Brussell, 10.10.2025

COM(2025) 631 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar id-delega ta' setgħa skont id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi


1.    INTRODUZZJONI

Id-Direttiva 2008/68/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“id-Direttiva”) tistabbilixxi qafas għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija u bil-passaġġi fuq l-ilma interni fl-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva adottat il-leġiżlazzjoni internazzjonali speċifika u għamlitha obbligatorja wkoll għall-operazzjonijiet tat-trasport nazzjonali mwettqa fl-Istati Membri tal-UE. Il-leġiżlazzjoni internazzjonali hija adottata u aġġornata taħt il-patroċinju tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) u tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF).

B’mod aktar speċifiku, il-leġiżlazzjoni internazzjonali tikkonsisti minn:

·il-Ftehim dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq 2 (ADR) u l-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni 3 (ADN), it-tnejn adottati taħt il-patroċinju tal-UNECE; kif ukoll

·ir-Regolament dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija 4 (RID), adottat taħt il-patroċinju tal-OTIF.

Dawn l-istrumenti internazzjonali normalment jiġu aġġornati kull sentejn f’konformità mal-progress tekniku u xjentifiku. Fl-istess ħin, mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali kumpless jiżgura li l-istrumenti jibqgħu armonizzati ma’ xulxin. Dan jiffaċilita l-prestazzjoni tal-operazzjonijiet intermodali.

Id-Direttiva tapprova dawn l-istrumenti internazzjonali fl-annessi tagħha. Dan jipprovdi ċarezza u ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi u għall-awtoritajiet nazzjonali rigward is-sett uniku ta’ regoli kemm għat-trasport internazzjonali kif ukoll għal dak nazzjonali ta’ oġġetti perikolużi. Biex ikunu effettivi, l-annessi tad-Direttiva jiġu emendati regolarment (fil-prinċipju kull sentejn), sabiex iżommu l-pass mal-aġġornamenti għall-istrumenti internazzjonali.

Ir-Regolament (UE) 2019/1243 5 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill emenda d-Direttiva biex jinbidel il-proċess li bih jiġu emendati l-annessi tagħha. Il-formulazzjoni emendata tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva taqra kif ġej:

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 8a li jemendaw l-Annessi sabiex jittieħed kont tal-emendi għall-ADR, RID u ADN, b’mod partikolari dawk relatati mal-progress xjentifiku u tekniku, inkluż l-użu ta’ teknoloġiji ta’ insegwiment u traċċar.

B’rabta ma’ din is-setgħa, skont l-Artikolu 8a(2) tad-Direttiva, il-Kummissjoni jeħtiġilha tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill dwar id-delega tas-setgħat mogħtija lilha mid-Direttiva, filwaqt li tiżgura t-trasparenza u r-responsabbiltà fl-eżerċizzju tas-setgħat delegati tagħha.

2.    EŻERĊITAR TAS-SETGĦA GĦALL-ADOZZJONI TA’ ATTI DELEGATI

2.1. Atti delegati adottati

Mid-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva fil-forma attwali tagħha, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 8 fi tliet okkażjonijiet, billi adottat id-Direttivi Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2020/1833 6 , (UE) 2022/2407 7 u (UE) 2025/149 8 . L-għan ta’ dawn id-Direttivi Delegati tal-Kummissjoni huwa li jaġġornaw l-annessi tad-Direttiva f’konformità mal-progress xjentifiku u tekniku, billi jqisu l-emendi għall-ADR, il-RID u l-ADN.

   2.2. Konsultazzjoni tal-Istati Membri

L-esperti tal-Istati Membri tal-UE kienu involuti fit-tħejjija tal-adozzjoni ta’ dawn id-Direttivi Delegati tal-Kummissjoni fi tliet stadji.

L-ewwel nett, bħala Partijiet Kontraenti u Stati Kontraenti għall-ADR, l-ADN u l-RID, l-Istati Membri kienu involuti fil-proċess tekniku tal-abbozzar, il-preżentazzjoni, id-dibattitu u l-votazzjoni fir-rigward tal-emendi għall-ftehimiet internazzjonali.

It-tieni, bħala membri tal-Kunsill tal-UE, l-Istati Membri ġew ikkonsultati dwar l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu l-pożizzjoni li għandha tittieħed dwar it-test finali tal-ADR, l-ADN u l-RID emendati li għandhom jiġu adottati mill-UNECE u mill-OTIF. Dan it-tieni stadju kien maħsub biex jikkonferma li l-emendi għall-ADR, l-ADN u l-RID kienu xierqa, bil-ħsieb li jiġu adottati fl-acquis tal-UE bħala annessi għad-Direttiva.

It-tielet, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 9 , il-Kummissjoni kkonsultat lill-esperti tal-Istati Membri maħtura fil-Grupp ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi dwar il-proposti tal-Kummissjoni biex temenda l-annessi tad-Direttiva billi tadotta d-Direttivi Delegati tal-Kummissjoni.

3.    KONKLUŻJONIJIET

Is-setgħat delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva x’aktarx li jerġgħu jintużaw: fi tmiem l-2026, se jkunu meħtieġa ħalli l-Kummissjoni tadotta direttiva delegata ġdida tal-Kummissjoni biex taġġorna l-annessi tad-Direttiva f’konformità mal-progress xjentifiku u tekniku. Dan se jallinja l-annessi mal-edizzjonijiet tal-2027 tal-ADR, l-ADN u l-RID.

F’konformità mal-Artikolu 8a(2) tad-Direttiva, il-Kummissjoni se terġa’ tħejji rapport dwar is-setgħat delegati qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin li jmiss.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

 Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13), ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/68/oj .

(2)

 It-test sħiħ huwa disponibbli fis- sit web tal-UNECE .

(3)

 It-test sħiħ huwa disponibbli fis- sit web tal-UNECE .

(4)

It-test sħiħ huwa disponibbli fis- sit web tal-OTIF ,

(5)

 Ir-Regolament (UE) 2019/1243 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jadatta għadd ta’ atti legali li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 241), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1243/oj .

(6)

 ĠU L 408, 4.12.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2020/1833/oj .

(7)

 ĠU L 317, 9.12.2022, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2022/2407/oj .

(8)

 ĠU L, 2025/149, 24.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2025/149/oj .

(9)

ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.