċennju li ġej (2026).
·Tivvaluta mekkaniżmi possibbli bl-użu ta’ SAF u ta’ SMF kummerċjabbli u tevalwa l-għażliet għal ċertifikazzjoni negozjabbli.
·Tikkunsidra l-ħtiġijiet tas-settur marittimu fil-kuntratt tripartitiku għall-bijometan u taħdem biex jiġi żviluppat kuntratt tripartitiku għall-SAF u għall-SMF permezz tal-Alleanza RLCF (2026).
·Ittejjeb l-allinjament u tissimplifika r-rapportar għas-settur marittimu u għas-settur tal-avjazzjoni .
·Tesplora miżuri biex tipproteġi l-investimenti ta’ dawk li jaġixxu kmieni fil-kuntest tal-pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija għad-deċennju li ġej (2026).
·Tirrieżamina l-EU ETS u l-FEUM meta jiġi adottat il-Qafas ta’ Emissjonijiet Żero Netti tal-OMI.
4.SĦUBIJIET STRATEĠIĊI U KOLLABORAZZJONI GLOBALI BIEX TINGĦATA SPINTA LILL-PROVVISTA SOSTENIBBLI TAL-FJUWIL
L-UE kienet strumentali biex jinkiseb progress konsiderevoli fl-impenji globali għal azzjoni fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u l-miżuri li qed jiġu kkunsidrati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI). Il-kooperazzjoni internazzjonali se tkompli tkun kruċjali għall-ħolqien ta’ suq ewlieni globali għall-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx. Min-naħa tiegħu, suq globali se jiġġenera opportunitajiet għall-industrija Ewropea u se jkun ta’ benefiċċju għall-ekonomiji lokali, filwaqt li jsaħħaħ ukoll ir-rabtiet tagħna mas-sħab internazzjonali u jevita r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Il-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx minn pajjiżi sħab, ikkundizzjonati mir-rekwiżit li jiġu ssodisfati l-istandards u r-regolamenti ambjentali tal-UE jew ekwivalenti għal dawk tal-UE, inkluż l-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA, Carbon Offsetting and Reduction Scheme for International Aviation), se jkunu meħtieġa biex jikkomplementaw il-produzzjoni tal-fjuwils domestiċi, b’mod partikolari fil-fażi inizjali ta’ rrankar. Fl-istess ħin, biex tiġi evitata l-frodi u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi kompetittivi 65 , jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex jiġu ssalvagwardjati l-investimenti fl-UE. L-appoġġ tal-pajjiżi sħab fi ftehimiet internazzjonali vinkolanti ambizzjużi huwa fundamentali għall-implimentazzjoni ta’ dawn is-sħubijiet.
4.1 Promozzjoni ta’ sħubijiet internazzjonali għad-diversifikazzjoni, għall-aċċess għas-suq u għall-ambizzjoni globali
Il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u s-sħubijiet internazzjonali ta’ benefiċċju reċiproku għadhom kritiċi biex itejbu d-diversifikazzjoni, l-aċċess għas-swieq, jgħinu biex jiġu żgurati l-importazzjonijiet ta’ fjuwils u ta’ materjali tal-materja prima rinnovabbli u b’karbonju baxx, u jiffaċilitaw l-importazzjoni/esportazzjoni ta’ teknoloġija nadifa f’konformità mal-proposta adottata reċentement “Ewropa Globali”. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni se tagħmel l-aħjar użu mill-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u mis-sħubijiet għal kummerċ u investiment nodfa (CTIPs, Clean Trade and Investment Partnerships) biex tiffaċilita l-finanzjament tal-infrastruttura tal-produzzjoni, tal-ħżin jew tar-riforniment (bunkering) tal-SAF/SMF f’pajjiżi sħab, meta dan ma joħloqx theddida kompetittiva għall-portijiet tal-UE. Dawn is-subsetturi ġew iddeżinjati bħala proġetti ewlenin skont il-Global Gateway. Kif deskritt fil-Komunikazzjoni Konġunta għal viżjoni globali tal-UE dwar il-klima u l-enerġija 66 , l-UE se tappoġġa t-twettiq ta’ proġetti ewlenin kbar f’pajjiżi sħab permezz tal-Istrateġija Global Gateway. Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles maċ-Ċilì diġà fih dispożizzjonijiet dedikati biex jiġu ffaċilitati l-kummerċ u l-investimenti fl-RFNBOs, inkluż l-SAF u l-SMF, u biex jitneħħew id-distorsjonijiet. L-UE pproponiet dixxiplini bħal dawn ukoll fin-negozjati li għaddejjin bħalissa mat-Tajlandja, mal-Awstralja, mal-Filippini, u mal-Emirati Għarab Magħquda 67 .
L-ewwel CTIP mal-Afrika t’Isfel għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-kummerċ nadif, toħloq opportunitajiet ta’ investiment sostenibbli u tippromwovi teknoloġiji nodfa tal-UE u tal-Afrika t’Isfel f’konformità mal-Patt għal Industrija Nadifa. Is-CTIP se tappoġġa l-kooperazzjoni fil-ktajjen tal-provvista nadifa strateġiċi inkluż il-fjuwils tat-trasport sostenibbli fis-setturi marittimi u tal-avjazzjoni u l-infrastruttura relatata.
Dwar l-avjazzjoni, l-UE qed timplimenta l-proġett ta’ Assistenza, Bini tal-Kapaċitajiet u Taħriġ għall-Fjuwils tal-Avjazzjoni Sostenibbli (ACT-SAF, Assistance, Capacity-Building and Training for Sustainable Aviation Fuels) mal-ICAO u mal-EASA, f’konformità mal-“Għan Strateġiku tal-ICAO li l-Ebda Pajjiż ma Jitħalla Barra”. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-pajjiżi sħab fl-Afrika, fl-Amerka Latina u fil-Karibew u fl-Asja-Paċifiku kif ukoll mal-organizzazzjonijiet rilevanti tan-NU biex tappoġġa l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu tal-SAF. Fit-terminu qasir, il-Kummissjoni se tniedi Proġett ġdid ta’ Sħubija tal-Avjazzjoni fl-Amerka Latina u fil-Karibew li jinkludi appoġġ għall-produzzjoni tal-SAF. L-UE se tikkollabora wkoll biex jiġu skambjati l-għarfien u l-esperjenza miksuba permezz tal-Alleanza RLCF mal-inizjattiva taċ-Ċentru Finvest tal-ICAO biex tappoġġa l-ħolqien ta’ pjattaformi simili fil-livell reġjonali u globali. L-UE se tfittex li tkompli żżid il-kooperazzjoni dwar il-fjuwils sostenibbli mal-Unjoni Afrikana, inkluż billi tappoġġa l-isforzi biex jiġu rreplikati l-prattiki tajbin tal-Alleanza RLCF fl-Afrika 68 .
Fir-rigward tat-trasport marittimu, il-Kummissjoni identifikat portijiet strateġiċi madwar id-dinja (jiġifieri fl-Amerka Latina, fl-Afrika Sub-Saħarjana u fl-Asja) li għandhom potenzjal qawwi ta’ produzzjoni u ta’ bunkering tal-SMF. Il-Kummissjoni se taċċellera l-varar ta’ tali fjuwils billi tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ kurituri/ċentri ta’ tbaħħir ekoloġiku. L-inizjattiva tal-Kurituri ta’ Tbaħħir Ekoloġiku ta’ Global Gateway (GGGSC, Global Gateway Green Shipping Corridors) tinsab fl-istadji bikrin tal-implimentazzjoni tagħha, bl-UE li tipprijoritizza s-sħubijiet għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qed tipproponi li tippermetti l-possibbiltà li jingħataw għotjiet diretti lil entitajiet privati b’appoġġ għal proġetti li huma fl-interess strateġiku tal-UE 69 . Dan ikun ta’ benefiċċju kemm għas-settur tal-avjazzjoni kif ukoll għas-settur marittimu.
Il-Kummissjoni se tiffaċilita wkoll l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-valur tal-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx bħala parti minn sforz usa’ biex tappoġġa soluzzjonijiet sostenibbli ta’ mobbiltà u ta’ trasport fil-Balkani tal-Punent, fl-Ukrajna u fil-Moldova 70 , kif ukoll fil-Baħar l-Iswed kollu, li huwa integrali għall-konnettività, għas-sigurtà tal-enerġija u għall-istabbiltà reġjonali tal-Unjoni.
Il-Kummissjoni pproponiet li tistabbilixxi fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx bħala prijorità ewlenija skont il-Patt il-ġdid għall-Mediterran 71 bl-għan li ssaħħaħ impenn kondiviż għall-produzzjoni u għall-użu tagħhom, tippromwovi l-iskambju tal-għarfien, u tistimula l-involviment tas-settur privat.
4.2 Ħidma f’organizzazzjonijiet internazzjonali lejn is-suq globali tal-fjuwil
Il-Qafas ta’ Emissjonijiet Żero Netti tal-OMI għat-tbaħħir, l-ewwel qafas globali, ġie propost biex jitnaqqsu l-GHG u dan jimmira għal emissjonijiet żero netti mit-tbaħħir internazzjonali sal-2050 jew madwar dak iż-żmien. Minkejja li l-adozzjoni tal-qafas globali tmexxiet b’sena, l-Unjoni se tkompli taħdem fi ħdan l-OMI u s-sħab internazzjonali fuq qafas globali.
Bis-saħħa tat-tmexxija b’saħħitha tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, dan l-aħħar sar progress ukoll fl-ICAO. Fl-2022, l-Istati Membri tal-ICAO adottaw l-għan ta’ aspirazzjoni fit-tul (LTAG, Long-Term Aspirational Goal) għall-avjazzjoni internazzjonali ta’ emissjonijiet tal-karbonju netti żero sal-2050, li rrikonoxxa l-SAF bħala l-faċilitatur ewlieni biex jinkiseb tnaqqis fl-emissjonijiet. Fl-2023, qablu mal-viżjoni globali ta’ aspirazzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet internazzjonali tal-avjazzjoni b’5 % sal-2030 permezz tal-użu tal-SAF u enerġiji oħra tal-avjazzjoni aktar nodfa (meta mqabbla mal-ebda użu ta’ enerġija aktar nadifa).
F’Settembru 2025, l-Istati Membri tal-ICAO talbu implimentazzjoni mifruxa tal-CORSIA bħala l-iskema globali bbażata fuq is-suq għall-avjazzjoni internazzjonali.
4.3 Ħidma lejn standards komuni fil-livell globali
Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali rigward kriterji ta’ sostenibbiltà robusti, kalkoli tal-emissjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja trasparenti u komparabbli għall-fjuwils sostenibbli kif ukoll rigward it-titjib tal-kompatibbiltà, tar-robustezza u tal-affidabbiltà taċ-ċertifikazzjoni. Tali kooperazzjoni rigward oqfsa robusti dwar is-sostenibbiltà u l-kalkolu tal-emissjonijiet tippermetti li jittejbu l-kundizzjonijiet ekwi fis-swieq kollha, tnaqqas ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u l-piż amministrattiv. F’dan il-kuntest se nkomplu naħdmu lejn konformità doppja tal-SAF skont l-RED u l-CORSIA u t-tisħiħ tal-CORSIA. Fis-settur marittimu, iċ-ċertifikazzjoni skont l-RED qed tiġi avvanzata kemm fl-UE kif ukoll f’pajjiżi terzi, filwaqt li fil-livell globali, l-OMI qed tiżviluppa regoli ta’ ċertifikazzjoni.
4.4 Monitoraġġ tas-suq u strumenti għad-difiża tal-kummerċ
L-importazzjonijiet lejn is-suq tal-UE għandhom ikunu soġġetti għal kundizzjonijiet ġusti biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-UE. L-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ tal-UE jipprovdu mezz effettiv biex jiġu skoraġġuti prattiki inġusti u biex jittieħdu miżuri ta’ rimedju kontra importazzjonijiet dannużi potenzjali. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tuża l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ għad-dispożizzjoni tagħha, jekk dan ikun neċessarju. Bħalissa l-Kummissjoni qed iżżid il-monitoraġġ tagħha tal-importazzjonijiet ta’ prodotti minn pajjiżi terzi biex tidentifika żidiet potenzjalment dannużi fl-importazzjonijiet, inkluż għall-bijofjuwils.
Regoli globali mhux uniformi fis-setturi marittimi u tal-avjazzjoni jistgħu jirriżultaw fit-trasferiment tat-traffiku u tal-emissjonijiet lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Il-Kummissjoni se tivvaluta r-riskju 72 , u jekk ikun xieraq, tqis il-miżuri neċessarji biex jinżammu kundizzjonijiet ekwi.
5.KONKLUŻJONI
It-tranżizzjoni għal bażi tal-enerġija ġdida fit-trasport toffri opportunitajiet sostanzjali għat-tkabbir industrijali u għall-ħolqien tax-xogħol fl-UE, filwaqt li tgħin lill-UE żżid l-awtonomija strateġika tagħha, tiddiversifika l-provvisti tal-enerġija u tagħti kontribut sinifikanti għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport.
Filwaqt li t-trasport bit-triq qed javvanza fit-tranżizzjoni tiegħu għal mobbiltà b’emissjonijiet żero u s-settur ferrovjarju elettrifika sehem sostantiv tal-operazzjonijiet tiegħu, id-dekarbonizzazzjoni tal-avjazzjoni u tat-trasport fuq l-ilma għadha fi stadju bikri. Irridu nibnu malajr il-kapaċità tal-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx fl-UE u lil hinn minnha. L-isfida hija urġenti, iżda mhux insuperabbli. Il-qafas regolatorju fit-tul biex tirranka d-domanda għal fjuwils bħal dawn fl-UE huwa fis-seħħ u hawn se jibqa’. L-irrankar tal-produzzjoni u tal-użu domestiċi huwa kritiku, iżda tant ieħor hija kritika l-kooperazzjoni internazzjonali biex tingħata spinta għall-produzzjoni u għall-użu globali, mhux biss biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi globali u jiġi ddekarbonizzat it-trasport, iżda wkoll biex jiġu pprovduti opportunitajiet ta’ żvilupp għall-pajjiżi sħab filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-industrija tagħna.
Sabiex din it-tranżizzjoni tirnexxi, l-appoġġ u t-tnaqqis tar-riskji ta’ investimenti fl-irrankar tas-suq ta’ teknoloġiji xierqa jridu jissaħħu b’mod konsiderevoli filwaqt li l-fjuwils rinnovabbli u b’karbonju baxx u l-materja prima tagħhom miksuba b’mod sostenibbli jitqiegħdu fiċ-ċentru.
Kousoulidou et al. 2016, Biofuels in aviation: Fuel demand and CO2 emissions evolution in Europe toward 2030.
Skont il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Mira Klimatika għall-2040, il-karozzi tal-passiġġieri b’magna tal-kombustjoni interna se jkollhom sehem ta’ 26 % fl-istokk tal-karozzi tal-UE, filwaqt li l-vetturi elettriċi bil-batterija (BEVs, Battery Electric Vehicles) jammontaw għal bejn 57 u 58 %. Il-konsum totali tal-enerġija jonqos b’mod konsiderevoli minħabba l-effiċjenza enerġetika ogħla tal-vetturi elettriċi fl-istess ħin, u filwaqt li d-domanda għall-bijofjuwils tidher li se tiżdied sal-2030, din tonqos minn hemm ’il quddiem minħabba l-ishma dejjem akbar ta’ elettrifikazzjoni.
Ir-rapport ta’ Draghi (2025): A competitiveness strategy for Europe.
L-SAF huma fjuwils tal-avjazzjoni li huma approvati skont l-istandard 7566 tal-American Society for Testing and Materials (ASTM) u huma ddisinjati biex ikunu soluzzjoni ta’ sostituzzjoni għall-fjuwil tradizzjonali tal-ġettijiet, u jippermettu lill-inġenji tal-ajru jużawhom mingħajr modifiki fil-magni jew fl-infrastruttura. Dawn jistgħu jiġu prodotti minn materja prima bijoloġika sostenibbli b’diversi mogħdijiet (bijo-SAF). L-SAF jistgħu jiġu prodotti wkoll b’mod sintetiku (eSAF).
Il-Kummissjoni Ewropea, 2024: Development of outlook for the necessary means to build industrial capacity for drop-in advanced biofuels.
L-osservatorju internazzjonali tal-elettrofjuwils, l-edizzjoni tal-2025 u informazzjoni bbażata fuq konsultazzjoni mal-esperti. Project Frontrunner f’Texas jinsab fil-fażi tal-kostruzzjoni (eSAF) u diversi proġetti tal-e-metanol fiċ-Ċina għaddew mill-istadju tad-deċiżjoni finali dwar l-investiment (FID, Final Investment Decision) jew jinsabu fil-fażi tal-kostruzzjoni. https://www.sia-partners.com/en/insights/publications/international-e-fuels-observatory-2025-edition .
https://commission.europa.eu/topics/business-and-industry/boosting-european-car-sector_mt.
L-SMF jistgħu jiġu prodotti minn diversi sorsi, inkluż materja prima b’bażi bijoloġika, skart fossili jew minn enerġija rinnovabbli u b’karbonju baxx (e-SM). Is-settur huwa previst li jitlob 6,4 Mt ta’ SMF u 4,6 Mt ta’ eSMF sabiex jintlaħqu l-miri għall-2035 skont l-FEUM, ara SWD/2024/63 final.
Skont id-definizzjoni fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.
Teknoloġiji bħal dawn jinkludu Gassifikazzjoni + Fischer Tropsch (FT) u mill-Alkoħol għall-Ġett (AtJ, Alcohol to Jet).
L-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA, European Union Aviation Safety Agency) 2025, ReFuelEU Aviation Annual Technical Report, bl-elettrofjuwils li huma l-aktar soluzzjoni għalja.
B’mod aktar speċifiku, għat-trasport marittimu u tal-avjazzjoni, l-eliġibbiltà tal-materja prima hija limitata għat-tnaqqis tar-riskji tal-ikel u tal-bidla fl-użu tal-art, billi tiġi eskluża, pereżempju, il-bijomassa tal-ikel u tal-għalf. Barra minn hekk, fatturi bħat-tibdil fil-klima jistgħu jfixklu aktar u jillimitaw id-disponibbiltà tal-bijomassa.
SWD/2024/63 2040.
Il-materja prima tinkludi għelejjel tal-ikel, għelejjel linjoċellulożiċi, residwi agrikoli, injam taz-zkuk tal-foresti, residwi tal-foresti, skart u residwi tal-karti u tal-polpa.
Id-domanda tal-avjazzjoni u dik marittima hija stmata għal 45-50 Mtoe kull wieħed fl-2050.
Il-Kummissjoni Ewropea: id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u BEST, Development of outlook for the necessary means to build industrial capacity for drop-in advanced biofuels Annex 3 Report on Task 3, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2024, https://data.europa.eu/doi/10.2777/858956 . L-istudju huwa bbażat fuq diversi suppożizzjonijiet relatati mad-disponibbiltà tal-materja prima, mal-qafas regolatorju, eċċ. Madankollu, bħalissa l-kapaċità hija ta’ madwar 2 Mtoe/sena, bi produzzjoni ppjanata sa 5-6 Mtoe/sena.
Il-bijoraffineriji jippermettu l-ipproċessar u l-konverżjoni tal-bijomassa f’firxa wiesgħa ta’ prodotti siewja, inkluż il-bijofjuwils, il-bijokimiċi, il-bijomaterjali, kif ukoll il-produzzjoni tas-sħana u tal-elettriku. Il-produzzjoni tal-bijoSAF avvanzati toħloq suq ta’ prodotti sekondarji għad-diżil ekoloġiku (għat-trakkijiet, għall-parti mhux elettrifikata tal-ferroviji, għall-bastimenti tas-sajd, għall-passaġġi fuq l-ilma interni, għall-makkinarju off-road, eċċ) u għan-nafta (għall-vapuri jew bħala komponent ta’ taħlit fit-trasport bit-triq).
Ġew irrapportati xi allegazzjonijiet ta’ frodi lill-Kummissjoni dwar il-bijofjuwils importati allegatament ikklassifikati b’mod frodulenti bħala bijofjuwils avvanzati prodotti miż-żejt tat-tisjir użat. Għalkemm dawn l-affermazzjonijiet ma setgħux jiġu vverifikati mill-Kummissjoni, huma jenfasizzaw l-importanza tat-tisħiħ tas-salvagwardji kontra l-frodi fis-suq tal-bijofjuwils.
Skont ir-regolament kurrenti, l-użu tas-CO2 minn sorsi fossili għall-produzzjoni ta’ elettrofjuwil mhux se jippermetti li l-fjuwils rispettivi jilħqu l-mira meħtieġa ta’ ffrankar ta’ 70 % tal-emissjonijiet wara l-2041.
EASA, 2025, ReFuelEU Aviation Annual Technical Report.
EASA, 2025, European Aviation Environmental Report, https://www.easa.europa.eu/sites/default/files/eaer-downloads/EASA_EAER_2025_Book_v5.pdf.
Abbażi tal-feedback tal-esperti, il-Kummissjoni tistma li l-kapaċità annwali kurrenti tal-produzzjoni tal-SAF fl-UE hija ta’ ftit aktar minn miljun tunnellata (Mt). Kważi din il-produzzjoni kollha ta’ SAF hija HEFA u ma tqisx il-produzzjoni bil-koproċessar bl-użu ta’ materja prima sostenibbli fl-impjanti tal-fjuwils fossili, li għalihom ma hemmx biżżejjed informazzjoni affidabbli.
EASA, 2025, ReFuelEU Aviation Annual Technical Report.
L-istimi huma kkalkolati mill-Kummissjoni abbażi tal-prezzijiet imħabbra kurrenti għall-kostijiet tan-nefqa kapitali (CAPEX, Capital Expenditure) biex jiġu prodotti fjuwils b’bażi bijoloġika (madwar EUR 3 biljun/Mt) u elettrofjuwils (madwar EUR 20 biljun/Mt). Il-kalkoli interni tal-KE qiesu l-progressjoni tal-maturità teknoloġika peress li l-mogħdijiet tal-SAF jilħqu Livell ta’ Tħejjija Teknoloġika (TRLs, Technology Readiness Level) ogħla (8-9); it-tnaqqis tal-CAPEX għat-teknoloġiji aktar maturi u t-tkabbir tas-settur tal-avjazzjoni abbażi tal-aħħar data tal-EUROCONTROL. Ġie kkunsidrat l-effett tal-ekonomiji ta’ skala.
Korrispondenti għal investimenti annwali ta’ EUR 1,27-2,04 biljun għall-bijoSAF u ta’ EUR 9,45-13,00 biljun għall-eSAF.
EU transport in figures: Statistical pocketbook 2025. Data mill-2023 li tinkludi l-bunkers internazzjonali https://op.europa.eu/s/Aac0.
L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA, European Maritime Safety Agency), EMTER 2025 Report.
Il-provvista tal-enerġija fuq l-art u għal xi każijiet limitati ta’ użu tat-tbaħħir fil-preżent.
Dawn jinkludu ż-żjut veġetali idrotrattati (HVO, Hydrotreated Vegetable Oils), il-bijometan likwifikat (LBM, Liquefied Biomethane), il-metanol ekoloġiku jew l-idroġenu ekoloġiku flimkien maċ-ċelloli tal-fjuwil, il-magni tal-kombustjoni interna (ICES, Internal Combustion Engines), u l-elettriku ekoloġiku flimkien mal-batteriji.
Is-settur tas-sajd ikkonsma aktar minn 1,60 biljun litru diżil għal użu marittimu fl-2022 (madwar 1,4 Mtoe) u rema 4,2 miljun tunnellata ta’ CO2. L-investiment huwa ristrett f’settur b’età medja tal-flotta ta’ 36,5 sena, daqs li qed jonqos, rati ta’ tiġdid minimi (anqas minn 1 %), u inċertezzi teknoloġiċi. Ir-rekwiżiti uniċi tal-bastimenti tas-sajd u d-daqs żgħir tas-suq tas-settur jiskoraġġixxu wkoll lill-investituri. Dan jgħodd bl-istess mod għall-industrija tal-akkwakultura. Pjan direzzjonali dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija fis-sajd u fl-akkwakultura huwa previst fl-2026.
Din il-medda hija attribwita għall-fatt li l-istima tal-investiment hija diffiċli fid-dawl tat-taħlita wiesgħa ta’ teknoloġiji tal-fjuwils disponibbli u tal-possibbiltajiet ta’ taħlit li jistgħu jintużaw mis-sistemi tal-motopropulsjoni/mis-sistemi ta’ propulsjoni u mill-infrastruttura eżistenti u emerġenti .
Il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Miri Klimatiċi għall-2040. Il-ħtiġijiet ta’ investiment għall-qasam marittimu huma kkalkolati bis-suppożizzjonijiet li l-fjuwils kollha se jinkisbu mill-UE. Skont il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEUM, b’kollox se jkunu meħtieġa 28 Mt ta’ fjuwils. Il-kalkoli qiesu t-tbassir ta’ PRIMES bħala neċessarju sal-2035, il-ħtiġijiet realistiċi ta’ investiment għall-fjuwils avvanzati u għall-eSMF, l-elettriku b’sehem ta’ 1,4 % lejn l-ilħuq tal-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-FEUM, u l-issodisfar tal-klawżola sunrise tal-miri tal-RFNBOs (2 %).
L-istimi tal-Kummissjoni jindikaw qasma fil-medda ta’ EUR 57 biljun sa EUR 67 biljun għall-avjazzjoni u ta’ EUR 35 biljun sa EUR 47 biljun għat-trasport marittimu.
Mingħajr ma jitqies l-investiment meħtieġ għall-bastimenti, għall-inġenji tal-ajru, u għall-infrastruttura rilevanti.
Inkluż il-Fond għall-Innovazzjoni tas-Sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS, EU Emissions Trading System), InvestEU, Orizzont Ewropa (inkluż l-appoġġ għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-finanzjament skont il-Fondi tal-politika ta’ koeżjoni u l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza.
Is-Siġill STEP huwa tikketta ta’ kwalità għal proġetti eċċellenti u b’potenzjal kbir. Dan jippermetti li tinkiseb aktar viżibbiltà u jiġu esplorati possibbiltajiet għal finanzjament u għal servizzi ta’ appoġġ pubbliċi u privati addizzjonali tal-UE.
Il-Grupp tal-BEI, il-Banek Promozzjonali Nazzjonali, il-Banek Multilaterali tal-Iżvilupp, u l-Banek Reġjonali tal-Iżvilupp.
Pereżempju, proġett ta’ bijofjuwils fuq skala kbira ta’ EUR 1 biljun minn MOEVE fl-Andalusija rċieva self ta’ aktar minn EUR 400 miljun mill-BEI taħt il-mandat tal-InvestEU. Il-faċilità tal-produzzjoni tal-elettrofjuwils INERATEC ERA One, l-akbar waħda ta’ dan it-tip fl-Ewropa, iffirmat self ta’ dejn ta’ riskju ta’ EUR 40 miljun mal-BEI u rċeviet għotja ta’ EUR 30 miljun mill-Programm ta’ Kapital ta’ Riskju Catalyst ta’ Breakthrough Energy.
Orizzont Ewropa, ir-Raggruppament 5, is-Sejħa 02-2026 (WP 2025) (HORIZON-CL5-2026-02).
Din is-sejħa għandha objettiv speċifiku dwar il-fjuwils sostenibbli u t-teknoloġiji tal-RFNBOs.
L-isfida“Innovazzjonijiet rivoluzzjonarji għall-mobbiltà futura”
Dan l-appoġġ huwa supplimentari għall-inċentiv tal-EU ETS għall-użu tal-SAF peress li l-operaturi ma humiex meħtieġa li jirrinunzjaw il-kwoti għall-użu ta’ dawn il-fjuwils — vantaġġ li jiswa madwar EUR 25 miljun fl-2024.
Ir-rapport ta’ Draghi https://commission.europa.eu/topics/eu-competitiveness/draghi-report_en#paragraph_47059 .
CfD itaffi r-riskju tas-suq billi jħallas lill-fornitur id-differenza bejn prezz ta’ referenza ddeterminat minn qabel li jirrifletti l-fjuwil konvenzjonali u “prezz tal-eżerċitar” stabbilit bil-valur meħtieġ sabiex it-teknoloġija l-ġdida tkun vijabbli. L-iskemi tas-CCfD huma adattati għas-setturi koperti mill-ETS.
Dawn il-mekkaniżmi jkunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni meta jinvolvu riżorsi tal-Istat Membru. Il-Ġermanja u n-Netherlands ipprovdew EUR 600 miljun lill-Fondazzjoni H2 Global, li hija intermedjarju, għal offerta konġunta għall-importazzjoni tal-idroġenu rinnovabbli fl-2027 permezz ta’ rkantijiet doppji.
Studju ffinanzjat mill-Parlament Ewropew, sejħa għall-offerti disponibbli fuq https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/opportunities/portal/screen/opportunities/tender-details/5201c7be-3e33-43f6-b1e7-081412f75e34-CN.
Pereżempju, skema Daniża ta’ EUR 36 miljun (DKK 268 miljun) għall-użu tal-SAF f’titjiriet domestiċi, sejħa Franċiża ta’ EUR 100 miljun għall-produzzjoni domestika tal-SAF, skema ta’ għajnuna Ġermaniża ta’ EUR 300 miljun għall-produzzjoni domestika tal-eSAF, skema ta’ appoġġ Portugiża sa EUR 40 miljun għall-produzzjoni tal-SAF, skema Olandiża ta’ EUR 150 miljun għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-SAF jew skema Griega ta’ EUR 300 miljun għal fjuwils sostenibbli fit-trasport, inkluż l-SAF.
L-użu tal-metan u tat-taħlitiet huwa soluzzjoni possibbli għat-terminu qasir sa medju biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-sistemi tal-enerġija u tat-trasport tal-UE, dment li l-emissjonijiet tal-metan fl-atmosfera jkunu jistgħu jiġu kkonfinati.
L-Istati Membri jużaw tipi differenti ta’ sussidji għall-bijometan. Xi skemi jippermettu lill-produtturi jibbenefikaw minn aktar minn sussidju wieħed, potenzjalment minn Stati Membri differenti, u dan jista’ jfixkel il-kompetizzjoni. Dawn id-differenzi jwasslu għal regoli ta’ eliġibbiltà u ċertifikazzjoni / garanziji tal-oriġini (GOs, Guarantees of Origin) inkonsistenti u għal profili tar-riskju mhux ugwali għall-investituri li jinfluwenzaw il-varar tal-bijometan.
Id-deċiżjoni li tinbeda l-fażi ta’ identifikazzjoni ta’ IPCEI trid tiġi mill-Istati Membri u tiġi approvata mill-Kummissjoni skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
COM(2025) 310 final.
Dan il-qafas se jinkludi proposti leġiżlattivi fl-2026 li jistabbilixxu l-qafas tal-effiċjenza enerġetika u tal-qafas tal-enerġija rinnovabbli.
eż. il-kooperazzjoni tal-Kummissjoni u tal-BEI fi proġett pilota b’volum indikattiv ta’ EUR 500 miljun.
Iċ-ċertifikazzjoni skont l-RED u il-ħtiġijiet tat-traċċabbiltà tal-fjuwil sal-konsum finali permezz tal-Bażi tad-Data tal-Unjoni.
Bl-għan li jkun hemm punt ta’ dħul uniku tad-data għall-obbligi ta’ rapportar kollha.
L-isfidi jitqajmu wkoll mill-promoturi ta’ proġetti fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ ċerta materja prima b’bażi bijoloġika avvanzata. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tipprovdi aktar gwida fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 996/2022.
Inkluż l-allinjament tad-definizzjonijiet u tal-elementi tad-disinn, bħall-entità responsabbli.
Iċ-ċentri se jappoġġaw il-varar koordinat tal-infrastruttura u tas-servizzi u jippromwovu l-ambjent regolatorju li jiffaċilita operazzjonijiet effettivi għal inġenji tal-ajru b’emissjonijiet żero.
Iċ-Ċertifikazzjoni Internazzjonali dwar is-Sostenibbiltà u dwar il-Karbonju (ISCC, International Sustainability and Carbon Certification), ISCC Response to Recent Suspected Cases of Mislabelling of Advanced Biodiesel, 2023.
JOIN(2025) 25 final.
Pereżempju, il-monopolji tal-esportazzjoni, l-ipprezzar doppju jew l-ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ u għall-investimenti.
Il-proġett ta’ Assistenza, ta’ Bini tal-Kapaċitajiet u ta’ Taħriġ għall-SAF (ACT-SAF) iffinanzjat mill-UE u implimentat mill-ICAO u mill-EASA, li jappoġġa lill-Indja u lil 14-il Stat Afrikan: il-Kamerun, il-Kosta tal-Avorju, l-Eġittu, il-Guinea Ekwatorjali, l-Etjopja, il-Kenja, Madagascar, il-Mauritania, il-Marokk, il-Mozambique, in-Niġerja, ir-Rwanda, is-Senegal, u l-Afrika t’Isfel b’baġit ta’ EUR 4 miljun.
COM(2025) 551 final, il-Premessa (70), l-Artikolu 20, il-paragrafi 10 u 11.
JOIN (2025) 135 final.
JOIN(2025) 26 final.
L-Istudju ekonomiku tal-Kummissjoni għal valutazzjoni tar-rilokazzjoni potenzjali tal-emissjonijiet tal-karbonju fis-setturi marittimi u tal-avjazzjoni u miżuri ta’ mitigazzjoni, studji oħra possibbli fil-futur ukoll.